SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

16 ta’ April 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Direttiva 2011/92/UE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent — Kostruzzjoni ta’ ċentru kummerċjali — Effett vinkolanti ta’ deċiżjoni amministrattiva li ma ssirx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent — Assenza ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku”

Fil-Kawża C‑570/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Novembru 2013, fil-proċedura

Karoline Gruber

vs

Unabhängiger Verwaltungssenat für Kärnten,

EMA Beratungs- und Handels GmbH,

Bundesminister für Wirtschaft, Familie und Jugend,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, A. Rosas, E. Juhász (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Ottubru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal K. Gruber, minn W. List, avukat,

għal EMA Beratungs- und Handels GmbH, minn B. Peck, avukat,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wilms u L. Pignataro-Nolin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Novembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, K. Gruber, u, min-naħa l-oħra, l-Unabhängiger Verwaltungssenat für Kärnten (iktar ’il quddiem l-“UVK”), EMA Beratungs- und Handels GmbH (iktar ’il quddiem “EMA”) u l-Bundesminister für Wirtschaft, Familie und Jugend (Ministru tal-ekonomija, tal-familja u taż-żgħażagħ), dwar deċiżjoni li tawtorizza l-bini u l-operat ta’ ċentru kummerċjali fuq art li tmiss ma’ proprjetà immobbli li tappartjeni lil K. Gruber.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Il-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”) kienet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 17).

4

L-Artikolu 9(2) ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi:

“2.   Kull Parti għandha, fi ħdan il-qafas tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, tiżgura li l-membri tal-pubbliku kkonċernat

(a)

li jkollhom interess ġuridiku suffiċjenti;

jew, jekk le,

(b)

li jinvokaw ksur ta’ dritt, meta l-kodiċi tal-proċedura amministrattiva ta’ Parti jipprevedi tali kundizzjoni,

ikunu jistgħu jippreżentaw rikors quddiem qorti u/jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit bil-liġi, sabiex jikkontestaw il-legalità sostantiva u proċedurali ta’ kull deċiżjoni, att jew ommissjoni suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 u, meta d-dritt nazzjonali hekk jipprovdi u bla ħsara għall-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, tad-dispożizzjonijiet rilevanti l-oħra ta’ din il-Konvenzjoni.

Dak li jikkostitwixxi interess ġuridiku suffiċjenti u ksur ta’ dritt għandu jiġi stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u b’mod konformi mal-għan li l-pubbliku kkonċernat jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-Konvenzjoni. Għal dan il-għan, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 2(5) għandu jitqies suffiċjenti għall-finijiet tal-punt (a) iktar ’il fuq. Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom ukoll jitqiesu li għandhom drittijiet li jistgħu jkunu suġġett ta’ ksur għall-finijiet tal-punt (b) iktar ’il fuq.

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu 2 ma għandhomx jeskludu l-possibbiltà li titressaq proċedura preliminari quddiem awtorità amministrattiva u ma għandhomx jitqiesu li jeludu l-obbligu li jiġu eżawriti r-rimedji amministrattivi qabel ma jingħata bidu għal proċedura ġudizzjarja, meta dan l-obbligu jkun previst fid-dritt nazzjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Id-dritt tal-Unjoni

5

Il-premessa 5 tad-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466), tindika:

“Fil-25 ta’ Ġunju 1998 il-Komunità ffirmat il-Konvenzjoni tan-NU/ECE dwar l-Aċċess għat-Tagħrif, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Tiswir tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja f’Materji Ambjentali (‘il-Konvenzjoni ta’ Aarhus’). Il-liġijiet Komunitarji għandhom ikunu allineati kif jixraq mal-Konvenzjoni bil-ħsieb tar-ratifika tagħha mill-Komunità.”

6

L-Artikolu 1(2)(d) u (e) tad-Direttiva 2011/92 jinkludi d-definizzjonijiet segwenti:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[...]

(d)

‘pubbliku’ tfisser persuna jew iktar naturali jew legali, u, skont il-leġiżlazzjoni jew il-prassi nazzjonali, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi tagħhom;

(e)

‘pubbliku kkonċernat’ tfisser il-pubbliku affettwat jew x’aktarx li jiġi affettwat bil-proċeduri dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent imsemmija fl-Artikolu 2(2) jew li għandu interess fihom. Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent u jissodisfaw kull rekwiżit taħt il-liġijiet nazzjonali għandhom jitqiesu li għandhom interess.”

7

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li, qabel ma jingħata l-kunsens [awtorizzazzjoni], il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokalizzazzjoni tagħhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit li jkun hemm kunsens għall-iżvilupp u stima rigward l-effetti tagħhom. Dawk il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.

2.   L-istima tal-impatt fuq l-ambjent tista’ tkun integrata fil-proċeduri eżistenti għal kunsens għal proġetti fl-Istati Membri, jew, fin-nuqqas ta’ dan, fi proċeduri oħra jew fi proċeduri li għandhom ikunu stabbiliti biex ikun hemm konformità mal-għanijiet ta’ din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu proċedura waħdiena sabiex iwettqu r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u r-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar il-prevenzjoni u l-kontrolli integrati tat-tniġġiż [(ĠU L 24, p. 8)].

[...]”

8

Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva:

“1.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(4), il-proġetti mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu soġġetti għall-stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10.

2.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(4), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, Stati Membri għandhom jistabbilixxu jekk il-proġett għandux jiġi soġġett għal stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dik id-determinazzjoni permezz ta’:

(a)

eżami każ b’każ,

jew

(b)

livelli jew kriterji stabbiliti mill-Istat Membru.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-punti (a) u (b).

3.   Meta jitwettaq eżami każ b’każ jew jiġu stabbiliti l-livelli jew il-kriterji għall-għan tal-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji tal-għażla rilevanti stabbiliti fl-Anness III.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dak li jkun ġie stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti skont il-paragrafu 2 ikun disponibbli għall-pubbliku.”

9

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92/KE jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, skont is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku kkonċernat:

(a)

li jkollhom interess [ġuridiku] suffiċjenti, jew alternattivament,

(b)

li jsostnu l-ksur ta’ dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ Stat Membru teħtieġ dan bħala pre-kondizzjoni,

ikollhom aċċess għal proċedura ta’ stħarriġ quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu f’liema stadju jistgħu jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet.

3.   Dak li jikkostitwixxi interess [ġuridiku] suffiċjenti u l-ksur ta’ dritt għandu jiġu stabbilit mill-Istati Membri, b’mod konsistenti mal-objettiv li jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja lill-pubbliku kkonċernat. Għal dak il-fini, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jitqies suffiċjenti għall-għan tal-punt (a) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Tali organizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet li jistgħu jinkisru għall-għan tal-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu ma għandhomx jeskludu l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ stħarriġ preliminari quddiem awtorità amminisrattiva u ma għandhomx jaffettwaw ir-rekwiżit tal-eżawriment tal-proċeduri ta’ stħarriġ amministrattiv qabel ir-rikors għall-proċeduri ta’ stħarriġ ġudizzjarju, meta jeżisti tali rekwiżit taħt il-liġi nazzjonali.

Kull proċedura bħal din għandha tkun ġusta, retta, f’waqtha u ma tiswiex tant li tkun projbittiva.

5.   Sabiex iżidu l-effettività tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitpoġġew għad-disponibbilità tal-pubbliku tagħrif prattiku dwar l-aċċess għall-proċeduri ta’ stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju.”

Id-dritt Awstrijak

10

L-Artikolu 3 tal-Liġi dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (Umweltverträglichkeitsprüfungsgesetz), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (BGB1. I, 87/2009, iktar ’il quddiem l-“UVP-G 2000”), jipprovdi, fil-paragrafu 7 tiegħu:

“L-awtorità għandha tikkonstata, fuq talba tal-applikant għall-proġett, ta’ awtorità involuta jew tal-Ombudsman għall-ambjent [l-Umweltanwalt], jekk, fil-każ ta’ proġett partikolari, għandhiex issir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont din il-Liġi Federali […]. Id-deċiżjoni għandha tittieħed f’terminu ta’ sitt xhur, kemm fl-ewwel kif ukoll fit-tieni istanza. L-applikant għall-proġett, l-awtorità involuta, l-Ombudsman għall-ambjent [l-Umweltanwalt] u l-komun ikkonċernat huma kkunsidrati bħala partijiet. […] Il-kontenut essenzjali tad-deċiżjonijiet kif ukoll il-motivi essenzjali għandhom jiġu ppubblikati mill-awtorità b’mod xieraq jew għandhom ikunu aċċessibbli għall-konsultazzjoni mill-pubbliku. Il-komun ikkonċernat jista’ jippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof. [....]”

11

Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li, sussegwentement għall-fatti fil-kawża pendenti quddiemha, l-UVP-G 2000 ġiet emendata b’liġi (BGBl. I no 77/2012), li introduċiet il-paragrafu 7a f’dan l-Artikolu 3, sabiex toħloq dritt għal azzjoni legali favur l-organizzazzjonijiet ambjentali approvati kontra d-deċiżjonijiet deklaratorji negattivi fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

12

L-Artikolu 74(2) tal-Kodiċi dwar l-eżerċizzju tal-professjonijiet artiġjanali, kummerċjali u industrijali (iktar ’il quddiem il-“Gewerbeordnung”) tal-1994 jipprovdi:

“2)   L-installazzjonijiet għal użu industrijali jew kummerċjali jistgħu jinbnew u jiġu operati biss bl-awtorizzazzjoni tal-awtorità meta, minħabba l-użu ta’ magni u ta’ apparat, minħabba l-mod kif jiġu operati, minħabba t-tagħmir tagħhom jew minħabba raġunijiet oħra, ikunu ta’ natura li:

1.

jipperikolaw il-ħajja jew is-saħħa [...] tal-ġirien [...], il-proprjetà tagħhom jew drittijiet in rem oħra tagħhom; [...]

2.

jikkawżaw inkonvenjenzi lill-ġirien minħabba r-riħa, il-ħoss, id-duħħan, it-trab, it-theżżiż jew kwalunkwe inkonvenjent ieħor [...]”.

13

Skont l-Artikolu 75(2) tal-Gewerbeordnung, jikkostitwixxu ġirien il-persuni kollha li jistgħu jkunu pperikolati, li lilhom jistgħu jkunu kkawżati inkonvenjenzi, jew li l-proprjetà jew drittijiet in rem oħra tagħhom jistgħu jkunu ppreġudikati mill-bini, mill-eżistenza jew mill-operat ta’ installazzjoni.

14

L-Artikolu 77(1) tal-Gewerbeordnung jipprovdi li “[a]wtorizzazzjoni għall-installazzjoni għandha tingħata meta [...] ikun jista’ jitqies li [...] it-tqegħid f’perikolu fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 74(2) li jkun jista’ jiġi previst fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami jkun jista’ jiġi evitat u meta l-inkonvenjenzi, id-danni jew l-impatti negattivi fis-sens tal-punti 2 sa 5 tal-Artikolu 74(2) ikunu jistgħu jiġu limitati għal portata raġonevoli”.

15

Skont l-Artikolu 356(1) tal-Gewerbeordnung, meta jkun previst smigħ, l-awtorità għandha tikkomunika lill-ġirien is-suġġett, il-ħin u l-post fejn ikun ser jinżamm is-smigħ, kif ukoll il-kundizzjonijiet sabiex tinżamm il-kwalità ta’ parti.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Fil-21 ta’ Frar 2012, l-UVK ta lil EMA, bis-saħħa tal-Gewerbeordnung, awtorizzazzjoni għall-bini u l-operat ta’ ċentru kummerċjali fi Klagenfurt am Wörthersee (l-Awstrija), bi spazju tal-art utilizzabbli ta’ 11437,58 m2, fuq art li tmiss ma’ proprjetà immobbli li tappartjeni lil K. Gruber.

17

K. Gruber ippreżentat rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju minħabba, b’mod partikolari, li kien hemm lok li din l-awtorizzazzjoni tkun suġġetta għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (iktar ’il quddiem l-“EEA”), skont l-UVP-G 2000.

18

Insostenn ta’ dan ir-rikors, hija invokat l-illegalità tad-deċiżjoni tal-gvern tal-Land ta’ Kärnten, tal-21 ta’ Lulju 2010, deċiżjoni dikjaratorja fir-rigward tal-EEA, li permezz tagħha dan il-gvern qies, fuq il-bażi tal-Artikolu 3(7) tal-UVP-G 2000, li ma kienx hemm lok li titwettaq EEA fir-rigward tal-proġett inkwistjoni.

19

Skont l-oġġezzjonijiet imqajma minn K. Gruber fit-8 ta’ Marzu 2011, din id-deċiżjoni dikjaratorja fir-rigward tal-EEA tista’ tiġi kkontestata fid-dawl tal-ineżattezza tad-data u tal-qisien ikkunsidrati għall-finijiet tal-kalkolu tal-assenza ta’ riskju għas-saħħa kkawżat mill-imsemmi ċentru kummerċjali. Barra minn hekk, K. Gruber, li ma għandhiex dritt għal azzjoni legali fil-kwalità tagħha ta’ ġara kontra din it-tip ta’ deċiżjoni, indikat lill-qorti tar-rinviju li kien biss wara l-adozzjoni tagħha li kienet ingħatat kopja ta’ din id-deċiżjoni.

20

L-UVK isostni li d-deċiżjoni dikjaratorja fir-rigward tal-EEA saret definittiva, minħabba li ma kinitx ġiet ikkontestata fit-termini għall-preżentata ta’ rikors mill-persuni li għandhom dritt jikkontestawha. Skont l-UVK, fid-dawl tal-effett vinkolanti ta’ din id-deċiżjoni, huwa kien marbut minnha u ma seta’ jwettaq ebda evalwazzjoni fuq il-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni fil-kuntest tal-proċedura għall-ħruġ tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.

21

Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li għalkemm il-Gewerbeordnung jagħti lill-ġirien il-possibbiltà li jqajmu oġġezzjonijiet matul il-proċedura għall-awtorizzazzjoni ta’ bini u ta’ operat ta’ installazzjoni għal użu kummerċjali jew li jippreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni finali ta’ bini u ta’ operat, meta din l-installazzjoni tipperikola l-ħajja tagħhom, is-saħħa tagħhom jew il-proprjetà tagħhom, dawn il-ġirien madankollu ma għandhomx il-possibbiltà li jippreżentaw direttament rikors kontra d-deċiżjoni preliminari ta’ gvern li ma titwettaqx EEA fir-rigward tal-imsemmija installazzjoni.

22

Dik il-qorti tindika li l-Artikolu 3(7) tal-UVP-G 2000 jirriżerva l-kwalità ta’ partijiet lill-applikant għall-proġett, lill-awtorità involuta, lill-Ombudsman għall-ambjent u lill-komun ikkonċernat biss, u, għaldaqstant, il-possibbiltà li jagħmlu intervent matul il-proċedura għat-tfassil tad-deċiżjoni dikjaratorja fir-rigward tal-EEA u li jippreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni.

23

Il-qorti tar-rinviju tispjega li, minkejja l-fatt li l-ġirien tal-proġett, bħalma hija K. Gruber, ma għandhomx il-kwalità ta’ partijiet fil-proċedura li twassal għal deċiżjoni dikjaratorja fir-rigward tal-EEA, dawn huma marbuta, bħalma huma l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali, minn tali deċiżjoni li tkun saret definittiva.

24

Dik il-qorti għandha dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-effett vinkolanti li għandhom id-deċiżjonijiet dikjaratorji fir-rigward tal-EEA fil-proċeduri ulterjuri.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“”1)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva [2011/92], b’mod partikolari l-Artikolu 11 tagħha, jipprekludi sitwazzjoni legali nazzjonali li tipprovdi li, deċiżjoni li tikkonstata li ma hemmx lok li ssir [EEA] fir-rigward ta’ proġett partikolari, torbot ukoll lill-ġirien li ma kinux partijiet fil-proċedura preċedenti għal deċiżjoni deklaratorja u tista’ tiġi invokata kontrihom fi proċedura sussegwenti għal awtorizzazzjoni, anki jekk dawn għandhom il-possibbiltà li jqajmu l-oġġezzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-proġett matul l-imsemmija proċedura għal awtorizzazzjoni (f’dan is-sens l-oġġezzjoni fil-kawża prinċipali tkun dik li l-effetti tal-proġett jippreġudikaw il-ħajja, is-saħħa jew il-proprjetà tagħhom jew li huma jġarrbu dannu irraġonevoli minħabba r-riħa, il-ħoss, id-duħħan, it-traffiku, it-trab, it-theżżiż jew kwalunkwe inkonvenjent ieħor)?

2)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 2011/92/UE, permezz tal-applikazzjoni diretta tagħha, jeżiġi li jiġi kkonstatat in-nuqqas tal-effett vinkolanti msemmi fl-ewwel domanda?”

Fuq id-domandi preliminari

26

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li K. Gruber ippreżentat rikors kontra deċiżjoni tal-UVK tal-21 ta’ Frar 2012. F’dik id-data, id-Direttiva 2011/92 kienet diġà daħlet fis-seħħ. Għaldaqstant hija applikabbli għall-kawża ineżami.

27

Madankollu, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, din il-persuna tikkontesta fil-mertu d-deċiżjoni dikjaratorja fir-rigward tal-EEA adottata fil-21 ta’ Lulju 2010 mill-gvern tal-Land ta’ Kärnten. B’hekk, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-pożizzjoni legali ta’ K. Gruber, f’dik id-data, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), kif emendata bid-Direttiva 2003/35.

28

Fi kwalunkwe każ, id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 85/337 u 2011/92 li huma jew li jistgħu jkunu rilevanti għall-kawża ineżami huma sostanzjalment identiċi. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1, 2, 4 u 11 tad-Direttiva 2011/92, iċċitati fil-punti 6 sa 9 ta’ din is-sentenza, jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1, 2, 4 u 10a tad-Direttiva 85/337.

29

Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li deċiżjoni amministrattiva, li tikkonstata li ma hemmx lok li titwettaq EEA fir-rigward ta’ proġett, għandha effett vinkolanti fir-rigward tal-ġirien, bħalma hija K. Gruber, li kienu esklużi mid-dritt għal azzjoni legali kontra l-imsemmija deċiżjoni amministrattiva.

30

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2011/92, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, inkonformità mal-qafas legali f’dan il-qasam, li l-membri tal-“pubbliku kkonċernat” li jew ikollhom interess ġuridiku suffiċjenti jew li jsostnu ksur ta’ dritt, meta d-dritt amministrattiv proċedurali ta’ Stat Membru jimponi tali kundizzjoni, ikunu jistgħu jippreżentaw rikors kontra d-deċiżjonijiet, atti jew ommissjonijiet koperti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/92 sabiex jikkontestaw il-legalità sostanzjali u proċedurali tagħhom.

31

Skont id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2011/92, il-“pubbliku kkonċernat” huwa l-pubblika li huwa affettwat jew li jista’ jkun affettwat mill-proċedura deċiżjonali fil-qasam tal-EEA jew li għandu interess x’jinvoka f’dan il-kuntest.

32

Minn dan jirriżulta li mhux il-persuni fiżiċi, il-persuni ġuridiċi jew organizzazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “pubbliku kkonċernat” għandu jkollhom dritt għal azzjoni legali fis-sens tal-imsemmi Artikolu 11, iżda biss dawk li jkollhom interess ġuridiku suffiċjenti jew, jekk ikun il-każ, li jkunu qegħdin jinvokaw ksur ta’ dritt.

33

L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2011/92 jidentifika żewġ ipoteżijiet fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi tal-membri tal-“pubbliku kkonċernat” fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva. F’dan is-sens, l-ammissibbiltà ta’ rikors tista’ tkun suġġetta jew għall-eżistenza ta’ “interess [ġuridiku] suffiċjenti”, jew għall-eżistenza ta’ “ksur ta’ dritt”, skont jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tidentifikax waħda jew l-oħra minn dawn il-kundizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen, C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 38).

34

Sabiex id-Direttiva 85/337 tiġi allineata “kif jixraq” mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, inkonformità mal-premessa 5 tad-Direttiva 2003/35, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, li għalih jikkorrispondi l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2011/92, jirriproduċi fi kliem kważi identiċi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(2) ta’ din il-konvenzjoni u, għaldaqstant, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għanijiet tal-imsemmija konvenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen, C-115/09, EU:C:2011:289, punt 41).

35

Skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-Gwida għall-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tinterpreta l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2011/92 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Solvay et, C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 28), iż-żewġ possibbiltajiet fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikorsi previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(2) ta’ din il-konvenzjoni jikkostitwixxu żewġ rimedji ekwivalenti fir-rigward tad-differenzi bejn is-sistemi ġuridiċi tal-partijiet fl-imsemmija konvenzjoni li huma intiżi sabiex jintlaħaq l-istess riżultat.

36

L-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2011/92 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw x’jikkostitwixxi interess ġuridiku suffiċjenti jew ksur ta’ dritt, inkonformità mal-għan li l-pubbliku kkonċernat jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja. F’dan ir-rigward, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprovdi li dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti jew ksur ta’ dritt għandu jiġi ddeterminat “skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u b’mod konformi mal-għan li l-pubbliku kkonċernat jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja”. Din il-kundizzjoni għall-ammissibbiltà għandha tiġi implementata mid-dritt nazzjonali, fl-osservanza ta’ dan l-għan.

37

Għandu jitfakkar ukoll li, meta, fl-assenza ta’ regoli stabbiliti f’dan il-qasam mid-dritt tal-Unjoni, l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru jkollu jidentifika l-qrati kompetenti u jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi maħsuba sabiex jitħarsu d-drittijiet li l-individwi jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw rikorsi simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jagħmlu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen, C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 43).

38

B’hekk, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jiddeterminaw x’jikkostitwixxi “interess [ġuridiku] suffiċjenti” jew “ksur ta’ dritt” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen, C-115/09, EU:C:2011:289, punt 55, kif ukoll Gemeinde Altrip et, C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 50).

39

Madankollu, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2011/92 kif ukoll mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jirriżulta li l-limiti tal-imsemmi marġni ta’ diskrezzjoni jinsabu fl-osservanza tal-għan li jiġi żgurat aċċess wiesa’ għall-ġustizzja lill-pubbliku kkonċernat.

40

Għaldaqstant, għalkemm huwa possibbli għal-leġiżlatur nazzjonali, b’mod partikolari, li jillimita d-drittijiet li l-ksur tagħhom ikun jista’ jiġi invokat minn individwu fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju kontra wieħed jew waħda mill-atti, deċiżjonijiet jew ommissjonijiet koperti msemmija fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 għad-drittijiet suġġettivi pubbliċi biss, jiġifieri d-drittijiet individwali li jistgħu, skont id-dritt nazzjonali, jiġu kklassifikati bħala drittijiet suġġettivi pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen, C-115/09, EU:C:2011:289, punti 36 u 45), id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu dwar id-drittijiet ta’ azzjoni legali tal-membri tal-pubbliku kkonċernat mid-deċiżjonijiet, mill-atti jew mill-ommissjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv.

41

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li K. Gruber hija “ġara”, fis-sens tal-Artikolu 75(2) tal-Gewerbeordnung, kunċett li jkopri l-persuni li jistgħu jkunu pperikolati, li lilhom jistgħu jkunu kkawżati inkonvenjenzi, jew li l-proprjetà jew drittijiet in rem oħra tagħhom jistgħu jkunu ppreġudikati mill-bini, mill-eżistenza jew mill-operat ta’ installazzjoni.

42

Fid-dawl tat-termini ta’ din id-dispożizzjoni, jidher li l-persuni li huma koperti mill-kunċett ta’ “ġar” jistgħu jkunu parti mill-“pubbliku kkonċernat”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2011/92. Issa, dawn il-“ġirien” għandhom biss dritt għal azzjoni legali kontra l-awtorizzazzjoni ta’ bini jew ta’ operat ta’ installazzjoni. Peress li ma humiex partijiet fil-proċedura li twassal għall-konstatazzjoni ta’ jekk ikunx meħtieġ li titwettaq EEA, huma lanqas ma jistgħu jikkontestaw din id-deċiżjoni fil-kuntest ta’ eventwali rikors kontra d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni. B’hekk, billi tillimita d-dritt għal azzjoni legali kontra d-deċiżjonijiet li jikkonstataw jekk huwiex meħtieġ li titwettaq EEA ta’ proġett għall-applikanti għall-proġett, għall-awtoritajiet involuti, għall-Ombudsman għall-ambjent (Umweltanwalt) u għall-komun ikkonċernat biss, l-UVP‑G 2000 iċċaħħad mill-benefiċċju ta’ dan id-dritt għal azzjoni legali lil numru kbir ħafna ta’ individwi, inkluż b’mod partikolari lill-“ġirien” li jistgħu eventwalment jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2011/92.

43

Din l-esklużjoni ta’ natura kważi ġenerali tillimita l-portata tal-imsemmi Artikolu 11(1) u hija għalhekk inkompatibbli mad-Direttiva 2011/92.

44

Minn dan isegwi li deċiżjoni amministrattiva li ma titwettaqx EEA meħuda fuq il-bażi ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax tipprekludi lil individwu, li jagħmel parti mill-“pubbliku kkonċernat” fis-sens ta’ din id-direttiva u li jissodisfa l-kriterji previsti mid-dritt nazzjonali fir-rigward tal-“interess [ġuridiku] suffiċjenti” jew, skont il-każ, fir-rigward tal-“ksur ta’ dritt”, milli jikkontesta din l-istess deċiżjoni amministrattiva fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat jew kontra tagħha jew kontra deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ulterjuri.

45

Għandu jiġi osservat li l-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-Direttiva 2011/92 ma tillimitax id-dritt tal-Istat Membru li jiddetermina x’jikkostitwixxi, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu, “interess [ġuridiku] suffiċjenti jew “ksur ta’ dritt”, u dan anki fir-rigward tal-individwi li jagħmlu parti mill-“pubbliku kkonċernat”, inklużi l-ġirien li, bħala prinċipju, għandu jkollhom il-possibbiltà li jippreżentaw rikors.

46

Sabiex rikors ippreżentat minn individwu jkun ammissibbli, il-kriterji previsti mid-dritt nazzjonali konformi mad-Direttiva 2011/92 dwar l-“interess [ġuridiku] suffiċjenti” jew dwar il-“ksur ta’ dritt” għandhom ikunu ssodisfatti u għandhom ikunu kkonstatati mill-qorti nazzjonali. F’tali każ, għandha tiġi kkonstatata wkoll l-assenza tal-effett vinkolanti tad-deċiżjoni amministrattiva dwar il-ħtieġa li titwettaq EEA.

47

Minkejja l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu Stat Membru bis-saħħa tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2011/92, li jipprovdi li EEA tista’ tiġi integrata fil-proċeduri eżistenti għall-awtorizzazzjoni tal-proġetti jew, fl-assenza ta’ tali proċeduri, fi proċeduri oħra li jissodisfaw l-għanijiet ta’ din id-direttiva, għandu jitfakkar li proċedura bħal dik irregolata b’mod partikolari mill-Artikoli 74(2) u 77(1) tal-Gewerbeordnung ma hijiex ta’ natura li tissodisfa r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-EEA.

48

Jidher li d-dispożizzjonijiet tal-Gewerbeordnung jipprevedu, favur il-ġirien, il-possibbiltà li jqajmu oġġezzjonijiet matul il-proċedura għall-awtorizzazzjoni ta’ installazzjoni għal użu industrijali jew kummerċjali meta l-kostruzzjoni ta’ tali installazzjoni tista’ tipperikola l-ħajja tagħhom, is-saħħa tagħhom jew il-proprjetà tagħhom, jew tista’ tikkawżalhom inkonvenjenzi.

49

Madankollu, tali proċedura hija maħsuba prinċipalment sabiex tipproteġi l-interess privat tal-individwi u ma għandhiex għanijiet speċifiċi ambjentali fl-interess tas-soċjetà.

50

Għalkemm huwa possibbli li l-proċedura ta’ EEA tiġi integrata fi proċedura amministrattiva oħra, huwa meħtieġ li, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 57 u 58 tal-konklużjonijiet tagħha, din il-proċedura tosserva r-rekwiżiti kollha li jirriżultaw mill-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva 2011/92, punt dan li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju. Fi kwalunkwe każ, il-membri tal-“pubbliku kkonċernat” li jissodisfaw il-kriterji previsti mid-dritt nazzjonali fir-rigward tal-“interess [ġuridiku] suffiċjenti” jew, skont il-każ, fir-rigward tal-“ksur ta’ dritt” għandhom ikunu jistgħu jippreżentaw rikors kontra deċiżjoni li ma titwettaqx EEA fil-kuntest ta’ tali proċedura.

51

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li deċiżjoni amministrattiva, li tikkonstata li ma hemmx lok li titwettaq EEA fir-rigward ta’ proġett, għandha effett vinkolanti fir-rigward tal-ġirien esklużi mid-dritt għal azzjoni legali kontra l-imsemmija deċiżjoni amministrattiva, u dan bil-kundizzjoni li dawn il-ġirien, li jagħmlu parti mill-“pubbliku kkonċernat” fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, jissodisfaw il-kriterji previsti mid-dritt nazzjonali fir-rigward tal-“interess [ġuridiku] suffiċjenti” jew fir-rigward tal-“ksur ta’ dritt”. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta fil-kawża pendenti quddiemha. Fl-affermattiv, hija għandha tikkonstata l-assenza ta’ effett vinkolanti fir-rigward tal-imsemmija ġirien ta’ deċiżjoni amministrattiva li ma titwettaqx tali evalwazzjoni.

Fuq l-ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li deċiżjoni amministrattiva, li tikkonstata li ma hemmx lok li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fir-rigward ta’ proġett, għandha effett vinkolanti fir-rigward tal-ġirien esklużi mid-dritt għal azzjoni legali kontra l-imsemmija deċiżjoni amministrattiva, u dan bil-kundizzjoni li dawn il-ġirien, li jagħmlu parti mill-“pubbliku kkonċernat” fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, jissodisfaw il-kriterji previsti mid-dritt nazzjonali fir-rigward tal-“interess [ġuridiku] suffiċjenti” jew fir-rigward tal-“ksur ta’ dritt”. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta fil-kawża pendenti quddiemha. Fl-affermattiv, hija għandha tikkonstata l-assenza ta’ effett vinkolanti fir-rigward tal-imsemmija ġirien ta’ deċiżjoni amministrattiva li ma titwettaqx tali evalwazzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.