KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
WAHL
ippreżentati fit-22 ta’ Jannar 2015 ( 1 )
Kawża C‑15/14 P
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
MOL Magyar Olaj- és Gázipari Nyrt.
“Appell — Għajnuna mill-Istat — Ftehim konkluż bejn l-Istat Ungeriż u l-kumpannija taż-żejt u tal-gass MOL dwar it-tariffi tax-xogħol fil-minjieri marbuta mal-estrazzjoni tal-idrokarburi — Emenda leġiżlattiva ulterjuri li żżid ir-rati tat-tariffi tax-xogħol fil-minjieri — Żieda mhux applikata għal MOL — Eżistenza ta’ vantaġġ selettiv”
1. |
Permezz ta’ dan l-appell, il-Kummissjoni Ewropea trid tikseb l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea MOL vs Il‑Kummissjoni ( 2 ), li permezz tagħha din tal-aħħar annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/88/UE, tad-9 ta’ Ġunju 2010, dwar l-għajnuna mill-Istat C 1/09 (ex NN 69/08) mogħtija mill-Ungerija lil MOL Nyrt. ( 3 ). |
2. |
F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba prinċipalment biex tiddetermina jekk il-Qorti Ġenerali kinitx korretta meta kkonkludiet li għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata abbażi li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet in-natura selettiva tal-miżura kkontestata, li l-karatteristika oriġinali tagħha tinsab fit-teħid flimkien ta’ ftehim tariffarju konkluż bejn l-Istat u impriża partikolari ma’ emenda leġiżlattiva ulterjuri ta’ żieda tat-tariffa mhux applikabbli għal dik l-impriża. Din il-kawża b’mod iktar ġenerali toffri l-opportunità li jiġu pprovduti ċerti preċiżjonijiet dwar il-parametri li għandhom jiġu adottati fl-eżami tal-kundizzjoni ta’ selettività li tikkostitwixxi l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” li jirriżulta mill-Artikolu 107(1) TFUE. |
I – Il-fatti li wasslu għall-kawża
3. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżulta mis-sentenza appellata, jistgħu jitqassru kif ġej. |
4. |
MOL Magyar Olaj- és Gázipari Nyrt. (iktar ’il quddiem “MOL”), hija kumpannija stabbilita f’Budapest (l-Ungerija), li l-attivitajiet prinċipali tagħha huma t-tfittix għal u l-produzzjoni ta’ żejt mhux raffinat, ta’ gass naturali u ta’ prodotti tal-gass, it-trasport, il-ħażna u d-distribuzzjoni ta’ prodotti abbażi ta’ żejt mhux raffinat lill-grossisti u lill-bejjiegħa bl-imnut, it-trasport tal-gass naturali kif ukoll il-produzzjoni u l-bejgħ ta’ alkeni u ta’ poljolefini. |
A – Il-Liġi Ungeriża dwar il-minjieri
5. |
L-attivitajiet kollha fil-minjieri, fosthom dawk li għandhom x’jaqsmu mal-idrokarburi, huma rregolati fl-Ungerija permezz tal-Liġi XLVIII tal-1993 dwar l-attività ta’ xogħol fil-minjieri ( 4 ). Skont dik il-liġi, il-funzjonijiet ta’ regolamentazzjoni huma eżerċitati mill-Ministru responsabbli għall-minjieri u mill-awtorità inkarigata mill-minjieri, awtorità ċentrali li tissorvelja l-attivitajiet tal-minjieri fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika. |
6. |
Il-Liġi dwar il-minjieri tipprovdi li l-esplorazzjoni u l-attività ta’ xogħol fil-minjieri jistgħu jsiru taħt żewġ sistemi legali differenti. L-Artikoli 8 sa 19 tal-Liġi dwar il-minjieri jistabbilixxu, għaż-żoni meqjusa rikki b’materjali li jistgħu jiġu estratti abbażi, b’mod partikolari, ta’ data ġeoloġika u kklassifikati bħala “magħluqa” (Artikolu 9(1) tal-Liġi dwar il-minjieri), sistema ta’ konċessjoni, mogħtija wara t-tmiem ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti għal kull żona magħluqa, abbażi ta’ kuntratt iffirmat bejn il-Ministru responsabbli mill-minjieri u l-impriża li tintgħażel fis-sejħa għal offerti (Artikoli 10 sa 12 tal-Liġi dwar il-minjieri). Għal dak li jirrigwarda żoni kklassifikati bħala “miftuħa”, a priori inqas rikki b’materjali li jistgħu jiġu estratti, huma jistgħu jiġu operati taħt il-kopertura ta’ awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtorità inkarigata mill-minjieri, meta l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet legali (Artikolu 5(1)(a) u (4) tal-Liġi dwar il-minjieri). |
7. |
L-Artikolu 20 tal-Liġi dwar il-minjieri jiddetermina r-regoli li jiffissaw it-tariffi tax-xogħol fil-minjieri li għandhom jitħallsu lill-Istat. L-Artikolu 20(11) tal-Liġi dwar il-minjieri jipprovdi li l-ammont tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri huwa perċentwali ddeterminat, skont il-każ, fil-liġi, fil-kuntratt ta’ konċessjoni jew fil-kuntratt konkluż taħt l-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri. Għal dak li jirrigwarda l-konċessjonijiet, ir-rata tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri hija stabbilita mill-Ministru responsabbli mill-minjieri, li jieħu kont ta’ ċerti parametri msemmija fl-Artikolu 20(8) tal-Liġi dwar il-minjieri. Għall-kuntratt imsemmi fl-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri, ir-rata tat-tariffa hija ddeterminata skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu. Ir-rata tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri hija ffissata mil-Liġi dwar il-minjieri meta l-attività tal-estrazzjoni sseħħ taħt ir-reġim ta’ awtorizzazzjoni (Artikolu 20(2) sa (7) tal-Liġi dwar il-minjieri). |
8. |
Sal-2008, ir-rata tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri għall-estrazzjoni ta’ idrokarburi, ta’ żejt mhux raffinat u ta’ gass naturali, taħt il-kopertura ta’ awtorizzazzjoni, kienet iffissata għal 12 % tal-valur tal-kwantità prodotta għaż-żoni ta’ depożiti li bdew joperaw mill-1 ta’ Jannar 1998 jew kienet idderivata mill-applikazzjoni ta’ formula matematika li tieħu, b’mod partikolari, kont tal-prezz medju tal-gass naturali mixtri mid-dipartiment pubbliku tal-gass, b’rata minima ta’ 12 %, għaż-żoni ta’ depożiti ta’ gass naturali li bdew joperaw qabel l-1 ta’ Jannar 1998 (Artikolu 20(3)(b) tal-Liġi dwar il-minjieri). |
9. |
L-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri jipprovdi li meta impriża li topera minjieri li teżerċita l-attività tagħha taħt il-kopertura ta’ awtorizzazzjoni, jiġifieri għal żoni ta’ depożiti li jinsabu f’żoni miftuħa, ma tkunx bdiet topera fil-ħames snin wara l-għoti tal-awtorizzazzjoni, hija tista’ tapplika, għal darba biss, quddiem l-awtorità inkarigata mill-minjieri għal estensjoni ta’ dan it-terminu għal perijodu massimu ta’ ħames snin. F’każ ta’ kunsens mill-imsemmija awtorità, kuntratt bejn il-Ministru responsabbli mill-minjieri u l-impriża li topera minjieri għandu jiddetermina, għaż-żoni ta’ depożiti li ngħataw estensjoni, il-kwantità ta’ materjali li sservi ta’ bażi għall-kalkolu tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri u r-rata ta’ din, li għandha tkun ogħla mir-rata applikabbli fid-data tal-applikazzjoni għal estensjoni, mingħajr ma teċċedi 1.2 darba din ir-rata (iktar ’il quddiem it-“tariffa ta’ estensjoni”). Jekk l-applikazzjoni għal estensjoni tkun tirrigwarda iktar minn żewġ żoni ta’ depożiti, ir-rata tat-tariffa ta’ estensjoni hija applikata għaż-żoni kollha ta’ depożiti tal-impriża li topera minjieri permezz ta’ kuntratt ta’ mill-inqas ħames snin (iktar ’il quddiem it-“tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri”). Jekk l-applikazzjoni għal estensjoni tkun tirrigwarda iktar minn ħames żoni ta’ depożiti, tariffa eċċezzjonali tista’ tintalab għal mhux iktar minn 20 % tal-ammont li għandu jitħallas fuq il-bażi tat-tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri. |
B – Il-ftehim ta ’ estensjoni tad-drittijiet ta ’ xogħol fil-minjieri konkluż bejn MOL u l-Istat Ungeriż fl-2005
10. |
Fid-19 ta’ Settembru 2005, MOL talbet estensjoni tad-drittijiet tagħha ta’ xogħol fil-minjieri relatati ma’ tnax mid-depożiti ta’ idrokarburi tagħha li huma suġġetti għal awtorizzazzjoni u li l-isfruttament tagħhom kien għadu ma bediex mal-iskadenza tat-terminu ta’ ħames snin li jibda jiddekorri mid-data ta’ ħruġ ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet. |
11. |
Fit-22 ta’ Diċembru 2005, il-Ministru responsabbli għall-minjieri u MOL iffirmaw ftehim ta’ estensjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri, li kien jirrigwarda t-tnax-il depożitu ta’ idrokarburi (iktar ’il quddiem il-“Ftehim tal-2005”), li l-punt 1 tiegħu jestendi b’ħames snin id-data ta’ skadenza sabiex jinbeda l-isfruttament ta’ dawk it-tnax-il depożitu u jiffissa t-tariffa tal-estensjoni li għandha titħallas minn MOL lill-Istat għal kull waħda mill-ħames snin (12 % × 1050 għall-ewwel sena, jew 12.600 %; 12 % × 1038 għat-tieni sena, jew 12.456 %; 12 % × 1025 għat-tielet sena; jew 12.300 %, kif ukoll 12 % × 1020 għar-raba u l-ħames sena, jew 12.240 %). |
12. |
Skont il-punt 4 tal-Ftehim tal-2005, it-tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri tapplika għad-depożiti kollha ta’ MOL diġà sfruttati taħt il-kopertura ta’ awtorizzazzjoni, jiġifieri 44 depożitu ta’ idrokarburi li l-produzzjoni tagħhom bdiet wara l-1 ta’ Jannar 1998 u 93 depożitu ta’ gass naturali li l-produzzjoni tagħhom bdiet qabel dik id-data, matul perijodu ta’ ħmistax-il sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim. Ir-rata tat-tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri tal-ħames sena tal-perijodu ta’ estensjoni tapplika sal-ħmistax-il sena. Għal dak li jirrigwarda ż-żoni ta’ depożiti ta’ gass naturali li bdew joperaw qabel l-1 ta’ Jannar 1998, il-koeffiċjent ta’ żieda għal kull waħda mill-ħames snin ta’ estensjoni (ara l-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet) japplika għall-formula matematika ffissata mill-Artikolu 20(3)(b) tal-Liġi dwar il-minjieri, filwaqt li l-koeffiċjent ta’ żieda tal-ħames sena japplika sal-ħmistax-il sena. |
13. |
Il-punt 6 tal-Ftehim tal-2005 jipprovdi għall-ħlas ta’ tariffa eċċezzjonali ta’ 20 biljun forint Ungeriż (HUF). |
14. |
Il-punt 9 tal-Ftehim tal-2005 jipprovdi li r-rata tat-tariffa ta’ estensjoni, ir-rata tat-tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri, il-bażi tal-kalkolu, il-perċentwali u kull fattur li jservi għall-kalkolu ta’ dawn it-tariffi huma ddeterminati, matul il-perijodu kollu ta’ dan il-ftehim, permezz tal-klawżoli ta’ dan tal-aħħar biss u li r-rati ddefiniti fil-Ftehim tal-2005 jibqgħu l-istess jew kostanti matul dan il-perijodu kollu. |
15. |
Skont il-punt 11 tiegħu, il-Ftehim tal-2005 jidħol fis-seħħ fid-data effettiva tar-riżoluzzjoni tal-awtorità inkarigata mill-minjieri. Din l-istess klawżola tipprojbixxi lill-partijiet milli jtemmu b’mod unilaterali l-Ftehim tal-2005, ħlief fil-każ li terz jakkwista iktar minn 25 % tal-kapital ta’ MOL. |
16. |
Il-Ftehim tal-2005 kien is-suġġett ta’ riżoluzzjoni tal-awtorità inkarigata mill-minjieri, tat-23 ta’ Diċembru 2005, li tapprova l-estensjoni tad-data sa meta dawn it-tnax-il żona ta’ depożiti ta’ idrokarburi msemmija fil-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet kellhom jibdew joperaw kif ukoll il-pagamenti li kellha tagħmel MOL u li kienu ddeterminati mill-imsemmi ftehim. |
C – L-emenda tal-Liġi dwar il-minjieri relatata mad-drittijiet ta ’ sfruttament li saret fl-2008
17. |
Il-Liġi CXXXIII tal-2007 dwar l-attività ta’ xogħol fil-minjieri li temenda l-Liġi XLVIII tal-1993 ( 5 ), li daħlet fis-seħħ fit-8 ta’ Jannar 2008, temenda r-rata tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri. |
18. |
Prinċipalment, l-Artikolu 20(3) tal-Liġi emendata dwar il-minjieri jipprovdi rata ta’ 30 % tal-valur tal-kwantità prodotta għaż-żoni ta’ depożiti li bdew joperaw bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2007, l-applikazzjoni tal-formula matematika eżistenti taħt is-sistema tal-Liġi dwar il-minjieri għaż-żoni ta’ depożiti ta’ gass naturali li bdew joperaw qabel l-1 ta’ Jannar 1998, b’rata tariffarja minima ta’ 30 %, u l-applikazzjoni ta’ rata ta’ tariffa tax-xogħol fil-minjieri differenzjata għaż-żoni ta’ depożiti li bdew joperaw wara l-1 ta’ Jannar 2008, skont il-kwantità ta’ żejt mhux raffinat jew ta’ gass naturali estratt, jiġifieri rata ta’ 12 % għal kwantità annwali prodotta li ma teċċedix 300 miljun m3 ta’ gass naturali jew 50 kilo tunnellati (kt) ta’ żejt mhux raffinat, rata ta’ 20 % għal produzzjoni ta’ bejn 300 miljun m3 ta’ gass naturali u 500 miljun m3 ta’ gass naturali jew bejn 50 kt ta’ żejt mhux raffinat u 200 kt ta’ żejt mhux raffinat, u rata ta’ 30 % għal produzzjoni li taqbeż 500 miljun m3 ta’ gass naturali jew 200 kt ta’ żejt mhux raffinat. Fl-aħħar nett, għaż-żoni kollha ta’ depożiti, tkun xi tkun id-data li fiha bdew joperaw, it-tariffa tax-xogħol fil-minjieri dovuta tiżdied bi 3 % jew 6 % jekk il-prezz taż-żejt mhux raffinat Brent jaqbeż 80 dollaru Amerikan (USD) jew 90 USD rispettivament. |
19. |
L-Artikolu 235 tal-Liġi LXXXI tal-2008 li temenda r-rata ta’ taxxa u ta’ tariffi ( 6 ) jemenda l-Liġi dwar il-minjieri, billi jġib lura għal 12 % ir-rata tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri għad-depożiti sfruttati bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2007 inkluż, u r-rata minima tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri dovuta għad-depożiti ta’ gass naturali sfruttati qabel l-1 ta’ Jannar 1998. Din ir-rakkomandazzjoni daħlet fis-seħħ fit-23 ta’ Jannar 2009. |
D – Il-proċedura ta ’ investigazzjoni formali u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata
20. |
Wara li rċeviet ilment fl-14 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Jannar 2009, innotifikat lill-awtoritajiet Ungeriżi bid-deċiżjoni tagħha li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE dwar il-Ftehim tal-2005, li eżenta lil MOL miż-żieda tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri li rriżultat mil-Liġi emendata dwar il-minjieri (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta ftuħ”). Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li, fid-dawl tal-modalitajiet li bihom tfasslu, il-Ftehim tal-2005 u d-dispożizzjonijiet tal-Liġi emendata dwar il-minjieri kienu jagħmlu parti mill-qafas tal-istess miżura u, wara li evalwat l-impatt komuni tagħhom, hija kkonkludiet li l-Ftehim tal-2005 u l-Liġi emendata dwar il-minjieri kellhom flimkien l-effett li jagħtu vantaġġ inġust lil MOL. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-miżura kienet tissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 87(1) KE u kellha titqies li hija għajnuna mill-Istat u li xejn minnha ma kien jindika li setgħet tkun kompatibbli mas-suq komuni. Id-deċiżjoni ta ftuħ ġiet ippubblikata, flimkien mal-istedina magħmula lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. |
21. |
Permezz ta’ messaġġ elettroniku tad-9 ta’ April 2009, l-Ungerija ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ. L-awtoritajiet Ungeriżi kienu tal-fehma li l-miżura ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, peress li l-Ftehim tal-2005 ma kien ta’ ebda vantaġġ lil MOL u ma kienx selettiv billi ebda trattament preferenzjali favuriha ma kien irriżulta mill-applikazzjoni tal-imsemmi ftehim. |
22. |
Permezz ta’ żewġ messaġġi elettroniċi tas-27 ta’ April 2009, MOL u l-Magyar Bányászati Szövetség (assoċjazzjoni Ungeriża tax-xogħol fil-minjieri) ippreżentaw l-osservazzjonijiet rispettivi tagħhom dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ. MOL kienet tal-fehma li ma kinitx ipprivileġġata bl-applikazzjoni tal-Ftehim tal-2005, peress li hija ħallset livell ta’ tariffa tax-xogħol fil-minjieri ħafna ogħla minn dik tal-kompetituri tagħha u minn dik li kienet tħallas fl-assenza tal-ftehim, fejn dan tal-aħħar kien konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-minjieri u mal-loġika tagħha. Min-naħa tagħha, il-Magyar Bányászati Szövetség insistiet partikolarment fuq in-neċessità għall-Istat, partikolarment fil-funzjoni tiegħu ta’ leġiżlatur, li josserva l-aspettattivi leġittimi tal-operaturi ekonomiċi u l-prinċipju ta’ ċertezza legali rigward l-istabbiltà fit-tul tar-rati tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri taż-żoni ta’ depożiti li għalihom kienet diġà nħarġet awtorizzazzjoni. |
23. |
Fid-9 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li tipprovdi li, minn naħa, il-miżura meħuda mill-Ungerija, jiġifieri l-iffissar fil-Ftehim tal‑2005 tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri dovuta minn MOL, flimkien mal-emendi li rriżultaw mil-Liġi emendata dwar il-minjieri, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li hija inkompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 108(3) TFUE u, min-naħa l-oħra, l-Ungerija kellha tirkupra l-għajnuna mingħand MOL. |
24. |
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-miżura ta’ għajnuna ineżami kienet it-teħid flimkien tal-Ftehim tal-2005 u tal-Liġi emendata dwar il-minjieri, billi l-ewwel wieħed kien jeżenta lil MOL mit-tibdil li sar lit-tariffi tax-xogħol fil-minjieri permezz tat-tieni waħda (premessi 19 u 20). Fil-fehma tagħha, għalkemm il-Ftehim tal-2005 kien konformi mal-Liġi dwar il-minjieri li kienet fis-seħħ f’dak iż-żmien, u l-Istat Membru seta’ jiffissa t-tariffi tax-xogħol fil-minjieri, l-effetti prodotti ma kinux neċessarjament kompatibbli mar-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, minkejja li, meħuda waħedhom, la l-Ftehim tal-2005 u lanqas il-Liġi emendata dwar il-minjieri ma kienu kontra dawn ir-regoli (premessi 52 u 53). |
25. |
Għal dak li jirrigwarda l-kriterju relatat mas-selettività tal-miżura, il-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li s-sistema ta’ referenza kienet ir-reġim ta’ awtorizzazzjoni, filwaqt li ċaħdet l-argumenti li jipprovdu li d-diversi ftehim li jestendu tali awtorizzazzjonijiet jistgħu jikkostitwixxu sistema ta’ referenza separata (premessi 61 sa 65). Fil-fehma tal-Kummissjoni, ftehim ta’ estensjoni kien “mingħajr dubju” selettiv, billi l-awtoritajiet Ungeriżi kellhom il-flessibbiltà sabiex jiddeċiedu jekk jikkonkludux jew le tali ftehim u sabiex jiffissaw il-komponenti ta’ ħlas inklużi f’tali ftehim (premessa 66). Il-Kummissjoni kompliet tinsisti fuq il-fatti li, minn naħa, MOL kienet ser tibbenefika minn tariffi mnaqqsa sal‑2020 għal kważi ż-żoni kollha ta’ depożiti suġġetti għal awtorizzazzjoni, filwaqt li l-kompetituri tagħha, suġġetti għall-istess reġim u li bdew jipproduċu fit-termini legali, kellhom iħallsu tariffi ogħla (premessa 67) u, min-naħa l-oħra, MOL kienet l-uniku operatur fil-qasam tal-idrokarburi li kisbet estensjoni tad-dritt tagħha tax-xogħol fil-minjieri mogħti lilha fil-kuntest ta’ awtorizzazzjoni, billi l-estensjonijiet l-oħra kienu jirrigwardaw impriżi kkonċernati mill-estrazzjoni ta’ minerali solidi, li għalihom it-tariffi tax-xogħol fil-minjieri ma kinux ġew emendati (premessa 68). Il-Kummissjoni qieset li r-riżultat tal-azzjonijiet inkwistjoni, jiġifieri l-mod li bih l-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri tfassal, il-Ftehim tal-2005 konkluż fuq din il-bażi u l-emendi inklużi fil-Liġi emendata dwar il-minjieri, kien selettiv (premessa 69). Skont il-Kummissjoni, MOL biss kienet suġġetta għal sistema speċifika li kienet tipproteġiha minn kull żieda tat-tariffi tax-xogħol fil-minjieri (premessa 70). |
II – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
26. |
Permezz ta’ talba ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Ottubru 2010, MOL ippreżentat rikors bil-għan, prinċipalment, li tikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, l-annullament tal-istess deċiżjoni sa fejn din tikkonċerna l-irkupru tal-ammonti kkonċernati. |
27. |
MOL tissolleva tliet motivi insostenn tar-rikors tagħha, li jallegaw, rispettivament, ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, ksur tal-Artikolu 108(1) TFUE, u tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 ( 7 ) u, finalment, ksur tal-Artikolu 14(1) tal-istess regolament. |
28. |
Fil-kuntest tal-ewwel motiv, MOL ikkontestat il-kwalifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat. |
29. |
Il-Qorti Ġenerali eżaminat, b’mod partikolari, it-tieni lment tal-ewwel motiv, dwar l-assenza ta’ selettività tal-imsemmija miżura. |
30. |
F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali, wara li spjegat l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, u wara li fakkret l-argumenti invokati mill-partijiet f’dan ir-rigward quddiem il-Qorti Ġenerali, irrilevat b’mod partikolari, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE teħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema ġuridika partikolari, miżura statali hijiex ta’ tali natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li jkunu jinsabu, fir-rigward tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli. |
31. |
Sussegwentement, wara li ppreżentat, fil-punti 56 sa 61 tas-sentenza appellata, l-argumenti ppreżentati mill-Ungerija u minn MOL matul il-proċedura amministrattiva, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 62 tal-istess sentenza, li f’din il-kawża, il-miżura kkontestata hija kkostitwita minn żewġ elementi, jiġifieri, minn naħa, il-Ftehim tal-2005, li jiffissa r-rati tat-tariffi tax-xogħol fil-minjieri tad-depożiti kollha ta’ MOL, li jkunu qegħdin jiġu sfruttati jew estiżi, għal kull waħda mill-ħmistax-il sena tat-tul tal-ftehim, u min-naħa l-oħra, il-Liġi emendata dwar il-minjieri, li żżid ir-rati tat-tariffi tax-xogħol fil-minjieri għad-depożiti kollha ta’ idrokarburi li jkollhom awtorizzazzjoni, mingħajr ma tinkludi dispożizzjoni dwar id-depożiti li diġà kienu suġġetti għal ftehim ta’ estensjoni. |
32. |
Skont il-Qorti Ġenerali, f’dik il-konfigurazzjoni, il-miżura kkontestata tista’ tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat meta jkun stabbilit li t-termini tal-ftehim konkluż ġew proposti b’mod selettiv mill-Istat lil operatur wieħed jew lil diversi u mhux abbażi ta’ kriterji oġġettivi li jirriżultaw minn test ta’ portata ġenerali u applikabbli għall-operaturi kollha (ara l-punt 66 tas-sentenza appellata). Il-Qorti Ġenerali b’hekk iddeċidiet, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, li t-teħid flimkien ta’ elementi jista’ jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat meta l-Istat jaġixxi b’tali mod li jipproteġi operatur wieħed jew diversi li huma diġà preżenti fis-suq, billi jikkonkludi magħhom ftehim li jagħtihom rati ta’ tariffi ggarantiti għat-tul kollu tal-ftehim, filwaqt li jkollu l-intenzjoni li jeżerċita ulterjorment il-kompetenza regolatorja tiegħu billi jżid ir-rata tat-tariffi b’tali mod li l-operaturi l-oħrajn fis-suq ikunu żvantaġġati, sew jekk ikunu operaturi diġà preżenti fid-data tal-konklużjoni tal-ftehim u sew jekk ikunu operaturi ġodda. |
33. |
F’dan il-każ, meta titqies, fl-ewwel lok, l-assenza ta’ selettività li tikkaratterizza l-kuntest ġuridiku li jirregola l-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ estensjoni kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet li jiġġustifikaw l-għoti ta’ marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet Ungeriżi matul in-negozjati dwar ir-rati tat-tariffi (ara l-punti 70 sa 74 tas-sentenza appellata) u, fit-tieni lok, l-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni li turi li l-awtoritajiet iffavorixxew lil MOL meta mqabbla ma’ kull impriża oħra f’sitwazzjoni komparabbli (ara l-punti 75 sa 80 tas-sentenza appellata), il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, li n-natura selettiva tal-Ftehim tal-2005 ma tistax titqies li ġiet stabbilita. |
34. |
Finalment, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, li ż-żieda fit-tariffi permezz tal-Liġi emendata dwar il-minjieri, li daħlet fis-seħħ fl-2008, seħħet f’kuntest ta’ żieda tar-rati globali taż-żejt mhux irraffinat. Hija kkonkludiet li peress li l-Kummissjoni ma invokatx li l-Ftehim tal-2005 kien ġie konkluż fl-antiċipazzjoni ta’ żieda tat-tariffi tax-xogħol fil-minjieri, dan il-ftehim flimkien ma’ din il-liġi emendata ma jistgħux jiġu kklassifikati, b’mod validu, bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. |
35. |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors ta’ MOL u annullat id-deċiżjoni kkontestata. |
III – It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
36. |
Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
37. |
MOL prinċipalment titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż. |
38. |
Il-partijiet esponew il-pożizzjonijiet tagħhom bil-miktub u oralment matul is-seduta tat-13 ta’ Novembru 2014. |
IV – Analiżi tal-appell
39. |
Min-naħa tagħha, il-Qorti Ġenerali, għalkemm indirizzat fil-qosor ( 8 ) il-kwistjoni dwar jekk jeżistux konnessjonijiet bejn is-serje ta’ interventi msemmija mill-Kummissjoni, fl-istħarriġ tagħha tal-eżami tal-kundizzjoni tas-selettività tal-miżura inkwistjoni, ukoll kellha ċerta konfużjoni billi xi kultant irreferiet biss għan-natura selettiva tal-Ftehim tal-2005 ( 9 ), u xi kultant għan-natura selettiva tal-“miżura kkontestata” meħuda fit-totalità tagħha ( 10 ). |
40. |
Fil-kuntest ta’ dan l-appell, il-Kummissjoni tissolleva aggravju wieħed, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-eżami tal-kundizzjoni dwar is-selettività tal-miżura kkontestata fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
41. |
Il-Kummissjoni kkunsidrat li, kif jirriżulta minn bosta siltiet tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat dik il-kundizzjoni b’mod żbaljat. L-argument tagħha jirrigwarda, essenzjalment, erba’ aspetti tas-sentenza appellata. |
42. |
Qabel ma nindirizza kull wieħed mill-aspetti tal-argument żviluppat mill-Kummissjoni, jidhirli li huwa indispensabbli li jiġu spjegati għadd ta’ kunsiderazzjonijiet dwar is-sens tar-rekwiżit ta’ selettività li jirriżulta mill-Artikolu 107(1) TFUE u dwar il-portata f’konfigurazzjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża. |
A – Osservazzjonijiet preliminari dwar is-sens tar-rekwiżit ta ’ selettività li jirriżulta mill-Artikolu 107(1) TFUE u dwar il-portata tiegħu f’konfigurazzjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża
43. |
Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 107(1) TFUE, ħlief għal derogi maħsuba fit-Trattati, skont l-effett li jkollhom fuq skambji bejn Stati Membri, l-għajnuniet mogħtija mill-Istati, jiġifieri minn riżorsi tal-Istat, ma humiex kompatibbli mas-suq intern fl-ebda forma li tista’ tiffavorixxi xi kumpanniji jew tipi ta’ produzzjoni, bir-riżultat li jfixklu jew jheddu li jfixklu l-kompetizzjoni. |
44. |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha msemmija f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti ( 11 ). |
45. |
Għaldaqstant huwa stabbilit sew li, sabiex miżura nazzjonali tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, fl-ewwel lok din għandha tkun intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, fit-tieni lok, dak l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, fit-tielet lok, għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu u, fir-raba’ lok, għandu jfixkel jew jhedded li jfixkel il-kompetizzjoni ( 12 ). |
46. |
F’din il-kawża, huma inkwistjoni biss l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-tielet kundizzjoni, u b’mod iktar preċiż tar-rekwiżit ta’ “selettività”. |
47. |
Dak ir-rekwiżit ta’ selettività jew — biex nużaw terminu ieħor li spiss jintuża — tal-“ispeċifiċità” tal-miżura, għandu jkun distint b’mod ċar mis-sejba ta’ vantaġġ ekonomiku. Fi kliem ieħor, ladarba tiġi stabbilita l-preżenza ta’ vantaġġ, f’sens wiesa’, li jirriżulta direttament jew indirettament minn miżura partikolari, għal darba oħra jkun fil-kompitu tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi li dak il-vantaġġ huwa indirizzat speċifikament lil impriża waħda jew iktar. B’mod partikolari, huwa l-kompitu tal-Kummissjoni biex turi li l-miżura tintroduċi distinzjonijiet bejn impriżi li jkunu jinsabu, fir-rigward tal-għan imfittex f’sitwazzjoni komparabbli ( 13 ). Dak li huwa pprojbit ma huwiex l-għoti ta’ vantaġġ per se, iżda l-fatt li dak l-għoti, li jsir b’mod diskriminatorju u selettiv, ikun jista’ jpoġġi lil ċerti impriżi f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn oħrajn. |
48. |
Dan premess, ir-rekwiżit ta’ selettività ma jistax, fil-fehma tiegħi, jiġi skonness totalment mill-identifikazzjoni konkomitanti, għalkemm distinta, ta’ vantaġġ ekonomiku. |
49. |
Fuq dan il-punt, jidhirli li huma meħtieġa żewġ kunsiderazzjonijiet ġenerali. |
50. |
Fl-ewwel lok, jidhirli li huwa pjuttost evidenti li dak ir-rekwiżit ta’ selettività ma jiżvolġix l-istess rwol, skont jekk il-miżura inkwistjoni titqiesx bħala għajnuna individwali jew bħala sistema ġenerali ta’ għajnuna. |
51. |
Effettivament, fl-evalwazzjoni ta’ miżura ta’ natura individwali, l-identifikazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku tippermetti, bħala prinċipju, li wieħed jippreżumi l-“ispeċifiċità” tagħha u, għaldaqstant, li wieħed jikkonkludi li din hija wkoll ta’ natura selettiva. |
52. |
Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-eżami ta’ reġim ta’ natura ġenerali (reġimi ta’ sussidji, sistema ta’ tariffi, aġevolamenti fiskali, reġim li jidderoga mil-liġi komuni dwar il-falliment, faċilitajiet ta’ ħlas tat-taxxi jew piżijiet diversi, eċċ.), is-selettività tippermetti li jiġi identifikat jekk il-vantaġġ preżunt, għalkemm ikun indirizzat lill-operaturi ekonomiċi kollha fuq bażi ġenerali, fir-realtà jkun ta’ benefiċċju biss għal ċerti tipi ta’ impriżi jew gruppi ta’ impriżi, meta jitqiesu l-kriterji oġġettivi stipulati fih. |
53. |
Dan jimplika li għandu jiġi identifikat jekk il-miżura inkwistjoni, minkejja l-konstatazzjoni jekk jagħtix vantaġġ ta’ portata ġenerali, tkunx tagħmel dan għall-“benefiċċju esklużiv ta’ ċerti impriżi jew ċerti setturi ta’ attivitajiet”. Dan l-approċċ huwa intiż, skont formula oħra, biex jiġi żgurat li miżuri statali ma jintroduċux distinzjoni bejn l-impriżi — jew b’mod iktar preċiż bejn l-operaturi li jkunu jinsabu, fir-rigward tal-għan assenjat lis-sistema nazzjonali inkwistjoni f’sitwazzjoni fattwali jew ġuridika komparabbli — li ma tkunx iġġustifikata min-natura u mill-iskop tas-sistema inkwistjoni. |
54. |
Għalkemm l-Istati Membri għandhom ċerta diskrezzjoni biex jiddefinixxu l-politika fiskali, industrijali jew soċjali tagħhom, mill-perspettiva tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat, huma ma jistgħux jaġixxu b’mod diskriminatorju. F’dan is-sens, għandu jiġi enfasizzat li l-kunċett ta’ selettività huwa marbut ma’ dak tad-diskriminazzjoni ( 14 ) u, għaldaqstant, huwa aċċettat li ma huwiex neċessarjament ipprojbit li jiġu previsti miżuri li permezz tagħhom l-awtorità jkollha ċertu marġni ta’ diskrezzjoni. |
55. |
Fit-tieni lok, f’każ fejn ikun hemm inkwistjoni sistema ta’ għajnuna, qabel kollox għandu jiġi identifikat b’liema mod dik is-sistema, waħedha, tinkludi dispożittiv li jħaffef il-piżijiet li jeżistu bħala prinċipju fuq il-baġit tal-impriżi. |
56. |
Din hija d-diffikultà li tikkaratterizza din il-kawża, li hija relatata ma’ miżura statali tabilħaqq partikolari. |
57. |
Fl-ewwel lok, u għalkemm dik il-konklużjoni setgħet ġiet diskussa fir-rikors ta’ MOL quddiem il-Qorti Ġenerali ( 15 ), għandu jiġi rrilevat li l-miżura kkontestata hija kkostitwita minn żewġ elementi, jiġifieri l-Ftehim tal-2005 li jiffissa r-rati tat-tariffi tax-xogħol fil-minjieri applikabbli għad-depożiti kollha tar-rikorrenti, li jkunu sfruttati jew estiżi, għal kull waħda mill-ħmistax-il sena tal-perijodu tiegħu, u l-Liġi emendata dwar il-minjieri tal-2008, li żżid ir-rati tat-tariffi tax-xogħol fil-minjieri għad-depożiti ta’ idrokarburi kollha li jkollhom awtorizzazzjoni, mingħajr ma tirrigwarda d-depożiti li diġà kienu suġġetti għal ftehim ta’ estensjoni ( 16 ). |
58. |
Sussegwentement, peress li l-Kummissjoni ma ddikjaratx il-pożizzjoni tagħha b’mod speċifiku, fid-deċiżjoni kkontestata, dwar ir-rabtiet eżistenti bejn il-Ftehim tal-2005 u l-emenda leġiżlattiva tal-2008, teżisti konfużjoni fid-definizzjoni tal-qafas ta’ referenza pertinenti għall-finijiet tal-eżami tan-natura selettiva tal-miżura inkwistjoni. |
59. |
Għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-imsemmija miżura kienet ikkostitwita mill-Ftehim tal-2005 u l-emenda leġiżlattiva tal-2008 ( 17 ) mingħajr ma kien indikat għal liema raġunijiet dik is-serje ta’ interventi kellhom rabtiet mill-qrib bejniethom, fuq livell kronoloġiku, funzjonali u kuntestwali ( 18 ). Barra minn hekk, hija llimitat ruħha biex tevalwa jekk il-kundizzjoni ta’ selettività kinitx sodisfatta fid-dawl tar-reġim ta’ awtorizzazzjoni applikabbli fil-mument meta ġie konkluż il-Ftehim tal-2005 ( 19 ). |
60. |
B’hekk, minkejja l-fatt li kienet is-“serje sħiħa ta’ azzjonijiet tal-Istat” ( 20 ), jiġifieri l-Ftehim tal-2005 flimkien mal-modifiki ulterjuri tal-Liġi dwar il-minjieri, li ġiet ikkunsidrata li kienet inkwistjoni, is-selettività tal-imsemmija miżura ġiet eżaminata biss fir-rigward tal-Ftehim tal-2005 ( 21 ), waqt li kien ippreċiżat li l-kuntest ta’ referenza ġie ddefinit bħala dak tal-awtorizzazzjoni applikabbli fid-data tal-konklużjoni tal-imsemmi ftehim. |
61. |
Skont dak l-approċċ, jidhirli li l-Qorti Ġenerali, b’mod ferm ġust fil-fehma tiegħi, ikkonċentrat l-analiżi tagħha fuq il-kwistjoni jekk il-Ftehim tal-2005 kienx jinkludi dispożizzjoni ta’ natura selettiva. |
62. |
Dak l-eżami iżolat tal-Ftehim tal-2005, minkejja l-fatt li l-Qorti Ġenerali adottat f’dan ir-rigward l-evalwazzjoni li tgħid li l-miżura kkontestata kienet ikkostitwita minn żewġ elementi, jiġifieri l-Ftehim tal-2005 u l-Liġi emendata dwar il-minjieri fl-2008, madankollu ma hijiex mingħajr diffikultà f’dan il-każ. |
63. |
Effettivament, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Bouygues u Bouygues Telecom vs Il‑Kummissjoni et u Il‑Kummissjoni vs Franza et ( 22 ), peress li l-interventi statali jieħdu diversi forom u għandhom jiġu analizzati skont l-effetti tagħhom, ma jistax jiġi eskluż li diversi interventi konsekuttivi tal-Istat għandhom, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, jitqiesu li huma intervent wieħed. Dan jista’ b’mod partikolari jkun il-każ meta interventi konsekuttivi jkunu jippreżentaw, b’mod partikolari fir-rigward tal-kronoloġija tagħhom, l-għan tagħhom u s-sitwazzjoni tal-impriża fil-mument meta jseħħu dawk l-interventi, rabtiet tant mill-qrib bejniethom li jkun impossibbli li jinfirdu ( 23 ). |
64. |
Billi ma ddikjaratx il-pożizzjoni tagħha mill-bidu ( 24 ) dwar il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni kinitx, kif tobbligaha tagħmel il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilixxiet b’mod suffiċjenti r-rabtiet mill-qrib li jeżistu bejn l-interventi statali kkonċernati f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali tħalli inċertezza dwar il-qafas ta’ referenza li għandu jiġi kkunsidrat sabiex tiġi stabbilita n-natura selettiva tal-miżura jew miżuri inkwistjoni. Id-determinazzjoni tal-qafas ta’ referenza għall-finijiet li tiġi eżaminata s-selettività ta’ sistema partikolari tista’, kif barra minn hekk irrilevat il-Kummissjoni ( 25 ), tkun ta’ importanza fundamentali ( 26 ). |
65. |
Xorta jibqa’ l-fatt li dak l-eżami tas-selettività tal-miżura inkwistjoni fir-rigward tal-kuntest ġuridiku li jirregola l-Ftehim tal-2005 lanqas ma ġie kkontestat fil-kuntest ta’ dan l-appell. |
66. |
Dan premess, dan l-appell iwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja esklużivament biex tiddetermina jekk il-Qorti Ġenerali kinitx korretta meta kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet b’mod legalment suffiċjenti, kif hija obbligata li tagħmel, li l-miżura ta’ għajnuna preżunta kienet ta’ natura selettiva. |
67. |
Peress li ser nerġa’ nindirizza din il-kwistjoni iktar ’il quddiem, għandna noqogħdu attenti, fid-dawl tan-natura totalment partikolari tal-miżura inkwistjoni, milli nagħmlu analoġija mgħaġġla mal-eżami tas-selettività tar-reġimi li l-qorti tal-Unjoni indirizzat s’issa. |
68. |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li ser neżamina iktar ’il quddiem il-kritiki li saru kontra s-sentenza appellata. |
B – Eżami tal-argumentazzjoni ssollevata fil-kuntest ta ’ appell
1. L-ewwel ilment: eżami tas-selettività tal-intervent statali u evalwazzjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-awtoritajiet nazzjonali
a) Sinteżi tal-argument tal-Kummissjoni
69. |
Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika l-analiżi li saret mill-Qorti Ġenerali tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-awtoritajiet Ungeriżi, minn naħa, rigward l-għażla jekk jiġix konkluż jew le ftehim ta’ estensjoni meta impriża ta’ xogħol fil-minjieri tippreżenta talba f’dan is-sens u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-livell ta’ tariffi li huma ffissaw f’dak il-ftehim. Hija tikkritika wkoll il-konklużjoni li l-Qorti Ġenerali dderivat dwar in-natura selettiva tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni. |
70. |
Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali marret kontra l-ġurisprudenza ( 27 ) dwar l-eżami tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jikkonkludu dwar is-selettività tal-miżura inkwistjoni. |
71. |
Il-Kummissjoni targumenta, fl-ewwel lok, li l-awtoritajiet Ungeriżi għandhom, meta jkollhom quddiemhom talba skont l-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri, ċertu marġni ta’ diskrezzjoni dwar jekk jikkonkludux jew le ftehim ta’ estensjoni tad-drittijiet ta’ xogħol fil-minjieri. Hija tallega li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punti 70 sa 74 u 79 sa 81 tas-sentenza appellata, hija żbaljata u li għandha tiġi invalidata l-konklużjoni li tinsab fil-punt 83 tal-imsemmija sentenza li tgħid li n-natura selettiva tal-miżura ma rriżultatx. |
72. |
Il-Kummissjoni hija tal-fehma, barra minn hekk, li anki jekk nassumu li l-awtoritajiet Ungeriżi f’dan il-każ kienu obbligati li jikkonkludu ftehim ta’ estensjoni tad-drittijiet ta’ xogħol fil-minjieri meta impriża tippreżentalhom talba f’dan is-sens, l-analiżi tal-Qorti Ġenerali xorta tibqa’ legalment żbaljata, peress li tinjora d-diskrezzjoni “mingħajr limitu” mogħtija lil dawk l-awtoritajiet fir-rigward tal-livell tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri li huma jiffissaw, liema konstatazzjoni tidher li hija riprodotta, ta’ mill-inqas parzjalment, fil-punt 72 tas-sentenza appellata. Fil-fehma tal-Kummissjoni, billi l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali mill-kuntest leġiżlattiv dwar il-livell tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri kienet ta’ tali natura li tagħmel il-Ftehim tal-2005 wieħed selettiv, l-istess Qorti Ġenerali marret kontra l-ġurisprudenza tagħha stess. |
b) L-evalwazzjoni tiegħi
73. |
Fl-ewwel lok għandha ssir preċiżjoni dwar l-istħarriġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħmel f’dan il-kuntest. Effettivament, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li teżerċita, skont l-Artikolu 256 KE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi legali li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali. L-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief fil-każ ta’ interpretazzjoni ħażina tal-provi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali ( 28 ). |
74. |
F’dan il-każ tqum il-kwistjoni jekk jistgħux jiġu identifikati, b’rabta mal-evalwazzjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-awtoritajiet nazzjonali fil-konklużjoni ta’ ftehim ta’ estensjoni tad-drittijiet ta’ xogħol fil-minjieri, żnaturament tal-fatti, żball ta’ liġi jew żball fil-kwalifikazzjoni ġuridika ta’ fatti. |
75. |
Fil-fehma tiegħi, għandha tingħata risposta negattiva f’dan ir-rigward. |
76. |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-verifika tal-eżistenza ta’ żnaturament ta’ fatti, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma argumentatx li tali żnaturament jeżisti. Fi kwalunkwe każ, jiena tal-fehma li ebda element ma jippermetti li wieħed jikkonkludi li l-Qorti Ġenerali waslet għal konstatazzjonijiet li jmorru b’mod ċar kontra l-kontenut tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Ungeriż inkwistjoni jew li tat lil xi waħda minnhom portata li b’mod ċar ma hijiex applikabbli għaliha fid-dawl tal-elementi l-oħrajn tal-proċess. |
77. |
Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk l-analiżi tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-awtoritajiet Ungeriżi, li tinsab fil-punti 70 sa 74 u 79 sa 81 tas-sentenza appellata, hijiex milquta minn xi żball ta’ liġi jew żball ta’ kwalifikazzjoni ġuridika ta’ fatti. |
78. |
Ma ninsabx konvint li dan huwa l-każ. |
79. |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-punti 70 sa 74 tas-sentenza appellata, għandu jiġi rrilevat li l-iskop ta’ dawn kien li janalizzaw il-kuntest ġuridiku li fid-dawl tiegħu kien ġie konkluż il-Ftehim tal-2005. F’din il-perspettiva u fir-rigward tal-eżami tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-awtoritajiet Ungeriżi fil-konklużjoni tal-Ftehim tal-2005, il-Qorti Ġenerali sempliċement iddeduċiet, fuq il-bażi ta’ eżami ssostanzjat tal-parametri u l-kundizzjonijiet tal-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ estensjoni tad-drittijiet ta’ xogħol fil-minjieri, li l-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri, li jippermetti lil kull impriża ta’ xogħol fil-minjieri li titlob l-estensjoni tad-drittijiet tagħha ta’ xogħol fil-minjieri fuq depożitu wieħed jew iktar li hija ma tkunx bdiet tisfrutta fi żmien ħames snin mid-data tal-ħruġ tal-awtorizzazzjoni, ma kienx jidher li huwa ta’ natura selettiva. |
80. |
Għall-kuntrarju ta’ dak li ssottomettiet il-Kummissjoni, ma ninsabx konvint li f’dawk l-evalwazzjonijiet hemm xi żball ta’ kwalifikazzjoni ġuridika tal-fatti jew żball ta’ liġi. |
81. |
F’dan ir-rigward, din il-kawża għandha tiġi distinta b’mod ċar minn dawk imsemmija mill-Kummissjoni insostenn tal-argument tagħha li jikkontesta l-evalwazzjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-awtoritajiet Ungeriżi meta jikkonkludu ftehimiet ta’ estensjoni tad-drittijiet ta’ xogħol fil-minjieri ( 29 ). Il-preċedenti fil-ġurisprudenza msemmija mill-Kummissjoni fl-appell tagħha huma relatati ma’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jagħtu aġevolazzjonijiet minn taxxi jew piżijiet oħrajn, jew inkella eċċezzjonijiet fir-rigward ta’ falliment. |
82. |
B’hekk, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Franza vs Il‑Kummissjoni (EU:C:1996:353), li kienet tirrigwarda deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mogħtija lill-kumpannija Kimberly Clark Sopalin, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-intervent inkwistjoni tal-Fonds national de l’emploi (FNE) għat-twettiq ta’ pjanijiet soċjali seta’ jpoġġi lil ċerti impriżi f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn oħrajn, peress li l-FNE kellu setgħa diskrezzjonarja li tippermettilu jvarja l-intervent tiegħu skont diversi kunsiderazzjonijiet. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali Jacobs f’dik il-kawża, is-setgħa diskrezzjonali tal-FNE u l-portata tagħha għall-ġestjoni tad-dispożittiv ta’ għajnuna inkwistjoni kienu jimplikaw li l-interventi tal-FNE ma kinux neċessarjament disponibbli għall-impriżi kollha fuq bażi ugwali ( 30 ). |
83. |
Bl-istess mod, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Ecotrade (EU:C:1998:579, punt 43), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li s-sistema li tidderoga mir-regoli tal-liġi komuni dwar il-falliment, li kienet ikkonċernata fil-kawża prinċipali, kienet tissodisfa l-kundizzjoni ta’ speċifiċità u kienet ta’ tali natura li toħloq “piż addizzjonali għall-Istat” fil-forma ta’ diversi vantaġġi mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi meta mqabbla ma’ dawk li kienu jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ordinarji dwar il-falliment. |
84. |
Il-konfigurazzjoni proprja għal dan il-każ hija ferm differenti. Il-fatt li l-ftehim ta’ estensjoni tad-drittijiet kien jirrigwarda biss impriża waħda mhux neċessarjament huwa prova tan-natura selettiva tiegħu. Sabiex tiġi stabbilita s-selettività tal-miżura inkwistjoni, il-parametru tajjeb ta’ tqabbil jikkonsisti f’li jiġi żgurat li l-proċedura ta’ konklużjoni u ta’ ffissar tat-termini tal-ftehim ta’ estensjoni tad-drittijiet ta’ xogħol fil-minjieri tkun miftuħa għal impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli. |
85. |
Jidhirli li nistgħu naderixxu mal-preċiżjoni li saret fil-punt 72 tas-sentenza appellata, fejn jingħad li “[b]’mod iktar ġenerali, għandu jiġi osservat li l-marġni ta’ diskrezzjoni inkwistjoni hawnhekk jiddistingwi ruħu, min-natura tiegħu, mill-każijiet fejn l-eżerċizzju ta’ tali marġni huwa marbut mal-għoti ta’ vantaġġ favur operatur ekonomiku. F’dan il-każ, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtoritajiet Ungeriżi jservi sabiex jibbilanċja spiża addizzjonali imposta fuq l-operaturi ekonomiċi sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni rekwiżiti essenzjali li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”. |
86. |
Fil-fehma tiegħi teżisti differenza fundamentali fl-eżami tas-selettività tar-reġimi ġenerali ta’ eżenzjonijiet jew ta’ tnaqqis, li mid-definizzjoni tagħhom stess, awtomatikament jagħtu vantaġġ, u dispożizzjonijiet fakultattivi tad-dritt nazzjonali li jipprevedu l-impożizzjoni ta’ piżijiet supplimentari. Fil-każ fejn l-awtoritajiet nazzjonali jimponu tali piżijiet bil-għan li jippreżervaw trattament ugwali bejn l-operaturi, is-sempliċi fatt li l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom ċerti marġni ta’ diskrezzjoni ddefinit mil-liġi — u mhux mingħajr limitu kif semmiet il-Kummissjoni fl-appell tagħha, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita s-selettività tar-reġim korrispondenti. |
87. |
Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma kkommettietx żball ta’ liġi meta indikat, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, li “l-fatt li r-rati ffissati għal kull sena ta’ validità tal-imsemmi ftehim huma r-riżultat ta’ negozjati ma huwiex biżżejjed sabiex jagħti lil dan il-ftehim natura selettiva” u li “ma kienx ikun mod ieħor ħlief kieku l-awtoritajiet Ungeriżi kienu eżerċitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom […] b’tali mod li tiġi ffavorita r-rikorrenti billi jaċċettaw livell baxx ta’ tariffa mingħajr raġuni oġġettiva fid-dawl tal-għan taż-żieda tat-tariffi f’każ ta’ estensjoni ta’ awtorizzazzjoni u għad-detriment ta’ kwalunkwe operatur ieħor li jkun ipprova jieħu estensjoni tad-dritt tiegħu tax-xogħol fil-minjieri jew, fin-nuqqas ta’ tali operatur, fil-preżenza ta’ indizji konkreti tal-eżistenza ta’ trattament li jiffavorixxi, b’mod li ma huwiex iġġustifikat, lir-rikorrenti”. |
88. |
Rigward il-punti 79 sa 81 tas-sentenza appellata, li essenzjalment jinkludu għadd ta’ konstatazzjonijiet fattwali relatati mal-iffissar tar-rati tat-tariffi fil-kuntratti ta’ estensjoni tad-drittijiet ta’ xogħol fil-minjieri, lanqas ma jidher li hemm żball ta’ liġi jew ta’ kwalifikazzjoni ġuridika ta’ elementi pertinenti fl-eżami tas-selettività tal-miżura inkwistjoni. |
89. |
B’hekk, jiena tal-fehma li, ħlief jekk isir qari mhux oġġettiv tas-sentenza appellata, l-ewwel parti tal-argument issollevat mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-uniku aggravju ma tistax tiġi aċċettata. |
2. It-tieni lment: eżami tas-selettività u teħid inkunsiderazzjoni ta’ kriterji oġġettivi
a) Sinteżi tal-argument tal-Kummissjoni
90. |
Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kkommettiet żball meta eskludiet, fil-punti 76 sa 78 tas-sentenza appellata, li l-preżenza ta’ kriterji oġġettivi kienet neċessarjament teskludi kull natura selettiva. Dik l-affermazzjoni b’mod ċar tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali ( 31 ). Għaldaqstant, għandhom jiġu ċċensurati dawk is-siltiet tas-sentenza kif ukoll il-konklużjoni li tinsab fil-punti 81 u 83 ta’ dik is-sentenza, li tgħid li n-natura selettiva tal-miżuri inkwistjoni ma tistax titqies li ġiet stabbilita. |
b) L-evalwazzjoni tiegħi
91. |
Fil-fehma tiegħi, dan l-argument jipproċedi minn qari żbaljat ta’ dik it-taqsima tas-sentenza appellata, taqsima li hija relatata unikament mal-mekkaniżmu ta’ estensjoni tal-ftehimiet konklużi mal-impriżi tal-minjieri, kif jirriżulta mill-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri u kif ġiet implimentata fir-rigward ta’ MOL fl-2005. Min-naħa l-oħra, l-eżami tal-kwistjoni jekk il-benefiċjarji ta’ sistemi ta’ għajnuna mill-Istat kinux magħżula jew le permezz ta’ kriterji oġġettivi ma kienx prinċipalment inkwistjoni, b’differenza minn dak li kien il-każ fil-preċedenti ġurisprudenzjali msemmija mill-Kummissjoni. |
92. |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok il-Qorti Ġenerali fakkret fil-punt 76 tas-sentenza appellata li l-Liġi dwar il-minjieri kienet ifformulata f’termini ġenerali fir-rigward tal-impriżi tal-minjieri li jistgħu jibbenefikaw mill-estensjoni. |
93. |
Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, li l-fatt li MOL kienet l-unika impriża li, fil-fatt, ikkonkludiet ftehim ta’ estensjoni fis-settur tal-idrokarburi ma kienx jikkostitwixxi neċessarjament indikazzjoni determinanti. Peress li l-kriterji għall-konklużjoni ta’ tali ftehim huma oġġettivi u applikabbli għal kull operatur potenzjalment interessat, l-assenza ta’ ftehimiet oħrajn ta’ dak it-tip mhux neċessarjament juri n-natura selettiva tal-miżura, iżda jista’ jirriżulta minn deċiżjonijiet proprji għall-impriżi li ma jintalbux estensjonijiet. |
94. |
Finalment il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 78 tas-sentenza appellata, li t-tariffi miżjuda tax-xogħol fil-minjieri ffissati għall-perijodu tal-ftehim jirriżultaw sempliċement mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-minjieri. |
95. |
Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jidħlu fil-kuntest tal-verifika, mill-Qorti Ġenerali, tal-kwistjoni jekk l-iffissar tar-rati ta’ tariffi għal xogħol fil-minjieri jirrispondix jew le għal kriterji oġġettivi u applikabbli għal kull operatur potenzjalment interessat. |
96. |
Dawn il-kunsiderazzjonijiet b’ebda mod ma jmorru kontra l-ġurisprudenza, imsemmija mill-Kummissjoni, li tistabbilixxi li n-natura selettiva ta’ sistema ta’ għajnuna partikolari ma jistax jiġi eskluż għas-sempliċi raġuni li l-benefiċjarji jintgħażlu permezz ta’ kriterji oġġettivi. |
97. |
B’hekk, fis-sentenza Spanja vs Il‑Kummissjoni (EU:C:2003:92), il-Qorti tal-Ġustizzja, li kellha tiddeċiedi dwar sistema ta’ għajnuna, li essenzjalment kien jikkonsisti f’sistema ta’ self b’kundizzjonijiet preferenzjali applikata mill-awtoritajiet Spanjoli bil-għan li jiġi promoss l-akkwist ta’ vetturi utilitarji, limitat ruħha biex tiċħad bħala irrilevanti l-argument, li ġie ssollevat mir-Renju ta’ Spanja, li “l-ftehim [kien] irregolat minn kriterji oġġettivi ta’ applikazzjoni orizzontali”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li tali argument huwa biss ta’ natura li jistabbilixxi li l-għajnuna inkwistjoni kienet taqa’ taħt sistema ta’ għajnuna, u mhux taħt għajnuna individwali ( 32 ). |
98. |
Rigward is-sentenza GEMO (EU:C:2003:622), li kienet tirrigwarda reġim intiż biex jiżgura bla ħlas il-ġbir u l-eliminazzjoni ta’ kadavri tal-annimali u l-iskart tal-biċċeriji, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, minkejja l-għażla skont kriterji oġġettivi u apparentament ġenerali tal-benefiċjarji tal-imsemmi reġim li saret mil-liġi nazzjonali, l-effetti tagħha kienu jimmanifestaw ruħhom b’mod ċar favur dawk li jrabbu l-annimali u l-biċċeriji ( 33 ). |
99. |
Kien hemm kunsiderazzjonijiet simili fis-sentenza L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (EU:T:2009:49), dwar reġim li kien jagħti rata ta’ taxxa mnaqqsa fuq id-dħul tal-istrutturi ta’ impostazzjoni li għandhom ishma f’kumpanniji b’kapitalizzazzjoni dgħajfa jew medja. F’dik il-kawża, il-Qorti Ġenerali fil-fatt kienet tal-fehma li “s-sempliċi fatt li l-miżura inkwistjoni tista’ tibbenefika lil kull struttura ta’ impostazzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti, jiġifieri tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, ma jistabbilixxix per se in-natura ġenerali tal-imsemmija miżura u ma jipprojbixxix li din ikollha natura selettiva” ( 34 ). |
100. |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali b’ebda mod ma marret kontra dik il-ġurisprudenza. Minkejja l-fatt li MOL kienet l-unika impriża li talbet estensjoni tad-drittijiet tagħha ta’ xogħol fil-minjieri, l-Artikolu 26/A tal-Liġi dwar il-minjieri ma identifikax kategorija ta’ operaturi fil-konfront ta’ oħra. |
101. |
Konsegwentement, nipproponi li jiġi miċħud it-tieni lment tal-Kummissjoni. |
3. It-tielet ilment: eżami tas-selettività u preżunt teħid inkunsiderazzjoni tal-intenzjoni tal-awtoritajiet statali li jagħtu vantaġġ
a) Sinteżi tal-argument tal-Kummissjoni
102. |
Permezz tat-tielet ilment tagħha, il-Kummissjoni essenzjalment tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli rabtet, b’mod partikolari fil-punti 67 u 82 tas-sentenza appellata, l-evalwazzjoni tas-selettività tal-miżura kkontestata mal-intenzjoni tal-Istat Membru, meta ġie konkluż il-Ftehim tal-2005, li tingħata protezzjoni lil operatur wieħed jew iktar mill-applikazzjoni ta’ reġim ġdid ta’ tariffi — f’dan il-każ dak stabbilit meta ġiet emendata l-Liġi dwar il-minjieri fl-2008. |
103. |
Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali marret kontra aspett fundamentali tar-regoli applikabbli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, jiġifieri r-rekwiżit li l-intervent statali msemmi fl-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi ddefinit skont l-effetti tal-miżura inkwistjoni ( 35 ). Għaldaqstant għandhom jiġu annullati dik is-silta tas-sentenza appellata u l-konklużjoni li tinsab fil-punt 83 tiegħu li tgħid li n-natura selettiva tal-miżura inkwistjoni ma ġietx stabbilita. |
b) L-evalwazzjoni tiegħi
104. |
Dan it-tielet aspett tal-argument żviluppat mill-Kummissjoni lanqas ma huwa konvinċenti. |
105. |
Ċertament, hija ġurisprudenza ferm stabbilita li l-Artikolu 107(1) TFUE ma jagħmilx distinzjoni bejn il-miżuri ta’ intervent mill-Istat billi jirreferi għall-kawżi jew għall-għanijiet tagħhom imma jiddefinixxihom b’rabta mal-effetti li jkollhom. Dan jimplika, b’mod partikolari, li s-selettività ta’ miżura nazzjonali għandha tiġi evalwata skont l-effetti tagħha u mhux skont l-intenzjoni reali jew preżunta tal-Istat Membru kkonċernat biex jipproteġi operatur ekonomiku wieħed jew iktar ( 36 ). |
106. |
Madankollu ma jidhirlix li l-Qorti Ġenerali marret kontra dan il-prinċipju meta rreferiet, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, għall-kwistjoni jekk “l-Istat jaġixxi[x] b’tali mod li jipproteġi operatur wieħed jew diversi li huma diġà preżenti fis-suq, billi jikkonkludi magħhom ftehim li jagħtihom rati ta’ tariffi ggarantiti għat-tul kollu tal-ftehim, filwaqt li jkollu l-intenzjoni li jeżerċita ulterjorment il-kompetenza regolatorja tiegħu billi jżid ir-rata tat-tariffi b’tali mod li l-operaturi l-oħrajn fis-suq ikunu żvantaġġati, sew jekk ikunu operaturi diġà preżenti fid-data tal-konklużjoni tal-ftehim u sew jekk ikunu operaturi ġodda”. |
107. |
Permezz ta’ dan il-punt u kif jirriżulta mir-referenza espressa li saret għall-kawża li tat lok għas-sentenza Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni et u Il‑Kummissjoni vs Franza et ( 37 ), il-Qorti Ġenerali riedet, fuq bażi superfluwa ( 38 ) u indipendentement mill-eżami proprju tas-selettività tal-miżura kkontestata, tinvoka l-kwistjoni tar-rabtiet li jistgħu jeżistu bejn il-Ftehim tal-2005 u l-emenda leġiżlattiva tal-2008. |
108. |
Bl-istess mod, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, jidhirli dejjem bil-għan li jiġi żgurat li l-Ftehim tal-2005 u l-emenda tal-Liġi dwar il-minjieri li saret fl-2008 ma jitqisux neċessarjament li huma l-istess miżura, fid-dawl tal-assenza ta’ rabtiet kronoloġiċi u funzjonali bejn iż-żewġ interventi, irrilevat fl-ewwel lok li ż-żieda tat-tariffi, li daħlet fis-seħħ fl-2008, seħħet f’kuntest ta’ żieda tal-prezzijiet globali u, fit-tieni lok, li l-Kummissjoni ma kinitx invokat li l-Ftehim tal-2005 kien ġie konkluż b’antiċipazzjoni ta’ żieda tat-tariffi tax-xogħol fil-minjieri. |
109. |
Għalkemm wieħed jista’, kif semmejt qabel (ara l-punti 58 u 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet), jiddeplora l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma ddistingwietx b’mod ċar l-eżami tal-identifikazzjoni eżatta tal-miżura kkontestata (imsemmija fil-punti 67 u 82 tas-sentenza appellata) mill-evalwazzjoni tas-selettività tal-miżura ladarba din tal-aħħar tkun ġiet identifikata, jidhirli li ma huwiex preċiż li wieħed jafferma li l-Qorti Ġenerali rabtet is-selettività tal-miżura inkwistjoni mal-prova tal-intenzjoni tal-Istat Membru li jipproteġi operatur wieħed jew iktar. |
110. |
B’hekk, jiena tal-fehma li għandu jiġi miċħud ukoll it-tielet ilment tal-Kummissjoni. |
4. Ir-raba’ lment: eżami tas-selettività u teħid inkunsiderazzjoni ta’ “kundizzjonijiet esterni” għall-Ftehim tal-2005
a) Sinteżi tal-argument tal-Kummissjoni
111. |
Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta, fil-punti 64 u 65 tas-sentenza appellata, hija kienet tal-fehma li l-preżenza ta’ vantaġġ selettiv ma setgħetx tiġi dedotta mis-sempliċi fatt li l-operatur kien jinsab f’pożizzjoni vantaġġuża meta mqabbel ma’ operaturi oħrajn, peress li f’dan il-każ, l-Istat Membru kkonċernat illimita ruħu li jeżerċita, b’mod iġġustifikat, is-setgħat regolatorji tiegħu wara l-iżviluppi fis-suq. Il-Kummissjoni, essenzjalment, tilmenta li l-Qorti Ġenerali, meta invokat il-modifika ulterjuri tal-kundizzjonijiet esterni għall-Ftehim tal-2005, marret kontra l-ġurisprudenza li tgħid li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, huwa irrilevanti li s-sitwazzjoni tal-benefiċjarju preżunt tal-miżura tkun tjiebet jew marret għall-agħar maż-żmien ( 39 ). L-importanti huwa li, wara t-8 ta’ Jannar 2008, MOL kienet l-unika impriża li kienet privileġġata fir-rigward tal-livell ta’ taxxa applikabbli għad-depożiti ta’ idrokarburi. |
112. |
Fi kwalunkwe każ, tenfasizza l-Kummissjoni, il-kunsiderazzjonijiet adottati mill-Qorti Ġenerali ma jistgħux ikunu pertinenti, għaliex l-iżvilupp li jinsab inkwistjoni f’dan il-każ jikkonsisti f’emenda leġiżlattiva li l-Istat seta’ jiddeċiedi skont ir-rieda tiegħu. Dak l-approċċ, li jawtorizza lill-Istati Membri li jinvokaw assenza ta’ selettività fir-rigward tal-metodi jew tat-tekniċi ta’ intervent li huma japplikaw, imur kontra l-ġurisprudenza dwar dan is-suġġett ( 40 ). |
b) L-evalwazzjoni tiegħi
113. |
Hawnhekk ukoll, qari b’reqqa tal-punti 64 u 65 tas-sentenza appellata jwassalni biex nikkonkludi li għandu jiġi miċħud l-ilment żviluppat mill-Kummissjoni. |
114. |
Għalkemm wieħed jista’ ċertament jikkundanna ċerta konfużjoni fir-raġunament adottat mill-Qorti Ġenerali, li jħallat kunsiderazzjonijiet preliminari u eżami tal-merti tas-selettività tal-Ftehim tal-2005, jidher li dawn iż-żewġ punti ma humiex relatati stricto sensu mal-eżami tas-selettività tal-Ftehim tal-2005, iżda jirrigwardaw, kif jirriżulta jekk wieħed isegwi r-raġunament li jinsab fil-punti 66 u 67 tas-sentenza appellata, il-kwistjoni distinta tar-rabtiet eżistenti bejn il-Ftehim tal-2005 u l-emendi leġiżlattivi ulterjuri. Fil-fehma tiegħi, kien fir-rigward ta’ din l-aħħar kwistjoni li l-Qorti Ġenerali dehrilha li kien utli li tindika, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, li “meta Stat jikkonkludi ftehim ma operatur ekonomiku li ma jinvolvix element ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, il-fatt li l-kundizzjonijiet esterni għal tali ftehim jinbidlu wara b’tali mod li l-operatur inkwistjoni jitqiegħed f’sitwazzjoni vantaġġuża meta mqabbel ma’ operaturi oħrajn li ma jkunux ikkonkludew ftehim simili ma huwiex biżżejjed sabiex, meta meħuda flimkien, il-ftehim u l-emenda sussegwenti tal-kundizzjonijiet esterni minnu jistgħu jitqiesu bħala jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat”. |
115. |
L-affermazzjoni tal-Kummissjoni li “l-fattur importanti huwa li wara t-8 ta’ Jannar 2008, MOL kienet l-unika impriża privileġġata” tinjora l-fatt li l-Ftehim tal-2005 kien selettiv ġie diskuss, mingħajr ma ġiet ikkunsidrata l-possibbiltà ta’ selettività tal-miżura inkwistjoni li tirriżulta mill-emenda tal-2008. Fi kliem ieħor u b’estensjoni ta’ dak li ssemma qabel, jidhirli li l-Kummissjoni hija żbaljata meta torbot l-eżami tas-selettività li sar f’din il-kawża mal-eżistenza tal-vantaġġ meqjus li jirriżulta mill-emenda leġiżlattiva tal-2008. |
116. |
Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma kkommettiet ebda żball ta’ liġi meta semmiet li ladarba jiġi stabbilit li miżura, f’dan il-każ il-ftehim dwar it-tariffi tax-xogħol fil-minjieri konkluż bejn l-awtoritajiet Ungeriżi u MOL, ma tkunx ta’ natura selettiva, din ma għandhiex tiġi kkontestata abbażi tal-fatt li l-iżviluppi fis-suq ikunu ta’ tali natura li jagħmlu s-sitwazzjoni tagħha iktar favorevoli minn dik tal-operaturi li jkunu għażlu li ma jidħlux għal dak il-kuntratt. |
117. |
Għar-raġunijiet kollha preċedenti, jidhirli li hemm lok li jiġi miċħud dan l-aħħar ilment u, għaldaqstant, li l-appell jiġi miċħud fit-totalità tiegħu. |
V – Konklużjoni
118. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara u tiddeċiedi kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) T‑499/10, EU:T:2013:592, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”.
( 3 ) ĠU 2011, L 34, p. 55, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”.
( 4 ) 1993. évi XLVIII. törvény a bányászatról, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-minjieri”.
( 5 ) 2007. évi CXXXIII. törvény a bányászatról szóló 1993. évi XLVIII. törvény módosításáról, iktar ’il quddiem il-“Liġi emendata dwar il-minjieri”).
( 6 ) 2008. évi LXXXI. törvény egyes adó- és járuléktörvények módosításáról.
( 7 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).
( 8 ) Ara l-punti 67 u 82 tas-sentenza appellata.
( 9 ) Ara l-punti 75 sa 81 tas-sentenza appellata.
( 10 ) Ara l-punti 68 u 83 tas-sentenza appellata.
( 11 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs Deutsche Post (C‑399/08 P, EU:C:2010:481, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 12 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs Deutsche Post (EU:C:2010:481, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 13 ) Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punt 62).
( 14 ) Dan anki jekk seta’ jiġi enfasizzat li l-kunċett ta’ diskriminazzjoni jista’ jidher ambigwu fil-qasam tal-għajnuna, peress li d-diskriminazzjoni timplika neċessarjament l-eżistenza ta’ kumpanniji jew tipi ta’ produzzjoni f’sitwazzjoni identika, u b’hekk f’kompetizzjoni, li jkunu esklużi mill-benefiċċju tal-miżura inkwistjoni (ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-kawżi magħquda Sloman Neptun, C‑72/91 u C‑73/91, EU:C:1992:130, punt 61).
( 15 ) Fuq dan il-punt, huwa interessanti li wieħed jinnota li, fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, MOL fl-ewwel lok (ara l-punti 38 sa 44 tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali) akkużat lill-Kummissjoni li, fid-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrat li l-Ftehim tal-2005 u l-emenda leġiżlattiva tal-2008 kienu jikkostitwixxu flimkien l-istess u l-unika miżura. Skont il-kliem użati minn MOL fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni kkommettiet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-ftehim tal-2005, u l-emenda tal-2008 tal-Liġi dwar il-minjieri kienu jikkostitwixxu miżura ta’ għajnuna unika minkejja li hija kienet ammettiet li kull waħda minn dawn iż-żewġ miżuri distinti ma kinux jikkostitwixxu miżura ta’ għajnuna per se. Kien biss sussegwentement li hija ddikjarat li, jekk jiġi preżunt li huwa l-każ, dik l-unika u l-istess miżura ma setgħetx titqies li hija ta’ natura selettiva.
( 16 ) Ara l-konstatazzjonijiet li saru li fil-punti 62 u 63 tas-sentenza appellata kif ukoll fil-premessi 19 (fil-kuntest ta’ tfakkir tar-raġunijiet li wasslu għall-ftuħ tal-proċedura ta’ eżami) u 53 (fil-kuntest tal-evalwazzjoni proprja tal-miżura inkwistjoni) tad-deċiżjoni kkontestata.
( 17 ) Ara l-premessi 53 u 69 tad-deċiżjoni kkontestata.
( 18 ) Ara s-sentenza Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni et u Il‑Kummissjoni vs Franza et (C‑399/10 P u C‑401/10 P, EU:C:2013:175, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 19 ) Ara l-premessi 62 sa 68 tad-deċiżjoni kkontestata.
( 20 ) Ara t-termini użati fil-premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata.
( 21 ) Ara l-konstatazzjonijiet li saru mill-Qorti Ġenerali fil-punt 46 tas-sentenza appellata.
( 22 ) EU:C:2013:175.
( 23 ) Sentenza Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni et u Il‑Kummissjoni vs Franza et (EU:C:2013:175, punti 103 u 104).
( 24 ) Il-kwistjoni tar-rabtiet eżistenti bejn id-diversi interventi tal-Istat inkwistjoni f’din il-kawża madankollu tidher, b’differenza minn dak li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, li kien suġġett għal eżami fil-qosor fil-punt 82 tas-sentenza appellata.
( 25 ) Ara l-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata.
( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni (C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 56).
( 27 ) Il-Kummissjoni tirreferi kemm għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑241/94, EU:C:1996:353, punti 23 u 24; Ecotrade, C‑200/97, EU:C:1998:579, punt 40; Piaggio, C‑295/97, EU:C:1999:313, punt 39; DM Transport, C‑256/97, EU:C:1999:332, punt 27; kif ukoll P, C‑6/12, EU:C:2013:525, punt 27), kif ukoll għal dik tal-Qorti Ġenerali (sentenzi HAMSA vs Il‑Kummissjoni, T‑152/99, EU:T:2002:188, punti 156 u 157; Lenzing vs Il‑Kummissjoni, T‑36/99, EU:T:2004:312, punti 129 sa 132; Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni, T‑127/99, T‑129/99 u T‑148/99, EU:T:2002:59, punti 152 u 154; kif ukoll Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni, T‑227/01 sa T‑229/01, T‑265/01, T‑266/01 u T‑270/01, EU:T:2009:315, punt 168).
( 28 ) Ara s-sentenza Il‑Kunsill vs Alumina (C‑393/13 P, EU:C:2014:2245, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 29 ) Il-Kummissjoni tiċċita, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Franza vs Il‑Kummissjoni (EU:C:1996:353, punti 23 u 24); Ecotrade (EU:C:1998:579, punt 40); Piaggio (EU:C:1999:313, punt 39); DM Transport (EU:C:1999:332, punt 27); kif ukoll Disputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni (EU:T:2002:59, punt 152).
( 30 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑241/94, EU:C:1996:195, punti 38 u 57).
( 31 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑409/00, EU:C:2003:92, punt 49); GEMO (C‑126/01, EU:C:2003:622, punti 35 u 39); kif ukoll L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (T‑424/05, EU:T:2009:49, punt 126).
( 32 ) Ara l-punt 49 ta’ din is-sentenza. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber f’dik il-kawża (C‑409/00, EU:C:2002:475, punti 57 u 58).
( 33 ) Ara l-punti 35 sa 39 ta’ din is-sentenza. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs f’dik il-kawża (C‑126/01, EU:C:2002:273, punti 79 sa 83).
( 34 ) Ara punt 126 ta’ din is-sentenza.
( 35 ) Il-Kummissjoni ssemmi, b’mod partikolari, is-sentenzi Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑56/93, EU:C:1996:64, punt 79) u Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑75/97, EU:1999:311, punt 25).
( 36 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni (EU:C:1996:64, punt 79); British Aggregates vs Il‑Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 89); Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punt 51); kif ukoll Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir‑Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punti 91 u 92).
( 37 ) EU:C:2013:175, punti 103 u 104.
( 38 ) Ara l-użu tal-kliem “barra minn hekk” fil-bidu tal-punt 67 tas-sentenza appellata.
( 39 ) Sentenzi Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni (57/86, EU:C:1988:284, punt 10) kif ukoll Adria‑Wien Pipeline u Wieterdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, EU:C:2001:598, punt 41).
( 40 ) Ara s-sentenzi British Aggregates vs Il‑Kummissjoni (EU:C:2008:757, punt 89); Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (EU:C:2011:551, punt 51); kif ukoll Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir‑Renju Unit (EU:C:2011:732, punti 91 u 92).