KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis-16 ta’ Lulju 2015 ( 1 )

Kawżi Magħquda C‑340/14 u C‑341/14

R. L. Trijber (C‑340/14)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Direttiva 2006/123/KE — Artikolu 2(2)(d) — Kunċett ta’ servizzi fil-qasam tat-trasport — Applikazzjoni tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123 f’sitwazzjonijiet purament interni — Artikolu 11(1)(b) — Perjodu ta’ awtorizzazzjoni”

J. Harmsen (C‑341/14)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

— Direttiva 2006/123/KE — Applikazzjoni tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123 f’sitwazzjonijiet purament interni — Artikolu 10(2)(ċ) — Kundizzjonijiet li jirregolaw l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet — Azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin

1. 

Dawn iż-żewġ kawżi li jirrigwardaw proċeduri bejn R. L. Trijber u l-College van burgemeester en wethouders van Amsterdam (il-Bord tas-Sindku u l-Membri Eletti ta’ Amsterdam, iktar ’il quddiem il-“Kulleġġ”) u J. Harmsen u l-Burgemeester van Amsterdam (is-Sindku ta’ Amsterdam) iqajmu għadd ta’ kwistjonijiet fundamentali relatati mal-portata tal-applikazzjoni kif ukoll rekwiżiti sostantivi fil-kapitolu dwar stabbiliment tad-Direttiva 2006/123/KE ( 2 ).

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

2.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/123 huwa intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni” u jipprovdi dan li ġej:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru.

2.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet:

[…]

(d)

is-servizzi fil-qasam tat-trasport inklużi servizzi tal-port, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu V tat-Trattat

[…]”

3.

Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123, intitolat “Definizzjonijiet”,

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

5)

“stabbiliment” tfisser is-segwitu effettiv ta’ attività ekonomika, kif imsemmi fl-Artikolu 43 tat-Trattat, mill-fornitur għal perjodu indefinit u permezz ta’ infrastruttura stabbli li [minnha] n-negozju ta’ provvista ta’ servizzi qiegħed tassew iseħħ;

[…]

8)

“ir-raġunijiet aktar importanti fir-rigward ta’ l-interess pubbliku” tfisser ir-raġunijiet rikonoxxuti bħala tali fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, inklużi dawn ir-raġunijiet li ġejjin: politika pubblika, sigurtà pubblika; saħħa pubblika; il-preservazzjoni tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali; il-protezzjoni tal-konsumatur; riċevituri ta’ servizzi u ħaddiema; l-ekwità fi transazzjonijiet kummerċjali; il-ġlieda kontra l-frodi; il-protezzjoni ta’ l-ambjent u ta’ l-ambjent urban; is-saħħa ta’ l-annimali; il-proprjetà intellettwali; il-konservazzjoni tal-wirt storiku u artistiku nazzjonali; l-objettivi tal-politika soċjali u l-objettivi tal-politika kulturali;

[…]”

4.

L-Artikolu 10 tad-Direttiva, li għandu bħala titolu “Kondizzjonijiet biex tingħata l-awtorizzazzjoni” għandu bħala kliem dan li ġej:

“1.   Skemi ta’ awtorizzazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq kriterji li jżommu lill-awtoritajiet kompetenti milli jeżerċitaw is-setgħa tagħhom ta’ evalwazzjoni b’mod arbitrarju.

2.   Il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu:

(a)

mhux-diskriminatorji;

(b)

iġġustifikati mir-raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

(ċ)

proporzjonati ma’ dak l-objettiv ta’ interess pubbliku;

(d)

ċari u mingħajr ambigwità;

(e)

oġġettivi;

(f)

magħmulin disponibbli għal pubbliku minn qabel;

(g)

trasparenti u aċċessibbli.

[…]”

5.

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/123 għandu bħala titolu “Perjodu ta’ awtorizzazzjoni” u jipprovdi dan li ġej:

“1.   Awtorizzazzjoni mogħtija lil fornitur m’għandhiex tkun għal perjodu limitat, ħlief fejn:

[…]

(b)

in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli hu limitat b’raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

[…]”

B – Id-dritt Olandiż

1. Servizzi

6.

Skont l-Artikolu 33(1)(b) u (c) tad-Dienstenwet (il-Liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar is-Servizzi), liġi li tittrasponi parzjalment id-Direttiva 2006/123, korp kompetenti jista’ jillimita l-perjodu ta’ validità ta’ awtorizzazzjoni li huwa jista’ jagħti għal perjodu indefinit biss meta l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli jkun limitat minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali jew meta perjodu ta’ awtorizzazzjoni limitat jista’ jkun iġġustifikat minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

2. Passaġġi fuq l-ilma interni

7.

Skont l-Artikolu 2.4.5(1) tal-Verordening op het binnenwater (Regolament dwar passaġġi fuq l-ilma interni) 2010, adottat mir-Raad van de gemeente Amsterdam (il-Kunsill tal-Belt tal-Muniċipalità ta’ Amsterdam), it-trasport ta’ merkanzija jew passiġġieri permezz ta’ bastimenti kummerċjali mingħajr, jew kontra, awtorizzazzjoni mill-Kulleġġ huwa pprojbit. Skont l-Artikolu 2.4.5(5) tal-istess regolament, fid-dawl tal-interessi rilevanti għal-limitazzjonijiet tal-għadd ta’ bastimenti tal-passiġġieri, il-Kulleġġ jista’ jirrifjuta l-awtorizzazzjoni. Skont l-Artikolu 2.3.1(2) ta’ dan ir-regolament, awtorizzazzjoni ta’ rmiġġ tista’ tiġi rrifjutata fl-interessi tal-benesseri ġenerali, l-ippjanar, is-sigurtà, l-ambjent u passaġġ tajjeb u sigur.

8.

Skont l-Artikolu 2.1(1) tal-politika stabbilita fir-Regeling passagiersvervoer te water Amsterdam (Regolament dwar trasport ta’ passiġġieri fuq l-ilma f’Amsterdam), kif kien japplika fiż-żmien tad-deċiżjoni kkontestata fil-proċeduri prinċipali, awtorizzazzjonijiet jingħataw permezz ta’ sensiela ta’ allokazzjonijiet. Skont l-Artikolu 2.1(3) ta’ din il-politika, applikazzjonijiet mibgħuta fi żmien meta ma jkunx hemm sensiela ta’ allokazzjonijiet fis-seħħ għandhom jiġu rrifjutati abbażi ta’ politika ta’ volumi. Skont l-Artikolu 2.1(4) tal-istess politika, il-Kulleġġ, b’deroga mill-ewwel paragrafu, jista’ jagħti awtorizzazzjoni li ma tkunx f’sensiela ta’ allokazzjonijiet għal inizjattiva speċifika b’objettivi ambjentali jew għal kunċett ta’ trasport innovattiv.

3. Prostituzzjoni

9.

Skont l-Artikolu 3.27(1) tal-Algemene plaatselijke verordening 2008 van Amsterdam (Regolament lokali ġenerali tal-2008 ta’ Amsterdam), huwa pprojbit li titħaddem dar ta’ prostituzzjoni mingħajr awtorizzazzjoni tas-Sindku. Skont l-Artikolu 3.30(2)(b), is-Sindku jista’ jirrifjuta li jagħti awtorizzazzjoni jekk, fl-opinjoni tiegħu, ma jkunx daqstant probabbli li l-operatur jew il-maniġer jikkonformaw ruħhom mal-obbligi msemmija fl-Artikolu 3.32.

10.

Skont l-Artikolu 3.32(1), l-operatur u l-maniġer ta’ dar ta’ prostituzzjoni għandhom jiżguraw li f’dik id-dar: (a) ma jsir ebda reat skont it-tifsira tal-Artikolu 273f tal-Wetboek van Strafrecht (il-Kodiċi Kriminali) fir-rigward ta’ prostituti; (b) jiġu impjegati biss prostituti li jinsabu fil-pussess ta’ permess ta’ residenza validu jew li għalihom l-operatur ikollu awtorizzazzjoni skont it-termini tal-Artikolu 3 tal-Wet arbeid vreemdelingen (Liġi dwar l-impjieg ta’ ċittadini barranin) u (c) il‑klijenti ma jistgħux jisfaw il-vittmi ta’ reati kriminali bħal ħtif, serq, frodi jew reati simili. Skont l-Artikolu 3.32(3), l-operatur ta’ dar ta’ prostituzzjoni offruta mill-vetrina għandu jiżgura li l-prostituti li jkunu jaħdmu fid-dar ta’ prostituzzjoni tiegħu ma jikkostitwixxux inkonvenjenza serja għall-viċinat, ma jiksrux id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2.12(4) u ma jiddisturbawx l-ordni pubbliku.

11.

L-Artikolu 273f tal-Kodiċi Kriminali jirregola b’mod iddettaljat il-prosekuzzjoni kriminali ta’ traffikar tal-bnedmin, li jġorr piena ta’ sentenza ta’ priġunerija sa tmien snin jew multa tal-ħames kategorija.

II – Fatti

A – Kawża C‑340/14, R. L. Trijber

12.

R. L. Trijber huwa sid ta’ dgħajsa li hija kurvetta miftuħa misjuqa b’mutur elettriku u hija tajba għat-trasport ta’ gruppi żgħar ta’ mhux iktar minn 34 persuna. Huwa applika għal awtorizzazzjoni ta’ operat ta’ dik id-dgħajsa għat-trasport ta’ passiġġieri fuq l-ilma. Huwa jixtieq juża d-dgħajsa tiegħu sabiex iġorr passiġġieri, bi ħlas, għal dawra ma’ Amsterdam f’passaġġi fuq l-ilma interni, pereżempju, għal ħarġiet korporattivi jew għal ċelebrazzjoni festiva.

13.

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Novembru 2011, il-Kulleġġ irrifjuta li jagħti awtorizzazzjoni ta’ operat. Il-Kulleġġ ibbaża dak ir-rifjut fuq il-politika tiegħu kif stabbilita fl-Artikolu 2.1 tar-Regolament dwar trasport ta’ passiġġieri fuq l-ilma f’Amsterdam minħabba li R. L. Trijber kien għamel l-applikazzjoni fi żmien fejn ma kienx hemm sejħa għal applikazzjonijiet u minħabba li, skont il-Kulleġġ, id-dgħajsa tiegħu ma kinitx tikkostitwixxi inizjattiva speċjali u li l-kunċett ta’ trasport tiegħu ma kienx innovattiv.

14.

Il-Kulleġġ ikkonferma dan ir-rifjut permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ April 2012.

15.

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Diċembru 2012, ir-Rechtbank Amsterdam iddikjara l-appell ippreżentat minn R. L. Trijber kontra din id-deċiżjoni bħala infondat.

16.

Sussegwentement, R. L. Trijber ippreżenta appell kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-Raad van State, billi sostna li l-politika segwita mill-Kulleġġ ma kinitx konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123.

B – Kawża C‑341/14, J. Harmsen

17.

J. Harmsen jopera dar ta’ prostituzzjoni offruta mill-vetrina f’Amsterdam. Kien applika għal awtorizzazzjonijiet mingħand is-Sindku sabiex jopera żewġ djar oħra ta’ prostituzzjoni offruta mill-vetrina. Fil-pjan ta’ operat korrispondenti li kien sottomess bħala parti minn din l-applikazzjoni, huwa ddikjara li ma kienx ser jikri kmamar lil prostituti li magħhom ma kienx jista’ jikkomunika bl-Ingliż, bl-Olandiż jew b’kull lingwa oħra li huwa kien jifhem.

18.

Is-Sindku rrifjuta li jagħti awtorizzazzjoni ta’ operat bħal dan permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Lulju 2011. Huwa bbaża dak ir-rifjut fuq ġrajjiet deskritti f’disa’ rapporti dwar dak li uffiċjali superviżuri tal-Belt ta’ Amsterdam kienu sabu, u f’żewġ reġistrazzjonijiet ta’ dak li kien instab miġbur mill-pulizija. Dawk il-ġrajjiet kollha kienu jirrigwardaw l-operat eżistenti ta’ J. Harmsen ta’ dar ta’ prostituzzjoni offruta mill-vetrina. Għalhekk, skont is-Sindku, kuntrarjament għal dak li kien ġie ddikjarat minn J. Harmsen fil-pjan ta’ operat li huwa kien issottometta, J. Harmsen kien jikri kmamar f’xifts lil prostituti mill-Ungerija u mill-Bulgarija li, matul il-proċedura għal dħul ta’ immigranti, ma setgħux jikkomunikaw bl-Ingliż, bl-Olandiż jew b’xi lingwa oħra li J. Harmsen kien jifhem.

19.

Is-Sindku jikkontendi li mir-rapporti u mir-reġistrazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li d-dar ta’ prostituzzjoni offruta mill-vetrina mmexxija minn J. Harmsen ma kinitx tmexxiet b’mod li jkun hemm prevenzjoni mill-abbuż. Għal din ir-raġuni s-Sindku ma huwiex fiduċjuż li J. Harmsen jintroduċi biżżejjed salvagwardji fir-rigward taż-żewġ djar ta’ prostituzzjoni li huwa jipprospetta sabiex jiżgura li ma jseħħ ebda reat fir-rigward tal-prostituti li jistgħu jaħdmu hemmhekk. Is-Sindku huwa tal-fehma li, għalhekk, wisq probabbilment J. Harmsen ma huwiex ser jikkonforma ruħu mal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 3.32(1)(a) tar-Regolament lokali ġenerali ta’ Amsterdam tal-2008.

20.

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Diċembru 2011, is-Sindku laqa’ f’appell ir-rifjut tal-awtorizzazzjonijiet ta’ operat mitluba.

21.

J. Harmsen appella minn din id-deċiżjoni quddiem ir-Rechtbank Amsterdam li, permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Lulju 2012, iddikjara l-appell bħala infondat.

22.

J. Harmsen ippreżenta appell għal dik id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

III – Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.

Permezz ta’ digrieti tad‑9 ta’ Lulju 2014, li waslu fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Lulju 2014, ir-Raad van State iddeċieda li jissospendi l-proċeduri fiż-żewġ kawżi u li jirrinvija d-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari.

A – Kawża C‑340/14, R. L. Trijber

“(1)

It-trasport ta’ passiġġieri, f’dgħajsa miftuħa, fil-passaġġi fuq l-ilma interni ta’ Amsterdam, prinċipalment bil-għan li tiġi [offruta], bi ħlas, dawra bid-dgħajsa u l-kiri [ta’ din tal-aħħar] għal riċevimenti, bħalma huwa l-każ f’din il-kawża, huwa servizz li għalih huma applikabbli d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [2006/123], fid-dawl tal-esklużjoni prevista mill-parti introduttorja u mill-punt (d) tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2006/123/KE [...] għas-servizzi fil-qasam tat-trasport?

(2)

Jekk id-domanda 1 tingħata risposta affermattiva: Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123/KE […] japplika għal sitwazzjonijiet purament interni, [u] fl-evalwazzjoni tad-domanda jekk dan il-kapitolu huwiex applikabbli, tapplika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi f’sitwazzjonijiet purament interni?

(3)

Jekk ir-risposta għad-domanda 2 tkun li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi f’sitwazzjoni purament interna hija applikabbli fl-evalwazzjoni tad-domanda jekk il-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123/KE […] huwiex applikabbli:

(a)

il-qorti nazzjonali għandha tapplika d-dispożizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123/KE […] f’sitwazzjoni bħal dik ta’ din il-kawża, li fiha l-fornitur ma stabbilixxiex ruħu fuq bażi transkonfinali, u lanqas ma joffri servizzi transkonfinali, iżda madankollu jinvoka dawn id-dispożizzjonijiet?

(b)

huwa rilevanti għar-risposta għal din id-domanda l-fatt li, kif inhu mistenni li se jiġri, is-servizzi se jiġu pprovduti prinċipalment lil residenti tal-Pajjiżi l-Baxxi?

(c)

sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi stabbilit jekk impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra kinux, jew humiex se jkunu, realment interessati li jipprovdu l-istess servizzi jew servizzi simili?

(4)

Il-konsegwenza tal-parti introduttorja u tal-punt (b) tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2006/123/KE […] hija li, jekk in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet ikun limitat għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, il-perijodu ta’ validità tal-awtorizzazzjonijiet għandu wkoll ikun limitat, anki fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2006/123/KE […] li jitwettaq l-aċċess liberu għas-suq tas-servizzi, jew dan jaqa’ taħt id-diskrezzjoni tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru? ”

B – Kawża C‑341/14, J. Harmsen

“(1)

Il-Kapitolu III tad-Direttiva [2006/123] japplika għal sitwazzjonijiet purament interni, [u] fl-evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk dan il-kapitolu huwiex applikabbli, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment u dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi f’sitwazzjonijiet purament interni hija applikabbli?

(2)

Jekk ir-risposta għad-domanda 1 tkun li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment u dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi f’sitwazzjoni purament interna hija applikabbli fl-evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk il-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123/KE [...] huwiex applikabbli:

(a)

il-qorti nazzjonali għandha tapplika d-dispożizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123/KE [...] f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, fejn il-fornitur ma stabbilixxiex ruħu b’mod transkonfinali, u lanqas ma joffri servizzi transkonfinali, iżda madankollu jinvoka dawn id-dispożizzjonijiet?

(b)

huwa rilevanti għar-risposta għal din id-domanda li l-fornitur jipprovdi servizzi prinċipalment lil prostituti ta’ Stati Membri li ma humiex il-Pajjiżi l-Baxxi, li jaħdmu għal rashom?

(c)

għar-risposta għal din id-domanda, għandu jiġi stabbilit jekk impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra kinux, jew humiex ser ikunu, verament interessati fl-istabbiliment ta’ dar minn fejn il-prostituzzjoni tiġi offruta minn wara l-vetrina f’Amsterdam?

(3)

Sa fejn il-fornitur jista’ jinvoka d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123/KE [...], il-parti introduttorja tal-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 10(2)(ċ) tal-imsemmija direttiva jipprekludu miżura, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, li permezz tagħha huwa permess li operatur ta’ djar minn fejn il-prostituzzjoni tiġi offruta minn wara l-vetrina jikri kmamar għal partijiet mill-ġurnata biss lil prostituti li jistgħu jinftiehmu mill-operatur, b’lingwa li dan jista’ jifhem?”

24.

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2014, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja għaqqad iż-żewġ kawżi.

25.

Ir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub, kif għamlu l-gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni.

IV – Analiżi

A – Domanda 1 fil-Kawża C‑340/14: Applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123 “ratione materiae ” – il-kunċett ta ’ trasport

26.

L-ewwel domanda fil-Kawża C‑340/14 hija dwar jekk id-Direttiva 2006/123 hijiex applikabbli ratione materiae. Is-suġġett ta’ din id-domanda huwa dwar jekk attività bħalma huwa t-trasport ta’ passiġġieri b’kurvetta miftuħa fil-passaġġi fuq l-ilma interni ta’ Amsterdam, bil-għan ewlieni li jiġu pprovduti, bi ħlas, dawriet u kiri ta’ dgħajjes għal okkażjonijiet festivi, tikkostitwixxix “servizz fil-qasam tat-trasport” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123 ( 3 ). Li kieku dan kellu jkun il-każ, din l-attività taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika tat-trasport skont it-Trattat FUE ( 4 ).

27.

Ir-raġuni għalfejn servizzi fil-qasam tat-trasport huma suġġetti għal dispożizzjoni separata fit-Trattat FUE hija li servizzi bħal dawn huma tradizzjonalment irregolati b’mod iktar sfieq ( 5 ). Il-konsegwenza legali tal-Artikolu 58(1) TFUE u tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123 hija li ma hemmx effett dirett ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattat jew ta’ liġi sekondarja dwar servizzi fir-rigward tal-qasam tat-trasport ( 6 ). Din hija konsegwenza legali b’portata wiesgħa, peress li ċċaħħad operaturi ekonomiċi mid-dritt li jinvokaw l-Artikolu 56 TFUE et seq. u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123 quddiem qrati nazzjonali. Applikazzjoni tal-prinċipji li jirregolaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandha, għalhekk, tinkiseb skont it-Trattat FUE, billi tiġi introdotta politika komuni għat-trasport ( 7 ). Madankollu, dan ma jipprekludix applikazzjoni (diretta) tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar stabbiliment ( 8 ).

28.

F’dan l-isfond, it-Titolu VI tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, minflok ma huwa eċċezzjoni klassika għar-regoli ġenerali dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jikkostitwixxi sett ta’ leges speciales għar-regoli ġenerali dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ( 9 ). Sa fejn jirrigwarda r-relazzjoni bejn il-libertà li jiġu pprovduti servizzi b’mod ġenerali u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport, naqbel, għalhekk, mal-Avukat Ġenerali Wahl, li skontu “ikun problematiku jekk wieħed jasal tant li jinterpreta t-Titolu VI TFUE — anki meta jitqies l-Artikolu 58(1) TFUE — bħala ‘eċċezzjoni’ għar-regoli dwar il-libertà ta’ moviment li għandha, għaldaqstant, tiġi interpretata b’mod ristrettiv” ( 10 ).

29.

La l-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas il-leġiżlatura tal-Unjoni ma jidhru li taw definizzjoni ġenerali u li tinkludi kollox tat-terminu “trasport”.

1. Ġarr ta’ nies jew merkanzija minn punt A sa punt B

30.

Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ terminu għandhom ikunu ddeterminati billi titqies it-tifsira abitwali tiegħu fil-lingwaġġ kurrenti, filwaqt li jitqies il-kuntest li fih jintuża u l-finijiet tar-regoli li tagħhom jagħmel parti ( 11 ).

31.

It-terminu “trasport” ġej mil-Latin u, litteralment, ifisser “ġab/ġarr minn post għal ieħor/lil hinn/għan-naħa l-oħra” ( 12 ). Fl-istess vena, il-letteratura legali tisħaq li kriterju determinanti huwa nies (jew merkanzija) li jinġiebu minn post A għal post B ( 13 ). Barra minn hekk, skont il-premessa 21 tad-Direttiva, servizzi ta’ trasport, inklużi trasport urban, taxis u ambulanzi, kif ukoll servizzi tal-port, għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. L-eżempji kollha msemmija fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandhom komuni l-ġarr ta’ nies jew merkanzija minn punt A sa punt B.

32.

Li kieku wieħed kellu jqis biss dawn l-elementi, l-attività ta’ R. L. Trijber ma tkunx tikkostitwixxi servizz fil-qasam tat-trasport, minħabba li l-bidu u t-tmiem tal-vjaġġ fuq id-dgħajsa jkun ta’ sikwit l-istess.

33.

Madankollu, il-kriterju għall-ġarr minn punt A sa punt B forsi ma għandux jiġi applikat b’mod restrittiv wisq. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kienet qieset li kruċiera li tibda u tispiċċa, bl-istess passiġġieri, fl-istess port tal-Istat Membru li fih titwettaq, hija koperta bit-terminu “kabotaġġ marittimu” skont it-tifsira tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92 ( 14 ). Dan ifisser li servizz bħal mingħajr dubju jaqa’ taħt il-politika tat-trasport tal-Unjoni.

34.

Għalhekk ninferixxi minn dan ta’ hawn fuq li l-ġarr ta’ nies jew merkanzija minn punt A sa punt B ma jistax ħlief jikkostitwixxi indikazzjoni dwar jekk ninsabux wiċċ imb’wiċċ ma’ servizz fil-qasam tat-trasport.

2. Għan ewlieni tal-attività

35.

Il-premessa 33 tad-Direttiva tgħid li servizzi koperti mid-Direttiva huma servizzi bħal kiri ta’ karozzi, aġenziji tal-ivvjaġġar u servizzi għal konsumatur fil-qasam tat-turiżmu, inklużi gwidi tat-turisti.

36.

Skont il-“Manwal dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi” tal-Kummissjoni ( 15 ), li ma huwiex vinkolanti iżda madankollu illustrattiv ( 16 ), l-esklużjoni fl-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva “ma tkoprix servizzi li ma humiex servizzi ta’ trasport bħala tali, bħal servizzi ta’ skejjel tas-sewqan, servizzi ta’ ġarr, servizzi ta’ kiri ta’ karozzi, servizzi għal funerali jew fotografija mill-ajru” ( 17 ). Lanqas ma tkopri “attivitajiet kummerċjali f’portijiet jew f’ajruporti bħal ħwienet jew restoranti” ( 18 ).

37.

L-eżempji kollha li għadhom kif ġew iċċitati jistgħu jidhru li huma ta’ natura każwali. Madankollu hemm ħaġa waħda li tista’, fl-opinjoni tiegħi, tinsilet f’kull każ: meta l-għan ewlieni tal-attività ma jkunx il-ġarr fiżiku ta’ merkanzija jew nies iżda affarijiet oħra bħal dawk ta’ divertiment jew kiri, wieħed ma jistax jitkellem dwar servizzi fil-qasam tat-trasport.

38.

Bħala eżempju, l-għan ewlieni ta’ servizzi ta’ skejjel tas-sewqan huwa li r-riċevitur jitgħallem isuq u mhux li jinġarr. L-għan ta’ servizz ta’ fotografija mill-ajru huwa, kif jimplika l-isem, il-fotografija. L-element essenzjali ta’ servizzi ta’ kiri ta’ karozzi huwa l-kiri. L-għan primarju ta’ dawra ggwidata huwa li wieħed jitgħallem xi ħaġa dwar ċertu post jew żona, mhux li jinġarr.

39.

L-istess miżura għandha tiġi applikata għal din il-kawża: l-għan ewlieni tas-servizz offrut minn R. L. Trijber huwa t-trasport minn naħa għal oħra tal-kanali ta’ Amsterdam jew pjuttost divertiment fuq dgħajsa li tinkera? Abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, jidhirli li dan tal-aħħar huwa l-każ.

3. Distinzjoni minn Neukirchinger

40.

Fl-aħħar nett, jista’ jidher attraenti li wieħed jinferixxi minn Neukirchinger ( 19 ) li l-kawża ta’ llum hija dwar servizzi fil-qasam tat-trasport, kif jissuġġerixxi l-gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi. F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ trasport bl-ajru skont it-tifsira ta’ dak li llum huwa l-Artikolu 100(2) TFUE ( 20 ) għandu jinftiehem fis-sens li jinkludi għamla ta’ trasport li jikkonsisti fil-ġarr bl-ajru ta’ passiġġieri b’mongolfjiera għal għanijiet kummerċjali ( 21 ). Wieħed jista’ jitħajjar jipparaguna vjaġġ f’mongolfjiera, li, wieħed jista’ jargumenta, isir għal għanijiet rikreattivi, ma’ dak f’dgħajsa bħal dik ta’ R. L. Trijber.

41.

Madankollu, il-parir tiegħi lill-Qorti tal-Ġustizzja huwa li għandha teżerċita l-kawtela fir-rigward ta’ dan ir-raġunament, anki jekk jista’ jidher attraenti. Wieħed għandu jiddistingwi din il-kawża minn Neukirchinger, peress li din tal-aħħar kellha żewġ partikolaritajiet, li ma humiex fil-kawża inkwistjoni. L-ewwel nett, il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata f’Chicago fis‑7 ta’ Diċembru 1944 ( 22 ) tapplika wkoll għall-mongolfjieri. It-tieni nett, fir-rigward tal-ġarr bl-ajru ta’ passiġġieri f’mongolfjiera għal għanijiet kummerċjali, dik li qabel kienet il-leġiżlatura Komunitarja kienet diġà adottat diversi miżuri abbażi ta’ dak li llum huwa l-Artikolu 100(2) TFUE ( 23 ). Fi kliem ieħor, f’Neukirchinger, kemm id-dritt internazzjonali, kif ukoll il-leġiżlatura Komunitarja qiesu li l-ġarr f’mongolfjiera jikkostitwixxi trasport. Dan ma jistax jingħad għall-kawża inkwistjoni.

42.

Hemm kunsiderazzjoni oħra, iktar ġenerali li twassalni sabiex nemmen li din il-kawża għandha tiġi distinta minn Neukirchinger. Fil-każ ta’ titjira f’mongolfjiera, hija preċiżament l-esperjenza tat-titjira li l-passiġġier ifittex. Fil-każ ta’ dawra tul il-kanali f’kurvetta miftuħa bħal dik ta’ R. L. Trijber, l-esperjenza tad-dawra jidhirli li tinsab wisq iktar fl-isfond tal-għan ġenerali ta’ divertiment.

43.

Għalhekk nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda 1 fil-Kawża C‑340/14 għandha tkun li attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tikkonsisti fit-trasport ta’ passiġġieri f’kurvetta miftuħa fil-passaġġi fuq l-ilma interni ta’ Amsterdam, bil-għan ewlieni li jiġu pprovduti, bi ħlas, dawriet u kiri ta’ dgħajjes għal okkażjonijiet festivi ma tikkostitwixxix “servizz fil-qasam tat-trasport” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123.

B – Domandi 2 u 3 fil-Kawża C‑340/14 u domandi 1 u 2 fil-Kawża C‑341/14: Applikabbiltà tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123 ratione loci – Sitwazzjonijiet purament interni

44.

Is-suġġett tad-domandi 2 u 3 fil-Kawża C‑340/14 u tad-domandi 1 u 2 fil-Kawża C‑341/14, li lkoll għandhom jiġu eżaminati flimkien huwa jekk il-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123, intitolat “Libertà għall-istabbiliment ta’ fornituri” japplikax għal sitwazzjonijiet mingħajr element transkonfinali. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk tistax tapplika d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva għall-kawżi inkwistjoni.

45.

B’riferiment għall-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kawżi inkwistjoni huma rregolati mir-regoli dwar stabbiliment pjuttost milli minn dawk dwar servizzi. Dan jidher għalija wkoll li huwa l-punt tat-tluq it-tajjeb: hija ġurisprudenza stabbilita li l-għoti ta’ servizzi hija distinta minn stabbiliment l-ewwel u qabel kollox mill-istabbiltà u mill-kontinwità tal-attività inkwistjoni, kuntrarjament għal attività ta’ natura temporanja ( 24 ). Dan huwa kkonfermat ukoll mill-premessa 77 tad-Direttiva ( 25 ).

46.

Fiż-żewġ kawżi inkwistjoni, kemm R. L. Trijber kif ukoll J. Harmsen għandhom f’moħħhom li l-attivitajiet tagħhom jitmexxew b’mod stabbli u kontinwu. Ikun xieraq, għalhekk, li jiġu eżaminati fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment.

47.

Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tagħti risposta għad-domanda billi tagħmel riferiment għall-ġurisprudenza standard tagħha dwar il-portata tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew l-ammissibbiltà fil-kuntest ta’ sitwazzjonijiet purament interni ( 26 ), sa fejn din il-ġurisprudenza tieħu bħala l-premessa tagħha l-fatt li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-erba’ libertajiet jirregolaw sitwazzjonijiet transkonfinali biss. Risposta li tagħmel riferiment għal din il-ġurisprudenza tammonta, għalhekk, għal għoti ta’ risposta fin-negattiv fis-sens li l-Kapitolu III tad-Direttiva ma japplikax għal sitwazzjonijiet purament interni – mingħajr ma d-domandi jiġu diskussi.

48.

Fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma għandha “tirrispondi” d-domandi billi tistieden lill-qorti nazzjonali tipprova tidentifika elementi transkonfinali li jista’ jkun hemm fiż-żewġ kawżi ( 27 ), peress li dan, ukoll, ikun jammonta għal nuqqas ta’ għoti ta’ risposta għad-domandi hekk magħmula mill-qorti tar-rinviju.

49.

Minflok, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domandi hekk kif isiru, b’mod partikolari jekk il-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123 japplikax f’sitwazzjonijiet li jikkostitwixxu sitwazzjonijiet purament interni. Nissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja li jixraq li tingħata risposta għad-domandi, u dan għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, skont ġurisprudenza stabbilita, domandi preliminari jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza, jiġifieri, sakemm ma jkunx jista’ jintwera li, pereżempju, huma ipotetiċi, għandha tingħatalhom risposta ( 28 ). It-tieni nett, id-Direttiva 2006/123, peress li relattivament għad ma għandhiex ħafna żmien u l-kwistjoni hija dibattuta b’mod jaħraq, inqis li hemm interess li l-Qorti tal-Ġustizzja titfa’ dawl fuq din il-kwistjoni.

50.

Kontra li l-Kapitolu III tad-Direttiva jkun applikabbli għal sitwazzjonijiet purament interni, wieħed jista’ jargumenta li att ta’ liġi sekondarja ma jistax imur lil hinn mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat, fis-sens li jekk dawn tal-aħħar japplikaw (biss) għal sitwazzjonijiet transkonfinali, l-istess għandu jgħodd għal tal-ewwel ( 29 ). Wieħed jista’ wkoll jipprova jistabbilixxi differenza bejn “koordinazzjoni” ( 30 ), “approssimazzjoni” ( 31 ) u “armonizzazzjoni” ( 32 ).

51.

Ma ninsabx konvint b’linja ta’ argument bħal din u għandi iktar simpatija għall-fehma opposta, li skontha l-Kapitolu III tad-Direttiva japplika wkoll għal sitwazzjonijiet purament interni.

52.

L-ewwel nett, jidhirli li huwa odjuż li wieħed jistabbilixxi differenza bejn il-kliem “koordinazzjoni”, “approssimazzjoni” u “armonizzazzjoni”. Kif nifhimha jiena, dawn il-kelmiet jintużaw b’mod interkambjabbli. Ta’ min jiftakar f’dan il-kuntest li l-kelma “armonizzazzjoni” intużat fit-Trattat ta’ Ruma darba waħda biss ( 33 ), qabel ma bil-mod il-mod bdiet tintuża fit-Trattat FUE kollu.

53.

It-tieni nett, ħadd ma jiċħad li, bħala prinċipju, l-armonizzazzjoni fil-qasam tas-suq intern tista’ tkopri sitwazzjonijiet li ma humiex koperti mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-imgħoddi, ma rat l-ebda problema tiddikjara dan espliċitament ( 34 ). Dan ukoll huwa enfasizzat fil-letteratura legali, fejn huwa ddikjarat li l-armonizzazzjoni ta’ standards ta’ prodotti u servizzi, bil-għan li jinkiseb il-moviment liberu tagħhom, tapplika fl-Unjoni kollha, mingħajr distinzjoni bejn prodotti u servizzi esportati u dawk mibjugħa internament ( 35 ).

54.

It-tielet nett, il-manwal tal-Kummissjoni jagħti iktar kjarifika: skontu l-kapitolu dwar stabbiliment ikopri kemm is-sitwazzjoni fejn fornitur ta’ servizzi jfittex li jistabbilixxi lilu nnifsu fi Stat Membru ieħor u s-sitwazzjoni fejn fornitur ifittex li jistabbilixxi lilu nnifsu fl-Istat Membru tiegħu stess ( 36 ).

55.

Ir-raba’ nett, interpretazzjoni testwali u sistemika tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ssostni l-approċċ tiegħi. L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva, bit-titolu “Kamp ta’ applikazzjoni” jgħid li d-Direttiva tapplika “għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi ( 37 ) Stat Membru”. Ma tissemma ebda attività transkonfinali. F’vena simili d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123, u partikolarment l-Artikolu 9(1) tagħha, ma jagħmlu ebda riferiment għal attività transkonfinali – b’kuntrast mal-Kapitolu IV tad-Direttiva u partikolarment mal-Artikolu 16(1) tagħha ( 38 ).

56.

Il-ħames nett, tista’ tinstab kjarifika jekk wieħed jara l-proċedura leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva. Hawnhekk kienu tressqu diversi proposti għal emendi fil-Parlament Ewropew bil-għan li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/123 jiġi redatt mill-ġdid sabiex dik id-dispożizzjoni tkun limitata għal sitwazzjonijiet transkonfinali: żewġ proposti fil-Kumitat tal-Parlament għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (IMCO) ( 39 ) u waħda mill-Kumitat tal-Parlament għall-Affarijiet Legali ( 40 ). L-ebda waħda mill-emendi ma ġiet aċċettata, li jindika li l-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123 għandu japplika wkoll f’sitwazzjonijiet interni ( 41 ).

57.

Għalhekk nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi 2 u 3 fil-Kawża C‑340/14 u għad-domandi 1 u 2 fil-Kawża C‑341/14 tkun fis-sens li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123 huma applikabbli għal sitwazzjonijiet bħal dawk fil-proċeduri prinċipali, jiġifieri t-trasport ta’ passiġġieri f’kurvetta miftuħa fil-passaġġi fuq l-ilma interni ta’ Amsterdam, bil-għan ewlieni li jiġu pprovduti, bi ħlas, dawriet u kiri ta’ dgħajjes għal okkażjonijiet festivi u l-kiri ta’ kmamar f’xifts lil prostituti fil-kuntest ta’ dar ta’ prostituzzjoni offruta mill-vetrina, irrispettivament minn jekk il-fatturi kollha jkunux jinsabu fi Stat Membru wieħed.

C – Domanda 4 fil-Kawża C‑340/14 u domanda 3 fil-Kawża C‑341/14 – Ġustifikazzjoni ta ’ restrizzjonijiet?

58.

Id-domanda 4 fil-Kawża C‑340/14 u d-domanda 3 fil-Kawża C‑341/14 huma dwar ġustifikazzjonijiet li jista’ jkun hemm għal restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment ta’ R. L. Trijber u J. Harmsen rispettivament.

1. Kawża C‑340/14: interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2006/123

59.

Bis-saħħa tal-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2006/123, awtorizzazzjoni mogħtija lil fornitur tista’ tkun għal perjodu limitat biss fejn in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli jkun limitat minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Essenzjalment il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandhiex diskrezzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu.

60.

Ir-risposta hija “le”.

61.

Bis-saħħa tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123, “skema ta’ awtorizzazzjoni” tfisser kull proċedura li skontha fornitur jew riċevitur effettivament ikun jeħtiġilhom jieħdu passi sabiex jiksbu mingħand awtorità kompetenti deċiżjoni formali, jew deċiżjoni impliċita, dwar aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha.

62.

Ma hemmx dubju li r-regolamenti lokali ta’ Amsterdam jikkostitwixxu skema bħal din. L-effett ta’ dan ipso facto jikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment ta’ R. L. Trijber.

63.

Madankollu, skema bħal din għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9 et seq. tad-Direttiva. B’mod partikolari, skema bħal din tista’ tintuża biss jekk ma tkunx diskriminatorja, iġġustifikata b’raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u proporzjonata għal dak l-għan ta’ interess ġenerali.

64.

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jsiru r-rimarki li ġejjin.

65.

L-ewwel nett, il-qorti nazzjonali għandha tistabbilixxi jekk jingħatax għadd suffiċjenti ta’ awtorizzazzjonijiet. Jekk, pereżempju, l-għadd ikun baxx, allura, ċertament ma ninsabux fil-preżenza ta’ miżura proporzjonata.

66.

It-tieni nett, malli l-qorti nazzjonali tkun stabbilixxiet li skema ta’ awtorizzazzjoni tkun, bħala prinċipju, iġġustifikata, it-terminu ta’ żmien tal-awtorizzazzjoni għandu jkun limitat. Għalhekk skont l-Artikolu 11(1), bħala regola, awtorizzazzjoni ma tistax tkun limitata ratione temporis. Hemm eċċezzjonijiet għal dan, bħall-punt (b), li skontu l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet ikun limitat għal raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. F’sitwazzjoni bħal din, loġikament, awtorizzazzjoni tista’ tingħata biss għal perjodu limitat.

67.

Ma nara ebda possibbiltà għal diskrezzjoni min-naħa tal-Istati Membri fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu.

68.

Fi kliem ieħor: kif nifhem l-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2006/123, malli l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli jkun limitat għal raġuni imperattiva ta’ interess ġeneralil-awtorizzazzjoni mogħtija għandha tkun għal perjodu limitat. Kull interpretazzjoni oħra tmur kontra l-għan tal-Artikolu 11 li huwa, kif il-Kummissjoni sewwa tinnota fl-osservazzjonijiet tagħha, li jiggarantixxi l-aċċess ta’ fornituri ta’ servizzi għas-suq inkwistjoni.

69.

Fl-aħħar nett, nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-fatt li l-istess riżultat jinkiseb b’applikazzjoni tal-Artikolu 12(1) u (2): fejn l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli huwa limitat minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi naturali, awtorizzazzjonijiet mogħtija fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ għażla imparzjali u trasparenti għandhom jingħataw għal perjodu limitat xieraq.

70.

Għalhekk ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din id-domanda għandha tkun fis-sens li l-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2006/123 għandu jinftiehem li jfisser li malli Stat Membru jqis li l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli għandu jkun limitat għal raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, kull awtorizzazzjoni individwali għandha tkun limitata ratione temporis.

2. Kawża C‑341/14, J. Harmsen: interpretazzjoni tal-Artikolu 10(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/123

71.

Hekk kif tikkunsidra korrettament il-qorti tar-rinviju, il-miżuri inkwistjoni mingħajr dubju jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment. Għal darba oħra, il-miżuri inkwistjoni huma suġġetti għall-Artikolu 9 et seq. tad-Direttiva 2006/123.

72.

Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 10(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/123 jipprekludix miżura bħal dik inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali li biha operatur ta’ dar ta’ prostituzzjoni offruta mill-vetrina jitħalla jikri kmamar biss lil prostituti li jkunu jistgħu jinftiehmu mill-operatur f’lingwa li huwa jifhem.

73.

Skont l-Artikolu 10(2)(a) tad-Direttiva 2006/123, il-miżuri inkwistjoni ma jistgħux ikunu diskriminatorji. Li kieku l-miżuri kellhom ikunu diskriminatorji bbażati direttament jew indirettament fuq in-nazzjonalità, huma ma jkunux jistgħu jagħmlu parti minn skema ta’ awtorizzazzjoni u ma jkunu jistgħu jiġu ġġustifikati f’ebda ċirkustanza ( 42 ). F’każ bħal dan, wieħed, għalhekk, ma jkollux jipproċedi għall-identifikazzjoni ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u jwettaq test ta’ proporzjonalità. Madankollu jidhirli li l-miżuri inkwistjoni f’din il-kawża ma jikkostitwixxux diskriminazzjoni kontra J. Harmsen ( 43 ). Ngħid ukoll li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk l-iskema ta’ awtorizzazzjoni f’din il-kawża tiddiskriminax kontra J. Harmsen.

74.

Barra minn hekk, l-iskema għandha tiġi iġġustifikata b’raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (Artikolu 10(2)(b) tad-Direttiva 2006/123).

75.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssostni l-interess tal-prevenzjoni ta’ reati stabbilit fl-Artikolu 273f tal-Kodiċi Kriminali, jiġifieri r-reat tat-traffikar tal-bnedmin. L-għan huwa l-protezzjoni tal-prostituti u sabiex vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jew minuri ma jitħallewx jaħdmu fil-prostituzzjoni.

76.

Raġuni bħal din tista’, fil-fehma tiegħi, bħala prinċipju, tiġi invokata mill-belt ta’ Amsterdam sabiex tiġġustifika r-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment permezz tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni. Hija tista’, għalhekk, tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

77.

Il-qasam inkwistjoni jista’ jissejjaħ bħala qasam sensittiv għad-drittijiet fundamentali. Il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu hija politika segwita f’livell internazzjonali u tal-Unjoni. Il-Pajjiżi l-Baxxi ffirmaw u rratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin ( 44 ) u l-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Kastigar tat-Traffikar ta’ Persuni, speċjalment ta’ Nisa u Tfal, li jissupplementa l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali ( 45 ) u huma marbuta permezz tad-Direttiva 2011/36/UE ( 46 ). Dawn l-istrumenti kollha jfittxu li jiġġieldu t-traffikar tal-bnedmin u għandhom obbligi għall-Istati Membri (rispettivi) ( 47 ). Barra minn hekk, fir-rigward tal-KEDB, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) qieset li t-traffikar tal-bnedmin skont it-tifsira tal-Artikolu 3(a) tal-Protokoll ta’ Palermo u tal-Artikolu 4(a) tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4 tal-KEDB ( 48 ). Minbarra dan, skont il-QEDB, mill-Artikolu 4 tal-KEDB jirriżulta li l-Istati għandhom obbligi pożittivi sabiex jadottaw dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali li jiffissaw pieni għall-prattika msemmija f’dan l-artikolu u li jinfurzawhom ( 49 ) u sabiex jipproteġu b’mod effettiv il-vittmi tal-atti pprojbiti minn dan l-artikolu ( 50 ). Għandu jingħad ukoll li dan l-artikolu jimplika obbligu proċedurali li ssir investigazzjoni fejn ikun hemm suspett raġonevoli li drittijiet ta’ individwu skont dan l-artikolu jkunu nkisru ( 51 ).

78.

L-Artikolu 273f tal-Kodiċi Kriminali kien emendat fis-snin reċenti, partikolarment sabiex jiġi allinjat mal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa u sabiex tiġi trasposta d-Direttiva 2011/36. Fil-ġlieda tagħhom kontra t-traffikar tal-bnedmin, il-Pajjiżi l-Baxxi saħqu fuq miżuri fuq livell muniċipali. Huma qalgħu tifħir għal approċċ bħal dan mill-korp ta’ monitoraġġ rilevanti tal-Kunsill tal-Ewropa ( 52 ).

79.

Skont l-Artikolu 10(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/123, l-iskema għandha wkoll tkun proporzjonata mal-għan ta’ interess ġenerali li għadu kif issemma ( 53 ).

80.

Qabel ma neżamina l-proporzjonalità tal-miżura fil-każ inkwistjoni, nixtieq nagħmel rimarka tal-bidu billi nfakkar fil-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti nazzjonali, li għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tevalwa l-fatti u tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex tiddetermina jekk il-liġi nazzjonali hijiex proporzjonata mal-għan ta’ interess ġenerali ( 54 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi gwida bbażata fuq l-informazzjoni mogħtija fil-kuntest tal-proċeduri ( 55 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet fil-kuntesti speċifiċi ta’ nuqqas ta’ trattament ugwali fir-rigward ta’ aċċess għal studji universitarji mediċi u paramediċi ( 56 ), ta’ “protezzjoni tal-omoġeneità tas-sistema ta’ edukazzjoni ta’ livell superjuri jew universitarju” ( 57 ), ta’ rekwiżit ta’ residenza għall-finijiet li jinkiseb sussidju għal reklutaġġ ( 58 ) u tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors għall-kura tas-saħħa fi Stat Membru ieħor ( 59 ) li r-raġunijiet invokati minn Stat Membru bħala ġustifikazzjoni għandu jkollhom magħhom analiżi tal-adegwatezza u tal-proporzjonalità tal-miżura adottata minn dan l-Istat u b’evidenza speċifika li tissustanzja l-argumenti tiegħu.

81.

Sabiex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit tal-proporzjonalità, il-miżura għandha tkun, l-ewwel nett, xierqa jew, fil-kliem tad-Direttiva ( 60 ), adatta sabiex tiżgura li jintlaħaq l-għan mixtieq. Ma għandi l-ebda raġuni sabiex niddubita li l-miżura fil-każ inkwistjoni tirrifletti tħassib ġenwin min-naħa tal-belt ta’ Amsterdam għall-prevenzjoni ta’ reati kriminali fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin. Madankollu, il-qorti tar-rinviju, meta teżamina kemm il-miżura tkun xierqa, għandha teżamina fid-dettall kemm il-belt ta’ Amsterdam tissustanzja din il-politika, peress li huwa ċar li ma huwiex meħtieġ li jintwera li kull reat jinqabad permezz tal-miżura, minħabba li dan iġebbed wisq ir-rekwiżiti tal-adegwatezza.

82.

It-tieni nett, il-miżura ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb l-għan. Jekk ikun hemm għażla bejn diversi miżuri sabiex jinkiseb l-istess għan, il-mezzi li għandhom jintgħażlu għandhom ikunu dawk li jkunu l-inqas restrittivi fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mid-Direttiva.

83.

Għalhekk il-kwistjoni hija dwar jekk ir-rekwiżit tal-lingwa, kif meħtieġ mill-belt ta’ Amsterdam ( 61 ) huwiex meħtieġ għall-kisba tal-għan segwit. Din hija kwistjoni delikata li dwarha diffiċli li wieħed jagħmel riferiment għall-ġurisprudenza l-imgħoddija tal-Qorti tal-Ġustizzja.

84.

Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’diversi okkazzjonijiet, intalbet sabiex tistabbilixxi jekk ir-rekwiżiti tal-lingwa nazzjonali kinux konformi mal-erba’ libertajiet jew, iktar reċentement, mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ( 62 ). Madankollu, każijiet bħal dawn kellhom aspett differenti għalihom fis-sens li r-rekwiżit tal-lingwa kien jestendi biss għal-lingwi tal-Istati Membri inkwistjoni ( 63 ).

85.

Ir-raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali segwita kienet jew il-promozzjoni u l-istimolu tal-użu ta’ lingwa nfisha ( 64 ) jew interess relatat mill-qrib man-natura tal-attività li jkollha tiġi segwita, bħall-protezzjoni soċjali ta’ impjegati jew li jiġu ffaċilitati l-kontrolli amministrattivi relatati ( 65 ). Fil-każijiet kollha, l-Istati Membri fittxew li jipproteġu jew jippromwovu l-lingwa jew il-lingwi uffiċjali tagħhom ( 66 ). Dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Ir-rekwiżit tal-lingwa ma huwiex impost sabiex il-prostituti jkunu jistgħu jagħmlu l-attività tagħhom, iżda sabiex J. Harmsen iwettaq id-doveri tiegħu skont id-dritt pubbliku fil-konfront tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

86.

Barra minn hekk, din il-kawża ma hijiex waħda dwar l-“importanza partikolari” tal-“protezzjoni tad-drittijiet u l-privileġġi lingwistiċi” ta’ individwi. ( 67 )

87.

Prostituti li kienu suġġetti għat-traffikar tal-bnedmin huma f’sitwazzjoni ta’ iżolazzjoni u vulnerabbiltà. Għalhekk huwa fl-interess tagħhom u ta’ dawk li jiġġieldu t-traffikar tal-bnedmin li jkunu f’qagħda li jikkomunikaw. Ovvjament li tkun tista’ tikkomunika bl-istess lingwa jħaffef bil-kbir il-komunikazzjoni.

88.

Għalhekk nista’ nifhem għalfejn il-belt ta’ Amsterdam tmur għal rekwiżiti bħal dawn sabiex tiżgura li jkun hemm effettivament komunikazzjoni bejn is-sid ta’ burdell u prostituta. Madankollu, dan ma għandux neċessarjament ikun tali li jkun meħtieġ li wieħed ikun jaf jitkellem biż-żewġ naħat tal-istess lingwi. Dak li jgħodd huwa li J. Harmsen jista’ effettivament jikkomunkka verbalment mal-prostituti, mhux li huma neċessarjament ikunu jaf jitkellmu l-istess lingwi.

89.

Fil-fehma tiegħi jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet differenti partikolarment meta tkun meħtieġa parti terza sabiex ikun hemm komunikazzjoni effettiva. Hawnhekk, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina fid-dettall jekk jistax jiġi ggarantit element ta’ prossimità ta’ dik il-parti terza mal-prostituta. Jista’, pereżempju, jkun hemm differenza jekk “l-interpretu” jkun persuna li l-prostituta tkun taf, jew tkun qrib tagħha jew fdata minnha minflok xi ħadd magħżul minn J. Harmsen.

90.

Din l-evalwazzjoni fattwali dwar jekk teżistix komunikazzjoni verbali effettiva bejn J. Harmsen u kull prostituta għandha tiġi ddeterminata mill-qorti tar-rinviju abbażi tal-gwida offruta.

91.

Għaldaqstant ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/123 jipprekludi miżura bħal dik fil-proċeduri prinċipali tal-Kawża C‑341/14, li permezz tagħha operatur ta’ dar ta’ prostituzzjoni offruta mill-vetrina jitħalla jikri kmamar biss lil prostituti li jkunu jistgħu jfehmu lilhom infushom lill-operatur f’lingwa li huwa jifhem sakemm ma jiġix stabbilit mill-qorti tar-rinviju li rekwiżit bħal dan ikun meħtieġ sabiex isseħħ komunikazzjoni verbali effettiva bejn l-operatur u l-prostituti.

V – Konklużjoni

92.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi skont kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mir-Raad van State (Il-Pajjiżi l-Baxxi):

(1)

Attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tal-Kawża C‑340/14, li tikkonsisti fit-trasport ta’ passiġġieri b’kurvetta miftuħa fil-passaġġi fuq l-ilma interni ta’ Amsterdam, bil-għan ewlieni li jiġu pprovduti, bi ħlas, dawriet u kiri ta’ dgħajjes għal okkażjonijiet festivi ma tikkostitwixxix “servizz fil-qasam tat-trasport” skont l-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern.

(2)

Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123 huma applikabbli għal sitwazzjonijiet bħal dawk fil-proċeduri prinċipali, jiġifieri t-trasport ta’ passiġġieri b’kurvetta miftuħa fil-passaġġi fuq l-ilma interni ta’ Amsterdam, bil-għan ewlieni li jiġu pprovduti, bi ħlas, dawriet u kiri ta’ dgħajjes għal okkażjonijiet festivi (Kawża C‑340/14) u l-kiri ta’ kmamar f’xifts għal prostituti fil-kuntest ta’ dar ta’ prostituzzjoni offruta mill-vetrina (Kawża C‑341/14), irrispettivament minn jekk il-fatturi kollha jkunux limitati jew le fi Stat Membru wieħed.

(3)

L-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2006/123 għandu jinftiehem li jfisser li fil-mument li Stat Membru jqis li l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli għandhom jiġu limitati minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, kull awtorizzazzjoni individwali għandha tkun limitata ratione temporis.

(4)

L-Artikolu 10(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/123 jipprekludi miżura bħal dik inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali tal-Kawża C‑341/14, li permezz tagħha operatur ta’ dar ta’ prostituzzjoni offruta mill-vetrina jitħalla jikri kmamar biss lil prostituti li jkunu jistgħu jfehmu lilhom infushom lill-operatur f’lingwa li huwa jifhem sakemm ma jiġix stabbilit mill-qorti tar-rinviju li rekwiżit bħal dan ikun meħtieġ sabiex isseħħ komunikazzjoni verbali effettiva bejn l-operatur u l-prostituti.


( 1 )   Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 )   Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36).

( 3 )   Din id-dispożizzjoni hija l-kontroparti fid-Direttiva tal-Artikolu 58(1) TFUE fil-kapitolu tat-Trattat dwar is-servizzi. Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fi Grupo Itevelesa et (C‑168/14, EU:C:2015:351, punt 17).

( 4 )   It-Tielet Parti, Titolu VI TFUE, li qabel u fiż-żmien tal-adozzjoni tad-direttiva kienet It-Tielet Parti, Titolu V KE.

( 5 )   Ara Müller‑Graff, P.‑C., fi Streinz, R. (ed.), EUV/AEUV, Beck, it-2 edizzjoni, München 2012, Artikolu 58 AEUV, punt 1.

( 6 )   Ara s-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (13/83, EU:C:1985:220, punti 6263).

( 7 )   Ara s-sentenza Pinaud Wieger (C‑17/90, EU:C:1991:416, punt 7).

( 8 )   Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat espliċitament li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment “japplikaw direttament għat-trasport”, ara s-sentenza Yellow Cab Verkehrsbetrieb (C‑338/09, EU:C:2010:814, punt 33).

( 9 )   Ara wkoll Weiss, F. u Kaupa, C., European Union Internal Market Law, Cambridge University Press, Cambridge, 2014, p. 242.

( 10 )   Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fi Grupo Itevelesa et (C‑168/14, EU:C:2015:351, punt 22). Ara wkoll il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón f’Yellow Cab Verkehrsbetrieb (C‑338/09, EU:C:2010:568, nota ta’ qiegħ il-paġna 10) li jirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tisħaq li l-politika tat-trasport tal-Unjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE. Huwa wkoll għal din ir-raġuni li jiena ma nsibx konvinċenti l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv.

( 11 )   Ara biss is-sentenza Deckmyn u Vrijheidsfonds (C‑201/13, EU:C:2014:2132, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 )   It-terminu “trasport” huwa kompost mill-kliem bil-Latin “trans” u “portare”.

( 13 )   Ara, pereżempju, Schäfer, R., fi Streinz, R. (ed.), op. cit., Artikolu 90 AEUV, punt 12.

( 14 )   Regolament tal-Kunsill, tas‑7 ta’ Diċembru 1992, li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 10). Ara s-sentenza Alpina River Cruises u Nicko Tours (C‑17/13, EU:C:2014:191, punt 29).

( 15 )   Dan il-Manwal diġà sar riferiment għalih sabiex isostni l-argument tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Femarbel (C‑57/12, EU:C:2013:517, punti 3745).

( 16 )   Ara l-Konklużjonijiet tal Avukat Ġenerali Cruz Villalón f’Femarbel (C‑57/12, EU:C:2013:171, punt 22) u f’Rina Services et (C‑593/13, EU:C:2015:159, punt 39).

( 17 )   Ara l-Manwal dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, 2007, p. 11 fil-verżjoni fil-lingwa Ingliża, li huwa disponibbli fi http://ec.europa.eu/internal_market/servizzs/docs/services-dir/guides/ handbook _en.pdf

( 18 )   Ibid.

( 19 )   Sentenza Neukirchinger (C‑382/08, EU:C:2011:27).

( 20 )   Li qabel kien l-Artikolu 80(2) KE.

( 21 )   Sentenza Neukirchinger (C‑382/08, EU:C:2011:27, punt 20).

( 22 )   Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 15, p. 295, li huwa disponibbli fi: http://www.icao.int/publications/pages/doc7300.aspx.

( 23 )   Sentenza Neukirchinger (C‑382/08, EU:C:2011:27, punt 23).

( 24 )   Ara biss is-sentenza Gebhard (C‑55/94, EU:C:1995:411, punt 25 et seq.). Dwar id-distinzjoni bejn il-libertà ta’ provvista ta’ servizzi u d-dritt ta’ stabbiliment, ara wkoll il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón f’Yellow Cab Verkehrsbetrieb (C‑338/09, EU:C:2010:568, punti 15 sa 18).

( 25 )   Bis-saħħa ta’ din il-premessa, l-element ewlieni huwa jekk l-operatur ikunx stabbilit jew le fl-Istat Membru fejn jipprovdi s-servizz ikkonċernat. Jekk l-operatur ikun stabbilit fl-Istat Membru fejn jipprovdi s-servizzi tiegħu, huwa għandu jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment. Jekk, min-naħa l-oħra, l-operatur ma jkunx stabbilit fl-Istat Membru fejn is-servizz ikun ipprovdut, l-attivitajiet tiegħu għandhom ikunu koperti mill-moviment liberu tas-servizzi. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti saħqet li n-natura temporanja tal-attivitajiet imsemmija għandhom jiġu ddeterminati mhux biss fid-dawl tat-tul tal-proviżjoni tas-servizz, iżda wkoll tar-regolarità, tan-natura perjodika jew tal-kontinwità tagħha. Il-fatt li l-attività tkun temporanja ma għandux ifisser li l-fornitur tas-servizz ma jistax jipprovdi għalih innifsu xi forma ta’ infrastruttura fl-Istat Membru fejn jiġi pprovdut is-servizz, bħal uffiċċju, kmamar uffiċjali jew kmamar ta’ konsultazzjoni, sa fejn din l-infrastruttura tkun meħtieġa għall-għanijiet sabiex jiġi pprovdut is-servizz imsemmi.

( 26 )   Għal sommarju, kategorizzazzjoni u analiżi ta’ din il-ġurisprudenza, nirreferi lill-qarrej għall-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-Kawżi Magħquda Venturini (C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:529, punti 26 sa 53).

( 27 )   Tabilħaqq, eżerċizzju sabiex jinstabu elementi transkonfinali bħal dawn ma għandux ikun wisq diffiċli. Fir-rigward tal-Kawża C‑340/14, tipikament ukoll it-turisti kollha li jiġu minn Stati Membri oħra aktarx jieħdu dgħajjes bħal dik ta’ R. L. Trijber, filwaqt li fir-rigward tal-Kawża C‑341/14, ir-riċevituri tas-servizzi offruti minn J. Harmsen, jiġifieri l-prostituti inkwistjoni, jiġu minn Stati Membri tal-UE minbarra l-Pajjiżi l-Baxxi.

( 28 )   Ara f’dan ir-rigward pereżempju s-sentenza Cipolla et (C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 25).

( 29 )   Ara Müller-Graff, P.‑C., fi Streinz, R. (ed.), op. cit., Artikolu 49 AEUV, punt 20.

( 30 )   Din hija l-kelma użata fl-Artikolu 53 TFUE, il-bażi legali, flimkien mal-Artikolu 62 TFUE, tad-Direttiva 2006/123. Nixtieq nenfasizza li “koordinazzjoni”, kif użata hawnhekk, ma għandha x’taqsam xejn, fil-fehma tiegħi, ma’ “koordinazzjoni” kif użata bħalissa fl-Artikoli 2, 5 u 6 TFUE, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.

( 31 )   Terminoloġija użata, pereżempju, fl-Artikoli 114 u 115 TFUE.

( 32 )   Terminoloġija użata, bħalissa, fit-Trattat kollu.

( 33 )   Artikolu 117(2) KEE, li issa sar l-Artikolu 151 TFUE: “l-armonizzazzjoni ta’ sistemi soċjali”.

( 34 )   Ara, pereżempju, s-sentenza Centrosteel (C‑456/98, EU:C:2000:402, punt 13), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tgħid li d-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom (ĠU, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 177) “għandha l-għan li tarmonizza l-liġijiet tal-Istati Membri li jirregolaw ir-relazzjoni legali bejn il-partijiet f’kuntratt kummerċjali, irrispettivament minn kull element transkonfinali. Il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa, għalhekk, usa’ minn dak tal-libertajiet fundamentali stabbiliti mit-Trattat KE.”

( 35 )   Ara Davies, G., “The Services Directive: extending the country of origin principle, and reforming public administration”, 32 European Law Review, 2007, pp. 232-245, f’p. 242. Ara wkoll Kluth, W., f’Calliess, C., u Ruffert, M., (ed.), EUV/AEUV, Beck, ir-raba’ edizzjoni, München 2011, Artikolu 59 AEUV, punt 24.

( 36 )   Ara l-Manwal dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi, op cit., p. 24 fil-verżjoni fil-lingwa Ingliża.

( 37 )   Enfażi miżjuda minni.

( 38 )   L-Artikolu 16 huwa intitolat “Libertà tal-provvista ta’ servizzi”. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1), l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt ta’ fornituri li jfornu servizzi fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn huma stabbiliti.

( 39 )   Ara l-emendi proposti 476 u 477 mressqa mill-MEPs Joachim Wuermeling u Klaus-Heiner Lehne rispettivament, kif riprodotti f’abbozz ta’ rapport (PE 355.744v04-00) mill-MEP Evelyne Gebhardt, rapporteur, dokument PE 360.091v02-00 tal-24.06.2005, f’p. 25 u 26, li huma disponibbli fuq http://www.europarl.europa.eu/RegData/commissions/imco/amendments/2005/360091/IMCO_AM%282005%29360091_EN.pdf.

( 40 )   Ara l-emenda proposta 11 fil-Konklużjonijiet tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Legali għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar servizzi fis-suq intern, dokument 2004/0001(COD) tal-1.7.2005, f’p. 11, li hija hija disponibbli fuq http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//NONSGML+COMPARL+PE-353.583+03+DOC+PDF+V0//EN&language=EN.

( 41 )   Barnard, C., “Unravelling the services directive”, 45 Common Market Law Review, 2008, p. 323-396, p. 351 jidher li għandha simpatija għal raġunament bħal dan, anki għalkemm wara li telenka sussegwentement l-argumenti kontra partijiet tad-Direttiva li japplikaw għal sitwazzjonijiet interni, hija tikkonkludi fil-p. 352 li “ikollna nistennew deċiżjoni tal-QĠE dwar din il-kwistjoni kruċjali”.

( 42 )   Ara l-ewwel punt tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123, li skontu l-Istati Membri ma għandhomx jissuġġettaw l-aċċess għal, jew l-eżerċizzju ta’, attività fit-territorju tagħhom għal konformità ma’ rekwiżiti diskriminatorji bbażati direttament jew indirettament fuq in-nazzjonalità. Ara wkoll is-sentenza Rina Services et (C‑593/13, EU:C:2015:399, punt 35).

( 43 )   Mill-perspettiva tal-prostituti bħala fornituri ta’ servizz is-sitwazzjoni tista’ tkun differenti. Jekk wieħed jassumi li, f’Amsterdam, dawk li jikru postijiet lil prostituti jkunu tipikament Olandiżi li tipikament (iżda) jkunu jafu jitkellmu bl-Olandiż u bl-Ingliż, prostituta mill-Ungerija jew mill-Bulgarija li ma tkunx taf titkellem b’waħda minn dawn il-lingwi tkun iddiskriminata kif imqabbla ma’ waħda li tkun taf titkellem u li tkun, tipikament, Olandiża.

( 44 )   Din il-Konvenzjoni kienet iffirmata f’Varsavja fis-16 ta’ Mejju 2005. Hija daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 2008 b’mod ġenerali, wara r-ratifika minn 10 Stati. Kienet iffirmata mill-Pajjiżi l-Baxxi fit‑22 ta’ April 2010 u daħlet fis-seħħ hemmhekk fl‑1 ta’ Awwissu 2010. It-test tal-Konvenzjoni huwa disponibbli fi: http://conventions.coe.int/Treaty/EN/Treaties/Html/197.htm. Il-Konvenzjoni tistabbilixxi wkoll sistema ta’ monitoraġġ intergovernattiv sabiex tagħmel superviżjoni tal-implementazzjoni tal-obbligi li fiha.

( 45 )   Magħruf ukoll bħala l-“Protokoll ta’ Palermo”. Disponibbli fi: http://www.ohchr.org/EN/ProfessionalInterest/Pages/ProtocolTraffickingInPersons.aspx.

( 46 )   Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑5 ta’ April 2011, dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU L 101, p. 1). Din id-Direttiva tirrikonoxxi fil-premessa 9 tagħha l-eżistenza tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Protokoll ta’ Palermo filwaqt li tisħaq li “[k]oordinament fost l-organizzazzjonijiet internazzjonali b’kompetenza fir-rigward tal-azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin għandu jiġi appoġġat biex jiġu evitati sforzi doppji.”

( 47 )   Sabiex l-istampa tkun sħiħa, l-Artikolu 5(3) tal-Karta jgħid li t-traffikar tal-bnedmin huwa pprojbit.

( 48 )   Ara Rantsev vs Ċipru u Ir-Russja, Nru 25965/04, § 282, tas‑7 ta’ Jannar 2010. L-Artikolu 4 tal-KEDB isib l-ekwivalenti funzjonali tiegħu fl-Artikolu 5(1) u (2) tal-Karta.

( 49 )   Ara l-QEDB, Siliadin vs Franza, Nru 73316/01, punt 89, tas‑26 ta’ Lulju 2005.

( 50 )   Ara l-QEDB, C.N. u V. vs Franza, Nru 67724/09, punt 69, tal‑11 ta’ Ottubru 2011.

( 51 )   Ara QEDB, C.N. vs Ir-Renju Unit, nru 4239/08, punt 69, 13 ta’ Novembru 2012.

( 52 )   Ara r-Rapport dwar l-implementazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin mill-Pajjiżi l-Baxxi, l-Ewwel sensiela ta’ evalwazzjoni, adottat mill-Grupp ta’ Esperti dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar fil‑21 ta’ Marzu 2014, ippubblikat mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni fit‑18 ta’ Ġunju 2014, GRETA(2014)10, punt 59, li huwa disponibbli fuq: http://www.coe.int/t/dghl/monitoring/trafficking/Docs/Reports/GRETA_2014_10_FGR_NLD_w_cmnts_en.pdf.

( 53 )   Il-kelma “proporzjonalità” hija ddefinita b’mod iktar ċar fl-Artikolu 15(3)(ċ) tad-Direttiva 2006/123.

( 54 )   Ara mutatis mutandis fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tar-restrizzjonijiet fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-erba’ libertajiet u ċ-ċittadinanza, is-sentenzi Bressol et (C‑73/08, EU:C:2010:181, punt 75), Rinner‑Kühn (171/88, EU:C:1989:328, punt 15) u Schönheit u Becker (C‑4/02 u C‑5/02, EU:C:2003:583, punt 82).

( 55 )   Ara s-sentenza Bressol et (C‑73/08, EU:C:2010:181, punt 65).

( 56 )   Ibidem, punt 74. F’riskju kien hemm rekwiżit ta’ residenza.

( 57 )   Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑147/03, EU:C:2005:427, punt 63).

( 58 )   Ara s-sentenza Caves Krier Frères (C‑379/11, EU:C:2012:798, punt 49).

( 59 )   Ara s-sentenza Leichtle (C‑8/02, EU:C:2004:161, punt 45).

( 60 )   Ara l-Artikolu 15(3)(ċ) tad-Direttiva 2006/123.

( 61 )   Wieħed jista’ jitkellem dwar rekwiżit tal-lingwa peress li l-belt ta’ Amsterdam tagħmel l-impenji li J. Harmsen ta fil pjan ta’ operat tiegħu (li ma jikrix kmamar lil prostituti li magħhom ma setax jikkomunika bl-Ingliż, bl-Olandiż jew b’lingwa oħra li huwa kien jifhem) kundizzjoni għall-għoti tal-awtorizzazzjoni.

( 62 )   Ara s-sentenza Grauel Rüffer (C‑322/13, EU:C:2014:189, punti 18 et seq.)

( 63 )   Ara, bħala eżempju, is-sentenzi Groener (C‑379/87, EU:C:1989:599, punt 20) u Haim (C‑424/97, EU:C:2000:357, punt 59).

( 64 )   Ara s-sentenza Las (C‑202/11, EU:C:2013:239, punt 27).

( 65 )   Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑490/04, EU:C:2007:430, punti 7071).

( 66 )   Ara s-sentenzi Groener (C‑379/87, EU:C:1989:599, punt 19), Runevič‑Vardyn u Wardyn (C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 85) u Las (C‑202/11, EU:C:2013:239, punt 25).

( 67 )   It-terminoloġija użata mill-Qorti tal-Ġustizzja, pereżempju, fis-sentenzi Mutsch (137/84, EU:C:1985:335, punt 11) u Bickel u Franz (C‑274/96, EU:C:1998:563, punt 13).