KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fid-9 ta’ Lulju 2015 ( 1 )
Kawża C‑198/14
Valev Visnapuu
vs
Kihlakunnansyyttäjä (Ħelsinki),
Suomen valtio – Tullihallitus
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Helsingin hovioikeus (il-Finlandja)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikoli 34 TFUE u 110 TFUE — Dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb li ma jagħmilx parti minn sistema ta’ depożitu jew ta’ restituzzjoni individwali — Artikoli 34 TFUE u 37 TFUE — Monopolju nazzjonali ta’ bejgħ bl-imnut — Rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni ta’ bejgħ bl-imnut għall-importazzjoni, minn operatur li jinsab fi Stat Membru ieħor, ta’ xorb alkoħoliku intiż għall-bejgħ bl-imnut fit-territorju nazzjonali”
1. |
Fil-Finlandja, il-protezzjoni tal-ambjent u dik tas-saħħa pubblika huma ggarantiti, b’mod partikolari, minn żewġ settijiet ta’ regoli. |
2. |
L-ewwel nett, il-leġiżlazzjoni dwar id-dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb teżenta mill-ħlas ta’ dan id-dazju l-imballaġġ ta’ xorb li jagħmel parti minn sistema ta’ restituzzjoni operazzjonali li fil-kuntest tagħha jiġi żgurat l-użu mill-ġdid jew ir-riċiklaġġ tal-imballaġġ ta’ xorb. |
3. |
It-tieni nett, il-leġiżlazzjoni dwar l-alkoħol tistabbilixxi monopolju ta’ bejgħ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku għall-benefiċċju ta’ Alko Oy (iktar ’il quddiem “Alko”), kumpannija statali ta’ bejgħ tal-alkoħol, u tissuġġetta, b’mod partikolari, l-importazzjoni ta’ ċertu xorb alkoħoliku intiż għall-bejgħ bl-imnut, għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut. |
4. |
B’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Helsingin hovioikeus (qorti tal-appell ta’ Ħelsinki, il-Finlandja) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-klassifikazzjoni, fid-dawl tal-Artikoli 34 TFUE jew 110 TFUE, tal-ewwel waħda minn dawn il-leġiżlazzjonijiet u, fid-dawl tal-Artikoli 34 TFUE jew 37 TFUE, tat-tieni waħda fosthom. |
5. |
Sussegwentement il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk dawn l-artikoli kif ukoll l-Artikoli 1(1), 7 u 15 tad-Direttiva 94/62/KE ( 2 ) għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu tali leġiżlazzjonijiet. |
6. |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn V. Visnapuu, rappreżentant tal-European Investment Group OÜ (iktar ’il quddiem l-“EIG”), u Kihlakunnansyyttäjä (Ħelsinki) (Prosekutur ta’ Ħelsinki) u Suomen valtio – Tullihallitus (Stat Finlandiż – Amministrazzjoni Doganali), dwar, minn naħa, l-issuġġettar għal dazju tas-sisa tal-imballaġġ ta’ xorb alkoħoliku li ma jagħmilx parti minn sistema ta’ restituzzjoni u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni ta’ bejgħ bl-imnut għall-importazzjoni u għall-bejgħ bl-imnut ta’ dan ix-xorb alkoħoliku. |
7. |
F’dawn il-konklużjonijiet, fl-ewwel lok, ser nispjega r-raġunijiet li għalihom inqis li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teżenta ċertu imballaġġ ta’ xorb minn pagament ta’ dazju tas-sisa bil-kundizzjoni li jkun suġġett għal sistema ta’ restituzzjoni, għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ dan l-Artikolu 110 u għandha titqies li hija kompatibbli ma’ dan l-Artikolu 110 TFUE u mal-Artikoli 1(1), 7 u 15 tad-Direttiva 94/62. |
8. |
Fit-tieni lok, ser nuri li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi monopolju ta’ bejgħ bl-imnut u tissuġġetta l-importazzjoni ta’ ċertu xorb alkoħoliku maħsub għall-bejgħ bl-imnut għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut, għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 37 TFUE u li dan tal-aħħar għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni, bil-kundizzjoni li l-organizzazzjoni u l-funzjonament ta’ dan il-monopolju jkunu amministrati b’mod li tiġi eskluża kull diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ provvista u ta’ kummerċjalizzazzjoni, b’mod li l-kummerċ ta’ merkanzija minn Stati Membri oħra la jkun żvantaġġat de jure u lanqas de facto meta mqabbel ma’ dak tal-merkanzija nazzjonali, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali. |
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
1. It-Trattat FUE
9. |
Konformement mal-Artikolu 34 TFUE, “[r]estrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u kull miżura li għandha effett ekwivalenti[ ( 3 )] għandhom ikunu projbiti bejn l-Istati Membri”. |
10. |
L-Artikolu 37(1) TFUE jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jintroduċu fir-rigward ta’ monopolji nazzjonali ta’ xorta kummerċjali, dawk l-adattamenti li jassiguraw l-esklużjoni ta’ kull diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri dwar il-kondizzjonijiet ta’ provvista jew marketing ta’ prodotti [kundizzjonijiet ta’ approviġonament u tas-swieq]. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu japplikaw għal kull korp li permezz tiegħu Stat Membru, de jure jew de facto, direttament jew indirettament, jikkontrolla, jmexxi jew jinfluenza sew l-importazzjoni jew l-esportazzjoni bejn l-Istati Membri. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll għall-monopolji delegati mill-Istat għal oħrajn.” |
11. |
L-Artikolu 110 TFUE huwa fformulat kif ġej: “Ebda Stat Membru ma għandu japplika, direttament jew indirettament, fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni, ta’ kull deskrizzjoni, ogħla minn dawk applikati direttament jew indirettament fuq prodotti simili nazzjonali. Barra dan, ebda Stat Membru ma għandu japplika fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni ta’ tali natura li jagħtu protezzjoni indiretta lill-produzzjoni ta’ merkanzija oħra.” |
2. Id-Direttiva 94/62
12. |
Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/62: “Din id-Direttiva għandha bħala għan l-armonizzazzjoni tal-miżuri nazzjonali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-immaniġġjar ta’ l-imballaġġ u ta’ l-iskart mill-imballaġġ sabiex, min-naħa l-waħda, ma jkun hemm l-ebda impatt minn dawn fuq l-ambjent ta’ l-ebda Stat Membru jew ta’ terzi pajjiżi jew sabiex jitnaqqas l-impatt, biex b’hekk jiġi pprovdut livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali, u sabiex, min-naħa l-oħra, tiġi żgurata l-funzjoni tas-suq intern u jiġu evitati t-tfixkil tal-kummerċ u distorsjonijiet u restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni fil-Komunità.” |
13. |
L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Is-sistemi tar-ritorn [restituzzjoni], tal-ġbir u ta’ l-irkupru”, jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu stabbiliti sistemi biex jipprovdu:
sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti b’din id-Direttiva. Dawn is-sistemi għandhom ikunu miftuħa għall-parteċipazzjoni ta’ l-operaturi ekonomiċ tas-setturi interessati u għall-parteċipazzjoni ta’ l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti. Għandhom jgħoddu wkoll għall-prodotti importati, taħt kondizzjonijiet mhux diskriminatorji, inklużi l-arranġamenti dettaljati u kull tariffa imposta għall-aċċess għas-sistemi, u għandhom jiġu ddisinjati sabiex jevitaw xkiel għall-kummerċ jew distorsjoni tal-kompetizzjoni f’konformità mat-Trattat. 2. Il-miżuri riferiti fil-paragrafu 1 għandhom jiffurmaw parti mill-politika li tkopri l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ kollu u għandhom iqisu, b’mod partikolari, il-ħtiġiet tal-protezzjoni tas-saħħa ambjentali u tal-konsumatur, tas-sigurtà u ta’ l-iġjene [...]” |
14. |
Skont l-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “L-istrumenti ekonomiċi”: “Waqt li jaġixxi fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat, il-Kunsill jadotta strumenti ekonomiċi biex imexxi ’l quddiem l-implimentazzjoni ta’ l-għanijiet stabbiliti b’din id-Direttiva. Fin-nuqqas ta’ miżuri bħal dawn, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri biex jimplimentaw dawn l-għanijiet, skond il-prinċipji li jirregolaw il-politika ambjentali tal-Komunità, fost ħwejjeġ oħra, il-prinċipju li min iniġġeż iħallas, u l-obbligazzjonijiet taħt it-Trattat.” |
B – Id-dritt Finlandiż
1. Il-Liġi dwar id-dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb
15. |
Konformement mal-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 1037/2004 dwar id-dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb [Laki eräiden juomapakkausten valmisteverosta (1037/2004), iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb”], id-dazju tas-sisa jammonta għal 51 ċenteżmu għal kull litru ta’ prodott ippakkjat. |
16. |
L-Artikolu 6 ta’ din il-liġi jipprevedi każijiet ta’ eżenzjoni mid-dazju tas-sisa. Dan jipprovdi, fil-paragrafu 1(1), li huwa eżentat l-imballaġġ ta’ xorb li jagħmel parti minn sistema ta’ restituzzjoni operazzjonali prevista fl-Artikolu 3(1)(2) ta’ din il-liġi ( 4 ). |
2. Il-Liġi dwar l-alkoħol
17. |
L-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 1143/1994 dwar l-alkoħol [alkoholilaki (1143/1994), iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-alkoħol”] jippreċiża li l-għan ta’ din il-liġi huwa li jiġu preklużi l-effetti negattivi tas-sustanzi alkoħoliċi fuq is-soċjetà, fuq il-ħajja soċjali u fuq is-saħħa billi jiġi kkontrollat l-konsum tal-alkoħol. |
18. |
L-Artikolu 8 tal-imsemmija liġi, intitolat “Importazzjoni tax-xorb alkoħoliku u tal-alkoħol etiliku u awtorizzazzjoni għall-importazzjoni tal-alkoħol etiliku”, jipprevedi fl-ewwel subparagrafu tiegħu: “Huwa permess li jiġi importat mingħajr awtorizzazzjoni partikolari xorb alkoħoliku intiż għall-konsum personali jew għall-finijiet kummerċjali jew professjonali. Is-sistema ta’ importazzjoni għall-konsum personali hija elaborata fl-Artikolu 10. Min juża xorb alkoħoliku għall-finijiet kummerċjali jew professjonali għall-attività tiegħu għandu bżonn awtorizzazzjoni speċjali għall-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku prevista minn din il-liġi [...]”. |
19. |
L-Artikolu 13(1) tal-Liġi dwar l-alkoħol jipprovdi li, ħlief għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 14 ta’ din il-liġi, Alko għandha l-monopolju tal-bejgħ bl-imnut tax-xorb alkoħoliku. |
20. |
L-Artikolu 14 tal-imsemmija liġi, dwar l-“[a]wtorizzazzjoni ta’ bejgħ bl-imnut”, jipprevedi, fl-ewwel u t-tieni subparagrafi tiegħu: “Ix-xorb alkoħoliku miksub minn fermentazzjoni u li fih sa massimu ta’ 4.7 fil-mija f’volum ta’ alkoħol etiliku jista’ jinbiegħ bl-imnut mhux mill-Kumpannija statali biss, iżda wkoll minn kull persuna li tkun kisbet awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut mill-awtorità kompetenti. Il-kummerċ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku miksub minn fermentazzjoni u li ma jaqbiżx it-13 fil-mija f’volum ta’ alkoħol etiliku jista’ jiġi eżerċitat mill-Kumpannija statali, iżda wkoll minn kull persuna li l-awtorità kompetenti tkun tatha l-permess tipproduċi l-prodott inkwistjoni, skont kundizzjonijiet stabbiliti mill-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali u s-Saħħa.” |
II – Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
21. |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-EIG, li għandu s-sede rreġistrata tiegħu fl-Estonja, għamel użu mis-sit tal-Internet www.alkotaxi.eu, li fuqu setgħu jinxtraw marki differenti ta’ xorb alkoħoliku b’kontenut baxx jew għoli ta’ alkoħol. Fir-rigward ta’ parti mix-xerrejja, l-EIG kien jikkunsinna x-xorb alkoħoliku mixtri fir-residenzi tagħhom. |
22. |
Ma huwiex ikkontestat li, bejn l-24 ta’ Ġunju u t-18 ta’ Awwissu 2009 ( 5 ), l-EIG ma osservax ċerti obbligi li kienu imposti fuqu skont id-dritt Finlandiż waqt il-kunsinna tax-xorb alkoħoliku lejn il-Finlandja ( 6 ). |
23. |
Fil-fatt, l-EIG la ħallas EUR 23144.89 bħala dazju tas-sisa fuq ix-xorb alkoħoliku waqt l-importazzjoni fil-Finlandja ta’ din il-merkanzija u lanqas EUR 5233.52 bħala dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb għall-unitajiet ta’ ppakkjar. Dan id-dazju tas-sisa tal-aħħar jitħallas meta l-imballaġġ ma jagħmilx parti minn sistema ta’ restituzzjoni, kif kien il-każ għax-xorb inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
24. |
Barra minn hekk, V. Visnapuu, rappreżentant ta’ EIG, importa u kkunsinna fir-residenzi xorb alkoħoliku fir-rigward ta’ parti mix-xerrejja Finlandiżi mingħajr ma kellu awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut għal din l-importazzjoni. |
25. |
Il-Kihlakunnansyyttäjä (Ħelsinki) għalhekk ressaq proċeduri legali kontra V. Visnapuu għal frodi fiskali serju u għall-ksur tal-Liġi dwar l-alkoħol. |
26. |
Il-Helsingin käräjäoikeus (Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Ħelsinki), b’sentenza tas-26 ta’ Settembru 2012, ikkundannat lil V. Visnapuu għal tmien xhur priġunerija sospiżi u għall-ħlas ta’ EUR 28378.40 lil Suomen valtio għat-taxxi mhux imħallsa flimkien mal-interessi. |
27. |
V. Visnapuu appella minn din id-deċiżjoni. Huwa jsostni, fl-ewwel lok, li l-Liġi dwar id-dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb hija indirettament diskriminatorja u għalhekk tmur kontra l-Artikolu 110 TFUE. Huwa jsostni, fit-tieni lok, li l-Liġi dwar l-alkoħol, li tissuġġetta l-importazzjoni ta’ ċertu xorb alkoħoliku għar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut, tikkostitwixxi restrizzjoni kwantitattiva għall-importazzjoni jew MEE u għaldaqstant, tmur kontra l-Artikolu 34 TFUE. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħu, ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni possibbli fl-Artikolu 36 TFUE. |
28. |
Il-Kihlakunnansyyttäjä (Ħelsinki) kif ukoll is-Suomen valtio – Tullihallitus isostnu li la l-Liġi dwar id-dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb u lanqas il-Liġi dwar l-alkoħol ma jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni. |
29. |
Skont il-Kihlakunnansyyttäjä (Ħelsinki), il-Liġi dwar id-dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-Artikolu 110 TFUE biss u hija kompatibbli wkoll ma’ dan l-artikolu. Fir-rigward tal-Liġi dwar l-alkoħol, din għandha tiġi evalwata fil-fehma tiegħu, mhux fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE iżda tal-Artikolu 37 TFUE. |
30. |
Huwa f’dan il-kuntest li l-Helsingin hovioikeus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
III – Analiżi tiegħi
A – Osservazzjonijiet preliminari
31. |
Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jikkonċernaw żewġ leġiżlazzjonijiet Finlandiżi distinti. |
32. |
Filwaqt li l-ewwel erba’ domandi jirrigwardaw il-Liġi dwar id-dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb, il-ħames sat-tmien domanda jikkonċernaw il-Liġi dwar l-alkoħol. Qabelxejn, ser neżamina l-ewwel sar-raba’ domanda flimkien qabel ma nindirizza l-ħames sat-tmien domanda. |
33. |
Għalkemm dawn iż-żewġ leġiżlazzjonijiet huma distinti, għandu jiġi nnotat li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tibqa’ l-istess. |
34. |
Infakkar li mill-atti tal-proċess jirriżulta li V. Visnapuu biegħ xorb alkoħoliku bl-internet u wara kkunsinnah direttament lix-xerrej Finlandiż. Bħalma indikajt diġà, dawn il-fatti ma ġewx ikkontestati minn V. Visnapuu u għandhom għalhekk jitqiesu li huma stabbiliti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, V. Visnapuu għandu jitqies bħala bejjiegħ mill-bogħod li importa u biegħ bl-imnut dan ix-xorb alkoħoliku fil-Finlandja? |
35. |
Fid-dawl tal-atti tal-proċess, ir-risposta hija fl-affermattiv. |
36. |
Fil-fatt, bħalma kkonstata l-Gvern Finlandiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, meta bejjiegħ mill-bogħod bħal V. Visnapuu jittrasporta u jikkunsinna huwa stess ix-xorb alkoħoliku lix-xerrej Finlandiż, għandu jitqies, skont il-Liġi dwar l-alkoħol, li dan il-bejjiegħ wettaq bejgħ bl-imnut fil-Finlandja. Għall-kuntrarju, meta d-dritt ta’ proprjetà fuq dan ix-xorb alkoħoliku jkun ġie ttrasferit barra mill-pajjiż, u li sussegwentement il-persuna li tordna stess jew trasportatur indipendenti mill-bejjiegħ jikkunsinna dan ix-xorb alkoħoliku fil-Finlandja, il-bejgħ għandu jitqies li sar barra mill-Finlandja. |
37. |
Mill-atti tal-proċess jirriżulta li din l-interpretazzjoni tal-Liġi dwar l-alkoħol hija bbażata fuq linji gwida u komunikazzjonijiet adottati mill-awtoritajiet Finlandiżi. Hija partikolarment il-qorti tar-rinviju li tirreferi għal dawn it-testi meta tesponi, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli. |
38. |
F’dan il-każ, ma jidher li hemm ebda dubju fir-rigward tas-soluzzjoni li għandha tingħata. Fil-fatt, fil-każ ta’ bejgħ ta’ beni materjali bħal dawk mixtrija minn V. Visnapuu, jiġifieri ta’ oġġetti funġibbli, it-trasferiment tal-proprjetà li jikkonkludi l-bejgħ isir fil-mument tal-kunsinna. Peress li dan seħħ fil-Finlandja, il-bejgħ ġie effettivament iffinalizzat ġuridikament fit-territorju Finlandiż. |
39. |
Minn dan isegwi li l-fatt li f’dan il-każ, V. Visnapuu importa xorb alkoħoliku u sussegwentement biegħu bl-imnut, għandu jitqies li huwa paċifiku. |
40. |
Huwa fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni li ser nipproċedi għall-analiżi tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. |
B – Fuq l-ewwel sar-raba ’ domandi
41. |
B’dawn l-erba’ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal-Liġi dwar id-dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb, li skontha dan id-dazju jitħallas peress li l-imballaġġ ma jifformax parti minn sistema ta’ restituzzjoni, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 110 TFUE jew f’dak tal-Artikolu 34 TFUE u, jekk ikun il-każ, jekk din il-leġiżlazzjoni hijiex kompatibbli ma’ wieħed minn dawn l-artikoli. |
42. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà ta’ tali leġiżlazzjoni mal-Artikoli 1(1), 7 u 15 tad-Direttiva 94/62. |
43. |
Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, jien ser neżamina, fl-ewwel lok, id-domanda dwar il-klassifikazzjoni tal-Liġi dwar id-dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb. Din il-liġi tikkostitwixxi restrizzjoni kwantitattiva għall-importazzjoni jew MEE skont l-Artikolu 34 TFUE jew għandha tiġi kklassifikata bħala “taxxa interna” skont l-Artikolu 110 TFUE? |
44. |
Fit-tieni lok, ser nanalizza l-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija liġi hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 94/62 u mal-Artikolu 110 TFUE. |
1. Fuq il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Artikoli 34 TFUE u 110 TFUE
45. |
L-ewwel nett, nosserva li t-Trattat FUE jinkludi tliet gruppi ta’ dispożizzjonijiet li jipprekludu l-ostakoli għall-kummerċ ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri. Dawn huma l-Artikoli 28 TFUE u 30 TFUE, 34 TFUE sa 36 TFUE u 110 TFUE ( 7 ). |
46. |
Il-kwistjoni dwar l-applikabbiltà tal-Artikoli 28 TFUE u 30 TFUE, dwar, b’mod partikolari, id-dazji doganali għall-importazzjoni u t-taxxi li għandhom effett ekwivalenti, la tqajmet mill-qorti tar-rinviju u lanqas ma ssemmiet fil-kuntest tal-osservazzjonijiet bil-miktub. |
47. |
Għall-finijiet ta’ kompletezza, ser nispjega fil-qosor ir-raġunijiet li għalihom inqis li l-applikabbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandha tiġi eskluża. |
48. |
Evidentement, id-dazju tas-sisa inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxix dazju doganali fil-veru sens tal-kelma. |
49. |
Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, kull tariffa pekunjarja, anki jekk minima, imposta unilateralment, irrispettivament mid-denominazzjoni tagħha u mill-istruttura tagħha, u li hija imposta fuq il-merkanziji minħabba tranżitu tal-fruntiera, meta ma tkunx dazju doganali fil-veru sens tal-kelma, tikkostitwixxi taxxa li għandha effett ekwivalenti fis-sens tal-Artikoli 28 TFUE u 30 TFUE ( 8 ). |
50. |
Mill-atti tal-proċess jirriżulta li d-dazju tas-sisa inkwistjoni fil-kawża prinċipali japplika għal ċertu imballaġġ ta’ xorb li ma jagħmilx parti minn sistema ta’ restituzzjoni fil-Finlandja. Fi kliem ieħor, l-eżenzjoni tad-dazju tas-sisa tikkonċerna biss l-imballaġġ ta’ xorb li ma jagħmilx parti minn sistema ta’ restituzzjoni. |
51. |
Għalhekk, id-dazju kkontestat ma huwiex impost fuq dan l-imballaġġ ta’ xorb minħabba tranżitu tal-fruntiera, iżda minħabba li dan ma jagħmilx parti minn sistema ta’ restituzzjoni. F’dawn il-kundizzjonijiet, id-dazju tas-sisa previst mil-Liġi dwar id-dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb ma jikkostitwixxix taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali. |
52. |
Billi l-applikabbiltà tal-Artikoli 28 TFUE u 30 TFUE tista’ tiġi eskluża f’dan il-każ, jifdal li jiġi ddeterminat jekk japplikawx l-Artikoli 34 TFUE jew 110 TFUE. |
53. |
Kemm V. Visnapuu kif ukoll il-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni Ewropea, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, jinvokaw l-applikabbiltà, mhux tal-Artikolu 34 TFUE, iżda tal-Artikolu 110 TFUE għal-Liġi dwar id-dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb ( 9 ). |
54. |
Jiena naqbel ma’ din il-pożizzjoni. |
55. |
F’dan ir-rigward, nosserva li l-Artikolu 34 TFUE jipprekludi kwalunkwe restrizzjoni kwantitattiva għall-importazzjoni kif ukoll kull MEE bejn l-Istati Membri. Il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni estensiva tal-kunċett ta’ MEE billi qieset li dan jiġbor flimkien kull miżura nazzjonali li “direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, jistgħu jostakolaw l-kummerċ intraKomunitarju” ( 10 ). |
56. |
L-Artikolu 110 TFUE, min-naħa tiegħu, jipprekludi l-impożizzjoni fuq prodotti ta’ Stati Membri oħra ta’ taxxi nazzjonali ogħla minn dawk li japplikaw għal prodotti nazzjonali simili jew taxxi nazzjonali ta’ natura li jagħtu protezzjoni indiretta lil prodotti oħra ( 11 ). Għall-kuntrarju ta’ dak previst fil-kuntest tal-Artikolu 34 TFUE, l-Artikolu 110 TFUE ma jipprekludix it-tassazzjoni nazzjonali fiha nfisha, iżda l-effett diskriminatorju jew protezzjonist tagħha, tant li jkun biżżejjed li jiġi eliminat dan l-effett diskriminatorju jew protezzjonist sabiex ikun hemm konformità ma’ dan l-Artikolu 110 ( 12 ). |
57. |
Barra minn hekk, miżura nazzjonali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE tista’ tiġi ġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 36 TFUE u fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’hekk tevita li tiġi prekluża. Għall-kuntrarju, tali possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni ma hijiex prevista fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 110 TFUE. |
58. |
Mill-fatturi preċedenti jirriżulta li l-Artikoli 34 TFUE u 110 TFUE huma ċertament distinti fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom u tal-konsegwenzi tal-applikazzjoni tagħhom. |
59. |
F’dan il-kuntest, ma huwiex sorprendenti li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE ma jinkludix l-ostakoli previsti minn dispożizzjonijiet speċifiċi oħra fit-Trattat FUE u li l-ostakoli ta’ natura fiskali jew li għandhom effett ekwivalenti għal dazji doganali previsti fl-Artikoli 28 TFUE, 30 TFUE u 110 TFUE ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 34 TFUE ( 13 ). |
60. |
Għalhekk, l-Artikolu 110 TFUE, bħall-Artikoli 28 TFUE u 30 TFUE, għandu jitqies bħala lex specialis, filwaqt li l-Artikolu 34 TFUE, billi għandu kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna, jissodisfa, b’xi mod, ir-rwol ta’ xibka ta’ sigurtà, bħala lex generalis ( 14 ). Barra minn hekk, wieħed biss mill-Artikoli 30 TFUE, 34 TFUE jew 110 TFUE jista’ japplika għal miżura nazzjonali partikolari ( 15 ). |
61. |
Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, jekk il-Liġi dwar id-dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb taqax taħt l-Artikolu 110 TFUE, u biss fil-każ li r-risposta tkun negattiva, jekk din il-liġi taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE ( 16 ). |
62. |
Bħall-Kummissjoni, jien naħseb li d-dazju tas-sisa inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu manifestament natura fiskali. Fil-fatt, infakkar li dan huwa dazju tas-sisa mħallas lil Suomen valtio fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb. |
63. |
Barra minn hekk, ninnota li mill-atti tal-proċess jirriżulta li dan id-dazju tas-sisa japplika indipendentement mill-oriġini jew mid-destinazzjoni tal-imballaġġ ta’ xorb. Fil-fatt, infakkar li dan japplika b’mod sistematiku għal ċertu imballaġġ ta’ xorb skont kriterji oġġettivi, jiġifieri għal kull litru ta’ prodott ippakkjat u fil-każ li ma jagħmilx parti minn sistema ta’ restituzzjoni. |
64. |
Għalhekk, miżura fiskali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma hijiex imposta minħabba t-tranżitu tal-fruntiera tal-Istat Membru li jkun stabbilixxiha, iżda minħabba li l-merkanzija ma tkunx tagħmel parti minn sistema ta’ restituzzjoni waqt it-tqegħid fis-suq tagħha, u li tapplika kemm għall-merkanzija importata kif ukoll għall-merkanzija li tiġi prodotta minn dan l-Istat Membru, fil-fehma tiegħi taqa’ taħt sistema ġenerali ta’ tassazzjoni nazzjonali, u għaldaqstant għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 110 TFUE ( 17 ). |
65. |
Peress li nqis li l-miżura fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 110 TFUE, l-eżami tagħha fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE ma huwiex meħtieġ. |
2. Fuq il-kompatibbiltà tal-Liġi dwar id-dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb mal-Artikolu 110 TFUE u mal-Artikoli 1(1), 7 u 15 tad-Direttiva 94/62
66. |
Bħalma ssostni ġustament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, tqum mistoqsija preliminari. L-Artikoli 1(1), 7 u 15 tad-Direttiva 94/62 kienu suġġetti għal armonizzazzjoni eżawrjenti, b’tali mod li l-Liġi dwar id-dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb għandha tiġi evalwata biss fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet? |
67. |
Din il-mistoqsija hija importanti sa fejn minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta qasam kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fuq livell tal-Unjoni, kull miżura nazzjonali relatata miegħu għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dik il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju ( 18 ). |
68. |
Bħall-Kummissjoni, jien inqis li l-effett ta’ armonizzazzjoni tad-Direttiva 94/62 jibqa’ limitat fil-qasam tal-organizzazzjoni tas-sistemi ta’ restituzzjoni tal-imballaġġ ta’ xorb ( 19 ). |
69. |
F’dan ir-rigward, nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, “bil-kontra ta’ dak li jiġri fl-immarkar u l-identifikazzjoni ta’ l-imballaġġi u tar-rekwiżiti li jirrigwardaw il-kompożizzjoni u l-karattru li jista’ jerġa’ jintuża jew li jista’ jkun irkuprat ta’ dawn ta’ l-aħħar, li huma rregolati mill-Artikoli 8 sa 11 u mill-Anness II tad-Direttiva 94/62, l-organizazzjoni tas-sistemi nazzjonali intiżi li jiffavorixxu l-użu mill-ġdid ta’ l-imballaġġi, mhijiex is-suġġett ta’ armonizzazzjoni sħiħa.” ( 20 ). |
70. |
Huwa minnu li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 94/62, wara li jistabbilixxi li l-Istati Membri huma marbuta jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiġu stabbiliti sistemi ta’ restituzzjoni, ta’ ġbir u ta’ rkupru, jirregola l-organizzazzjoni ta’ dawn is-sistemi ( 21 ). |
71. |
Madankollu, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ manuvra fl-organizzazzjoni konkreta tal-imsemmija sistemi. Fil-fatt, huwa previst, f’termini ġenerali, li tali sistemi japplikaw ukoll għall-prodotti importati, b’mod nondiskriminatorju, inklużi l-arranġamenti ddettaljati u kull tariffa imposta għall-aċċess għas-sistemi. Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni sussegwentement tirreferi b’mod ċar għat-Trattat FUE billi tippreċiża li s-sistemi ta’ restituzzjoni għandhom jitfasslu sabiex jevitaw ostakoli għall-kummerċ jew distorsjoni tal-kompetizzjoni, “f’konformità mat-Trattat”. |
72. |
Barra minn hekk, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 94/62, dwar “[l]-istrumenti ekonomiċi”, iħalli marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali għall-Istati Membri fir-rigward tal-għażla ta’ dawn l-istrumenti. Fil-fatt, skont dan l-Artikolu 15, fin-nuqqas ta’ miżuri armonizzati, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri intiżi li jinkisbu l-għanijiet ta’ din id-direttiva, skont il-prinċipji li jirregolaw il-politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ambjent, fosthom il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, u b’osservanza tal-obbligi taħt it-Trattat FUE. |
73. |
Infakkar li l-imsemmija direttiva “għandha bħala għan l-armonizzazzjoni tal-miżuri nazzjonali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-immaniġġjar ta’ l-imballaġġ u ta’ l-iskart mill-imballaġġ sabiex, min-naħa l-waħda, ma jkun hemm l-ebda impatt minn dawn fuq l-ambjent ta’ l-ebda Stat Membru jew ta’ terzi pajjiżi jew sabiex jitnaqqas l-impatt, biex b’hekk jiġi pprovdut livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali, u sabiex, min-naħa l-oħra, tiġi żgurata l-funzjoni tas-suq intern u jiġu evitati t-tfixkil tal-kummerċ u distorsjonijiet u restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni fil-Komunità” ( 22 ). |
74. |
F’dan il-każ, kif ippreċiża l-Gvern Finlandiż waqt is-seduta, id-dazju tas-sisa inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie adottat fuq il-bażi tal-imsemmi Artikolu 15 tad-Direttiva 94/62, u b’mod iktar preċiż bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. |
75. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li peress li d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-direttiva ma kinux suġġetti għall-armonizzazzjoni eżawrjenti, sistema nazzjonali ta’ ġestjoni tal-imballaġġ ibbażata fuq id-dazju tas-sisa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 110(1) TFUE ( 23 ). |
76. |
F’dan ir-rigward, nikkonstata li l-Artikolu 110 TFUE għandu l-għan li jiżgura l-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni bit-tneħħija ta’ kull forma ta’ protezzjoni li tista’ tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ taxxi nazzjonali diskriminatorji fir-rigward tal-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra ( 24 ). Dan it-test għalhekk għandu jiggarantixxi n-newtralità totali tat-taxxi nazzjonali fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn prodotti nazzjonali u prodotti importati ( 25 ). |
77. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, sistema ta’ tassazzjoni ta’ Stat Membru tista’ titqies li hija kompatibbli mal-Artikolu 110 TFUE biss jekk jiġi stabbilit li hija mfassla b’mod li teskludi f’kull każ li l-prodotti importati jiġu intaxxati b’mod iktar oneruż mill-prodotti nazzjonali u, għalhekk, li f’ebda każ, ma għandha effetti diskriminatorji ( 26 ). |
78. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet ukoll li l-Artikolu 110 TFUE għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa, b’mod li jkun jista’ jkopri l-proċeduri fiskali kollha li, b’mod dirett jew indirett, jippreġudikaw l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-prodotti nazzjonali u l-prodotti importati. Għaldaqstant, il-projbizzjoni li jistabbilixxi dan l-artikolu għandha tapplika kull darba li n-natura ta’ miżura fiskali tkun ta’ natura li tiskoraġġixxi l-importazzjoni ta’ oġġetti li joriġinaw minn Stati Membri oħra għall-benefiċċju ta’ prodotti nazzjonali ( 27 ). |
79. |
Jien nikkonstata li, formalment, is-sistema ta’ tassazzjoni stabbilita mil-Liġi dwar id-dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb ma tagħmilx distinzjoni bejn l-imballaġġ ta’ xorb skont l-oriġini tiegħu. |
80. |
Fil-fatt, mill-atti tal-proċess jirriżulta li d-dazju tas-sisa inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa dovut għall-prodotti nazzjonali u importati, bl-applikazzjoni tal-istess kundizzjonijiet u tal-istess modalitajiet. Infakkar li, f’dan il-każ, kull imballaġġ ta’ xorb, importat jew nazzjonali, huwa suġġett għal dazju tas-sisa b’rata identika u li l-eżenzjoni minn dan id-dazju tas-sisa tingħata lill-imballaġġ importat jew nazzjonali meta dan jagħmel parti minn sistema ta’ restituzzjoni. Għalhekk, bħalma enfasizza l-Gvern Finlandiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, kemm il-kundizzjonijiet għall-ħlas tad-dazju tas-sisa inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll dawk għall-eżenzjoni minn dan id-dazju tas-sisa huma l-istess għall-operaturi barranin u nazzjonali. |
81. |
Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Gvern Finlandiż ippreċiża li l-ġbir, it-trasport kif ukoll ir-riċiklaġġ tal-imballaġġ ta’ xorb li ma jagħmilx parti minn sistema ta’ restituzzjoni jimplikaw spejjeż sostanzjali, li għandhom jitħallsu mill-operaturi li jiddeċiedu li ma jintegrawx sistema ta’ restituzzjoni bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. F’dan il-kuntest, id-dazju tas-sisa kien intiż bħala inċentiv u ġie stabbilit, mill-Gvern Finlandiż, f’livell li jippermetti l-kisba ta’ dħul sostanzjali għall-protezzjoni tal-ambjent ( 28 ). |
82. |
Bħall-Kummissjoni, jien inqis li, bħala strumenti ta’ inċentiv għar-riċiklaġġ, għall-użu mill-ġdid u għall-mili mill-ġdid, id-dazju tas-sisa jissodisfa l-objettivi msemmija iktar ’il fuq tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/62 bl-għan li jitnaqqas l-impatt fuq l-ambjent mill-iskart mill-imballaġġ. |
83. |
Madankollu, anki jekk il-kundizzjonijiet ta’ diskriminazzjoni diretta ma humiex issodisfatti, taxxa nazzjonali tista’ tkun indirettament diskriminatorja minħabba l-effetti tagħha ( 29 ). |
84. |
Skont V. Visnapuu, dazju tas-sisa bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistabbilixxi tali diskriminazzjoni indiretta. |
85. |
L-ewwel nett, fil-fehma tiegħu, jeżistu diversi ostakoli għall-affiljazzjoni ta’ operaturi barranin ma’ sistema ta’ restituzzjoni b’tali mod li, matul il-perijodu inkwistjoni, kien impossibbli għall-EIG li jaderixxi ma’ din is-sistema. |
86. |
Fost in-numru ta’ dawn l-ostakoli hemm, b’mod partikolari, il-fatt li, fost is-sistemi eżistenti, waħda biss taċċetta l-affiljazzjoni ta’ operaturi barranin jew anki l-ħtieġa li fuq l-imballaġġ jiġi stampat kodiċi tal-European Article Numbering (EAN) ( 30 ) Finlandiż, li jeħtieġ li jinħoloq imballaġġ speċifiku għas-suq Finlandiż. Waqt is-seduta, V. Visnapuu enfasizza li l-affiljazzjoni mas-sistema ta’ restituzzjoni tkun impossibbli prinċipalment minħabba l-ispejjeż kbar li timplika tali affiljazzjoni għall-importaturi ( 31 ). Għalhekk ma jkunx ekonomikament vijabbli għall-operatur żgħir jew għall-operatur ta’ daqs medju li jaffiljaw ruħhom ma’ tali sistema. |
87. |
It-tieni nett, V. Visnapuu jqis li l-ħolqien ta’ sistema awtonoma fil-prattika jkun impossibbli għall-operatur barrani bħall-EIG, fir-rigward tar-rekwiżiti f’termini ta’ kwoti minimi, tal-funzjonament tajjeb tas-sistema u ta’ prova ta’ dan il-funzjonament tajjeb. |
88. |
Għalhekk, fil-fehma tiegħu, il-fatt li l-affiljazzjoni ma’ sistema ta’ restituzzjoni jew il-ħolqien ta’ tali sistema ta’ restituzzjoni tkun impossibbli għall-importatur, filwaqt li din l-affiljazzjoni tkun il-kundizzjoni għall-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa, ikollu l-konsegwenza li dan id-dazju tas-sisa fil-prattika jolqot biss il-prodotti importati u għalhekk jikser l-Artikolu 110(1) TFUE. |
89. |
F’dan ir-rigward, ninnota li mill-atti tal-proċess jirriżulta li, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet ta’ affiljazzjoni ma’ sistema ta’ restituzzjoni japplikaw bl-istess mod għal kull operatur, barrani jew nazzjonali ( 32 ). Għalhekk, operatur żgħir jew operatur ta’ daqs medju għandu jissodisfa, bl-istess mod ta’ importatur bħal V. Visnapuu, il-kundizzjonijiet ta’ affiljazzjoni ma’ sistema ta’ restituzzjoni u konsegwentement għandu, b’mod partikolari, iġarrab l-istess spejjeż ta’ affiljazzjoni meta jiddeċiedi li jaffilja ruħu ( 33 ). |
90. |
Minn dan isegwi, bħalma jinnota ġustament il-Gvern Finlandiż, li l-operatur barrani u l-operatur nazzjonali għandhom l-istess possibbiltajiet li jaffiljaw ruħhom ma’ sistema ta’ restituzzjoni fil-livell nazzjonali sabiex jevitaw li jħallsu d-dazju tas-sisa fuq l-imballaġġ ta’ xorb. |
91. |
Fir-rigward tal-possibbiltà li tinħoloq sistema awtonoma ta’ restituzzjoni, jien lanqas ma nara kif operatur barrani bħal V. Visnapuu jkun żvantaġġat meta mqabbel ma’ operatur nazzjonali, sa fejn dan tal-aħħar ikun suġġett għall-istess rekwiżiti. |
92. |
Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti fil-fehma tiegħi jindikaw, li, a priori, ma tista’ titqajjem l-ebda diskriminazzjoni indiretta fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ affiljazzjoni ma’ sistema ta’ restituzzjoni jew dawk dwar il-ħolqien ta’ tali sistema. |
93. |
L-istess japplika fir-rigward tal-konformità tal-Liġi dwar id-dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb li tittratta s-sistema ta’ restituzzjoni ta’ imballaġġ ta’ xorb mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 94/62 ( 34 ). |
94. |
Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, inqis li leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Liġi dwar id-dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb, li teżenta mill-ħlas ta’ dan id-dazju ċertu imballaġġ ta’ xorb bil-kundizzjoni li dan ikun suġġett għal sistema ta’ restituzzjoni, għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 110 TFUE. Dan l-artikolu u l-Artikoli 1(1), 7 u 15 tad-Direttiva 94/62 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux din il-leġiżlazzjoni. |
95. |
Peress li eskludejt l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 TFUE, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għat-tielet u r-raba’ domandi tal-qorti tar-rinviju. |
C – Fuq il-ħames sat-tmien domandi
96. |
Bil-ħames sat-tmien domandi, li wkoll għandhom jiġu analizzati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, f’sitwazzjoni fejn xerrej Finlandiż ikun akkwista, permezz ta’ bejgħ mill-bogħod, xorb alkoħoliku mingħand bejjiegħ li jopera fi Stat Membru għajr ir-Repubblika tal-Finlandja u li jiżgura l-kunsinna fil-Finlandja, miżura nazzjonali bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar l-alkoħol, li tissuġġetta l-importazzjoni għal finijiet kummerċjali ta’ xorb alkoħoliku għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni speċjali, għandhiex tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE jew tal-Artikolu 37 TFUE u, jekk ikun il-każ, jekk din il-miżura għandhiex titqies bħala kompatibbli ma’ wieħed minn dawn l-artikoli. |
97. |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju staqsiet b’mod preċiż lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar l-alkoħol mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 3 tat-Titolu II tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE dwar il-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi bejn Stati Membri ( 35 ). |
98. |
Bħall-Gvernijiet intervenjenti kollha, inqis li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku kienet immotivata mill-“bejgħ bl-imnut” ta’ dan ix-xorb, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar l-alkoħol mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni għandha titwettaq billi jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-Artikoli 13 u 14 ta’ din il-liġi, li jirreferu, rispettivament, għall-monopolju tal-bejgħ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku u għar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut għal ċertu xorb alkoħoliku. |
99. |
F’dan ir-rigward, inqis li tkun utli preżentazzjoni minn qabel ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali, kif jirriżultaw mill-atti tal-proċess. |
1. Il-monopolju Finlandiż tal-bejgħ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku u r-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut ta’ ċertu xorb alkoħoliku
100. |
L-adeżjoni tar-Repubblika tal-Finlandja mal-Unjoni rrendiet neċessarja l-ġestjoni tal-monopolju nazzjonali ta’ natura kummerċjali tagħha dwar ix-xorb alkoħoliku għall-finijiet ta’ konformità mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-Artikolu 37 TFUE ( 36 ). |
101. |
Għal dan il-għan, ir-Repubblika tal-Finlandja aċċettat li tabolixxi d-drittijiet esklużivi ta’ importazzjoni, ta’ esportazzjoni, ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni bl-ingrossa ( 37 ), bl-adozzjoni, fit-8 ta’ Diċembru 1994, tal-Liġi dwar l-alkoħol ( 38 ). |
102. |
Mill-qari konġunt tal-Artikoli 8(1) u 13 ta’ din il-liġi jirriżulta li l-monopolju Finlandiż, li jappartjeni għal Alko, miżmum totalment mis-Suomen valtio, jirrigwarda l-bejgħ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku biss. |
103. |
Fil-fatt, infakkar li skont l-Artikolu 13(1) tal-Liġi dwar l-alkoħol, Alko “għandha l-monopolju tal-bejgħ bl-imnut tax-xorb alkoħoliku” ( 39 ). Inżid ngħid li mill-Artikolu 36(1)(1) ta’ din il-liġi jirriżulta wkoll li l-missjoni ta’ Alko hija li tamministra l-bejgħ bl-imnut li l-monopolju tiegħu ngħata lilha minn din il-liġi. |
104. |
Infakkar li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar l-alkoħol tipprovdi li “[h]uwa permess li jiġi importat mingħajr awtorizzazzjoni partikolari xorb alkoħoliku maħsub għall-konsum personali jew għall-finijiet kummerċjali jew professjonali” ( 40 ). Għalhekk, Alko ma għandha l-ebda dritt esklużiv ta’ importazzjoni. |
105. |
Madankollu, f’sitwazzjonijiet speċifiċi, li fil-fehma tiegħi s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi eżempju tagħhom, l-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku hija suġġetta għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni speċjali. |
106. |
Fil-fatt, infakkar li skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar l-alkoħol, “[m]in juża xorb alkoħoliku għall-finijiet kummerċjali jew professjonali għall-attività tiegħu għandu bżonn awtorizzazzjoni speċjali għall-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku prevista minn din il-liġi [...]” ( 41 ). |
107. |
Konsegwentement, jekk bħal fil-kawża prinċipali, bejjiegħ mill-bogħod li jinsab fl-Estonja jkun jixtieq jimporta xorb alkoħoliku sabiex ibigħu lil xerrej li jinsab fil-Finlandja, huwa għandu jkollu “awtorizzazzjoni speċjali” skont din id-dispożizzjoni. |
108. |
Bħalma osserva l-Gvern Svediż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, it-tip ta’ awtorizzazzjoni meħtieġa tidher li tiddependi mis-segwitu tax-xorb alkoħoliku wara l-importazzjoni tiegħu. Jekk l-importatur ikun jixtieq jikkummerċjalizza bl-ingrossa, irid jikseb awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-ingrossa. Jekk bħal f’dan il-każ, ikun jixtieq ibigħ lil konsumatur, f’dan il-każ irid jikseb awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut mingħand l-awtorità nazzjonali kompetenti. |
109. |
Mill-Artikolu 14 tal-Liġi dwar l-alkoħol jirriżulta li din l-awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut ma tistax tinkiseb għax-xorb alkoħoliku kollu, iżda biss għal dak li għandu kontenut ta’ alkoħol baxx. |
110. |
Fil-fatt, infakkar li skont l-Artikolu 14(1) ta’ din il-liġi, “[i]x-xorb alkoħoliku miksub mill-fermentazzjoni u li fih sa massimu ta’ 4.7 fil-mija f’volum ta’ alkoħol etiliku jista’ jinbiegħ bl-imnut [...] minn kull persuna li tkun kisbet awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut mill-awtorità kompetenti”. |
111. |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 14(2) tal-imsemmija liġi, il-kummerċ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku miksub mill-fermentazzjoni u li ma jeċċedix it-13 % f’volum ta’ alkoħol etiliku jista’ jitwettaq minn persuna oħra għajr Alko, meta din il-persuna tkun kisbet awtorizzazzjoni għall-produzzjoni tal-prodott inkwistjoni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali u s-Saħħa ( 42 ). |
112. |
Skont il-qari konġunt tal-Artikoli 8(1), 13 u 14 tal-Liġi dwar l-alkoħol, il-bejjiegħ mill-bogħod bħal V. Visnapuu, li jinsab fl-Estonja u li jixtieq ibigħ bl-imnut xorb alkoħoliku fil-Finlandja, għandu bżonn awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut biex jimporta u jbigħ lil xerrej Finlandiż xorb alkoħoliku li fih sa massimu ta’ 4.7 % f’volum ta’ alkoħol etiliku. |
113. |
Fir-rigward tax-xorb alkoħoliku li fih livell ta’ alkoħol ogħla, ma tista’ tinkiseb l-ebda awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut minn bejjiegħ mill-bogħod bħal V. Visnapuu, sa fejn dan ix-xorb jista’ jinbiegħ bl-imnut biss minn Alko. |
114. |
Nosserva mill-bidu li waqt is-seduta, V. Visnapuu ppreċiża li x-xorb alkoħoliku kollu inkwistjoni fil-kawża prinċipali fih iktar minn 4.7 % f’volum ta’ alkoħol etiliku, b’tali mod li ma jagħmilx parti mix-xorb kopert mill-Artikolu 14(1) tal-Liġi dwar l-alkoħol, iżda minn dak li jagħmel parti mill-monopolju Finlandiż tal-bejgħ bl-imnut, previst fl-Artikolu 13 ta’ din il-liġi. |
115. |
Huwa fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk l-Artikoli 8(1), 13 u 14 tal-Liġi dwar l-alkoħol, li jagħtu dritt esklużiv ta’ bejgħ bl-imnut lil Alko u jissuġġettaw l-importazzjoni ta’ ċertu xorb alkoħoliku maħsub għall-bejgħ bl-imnut għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut, jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 37 TFUE jew f’dak tal-Artikolu 34 TFUE u, jekk ikun il-każ, jekk dawn id-dispożizzjonijiet humiex kompatibbli ma’ wieħed minn dawn l-artikoli. |
2. Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 37 TFUE
116. |
L-Artikoli 8(1), 13 u 14 tal-Liġi dwar l-alkoħol jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 37 TFUE jew f’dak tal-Artikolu 34 TFUE? |
117. |
Nikkonstata li l-kwistjoni ta’ delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 37 TFUE fir-rigward tal-Artikolu 34 TFUE diġà kienet is-suġġett ta’ dibattiti fil-ġurisprudenza, b’mod partikolari fis-sentenzi Franzén ( 43 ) kif ukoll Rosengren et ( 44 ). |
118. |
Fl-ewwel sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat kriterju distintiv billi qieset li “hemm lok li r-regoli li jirrigwardaw l-eżistenza u l-funzjonament ta’ monopolju jiġu eżaminati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37 TFUE, applikabbli b’mod speċifiku għall-eżerċizzju, minn monopolju nazzjonali ta’ natura kummerċjali, tad-drittijiet ta’ esklużività tiegħu” ( 45 ) qabel ma qieset li, “[m]in-naħa l-oħra, l-impatt, fuq il-kummerċ intrakomunitarju, ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li huma separabbli mill-funzjonament tal-monopolju anki jekk għandhom impatt fuq dan ta’ l-aħħar, għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-Artikolu [34 TFUE]” ( 46 ). |
119. |
Din id-distinzjoni hija bbażata fuq ġurisprudenza preċedenti, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddelimitat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 37 TFUE. Jien ser nillimita ruħi li nikkwota tliet sentenzi. |
120. |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Miritz ( 47 ), kienet ikkonstatat li, “peress li t-taxxa kumpensatorja hija marbuta, bl-ekonomija tagħha u n-natura tagħha, ma’ sistema ta’ monopolju Ġermaniża tal-alkoħol, ir-risposta [...] għandha titfittex fil-kuntest tal-Artikolu 37 [TFUE] li jittratta b’mod speċifiku l-ġestjoni tal-monopolji nazzjonali” ( 48 ). |
121. |
Bl-istess mod, fis-sentenza Rewe-Zentral ( 49 ) tagħha, hija kienet qieset li “l-Artikolu 37 [TFUE] huwa dispożizzjoni speċifika għall-monopolji nazzjonali ta’ xorta kummerċjali” ( 50 ) u li “[d]in id-dispożizzjoni m’għandha għalhekk l-ebda rilevanza fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li ma jikkonċernawx l-eżerċizzju, minn monopolju pubbliku, tal-funzjoni speċifika tiegħu – jiġifieri, id-dritt ta’ esklużività tiegħu – iżda li jikkonċernaw, b’mod ġenerali, il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ xorb alkoħoliku, irrispettivament mill-fatt jekk dan jaqax jew le, taħt il-monopolju in kwistjoni” ( 51 ). |
122. |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Grandes distilleries Peureux ( 52 ) tagħha, kienet ippreċiżat li “r-regoli stabbiliti fl-Artikolu 37 [TFUE] [...] jirrigwardaw biss l-attivitajiet intrinsikament marbuta mal-eżerċizzju tal-funzjoni speċifika tal-monopolju inkwistjoni, iżda ma humiex rilevanti fid-dawl tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mhux relatati mal-eżerċizzju ta’ din il-funzjoni speċifika” ( 53 ). |
123. |
Fir-rigward ta’ dawn is-soluzzjonijiet ġurisprudenzjali, kienet għadha tippersisti ċerta ambigwità fuq il-portata preċiża tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 37 TFUE. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għandu jiġi limitat għall-funzjoni speċifika tal-monopolju, jiġifieri d-dritt esklużiv tiegħu? Regola nazzjonali li, stricto sensu, tmur lil hinn mill-eżerċizzju tad-dritt esklużiv mogħti lill-monopolju, iżda li hija marbuta mal-eżistenza u mal-funzjonament ta’ dan il-monopolju minħabba r-rabta intrinsika tagħha mal-eżerċizzju tal-funzjoni speċifika assenjata lil dan il-monopolju, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni? |
124. |
Din l-ambigwità ma ġietx evitata għalkollox mis-sentenza Franzén ( 54 ), sa fejn daħħlet fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 37 TFUE dispożizzjoni nazzjonali li tagħmel parti minn leġiżlazzjoni dwar l-importazzjoni li stricto sensu tmur lil hinn mill-eżerċizzju, mill-monopolju, tad-dritt esklużiv ta’ bejgħ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku ( 55 ). |
125. |
Risposta għal dawn id-domandi ngħatat sussegwentement mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Rosengren et ( 56 ), li tikkonċerna l-monopolju Svediż tal-bejgħ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku. |
126. |
F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-miżura nazzjonali inkwistjoni, li tipprekludi, fil-prinċipju, lill-individwi li jimportaw b’mod privat xorb alkoħoliku, “ma tirregolax, bħala tali, l-eżerċizzju, [mill-]monopolju, ta’ dan id-dritt ta’ esklużività għall-bejgħ bl-imnut [ta’ dan ix-xorb]” ( 57 ). Għalhekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[d]in il-miżura, li għaldaqstant ma tirrigwardax l-eżerċizzju minn dan il-monopolju tal-funzjoni speċifika tiegħu, ma għandhiex, għaldaqstant, titqies li hija relattiva għall-eżistenza stess ta’ dan ta’ l-aħħar” ( 58 ). |
127. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet ukoll li “tali miżura ta’ projbizzjoni fil-verità ma tirregolax il-funzjonament tal-monopolju peress li ma tirrigwardax il-modalitajiet tal-bejgħ bl-imnut tax-xarbiet alkoħoliċi” ( 59 ). F’dan ir-rigward, hija sostniet li, “[b]’mod partikolari, mhijiex intiża li tirregola la s-sistema ta’ għażla ta’ prodotti tal-monopolju, la n-netwerk ta’ bejgħ tiegħu, la l-organizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni jew tar-reklamar tal-prodotti mqassma mill-imsemmi monopolju” ( 60 ), qabel ma tikkonkludi li “[f]’dawn iċ-ċirkustanzi, tali projbizzjoni ma għandhiex titqies li hija regola relattiva għall-eżistenza jew għall-funzjonament tal-monopolju” ( 61 ). |
128. |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni restrittiva tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 37 TFUE billi tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet li jikkonċernaw b’mod dirett id-dritt esklużiv mogħti lill-monopolju. |
129. |
Din is-soluzzjoni li ngħatat fis-sentenza Rosengren et ( 62 ) kienet tmur kontra l-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukati Ġenerali Tizzano u Mengozzi fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza u ġiet ikkritikata mid-duttrina ( 63 ). Madankollu, f’sentenzi iktar reċenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-imsemmija soluzzjoni ( 64 ). |
130. |
Fir-rigward ta’ din il-ġurisprudenza reċenti, għandu jiġi vverifikat jekk l-Artikoli 8(1), 13 u 14 tal-Liġi dwar l-alkoħol jikkostitwixxux regoli dwar l-eżistenza jew il-funzjonament tal-monopolju ( 65 ). |
131. |
Jien inqis, bħall-Gvernijiet intervenjenti kollha, li ma hemm l-ebda dubju li r-regola prevista fl-Artikolu 13 tal-Liġi dwar l-alkoħol, li tikkonferixxi lill-monopolju pubbliku d-dritt esklużiv tal-bejgħ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku, tirreferi għall-eżistenza nfisha tal-monopolju Finlandiż inkwistjoni fil-kawża prinċipali u evidentement taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 37 TFUE. |
132. |
Iżda x’inhi s-sitwazzjoni fir-rigward tar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-importazzjoni u għall-bejgħ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku li l-volum tal-alkoħol etiliku tiegħu ma jeċċedix l-4.7 %, bħalma huwa previst fl-Artikoli 8(1) u 14 tal-Liġi dwar l-alkoħol? |
133. |
Skont il-Gvernijiet tal-Finlandja u tan-Norveġja, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE, sa fejn ix-xorb alkoħoliku kkonċernat mill-imsemmija dispożizzjonijiet ma jkunx kopert mill-esklużività mogħtija lill-monopolju. |
134. |
Ma nistax naqbel ma’ dan l-argument. Fil-fehma tiegħi, l-Artikoli 8(1) u 14 tal-Liġi dwar l-alkoħol għandhom ukoll jiġi evalwati fid-dawl tal-Artikolu 37 TFUE, sa fejn jikkonċernaw l-eżerċizzju, mill-monopolju Finlandiż, tal-funzjoni speċifika tiegħu. |
135. |
F’dan ir-rigward, nikkonstata, fl-ewwel lok, li l-funzjoni speċifika mogħtija lill-monopolju inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonsisti fil-fatt li l-esklużività tiġi rriżervata lil dan il-monopolju, u konsegwentement anki l-ġestjoni tal-bejgħ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku fil-Finlandja, bl-eċċezzjoni ta’ xorb alkoħoliku li ma jeċċedix l-4.7 % f’volum ta’ alkoħol etiliku li fir-rigward tiegħu hija neċessarja awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut, mogħtija mill-awtorità Finlandiża kompetenti, li hija meħtieġa għal kull persuna li tixtieq timporta jew tbigħ bl-imnut dan ix-xorb fil-Finlandja. |
136. |
Fit-tieni lok, nosserva li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija speċifika u distinta minn dawk inkwistjoni fil-ġurisprudenza preċedenti, b’mod partikolari dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Rosengren et ( 66 ). Fil-fatt, b’differenza għal-leġiżlazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża, l-Artikoli 8(1) u 14 tal-Liġi dwar l-alkoħol ma jipprekludux l-importazzjoni, minn bejjiegħ mill-bogħod bħal V. Visnapuu, ta’ xorb alkoħoliku li ma jeċċedix l-4.7 % f’volum ta’ alkoħol etiliku, iżda jissuġġettaw din l-importazzjoni għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut, “meta” dan il-bejjiegħ mill-bogħod ikun jixtieq iwettaq bejgħ bl-imnut fil-Finlandja. |
137. |
Bħalma osserva ġustament il-Gvern Svediż, dak li huwa suġġett għal awtorizzazzjoni ma huwiex il-fatt li x-xorb alkoħoliku jaqsam fruntiera, iżda li x-xorb “jinbiegħ bl-imnut”. |
138. |
Barra minn hekk, nirrileva li, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Rosengren et ( 67 ) kienet ikkunsidrat li, billi rregolat l-importazzjoni u għalhekk stadju preċedenti tal-bejgħ bl-imnut, il-miżura inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza ma tirregolax l-eżerċizzju, mill-monopolju, tad-dritt ta’ esklużività tagħha, peress li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirregolaw, effettivament, il-bejgħ bl-imnut, b’mod li l-eżistenza ta’ rabta intrinsika mal-monopolju Finlandiż attiv f’dan l-istess suq bl-imnut tidher li hija stabbilita. |
139. |
Fit-tielet lok, jidhirli li din l-awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut ma għandha ebda raġuni mingħajr l-eżistenza u l-funzjonament ta’ dan il-monopolju ( 68 ). |
140. |
Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ monopolju ta’ bejgħ bl-imnut għax-xorb alkoħoliku, ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut għax-xorb alkoħoliku biss li ma jeċċedix l-4.7% f’volum ta’ alkoħol etiliku hija ineffettiva. |
141. |
Min-naħa l-oħra, f’każ bħal dak inkwistjoni, fejn l-esklużività tal-bejgħ bl-imnut ingħatat lill-kumpannija statali, ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut huwa intiż li jiggarantixxi l-eżerċizzju, minn dan il-monopolju, tal-funzjoni speċifika tiegħu. |
142. |
Fil-fatt, x’jiġri meta ebda awtorizzazzjoni ma hija meħtieġa f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali? |
143. |
EIG, stabbilit fi Stat Membru ieħor, jista’ jimporta u jbigħ bl-imnut, mingħajr kontroll, kull xorb alkoħoliku lill-konsumaturi Finlandiżi, indipendentement mill-kontentu ta’ alkoħol tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-bejjiegħ mill-bogħod, bħal M.Visnapuu, jista’ għalhekk jevita u jippreġudika l-eżistenza stess tal-monopolju stabbilit mil-Liġi dwar l-alkoħol. |
144. |
Għalhekk, fil-fehma tiegħi, ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut jippermetti li jiġi vverifikat li x-xorb alkoħoliku importat u maħsub għall-bejgħ bl-imnut ma jaqax taħt id-dritt esklużiv mogħti lill-monopolju nazzjonali u jiggarantixxi, b’konsegwenza ta’ dan, l-eżerċizzju nnifsu tad-dritt esklużiv ta’ bejgħ bl-imnut minn dan il-monopolju. |
145. |
Isegwi li r-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut jippermetti li jiġi vverifikat li x-xorb alkoħoliku importat u intiż għall-bejgħ bl-imnut ma jaqax taħt id-dritt esklużiv assenjat lill-monopolju nazzjonali u konsegwentement, jiggarantixxi l-eżerċizzju stess, minn dan il-monopolju tad-dritt esklużiv tiegħu tal-bejgħ bl-imnut ( 69 ). |
146. |
Madankollu, miżura nazzjonali li tikkonċerna l-eżerċizzju, mill-monopolju, tal-funzjoni speċifika tagħha għandha titqies li tikkonċerna l-eżistenza stess ta’ din tal-aħħar. |
147. |
Għalhekk, fil-fehma tiegħi, dan ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni mhux biss huwa intrinsikament marbut mal-eżerċizzju tal-funzjoni speċifika tal-monopolju tal-bejgħ bl-imnut, iżda jikkonċerna wkoll l-eżerċizzju stess, minn dan il-monopolju, tal-funzjoni speċifika tiegħu. |
148. |
Fir-raba’ lok, bħall-Gvern Svediż u l-Kummissjoni, ninnota li, bl-applikazzjoni tal-Liġi dwar l-alkoħol, il-konsumaturi Finlandiżi jistgħu jixtru u jimportaw ix-xorb alkoħoliku kollu li ġej minn Stati Membri oħra, bil-kundizzjoni li jirrikorru għas-servizz ta’ trasportatur indipendenti mill-bejjiegħ jew li jorganizzaw huma stess il-kunsinna fit-territorju Finlandiż u li l-proprjetà ta’ dan ix-xorb alkoħoliku tkun ġiet ittrasferita lix-xerrej qabel l-importazzjoni fil-Finlandja. |
149. |
Għalhekk, f’sitwazzjoni fejn il-konsumatur Finlandiż jixtri mill-bogħod xorb alkoħoliku u fejn it-trasferiment tal-proprjetà u tar-riskji ta’ xorb iseħħ barra mit-territorju Finlandiż, l-awtorizzazzjoni ma tistax tiġi imposta fuq il-bejjiegħ mill-bogħod bħal V. Visnapuu, sakemm ma jkun sar ebda bejgħ bl-imnut fil-Finlandja. |
150. |
Fin-nuqqas ta’ bejgħ bl-imnut fit-territorju Finlandiż, l-awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut għalhekk ma hijiex meħtieġa peress li ma jeżisti ebda riskju ta’ evitar tal-monopolju tal-bejgħ bl-imnut. |
151. |
Hawnhekk qed nerġa’ nara konferma tal-fatt li l-awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut għandha titqies li hija marbuta mal-funzjoni speċifika mogħtija lill-monopolju Finlandiż, li hija dik li jiġi fdat bil-ġestjoni tal-bejgħ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku li jeċċedi l-4.7 % f’volum ta’ alkoħol etiliku. |
152. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, inqis li kemm l-Artikolu 13 tal-Liġi dwar l-alkoħol kif ukoll l-Artikoli 8(1) u 14 ta’ din il-liġi għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-Artikolu 37 TFUE. |
3. Fuq il-kompatibbiltà mal-Artikolu 37 TFUE
153. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament ikkonstatat li “[k]emm mit-test tal-Artikolu 37 TFUE kif ukoll mill-pożizzjoni tiegħu fis-sistema tat-trattat jirriżulta li dan l-artikolu għandu l-għan li jiżgura l-osservanza tal-regola fundamentali tal-moviment liberu tal-merkanzija fis-suq [intern] kollu, b’mod partikolari permezz tat-tneħħija tar-restrizzjonijiet kwantitattivi u tal-[MEE] fil-kummerċ bejn l-Istati Membri u biex għalhekk jinżammu kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni bejn l-ekonomija tal-Istati Membri bil-każ fejn, f’wieħed mill-Istati Membri prodott speċifiku jkun suġġett għal monopolju nazzjonali ta’ natura kummerċjali” ( 70 ). |
154. |
Skont ġurisprudenza wkoll stabbilita, “[l-imsemmi] artikolu ma jeżiġix it-tneħħija totali tal-monopolji nazzjonali li għandhom natura kummerċjali, iżda jippreskrivi l-ġestjoni tagħhom b’mod li tiġi żgurata, fil-kundizzjonijiet ta’ [provvista u ta’ kummerċjalizzazzjoni], l-esklużjoni ta’ kull diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri” ( 71 ). |
155. |
Fil-fatt, dan l-Artikolu 37 TFUE “għandu l-għan li jirrikonċilja l-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jżommu ċerti monopolji ta’ xorta kummerċjali, bħala strumenti sabiex jintlaħqu għanijiet ta’ interess pubbliku, mal-eżiġenzi tal-istabbiliment u tal-funzjonament tas-suq [intern]. Fil-fatt, dan l-artiklu huwa intiż għall-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija, bl-eċċezzjoni madankollu tal-effetti restrittivi fuq il-kummerċ li huma inerenti fl-eżistenza tal-monopolji inkwistjoni” ( 72 ). |
156. |
Għalhekk, l-Artikolu 37 TFUE “jeżiġi li l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-monopolju jiġu ġestiti b’mod li jeskludi kull diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri fil-kundizzjonijiet ta’ [provvista u ta’ kummerċjalizzazzjoni], b’mod li l-kummerċ tal-merkanzija li ġejja minn Stati Membri oħra ma jkunx żvantaġġat, la de jure u lanqas de facto, meta mqabbel ma’ dak tal-merkanzija nazzjonali u li l-kompetizzjoni bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri ma ġġarrabx distorsjoni” ( 73 ). |
157. |
F’dan il-każ, infakkar, fl-ewwel lok, bħall-Gvern Finlandiż, li l-għan tal-Liġi dwar l-alkoħol, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, huwa li jiġi evitati l-effetti negattivi tas-sustanzi alkoħoliċi fuq is-soċjetà, fuq il-ħajja soċjali u fuq is-saħħa billi jiġi kkontrollat il-konsum tal-alkoħol. |
158. |
Fir-rigward tal-bejgħ bl-imnut, ir-regolazzjoni tal-konsum tal-alkoħol tiġi żgurata, skont dan l-istess gvern, mill-istabbiliment ta’ monopolju Finlandiż u, għal ċertu xorb b’kontenut baxx ta’ alkoħol, minn sistema ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut. |
159. |
Barra minn hekk, skont il-Gvern Svediż, ċerti studji stabbilixxew li żieda fl-aċċess għax-xorb alkoħoliku twassal għal żieda fil-konsum totali tiegħu. Bl-istess mod, skont dan il-gvern, il-konsum totali ta’ alkoħol u n-numru ta’ vittmi tiegħu jonqsu, b’mod partikolari meta jkun diffiċli li jinkiseb xorb alkoħoliku. |
160. |
F’dan il-kuntest, ma huwiex ikkontestat li, bl-għan li s-saħħa pubblika tiġi protetta mill-effetti negattivi tal-alkoħol, il-monopolju Finlandiż tal-bejgħ bl-imnut u r-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut għandu għan ta’ interess pubbliku ( 74 ). |
161. |
Fit-tieni lok, ninnota li la fl-osservazzjonijiet bil-miktub u lanqas fis-seduta ma ġie sostnut li l-monopolju Finlandiż jikser ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 37 TFUE. |
162. |
F’dan ir-rigward, nosserva mill-ġdid li mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-organizzazzjoni u l-funzjonament ta’ dan il-monopolju tal-bejgħ bl-imnut ma jipprekludux lill-bejjiegħa stabbiliti fi Stati Membri oħra milli jbigħu xorb alkoħoliku lil konsumaturi Finlandiżi. Barra minn hekk, kemm l-operaturi nazzjonali kif ukoll l-operaturi barranin jistgħu jbigħu xorb alkoħoliku lill-monopolju pubbliku li wara jerġa’ jbigħhom lill-konsumatur Finlandiż. |
163. |
Għalhekk, f’dan il-każ, ma jeżistux elementi li juru li d-domanda tal-konsumaturi, fir-rigward tax-xorb alkoħoliku, ma hijiex issodisfatta, u lanqas li l-prodotti importati jkunu żvantaġġati meta mqabbla mal-prodotti nazzjonali. |
164. |
Barra minn hekk, bħall-Gvern Finlandiż, nosserva li mill-atti tal-proċess jirriżulta li ħadd ma allega li l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut, f’konformità mal-Liġi dwar l-alkoħol, huma diskriminatorji. |
165. |
F’dan ir-rigward, ninnota li mill-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ dan il-gvern jirriżulta li l-awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut tkun meħtieġa kemm għall-operaturi nazzjonali li jixtiequ jbigħu bl-imnut kif ukoll għall-operaturi barranin li jixtiequ jimportaw u jbigħu bl-imnut ix-xorb alkoħoliku li ma jeċċedix l-4.7 % f’volum ta’ alkoħol etiliku u din tapplika mingħajr distinzjoni bejn il-prodotti mmanifatturati fil-Finlandja u dawk immanifatturati fi Stati Membri oħra. |
166. |
Għalhekk, ir-regoli nazzjonali li jikkonċernaw l-awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut għandhom, de jure u de facto, l-istess impatt fuq il-bejgħ ta’ prodotti nazzjonali bħal dak fuq il-prodotti importati minn Stati Membri oħra u japplikaw bl-istess mod fir-rigward tal-operaturi nazzjonali u ta’ dawk barranin. |
167. |
Barra minn hekk, ngħid ukoll li f’każ ta’ sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali fejn ix-xorb alkoħoliku huwa importat minn Stat Membru għajr ir-Repubblika tal-Finlandja u kkunsinnat mill-bejjiegħ lix-xerrej Finlandiż, u fejn ma hija meħtieġa ebda awtorizzazzjoni, is-sistema ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut tista’ toħloq sitwazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni inversa, sa fejn ikun biss ix-xorb alkoħoliku nazzjonali li jkun suġġett għar-rekwiżit ta’ tali awtorizzazzjoni. |
168. |
Għalkemm il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jindikaw li la l-legalità tal-monopolju u lanqas dik tal-awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut ma ġew ikkontestati a priori, dawn ma jipprovdux informazzjoni dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament konkret ta’ dan il-monopolju, u b’mod partikolari dwar is-sistema ta’ għażla ta’ dawn il-prodotti mill-monopolju, dwar in-netwerk tal-bejgħ tal-monopolju jew dwar il-promozzjoni ta’ xorb alkoħoliku. Madankollu, huwa b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ dawn il-kriterji li l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tevalwa l-konformità tar-regoli dwar il-funzjonament tal-monopolju fir-rigward tal-Artikolu 37 TFUE ( 75 ). |
169. |
Għalhekk għandha tkun il-qorti nazzjonali, fid-dawl tal-informazzjoni kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, li tiddetermina jekk l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-monopolju Finlandiż tal-bejgħ bl-imnut humiex diskriminatorji jew ta’ natura li jiżvantaġġaw il-prodotti importati. |
170. |
Fl-aħħar nett, inżid ngħid li l-Gvern Finlandiż iqis li l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika ma jistax jiġi ssodisfatt minn mezzi inqas restrittivi minn dak tal-issuġġettar tal-bejgħ bl-imnut imwettaq fil-Finlandja għal awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut jew għal dritt esklużiv tal-monopolju Finlandiż. Fil-fatt, skont dan il-gvern, li kieku bejjiegħ barrani seta’ jbigħ huwa stess lil xerrej Finlandiż, jinħoloq kanal ta’ distribuzzjoni ġdid tax-xorb alkoħoliku li jikkompeti mal-monopolju u mal-bejgħ suġġett għal awtorizzazzjoni, mingħajr ma jkun suġġett għall-ebda kontroll mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. |
171. |
F’dan ir-rigward, il-Gvern Finlandiż jinnota, b’mod partikolari, li s-sistema ta’ awtorizzazzjoni hija meħtieġa sabiex jiġi kkontrollat li l-impriżi li jkunu ngħataw awtorizzazzjoni għall-bejgħ josservaw id-dispożizzjonijiet dwar il-bejgħ ta’ xorb alkoħoliku ( 76 ). |
172. |
Bl-istess mod, infakkar li mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-konsumaturi jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jordnaw u jimportaw xorb alkoħoliku mingħand bejjiegħ barrani. Għalhekk, il-Liġi dwar l-alkoħol ma tipprekludix l-importazzjonijiet privati. |
173. |
Fid-dawl tal-informazzjoni preċedenti, jien inqis li l-Artikoli 8(1), 13 u 14 tal-Liġi dwar l-alkoħol għandhom jitqiesu li huma neċessarji u proporzjonati mal-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika. |
174. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjoni kollha, inqis li l-Artikolu 37 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal-Liġi dwar l-alkoħol, bil-kundizzjoni li l-organizzazzjoni u l-funzjonament ta’ dan il-monopolju jkunu amministrati b’mod li tiġi eskluża kull diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri fir-rigward tal-kundizzjonijiet li jirregolaw il-provvista u l-kummerċjalizzazzjoni, b’mod li l-kummerċ tal-merkanzija li toriġina minn Stati Membri oħra ma jkunx żvantaġġat, la de jure u lanqas de facto, meta mqabbel ma’ dak tal-merkanzija nazzjonali, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali. |
175. |
Sa fejn ġiet eskluża l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 TFUE, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għas-seba’ u għat-tmien domandi lill-qorti tar-rinviju. |
IV – Konklużjoni
176. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Helsingin hovioikeus kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE, tal-20 ta’ Diċembru 1994, dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 13, p. 349).
( 3 ) Iktar ’il quddiem il-“MEE”.
( 4 ) Skont din l-aħħar dispożizzjoni, is-sistema ta’ restituzzjoni operazzjonali hija ddefinita bħala sistema ta’ depożitu li fil-kuntest tiegħu l-persuna li tippakkja jew l-importatur tax-xorb, li jaġixxi waħdu jew kif indikat fil-Liġi Nru 1072/1993 dwar l-iskart [jätelaki (1072/1993)] jew fid-dispożizzjonijiet korrispondenti applikabbli fil-Gżejjer Åland, jiżguraw l-użu mill-ġdid jew ir-riċiklaġġ tal-imballaġġ ta’ xorb b’mod li jiġi żgurat li l-imballaġġ jimtela mill-ġdid jew jintuża bħala materja prima.
( 5 ) Iktar ’il quddiem il-“perijodu inkwistjoni”.
( 6 ) Id-deċiżjoni tar-rinviju tippreċiża li, waqt il-perijodu inkwistjoni, l-EIG importa 4507.30 litru ta’ birra, 1499.40 litru ta’ sajder, 238.70 litru ta’ nbid u 3452.30 litru ta’ spirti fil-Finlandja.
( 7 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża De Danske Bilimportører (C‑383/01, EU:C:2003:116, punt 2).
( 8 ) Ara s-sentenzi Brzeziński (C‑313/05, EU:C:2007:33, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Orgacom (C‑254/13, EU:C:2014:2251, punt 23).
( 9 ) F’dan ir-rigward, ninnota, l-ewwel nett, li l-Gvernijiet tal-Isvezja u tan-Norveġja ma ħadux pożizzjoni dwar din il-kwistjoni, it-tieni nett, li V. Visnapuu jqis li l-Artikolu 34 TFUE japplika biss b’mod sussidjarju u, it-tielet nett, li l-Gvern Finlandiż janalizza l-kompatibbiltà tal-Liġi dwar id-dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb mal-Artikolu 34 TFUE fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dan ikun applikabbli.
( 10 ) Ara s-sentenza Dassonville (8/74, EU:C:1974:82, punt 5).
( 11 ) Ara s-sentenzi De Danske Bilimportører (C‑383/01, EU:C:2003:352, punt 36) u Brzeziński (C‑313/05, EU:C:2007:33, punt 27).
( 12 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża De Danske Bilimportører (C‑383/01, EU:C:2003:116, punt 28).
( 13 ) Ara s-sentenzi Lornoy et (C‑17/91, EU:C:1992:514, punt 14) kif ukoll De Danske Bilimportører (C‑383/01, EU:C:2003:352, punt 32).
( 14 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża De Danske Bilimportører (C‑383/01, EU:C:2003:116, punt 30).
( 15 ) Ibidem. Fil-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Avukat Ġenerali Jacobs qies li, minħabba l-kampijiet ta’ applikazzjoni distinti tagħhom, wieħed mill-artikoli biss jista’ japplika għal miżura partikolari (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Brzeziński, C‑313/05, EU:C:2006:598, punti 31 u 32).
( 16 ) Ibidem (punt 33).
( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi De Danske Bilimportører (C‑383/01, EU:C:2003:352, punt 34) u Brzeziński (C‑313/05, EU:C:2007:33, punti 23 u 24) kif ukoll id-digriet Kawala (C‑134/07, EU:C:2007:770, punt 26).
( 18 ) Ara s-sentenza Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz (C‑309/02, EU:C:2004:799, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 19 ) Ara, f’dan is-sens, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Il-kontenituri tax-xorb, is-sistemi ta’ depożiti u l-moviment ħieles tal-oġġetti (ĠU 2009, C 107, p. 1).
( 20 ) Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑463/01, EU:C:2004:797, punt 44) kif ukoll Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz (C‑309/02, EU:C:2004:799, punt 56).
( 21 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑463/01, EU:C:2004:797, punt 43).
( 22 ) Ara l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 91/62.
( 23 ) Ninnota li ma hemm ebda informazzjoni fil-fajl li tindika li d-dazju tas-sisa tal-imballaġġ ta’ xorb jistabbilixxi protezzjoniżmu li jiffavorixxi produzzjoni nazzjonali li tikkompeti mal-imballaġġ ta’ xorb alkoħoliku. Għaldaqstant, id-dazju tas-sisa inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandux jiġi evalwat fid-dawl tal-Artikolu 110(2) TFUE.
( 24 ) Ara s-sentenzi Stadtgemeinde Frohnleiten u Gemeindebetriebe Frohnleiten (C‑221/06, EU:C:2007:657, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Tatu (C‑402/09, EU:C:2011:219, punt 34).
( 25 ) Ara s-sentenzi De Danske Bilimportører (C‑383/01, EU:C:2003:352, punt 37) u Tatu (C‑402/09, EU:C:2011:219, punt 35).
( 26 ) Ara s-sentenzi Brzeziński (C‑313/05, EU:C:2007:33, punt 40); Stadtgemeinde Frohnleiten u Gemeindebetriebe Frohnleiten (C‑221/06, EU:C:2007:657, punt 50), kif ukoll Oil Trading Poland (C‑349/13, EU:C:2015:84, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 27 ) Ara s-sentenzi Bergandi (252/86, EU:C:1988:112, punt 25) kif ukoll Stadtgemeinde Frohnleiten u Gemeindebetriebe Frohnleiten (C‑221/06, EU:C:2007:657, punt 40).
( 28 ) Mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Finlandiż jirriżulta li s-sistema ta’ riċiklaġġ ibbażata fuq id-depożitu fil-prattika tiffunzjona b’mod effettiv. Għalhekk, fl-2011, il-perċentwali ta’ riċiklaġġ kien ta’ madwar 97 % għall-imballaġġ ta’ xorb użat għall-ewwel darba, filwaqt li għall-imballaġġi użati mill-ġdid, kien madwar 96 % għall-metall, 91 % għall-ħġieġ u 96 % għall-materjali tal-plastik tat-tip polietilentereftalat (PET).
( 29 ) Ara s-sentenza Tatu (C‑402/09, EU:C:2011:21, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 30 ) Dan il-barcode jippermetti l-identifikazzjoni ta’ prodott.
( 31 ) Fil-fehma tiegħu, id-dazju tal-affiljazzjoni mas-sistema ta’ restituzzjoni Finlandiża jammonta għal minimu ta’ EUR 3600 għall-fliexken tal-ħġieġ riċiklabbli u għal EUR 6200 għall-bottijiet tax-xorb. Ma’ dawn jiżdied id-dazju fuq il-kodiċi użat għal kull prodott restitwit fis-sistema, id-dazju ta’ depożitu u d-dazju ta’ riċiklaġġ ibbażat fuq il-volum mibjugħ.
( 32 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub, il-Gvern Finlandiż ippreċiża li Suomen Palautuspakkaus Oy (iktar ’il quddiem “PALPA”) u s-sussidjarja tagħha Palpa Lasi Oy huma l-operaturi tas-sistemi ta’ restituzzjoni prinċipali fil-Finlandja u li l-kundizzjonijiet ta’ affiljazzjoni mas-sistema ta’ restituzzjoni ta’ PALPA u t-tariffi jistgħu jiġu liberament ikkonsultati bil-Finlandiż, bl-Ingliż u bl-Isvediż fuq is-sit tal-Internet ta’ PALPA.
( 33 ) Infakkar li l-affiljazzjoni ma’ sistema ta’ restituzzjoni ta’ imballaġġi ta’ xorb ma hijiex obbligatorja. Fil-fatt, operatur jista’ jippreferi jħallas id-dazju tas-sisa minflok jissuġġetta ruħu għal spejjeż ta’ affiljazzjoni.
( 34 ) Infakkar li skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, is-sistemi nazzjonali ta’ restituzzjoni għandhom, b’mod partikolari, jgħoddu wkoll għall-prodotti importati, taħt kundizzjonijiet nondiskriminatorji, inklużi l-arranġamenti fid-dettall u kull tariffa imposta għall-aċċess għas-sistemi, u għandhom jiġu ddisinjati sabiex jevitaw ostakoli għall-kummerċ jew distorsjoni tal-kompetizzjoni konformement mat-Trattat.
( 35 ) Dan il-Kapitolu 3 jinkludi l-Artikoli 34 TFUE sa 37 TFUE.
( 36 ) Ara l-punt 126 tal-XXV rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni 1995 [KUMM(96) 126 finali].
( 37 ) Idem.
( 38 ) Il-Liġi dwar l-alkoħol daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995.
( 39 ) Korsiv miżjud minni.
( 40 ) Idem.
( 41 ) Idem.
( 42 ) Fir-rigward tal-atti tal-proċess, ninnota li l-imsemmija dispożizzjoni dwar il-kummerċ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku li ma jeċċedix it-13 % f’volum ta’ alkoħol etiliku ma kinitx is-suġġett ta’ dibattiti, b’tali mod li jien inqis li din ma tikkonċernax is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
( 43 ) C‑189/95, EU:C:1997:504.
( 44 ) C‑170/04, EU:C:2007:313.
( 45 ) Ara s-sentenza Franzen (C‑189/95, EU:C:2015:261, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 46 ) Ibidem (punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 47 ) 91/75, EU:C:1976:23.
( 48 ) Punt 5.
( 49 ) 120/78, EU:C:1979:42.
( 50 ) Punt 7.
( 51 ) Idem.
( 52 ) 86/78, EU:C:1979:64.
( 53 ) Punt 35.
( 54 ) C-189/95, EU:C:1997:504
( 55 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Rosengren et (C‑170/04, EU:C:2006:213, punt 41) u tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Rosengren et (C‑170/04, EU:C:2006:747, punt 35).
( 56 ) C‑170/04, EU:C:2007:313.
( 57 ) Punt 21.
( 58 ) Punt 22.
( 59 ) Punt 24.
( 60 ) Idem.
( 61 ) Punt 26.
( 62 ) C‑170/04, EU:C:2007:313.
( 63 ) Ara Bernard, E., “Monopole sur l’alcool et régime d’autorisation d’importation”, Revue Europe, Nru 8, Awwissu 2007, kom. 207. L-awtur iqis, b’mod partikolari, li “in-nuqqas tal-qorti Komunitarja li twieġeb għad-domanda magħmula huwa sorprendenti u ma jikkorrispondix mal-ġurisprudenza preċedenti tagħha u li jikkontrasta ma’ dik taż-żewġ Avukati Ġenerali” [traduzzjoni libera]. Ara wkoll, Johansson, M., “Rosengren – The ECJ makes a narrow interpretation of Franzén”, European Law Reporter, 7-8, 2007, p. 250.
( 64 ) Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Iżvezja (C‑186/05, EU:C:2007:571, punti 22 u 23) kif ukoll ANETT (C‑456/10, EU:C:2012:241, punti 21 sa 30).
( 65 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Rosengren et (C‑170/04, EU:C:2007:313, punt 19) kif ukoll ANETT (C‑456/10, EU:C:2012:241, punt 24).
( 66 ) C‑170/04, EU:C:2007:313.
( 67 ) Idem.
( 68 ) Ara konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Rosengren et (C-170/04, EU:C:2006:747, punt 60).
( 69 ) Ara, a contrario, is-sentenza ANETT (C‑456/10, EU:C:2012:241, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 70 ) Ara s-sentenza Franzén (C‑189/95, EU:C:1997:504, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 71 ) Ibidem (punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 72 ) Ibidem (punt 39).
( 73 ) Ibidem (punt 40).
( 74 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franzén (C‑189/95, EU:C:1997:504, punt 41).
( 75 ) Ara s-sentenza Franzén (C‑189/95, EU:C:1997:504, punti 43 sa 66).
( 76 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub, dan il-gvern jippreċiża li x-xorb alkoħoliku li ma jeċċedix l-4.7 % f’volum ta’ alkoħol etiliku huwa rregolat minn leġiżlazzjoni speċifika. Fil-fatt, dan ma jistax, pereżempju, jinbiegħ ħlief bejn is-7 a.m. u l-11 p.m. Bl-istess mod, il-bejgħ ta’ dan ix-xorb lil persuni taħt it-18‑il sena u lil persuni fis-sakra huwa pprojbit.