SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
16 ta’ April 2015 ( *1 )
“Rikors għal annullament — Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Issuġġettar ta’ sustanza psikoattiva ġdida għal miżuri ta’ kontroll — Determinazzjoni tal-bażi legali — Qafas legali applikabbli wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona — Dispożizzjonijiet tranżitorji — Bażi legali sekondarja — Konsultazzjoni tal-Parlament”
Fil-Kawżi magħquda C‑317/13 u C‑679/13,
li għandha bħala suġġett żewġ rikorsi għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentati fis-7 ta’ Ġunju u fid-19 ta’ Diċembru 2013, rispettivament,
Il‑Parlament Ewropew, irrappreżentat minn F. Drexler, A. Caiola u M. Pencheva, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrent,
vs
Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn K. Pleśniak u A. F. Jensen, bħala aġenti,
konvenut,
sostnut minn:
Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn C. Pesendorfer, bħala aġent,
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, K. Jürimäe, J. Malenovský, M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Wahl,
Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Novembru 2014,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Jannar 2015,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikorsi tiegħu fil-Kawżi C‑317/13 u C‑679/13, il-Parlament Ewropew jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/129/UE, tas-7 ta’ Marzu 2013, li tissottoponi lill-4-metilamfetammina għal miżuri ta’ kontroll (ĠU L 72, p. 11), u tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/496/UE, tas-7 ta’ Ottubru 2013, dwar l-issuġġettar ta’ 5‑(2‑aminnopropil)indol għal miżuri ta’ kontroll (ĠU L 272, p. 44), rispettivament, iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”). |
Il-kuntest ġuridiku
2 |
Il-premessa 14 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI, tal-10 ta’ Mejju 2005, dwar l-iskambju ta’ informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda (ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 30), taqra kif ġej: “F’konformità ma’ l-Artikolu 34(2) (ċ) [UE], miżuri bbażati fuq din id-Deċiżjoni jistgħu jittieħdu b’maġġoranza kwalifikata billi dawn il-miżuri huma meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.” |
3 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi: “Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi mekkaniżmu għal skambju rapidu ta’ informazzjoni dwar sustanzi psikoattivi ġodda. [...] Din id-Deċiżjoni tipprovdi wkoll għal valutazzjoni tar-riskji assoċjati ma’ dawn is-sustanzi psikoattivi ġodda sabiex tippermetti li l-miżuri applikabbli fl-Istati Membri għall-kontroll ta’ sustanzi narkotiċi u psikotropiċi japplikaw bl-istess mod għal sustanzi psikoattivi ġodda.” |
4 |
L-Artikolu 6 tal-imsemmija deċiżjoni jipprovdi li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jista’ jitlob li jitħejja Rapport dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji marbuta ma’ sustanza psikoattiva ġdida. |
5 |
L-Artikolu 8 tal-istess deċiżjoni, intitolat “Proċedura biex sustanzi psikoattivi speċifiċi ġodda jinġiebu taħt kontroll”, jaqra kif ġej: “1. Fi żmien sitt ġimgħat mid-data ta’ riċevuta tar-Rapport dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kunsill inizjattiva biex is-sustanza psikoattiva ġdida tiġi soġġetta għal miżuri ta’ kontroll. [...] 2. Fil-każ li l-Kummissjoni jidhrilha li ma jinħtieġx li tippreżenta inizjattiva biex is-sustanza psikoattiva ġdida tkun sottomessa għal miżuri ta’ kontroll, tali inizjattiva tista’ tiġi ppreżentata lill-Kunsill minn Stat Membru wieħed jew aktar, preferibbilment mhux aktar tard minn sitt ġimgħat mid-data meta l-Kummissjoni tkun ippreżentat ir-rapport tagħha lill-Kunsill. 3. Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata u fuq l-inizjattiva ppreżentata bis-saħħa tal-paragrafu 1 jew 2, abbażi ta’ l-Artikolu 34(2) (ċ) [UE], jekk għandux jissottometti s-sustanza psikoattiva għal miżuri ta’ kontroll.” |
Id-deċiżjonijiet ikkontestati
6 |
Id-Deċiżjoni 2013/129, li l-bażijiet legali tagħha huma t-TFUE u d-Deċiżjoni 2005/387, b’mod partikolari l-Artikolu 8(3) ta’ din tal-aħħar, tipprovdi, fl-Artikolu 1 tagħha, li s-sustanza psikoattiva ġdida 4-metilamfetammina hija suġġetta għal miżuri ta’ kontroll fl-Unjoni kollha. |
7 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi li, sa mhux iktar tard mis-17 ta’ Marzu 2014, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jissuġġettaw din is-sustanza għall-miżuri ta’ kontroll u għall-pieni kriminali previsti mil-leġiżlazzjoni tagħhom. |
8 |
Id-Deċiżjoni 2013/496, li l-bażijiet legali tagħha huma wkoll it-TFUE u d-Deċiżjoni 2005/387, b’mod partikolari l-Artikolu 8(3) ta’ din tal-aħħar, tispeċifika, fl-Artikolu 1 tagħha, li s-sustanza psikoattiva ġdida 5-(2-aminnopropil)indol hija suġġetta għal miżuri ta’ kontroll fl-Unjoni kollha. |
9 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi li, sa mhux iktar tard mit-13 ta’ Ottubru 2014, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jissuġġettaw din is-sustanza għall-miżuri ta’ kontroll u għall-pieni kriminali previsti mil-leġiżlazzjoni tagħhom. |
It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
10 |
Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
11 |
Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
12 |
B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Marzu 2014, il-Kawżi C‑317/13 u C‑679/13 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza. |
13 |
B’deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Ottubru 2014 u tat-28 ta’ April 2014, ir-Repubblika tal-Awstrija ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill fil-Kawżi C‑317/13 u C‑679/13. |
Fuq ir-rikorsi
14 |
Il-Parlament jinvoka żewġ motivi insostenn tar-rikorsi tiegħu, li huma bbażati fuq l-għażla ta’ bażi legali mħassra jew illegali u fuq ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali minħabba l-assenza ta’ parteċipazzjoni tal-Parlament fil-proċedura għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, rispettivament. |
Fuq l-ammissibbiltà ta ’ wħud mill-motivi jew mill-argumenti invokati mill-Parlament fil-Kawża C‑679/13
L-argumenti tal-partijiet
15 |
Il-Kunsill jidhirlu li wħud mill-motivi jew mill-argumenti invokati mill-Parlament fil-Kawża C‑679/13 għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli peress li ma humiex ċari u preċiżi. Dan huwa l-każ tal-motivi jew tal-argumenti li jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 39(1) UE, l-għażla ta’ bażi legali mħassra, il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ekwilibriju istituzzjonali u l-fatt li d-deċiżjonijiet ikkontestati jemendaw element essenzjali tad-Deċiżjoni 2005/387. |
16 |
Il-Parlament isostni li r-rikors promotur fil-Kawża C‑679/13 huwa suffiċjentement ċar u preċiż. F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar speċifiku, l-affermazzjoni li d-deċiżjonijiet ikkontestati jemendaw element essenzjali tad-Deċiżjoni 2005/387, il-Parlament jenfasizza li ftit jimporta li jiġi ddeterminat jekk dan huwiex tabilħaqq il-każ, peress li, fi kwalunkwe każ, dan il-fatt ma għandu ebda effett fuq il-proċedura li messha ġiet segwita għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2013/496. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
17 |
Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 120(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-ġurisprudenza relatata miegħu, kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tat-tilwima, il-motivi u l-argumenti invokati u espożizzjoni sommarja ta’ dawn il-motivi. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed li tippermetti lill-konvenut li jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess u li t-talbiet tar-rikors għandhom ikunu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi dwar ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ir-Renju Unit vs Il‑Kunsill, C‑209/13, EU:C:2014:283, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
18 |
F’dan il-każ, il-preżentazzjoni tal-ewwel tliet motivi jew argumenti tar-rikors fil-Kawża C‑679/13 li l-Kunsill jilmenta min-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tagħhom tissodisfa tali rekwiżiti. B’mod partikolari, hija ppermettiet lill-Kunsill iħejji difiża relatata ma’ dawn il-motivi jew ma’ dawn l-argumenti u tqiegħed lill-Qorti tal-Ġustizzja f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fir-rigward tad-Deċiżjoni 2013/396. |
19 |
F’dak li jirrigwarda l-aħħar wieħed minn dawn il-motivi jew minn dawn l-argumenti, għandu jiġi rrilevat, fi kwalunkwe każ, li l-Parlament jirrikonoxxi, fir-replika tiegħu, li l-legalità tad-Deċiżjoni 2013/496 ma tiddependix mill-fondatezza ta’ dan l-argument. Għaldaqstant, dan ma huwiex motiv jew argument li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tiddeċiedi dwaru. |
20 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li tirrigwarda l-allegat nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni ta’ ċerti elementi tar-rikors fil-Kawża C‑379/13 għandha tiġi miċħuda. |
21 |
Għaldaqstant, peress li l-bażi legali ta’ att tiddetermina l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-adozzjoni tiegħu (sentenzi Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑130/10, EU:C:2012:472, punt 80, u Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 57), għandhom jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, l-ewwel motiv tal-Kawża C‑317/13 u t-tieni motiv tal-Kawża C‑679/13, li huma bbażati fuq l-għażla ta’ bażi legali mħassra jew illegali. |
Fuq l-ewwel motiv tal-Kawża C‑317/13 u t-tieni motiv tal-Kawża C‑679/13, ibbażati fuq l-għażla ta ’ bażi legali mħassra jew illegali
Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv tal-Kawża C‑317/13 u tat-tieni motiv tal-Kawża C‑679/13, ibbażata fuq l-għażla ta’ bażi legali mħassra
– L-argumenti tal-partijiet
22 |
Il-Parlament isostni li r-riferiment għat-Trattat FUE fid-deċiżjonijiet ikkontestati huwa ġenerali wisq sabiex iservi ta’ bażi legali għalihom u li l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni 2005/387 ma jistax jitqies li huwa bażi legali vera u proprja. |
23 |
Fil-fatt, din id-dispożizzjoni sempliċement tagħmel riferiment għall-Artikolu 34(2)(ċ) UE, li kienet tikkostitwixxi l-unika bażi legali possibbli għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni fil-kuntest tat-“tielet pilastru” l-antik. |
24 |
Konsegwentement, skont il-Parlament, il-bażi legali użata mill-Kunsill hija l-Artikolu 34(2)(ċ) UE. Issa peress li dan l-Artikolu 34 tħassar mit-Trattat ta’ Lisbona, ma jistax iservi iktar ta’ bażi legali għall-adozzjoni ta’ atti ġodda. Il-fatt li dispożizzjoni tad-dritt sekondarju tirreferi għall-imsemmi Artikolu 34 huwa irrilevanti f’dan ir-rigward, peress li din id-dispożizzjoni għandha titqies li ma baqgħetx applikabbli minħabba d-dħul fis-seħħ ta’ dan it-trattat. |
25 |
Il-Kunsill jispeċifika li huwa adotta d-deċiżjonijiet ikkontestati abbażi tal-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni 2005/387, moqri flimkien mal-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji (iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji”). F’dan ir-rigward, huwa jenfasizza li l-bażi legali tad-deċiżjonijiet ikkontestati la hija t-Trattat UE, b’mod ġenerali, u lanqas l-Artikolu 34(2)(ċ) UE, b’mod partikolari. |
26 |
Barra minn hekk, huwa jsostni, li, wara li tħassar l-Artikolu 34 UE, ir-riferiment għal dan l-artikolu li jinsab fl-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni 2005/387 ma jipproduċix effetti legali iktar u li din id-dispożizzjoni tal-aħħar saret bażi legali awtonoma li tagħti setgħat ta’ implementazzjoni lill-Kunsill. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
27 |
Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-ewwel parti tal-ewwel motiv tal-Kawża C‑317/13 u tat-tieni motiv tal-Kawża C‑679/13, għandha tiġi ddeterminata l-bażi legali li fuqha ġew adottati d-deċiżjonijiet ikkontestati. |
28 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-deċiżjonijiet ma jirreferux għall-Artikolu 34 UE u li l-kunsiderazzjonijiet tagħhom jirreferu espliċitament għat-Trattat FUE u għall-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni 2005/387. |
29 |
Għaldaqstant, fid-dawl tal-kliem tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li, sabiex jiġi ssodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu, bħala prinċipju, isemmi l-bażi legali li fuqha dawn tal-aħħar huma bbażati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punti 39 u 55), ma jistax jitqies li dawn id-deċiżjonijiet huma bbażati fuq l-Artikolu 34 UE. |
30 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li ebda element ieħor tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma jindika li l-Kunsill kellu l-intenzjoni li juża dan l-Artikolu 34 bħala bażi legali ta’ dawn id-deċiżjonijiet. |
31 |
B’mod partikolari, f’dan ir-rigward, ir-riferiment magħmul mill-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni 2005/387 għall-Artikolu 34(2)(ċ) UE huwa irrilevanti, peress li l-għażla espliċita tal-Kunsill li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, isemmi mhux din id-dispożizzjoni tal-aħħar iżda t-Trattat FUE u l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni 2005/387 tindika b’mod ċar li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma bbażati fuq din id-dispożizzjoni tal-aħħar bħala tali. |
32 |
Minn dan isegwi li t-tħassir tal-Artikolu 34 UE mit-Trattat ta’ Lisbona ma jċaħħadx lid-deċiżjonijiet ikkontestati mill-bażi legali tagħhom. |
33 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-ewwel parti tal-ewwel motiv tal-Kawża C‑317 u tat-tieni motiv tal-Kawża C‑679/13 għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv tal-Kawża C‑317/13 u tat-tieni motiv tal-Kawża C‑679/13, ibbażata fuq l-għażla ta’ bażi legali illegali
– L-argumenti tal-partijiet
34 |
Il-Parlament iqis li, fil-każ li jitqies li l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni 2005/387 huwa l-bażi legali tad-deċiżjonijiet ikkontestati, din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi bażi legali sekondarja illegali, li fuqha dawn id-deċiżjonijiet ma jistgħux jiġu bbażati validament. |
35 |
Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ħolqien ta’ bażi legali sekondarja li ddgħajjef il-modalitajiet ta’ adozzjoni ta’ att huwa inkompatibbli mat-Trattati. Dan huwa l-każ tal-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni 2005/387, peress li ma jipprevedix il-konsultazzjoni tal-Parlament minkejja li din tal-aħħar kienet imposta mill-Artikolu 39 UE bil-għan li tiġi adottata miżura ta’ implementazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. |
36 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni 2005/387 ma baqax applikabbli wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u jipprevedi deroga illegali mill-proċedura stabbilita minn dan it-trattat għall-adozzjoni ta’ atti ġodda. Tali deroga ma hijiex permessa mill-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, li jimplika biss li l-atti tat-“tielet pilastru” l-antik ma humiex awtomatikament imħassra bid-dħul fis-seħħ tal-imsemmi trattat. |
37 |
Il-Kunsill jikkontesta, prinċipalment, l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni 2005/387 imqajma mill-Parlament. F’dan ir-rigward, huwa jsostni, skont l-Artikolu 10(1) tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, is-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din id-deċiżjoni jibqgħu, sal-1 ta’ Diċembru 2014, dawk li kienu jeżistu qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Issa l-Artikolu 35(6) UE, li dak iż-żmien kien applikabbli, ma kienx jipprevedi l-possibbiltà, għall-Parlament, li jippreżenta rikors għal annullament kontra att adottat fil-kuntest tat-“tielet pilastru” l-antik, bħalma hija l-imsemmija deċiżjoni. Min-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni li kellha l-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mill-Parlament għandha tiġi ddikjarata inammissibbli. |
38 |
Sussidjarjament, il-Kunsill isostni li l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni 2005/387 kien konformi mat-Trattat UE meta ġie adottat. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi sempliċement l-applikazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 34(2)(ċ) UE u għalhekk ma stabbilixxietx proċedura sui generis li teskludi l-konsultazzjoni tal-Parlament. |
39 |
F’dak li jirrigwarda l-effetti tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Kunsill isostni li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji proposta mill-Parlament tipparalizza kull possibbiltà li jiġu adottati miżuri ta’ implementazzjoni previsti fl-atti tat-“tielet pilastru” l-antik, sitwazzjoni li riedu preċiżament jimpedixxu l-awturi tat-Trattati. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
40 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni Ewropea għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, fosthom l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑43/12, EU:C:2014:298, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li ma hemmx nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet dwar ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni 2005/387 u l-għan jew il-kontenut tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Min-naħa l-oħra, il-Parlament jikkontesta l-legalità ta’ din id-dispożizzjoni billi jsostni li hija ddgħajjef il-modalitajiet ta’ adozzjoni tal-miżuri ta’ implementazzjoni tad-Deċiżjoni 2005/387 meta mqabbla mal-proċedura prevista għal dan il-għan mit-Trattati. |
42 |
Issa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, peress li r-regoli dwar il-mod kif l-istituzzjonijiet Komunitarji jaslu għad-deċiżjonijiet tagħhom huma stabbiliti mit-Trattat u la huma għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri u lanqas tal-istituzzjonijiet stess, huma biss it-Trattati li jistgħu, f’każijiet partikolari, jagħtu s-setgħa lil istituzzjoni li temenda proċedura deċiżjonali stabbilita minnhom. Għaldaqstant, ir-rikonoxximent li istituzzjoni tkun tista’ tistabbilixxi bażijiet legali sekondarji, kemm jekk sabiex jissaħħu kemm jekk sabiex jiddgħajfu l-modalitajiet ta’ adozzjoni ta’ att, ikun ifisser li din l-istituzzjoni tkun qed tingħata setgħa leġiżlattiva li teċċedi dak li huwa previst mit-Trattati (ara s-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑133/06, EU:C:2008:257, punti 54 sa 56). |
43 |
Din is-soluzzjoni, adottata fis-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑133/06, EU:C:2008:257) fir-rigward ta’ bażi legali sekondarja li kienet tippermetti l-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi, għandha tiġi applikata wkoll għall-bażijiet legali previsti f’att tad-dritt sekondarju li jippermettu l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni ta’ dan l-att billi jsaħħu jew idgħajfu l-modalitajiet ta’ adozzjoni ta’ tali miżuri previst fit-Trattati. |
44 |
Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li t-Trattati jipprovdu li l-Parlament u l-Kunsill għandhom jiddeterminaw uħud mir-regoli dwar l-eżerċizzju tal-kompetenzi ta’ implementazzjoni mill-Kummissjoni, jibqa’ l-fatt li r-regoli speċifiċi dwar l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni previsti mit-Trattati jorbtu lill-istituzzjonijiet bl-istess mod bħal dawk dwar l-adozzjoni tal-atti leġiżlattivi u li għalhekk ma jistgħux jiġu kontradetti minn atti tad-dritt sekondarju. |
45 |
F’dan il-kuntest, peress li l-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata abbażi tal-elementi ta’ fatt u ta’ liġi kif kienu jeżistu fid-data li fiha ġie adottat dan l-att (ara, b’analoġija, is-sentenzi Gualtieri vs Il-Kummissjoni, C‑485/08 P, EU:C:2010:188, punt 26, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 31, u Schaible, C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 50), il-legalità tal-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni 2005/387 għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet li, fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, kienu jirregolaw l-implementazzjoni tal-atti ġenerali fil-qasam tal-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, jiġifieri l-Artikoli 34(2)(ċ) UE u 39(1) UE. |
46 |
Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata, għandu jadotta, wara li jkun ikkonsulta l-Parlament Ewropew, il-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati fil-kuntest tat-Titolu dwar il-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali. |
47 |
F’dan ir-rigward, huwa minnu li għandu jiġi kkonstatat li l-kliem tal-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni 2005/387 ma jipprevedix obbligu għall-Kunsill li jikkonsulta l-Parlament qabel ma jadotta l-miżuri ta’ implementazzjoni ta’ din id-deċiżjoni previsti minn din id-dispożizzjoni. |
48 |
Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, test tad-dritt sekondarju tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, fis-sens li jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati (sentenza Efir, C‑19/12, EU:C:2013:148, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
49 |
Għaldaqstant, peress li, minn naħa, l-obbligu li att tad-dritt sekondarju jiġi interpretat b’mod konformi mad-dritt primarju jirriżulta mill-prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni li dispożizzjoni għandha tiġi interpretata, sa fejn huwa possibbli, b’mod li ma jqiegħedx fid-dubju l-legalità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punti 47 u 48, u Eżami mill-ġdid Il‑Kummissjoni vs Strack, C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, point 40) u, min-naħa l-oħra, il-legalità tal-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni 2005/387 għandha tiġi evalwata, għar-raġunijiet imfakkra fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 39(1) UE, din id-dispożizzjoni tal-ewwel għandha tiġi interpretata b’mod konformi ma’ din tal-aħħar. |
50 |
Konsegwentement, l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni 2005/387 għandu jiġi interpretat, konformement mal-Artikolu 39(1) UE, fis-sens li jippermetti lill-Kunsill jadotta att għall-finijiet li jissuġġetta sustanza psikoattiva ġdida għal miżuri ta’ kontroll biss wara li jkun ikkonsulta l-Parlament. Minn dan isegwi li għandu jiġi miċħud l-argument tal-Parlament li l-fatt li din id-dispożizzjoni tal-ewwel ma tipprevedix l-obbligu li huwa jiġi kkonsultat jimplika li hija tistabbilixxi modalitajiet ta’ adozzjoni tal-miżuri ta’ implementazzjoni mdgħajfa meta mqabbla mal-proċedura prevista għal dan il-għan fit-Trattat UE. |
51 |
F’dak li jirrigwarda l-argumenti tal-Parlament dwar l-inkompatibbiltà tal-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni 2005/387 mar-regoli proċedurali applikabbli wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, għandu jiġi rrilevat, fi kwalunkwe każ, li l-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji jinkludi dispożizzjonijiet li jirrigwardaw speċifikament is-sistema legali applikabbli, wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan it-trattat, għall-atti adottati abbażi tat-Trattat UE qabel din id-data. |
52 |
Għalhekk, l-Artikolu 9 ta’ dan il-protokoll jipprovdi li l-effetti legali ta’ tali atti għandhom jiġu ppreżervati sakemm dawn l-atti ma jkunux tħassru, ġew annullati jew emendati b’applikazzjoni tat-Trattati. |
53 |
Dan l-artikolu għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-ewwel premessa tal-imsemmi protokoll, li tispeċifika li huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet tranżitorji sabiex tiġi organizzata t-tranżizzjoni bejn id-dispożizzjonijiet istituzzjonali tat-Trattati applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u dawk previsti minn dan it-trattat. |
54 |
Għaldaqstant, peress li t-Trattat ta’ Lisbona emenda sostanzjalment il-qafas istituzzjonali tal-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji għandu jinftiehem, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, fis-sens li jfittex b’mod partikolari li jiżgura li l-atti adottati fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni jkunu jistgħu jkomplu jiġu applikati b’mod effikaċi minkejja l-emenda tal-qafas istituzzjonali tal-imsemmija kooperazzjoni. |
55 |
Issa jekk jintlaqa’ l-argument tal-Parlament li t-tħassir, mit-Trattat ta’ Lisbona, tal-proċeduri speċifiċi għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ implementazzjoni li jaqgħu taħt il-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali jirrendi impossibbli l-adozzjoni ta’ tali miżuri qabel l-atti ġenerali adottati fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni ma jkunu ġew emendati sabiex jiġu adattati għat-Trattat ta’ Lisbona, dan iwassal preċiżament sabiex tiġi kkomplikata, jew saħansitra impedita, l-applikazzjoni effikaċi ta’ dawn l-atti, b’mod li jiġi kompromess it-twettiq tal-għan li l-awturi tat-Trattat ifittxu li jilħqu. |
56 |
Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji proposta mill-Parlament, li skontha dan l-artikolu jimplika biss li l-atti li jaqgħu taħt il-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali ma humiex awtomatikament imħassra wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, iċċaħħad lill-imsemmi artikolu mill-effettività kollha tiegħu. |
57 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dispożizzjoni ta’ att adottat b’mod regolari abbażi tat-Trattat UE qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona li jipprevedi modalitajiet ta’ adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni ta’ dan l-att tkompli tipproduċi l-effetti legali tagħha sakemm ma tkunx tħassret, ġiet annullata jew emendata u tippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni b’applikazzjoni tal-proċedura ddefinita minnha. |
58 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni 2005/387 jipprevedi modalitajiet ta’ adozzjoni tal-miżuri ta’ implementazzjoni msaħħa jew mdgħajfa meta mqabbla mal-proċedura prevista għal dan il-għan mit-Trattat FUE ma jistax jimplika li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi bażi legali sekondarja illegali li l-applikazzjoni tagħha għandha tiġi eskluża permezz ta’ eċċezzjoni. |
59 |
Konsegwentement u f’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tat-tieni parti tal-ewwel motivi tal-Kawża C‑317/13 u tat-tieni motiv tal-Kawża C‑679/13, din tal-aħħar għandha tiġi miċħuda bħala infondata (ara, b’analoġija, is-sentenzi Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑233/02, EU:C:2004:173, punt 26, u Komninou et vs Il-Kummissjoni, C‑167/06 P, EU:C:2007:633, punt 32) u, għaldaqstant, dawn il-motivi għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma. |
Fuq it-tieni motiv tal-Kawża C‑317/13 u l-ewwel motiv tal-Kawża C‑679/13, ibbażati fuq ksur ta ’ forma proċedurali sostanzjali
L-argumenti tal-partijiet
60 |
Il-Parlament isostni li, fil-każ li s-sistema preċedenti għat-Trattat ta’ Lisbona tibqa’ applikabbli f’dan il-każ, huwa kellu jiġi kkonsultat skont l-Artikolu 39(1) UE. |
61 |
Il-Kunsill iqis, għall-kuntrarju, li l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni 2005/387 ma jipprevedi ebda parteċipazzjoni tal-Parlament fl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati u li, wara t-tħassir tal-Artikolu 39 UE mit-Trattat ta’ Lisbona, ma għadx hemm lok li l-Parlament jiġi kkonsultat sabiex jiġu adottati l-miżuri ta’ implementazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. |
62 |
L-Artikolu 10(1) tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji jikkonferma din l-analiżi, sa fejn ma jiċċitax l-Artikolu 39 UE fost id-dispożizzjonijiet li l-effetti tagħhom jinżammu wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. L-inklużjoni, fil-proċedura għall-adozzjoni, ta’ obbligu li l-Parlament jiġi kkonsultat twassal, barra minn hekk, sabiex fil-proċedura prevista fl-Artikolu 291 TFUE jiżdied element li ma huwiex previst fih u b’dan il-mod jitqiegħed fid-dubju l-ekwilibriju istituzzjonali stabbilit mit-Trattat ta’ Lisbona. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
63 |
Għandu jitfakkar li l-konsultazzjoni regolari tal-Parlament fil-każijiet previsti mir-regoli applikabbli tad-dritt tal-Unjoni tikkostitwixxi forma proċedurali sostanzjali li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha twassal għan-nullità tal-att ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑65/93, EU:C:1995:91, punt 21, u Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑417/93, EU:C:1995:127, punt 9). |
64 |
Konsegwentement, peress li mir-risposta mogħtija għall-ewwel motiv tal-Kawża C‑317/13 u għat-tieni motiv tal-Kawża C‑679/13 jirriżulta li l-Kunsill seta’ validament jibbaża d-deċiżjonijiet ikkontestati fuq l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni 2005/387, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Parlament għandux jiġi kkonsultat qabel ma jiġi adottat att abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. |
65 |
F’dan ir-rigward, mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 50 sa 57 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni 2005/387, interpretat konformement mal-Artikolu 39(1) UE, ikompli jipproduċi l-effetti legali tiegħu sakemm ma jkunx tħassar, ġie annullat jew emendat u jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni b’applikazzjoni tal-proċedura ddefinita minnu. Għalhekk, il-Kunsill huwa obbligat jikkonsulta l-Parlament qabel ma jissuġġetta sustanza psikoattiva ġdida għal miżuri ta’ kontroll. |
66 |
Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, it-tħassir tal-Artikolu 39(1) UE mit-Trattat ta’ Lisbona ma jistax iqiegħed fid-dubju dan l-obbligu li l-Parlament jiġi kkonsultat. |
67 |
Fil-fatt, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, it-tħassir tal-Artikolu 39(1) UE wara l-adozzjoni tal-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni 2005/387 ma jistax jelimina l-obbligu li din id-dispożizzjoni tal-aħħar tiġi interpretata konformement mal-Artikolu 39(1) UE. |
68 |
Bl-istess mod, il-fatt li l-Artikolu 291 TFUE ma jipprevedi ebda obbligu li l-Parlament jiġi kkonsultat huwa irrilevanti, peress li l-obbligu li l-Parlament jiġi kkonsultat jikkostitwixxi wieħed mill-effetti legali tad-Deċiżjoni 2005/387 miżmum wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona bis-saħħa tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, kif interpretat fil-punt 57 ta’ din is-sentenza. |
69 |
Issa huwa paċifiku li d-deċiżjonijiet ikkontestati ġew adottati mill-Kunsill mingħajr il-konsultazzjoni minn qabel tal-Parlament. |
70 |
Minn dan isegwi li t-tieni motiv tal-Kawża C‑317/13 u l-ewwel motiv tal-Kawża C‑679/13 huma fondati u li, konsegwentement, id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati. |
Fuq it-talba li jinżammu l-effetti tad-deċiżjonijiet ikkontestati
71 |
Kemm il-Parlament kif ukoll il-Kunsill jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li hija tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati, li żżomm l-effetti ta’ dawn tal-aħħar sakemm jiġu ssostitwiti b’atti ġodda. |
72 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk tikkunsidra li huwa meħtieġ, tiddikjara liema mill-effetti ta’ att annullat għandhom jitqiesu li huma definittivi. |
73 |
F’dan il-każ, deċiżjoni li tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati mingħajr ma tipprevedi ż-żamma tal-effetti tagħhom tista’ tippreġudika l-effikaċja tal-kontroll tas-sustanzi psikoattivi kkonċernati minn dawn id-deċiżjonijiet u, għalhekk, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Issa għalkemm il-Parlament jitlob l-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet għar-raġuni li nkisret forma proċedurali sostanzjali, huwa la jikkontesta l-għan u lanqas il-kontenut tagħhom. |
74 |
Konsegwentement, hemm lok li jinżammu l-effetti tad-deċiżjonijiet ikkontestati sakemm jidħlu fis-seħħ atti ġodda intiżi li jissostitwixxuhom. |
Fuq l-ispejjeż
75 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Parlament. |
76 |
Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli, ir-Repubblika tal-Awstrija għandha tbati l-ispejjeż tagħha. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.