SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
23 ta’ April 2015 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Agrikoltura — Regolament (KE) Nru 1/2005 — Protezzjoni tal-annimali matul it-trasport — Vjaġġ twil minn Stat Membru lejn Stat terz — Artikolu 14(1) — Kontroll li għandu jitwettaq fir-rigward tar-reġistru tal-vjaġġ mill-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq qabel vjaġġi twal — Applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni fir-rigward tal-parti mill-vjaġġ li ssir barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea — Applikabbiltà tar-regoli stabbiliti mill-imsemmi regolament għal din il-parti mill-vjaġġ”
Fil-Kawża C‑424/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Lulju 2013, fil-proċedura
Zuchtvieh-Export GmbH
vs
Stadt Kempten,
fil-preżenza ta’:
Landesanwaltschaft Bayern,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, A. Rosas, E. Juhász u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Lulju 2014,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Zuchtvieh-Export GmbH, minn C. Winterhoff u A. Wolowski, avukati, |
— |
għal Stadt Kempten, minn N. Briechle, bħala aġent, |
— |
għal Landesanwaltschaft Bayern, minn R. Käß, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Erlbacher u H. Kranenborg kif ukoll minn B. Eggers, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Settembru 2014,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1/2005, tat-22 ta’ Diċembru 2004, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li [jemenda] d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (ĠU 2005, L 3, p. 1, u rettifika, ĠU 2011, L 336, p. 86). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Zuchtvieh-Export GmbH (iktar ’il quddiem “Zuchtvieh-Export”) u Stadt Kempten dwar id-deċiżjoni adottata minn din tal-aħħar, fil-kwalità tagħha ta’ awtorità kompetenti tal-post tat-tluq, li tirrifjuta l-isdoganar ta’ għadd ta’ annimali tal-ifrat li kellhom jiġu ttrasportati bit-triq minn Kempten (il-Ġermanja) sa Andijan (Uzbekistan). |
Il-kuntest ġuridiku
3 |
Ir-Regolament Nru 1/2005 jinkludi b’mod partikolari l-premessi li ġejjin:
[...]
[...]
[...]” |
4 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1/2005 li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “1. Dan ir-Regolament għandu japplika għat-trasport ta’ annimali vertebrati ħajjin li jsir ġol-Komunità, inklużi l-ispezzjonijiet speċifiċi li jsiru minn uffiċjali fuq konsenji li jidħlu jew li jħallu t-territorju doganali tal-Komunità. 2. L-Artikolu 3 u 27 biss għandhom japplikaw għal:
[...]” |
5 |
L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin: “[...]
[...]
[...]
[...]
[...]
[...]
[...]” |
6 |
L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2005, intitolat “Kondizzjonijiet ġenerali għat-trasport ta’ l-annimali”, jipprovdi: “L-ebda persuna m’għandha titrasporta annimali jew twassal li annimali jiġu trasportati b’mod li jista’ jwassal għal korriment jew tbatija bla bżonn. Barra minn hekk, il-kondizzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu rispettati:
[...]
|
7 |
L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2005, intitolat “Obbligi ta’ l-ippjanar għat-trasport ta’ l-annimali”, jipprovdi: “[...] 3. L-organizzaturi għandhom jassiguraw li għal kull vjaġġ:
[...] 4. Għal vjaġġi twal bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi għal Equidae domestiċi barra minn Equidae reġistrati u annimali domestiċi ta’ speċi bovina, ovina, kaprina jew suwina [(iktar ’il quddiem l-“annimali kkonċernati”)], it-trasportaturi u organizzaturi għandhom jikkonformaw mad-disposizzjonijiet dwar ir-reġistru tal-vjaġġ stabbiliti fl-Anness II.” |
8 |
Skont l-Artikolu 6(3) u (4) ta’ dan ir-regolament: “3. It-trasportaturi għandhom jitrasportaw annimali skond ir-regoli tekniċi stabbiliti fl-Anness I. 4. It-trasportaturi għandhom jafdaw l-immaniġjar ta’ l-annimal f’idejn persunal li ħa taħriġ dwar id-disposizzjonijiet rilevanti ta’ l-Annessi I [u] II.” |
9 |
L-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1/2005 jipprevedi: “Il-gwardjani għandhom jeżaminaw lill-annimali kollha li jaslu f’post ta’ tranżitu jew post ta’ destinazzjoni u jiddeċiedu jekk l-annimali kinux soġġetti għal vjaġġ twil bejn Stati Membri u ma pajjiżi terzi. F’każ ta’ vjaġġi twal [ta’ annimali kkonċernati], il-gwardjani għandhom jikkonformaw mad-disposizzjonijiet tar-reġistru tal-vjaġġ stabbiliti fl-Anness II.” |
10 |
L-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament huwa intitolat “Spezzjonijiet u miżuri oħra relatati mar-reġistru tal-vjaġġ li għandhu jsir mill-awtorità kompetenti qabel vjaġġi twal”. Il-paragrafu 1 tiegħu huwa redatt kif ġej: “F’każ ta’ vjaġġi twal bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi [tal-annimali kkonċernati], l-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq għandha:
|
11 |
L-Artikolu 15(2) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi: “Fil-każ ta’ vjaġġi twal bejn Stati Membri u ma’ pajjiżi terzi, l-spezzjonijiet fil-post tat-tluq rigward ir-regolarità għat-trasport, kif inhu msemmi fil-Kapitolu I ta’ l-Anness I, għandhom jiġu magħmula qabel it-tagħbija bħala parti mill-spezzjonijiet dwar is-saħħa ta’ l-annimal kif stabbiliti fil-leġislazzjoni veterinarja Komunitarja korrispondenti, fil-limiti ta’ żmien previsti f’dik il-leġislazzjoni.” |
12 |
L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 1/2005, huwa intitolat “[s]pezzjonijiet f’punti tal-ħruġ u f’postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera”. Dan huwa fformulat hekk: “1. [...], [F]ejn l-annimali huma ppreżentati f’punti tal-ħruġ jew postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera, veterinarji uffiċjali ta’ l-Istati Membri għandhom jikkontrollaw li l-annimali huma trasportati in konformità ma’ dan ir-Regolament u b’mod partikolari:
2. F’każ ta’ vjaġġi twal [ta’ annimali kkonċernati], veterinarji uffiċjali ta’ punti tal-ħruġ and postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera għandhom jagħmlu u jirreġistraw l-ispezzjonijiet elenkati fit-Taqsima 3 ‘Post ta’ destinazzjoni’ tal-ktieb tal-vjaġġ fl-Anness II. Rekords ta’ dawk l-ispezzjonijiet u l-kontroll li huwa pprovdut dwaru fil-paragrafu 1 għandu jinżamm mill-awtorità kompetenti għal perijodu ta’ mhux anqas minn tliet snin mid-data ta’ l-spezzjonijiet [...]. 3. Fejn l-awtorità kompetenti tikkunsidra li l-annimali mhumiex f’kondizzjoni li jkomplu l-vjaġġ, dawn għandhom jiġu mħatta, mogħtija l-ilma, ġwies u mistrieħ.” |
13 |
Il-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005 jinkludi regoli relatati mal-intervalli għat-tisqija u għall-għalih kif ukoll mal-ħinijiet tal-ivvjaġġar u ta’ mistrieħ. Skont il-punti 1.4(d) u 1.5 ta’ dan il-kapitolu, fir-rigward tal-annimali tal-ifrat, il-vjaġġi twal bit-triq għandhom jinkludu, wara 14-il siegħa ta’ trasport, ħin ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas siegħa li matulu dawn għandhom jiġu misqija u, jekk ikun neċessarju, magħlufa, u wara dan it-trasport jista’ jitkompla għal mhux iktar minn 14-il siegħa, u wara dan l-annimali għandhom jinħattu, jingħalfu u jiġu misqija, u għandhom jibbenefikaw minn ħin ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas 24 siegħa. |
14 |
L-Anness II ta’ dan ir-regolament jinkludi d-dispożizzjonijiet marbuta mar-reġistru tal-vjaġġ, li skont l-Artikolu 5(4) tal-imsemmi regolament għandu jinżamm mit-trasportaturi u mill-organizzaturi fil-każ ta’ vjaġġi twal tal-annimali kkonċernati bejn l-Istati Membri kif ukoll li joriġinaw minn jew li jwasslu lejn destinazzjoni ta’ pajjiż terz. Dan ir-reġistru jinkludi ħames taqsimiet marbuta, rispettivament, mal-ippjanar tal-vjaġġ, mal-post tat-tluq, mal-post ta’ destinazzjoni, mad-dikjarazzjoni tat-trasportatur li tikkonċerna, minn naħa, l-itinerarju effettiv, il-punti ta’ mistrieħ, ta’ trasferiment u ta’ ħruġ u, min-naħa l-oħra, l-annimali korruti jew mejta matul il-vjaġġ, u ma’ rapporti ta’ anomaliji possibbli. Dan l-anness jinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin: “[...]
[...]
|
15 |
L-appendiċi tal-Anness II tar-Regolament Nru 1/2005 jinkludi mudell tat-taqsimiet differenti tar-reġistru tal-vjaġġ. L-ewwel waħda minn dawn it-taqsimiet, intitolata “Pjanar”, tinkludi għadd ta’ fillieri, fosthom dawk li jikkonċernaw it-tul totali tal-vjaġġ (intestatura 2), il-post, pajjiż, data u ħin tat-tluq (intestaturi 3.1 sa 3.3), il-post u l-pajjiż ta’ destinazzjoni kif ukoll id-data u l-ħin tal-wasla (intestaturi 4.1 sa 4.3), l-ispeċi u n-numru ta’ annimali (intestaturi 5.1 u 5.2), il-piż totali stmat tal-kunsinna u l-ispazju totali pprovdut għal din tal-aħħar (intestaturi 5.4 u 5.5), il-lista ta’ punti ta’ mistrieħ, il-mument tal-wasla f’dawn tal-aħħar u t-tul tal-mistrieħ (intestaturi 6.1 sa 6.3) kif ukoll id-dikjarazzjoni tal-organizzatur tal-vjaġġ li skontha huwa jkun adotta l-miżuri adegwati sabiex jiżgura l-benessri tal-annimali matul dak il-vjaġġ, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2005. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
16 |
Zuchtvieh-Export kriet żewġ trakkijiet sabiex tittrasporta 62 annimal tal-ifrat minn Kempten għal Andijan mill-Polonja, il-Belarussja, ir-Russja u l-Każakstan, jiġifieri vjaġġ li jinvolvi 7000 kilometru. Dan it-trasport kellu jitwettaq mit-23 ta’ April u sat-2 ta’ Mejju 2012. Din kienet esportazzjoni mingħajr talba għal ħlas lura fuq l-esportazzjoni. |
17 |
L-intestatura 1 tat-taqsima 6 tar-reġistru tal-vjaġġ ippreżentat fil-kuntest tat-talba għal sdoganar kienet issemmi, bħala l-uniċi punti ta’ mistrieħ u ta’ trasferiment għall-parti mill-vjaġġ li twettqet fit-territorju tal-pajjiżi terzi kkonċernati, il-lokalitajiet ta’ Brest (Belarussja) u ta’ Karaganda (Każakstan), fejn ġie pprogrammat mistrieħ ta’ 24 siegħa f’kull wieħed minn dawn il-postijiet, filwaqt li t-tul tal-vjaġġ previst bejniethom kien ta’ 146 siegħa. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, bejn l-imsemmija lokalitajiet, kienu previsti perijodi ta’ mistrieħ li matulhom l-annimali kellhom jingħalfu u jiġu misqija, mingħajr madankollu ma jinħattu. Il-parti finali tal-vjaġġ, bejn Karaganda u Andijan, kellha tieħu 29 siegħa addizzjonali. |
18 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2012, Stadt Kempten irrifjutat l-isdoganar tal-annimali tal-ifrat, filwaqt li talbet li l-pjan tal-vjaġġ jiġi emendat b’mod li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2005 wkoll għall-parti tal-vjaġġ imwettaq fit-territorju tal-pajjiżi terzi kkonċernati, bejn Brest u Andijan, li ma kienx il-każ fid-dawl tal-informazzjoni tal-pjan indikata fit-taqsima 1 tal-imsemmi reġistru tal-vjaġġ. |
19 |
Minbarra talba għal miżuri provviżorji, li ma ntlaqatx, Zuchtvieh-Export ippreżentat rikors fuq il-mertu kontra d-deċiżjoni ta’ Stadt Kempten, li jinsab attwalment fi stadju ta’ appell quddiem il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva ta’ Bavaria). Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, Zuchtvieh-Export titlob, b’mod partikolari, li tiġi kkonstatata l-illegalità tal-imsemmija deċiżjoni, u li Stadt Kempten tiġi ordnata tipproċedi bl-isdoganar ta’ dawn l-annimali tal-ifrat. |
20 |
Il-kwistjoni ċentrali fil-kawża prinċipali hija dik dwar jekk, f’każ ta’ vjaġġ twil li jibda fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, iżda li jispiċċa barra dan it-territorju, ir-Regolament Nru 1/2005 għandux japplika wkoll għall-parti mill-vjaġġ li titwettaq fit-territorju ta’ Stat terz wieħed jew iktar. Din il-kwistjoni tqum essenzjalment inkonnessjoni mal-approvazzjoni jew ir-rifjut ta’ approvazzjoni tat-trasport mill-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq abbażi tad-data ta’ ippjanar tal-vjaġġ irriprodotti fit-taqsima 1 tar-reġistru tal-vjaġġ ippreżentat quddiem din l-awtorità, fil-kuntest tal-kontroll previst fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1/2005. |
21 |
Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament Nru 1/2005 jsostnu t-teżi li, f’tali każ, l-awtorità tat-tluq ma tistax tapprova t-trasport billi tittimbra r-reġistru tal-vjaġġ ħlief jekk ikun jidher li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ġew osservati wkoll barra t-territorju tal-Unjoni. F’dan ir-rigward hija ssemmi l-Artikoli 1, 3, 5 u 21(1)(e) tal-imsemmi regolament, iżda tagħmel riferiment fuq kollox għall-appendiċi tal-Anness II ta’ dan tal-aħħar, fejn hemm inklużi l-mudell tat-taqsimiet differenti tar-reġistru tal-vjaġġ, u b’mod speċjali għat-taqsima 1 ta’ dan tal-aħħar, marbuta mal-ippjanar tal-vjaġġ. |
22 |
Din il-qorti tagħmel riferiment, minn naħa, għall-intestaturi 2 sa 4 ta’ din it-taqsima 1 (marbuta mat-tul totali previst, mal-post u l-ħin tat-tluq, mal-post ta’ destinazzjoni u mal-ħin tal-wasla), li, meħuda flimkien mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “vjaġġ” ipprovduta fl-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 1/2005, tindika li d-data għandha tingħata għall-vjaġġ kollu. |
23 |
Min-naħa l-oħra, hija tirrileva, id-dikjarazzjoni suġġetta għall-intestatura 7 tal-imsemmija taqsima 1 li ttenni li l-organizzatur “adotta miżuri xierqa sabiex jippreserva l-benesseri tal-annimali matul il-vjaġġ kollu, skont id-dispożizzjonijiet [tar-Regolament Nru 1/2005]”. |
24 |
L-imsemmija qorti tenfasizza wkoll li, anki fil-każ ta’ esportazzjoni, u għalkemm it-trasportatur għandu jippreżenta r-reġistru tal-vjaġġ lill-veterinarju uffiċjali tal-punt ta’ ħruġ, skont il-punt 7 tal-Anness II tar-Regolament Nru 1/2005, huwa għandu madankollu jżomm kopja tiegħu u jibgħatha lill-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq, skont il-punt 8 ta’ dan l-Anness. |
25 |
F’każ fejn ikun meħtieġ li jsir użu mit-teżi li tali trasport jista’ jiġi approvat biss jekk ir-reġistru tal-vjaġġ ikun juri li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2005 ġew osservati anki matul il-parti mill-vjaġġ li kellha ssir barra t-territorju tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-organizzatur tal-vjaġġ ma jistax jillimita ruħu li jiddikjara li ġew osservati l-leġiżlazzjonijiet fis-seħħ fil-pajjiżi terzi kkonċernati u, possibbilment, il-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli f’dawn il-pajjiżi. Jeħtieġ ukoll li dawn jiġu riflessi fl-entrati tar-reġistru tal-vjaġġ. Issa, dan ma sarx fil-każ ineżami, fejn it-taqsima 1 tar-reġistru tal-vjaġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tinkludi l-ebda data realistika, fis-sens li fih għandu jinftiehem l-Artikolu 14(1)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1/2005, peress li din ma ssemmi l-ebda punt ta’ mistrieħ matul il-parti mill-vjaġġ ta’ bejn Brest u Karaganda kif ukoll bejn dan l-aħħar imsemmi post u Andijan, post ta’ destinazzjoni finali. Barra minn hekk, it-tqegħid tat-timbru tal-awtorità tal-post tat-tluq ikun jagħti x’jifhem li l-vjaġġ kollu, sal-post ta’ destinazzjoni, ġie approvat fil-modalitajiet kollha tiegħu, fatt li jkun inopportun ukoll fir-rigward tal-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi. |
26 |
Skont it-teżi kuntrarja, sostnuta minn Zuchtvieh-Export, l-approvazzjoni tal-ippjanar tal-vjaġġ fil-kuntest tal-kontrolli li għandhom isiru skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1/2005 tirrigwarda biss dik il-parti mill-vjaġġ li fir-rigward tagħha dan ir-regolament huwa applikabbli ratione loci. Diversi dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar, fosthom l-Artikolu 21(1)(e) relatat mal-kontrolli fil-punti ta’ ħruġ u mal-postijiet ta’ ispezzjoni fil-fruntiera, jindikaw li s-sistema stabbilita minnu ma tapplikax lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni. |
27 |
Zuchtvieh-Export issostni wkoll li l-applikabbiltà tar-regoli tar-Regolament Nru 1/2005 barra t-territorju tal-Unjoni, b’mod speċjali dawk tal-Anness I tal-Kapitolu V ta’ dan tal-aħħar, marbuta mal-intervalli għat-tisqija u għall-għalif kif ukoll mal-ħinijiet tal-vjaġġ u tal-mistrieħ, ma hijiex realistika u hija kontroproduttiva. Fil-fatt, fil-pajjiż terzi, ma hemmx ħafna stalel li huma iġenikament u teknikament siguri fejn jistgħu jinħattu l-annimali ttrasportati bil-għan li dawn jistrieħu, b’tali mod li jkun hemm riskji kbar ta’ ġrieħi u ta’ tixrid ta’ mard ineffettiv. Fil-fatt, ir-regoli stabbiliti minn dan ir-regolament ma jistgħux jitbiegħdu mill-kwalità tal-infrastrutturi previsti għat-trasport tal-annimali fit-territorju tal-Unjoni, b’mod partikolari l-postijiet ta’ kontroll, li huma l-postijiet ta’ mistrieħ, hemm mibnija, u li l-Artikolu 36 tal-imsemmi regolament jissuġġetta għal rekwiżiti tekniċi u sanitarji. |
28 |
Barra minn hekk, il-fatt li r-regoli tar-Regolament Nru 1/2005 ma humiex neċessarjament applikabbli, mill-perspettiva materjali, fi kwalunkwe ċirkustanza huwa kkonfermat mill-Artikolu 30(6) ta’ dan tal-aħħar, li jipprevedi l-possibbiltà ta’ derogi għal vjaġġi twal bil-għan li jittieħed inkunsiderazzjoni l-lok remot ta’ ċerti reġjuni inkonnessjoni mal-parti kontinentali tat-territorju tal-Unjoni. |
29 |
Mill-intestatura 6 tat-taqsima 1 tal-mudell tar-reġistru tal-vjaġġ (“Lista ta’ punti previsti ta’ mistrieħ, ta’ trasferiment jew ta’ ħruġ”) jirriżulta wkoll li l-organizzatur ta’ vjaġġ ma huwiex obbligat li jsemmi l-punti kollha ta’ mistrieħ. Barra minn hekk, ir-realtajiet ġeografiċi mhux dejjem jippermettu li jiġi previst fejn isiru l-pawżi. |
30 |
Barra minn hekk, dawn ir-regoli jistgħu jkunu qed jikkontradixxu r-regoli applikabbli fil-pajjiżi terzi kkonċernati, bħal dawk fis-seħħ fil-Federazzjoni tar-Russja, fejn il-prassi stabbilita tal-awtoritajiet hija dik li tipprojbixxi l-ħatt tal-annimali waqt il-ħin ta’ mistrieħ. |
31 |
Fl-aħħar nett, il-prinċipju ta’ territorjalità jmur favur l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1/2005 limitatament għat-territorju tal-Unjoni. |
32 |
Għal dawn l-argumenti, Stadt Kempten u Landesanwaltschaft Bayern jirrispondu li l-indisponibbiltà ta’ punti ta’ mistrieħ barra t-territorju tal-Unjoni ma teżentax lit-trasportaturi mill-osservanza tal-obbligi li dan ir-regolament jimponi fuqhom f’dan ir-rigward, li l-assenza ta’ ħatt tal-annimali għall-perijodi ta’ mistrieħ tfisser li l-kompartimenti ta’ trasport ma jiġux imnaddfa u li ma humiex iggarantiti u lanqas possibbli t-tisqija u l-kontroll individwali tal-annimali kollha. Għaldaqstant, fid-dawl tal-premessa 5 tal-imsemmi regolament, li l-vjaġġi twal għandhom ikunu limitati kemm jista’ jkun, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li ċerti trasporti sempliċiment ma jistgħux isiru minħabba l-impossibbiltà tal-osservanza tar-regoli applikabbli. |
33 |
F’dan il-kuntest, il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
34 |
Permezz tad-domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1/2005 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex trasport li jinvolvi vjaġġ twil tal-annimali kkonċernati li jibda fit-territorju tal-Unjoni u jkompli barra dan it-territorju jkun jista’ jiġi awtorizzat mill-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq, l-organizzatur tal-vjaġġ għandu jippreżenta reġistru tal-vjaġġ li, fid-dawl tal-arranġamenti ta’ dan il-vjaġġ kif huma previsti, huwa realistiku u jippermetti li jitqies li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ġew osservati inkluż fir-rigward tal-parti tal-imsemmi vjaġġ li seħħ fit-territorju ta’ pajjiżi terzi, fejn l-l-imsemmija awtorità tkun awtorizzata, jekk jkunx il-każ, li titlob li l-imsemmija arranġamenti jiġu emendati b’tali mod li l-osservanza tal-imsemmija dispożizzjonijiet tiġi żgurata għal dan il-vjaġġ kollu. |
35 |
Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li jirriżulta, minn naħa, mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 1/2005 li dan tal-aħħar huwa bbażat fuq il-Protokoll (Nru 33) dwar il-protezzjoni u l-benesseri tal-annimali, anness mat-Trattat KE, li permezz tiegħu l-Komunità u l-Istati Membri għandhom jieħdu kont sħiħ tar-rekwiżiti tal-benesseri tal-annimali meta huma jirrediġu u jimplementaw il-politika Komunitarja b’mod partikolari fil-qasam tal-agrikoltura u tat-trasporti. Skont il-ġurisprudenza, il-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali tikkostitwixxi għan leġittimu ta’ interess ġenerali li l-importanza tiegħu hija riflessa, b’mod partikolari, mill-adozzjoni ta’ dan il-protokoll mill-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Viamex Agrar Handel u ZVK, C‑37/06 u C‑58/06, EU:C:2008:18, punt 22, kif ukoll Nationale Raad van Dierenkwekers en Liefhebbers u Andibel, C‑219/07, EU:C:2008:353, punt 27). Mal-imsemmi protokoll issa jikkorrispondi l-Artikolu 13 TFUE, dispożizzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali tat-Trattat FUE, li tinsab fl-ewwel parti ta’ dan tal-aħħar, iddedikat għall-prinċipji. |
36 |
Barra minn hekk, mill-premessi 5 u 11 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi dispożizzjonijiet iddettaljati bbażati fuq il-prinċipju li l-annimali ma għandhomx jiġu ttrasportati f’kundizzjonijiet fejn ikun hemm riskju li dawn iweġġgħu jew jiġu ssuġġettati għal sofferenzi inutli, filwaqt li jikkunsidra li l-benesseri tal-annimali jimplika li t-trasporti twal jiġu limitati kemm jista’ jkun possibbli. |
37 |
Qabel xejn, jeħtieġ li jiġi rrilevat li minn diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2005 jirriżulta li dan tal-aħħar jimponi obbligi mhux biss għat-trasport ta’ annimali vertebrati ħajjin li jsir esklużivament fit-territorju tal-Unjoni, iżda wkoll għat-trasporti li jibdew minn dan it-territorju u li jintemmu f’pajjiż terz, bħat-trasport inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Dawn id-dispożizzjonijiet huma essenzjalment, minbarra l-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, l-Artikoli 1(1), 2(i), 5(4), 8(2), 15(2) u 21 ta’ dan tal-aħħar. |
38 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li ma jsirx biss apprezzament iżolat tal-ewwel parti tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1/2005, li tistabbilixxi li dan ir-regolament japplika għat-trasporti tal-annimali fi ħdan l-Unjoni. B’mod partikolari, it-tieni parti ta’ din id-dispożizzjoni, marbuta mal-kontrolli speċifiċi tal-kunsinni li jidħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni jew li joħorġu minnu, tieħu inkunsiderazzjoni d-dimensjoni esterna għal dan it-territorju li tali trasporti jista’ jkollhom. F’dan il-kuntest, ir-Regolament Nru 1/2005 jipprovdi, fl-Artikolu 2(i) tiegħu, definizzjoni tat-terminu “punt tal-ħruġ” li jirreferi għall-post fejn l-annimali jħallu t-territorju tal-Unjoni. |
39 |
Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet l-oħra ċċitati fil-punt 37 ta’ din is-sentenza japplikaw ukoll għat-trasporti ta’ annimali li jibdew mit-territorju tal-Unjoni u li jintemmu f’pajjiż terz. B’mod partikolari, l-obbligi imposti mill-Artikoli 5(4) u 8(2) ta’ dan ir-regolament, fuq l-organizzaturi, it-trasportaturi u d-detenturi ta’ annimali jagħmlu riferiment espliċitu mhux biss għall-vjaġġi twal bejn l-Istati Membri, iżda wkoll għal dawk li jintemmu fi Stat terz. |
40 |
Dan japplika wkoll għall-kontrolli li għandhom jitwettqu mill-awtorità kompetenti skont l-Artikoli 14(1), 15(2), u 21(1) tar-Regolament Nru 1/2005. B’mod partikolari, l-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, marbut ma’ “[s]pezzjonijiet u miżuri oħra relatati mar-reġistru tal-vjaġġ li għandhu jsir mill-awtorità kompetenti qabel vjaġġi twal”, japplika, skont it-termini stess tal-paragrafu 1 tiegħu, għal “vjaġġi twal bejn l-Istati Membri u [minn jew lejn] pajjiżi terzi”. |
41 |
Fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni Ewropea kkunsidrat, waqt li bbażat ruħha b’mod partikolari fuq l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 1/2005, li dan ir-regolament jissuġġetta tali trasporti, fir-rigward tal-parti minn dawn it-trasporti li jsiru barra l-Unjoni, għal kontroll speċifiku li jirrigwarda biss ċerti rekwiżiti fundamentali tal-imsemmi regolament, jiġifieri dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 3 ta’ dan tal-aħħar. |
42 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat, qabel xejn, li t-trasporti li jibdew mit-territorju tal-Unjoni u li jintemmu f’pajjiżi terzi ma jifformawx parti mit-trasporti li fir-rigward tagħhom l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1/2005 jipprevedi espliċitament li għalihom għandhom japplikaw biss l-Artikoli 3 u 27 ta’ dan ir-Regolament. |
43 |
Sussegwentement, għalkemm l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 1/2005 jipprevedi, ċertament, kontroll speċifiku li fil-kuntest tiegħu l-awtoritajiet kompetenti huma inkarigati li jivverifikaw, b’mod partikolari, ċertu numru ta’ rekwiżiti speċifiċi li jirriżultaw minn dan ir-regolament xorta jibqa’ l-fatt li din id-dispożizzjoni tobbliga lil dawn l-awtoritajiet jivverifikaw, barra minn hekk, “li l-annimali huma trasportati in konformità ma’ [l-imsemmi] Regolament”, mingħajr ma jillimita l-portata ta’ dan il-kontroll għall-osservanza ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar. |
44 |
B’mod iktar partikolari fir-rigward tal-awtorizzazzjoni li għandha tinkiseb mill-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq, jeħtieġ li jiġi rrilevat li t-termini tal-Artikolu 14(1)(a)(ii) u (b) tar-Regolament Nru 1/2005, li jirrigwardaw b’mod espress it-trasporti ta’ annimali li jibdew mit-territorju tal-Unjoni u jintemmu f’pajjiżi terzi, jagħmlu riferiment għall-konformità ma’ dan ir-regolament. F’dan ir-rigward, ma hija prevista l-ebda distinzjoni bejn it-trasporti fi ħdan l-Unjoni u dawk li jintemmu fi Stati terzi. |
45 |
Mill-istess perspettiva, id-dispożizzjonijiet dwar l-obbligi essenzjali li għandhom jiġu osservati fil-każ ta’ vjaġġ twil, li jinsabu fl-Artikoli 5(4), 6(3) u (4), u 8(2) tar-Regolament Nru 1/2005, lanqas ma jagħmlu distinzjoni bejn trasport ta’ annimali li jsir fi ħdan l-Unjoni u trasport li jintemm fi Stat terztiers. Fil-fatt, l-Artikolu 5(4) ta’ dan ir-Regolament jipprevedi li l-organizzaturi u t-trasportaturi, fil-każ ta’ “vjaġġi twal bejn l-Istati Membri u [minn jew lejn] pajjiżi terzi”, huma suġġetti għall-obbligi marbuta mar-reġistru tal-vjaġġ. Dan jgħodd ukoll għall-obbligi ta’ kontroll u ta’ dokumentazzjoni inkonnessjoni mar-reġistru tal-vjaġġ imposti mill-Artikolu 8(2) tal-imsemmi regolament fuq id-detenturi ta’ annimali f’każ ta’ vjaġġ twil. |
46 |
Fl-aħħar, fir-rigward tal-obbligu tat-trasportaturi, li jirriżulta mill-Artikolu 6(3) u (4) tar-Regolament Nru 1/2005, li jittrasporta l-annimali b’mod konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jinsabu fl-Anness I ta’ dan ir-regolament u li jħalli ċ-ċaqliq tal-annimali għall-persunal mħarreġ skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Annessi I u II tal-imsemmi regolament, hemm lok li jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet jagħmlu riferiment b’mod ġenerali għat-trasporti ta’ annimali, u ma jagħmlu l-ebda distinzjoni skont il-post ta’ destinazzjoni. |
47 |
B’hekk, fl-Artikolu 14 tiegħu, ir-Regolament Nru 1/2005 ma jissuġġettax it-trasportaturi ta’ annimali mit-territorju tal-Unjoni u lejn pajjiż terz għal sistema ta’ awtorizzazzjoni partikolari, li huwa distint minn dik applikabbli għat-trasporti li jsiru fi ħdan l-Unjoni. |
48 |
Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-indikazzjonijiet kollha previsti fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, u b’mod partikolari dawk marbuta mal-ħinijiet tal-ivvjaġġar u ta’ mistrieħ, għandhomx ikunu inklużi fir-reġistru tal-vjaġġ suġġett għall-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq fir-rigward tal-parti mill-vjaġġ twil inkwistjoni fil-kawża prinċipali li kellu jsir fit-territorju ta’ pajjiż terz. |
49 |
Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, iddedikat għall-ippjanar tat-trasporti, jipprevedi fil-paragrafu 4 tiegħu li għandu jiġi stabbilit reġistru tal-vjaġġ skont id-dispożizzjonijiet tal-Annes II ta’ dan ir-regolament għal kull vjaġġ twil ta’ annimali kkonċernati, inkluż dawk li jintemmu f’pajjiż terz. Għal dan l-għan, il-punt 3(b) ta’ dan l-anness jobbliga lill-organizzatur ta’ vjaġġ twil li jibgħat lill-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq kopja debitament ikkompletata tat-taqsima 1 tar-reġistru tal-vjaġġ, marbut mal-ippjanar tal-vjaġġ. |
50 |
L-indikazzjonijiet li jinsabu fl-imsemmija taqsima 1, marbuta b’mod partikolari, mal-punti ta’ mistrieħ, ta’ trasferiment jew ta’ ħruġ (filliera 6) għandhom, kif jirriżulta mid-definizzjoni legali tat-terminu “vjaġġ” li tinsab fl-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 1/2005, ikopru l-operazzjoni sħiħa ta’ trasport prevista, mill-post tat-tluq sal-post ta’ destinazzjoni. Għaldaqstant, f’każ ta’ vjaġġ twil lejn pajjiż terz, ir-reġistru tal-vjaġġ għandu jinkludi tali indikazzjonijiet kemm fir-rigward tal-parti minn dan il-vjaġġ li ssir fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll għal din li ssir fit-territorju ta’ pajjiż terz. |
51 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tar-rekwiżiti li dawn l-indikazzjonijiet għandhom jissodisfaw, mill-Artikolu 14(1)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1/2005 jirriżulta li l-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq hija mħeġġa tivverifika jekk it-trasport jistax jiġi kkunsidrat bħala konformi ma’ dan ir-regolament. Fir-rigward tal-ħinijiet tal-ivvjaġġar u ta’ mistrieħ previsti, l-ippjanar tal-vjaġġ li jirriżulta mir-reġistru tal-vjaġġ għandu b’hekk ikun juri li t-trasport previst josserva, b’mod partikolari, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi marbuta mal-intervalli ta’ tisqija, ta’ għalif u mal-ħinijiet tal-ivvjaġġar u ta’ mistrieħ speċifikati fl-Anness I tal-Kapitolu V tal-imsemmi regolament, li t-trasportatur huwa obbligat li josserva skont l-Artikolu 6(3) tal-istess regolament. |
52 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-reġistru tal-vjaġġ huwa suġġett, skont it-termini tal-Artikolu 14(1)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1/2005, għal “spezzjonijiet xierqa” min-naħa tal-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq. Dawn il-kontrolli jsiru qabel it-twettiq tal-vjaġġ twil li jibda mit-territorju tal-Unjoni lejn pajjiż terz, u għaldaqstant ma jirrigwardawx il-kwistjoni dwar jekk ir-reġistru tal-vjaġġ ippreżentat mill-organizzatur huwiex “realistiku” u “jindika” li t-trasport huwa konformi ma’ dan ir-regolament. Fil-kuntest tal-kontroll ex ante tagħha, l-imsemmija awtorità għandha b’hekk ċerta marġni ta’ diskrezzjoni li tippermettilha li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod adegwat l-inċertezzi li jimplika vjaġġ twil li parti minnu ssir fit-territorju ta’ pajjiż terz. |
53 |
Issa, kif indikat il-Kummissjoni waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-prassi marbuta mal-għoti ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni abbażi tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 817/2010, tas-16 ta’ Settembru 2010, li jippreskrivi regoli dettaljati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward ta’ rekwiżiti għall-għoti ta’ rifużjonijiet konnessi mal-welfare tal-annimali tal-ifrat ħajjin matul it-trasport (ĠU L 245, p. 16), li timplika kontroll ex post tar-rekwiżiti marbuta mal-intervalli ta’ tisqija, ta’ għalif u mal-ħinijiet ta’ vvjaġġar u ta’ mistrieħ li jirriżulta mir-Regolament Nru 1/2005, ma rrilevatx li t-trasporti ta’ annimali mill-Unjoni lejn pajjiż terz jiffaċċjaw diffikultajiet sistematiċi dwar l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti fit-territorju ta’ Stati terzi. B’mod partikolari, fir-rigward tas-sitwazzjoni fit-territorju tal-Federazzjoni tar-Russja, il-Kummissjoni ma għandhiex konjizzjoni dwar l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat terz jew dwar prassi amministrattiva tal-awtoritajiet kompetenti ta’ dan tal-aħħar li jipprekludu l-ħatt tal-annimali fil-punti ta’ mistrieħ u ta’ trasferiment fuq dan it-territorju. |
54 |
Fil-każ madankollu li d-dritt jew il-prassi amministrattiva ta’ pajjiż terz li jkollu jiġi ttraversat ikunu jipprekludu b’mod verifikabbli u definittiv il-pjena osservanza ta’ ċerti speċifikazzjonijiet tekniċi ta’ dan ir-regolament, l-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq hija wkoll awtorizzata, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, li taċċetta ppjanar realistiku ta’ trasport li, fid-dawl b’mod partikolari tal-organizzazzjoni tal-mezzi ta’ trasport u tal-arranġamenti tal-vjaġġ previst, jippermetti l-preżunzjoni li t-trasport previst jiżgura l-benesseri tal-annimali f’livell ekwivalenti għall-imsemmija speċifikazzjonijiet tekniċi. |
55 |
Fi kwalunkwe każ, l-imsemmija awtorità għandha dritt, skont l-Artikolu 14(1)(b) tar-Regolament Nru 1/2005, li teżiġi, b’mod partikolari, tibdil tal-ippjanar tat-trasport ikkonċernat li jiżgura li dan tal-aħħar jgħaddi b’mod suffiċjenti minn punti ta’ mistrieħ u ta’ trasferiment li jippermettu li jiġi kkunsidrat li dan it-trasport josserva l-imsemmija rekwiżiti marbuta mal-intervalli ta’ tisqija, ta’ għalif u ta’ ħinijiet ta’ vvjaġġar u ta’ mistrieħ. |
56 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula li l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1/2005 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex trasport li jinvolvi vjaġġ twil ta’ annimali kkonċernati li jibda fit-territorju tal-Unjoni u jkompli barra dan it-territorju jkun jista’ jiġi awtorizzat mill-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq, l-organizzatur tal-vjaġġ għandu jippreżenta reġistru tal-vjaġġ li, fid-dawl tal-arranġamenti ta’ dan il-vjaġġ kif dawn huma previsti, ikun realistiku u jippermetti l-preżunzjoni li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ser jiġu osservati, anki fir-rigward tal-parti mill-imsemmi vjaġġ li ssir fit-territorju ta’ pajjiż terz, u li, jekk dan ma jkunx il-każ, l-imsemmija awtorità tkun awtorizzata teżiġi li l-imsemmija arranġamenti jiġu mibdula b’tali mod li tiġi żgurata l-osservanza tal-imsemmija dispożizzjonijiet għal dan il-vjaġġ kollu. |
Fuq l-ispejjeż
57 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005, tat-22 ta’ Diċembru 2004, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li [jemenda] d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex trasport li jinvolvi vjaġġ twil ta’ equidae domestiċi barra minn equidae reġistrati u annimali domestiċi ta’ speċi bovina, ovina, kaprina jew suwina, li jibda fit-territorju tal-Unjoni Ewropea u jkompli barra dan it-territorju jkun jista’ jiġi awtorizzat mill-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq, l-organizzatur tal-vjaġġ għandu jippreżenta reġistru tal-vjaġġ li, fid-dawl tal-arranġamenti ta’ dan il-vjaġġ kif dawn huma previsti, ikun realistiku u jippermetti l-preżunzjoni li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ser jiġu osservati, anki fir-rigward tal-parti mill-imsemmi vjaġġ li ssir fit-territorju ta’ pajjiż terz, u li, jekk dan ma jkunx il-każ, l-imsemmija awtorità tkun awtorizzata teżiġi li l-imsemmija arranġamenti jiġu mibdula b’tali mod li tiġi żgurata l-osservanza tal-imsemmija dispożizzjonijiet għal dan il-vjaġġ kollu. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.