SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

18 ta’ Ġunju 2015 ( *1 )

“Appell — Kompetizzjoni — Settur tat-traffiku ferrovjarju u tas-servizzi anċillari — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Regolament (KE) Nru 1/2003 — Artikoli 20 u 28(1) — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni li tordna spezzjoni — Setgħat ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni — Dritt fundamentali għall-invjolabbiltà tad-domiċilju — Assenza ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel — Stħarriġ ġudizzjarju effettiv — Konstatazzjoni fortuwita”

Fil-Kawża C‑583/13 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-15 ta’ Novembru 2013,

Deutsche Bahn AG, stabbilita fi Berlin (il-Ġermanja),

DB Mobility Logistics AG, stabbilita fi Berlin,

DB Energie GmbH, stabbilita fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja),

DB Netz AG, stabbilita fi Frankfurt am Main,

Deutsche Umschlaggesellschaft Schiene-Straße (DUSS) mbH, stabbilita fi Bodenheim (il-Ġermanja),

DB Schenker Rail GmbH, stabbilita fi Mainz (il-Ġermanja),

DB Schenker Rail Deutschland AG, stabbilita fi Mainz,

irrappreżentati minn W. Deselaers, E. Venot u J. Brückner, avukati,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Malferrari u R. Sauer, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Rubio González u L. Banciella Rodríguez-Miñón, bħala aġenti,

intervenjent fl-ewwel istanza,

L-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, irrappreżentata minn M. Schneider, u X. Lewis kif ukoll minn M. Moustakali, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,

intervenjent fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur), J. L. da Cruz Vilaça u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Diċembru 2014,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Frar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, Deutsche Bahn AG, u s-sussidjarji tagħha DB Mobility Logistics AG, DB Energie GmbH, DB Netz AG, Deutsche Umschlaggesellschaft Schiene-Straße (DUSS) mbH, DB Schenker Rail GmbHb u DB Schenker Rail Deutschland AG (iktar ’il quddiem, flimkien, “Deutsche Bahn”) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni (T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11, EU:T:2013:404, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tad-Deċiżjonijiet C(2011) 1774, tal-14 ta’ Marzu 2011, C(2011) 2365, tat-30 ta’ Marzu 2011, u C(2011) 5230, tal-14 ta’ Lulju 2011, tal-Kummissjoni li ordnaw spezzjonijiet (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), fil-konfront ta’ Deutsche Bahn AG kif ukoll tas-sussidjarji kollha tagħha (Każijiet COMP/39.678 u COMP/39.731).

Il-kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, intitolat “Is-setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni”, jistabbilixxi li:

“1.   Sabiex tagħmel id-doveri assenjati lilha min dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tagħmel l-ispezzjonijiet neċessarji ta’ l-impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża.

2.   L-uffiċjali u persuni oħra li jakkompanjawhom awtorizzati mil-Kummissjoni jagħmlu spezzjoni għandhom is-setgħa li:

(a)

li jidħlu f’kwalunkwe siti, art u metodi tat-trasport ta’ l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża;

b)

li jeżaminaw il-kotba u rekords oħra relatati mal-kummerċ, irrespettivament tal-mod kif innhu maħżun;

(ċ)

li jieħu jew jikseb f’kwalunkwe forma: kopji ta’ jew estratti min[n] dawn il-kotba jew rekords[;]

(d)

li jagħlqu kwalunkwe post tal-kummerċ u l-kotba jew rekords għal dak il-perjodu u sal-punt neċessarju biex issir l-ispezzjoni;

(e)

li tistaqsi lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tas-staff ta’ l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża għal l-ispjegazzjoni fuq il-fatti jew dokumenti relati mas-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni biex tirrekordja r-risposti.

3.   L-uffiċjali u l-persuni l-oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex jagħmlu l-ispezzjoni ħa jeserċitaw il-poteri tagħhom malli jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li jispeċiefikaw is-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni u l-pieni previsti mil-Artikolu 23 f’każ li jipproduċu l-kotba rikjesti u rekords oħra relatati mal-kummerċ jkun inkomplut jew fejn hemm risposti għad-domandi mistoqsija taħt paragrafu 2 tal-preżent Artikolu jkun inkorret jew qarrieqi. F’ħin tajjeb qabel l-ispezzjoni, il-Kummissjoni ħa tagħti notifikazzjoni ta’ l-ispezzjoni lill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu qed isseħħ.

4.   Impriżi jew assoċjazzjonijiet tal-impriża huma rikjesti li jissottomettu għall-ispezzjonijiet ordnati b’deċiżjoni mil-Kummissjoni. Id-deċiżjoni ħa tispeċifika s-suġġet u l-għan tal-ispezzjoni, taħtar id-data li fiha għandha tibda u tindika l-pieni previsti mil-Artikoli 23 u 24 u d-dritt li tar-reviżjoni [dritt ta’ reviżjoni] tad-deċiżjoni mil-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni ħa tieħu deċiżjoni wara li tikkonsulta l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha isseħħ l-ispezzjoni.

5.   Uffiċjali ta’ kif ukoll dawk awtorizzati jew maħtura mil[l]-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha sseħħ l-ispezzjoni ħa, mat-talba ta’ din l-awtorità jew tal-Kummissjoni, tassisti [jassistu] b’mod attiv lil uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mil-Kummissjoni. Għal dan il-għan, huma ħa jgawdu min poteri speċifikati min[n] paragrafu 2.

6.   Fejn l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mil-Kummissjoni jsibu li l-impriża topponi xi speżjoni ordnata skond dan l-Artiklu, l-Istat Membru konċernat [għandu] jtihom l-assistenza neċessarja, titlob [billi jitlob] fejn hu approprjat l-assistenza tal-puliżija jew ta’ l-awtorità infurzatura [ta’ infurzar] oħra ekwivalenti, Sabiex tħallihom [iħallihom] jikkonduċu l-ispezzjoni tagħhom.

7.   Jekk l-assistenza prevista min paragrafu 6 tirrikjedi l-awtorizzazzjoni ta’ xi awtorità ġudizzjarja bi qbil mar-regoli nazzjonali, awtorizzazzjoni bħal din trid tapplika għaliha. Awtorizzazzjoni bħal din tista’ ukoll tapplika għaliha bħala miżura ta’ prekawzjoni.

8.   Fejn [issir applikazzjoni għal]l-awtorizzazzjoni kif msejħa fil-paragrafu 7 [...], l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ħa tikkontrolla li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun awtentika u li l-miżuri ta’ sfurzar [koerzjoni] maħsuba huma la ta’ arbitraġġ u lanqas eċċessivi wara li kkunsidraw is-suġġett ta’ l-ispezzjoni. Fil-kontrol tal-proporzjonalità tal-miżuri ta’ sfurzar [koerzjoni], l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ tistaqsi lill-Kummissjoni, direttament jew permezz ta’ l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru, għal spjegazzjonijiet dettaljati b’mod partikolari fuq il-bażi li l-Kummissjoni għandha għal ksur sospett [suspett ta’ ksur] ta’ l-Artikoli [101 u 102 tat-Trattat FUE], kif ukoll għas-serjetà [fuq is-serjetà] tal-ksur sospettat u fuq in-natura ta’ involviment ta’ l-impriża konċernata. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ ma tistaqsix [ma tistax tikkontesta] in-neċessità ta’ l-ispezzjoni u lanqas tordna li tkun provduta bl-informazzjoni fil-file tal-Kummissjoni. Il-dritt legali [legalità] tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ħa tkun soġetta għar-reviżjoni biss mil-Qorti tal-Ġustizzja.”

3

L-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jippreċiża li, bla ħsara għall-Artikoli 12 u 15 ta’ dan ir-regolament, dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u dwar il-kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali rispettivament, l-informazzjoni miġbura fil-kuntest tas-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni tista’ tintuża biss għall-finijiet li għalihom hija tkun inġabret.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

4

Deutsche Bahn hija impriża li twettaq attivitajiet fis-settur tat-trasport nazzjonali u internazzjonali ta’ merkanzija u ta’ passiġġieri, fis-settur tal-loġistika u fis-settur tal-provvista ta’ servizzi anċillari ta’ trasport ferrovjarju.

5

Fl-14 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni adottat l-ewwel deċiżjoni li ordnat lil Deutsche Bahn tissottometti ruħha għal spezzjoni minħabba trattament preferenzjali potenzjalment inġustifikat mogħti minn DB Energie GmbH lil kumpanniji sussidjarji oħra tal-grupp, b’mod partikolari fl-għamla ta’ sistema ta’ skontijiet għal dak li jirrigwarda l-provvista ta’ enerġija elettrika li tmexxi ferrovija (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni”). Din l-ewwel spezzjoni seħħet mid-29 sal-31 ta’ Marzu 2011.

6

Fit-30 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni adottat it-tieni deċiżjoni fil-konfront ta’ Deutsche Bahn u li tirrigwarda l-prattiki eventwali implementati minn DUSS bl-għan li jiġu żvantaġġati kompetituri tal-grupp attivi fil-Ġermanja billi tirrendi diffiċli l-aċċess tagħhom għat-terminals jew billi tiddiskrimina kontrihom (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni”). Din it-tieni spezzjoni seħħet fit-30 ta’ Marzu u fl-1 ta’ April 2011.

7

Fl-14 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni adottat it-tielet deċiżjoni ta’ spezzjoni fil-konfront ta’ Deutsche Bahn minħabba l-istabbiliment ta’ sistema potenzjalment antikompetittiva ta’ użu strateġiku tal-infrastruttura ġestita minn kumpanniji tal-grupp intiża sabiex tipprekludi, tikkomplika u toħloq iktar spejjeż għall-attivitajiet tal-kompetituri tal-grupp fil-qasam tat-trasport ferrovjarju, li għalihom l-aċċess għat-terminals ta’ DUSS huwa meħtieġ (iktar ’il quddiem it-“tielet deċiżjoni ta’ spezzjoni”). Din it-tielet spezzjoni seħħet fis-26 ta’ Lulju 2011.

8

Deutsche Bahn, fil-preżenza tal-avukati tagħha waqt it-tliet spezzjonijiet, ma qajmitx oġġezzjonijiet u ma oġġezzjonatx għall-assenza ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel u lanqas ma opponiet l-imsemmija spezzjonijiet skont l-Artikolu 20(6) tar-Regolament Nru 1/2003.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

9

Permezz ta’ atti ppreżentati fl-10 ta’ Ġunju u fil-5 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Bahn ippreżentat tliet rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali li ngħaqdu, li kellhom bħala suġġett talba intiża għall-annullament tal-atti meħuda mill-Kummissjoni matul l-imsemmija spezzjonijiet u talba intiża sabiex tikkundanna lill-Kummissjoni tagħti lura l-kopji kollha ta’ dokumenti magħmula fil-kuntest tal-ispezzjonijiet.

10

Insostenn tar-rikorsi tagħha, Deutsche Bahn invokat ħames motivi bbażati, essenzjalment, fuq ksur tad-dritt fundamentali għall-invjolabbiltà tad-domiċilju kif protett mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), minħabba assenza ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel, fuq ksur tad-dritt fundamentali għal rimedju ġudizzjarju effettiv kif iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta u mill-Artikolu 6 tal-KEDB, fuq diversi istanzi ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

11

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ Deutsche Bahn fl-intier tiegħu.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

12

Deutsche Bahn titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla t-tliet deċiżjonijiet ikkontestati, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri u tal-istanzi kollha.

13

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lil Deutsche Bahn għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tad-dritt fundamentali għall-invjolabbiltà tad-domiċilju previst fl-Artikolu 7 tal-Karta u fl-Artikolu 8 tal-KEDB

L-argumentazzjoni ta’ Deutsche Bahn

14

Deutsche Bahn tilmenta, qabelxejn, li l-Qorti Ġenerali interpretat ħażin is-sentenza tal-Qorti EDB, Colas Est et vs Franza (Nru 3797/97, KEDB 2002‑III) u li ma eżaminatx is-sentenzi mogħtija minn din il-qorti fil-kawżi Société Métallurgique Liotard Frères vs Franza (Nru 29598/08, tal-5 ta’ Mejju 2011) u Canal Plus et vs Franza (Nru 29408/08, tal-21 ta’ Diċembru 2010), sa fejn hija ddeċidiet, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, li l-assenza ta’ mandat ġudizzjarju minn qabel hija biss wieħed mill-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Qorti EDB sabiex tikkonkludi li hemm ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB.

15

Sussegwentement, Deutsche Bahn tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi bbażat ruħha, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, fuq is-sentenzi tal-Qorti EDB, Harju vs Il‑Finlandja (Nru 56716/09, tal-15 ta’ Frar 2011) u Heino vs Il‑Finlandja (Nru 56720/09, tal-15 ta’ Frar 2011), sabiex tqis li minnhom jirriżulta prinċipju ġenerali li jgħid li l-assenza ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tista’ tiġi kkontrobilanċjata bl-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju a posteriori.

16

Deutsche Bahn issostni, fl-aħħar nett, li l-ħames kategoriji ta’ garanziji msemmija mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 74 sa 101 tas-sentenza appellata, ma jiżgurawx protezzjoni suffiċjenti tad-drittijiet tad-difiża tagħha fil-konfront tal-indħil fid-dritt fundamentali tagħha għall-invjolabbiltà tad-domiċilju kkostitwit mill-ispezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni fil-bini tagħha.

17

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA u mir-Renju ta’ Spanja, tikkontesta din l-argumentazzjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

18

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Deutsche Bahn tixtieq, essenzjalment, tistabbilixxi li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi u li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, bi ksur tal-Artikolu 7 tal-Karta u tal-Artikolu 8 tal-KEDB, li l-assenza ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel ma kinitx taffettwa l-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

19

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-dritt fundamentali għall-invjolabbiltà tad-domiċilju jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Hoechst vs Il‑Kummissjoni, 46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 19; Dow Benelux vs Il‑Kummissjoni, 85/87, EU:C:1989:379, punt 30, kif ukoll Dow Chemical Ibérica et vs Il‑Kummissjoni, 97/87 sa 99/87, EU:C:1989:380, punt 16) li issa huwa espress fl-Artikolu 7 tal-Karta, li jikkorrispondi għall-Artikolu 8 tal-KEDB.

20

Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, għalkemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li l-protezzjoni prevista fl-Artikolu 8 tal-KEDB tista’ testendi għal ċertu bini kummerċjali, xorta jibqa’ l-fatt li din il-qorti ddeċidiet li l-indħil pubbliku seta’ jmur lil hinn għal bini jew għal attivitajiet professjonali jew kummerċjali milli f’każijiet oħra (Qorti EDB, Niemietz vs Il‑Ġermanja, tas-16 ta’ Diċembru 1992, Serje A Nru 251‑B, u Bernh Larsen Holding AS et vs In‑Norveġja, Nru 24117/08, tal-14 ta’ Marzu 2013).

21

F’dan il-każ, qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif isostni l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sentenzi tal-Qorti EDB Société Métallurgique Liotard Frères vs Franza kif ukoll Canal Plus et vs Franza, iċċitati iktar ’il fuq, sa fejn dawn tal-aħħar ma kinux jirrigwardaw il-ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB, iżda dak tal-Artikolu 6 tiegħu.

22

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, fakkret ġustament, billi tirreferi għall-punt 49 tas-sentenza Colas Est et vs Franza, li l-Qorti EDB qieset li l-assenza ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel kienet tikkostitwixxi biss wieħed mill-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tikkonkludi li kien hemm ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB. Il-Qorti Ġenerali żiedet tgħid, fil-punt imsemmi, li l-Qorti EDB ħadet inkunsiderazzjoni l-firxa tas-setgħat miżmuma mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, iċ-ċirkustanzi tal-indħil u n-numru limitat ta’ garanziji u li dawn l-elementi huma differenti mis-sitwazzjoni eżistenti taħt id-dritt tal-Unjoni.

23

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li s-setgħat investigattivi li l-Kummissjoni għandha bis-saħħa tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1/2003 huma limitati b’mod li l-membri tal-persunal ta’ din tal-aħħar huma awtorizzati, fost affarijiet oħra, jidħlu fil-postijiet li huma jindikaw, jiġu pprovduti bid-dokumenti li huma jitolbu u jagħmlu kopja tagħhom u jaraw il-kontenut tal-għamara li huma jindikaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hoechst vs Il‑Kummissjoni, 46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 31).

24

Għandu jitfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 20(6) u (7) tar-Regolament Nru 1/2003, awtorizzazzjoni ta’ awtorità ġudizzjarja għandha tintalab meta, fil-każ ta’ oppożizzjoni tal-impriża kkonċernata, l-Istat Membru kkonċernat jagħti l-assistenza neċessarja billi jirrikorri fejn xieraq għall-assistenza tal-pulizija jew tal-awtorità ta’ infurzar oħra ekwivalenti, sabiex jippermetti li titwettaq il-missjoni ta’ spezzjoni u meta l-imsemmija awtorizzazzjoni hija meħtieġa skont id-dritt nazzjonali. L-awtorizzazzjoni tista’ tintalab ukoll bħala miżura ta’ prekawzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 20(8) ta’ dan ir-regolament jippreċiża li, għalkemm il-qorti nazzjonali għandha tistħarreġ, b’mod partikolari, jekk il-miżuri koerċittivi previsti humiex arbitrarji jew sproporzjonati fid-dawl tas-suġġett tal-ispezzjoni, hija ma tistax madankollu tikkontesta n-neċessità tagħha. Din l-istess dispożizzjoni tipprovdi għal stħarriġ ġudizzjarju a posteriori rriżervat għall-Qorti tal-Ġustizzja.

25

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, l-assenza ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel ma kinitx ta’ natura li twassal, bħala tali, għall-illegalità tal-miżura ta’ spezzjoni.

26

Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda l-argument imqajjem minn Deutsche Bahn li jgħid li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi bbażat ruħha, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, fuq is-sentenzi tal-Qorti EDB, Harju vs Il‑Finlandja u Heino vs Il‑Finlandja, iċċitati iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti EDB iddikjarat espressament li l-assenza ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tista’ tiġi kkontrobilanċjata bl-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju a posteriori li jittratta kemm il-kwistjonijiet ta’ fatt kif ukoll il-kwistjonijiet ta’ dritt.

27

Minn dan jirriżulta li l-argumentazzjoni ta’ Deutsche Bahn kif deskritta fil-qosor fil-punti 15 u 26 ta’ din is-sentenza hija infondata.

28

Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali, wara li fakkret, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, il-protezzjoni kontra ksur arbitrarju min-naħa tal-awtorità pubblika tirrikjedi qafas legali u limiti stretti, stabbilixxiet u eżaminat, fil-punti 74 sa 100 tas-sentenza appellata, ħames kategoriji ta’ garanziji li għandhom jifformaw il-qafas tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet sussegwentement, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, li kull waħda minn dawn il-garanziji kienet ġiet żgurata fil-każ ineżami.

29

F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi osservat li l-eżami dettaljat li wettqet il-Qorti Ġenerali hija konformi kemm mar-rekwiżiti tal-Qorti EDB, kif jirriżulta mill-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, kif ukoll mal-kliem tar-Regolament Nru 1/2003 u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

30

Fil-fatt, minn naħa, mill-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ spezzjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni, is-sanzjonijiet imposti fuq l-impriża kkonċernata kif ukoll ir-rikors li din tal-aħħar tista’ tippreżenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

31

Min-naħa l-oħra, hija ġurisprudenza stabbilita li s-setgħat investigattivi mogħtija lill-Kummissjoni huma ddefiniti sew, kemm fil-konfront b’mod partikolari tal-esklużjoni mill-portata tal-investigazzjoni ta’ dokumenti li ma għandhomx x’jaqsmu man-negozju, tad-dritt għal għajnuna legali u taż-żamma tal-kunfidenzjalità tal-korrispondenza bejn l-avukati u l-klijenti kif ukoll fil-konfront tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni u tal-possibbiltà li titressaq kawża quddiem il-qrati tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Roquette Frères, C‑94/00, EU:C:2002:603, punti 44 sa 50).

32

Barra minn hekk, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu u kif ġie indikat fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju a posteriori titqies, mill-Qorti EDB, bħala li tippermetti li tiġi kkontrobilanċjata l-assenza ta’ mandat ġudizzjarju minn qabel u tikkostitwixxi għalhekk garanzija fundamentali sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tal-miżura ta’ spezzjoni inkwistjoni mal-Artikolu 8 tal-KEDB (ara b’mod partikolari l-Qorti EDB, sentenza Delta Pekárny a.s. vs Ir-Repubblika Ċeka, Nru 97/11, § 83, 87 u 92, tat-2 ta’ Ottubru 2014).

33

Dan huwa preċiżament il-każ fil-kuntest tas-sistema stabbilita fi ħdan l-Unjoni Ewropea, billi l-Artikolu 20(8) tar-Regolament Nru 1/2003 jindika espressament li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni adottat mill-Kummissjoni.

34

L-istħarriġ previst mit-Trattati jimplika li l-qorti tal-Unjoni twettaq, abbażi ta’ elementi miġjuba mir-rikorrent insostenn tal-motivi invokati, stħarriġ sħiħ, jiġifieri kemm fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ dritt kif ukoll fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ fatt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 62, u CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 44).

35

Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament li d-dritt fundamentali għall-invjolabbiltà tad-domiċilju, kif protett mill-Artikolu 8 tal-KEDB, ma jinkisirx minħabba l-assenza ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel.

36

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat ukoll li ma ġie stabbilit ebda ksur tal-Artikolu 7 tal-Karta.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel aggravju ta’ dan l-appell għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl-Artikoli 47 tal-Karta u 6(1) tal-KEDB

L-argumentazzjoni ta’ Deutsche Bahn

38

Deutsche Bahn issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn hija ddeċidiet li, fid-dawl tal-eżistenza fid-dritt tal-Unjoni ta’ stħarriġ ġudizzjarju a posteriori, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jiksrux id-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

39

B’mod partikolari, Deutsche Bahn tilmenta li l-Qorti Ġenerali bbażat ir-raġunament tagħha fuq is-sentenzi tal-Qorti EDB, Société Métallurgique Liotard Frères vs Franza u Canal Plus et vs Franza, iċċitati iktar ’il fuq, filwaqt li l-fatti ma kinux komparabbli peress li l-awtorità Franċiża tal-kompetizzjoni kienet kisbet, fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi, awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel.

40

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA u mir-Renju ta’ Spanja, tikkontesta din l-argumentazzjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

41

Qabelxejn, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat ġustament, fil-punti 109 u 110 tas-sentenza appellata, li mis-sentenzi tal-Qorti EDB, Société Métallurgique Liotard Frères vs Franza u Canal Plus et vs Franza, iċċitati iktar ’il fuq, jirriżulta li huwa l-grad tal-istħarriġ, inkluż l-istħarriġ fuq il-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi u li jippermetti rimedju xieraq fil-każ li tkun ġiet ikkonstatata irregolarità, li huwa rilevanti u mhux il-mument li fih dan jiġi eżerċitat.

42

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, li l-qorti tal-Unjoni, meta tiddeċiedi fuq rikors għal annullament ippreżentat fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni, teżerċita stħarriġ kemm fid-dritt u kif ukoll fil-fatt u għandha l-poter li tevalwa l-provi u tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

43

Għandu jiġi kkonstatat li din l-analiżi hija konformi wkoll mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja kif imfakkra fil-punt 34 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 109 sa 112 tas-sentenza appellata ma huma vvizzjati b’ebda żball ta’ liġi.

44

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni Deutsche Bahn, l-impriżi destinatarji ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni għandhom il-possibbiltà li jikkontestaw il-legalità ta’ din tal-aħħar u dan, hekk kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, mir-riċezzjoni tan-notifika tal-imsemmija deċiżjoni, liema fatt jimplika li l-impriża ma hijiex obbligata tistenna l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali mill-Kummissjoni dwar il-ksur issuspettat tar-regoli tal-kompetizzjoni sabiex tippreżenta rikors għal annullament quddiem il-qrati tal-Unjoni.

45

Fl-aħħar nett, fil-punt 113 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tfakkar, fir-rigward tal-garanziji previsti fid-dritt tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-konsegwenza tal-annullament tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni jew tal-konstatazzjoni ta’ irregolarità fl-iżvolġiment tal-investigazzjoni hija l-impossibbiltà għall-Kummissjoni li tuża l-informazzjoni hekk miġbura għall-finijiet tal-proċedura ta’ ksur (sentenza Roquette Frères, C‑94/00, EU:C:2002:603, punt 49).

46

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset ġustament li d-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif iggarantit mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB, ma jinkisirx minħabba l-assenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju minn qabel.

47

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li dan id-dritt fundamentali jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li huwa issa espress fl-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkorrispondi fid-dritt tal-Unjoni għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata; Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 40, kif ukoll CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 43).

48

Għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat ukoll li ma ġie stabbilit ebda ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta.

49

Konsegwentement, it-tieni aggravju ta’ dan l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża fid-dawl tal-irregolaritajiet li jivvizzjaw l-iżvolġiment tal-ewwel spezzjoni

L-argumentazzjoni ta’ Deutsche Bahn

50

Deutsche Bahn tilmenta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 162 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet leġittimament tinforma lill-membri tal-persunal tagħha, qabel l-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni, dwar is-suspetti fir-rigward ta’ DUSS.

51

Bl-aġir tagħha, il-Kummissjoni ħolqot konxjament ir-riskju li l-informazzjoni kkomunikata lill-membri tal-persunal tagħha dwar il-fajl DUSS twassal lil dawn tal-aħħar sabiex jiffokaw l-attenzjoni tagħhom b’mod speċifiku fuq id-dokumenti li jirrigwardaw lil DUSS minkejja li dawn ma kinux relatati mas-suġġett tal-ewwel spezzjoni. Konsegwentement, l-eċċezzjoni, aċċettata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Dow Benelux vs Il‑Kummissjoni (85/87, EU:C:1989:379), għall-projbizzjoni ta’ użu ta’ dokumenti li ma jkunux relatati mas-suġġett tal-ispezzjoni ma kinitx, kuntrarjament għal dak deċiż mill-Qorti Ġenerali, applikabbli.

52

Barra minn hekk, Deutsche Bahn issostni li din l-informazzjoni mogħtija minn qabel lill-membri tal-persunal tal-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda l-fajl dwar DUSS ma kinitx neċessarja għal implementazzjoni effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni.

53

Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tal-argument imqajjem minn Deutsche Bahn dwar l-iżball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet fl-ammissjoni ta’ konstatazzjonijiet fortuwiti sa fejn dan jirrigwarda konstatazzjonijiet fattwali li ma jistgħux jiġu diskussi fl-istadju tal-appell.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

54

Għal dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju, ikkontestata mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat qabelxejn li Deutsche Bahn ma tillimitax ruħha li titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti, iżda targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet leġittimament tinforma lill-membri tal-persunal tagħha, qabel l-iżvolġiment tal-ewwel spezzjoni, dwar l-eżistenza ta’ suspetti fi-rigward ta’ DUSS bħala informazzjoni dwar il-kuntest ġenerali tal-każ.

55

Għaldaqstant, it-tielet aggravju huwa ammissibbli.

56

Għal dak li jirrigwarda l-mertu, għandu jitfakkar li l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tagħti motivazzjoni għad-deċiżjoni li tordna investigazzjoni billi tindika s-suġġett u l-għan ta’ din tal-aħħar, liema obbligu jikkostitwixxi, hekk kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, rekwiżit fundamentali mhux biss sabiex tintwera n-natura ġġustifikata tal-intervent previst fl-impriżi kkonċernati, iżda wkoll sabiex dawn jitqiegħdu f’pożizzjoni li jifhmu l-portata tal-obbligu tagħhom ta’ kooperazzjoni filwaqt li fl-istess ħin jitħarsu d-drittijiet tad-difiża tagħhom (sentenzi Roquette Frères, C‑94/00, EU:C:2002:603, punt 47, kif ukoll Nexans u Nexans France vs Il‑Kummissjoni, C‑37/13 P, EU:C:2014:2030, punt 34).

57

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1/2003, l-informazzjoni miġbura matul investigazzjonijiet ma għandhiex tintuża għal skopijiet oħra għajr dawk indikati fil-mandat ta’ investigazzjoni jew fid-deċiżjoni ta’ investigazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dow Benelux vs Il‑Kummissjoni, 85/87, EU:C:1989:379, punt 17).

58

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan ir-rekwiżit huwa intiż sabiex jipproteġi, minbarra s-sigriet professjonali, imsemmi espressament fl-Artikolu 28, iċċitat iktar ’il fuq, id-drittijiet tad-difiża tal-impriżi li l-Artikolu 20(4) għandu l-għan li jiggarantixxi. Dawn id-drittijiet jiġu, fil-fatt, serjament kompromessi jekk il-Kummissjoni tkun tista’ tinvoka, fir-rigward tal-impriżi, provi li, miksuba matul investigazzjoni, ma jkunux relatati mas-suġġett u mal-għan tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dow Benelux vs Il‑Kummissjoni, 85/87, EU:C:1989:379, punt 18).

59

Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi konkluż li l-Kummissjoni hija prekluża milli tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni sabiex tivverifika l-eżattezza jew tissupplimenta l-informazzjoni li hija tkun kisbet inċidentalment fil-kors ta’ investigazzjoni preċedenti fil-każ li din l-informazzjoni tkun tindika l-eżistenza ta’ mġiba li tmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat. Fil-fatt, tali projbizzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-protezzjoni tas-sigriet professjonali u tad-drittijiet tad-difiża, u għalhekk tikkostitwixxi ostakolu mhux iġġustifikat għat-twettiq, mill-Kummissjoni, tal-kompitu li tiżgura l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-suq komuni u li tidentifika l-istanzi ta’ ksur tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dow Benelux vs Il‑Kummissjoni, 85/87, EU:C:1989:379, punt 19).

60

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, minn naħa, il-Kummissjoni hija obbligata tagħti motivazzjoni għad-deċiżjoni tagħha li tordna spezzjoni. Min-naħa l-oħra, sa fejn il-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni tillimita s-setgħat mogħtija lill-membri tal-persunal tal-Kummissjoni, huma biss id-dokumenti li jaqgħu taħt is-suġġett tal-ispezzjoni li jistgħu jiġu mfittxija.

61

Issa, f’dan il-każ, jirriżulta kemm mill-punt 162 tas-sentenza appellata kif ukoll mid-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, waqt is-seduta, li din immedjatament informat lill-membri tal-persunal tagħha, qabel l-iżvolġiment tal-ewwel spezzjoni, dwar l-eżistenza ta’ lment ieħor kontra Deutsche Bahn fir-rigward tas-sussidjarja tagħha DUSS.

62

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm, kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-effikaċja ta’ spezzjoni timplika li l-Kummissjoni tagħti lill-membri tal-persunal inkwistjoni, qabel l-ispezzjoni, l-informazzjoni kollha li tippermettilhom jifhmu n-natura u l-portata tal-eventwali ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u l-informazzjoni dwar il-loġistika tal-ispezzjoni stess, din l-informazzjoni kollha għandha madankollu tirrigwarda biss is-suġġett tal-ispezzjoni li tkun ġiet ordnata permezz ta’ deċiżjoni.

63

Madankollu, filwaqt li l-Qorti Ġenerali fakkret b’mod korrett, fil-punt 75 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni kienet suġġetta għall-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li hija ma qisitx li, jekk il-Kummissjoni informat, qabel l-iżvolġiment tal-ewwel spezzjoni, lill-membri tal-persunal tagħha dwar l-eżistenza ta’ lment supplimentari fil-konfront tal-impriża kkonċernata, is-suġġett ta’ din l-ispezzjoni, kif jirriżulta minn din id-deċiżjoni, kellha tinkludi wkoll l-elementi ta’ dak l-ilment addizzjonali.

64

Issa, l-imsemmija informazzjoni minn qabel, mhux dwar il-kuntest ġenerali tal-każ, iżda dwar l-eżistenza ta’ lment distint ma hijiex relatata mas-suġġett tal-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni. Barra minn hekk, l-assenza ta’ referenza għall-imsemmi lment fil-kuntest tas-suġġett ta’ din id-deċiżjoni ta’ spezzjoni tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni u d-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata.

65

Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-Qorti Ġenerali indikat espressament, fil-punt 134 tas-sentenza appellata, li l-fatt li t-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni kienet ġiet adottata matul l-iżvolġiment tal-ewwel spezzjoni juri l-importanza tal-informazzjoni miġbura f’dik l-okkażjoni sabiex tinbeda t-tieni spezzjoni u li t-tielet spezzjoni kienet ċertament ibbażata, parzjalment, fuq l-informazzjoni miġbura fl-ewwel żewġ spezzjonijiet. Minn dan hija kkonkludiet li ċ-ċirkustanzi li fihom inġabret l-informazzjoni dwar DUSS fl-ewwel spezzjoni huma ta’ natura li jaffettwaw il-legalità tat-tieni u tat-tielet deċiżjoni ta’ spezzjoni.

66

Għaldaqstant, l-ewwel spezzjoni kienet ivvizzjata b’irregolarità sa fejn il-membri tal-persunal tal-Kummissjoni, billi qabel l-ispezzjoni huma kienu fil-pussess ta’ informazzjoni li ma kinitx relatata mas-suġġett tal-imsemmija spezzjoni, ipproċedew bil-qbid ta’ dokumenti li joħorġu ’l barra mill-portata tal-ispezzjoni kif iddefinita mill-ewwel deċiżjoni kkontestata.

67

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat, fil-punt 162 tas-sentenza appellata, li l-informazzjoni mogħtija lill-membri tal-persunal tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza tal-ilment dwar DUSS qabel l-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni setgħet tingħata bħala informazzjoni dwar il-kuntest ġenerali mingħajr, barra minn hekk, ma tagħti raġunijiet, filwaqt li tali informazzjoni minn qabel ma taqax manifestament fil-kuntest tas-suġġett ta’ din l-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni u tikser għalhekk il-garanziji li jifformaw il-qafas tas-setgħat ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni.

68

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni aggravju għandu jiġi milqugħ.

69

Konsegwentement, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn din tiċħad ir-rikors ippreżentat kontra t-tieni u t-tielet deċiżjoni ta’ spezzjoni, mingħajr il-bżonn li jiġi eżaminat ir-raba’ aggravju invokat minn Deutsche Bahn insostenn tal-appell tagħha dwar il-ksur mill-Qorti Ġenerali tar-regoli dwar l-oneru tal-prova u li jitlob ukoll l-annullament tat-tieni u tat-tielet deċiżjoni ta’ spezzjoni.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

70

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ hawnhekk.

71

Mill-punti 56 sa 67 ta’ din is-sentenza jirriżulta li t-tielet motiv tar-rikors fl-ewwel istanza huwa fondat u li t-tieni u t-tielet deċiżjoni ta’ spezzjoni għandhom jiġu annullati minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża.

Fuq l-ispejjeż

72

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

73

Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1), il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

74

Skont l-Artikolu 138(3) tal-imsemmija Regoli, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

75

Peress li l-appell ta’ Deutsche Bahn qed jintlaqa’ parzjalment, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra nofs l-ispejjeż tagħha stess relatati ma’ dan l-appell, nofs l-ispejjeż sostnuti minn Deutsche Bahn fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Deutsche Bahn għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha stess relatati ma’ dan l-appell kif ukoll nofs l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ din il-proċedura.

76

Għal dak li jirrigwarda l-ewwel istanza, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż relatati mal-Kawżi T‑290/11 u T‑521/11 u Deutsche Bahn għandha tbati l-ispejjeż relatati mal-Kawża T‑289/11.

77

Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. B’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess kemm tal-ewwel istanza kif ukoll tal-appell.

78

Skont l-Artikolu 140(2) tal-istess Regoli, l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess meta hija tintervjeni fil-kawża. Minn dan jirriżulta li l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kemm tal-ewwel istanza kif ukoll tal-appell.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni (T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11, EU:T:2013:404) hija annullata sa fejn din tiċħad ir-rikors ippreżentat kontra t-tieni u t-tielet deċiżjoni ta’ spezzjoni C(2011) 2365, tat-30 ta’ Marzu 2011, u C(2011) 5230, tal-14 ta’ Lulju 2011.

 

2)

Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea C(2011) 2365 tat-30 ta’ Marzu 2011 u C(2011) 5230 tal-14 ta’ Lulju 2011 huma annullati.

 

3)

Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

 

4)

Deutsche Bahn AG, DB Mobility Logistics AG, DB Energie GmbH, DB Netz AG, Deutsche Umschlaggesellschaft Schiene-Straße (DUSS) mbH, DB Schenker Rail GmbH u DB Schenker Rail Deutschland AG huma kkundannati jbatu, minbarra nofs l-ispejjeż tagħhom stess relatati ma’ dan l-appell, nofs l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

 

5)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati, minbarra nofs l-ispejjeż tagħha stess relatati ma’ dan l-appell, nofs l-ispejjeż sostnuti minn Deutsche Bahn AG, DB Mobility Logistics AG, DB Energie GmbH, DB Netz AG, Deutsche Umschlaggesellschaft Schiene-Straße (DUSS) mbH, DB Schenker Rail GmbH u DB Schenker Rail Deutschland AG fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

 

6)

Deutsche Bahn AG, DB Mobility Logistics AG, DB Energie GmbH, DB Netz AG, Deutsche Umschlaggesellschaft Schiene-Straße (DUSS) mbH, DB Schenker Rail GmbH u DB Schenker Rail Deutschland AG huma kkundannati jbatu l-ispejjeż relatati mal-Kawża T‑289/11.

 

7)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati l-ispejjeż relatati mal-Kawżi T‑290/11 u T‑521/11.

 

8)

Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

 

9)

L-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.