SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

16 ta’ Lulju 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Akkordji — Modalitajiet ta’ tqassim tal-klijenti fuq suq ta’ fondi ta’ pensjoni privati — Eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE — Kummerċ bejn l-Istati Membri affettwati”

Fil-Kawża C‑172/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Frar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ April 2014, fil-proċedura

ING Pensii – Societate de Administrare a unui Fond de Pensii Administrat Privat SA

vs

Consiliul Concurenței,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, J. L. da Cruz Vilaça u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Frar 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal ING Pensii – Societate de Administrare a unui Fond de Pensii Administrat Privat SA, minn I. Hrisafi u R. Vasilache, avukati,

għall-Consiliul Concurenței, minn B. Chirițoiu kif ukoll minn A. Atomi u A. Gunescu, bħala aġenti,

għall-Gvern Rumen, minn R.-H. Radu kif ukoll minn A. Buzoianu u A.-G. Văcaru, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Biolan, M. Kellerbauer u L. Malferrari, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ April 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101(1)(ċ) TFUE.

2

Din il-kawża ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn ING Pensii – Societate de Administrare a unui Fond de Pensii Administrat Privat SA (iktar ’il quddiem “ING Pensii”), kumpannija li tamministra fondi ta’ pensjoni privati, kontra Consiliul Concurenței (kunsill għall-kompetizzjoni) dwar talba għal annullament ta’ deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li imponiet fuq din il-kumpannija multa għaliex kienet ipparteċipat fi ftehim intiż biex jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq rumen tal-fondi ta’ pensjoni privati.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 21/1996 dwar il-kompetizzjoni, fil-verżjoni tagħha emendata (Monitorul Oficial al României, parti I, Nru 240 tat-3 ta’ April 2014, iktar ’il quddiem il-“liġi Nr 21/1996”), jipprevedi:

“1)   huwa pprojbit kull akkordju, espress jew taċitu, bejn operaturi ekonomiċi jew assoċjazzjonijiet ta’ operaturi ekonomiċi, kif ukoll kull deċiżjoni meħuda mill-assoċjazzjonijiet ta’ operaturi ekonomiċi u kull prattika miftiehma li għandhom bħala għan jew bħala effett li jirrestrinġu, ifixklu jew joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq Rumen jew f’parti minnu, u b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw:

[...]

ċ)

it-tqassim tas-swieq jew tas-sorsi tal-provvista [...]”.

4

Il-liġi Nru 411/2004 dwar fondi ta’ pensjoni privati, fil-verżjoni tagħha emendata (Monitorul Oficial al României, parti I, Nru 482 tat-18 ta’ Lulju 2007, iktar ’il quddiem “il-liġi Nru 411/2004”), tirregola l-kostituzzjoni, l-organizzazzjoni, il-funzjonament u s-sorveljanza ta’ dawn il-fondi ta’ pensjoni. L-adeżjoni f’fondi ta’ pensjoni privati, meta din tkun obbligatorja, titwettaq taħt il-kontroll tal-Casa Națională de Pensii și alte Drepturi de Asigurări Sociale (Uffiċċju nazzjonali tal-pensjonijiet u drittijiet oħra ta’ assigurazzjoni soċjali, iktar ’il quddiem is-“CNPAS”).

5

Skont il-Liġi Nru 411/2004, 18-il kumpannija li għandhom bħala l-għan tagħhom l-amministrazzjoni ta’ fondi ta’ pensjoni privati ġew approvati mill-Comisia de Supraveghere a Sistemului de Pensii Private (Kummissjoni ta’ sorveljanza tal-iskema tal-pensjonijiet privati) matul il-perijodu ta’ bejn il-25 ta’ Lulju 2007 u d-9 ta’ Ottubru 2007, b’mod li kull waħda minn dawn il-kumpanniji setgħet tiġġestixxi fond ta’ pensjoni privat wieħed fir-Rumanija.

6

L-Artikolu 30 tal-Liġi Nru 411/2004 jipprovdi:

“(1)   Il-persuni li għandhom inqas minn 35 sena [...] li jikkontribwixxu għall-iskema tal-irtirar, għandhom jissieħbu f’fond ta’ pensjoni.

[...]”

7

L-Artikolu 31 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Persuna ma tistax tipparteċipa, fl-istess ħin, f’diversi fondi ta’ pensjoni rregolati minn din il-liġi u tista’ żżomm biss kont wieħed mal-fond ta’ pensjoni li tkun msieħba fih [...]”

8

L-Artikolu 32 tal-imsemmija liġi jipprovdi li:

“(1)   Persuna takkwista l-kwalità ta’ parteċipant f’fond ta’ pensjoni permezz tal-iffirmar ta’ att ta’ adeżjoni individwali, fuq inizjattiva proprja tagħha jew wara l-affiljazzjoni tagħha mill-istituzzjoni inkarigata mir-reġistrazzjonijiet.

(2)   Waqt l-iffirmar tal-att ta’ adeżjoni, il-parteċipanti jiġu informati dwar il-kundizzjonijiet tal-iskema ta’ pensjonijiet privati, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet involuti fl-imsemmja skema, ir-riskji finanzjarji, tekniċi u ta’ natura oħra, kif ukoll in-natura u t-tqassim ta’ dawn ir-riskji.

[...]”

9

L-Artikolu 33 tal-istess liġi jipprovdi:

“(1)   Kull persuna li ma tkunx aderixxiet f’wieħed mill-fondi ta’ pensjoni f’terminu ta’ erba’ xhur mid-data li tkun fiha hija tkun obbligata legalment li taderixxi tiġi msieħba b’mod każwali f’wieħed mill-fondi mill-istituzzjoni inkarigata mir-reġistrazzjonijiet.

(2)   It-tqassim b’mod każwali tal-persuni għandu jsir b’mod proporzjonali għan-numru ta’ parteċipanti f’fondi ta’ pensjonijiet fid-data tat-tqassim.

[...]”

10

L-Artikolu 5 tad-Digriet Nru 18/2007 dwar l-adeżjoni inizjali u r-reġistrazzjoni ta’ parteċipanti fil-fondi ta’ pensjoni privati, fil-verżjoni tiegħu emendata (Monitorul Oficial al României, parti I, Nru 746 tat-2 ta’ Novembru 2007, iktar ’il quddiem id-“digriet Nru 18/2007”), jipprevedi:

“(1)   L-għażla ta’ fond ta’ pensjoni privat hija għażla individwali tal-parteċipant.

(2)   L-adeżjoni f’fondi ta’ pensjoni privat issir jew fuq l-inizjattiva tal-parteċipant jew wara l-affiljazzjoni tiegħu fuq bażi każwali mis-CNPAS, meta l-adeżjoni f’fond ta’ pensjoni privat tkun obbligatorja.

[...]

(6)   Il-proċedura inizjali ta’ adeżjoni fil-fondi ta’ pensjoni privati tibda fis-17 ta’ Settembru 2007 u tintemm fis-17 ta’ Jannar 2008.”

11

L-Artikolu 21 tad-digriet Nru 18/2007 jipprovdi:

“(1)   Jekk, fil-kuntest ta’ rapport ta’ darbtejn fix-xahar, persuna tiġi identifikata minn amministratur wieħed jew iktar bħala li ffirmat diversi dokumenti individwali ta’ adeżjoni jew jekk jiġi kkonstatat li l-adeżjoni tagħha hija vvalidata temporanjament fil-kuntest ta’ rapport preċedenti, is-CNPAS għandha tiskrivi l-persuna kkonċernata fit-tabella elettronika ta’ doppji.

(2)   Is-CNPAS għandha tittrażmetti t-tabella elettronika ta’ doppji lill-amministraturi u lill-Kummissjoni fi tlett’ijiem ta’ xogħol wara li tkun irċeviet ir-rapport ta’ darbtejn fix-xahar.

[...]”

12

L-Artikolu 23 ta’ dan id-digriet jipprovdi:

“[...]

(3)   Il-persuni li, waqt il-finalizzazzjoni tal-proċess ta’ adeżjoni inizjali, ikunu jidhru lis-CNPAS bħala li ffirmaw iktar minn dokument individwali ta’ adeżjoni wieħed għandhom jiġu iskritti fir-reġistru tal-parteċipanti bħala ‘invalidati’, u għandhom jiġi mqassma b’mod każwali skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.”

13

L-Artikolu 29 tal-imsemmi digriet jipprevedi:

“Waqt il-finalizzazzjoni tal-proċess ta’ tqassim każwali, is-CNPAS għandu jivvalida l-adeżjoni tal-persuni għal kull fond ta’ pensjoni privat b’mod separat u jaġġorna l-informazzjoni li tkun tinsab fir-reġistru tal-parteċipanti.”

14

L-Artikolu 30 tal-istess digriet jipprevedi:

“(1)   F’terminu ta’ ħamest’ijiem tax-xogħol mill-iskrizzjoni fir-reġistru tal-parteċipanti tal-persuni mqassma b’mod każwali, is-CNPAS għandu jinnotifika b’mod separat lil kull amministratur bil-lista tal-persuni mqassma mill-ġdid b’mod każwali, li l-adeżjoni tagħhom fil-fondi ta’ pensjoni ġestit minnu tkun ġiet ivvalidata.

[...]”

15

L-Artikolu 31 tad-digriet Nru 18/2007 jistabbilixxi:

“Kull amministratur li jkun ingħata parteċipanti mis-CNPAS b’mod każwali huwa obbligat li jinnotifika lil dan tal-aħħar, f’terminu ta’ ħamest’ijiem mid-data tar-reġistrazzjoni tagħhom bħala parteċipanti fil-fondi ta’ pensjoni privati, l-isem ta’ fondi ta’ pensjoni privati u l-isem tal-amministratur tiegħu.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16

ING Pensii hija kumpannija li teżerċita attività ta’ amministrazzjoni ta’ fondi ta’ pensjoni, partikolarment fis-suq tal-pensjonijiet privati obbligatorji fir-Rumanija. F’din il-kwalità, din ġiet suġġetta għal investigazzjoni mmexxija mill-Consiliul Concurenţei, dwar il-ksur possibbli tal-Artikolu 5(1) tal-liġi Nru 21/1996 u tal-Artikolu 101 TFUE.

17

Permezz tad-Deċiżjoni Nru 39/2010, tas-7 ta’ Settembru 2010, il-Consiliul Concurenței impona multi fuq erbatax-il kumpannija li jamministraw fondi ta’ pensjoni privati, fosthom fuq ING Pensii, minħabba ftehimiet konklużi bejn dawn il-kumpanniji, maħsuba sabiex iqassmu l-klijenti. Dawn il-ftehimiet kienu jikkonċernaw persuni li ffirmaw żewġ atti ta’ adeżjoni f’fondi ta’ pensjoni privati differenti, matul il-perijodu ta’ adeżjoni inizjali ta’ dawn il-fondi. Skont il-Consiliul Concurenței, billi kkonkludew tali ftehimiet, il-fondi ta’ pensjoni kkonċernati qassmu dawn il-persuni (iktar ’il quddiem id-“doppji”) f’partijiet ugwali bejniethom u, għalhekk, ipprovaw jevitaw it-tqassim ta’ dawn tal-aħħar minn CNPAS.

18

Fl-4 ta’ Ottubru 2010, quddiem il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest), ING Pensii talbet, prinċipalment, l-annullament tad-Deċiżjoni Nru 39/2010 u, sussidjarjament, l-annullament parzjali ta’ dik id-deċiżjoni, sabiex jitnaqqas l-ammont tal-multa imposta. Din il-kumpannija sostniet li l-ftehimiet inkwistjoni ma kinux kuntrarju għall-Artikolu 5(1) tal-liġi Nru 21/1996 u li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE ma kinux ġew issodisfatti.

19

ING Pensii sostniet b’mod partikolari li t-tqassim tal-parteċipanti rreġistrati bħala doppji ma kienx jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ftehim”. Għalhekk, ma seta’ jiġi kkonstatat l-ebda effett li jikkonsisti fir-restrizzjoni, il-prevenzjoni jew id-distorzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq rumen tal-fondi ta’ pensjoni privati obbligatorji jew f’parti sinjifikattiva minnu. ING Pensii sostniet ukoll li l-kompetizzjoni bejn dawk li jiġġestixxu l-fondi ta’ pensjoni privati ma kinitx ġiet eliminata billi dawn kienu f’kompetizzjoni matul il-perijodu inizjali ta’ adeżjoni.

20

Il-Consiliul Concurenței osserva li biex tiġi stabbilita n-natura antikompetittiva tal-arranġament li kien ġie konkluż fost il-fondi ta’ pensjoni kkonċernati, fosthom ING Pensii, kellu jitqies il-kuntest ġuridiku li stabbilixxa t-twaqqif u l-funzjonament tas-suq tal-amministrazzjoni privata tal-fondi ta’ pensjoni obbligatorji kif ukoll l-elementi speċifiċi tas-suq li fuqhom ġew konklużi dawn l-arranġamenti.

21

Permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Frar 2012, il-Curtea de Apel Bucureşti ċaħdet ir-rikors ta’ ING Pensii. Din tal-aħħar ippreżentat appell quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija sostniet b’mod partikolari li l-għażla ta’ algoritmu ta’ kalkolu ta’ doppji minbarra dak stabbilit mil-liġi kien jikkostitwixxi mhux ksur tal-liġi Nru 21/1996, imma l-iktar, ksur tal-leġiżlazzjoni speċifika fir-rigward ta’ pensjonijiet privati obbligatorji. Barra minn hekk, billi l-ftehim inkwistjoni kien limitat għat-tqassim ta’ doppji, hija ma setgħetx taffettwa l-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni peress li d-doppji, li kienu jirrappreżentaw inqas minn 1.5 % ta’ dan is-suq, ma kinux is-suġġett ta’ kompetizzjoni bejn il-fondi ta’ pensjoni.

22

ING Pensii osservat ukoll, quddiem il-qorti tar-rinviju, li hija ma kellha l-ebda interess ta’ natura prattika jew ekonomika li jsir tqassim tad-doppji f’partijiet ugwali, peress li fil-15 ta’ Ottubru 2007, hija diġà kellha l-maġġoranza tal-partijiet mis-suq. Barra minn hekk, il-ftehimiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom effetti pożittivi billi jwasslu għal effikaċja ikbar tal-proċess ta’ adeżjoni fil-fondi ta’ pensjoni privati obbligatorji, peress li l-parteċipanti kien ikollhom iktar u iktar l-opportunità li jaraw li l-għażla tagħhom tiġi osservata, meta mqabbla mas-sitwazzjoni li kienet tirriżulta li kieku sar tqassim b’mod każwali.

23

Fl-aħħar nett ING Pensii sostniet li, f’dan il-każ, ma ntwera li ma kien hemm l-ebda kompartimentalizzazzjoni tas-suq nazzjonali ta’ fondi ta’ pensjoni privati obbligatorji li kienet dovuta għall-għażla ta’ algoritmu ieħor ta’ kalkolu ta’ doppji. Fir-rigward tal-ftehimiet li jkopru perċentwal marġinali tas-suq rumen ikkonċernat, huwa evidenti li l-effetti reali jew potenzjali ta’ dawn tal-aħħar huma negliġibbli u, bl-ebda mod, ta’ natura li jwasslu għal effetti fis-suq ikkonċernat fil-livell tal-Unjoni.

24

Il-Consiliul Concurenței talab iċ-ċaħda tal-appell ta’ ING Pensii billi sostna, essenzjalment, li l-ftehimiet maħsuba għat-tqassim ta’ doppji kienu ta’ natura li joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq tal-fondi ta’ pensjoni privati obbligatorji u, bħala tali, kellhom għan antikompetittiv. Fil-fehma tiegħu, il-kapaċità ta’ ftehim li jipproduċi effetti negattivi u l-konstatazzjoni ta’ ksur li jikkonsisti fit-tqassim ta’ suq u tas-sorsi ta’ provvista ma humiex ikkundizzjonati min-numru ta’ klijenti effettivament imqassmin, b’dan l-aspett jirrigwarda l-effetti konkreti ta’ akkordju. Fil-fatt, il-kapaċità ta’ ftehim li jipproduċi effetti negattivi u l-konstatazzjoni ta’ ksur li tikkonsisti fit-tqassim tas-swieq u ta’ sorsi ta’ provvista ma humiex ikkundizzjonati min-numru ta’ klijenti effettivament imqassma, peress li dan l-aspett jaqa’ taħt l-effetti konkreti ta’ investigazzjoni.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (Qorti superjuri ta’ kassazzjoni u tal-ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“F’każ ta’ prattika ta’ tqassim tal-klijenti, in-numru finali konkret ta’ dawn tal-aħħar huwa rilevanti fir-rigward tat-twettiq tal-kundizzjoni ta’ distorsjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101(1)(ċ) TFUE?”

Fuq id-domanda preliminari

26

Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni tar-rilevanza tan-numru ta’ persuni kkonċernati minn ftehimiet ta’ tqassim ta’ klijenti fir-rigward ta’ waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 101(1) TFUE, li ftehim, sabiex jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandu, b’mod partikolari, jkun kapaċi jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq intern.

27

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jeħtieġ li d-domanda magħmula tinftiehem bħala li tirrigwarda l-punt dwar jekk l-Artikolu 101(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li, ftehimiet ta’ tqassim ta’ klijenti, bħal dawk konklużi bejn il-fondi ta’ pensjoni privati fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxu akkordju li għandu għan antikompetittiv, u jekk in-numru ta’ klijenti previst minn dawn il-ftehimiet huwiex rilevanti fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

28

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li sabiex jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE, ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma għandhom ikunu jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u jkollhom “bħala għan jew riżultat” il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

29

Fir-rigward tad-delimitazzjoni li jeħtieġ li tiġi stabbilita bejn il-prattiki miftiehma li għandhom “għan” antikompetittiv u dawk li għandhom “riżultat” antikompetittiv, hemm lok li jitfakkar li dawn tal-aħħar ma jikkostitwixxux kundizzjonijiet kumulattivi iżda biss alternattivi.

30

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita wara l-intervent tas-sentenza LTM (56/65, EU:C:1966:38), in-natura alternattiva ta’ din il-kundizzjoni, enfasizzata mill-użu tal-konġunzjoni “jew”, għandha twassal sabiex qabel kollox jiġi kkunsidrat l-għan innifsu tal-prattika miftiehma, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku li fih dan għandu jiġi applikat. Madankollu, fil-każ fejn mill-eżami tal-kontenut tal-prattika miftiehma ma jirriżultax livell suffiċjenti ta’ ħsara fir-rigward tal-kompetizzjoni, għandhom jiġu eżaminati l-effetti tagħha u, sabiex din tkun ipprojbita, għandha tkun tissodisfa l-elementi li jistabbilixxu li l-kompetizzjoni tkun effettivament ġiet jew ostakolata, jew ristretta jew inkella distorta b’mod kunsiderevoli (ara s-sentenzi Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, EU:C:2008:643, punt 15, kif ukoll T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 28).

31

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “restrizzjoni permezz tal-għan”, hemm lok li jiġi rrilevat li ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi juru, min-natura stess tagħhom, grad suffiċjenti ta’ dannu għall-funzjonament korrett tal-kompetizzjoni b’mod li jkun jista’ jitqies li l-eżami tal-effetti tagħhom ma huwiex neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punti 49 u 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza li jikkostitwixxu forom ta’ kollużjoni li huma partikolarment ta’ ħsara għall-funzjonament korrett tal-kompetizzjoni, il-ftehimiet li jkollhom, min-natura tagħhom, l-għan li jwasslu għal tqassim tal-klijenti ta’ servizzi. Għalhekk, il-ftehimiet dwar it-tqassim tal-klijenti jaqgħu manifestament, bħal kull ftehim ieħor fuq il-prezz, taħt il-kategorija tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar serji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Stichting Administratiekantoor Portielje, C‑440/11 P, EU:C:2013:514, punti 95 u 111).

33

Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li, sabiex jiġi evalwat jekk ftehim bejn impriżi jew deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jippreżentax dawn il-karatteristiċi, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat il-kontenut tad-dispożizzjonijiet tiegħu, l-għanijiet li huwa maħsub li jikseb kif ukoll il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jkun jeżisti fih. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ dan il-kuntest għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura tal-beni u tas-servizzi affettwati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni (ara s-sentenza CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Isegwi li, sabiex jiġi ddeterminat jekk, fil-kawża prinċipali, il-prattiċi inkwistjoni jistgħux jikkostitwixxu tali restrizzjoni minħabba l-“għan” tagħhom, hemm lok li dawn jiġu evalwati fid-dawl ta’ dawn l-elementi tal-ġurisprudenza.

35

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kontenut tal-akkordju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li ING Pensii ftehmet ma’ kumpanniji oħra bil-għan li jqassmu f’partijiet ugwali numru indeterminat ta’ persuni kkonċernati, jiġifieri doppji, bejn il-fondi ta’ pensjoni privati parteċipanti f’dawn il-ftehimiet.

36

Kif ikkonstata il-Consiliul Concurenței u kif jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, il-ftehimiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew ifformulati u konklużi qabel l-implementazzjoni tal-proċess ta’ adeżjoni tal-persuni kkonċernati f’wieħed mill-fondi ta’ pensjoni privati. Fil-fatt, dawn il-kumpanniji pprevedew li diversi persuni kienu ser jaffiljaw ruħhom mhux biss f’fond wieħed iżda f’diversi fondi tal-pensjoni.

37

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-għan segwit mill-fondi ta’ pensjoni privati kkonċernati, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-ftehimiet bilaterali ta’ tqassim tad-doppji kellhom l-għan li jaffiljaw il-persuni kkonċernati f’ċirku limitat ta’ operaturi, b’mod kuntrarju għar-regoli legali applikabbli u, għaldaqstant, b’detriment għall-kumpanniji oħra attivi fis-settur ekonomiku inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

38

Għaldaqstant, l-akkordju kkonstatat kien intiż sabiex isaħħaħ il-pożizzjoni, fis-suq ikkonċernat, ta’ kull wieħed minn dawn il-fondi ta’ pensjoni privati meta mqabbla ma’ dik tal-kompetituri tagħhom li ma pparteċipawx fil-ftehimiet inkwistjoni.

39

Għaldaqstant, b’mod konformi mal-kunsiderazzjonijiet inklużi fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, dawn il-ftehimiet isegwu għan li jmur manifestament kontra l-funzjonament korrett tal-kompetizzjoni.

40

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kuntest ekonomiku u legali li jaqgħu fih il-ftehimiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jeħtieġ li jitfakkar, qabel xejn, li l-istabbiliment ta’ dan is-suq il-ġdid ta’ fondi ta’ pensjoni privati obbligatorji sar matul perijodu relattivament qasir, jiġifieri erba’ xhur, li fi tmiemu ġiet iddeterminata l-parti tas-suq ta’ kull wieħed minn dawn il-fondi.

41

Sussegwentement, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tirrendi obbligatorja l-adeżjoni tal-persuni kkonċernati f’wieħed minn dawn it-18-il fond ta’ pensjoni privat approvati għal dan l-għan u li din l-adeżjoni issir valida legalment biss waqt ir-reġistrazzjoni tagħha mas-CNPAS.

42

Barra minn hekk, b’mod konformi ma’ din il-leġiżlazzjoni, il-persuni skritti ma’ diversi amministraturi ta’ tali fondi jiġu kkunsidrati bħala li ma wettqux adeżjoni valida u jkollhom jiġu mqassma fost dawn il-fondi, b’mod direttament proporzjonali man-numru ta’ persuni li l-adeżjoni tagħhom kienet ġiet ivvalidata għal kull wieħed mill-imsemmija fondi.

43

Barra minn hekk, l-imsemmija leġiżlazzjoni kienet tipprevedi li persuna li tkun validament aderixxiet f’wieħed mill-fondi ta’ pensjoni privati approvati ma setgħetx, mingħajr ma tesponi ruħha għal spejjeż sostanzjali, temenda l-adeżjoni tagħha qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ sentejn.

44

Fl-aħħar, bil-ftehimiet li organizzaw, il-fondi ta’ pensjoni privati kkonċernati b’mod intenzjonat kisru d-dispożizzjonijiet legali, li kienu jipprevedu affiljazzjoni ta’ doppji wara intervent mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u skont tqassim każwali ta’ dawn tal-aħħar.

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għall-evalwazzjoni tal-kuntest ekonomiku u legali li jaqa’ fih akkordju, b’mod konformi mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura tas-servizzi affettwati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament tas-suq ikkonċernat u l-istruttura ta’ dan tal-aħħar.

46

F’dan il-każ, in-natura tas-servizz ikkonċernat, ikkaratterizzata b’mod partikolari mill-obbligu legali, għall-persuni msemmija, li jaderixxu f’fondi ta’ pensjoni privat, kienet iddefinita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Għalhekk, il-prodott ta’ assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien identifikabbli faċilment mill-klijenti potenzjali, peress li dawn tal-aħħar kienu fil-preżenza ta’ kompetizzjoni qawwija bejn il-fondi differenti ta’ pensjoni privati approvati sabiex joffru dan il-prodott.

47

Isegwi li l-ftehimiet organizzati mill-fondi ta’ pensjoni privati kkonċernati kellhom l-għan li jippermettu lil dawn tal-aħħar li jeżerċitaw influwenza fuq l-istruttura u fuq il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament tas-suq il-ġdid tal-assigurazzjoni privata obbligatorja, fi stadju importanti tal-formazzjoni ta’ dan tal-aħħar.

48

Fl-aħħar, sabiex tiġi ssodisfatta il-kundizzjoni li ftehim, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, huwa neċessarju li dan il-ftehim jippermetti li jiġi previst b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti, abbażi ta’ numru ta’ punti ta’ liġi u ta’ fatt, li dan jista’ jeżerċita influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, u dan b’mod li jagħti x’jifhem li jista’ jostakola t-twettiq ta’ suq wieħed bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, jeħtieġ, li din l-influwenza ma tkunx insinjifikattiva (ara s-sentenzi Javico, C‑306/96, EU:C:1998:173, punt 16; Bagnasco et, C‑215/96 u C‑216/96, EU:C:1999:12, punt 47, kif ukoll Dalmine vs Il-Kummissjoni, C‑407/04 P, EU:C:2007:53, punt 90).

49

Fir-rigward tal-kapaċità ta’ akkordju, li jkun mifrux fuq it-territorju kollu ta’ Stat Membru, li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilta li tali akkordju għandu, min-natura tiegħu stess, l-effett li jikkonsolida d-diviżjonijiet ta’ natura nazzjonali, u b’hekk jostakola l-interpretazzjoni ekonomika mixtieqa mit-Trattat FUE (ara s-sentenzi Vereeniging van Cementhandelaren vs Il-Kummissjoni, 8/72, EU:C:1972:84, punt 29; Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑35/96, EU:C:1998:303, punt 48, kif ukoll Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 95).

50

F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-servizzi inkwistjoni setgħu jkunu ta’ natura transkonfinali, peress li l-persuni suġġetti għall-obbligu tal-adeżjoni f’wieħed mill-fondi approvati u l-persuni li jimpjegawhom jistgħu jkunu stabbiliti fi Stati Membri oħra, u li l-fondi ta’ pensjoni stabbiliti fir-Rumanija jistgħu jkunu jappartjenu lil kumpanniji fi Stati Membri oħra.

51

Fil-fatt, għalkemm huwa veru li l-aċċess għal dan is-suq ġdid tal-fondi ta’ pensjoni provati obbligatorji kien limitat għall-kumpanniji approvati għal dan l-għan fir-Rumanija, l-akkordju inkwistjoni fil-kawża prinċipali rrendiet iktar diffiċli l-penetrazzjoni fis-suq Rumen minn kumpanniji stabbiliti barra t-territorju Rumen, iżda li mħajjrin joffru wkoll servizzi fis-settur ekonomiku kkonċernat.

52

Din is-sitwazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala li tista’ taffettwa l-kummerċ fi ħdan is-suq intern tal-Unjoni.

53

Isegwi li l-ftehimiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali setgħu jiġu kklassifikati bħala li jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan stess tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.

54

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-numru ta’ persuni kkonċernati b’mod konkret mill-ftehimiet ta’ tqassim inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa irrilevanti għall-finijiet tal-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ tali restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

55

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 83 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan antikompetittiv ta’ ftehim ta’ tqassim, b’mod partikolari l-kapaċità ta’ dak il-ftehim li jipproduċi effetti negattivi fis-suq, ma jiddipendix fuq in-numru konkret ta’ klijenti mqassmin effettivament, imma biss fuq it-termini u l-għanijiet oġġettivi ta’ dan il-ftehim evalwati fid-dawl tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-konklużjoni tiegħu.

56

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehimiet ta’ tqassim tal-klijenti, bħal dawk konklużi bejn fondi ta’ pensjoni privati fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxi akkordju b’għan antikompetittiv, u n-numru ta’ klijenti previsti minn dawn il-ftehimiet ma jistax ikun rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni marbuta mar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

Fuq l-ispejjeż

57

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehimiet ta’ tqassim tal-klijenti, bħal dawk konklużi bejn fondi ta’ pensjoni privati fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxi akkordju b’għan antikompetittiv, u n-numru ta’ klijenti previsti minn dawn il-ftehimiet ma jistax ikun rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni marbuta mar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.