SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

13 ta’ Mejju 2014 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni — Artikolu 260 TFUE — Għajnuna mill-Istat — Irkupru — Skema ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern — Għajnuna individwali mogħtija fil-kuntest ta’ din l-iskema — Sanzjoni pekunjarja”

Fil-Kawża C‑184/11,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 260(2) TFUE, ippreżentat fit-18 ta’ April 2011,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Urraca Caviedes u B. Stromsky, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, L. Bay Larsen (Relatur), E. Juhász, A. Borg Barthet u C. G. Fernlund, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, A. Prechal, E. Jarašiūnas u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Settembru 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Jannar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tikkonstata li, billi ma adottax il-miżuri neċessarji kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑485/03 sa C‑490/03, EU:C:2006:777), dwar in-nuqqas tar-Renju ta’ Spanja li jwettaq l-obbligi li jirriżultaw mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/820/KE, tal-11 ta’ Lulju 2001, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur l-impriżi tal-provinċja ta’ Álava fil-forma ta’ kreditu ta’ taxxa li jammonta għal 45 % tal-investimenti (ĠU 2002, L 296, p. 1), tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/892/KE, tal-11 ta’ Lulju 2001, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur ċertu impriżi ġodda maħluqa fil-provinċja ta’ Álava (ĠU 2002, L 314, p. 1), tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/27/KE, tal-11 ta’ Lulju 2001, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur l-impriżi tal-provinċja ta’ Vizcaya fil-forma ta’ kreditu ta’ taxxa li jammonta għal 45 % tal-investimenti (ĠU 2003, L 17, p. 1), tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/806/KE, tal-11 ta’ Lulju 2001, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat applikata minn Spanja favur ċertu impriżi ġodda maħluqa fil-provinċja ta’ Vizcaya (ĠU 2002, L 279, p. 35), tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/894/KE, tal-11 ta’ Lulju 2001, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur l-impriżi tal-provinċja ta’ Guipúzcoa fil-forma ta’ kreditu ta’ taxxa li jammonta għal 45 % tal-investimenti (ĠU 2002, L 314, p. 26) u tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/540/KE, tal-11 ta’ Lulju 2001, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur ċertu impriżi ġodda maħluqa fil-provinċja ta’ Guipúzcoa (ĠU 2002, L 174, p. 31, iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt dawn id-deċiżjonijiet u taħt l-Artikolu 260(1) TFUE.

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja jħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità għal ammont ta’ EUR 236 044.80 għal kull ġurnata ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (EU:C:2006:777), mill-ġurnata tal-għoti tas-sentenza li ser tingħata f’din il-kawża u sal-ġurnata tal-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (EU:C:2006:777),

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja jħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li l-ammont tagħha jirriżulta mill-multiplikazzjoni ta’ ammont ta’ EUR 25 817.40 għal kull ġurnata bin-numru ta’ ġranet li matulhom il-ksur ippersista, inkluż bejn l-għoti tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (EU:C:2006:777) u dak tas-sentenza li ser tingħata fil-kawża preżenti jew id-data li fiha dan l-Istat Membru jkun temm il-ksur, u

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Fil-11 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjonijiet ikkontestati, fejn l-ewwel Artikoli tagħhom huma fformulati rispettivament kif ġej:

id-Deċiżjoni 2002/820:

“L-għajnuna mill-Istat, taħt forma ta’ kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % fuq l-investimenti, illegalment implemenatata minn Spanja fil-provinċja ta’ Álava, bi ksur tal-Artikolu 88(3) [KE], permezz tal-Liġi Provinċjali Nru 22/1994, tal-20 ta’ Diċembru 1994, tal-ħames dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi Provinċjali Nru 33/1995, tal-20 ta’ Diċembru 1995, tas-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi Provinċjali Nru 31/1996, tat-18 ta’ Diċembru 1996, emendati bil-punt 2.11 tad-dispożizzjoni derogatorja tal-Liġi Provinċjali Nru 24/1996, tal-5 ta’ Lulju 1996, dwar it-taxxa tal-kumpanniji, tal-ħdax id-dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi Provinċjali Nru 33/1997, tad-19 ta’ Diċembru 1997, tas-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-liġi provinċjali Nru 36/1998, tas-17 ta’ Diċembru 1998, hija inkompatibbli mas-suq komuni”; [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-Deċiżjoni 2002/892:

“L-għajnuna mill-Istat, taħt forma ta’ tnaqqis tal-bażi taxxabbli, illegalment implementata minn Spanja fil-provinċja ta’ Álava, bi ksur tal-Artikolu 88(3) [KE], permezz tal-Artikolu 26 tal-Liġi Provinċjali 24/1996, tal-5 ta’ Lulju, hija inkompatibbli mas-suq komuni”; [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-Deċiżjoni 2003/27:

“L-għajnuna mill-Istat, taħt forma ta’ kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % fuq l-investimenti, illegalment implementata minn Spanja fil-provinċja ta’ Vizcaya, bi ksur tal-Artikolu 88(3) [KE], permezz tar-raba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi Provinċjali Nru 7/1996, tas-26 ta’ Diċembru1996, estiża mingħajr limitazzjoni ratione temporis mit-tieni dispożizzjoni tal-Liġi Provinċjali Nru 4/1998, tat-2 ta’ April 1998, hija inkompatibbli mas-suq komuni”; [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-Deċiżjoni 2002/806:

“L-għajnuna mill-Istat, taħt forma ta’ tnaqqis tal-bażi taxxabbli, illegalment implementata minn Spanja fil-provinċja ta’ Vizcaya, bi ksur tal-Artikolu 88(3) [KE], permezz tal-Artikolu 26 tal-Liġi Provinċjali 3/1996, tas-26 ta’ Ġunju, hija inkompatibbli mas-suq komuni”; [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-Deċiżjoni 2002/894:

“L-għajnuna mill-Istat, taħt forma ta’ kreditu ta’ taxxa ta’ 45% fuq l-investimenti, illegalment implementata minn Spanja fil-provinċja ta’ Guipúzcoa, bi ksur tal-Artikolu 88(3) [KE], permezz tat-tieni dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi Provinċjali 7/1997, tat-22 ta’ Diċembru 1997, hija inkompatibbli mas-suq komuni”; [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-Deċiżjoni 2002/540:

“L-għajnuna mill-Istat, taħt forma ta’ tnaqqis tal-bażi taxxabbli, illegalment implementata minn Spanja fil-provinċja ta’ Guipúzcoa, bi ksur tal-Artikolu 88(3) [KE], permezz tal-Artikolu 26 tal-Liġi Provinċjali 7/1996 tal-4 ta’ Lulju, hija inkompatibbli mas-suq komuni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3

L-Artikolu 2 ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet ikkontestati jordna li r-Renju ta’ Spanja jwaqqaf l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni sa fejn għadha tipproduċi effetti.

4

L-Artikolu 3 ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet huwa redatt fit-termini li ġejjin:

“1.   Spanja għandha tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tirkupra mingħand il-benefiċjarji tagħhom l-għajnuniet previsti fl-Artikolu 1 u diġà illegalment imqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom.

[...]

2.   L-irkupru jrid isir mingħajr dewmien, skont il-proċeduri tad-dritt nazzjonali, sakemm dawn jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva ta’ din id-deċiżjoni. L-għajnuna li trid tiġi rkuprata tinkludi l-interessi li jibdew jiddekorru mid-data li fiha din tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji, sad-data tal-irkupru tagħha. L-interessi huma kkalkolati abbażi ta’ rata ta’ riferiment użata għall-kalkolu tas-sussidju ekwivalenti fil-kuntest tal-għajnuna reġjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

L-Artikolu 4 ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet jipprovdi:

“Spanja għandha tinforma lill-Kummissjoni, f’terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni, bil-miżuri li hija tkun ħadet sabiex tikkonforma ruħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja

6

Fid-19 ta’ Novembru 2003 il-Kummissjoni ppreżentat, skont l-Artikolu 88(2) KE, sitt rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Renu ta’ Spanja, fejn dawn b’mod partikolari kellhom bħala suġġett li jiġi kkonstatat li dan l-Istat Membru ma kienx ħa, fit-termini previsti, il-miżuri neċessarji kollha sabiex jikkonforma ruħu mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2 u 3 ta’ kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati.

7

Fis-sentenza tagħha Il‑Kummissjoni vs Spanja (EU:C:2006:777), mogħtija fl-14 ta’ Diċembru 2006, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Renju ta’ Spanja kien naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mal-imsemmija Artikoli 2 u 3.

Il-proċedura prekontenzjuża

8

Permezz ta’ ittri tal-21 ta’ Diċembru 2006 u tas-7 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni talbet lir-Renju ta’ Spanja li jipprovdilha informazzjoni fuq il-miżuri adottati għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (EU:C:2006:777).

9

Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tal-11 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura prevista fl-Artikolu 228(2) KE, billi osservat li hija ma kinitx irċeviet informazzjoni dwar il-miżuri adottati mir-Renju ta’ Spanja sabiex jikkonforma ruħu ma’ din is-sentenza.

10

Bħala tweġiba għal din l-ittra ta’ intimazzjoni, ir-Renju ta’ Spanja ttrażmetta lill-Kummissjoni, fil-11 ta’ Settembru 2007, informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni f’din is-sentenza (iktar ’il quddiem l-“iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni”), dwar l-ammonti li kellhom jiġu rkuprati sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tal-istess sentenza u dwar il-miżuri adottati sabiex isir l-irkupru tagħhom.

11

Fit-3 ta’ Ottubru 2007, fuq talba tar-Renju ta’ Spanja, saret laqgħa mad-dipartimenti tal-Kummissjoni, sabiex jiġu ppreċiżati l-metodi li kellhom jiġu applikati sabiex jiġu stabbiliti l-ammonti ta’ għanjnuna li kellhom jiġu rkuprati. Sussegwentement, ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni skambjaw diversi korrispondenzi dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati u tal-metodi applikati sabiex tiġi żgurata din l-eżekuzzjoni

12

Fis-27 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni indirizzat lir-Renju ta’ Spanja opinjoni motivata, iffirmata fis-26 ta’ Ġunju 2008, li fiha hija kkunsidrat li dan l-Istat Membru ma kienx adotta l-miżuri neċessarji kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (EU:C:2006:777). F’din l-opinjoni motivata, hija rrilevat b’mod partikolari l-fatt li parti waħda biss mill-għajnuna mogħtija fil-kuntest tal-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni (iktar ’il quddiem l-“għajnuna illegali inkwistjoni”) kienet ġiet irkuprata u li l-informazzjoni rċevuta mill-Kummissjoni la kienet tippermetti li jiġu identifikati l-benefiċjarji kollha tal-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni u lanqas li jiġi stabbilit b’liema mod l-awtoritajiet Spanjoli kienu waslu għall-konklużjoni li parti mill-għajnuna illegali inkwistjoni ma kellhiex tiġi rkuprata. Barra minn hekk, hija stiednet lir-Renju ta’ Spanja sabiex jikkonforma ruħu mal-imsemmija opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri min-notifika tiegħu, billi jadotta l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza.

13

B’ittra tat-28 ta’ Awwissu 2008, l-awtoritajiet Spanjoli wieġbu għall-opinjoni motivata billi indikaw li huma kienu jqisu li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha pprovduta preċedentement u billi taw punti ta’ spjegazzjoni dwar il-metodu applikat sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-għajnuna illegali inkwistjoni li għandu jkun is-suġġett ta’ rkupru.

14

Sussegwentement, ġew organizzati żewġ laqgħat ġodda bejn l-awtoritajiet Spanjoli u l-Kummissjoni u diversi korrispondenzi ġew skambjati sabiex jiġu ppreċiżati l-miżuri li r-Renju ta’ Spanja kellu jadotta sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (EU:C:2006:777).

15

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ressqet din l-azzjoni legali fit-18 ta’ April 2011.

L-iżviluppi li seħħew matul din il-proċedura

16

Sussegwentement għal diversi komunikazzjonijiet suċċessivi, mir-Renju ta’ Spanja, ta’ informazzjoni u ta’ dokumenti dwar l-irkupru tal-għajnuna illegali inkwistjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat, fit-30 ta’ Ottubru 2013, li dan l-Istat Membru kien ikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu skont is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (EU:C:2006:777).

17

Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkunsidra li ma huwiex iktar neċessarju li r-Renju ta’ Spanja jiġi suġġett għall-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità. Madankollu, hija żżomm it-talba tagħha sabiex dan l-Istat Membru jiġi kkundannat għall-ħlas ta’ somma f’daqqa.

Fuq l-ammissibbiltà tal-azzjoni legali

L-argumenti tal-partijiet

18

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-azzjoni legali tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda, peress li ma tippreċiżax l-ammonti tal-għajnuna illegali mhux irkuprati, li jikkorrispondu, rispettament, għal kull wieħed min-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu invokati, għal kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati u għal kull wieħed mill-benefiċjarji tal-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni.

19

Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rikors tagħha jagħti indikazzjonijiet suffiċjenti dwar l-ammonti li kien għad iridu jiġu rkuprati u li r-Renju ta’ Spanja huwa fil-pożizzjoni li jikkalkola faċilment is-somom ikkonċernati għal kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

20

Skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikolu 38(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fid-data tat-tressiq tal-azzjoni legali tal-Kummissjoni, din tal-aħħar hija meħtieġa, f’kull rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 260 TFUE, li tindika l-ilmenti preċiżi li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi kif ukoll, b’mod minn tal-inqas fil-qosor, il-punti ta’ liġi u ta’ fatt li fuqhom ikunu bbażati dawn l-ilmenti (ara, b’analoġija, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, C‑52/90, EU:C:1992:151, punt 17, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑281/11, EU:C:2013:855, punt 53).

21

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li kemm mill-motivi kif ukoll mit-talbiet tar-rikors tal-Kummissjoni jirriżulta b’mod ċar li din tal-aħħar takkuża lir-Renju ta’ Spanja li ma adottax miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (EU:C:2006:777), billi naqas milli jirkupra parti kunsiderevoli mill-għajnuna illegali inkwistjoni.

22

Fir-rigward iktar partikolarment tal-assenza ta’ indikazzjoni ddettaljata, fir-rikors, tat-tqassim tal-ammont tal-għajnuna mhux irkuprata, għandu jitfakkar li, meta hemm inkwistjoni l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet li jirrigwardaw skemi ta’ għajnuna, huma l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat, fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna, li għandhom jivverifikaw is-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punti 63, 64 u 121, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑613/11, EU:C:2013:192, punt 40), peress li dawn l-awtoritajiet jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiddeterminaw l-ammonti preċiżi li għandhom jitħallsu lura (sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑441/06, EU:C:2007:616, punt 39). Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni tista’, matul proċedura ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali, tillimita ruħha li tinsisti fuq l-osservanza tal-obbligu ta’ ħlas lura tal-ammonti ta’ għajnuna inkwistjoni u tħalli lill-awtoritajiet nazzjonali jieħdu ħsieb li jikkalkolaw l-ammont preċiż tas-somom li għandu jiġi rkuprat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑369/07, EU:C:2009:428, punt 49).

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżit ta’ preċiżjoni u ta’ koerenza tar-rikors promotur ma jistax jimplika li l-Kummissjoni għandha, fl-okkażjoni tal-preżentata ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirrigwarda l-adozzjoni ta’ miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza li kkonstatat nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq l-obbligu tiegħu li jirkupra għajnuna illegali, tindika fir-rikors tagħha l-ammont preċiż ta’ għajnuna li għandu jiġi rkuprat skont deċiżjoni partikolari jew, a fortiori, mingħand kull wieħed mill-benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern.

24

B’konsegwenza, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-azzjoni legali mqajma mir-Renju ta’ Spanja għandha tiġi miċħuda.

Fuq in-nuqqas ta ’ twettiq ta ’ obbligu

L-argumenti tal-partijiet

25

Il-Kummissjoni ssostni li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-deċiżjonijiet ikkontestati u taħt is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (EU:C:2006:777), billi ma rkuprax l-għajnuna illegali kollha inkwistjoni.

26

Hija tirrileva, b’mod partikolari, li l-argumenti mressqa mill-awtoritajiet Spanjoli sabiex ma jirkuprawx parti minn din l-għajnuna, ibbażati fuq il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, fuq l-applikazzjoni ta’ tnaqqis sa limitu ta’ EUR 100 000 skont ir-regoli dwar għajnuna de minimis u fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tnaqqis fiskali retroattiv, ma humiex fondati jew ma humiex ibbażati fuq provi suffiċjenti. Il‑Kummissjoni ssostni wkoll li wħud mill-ordnijiet għal ħlas maħruġa mill-awtoritajiet Spanjoli ma ġewx eżegwiti.

27

Hija tiddeduċi minn dan li l-ammonti li kienu għadhom ma ġewx irkuprati matul it-tressiq tal-azzjoni legali tagħha jirrappreżentaw madwar 87 % tat-total tal-għajnuna illegali inkwistjoni li għandha tiġi rkuprata.

28

Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-evalwazzjoni globali magħmula mill-Kummissjoni u jikkunsidra li l-għajnuna illegali inkwistjoni koperta mill-obbligu ta’ rkupru ġiet irkuprata.

29

Dan l-Istat Membru josserva b’mod partikolari li l-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ din l-għajnuna individwali ma għandhiex tiġi evalwata abbażi tal-Linji ta’ gwida dwar għajnuna nazzjonali reġjonali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 226) u li fi kwalunkwe każ, din l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjoni dwar l-effett ta’ inċentiv, previst f’dawn il-linji gwida jew il-kundizzjonijiet previsti f’linji ġwida oħra speċifiċi.

30

Huwa jsostni, barra minn hekk, li l-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1996 dwar l-għajnuna de minimis (ĠU 1996, C 68, p. 9) tippermetti li l-awtoritajiet Spanjoli ma jirkuprawx l-ammonti mogħtija lill-benefiċjarji ta’ skemi ta’ għajnuna inkwistjoni li ma jaqbżux il-limitu ta’ EUR 100 000 għal kull perijodu ta’ tliet snin iffissat f’din il-komunikazzjoni.

31

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni, minbarra dan, li huwa għandu jkun jista’ jagħti retroattivament lill-benefiċjarji ta’ dawn l-iskemi ta’ għajnuna t-tnaqqis fiskali previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li ma kienx ġie applikat għalihom minħabba l-fatt li huma kienu bbenefikaw mill-għajnuna illegali inkwistjoni.

32

Dan l-Istat Membru jiċħad ukoll l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-assenza ta’ eżekuzzjoni ta’ ordnijiet għal ħlas u jikkontesta l-kalkolu tal-interessi fuq bażi komposta propost mill-Kummissjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

33

Sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-Renju ta’ Spanja adottax il-miżuri neċesarji kollha sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (EU:C:2006:777), hemm lok li jiġi vverifikat jekk l-ammonti tal-għajnuna illegali inkwistjoni kinux tħallsu lura mill-impriżi benefiċjarji tagħhom.

34

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonċerna l-Artikolu 228(2) KE, id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont din id-dispożizzjoni hija dik ta’ meta jiskadi t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata maħruġa skont din id-dispożizzjoni (ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑304/02, EU:C:2005:444, punt 30, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, EU:C:2009:428, punt 43).

35

Peress li t-Trattat FUE ħassar, fil-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE, l-istadju relatat mal-ħruġ ta’ opinjoni motivata, id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 260(1) TFUE hija dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni maħruġa skont din id-dispożizzjoni (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 67, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑576/11, EU:C:2013:773, punt 29).

36

Madankollu, meta l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tkun inbdiet abbażi tal-Artikolu 228(2) KE u meta opinjoni motivata tkun inħarġet qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jiġifieri fl-1 ta’ Diċembru 2009, id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit f’din l-opinjoni motivata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑533/11, EU:C:2013:659, punt 32).

37

Isegwi li, peress li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni ħarġet l-opinjoni motivata fis-26 ta’ Ġunju 2008, id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit f’din l-opinjoni motivata, jiġifieri s-27 ta’ Awwissu 2008.

38

Issa, huwa paċifiku li, f’din id-data, l-għajnuna illegali inkwistjoni li kellha tiġi rkuprata ma kinitx ġiet għalkollox irkuprata mill-awtoritajiet Spanjoli.

39

Fil-fatt, għalkemm ir-Renju ta’ Spanja jsostni diversi argumenti rigward l-ammont tal-għajnuna illegali inkwistjoni li kellha tiġi rkuprata jew li effettivament kienet ġiet irkuprata, minn indikazzjonijiet bil-miktub mogħtija bħala tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja u minn preċiżazzjonijiet magħmula waqt is-seduta jirriżulta li r-Renju ta’ Spanja rrikonoxxa li, anki jekk jiġi preżunt li dawn l-argumenti kollha huma ammissibbli u fondati, parti sostanzjali mill-għajnuna li kellha tiġi rkuprata sabiex tiġi eżegwita s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (EU:C:2006:777) ma kinitx ġiet irkuprata fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata.

40

Ir-Renju ta’ Spanja ma jistax għalhekk validament isostni li huwa ħa, f’dan it-terminu, il-miżuri neċessarji kollha sabiex iwettaq b’suċċess il-proċedura ta’ rkupru tal-għajnuna illegali inkwistjoni.

41

B’konsegwenza, hemm lok li jiġi kkonstatat li, billi ma ħax, fid-data li fiha skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata maħruġa fis-26 ta’ Ġunju 2008 mill-Kummissjoni, il-miżuri neċessarji kollha għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (EU:C:2006:777), ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 260(1) TFUE.

Fuq is-sanzjonijiet pekunjarji

Fuq it-talba ta ’ individwalizzazzjoni tal-livell ta ’ nuqqas ta ’ eżekuzzjoni ta ’ kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati

L-argumenti tal-partijiet

42

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-obbligu li tippreċiża, għal kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati, is-somom li għadhom ma ġewx irkuprati, peress li dan l-Istat Membru huwa obbligat, skont id-dritt intern tiegħu, li jgħaddi s-sanzjonijiet imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-entitajiet infra-statali responsabbli mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

43

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li t-tqassim tal-kompetenzi tas-setgħa ċentrali u tas-setgħa reġjonali fuq il-livell intern ma jistax ikollu effett fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 260 TFUE, peress li l-Istat Membru kkonċernat jibqa’ l-uniku wieħed responsabbli, fil-konfront tal-Unjoni Ewropea, għall-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, EU:C:2012:781, punt 132).

44

Isegwi li l-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 260(2) TFUE ma tistax tiddependi fuq aspetti partikolari tal-organizzazzjoni interna tal-Istat Membru kkonċernat.

45

Barra minn hekk, mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 22 ta’ din is-sentenza jirriżulta li huwa r-Renju ta’ Spanja li għandu jivverifika s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata u li għandu jikkalkola l-ammont preċiż tal-għajnuna li effettivament kellha tiġi rkuprata skont id-deċiżjonijiet ikkontestati, billi jieħu inkunsiderazzjoni l-indikazzjonijiet li jirriżultaw minn dawn id-deċiżjonijiet.

46

Din it-talba tar-Renju ta’ Spanja għandha għalhekk tiġi miċħuda.

Fuq is-somma f’daqqa

L-argumenti tal-partijiet

47

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-punti legali u fattwali kollha relatati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat jikkostitwixxu indikatur li l-prevenzjoni effettiva ta’ repetizzjoni futura ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni hija ta’ natura li teħtieġ l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva bħall-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa.

48

Filwaqt li bbażat ruħha fuq il-komunikazzjoni tat-13 ta’ Diċembru 2005, intitolata “Implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 228 tat-Trattat KE” [SEC(2005) 1658] (ĠU 2007, C 126, p. 12), hekk kif aġġornata permezz tal-komunikazzjoni tagħha tal-20 ta’ Lulju 2010, intitolata “L-Applikazzjoni tal-Artikolu 260 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — L-aġġornament tad-dejta użata biex jiġu kkalkolati s-somom f’daqqa u l-pagamenti ta’ penalità li jkunu ser jiġu proposti mill-Kummissjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ ksur” [SEC(2010) 923/3], il-Kummissjoni tipproponi li l-ammont ta’ din is-somma f’daqqa jiġi kkalkolat billi jiġi stabbilit, għall-ewwel, ammont għal kull ġurnata li jirriżulta mill-multiplikazzjoni ta’ ammont standard b’rata fissa b’koeffiċjent ta’ gravità u “fattur n” billi jitqiesu kemm il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu kif ukoll in-numru ta’ voti li dan tal-aħħar għandu fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, dan l-ammont għal kull ġurnata għandu jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ ġranet ta’ persistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu sabiex jinkiseb l-ammont totali tas-somma f’daqqa.

49

F’dak li jikkonċerna t-tul tal-ksur, il-Kummissjoni tikkunsidra li n-nuqqas ikkonstatat dam 2500 ġurnata mid-data tal-għoti tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (EU:C:2006:777). Dan it-tul jirriżulta mir-rieda tar-Renju ta’ Spanja li jdewwem l-irkupru tal-għajnuna illegali inkwistjoni, billi informa lill-Kummissjoni b’ċerti diffikultijiet li ltaqa’ magħhom biss wara li ntbagħtet l-opinjoni motivata, jiġifieri iktar minn tmien snin wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

50

Fir-rigward tal-gravità tal-ksur, din l-istituzzjoni tfakkar in-natura fundamentali tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. Hija ssostni wkoll li iktar minn 100 impriża bbenefikaw mill-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni u li l-gravità tal-ksur ikkonstatat hija żvelata mill-ammont tal-għajnuna mhux irkuprat, li jammonta għal EUR 569 041 135.75, jiġifieri 87 % tal-ammont totali li għandu jiġi rkuprat. Minbarra dan hija tirrileva li dan ma huwiex l-ewwel każ li fih ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu li jirkupra għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern b’mod immedjat u effettiv.

51

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni tikkunsidra li somma f’daqqa ta’ EUR 64 543 500 hija xierqa għaċ-ċirkustanzi u proporzjonata kemm man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni, kif ukoll mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat. Dan l-ammont jinkiseb bil-multiplikazzjoni ta’ ammont għal kull ġurnata ta’ EUR 25 817.40, li jirriżulta mill-multiplikazzjoni ta’ ammont standard b’rata fissa ta’ EUR 210 għal kull ġurnata, koeffiċjent ta’ gravità ta’ 9 fuq skala minn 1 sa 20 u fattur “n” ta’ 13.66, bin-numru ta’ ġranet ta’ persistenza tal-ksur stabbilit għal 2500.

52

Ir-Renju ta’ Spanja jirrileva, l-ewwel nett, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex marbuta bil-metodoloġija użata mill-Kummissjoni, li tirriżulta mill-komunikazzjoni msemmija fil-punt 48 ta’ din is-sentenza.

53

Huwa jsostni, sussegwentement, li d-dewmien fl-irkupru ta’ ċerti somom ma jirriżultax minn nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (EU:C:2006:777), iżda minn diverġenza dwar il-kriterji applikabbli fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru tal-għajnuna, li l-persistenza tagħha taqa’, parzjalment, taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni.

54

Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta, minbarra dan, il-gravità tal-ksur billi jsostni li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni qed teżerċita għall-ewwel darba il-kompetenzi tagħha fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat relatata ma’ miżuri fiskali, li jqiegħed f’perspettiva l-importanza ta’ regoli allegatament miksura f’dan il-każ. Il-koeffiċjent ta’ gravità għandu għalhekk jiġi stabbilit għal 1.

55

Huwa jikkunsidra, barra minn hekk, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ksur inkwistjoni jikkonċerna biss reġjun, li jgawdi minn awtonomija sinjifikattiva u jirrappreżenta 6.24 % tal-prodott domestiku gross (PDG) Spanjol, billi l-ammont standard b’rata fissa jiġi ffissat għal EUR 13. Din il-karatteristika timplika, fil-fatt, tnaqqis tal-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu peress li hija tillimita l-konsegwenzi tiegħu fuq l-interessi ġenerali u partikolari.

56

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni, fl-aħħar nett, li ċ-ċirkustanza li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat f’żewġ kawżi oħra nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ dan l-Istat Membru fir-rigward tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat hija ineffettiva.

57

Huwa jiddeduċi minn dawn l-elementi li l-ammont għal kull ġurnata użat għall-kalkolu tas-somma f’daqqa għandu jkun limitat għal EUR 177.58.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

58

Preliminarjament, għandu jitfakkar li hija l-Qorti tal-Ġustizzja, f’kull kawża u skont iċ-ċirkustanzi tal-każ li tkun ġiet adita bih kif ukoll skont il-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha li jkun meħtieġ, li għandha tadotta s-sanzjonijiet pekunjarji xierqa, bħall-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa, b’mod partikolari għall-prevenzjoni ta’ repetizzjoni ta’ ksur analogi tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑121/07, EU:C:2008:695, punt 59, u Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑279/11, EU:C:2012:834, punt 66).

59

Il-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa hija bbażata essenzjalment fuq l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat fuq l-interessi privati u pubbliċi, b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun ippersista matul żmien twil, wara li tkun ingħatat is-sentenza li kienet inizjalment ikkonstatatu (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Franza, EU:C:2008:695, punt 58, u Il‑Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, C‑241/11, EU:C:2013:423, punt 40).

60

Il-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u l-iffissar tal-ammont eventwali ta’ din is-somma għandhom, f’kull każ, jibqgħu suġġetti għall-elementi rilevanti kollha relatati kemm mal-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll mal-attitudni stess tal-Istat Membru kkonċernat mill-proċedura mibdija abbażi tal-Artikolu 260 TFUE. F’dan ir-rigward, din id-dispożizzjoni tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi jekk hemmx lok li timponi jew le tali sanzjoni u li tiddetermina, jekk ikun il-każ, l-ammont tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Spanja, EU:C:2012:781, punt 141, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, EU:C:2013:773, punti 58 u 59).

61

Għalhekk, il-proposti tal-Kummissjoni ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja u huma biss bażi ta’ riferiment utli. Bl-istess mod, linji gwida bħal dawk li jinsabu fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jikkontribwixxu sabiex jiżguraw it-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni mibdija mill-Kummissjoni (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑70/06, EU:C:2008:3, punt 34, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, EU:C:2009:428, punt 112).

62

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li ġejjin sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-talba ta’ kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa fformulata mill-Kummissjoni.

63

F’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, it-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, ma huwiex ikkontestat li l-proċess ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali inkwistjoni ġie estiż fuq iktar minn ħames snin wara l-għoti tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (EU:C:2006:777).

64

Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Istat Membru kkonċernat għandu jirnexxilu jirkupra b’mod effettiv is-somom dovuti, peress li rkupru tardiv, wara t-termini stabbiliti, ma jissodisfax ir-rekwiżiti tat-Trattat KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑496/09, EU:C:2011:740, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-argument imressaq mir-Renju ta’ Spanja li jgħid li d-dewmien osservat fl-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (EU:C:2006:777), huwa ġġustifikat bl-eżistenza ta’ diverġenzi ta’ opinjoni mal-Kummissjoni li jirriżultaw mill-assenza ta’ preċedent rilevanti, ma jistax jiġi aċċettat.

66

Fil-fatt, għalkemm huwa veru li wħud mill-problemi mqajma minn dan l-Istat Membru matul il-proċedura ta’ rkupru tal-għajnuna illegali inkwistjoni kienu jippreżentaw natura ġdida, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Stat Membru li, matul l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, jiltaqa’ ma diffikultajiet imprevisti u imprevedibbli jew isir jaf b’konsegwenzi mhux maħsuba mill-Kummissjoni għandu jressaq dawn il-problemi għall-evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar billi jipproponi modifiki xierqa għad-deċiżjoni inkwistjoni (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑354/10, EU:C:2012:109, punt 70, u Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑411/12, EU:C:2013:832, punt 38).

67

Issa, mill-proċess imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-awtoritajiet Spanjoli ma għamlux kuntatt mal-Kummissjoni qabel ma rċevew l-ittra ta’ intimazzjoni u kien biss wara sentejn mill-għoti tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (EU:C:2006:777) li bdew iressqu quddiem din l-istituzzjoni, b’mod iddettaljat, il-problemi li ltaqgħu magħhom.

68

Minn dawn l-elementi jirriżulta li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li bih huwa akkużat ir-Renju ta’ Spanja ppersista għal perijodu ta’ tul kunsiderevoli u, fi kwalunkwe każ, mingħajr relazzjoni mad-diffikultajiet marbuta mal-irkupru tal-għajnuna mħallsa skont skemi ddikjarati illegali u inkompatibbli mas-suq intern.

69

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-gravità tal-ksur, għandha titfakkar in-natura fundamentali tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, EU:C:2009:428, punt 118, u Il‑Kummissjoni vs Spanja, punt 125).

70

Fil-fatt, ir-regoli li fuqhom huma bbażati kemm id-deċiżjonijiet ikkontestati kif ukoll is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (EU:C:2006:777), jikkostitwixxu l-espressjoni ta’ waħda mill-missjonijiet essenzjali mogħtija lill-Unjoni skont l-Artikolu 2 KE, jiġifieri l-istabbiliment ta’ suq komuni, kif ukoll skont l-Artikolu 3(1)(g) KE, li jgħid li l-azzjoni tal-Komunità tinkludi sistema li tiggarantixxi li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tkunx distorta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, EC:2009:428, punt 119).

71

L-importanza tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni miksura f’sitwazzjoni bħal dik ineżami f’din il-kawża tirrifletti ruħha b’mod partikolari fil-fatt li, permezz tar-rimbors tal-għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern, tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv miksub permezz tagħha u li, permezz ta’ dan il-ħlas lura, il-benefiċjarju jitlef il-vantaġġ li bbenefika illegalment minnu fis-suq meta pparagunat mal-kompetituri tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, EU:C:2012:781, punt 127).

72

F’dan ir-rigward, il-fatt, invokat mir-Renju ta’ Spanja, li d-deċiżjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu l-ewwel każ li fih il-Kummissjoni eżerċitat il-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat fil-qasam ta’ tassazzjoni diretta tal-impriżi, anki kieku jitqies li huwa stabbilit, ma huwiex fi kwalunkwe każ ta’ natura li jnaqqas l-interess marbut mal-irkupru tal-għajnuna illegali inkwistjoni wara li l-klassifikazzjoni tal-iskemi li fil-kuntest tagħhom din tkun ingħatat ġiet stabbilita mid-deċiżjonijiet ikkontestati.

73

F’dan il-każ, l‑għajnuna illegali inkwistjoni tirriżulta li hija partikolarment ta’ dannu għall‑kompetizzjoni minħabba l-ammont sinjifikattiv tagħha, in‑numru għoli ta’ benefiċjarji tagħha indipendentement mis-settur ekonomiku li fih huma attivi (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, EU:C:2011:740, punt 63).

74

Minbarra dan, għalkemm, fi tmiem din il-proċedura, diverġenzi sinjifikattivi jeżistu bejn il-partijiet, f’dak li jikkonċerna l-livell ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati fid-data ta’ skadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, anki jekk jiġi aċċettat l-argument tar-Renju ta’ Spanja, ippreżentat bħala tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jgħid li s-somma li għandha tiġi rkuprata kienet, fid-data tal-għoti tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (EU:C:2006:777), ta’ EUR 179.1 miljun u, fid-data tat-tressiq ta’ din l-azzjoni legali, ta’ EUR 91 miljun, huwa paċifiku, minn naħa, li, fl-assolut, l-ammonti ta’ għajnuna illegali li kienu għad iridu jiġu rkuprati kienu sinjifikattivi u rrikonoxxuti bħala tali minn dan l-Istat Membru u, min-naħa l-oħra, li iktar min-nofs dawn l-ammonti ma kienx ġie rkuprat f’din l-aħħar data.

75

Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li r-Renju ta’ Spanja diġà kien is-suġġett ta’ diversi sentenzi li jikkonstataw nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minħabba l-fatt li ma kienx immedjatament u effettivament irkupra għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern

76

Fil-fatt, minbarra l-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjonijiet ikkontestati, magħmula fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (EU:C:2006:777) li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tagħha ta lok għal din il-proċedura, il-Qorti tal-Ġustiżżja wettqet diversi konstatazzjonijiet oħra ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, b’mod partikolari bis-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑499/99, EU:C:2002:408), Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑404/00, EU:C:2003:373), Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑177/06, EU:C:2007:538), kif ukoll bis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑529/09, EU:C:2013:31).

77

Barra minn hekk, fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (EU:C:2012:781), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-Renju ta’ Spanja kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-Artikolu 260(1) TFUE, billi ma ħax il-miżuri neċessarji kollha għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (EU:C:2002:408).

78

Issa, tali repetizzjoni minn Stat Membru ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur, f’settur speċifiku tal-azzjoni tal-Unjoni tista’ tikkostitwixxi indikatur tal-fatt li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur analogi tad-dritt tal-Unjoni hija ta’ natura li tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva, bħall-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Franza, EU:C:2008:695, punt 69, u Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, EU:C:2012:834, punt 70).

79

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li, fil-kuntest tal-kawża preżenti, ikun ġustifikat li r-Renju ta’ Spanja jiġi kkundannat għall-ħlas ta’ somma f’daqqa.

80

F’dak li jikkonċerna l-ammont ta’ din is-somma f’daqqa, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 63 sa 78 ta’ din is-sentenza, il-kapaċità ta’ ħlas tar-Renju ta’ Spanja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, EU:C:2012:781, punt 131).

81

Min-naħa l-oħra, l-argument tar-Renju ta’ Spanja li jgħid li l-ammont tas-somma f’daqqa għandu jitnaqqas peress li l-ksur jikkonċerna biss reġjun awtonomu u mhux it-territorju kollu tiegħu ma jistax jiġi aċċettat.

82

Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jsostni dan l-Istat Membru, din iċ-ċirkustanza ma tistax twassal sabiex titnaqqas il-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li tirriżulta b’mod partikolari, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 69 sa 73 ta’ din is-sentenza, mill-importanza tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni li ġab miegħu n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ammont tal-għajnuna illegali inkwistjoni, in-numru ta’ benefiċjarji tagħha u n-natura multisettorjali tal-iskemi ta’ għajnuna kkonċernati.

83

Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ jekk l-ammont tas-somma f’daqqa li r-Renju ta’ Spanja għandu jħallas jiġi stabbilit għal EUR 30 miljun.

84

Konsegwentement, ir-Renju ta’ Spanja għandu jiġi kkundannat iħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, is-somma f’daqqa ta’ EUR 30 miljun.

Fuq l-ispejjeż

85

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju ta’ Spanja tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma ħax, fid-data li fiha skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata maħruġa fis-26 ta’ Ġunju 2008 mill-Kummissjoni Ewropea, il-miżuri neċessarji kollha għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑485/03 sa C‑490/03, EU:C:2006:777), ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l–obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 260(1) TFUE.

 

2)

Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat iħallas lill-Kummissjoni Ewropea, fil-kont “Riżorsi propji tal-Unjoni Ewropea”, somma f’daqqa ta’ EUR 30 miljun.

 

3)

Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.