SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
23 ta’ April 2015 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikoli 13(2) u 17 — Xogħol okkażjonali fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ residenza — Leġiżlazzjoni applikabbli — Rifjut tal-għoti tal-allowances tal-familja u tnaqqis tal-pensjoni tax-xjuħija mill-Istat ta’ residenza”
Fil-Kawża C‑382/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Centrale Raad van Beroep (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Lulju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Lulju 2013, fil-proċedura
C. E. Franzen,
H. D. Giesen,
F. van den Berg
vs
Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Jürimäe (Relatur), J. Malenovský, M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2014,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal C. E. Franzen, minn S. Ikiz, avukat, |
— |
għar-Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank, minn H. van der Most u T. Theele, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Olandiż, minn M. Noort, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brighouse, bħala aġent, assistita minn B. Kennely u J. Holmes, barristers |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u D. Martin, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Settembru 2014,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 13(2) u 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar il-pubblikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u implementata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 392, p. 1, iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Nru 1408/71”), kif ukoll tal-Artikoli 20 TFUE, 21 TFUE u 45 TFUE. |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tliet kawżi bejn rispettivament C. E. Franzen, kif ukoll H. D. Giesen u F. van den Berg, u r-Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank (Kunsill ta’ Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Sigurtà Soċjali, iktar ’il quddiem is-“SVB”), fir-rigward tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom din tal-aħħar irrifjutat li tagħti l-allowances tal-familja lil C. E. Franzen u naqset, rispettivament, l-allowance tal-imsieħba u l-pensjoni tax-xjuħija mogħtija lil H. D. Giesen u F. van den Berg. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71 jiddisponi: “Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament:
|
4 |
L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Persuni koperti”, jipprevedi: “Dan ir-Regolament għandu japplika għall-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom u għall-istudenti li huma jew kienu soġġetti għal-liġijiet ta’ Stat Membru jew aktar u li huma persuni ta’ nazzjonalità ta’ wieħed mill-Istati Membri jew li huma persuni bla stat jew refuġjati li jgħixu ġewwa t-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, kif ukoll il-membri tal-familji tagħhom jew is-sopravissuti tagħhom.” |
5 |
L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, li jaqa’ taħt it-Titolu II tiegħu, intitolat “Determinazzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli”, jistabbilixxi: “1. Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu. 2. Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:
[…]
|
6 |
Skont l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Eċċezzjonijiet għall-Artikoli 13 sa 16”: “Tnejn jew iktar Stati Membri, l-awtoritajiet kompetenti ta’ dawn l-Istati jew il-korpi ddisinjati minn dawn l-awtoritajiet jistgħu bi ftehim komuni jipprovdu għall-eċċezzjonijiet għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 13 sa 16 fl-interess ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni jew ta’ ċerti persuni.” |
Id-dritt Olandiż
Il-Liġi dwar l-assigurazzjoni għax-xjuħija ġġeneralizzata
7 |
Skont l-Artikolu 2 tal-Liġi dwar l-assigurazzjoni għax-xjuħija ġġeneralizzata (Algemene Ouderdomswet, iktar ’il quddiem l-“AOW”), huwa resident fis-sens ta’ din il-liġi l-persuna li tirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
8 |
Skont l-Artikolu 3(1) tal-AOW, il-post ta’ residenza ta’ persuna huwa ddeterminat skont iċ-ċirkustanzi. |
9 |
Skont l-Artikolu 6(1)(a) tal-AOW, hija assigurata skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija liġi l-persuna li għadha ma laħqitx l-età ta’ tluq għall-irtirar u li hija residenti. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 6 jippreċiża li, b’deroga mill-paragrafi 1 u 2 tal-istess artikolu, il-grupp ta’ msieħba jista’ jinkludi jew jiġi limitat bi jew abbażi ta’ regolament ta’ amministrazzjoni pubblika. |
10 |
Il-Liġi tad-29 ta’ April 1998 (Stb. 1998, Nru 267) żiedet mal-AOW Artikolu 6a, applikabbli b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 1989, li jistabbilixxi li: “Jekk ikun il-każ b’deroga mill-Artikolu 6 tal-AOW u għad-dispożizzjonijiet li jirriżultaw minnha:
|
11 |
L-Artikolu 13(1)(a) tal-AOW jipprevedi li tnaqqis ta’ 2 % japplika fuq l-ammont tal-pensjoni għal kull sena li matulha, wara li jkun laħaq l-età ta’ 15-il sena, iżda ma jkunx laħaq l-età ta’ 65 sena, il-proprjetarju tal-pensjoni ma kienx assigurat. |
12 |
Il-paragrafu 2(a) tal-istess artikolu jistabbilixxi li l-allowance netta hija mnaqqsa bi 2 % għal kull sena li matulha, wara li l-proprjetarju tal-pensjoni jilħaq l-età ta’ 15-il sena iżda qabel ma jkun laħaq l-età ta’ 65 sena, il-konjuġi tal-proprjetarju tal-pensjoni ma kinitx assigurata. |
13 |
Abbażi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 45(1) tal-AOW, kif din id-dispożizzjoni kienet tipprovdi fl-1 ta’ April 1985, il-persuni assigurati u l-ex assigurati jistgħu, skont il-każijiet, skont il-kundizzjonijiet u skont it-tariffa li għandha tiġi ddeterminata permezz ta’ regola amministrattiva pubblika, iħallsu l-kontribuzzjonijiet għall-perijodi ta’ wara l-għeluq tal-ħmistax-il sena tagħhom, iżda qabel ma jagħlqu ħamsa u sittin sena, li għalihom huma ma humiex assigurati jew ma kinux assigurati. |
14 |
Abbażi ta’ din l-istess dispożizzjoni, kif din id-dispożizzjoni kienet tipprovdi fl-1 ta’ Jannar 1990, il-persuni assigurati u l-ex assigurati jistgħu, skont il-każijiet, skont il-kundizzjonijiet u skont it-tariffa li għandha tiġi ddeterminata permezz ta’ regola amministrattiva pubblika, jassiguraw lilhom infushom b’mod volontarju għall-perijodi ta’ wara l-għeluq tal-ħmistax-il sena tagħhom, iżda qabel għeluq il-ħamsa u sittin sena tagħhom, li għalihom huma ma humiex assigurati jew ma kinux assigurati. |
Il-Liġi ġenerali dwar l-allowances tal-familja
15 |
L-Artikoli 2 u 3(1) tal-Liġi ġenerali dwar l-allowances tal-familja (Algemene Kinderbijslagwet, iktar ’il quddiem l-“AKW”) għandhom kontenut identiku għal dak tal-Artikoli 2 u 3 (1) tal-AOW. |
16 |
Abbażi tal-Artikolu 6(1)(a) tal-AKW, hija assigurata skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi l-persuna li hija residenti. |
17 |
L-Artikolu 6a(b) tal-AKW, jipprevedi li, jekk ikun il-każ b’deroga mill-Artikolu 6 tal-AKW u mid-dispożizzjonijiet li jirriżultaw minnha, ma titqiesx li hija assigurata l-persuna suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat ieħor abbażi ta’ trattat jew ta’ deċiżjoni ta’ organizzazzjoni internazzjonali. |
Id-digriet dwar l-estensjoni u l-limitazzjoni tal-grupp ta’ msieħba għall-assigurazzjonijiet soċjali
18 |
Matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, bosta digrieti suċċessivi dwar l-estensjoni u l-limitazzjoni tal-grupp ta’ msieħba fl-assigurazzjonijiet soċjali (Besluit uitbreiding en beperking kring verzekerden volksverzekeringen, iktar ’il quddiem il-“BUB”) ġew adottati bis-saħħa tal-Artikolu 6(3) tal-AOW u tal-AKW. Għalhekk, għall-fatti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ġew applikati d-digrieti tad-19 ta’ Ottubru 1976 (Stb. 557, iktar ’il quddiem il-“BUB 1976”), tat-3 ta’ Mejju 1989 (Stb. 164, iktar ’il quddiem il-“BUB 1989”) u tal-24 ta’ Diċembru 1998 (Stb. 746, iktar ’il quddiem il-“BUB 1999”). |
19 |
Skont l-Artikolu 2(1)(a) tal-BUB 1976, ma jitqiesx li huwa “assigurat” fis-sens, fost l-oħrajn, tal-AOW ir-resident li, lil hinn mill-Pajjiżi l-Baxxi, għandu impjieg b’salarju u li, abbażi ta’ dan, huwa assigurat skont sistema legali barranija fil-qasam tal-benefiċċji ta’ xjuħija u ta’ mewt kif ukoll fil-qasam tal-allowances tal-familja fis-seħħ fil-pajjiż li fih jaħdem. |
20 |
Wara li l-BUB 1976 ġiet issostitwita bil-BUB 1989, l-Artikolu 10(1) fil-verżjoni applikabbli fl-1 ta’ Lulju 1989 sal-1 ta’ Jannar 1992, kien jipprevedi li “ma huwiex assigurat abbażi tal-allowances soċjali r-resident li għandu impjieg esklużivament lil hinn mill-Pajjiżi l-Baxxi”. Għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1992 sal-1 ta’ Jannar 1997, din l-istess dispożizzjoni tal-BUB 1989 kienet tistabbilixxi li “ma huwiex assigurat abbażi tal-allowances soċjali r-resident li, matul perijodu mhux interrot ta’ tal-inqas tliet xhur, għandu impjieg esklużivament lil hinn mill-Pajjiżi l-Baxxi”. Skont il-formulazzjoni applikabbli mill-1 ta’ Jannar 1997 sal-1 ta’ Jannar 1999, l-Artikolu 10(1) tal-BUB 1989 kien jiddisponi li, “ma huwiex assigurat abbażi tal-allowances soċjali r-resident li, matul perijodu mhux interrot ta’ tal-inqas tliet xhur, għandu impjieg esklużivament lil hinn mill-Pajjiżi l-Baxxi, ħlief jekk dan l-impjieg jirriżulta abbażi ta’ relazzjoni ta’ impjieg ma’ persuna li timpjega residenti jew stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi”. |
21 |
Fl-1 ta’ Jannar 1999, il-BUB 1989 ġie ssostitwit bil-BUB 1999. L-Artikolu 12 ta’ dan tal-aħħar jistabbilixxi li “ma hijiex assigurata abbażi tal-allowances soċjali l-persuna residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi u li, matul perijodu mhux interrot ta’ tal-inqas tliet xhur, għandha impjieg esklużivament lil hinn mill-Pajjiżi l-Baxxi, ħlief jekk dan l-impjieg jirriżulta abbażi ta’ relazzjoni ta’ impjieg ma’ persuna li timpjega residenti jew stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi”. |
22 |
Il-BUB 1989 kif ukoll il-BUB 1999 jinkludu t-tnejn li huma klawżola ta’ salvagwardja rispettivament fl-Artikoli 25 u 24, li tawtorizza lis-SVB fil-kuntest tal-BUB 1989 biex jidderoga f’ċerti każijiet mid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan id-digriet sabiex jiġu rrimedjati inġustizzji gravi ħafna li jistgħu jirriżultaw mill-obbligu ta’ assigurazzjoni u mill-esklużjoni tiegħu abbażi ta’ dan id-digriet, jew fil-kuntest tal-BUB 1989 sabiex tiġi injorata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet f’dan id-digriet jew biex tipprovdi deroga sa fejn din l-applikazzjoni, fid-dawl tal-importanza tal-estensjoni u tal-limitazzjoni tal-grupp ta’ msieħba, twassal għal inġustizzja gravi ħafna u li tirriżulta esklużivament mill-obbligu ta’ assigurazzjoni jew mill-esklużjoni tiegħu bis-saħħa ta’ dan it-tieni digriet. |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
23 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma kollha ta’ nazzjonalità Olandiża u residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
Il-kawża ta ’ C. E. Franzen
24 |
C. E. Franzen, li twieldet fl-1965, irċeviet fil-Pajjiżi l-Baxxi allowances tal-familja skont l-AKW għal bintha, li twieldet fl-1995, li hija rabbiet waħedha. F’Novembru 2002, hija informat lis-SVB li, mill-1 ta’ Jannar 2001, hija tipprovdi servizzi ta’ qtugħ ta’ xagħar fil-Ġermanja għal 20 siegħa fil-ġimgħa. Peress li d-dħul ta’ C. E. Franzen minn din l-attività ma kienx sinjifikattiv, hija ma kinitx obbligatorjament imsieħba fis-sistema legali Ġermaniża tal-assigurazzjoni għall-inċidenti kkaġunati mix-xogħol (Unfallversicherung), u ma kellha aċċess għall-ebda sistema oħra ta’ sigurtà soċjali Ġermaniża. B’deċiżjoni tal-25 ta’ Frar 2003, is-SVB irtiralha l-provvista tal-allowances tal-familja mill-1 ta’ Ottubru 2002. |
25 |
Is-SVB jippreċiża fl-osservazzjonijiet tiegħu sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja li, bl-ittra tal-21 ta’ Settembru 2003, C. E. Franzen talbet, skont l-Artikolu 24 tal-BUB 1999, it-tneħħija tal-esklużjoni tagħha mill-kopertura għall-assigurazzjoni soċjali. B’deċiżjoni tal-15 ta’ Marzu 2004, is-SVB ċaħad din it-talba għaliex C. E. Franzen ma kinitx assigurata la abbażi tad-dritt tal-Unjoni u lanqas abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Olandiż. Madankollu, man-notifika tad-deċiżjoni tal-15 ta’ Marzu 2004, is-SVB indika li ppropona lil C. E. Franzen titlob lill-istituzzjoni kompetenti Ġermaniża li esklużivament tissuġġetta l-leġiżlazzjoni Olandiża għall-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1408/71. C. E. Franzen ma rreaġixxietx għal din il-proposta. |
26 |
Fit-30 ta’ Jannar 2006, C. E. Franzen ressqet talba għall-allowances tal-familja li, permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Marzu 2006, is-SVB laqa’ mill-ewwel tliet xhur tal-2006. |
27 |
B’ittra tal-5 ta’ Ġunju 2007, tressqet talba f’isem C. E. Franzen sabiex tingħata allowances tal-familja mill-aħħar tliet xhur tal-2002. B’deċiżjoni tal-5 ta’ Lulju 2007, is-SVB ikkonstata li, mill-ewwel tliet xhur tal-2006, C. E. Franzen ma kienx baqgħalha dritt għall-allowances tal-familja, iżda hija ddeċidiet li ma tirkuprax is-somom indebitament mogħtija. B’deċiżjoni tas-16 ta’ Novembru 2007, l-ilment ta’ C. E. Franzen kontra din id-deċiżjoni ġie ddikjarat bħala infondat u t-talba tagħha għal reviżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2007 ġiet barra minn hekk miċħuda. |
28 |
Fis-6 ta’ Frar 2008, għalkemm ir-rikors ta’ C. E. Franzen kontra din l-aħħar deċiżjoni kien għadu pendenti, is-SVB adotta deċiżjoni ġdida li temenda l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tiegħu tas-16 ta’ Novembru 2007, billi indika li t-talbiet għall-allowances tal-familja kienu miċħuda għaliex, bis-saħħa tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1408/71, hija l-leġiżlazzjoni Ġermaniża biss li kienet tapplika għal C. E. Franzen, u għalhekk eskludiet l-applikazzjoni tal-assigurazzjonijiet soċjali Olandiżi. |
29 |
B’sentenza tal-5 ta’ Awwissu 2008, ir-Rechtbank Maastricht iddikjara bħala infondati r-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet tas-16 ta’ Novembru 2007 u tas-6 ta’ Frar 2008. C. E. Franzen appellat quddiem is-Centrale Raad van Beroep u l-partijiet fil-kawża prinċipali ma qablux fuq il-kwistjoni dwar jekk, mill-1 ta’ Ottubru 2002, C. E. Franzen kinitx assigurata abbażi tal-AKW minħabba fir-residenza tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
Il-kawża ta ’ H. D. Giesen
30 |
Mart H. D. Giesen, li twieldet fl-1947, ħadmet fil-Ġermanja matul l-1970, u wara bħala “geringfügig Beschäftigte”, jiġifieri persuna li teżerċita attività żgħira, matul il-perijodu mid-19 ta’ Mejju 1988 sat-12 ta’ Mejju 1993. Barra minn hekk, hija kienet taħdem f’ħanut tal-ħwejjeġ u kienet teżerċita l-attività tagħha matul numru limitat ta’ sigħat kull xahar abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol okkażjonali li ma kinux jaqbżu jumejn sa tliet ijiem kull xahar. |
31 |
Fit-22 ta’ Settembru 2006, H. D. Giesen ressaq talba għal pensjoni tax-xjuħija u għal allowance tal-imsieħba skont l-AOW, li s-SVB laqa’ b’deċiżjoni tat-3 ta’ Ottubru 2007. Madankollu, l-allowance tal-imsieħba tnaqqset b’16 % għaliex, matul il-perijodu li fih mart H. D. Giesen ħadmet fil-Ġermanja, hija ma kinitx assigurata abbażi tal-assigurazzjonijiet soċjali fil-Pajjiżi l-Baxxi. H. D. Giesen ippreżenta lment kontra din id-deċiżjoni sa fejn tirrigwarda t-tnaqqis ta’ din l-allowance. B’deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2008, dan l-ilment ġie ddikjarat bħala infondat. |
32 |
B’deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2008, ir-Rechtbank Roermond iddikjara bħala infondat ir-rikors ta’ H. D. Giesen kontra d-deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2008. L-imsemmija qorti kkonkludiet li mart H. D. Giesen ma kinitx taqa’ taħt il-leġiżlazzjoni Olandiża għaliex ma kienx stabbilit li, matul iktar minn tliet xhur, hija ma kinitx ħadmet fil-Ġermanja. Quddiem il-qorti tar-rinviju, adita fl-appell minn H. D. Giesen, il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar il-kwistjoni jekk, matul il-perijodu mid-19 ta’ Mejju 1988 sal-31 ta’ Diċembru 1992, mart H. D. Giesen kinitx assigurata skont l-AOW minħabba fir-residenza tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
Il-kawża ta ’ F. van den Berg
33 |
F. van den Berg, li twieled fl-1943, eżerċita attività fil-Ġermanja matul il-perijodi mill-25 ta’ Ġunju sal-24 ta’ Lulju 1972 u mill-1 ta’ Jannar 1990 sal‑31 ta’ Diċembru 1994. Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li huwa ma eżerċitax din l-attività ta’ kuljum, iżda biss għal perijodi qosra. Peress li d-dħul tiegħu kien baxx wisq, ma setax jiġi kkunsidrat bħala persuna responsabbli għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet fil-Ġermanja. Fis-17 ta’ Jannar 2008, F. van den Berg talab pensjoni tax-xjuħija skont l-AOW. B’deċiżjoni tal-1 ta’ Awwissu 2008, is-SVB tatu din il-pensjoni iżda naqsitha b’14 % għaliex, matul iktar minn seba’ snin, F. van den Berg ma kienx assigurat fil-Pajjiżi l-Baxxi. B’deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2008, l-ilment tiegħu kontra din id-deċiżjoni ġie ddikjarat parzjalment fondat u t-tnaqqis ġie stabbilit għal 10 %. |
34 |
B’sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2009, ir-Rechtbank Maastricht iddikjara bħala infondat ir-rikors kontra d-deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2008. F. van den Berg appella din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, li fil-kuntest tiegħu l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk, matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1990 sal-31 ta’ Diċembru 1994, F. van den Berg kienx assigurat skont l-AOW minħabba fir-residenza tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
Kunsiderazzjonijiet komuni għat-tliet kawżi
35 |
Is-Centrale Raad van Beroep tqis li l-persuni kkonċernati fil-kawża prinċipali jistgħu, għall-perijodi inkwistjoni, jitqiesu li huma persuni impjegati fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1408/71, moqri flimkien mal-Artikolu 1(a) ta’ dan ir-regolament, u li l-AOW u l-AKW jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ dan ir-regolament. |
36 |
Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk, matul il-perijodi inkwistjoni, il-persuni kkonċernati fil-kawża prinċipali kinux, bis-saħħa tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, suġġetti għal-leġiżlazzjoni Ġermaniża u, jekk ikun il-każ, jekk l-effett esklużiv ta’ din id-dispożizzjoni jimplikax li l-leġiżlazzjoni Olandiża ma hijiex applikabbli. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirreferi għas-sentenza Kits van Heijningen (C‑2/89, EU:C:1990:183), li tirrigwarda impjieg part-time, u tistaqsi jekk din il-ġurisprudenza tapplikax ukoll għal kuntratt ta’ xogħol okkażjonali. |
37 |
Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi, ma huwiex ikkontestat li l-persuni kkonċernati ma kinux, minħabba l-attivitajiet tagħhom, assigurati abbażi tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża, bl-eċċezzjoni tas-sħubija obbligatorja tagħhom għas-sistema Ġermaniża tal-assigurazzjoni għall-inċidenti kkaġunati mix-xogħol, minkejja li ma jistgħux jippretendu, skont il-każ, pensjoni tax-xjuħija jew allowances tal-familja. Barra minn hekk, hija tirrileva li, matul il-perijodu mill-1 ta’ Lulju 1989 sal-31 ta’ Diċembru 1992, mart H. D. Giesen u, matul il-perijodi inkwistjoni li jikkonċernawhom, F. van den Berg u C. E. Franzen għandhom jitqiesu li ma kinux assigurati skont l-AOW u l-AKW. Sabiex jiġi evalwat jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix din l-esklużjoni, għandhom jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema kif ukoll taċ-ċittadini, li jirriżultaw rispettivament, minn naħa mill-Artikolu 45 TFUE u, min-naħa l-oħra, mill-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE. |
38 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Centrale Raad van Beroep iddeċidiet tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
39 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-resident ta’ Stat Membru, li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u li, skont kuntratt ta’ xogħol okkażjonali, huwa impjegat għal mhux iktar minn jumejn jew tliet ijiem fix-xahar fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni fl-Istat ta’ impjieg u, fl-affermattiv, jekk dan l-issuġġettar ikoprix ukoll il-jiem li fihom ma humiex eżerċitati l-attivitajiet. |
40 |
Għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1408/71 jimplementa sistema ta’ koordinazzjoni tal-iskemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali u jistabbilixxi, fit-Titolu II tiegħu, regoli għad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-ħaddiema li jiċċaqilqu ġewwa l-Unjoni (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza Wencel, C‑589/10, EU:C:2013:303, punt 45). |
41 |
Id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu II huma b’mod partikolari intiżi sabiex il-persuni kkonċernati jkunu suġġetti għall-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss, b’mod li jiġu evitati l-kumulu ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali applikabbli u l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minħabba f’hekk (ara s-sentenzi Ten Holder, 302/84, EU:C:1986:242, punt 19; Luijten, 60/85, EU:C:1986:307, punt 12; Bosmann, C‑352/06, EU:C:2008:290, punt 16, kif ukoll Hudzinski u Wawrzyniak, C‑611/10 u C‑612/10, EU:C:2012:339, punt 41). |
42 |
Dan il-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni jinsab stabbilit, b’mod partikolari, fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71, li jiddisponi li l-ħaddiem li għalih dan ir-regolament huwa applikabbli jkun biss suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss (ara s-sentenzi Ten Holder, 302/84, EU:C:1986:242, punt 20; Luijten, 60/85, EU:C:1986:307, punt 13, u Bosmann, C‑352/06, EU:C:2008:290, punt 16). |
43 |
Skont l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, il-persuna li teżerċita attività mħallsa fit-territorju ta’ Stat Membru hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat, anki jekk tkun tgħix fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħala l-leġiżlazzjoni applikabbli għal ħaddiem bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni għandha bħala effett li l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru biss hija applikabbli (ara s-sentenzi Ten Holder, 302/84, EU:C:1986:242, punt 23, u Bosmann, C‑352/06, EU:C:2008:290, punt 17). |
44 |
Fis-sentenza tagħha Kits van Heijningen (C‑2/89, EU:C:1990:183, punt 10), li kienet tikkonċerna impjieg part-time eżerċitat jumejn fil-ġimgħa, għal sagħtejn kull darba, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li xejn fit-termini tal-Artikolu 1(a) jew tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1408/71 ma jippermetti li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ċerti kategoriji ta’ persuni minħabba fil-ħin li jqattgħu fl-eżerċizzju tal-attività tagħhom. Konsegwentement, persuna għandha tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 1(a) u tal-Artikolu 2(1) ta’ dan l-istess regolament. |
45 |
Permezz tad-domanda 1(a) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-ġurisprudenza tas-sentenza Kits van Heijningen (C‑2/89, EU:C:1990:183) hijiex applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik ta’ mart H. D. Giesen li ħadmet biss għal jumejn jew tliet ijiem fix-xahar fil-Ġermanja. Fir-rigward tas-sitwazzjonijiet ta’ C. E. Franzen u ta’ F. van den Berg, din il-qorti tikkunsidra bħala stabbilit il-fatt li l-attività tagħhom fil-Ġermanja tikkostitwixxi attività mħallsa u li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet l-Istat Membru kompetenti matul il-perijodu kkontestat li jikkonċerna liż-żewġ persuni kkonċernati. |
46 |
F’dan ir-rigward, għalhekk jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 44 ta’ din is-sentenza li l-ħin iddedikat għall-eżerċizzju tal-attività mħallsa huwa irrilevanti għad-determinazzjoni tal-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1408/71 għall-persuna kkonċernata, għandu jiġi kkunsidrat li persuna li taħdem għal jumejn jew tliet ijiem fix-xahar u tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 1(a) u tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1408/71, jiġifieri li din hija suġġetta, bħala persuna impjegata, għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar u hija ċittadin ta’ wieħed mill-Istati Membri, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Permezz tal-Artikolu 13(2)(a) ta’ dan ir-regolament, tali persuna hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu teżerċita attività mħallsa. |
47 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, barra minn hekk, jekk l-Artikolu 13(2)(a) tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg huwiex applikabbli, minbarra għal dawk il-jiem li fihom l-attività mħallsa hija eżerċitata, ukoll matul il-jiem li fihom din mhux eżerċitata. |
48 |
Ir-risposta għal din id-domanda tirriżulta wkoll mis-sentenza Kits van Heijningen (C‑2/89, EU:C:1990:183). Fil-fatt, fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 ma introduċa l-ebda distinzjoni, bejn l-attività mħallsa eżerċitata full-time jew part-time. Barra minn hekk, l-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni huwa mxekkel jekk irid jiġi kkunsidrat li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru msemmi hija limitata għall-perijodi li fihom hija eżerċitata l-attività, bl-esklużjoni ta’ dawk li matulhom il-persuna kkonċernata ma teżerċitax l-attività tagħha. |
49 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, li teżerċita attività mħallsa fuq bażi part-time fit-territorju ta’ Stat Membru, hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat kemm matul il-jiem li matulhom hija teżerċita din l-attività kif ukoll matul il-jiem li fihom hija ma teżerċitax din l-attività (sentenza Kits van Heijningen, C‑2/89, EU:C:1990:183, punt 15). |
50 |
L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw għal attività mħallsa eżerċitata okkażjonalment, bħall-attivitajiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg tibqa’ applikabbli sakemm il-persuna kkonċernata teżerċita l-attività professjonali tagħha fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Għal dan il-għan, l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol u t-tip ta’ relazzjoni ta’ xogħol, bħal xogħol part-time jew xogħol okkażjonali, jew in-numru ta’ sigħat maħduma mill-ħaddiem, huma irrilevanti. |
51 |
Din l-interpretazzjoni ma hijiex invalidata mill-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71, li tgħid li din id-dispożizzjoni, li tissuġġetta, fil-kundizzjonijiet li hija tistabbilixxi, il-persuni għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza, hija applikabbli kemm għall-persuni li jkunu definittivament waqfu minn kull attività professjonali kif ukoll għal dawk li jkunu waqfu biss temporanjament mill-attività tagħhom (sentenzi Kuusijärvi, C‑275/96, EU:C:1998:279, punti 39 u 40, kif ukoll Adanez-Vega, C‑372/02, EU:C:2004:705, punt 24). |
52 |
Fil-fatt, hekk kif ġie ġustament argumentat mis-SVB, il-perijodu li matulu l-attivitajiet fil-kuntest tax-xogħol okkażjonali ma humiex eżerċitati, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala waqfien temporanju tal-attività. F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-relazzjoni ta’ xogħol bejn mart H. D. Giesen u l-persuna li timpjegaha damet ħames snin mingħajr interruzzjoni. Għalhekk, matul dan il-perijodu, hija kienet suġġetta skont l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg, f’din il-kawża, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża. |
53 |
Għalhekk ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-resident ta’ Stat Membru, li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u li, skont kuntratt ta’ xogħol okkażjonali, huwa impjegat għal ftit jiem fix-xahar fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni fl-Istat ta’ impjieg, kemm għal dawk il-jiem li fihom huwa jeżerċita l-attività mħallsa, kif ukoll matul il-jiem li fihom huwa ma jeżerċitax din l-attività. |
Fuq it-tieni domanda
54 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, għandux jiġi interpretat fis-sens li f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprekludi li ħaddiem migrant suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg, jirċievi, permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat ta’ residenza, il-benefiċċji abbażi tas-sistema ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija u l-allowances tal-familja ta’ dan l-aħħar Stat. |
55 |
Din il-kwistjoni tirreferi għaċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawżi prinċipali fejn l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg ma wasslitx għas-sħubija tal-persuni kkonċernati għall-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat għal dak li jirrigwarda l-allowances tal-familja u l-pensjoni tax-xjuħija. |
56 |
Għalkemm il-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali teskludi, permezz tal-klawżola ta’ esklużjoni prevista mill-Artikolu 6a(b) tal-AKW u tal-AOW, is-sħubija ta’ ħaddiem migrant bħall-persuni kkonċernati fil-kawża prinċipali għas-sistema tagħha ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija, il-qorti tar-rinviju tispjega li, jekk ir-risposta għat-tieni domanda hija negattiva, hija għandha tevita l-applikazzjoni ta’ din il-klawżola ta’ esklużjoni u tapplika l-klawżola ta’ ekwità prevista mill-BUB 1989 u mill-BUB 1999 sabiex tindirizza l-inugwaljanzi serji ħafna li jistgħu jirriżultaw mill-obbligu ta’ assigurazzjoni jew mill-esklużjoni ta’ din. |
57 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li tqum il-kwistjoni jekk l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprekludi l-għoti ta’ dawn il-benefiċċji mill-Istat Membru ta’ residenza. |
58 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat fis-sentenzi tagħha Bosmann (C‑352/06, EU:C:2008:290) kif ukoll Hudzinski u Wawrzyniak (C‑611/10 u C‑612/10, EU:C:2012:339) eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ uniċità u għarfet il-possibbiltà għal Stat Membru li ma huwiex kompetenti taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, li jagħti taħt ċerti kundizzjonijiet, benefiċċji tal-familja lil ħaddiem migrant taħt id-dritt nazzjonali tiegħu. |
59 |
Għalhekk, fis-sentenza Bosmann (C‑352/06, EU:C:2008:290), f’kuntest fejn ma kienx hemm kumulu ta’ benefiċċji tal-familja tal-istess tip minkejja l-applikazzjoni fl-istess ħin tal-leġiżlazzjonijiet ta’ żewġ Stati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, anki jekk d-dritt tal-Unjoni ma jobbligax lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ residenza li jagħtu lil B. Bosmann il-benefiċċju tal-familja inkwistjoni, il-possibbiltà ta’ tali għoti lanqas ma jista’ jiġi eskluż jekk din il-persuna kienet tibbenefika minn dawn l-allowances mis-sempliċi fatt tar-residenza tagħha f’dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bosmann, C‑352/06, EU:C:2008:290, punti 25, 27 u 28). |
60 |
B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat fil-punt 31 ta’ din is-sentenza Bosmann (C‑352/06, EU:C:2008:290) li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża li tat lok għas-sentenza, l-Istat Membru ta’ residenza ma għandux jitneħħilu l-fakultà li jagħti allowances tal-familja lill-persuni residenti fit-territorju tiegħu. Fil-fatt, jekk, bis-saħħa tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, il-persuna li teżerċita attività mħallsa fit-territorju ta’ Stat Membru hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat, anki jekk tkun tirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, xorta jibqa’ l-fatt li dan ir-regolament ma huwiex intiż li jwaqqaf l-Istat ta’ residenza milli jagħti, bl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tiegħu, allowances tal-familja lil din il-persuna. |
61 |
Eċċezzjoni simili għall-prinċipju ta’ uniċità previst fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71 ġiet ammessa fis-sentenza Hudzinski u Wawrzyniak (C‑611/10 u C‑612/10, EU:C:2012:339) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet id-dritt tal-Istat Membru, li ma kienx kompetenti bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II ta’ dan ir-regolament, iżda li fit-territorju tiegħu ħaddiem migrant ikun eżerċita xogħol temporanju u fih ikun totalment suġġett għat-taxxa fuq id-dħul, jagħti benefiċċji għall-wild li huma komplementari għal dawk imħallsa mill-Istat Membru ta’ residenza. |
62 |
Madankollu, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-benefiċċji tal-familja u tas-sitwazzjoni ta’ C. E. Franzen, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li bħal-leġiżlazzjoni Ġermaniża f’ċirkustanzi bħal dawk li jikkonċernaw B. Bosmann, il-leġiżlazzjoni Olandiża inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tissuġġettax id-dritt għall-benefiċċju tal-familja għal kundizzjonijiet ta’ impjieg jew ta’ assigurazzjoni. Għalhekk, is-sempliċi fatt li tirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi huwa biżżejjed sabiex tirċievi benefiċċji tal-familja, apparti mill-klawżola ta’ esklużjoni prevista fl-Artikolu 6a(b) tal-AKW u tal-AOW, intiża sabiex tittrasponi l-prinċipju ta’ uniċità fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Min-naħa l-oħra, minkejja l-applikazzjoni formali tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg, C. E. Franzen ma kellhiex dritt għall-benefiċċji soċjali inkwistjoni minħabba fin-numru limitat ta’ sigħat ta’ xogħol effettwat u fid-dħul baxx li jirriżulta mill-attività mħallsa tagħha eżerċitata fit-territorju tiegħu. Għalhekk, fid-dawl tal-kawża li tat lok għas-sentenza Bosmann (C‑352/06, EU:C:2008:290), iċ-ċirkustanzi tal-kawża ta’ C. E. Franzen ma jirriżultawx f’kumulu ta’ benefiċċji tal-familja tal-istess natura li jirrigwardaw l-istess perijodu ta’ assigurazzjoni. |
63 |
F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, il-benefiċċji ta’ xjuħija u l-allowance tal-imsieħba li huma inkwistjoni fil-kawżi li jikkonċernaw lil F. van den Berg u H. D. Giesen, jidher li l-kundizzjonijiet materjali tal-għoti ta’ tali benefiċċji taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza huma ssodisfatti u li l-għoti ta’ dawn il-benefiċċji ma jagħtux lok għal kumulu ta’ benefiċċji tal-istess natura li jirrigwardaw l-istess perijodu fil-każ ta’ applikazzjoni fl-istess ħin tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istat ta’ residenza u tal-Istat ta’ impjieg. |
64 |
Fil-fatt, matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, ġie affermat li l-kundizzjoni ta’ residenza hija biżżejjed biex tibbenefika minn sħubija għas-sistema legali tal-assigurazzjoni għax-xjuħija Olandiża, anki fil-każ ta’ inattività tal-persuna għal perijodu speċifiku. Fil-kawżi prinċipali, il-persuni kkonċernati tilfu s-sħubija tagħhom mal-Pajjiżi l-Baxxi għaliex kienu eżerċitaw xogħol okkażjonali fil-Ġermanja, mingħajr ma jkunu msieħba mal-iskema tal-assigurazzjoni għax-xjuħija fil-Ġermanja minħabba d-dħul baxx tagħhom. |
65 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li b’mod analogu għas-sentenza Bosmann (EU:C:2008:290), l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, moqri fid-dawl tal-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament, ma jipprekludix f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, li ħaddiem migrant suġġett għall-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat ta’ impjieg, li jissodisfa l-kundizzjonijiet materjali tal-għoti ta’ tali benefiċċji taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tiegħu ta’ residenza u li s-sitwazzjoni ma tagħtix lok għal kumulu ta’ benefiċċji tal-istess natura li jirrigwardaw l-istess perijodu, milli jirċievi benefiċċji tal-familja u ta’ xjuħija f’dan l-aħħar Stat Membru. |
66 |
Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet fuq imsemmija, li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-istess artikolu, għandu jiġi interpretat fis-sens li f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jipprekludix li ħaddiem migrant suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg, jirċievi, permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ta’ residenza, il-benefiċċji abbażi tas-sistema ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija jew l-allowances tal-familja ta’ dan l-aħħar Stat. |
Fuq it-tielet domanda
67 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, u b’mod partikolari għall-fatt li l-qorti tar-rinviju tfittex, hekk kif jirriżulta mill-punt 56 ta’ din is-sentenza, li tħalli l-klawżola ta’ esklużjoni mhux applikata fil-każ fejn ir-risposta għat-tieni domanda tkun negattiva, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda. |
Fuq l-ispejjeż
68 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.