KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fit-12 ta’ Marzu 2015 ( 1 )

Kawża C‑497/12

Davide Gullotta

Farmacia di Gullotta Davide & C. Sas

vs

Ministero della Salute

Azienda Sanitaria Provinciale di Catania

[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per la Sicilia (l-Italja)]

“Talbiet għal deċiżjoni preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Ammissibbiltà tad-domandi — Elementi fattwali tal-kawża prinċipali limitati għal Stat Membru wieħed — Portata tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Libertà ta’ stabbiliment — Saħħa pubblika — Paraspiżeriji”

1. 

Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat b’mod konsistenti li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu tal-ewwel tipprovdi lil tal-aħħar punti ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali għandhom bżonn sabiex jiddeċiedu tilwimiet pendenti quddiemhom ( 2 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll l-ispirtu ta’ kooperazzjoni inerenti f’dik il-proċedura, li jirrikjedi li l-qrati nazzjonali jikkunsidraw il-funzjoni fdata lill-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri li tassistihom fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, u mhux li tagħti pariri konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi ( 3 ).

2. 

Dawn il-prinċipji huma saħansitra ta’ importanza ikbar illum il-ġurnata, tant li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba, sena wara l-oħra, sabiex tagħti numru mingħajr preċedent ta’ deċiżjonijiet, li l-maġġoranza tagħhom jikkonċernaw preċiżament talbiet għal deċiżjoni preliminari ( 4 ). Għal ċerti deċiżjonijiet preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta dispożizzjonijiet f’oqsma ġodda tad-dritt tal-Unjoni u, għal oħrajn, trid tapplika prinċipji fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għal ċirkustanzi ġodda li jistgħu jqajmu kwistjonijiet etiċi jew soċjo-politiċi partikolarment delikati ( 5 ).

3. 

Għalkemm fil-passat, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet relattivament tibqa’ lura milli tirrinunzja l-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 267 TFUE u ġeneruża fl-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tat-talbiet, wieħed jista’ għalhekk jistaqsi jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex tadotta pożizzjoni iktar rigoruża fuq dawn il-kwistjonijiet. Kif argumentajt f’okkażjoni preċedenti, it-twessigħ sostanzjali tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja b’riżultat tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, flimkien mal-espansjoni tal-Unjoni Ewropea fl-aħħar deċennju, jistgħu jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-abbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddisponi minn każijiet bil-ħeffa neċessarja, filwaqt li żżomm il-kwalità tad-deċiżjonijiet tagħha ( 6 ).

4. 

Fl-opinjoni tiegħi, din il-kawża tagħti l-opportunità sabiex tingħata kjarifika ulterjuri għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq dawk il-kwistjonijiet, billi tinġibed l-attenzjoni għal ċerti deċiżjonijiet reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li jidhru li jindikaw ċerti żviluppi. Fl-opinjoni tiegħi, dawn l-iżviluppi huma konformi mal-analiżi ssuġġerita f’dawn il-konklużjonijiet.

I – Il-kuntest ġuridiku

5.

Fl-Italja, il-Liġi Nru 468/1913 iddefinixxiet il-provvista ta’ servizzi farmaċewtiċi bħala “attività primarja tal-Istat” li jistgħu jkunu involuti fiha biss spiżeriji muniċipali jew spiżeriji privati li joperaw b’liċenzja tal-Gvern. Ġie stabbilit strument amministrattiv sabiex jikkontrolla l-provvista: il-“pianta organica”, li hija forma ta’ grilja territorjali intiża li tiżgura distribuzzjoni ekwilibrata ta’ prodotti mediċinali fit-territorju nazzjonali. Importanti jingħad li d-Digriet Irjali sussegwenti Nru 1265/1934 illimita l-bejgħ tal-prodotti mediċinali kollha esklużivament għall-ispiżeriji (Artikolu 122).

6.

Sussegwentement il-Liġi Nru 537/1993 ikkategorizzat mill-ġdid il-prodotti mediċinali abbażi ta’ dawn il-klassijiet: “Kategorija A” għal prodotti mediċinali essenzjali u prodotti mediċinali għal mard kroniku; “Kategorija B” għal prodotti mediċinali (ħlief dawk li jaqgħu taħt il-“Kategorija A”) ta’ interess terapewtiku sinjifikattiv; u “Kategorija Ċ” għal prodotti mediċinali minbarra dawk li jaqgħu taħt il-“Kategoriji A jew B”. Taħt l-Artikolu 8(14) tal-Liġi Nru 537/1993, l-ispiża ta’ prodotti mediċinali li jaqgħu taħt il-Kategoriji A jew B għandha tiġi kompletament imħallsa mis-“Servizio Sanitario Nazionale” (“SSN”; is-servizz nazzjonali tas-saħħa Taljan), filwaqt li l-ispiża ta’ prodotti mediċinali fil-Kategorija Ċ tkun għal kollox imħallsa mill-konsumatur.

7.

Sussegwentement, l-Artikolu 85(1) tal-Liġi Nru 388/2000 ħassar il-“Kategorija B”, filwaqt li l-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 311/2004 ħoloq kategorija ġdida ta’ prodotti mediċinali — “Kategorija Ċ-bis” — sabiex tkopri prodotti mediċinali li għalihom ma hijiex meħtieġa riċetta medika u li, kuntrarjament għall-prodotti li jaqgħu taħt kategoriji oħra, jistgħu jiġu rreklamati pubblikament (normalment magħrufa bħala “drogi mingħajr riċetta”). Bħal fil-każ ta’ prodotti mediċinali taħt il-Kategorija Ċ, il-prodotti mediċinali fil-Kategorija Ċ-bis għandhom jitħallsu mill-konsumatur.

8.

Id-Digriet Liġi Nru 223/2006, li sar il-Liġi Nru 248/2006, ippermetta l-ftuħ ta’ negozji kummerċjali ġodda, distinti mill-ispiżeriji. Dawn normalment jissejħu “paraspiżeriji” u huma awtorizzati jbigħu prodotti mediċinali mingħajr riċetta (prodotti ta’ “Kategorija Ċ‑bis”).

9.

Iktar reċenti, il-Digriet Liġi Nru 201/2011, li issa sar il-Liġi Nru 214/2011, estenda ulterjorament il-kategoriji ta’ prodotti mediċinali li jistgħu jinbiegħu minn paraspiżeriji, sabiex b’hekk dawn issa jistgħu joffru lill-pubbliku ċerti prodotti mediċinali fil-Kategorija Ċ li għalihom ma hijiex meħtieġa riċetta. Dik id-dispożizzjoni ġiet implementata b’Digriet Ministerjali tat-18 ta’ April 2012. Fl-aħħar nett, id-Digriet Liġi Nru 1/2012 li issa sar il-Liġi Nru 27/2012, żied in-numru ta’ spiżeriji koperti taħt il-“pianta organica”: minn spiżerija waħda għal kull 4500 persuna, il-liġi issa tipprovdi li għandu jkun hemm spiżerija waħda għal kull 3300 persuna.

II – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

10.

Davide Giuseppe Gullotta (“ir-rikorrent”) huwa spiżjar ikkwalifikat irreġistrat mal-Ordine dei Farmacisti di Catania (Ordni tal-Ispiżjara ta’ Catania) u jmexxi paraspiżerija fl-Italja.

11.

Fil-kawża mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrent ikkontesta quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale per la Sicilia (it-“TAR Sicilia”) id-Digriet Nru 0034681 tal-Ministero della Salute (Ministeru tas-Saħħa) tat-13 ta’ Awwissu 2011 (id-“digriet ikkontestat”), li jiċħad it-talba tar-rikorrent li jitħalla jbigħ prodotti mediċinali li għalihom hija meħtieġa riċetta medika iżda li l-ispiża tagħhom ma hijiex eliġibbli għal rimbors mill-SSN. Ir-rikorrent irrileva li l-leġiżlazzjoni Taljana applikata mill-Ministero della Salute fid-digriet ikkontestat hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ diversi fatturi.

12.

Fil-kuntest ta’ dawk il-proċeduri, il-qorti Taljana, li indirizzat dubji dwar jekk il-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja t-tliet domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

Il-prinċipji ta’ libertà ta’ stabbiliment, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 49 et seq TFUE, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil spiżjar, ikkwalifikat u rreġistrat mal-assoċjazzjoni professjonali rilevanti iżda li ma huwiex proprjetarju ta’ spiżerija inkluż[a] fil-pianta organica [mappa tal-ispiżeriji], milli jiddistribwixxi bl-imnut fil-para-spiżerija li tagħha huwa proprjetarju, anki dawk il-prodotti mediċinali suġġetti għal riċetta medika fuq ‘ricetta bianca’, jiġifieri mediċini li ma jiġux addebitati lis-Servizio Sanitario Nazionale u li jitħallsu kompletament mix-xerrej, u li tistabbilixxi anki f’dan il-qasam projbizzjoni ta’ bejgħ ta’ ċerti kategoriji ta’ prodotti farmaċewtiċi u kwota numerika ta’ negozji li jistgħu jiġu stabbiliti fit-territorju nazzjonali?

(2)

L-Artikolu 15 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem il-‘Karta’] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju stabbilit fih japplika mingħajr restrizzjoni anki għall-professjoni ta’ spiżjar, mingħajr ma n-natura ta’ interess pubbliku ta’ din il-professjoni ma tiġġustifika l-eżistenza ta’ sistemi differenti bejn spiżjara proprjetarji ta’ spiżeriji u spiżjara proprjetarji ta’ para-spiżeriji fir-rigward tal-bejgħ tal-prodotti mediċinali msemmija fil-punt 1) iktar ’il fuq?

(3)

L-Artikoli 102 [TFUE] u 106 [TFUE] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-projbizzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti hija applikabbli mingħajr restrizzjoni għall-professjoni ta’ spiżjar, sa fejn l-ispiżjar proprjetarju ta’ spiżerija tradizzjonali, li jbiegħ prodotti mediċinali skont ftehim konkluż mal-[SSN] jieħu vantaġġ mill-projbizzjoni, għall-proprjetarji ta’ para-spiżeriji, li jbiegħu il-prodotti mediċinali tal-kategorija C, mingħajr ma dan ma huwa ġġustifikat mill-karatteristiċi ċari tal-professjoni ta’ spiżjar li jirriżultaw min-natura ta’ interess pubbliku tal-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini?”

13.

Wara li ġiet mogħtija kopja tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Venturini ( 7 ), li kkonċernat l-istess leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni quddiemu, it-TAR Sicilia informa lill-Qorti tal-Ġustizzja b’ittra tal-1 ta’ Awwissu 2014 li huwa xtaq iżomm it-tieni u t-tielet domandi preliminari.

14.

Fil-kawża preżenti ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn D.G. Gullotta, minn Federfarma, mill-Gvern tal-Italja, tal-Greċja u ta’ Spanja, kif ukoll mill-Kummissjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tipproċedi mingħajr seduta għas-sottomissjonijiet orali.

III – Analiżi

15.

Qabel jiġu eżaminati, wara xulxin, kull waħda mid-domandi preliminari magħmula naħseb li huwa ta’ għajnuna li nagħmel ftit osservazzjonijiet preliminari rigward żewġ kunċetti distinti iżda relatati mill-qrib: il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 267 TFUE u l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari. Fil-fatt, il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża jidhru li jagħmlu kemxejn konfużjoni bejn iż-żewġ kunċetti. Dan ma huwiex sorprendenti għaliex, fil-passat, il-Qorti tal-Ġustizzja mhux dejjem adottat terminoloġija koerenti fil-ġurisprudenza tagħha.

A – Osservazzjonijiet preliminari dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari

16.

Ir-rwol u l-funzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja huma rregolati, bħal ma huma dawk ta’ istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni Ewropea, bil-prinċipju ta’ attribuzzjoni. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 13(2) TUE jipprovdi: “[k]ull Istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, u skond il-proċeduri, il-kondizzjonijiet u l-finijiet previsti minnhom”.

17.

B’hekk, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija mfassla bis-sistema ta’ azzjonijiet ġudizzjarji stabbiliti bit-Trattati li huma disponibbli biss meta l-kundizzjonijiet mogħtija fid-dispożizzjonijiet rilevanti jkunu ssodisfatti ( 8 ).

18.

F’dak li jikkonċerna l-proċedura għal deċiżjoni preliminari, l-Artikolu 267 TFUE espliċitament jissuġġetta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għal numru ta’ kundizzjonijiet ( 9 ). B’mod iktar speċifiku, skont l-ewwel paragrafu ta’ dik id-dispożizzjoni, id-domandi magħmula għandhom jikkonċernaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni liema interpretazzjoni jew validità tagħhom tkun dubjuża fil-kawża prinċipali. Iktar minn hekk, skont it-tieni paragrafu ta’ dik id-dispożizzjoni, il-korp li qed jagħmel rinviju għandu jkun Qorti jew Tribunal ta’ Stat Membru u deċiżjoni fuq dik il-kwistjoni tkun meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza fil-kawża prinċipali. Dik l-aħħar kundizzjoni tfisser, b’mod partikolari, li jrid ikun hemm tilwima ġenwina pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, u li r-risposta li trid tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun rilevanti għar-riżoluzzjoni ta’ dik it-tilwima ( 10 ).

19.

Dawn il-kundizzjonijiet għandhom ikunu ssodisfatti mhux biss fil-mument li fih il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita mill-qorti nazzjonali, iżda wkoll matul il-proċeduri. Jekk dawk il-kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti, jew ma jibqgħux issodisfatti, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrinunzja l-ġurisdizzjoni, u tista’ tagħmel dan f’kull fażi tal-proċedura ( 11 ).

20.

Jekk, min-naħa l-oħra, l-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju hija insuffiċjenti għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex pożittivament tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tagħha jew, pjuttost, sabiex tipprovdi risposta li tista’ tkun utli għall-qorti tar-rinviju, ir-rinviju jista’ jitqies li huwa inammissibbli. L-informazzjoni li għandha tiġi inkluża f’talba għal deċiżjoni preliminari hija stabbilita fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, dik l-informazzjoni sservi żewġ għanijiet: mhux biss tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposti utli, iżda wkoll li tippermetti lill-gvernijiet tal-Istati Membri u partijiet ikkonċernati oħra sabiex jissottomettu osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 12 ).

21.

Għalhekk, iż-żewġ sitwazzjonijiet deskritti hawn fuq (assenza ta’ ġurisdizzjoni u inammissibbiltà tat-talba) jikkonċernaw oqsma proċedurali differenti. Filwaqt li l-assenza ta’ ġurisdizzjoni essenzjalment tirrifletti limitu għall-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi ma ngħatatx is-setgħa li tiddeċiedi f’ċerti sitwazzjonijiet, inammissibbiltà tipikament tqum minħabba żball ta’ proċedura, dovut għan-nuqqas ta’ osservazzjoni tar-regoli proċedurali min-naħa tal-qorti tar-rinviju.

22.

Għalhekk, minn perspettiva teoretika, dawk iż-żewġ sitwazzjonijiet għandhom jiġu distinti ( 13 ). Madankollu, hemm ukoll aspett iktar prattiku għal dik id-distinzjoni. Fil-prinċipju, assenza ta’ ġurisdizzjoni ma tistax tiġi rrimedjata jew ikkoreġuta mill-qorti tar-rinviju. Bl-istess mod, rinviju li jkun ġie miċħud minħabba assenza ta’ ġurisdizzjoni huwa kkundannat li ma jerġa’ qatt ikun ikkunsidrat mill-Qorti tal-Ġustizzja sakemm, ovvjament, ma jkunx hemm elementi essenzjali ta’ fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex għarfien tagħhom ( 14 ). B’kuntrast, qorti nazzjonali li t-talba tagħha titqies inammissibbli tista’, fejn xieraq, tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari ġdida lill-Qorti tal-Ġustizzja li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura ( 15 ).

23.

Ċerti paralleli jistgħu jittieħdu bejn talbiet għal deċiżjonijiet preliminari u azzjonijiet diretti. Anki fil-kuntest ta’ azzjonijiet diretti, il-qrati tal-Unjoni Ewropea normalment jiddistingwu bejn każijiet b’assenza ta’ ġurisdizzjoni u każijiet li fihom ir-rikors huwa inammissibbli. Pereżempju, rikors għal annullament huwa miċħud abbażi ta’ assenza ta’ ġurisdizzjoni jekk ir-rikorrent jikkontesta l-validità ta’ atti adottati mill-awtoritajiet nazzjonali ( 16 ), jew ta’ sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali ( 17 ) jew minn qrati internazzjonali oħra ( 18 ). Bl-istess mod, il-qrati tal-Unjoni Ewropea ddikjaraw l-assenza ta’ kompetenza tagħhom fir-rigward ta’ rikorsi għad-danni indirizzati kontra korpi li ma jaqgħux taħt il-qafas tal-Unjoni Ewropea bħal ma huma awtoritajiet amministrattivi ta’ Stati Membri ( 19 ).

24.

Għall-kuntrarju, żbalji proċedurali magħmula mir-rikorrent li jipprekludu l-kontinwazzjoni tar-rikors iwasslu biss għal dikjarazzjoni li r-rikors huwa inammissibbli. Pereżempju, dan huwa tipikament il-każ għal rikorsi għal annullament ippreżentati wara l-limitu ta’ xahrejn skont l-Artikolu 263 TFUE ( 20 ), rikorsi ppreżentati minn individwi li ma humiex irrappreżentati minn avukat ( 21 ), jew rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentati mingħajr osservanza xierqa tal-fażi prekontenzjuża tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 258 TFUE ( 22 ).

25.

B’hekk, id-differenza bejn assenza ta’ ġurisdizzjoni u inammissibbiltà ma għandhiex tkun enfasizzata żżejjed billi, fil-prattika, it-tnejn iwasslu għall-istess riżultat. Il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-talba mill-qorti nazzjonali mingħajr ma tidħol f’diskussjoni rigward is-sustanza tad-domandi preliminari magħmula.

B – Fuq l-ewwel domanda

26.

Permezz tal-ewwel domanda tiegħu, it-TAR Sicilia essenzjalment jitlob il-gwida tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà mar-regoli tal-Unjoni dwar il-libertà ta’ stabbiliment ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva lill-ispiżeriji, il-bejgħ ta’ prodotti farmaċewtiċi li għalihom tkun meħtieġa riċetta medika, fejn l-ispiża ma hijiex imħallsa mill-SSN iżda mill-konsumatur.

27.

Irrid nosserva mill-ewwel li, fl-opinjoni tiegħi, din id-domanda preliminari għandha titqies li ġiet irtirata mill-qorti tar-rinviju.

28.

Domanda analoga saret lil din il-Qorti tal-Ġustizzja mit-TAR Lombardia fil-kawża Venturini ċċitata iktar ’il fuq ( 23 ). Kopja tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża ġiet ikkomunikata lit-TAR Sicilia mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja. Bħala tweġiba għal dan, it-TAR Sicilia stqarr li xtaq iżomm it-tieni u t-tielet domandi, għalkemm ma ħax pożizzjoni espliċita fir-rigward tal-ewwel domanda. Għalhekk, minn dik it-tweġiba, jista’ jiġi rrilevat, a contrario, li l-qorti tar-rinviju kellha l-ħsieb tirtira l-ewwel domanda. Is-sens ġenerali tat-tweġiba tat-TAR Sicilia, illi fiha l-qorti tieħu nota tas-sentenza fil-kawża Venturini, jidher li jsostni tali interpretazzjoni.

29.

Għaldaqstant, ser niddiskuti l-ewwel domanda fil-qosor biss, peress li dan jagħtini l-opportunità li nenfasizza ċerti oqsma proċedurali importanti.

1. Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

30.

L-ammissibbiltà tal-ewwel domanda hija kkontestata minn Federfarma. Federfarma tirrileva li l-aspetti kollha tal-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju huma ristretti għall-Italja. B’hekk, sa fejn ir-regoli tal-Unjoni dwar il-libertà ta’ stabbiliment ma humiex applikabbli, id-domanda għandha titqies li hija ipotetika.

31.

Huwa veru li, skont ġurisprudenza stabbilita, fejn is-sitwazzjoni fattwali fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju tkun nieqsa minn kwalunkwe konnessjoni mal-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali, fil-prinċipju, ma huwiex neċessarju li jsir eżami tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti mad-dispożizzjonijiet invokati tad-dritt tal-Unjoni sabiex il-qorti nazzjonali tkun tista’ tagħti deċiżjoni. Billi r-regoli tat-Trattat ma japplikawx għall-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, risposta għad-domandi preliminari ma hijiex rilevanti għar-riżoluzzjoni tat-tilwima ( 24 ).

32.

B’hekk, f’numru ta’ kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat il-ġurisdizzjoni u tat sentenza minkejja li s-sitwazzjoni fattwali kienet purament interna għal Stat Membru wieħed.

33.

Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Venturini, ippruvajt nagħti ħarsa ġenerali lejn dawn il-każijiet, miġbura fi tliet linji prinċipali ta’ deċiżjonijiet. Fl-ewwel linja ta’ deċiżjonijiet (il-“ġurisprudenza Oosthoek”), il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, għalkemm il-fatti tal-każ kienu limitati għal Stat Membru wieħed, ċerti effetti transkonfinali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata ma setgħux jitwarrbu abbażi tal-informazzjoni li kien hemm fil-proċess. Fit-tieni linja ta’ deċiżjonijiet (il-“ġurisprudenza Guimont”), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat id-domandi magħmula bħala ammissibbli, minkejja n-natura interna tal-kawża prinċipali, sa fejn l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba dehret utli għall-qorti tar-rinviju, billi l-liġi nazzjonali rrikjediet minnha li tagħti l-istess drittijiet lil ċittadin bħal dawk li kieku ċittadin ta’ Stat Membru ieħor fl-istess sitwazzjoni kien igawdi mid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri liġi nazzjonali pprekludiet diskriminazzjoni retroattiva kontra ċ-ċittadini tagħha stess. Fl-aħħar nett, fit-tielet linja ta’ deċiżjonijiet (il-“ġurisprudenza Thomasdünger”), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni li tagħti deċiżjonijiet preliminari dwar domandi li jikkonċernaw id-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet fejn il-fatti tal-kawżi quddiem il-qrati tar-rinviju huma ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni dirett tad-dispożizzjonijiet tal-UE, iżda meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu applikabbli mil-liġi nazzjonali, li għal soluzzjonijiet interni, tkun adottat l-istess approċċ bħal dak mogħti taħt id-dritt tal-Unjoni ( 25 ).

34.

Wara li identifikajt dawn il-linji ta’ deċiżjonijiet, argumentajt li dawn jikkostitwixxu applikazzjoni korretta tal-Artikolu 267 TFUE. Tabilħaqq, kienu jikkonċernaw każijiet li, minkejja li l-elementi fattwali rilevanti kollha kienu limitati għal Stat Membru wieħed, l-elementi legali rilevanti ma kinux. Madankollu, żidt ngħid li, f’xi wħud minn dawk il-każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li stabbilixxiet il-ġurisdizzjoni tagħha abbażi ta’ sempliċi preżunzjonijiet, mingħajr ma wettqet eżami veru dwar jekk il-kundizzjonijiet rilevanti kinux ġew issodisfatti. Tabilħaqq, it-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari ma kinux jinkludu xi element li jagħti setgħa lill-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi pożittivament il-ġurisdizzjoni tagħha. Ikkunsidrajt dak l-approċċ — u għadni nikkunsidrah sal-lum — bħala problematiku ( 26 ).

35.

Billi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’sitwazzjonijiet li huma purament interni għal Stat Membru wieħed tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali, fil-kawża Venturini ssuġġerejt li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun iktar rigoruża fl-ivverifikar dwar jekk il-kundizzjonijiet rilevanti humiex issodisfatti ( 27 ). B’mod partikolari, ipproponejt li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrinunzja l-ġurisdizzjoni f’każijiet fejn la l-proċess u lanqas it-test tad-digriet tar-rinviju ma jagħtu raġunijiet li jispjegaw għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha ġurisdizzjoni minkejja n-natura purament interna tal-kawża prinċipali. F’dak ir-rigward, enfasizzajt li f’dawk it-tipi ta’ sitwazzjonijiet, għandu jkun id-dmir tal-qorti nazzjonali li tispjega lill-Qorti tal-Ġustizzja għaliex, pereżempju, l-applikazzjoni tal-miżura nazzjonali taħt skrutinju hija potenzjalment kapaċi li tostakola l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali minn operaturi ekonomiċi barranin, jew li tindika l-eżistenza, fi ħdan l-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħha, ta’ regola jew prinċipju li jċaħdu diskriminazzjoni retroattiva li tista’ tiġi applikata għas-sitwazzjoni kkunsidrata ( 28 ).

36.

Sussegwentement, fil-kawża Airport Shuttle Express, l-Avukat Ġenerali Kokott waslet għal konklużjoni li tixxiebah. Fil-konklużjonijiet tagħha, anki hija esprimiet ċertu kritika rigward numru ta’ deċiżjonijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet id-domandi preliminari magħmula minkejja l-assenza evidenti ta’ xi aspett transkonfinali għall-elementi fattwali tal-kawża prinċipali. L-Avukat Ġenerali Kokott issuġġeriet li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tuża iktar reqqa meta tevalwa l-ġurisdizzjoni tagħha taħt l-Artikolu 267 TFUE fil-każijiet li jidhru purament interni għal Stat Membru wieħed. Hija rrikonoxxiet li l-Qorti tal-Ġustizzja xorta jista’ jkollha ħtieġa li tirrispondi f’uħud minn dawk il-każijiet, pereżempju, fejn il-liġi nazzjonali applikabbli tipprekludi diskriminazzjoni retroattiva. Madankollu, l-Avukat Ġenerali Kokott enfasizzat li f’dawk iċ-ċirkustanzi, huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’informazzjoni dettaljata, aġġornata u affidabbli fuq dak l-aspett tal-liġi nazzjonali. Fin-nuqqas ta’ tali informazzjoni fid-digriet tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tassumi l-ġurisdizzjoni tagħha b’mod faċli u għalhekk ġeneralment għandha tirrinunzja milli tirrispondi għad-domandi magħmula ( 29 ).

37.

Minn dakinhar, numru ta’ deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja jidhru li jindikaw strettezza ikbar fl-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-ġurisdizzjoni tagħha taħt l-Artikolu 267 TFUE meta, minkejja l-fatt li t-tilwima tkun purament interna, qorti nazzjonali teħtieġ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar libertajiet fundamentali.

38.

Fil-fatt, fis-sentenza Airport Shuttle ċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott u rrinunzjat għall-ġurisdizzjoni fir-rigward tad-domanda magħmula mill-qorti nazzjonali dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-kawża prinċipali kkonċernat sitwazzjoni li kienet purament interna għall-Italja u li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma kinitx tinkludi informazzjoni dwar kif il-miżuri nazzjonali kkontestati mir-rikorrenti setgħu jaffettwaw operaturi ekonomiċi barranin. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-interpretazzjoni mitluba għall-Artikolu 49 TFUE ma kellha l-ebda piż fuq it-tilwimiet pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju ( 30 ).

39.

Fil-kawża Tudoran, il-Qorti tal-Ġustizzja naqset milli tiddeċiedi dwar domanda li kkonċernat il-kompatibbiltà mal-Artikoli 49 u 56 TFUE ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Rumen, sal-punt li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet purament interna għar-Rumanija u li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, li l-ġurisprudenza Guimont jew Thomasdünger ( 31 ) imsemmija iktar ’il fuq setgħet tiġi applikata ( 32 ).

40.

Bl-istess mod, fil-kawża Szabó, il-Qorti tal-Ġustizzja rrinunzjat għall-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ waħda mid-domandi magħmula billi l-kawża prinċipali kienet tikkonċerna każ li kien purament intern għall-Ungerija u l-qorti tar-rinviju ma kinitx spjegat għaliex id-dispożizzjonijiet tal-UE li għalihom talbet interpretazzjoni setgħu japplikaw għal dawk il-proċeduri ( 33 ).

41.

Il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet approċċ li jixxiebah f’każijiet oħra li ma kinux jikkonċernaw il-libertajiet fundamentali iżda li, minħabba n-nuqqas ta’ xi konnessjoni mad-dritt tal-Unjoni, tqiesu li huma purament interni għall-Istat Membru rilevanti. Pereżempju, fil-kawża C, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tirrispondi talba għal deċiżjoni preliminari li kkonċernat l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-Direttiva 2004/80/KE relatata ma’ kumpens għal vittmi ta’ delitti ( 34 ) billi r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet il-vittma ta’ delitt vjolenti li twettaq fit-territorju tal-Istat Membru fejn kienet tirrisjedi. L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li d-Direttiva 2004/80 tipprovdi għal kumpens biss meta jkun twettaq delitt vjolenti internazzjonali fi Stat Membru li ma huwiex l-istess wieħed li fih il-vittma tkun residenti abitwalment. Wara dan ġie wkoll osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, anki f’sitwazzjoni purament interna, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi l-interpretazzjoni mitluba meta liġi nazzjonali tobbliga lil qorti tar-rinviju sabiex tipprekludi diskriminazzjoni retroattiva kontra ċ-ċittadini tagħha stess. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li ma jkunx ir-rwol tagħha li tieħu inizjattiva bħal din jekk ma jkunx evidenti mid-digriet tar-rinviju li l-qorti nazzjonali hija fil-fatt taħt dan l-obbligu. Notevolment, xejn ma ssemma dwar dak is-suġġett fid-digriet tar-rinviju f’dik il-kawża ( 35 ).

42.

Barra minn hekk, fil-kawża De Bellis et, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ruħha li ma għandhiex kompetenza li tirrispondi għal domanda dwar il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, billi s-sitwazzjoni kkunsidrata ma kellha ebda konnessjoni mad-dritt tal-Unjoni u d-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti ma kinux jinkludu riferiment espliċitu għad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ġurisprudenza Thomasdünger ma kinux issodisfatti ( 36 ).

43.

Fid-dawl ta’ dawn id-deċiżjonijiet reċenti, nikkonkludi li l-Qorti tal-Ġustizzja tidher li ma għadhiex tippresupponi, f’każijiet li huma purament interni, li l-kundizzjonijiet għall-ġurisdizzjoni tagħha jintlaħqu meta l-proċess jinkludi biss evidenza vaga li tissuġġerixxi dan. F’dawn il-każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja issa teħtieġ li l-qrati tar-rinviju jipprovdu spjegazzjoni iktar sħiħa u sostanzjata bir-raġunijiet għaliex huma jemmnu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni.

44.

Dan l-iżvilupp fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-evalwazzjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha taħt l-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi milqugħ. Fl-opinjoni tiegħi, ir-rieda tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkoopera mal-qrati nazzjonali ma għandhiex twassalha li tirrispondi domandi li jistgħu jkunu ipotetiċi u, fil-fatt, meta l-ġurisdizzjoni tagħha hija dubjuża fl-aħjar ipoteżi.

45.

Fuq dan l-isfond, kieku dik id-domanda ma ġietx irtirata, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kienet tqajjem ex officio l-kwistjoni li tikkonċerna l-ġurisdizzjoni tagħha li tagħti risposta ( 37 ). Infatti, hija bażi komuni li l-elementi fattwali kollha tal-kawża prinċipali huma limitati għall-Italja: ir-rikorrent huwa ċittadin Taljan li jirrisjedi u jopera paraspiżerija fl-Italja. L-ebda riferiment għal xi element transkonfinali ma jinstab fid-digriet tar-rinviju. Dak id-digriet lanqas ma jagħti iktar informazzjoni dwar ir-raġuni għaliex l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE tista’ xorta waħda tkun utli għas-soluzzjoni tat-tilwima. B’mod partikolari, ma huwiex indikat li xi dispożizzjoni rilevanti tal-liġi Taljana għandha tinftiehem bl-istess mod bħad-dritt tal-Unjoni. Iktar minn hekk, imkien ma huwa osservat li r-rikorrenti jistgħu, fil-każ quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġu protetti minn regola nazzjonali li tipprojbixxi diskriminazzjoni retroattiva.

46.

Il-fatt li digriet tar-rinviju wieħed jew iktar li jinħareġ mill-istess Stat Membru jista’, f’okkażjoni preċedenti, irrefera speċifikament għal regola jew prinċipju li jipprojbixxu diskriminazzjoni retroattiva għad-dannu taċ-ċittadini tiegħu, ma huwiex bażi soda sabiex jiġi preżuppost li tali regola jew prinċipju japplikaw ukoll fil-kawża attwalment pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Tali suppożizzjoni, tammonta għal spekulazzjoni ċara, billi l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex (u ma tistax tkun) f’pożizzjoni li tkun taf b’ċertezza l-portata ta’ dik ir-regola jew prinċipju, jew il-pożizzjoni tagħha fil-ġerarkija tar-regoli, jew l-iżviluppi leġiżlattivi u ġudizzjarji rilevanti f’dak l-Istat Membru ( 38 ).

2. Sustanza

47.

Fir-rigward tas-sustanza tal-ewwel domanda preliminari magħmula, fl-eventwalità improbabbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tixtieq tindirizzaha, fi kwalunkwe każ, għalija r-risposta hija ċara.

48.

Fil-kawża Venturini, il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni setgħet tfixkel jew tirrendi inqas attraenti l-istabbiliment fit-territorju Taljan ta’ spiżjar li huwa ċittadin ta’ Stat Membru ieħor u li għandu l-intenzjoni li jmexxi paraspiżerija hemm. Konsegwentement, dik il-leġiżlazzjoni kkostitwixxiet restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li leġiżlazzjoni bħal din kienet xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan li jiġi żgurat li l-provvista ta’ prodotti mediċinali għall-pubbliku hija affidabbli u ta’ kwalità tajba, u għalhekk, sabiex tiżgura l-protezzjoni tas-saħħa pubblika, u ma kinitx tidher li marret lil hinn minn dak meħtieġ għat-twettiq ta’ dak l-għan ( 39 ).

49.

Billi l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali hija l-istess bħal dik eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Venturini, ir-risposta għall-ewwel domanda — li kieku ma ġietx irtirata — kienet tkun identika: l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, li ma tippermettix spiżjar ikkwalifikat li joffri servizz għal bejgħ bl-imnut, fil-paraspiżerija li tagħha huwa l-proprjetarju, ta’ prodotti mediċinali mogħtija biss b’riċetta medika u li l-ispiża tagħhom ma hijiex sostnuta mill-SSN iżda minn min jixtrihom.

C – Fuq it-tieni domanda

50.

Permezz tat-tieni domanda tiegħu, it-TAR Sicilia essenzjalment jistaqsi jekk l-Artikolu 15 tal-Karta (“[i]l-libertà professjonali u dritt għax-xogħol”) għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, li tagħmel distinzjoni, fir-rigward tad-dritt li jinbiegħu l-prodotti mediċinali msemmija fl-ewwel domanda, bejn spiżjara li huma proprjetarji ta’ spiżeriji u spiżjara li huma proprjetarji ta’ paraspiżeriji.

1. Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

51.

Il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni jsostnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni li tirrispondi t-tieni domanda magħmula mit-TAR Sicilia, peress li l-Karta ma tapplikax għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

52.

Ma nemminx li dik il-pożizzjoni hija korretta.

53.

Skont ġurisprudenza, li issa hija stabbilita, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta fir-rigward ta’ azzjonijiet tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) ta’ din tal-aħħar, li jistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għall-Istati Membri biss meta dawn ikunu qegħdin jimplementaw id-dritt tal-Unjoni ( 40 ).

54.

Dik id-dispożizzjoni tikkonferma wkoll il-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi li jiġu applikati fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda ma jistgħux japplikaw barra minn tali sitwazzjonijiet ( 41 ). Meta sitwazzjoni legali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni li tagħti deċiżjoni dwarha u d-dispożizzjonijiet eventwalment invokati tal-Karta ma jistgħux, fihom infushom, jistabbilixxu dik il-ġurisdizzjoni ( 42 ).

55.

F’dan il-kuntest għandu jiġi osservat ukoll li l-kunċett ta’ “jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni” kif ipprovdut fl-Artikolu 51(1) tal-Karta, jirrikjedi ċertu livell ta’ konnessjoni ’l fuq u lil hinn mill-fatt li l-oqsma meħuda inkunsiderazzjoni għandhom affinità mill-qrib jew li wieħed minn dawn l-oqsma għandu impatt indirett fuq l-ieħor ( 43 ). Sabiex jiġi ddeterminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali taqax taħt l‑implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta, hemm lok li jiġi vverifikat, fost elementi oħra, jekk (i) hija għandhiex bħala għan li timplementa dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni; (ii) in-natura ta’ dik il-leġiżlazzjoni u jekk hija ssegwix għanijiet differenti minn dawk koperti mid-dritt tal-Unjoni, anki jekk hija tista’ taffettwa indirettament id-dritt tal-Unjoni, kif ukoll; u (iii) jekk teżistix leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni speċifika fil-qasam jew li tista’ taffettwah ( 44 ). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li drittijiet fundamentali tal-Unjoni ma setgħux jiġu applikati fir-rigward ta’ ċerta leġiżlazzjoni nazzjonali peress li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam rilevanti ma imponew ebda obbligu fuq Stati Membri fir-rigward tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali f’dak il-każ ( 45 ).

56.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li ngħaddi sabiex neżamina jekk is-sitwazzjoni legali li tat bidu għall-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta.

57.

Sfortunatament, id-digriet tar-rinviju ma jinkludix informazzjoni speċifika dwar din il-kwistjoni. Madankollu, minkejja n-nuqqasijiet evidenti f’dak id-digriet, jien tal-opinjoni li r-risposta għal dik id-domanda għandha tkun fl-affermattiv. L-interpretazzjoni tiegħi tal-konnessjoni bejn il-fatti tal-każ u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli fil-kawża prinċipali hija kif ser jingħad.

58.

Minn naħa, jista’ jidher li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma kinitx, stricto sensu, intiża li timplementa d-dritt tal-Unjoni: il-leġiżlazzjoni tirregola, b’għan iktar ġenerali li tiġi protetta s-saħħa pubblika, il-bejgħ bl-imnut ta’ prodotti mediċinali tul it-territorju Taljan kollu sabiex tiżgura li l-provvista ta’ dawk il-prodotti għall-pubbliku hija affidabbli u ta’ kwalità tajba ( 46 ).

59.

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 168(7) TFUE, l-azzjoni tal-UE fil-qasam tas-saħħa pubblika għandha tosserva bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fir-rigward tad-definizzjoni tal-politika tas-saħħa tagħhom, kif ukoll l-organizzazzjoni u l-għoti ta’ servizzi tas-saħħa u tal-kura medika. Ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għandhom jinkludu t-tmexxija tas-servizzi tas-saħħa u tal-kura medika, kif ukoll l-allokazzjoni tar-riżorsi assenjati lilhom. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fil-prinċipju għandhom ikunu l-Istati Membri li jiddeterminaw il-livell ta’ protezzjoni li jixtiequ jiddedikaw lis-saħħa pubblika u l-mod li bih dak il-livell għandu jintlaħaq. Billi l-livell ta’ protezzjoni jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor, l-Istati Membri għandhom jingħataw diskrezzjoni f’dan ir-rigward ( 47 ).

60.

Madankollu, min-naħa l-oħra, id-dritt tal-Unjoni jinkludi regoli speċifiċi — partikolarment, l-Artikoli 49 u 52(1) TFUE — li fil-prinċipju huma kapaċi li jaffettwaw l-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

61.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li, meta Stat Membru jinvoka raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali sabiex jiġġustifika regoli li huma ta’ natura li jostakolaw l-eżerċizzju ta’ wieħed mil-libertajiet fundamentali, din il-ġustifikazzjoni, prevista mid-dritt tal-Unjoni, għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tad-drittijiet fundamentali issa ggarantiti mill-Karta. Għalhekk, ir-regoli nazzjonali inkwistjoni jistgħu jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet previsti biss jekk dawn huma kompatibbli mad-drittijiet fundamentali li l-osservanza tagħhom hija żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 48 ).

62.

Isegwi li, dan l-obbligu tal-konformità mad-drittijiet fundamentali jaqa’ b’mod ċar taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, konsegwentement, taħt dak tal-Karta. L-użu, min-naħa tal-Istati Membri, ta’ eċċezzjonijiet previsti fid-dritt tal-Unjoni sabiex jiġġustifikaw ostakolu għal-libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat għandu għalhekk jiġi kkunsidrat — kif ipprovdiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Pfleger — bħala “jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta ( 49 ).

63.

Lura lejn dan il-każ, l-Artikoli 49 u 52(1) TFUE jimponu ċerti obbligi fuq l-awtoritajiet Taljani fir-rigward tas-sitwazzjoni inkwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Fost l-oħrajn, il-miżura li tikkonsisti f’restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment (il-limitazzjonijiet għall-bejgħ bl-imnut ta’ ċerti prodotti mediċinali) għandha tiġi applikata b’mod mhux diskriminatorju: għandha tkun xierqa sabiex tilħaq l-għanijiet leġittimi ta’ politika pubblika mfittxija; u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan ( 50 ).

64.

Għaldaqstant, jien tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tirrispondi t-tieni domanda magħmula mit-TAR Sicilia. Madankollu, għandi dubji serji f’dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà ta’ dik id-domanda.

2. Ammissibbiltà

65.

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, il-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tista’ tintuża mill-qorti tar-rinviju tagħmel neċessarju għal dik il-qorti li tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula jew, tal-inqas, li tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom huma bbażati dawk id-domandi ( 51 ). F’dak il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja insistiet li huwa importanti għall-qorti nazzjonali li tindika r-raġunijiet speċifiċi għaliex hija inċerta dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u għaliex tikkunsidra neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni ( 52 ). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat il-ħtieġa li tal-inqas, id-digriet tar-rinviju jinkludi spjegazzjoni minima dwar ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li dwarhom hija mitluba interpretazzjoni u l-konnessjoni, kif mifhuma mill-qorti tar-rinviju, bejn dawk id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-proċeduri pendenti quddiemha ( 53 ).

66.

Kif imsemmi fil-punt 20 iktar ’il fuq, dawk ir-rekwiżiti fir-rigward tal-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari jidhru espliċitament fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, li l-qorti nazzjonali għandha — kif enfasizzat reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja — konjizzjoni tagħhom u li hija obbligata ssegwihom rigorożament ( 54 ).

67.

Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, fl-opinjoni tiegħi, f’dak li jikkonċerna t-tieni domanda magħmula f’dan il-każ, id-digriet tar-rinviju ma jissodisfax dawk ir-rekwiżiti.

68.

Id-digriet tar-rinviju ma jispjegax, lanqas f’termini sommarji, għaliex il-qorti tar-rinviju tikkunsidra l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Karta bħala neċessarja għall-iskop li tissolva tilwima pendenti quddiemha. Il-qorti nazzjonali sempliċement tgħid li għandha dubju dwar jekk il-prinċipji mfassla fi ħdan dik id-dispożizzjoni jistgħux japplikaw b’mod sħiħ għall-professjoni ta’ spiżjar, anki jekk dik il-professjoni ġiet suġġetta għal numru ta’ obbligi li jaqgħu taħt l-interess ġenerali.

69.

Dwar dak il-punt, ma noqgħodx lura milli ngħid li kull ħaddiem u kull attività attiva fi ħdan is-suq intern — sew jekk meħtieġa jew le li jirrilaxxaw obbligu wieħed jew iktar fl-interess ġenerali — għandhom igawdi d-dritt stabbilit fl-Artikolu 15 tal-Karta. Barra minn hekk insibha diffiċli li niċħad li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju hija kapaċi li parzjalment tillimita dak id-dritt ( 55 ).

70.

Madankollu, ladarba jkun stabbilit li dik ir-restrizzjoni hija ġġustifikata bil-ħtieġa li tiġi protetta s-saħħa pubblika ( 56 ), ma nistax nara liema aspetti addizzjonali ta’ inkompatibbiltà jista’ potenzjalment iġib l-Artikolu 15 tal-Karta bejn il-liġi nazzjonali inkwistjoni u d-dritt tal-Unjoni.

71.

Barra minn hekk, l-Artikolu 52(1) tal-Karta jaċċetta li jista’ jkun hemm limitazzjonijiet imposti għall-eżerċizzju ta’ drittijiet bħal dawk stabbiliti fl-Artikoli 15 tal-Karta, sakemm dawn il-limitazzjonijiet huma previsti mil-liġi, josservaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet u li, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huma meħtieġa u jissodisfaw effettivament l-għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor ( 57 ).

72.

F’dan il-kuntest, kważi bilkemm huwa meħtieġ li jiġi osservat li fl-Artikolu 35, il-Karta tirrikonoxxi wkoll bħala dritt fundamentali li kull individwu għandu jkollu aċċess għal kura preventiva tas-saħħa u jgawdi minn kura medika.

73.

F’dan l-isfond, wieħed kien jistenna li jsib xi spjegazzjoni fid-digriet tar-rinviju dwar ir-raġuni li għaliha l-qorti tar-rinviju kienet temmen li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma kinitx tibbilanċja kif xieraq dawk iż-żewġ drittijiet fundamentali, jew għaliex dik il-leġiżlazzjoni ma kinitx tirrispetta s-sustanza tad-dritt kif jinsab fl-Artikolu 15 tal-Karta.

74.

Fl-assenza ta’ kwalunkwe spjegazzjoni dwar dawn l-aspetti kruċjali, ikolli nikkonkludi li t-tieni domanda magħmula mit-TAR Sicilia hija inammissibbli sa fejn id-digriet tar-rinviju ma huwiex konformi mal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura.

3. Sustanza

75.

Fir-rigward tas-sustanza tal-kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda, ser nillimita l-analiżi tiegħi għal dan li ġej.

76.

Ma nista’ nara xejn, la fid-digriet tar-rinviju jew fl-osservazzjonijiet ippreżentati minn D.G. Gullotta, li jitfa’ dubju dwar il-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni laħqet bilanċ ġust u xieraq bejn, minn naħa, il-libertà professjonali u d-dritt għax-xogħol, u, min-naħa l-oħra, id-dritt għal kura tas-saħħa. Lanqas ma nista’ nsib element li jindika li d-dritt mogħti fl-Artikolu 15 tal-Karta kien ġie mfixkel b’mod tant qawwi li l-essenza ta’ dak id-dritt jista’ jitqies li ġie kompromess.

77.

Abbażi ta’ dan, ma nemminx li l-Artikolu 15 tal-Karta jipprekludi leġiżlazzjoni bħal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

D – Fuq it-tielet domanda

78.

Fl-aħħar nett, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 102 u 106 TFUE għandhomx jiġu interpretati li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżerva l-bejgħ bl-imnut ta’ ċerti prodotti mediċinali għal spiżeriji biss, bl-esklużjoni tal-paraspiżeriji.

1. Ammissibbiltà

79.

Hekk ukoll, fir-rigward tat-tielet domanda, jeħtieġ li nesprimi d-dubji tiegħi dwar l-ammissibbiltà. Għal darba oħra, id-digriet tar-rinviju jonqos milli jagħti spjegazzjoni dwar għaliex il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma hijiex konformi mal-Artikoli 102 u 106 TFUE.

80.

L-ewwel nett, fir-rigward tal-Artikolu 102 TFUE, ma tantx nista’ nifhem jekk, fl-opinjoni tal-qorti tar-rinviju, kull waħda (jew uħud) minn iktar minn 15000 spiżerija li jinsabu mat-territorju Taljan kollu jistgħux jitqiesu li għandhom pożizzjoni dominanti waħda, jew jekk dawk l-entitajiet għandhomx jitqiesu li għandhom pożizzjoni dominanti konġunta. It-tieni nett, anki jekk wieħed jassumi li tista’ tiġi stabbilita pożizzjoni ta’ dominanza, għandu xorta jiġi ddeterminat b’liema mod dik il-pożizzjoni tista’ tiġi sfruttata b’mod illeġittimu bil-għan li tiġi eliminata l-kompetizzjoni mis-suq/swieq rilevanti.

81.

Sussegwentement, fir-rigward tal-Artikolu 106 TFUE, għandu jiġi osservat li, reċentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għal darba oħra kkonfermat il-ġurisprudenza tagħha fis-sens li Stat Membru jkun qed jikser il-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 106(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 102 TFUE, jekk jadotta xi liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva li joħolqu sitwazzjoni li fiha attività pubblika jew attività li tkun ingħatat minnhom drittijiet speċjali jew esklużivi titwassal sabiex sempliċement bl-eżerċizzju tad-drittijiet preferenzjali mogħtija lilha, tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha jew fejn dawk id-drittijiet jistgħu joħolqu sitwazzjoni li fiha dik l-attività titwassal sabiex twettaq dan l-abbuż. Il-Qorti Ġenerali għamlitha ċara wkoll li ksur tal-Artikolu 106(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 102 TFUE, jeħtieġ li jiġi stabbilit effett antikompetittiv potenzjali jew attwali li jista’ jirriżulta mill-fatt li l-Istat ikun ta drittijiet speċjali jew esklużivi lil ċerti attivitajiet ( 58 ).

82.

F’dan l-isfond, isir evidenti li — jekk jiġi preżuppost li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tista’ titqies li tagħti lill-ispiżeriji drittijiet speċjali jew esklużivi fl-ambitu tal-Artikolu 106(1) TFUE — xorta għandu jiġi mifhum kif, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, spiżeriji jistgħu jiġu persważi jabbużaw mill-pożizzjoni dominanti tagħhom abbażi tad-drittijiet speċjali jew esklużivi mogħtija.

83.

Madankollu, assolutament l-ebda spjegazzjoni ma tingħata dwar xi waħda minn dawk il-kwistjonijiet. F’dawk iċ-ċirkustanzi, huwa għalhekk impossibbli li jiġi mifhum għaliex jew kif l-Artikoli 102 u 106 TFUE jistgħu jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju ( 59 ).

84.

Fil-fatt, nosserva li domanda li pjuttost tixxiebah kienet saret lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, li fiha qorti Taljana staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikoli 102 u 106 TFUE jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li esklużivament irriżervat id-dritt lil Ċentri għal Pariri dwar it-Taxxa — kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata awtorizzati mill-Ministeru tal-Finanzi Taljan — id-dritt li jagħtu ċertu pariri dwar it-taxxa u attivitajiet ta’ assistenza. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li s-sempliċi ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti permezz ta’ għoti ta drittijiet speċjali jew esklużivi, fih innifisu ma huwiex inkompatibbli mat-Trattati. Għalhekk, ksur tal-Artikoli 102 u 106(1) TFUE ma jirrikjedix biss li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni jkollha effett li tagħti drittijiet speċjali jew esklużivi lil ċerti attivitajiet, iżda wkoll li din il-leġiżlazzjoni tista’ twassal lil dawk l-attivitajiet li jabbużaw minn pożizzjoni dominanti. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li la d-digriet tar-rinviju u lanqas l-osservazzjonijiet bil-miktub ma pprovdewlha informazzjoni fattwali u legali li jistgħu jwassluha sabiex tiddetermina jekk ir-rekwiżiti dwar l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti jew fuq aġir abbużiv, fi ħdan id-definizzjoni tal-Artikoli 102 u 106(1) TFUE ntlaħqux. Hija għalhekk iddikjarat id-domanda inammissibbli ( 60 ).

85.

Fl-opinjoni tiegħi, dan il-każ iwassal għall-istess konklużjoni.

2. Sustanza

86.

Kif semmejt iktar ’il fuq, ma nistax insib, la fid-digriet tar-rinviju u lanqas fl-osservazzjonijiet ippreżentati minn D.G. Gullotta, xi element li jissuġġerixxi possibbiltà ta’ ksur tal-Artikoli 102 u 106(1) TFUE.

87.

Konsegwentement, ma nara l-ebda raġuni għaliex l-Artikoli 102 u 106 TFUE għandhom jiġu interpretati li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, li tirriżerva l-bejgħ bl-imnut ta’ ċerti prodotti mediċinali għal spiżeriji biss, bl-esklużjoni għall-paraspiżeriji.

E – Osservazzjonijiet finali

88.

Fis-sena 2014, kien hemm kważi 40 każ li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet talbiet għal domandi preliminari jew minħabba li dawn kienu kompletament inammissibbli, jew minħabba assenza ċara ta’ ġurisdizzjoni. F’numru ta’ kawżi daqstant ieħor sinjifikattiv, talbiet minn qrati nazzjonali kienu parzjalment miċħuda fuq dawk ir-raġunijiet. Il-maġġoranza kbira ta’ dawk il-kawżi wrew preċiżament it-tipi ta’ kwistjonijiet proċedurali li ġew eżaminati f’dawn il-konklużjonijiet: (i) domandi dwar l-interpretazzjoni ta’ libertajiet fundamentali minkejja l-fatt li l-aspetti kollha tal-kawża prinċipali huma limitati għal Stat Membru wieħed ( 61 ); (ii) domandi dwar l-interpretazzjoni tal-Karta f’kawżi li ma ppreżentaw l-ebda konnessjoni ċara mad-dritt tal-Unjoni ( 62 ); jew (iii) digrieti tar-rinviju li naqsu milli jiddeskrivu l-kuntest fattwali u leġiżlattiv bażiku għad-domandi magħmula ( 63 ).

89.

Sfortunatament, ma hijiex xi ħaġa rari għall-qrati nazzjonali li jagħmlu domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja li jqajmu dubju dwar il-kompatibbiltà ta’ liġijiet nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni permezz ta’ riferiment għal numru relattivament sinjifikattiv ta’ dispożizzjonijiet tal-Unjoni, iżda mingħajr spjegazzjoni li tgħid għaliex kull waħda minn dawk id-dispożizzjonijiet tista’ tkun rilevanti għall-kawża inkunsiderazzjoni. Jitqajmu problemi analogi minn riferimenti li, bil-kontra, iqajmu dubju dwar il-kompatibbiltà ta’ liġijiet nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni mingħajr ma jidentifikaw xi dispożizzjoni speċifika tad-dritt tal-Unjoni.

90.

Din il-prassi ma hijiex aċċettabbli. Kull kawża miċħuda għal raġunijiet proċedurali tirriżulta f’ħela sinjifikattiva ta’ riżorsi kemm għall-qorti nazzjonali li tressaq il-kawża u kemm għall-ġudikatura tal-Unjoni (b’mod partikolari, minħabba l-ħtieġa tat-traduzzjoni tad-digriet tar-rinviju fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea). L-amministrazzjoni tal-ġustizzja hija wkoll imtawla fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, mingħajr ma tipproduċi xi benefiċċji.

91.

L-Artikolu 19(1) TUE jindika bħala gwardjani tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, kemm lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll lill-qrati u t-tribunali tal-Istati Membri. Tabilħaqq, kemm l-UE kif ukoll il-qrati nazzjonali ġew fdati bil-kompitu li jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha u li jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet tal-individwu skont dik il-liġi ( 64 ).

92.

Fid-dawl ta’ dan il-prinċipju Kostituzzjonali prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija ħerqana li tagħmel l-aħjar li tista’ sabiex tgħin lill-qrati nazzjonali jilħqu l-funzjoni ġudizzjarja tagħhom fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha konjizzjoni tal-limiti imposti mit-Trattati fuq l-attivitajiet tagħha.

93.

Il-qrati nazzjonali għandhom ikollhom konjizzjoni ta’ dawk il-limiti. B’mod partikolari, għandhom ikunu konxji ta’ deċiżjonijiet reċenti li jindikaw li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tadotta approċċ iktar strett fl-evalwazzjoni tal-ġurisprudenza tagħha sabiex tirrispondi domandi taħt l-Artikolu 267 TFUE u fuq l-ammissibbiltà ta’ dawn id-domandi.

94.

B’mod iktar ġenerali, il-qrati nazzjonali għandhom dejjem iżommu f’moħħhom li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera li huwa l-bażi tal-proċedura fl-Artikolu 267 TFUE ( 65 ) japplika reċiprokament. Huma għandhom jgħinu lill-Qorti tal-Ġustizzja ... sabiex tgħinhom.

IV – Konklużjoni

95.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li t-tieni u t-tielet domandi magħmula mit-Tribunale Amministrativo Regionale per la Sicilia fil-Kawża C‑497/12 huma inammissibbli.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi The Chartered Institute of Patent Attorneys, C‑307/10, EU:C:2012:361, punt 31, u Danske Slagterier, C‑445/06, EU:C:2009:178, punt 65. Ara, ukoll, is-sentenza Meilicke, C‑83/91, EU:C:1992:332, punt 22.

( 3 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenzi Kamberaj, C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 41; Zurita García u Choque Cabrera, C‑261/08 u C‑348/08, EU:C:2009:648, punt 36; u Schneider, C‑380/01, EU:C:2004:73, punt 23.

( 4 ) Fi snin reċenti, kien hemm żieda progressiva ta’ kawżi li daħlu. Dan il-fenomenu laħaq il-quċċata tiegħu fl-2013, is-sena li matulha l-Qorti tal-Ġustizzja tat l-ikbar numru ta’ sentenzi f’kull żmien u rċeviet ukoll l-ikbar numru ta’ kawżi ġodda għal kull żmien. F’dik is-sena, talbiet għal deċiżjonijiet preliminari ammontaw għal madwar 60% ta’ dawk il-kawżi (ara r-Rapport Annwali 2013 tal-Qorti tal-Ġustizzja).

( 5 ) Tant sabiex isir riferiment għal xi sentenzi: Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756; Z., C‑363/12, EU:C:2014:159; D., C‑167/12, EU:C:2014:169; International Stem Cell Corporation, C‑364/13, EU:C:2014:2451; u Kawża C‑62/14, Gauweiler et, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

( 6 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Venturini et, C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:529, punti 22 sa 25.

( 7 ) C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:791.

( 8 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill, C‑50/00 P, EU:C:2002:462, punti 44 u 45.

( 9 ) Ara s-sentenza Torralbo Marcos, EU:C:2014:187, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 10 ) Dwar din il-kwistjoni, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda Torresi, C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:265, punti 19 sa 81.

( 11 ) Ara l-Artikolu 100(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-“Regoli tal-Proċedura”).

( 12 ) Ara, inter alia, id-digriet Viacom, EU:C:2002:569, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 13 ) Fil-fatt, iż-żewġ sitwazzjonijiet huma msemmija separatament fl-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdi: “Meta l-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma jkollhiex kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża jew meta talba jew rikors ikunu manifestament inammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura”.

( 14 ) Wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-fatti rilevanti u l-liġijiet nazzjonali applikabbli huma stabbiliti mill-qorti nazzjonali fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha. Bħala regola, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tqajjimx dubji dwar dawk l-aspetti tat-talba. Ara, pereżempju, is-sentenza Trespa International, C‑248/07, EU:C:2008:607, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 15 ) Ara, f’dan is-sens, C. Naômé, Le renvoi préjudiciel en droit européen - Guide pratique, Larcier, Brussell: 2010 (it-Tieni Edizzjoni), p. 85 u 86.

( 16 ) Ara, pereżempju, id-digriet Killinger vs Il‑Ġermanja et, C‑396/03 P, EU:C:2005:355, punti 15 u 26.

( 17 ) Ara, pereżempju, id-digriet Kauk vs Il‑Ġermanja, T‑334/11, EU:T:2011:408.

( 18 ) Ara, pereżempju, id-digriet Calvi vs Il‑Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, C‑171/14 P, EU:C:2014:2281.

( 19 ) Ara, b’mod partikolari, id-digriet Gluiber vs Il‑Ġermanja, T‑126/98, EU:T:1998:237.

( 20 ) Ara, pereżempju, id-digriet Alsharghawi vs Il‑Kunsill, T‑532/14 R, EU:T:2014:732.

( 21 ) Kif jipprovdi l-Artikolu 19 tal-Istatut. Ara, pereżempju, id-digriet ADR Center vs Il‑Kummissjoni, C‑259/14 P, EU:C:2014:2417.

( 22 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑225/98, EU:C:2000:494, punt 69.

( 23 ) EU:C:2013:791.

( 24 ) Ara, inter alia, is-sentenzi USSL no 47 di Biella, C‑134/95, EU:C:1997:16, punt 19; RI.SAN.; C‑108/98, EU:C:1999:400, punt 23; u Omalet, C‑245/09, EU:C:2010:808, punt 12.

( 25 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Venturini et, EU:C:2013:529, punti 32 sa 52.

( 26 ) Ibid., punti 53 sa 55.

( 27 ) Ibid., punti 24 u 55.

( 28 ) Ibid., punti 38, 42 sa 44, 50 u 51.

( 29 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Airport Shuttle Express et, C‑162/12 u C‑163/12, EU:C:2013:617, punti 26 sa 60.

( 30 ) Ara s-sentenza Airport Shuttle Express et, C‑162/12 u C‑163/12, EU:C:2014:74, punti 28 sa 51.

( 31 ) Ara l-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 32 ) Digriet Tudoran, C‑92/14, EU:C:2014:2051, punti 34 sa 42.

( 33 ) Diriet Szabó, C‑204/14, EU:C:2014:2220, punti 15 sa 25.

( 34 ) Direttiva tal-Kunsill tad-29 ta’ April (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 65).

( 35 ) Ara d-digriet C., C‑122/13, EU:C:2014:59.

( 36 ) Ara d-digriet Bellis et, C‑246/14, EU:C:2014:2291.

( 37 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Romeo, C‑313/12, EU:C:2013:718, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 38 ) Ara l-konklużjoni tiegħi fil-kawża Venturini et, EU:C:2013:529, punti 42 sa 45, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Airport Shuttle Express et, EU:C:2013:617, punti 54 u 55.

( 39 ) EU:C:2013:791.

( 40 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenza Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 17; u d-digriet Sociedade Agrícola e Imobiliária da Quinta de S. Paio, C‑258/13, EU:C:2013:810, punt 18.

( 41 ) Ara, inter alia, id-digriet Boncea et, C‑483/11 u C‑484/11, EU:C:2011:832, punt 29, u s-sentenza Åkerberg Fransson, EU:C:2013:105, punt 19.

( 42 ) Ara, f’dan is-sens, id-digriet Currà et, C‑466/11, EU:C:2012:465, punt 26, u s-sentenza Åkerberg Fransson, EU:C:2013:105, punt 22.

( 43 ) Sentenza Siragusa, C‑206/13, EU:C:2014:126, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 44 ) Ibid., punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 45 ) Ibid., punt 26, u s-sentenza Julián Hernández et, C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 35.

( 46 ) Ara s-sentenza tiegħi fil-kawża Venturini, EU:C:2013:791, punti 40 u 63.

( 47 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Blanco Pérez u Chao Gómez, C‑570/07 u C‑571/07, EU:C:2010:300, punt 44, u Venturini, EU:C:2013:791, punt 59.

( 48 ) Ara s-sentenza Pfleger et, C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 49 ) Ibid., punt 36. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Pfleger et, EU:C:2013:747, punti 36 sa 46.

( 50 ) Ara, f’dan is-sens, fost oħrajn, is-sentenzi Hartlauer, C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 44, u Apothekerkammer des Saarlandes et, C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punt 25.

( 51 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenza Mora IPR, C‑79/12, EU:C:2013:98, punt 35; digrieti Augustus, C‑627/11, EU:C:2012:754, punt 8, u Mlamali, C‑257/13, EU:C:2013:763, punt 18.

( 52 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mora IPR, EU:C:2013:98, punt 36; digrieti Mlamali, EU:C:2013:763, punt 20, u Talasca, C‑19/14, EU:C:2014:2049, punt 19.

( 53 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Asemfo, C‑295/05, EU:C:2007:227, punt 33, u Mora IPR, EU:C:2013:98, punt 37. Ara wkoll id-digriet Laguillaumie, C‑116/00, EU:C:2000:350, punti 23 u 24.

( 54 ) Ara d-digriet Talasca, EU:C:2014:2049, punt 21.

( 55 ) Ara l-punti 48 u 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 56 ) Ibid.

( 57 ) Ara s-sentenza Schaible, C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 58 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenzi fil-kawżi Il‑Kummissjoni vs DEI, C‑553/12 P, EU:C:2014:2083, punti 41 sa 46; MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 49; u Connect Austria, C‑462/99, EU:C:2003:297, punt 80.

( 59 ) Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-ħtieġa għal preċiżjoni, fid-digriet tar-rinviju, fir-rigward tal-kuntest fattwali u leġiżlattiv japplika b’mod speċjali fil-qasam tal-kompetizzjoni, li huwa kkaratterizzat b’sitwazzjonijiet fattwali u legali kumplessi: ara d-digriet Laguillaumie, EU:C:2000:350, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 60 ) C‑451/03, EU:C:2006:208, punti 20 sa 26.

( 61 ) Ara, inter alia, is-sentenza Airport Shuttle Express et, EU:C:2014:74, digrieti Tudoran, EU:C:2014:2051, u Szabó, EU:C:2014:2220.

( 62 ) Ara, inter alia, id-digrieti Kárász, C‑199/14, EU:C:2014:2243; Pańczyk, C‑28/14, EU:C:2014:2003; u Široká, C‑459/13, EU:C:2014:2120.

( 63 ) Ara, inter alia, id-digrieti Herrenknecht, C‑366/14, EU:C:2014:2353; Hunland-Trade, C‑356/14, EU:C:2014:2340; u 3D I, C‑107/14, EU:C:2014:2117.

( 64 ) Ara l-Opinjoni 1/09, EU:C:2011:123, punti 66 sa 69.

( 65 ) Ara l-punt 1 ta’ dawn il-konklużjonijiet.