SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

4 ta’ Ġunju 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikolu 27 — Punt 1(a) u (b) tat-Taqsima R tal-Anness VI — Kunċett ta’ ‘pensjonijiet jew allowances pagabbli taħt il-leġiżlazzjoni ta’ żewġ Stati Membri jew iktar’ — Benefiċċji in natura — Attribuzzjoni retroattiva ta’ pensjoni taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza — Benefiċċji tal-kura tas-saħħa li huma suġġetti għall-kundizzjoni tas-sottoskrizzjoni għal assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa obbligatorja — Ċertifikazzjoni ta’ nuqqas ta’ assigurazzjoni taħt il-leġiżlazzjoni dwar l-assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa obbligatorja fl-Istat Membru ta’ residenza — Assenza sussegwenti ta’ obbligu ta’ kontribuzzjoni f’dan l-Istat Membru — Irtirar retroattiv ta’ din iċ-ċertifikazzjoni — Impossibbiltà li wieħed jaffilja ruħu b’mod retroattiv ma’ assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa obbligatorja — Interruzzjoni tal-kopertura tar-riskju tal-mard minn tali assigurazzjoni — Effettività tar-Regolament Nru 1408/71”

Fil-Kawża C‑543/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Centrale Raad van Beroep (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Ottubru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Ottubru 2013, fil-proċedura

Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank

vs

E. Fischer-Lintjens,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għar-Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank, minn H. van der Most, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn M. de Ree u M. Bulterman, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u A. Wiedmann, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Frar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 392, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), kif ukoll tal-punt 1(a) u (b) tat-Taqsima R tal-Anness VI tal-imsemmi regolament.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ir-Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank (Kunsill ta’ amministrazzjoni tal-fond ta’ sigurtà soċjali, iktar ’il quddiem is-“SVB”) u E. Fischer-Lintjens dwar l-irtirar, mill-College voor zorgverzekeringen (Kunsill tal-assigurazzjonijiet għall-kura tas-saħħa, iktar ’il quddiem is-“CVZ”), organu li l-kompetenzi tiegħu huma issa eżerċitati mis-SVB, ta’ ċertifikazzjoni intiża li tipprova li E. Fischer-Lintjens ma kinitx obbligata li tissottoskrivi għal assigurazzjoni Olandiża għall-kura tas-saħħa u li ebda kontribuzzjonijiet ma kienu, għalhekk, dovuti min-naħa tagħha (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikazzjoni ta’ nuqqas ta’ assigurazzjoni”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1408/71 jinsab taħt it-Titolu III ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet speċjali dwar id-diversi kategoriji ta’ benefiċċji” u fil-Kapitolu I, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Mard u maternità”. Dan l-Artikolu 27, intitolat “Il-pensjonijiet pagabbli taħt il-leġislazzjoni ta’ diversi Stati fejn hemm id-dritt tal-benefiċċji fil-pajjiż tar-residenza”, jipprovdi:

“Pensjonant li huwa intitolat biex jiġbed il-pensjoni taħt il-leġislazzjoni ta’ tnejn jew iktar Stati Membri, li minnhom waħda hija dik ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jabita, u li huwa intitolat għall-benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru tal-aħħar, waqt li fejn suppost jittieħdu inkonsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18 u ta’ l-Anness VI, jirċievi, flimkien mal-membri tal-familja tiegħu, tali benefiċċji mill-istituzzjoni tal-post tar-residenza u aspejjeż ta’ dik l-istituzzjoni bħallikieku l-persuna kkonċernata kienet pensjonant li l-pensjoni tiegħu kienet pagabbli biss taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru tal-aħħar”.

4

F’dan l-istess Kapitolu I hemm l-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Pensjonijiet pagabbli taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat jew iktar, f’każijiet fejn m’hemm ebda dritt għall-benefiċċji fil-pajjiż tar-residenza”, li jipprevedi r-regoli dwar is-servizz u r-responsabbiltà għall-ispejjeż tal-benefiċċji, applikabbli għall-persuna li tirċievi pensjoni jew allowance pagabbli taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, jew pensjonijiet jew allowances pagabbli taħt il-leġiżlazzjonijiet ta’ żewġ Stati Membri jew iktar, li ma għandhiex dritt għall-benefiċċji taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu hija tirrisjedi, iżda li xorta tibbenefika minn dawn il-benefiċċji għaliha stess u għall-membri tal-familja tagħha, kemm-il darba kien ikollha tali dritt taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru jew minn tal-inqas ta’ wieħed mill-Istati Membri kompetenti fil-qasam tal-pensjonijiet li kieku kienet tirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

5

L-Artikolu 84a tal-imsemmi regolament, intitolat “Ir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn dan ir-Regolament”, jipprovdi:

“1.   L-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn dan ir-Regolament għandhom id-dmir ta’ informazzjoni u koperazzjoni reċiproċi biex jiżguraw l-implimentazzjoni korretta ta’ dan ir-Regolament.

L-istituzzjonijiet, skond il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, għandhom iwieġbu għall-mistoqsijiet kollha f’perijodu ta’ żmien raġonevoli u f’dan ir-rigward għandhom jipprovdu lill-persuni konċernati b’kull informazzjoni meħtieġa biex huma jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom minn dan ir-Regolament.

Il-persuni konċernati għandhom jinformaw lill-istituzzjonijiet ta’ l-Istat kompetenti u ta’ l-Istat ta’ residenza malajr kemm jisa’ jkun bil-bidliet kollha fis-sitwazzjoni personali jew tal-familja tagħhom li jolqtu d-dritt tagħhom għall-benefiċċji taħt dan ir-Regolament.

2.   In-nuqqas ta’ rispett ta’ l-obbligu ta’ informazzjoni msemmi fil-paragrafu 1, it-tielet subparagrafu, jista’ jirriżulta fl-applikazzjoni ta’ miżuri proporzjonali skond il-leġislazzjoni nazzjonali. Madankollu, dawn il-miżuri għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk applikabbli f’sitwazzjonijiet simili taħt il-liġi domestika u m’għandhomx jagħmluha impossibbli jew diffiċli b’mod eċċessiv fil-prattika għal dawk li jagħmlu t-talba li jeżerċitaw d-drittijiet li jagħtihom dan ir-Regolament.

[...]”

6

L-Anness VI tal-istess regolament, intitolat “Proċeduri speċjali għall-applikazzjoni tal-leġislazzjonijiet ta’ ċerti Stati Membri”, jinkludi t-Taqsima R, li taħtha l-punt 1, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “L-assigurazzjoni tal-kura tas-saħħa”, jipprevedi, fis-subparagrafi (a) u (b),

“(a)

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-jedd għal benefiċċji f’beni taħt il-leġiżlazzjoni ta’ l-Olanda, persuni intitolati għal benefiċċji f’beni għall-iskop ta’ l-implimentazzjoni tal-Kapitoli 1 u 4 tat-Titolu III ta’ dan ir-Regolament għandha tfisser:

i)

persuni li, skond l-Artikolu 2 [tal-Att tal-assigurazzjoni tal-kura tas-saħħa (Zorgverzekeringswet), iktar ’il quddiem iż-‘Zvw’] huma obbligati li jkunu koperti b’assigurazzjoni ma’ kumpanija tal-assigurazzjoni tal-kura tas-saħħa

[...]

(b)

Il-persuni li hemm referenza għalihom fil-punt (a)(i) għandhom, skond id-dispożizzjonijiet [taż-Zvw], ikun[u] assigurati ma’ kumpanija ta’ l-assigurazzjoni tal-kura tas-saħħa [...]”

Id-dritt Olandiż

Il-Liġi dwar is-sistema ġenerali ta’ assigurazzjoni tax-xjuħija

7

L-Artikolu 14(1) tal-Liġi ġenerali dwar ix-xjuħija (Algemene ouderdomswet, iktar ’il quddiem l-“AOW”) jipprevedi:

“Il-pensjonijiet tax-xjuħija u ż-żieda tal-ammont tal-pensjonijiet tax-xjuħija għandhom jingħataw fuq talba mis-Sociale verzekeringsbank.”

8

Skont l-Artikolu 16 tal-AOW:

“1.   Il-pensjoni tax-xjuħija tibda tiddekorri mill-ewwel ġurnata tax-xahar li fih il-persuna kkonċernata tissodisfa l-kundizzjonijiet tad-dritt għal pensjoni tax-xjuħija.

2.   B’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, pensjoni tax-xjuħija ma tistax tibda tiddekorri iżjed minn sena qabel l-ewwel ġurnata tax-xahar li fih titressaq it-talba jew li fih il-pensjoni ingħatat ex officio. Is-Sociale verzekeringsbank jista’, f’każijiet speċifiċi, jidderoga mid-dispożizzjonijiet preċedenti”.

Il-Liġi ġenerali dwar l-assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa partikolari

9

L-Artikolu 5(1) u (4) tal-Liġi ġenerali dwar l-assigurazzjonijiet għall-kura tas-saħħa partikolari (Algemene wet bijzondere ziektekosten, iktar ’il quddiem l-“AWBZ”) jiddisponi:

“1.   L-assigurat fis-sens tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi huwa dak li:

a.

huwa resident;

b.

jekk ma huwiex resident, kien suġġett għal taxxa fuq id-dħul minħabba attività bħala persuna impjegata eżerċitata fil-Pajjiżi l-Baxxi.

[...]

4.   B’deroga mill-paragrafu 1, il-grupp tal-assigurati jista’ jiġi estiż jew imnaqqas permezz ta’ regolament ta’ amministrazzjoni pubblika jew bis-saħħa ta’ tali regolament.”

10

L-Artikolu 5c tal-AWBZ huwa mfassal kif ġej:

“Is-Sociale verzekeringsbank għandu jiddetermina ex officio u, skont il-każ, fuq talba, jekk persuna fiżika tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5 jew 5b jew skont dawn l-artikoli sabiex tkun assigurata skont din il-liġi”.

Id-Digriet tal-1999 dwar l-estensjoni u r-restrizzjoni tal-grupp tal-assigurati mal-assigurazzjonijiet soċjali

11

L-Artikolu 21(1) u (6) tad-Digriet tal-1999 dwar l-estensjoni u r-restrizzjoni tal-grupp tal-assigurati mal-assigurazzjonijiet soċjali (Besluit uitbreiding en beperking kring verzekerden volksverzekeringen 1999, iktar ’il quddiem il-“KB 746”) jipprevedi:

“1.   Ma hijiex assigurata fis-sens tal-[AWBZ] il-persuna residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi li tista’ madankollu, b’applikazzjoni ta’ Regolament tal-Kunsill tal-Komunità Ewropea jew ta’ konvenzjoni dwar sigurtà soċjali konkluża mill-Pajjiżi l-Baxxi ma’ Stat Membru wieħed ieħor jew ma’ diversi, tinvoka fil-Pajjiżi l-Baxxi dritt għall-benefiċċji li bħala prinċipju jingħatawlha minn Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew minn Stat ieħor parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, jew minn Stat li miegħu l-Pajjiżi l-Baxxi kkonkludew konvenzjoni dwar sigurtà soċjali.

[...]

6.   Is-Sociale verzekeringsbank għandu jagħti, fuq talba tal-persuna msemmija fil-paragrafi 1 sa 4, ċertifikazzjoni ta’ nuqqas ta’ assigurazzjoni.”

Il-Liġi dwar l-assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa

12

Skont l-Artikolu 2(1) taż-Zvw:

“Kull min huwa assigurat ipso jure skont l-AWBZ u r-regolamenti bbażati fuqha għandu jassigura ruħu jew ikun assigurat, taħt assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa, kontra r-riskju msemmi fl-Artikolu 10.”

13

L-Artikolu 3(1) taż-Zvw jipprovdi:

“L-assiguratur ta’ kura tas-saħħa għandu jikkonkludi, fuq talba, kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa ma’, jew għall-benefiċċju ta’, kull persuna suġġetta għall-assigurazzjoni obbligatorja li tgħix fiż-żona ta’ attività tiegħu, kif ukoll ma’, jew għall-benefiċċju ta’, kull persuna suġġetta għall-assigurazzjoni obbligatorja li tgħix barra mill-pajjiż.”

14

L-Artikolu 5(1) u (5) taż-Zvw jistipula:

“1.   L-assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa tibda tiddekorri mill-ġurnata meta l-assiguratur tal-kura tas-saħħa jkun rċieva t-talba msemmija fl-Artikolu 3(1) [...]

[...]

5.   L-assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa għandha, skont il-każ b’deroga mill-Artikolu 925(1) tal-Ktieb 7 tal-Kodiċi Ċivili, effett retroattiv:

a.

jekk hija tibda tiddekorri fl-ewwel erba’ xhur wara l-bidu tal-obbligu ta’ assigurazzjoni, sal-ġurnata meta beda dan l-obbligu.

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

E. Fischer-Lintjens għexet mill-1 ta’ Diċembru 1934, data tat-twelid tagħha, sal-1 ta’ Settembru 1970 fil-Pajjiżi l-Baxxi. Wara, hija għexet il-Ġermanja sal-1 ta’ Mejju 2006, data tar-ritorn tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi, fejn ilha tgħix minn dakinhar.

16

Minn Ottubru 2004, E. Fischer-Lintjens rċeviet pensjoni tar-romol mill-istituzzjoni kompetenti Ġermaniża. Peress li telqet mill-Ġermanja biex tgħix fil-Pajjiżi l-Baxxi matul is-sena 2006, hija rreġistrat lilha nnifisha, permezz tal- formola E 121, mal-assiguratur tal-kura tas-saħħa Olandiż CZ (iktar ’il quddiem “CZ”) u rnexxielha tikseb, mill-1 ta’ Ġunju 2006, xi benefiċċji skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1408/71 fil-Pajjiżi l-Baxxi, li r-responsabbiltà għall-ħlas tagħhom kienet fuq l-istituzzjoni kompetenti Ġermaniża. E. Fischer-Lintjens ikkontribwixxiet fil-Ġermanja għall-assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa tagħha.

17

Fl-20 ta’ Ottubru 2006, E. Fischer-Lintjens kisbet mis-CVZ iċ-ċertifikazzjoni ta’ nuqqas ta’ assigurazzjoni taħt l-AWBZ li kienet maħsuba sabiex tipprova, lill-awtorità Olandiża inkarigata mill-ġbir tal-kontribuzzjonijiet, li l-ebda kontribuzzjoni ma kienet dovuta fil-Pajjiżi l-Baxxi. E. Fischer-Lintjens indikat fuq il-formola li hija kellha timla sabiex tirċievi din iċ-ċertifikazzjoni li hija la kienet tirċievi pensjonijiet u lanqas benefiċċji taħt il-liġi Olandiża, iżda pensjoni taħt il-liġi Ġermaniża.

18

L-istess ċertifikazzjoni kienet valida, kemm-il darba ma kienx hemm bdil fiċ-ċirkustanzi, għall-perijodu mill-1 ta’ Ġunju 2006 sal-31 ta’ Diċembru 2010.

19

Minkejja li E. Fischer-Lintjens laħqet l-età ta’ 65 sena, li tatha dritt fil-Pajjiżi l-Baxxi għal pensjoni mill-1 ta’ Diċembru 1999 taħt l-AOW, kien biss f’Mejju 2007 li hija talbet din il-pensjoni. Skont il-qorti tar-rinviju, E. Fischer-Lintjens ikkunsidrat, b’mod żbaljat, qabel ressqet it-talba tagħha, li hija ma kellhiex dritt għaliha.

20

Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2007, emendata fl-24 ta’ April 2008, l-SVB ta u ħallas lil E. Fischer-Lintjens, skont l-Artikolu 16(2) tal-AOW, pensjoni b’effett retroattiv ta’ sena mid-data tal-ewwel ġurnata tax-xahar li matulu tressqet it-talba, jiġifieri l-1 ta’ Mejju 2006.

21

E. Fischer-Lintjens la informat lis-CZ, la lis-CVZ, u lanqas lill-istituzzjoni Ġermaniża ta’ assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa b’dan it-tibdil fis-sitwazzjoni qabel Ottubru 2010.

22

Fil-21 ta’ Ottubru 2010, E. Fischer-Lintjens imliet formola, indirizzata lis-CVZ fil-kuntest tat-talba tagħha għat-tiġdid taċ-ċertifikazzjoni ta’ nuqqas ta’ assigurazzjoni tagħha, u fiha ddikjarat li kienet bdiet tirċievi, mill-1 ta’ Mejju 2006, pensjoni tax-xjuħija taħt l-AOW.

23

Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Novembru 2010, is-CVZ informa lil E. Fischer-Lintjens li hija kellha tassigura lilha nnifisha skont l-AWBZ u ż-Zvw u li, għalhekk, hija kellha tħallas xi kontribuzzjonijiet fil-Pajjiżi l-Baxxi peress li hija ma kinitx għadha tinsab f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 21(1) tal-KB 746 u kellha, għalhekk, l-obbligu ta’ assigurazzjoni minn Ġunju 2006. Is-CVZ, b’hekk, irtira ċ-ċertifikazzjoni ta’ nuqqas ta’ assigurazzjoni ta’ E. Fischer-Lintjens (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ rtirar”) u CZ waqqaf il-kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa tagħha. Dan l-irtirar u dan it-twaqqif kellhom effett retroattiv mill-1 ta’ Ġunju 2006.

24

Sussegwentement, l-istituzzjoni Ġermaniża ta’ assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa ħallset lura ammont ta’ kontribuzzjonijiet li jammonta għal iktar minn EUR 5000, ammont li E. Fischer-Lintjens kienet ħallset fil-Ġermanja mill-1 ta’ Ġunju 2006.

25

Barra minn hekk, CZ talab lil E. Fischer-Lintjens tħallas l-ispejjeż għall-kura tas-saħħa rrimborsati lill-imsemmija istituzzjoni Ġermaniża fl-ammont ta’ iktar minn EUR 11000. Skont is-CVZ, skont l-Artikolu 5(5) taż-Zvw, l-assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa tista’ tipproduċi effett retroattiv biss jekk tkun sottoskritta fl-erba’ xhur wara li jibda l-obbligu ta’ assigurazzjoni. E. Fischer-Lintjens kellha għalhekk tħallas hija stess l-ispejjeż għall-kura tas-saħħa rrimborsati lil din l-istituzzjoni Ġermaniża għall-perijodu li fih hija ma kinitx koperta minn assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa, jiġifieri bejn Ġunju 2006 u l-1 ta’ Lulju 2010, b’din l-aħħar data tkun dik li fiha E. Fischer-Lintjens ingħatat assigurazzjoni Olandiża għall-kura tas-saħħa.

26

Fis-7 ta’ Diċembru 2010, din tal-aħħar indirizzat lis-CVZ ilment kontra d-deċiżjoni ta’ rtirar.

27

Mill-15 ta’ Marzu 2011, is-SVB sar l-organu kompetenti għall-għoti tal-eżenzjonijiet mill-obbligu ta’ assigurazzjoni taħt l-AWBZ u għall-għoti taċ-ċertifikazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ assigurazzjoni. Iċ-ċertifikazzjonijiet mogħtija qabel din id-data mis-CVZ huma kkunsidrati bħala li nħarġu mis-SVB.

28

Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ April 2011, is-SVB iddikjara bħala mhux fondat l-ilment ta’ E. Fischer-Lintjens kontra d-deċiżjoni ta’ rtirar. Permezz ta’ sentenza tar-Rechtbank Roermond (Qorti ta’ Roermond), tas-17 ta’ Jannar 2012, ir-rikors ta’ E. Fischer-Lintjens kontra din id-deċiżjoni ntlaqa’. Skont din il-qorti, iċ-ċertifikazzjoni ta’ nuqqas ta’ assigurazzjoni li E. Fischer-Lintjens irċeviet kienet maħsuba sabiex tipproduċi effetti legali li ma setgħux jitħassru permezz tal-irtirar ta’ din iċ-ċertifikazzjoni.

29

Is-SVB appella minn din is-sentenza quddiem is-Centrale Raad van Beroep (Qorti ċentrali għall-kawżi amministrattivi), filwaqt li argumenta li ċ-ċertifikazzjoni ta’ nuqqas ta’ assigurazzjoni kienet att ta’ natura purament dikjaratorja, bħall-formola E 121. Skont is-SVB, ma jista’ jkun hemm ebda konsegwenza legali, b’deroga minn dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali.

30

Il-qorti tar-rinviju tqis li s-SVB kellu s-setgħa li jirtira, b’effett retroattiv, iċ-ċertifikazzjoni ta’ nuqqas ta’ assigurazzjoni, iżda li, meta pproċeda għal dan l-irtirar, is-SVB ma ħax inkunsiderazzjoni biżżejjed l-interessi ta’ E. Fischer-Lintjens. Din il-qorti tqis li b’mod partikolari mill-prinċipju ta’ ċertezza legali jirriżulta li l-kompetenza effettiva għall-għoti tal-pensjonijiet u għat-teħid ta’ responsabbiltà għall-benefiċċji in natura tiskatta biss mid-data tad-deċiżjoni tal-għoti tal-pensjoni mitluba, li bis-saħħa tagħha jiġi stabbilit li l-persuna kkonċernata għandha, effettivament, dritt għall-pensjoni mitluba. Għal din ir-raġuni, hija għandha dubju dwar id-determinazzjoni tad-data li fiha l-pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet effettivament “pagabbli”, fis-sens tal-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament, lil E. Fischer-Lintjens, peress li, skont din il-qorti, jekk dan l-artikolu japplika b’mod retroattiv, dan iwassal sabiex, bħala prinċipju, jitqajmu diversi konsegwenzi legali b’mod retroattiv, fosthom, fil-kawża preżenti, l-obbligu li wieħed ikollu assigurazzjoni Olandiża għall-kura tas-saħħa.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Centrale Raad van Beroep iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-kunċett ta’ ’li jridu jitħallsu [pagabbli]’ fis-sens tal-Artikoli 27 et seq tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward li jiġi stabbilit minn liema mument pensjoni jew allowances iridu jitħallsu, l-element determinanti huwa d-data li fiha d-deċiżjoni ta’ għoti tkun ittieħdet u li l-pensjoni tkun tħallset sussegwentement, jew ukoll id-data ta’ bidu tal-pensjoni mogħtija b’effett retroattiv?

2)

Jekk il-kunċett ta’ ’li jridu jitħallsu [pagabbli]’ jirreferi għad-data ta’ bidu tal-pensjoni mogħtija b’effett retroattiv:

Tista’ din l-interpretazzjoni tiġi kkonċiljata mal-fatt li l-benefiċjarju ta’ pensjoni li jaqa’ taħt l-Artikolu 27 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 ma jistax, skont il-leġiżlazzjoni Olandiża, jaffilja ruħu bl-istess effett retroattiv ma’ assigurazzjoni ta’ kura medika?”

Fuq id-domandi preliminari

32

Għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li d-domandi qegħdin isiru fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali fejn, minn naħa, pensjoni Olandiża ngħatat lil E. Fischer-Lintjens f’Novembru 2007, b’effett retroattiv mill-1 ta’ Mejju 2006, u fejn, min-naħa l-oħra, E. Fischer-Lintjens, permezz taċ-ċertifikazzjoni ta’ nuqqas ta’ assigurazzjoni tal-20 ta’ Ottubru 2006, setgħet tipprova lill-awtorità Olandiża inkarigata mill-ġbir tal-kontribuzzjonijiet li hija ma kellhiex l-obbligu li joħroġ mill-Artikolu 2(1) taż-Zvw, meħud flimkien mal-punt 1(a) tat-Taqsima R tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1408/71, li tissottoskrivi għal assigurazzjoni obbligatorja Olandiża għall-kura tas-saħħa, peress li hija kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament u li hija kellha għalhekk dritt għall-benefiċċji tal-mard fil-Pajjiżi l-Baxxi, bi spejjeż għall-istituzzjoni kompetenti Ġermaniża. Din iċ-ċertifikazzjoni ta’ nuqqas ta’ assigurazzjoni kienet madankollu rtirata fit-2 ta’ Novembru 2010 b’effett retroattiv mill-1 ta’ Ġunju 2006.

33

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-persuni li jirċievu pensjonijiet taħt il-leġiżlazzjonijiet ta’ żewġ Stati Membri jew iktar, fosthom dik tal-Pajjiżi l-Baxxi fejn jgħixu, għandhom, skont il-punt 1(a) u (b) tat-Taqsima R tal-Anness VI tal-imsemmi regolament, sabiex ikollhom dritt, bi spejjeż għall-istituzzjoni kompetenti Olandiża, għall-benefiċċji tal-mard taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar skont l-Artikolu 27 tal-istess regolament, jassiguraw lilhom innifishom ma’ organu ta’ assigurazzjoni tal-kura tas-saħħa, skont l-Artikolu 2 taż-Zvw. Huwa stabbilit li, skont l-Artikolu 5(1) u (5) taż-Zvw, din l-assigurazzjoni jista’ jkollha effett retroattiv biss jekk tkun sottoskritta fl-erba’ xhur ta’ wara l-bidu tal-obbligu ta’ assigurazzjoni.

34

Skont il-qorti tar-rinviju, għandha għalhekk tiġi ddeterminata d-data li fiha E. Fischer-Lintjens kellha dritt għall-imsemmija benefiċċji fil-Pajjiżi l-Baxxi bi spejjeż għall-istituzzjoni kompetenti Olandiża, li tikkorrispondi mad-data li fiha E. Fischer-Lintjens ma baqgħetx taqa’ taħt l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1408/71 u bdiet taqa’ taħt l-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament. Madankollu, din il-qorti tispeċifika li, tkun xi tkun din id-data, l-applikazzjoni tal-Artikoli 2 u 5(5) taż-Zvw tista’ ċċaħħad lil E. Fischer-Lintjens minn assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa għal perijodu ddeterminat, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jostakolaw is-sottoskrizzjoni għal tali assigurazzjoni b’effett retroattiv f’ċirkustanzi bħal dawk li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ta’ E. Fischer-Lintjens. L-imsemmija qorti tindika, madankollu, li jista’ jiġi kkunsidrat li l-waqfien tal-assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa ta’ E. Fischer-Lintjens matul il-perijodu ta’ bejn it-8 ta’ Novembru 2007, id-data tal-ewwel ħlas lilha tal-pensjoni Olandiża, u l-1 ta’ Lulju 2010, id-data ta’ affiljazzjoni ta’ E. Fischer-Lintjens ma’ assigurazzjoni Olandiża għall-kura tas-saħħa, huwa imputabbli biss lill-affiljazzjoni tardiva ta’ din tal-aħħar ma’ assiguratur Olandiż. E. Fischer-Lintjens ikollha, għalhekk, tbati waħedha l-preġudizzju li jirriżulta minn dan.

35

Għalhekk, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1408/71, meħud flimkien mal-punt 1(a) u (b) tat-Taqsima R tal-Anness VI ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tippermettix lill-benefiċjarju ta’ pensjoni, mogħtija minn dan l-Istat Membru b’effett retroattiv ta’ sena, jaffilja lilu nnifsu ma’ assigurazzjoni obbligatorja għall-kura tas-saħħa bl-istess effett retroattiv.

36

Għandu b’hekk jiġi ddeterminat minn liema data, fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Pajjiżi l-Baxxi saru kompetenti, taħt l-imsemmi Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1408/71, fir-rigward ta’ persuna li tirċievi pensjonijiet bħalma hija E. Fischer-Lintjens.

37

F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament li jiddeterminaw il-leġiżlazzjoni applikabbli jifformaw sistema ta’ regoli ta’ kunflitt li n-natura kompleta tagħhom għandha l-effett li tneħħi lil-leġiżlaturi nazzjonali s-setgħa li jiddeterminaw il-portata u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom f’dan il-qasam, fir-rigward tal-persuni li huma ssuġġettati għaliha u fir-rigward tat-territorju li fih id-dispożizzjonijiet nazzjonali jipproduċu l-effetti tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza van Delft et, C‑345/09, EU:C:2010:610, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Peress li r-regoli ta’ kunflitt previsti mir-Regolament Nru 1408/71 huma b’hekk imposti b’mod imperattiv fuq l-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li, a fortiori, ma jistax jiġi ammess li l-persuni assigurati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli jistgħu jfixklu l-effetti tagħhom billi jiddisponu mill-għażla li jevitawhom. Fil-fatt, l-applikazzjoni tas-sistema ta’ kunflitt tad-dritt stabbilita minn dan ir-regolament tiddependi biss fuq is-sitwazzjoni oġġettiva li fiha jkun jinsab il-ħaddiem ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza van Delft et, C‑345/09, EU:C:2010:610, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilta tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament li jiddeterminaw il-leġiżlazzjoni applikabbli għandhom bħala għan mhux biss li jevitaw l-applikazzjoni fl-istess ħin ta’ diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali u l-komplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn dan, iżda wkoll li jevitaw li l-persuni li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess regolament ikunu mċaħħda mill-protezzjoni fil-kuntest tas-sigurtà soċjali, minħabba l-assenza ta’ leġiżlazzjoni li tkun applikabbli għalihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mulders, C‑548/11, EU:C:2013:249, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Minn dan jirriżulta, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, li wieħed mill-għanijiet tar-regoli ta’ kunflitt previsti mir-Regolament Nru 1408/71 huwa li kull persuna assigurata li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament tkun koperta b’mod kontinwu, mingħajr ma din il-kontinwità tkun tista’ tiġi affettwata mill-għażliet diskrezzjonarji tal-individwi jew tal-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri.

41

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament jikkonċerna l-persuna li tirċievi pensjonijiet jew allowances pagabbli taħt il-leġiżlazzjonijiet ta’ żewġ Stati Membri jew iktar, fosthom dik tal-Istat Membru ta’ residenza, u li għandha dritt għall-benefiċċji tal-mard u ta’ maternità f’dan l-Istat Membru tal-aħħar. Dan l-artikolu, flimkien mal-Artikolu 28 tal-istess regolament, għandu bħala għan li jiddetermina, minn naħa, l-istituzzjoni li għandha d-dmir li tipprovdi lill-persuni li jirċievu pensjonijiet jew allowances dawn il-benefiċċji tal-mard u ta’ maternità u, min-naħa l-oħra, l-istituzzjoni li hija responsabbli għall-ispejjeż tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rundgren, C‑389/99, EU:C:2001:264, punti 43 u 44).

42

Is-sistema stabbilita permezz ta’ dawn l-artikoli tistabbilixxi għalhekk rabta bejn il-kompetenza li jiġu pprovduti l-pensjonijiet jew l-allowances u l-obbligu li tittieħed responsabbiltà għall-ispejjeż tal-benefiċċji in natura, peress li dan l-obbligu huwa, għalhekk, anċillari għal kompetenza effettiva fil-qasam tal-pensjonijiet. Ir-responsabbiltà għall-ispejjeż tal-benefiċċji in natura ma tistax għalhekk tiġi attribwita lill-istituzzjoni tal-Istat Membru li jkollu biss responsabbiltà potenzjali fil-qasam tal-pensjonijiet. Minn dan isegwi li l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1408/71, bħall-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament, meta jirreferi għal pensjoni jew għal allowance pagabbli, għandu fil-mira tiegħu pensjoni jew allowance effettivament imħallsa lill-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rundgren, C‑389/99, EU:C:2001:264, punt 47).

43

Għalhekk, il-pensjoni Olandiża ta’ persuna kkonċernata li ssib lilha nnifisha f’sitwazzjoni identika għal dik ta’ E. Fischer-Lintjens għandha tkun ikkunsidrata li hija pagabbli, fis-sens tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1408/71, mill-bidu tal-perijodu li fih din il-pensjoni effettivament ingħatat lil din il-persuna kkonċernata, ikun x’ikun il-mument meta d-dritt għal din il-pensjoni ġie formalment ikkonstatat. Tali pensjoni hija għalhekk pagabbli għat-totalità ta’ dan il-perijodu, inkluż, skont il-każ, meta dan jibda qabel id-data tad-deċiżjoni tal-għoti ta’ din il-pensjoni.

44

F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali effettivament tħallset lil E. Fischer-Lintjens, taħt il-leġiżlazzjoni Olandiża, fir-rigward tal-perijodu li jibda fl-1 ta’ Mejju 2006. B’hekk, minn din id-data, hija kellha tiġi kklassifikata bħala “pagabbli” fis-sens tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1408/71, għall-għoti tal-benefiċċji lil E. Fischer-Lintjens.

45

Barra minn hekk, bħalma rrileva l-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, kull interpretazzjoni oħra tal-kelma “pagabbli”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 27, tissuġġetta l-applikabbiltà ratione temporis tal-kompetenza ta’ Stat Membru fil-qasam tal-benefiċċji pagabbli taħt dan ir-regolament għall-ħeffa tat-trattament mill-amministrazzjonijiet nazzjonali tat-talbiet għal pensjonijiet jew għal allowances, li jmur kontra wieħed mill-għanijiet imfittxija mill-imsemmi regolament, li huwa, bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, li jiggarantixxi li kull persuna assigurata li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess regolament tkun koperta b’mod kontinwu.

46

Barra minn hekk, mill-elementi pprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja, li ma humiex ikkontestati, jirriżulta li, wara l-irtirar b’mod retroattiv taċ-ċertifikazzjoni ta’ nuqqas ta’ assigurazzjoni, E. Fischer-Lintjens ma kienx baqgħalha assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa għall-perijodu bejn Ġunju 2006 u l-1 ta’ Lulju 2010, minkejja li hija kienet qabel ħallset il-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa fil-Ġermanja għal dan il-perijodu li, minħabba d-deċiżjoni ta’ rtirar, kienu sussegwentement ingħatawlha lura.

47

F’dan ir-rigward, il-Gvern Olandiż jispjega, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li kull effett retroattiv tal-assigurazzjoni Olandiża għall-kura tas-saħħa huwa, bħala prinċipju, eskluż mil-leġiżlazzjoni Olandiża inkwistjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-għan, speċifiku għall-assigurazzjonijiet, li tiġi ggarantita ħsara fil-futur li ma tkunx seħħet fid-data tas-sottoskrizzjoni u fir-rigward tal-għan li l-persuni kkonċernati, li għandhom jissottoskrivu għal kuntratt ta’ assigurazzjoni taħt id-dritt Olandiż, jiġu inkoraġġuti sabiex jagħmlu dan malajr kemm jista’ jkun. Tali nuqqas ta’ effett retroattiv jiggarantixxi s-solidarjetà, li hija l-bażi tas-sistema tal-assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa, u jevita l-abbużi. Madankollu, minkejja dan il-prinċipju ġenerali ta’ esklużjoni, il-leġiżlatur Olandiż antiċipa eċċezzjoni limitata li tippermetti li, meta l-assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa tibda tiddekorri fi żmien terminu ta’ erba’ xhur wara l-bidu tal-obbligu ta’ assigurazzjoni, din l-assigurazzjoni jkollha effett retroattiv sal-ġurnata tal-bidu ta’ dan l-obbligu. Dan l-effett, meta japplika, li ma jistax ikun il-każ fil-kawża prinċipali peress li l-obbligu ta’ assigurazzjoni ta’ E. Fischer-Lintjens beda fl-1 ta’ Mejju 2006, ikun għalhekk illimitat għal erba’ xhur.

48

Huwa minnu li jista’ jkun leġittimu għal Stat Membru li jillimita l-possibbiltà li wieħed jissottoskrivi, b’effett retroattiv, għal assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa bil-għan li jinkoraġġixxi lill-persuni li għandhom jissottoskrivu għal tali assigurazzjoni sabiex jagħmlu dan fl-iqsar żmien possibbli. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li obbligu ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet minħabba l‑eżistenza ta’ dritt għall‑benefiċċji, anki fin‑nuqqas ta’ tgawdija effettiva tal‑imsemmija benefiċċji, huwa inerenti għall‑prinċipju ta’ solidarjetà implementat mis‑sistemi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali peress li, fin‑nuqqas ta’ tali obbligu, il‑persuni kkonċernati jistgħu jkunu inkoraġġuti jistennew li jseħħ ir‑riskju qabel ma jikkontribwixxu għall‑finanzjament ta’ din is‑sistema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza van Delft et, C‑345/09, EU:C:2010:610, punt 75).

49

Madankollu, il-kundizzjonijiet ta’ affiljazzjoni mas-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri, li l-organizzazzjoni tagħhom taqa’ fil-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, għandhom jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni u ma jistax ikollhom bħala effett li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-persuni li għalihom, skont ir-Regolament Nru 1408/71, tapplika din l-istess leġiżlazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Kits van Heijningen, C‑2/89, EU:C:1990:183, punt 20, kif ukoll Salemink, C‑347/10, EU:C:2012:17, punti 38 sa 40).

50

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, bħalma rrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 53 u 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali twassal sabiex persuna li tingħata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ residenza, skont l-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament, pensjoni b’effett retroattiv ta’ iktar minn erba’ xhur li bdew jiddekorru mid-data tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ din il-pensjoni, wara ssib lilha nnifisha fl-impossibbiltà li tissodisfa l-obbligi legali tagħha u li tissottoskrivi, f’dan l-Istat Membru, għal assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa f’terminu li jippermettilha tibbenefika minn effett retroattiv ta’ iktar minn erba’ xhur, minkejja li hija kienet tibbenefika sa dak iż-żmien mill-fatt li istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru ieħor kienet responsabbli għall-ispejjeż għall-kura tas-saħħa tagħha.

51

B’hekk, f’dan il-każ, huwa stabbilit li, minkejja li E. Fischer-Lintjens kienet informat lill-organi Olandiżi kompetenti bil-fatt li hija kienet tirċievi pensjoni Ġermaniża, fit-8 ta’ Novembru 2007, data tat-teħid tad-deċiżjoni tas-SVB li kkonstatat id-dritt tagħha għal pensjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi b’effett retroattiv mill-1 ta’ Mejju 2006, din ma setgħetx, minħabba r-restrizzjoni li tinsab fl-Artikolu 5(5) taż-Zvw, taffilja ruħha ma’ assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa obbligatorja li tkun tkopriha mill-1 ta’ Mejju 2006. Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, jidher li kien għalhekk, fi kwalunkwe każ, impossibbli għal E. Fischer-Lintjens li tevita perijodu ta’ interruzzjoni tal-kopertura minn tali assigurazzjoni.

52

Issa, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, persuna assigurata, bħalma hija E. Fischer-Lintjens, li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 ma tistax tiġi mċaħħda mill-protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, minħabba l-assenza ta’ leġiżlazzjoni li tkun applikabbli għaliha (ara, b’analoġija, is-sentenza Kuusijärvi, C‑275/96, EU:C:1998:279, punt 28).

53

Minn dan jirriżulta, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 55 u 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-limitazzjoni imposta mid-dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha bħala riżultat li persuna li ssib ruħha f’sitwazzjoni identika għal dik ta’ E. Fischer-Lintjens ma tkunx tista’ tissodisfa l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1408/71 u taħt il-punt 1(a) u (b) tat-Taqsima R tal-Anness VI ta’ dan ir-regolament, hija ta’ preġudizzju għall-effettività tas-sistema tar-regoli ta’ kunflitt stabbilita permezz tal-imsemmi regolament u għall-obbligi tal-persuni assigurati taħt dan ir-regolament. B’mod partikolari, l-effettività ta’ din is-sistema, li hija imposta b’mod mandatorju kemm fuq l-Istati Membri kif ukoll fuq il-persuni kkonċernati, ma tistax tkun iggarantita jekk dawn l-Istati, permezz tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tagħhom, ikunu jistgħu jċaħħdu lil persuna kkonċernata, bħalma hija E. Fischer-Lintjens, mill-possibbiltà li tosserva totalment l-obbligi tagħha taħt dan l-istess regolament.

54

F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi aċċettat l-argument tal-Gvern Olandiż fis-sens li l-interruzzjoni tal-assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa ta’ E. Fischer-Lintjens, b’mod partikolari għall-perijodu bejn Novembru 2007 u Lulju 2010, irriżultat biss mill-fatt li hija ma informatx lill-istituzzjoni Olandiża kompetenti bit-tibdil fid-drittijiet tagħha għal pensjoni.

55

Huwa minnu li l-Artikolu 84a(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprevedi obbligu reċiproku ta’ informazzjoni u ta’ kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet kompetenti u l-persuni koperti minn dan ir-regolament. Fil-fatt, filwaqt li dawn il-persuni għandhom jinformaw lil dawn l-istituzzjonijiet fl-iqsar żmien b’kull bidla fis-sitwazzjoni personali jew familjari tagħhom li taffettwa d-dritt tagħhom għal benefiċċji skont l-imsemmi regolament, l-istituzzjonijiet għandhom l-obbligu li jipprovdu, bħala tweġiba għat-talbiet tal-imsemmija persuni dwar l-istess regolament, kull informazzjoni meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom mir-Regolament Nru 1408/71.

56

Din l-informazzjoni tista’ tinkludi, skont il-każ, informazzjoni li tkun biżżejjed sabiex tippermetti lil persuna, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex tifhem li hija kellha l-obbligu li tissottoskrivi għal assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa fil-Pajjiżi l-Baxxi.

57

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 84a(2) tal-istess regolament, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ informazzjoni previst fit-tielet subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 84a(1) jista’ jirriżulta biss fl-applikazzjoni ta’ miżuri proporzjonati skont id-dritt nazzjonali li għandhom, minn naħa, ikunu ekwivalenti għal dawk applikabbli għal sitwazzjonijiet simili li jaqgħu fl-ordinament ġuridiku intern u, min-naħa l-oħra, ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-persuni kkonċernati minn dan ir-regolament.

58

Issa, dan ma jkunx il-każ jekk l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali twassal sabiex persuna kkonċernata, f’sitwazzjoni identika għal dik ta’ E. Fischer-Lintjens, tiġi mċaħħda minn kull protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali għal perijodu ddeterminat, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, b’mod partikolari dawk dwar is-sitwazzjoni personali tagħha, bħall-età tagħha, l-istat ta’ saħħa tagħha u l-assenza tagħha mill-Pajjiżi l-Baxxi għal perijodu twil. Barra minn hekk, huwa ta’ importanza partikolari l-fatt li E. Fischer-Lintjens ikkontribwixxiet, fil-Ġermanja, għall-perijodu minn Novembru 2007 sa Ottubru 2010, għal assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa.

59

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1408/71, meħud flimkien mal-punt 1(a) u (b) tat-Taqsima R tal-Anness VI ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-pensjoni ta’ benefiċjarju, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha titqies li hija pagabbli mill-bidu tal-perijodu li fir-rigward tiegħu din il-pensjoni effettivament tħallset lil din il-persuna kkonċernata, tkun liema tkun id-data li fiha d-dritt għall-imsemmija pensjoni jkun ġie formalment stabbilit, inkluż, skont il-każ, meta dan il-perijodu jibda jiddekorri qabel id-data tad-deċiżjoni tal-għoti tal-istess pensjoni. L-Artikoli 27 u 84(a) tar-Regolament Nru 1408/71, meħuda flimkien mal-punt 1(a) u (b) tat-Taqsima R tal-Anness VI ta’ dan ir-regolament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tippermettix lill-benefiċjarju ta’ pensjoni mogħtija minn dan l-Istat Membru b’effett retroattiv ta’ sena li jaffilja ruħu ma’ assigurazzjoni obbligatorja għall-kura tas-saħħa bl-istess effett retroattiv u li twassal sabiex iċċaħħad lil dan il-benefiċjarju minn kull protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, b’mod partikolari dawk dwar is-sitwazzjoni personali tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

60

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, meħud flimkien mal-punt 1(a) u (b) tat-Taqsima R tal-Anness VI tal-imsemmi Regolament Nru 1408/71, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-pensjoni ta’ benefiċjarju, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha titqies li hija pagabbli mill-bidu tal-perijodu li fir-rigward tiegħu din il-pensjoni effettivament tħallset lil din il-persuna kkonċernata, tkun liema tkun id-data li fiha d-dritt għall-imsemmija pensjoni jkun ġie formalment stabbilit, inkluż, skont il-każ, meta dan il-perijodu jibda jiddekorri qabel id-data tad-deċiżjoni tal-għoti tal-istess pensjoni.

 

L-Artikoli 27 u 84(a) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 1992/2006, meħuda flimkien mal-punt 1(a) u (b) tat-Taqsima R tal-Anness VI ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tippermettix lill-benefiċjarju ta’ pensjoni mogħtija minn dan l-Istat Membru b’effett retroattiv ta’ sena li jaffilja ruħu ma’ assigurazzjoni obbligatorja għall-kura tas-saħħa bl-istess effett retroattiv u li twassal sabiex iċċaħħad lil dan il-benefiċjarju minn kull protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, b’mod partikolari dawk dwar is-sitwazzjoni personali tiegħu.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.