KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fis-26 ta’ Marzu 2015 ( 1 )
Kawża C‑511/13 P
Philips Lighting Poland SA,
Philips Lighting BV
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
“Appell — Dumping — Importazzjoni ta’ lampi fluworexxenti kompatti elettroniċi u integrati (CFL-i) li joriġinaw miċ-Ċina, mill-Vjetnam, mill-Pakistan u mill-Filippini — Regolament (KE) Nru 1205/2007 — Ħsara kkawżata lil industrija Komunitarja — Definizzjoni tal-industrija Komunitarja — Kunċett ta’ ‘proporzjon kbir’ tal-produzzjoni Komunitarja totali”
1. |
Permezz tal-appell tagħhom, Philips Lighting Poland SA ( 2 ) u Philips Lighting BV ( 3 ) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Philips Lighting Poland u Philips Lighting vs Il-Kunsill ( 4 ), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall‑annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1205/2007, tal‑15 ta’ Ottubru 2007, li jimponi dazji antidumping fuq l‑importazzjonijiet ta’ lampi fluworexxenti kompatti elettroniċi u integrati (CFL-i) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni tal‑iskadenza skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 u li jestendi għall-importazzjonijiet tal-istess prodott mibgħuta mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, ir-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan u r-Repubblika tal-Filippini ( 5 ) sa fejn ir‑Regolament Nru 1205/2007 japplika għall-appellanti. |
2. |
Din il-kawża tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar diversi kwistjonijiet tad-dritt delikati u li jirrappreżentaw diffikultajiet sinjifikattivi. Hija tistieden li tingħata deċiżjoni rispettivament:
|
3. |
F’dawn il-konklużjonijiet, nipproponi lill-Qorti tal‑Ġustizzja li tiċħad l-appell. |
4. |
Qabelxejn, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina ex officio sa fejn l-appellanti għandhom locus standi fir-rikors għal annullament kontra r-regolament ikkontestat. |
5. |
F’dan ir-rigward, wara li nkun ipproponejt lill-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi b’dan l-eżami fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 263 TFUE, li nsostni li japplika ratione temporis, minkejja li dan ir-rikors ġie ppreżentat qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, ser nesponi r-raġunijiet li għalihom inqis li Philips Lighting hija direttament u individwalment ikkonċernata mir‑Regolament ikkontestat, u għalhekk ser nikkonkludi li hija għandha locus standi sabiex taġixxi sabiex tippreżenta rikors għal annullament. |
6. |
Imbagħad ser nindika għaliex il-Qorti Ġenerali, fl-opinjoni tiegħi, ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni setgħu jsegwu l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid minkejja li l‑livell ta’ sostenn għat-talba jkun niżel, matul l-investigazzjoni, taħt il‑livell ta’ rappreżentattività meħtieġ mil-leġiżlazzjoni. |
7. |
Fl-aħħar ser nargumenta li, anki jekk il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-kunċett ta’ proporzjon kbir tal‑produzzjoni Komunitarja totali msemmi fl-Artikolu 4(1) tar‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ( 6 ), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005, tal-21 ta’ Diċembru 2005 ( 7 ), kellu jinftiehem li jirreferi għal-livell minimu ta’ 25 % ta’ din il-produzzjoni, imsemmija fl-Artikolu 5(4) tar‑Regolament bażiku, hija madankollu, ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta skartat l-applikazzjoni tal-livell ta’ 50 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili msemmi wkoll f’din id-dispożizzjoni, peress li dawn iż‑żewġ livelli, stabbiliti esklużivament għall-evalwazzjoni tar‑rappreżentattività tal-ilment, ma jaqgħux taħt id-definizzjoni tal‑industrija Komunitarja għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ħsara. Peress li l-appellanti jilmentaw biss li l-Qorti Ġenerali ma għamlitx applikazzjoni kumulattiva ta’ dawn iż-żewġ livelli, mingħajr barra minn hekk ma kkritikawha li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet li proporzjon kbir tal-produzzjoni Komunitarja totali seta’ jiġi kkostitwit minn produttur Komunitarju wieħed li jirrappreżenta madwar 48 % ta’ din il-produzzjoni, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li l-aggravji huma infondati u konsegwentement tiċħad l-appell. |
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Ir-Regolament bażiku
8. |
Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-applikazzjoni ta’ miżuri antidumping mill-Unjoni, fis-seħħ fid-data tal-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali, kienu jinsabu fir-Regolament bażiku. |
9. |
L-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, intitolat “Tistabilixxi l-ħsara” fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li t-terminu “‘ħsara” kellu, sakemm mhux speċifikat b’mod ieħor, jittieħed li jfisser “ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità, theddida ta’ ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità jew dewmien materjali ta’ l-istabbiliment ta’ industrija bħal din”. |
10. |
L-Artikolu 4 tar-Regolament bażiku, intitolat “Id-definizzjoni ta’ industrija Komunitarja”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-kunċett ta’ “industrija Komunitarja” jinkludi “produtturi Komunitarji kollha tal-prodotti simili jew għal dawk minnhom li l-output kollettiv tal-prodotti jikkostitwixxi proporzjon kbir, kif definit fl-Artikolu 5(4), tal-produzzjoni Komunitarja totali ta’ dawk il-prodotti”. |
11. |
L-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, li jirregola l-ftuħ tal‑proċeduri ta’ investigazzjoni inizjali intiża sabiex tiddetermina l‑eżistenza, il-grad u l-effett tad-dumping kollu allegat f’ilment, kien jipprovdi: “1. Ħlief kif previst fil-paragrafu 6, investigazzjoni biex jiġu determinati l-eżistenza, il-grad u l-effett ta’ kwalunkwe dumping allegat għandha tinbeda fuq ilment miktub minn kwalunkwe persuna naturali jew legali, jew kwalunkwe assoċjazzjoni li m’għandiex personalità legali, f’azzjoni għan-nom ta’ l-industrija Komunitarja. [...] 4. Investigazzjoni ma għandhiex tinbeda skond il-paragrafu 1 sakemm ma tkunx ġiet stabbilita, fuq il-bażi ta’ eżaminazzjoni dwar il-livell ta’ appoġġ għal, jew oppożizzjoni għall-ilment espress mill-produtturi Komunitarji ta’ l-istess prodott, li l-ilment sar minn jew għan-nom ta’ l-industrija Komunitarja. L-ilment għandu jiġi kkunsidrat li jkun ġie magħmul minn jew għan-nom ta’ l-industrija Komunitarja jekk ikun appoġġjat minn dawk il-podutturi Komunitarji li produzzjoni kollettiva tagħhom tikkostitwixxi iktar minn 50 % tal-produzzjoni totali ta’ l-istess prodott, prodott minn dak il-porzjon ta’ l-industrija Komunitarja li jappoġġja jew jopponi lill-ilment. Madanakollu, ebda investigazzjoni ma għandha tinbeda meta produtturi Komunitarji li espressament jappoġġaw l-ilment jammontaw għal inqas minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili prodott mill-industrija Komunitarja. [...]” |
12. |
L-Artikolu 9 tar-Regolament bażiku, li jirrigwarda t‑terminazzjoni tal-proċedura mingħajr miżuri jew l-impożizzjoni ta’ dazji definittivi, jistabbilixxi: “1. Fejn l-ilment jiġi rtirat, il-proċediment jista’ jiġi mitmum sakemm terminazzjoni bħal din ma tkunx kontra l-interess Komunitarju. [...] 4. Meta l-fatti kif stabbiliti fl-aħħar juru li hemm id-dumping u l-ħsara kkawżata minnu, u l-interess Komunitarju jitlob li jkun hemm intervent skond l-Artikolu 21, dazju definittiv kontra d-dumping għandu jiġi impost mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta sottomessa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv. [...] [...]” |
13. |
Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament bażiku: “[...] 2. Miżura definittiva kontra d-dumping għandha tiskadi ħames snin wara l-impożizzjoni tagħha jew ħames snin mid-data tal-konklużjoni ta’ l-iktar reviżjoni riċenti li kopriet kemm id-dumping kif ukoll il-ħsara, sakemm ma jiġix stabbilit f’reviżjoni li d-data ta’ skadenza kienet x’aktarx twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza tal-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara. Reviżjoni ta’ skadenza bħal din għandha tinbeda fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, jew fuq talba magħmula minn, jew għan-nom ta’, produtturi Komunitarji, u l-miżura għandha tibqa’ infurzata fl-istennija tar-riżultat ta’ reviżjoni bħal din. [...] 5. Id-disposizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament rigward proċeduri u t-twettieq ta’ investigazzjonijiet, ħlief dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ limiti ta’ żmien, jgħoddu għal kull reviżjoni li titwettaq skond il-paragrafi 2, 3 u 4 [...] [...]” |
B – Ir-Regolamenti dwar lampi fluworexxenti kompatti elettroniċi u integrati
14. |
Fil-bidu ta’ investigazzjoni miftuħa wara l-preżentazzjoni, fl‑4 ta’ April 2000, ta’ lment minn European Lighting Companies Federation, l-Unjoni adottat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1470/2001, tas-16 ta’ Lulju 2001, li timponi dazju definittiv dwar l‑anti-dumping u li tiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ lampi florexxenti kompatti elettroniċi u integrati (CFL-i) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ( 8 ). |
15. |
Wara li kienet infetħet investigazzjoni dwar allegat evażjoni ta’ dawn id-dazji, l-Unjoni, barra minn hekk, stabbilixxiet ir‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 866/2005, tas-6 ta’ Ġunju 2005, dwar l-estensjoni ta’ miżuri antidumping definittivi stabbiliti bir‑Regolament (KE) Nru 1470/2001 fuq l-importazzjoni ta’ lampi fluworexxenti kompatti elettroniċi u integrati (CFL-i) li joriġinaw fir‑Repubblika Popolari taċ-Ċina, għall-importazzjoni tal-istess prodott mibgħut mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, mir-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan u mir-Repubblika tal-Filippini ( 9 ). |
16. |
Ir-Regolamenti Nri 1470/2001 u 866/2005 ġew emendati bir‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1322/2006, tal‑1 ta’ Settembru 2006 ( 10 ). |
II – Il-kuntest fattwali
17. |
Wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ skadenza tal-miżuri stabbiliti permezz tar-Regolament Nru 1470/2001, il-Community Federation of Lighting Industry of Compact Flourescent Lamps Integrated, li aġixxiet f’isem Osram GmbH ( 11 ), ressqet talba għal eżami mill-ġdid quddiem il-Kummissjoni. |
18. |
Fit-12 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill‑erba’ produtturi Komunitarji ta’ lampi fluworexxenti kompatti elettroniċi u integrati ( 12 ), jiġifieri GE Hungary Ipari és Kereskedelmi Zrt ( 13 ), Osram, Philips Lighting u SLI Sylvania Lighting International ( 14 ). Filwaqt li Osram u GE Hungary indikaw li kienu jaqblu mal-ftuħ ta’ proċedura ta’ eżami mill-ġdid, Philips Poland uriet l-oppożizzjoni tagħha għal tali proċedura u Sylvania ma weġbitx għall-kwestjonarju. |
19. |
Billi kkunsidrat li kienu jeżistu provi suffiċjenti sabiex ikun iġġustifikat il‑ftuħ tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni dwar il-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2005 u t-30 ta’ Ġunju 2006. |
20. |
Fis-26 ta’ Novembru 2006, GE Hungary indikat lill‑Kummissjoni li minn issa ’l quddiem hija ma kinitx għadha taqbel maż-żamma tal-miżuri antidumping inkwistjoni, filwaqt li fid-19 ta’ Diċembru 2006, Sylvania informatha li hija kienet tqis li ma kienx fl-interess tal-Komunità li jinżammu l-miżuri antidumping. |
21. |
Fl-10 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni bagħtet ittra informattiva li permezz tagħha hija wriet l-intenzjoni tagħha li tipproponi l-għeluq tal-proċedura tal-eżami mill-ġdid. F’din l-ittra, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, spjegat li, għalkemm fil-mument tal-ftuħ tal-eżami mill-ġdid, it-talba kienet sostnuta minn proporzjon kbir tal-produzzjoni Komunitarja, il-produzzjoni kumulattiva ta’ produtturi li kienu jopponu t‑talba kienet tirrappreżenta madankollu ftit iktar minn 50 % tal-produzzjoni Komunitarja totali. Konsegwentement, hija kkonkludiet li l-miżuri antidumping kellhom jitħassru u l-proċedura tingħalaq. |
22. |
Fl-24 u fil-25 ta’ Lulju 2007, Philips Poland u Community Federation of Lighting Industry of Compact Fluorescent Lamps Integrated ippreżentaw osservazzjonijiet dwar l-imsemmija ittra. |
23. |
Permezz ta’ ittra informattiva ġdida tal-31 ta’ Awwissu 2007, il‑Kummissjoni informat lill-partijiet ikkonċernati li hija kienet fl-aħħar nett waslet għall-konklużjoni li fl-interess tal-Komunità, il-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ miżuri antidumping inkwistjoni kellu jiġi estiż b’sena. |
24. |
Fil-15 ta’ Ottubru 2007, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r‑Regolament ikkontestat. |
III – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
25. |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Diċembru 2007, ir-rikorrenti talbu l-annullament tar‑Regolament ikkontestat. |
26. |
Insostenn tar-rikors tagħhom, huma qajmu tliet motivi, u l‑ewwel tnejn kienu bbażati fuq il-ksur tal-Artikoli 3(1), 9(1) u 4 kif ukoll 11(2) tar-Regolament bażiku. |
27. |
Philips Lighting sostniet, b’mod partikolari, minn naħa waħda, li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma setgħux ikomplu l‑proċedura antidumping f’ipoteżi ta’ tnaqqis tal-livell ta’ sostenn tal-ilment u, min-naħa l-oħra, li l-Kunsill ma setax jibbaża ruħu unikament fuq id-data mogħtija minn Osram sabiex jevalwa l-ħsara kkawżata lill-industrija Komunitarja peress li l-produzzjoni ta’ din il-kumpannija, li kienet tirrappreżenta biss madwar 48 % tal-produzzjoni Komunitarja totali, ma setgħetx titqies li tikkostitwixxi “proporzjon kbir” tagħha. |
28. |
Peress li l-Kunsill kellu dubji dwar l-ammissibbiltà tar-rikors billi kkontesta l-locus standi tar-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li kien hemm lok, fl-interess tal-ekonomija tal-ġudizzju, li l-ewwel nett jiġu eżaminati l-motivi, mingħajr ma tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-ammissibbiltà tar-rikors, peress li fi kwalunkwe każ, dan tal-aħħar kien infondat. |
29. |
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel żewġ motivi skont raġunament magħmul f’żewġ punti. |
30. |
Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kwistjoni dwar jekk l‑istituzzjonijiet tal-Unjoni setgħux ikomplu l-proċedura ta’ eżami mill‑ġdid, minkejja l-fatt li l-livell ta’ sostenn tal-ilment kien niżel taħt il-livell ta’ iktar minn 50 % msemmi fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. |
31. |
Hija bdiet billi fakkret, fil-punti 75 sa 78 tas-sentenza appellata, li għalkemm it-talba għall-ftuħ tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid kienet inizjalment ġiet sostnuta minn Osram u minn GE Hungary, li flimkien kienu jirrappreżentaw iktar minn 50 % tal-produzzjoni Komunitarja totali ta’ CFL-i, filwaqt li Philips Poland kienet esprimiet l-oppożizzjoni tagħha u Sylvania ma ħaditx pożizzjoni, madankollu s-sitwazzjoni nbidlet ftit xhur wara meta, matul l-investigazzjoni, GE Hungary u Sylvania informaw lill-Kummissjoni li minn issa ’l quddiem kienu jopponu ż-żamma tal-miżuri antidumping inkwistjoni, li kellu bħala konsegwenza li l-livell ta’ sostenn tat‑talba għal eżami mill-ġdid, minkejja li baqa’ ħafna lil hinn mil-livell ta’ 25 % msemmi fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku, kien niżel bi ftit taħt il-livell ta’ iktar minn 50 % msemmi fl-istess dispożizzjoni, peress li l‑uniku produttur Komunitarju li kompla jsostni din it-talba, jiġifieri Osram, kien jirrappreżenta 48 % tal-produzzjoni Komunitarja totali, filwaqt li t-tliet produtturi l-oħra li kienu qed jopponu din it-talba kienu jirrappreżentaw, flimkien, it-52 % li jifdal. |
32. |
Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, li hija kienet diġà ddeċidiet li l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku ma kien jinkludi l-ebda obbligu fuq il-Kummissjoni sabiex ittemm proċedura antidumping pendenti meta l-livell ta’ sostenn għall-ilment kien niżel taħt il-livell minimu ta’ 25 % tal-produzzjoni Komunitarja, u li “din id-dispożizzjoni [kienet] tirrigwarda biss il-livell ta’ sostenn għall-ilment meħtieġ sabiex il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tibda proċedura”. Hija ppreċiżat li l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku kien serva bħala bażi għas-sentenza Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il‑Kunsill (T‑249/06, EU:T:2009:62), minkejja li din kienet ingħatat f’kawża fejn l-ilment ma kienx ġie rtirat, iżda allegatament naqas il-livell ta’ sostenn għalih tul il-proċedura. Skont il-Qorti Ġenerali, “[d]in is-soluzzjoni hija perfettament loġika għaliex, jekk, skont l-imsemmija dispożizzjoni, il‑Kummissjoni ma hijiex obbligata tagħlaq il-proċedura fil-każ li jiġi rtirat l-ilment, dan għandu jgħodd a fortiori fil-każ ta’ sempliċi tnaqqis fil-livell ta’ sostenn għalih”. |
33. |
Filwaqt li kkonstatat, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li l‑Artikoli 5(4) u 9(1) tar-Regolament bażiku kienu applikabbli għall‑proċeduri ta’ eżami mill-ġdid skont l-Artikolu 11(5) ta’ dan ir‑regolament, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn dan li l-istituzzjonijiet kellhom id-dritt li jkomplu l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid minkejja l-fatt li kien possibbli li l-livell ta’ 50 %, imsemmi fl-Artikolu 5(4) ta’ dan ir‑Regolament, ma baqax iktar milħuq. |
34. |
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 88 tas‑sentenza appellata, li bl-interpretazzjoni li kien għamel tal‑Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill ma ta lilu nnifsu l-ebda kompetenza ġdida, peress li huwa “[kien] iddeċieda li jżomm il‑miżuri antidumping inkwistjoni għal perijodu addizzjonali ta’ sena biss wara li stabbilixxa, hekk kif kellu jagħmel, li kien għad hemm dumping, li l-iskadenza ta’ dawn il-miżuri kellha mnejn tiffavorixxi t‑tkomplija ta’ dan id-dumping u tal-ħsara, u li tali żamma kienet fl‑interess tal-Komunità”. Il-Qorti Ġenerali żiedet li din l‑interpretazzjoni lanqas ma kellha l-effett li tneħħi l-essenza tar-rekwiżit li l-eżistenza ta’ ħsara lill-“industrija Komunitarja” kellha tiġi pprovata sabiex id-dazji antidumping ikunu jistgħu jiġu imposti, peress li l‑Kunsill kien iddefinixxa korrettament l-industrija Komunitarja għall‑finijiet tad-determinazzjoni tal-ħsara. |
35. |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet minn dan li ma seta’ jiġi kkonstatat ebda ksur tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku. |
36. |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kwistjoni tad‑definizzjoni tal-industrija Komunitarja għall-finijiet tad‑determinazzjoni tal-ħsara. |
37. |
Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 91 tas-sentenza appellata li, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, miżura antidumping tista’ tinżamm għal perijodu ta’ iktar mill-ħames snin imsemmi f’din id-dispożizzjoni biss jekk l-iskadenza tagħha tiffavorixxi t-tkomplija jew ir-rikorrenza tad-dumping u tal-ħsara, bil-kelma “ħsara”, skont l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, mifhuma bħala ħsara importanti kkawżata lil industrija Komunitarja, theddida ta’ ħsara importanti lil industrija Komunitarja jew dewmien kunsiderevoli fil-ħolqien ta’ industrija Komunitarja. |
38. |
Sussegwentement fil-punt 92 tas-sentenza appellata hija esponiet, li l‑Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku jiddefinixxi l-industrija Komunitarja bħala jew il-“produtturi Komunitarji kollha tal-prodotti simili” jew bħala “dawk minnhom li l-output kollettiv tal-prodotti jikkostitwixxi proporzjon kbir, kif definit fl-Artikolu 5(4) [ta’ dan ir-regolament] tal-produzzjoni Komunitarja totali ta’ dawk il-prodotti [simili]”, u li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda l-għażla bejn dawn iż-żewġ alternattivi. |
39. |
Il-Qorti Ġenerali kompliet tispjega, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, ir-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat li l-industrija Komunitarja kif meqjusa għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ħsara ma kellhiex neċessarjament tkun ikkostitwita mill-istess produtturi Komunitarji bħal dawk li jikkostitwixxu l-industrija Komunitarja li ttieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk l-ilment inizjali jew it-talba għal eżami mill-ġdid kellhomx sostenn suffiċjenti skont l‑Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. Fl-opinjoni tagħha, “minn naħa, fit-tieni każ, l-industrija Komunitarja tista’ biss, fid-dawl tal-kliem tal‑aħħar dispożizzjoni inkwistjoni, tinkludi l-produtturi Komunitarji li jsostnu l-ilment jew it-talba, filwaqt li, fl-ewwel każ, hija tista’ tinkludi l-produtturi Komunitarji kollha, indipendentement minn jekk tawx jew le tali sostenn. Min-naħa l-oħra, għandu jinżamm preżenti li d‑definizzjoni tal-industrija Komunitarja għall-finijiet tad‑determinazzjoni tal-ħsara hija eżerċizzju li jsir mill-istituzzjonijiet [tal-Unjoni] wara l-ftuħ tal-proċedura”. |
40. |
Fil-punt 94 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-eżempji msemmija, b’mod espliċitu u impliċitu, fl-Artikolu 9(1) tar‑Regolament bażiku jippreżupponu, min-natura tagħhom, li l-livell ta’ 50 % previst fl-Artikolu 5(4) ta’ dan ir-regolament ma għadux jintlaħaq, u minn dan hija ddeduċiet li “r-riferiment fl-[Artikolu 4(1) tar‑Regolament bażiku] għall-Artikolu 5(4) ta’ dan ir-regolament b’mod ġenerali f’dak li jirrigwarda l-espressjoni ‘proporzjon kbir [maġġuri] tal‑produzzjoni Komunitarja totali’ jista’ jinftiehem biss li jirreferi għal‑livell minimu ta’ 25 %, u mhux għal dak ta’ 50 %”. Skont il-Qorti Ġenerali “[d]in għandha tkun is-soluzzjoni, iktar u iktar, minħabba li r‑rekwiżit li l-industrija Komunitarja għandha tikkostitwixxi proporzjon maġġuri tal-produzzjoni Komunitarja totali, huwa intiż sabiex jiggarantixxi li l-produzzjonijiet kollettivi tal-produtturi inklużi f’din l‑industrija jkunu suffiċjentement rappreżentattivi. Din il-kwalità msemmija l-aħħar tiddependi iktar fuq il-parti tal-produzzjoni ta’ dawn il-produtturi fil-produzzjoni Komunitarja totali milli fuq il-pożizzjoni li l-produtturi, li ma humiex inklużi fl-industrija Komunitarja skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku, adottaw fir-rigward tal-ilment jew tat-talba għal eżami mill-ġdid”. |
41. |
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali semmiet, fil-punt 95 tas-sentenza appellata, li ma jistax jintalab mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li, fil-każ imsemmi fil-punt 94 ta’ dik is-sentenza, huma jiddefinixxu esklużivament l‑industrija Komunitarja permezz tal-ewwel alternattiva prevista mill‑Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku, peress li huma għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda l-għażla bejn iż-żewġ alternattivi. |
42. |
Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill ma wettaq ebda żball ta’ liġi meta ddeċieda li jinkludi biss lil Osram fid-definizzjoni tal-industrija Komunitarja għall‑finijiet tal-ħsara. |
IV – Fuq l-appell
43. |
Sabiex isostnu l-appell tagħhom, l-appellanti jippreżentaw żewġ aggravji. |
44. |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, huwa jikkunsidraw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet, permezz ta’ interpretazzjoni a fortiori tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku li tmur kontra kemm il-formulazzjoni kif ukoll l-istruttura ta’ din id‑dispożizzjoni, li l-Kummissjoni setgħet tkompli l-proċedura mhux biss f’każ li l-ilment jiġi rtirat, iżda wkoll f’każ ta’ sempliċi tnaqqis tal-grad ta’ sostenn tiegħu. |
45. |
Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat, sabiex tiddetermina l-ħsara subita mill-industrija Komunitarja, li l-kunċett ta’ “proporzjon kbir tal-produzzjoni Komunitarja totali”, fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar‑Regolament bażiku, kellu jinftiehem li jirreferi għal-livell minimu ta’ 25 % ta’ din il-produzzjoni, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell ta’ 50 % previst ukoll f’din id-dispożizzjoni. |
A – Fuq il-locus standi tal-appellanti
1. L-argumenti tal-partijiet
46. |
Il-Kunsill, Osram u l-Kummissjoni jqajmu l-inammissibbiltà tar‑rikors għal annullament minħabba li l-appellanti ma humiex individwalment ikkonċernati mir-Regolament ikkontestat. |
47. |
Insostenn ta’ din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kunsill, li mingħajr ma qajjem formalment eċċezzjoni, kien diġà esprima quddiem il-Qorti Ġenerali dubji dwar il-locus standi tal-appellanti, jargumenta li dawn ma jistgħux jinvokaw is-sentenza Timex vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni ( 15 ), peress li huma ma sostnewx it-talba għal eżami mill‑ġdid tal-miżuri antidumping fis-seħħ, u li huma lanqas ma jistgħu jibbażaw ruħhom fuq il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Nachi Europe ( 16 ), peress li l-prezz tal-bejgħ tagħhom ma kienx użat għall-kalkolu tal-marġni ta’ dumping. Il-Kunsill iqis li Philips Lighting lanqas ma setgħet tinvoka d-duttrina mogħtija fis-sentenza Extramet Industrie vs Il-Kunsill ( 17 ), peress li hija ma kinitx tinsab f’sitwazzjoni partikolari biżżejjed li tiddistingwiha minn kull operatur ieħor minħabba ċerti kwalitajiet tagħha. |
48. |
Philips Lighting, li tfakkar li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, li teżamina direttament il-fondatezza tar-rikors mingħajr ma tiddeċiedi preliminarjament fuq l-ammissibbiltà tiegħu, tikkunsidra li, skont l‑Artikoli 173 u 174 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-risposta tal-Kunsill tista’ tinkludi biss argumenti dwar jekk l-appell għandux jintlaqa’ jew jiġi miċħud, b’tali mod li l‑punti ta’ din ir-risposta dwar l-ammissibbiltà tar-rikors għandhom jiġu esklużi mill-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija ssostni, b’mod qawwi, li hija direttament u individwalment ikkonċernata mir-Regolament ikkontestat peress li hija kemm l‑importatur prinċipali ta’ CFL-i fl-Unjoni kif ukoll fabbrikant Komunitarju importanti ta’ dawn il-prodotti. Hija żżid li dan r-regolament kien jirrikonoxxi l-impatt negattiv tad-dazji antidumping fuq l-attivitajiet tagħha. |
2. L-evalwazzjoni tiegħi
49. |
Nipproponi li l-ewwel nett niffoka fuq l-istħarriġ ġudizzjarju li l-Qorti tal-Ġustizzja, bħala qorti tal-appell, hija fil-pożizzjoni li teżerċita fuq il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament qabel tiġi eżaminata, b’mod iktar speċifiku, il-kwistjoni tal-locus standi tal-appellanti li norbot, l-ewwel nett, mad-determinazzjoni tad‑dispożizzjoni applikabbli ratione temporis u sussegwentement, mal‑kwistjoni dwar jekk huma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex ikun jista’ jintalab annullament. |
a) L-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament
50. |
Is-sentenza appellata tippreżenta sitwazzjoni partikolari fejn qalbet l-ordni ta’ eżami abitwali tal-kwistjonijiet, li jimplika li l-ewwel tiġi kkunsidrata l-ammissibbiltà tar-rikors qabel ma tiġi eżaminata l-fondatezza tiegħu. Minkejja d-dubji espressi mill-Kunsill dwar il-locus standi tar-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali, ispirata mill-“interess tal-ekonomija tal-proċedura [ġudizzju]” ( 18 ), ippreferiet tiċħad ir-rikors għal annullament fuq il-mertu mingħajr ma ddeċidiet fuq l-ammissibbiltà tiegħu. |
51. |
Din il-prattika abitwali tal-Qorti Ġenerali ( 19 ) taqa’ taħt il-linja ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mogħtija, b’mod partikolari, fis‑sentenzi Il‑Kunsill vs Boehringer ( 20 ) u Franza vs Il‑Kummissjoni ( 21 ), li tirreferi għalihom is-sentenza appellata, u kkonfermata fis-sentenza Cofradía de pescadores “San Pedro” de Bermeo et vs Il‑Kunsill ( 22 ). |
52. |
Induru ftit fuq is-soluzzjonijiet stabbiliti minn dawn is-sentenzi. |
53. |
Fis-sentenza Il‑Kunsill vs Boehringer (C‑23/00 P, EU:C:2002:118), il-Qorti tal-Ġustizzja, li quddiemha ġie ppreżentat appell mill-Kunsill kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali li ma kinitx eżaminat l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li huwa kien qajjem sabiex jopponi rikors għal annullament ta’ direttiva ( 23 ), qabel ma ċaħdet l‑appell bħala inammissibbli peress li ma sar kontra ebda deċiżjoni, iddeċidiet li “hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa, kif [għamlet], jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja kinitx tiġġustifika, fiċ‑ċirkustanzi tal-każ, li jiġi miċħud fuq il-mertu r-rikors f’din il-kawża mingħajr ma tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill” ( 24 ). |
54. |
Fis-sentenza tagħha Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑233/02, EU:C:2004:173), il-Qorti tal-Ġustizzja, li quddiemha ġie ppreżentat rikors għal annullament ta’ deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta’ ftehim relatat ma’ linji gwida, ikkunsidrat li ma kienx hemmx lok li tagħti deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-assenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat, peress li t-talbiet tar-Repubblika Franċiża kellhom jiġu miċħuda fuq il-mertu. |
55. |
Fl-aħħar nett, fis-sentenza tagħha Cofradía de pescadores “San Pedro” de Bermeo et vs Il‑Kunsill (C‑6/06 P, EU:C:2007:702), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet, billi rrepetiet il-formulazzjoni tas-sentenza Il‑Kunsill vs Boehringer (C-23/00 P, EU:C:2002:118), l-appell inċidentali tal‑Kunsill, intiż għall-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali li kienet ċaħdet rikors sabiex tiġi kkonstatata responsabbiltà mhux kuntrattwali mingħajr ma eżaminat l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn din l-istituzzjoni ( 25 ). |
56. |
Fl-interess ta’ koerenza ġurisprudenzjali, jidhirli li huwa neċessarju li ssir konfrontazzjoni bejn dawn is-soluzzjonijiet u l‑prinċipju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja li l-inammissibbiltà ta’ rikors għal annullament li tirriżulta min-nuqqas ta’ locus standi tar‑rikorrent tikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, u anki għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni ( 26 ). Skont il-formulazzjoni tas-sentenza tagħha Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il‑Kummissjoni ( 27 ), “il-Qorti tal-Ġustizzja, adita minn appell skont l‑Artikolu 56 tar-Istatut tagħha, hija obbligata tiddeċiedi, f’każ ta’ bżonn ex officio, dwar il-motiv ta’ ordni pubbliku bbażat fuq il-ksur tal‑kundizzjoni, imposta mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, li tipprovdi li rikorrent jista’ jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni li tagħha ma huwiex id-destinatarju biss jekk huwa direttament u individwalment ikkonċernat minnha” ( 28 ). Barra minn hekk, f’deċiżjonijiet oħra l-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat espressament il-motiv ibbażat fuq l-inammissibbiltà tar-rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra deċiżjoni li ma hijiex id-destinatarja tagħha bħala “eċċezzjoni[jiet] ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku” li l-qrati tal-Unjoni għandhom jeżaminaw f’kull stadju tal-proċedura, anki ex officio ( 29 ). Issa, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku ma humiex motivi bħall-oħrajn, li jistgħu jitqiegħdu fuq l-istess livell bħall-motivi dwar il‑mertu. Hekk kif jirriżulta kemm mill-Artikolu 150 tar-Regoli tal-Proċedura kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma jaqgħu, għall-kuntrarju, taħt sistema proċedurali speċifika kkaratterizzata, b’mod partikolari, mill-fatt li huma jistgħu jiġu eżaminati f’kull stadju tal-proċeduri, anki ex officio. |
57. |
Dawn iż-żewġ sensiliet ta’ ġurisprudenza parallelli ma jagħtux is‑sens ta’ koerenza perfetta f’sistema ġudizzjarja mibnija tajjeb. Fil‑fatt, kif tiġġustifika li l-qorti tal-Unjoni għandha l-obbligu li tqajjem ex officio, inkluż fil-kuntest ta’ appell, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà abbażi ta’ nuqqas ta’ locus standi għal annullament, u fl-istess waqt, tammetti li hija tista’ ma tiddeċidix fuq tali eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà meta dawn jitqajmu quddiemha minn parti? L-obbligu, li għandha b’mod partikolari, il-qorti tal-appell, li tivverifika sistematikament il-locus standi huwa kompatibbli mal-fakultà li ma tipproċedix b’din il-verifika meta r-rikors jista’ jiġi miċħud fuq il-mertu? |
58. |
Ser nirreferi prinċipalment għal tliet kritiki kontra l‑ġurisprudenza li tawtorizza lill-qorti tal-Unjoni ma teżaminax l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà abbażi tan-nuqqas ta’ locus standi meta jidher li r-rikors jista’ jkun miċħud fuq il-mertu. |
59. |
L-ewwel nett, is-soluzzjoni ma tidhirlix li hija kompatibbli mar‑rikonoxximent tan-natura ta’ ordni pubbliku tal-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà bbażati fuq nuqqas ta’ locus standi. Meta eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà jkollhom natura ta’ ordni pubbliku, il-qorti tal-Unjoni, għalkemm “tista’” tiddeċiedi f’kull mument u mhux neċessarjament in limite litis, hija “għandha”, madankollu, tiddeċiedi fid-deċiżjoni tagħha. Fi kliem ieħor, il-fakultà li hija għandha tirrigwarda esklużivament l‑għażla tal-mument li fih hija beħsiebha tissodisfa l-obbligu tagħha li tivverifika ex officio l-ammissibbiltà tat-talba. |
60. |
It-tieni nett, naħseb li din il-ġurisprudenza ma hijiex konformi man-natura u mal-qafas ġuridiku ta’ dawn l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà. Jekk ir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika ma jkunux issodisfatti, il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-limiti imposti fuq is‑setgħat li hija għandha sabiex tiddeċiedi dwar tali rikors, ma tistax teżamina l-motivi dwar il-mertu li jsostnuh. Skont it-terminoloġija użata kemm fit-tieni u fit-tielet paragrafi tal-Artikolu 230 KE kif ukoll fit‑tieni u fit-tielet paragrafi tal-Artikolu 263 TFUE, hija ma jibqgħalhiex “ġurisdizzjoni” sabiex tieħu konjizzjoni tagħhom. L-inammissibbiltà ta’ rikors għal annullament minħabba nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrent tikkostitwixxi, konsegwentement, ostakolu għat-tkomplija tal-eżami tal-fondatezza ta’ dan ir-rikors. |
61. |
Fit-tielet lok, għandi dubju jekk huwiex perfettament konformi mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u mal-politika ġurisprudenzjali tajba li t-tweġiba għal kwistjonijiet essenzjali li jirriskjaw li jqumu f’tilwimiet oħra tiġi rrinvijata għal iktar tard. Din il-prassi, li turi pragmatiżmu li huwa diffiċli li jiġi rrikonċiljat mal-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali, jidhirli għaldaqstant li hija iktar kontestabbli peress li ma hijiex marbuta ma’ ipoteżijiet li fihom ir-rikors huwa manifestament infondat, filwaqt li l-inammissibbiltà tiegħu ma hijiex daqshekk ovvja. Għall-kuntrarju hija ngħatat applikazzjoni ġeneralizzata u mingħajr limiti, inkluż f’każijiet fejn l-evalwazzjoni tal‑fondatezza tar-rikors qajmet diffikultà serja. |
62. |
Dan l-appell joffri l-opportunità li tiġi kkonfermata jew, għall‑kuntrarju, tiġi abbandunata din il-ġurisprudenza fejn l-eżami mill‑ġdid ma huwiex inutili fid-dawl tal-fatt li s-sentenzi tal-Qorti tal‑Ġustizzja li ngħataw dwar dan il-punt huma preċedenti għal dawk li, minn naħa waħda, jobbligaw lill-qorti tal-Unjoni tiddeċiedi, f’każ ta’ bżonn ex officio, dwar il-motiv ta’ inammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra deċiżjoni li hija ma hijiex id-destinatarja tagħha u, min-naħa l-oħra, jikklassifikaw dan il-motiv bħala “eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku”. |
63. |
Jista’ jkun hemm tliet soluzzjonijiet. |
64. |
Qabelxejn, għalkemm ma naħsibx li din is-soluzzjoni hija ġġustifikata, ma nistax neskludi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li tikkonferma l-ġurisprudenza tagħha, ħaġa li twassalha sabiex teżamina direttament l-aggravji mingħajr ma tiddeċiedi, fl-ewwel lok, dwar il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament eżerċitat mill-appellanti, ħaġa li hija ma jkollhiex tiddeċiedi ħlief jekk kellha tiddeċiedi li ma ssegwix is-soluzzjoni ta’ rifjut tal-appell li ser nipproponilha li tadotta fuq il-mertu. |
65. |
It-tieni rimedju jikkonsisti, bħal ma nissuġġerixxi, li tiġi abbandunata l-ġurisprudenza jew, tal-inqas, li tiġi suġġetta għall‑konstatazzjoni ta’ natura manifestament infondata tar-rikors għal annullament, li jwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’din il-kawża, li teżamina preliminarjament l-ammissibbiltà tiegħu. |
66. |
Fl-aħħar nett, it-tielet rimedju jikkonsisti, mingħajr ma tingħata deċiżjoni dwar il-merti ta’ din il-ġurisprudenza, li din ma tiġix applikata f’din il‑kawża, filwaqt li huwa ppreċiżat li hija tagħti lill-qorti tal-Unjoni sempliċi fakultà li ma tiddeċidix dwar l-ammissibbiltà tar-rikors meta hija tipprevedi li tiċħdu, mingħajr ma timponilha obbligu. |
67. |
Għar-raġunijiet indikati preċedentement, nesprimi l‑preferenza tiegħi għat-tieni rimedju li jwassal li l-ewwel tiġi ttrattata l‑ammissibbiltà tar-rikors għal annullament, u sabiex isir dan, li jiġu ddeterminati d-dispożizzjonijiet applikabbli ratione temporis. |
b) Id-determinazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli ratione temporis
68. |
Qabel ma jiġi eżaminat konkretament jekk l-appellanti setgħux ifittxu l-annullament tar-Regolament ikkontestat, tqum kwistjoni preliminari oħra. Din hija liema mir-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 230 KE jew ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE huwa applikabbli ratione temporis. |
69. |
Din il-kwistjoni għandha, fil-kuntest tal-eżami ta’ dan l-appell, portata prattika inversament proporzjonali mal-interess teoretiku tagħha. |
70. |
Fil-fatt, it-tweġiba għal din il-kwistjoni ma tantx hija determinanti għad-deċiżjoni tat-tilwima, peress li nikkunsidra, għar‑raġunijiet li ser nesponi sussegwentement, li l-appellanti huma kkonċernati direttament u individwalment mir-Regolament ikkontestat. |
71. |
Min-naħa l-oħra, hija tippreżenta importanza teoretika ċerta, peress li t-Trattat ta’ Lisbona, mhux talli ma llmitax ruħu li jirriproduċi b’mod identiku l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament miftuħa għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi, iżda għall‑kuntrarju, għamilhom iktar flessibbli billi żied fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE l-aħħar parti tas-sentenza li tiftaħ ir-rikors għal annullament fir-rigward ta’ atti leġiżlattivi li ma jinkludux miżuri ta’ implementazzjoni u li jikkonċernaw lir-rikorrent direttament. Konsegwentement, persuna fiżika jew ġuridika li ma tistax taġixxi taħt l‑Artikolu 230 KE, tista’, teoretikament, tiġi rrikonoxxuta locus standi abbażi tal‑Artikolu 263 TFUE. |
72. |
Qabel nesponi l-pożizzjoni tiegħi dwar l-applikabbiltà ratione temporis ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, għandu, qabelxejn, jitfakkar l‑istat attwali tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali dwar din il-kwistjoni. |
73. |
Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet il-kwistjoni dwar jekk ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE japplikax għall-proċeduri ġudizzjarji pendenti fid-data tal-1 ta’ Diċembru 2009 fid-digrieti tagħha Norilsk Nickel Harjavalta u Umicore vs Il‑Kummissjoni ( 30 ) kif ukoll Etimine u Etiproducts vs Il‑Kummissjoni ( 31 ). |
74. |
F’dawn iż-żewġ deċiżjonijiet, wara li fakkret li t-Trattat ta’ Lisbona ma jipprovdi ebda dispożizzjoni tranżitorja speċifika, il-Qorti Ġenerali rrilevat li “minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, minn naħa, skont il-massima tempus regit actum […], il-kwistjoni tal‑ammissibbiltà ta’ rikors għandha tiġi deċiża abbażi tar-regoli li kienu fis-seħħ fid-data ta’ meta ġie ppreżentat […], u li, min-naħa l-oħra, ir‑rekwiżiti ta’ ammissibbiltà tar-rikors għandhom jiġu evalwati fil‑mument ta’ meta tiġi ppreżentata l-kawża, jiġifieri fil-mument tal-preżentata tar-rikors […], li jista’ jiġi rrettifikat biss meta tali rettifika sseħħ qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors” ( 32 ). |
75. |
Il-Qorti Ġenerali żiedet li “l-għażla tas-soluzzjoni opposta ġġib magħha riskju ta’ arbitrarjetà fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, peress li l‑ammissibbiltà tar-rikors tkun tiddependi fuq id-data, li barra minn hekk hija inċerta, tat-teħid tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ttemm l‑istanza” ( 33 ) u li, anki jekk jitqies li r-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE, b’mod partikolari l-aħħar parti tas-sentenza tiegħu, seta’, f’dan il-każ, jagħti lir-rikorrenti locus standi li huma ma kellhomx abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, dan ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal‑ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, peress li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors, kemm fis-sens tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, kif ukoll f’dak tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kien diġà skada fl‑1 ta’ Diċembru 2009, data tad-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 263 TFUE ( 34 ). |
76. |
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tosserva li “[d]in l-evalwazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argument li jgħid li l-Artikolu 263 TFUE jifforma parti mir-regoli proċedurali li fir-rigward tagħhom il-ġurisprudenza ddeċidiet li, bil-kontra tar-regoli sostantivi u ta’ liġi sostantiva, dawn huma kkunsidrati bħala li japplikaw għal kull kawża li tkun pendenti meta jidħlu fis-seħħ [peress li] anki jekk jiġi kkunsidrat li l-kwistjonijiet ta’ kompetenza ġudizzjarja huma koperti mill-qasam tar-regoli tal-proċedura […] għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li, […] għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli, li fid-dawl tagħhom għandha tiġi evalwata l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annulament ippreżentat kontra att tal-Unjoni, hemm lok li tiġi applikata l-massima tempus regit actum” ( 35 ). |
77. |
Din il-ġurisprudenza għandha tiġi kkonfermata jew ikkonfutata? |
78. |
B’mod spontanju jista’ jkolli tentazzjoni nipproponi li għandha tiġi kkonfermata għaliex il-ġustifikazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali insostenn tas-soluzzjoni mogħtija minnha jidhru, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, konvinċenti. Fil-fatt, huwa loġiku, li tittieħed inkunsiderazzjoni d-data li fiha r-rikors huwa ppreżentat sabiex jiġi evalwat il-locus standi ta’ rikorrent quddiem il-qrati tal-Unjoni. Barra minn hekk, huwa leġittimu, li jkun mixtieq li jiġi evitat ir-riskju ta’ ksur tal‑ugwaljanza fl-eżami tar-rikorsi, skont il-prontezza tal-qorti tal-Unjoni. |
79. |
Madankollu, għandi, fis-sens kuntrarju, tal-inqas tliet argumenti li jidhirli li huma superjuri. |
80. |
L-ewwel raġuni tista’ tkun ibbażata fuq regoli tradizzjonali li jirregolaw l-applikazzjoni ratione temporis tad-dritt tal-Unjoni. L‑analiżi li tipprovdi li l-massima tempus regit actum għandha tipprevali fuq l-applikazzjoni immedjata tal-liġijiet tal-proċedura jidhirli, fil-fatt, li hija bbażata fuq kunċett wisq żviluppat ta’ din il‑massima, li fl-opinjoni tiegħi, ma huwiex konformi mal-prinċipji applikabbli fil-qasam. |
81. |
Is-soluzzjoni tal-kunflitti ta’ liġijiet ratione temporis hija rregolata mid-distinzjoni tradizzjonali bejn ir-regoli sostantivi u r-regoli proċedurali. |
82. |
Ir-regoli tad-dritt sostantiv huma normalment interpretati bħala li japplikaw immedjatament, li jfisser li huma intiżi li jirregolaw is‑sitwazzjonijiet “li għadhom iridu jseħħu”, kif ukoll l-effetti kemm “attwali” ( 36 ) kif ukoll “futuri” ( 37 ) ta’ sitwazzjonijiet “li nħolqu”, mingħajr ma jkunu madankollu kkostitwiti fl-intier tagħhom taħt ir-regola l‑antika. Sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi li jipprovdu li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha tkun ċara u prevedibbli għall-individwi, ma tistax, min-naħa l‑oħra, issir applikazzjoni retroattiva ta’ dawn ir-regoli, kemm jekk din ikollha effetti favorevoli jew sfavorevoli għall-persuni kkonċernati, b’tali mod li r‑regoli l-ġodda ma jistgħux japplikaw għas-sitwazzjonijiet “eżistenti” qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, sakemm ma jirriżultax b’mod ċar mit-termini, mill-għanijiet jew mill-istruttura tagħhom li tali effett għandu jiġi attribwit lilhom ( 38 ). |
83. |
Ir-regoli proċedurali josservaw sistema differenti kkaratterizzata minn applikazzjoni iktar stretta tal-prinċipju tal-effett immedjat tar-regoli ġodda. B’hekk skont ġurisprudenza stabbilita, ir‑regoli proċedurali huma “ġeneralment” meqjusa applikabbli għall‑kawżi kollha pendenti fid-data li fiha dawn jidħlu fis-seħħ ( 39 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet żewġ kjarifiki importanti. Qabelxejn, hija ddeċidiet li l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti taħt il-qasam tar-regoli proċedurali ( 40 ). Sussegwentement hija ma applikatx id-distinzjoni bejn ir-regoli tad-dritt sostantiv u r-regoli proċedurali meta dawn l-aħħar regoli, inklużi f’leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jifformaw ħaġa waħda indiviżibbli mar-regoli sostantivi u ma jistgħux jiġu kkunsidrati b’mod iżolat, fir-rigward tal-effett tagħhom ratione temporis ( 41 ). |
84. |
Għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza tapplika b’mod wiesa’ ħafna dan il-prinċipju, mingħajr ma tistabbilixxi distinzjoni bejn l-atti proċedurali preċedenti jew sussegwenti għal-liġi ġdida jew bejn il-liġijiet li jirregolaw l-attività tal-partijiet u dawk, bħal-liġijiet ta’ kompetenza, li jirregolaw l-attività tal-qorti ( 42 ). |
85. |
Issa, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 263 TFUE għandhom jitqiesu li huma ta’ natura proċedurali, għaliex dawn jistabbilixxu l-persuni li għandhom locus standi li jitolbu annullament, minkejja li huma jistabbilixxi kundizzjonijiet sostantivi u mhux kundizzjonijiet purament formali. Il-prinċipju tal-effett immedjat tal-liġijiet proċedurali jimplika, għalhekk, l-applikazzjoni tagħhom għall-kawżi pendenti matul id-dħul fis-seħħ tagħhom. |
86. |
Anki jekk jiġi preżunt li l-prinċipju tal-effett immedjat tar-regola ġdida jitqies li ma jippermettix l-applikazzjoni ta’ din ir-regola għal att proċedurali, f’dan il-każ rikors għal annullament, preċedenti għad-dħul fis-seħħ tagħha, għandu jiġi osservat li d‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 263 TFUE jippreżentaw, barra l-aspett ġenerali ta’ liġi ta’ “proċedura”, sa fejn dawn ikunu rrigwardaw il-locus standi li jintalab annullament, l-aspett partikolari tal-liġi ta’ “ġurisdizzjoni”, peress li jiddeterminaw is-setgħa tal-qorti tal‑Unjoni li tiddeċiedi dwar ir-rikorsi għal annullament ippreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi. |
87. |
F’dan ir-rigward, hekk kif enfasizzajt preċedentement, il‑formulazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja “hija kompetenti [għandha ġurisdizzjoni] sabiex tiddeċiedi fuq rikorsi” ( 43 ) u li għaliha jirreferi r-raba’ paragrafu ta’ dan l-artikolu, jidhirli li hija sinjifikattiva. Issa, taħt dan l‑aspett, il-massima tempus regit actum ma tistax tiġġustifika l-assenza ta’ applikazzjoni tal-liġi ġdida peress li, sakemm it-tilwima ma tkunx ġiet deċiża b’sentenza, ma hemmx att proċedurali mwettaq, għal dak li jirrigwarda r-regola ta’ ġurisdizzjoni, iżda tassew sitwazzjoni pendenti li għandha tiġi rregolata mir-regola ta’ ġurisdizzjoni ġdida. Għalhekk, peress li fl-1 ta’ Diċembru 2009 l-Qorti tal-Ġustizzja ngħatat ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikorsi għal annullament ippreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra att regolatorju li jikkonċernahom direttament u li ma jinkludix miżura ta’ implementazzjoni, hija għandha tkun tista’ tiddeċiedi, minn dik id-data, dwar tali rikorsi, inklużi dawk li huma pendenti quddiemha. Inżid li, anki jekk tagħmel parti minn kuntest proċedurali differenti, is-sentenza Weryński ( 44 ), li applikat, għal talba għal domanda preliminari għal interpretazzjoni magħmula qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, ir-regoli ġodda li kienu neħħew il-limitazzjoni preċedenti tad-dritt li jsir rinviju previst fl-Artikolu 68(1) KE ( 45 ), tikkostitwixxi eżempju tal-propensità tal-Qorti tal-Ġustizzja li tapplika immedjatament id-dispożizzjonijiet ġodda li jirregolaw il-ġurisdizzjoni tagħha. |
88. |
It-tieni raġuni, li fl-opinjoni tiegħi hija imperattiva, teħtieġ l-applikazzjoni tal-Artikolu 263 TFUE għall-kawżi pendenti. Il‑modalitajiet ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ din id‑dispożizzjoni għandhom ikunu ddeterminati fid-dawl tal-għan tagħha li jikkontribwixxi sabiex jiżgura lill-individwi r-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex jiġu żgurati protezzjoni ġudizzjarja effettiva, billi jiġi evitat, hekk kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, li jkunu mġiegħla jiksru d-dritt sabiex ikollhom aċċess għall-qorti ( 46 ). Sa fejn ir-rikonoxximent tad-dritt għal kull individwu li jikkontesta l-legalità ta’ kull att li jaffettwa s‑sitwazzjoni legali tiegħu huwa parti mir-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ikkonfermat mill-ġdid fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u jikkostitwixxi, permezz tal-istess, wieħed mill-bażijiet ta’ Unjoni bbażata fuq il-valuri tal-Istat tad-dritt, fl‑opinjoni tiegħi huwa d-dmir tal-qorti tal-Unjoni li twaqqaf immedjatament sitwazzjoni li tista’ twassal għal limitazzjoni tad-dritt fundamentali li huwa d-dritt għal rikors u, sabiex tagħmel dan, tapplika għall-kawżi pendenti r-regola l-ġdida. |
89. |
It-tielet raġuni tista’ tkun ibbażata fuq il-fatt li la l-prinċipju ta’ ċertezza legali u lanqas dak tal-aspettattivi leġittimi ma jipprekludu l‑applikazzjoni tal-Artikolu 263 TFUE għall-kawżi pendenti fil‑mument tad-dħul fis-seħħ tiegħu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni għall-kawżi pendenti tad-dispożizzjoni l-ġdida, li għandha l-għan li timla lakuna fis-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni, ma tmurx kontra ċ-ċertezza legali. Il-kontenzjuż tal‑annullament tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni implementat mill‑Artikoli 263 TFUE u 264 TFUE huwa kontenzjuż oġġettiv, li huwa intiż, qabelxejn, sabiex jistabbilixxi mill-ġdid il-legalità. L-applikazzjoni immedjata għall-kawżi pendenti ta’ regola li tagħmel iktar flessibbli l‑kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikors għal annullament ma tiffavorixxix id-drittijiet suġġettivi ta’ parti għad-dannu tal-oħra, kif tista’ tagħmel applikazzjoni retroattiva ta’ dispożizzjoni tad-dritt sostantiv. Hija lanqas ma taffettwa l-aspettattivi leġittimi tal-individwi, peress li għall-kuntrarju hija ssaħħaħ il-protezzjoni billi tiffaċilita l‑aċċess tagħhom għas-setgħa tal-qorti tal-Unjoni. |
90. |
Inżid li l-fatt li l-interpretazzjoni stretta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-kunċett ta’ att regolatorju ( 47 ) u, fuq kollox, tal‑kundizzjoni dwar l-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni ( 48 ) limitat il-portata tal-flessibbiltà tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess dirett għall‑qorti tal-Unjoni ma tikkostitwixxix argument li huwa favur is‑soluzzjoni inversa, peress li xejn ma jiġġustifika li t-telf ratione materiae ta’ din id-dispożizzjoni jkun akkumpanjat bit-telf ratione temporis. |
91. |
Dawn huma r-raġunijiet li għalihom nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 263 TFUE huwa applikabbli għal dan ir-rikors għal annullament u konsegwentement għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà fir-rigward ta’ dan l-artikolu. |
c) Il-locus standi tal-appellanti
92. |
Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprevedi żewġ sitwazzjonijiet li fihom persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra deċiżjoni li ma hijiex id-destinatarja tagħha. Minn naħa waħda, tali rikors jista’ jiġi ppreżentat jekk din id-deċiżjoni tikkonċernaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinkludix miżuri ta’ implementazzjoni jekk dan jikkonċernaha direttament. |
93. |
Qabelxejn, hemm lok li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tar-rikors fir-rigward tal-ewwel ipoteżi. Peress li l-kundizzjoni li tirrigwarda l-interess dirett ma hijiex ikkontestata, għandu l-ewwel nett jiġi eżaminat jekk il‑kundizzjoni dwar l-interess individwali tar-rikorrenti hijiex issodisfatta. |
94. |
Minn ġurisprudenza stabbilita, wara s-sentenza Plaumann vs Il‑Kummissjoni ( 49 ), jirriżulta li l-individwi minbarra d-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma kkonċernati individwalment minnha ħlief jekk din id-deċiżjoni taffettwahom minħabba ċerti kwalitajiet li jkunu partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom fir-rigward ta’ kull persuna oħra u, minħabba f’hekk, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak tad-destinatarju ( 50 ). |
95. |
B’mod iktar partikolari, fir-rigward ta’ deċiżjonijiet fil-qasam ta’ miżuri antidumping, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha, diversi drabi, l‑opportunità li tiddeċiedi li r-regolamenti li jistabbilixxu dazju antidumping, filwaqt li għandhom natura normattiva, sa fejn huma intiżi li japplikaw ġeneralment għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati, jista’ jkollhom ukoll natura individwali, sa fejn jistgħu jikkonċernaw direttament u individwalment uħud minn dawn l‑operaturi ( 51 ) li għalhekk jistgħu jippreżentaw rikors għal annullament. B’hekk billi stabbilixxiet it-teorija ta’ “ibridità” ta’ dawn l-atti, il-ġurisprudenza wriet ruħha, bħala regola ġenerali, relattivament favur ir-rikonoxximent tal-locus standi tal-operaturi kkonċernati. |
96. |
Dan l-iżvilupp jidher, fi gradi diversi, għall-operaturi kkonċernati kollha, kemm fir-rigward ta’ produtturi u esportaturi, ta’ importaturi, ta’ ċerti fornituri jew ta’ produtturi Komunitarji. |
97. |
L-ewwel nett, fid-dawl tal-fatt li d-dazji antidumping huma stabbiliti skont konstatazzjonijiet li jirriżultaw minn investigazzjonijiet dwar il-prezzijiet ta’ produzzjoni u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni ta’ impriżi individwalizzati, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-regolamenti li jistabbilixxu dazju antidumping huma ta’ natura li jikkonċernaw direttament u individwalment lil dawk l-“impriżi produttriċi u esportatriċi” li huma imputabbli bi prattiki ta’ dumping abbażi ta’ data relatata mal-attività kummerċjali tagħhom, li b’hekk jistgħu juru li huma ġew identifikati fl-atti tal-Kummissjoni jew tal‑Kunsill jew ikkonċernati mill-investigazzjonijiet preparatorji ( 52 ). |
98. |
It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li huma individwalment ikkonċernati mill-konstatazzjonijiet relatati mal-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping dawk l-“importaturi” assoċjati ma’ esportaturi ta’ pajjiżi terzi li l-prodotti tagħhom huma milquta minn dazji antidumping, peress l-prezz tal-esportazzjoni ( 53 ) jew id-dazju antidumping stess ( 54 ) kienu kkalkolati skont prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid tal-merkanzija inkwistjoni pprattikati fis-suq tal-Unjoni minn dawn l-importaturi. Min-naħa l-oħra, il-locus standi kien miċħud lill-importatur indipendenti stabbilit fl-Unjoni, li ma kienx imsemmi fl-atti tal‑Kummissjoni jew tal-Kunsill u li ma kienx ikkonċernat mir‑regolament li jistabbilixxi dazji antidumping ħlief li kien jaqa’ oġġettivament fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ( 55 ). Eċċezzjoni għal din l-eċċezzjoni saret mis-sentenza Extramet Industrie vs Il‑Kunsill ( 56 ), li ammettiet il-locus standi ta’ importatur indipendenti li kien stabbilixxa l-eżistenza ta’ numru ta’ elementi li jikkostitwixxu sitwazzjoni partikolari li tikkaratterizzah, fir-rigward tal-miżura inkwistjoni, fil-konfront ta’ kull operatur ekonomiku ieħor ( 57 ). |
99. |
It-tielet nett, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet il-locus standi lil dawk l-operaturi ekonomiċi, bħal fabbrikant ta’ apparat ta’ oriġini li jipprovdi, taħt it-trade mark tiegħu, prodotti mmanifatturati minn produttur, li, f’numru ristrett u identifikat mill-istituzzjonijiet, jippreżentaw, għal dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom mal-produttur tal-prodotti kkonċernati, partikolaritajiet li kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-kostruzzjoni tal-valur normali u tal-kalkolu tal‑marġni tad-dumping ikkunsidrat li abbażi tagħha kien stabbilit id‑dazju antidumping ( 58 ). |
100. |
Ir-raba’ nett, il-qorti tal-Unjoni rrikonoxxiet il-locus standi ta’ “produttur Komunitarju” peress li r-regolament li stabbilixxa dazju antidumping kien ibbażat fuq is-sitwazzjoni individwali ta’ dan il-produttur, fabbrikant prinċipali tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni. Sabiex waslet għal din il‑konstatazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-ilmenti ppreżentati mill-imsemmi produttur kienu fl-oriġini tal-ilment li ta lok għall-ftuħ tal‑proċedura ta’ investigazzjoni, li huwa kien ressaq fl‑osservazzjonijiet tiegħu matul din il-proċedura, li l-iżvolġiment tagħha kien ġie ddeterminat b’mod sinjifikattiv mill-imsemmija osservazzjonijiet, u li d-dazju antidumping kien ġie stabbilit abbażi tal-konsegwenzi li d‑dumping ikkonstatat kellu fuqu ( 59 ). |
101. |
Skont terminoloġija meħuda mid-dritt kriminali, nista’ ngħid li l‑ġurisprudenza finalment irrikonoxxiet il-locus standi kemm għall-awturi ta’ prattiki ta’ dumping u għal uħud mill-kompliċi tagħhom kif ukoll għall-vittmi tagħhom, iżda taħt kundizzjonijiet varji li jagħmlu diffiċli d‑determinazzjoni tal-kriterji implementati. Bl-eċċezzjoni tal‑importaturi u ta’ ċerti fornituri, li għalihom ġie żviluppat kriterju, li jista’ jiġi kkontestat ( 60 ), ibbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tad-data ekonomika tagħhom fid-determinazzjoni tal-elementi li jservu għall‑kalkolu tad-dazju antidumping, il-kriterju prinċipali huwa bbażat fuq il-parteċipazzjoni tar-rikorrent fil-proċess ta’ adozzjoni tal-att. |
102. |
Fl-opinjoni tiegħi, l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju jwassal għar‑rikonoxximent, f’dan il-każ, li r-Regolament ikkontestat jippreġudika lill-appellanti minħabba ċerti kwalitajiet partikolari tagħhom. Barra minn hekk, huma jistgħu jirreferu ruħhom għal sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom fir-rigward ta’ kull persuna oħra, u għalhekk, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak ta’ destinatarju. |
103. |
L-ewwel nett, Philips Lighting ma hijiex ikkonċernata mir-Regolament ikkontestat biss minħabba l-kwalità essenzjali tagħha ta’ produttur Komunitarju vittma ta’ prattiki ta’ dumping, li jaqgħu oġġettivament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Fil-fatt, hija għandha wkoll kwalità proċedurali partikolari peress li ma huwiex ikkontestat li fil-punti 13(g), 47 sa 49, 98 u 99 tal-motivi tar‑Regolament ikkontestat hemm riferiment, għal dan il-produttur li ġie identifikat bħala “produttur [fabbrikant] Komunitarju”, u lanqas ma huwa kkontestat li dan ikkoopera fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-eżami li sar matul l-investigazzjoni fir-rigward tal-Artiklu 5(4) tar-Regolament bażiku, Philips Lighting issemmiet fil-kwalità tagħha bħala li “topponi” t-talba ta’ eżami mill-ġdid. Hija tista’ għalhekk tibbaża ruħha mhux biss fuq il-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura preliminari għall-adozzjoni tal-miżuri antidumping, iżda wkoll fuq il-fatt li l-kwalità tagħha li topponi t-talba għal eżami mill-ġdid kienet meħuda inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-grad ta’ sostenn għal din it-talba. Immaġinaw li l-imsemmija talba kienet sostnuta biss, mill-bidu, minn perċentwali ta’ produtturi Komunitarji inferjuri għal-livell ta’ 50 % meħtieġ mill-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku u li madankollu l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tiftaħ l-investigazzjoni abbażi ta’ dan l-ilment, mingħajr ma kellha barra minn hekk provi suffiċjenti li ppermettewlha, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(6) ta’ dan ir‑regolament, li tiftaħ investigazzjoni ex officio. Peress li l-produtturi Komunitarji kkooperaw fl-investigazzjoni u wrew l-oppożizzjoni tagħhom jistgħu jiġu rrifjutati l-possibbiltà li jilmentaw dwar il-ksur tad-dritt tal-Unjoni għar-raġuni li ma humiex individwalment affettwati mir‑regolament adottat wara din il-proċedura mibdija irregolarment? Fl-opinjoni tiegħi, l-istatus speċifiku hekk rikonoxxut lil Philips Lighting fil-proċedura wassal għal individwalizzazzjoni tagħha bħala destinatarja. |
104. |
It-tieni nett, ir-Regolament ikkontestat jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ fatt partikolari li tikkaratterizza lill-appellanti meta mqabbla mal‑operaturi ekonomiċi kkonċernati l-oħra. Minbarra li s-sitwazzjoni ekonomika speċifika tagħhom kienet ġiet suġġetta għal eżami li r-riżultati ddettaljati tiegħu jidhru fl-Anness tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill, filwaqt li analizza l‑interess fiż-żamma tal-miżuri antidumping għall-fabbrikanti Komunitarji barra Osram, irrileva, fil-punt 98 tal-motivi tar‑Regolament ikkontestat, li fid-dawl tal-attivitajiet ta’ importazzjoni tal-fabbrikanti Komunitarji, l-eżistenza ta’ dazji kellha effett negattiv fuq l-attività globali tagħhom u li, minbarra l-ispejjeż li jirriżultaw mid‑dazji antidumping marbuta mal-importazzjoni, il-miżuri kienu pprekludew lil dawn il-fabbrikanti milli jtejbu s-sensiela ta’ produzzjoni tagħhom, il-portafoll tal-klijenti tagħhom u, konsegwentement, il-profittabbiltà tagħhom, filwaqt li affettwaw ukoll l-investimenti, il‑produzzjoni, ir-riċerka u żvilupp u deċiżjonijiet strateġiċi oħra. Sussegwentement, fil-punt 99 tal-motivi tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill ikkonkluda li, fid-dawl tal-istrateġija ta’ provvista ta’ Philips Lighting, tiġdid tal-miżuri ma kienx fl-interess ta’ dan il-fabbrikant. |
105. |
Għalhekk hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-appell huwa ammissibbli sa fejn ġie ppreżentat mill-appellanti, fil-kwalità doppja tagħhom bħala produtturi Komunitarji u bħala importaturi identifikati fl-atti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni relatati mad-dazji antidumping u peress li kienu kkonċernati mill-investigazzjonijiet preparatorji u msemmija fil-kwalità ta’ persuni li jopponu fir-Regolament ikkontestat. |
106. |
Barra minn hekk, jidhirli li huwa leġittimu li produtturi Komunitarji mqiegħda fis-sitwazzjoni tal-imsemmija appellanti jkunu jistgħu jikkontestaw, b’mod partikolari, il-fatt li s-sitwazzjoni tagħhom ma kinitx ittieħdet inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ħsara kkawżata lill-industrija Komunitarja, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku. |
107. |
Peress li nikkunsidra li Philips Lighting hija direttament u individwalment ikkonċernata mir-Regolament ikkontestat, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament fir-rigward tat-tieni ipoteżi prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jipprovdi li persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinkludix miżuri ta’ implementazzjoni jekk dan jikkonċernaha direttament. |
B – Fuq il-fondatezza tal-appell
1. Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku
a) L-argumenti tal-partijiet
108. |
Essenzjalment, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku billi aċċettat li l-Kummissjoni setgħet tkompli l-investigazzjoni f’ipoteżi ta’ tnaqqis tas-sostenn tal-ilment u mhux tal-irtirar ta’ dan l‑ilment. |
109. |
Huma jargumetaw li din l-interpretazzjoni estensiva ma tistax tkun validament ibbażata fuq is-sentenza Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il-Kunsill ( 61 ), li għaliha tirreferi l-Qorti Ġenerali fil‑punt 84 tas-sentenza appellata, fid-dawl tad-differenzi bejn il‑kuntesti fattwali ta’ din il-kawża u ta’ dik li tat lok għal din is‑sentenza, li hija ma ssib ebda bażi fil-formulazzjoni jew fl-istruttura tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku u li lanqas ma hija sostnuta mill-prattika implementata mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni matul l-aħħar 25 sena. |
110. |
Filwaqt li fakkar li t-talba għall-ftuħ tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid kienet inizjalment sostnuta minn Osram u minn GE Hungary, li kienu jirrappreżentaw iktar mill-50 % tal-produzzjoni Komunitarja totali ta’ CFL-i, qabel ma GE Hungary informat lill-Kummissjoni, ladarba kienet infetħet l-investigazzjoni, li hija kienet topponi l-miżuri antidumping eżistenti, il-Kunsill sostnut minn Osram u mill‑Kummissjoni jargumenta li jekk ir-Regolament bażiku jinkludi biss dispożizzjonijiet ċari f’dak li jirrigwarda r-rekwiżiti f’termini ta’ locus standi fil-mument tal-ftuħ tal-investigazzjoni, dan huwa għaliex il-locus standi għandu rwol f’dan l-istadju biss, filwaqt li l-grad ta’ sostenn matul l-iżvolġiment tal-investigazzjoni jikkostitwixxi kwistjoni differenti, li għandha titqiegħed fil-kuntest tal-informazzjoni li l‑industrija Komunitarja għandha tikkomunika lill-Kummissjoni sabiex, b’mod partikolari, tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-ħsara eventwalment subita. |
111. |
Skont il-Kunsill, ir-raġunament a fortiori applikat mill-Qorti Ġenerali huwa koerenti, loġiku u konformi mal-metodi ta’ interpretazzjoni abitwali u huwa sostnut minn ġurisprudenza preċedenti, li tirriżulta kemm mis-sentenza Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il‑Kunsill (T‑249/06, EU:T:2009:62) kif ukoll mis-sentenza Gem‑Year u Jinn‑Well Auto‑Parts (Zhejiang) vs Il‑Kunsill (T‑172/09, EU:T:2012:532), li minnhom jirriżulta li r-rekwiżiti relatati mal-locus standi stabbiliti fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku għandhom jiġu ssodisfatti biss fil-mument tal-ftuħ ta’ investigazzjoni, iżda mhux neċessarjament matulha. Għal din l-istituzzjoni, l-appellanti jfixklu l‑kwistjoni tal-kunċett ta’ industrija Komunitarja għall-finijiet li jiġi vverifikat il-locus standi u dak tad-definizzjoni ta’ din l-industrija Komunitarja għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ħsara. |
112. |
Il-Kunsill iżid li, anki jekk huwa pprovat li l-istituzzjonijiet tal‑Unjoni, li għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jiddeċiedu jekk hemmx lok li tingħalaq il-proċedura wara l-irtirar tal‑ilment, fil-prassi fil-passat tagħhom, iktar għalqu l‑investigazzjoni wara tali rtirar milli ddeċidew li jkomplu biha, ma huwiex possibbli li minn dan jiġi konkluż li huma kellhom ukoll jagħlqu l-investigazzjoni li wasslet għar-Regolament ikkontestat minħabba li s-sostenn tal-industrija Komunitarja għall-investigazzjoni kien naqas. |
b) Analiżi
113. |
L-ewwel aggravju jwassal sabiex issir mistoqsija dwar ir-rilevanza tar-raġunament a fortiori li l-Qorti Ġenerali żviluppat abbażi tal‑Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, billi fil-punti 85 u 86 tas‑sentenza appellata sostniet, li, jekk skont din id-dispożizzjoni, il‑Kummissjoni ma hijiex suġġetta għal obbligu li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni jew ta’ eżami mill-ġdid f’każ tal-irtirar tal-ilment jew tat-talba għal eżami mill-ġdid, dan għandu japplika iktar u iktar f’każ ta’ sempliċi tnaqqis tal-livell ta’ sostenn għal xi waħda minnhom. |
114. |
Diversi argumenti jwassluni sabiex nipproponi lill-Qorti tal‑Ġustizzja tadotta s-soluzzjoni meqjusa mill-Qorti Ġenerali. |
115. |
L-ewwel wieħed huwa ta’ natura letterali. Minn naħa waħda, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku jirriżulta li r-rekwiżit relatat mar-rappreżentattività tal-ilment li għandu jitressaq mill-industrija Komunitarja jew għan-nom tagħha jikkundizzjona biss il-“bidu ta’ l-investigazzjoni” u mhux it-“tkomplija tal-proċedura” ladarba din tkun infetħet. Min-naħa l-oħra, bħal ma l-Qorti Ġenerali ġustament irrilevat fil-punti 139 tas-sentenza Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il‑Kunsill (T‑249/06, EU:T:2009:62) u 42 tas-sentenza Gem‑Year u Jinn‑Well Auto-Parts (Zhejiang) vs Il‑Kunsill (T‑172/09, EU:T:2012:532) kif ukoll fil-punt 84 tas-sentenza appellata, ir-Regolament bażiku ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tobbliga lill‑Kummissjoni tagħlaq proċedura antidumping pendenti meta l-livell ta’ sostenn tal-ilment jaqa’ taħt il-livell minimu ta’ 25 % tal‑produzzjoni Komunitarja. Dan lanqas ma jinkludi dispożizzjoni li tobbliga lill-Kummissjoni tagħlaq il-proċedura meta l-livell tal-ilment jaqa’ taħt il-livell ta’ 50 % tal-parti mill-produzzjoni Komunitarja li tkun esprimiet opinjoni dwar l-ilment. L-argument li l-livell ta’ rappreżentattività meħtieġ mill-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku għandu jippersisti matul l-investigazzjoni kollha, anki matul il‑proċedura antidumping, ma jsib għalhekk ebda appoġġ testwali f’dan ir-regolament li, għall-kuntrarju, ma jimponix b’mod ċar tali rekwiżit ħlief fil-mument tal-preżentazzjoni tal-ilment u għall-ftuħ tal-investigazzjoni biss. |
116. |
It-tieni argument huwa bbażat fuq interpretazzjoni kuntestwali u aħħari tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku. Din id-dispożizzjoni, li tagħti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni l-fakultà li jkomplu l-proċedura meta l-ilment jiġi rtirat wara l-ftuħ tal-investigazzjoni ( 62 ), għandha, kif ġustament jargumentaw il-Kunsill u l-Kummissjoni, tinqara flimkien mal‑Artikolu 5(6) ta’ dan ir-regolament, li jagħti lill-Kummissjoni setgħa ta’ inizjattiva li permezz tagħha, f’ċirkustanzi speċjali, hija tkun tista’ tiftaħ investigazzjoni ex officio jekk hija jkollha fil-pussess tagħha provi biżżejjed tal-eżistenza ta’ dumping u ta’ ħsara b’rabta kawżali miegħu. Fl-istess spirtu, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar‑Regolament bażiku jawtorizza lill-Kummissjoni tipproċedi fuq inizjattiva tagħha stess għal eżami mill-ġdid tal-miżuri antidumping li jkunu wasslu sabiex jiskadu. Ma’ dawn id-dispożizzjonijiet proċedurali li jagħtu lill-Kummissjoni marġni ta’ evalwazzjoni, iktar mill-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ dumping u ta’ ħsara, sabiex tiddeċiedi li tiftaħ jew tkompli b’investigazzjoni inizjali jew b’eżami mill-ġdid irrispettivament mill-aġir jew nuqqas ta’ azzjoni tal-industrija Komunitarja, jiżdiedu dispożizzjonijiet sostantivi li jirrikonoxxu, sussegwentement, wara l‑konstatazzjoni tad-dumping u tal-ħsara kkawżata lill-industrija Komunitarja, marġni ta’ manuvra ġdid lill-istituzzjoni tal-Unjoni fil‑kuntest tal-adozzjoni ta’ miżuri antidumping. Għalhekk, skont l‑Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku, il-kunsiderazzjoni ta’ “l‑interessi varji kollha meħuda globalment”, inklużi dawk tal-utenti u tal-konsumaturi, tippermetti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li ma jimplementawx miżuri antidumping minkejja li tiġi kkonstatata l‑eżistenza ta’ dumping u ta’ ħsara li tirriżulta minnu għall-industrija Komunitarja. Fl-aħħar nett, kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fis‑sentenza tagħha Fediol vs Il‑Kummissjoni (191/82, EU:C:1983:259), il-Kummissjoni għandha “setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa ħafna” sabiex tiddetermina, skont l-interessi tal-Komunità, il-miżuri li għandhom jittieħdu eventwalment sabiex tiġi affrontata s-sitwazzjoni kkonstatata ( 63 ). |
117. |
Dawn ir-regoli differenti, kemm proċedurali kif ukoll sostantivi jirriflettu l-idea li l-azzjoni antidumping hija intiża sabiex tipproteġi mhux esklużivament interessi privati, f’dan il-każ l-interessi kategorjali tal-produtturi tal-prodott ikkonċernat, iżda wkoll l-interess ġenerali tal‑Unjoni. Għalkemm il-mod ta’ ftuħ normali tal-investigazzjoni huwa l-ilment imressaq mill-industrija Komunitarja, id-“dritt li jitressaq ilment” ( 64 ) mogħti lil-lanjanti ma jfissirx li huma għandhom ukoll id-dritt li jtemmu l-investigazzjoni billi jirtiraw l-ilment tagħhom jew is-sostenn tagħhom għaliha. Għalkemm l-eżerċizzju tal-azzjoni antidumping huwa sostnut minn garanziji proċedurali, il-proċedura antidumping ma hijiex, madankollu, “ħaġa” tal-produtturi Komunitarji jew ta’ wħud minnhom li jistgħu jtemmuha meta jidhrilhom. |
118. |
It-tielet argument ta’ ordni prattika huwa b’mod qawwi, fl-opinjoni tiegħi, favur is-soluzzjoni sostnuta mill-Qorti Ġenerali. Matul il-proċedura antidumping, il-pożizzjoni tal-lanjanti u dik tal-produtturi Komunitarji li wrew is-sostenn jew l-oppożizzjoni tagħhom għall-ilment jistgħu jinbidlu diversi drabi, f’mumenti differenti u f’direzzjonijiet opposti. Produttur Komunitarju li kien isostni l-ilment jista’ jirtira s-sostenn tiegħu u jibqa’ mingħajr opinjoni jew isir kontra filwaqt li ieħor, li kien kontra, jista’ jiddeċiedi li jsostni l-ilment, mingħajr ma dawn it-tibdiliet ta’ pożizzjoni jkunu neċessarjament relatati mad-dannu subit ( 65 ). |
119. |
Dawn l-argumenti kollha jwassluni sabiex nipproponi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud peress li jidhirli li huwa infondat. |
2. Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal‑Artikoli 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku
a) L-argumenti tal-partijiet
120. |
L-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali għamlet interpretazzjoni żbaljata tal-Artikoli 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku meta hija ddefinixxiet l-industrija Komunitarja, sa fejn hija ma kkunsidratx it-tieni kriterju kumulattiv tad-determinazzjoni tal-kunċett ta’ proporzjon kbir li jeħtieġ li l-produzzjoni Komunitarja li ssostni t‑talba tirrappreżenta tal-inqas 50 % tal-produtturi li jkunu ħadu pożizzjoni dwarha. Billi enfasizzaw li d-definizzjoni tal-industrija Komunitarja tikkostitwixxi waħda mill-istadji essenzjali qabel ma tiġi evalwata l-ħsara, huma jikkunsidraw li s-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tmur kontra kemm il-formulazzjoni tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku kif ukoll il-prattika segwita sal-lum mill-istituzzjonijiet tal‑Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għalhekk, tannulla s-sentenza appellata u tiddeċiedi definittivament dwar il-kawża, billi tannulla r‑Regolament ikkontestat. |
121. |
Il-Kunsill, Osram u l-Kummissjoni jsostnu li l-appellanti jfixklu żewġ problemi differenti, waħda dwar il-locus standi fil‑mument tal-preżentata tal-ilment jew tat-talba għal eżami mill‑ġdid u l-oħra, dwar id-determinazzjoni tal-ħsara matul il-proċedura. Issa, il-livell ta’ 50 % previst fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku japplika biss għall-kwistjoni tal-locus standi fil-mument tal-ftuħ tal‑investigazzjoni. Skont il-Kunsill u l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, għamlet ġustament din id-distinzjoni, skont il-ġurisprudenza tagħha u l-prattika tal-istituzzjoni tal-Unjoni, u ddeduċiet minn dan eżattament li, sabiex jiġi ddeterminat il-proporzjon kbir tal‑industrija Komunitarja għall-finijiet li tiġi evalwata l-ħsara, għandu jiġi kkunsidrat biss il-livell minimu ta’ 25 % marbut mal-produzzjoni Komunitarja totali, u mhux il-livell ta’ 50 %, li jikkorrispondi ma’ proporzjon differenti, dak tal-produtturi Komunitarji li esprimew l-opinjoni tagħhom dwar l-ilment. |
b) Analiżi
122. |
Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament bażiku, dazju antidumping jista’ jiġi impost fuq prodott li huwa s-suġġett ta’ dumping biss jekk it‑tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni libera tiegħu fl-Unjoni jikkawża ħsara, fejn il‑kelma “ħsara” tfisser, skont l-Artikolu 3(1) tal-istess regolament, ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità, theddida ta’ ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità jew dewmien materjali tal-istabbiliment ta’ industrija bħal din. |
123. |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku, il-kunċett ta’ industrija Komunitarja, b’mod partikolari għall-finijiet ta’ determinazzjoni tal-eżistenza ta’ ħsara, jestendi għall-produtturi Komunitarji kollha ta’ prodotti simili jew għal dawk fosthom li l-produzzjonijiet kollettivi tagħhom jikkostitwixxu proporzjon kbir, fis-sens tal-Artikolu 5(4) ta’ dan ir-regolament, tal-produzzjoni Komunitarja totali ta’ dawk il-prodotti. Għalhekk, filwaqt li jipprovdi li l-industrija Komunitarja tinkludi, fil-prinċipju, il-produtturi kollha ta’ prodotti simili, l-imsemmi regolament, fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ identifikazzjoni tal-produtturi kollha, b’mod partikolari fl-ipoteżi ta’ industrija maqsuma ħafna li tinkludi numru kbir ħafna ta’ produtturi żgħar, joffri wkoll il-possibbiltà li tittieħed inkunsiderazzjoni parti minnhom biss, meta dawn jikkostitwixxu “proporzjon kbir” tal-produzzjoni Komunitarja. |
124. |
Minn dan jirriżulta li hemm żewġ għażliet koeżistenti għall‑identifikazzjoni tal-produzzjoni Komunitarja li fir-rigward tagħha ser tiġi ddeterminata l-ħsara, madankollu mingħajr ma r‑Regolament bażiku jistabbilixxi ġerarkija bejniethom. |
125. |
Il-kunċett ta’ proporzjon kbir jikkostitwixxi għalhekk kunċett fundamentali tal-leġiżlazzjoni antidumping. Fil-fatt, peress li r‑Regolament bażiku ma jippermettix li dumping jiġi ssanzjonat ħlief meta dan jikkawża ħsara, il-possibbiltà li tista’ tibbaża fuq “proporzjon kbir” jiffaċilita madankollu d-dmir tal-Kummissjoni li tikkonstata l‑eżistenza ta’ ħsara li jippermettilha tibbaża l-analiżi tagħha fuq is‑sitwazzjoni ta’ parti biss mill-produtturi Komunitarji. |
126. |
L-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku jiddefinixxi biss il‑kunċett ta’ proporzjon kbir tal-produzzjoni Komunitarja totali permezz ta’ riferiment għall-Artikolu 5(4) ta’ dan ir-regolament. Issa, il-portata li għandha tingħata lil dan ir-riferiment ma jidhirlix li hija ċara. |
127. |
Għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni apparentement xtaq joħloq, permezz tal-imsemmi riferiment, rabta bejn il-livell ta’ rappreżentattività tal‑ilment fid-dawl tal-ftuħ ta’ investigazzjoni antidumping u tad‑determinazzjoni tal-produzzjoni nazzjonali rilevanti għad‑determinazzjoni tal-eżistenza ta’ ħsara, xorta jibqa’ l-fatt li l‑Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku ma għandux l-għan li jiddefinixxi l-kunċett ta’ proporzjon kbir, li barra minn hekk ma jissemma mkien. |
128. |
Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tiddetermina preżunzjoni ta’ rappreżentattività tal-ilment billi tirreferi għal kriterju doppju. Filwaqt li l-perċentwali ta’ 25 % huwa kkalkolat fuq il-produzzjoni totali tal-prodott simili, il-perċentwali ta’ 50 % huwa kkalkolat biss skont il‑produzzjoni tal-produtturi li esprimew opinjoni, favorevoli jew sfavorevoli rigward l-ilment. Madankollu, jirriżulta b’mod ċar mill‑formulazzjoni tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku li l‑proporzjon kbir għandu jkun iddeterminat esklużivament skont il‑“produzzjoni Komunitarja totali” ta’ prodott simili, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-produzzjoni li tirriżulta mill-parti tal‑industrija Komunitarja li esprimiet is-sostenn jew l-oppożizzjoni tagħha għall-ilment. |
129. |
Fl-aħħar nett, l-assenza ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ proporzjon kbir fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku u r-riferiment magħmul għal din id-dispożizzjoni għal kriterju doppju ta’ rappreżentattività, minkejja li l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi wieħed biss, ineħħu xi tifsira evidenti, jekk kwalunkwe tifsira, mill-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “proporzjon kbir, kif definit fl-Artikolu 5(4)”. |
130. |
Peress li interpretazzjoni letterali tal-Artikoli 4(1) u 5(4) tar‑Regolament bażiku ma hijiex tali li twieġeb b’mod mhux ekwivoku għall-mistoqsija magħmula, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati, minn naħa waħda, fid-dawl tal-għanijiet li huma jridu jilħqu kif ukoll tas-sistema u tal-istruttura ġenerali tar-Regolament bażiku, u min-naħa l-oħra, konformement mal-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal‑1994 (GATT) ( 66 ). |
131. |
L-ewwel nett, għalkemm ir-Regolament bażiku jinkludi biss definizzjoni waħda tal-industrija Komunitarja, xorta jibqa’ l-fatt li l‑Artikoli 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku huma żewġ dispożizzjonijiet indipendenti waħda mill-oħra li jinsabu f’żewġ stadji differenti tal-proċedura antidumping u jsegwu loġika differenti. Kif ġustament jargumentaw il-Kunsill u l-Kummissjoni, filwaqt li l‑Artikolu 5(4) ta’ dan ir-regolament jirrigwarda, fil-mument tal-ftuħ tal-investigazzjoni, id-determinazzjoni tal-livell ta’ rappreżentattività tal-ilment, sabiex jiġi żgurat li dan jiġi sostnut minn numru suffiċjenti importanti ta’ produtturi Komunitarji, l-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tiegħu, jirrigwarda, matul l-investigazzjoni, id-determinazzjoni tal-ħsara kkawżata mill-prattiki ta’ dumping lill-industrija Komunitarja. Dawn l-aħħar dispożizzjonijiet iwieġbu għal għan differenti li huwa dak li jippermetti lill‑istituzzjonijiet tal-Unjoni janalizzaw il-ħsara minkejja d-diffikultà, jekk mhux l-impossibbiltà li jiġu ssodisfatti elementi oġġettivi ta’ evalwazzjoni mill-produtturi Komunitarji kollha, b’mod partikolari meta s-suq tal-prodott inkwistjoni huwa suq maqsum ħafna li fih jintervjenu diversi produtturi. |
132. |
It-tieni nett, għandu jitfakkar li, għalkemm skont ġurisprudenza stabbilita, il-ftehim li jistabbilixxi l-WTO kif ukoll il-ftehimiet li jinsabu fl-Annessi 1, 2 u 3 ta’ dan il-ftehim bħala regola ma jidhrux fost ir-regoli li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 67 ), xorta jibqa’ l-fatt li, skont ġurisprudenza wkoll stabbilita, is-supremazija tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni fuq it-testi tad-dritt idderivat teżiġi li dawn tal-aħħar jiġu interpretati, sa fejn ikun possibbli, konformement ma’ dawn il-ftehimiet ( 68 ), b’mod partikolari meta tali testi huma intiżi preċiżament sabiex jimplementaw ftehim internazzjonali konkluż mill‑Unjoni ( 69 ). Għalhekk, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk il‑fatti tal-każ jikkorrispondux ma’ wieħed miż-żewġ ipoteżijiet, stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha Fediol vs Il‑Kummissjoni (70/87, EU:C:1989:254) u Nakajima vs Il‑Kunsill (C‑69/89, EU:C:1991:186), li fihom il-qorti tal-Unjoni għandha tistħarreġ il‑legalità tal-atti tal-Unjoni fid-dawl tar-regoli tal-WTO, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi, inerenti għas-supremazija tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni fuq it-testi tad-dritt idderivat jimponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-interpretazzjoni tal-ftehim antidumping fl‑interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament bażiku. Isegwi li l-Artikolu 4(1) ta’ dan l-aħħar regolament li, kif ser nesponi, jista’, minħabba l-ambigwità tiegħu, jingħata iktar minn interpretazzjoni waħda għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, fis-sens tal-konformità tiegħu mad-dispożizzjonijiet paragunabbli tal‑Artikolu 4.1 tal-ftehim antidumping, li jirreferi wkoll għall-kunċett ta’ proporzjon kbir sabiex jiddefinixxi, fis-sens ta’ dan il-ftehim, l‑espressjoni ta’ “industrija domestika”. |
133. |
F’dan ir-rigward, ir-rapport tal-grupp speċjali tal-WTO tat-22 ta’ April 2003, intitolat “Arġentina – Dazji antidumping definittivi fir-rigward tal-laħam tat-tjur li ġej mill-Brażil” ( 70 ), u dak tal-korp tal-appell tal-WTO tal-15 ta’ Lulju 2011, intitolat “Komunitajiet Ewropej – Miżuri antidumping definittivi fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar miċ-Ċina” ( 71 ), jipprovdu indikazzjonijiet utili dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ proporzjon kbir. |
134. |
Fir-rapport tiegħu tat-22 ta’ April 2003, il-grupp speċjali tal-WTO kkunsidra li l-kunċett ta’ proporzjon kbir għall-finijiet tad-definizzjoni tal-industrija domestika għandu jinftiehem bħala proporzjon “sinjifikattiv, serju u notevoli” tal-produzzjoni nazzjonali totali u li l‑Artikolu 4.1 tal-Ftehim antidumping ma jeħtieġx li l-industrija domestika tkun ikkostitwita minn produtturi nazzjonali li jirrappreżentaw iktar minn 50 % tal-produzzjoni nazzjonali totali ( 72 ). Fil-każ imressaq quddiemu, il-grupp speċjali tal-WTO aċċetta, konsegwentement, li l-industrija domestika kienet ġiet iddefinita bħala li kienet ikkostitwita minn produtturi nazzjonali li kienu jirrappreżentaw 46 % biss tal-produtturi nazzjonali totali ( 73 ). |
135. |
Fir-rapport tiegħu tal-15 ta’ Lulju 2001, il-korp tal-appell tal-WTO, wara li kkonstata li l-Artikolu 4.1 tal-Ftehim antidumping ma indikax proporzjon speċifiku li jippermetti li jiġi evalwat jekk ċertu perċentwali kienx jikkostitwixxi “proporzjon kbir” ( 74 ), irrileva li, fid-dawl tal-kuntest tagħha, din l-espressjoni kellha tiġi interpretata bħala proporzjon “relattivament għoli” tal-produzzjoni nazzjonali totali, li “normalment jirrifletti b’mod wiesa’ l-produzzjoni nazzjonali totali” ( 75 ). |
136. |
Imbagħad, b’insistenza dwar l-importanza ta’ determinazzjoni eżatta tad-dannu, l-korp tal-appell tal-WTO ppreċiża li, għalkemm l-użu tal‑kunċett ta’ proporzjon kbir kien ippermetta, b’mod partikolari fl-ipoteżi ta’ suq maqsum bejn diversi produtturi, li jingħelbu l-ostakoli prattiċi għall‑kisba ta’ informazzjoni dwar il-produzzjoni kollha billi jitqies, skont il-bżonn, proporzjon inferjuri għal dak li huwa normalment ammissibbli f’suq inqas maqsum, madankollu kien hemm bżonn li jsir mezz li d-definizzjoni tal-industrija domestika “tkun kapaċi tipprovdi ħafna data li tiggarantixxi analiżi eżatta tad-dannu” u ma tippreżentax għalhekk riskju sinjifikattiv ta’ nuqqas ta’ simmetrija tad-data ekonomika u ta’ distorsjoni fid-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu ( 76 ). |
137. |
Fl-aħħar nett, billi eżamina l-argument tal-Unjoni li sostna li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, sabiex jiġi ddefinit il-proporzjon kbir fis-sens tal-Artikolu 4.1 tal-Ftehim antidumping, il-livelli li jinsabu fl-Artikolu 5.4 tal-istess ftehim u li konsegwentement kien ammissibbli li jiġi kkunsidrat li l-produtturi li jirrappreżentaw 25 % jew iktar mill‑produzzjoni nazzjonali setgħu leġittimament jirrappreżentaw proporzjon kbir tal-produzzjoni totali, il-korp tal-appell tal-WTO kkunsidra li ma kienet teżisti “ebda bażi testwali għal tali affermazzjoni” u li, anki jekk l‑Unjoni kienet iddikjarat li d-diskussjonijiet dwar il-proporzjon kbir u r‑rappreżentattività, kienu seħħew waqt in-negozjati, dan ma jbiddel xejn mill-fatt li ma kien instab ebda ftehim dwar l-istabbiliment ta’ proporzjon speċifiku li jippermetti li jiġi ddeterminat dak li, fl-astratt, jikkostitwixxi “proporzjon kbir”. Fl-opinjoni tiegħu, l-Artikoli 4.1 u 5.4 tal-Ftehim antidumping ittrattaw aspetti differenti tal-proċedura antidumping, għaliex l-ewwel wieħed jiddefinixxi l-industrija domestika rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal‑eżistenza ta’ dannu, filwaqt li t-tieni wieħed jistabbilixxi, irrispettivament mill-kwistjoni dwar kif l-industrija domestika għandha tkun iddefinita, livell minimu li jirrigwarda s‑sostenn tat-talba għal ftuħ ta’ investigazzjoni ( 77 ). |
138. |
Fl-aħħar nett, il-korp tal-appell tal-WTO minkejja li kkunsidra n‑natura maqsuma tas-suq inkwistjoni, ikkunsidra f’din it-tilwima li l‑livell ta’ 27 % meqjus mill-Kummissjoni “wara l-applikazzjoni ta’ punt ta’ riferiment [ta’ 25 %] mingħajr ebda rabta mal-interpretazzjoni korretta tal-espressjoni ‘proporzjon kbir’” kien jikkostitwixxi perċentwali dgħajjef wisq sabiex jirrappreżenta tali proporzjon ( 78 ). |
139. |
Mill-analiżi li ser nagħmel jirriżulta li minn issa ’l quddiem tibqa’ possibbli interpretazzjoni waħda biss tal-kunċett ta’ proporzjon kbir. Din hija li jiġi kkunsidrat li dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala li jfisser proporzjon suffiċjentement notevoli tal-produzzjoni Komunitarja sabiex jirrappreżenta, bi kwalunkwe mod, riflessjoni relattivament fidila tagħha. Fi kliem ieħor, ir-rabta testwali bejn l-Artikoli 4(1) u 9(4) tar-Regolament bażiku, li barra minn hekk il-Kummissjoni kkwalifikat waqt is-seduta bħala “mhux adattata”, tmur kontra kemm l-ispirtu kif ukoll il-loġika u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni antidumping tal-Unjoni, hekk kif interpretata fir-rigward tal-ftehim antidumping u konsegwentement għandha titqies li hija mingħajr kwalunkwe portata normattiva. |
140. |
Li jiġi ammess, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, li l-proporzjon kbir jista’ jkun ugwali għal kwart biss tal-produzzjoni Komunitarja totali jiftaħ il-possibbiltà ta’ użu ħażin reali tar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni antidumping, billi jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri għall-benefiċċju biss ta’ minoranza tal-industrija Komunitarja, anki jekk it-tliet kwarti ta’ din l-industrija ma jsofrux ħsara. |
141. |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-aggravju tagħhom, l-appellanti ma jikkritikawx lill-Qorti Ġenerali li applikat dan il-livell ta’ 25 %. Huma jikkritikawha esklużivament li ma għamlitx applikazzjoni kumulattiva ta’ dan il-livell u tal-livell ta’ 50 % previst fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. |
142. |
Issa, li r-riferiment magħmul mill-Artikolu 4(1) tar‑Regolament bażiku għall-Artikolu 5(4) tiegħu jidher bħala rekwiżit inkundizzjonat ta’ applikazzjoni kumulattiva taż-żewġ livelli msemmija fl-Artikolu 5(4) tal-imsemmi regolament għad-determinazzjoni tar‑rappreżentattività tal-ilment jidhirli li huwa bbażat fuq qari żbaljat tal-Artikolu 4(1) tal-istess regolament li jispeċifika li l-proporzjon kbir għandu jkun iddeterminat fir-rigward tal-“produzzjoni Komunitarja totali” u mhux ta’ parti mill-produzzjoni nazzjonali li esprimiet opinjoni dwar l-ilment. |
143. |
Għalhekk, nikkunsidra li t-tieni aggravju, li jikkritika biss li s-sentenza appellata ma applikatx kumulattivament iż-żewġ livelli tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku ma huwiex fondat. |
144. |
Għalhekk l-appell jista’ jiġi miċħud mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata iktar ’il quddiem il-kwistjoni dwar jekk l‑istituzzjonijiet tal-Unjoni wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidraw li l-analiżi tal-kontinwazzjoni jew rikorrenza tal-ħsara setgħet tiġi effettwata abbażi ta’ data ta’ produttur wieħed, li jirrappreżenta 48 % tal-produzzjoni Komunitarja totali. |
145. |
Ser nillimita ruħi sabiex nosserva li, fil-kuntest partikolari ħafna tas‑suq inkwistjoni, maqsum bejn erba’ produtturi Komunitarji, li b’mod parallel għall-attività ta’ produzzjoni fl-Unjoni tagħhom, għandhom attivitajiet ta’ importazzjoni, ma jidhirlix li huwa kuntrarju għal-loġika tal-leġiżlazzjoni antidumping li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kkunsidraw il-ħsara kkawżata lil dak mill-produtturi li kien jipproduċi l-iktar fl-Unjoni u li kien jimporta l-inqas f’perċentwali ta’ bejgħ li huwa kien jagħmel. |
146. |
Dawn huma r-raġunijiet li għalihom nikkunsidra li hemm lok li t-tieni aggravju jiġi miċħud. |
V – Konklużjoni
147. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara u tiddeċiedi kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Iktar ’il quddiem “Philips Poland”.
( 3 ) Iktar ’il quddiem, flimkien, “Philips Lighting”.
( 4 ) T‑469/07, EU:T:2013:370, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”.
( 5 ) ĠU L 272, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”.
( 6 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45.
( 7 ) ĠU L 175M p. 287, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”.
( 8 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 38, p. 43. Regolament emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1322/2006, tal-1 ta’ Settembru 2006 (ĠU L 76M p. 288).
( 9 ) ĠU L 145, p. 1.
( 10 ) ĠU L 76M, p. 288.
( 11 ) Iktar ’il quddiem “Osram”.
( 12 ) Iktar ’il quddiem is-“CFL-i”.
( 13 ) Iktar ’il quddiem “GE Hungary”.
( 14 ) Iktar ’il quddiem “Sylvania”.
( 15 ) 264/82, EU:C:1985:119.
( 16 ) C‑239/99, EU:C:2001:101.
( 17 ) C‑358/89, EU:C:1991:214.
( 18 ) Punt 62 tas-sentenza appellata.
( 19 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Mebrom vs Il‑Kummissjoni (T‑216/05, EU:T:2007:148); id-digriet Charron Inox u Almet vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill (T‑445/11 u T‑88/12, EU:T:2013:4); is-sentenzi Marchiani vs Il‑Parlament (T‑479/13, EU:T:2014:866) u Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni (T‑58/13, EU:T:2015:1), kif ukoll id-digriet Istituto di vigilanza dell’urbe vs Il‑Kummissjoni (T‑579/13, EU:T:2015:27).
( 20 ) C‑23/00 P, EU:C:2002:118.
( 21 ) C‑233/02, EU:C:2004:173.
( 22 ) C‑6/06 P, EU:C:2007:702.
( 23 ) Hekk kif jirriżulta mill-punt 37 tas-sentenza Il‑Kunsill vs Boehringer (C‑23/00 P, EU:C:2002:118) u mill-punt 28 tal-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer fil-kawża Il‑Kunsill vs Boehringer (C‑23/00 P, EU:C:2001:511), il-motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem kien jirrigwarda n-nuqqas ta’ locus standi tal-appellanti skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.
( 24 ) Punt 52 ta’ din is-sentenza.
( 25 ) Punt 21 tas-sentenza Cofradía de pescadores “San Pedro” de Bermeo et vs Il‑Kunsill (C‑6/06 P, EU:C:2007:702).
( 26 ) Ara s-sentenza L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑298/00 P, EU:C:2004:240, punt 35) kif ukoll id-digriet Cheminova et vs Il-Kummissjoni [C‑60/08 P(R), EU:C:2009:181, punt 31].
( 27 ) C‑176/06 P, EU:C:2007:730.
( 28 ) Punt 18. Ara wkoll f’dan is-sens, id-digrieti Complejo Agrícola vs Il‑Kummissjoni (C‑415/08 P, EU:C:2009:574, punt 22) u Calebus vs Il‑Kummissjoni (C‑421/08 P, EU:C:2009:575, punt 22). Dawn iż-żewġ deċiżjonijiet jipprovdu l-prinċipju li l-eżami tal-locus standi tal-applikant għal annullament jikkostitwixxi “obbligu” għall-Qorti tal-Ġustizzja bħala qorti tal-appell ta’ prinċipju ieħor li jipprovdi li l-kundizzjoni imposta mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE tikkostitwixxi eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku li l-qrati tal-Unjoni “jistgħu” jeżaminaw f’kull mument, anki ex officio (ara l-punt 21 tal-imsemmija żewġ deċiżjonijiet). Minbarra li dan l-aħħar prinċipju qed jiġi attribwit b’mod żbaljat għall-punt 18 tas-sentenza Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il‑Kummissjoni (C‑176/06 P, EU:C:2007:730), li ma jsemmihx, mill-approssimazzjoni tal-punti 21 u 22 ta’ dawn l-istess żewġ deċiżjonijiet tirriżulta ċerta inċertezza dwar il-kwistjoni jekk il-motiv ta’ ordni pubbliku li jirriżulta min-nuqqas ta’ locus standi jikkostitwixxix obbligu għall-qorti tal-Unjoni jew sempliċi fakultà.
( 29 ) Ara s-sentenza Stichting Woonlinie et vs Il‑Kummissjoni (C‑133/12 P, EU:C:2014:105, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 30 ) T‑532/08, EU:T:2010:353.
( 31 ) T‑539/08, EU:T:2010:354.
( 32 ) Digrieti Norilsk Nickel Harjavalta u Umicore vs Il‑Kummissjoni (T‑532/08, EU:T:2010:353, punti 69 u 70) kif ukoll Etimine u Etiproducts vs Il‑Kummissjoni (T‑539/08, EU:T:2010:354, punti 75 u 76).
( 33 ) Ibidem (rispettivament punt 71 u punt 77).
( 34 ) Ibidem (rispettivament punt 72 u punt 78).
( 35 ) Ibidem (rispettivament punt 73 u punt 79).
( 36 ) Ara, f’dan is-sens, għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati maċ-ċittadinanza tal-Unjoni, is-sentenzi D’Hoop (C‑224/98, EU:C:2002:432, punt 25); Lassal (C‑162/09, EU:C:2010:592, punt 39); Runevič-Vardyn u Wardyn (C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 55); kif ukoll Ziolkowski u Szeja (C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punt 58).
( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Westzucker (1/73, EU:C:1973:78), li tipprovdi li “skont prinċipju ġeneralment irrikonoxxut, il-liġijiet li jemendaw dispożizzjoni leġiżlattiva japplikaw, ħlief f’każ ta’ deroga, għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nħolqot taħt il-liġi l-antika” (punt 5). Sa fejn naf jien, din hija l-ewwel sentenza li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat l-effett immedjat bħala “prinċipju ġeneralment irrikonoxxut”. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Balazs u Casa Judeţeană de Pensii Cluj (C‑401/13 u C‑432/13, EU:C:2015:26, punt 30 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
( 38 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi Bureau national interprofessionnel du Cognac (C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata); Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2012:72, punt 51), kif ukoll Kuso (C‑614/11, EU:C:2013:544, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 39 ) Ara s-sentenzi Conserchimica (C‑261/96, EU:C:1997:524, punt 17); Beemsterboer Coldstore Services (C‑293/04, EU:C:2006:162, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata); Dell’Orto (C‑467/05, EU:C:2007:395, punt 48); Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑334/08, EU:C:2010:414, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata); Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2012:72, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata); Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata); kif ukoll Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 40 ) Sentenza Dell’Orto (C‑467/05, EU:C:2007:395, punt 49).
( 41 ) Sentenzi Meridionale Industria Salumi et (212/80 sa 217/80, EU:C:1981:270, punt 11) kif ukoll Reichelt (113/81, EU:C:1982:206, punt 13). Ara, ukoll, is‑sentenza Conserchimica (C‑261/96, EU:C:1997:524, punt 17) u, dwar il-portata ta’ din l-eċċezzjoni, is-sentenza Molenbergnatie (C‑201/04, EU:C:2006:136, punti 31 sa 34).
( 42 ) Ara, dwar din id-distinzjoni duttrinali, Roubier P., Le droit transitoire (conflits des lois dans le temps), 2 Ed. Dalloz u Sirey, Pariġi, 1960, p. 545 et seq.
( 43 ) Enfasi miżjuda minni.
( 44 ) C‑283/09, EU:C:2011:85.
( 45 ) Punt 28.
( 46 ) Ara s-sentenza Telefónica vs Il‑Kummissjoni (C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 27).
( 47 ) Ara s-sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625).
( 48 ) Ara s-sentenza Telefónica vs Il‑Kummissjoni (C‑274/12 P, EU:C:2013:852).
( 49 ) 25/62, EU:C:1963:17.
( 50 ) Paġna 223. Ara, fl-aħħar lok, id-digriet Banco Bilbao Vizcaya Argentaria u Telefónica vs Il‑Kummissjoni (C‑587/13 P u C‑588/13 P, EU:C:2015:18, punt 41 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
( 51 ) Ara d-digriet Gesamtverband der deutschen Textil- und Modeindustrie et vs Il‑Kunsill et [C‑3/11 P(I), EU:C:2011:665, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata] kif ukoll is-sentenza Valimar (C‑374/12, EU:C:2014:2231, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 52 ) Ara s-sentenza Valimar (C‑374/12, EU:C:2014:2231, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 53 ) Ibidem (punt 32).
( 54 ) Ara s-sentenza Neotype Techmashexport vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill (C‑305/86 u C‑160/87, EU:C:1990:295, punti 19 u 20).
( 55 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza Allied Corporation et vs Il‑Kummissjoni (239/82 u 275/82, EU:C:1984:68, punti 15 u 16). Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-kritiki magħmula minn E. Van Ginderachter, “Recevabilité des recours en matière de dumping”, Cahiers de droit européen, 1987, Nri 1 u 2, p. 623.
( 56 ) C‑358/89, EU:C:1991:214.
( 57 ) Punt 17.
( 58 ) Sentenza Neotype Techmashexport vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill (C‑305/86 u C‑160/87, EU:C:1990:295).
( 59 ) Sentenza Timex vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (264/82, EU:C:1985:119, punti 14 u 15).
( 60 ) Ara, b’mod partikolari, il-kritika magħmula kontra dan il-kriterju minn E. Van Ginderachter, op. cit.
( 61 ) T‑249/06, EU:T:2009:62.
( 62 ) Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(8) tar-Regolament bażiku, jekk l-ilment jiġi rtirat qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni, huwa jiġi kkunsidrat li ma ġiex ippreżentat.
( 63 ) Punt 26 ta’ din is-sentenza.
( 64 ) Punt 11 tal-imsemmija sentenza.
( 65 ) Ara, P. Didier, “Le code anti-dumping du cycle de l’Uruguay: impact dans la Communauté”, Cahiers de droit européen, 1994, nri 3 u 4, p. 251, li josserva li s-sostenn u l-oppożizzjoni għal ilment jista’ jkun dovut għal diversi raġunijiet u li, pereżempju, ħafna produtturi nazzjonali jistgħu jsostnu lment għal żmien twil sakemm tali sostenn “ma jimplika min-naħa tagħhom ebda rabta finanzjarja u lanqas intelletwali” (p. 291).
( 66 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189), iktar ’il quddiem il-“Ftehim antidumping”. Dan il-ftehim jinsab fl-Anness 1 tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) iffirmat f’Marakesh fil-15 ta’ April 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 90) u approvat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil‑kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80).
( 67 ) Sentenza LVP (C‑306/13, EU:C:2014:2465, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 68 ) Ara s-sentenzi Z. (C‑363/12, EU:C:2014:159, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Glatzel (C‑356/12, EU:C:2014:350, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 69 ) Ara s-sentenza Petrotub u Republica vs Il‑Kunsill (C‑76/00 P, EU:C:2003:4, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 70 ) WT/DS241/R.
( 71 ) WT/DS397/AB/R.
( 72 ) WT/DS241/R (punt 7.341).
( 73 ) Ibidem (punt 7.344).
( 74 ) WT/DS397/AB/R, punt 411.
( 75 ) Ibidem (punt 412).
( 76 ) Ibidem (punti 413 sa 416).
( 77 ) Ibidem (punti 417 u 418).
( 78 ) Ibidem (punt 425).