SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Ġunju 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikoli 49 TFUE, 51 TFUE u 56 TFUE — Libertà ta’ stabbiliment — Parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika — Direttiva 2006/123/KE — Artikolu 14 — Kumpanniji responsabbli għall-verifika u għaċ-ċertifikazzjoni tal-osservanza min-naħa tal-impriżi li jwettqu xogħlijiet pubbliċi tal-kundizzjonijiet meħtieġa mil-liġi — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li l-uffiċċju rreġistrat ta’ dawk il-kumpanniji jkun jinsab fl-Italja”

Fil-Kawża C‑593/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 267 TFUE, mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Novembru 2013, fil-proċedura

Presidenza del Consiglio dei Ministri,

Consiglio di Stato,

Consiglio Superiore dei Lavori Pubblici,

Autorità per la Vigilanza sui Contratti Pubblici di lavori, servizi e forniture,

Conferenza Unificata Stato Regioni,

Ministero dello Sviluppo Economico delle Infrastrutture e dei Trasporti,

Ministero per le Politiche europee,

Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare,

Ministero per i beni e le attività culturali,

Ministero dell’Economia e delle Finanze,

Ministero degli Affari esteri

vs

Rina Services SpA,

Rina SpA,

SOA Rina Organismo di Attestazione SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz u, A. Ó Caoimh, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, A. Arabadjiev (Relatur), D. Šváby, M. Berger, E. Jarašiūnas, C.G. Fernlund u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Diċembru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Rina Services SpA, Rina SpA u SOA Rina Organismo di Attestazione SpA, minn R. Damonte, G. Giacomini, G. Scuras u G. Demartini, avukati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Pluchino u S. Fiorentino, avvocati dello Stato,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, U. Persson u N. Otte Widgren kif ukoll minn L. Swedenborg, F. Sjövall, E. Karlsson u C. Hagerman, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti u H. Tserepa‑Lacombe, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Marzu 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 TFUE, 51 TFUE u 56 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 14 u 16 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tliet tilwimiet bejn, minn naħa, il-Presidenza del Consiglio dei Ministri, il-Consiglio di Stato, il-Consiglio Superiore dei Lavori Pubblici, l-Autorità per la Vigilanza sui Contratti Pubblici di lavori, servizi e forniture, il-Conferenza Unificata Stato Regioni, il-Ministero dello Sviluppo Economico delle Infrastrutture e dei Trasporti, il-Ministero per le Politiche europee, il-Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare, il-Ministero per i beni e le attività culturali, il-Ministero dell’Economia e delle Finanze u l-Ministero degli Affari esteri, rispettivament, u, min-naħa l-oħra, Rina Services SpA, Rina SpA u SOA Rina Organismo di Attestazione SpA dwar, b’mod partikolari, leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li l-kumpanniji li għandhom il-kwalità ta’ organi ta’ ċertifikazzjoni (Società Organismo di Attestazione, iktar ’il quddiem is-“SOA”) ikollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fl-Italja.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 1 sa 7, 16 u 33 tad-Direttiva 2006/123 jipprevedu:

“(1)

[…] L-eliminazzjoni ta’ barrieri għall-iżvilupp ta’ l-attivitajiet tas-servizzi bejn l-Istati Membri huwa essenzjali sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-popli Ewropej u biex ikun promoss progress ekonomiku u soċjali bbilanċjati u sostenibbli. […]

(2)

Suq kompettiv fis-servizzi huwa essenzjali sabiex jitmexxa ’l quddiem tkabbir ekonomiku u jinħolqu impjiegi fl-Unjoni Ewropea. Bħalissa, bosta ostakoli fi ħdan is-suq intern jimpedixxu lil fornituri, partikolarment lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), milli jestendu l-operazzjonijiet tagħhom lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u milli jieħdu vantaġġ sħiħ tas-suq intern. Dan idgħajjef il-kompetittività dinjija tal-fornituri fl-Unjoni Ewropea. Suq liberu li jġiegħel lill-Istati Membri biex jeliminaw ir-restrizzjonijiet dwar il-forniment tas-servizzi minn pajjiż għal ieħor filwaqt li fl-istess ħin iżid it-trasparenza u l-informazzjoni għall-konsumaturi jagħti lill-konsumaturi għażla akbar u servizzi aħjar bi prezzijiet aktar baxxi.

(3)

Ir-rapport mill-Kummissjoni dwar ’L-Istat tas-Suq Intern għas-Servizzi’ għamel inventarju ta’ numru kbir ta’ ostakoli li qed iżommu l-iżvilupp tas-servizzi bejn l-Istati Membri jew iġiegħluh jmur bil-mod, b’mod partikolari dawk ipprovduti mill-SMEs, li huma predominanti fil-qasam tas-servizzi. [...] L-ostakoli jaffettwaw varjetà wiesgħa ta’ attivitajiet tas-servizzi matul l-istadji kollha ta’ l-attività tal-fornitur tas-servizz u għandhom numru ta’ karatteristiċi komuni, inkluż il-fatt li dawn ta’ spiss jiġu minn piżijiet amministrattivi, l-inċertezza legali assoċjata ma’ attività bejn pajjiż u ieħor u n-nuqqas ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri.

(4)

[…] It-tneħħija ta’ dawn l-ostakoli, waqt li jkun żgurat mudell soċjali Ewropew avvanzat, hija għalhekk kondizzjoni bażika biex jingħelbu d-diffikultajiet li nqalgħu waqt l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija ta’ Lisbona u biex titqajjem mill-ġdid l-ekonomija Ewropea, partikolarment f’termini ta’ impjieg u investiment. […]

(5)

Huwa għalhekk meħtieġ li jitneħħew l-ostakoli għal-libertà ta’ stabbiliment għal fornituri fl-Istati Membri u ostakoli għall-moviment liberu tas-servizzi bejn l-Istati Membri u biex ir-riċevituri u l-fornituri jkollhom garanzija taċ-ċertezza legali meħtieġa għall-eżerċizzju fil-prattika ta’ dawk iż-żewġ libertajiet fundamentali tat-Trattat. Peress li l-ostakoli fis-suq intern għas-servizzi jaffettwaw lill-operaturi li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fi Stati Membri oħrajn kif ukoll dawk li jipprovdu servizz fi Stat Membru ieħor mingħajr ma huma stabbiliti hemm, huwa meħtieġ li l-fornituri jitħallew jiżviluppaw l-attivitajiet tas-servizzi tagħhom fi ħdan is-suq intern jew billi jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru jew billi jagħmlu użu mill-moviment liberu tas-servizzi. Fornituri għandhom ikunu kapaċi jagħżlu bejn dawk iż-żewġ libertajiet, skond l-istrateġija tagħhom ta’ tkabbir f’kull Stat Membru.

(6)

Dawk il-ostakoli ma jistgħux jitneħħew biss billi jserrħu fuq l-applikazzjoni diretta ta’ l-Artikoli [49 u 56 TFUE], peress, li minn naħa, jekk jiġu indirizzati fuq bażi individwali permezz ta’ proċeduri ta’ ksur kontra l-Istati Membri kkonċernati, speċjalment wara t-tkabbir, ikunu tassew kumplikat għall-istituzzjonijiet nazzjonali u Komunitarji, u minn naħa l-oħra, it-tneħħija ta’ bosta ostakoli titlob koordinazzjoni minn qabel ta’ l-iskemi legali nazzjonali, inkluż l-ħolqien ta’ kooperazzjoni amministrattiva. Kif il-Parlament Ewropew u l-Kunsill stess irrikonoxxew, strument Komunitarju leġiżlattiv jagħmilha possibbli li jintlaħaq suq ġenwin intern għas-servizzi.

(7)

Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas ġenerali legali li jkun ta’ vantaġġ għal varjetà wiesgħa ta’ servizzi filwaqt li jieħu f’kunsiderazzjoni l-karatteristiċi distintivi ta’ kull tip ta’ attività jew professjoni u s-sistema tagħha ta’ regolamentazzjoni. Dak il-qafas huwa bbażat fuq approċċ dinamiku u selettiv li jikkonsisti, bħala kwistjoni ta’ prijorità, fit-tneħħija ta’ ostakoli li jistgħu jiġu żarmati malajr u, għall-oħrajn, it-tnedija ta’ proċess ta’ evalwazzjoni, konsultazzjoni u armonizzazzjoni komplimentarja ta’ kwistjonijiet speċifiċi [...]. Għandu jsir provvediment għal taħlita ta’ miżuri bilanċjata li tinvolvi armonizzazzjoni immirata, kooperazzjoni amministrattiva, id-disposizzjoni dwar il-libertà ta’ forniment ta’ servizzi u inkoraġġiment ta’ l-iżvilupp ta’ kodiċi ta’ kondotta dwar ċerti kwistjonijiet. […]

[…]

(16)

Din id-Direttiva tikkonċerna biss il-fornituri stabbiliti fi Stat Membru u ma tkoprix aspetti esterni. […]

[…]

(33)

Is-servizzi koperti b’din id-Direttiva jkopri varjetà wiesgħa ta’ attivitajiet li dejjem jinbidlu, inklużi servizzi ta’ negozju bħal […] ċertifikazzjoni […]”

4

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/123 intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni” huwa fformulat kif ġej:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru.

2.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet:

[…]

i)

attivitajiet li huma konnessi ma’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità uffiċjali kif stipulat fl-Artikolu [51 TFUE];

[…]”

5

Skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2006/123, l-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva skont ir-regoli tat-Trattat FUE li jirregolaw id-dritt ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi.

6

L-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ħtiġijiet ipprojbiti”, li jinsab fil-Kapitolu III tagħha, intitolat, min-naħa tiegħu, “Libertà għall-istabbilment ta’ fornituri” jipprevedi:

“L-Istati Membri m’għandhomx jissuġġettaw l-aċċess għal, jew l-eżerċizzju ta’, attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom għal konformità ma’ xi waħda minn dawn li ġejjin:

1)

rekwiżiti diskriminatorji bbażati direttament jew indirettament fuq in-nazzjonalità jew, f’każ ta’ kumpanniji, il-post ta’ l-uffiċċju rreġistrat […]

[…]

3)

restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-fornitur li jagħżel bejn stabbiliment prinċipali jew wieħed sekondarju, b’mod partikolari obbligu fuq il-fornitur li jkollu l-istabbiliment prinċipali tiegħu fit-territorju tagħhom, jew restrizzjonijiet fuq il-libertà li jagħżel bejn stabbiliment fis-sura ta’ aġenzija, fergħa jew sussidjarju;

[…]”

7

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123, intitolat “Rekwiżiti li għandhom jiġu evalwati”, li jinsab taħt dan l-istess Kapitolu III, jeżiġi li l-Istati Membri jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tipprevedix ir-rekwiżiti elenkati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu u jiżguraw li dawn ir-rekwiżiti jkunu kompatibbli mal-kundizzjonijiet ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità, kif elenkati fil-paragrafu 3 tal-istess artikolu.

8

Il-Kapitolu IV ta’ din id-direttiva, intitolat “Moviment liberu ta’ servizzi”, jinkludi l-Artikolu 16 tagħha, intitolat “Libertà tal-provvista ta’ servizzi”. Dan l-artikolu jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-fornituri li jfornu servizzi fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn huma stabbiliti.

L-Istat Membru fejn ġie provdut is-servizz għandu jiżgura aċċess liberu u eżerċizzju liberu ta’ attività ta’ servizz fi ħdan it-territorju tiegħu.

L-Istati Membri m’għandhomx jagħmlu l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom soġġett għal konformità ma’ xi rekwiżit li ma jirrispettax il-prinċipji li ġejjin:

(a)

non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżit m’għandux ikun diskriminatorju la direttament lanqas indirettament fir-rigward tan-nazzjonalità jew, f’każ ta’ persuni ġuridiċi, fir-rigward ta’ l-Istat Membru fejn huma stabbiliti;

(b)

bżonn: il-bżonn għandu jkun ġusitifikat għal raġunijiet tal-politika pubblika [ordni pubbliku], is-sigurtà pubblika, is-saħħa pubblika jew il-protezzjoni ta’ l-ambjent;

(ċ)

proporzjonalità: ir-rekwiżit għandu jkun adatt biex jikseb l-objettivi mfittxa, u m’għandux imur lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dan l-objettiv.

2.   L-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw il-libertà għall-provvista ta’ servizzi f’każ ta’ fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor billi jimponu xi wieħed minn dawn ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

obbligu fuq il-fornitur li jkollu stabbiliment fit-territorju tagħhom;

[…]

3.   L-Istat Membru fejn il-fornitur imur m’għandux ikun imxekkel milli jimponi rekwiżiti fir-rigward tal-provvista ta’ attività ta’ servizz, fejn ikunu ġustifikati minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika, saħħa pubblika jew il-protezzjoni ta’ l-ambjent u skond il-paragrafu 1. […]”

Id-dritt Taljan

9

Id-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 207, tal-5 ta’ Ottubru 2010, dwar l-implementazzjoni u l-applikazzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 288, tal-10 ta’ Diċembru 2010), li jħassar id-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 34, tal-25 ta’ Jannar 2000 jipprevedi, fl-Artikolu 64(1) tiegħu li s-SOA għandhom jiġu kkostitwiti fil-forma ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitata li l-isem kummerċjali tagħhom għandu jinkludi b’mod espliċitu t-terminu “organi ta’ ċertifikazzjoni”; huma għandu jkollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fit-territorju tar-Repubblika Taljana.

Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Rina SpA hija l-kumpannija holding tal-grupp Rina. L-uffiċċju rreġistrat ta’ din il-kumpannija jinsab f’Genova (l-Italja).

11

Rina Services SpA hija kumpannija b’responsabbiltà limitata li tagħmel parti mill-grupp Rina u li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab ukoll f’Genova. L-għan tagħha bħala kumpannija huwa li tipprovdi servizzi ta’ ċertifikazzjoni ta’ kwalità UNI CEI EN 45000.

12

SOA Rina Organismo di Attestatzione SpA hija, min-naħa tagħha wkoll, kumpannija b’responsabbiltà limitata li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha f’Genova. Hija teżerċita l-attività ta’ ċertifikazzjoni u ta’ twettiq ta’ kontrolli tekniċi fuq l-organizzazzjoni u l-produzzjoni tal-impriżi ta’ kostruzzjoni. Rina SpA żżomm 99 % ta’ din il-kumpannija filwaqt li Rina Services SpA żżomm 1 %.

13

Dawn it-tliet kumpanniji ppreżentaw rikorsi quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio intiżi sabiex, b’mod partikolari, jikkontestaw il-legalità tal-Artikolu 64(1) tad-Digriet Presidenzjali Nru 207 tal-President tar-Repubblika, tal-5 ta’ Ottubru 2010, dwar l-implementazzjoni u l-applikazzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2010 sa fejn huwa jipprevedi li l-uffiċċju rreġistrat tas-SOA għandu jiġi stabbilit fit-territorju tar-Repubblika Taljana.

14

Permezz ta’ sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2011, din il-qorti laqgħet dawn ir-rikorsi minħabba, b’mod partikolari, li r-rekwiżit relatat mal-post fejn għandu jiġi stabbilit l-uffiċċju rreġistrat imur kontra l-Artikoli 14 u 16 tad-Direttiva 2006/123.

15

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw minn dawn is-sentenzi quddiem il-Consiglio di Stato, billi sostnew, b’mod partikolari, li l-attività eżerċitata mis-SOA hija marbuta mal-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika fis-sens tal-Artikolu 51 TFUE u li, konsegwentement, hija la tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 u lanqas tal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-prinċipji tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 49 TFUE) u dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikolu 56 TFUE), kif ukoll dawk stabbiliti fid-Direttiva 2006/123/KE, jipprekludu l-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi li għas-Società Organismo di Attestazione (SOA), stabbiliti fil-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, ‘l-uffiċċju rreġistrat għandu jkun fit-territorju tar-Repubblika’?

2)

Id-deroga stabbilita fl-Artikolu 51 TFUE għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri attività bħal dik ta’ ċertifikazzjoni mwettqa minn organi tad-dritt privat li, minn naħa, għandhom ikunu stabbiliti fil-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata u joperaw f’suq kompetittiv u li, min-naħa l-oħra, jipparteċipaw fl-eżerċizzju ta’ setgħa pubblika u għalhekk huma suġġetti għal awtorizzazzjoni u għal kontrolli stretti min-naħa tal-Awtorità ta’ Sorveljanza?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq it-tieni domanda

17

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni eżerċitati mis-SOA jipparteċipaw fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

18

Għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fuq tali domanda fis-sentenza tagħha SOA Nazionale Costruttori (C‑327/12, EU:C:2013:827) imressqa għal deċiżjoni preliminari mill-Consiglio di Stato.

19

Fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, hija kkonkludiet li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 28 sa 35 tal-imsemmija sentenza, jiġifieri, b’mod partikolari, il-fatt li s-SOA huma impriżi bi skop ta’ lukru li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u li ma għandhom ebda setgħa deċiżjonali relatata mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, l-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni tas-SOA ma jikkostitwixxux parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal- Artikolu 51 TFUE.

20

B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fil-punt 54 tal-istess sentenza, li l-verifika, mis-SOA, tal-kapaċità teknika u finanzjarja tal-impriżi suġġetti għaċ-ċertifikazzjoni, tal-veraċità u tal-kontenut tad-dikjarazzjonijiet, taċ-ċertifikati u tad-dokumenti ppreżentati mill-persuni li lilhom jinħarġilhom iċ-ċertifikat kif ukoll taż-żamma tal-kundizzjonijiet relattivi għas-sitwazzjoni personali tal-kandidat jew tal-offerent ma tistax titqies li hija attività li taqa’ fi ħdan l-awtonomija deċiżjonali inerenti fl-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, peress li din il-verifika hija totalment determinata mill-kuntest leġiżlattiv nazzjonali. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fl-istess punt ta’ din is-sentenza, li l-imsemmija verifika titwettaq taħt sorveljanza Statali diretta u li hija għandha l-funzjoni li tiffaċilita l-kompitu tal-awtoritajiet kontraenti fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, peress li l-għan tagħha huwa li tippermetti lil dawn tal-aħħar iwettqu l-missjoni tagħhom b’għarfien preċiż u ddettaljat tal-kapaċità kemm teknika kif ukoll finanzjarja tal-offerenti.

21

Fil-każ ineżami, fit-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju ma ssemmi l-ebda bidla fin-natura tal-attivitajiet eżerċitati mis-SOA minn żmien il-fatti li wasslu għas-sentenza SOA Nazionale Costruttori (C‑327/12, EU:C:2013:827).

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ stabbiliment, stabbilita f’din id-dispożizzjoni ma tapplikax għall-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni eżerċitati mill-kumpanniji li għandhom il-kwalità ta’ organi ta’ ċertifikazzjoni.

Fuq l-ewwel domanda

23

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, filwaqt li tirreferi għal diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE kif ukoll għall-prinċipji li jinsabu fid-Direttiva 2006/123, jekk dan id-dritt għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li s-SOA għandu jkollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fit-territorju nazzjonali.

24

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li s-servizzi ta’ ċertifikazzjoni jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123, billi dawn is-servizzi huma, barra minn hekk, imsemmija espliċitament fil-premessa 33 tagħha, fil-lista ta’ eżempji ta’ attivitajiet koperti minn din l-istess direttiva.

25

Fil-każ ineżami, ir-rekwiżit li jirrigwarda l-post tal-uffiċċju rreġistrat tal-organi ta’ ċertifikazzjoni, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqa’ taħt dawk imsemmija mill-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123. Fil-fatt, sa fejn huwa jobbliga lis-SOA sabiex ikollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fit-territorju nazzjonali, dan ir-rekwiżit, minn naħa, huwa bbażat direttament fuq il-post tal-uffiċċju rreġistrat tal-fornitur fis-sens tal-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, u min-naħa l-oħra, jillimita l-libertà ta’ dan il-fornitur li jagħżel bejn stabbiliment prinċipali jew wieħed sekondarju, billi jobbligah b’mod partikolari li jkollu l-istabbiliment prinċipali tiegħu fit-territorju nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 14(3).

26

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123 jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jissuġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizzi jew l-eżerċizzju tagħha fit-territorju tagħhom għall-osservanza ta’ wieħed mir-rekwiżiti elenkati fil-paragrafi 1 sa 8 tagħha, billi jeżiġi li huma jeliminaw dawn ir-rekwiżiti b’mod prijoritarju u sistematiku.

27

Madankollu, ir-Repubblika Taljana ssostni li r-rekwiżit li l-uffiċċju rreġistrat tas-SOA għandu jkun stabbilit fit-territorju nazzjonali huwa ġġustifikat min-neċessità li tiġi żgurata l-effettività tal-kontroll eżerċitat mill-awtoritajiet pubbliċi fuq l-attivitajiet tas-SOA.

28

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, bħalma għamlu r-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni, li r-rekwiżiti elenkati fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123, li taħtha taqa’ l-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali, ma jistgħux jiġu ġġustifikati.

29

Din il-konklużjoni tirriżulta kemm mill-kliem tal-Artikolu 14 kif ukoll mis-sens ġenerali tad-Direttiva 2006/123.

30

Fil-fatt, minn naħa, mit-titolu tal-imsemmi artikolu jirriżulta li r-rekwiżiti elenkati fil-paragrafi 1 sa 8 tiegħu huma “ipprojbiti”. Barra minn hekk, xejn fil-kliem ta’ dan l-artikolu ma jindika li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jiġġustifikaw iż-żamma ta’ tali rekwiżiti fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tagħhom.

31

Min-naħa l-oħra, is-sens ġenerali tad-Direttiva 2006/123 huwa bbażat, għal dak li jikkonċerna l-libertà ta’ stabbiliment, fuq distinzjoni ċara bejn ir-rekwiżiti pprojbiti u dawk suġġetti għal evalwazzjoni. Filwaqt li dawk tal-ewwel huma rregolati mill-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, dawk tat-tieni huma suġġetti għar-regoli previsti fl-Artikolu 15 tagħha.

32

Għal dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti suġġetti għal evalwazzjoni, huwa l-obbligu tal-Istati Membri, skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2006/123, li jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tipprevedix wieħed mir-rekwiżiti elenkati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu u li jiżguraw li dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità msemmija fil-paragrafu 3 tiegħu.

33

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 15(5) u (6) jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jżommu jew, skont il-każ, jintroduċu rekwiżiti tat-tip ta’ dawk imsemmija fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu, bil-kundizzjoni li dawn ikunu konformi mal-kundizzjonijiet ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità msemmija fil-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni.

34

Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna l-moviment liberu tas-servizzi, l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2006/123 jipprevedi li l-Istat Membru li fihom il-fornitur imur sabiex jipprovdi s-servizz tiegħu jista’ jimponi rekwiżiti dwar il-provvista ta’ attività ta’ servizz, meta dawn ir-rekwiżiti jkunu ġġustifikati minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika, ta’ saħħa pubblika jew ta’ protezzjoni tal-ambjent u skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

35

Madankollu, tali possibbiltà ma hijiex prevista għar-rekwiżiti “ipprojbiti” elenkati fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123.

36

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva li, skont kliemha, l-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tagħha “skond ir-regoli tat-Trattat dwar id-dritt ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi”.

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif għamlet ir-Repubblika tal-Polonja, li interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2006/123, li tgħid li l-Istati Membri jistgħu jiġġustifikaw rekwiżit ipprojbit mill-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva fuq il-bażi tad-dritt primarju tneħħi kwalunkwe effett utli ta’ din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar billi timmina, b’mod definittiv, l-armonizzazzjoni mfittxija li din id-direttiva stabbilixxiet.

38

Fil-fatt, tali interpretazzjoni tmur kontra l-konklużjoni misluta mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 6 tad-Direttiva 2006/123, li tgħid li l-eliminazzjoni tal-ostakoli għal-libertà ta’ stabbiliment ma tistax issir biss bl-applikazzjoni diretta tal-Artikolu 49 TFUE minħabba, b’mod partikolari, il-kumplessità estrema meta jiġi indirizzati każ b’każ l-ostakoli għal din il-libertà. Jekk jiġi ammess li r-rekwiżiti “ipprojbiti” skont l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jistgħu madankollu jkunu ġġustifikati fuq il-bażi tad-dritt primarju, dan iwassal preċiżament għall-introduzzjoni mill-ġdid ta’ tali eżami każ b’każ, fuq il-bażi tat-Trattat FUE, għar-restrizzjonijiet kollha għal-libertà ta’ stabbiliment.

39

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2006/123 ma jipprekludix li l-Artikolu 14 tagħha jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżiti pprojbiti elenkati f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma jistgħux jiġu ġġustifikati. Fil-fatt, tali projbizzjoni mingħajr ebda possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni hija intiża sabiex tiżgura l-eliminazzjoni sistematika u rapida ta’ ċerti restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment meqjusa mil-leġiżlatur tal-Unjoni u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala li jaffettwaw b’mod serju l-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Tali għan huwa konformi mat-Trattat FUE.

40

Għaldaqstant, minkejja li l-Artikolu 52(1) TFUE jippermetti lill-Istati Membri jiġġustifikaw, għal waħda mir-raġunijiet imsemmija hemmhekk, miżuri nazzjonali li jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, dan madankollu ma jfissirx li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-adozzjoni ta’ att tad-dritt derivat, bħad-Direttiva 2006/123, li jikkonkretizza libertà fundamentali stabbilita mit-Trattat FUE, ma jistax jillimita ċerti derogi, iktar u iktar meta, bħal fil-każ ineżami, id-dispożizzjoni kkonċernata tad-dritt derivat ma tkun tagħmel xejn ħlief tirriproduċi ġurisprudenza stabbilita li tgħid li rekwiżit bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa inkompatibbli mal-libertajiet fundamentali li l-operaturi ekonomiċi jistgħu jinvokaw (ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, C‑334/94, EU:C:1996:90, punt 19).

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li l-SOA għandu jkollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fit-territorju nazzjonali.

Fuq l-ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ stabbiliment, stabbilita f’din id-dispożizzjoni, ma tapplikax għall-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni eżerċitati mill-kumpanniji li għandhom il-kwalità ta’ organi ta’ ċertifikazzjoni (Società Organismi di Attestazione).

 

2)

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li l-kumpanniji li għandhom il-kwalità ta’ organi ta’ ċertifikazzjoni (Società Organismi di Attestazione) għandu jkollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fit-territorju nazzjonali.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: it-Taljan.