SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

10 ta’ April 2014 1 ( *1 )

Werrej

 

I – Il-kuntest ġuridiku

 

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

 

III – Ir-rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

 

IV – It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 

V – Fuq l-appelli

 

A – Sinteżi tal-aggravji

 

B – Eżami tal-aggravji

 

1. Fuq l-aggravji dwar l-imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ sussidjarji lill-kumpanniji parent tagħhom

 

a) Fuq l-ewwel aggravju invokat mill-kumpanniji tal-grupp Alstom, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni

 

i) Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju invokat mill-kumpanniji tal-grupp Alstom

 

– L-argumenti tal-partijiet

 

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

ii) Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju invokat mill-kumpanniji tal-grupp Alstom

 

b) Fuq l-ewwel aggravju invokat minn Areva u t-tieni aggravju mqajjem mill-kumpanniji tal-grupp Alstom, ibbażati fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali.

 

i) Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju invokat mill-kumpanniji tal-grupp Alstom

 

ii) Fuq l-ewwel aggravju invokat minn Areva u t-tieni parti tat-tieni aggravju mqajjem mill-kumpanniji tal-grupp Alstom

 

– L-argumenti tal-partijiet

 

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

iii) Fuq ir-raba’ parti tat-tieni aggravju invokat mill-kumpanniji tal-grupp Alstom

 

c) Fuq it-tielet aggravju invokat mill-kumpanniji tal-grupp Alstom, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE, b’mod partikolari tar-regoli dwar l-imputazzjoni tal-ksur kif ukoll tal-prinċipji tad-dritt għal smigħ xieraq u tal-preżunzjoni tal-innoċenza

 

i) Fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju mqajjem mill-kumpanniji tal-grupp Alstom

 

ii) Fuq it-tieni parti tat-tielet aggravju invokat mill-kumpanniji tal-grupp Alstom

 

2. Fuq l-aggravju dwar l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam ta’ solidarjetà għall-ħlas tal-multi

 

a) Fuq l-argumenti dwar ir-responsabbiltà in solidum de facto imposta fuq il-kumpanniji parent Areva u Alstom

 

i) L-argumenti tal-partijiet

 

ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

– Fuq l-ammissibbiltà

 

– Fuq il-mertu

 

b) Fuq l-argumenti dwar it-tqassim intern tal-multa bejn kodebituri in solidum

 

i) L-argumenti tal-partijiet

 

ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

3. Fuq ir-raba’ aggravju invokat minn Areva, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalitŕ u ta’ ugwaljanza fit-trattament fid-determinazzjoni tal-multa li ġiet imposta fuqha.

 

i) L-argumenti tal-partijiet

 

ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

4. Fuq il-ħames aggravju invokat minn Alstom, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal rimedju effettiv

 

i) L-argumenti tal-partijiet

 

ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

VI – Fuq l-ispejjeż

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordju — Suq tal-proġetti relatati ma’ switchgear insulat bil-gass — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ sussidjarji lill-kumpanniji parent tagħhom — Obbligu ta’ motivazzjoni — Responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa — Kunċett ta’ impriża — Responsabbiltà in solidum imsejħa ‘de facto’ — Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet — Prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawżi magħquda C-247/11 P u C-253/11 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fit-18 u fl-20 ta’ Mejju 2011,

Areva SA (C‑247/11 P), stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn A. Schild, C. Simphal u E. Estellon, avukati,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Alstom SA, stabbilita f’Levallois-Perret (Franza),

T&D Holding SA, li kienet Areva T&D Holding SA, stabbilita f’Levallois-Perret,

Alstom Grid SAS, li kienet Areva T&D SA, stabbilita f’La Défense (Franza),

Alstom Grid AG, li kienet Areva T&D AG, stabbilita f’Oberentfelden (l-Isvizzera) (C‑253/11 P),

irrappreżentati minn J. Derenne, A. Müller-Rappard u M. Lagrue, avukati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Bottka u N. von Lingen, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

u

Alstom SA,

T&D Holding SA,

Alstom Grid SAS,

Alstom Grid AG (C‑253/11 P),

irrappreżentati minn J. Derenne, A. Müller-Rappard u M. Lagrue, avukati,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Areva SA, irrappreżentata minn A. Schild, C. Simphal u E. Estellon, avukati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Bottka u N. von Lingen, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Mħallef tar-Raba’ Awla, M. Safjan, J. Malenovský u A. Prechal (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Mejju 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Settembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli tagħhom, Areva SA (iktar ’il quddiem “Areva”), Alstom SA (iktar ’il quddiem “Alstom”), T & D Holding SA, Alstom Grid SAS u Alstom Grid AG (iktar ’il quddiem, dawn l-aħħar erba’ kumpanniji, meħuda flimkien, il-“kumpanniji tal-grupp Alstom” u, dawn il-ħames kumpanniji, meħuda flimkien, il-“kumpanniji appellanti”), jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-3 ta’ Marzu 2011, Areva et vs Il‑Kummissjoni (T-117/07 u T-121/07, Ġabra p. II-633, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), peress li, permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż, prinċipalment, għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 6762 finali, tal-24 ta’ Jannar 2007, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [81 KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.899 — Switchgear insulat bil-gass), li ġiet ippubblikata sinteżi tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, C 5, p. 7, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), u, wara, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom permezz ta’ din id-deċiżjoni.

I – Il-kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), intitolat “Multi” jipprovdi:

“[...]

2   Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

a)

jiksru l-Artikolu [81 KE] jew l-Artikolu [82 KE] [...]

[...]

3   Fit-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.

[...]”

3

Skont l-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Reviżjoni mil-Qorti tal-Ġustizzja”:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. Hi tista’ tħassar, tnaqqas jew jżid il-multa jew il-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni imposti.”

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

4

Il-fatti li taw lok għal din il-kawża, hekk kif huma esposti fil-punti 1 sa 35 tas-sentenza appellata, jistgħu jitqassru kif ġej:

5

Il-kawża tirrigwarda akkordju dwar il-bejgħ ta’ switchgear insulat bil-gass (iktar ’il quddiem l-“SIG”) li jservi sabiex jiġi kkontrollat il-fluss ta’ enerġija fis-sistemi ta’ distribuzzjoni tal-elettriku. Dan huwa tagħmir tal-elettriku tqil, li jintuża bħala komponent ewlieni għal substations għall-ġenerazzjoni tal-elettriku (turnkey).

6

Fil-punti 6 sa 9 tas-sentenza appellata, il-kumpanniji differenti implikati f’din il-kawża huma ppreżentati kif ġej:

“6

Alstom (li qabel kien jisimha Alsthom), kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li l-bord ta’ diretturi tagħha huwa rregolat mil-liġi Franċiża, hija l-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji (iktar ’il quddiem il-“grupp Alstom”). Matul il-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-8 ta’ Jannar 2004, il-grupp Alstom kien attiv fil-qasam tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-elettriku (iktar ’il quddiem is-‘settur tat-T & D’) u, b’mod partikolari, fil-qasam ta’ SIG.

7

L-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG fi ħdan il-grupp Alstom tmexxew, fi Franza, minn Alsthom SA (France) sal-1989, data li fiha din ingħatat l-isem ġdid ta’ GEC Alsthom SA, li kienet 100 % proprjetà ta’ GEC Alsthom NV. Fis-16 ta’ Novembru 1992, ġiet ikkostitwita Kléber Eylau SA u l-attivitajiet Franċiżi fil-qasam ta’ SIG ġew attribwiti lilha permezz ta’ ftehim li daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Diċembru 1992. Kléber Eylau kienet 99.76 % proprjetà ta’ GEC Alsthom SA u 0.04 % proprjetà ta’ Étoile Kléber. F’Ġunju 1993, Kléber Eylau saret GEC Alsthom T & D SA, li, f’Ġunju 1998, saret min-naħa tagħha Alstom T & D SA. Din tal-aħħar kienet 100 % proprjetà ta’ Alstom Holdings (France), li kienet, hija stess, 100 % proprjetà ta’ Alstom.

8

Minn Jannar 1986, l-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG tal-grupp Alstom żvolġew b’mod parallel fl-Isvizzera u fi Franza, meta Sprecher Energie AG saret sussidjarja 100 % proprjetà ta’ Alsthom. F’Novembru 1993, Sprecher Energie saret GEC Alsthom T & D AG, li, f’Lulju 1997, saret GEC Alsthom AG u, f’Ġunju 1998, Alstom AG [iktar ’il quddiem “Alstom (Suisse)”]. Fit-22 ta’ Diċembru 2000, din tal-aħħar ġiet akkwistata minn Alstom Power (Schweiz) AG. L-entità l-ġdida ġiet imsemmija Alstom (Schweiz) AG. F’Novembru 2002, entità legali ġdida inħolqot fi ħdan il-grupp Alstom, li lilha ġew ittrasferiti l-attivitajiet fis-settur tat-T & D fl-Isvizzera. Inizjalment imsemmija Alstom (Schweiz) Services AG, din l-entità l-ġdida sussegwentement ingħatat l-isem ġdid ta’ Alstom T & D AG.

9

L-attivitajiet kollha tal-grupp Alstom fis-settur tat-T & D ġew ittrasferiti, fit-8 ta’ Jannar 2004, lill-grupp li tiegħu Areva, kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li l-bord ta’ tmexxija u l-bord ta’ dixxiplina tagħha huma rregolati mil-liġi Franċiża, hija l-kumpannija parent (iktar ’il quddiem il-‘grupp Areva’). Għall-perijodu mid-9 ta’ Jannar sal-11 ta’ Mejju 2004, l-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG tal-grupp Areva tmexxew minn Areva T & D SA u minn Areva T & D AG, sussidjarji 100 % proprjetà ta’ Areva T & D Holding SA [iktar ’il quddiem ‘Areva T&D Holding’)], li min-naħa tagħha hija 100 % proprjetà ta’ Areva (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-‘kumpanniji tal-grupp Areva’).”

7

Fit-3 ta’ Marzu 2004, ABB Ltd (iktar ’il quddiem “ABB”) indikat lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ akkordju fis-settur tal-SIG u ressqet talba orali għal immunità minn multi, skont l-Avviż tal-Kummissjoni, dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni”). Fil-25 ta’ April 2004, il-Kummissjoni tat immunità kondizzjonali lil ABB.

8

Abbażi tad-dikjarazzjonijiet ta’ ABB, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni u mingħajr avviż wettqet spezzjonijiet, fil-11 u fit-12 ta’ Mejju 2004, b’mod partikolari fl-uffiċċji ta’ Areva T & D SA. Fl-20 ta’ April 2006, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li, minbarra Alstom u l-kumpanniji tal-grupp Areva, kienet indirizzata lil ABB, lil Fuji Electric Holdings Co. Ltd u lil Fuji Electric Systems Co. Ltd, lil Hitachi Ltd u lil Hitachi Europe Ltd, lil Japan AE Power Systems Corp., lil Mitsubishi Electric System Corp., lil Nuova Magrini Galileo SpA, lil Schneider Electric SA, lil Siemens AG, lil Toshiba Corp. kif ukoll lill-ħames kumpanniji tal-grupp li fosthom VA Technologie AG kienet il-kumpannija parent, li fosthom kien hemm VA Technologie AG stess.

9

Fl-24 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li ġiet innotifikata lil 20 kumpannija li lilhom kienet indirizzata d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

10

Fil-punti 29 sa 31 tas-sentenza appellata, il-karatteristiċi tal-akkordju inkwistjoni, kif ikkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata, inġabru kif ġej:

“29

Fil-premessi 113 sa 123 tad-deċiżjoni [kkontestata], il-Kummissjoni indikat li l-impriżi differenti li pparteċipaw fl-akkordju kienu kkoordinaw l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fuq livell dinji, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti swieq, skont regoli miftiehma, bil-għan b’mod partikolari li jżommu kwoti li jirriflettu fil-parti l-kbira s-sehem storiku stmat tagħhom. Hija ppreċiżat li l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG twettqet abbażi ta’ kwota konġunta ‘Ġappuniża’ u ta’ kwota konġunta ‘Ewropea’ li kellha mbagħad tinqasam bejn il-produtturi Ġappuniżi u l-produtturi Ewropej rispettivament. Ftehim iffirmat fi Vjenna [(l-Awstrija)] fil-15 ta’ April 1988 (iktar ’il quddiem il-‘ftehim GQ’) kien jistabbilixxi regoli li jippermettu l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG kemm lill-produtturi Ġappuniżi, kif ukoll lill-produtturi Ewropej, u l-attribuzzjoni tal-valur tagħhom fuq il-kwota korrispondenti. Barra minn dan, fil-premessi 124 sa 132 tad-deċiżjoni [kkontestata], il-Kummissjoni ppreċiżat li l-impriżi differenti li pparteċipaw fl-akkordju kienu kkonkludew arranġament mhux bil-miktub [...], li bis-saħħa tiegħu l-proġetti ta’ SIG fil-Ġappun, minn naħa, u fil-pajjiżi Ewropej membri tal-akkodrju, min-naħa l-oħra, indikati konġuntment bħala l-‘pajjiżi kostrutturi’ tal-proġetti ta’ SIG, kienu rriżervati rispettivament għall-membri Ġappuniżi u għall-membri Ewropej tal-kartell. Il-proġetti ta’ SIG fil-‘pajjiżi kostrutturi’ ma kinux suġġetti għal skambju ta’ informazzjoni bejn iż-żewġ gruppi u ma kinux attribwiti fuq il-kwoti rispettivi.

30

Il-ftehim GQ kien jinkludi wkoll regoli dwar l-iskambju tal-informazzjoni neċessarja għat-tħaddim tal-kartell bejn iż-żewġ gruppi ta’ produtturi, li kien żgurat b’mod partikolari mis-segretarji tal-imsemmija gruppi, dwar il-manipulazzjoni tas-sejħa għal offerti kkonċernati u dwar l-iffissar tal-prezzijiet għal proġetti ta’ SIG li ma setgħux jiġu allokati. Skont it-termini tal-anness 2 tiegħu, il-ftehim GQ kien japplika għad-dinja kollha, bl-eċċezzjoni tal-Istati Uniti, tal-Kanada, tal-Ġappun u ta’ 17-il pajjiż tal-Ewropa tal-Punent. Barra minn dan, bis-saħħa [ta’ dan l-arranġament orali], il-proġetti ta’ SIG fil-pajjiżi Ewropej minbarra l-‘pajjiżi kostrutturi’ kienu wkoll irriżervati għall-grupp Ewropew, il-produtturi Ġappuniżi kienu obbligati li ma jressqux offerti għall-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa.

31

Skont il-Kummissjoni, it-tqassim ta’ proġetti ta’ SIG bejn il-produtturi Ewropej kien immexxi minn ftehim ukoll iffirmat fi Vjenna fil-15 ta’ April 1988, u intitolat ‘E Group Operation Agreement for GQ Agreement’ (Ftehim tal-grupp E għall-implementazzjoni tal-ftehim GQ) [...] Hija indikat li l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa kienet issegwi l-istess regoli u proċeduri li jirregolaw l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG f’pajjiżi oħra. B’mod partikolari, il-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa kellhom ukoll jiġu nnotifikati, elenkati, allokati, arranġati jew kellhom jingħataw limitu ta’ prezz minimu.”

11

Abbażi tal-konstatazzjonijiet fattwali u tal-evalwazzjonijiet legali, il-Kummissjoni kkonkludiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-impriżi implikati kienu kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), u imponiet fuqhom multi li l-ammont tagħhom ġie kkalkolat skont il-metodoloġija esposta fil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65 (5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”), kif ukoll fil-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

12

Il-Kummissjoni ddeċidiet li, skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, kellha tintlaqa’ t-talba għal immunità ta’ ABB, iżda li t-talbiet għal klemenza mressqa minn kumpanniji oħra, li fosthom kien hemm Areva, kellhom jiġu miċħuda.

13

L-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2000/196 jipprovdu dan li ġej:

“Artikolu 1

L-impriżi li ġejjin kisru l-[Artikoli 81 KE u 43 tal-Ftehim ŻEE] billi pparteċipaw, matul il-perijodi msemmija, f’numru ta’ akkordji u prattiki miftehma fis-settur tal-[SIG] fiż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)].

[…][...]

b)

[Alstom], mill-15 ta’ April 1988 sat-8 ta’ Jannar 2004;

c)

[Areva], mid-9 a’ Jannar 2004 sal-11 ta’ Mejju 2004;

d)

Areva T&D AG, mit-22 ta’ Diċembru 2003 sal-11 ta’ Mejju 2004;

e)

Areva T&D Holding [...], mid-9 ta’ Jannar 2004 sal-11 ta’ Mejju 2004;

f)

Areva T&D SA, mis-7 ta’ Diċembru 1992 sal-11 ta’ Mejju 2004;

[...]

Artikolu 2

Għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, huma imposti l-multi li ġejjin:

[...]

b)

[Alstom]: EUR 11 475 000;

c)

[Alstom], in solidum ma’ Areva T&D SA: EUR 53 550 000. Fuq l-ammont impost fuq Areva T&D SA (EUR 53 550 000), Areva [...], Areva T&D Holding [...] u Areva T&D AG, in solidum ma’ Areva T&D SA: EUR 25 500 000;

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14

Jirriżulta mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-kumpanniji appellanti li, fis-7 ta’ Ġunju 2010, Areva ttrasferixxiet l-attivitajiet tagħha kollha fis-settur tat-T & D. B’mod partikolari, Alstom kompliet l-attivitajiet ta’ trażmissjoni. Sussegwentement, Areva T&D Holding ħadet l-isem ta’ T&D Holding SA, Areva T&D AG saret Alstom Grid SAS u Aeva T&D SA fil-frattemp hija magħrufa bl-isem ta’ Alstom Grid AG.

III – Ir-rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

15

Mill-punt 50 tas-sentenza appellata jirriżulta li, insostenn tat-talbiet għal annullament tagħhom, il-kumpanniji tal-grupp Areva qajmu seba’ motivi li l-Qorti Ġenerali ġabret kif ġej:

“L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE. It-tieni motiv jikkonċerna, essenzjalment, ksur tar-regoli ta’ imputazzjoni tal-ksur li jirriżultaw mill-Artikolu 81(1) KE u mill-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE kif ukoll minn ksur tal-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroatttività. It-tielet motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tar-regoli ta’ imputazzjoni tal-ksur li jirriżultaw mill-Artikolu 81(1) KE u mill-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE. Ir-raba’ motiv jikkonċerna, essenzjalment, ksur tar-regoli ta’ imputazzjoni tal-ksur u ħlas in solidum tal-multi li jirriżultaw mill-Artikolu 81(1) KE u mill-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE, għal ksur tal-Artikolu 7 KE kif ukoll għal ksur tal-prinċipji ġenerali ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tar-regoli ta’ ħlas in solidum tal-multi u li jirriżultaw mill-Artikolu 81(1) KE u mill-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE. Is-sitt motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 23(2)(a) tar-[Regolament Nru 1/2003], u tal-punt 2 tal-[linji gwida] dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) [KEFA] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”), fuq żball ta’ evalwazzjoni kif ukoll fuq ksur tal-prinċipji ġenerali ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità. Fl-aħħar nett, is-seba’ motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq żball ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE kif ukoll tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.”

16

Fil-punt 51 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kompliet kif ġej it-tmien motivi invokati minn Alstom insostenn tat-talbiet tagħha:

“L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt għal rikors effettiv. It-tieni motiv jikkonċerna, essenzjalment, ksur tar-regoli tal-ħlas in solidum tal-multi li jirriżultaw mill-Artikolu 81 KE u mill-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, ksur tal-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali u ta’ individwalità tal-pieni kif ukoll ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 253 KE. Ir-raba’ motiv jikkonċerna, b’mod prinċipali, ksur tar-regoli ta’ imputazzjoni tal-ksur li jirriżultaw mill-Artikolu 81 KE u mill-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kif ukoll żball ta’ liġi u, sussidjarjament, ksur tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003. Il-ħames motiv jikkonċerna, essenzjalment, żball ta’ evalwazzjoni, ksur tal-Linji gwida, ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità kif ukoll ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Is-sitt motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tar-regoli ta’ prova tal-kontinwità ta’ ksur li jirriżulta mill-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE], kif emendat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), kif ukoll ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tad-drittijiet tad-difiża u tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003. It-tmien motiv jikkonċerna, essenzjalment, ksur tal-Linji gwida u, sussidjarjament, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.”

17

Fil-punt 317 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet il-motivi mressqa mir-rikorrenti ta’ ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament u ddeċidiet li tannulla l-Artikolu 2(b) u (c) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jimponi fuq Alstom u fuq il-kumpanniji tal-grupp Areva, fid-dawl taċ-ċirkustanza aggravanti bbażata fuq rwol ta’ attur prinċipali tal-ksur, żieda ta’ 50 % tal-ammont bażiku tal-multi tagħhom, identika għal dik imposta fuq Siemens AG.

18

Fil-punt 323 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, iffissat rata ta’ żieda tal-ammont bażiku fid-dawl ta’ din iċ-ċirkustanza aggravanti ta’ 35 % għal Alstom u Areva T&D SA kif ukoll ta’ 20 % għal Areva T& D AG, Areva u Areva T&D Holding u, fuq din il-bażi, irriformat il-multi imposti fl-Artikolu 2(b) u (c) tad-deċiżjoni kkontestata.

19

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi l-oħra kollha invokati minn Alstom u mill-kumpanniji tal-grupp Areva.

20

Minbarra dan, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, annullat l-Artikolu 2(b) u (c) tad-deċiżjoni kkontestata u, fil-punt 3 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, iffissat l-ammont tal-multi kif ġej:

“–

Alstom [...]: EUR 10 327 500;

Alstom [...]: EUR 48 195 000, in solidum ma’ Areva T&D SA, EUR 20 400 000 mill-ammont dovut minn Areva T&D SA li għandu jitħallas, in solidum, minn din tal-aħħar u Areva T&D AG, Areva [...] u Areva T&D Holding SA [...]”

IV – It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21

Permezz tal-appell tagħha, Areva titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kawża hija definittivament fi stat li tiġi deċiża, prinċipalment, li tannulla l-Artikoli 1(c) u 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata; sussidjarjament, li tnaqqas sostanzjalment il-multa li ġiet imposta fuqha; li tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha, inklużi dawk sostnuti minnha quddiem il-Qorti Ġenerali;

fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi definittivament deċiża, li tirrinvija l-kawża quddiem Awla tal-Qorti Ġenerali li hija komposta b’mod differenti u li tirriżerva l-ispejjeż.

22

Permezz tal-appell tagħhom, il-kumpanniji tal-grupp Alstom jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kawża hija fi stat li tiġi definittivament deċiża, prinċipalment, li tannulla l-Artikoli 1(b), (d), (e) u (f) u 2(b) u (c) tad-deċiżjoni kkontestata, sussidjarjament, tnaqqas sostanzjalment il-multi li ġew imposti fuqhom; li tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk dwar il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali;

fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi definittivament deċiża, li tirrinvija l-kawża quddiem Awla tal-Qorti Ġenerali li hija komposta b’mod differenti u li tirriżerva l-ispejjeż.

23

B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Lulju 2011, il-Kawżi C‑247/11 P u C‑253/11 P ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

V – Fuq l-appelli

A – Sinteżi tal-aggravji

24

Insostenn tal-appell tagħha, Areva tqajjem erba’ aggravji għal annullament fosthom l-ewwel, li huwa maqsum fi tliet partijiet, huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali u tad-drittijiet tad-difiża, fil-kuntest tal-eżami tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ Areva fuq Areva T&D SA u Areva T&D AG, matul il-perijodu bejn id-9 ta’ Jannar u l-11 ta’ Mejju 2004, sa fejn il-Qorti Ġenerali:

ssostitwixxiet ir-raġunament tal-Kummissjoni b’tagħha stess meta żiedet, a posteriori, mad-deċiżjoni kkontestata motivi sabiex tiddeċiedi li l-Kummissjoni setgħet korrettament issostni li hija kienet ikkonfutat il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti;

żviluppat argumenti li ma jippermettux li jiġu mifhuma r-raġunijiet li għalihom ma laqgħetx l-argumenti tagħha intiżi sabiex tiġi kkonfutata din il-preżunzjoni, u

imponiet prova impossibbli (probatio diabolica) fil-kuntest tal-ikkonfutar ta’ din il-preżunzjoni u rrifjutat li tagħtiha l-possibbiltà li tagħmel osservazzjonijiet dwar il-motivi ġodda miżjuda mad-deċiżjoni kkontestata.

25

It-tliet aggravji oħra invokati minn Areva huma bbażati, rispettivament, fuq il-ksur:

tar-regoli dwar il-solidarjetà għall-ħlas tal-multi li għandu konsegwentement ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ individwalità tal-pieni, peress li l-Qorti Ġenerali ma ssanzjonatx il-Kummissjoni talli ħolqot responsabbiltà in solidum de facto bejn Areva u Alstom, żewġ kumpanniji li flimkien qatt ma ffurmaw unità ekonomika komuni;

regoli dwar id-delegazzjoni tas-setgħat tal-Kummissjoni, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali, tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet peress li l-Qorti Ġenerali ma ssanzjonatx il-Kummissjoni talli ma ddeċidietx, fid-deċiżjoni kkontestata, il-kwistjoni tal-kontribuzzjoni rispettiva għall-multa ta’ Alstom, minn naħa, u ta’ Areva, min-naħa l-oħra, u talli għalhekk impliċitament iddelegat is-soluzzjoni ta’ din il-kwistjoni lill-qorti nazzjonali jew lil arbitru, minkejja li tali deċiżjoni taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali ta’ sanzjoni tal-Kummissjoni u li ma tistax tiġi ddelegata, u

tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li l-Qorti Ġenerali approvat il-multa imposta in solidum fuq Areva għal ksur ta’ tul ta’ erba’ xhur, fejn l-ammont jirrappreżenta madwar in-nofs ta’ dak tal-multa li Alstom għandha tħallas in solidum għal ksur ta’ tul ta’ tnax-il sena jew id-doppju ta’ dak tal-multa li Alstom għandha tħallas unikament minħabba l-parteċipazzjoni diretta tagħha fl-akkordju inkwistjoni matul perijodu ta’ erba’ snin, mingħajr ma dan huwa ġġustifikat minn differenza sinjifikattiva tad-daqs tal-kumpanniji jew mill-gravità tal-ksur matul il-perijodu inkwistjoni.

26

Il-kumpanniji tal-grupp Alstom iqajmu ħames aggravji ta’ annullament insostenn tal-appell tagħhom, fejn fosthom hemm dawk maqsuma f’diversi partijiet, li huma bbażati, rispettivament, fuq il-ksur

tal-obbligu ta’ motivazzjoni, peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, minn naħa, li l-Kummissjoni mmotivat b’mod suffiċjenti fid-dritt il-konklużjoni tagħha li permezz tagħha hija ammettiet ir-responsabbiltà in solidum ta’ Alstom ma’ Areva T&D SA u Areva T&D AG, ibbażata fuq il-fatt li Alstom ma kinitx ikkonfutat il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq is-sussidjarji tagħha, filwaqt li l-Kummissjoni ma weġbitx għall-elementi pprovduti minn Alstom sabiex tikkonfuta din il-preżunzjoni (l-ewwel parti), u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni setgħet korrettament ma tipprovdix motivi fuq ir-raġunijiet li għalihom żewġ kumpanniji li ma jiffurmawx entità ekonomika fil-jum tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni jistgħu jiġu imposti multa in solidum (it-tieni parti).

tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali, peress li hija:

ssostitwixxiet ir-raġunament tal-Kummissjoni b’tagħha stess, billi żiedet a posteriori mad-deċiżjoni kkontestata raġunijiet li ma kinux jinsabu f’dik id-deċiżjoni (l-ewwel tliet partijiet), u

ma weġbitx b’mod suffiċjenti fid-dritt l-argument imressaq mir-rikorrenti, li żewġ kumpanniji li ma kinux jiffurmaw unità ekonomika fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma setgħux jiġu imposti multa in solidum (ir-raba’ parti);

tal-Artikolu 101 TFUE u tal-prinċipji ta dritt għal smigħ xieraq u tal-preżunzjoni tal-innoċenza, stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u ggarantiti mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, peress li l-Qorti Ġenerali:

fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti, qieset definizzjoni tal-eżerċizzju ta’ tali influwenza ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha bħala mingħajr ebda relazzjoni ma’ aġir effettiv fis-suq inkwistjoni u, għaldaqstant, tat natura kkonfutabbli għal din il-preżunzjoni, u

wettqet żbalji ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ Areva T&D Holding fuq Areva T&D SA u Areva T&D AG matul il-perijodu mid-9 ta’ Jannar sal-11 ta’ Mejju 2004;

tal-kunċett ta’ solidarjetà, peress li l-Qorti Ġenerali:

ddeċidiet li l-kunċett ta’ solidarjetà jiddetermina s-sehem tal-kontribuzzjonijiet rispettivi tal-kumpanniji li fuqhom ġiet imposta multa in solidum, u

ma ssanzjonatx id-delegazzjoni mill-Kummissjoni tas-setgħa tagħha li tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ kull waħda mill-impriżi ssanzjonati u għalhekk kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ individwalità tal-pieni kif ukoll l-Artikolu 13 TUE;

mill-Qorti Ġenerali tal-obbligu tagħha li twieġeb għall-motivi żviluppati, inkwantu ma kkunsidratx il-portata tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal rimedju effettiv u għal protezzjoni ġudizzjarja u, konsegwentement, wieġbet mhux għall-motiv invokat, iżda għal motiv ieħor, li ma kienx tqajjem.

B – Eżami tal-aggravji

1. Fuq l-aggravji dwar l-imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ sussidjarji lill-kumpanniji parent tagħhom

a) Fuq l-ewwel aggravju invokat mill-kumpanniji tal-grupp Alstom, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni

i) Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju invokat mill-kumpanniji tal-grupp Alstom

– L-argumenti tal-partijiet

27

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħhom, li tirrigwarda l-punti 90 sa 99 tas-sentenza appellata, il-kumpanniji tal-grupp Alstom jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ma ssanzjonatx lill-Kummissjoni talli kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma weġbitx għall-argumenti mqajma minn Alstom fil-paragrafi 90 sa 150 tat-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u sostnuti minn dokumenti annessi ma’ din it-tweġiba, li kienu intiżi sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti. Dawn l-elementi huma ta’ natura li juru li, minkejja l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti ta’ Alstom fuq is-sussidjarji tagħha, fejn kienet 100 % proprjetarja tal-kapitali tagħhom, dawn kienu jiddeterminaw, fiż-żmien tal-ksur, l-aġir tagħhom fis-suq b’mod awtonomu meta pparagunat mal-kumpannija parent tagħhom.

28

Il-kumpanniji tal-grupp Alstom isostnu minbarra dan li l-Qorti Ġenerali żnaturat id-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fil-punt 95 tas-sentenza appellata, peress li l-premessi 345 sa 347 tal-imsemmija deċiżjoni bl-ebda mod ma jqassru l-paragrafi 90 sa 150 tat-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

29

Il-Kummissjoni titlob li l-argumenti invokati mill-kumpanniji tal-grupp Alstom jiġu miċħuda.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

30

Għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettaq minn sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, minkejja li jkollha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fir-rigward tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u legali li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet legali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C-97/08 P, Ġabra p. I-8237, punt 58, kif ukoll tad-19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Alliance One International et, C‑628/10 P u C‑14/11 P, punt 43).

31

Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, peress li l-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jagħmlu parti mill-istess unità ekonomika u b’hekk jiffurmaw impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE, il-Kummissjoni tista’ tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent mingħajr ma jkollha għalfejn tistabbilixxi l‑implikazzjoni personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 59, kif ukoll Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni u Commission vs Alliance One International et, punt 44).

32

Fil-każ partikolari fejn kumpannija parent hija 100 % proprjetarja tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita tali influwenza (sentenza Alliance One International u Standard Commerical Tobacco vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Alliance One International et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kumpannija parent hija proprjetarja tal-kapital kollu tas-sussidjarja sabiex jiġi preżunt li din il-kumpannija parent teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent bħala responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-obbligu li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 61, kif ukoll Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Alliance One International et, punt 47).

34

Minbarra dan, meta deċiżjoni ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni tikkonċerna diversi destinatarji u tirrigwarda l‑imputabbiltà tal-ksur, hija għandha tinkludi motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, b’mod partikolari dawk fosthom li, skont din id-deċiżjoni, għandhom ibatu r-responsabbiltà għal dan il-ksur. Għalhekk, fir-rigward ta’ kumpannija parent meqjusa responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha, tali deċiżjoni għandha, bħala regola ġenerali, ikun fiha espożizzjoni tal-motivi tali li tiġġustifika l‑imputabbiltà tal-ksur lil din il‑kumpannija (sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Alliance One International et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75).

35

Fir-rigward, b’mod partikolari ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni bbażata esklużivament, fir-rigward ta’ ċerti destinatarji, fuq il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni fi kwalunkwe każ — jekk ma tagħmilx hekk din il-preżunzjoni, fil-fatt, issir inkonfutabbli — hija obbligata li tipprovdi b’mod xieraq lil dawn id-destinatarji r‑raġunijiet li għalihom il-punti ta’ fatt u ta’ liġi invokati ma kinux biżżejjed sabiex jikkonfutaw din il-preżunzjoni (sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C-521/09 P, Ġabra p. I-8947, punt 153).

36

Madankollu, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma hija obbligata li tibbaża ruħha esklużivament fuq l-imsemmija preżunzjoni. Fil-fatt, xejn ma jipprekludi lil din l-istituzzjoni milli tistabbilixxi l-eżerċizzju effettiv, minn kumpannija parent, ta’ influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha permezz ta’ provi oħra jew billi tikkombina tali provi mal-imsemmija preżunzjoni (sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Alliance One International et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

37

F’dan il-każ, hekk kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punt 91 tas-sentenza appellata, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari mill-premessi 335, 348 sa 358 tagħha, li, sabiex tiġi imputata r-responsabbiltà ta’ Alstom għall-ksur imwettaq mis-sussidjarji tagħha li hija kienet 100 % proprjetarja tal-kapital tagħhom, il-Kummissjoni ma kinitx finalment ibbażat esklużivament fuq il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, iżda hija kienet pjuttost ibbażat ruħha fuq metodu msejjaħ “bażi doppja” li jgħaqqad din il-preżunzjoni flimkien ma’ provi oħra, f’dan il-każ elementi fattwali prodotti matul il-proċedura amministrattiva, li jaslu sabiex jikkonfermaw din il-preżunzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Alliance One International et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

38

Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 25 u 26 tal-konklużjonijiet tiegħu, jidher, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet spjegati fid-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma pprovdietx motivazzjoni ssostanzjata, skont ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza, f’dak li jikkonċerna l-imputabbiltà lil Alstrom tar-responsabbiltà tal-ksur inkwistjoni.

39

Fil-fatt, tali motivazzjoni twieġeb għall-għan intiż mill-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali li tikkonsisti, minbarra li tippermetti stħarriġ ġudizzjarju, li tipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk din id-deċiżjoni hijiex eventwalment ivvizzjata minn difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2013, ENI vs Il‑Kummissjoni, C‑508/11 P, punt 71).

40

Fir-rigward, b’mod partikolari tal-elementi invokati minn Alstom għall-paragrafi 90 sa 150 tat-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tidhirx li kkunsidrat wieħed wieħed dawn l-elementi kollha, hija madankollu pprovdiet lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti li tippermettilha tkun taf jekk din id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex eventwalment ivvizzjata minn difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità u li tippermetti lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità ta’ din id-deċiżjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra. p. I-5425, punt 462, kif ukoll ENI vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72).

41

Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-motivazzjoni ssostanzjata tal-imputabbiltà lil Alstom tar-responsabbiltà tal-ksur inkwistjoni, skont il-metodu li jinkludi bażi doppja, hekk kif espost fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni b’mod partikolari wettqet evalwazzjoni globali tal-argumenti invokati minn Alstom fil-paragrafi 90 sa 150 tat-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, sa fejn dawn setgħu jkunu rilevanti għall-finijiet li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti.

42

Fir-rigward ta’ deċiżjoni, bħal dik tad-deċiżjoni kkontestata, li, hekk kif diġà ġie rrilevat fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, tibbaża l-imputabbiltà lill-kumpannija parent ta’ ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha fuq metodu li jinkludi bażi doppja, li jgħaqqad il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ma’ provi esposti b’mod iddettaljat f’din id-deċiżjoni, tali evalwazzjoni globali hija bħala prinċipju konformi mal-livell ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni, peress li hija ta’ natura li tippermetti lill-kumpannija parent tkun taf ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni ddeċidiet li timputa fuqha r-responsabbiltà tal-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha.

43

Il-kumpanniji tal-grupp Alstom barra minn hekk ma spjegawx sa fejn il-motivazzjoni allegatament difettuża tad-deċiżjoni kkontestata kienet ipprekludiethom milli jiddefendu effettivament id-drittijiet tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali jew kienet ipprekludiet lil din tal-aħħar milli teżerċita l-istħarriġ tagħha. Bil-kontra, l-eżami ddettaljat imwettaq mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 93 sa 97 tas-sentenza appellata, argumenti ta’ Alstom intiżi sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti juri pjuttost li Alstom setgħet effettivament tiddefendi d-drittijiet tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali u li din tal-aħħar kienet fil-pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b’analoġija, id-digrieti tas-7 ta’ Frar 2012, Total u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑421/11 P, punt 57, u tat-13 ta’ Settembru 2012, Total u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑495/11 P, punt 50).

44

Minbarra dan, fir-rigward tal-livell tal-motivazzjoni meħtieġ, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li, bid-differenza tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni (C-521/09 P, Ġabra p. I-8947), li jinvokaw il-kumpanniji tal-grupp Alstom, dawn ma kinux jinsabu, f’dan il-każ, ikkonfrontati bl-ewwel deċiżjoni tal-Kummissjoni li fiha din tal-aħħar, filwaqt li biddlet l-approċċ abitwali tagħha, ibbażat ruħha fuq l-unika preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata fuq is-sussidjarja mill-kumpannija parent sabiex timputa l-ksur fuq din tal-aħħar (ara, b’analoġija, id-digriet tas-7 ta’ Frar 2012, Total u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

45

Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-kumpanniji tal-grupp Alstom, xejn ma jipprekludi li, fil-kuntest tal-eżami tal-imputabbiltà lil Alstom tal-ksur imwettaq mis-sussidjarji tagħha, il-Kummissjoni tibbaża ruħha, hekk kif jirriżulta mill-punt 97 tas-sentenza appellata, b’mod partikolari fuq elementi pprovduti minn terzi, f’dan il-każ mill-kumpanniji tal-grupp Areva.

46

Isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju invokat mill-kumpanniji tal-grupp Alstom għandha tiġi miċħuda.

ii) Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju invokat mill-kumpanniji tal-grupp Alstom

47

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħhom, li tirreferi għall-punt 200 tas-sentenza appellata, il-kumpanniji tal-grupp Alstom jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ma kkundannatx lill-Kummissjoni li ma mmotivatx speċifikament il-fatt li hija kienet imponiet fuq Alstom u fuq Areva T&D SA in solidum il-ħlas ta’ multa, meta dawn ma kinux jikkostitwixxu iktar impriża fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

48

Din it-tieni parti għandha tiġi miċħuda.

49

Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li, jekk l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent tagħha, jista’ jiġi kkunsidrat li dawn il-kumpanniji jagħmlu parti, matul il-perijodu ta’ ksur, mill-istess unità ekonomika u li huma jiffurmaw għalhekk impriża waħda, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa sussegwentement leġittimu li l-Kummissjoni tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum mill-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha matul dan il-perijodu u, konsegwentement, tal-ħlas tal-multa imposta fuqha (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Alliance One International et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 44 u 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

Fid-dawl ta’ dan il-prinċipju stabbilit sew, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet korrettament, fil-punt 200 tas-sentenza appellata, li, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li l fatt biss li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-ksur, is-sussidjarja li wettqet il-ksur u l-kumpannija parent li lilha dan il-ksur seta’ jiġi imputat ma kinux jagħmlu iktar parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, minn impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE, ma jistax jipprekludi li l-Kummissjoni tagħmel użu mill-possibbiltà li timponi multa li għandha titħallas in solidum minn dawn il-kumpanniji, b’mod li motivazzjoni speċifika fuq dan il-punt ma kinitx meħtieġa.

51

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li jirriżulta mill-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju invokat mill-kumpanniji tal-grupp Alstom li d-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata b’mod suffiċjenti fid-dritt peress li Alstom setgħet tirrikonoxxi r-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex timputa fuqha l-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarji tagħha u li l-Qorti Ġenerali setgħet teżerċita l-istħarriġ tagħha, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli ma ssanzjonatx lill-Kummissjoni talli ma pprovdietx motivazzjoni speċifika fuq il-kwistjoni tal-impożizzjoni ta’ multa li għandha titħallas in solidum lil kumpanniji li ma jiffurmawx iktar l-istess impriża.

52

Dan japplika a fortiori peress li, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 39 u 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-impożizzjoni ta’ tali multa fuq kumpanniji li ma jagħmlux iktar parti mill-istess impriża fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma hijiex differenti mill-prattika preċedenti tal-Kummissjoni, b’mod li l-livell tal-motivazzjoni meħtieġ jista’ jkun inqas.

53

Isegwi li t-tieni parti tal-ewwel aggravju invokat mill-kumpanniji tal-grupp Alstom u, konsegwentement, dan l-ewwel aggravju fl-intier tiegħu għandhom jiġu miċħuda.

b) Fuq l-ewwel aggravju invokat minn Areva u t-tieni aggravju mqajjem mill-kumpanniji tal-grupp Alstom, ibbażati fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali.

54

L-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ sentenza għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, b’mod li tippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza ENI vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74).

55

Madankollu, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jfissirx li l-Qorti Ġenerali hija meħtieġa tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, il-punti kollha tar-raġunament żviluppati mill-partijiet fil-kawża. Għaldaqstant, il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita bil-kundizzjoni li permezz tagħha l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jidentifikaw ir-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma tkunx laqgħet l-argumenti tagħhom u għall-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, punt 82).

56

Minbarra dan, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità, imsemmi fl-Artikolu 263 TFUE, il-qorti tal-Unjoni ma tistax, fi kwalunkwe ipoteżi, tissostitwixxi l-motivazzjoni tal-awtur tal-att ikkontestat b’tagħha stess (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ssostitwixxiet il-motivazzjoni tal-Kummissjoni, rigward l-imputabbiltà lil kumpannija parent tal-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha, b’tagħha stess, jekk il-motivi tas-sentenza inkwistjoni jikkonċernaw elementi invokati mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali, intiżi sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, li l-Qorti Ġenerali għandha l-obbligu li teżamina fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, id-digrieti ċċitati iktar ’il fuq tas-7 ta’ Frar 2012, Total u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 65, u tat-13 ta’ Settembru 2012, Total u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 60).

i) Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju invokat mill-kumpanniji tal-grupp Alstom

58

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħhom, il-kumpanniji tal-grupp Alstom jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ssostitwixxiet il-motivazzjoni tal-Kummissjoni, fil-punti 102 sa 110 tas-sentenza appellata, b’tagħha stess. Fl-imsemmija punti, il-Qorti Ġenerali kienet eżaminat l-elementi mressqa minn Alstom fil-paragrafi 90 sa 150 tat-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li kienu intiżi sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, fir-rigward tal-perijodu mis-7 ta’ Diċembru 1992 sat-8 ta’ Jannar 2004. Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi, b’mod li l-Qorti Ġenerali kienet għalhekk żiedet tali evalwazzjoni mal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata.

59

Dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kinitx debitament eżaminat l-elementi invokati minn Alstom fil-paragrafi 90 sa 150 tat-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

60

Issa, hekk kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel aggravju mqajjem mill-kumpanniji tal-grupp Alstom, din il-premessa ma tistax tiġi aċċettata, peress li ġie kkonstatat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi motivazzjoni suffiċjenti dwar il-kwistjoni tal-imputabbiltà lil Alstom tal-ksur imwettaq mis-sussidjarji tagħha, inkluż teħid ta’ pożizzjoni globali fuq l-elementi mressqa minn Alstom fil-paragrafi 90 sa 150 tat-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

61

Hekk kif jirriżulta mill-punt 57 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi kkritikat lill-Qorti Ġenerali li żviluppat, fil-punti 102 sa 110 tas-sentenza appellata, il-motivazzjoni dwar l-imsemmija paragrafi 90 sa 150, hekk kif jidhru fid-deċiżjoni kkontestata, peress li, fil-punti tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali limitat ruħha sabiex teżamina iktar fid-dettall l-argumenti u l-provi mressqa minn Alstom matul il-proċedura amministrattiva.

62

Isegwi li l-ewwel parti tat-tieni aggravju mqajjem mill-kumpanniji tal-grupp Alstom għandha tiġi miċħuda.

ii) Fuq l-ewwel aggravju invokat minn Areva u t-tieni parti tat-tieni aggravju mqajjem mill-kumpanniji tal-grupp Alstom

– L-argumenti tal-partijiet

63

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, li jirreferi għall-punti 144 sa 152 tas-sentenza appellata, Areva tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali kif ukoll id-drittijiet tad-difiża.

64

L-ewwel nett, fil-punt 150 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet issostitwixxiet ir-raġunament tal-Kummissjoni b’tagħha stess, billi żiedet mad-deċiżjoni kkontestata żewġ elementi ġodda sabiex tiċħad l-allegazzjonijiet li, għall-perijodu mid-9 ta’ Jannar 2004 sal-11 ta’ Mejju 2004, Areva u Areva T & D Holding ma kellhomx esperjenza suffiċjenti tas-settur tat-T & D sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Areva T&D SA u Areva T&D AG (iktar ’il quddiem, flimkien, is-“sussidjarji T & D”).

65

Dawn l-elementi ġodda huma kkostitwiti mill-affermazzjoni li ma setax jiġi eskluż li Areva u Areva T & D Holding setgħu jiksbu għarfien tas-settur tat-T & D matul il-perijodu bejn il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ bejgħ minn Alstom tas-sussidjarji T & D, fix-xahar ta’ Settembru 2003, u t-trasferiment effettiv ta’ dawn is-sussidjarji, fit-8 ta’ Jannar 2004, kif ukoll l-affermazzjoni li ma setax jiġi eskluż ukoll li r-reklutaġġ ta’ diriġent ġdid għal dawn is-sussidjarji, barra mill-grupp, kien ippermetta lil Areva li jkollha għarfien fil-fond ta’ dan is-settur.

66

Sussegwentement, il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti Ġenerali ma ppermettewx li jinftehmu r-raġunijiet li għalihom din ma laqgħetx l-argumenti invokati minn Areva. Għalhekk, is-sentenza appellata hija vvizzjata minn difett ta’ motivazzjoni.

67

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kisret ukoll id-drittijiet tad-difiża, li minnhom kienet tibbenefika Areva. Billi bbażat ruħha fuq elementi li kienu jikkostitwixxu fir-realtà suppożizzjonijiet jew xenarji ipotetiċi, il-Qorti Ġenerali kienet għamlet il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti inkonfutabbli u kienet imponiet fuq Areva probatio diabolica fil-kuntest tad-dimostrazzjoni tal-assenza ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti min-naħa tagħha fuq is-sussidjarji T & D, billi talbet li hija tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ interferenza fl-aġir ta’ dawn tal-aħħar. Għalhekk il-Qorti Ġenerali ma kinitx tat lil Areva l-possibbiltà li tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha fuq dawn iż-żewġ elementi ġodda miżjuda mad-deċiżjoni kkontestata.

68

Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħhom, il-kumpanniji tal-grupp Alstom jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi qajmet essenzjalment l-istess ilment bħal dak imressaq minn Areva fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha.

69

Il-Kummissjoni tirrifjuta dawn l-argumenti. B’mod partikolari, hija ssostni li l-aggravju invokat minn Areva huwa inammissibbli, peress li, permezz tiegħu, din tal-aħħar tikkritika fir-realtà l-evalwazzjoni tal-provi magħmula mill-Qorti Ġenerali.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

70

L-ewwel nett għandu jiġi miċħud, bħala inammissibbli, l-argument, imqajjem minn Areva għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika tagħha, li fih hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma ssanzjonatx lill-Kummissjoni talli naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fil-kuntest tal-analiżi tal-eżerċizzju effettiv minn Areva ta’ influwenza determinanti fuq is-sussidjarji T & D.

71

Dan l-argument huwa fundamentalment differenti mill-argumenti artikolati minn Areva fl-appell tagħha, li kienu jikkonċernaw biss l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali.

72

Hemm lok li jiġi kkonstatat li dan l-argument jikkostitwixxi, skont ir-regoli li jinsabu fl-Artikoli 127 u 190 tar-Regoli tal-Proċedura, motiv ġdid, ippreżentat matul l-istanza, li għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, peress li ma huwiex ibbażat fuq punti ta’ liġi jew ta’ fatt li ġew żvelati matul il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il‑Kummissjoni, C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, punt 371 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

73

Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat, fir-rigward tal-elementi ta’ ġurisprudenza mfakkra fil-punti 54 sa 57 ta’ din is-sentenza, l-argument invokat minn Areva u l-kumpanniji tal-grupp Alstom, li, fil-punt 150 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet żiedet mal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata żewġ elementi allegatament ġodda, li sar riferiment għalihom fil-punt 64 ta’ din is-sentenza.

74

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi eżaminat il-punt 150 tas-sentenza appellata fil-kuntest tar-raġunament magħmul mill-Qorti Ġenerali fil-punti 144 sa 152 ta’ din is-sentenza bħala tweġiba għat-tielet motiv tar-rikors, li permezz tiegħu il-kumpanniji tal-grupp Areva sostnew quddiem il-Qorti Ġenerali li l-kumpanniji parent Areva u Areva T&D Holding ma kellhomx esperjenza suffiċjenti tas-settur tat-T & D li kienet tippermettilhom li jeżerċitaw effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarji T & D.

75

Issa, hekk kif irrileva wkoll essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 65 sa 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali eżami jiżvela li, fil-punt 150 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma żiedet żewġ elementi ġodda mal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, billi ssostitwixxiet għalhekk il-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata b’tagħha stess, iżda limitat ruħha, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni, sabiex twieġeb b’mod iddettaljat għal argumenti mqajma quddiemha, intiżi sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, motiv ibbażat fuq li l-ksur ikkritikat ma setax jiġi imputat lill-kumpanniji parent Areva u Areva T & D Holding, peress li dawn ma kellhomx esperjenza suffiċjenti tas-settur tat-T & D.

76

Fit-tielet lok, għandu jiġi miċħud l-argument ta’ Areva, li r-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali f’dak li jikkonċerna dawn iż-żewġ elementi allegati ġodda miżjuda mad-deċiżjoni kkontestata ma jippermettilhiex li tifhem kif dawn l-elementi jistgħu jiġġustifikaw il-konstatazzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti.

77

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 75 ta’ din is-sentenza, iż-żewġ elementi msemmija minn Areva ma jibbażawx fuq il-konstatazzjoni tal-eżerċizzju effettiva ta’ influwenza determinanti, iżda jikkostitwixxu sempliċement argumenti li l-Qorti Ġenerali żviluppat bħala tweġiba għall-argument, invokat mill-kumpanniji tal-grupp Areva fil-proċedura amministrattiva u wara quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-kumpanniji parent ta’ dan il-grupp ma kinux fil-pożizzjoni li jeżerċitaw effettivament influwenza determinanti fuq is-sussidjarji kkonċernati, minħabba n-nuqqas ta’ esperjenza tagħhom fis-settur tat-T & D.

78

Fir-raba’ lok, għandu jiġi miċħud l-argument magħmul minn Areva ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża, peress li ma setgħetx tieħu pożizzjoni dwar dawn iż-żewġ elementi allegati ġodda. Fil-fatt, id-drittijiet tad-difiża bl-ebda mod ma setgħu jiġu miksura, peress li jirriżulta mill-punt 75 ta’ din is-sentenza li dawn l-elementi ġew żviluppati mill-Qorti Ġenerali bħala tweġiba għal argumenti mqajma mill-kumpanniji tal-grupp Areva stess.

79

Fil-ħames lok, hemm lok li jiġi miċħud ukoll bħala infondat l-argument ta’ Areva li d-drittijiet tad-difiża kienu ġew miksura, peress li l-Qorti Ġenerali kienet imponiet fuqha probatio diabolica li kien ikkonsista li tiġi obbligata tipproduċi prova negattiva tal-assenza ta’ interferenza min-naħa tagħha fl-aġir tas-sussidjarji tagħha.

80

Fil-fatt, l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-elementi mressqa mill-kumpanniji tal-grupp Areva għall-finijiet li jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ma jaqax, globalment, taħt il-probatio diabolica. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li huma l-entitajiet li jixtiequ jikkonfutaw din il-preżunzjoni li għandhom iressqu kull element dwar ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u legali li jgħaqqdu lis-sussidjarja inkwistjoni mal-kumpannija parent u li huma jikkunsidraw bħala ta’ natura li juru li huma ma kinux jikkostitwixxu entità ekonomika unika (sentenza Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65).

81

Il-fatt li huwa diffiċli li tiġi prodotta l-prova kuntrarja neċessarja sabiex tiġi kkonfutata preżunzjoni ma jimplikax, waħdu, li din hija fil-fatt inkonfutabbli, speċjalment meta l-entitajiet li din il-preżunzjoni taħdem kontra tagħhom huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex ifittxu din il-prova fl-isfera ta’ attivitajiet tagħhom stess (sentenza Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70).

82

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-ewwel aggravju invokat minn Areva u t-tieni parti tat-tieni aggravju mqajjem mill-kumpanniji tal-grupp Alstom għandhom jiġu miċħuda.

iii) Fuq ir-raba’ parti tat-tieni aggravju invokat mill-kumpanniji tal-grupp Alstom

83

Permezz tar-raba’ parti tat-tieni aggravju tagħhom, il-kumpanniji tal-grupp Alstom jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li vvizzjat is-sentenza appellata b’difett ta’ motivazzjoni doppju, peress li l-punt 206 ta’ din is-sentenza ma jippermettix li jkunu magħrufa r-raġunijiet li għalihom, minn naħa, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma timmotiva d-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward, timponi multi fuq suġġetti tad-dritt li ma kinux jikkostitwixxu iktar unità ekonomika fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza li huma kienu ċċitaw ma kinitx rilevanti.

84

F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 200 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma setgħetx tiġi kkritikata li ma mmotivatx partikolarment il-multa li kellha titħallas in solidum, imposta fuq Alstom u fuq Areva T&D SA, fir-rigward tal-fatt li dawn il-kumpanniji ma kinux jiffurmaw iktar entità ekonomika unika fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, fil-punt 206 ta’ din is-sentenza, li ma jirriżultax mill-ġurisprudenza li tista’ tiġi imposta biss multa li għandha titħallas in solidum mill-kumpanniji li jiffurmaw entità ekonomika fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi din il-multa.

85

Għaldaqstant, ir-raba’ parti tat-tieni aggravju invokat mill-kumpanniji tal-grupp Alstom għandha tiġi miċħuda.

86

Minn dan jirriżulta li l-ewwel aggravju invokat minn Areva kif ukoll it-tieni aggravju mqajjem mill-kumpanniji tal-grupp Alstom, bl-eċċezzjoni tat-tielet parti ta’ dan l-aħħar aggravju, li ser tiġi eżaminata ulterjorment, għandhom jiġu miċħuda.

c) Fuq it-tielet aggravju invokat mill-kumpanniji tal-grupp Alstom, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE, b’mod partikolari tar-regoli dwar l-imputazzjoni tal-ksur kif ukoll tal-prinċipji tad-dritt għal smigħ xieraq u tal-preżunzjoni tal-innoċenza

i) Fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju mqajjem mill-kumpanniji tal-grupp Alstom

87

Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħhom, il-kumpanniji tal-grupp Alstom jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li kienet laqgħet, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti, kif effettwata fil-punti 84 sa 110 tas-sentenza appellata, definizzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha mingħajr ebda relazzjoni ma’ aġir effettiv fis-suq inkwistjoni u, għaldaqstant, li tat natura inkonfutabbli għal din il-preżunzjoni.

88

Huma jsostnu b’mod partikolari li l-Qorti Ġenerali, filwaqt li ddeduċiet l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tas-sempliċi eżistenza ta’ rabtiet organizzattivi, ekonomiċi jew legali bejn il-kumpannija parent u waħda mis-sussidjarji tagħha, u mhux fatti preċiżi marbuta ma’ aġir partikolari reali fis-suq inkwistjoni, kienet qabżet il-limiti tar-raġunament billi imponiet fuq Alstom probatio diabolica, peress li din il-kumpannija ma tistax tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ħlief billi tiċħad l-eżistenza tal-imsemmija rabtiet u, għaldaqstant, l-eżistenza tagħha stess.

89

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-kumpanniji tal-grupp Alstom, il-Qorti Ġenerali ma ddeduċietx l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti mis-sempliċi eżistenza ta’ rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u legali bejn il-kumpannija parent u waħda mis-sussidjarji tagħha.

90

Fil-fatt, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-dokumenti prodotti minn Alstom matul il-proċedura amministrattiva kienu jattestjaw il-fatt li t-tmexxija tal-grupp Alstom, imqiegħda taħt ir-responsabbiltà ta’ Alstom, kienet tipparteċipa fid-definizzjoni tal-inizjattiva fis-suq fir-rigward tas-settur tat-T & D tal-grupp Alstom u tal-oqsma ta’ attività differenti tagħha, u li hija kienet tikkontrolla b’mod permanenti l-applikazzjoni ta’ din l-inizjattiva minn dan is-settur u l-oqsma ta’ attivitajiet differenti tiegħu.

91

Sussegwentement, hekk kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, hija ma tistax tiġi obbligata li turi li, f’sitwazzjoni li fiha l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tista’ tkun applikabbli, jekk ikun il-każ billi tiġi integrata f’metodu ta’ bażi doppja bħal dak użat f’dan il-każ, il-kumpannija parent effettivament għamlet użu mir-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u legali li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni tagħha mas-sussidjarji tagħha fil-kuntest ta’ fatti preċiżi marbuta ma’ tali aġir reali fis-suq inkwistjoni, peress li tali obbligu jwassal sabiex iċaħħad din il-preżunzjoni mill-effettività tagħha.

92

Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-punti 80 u 81 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li applikat, fil-fatti, verżjoni inkonfutabbli ta’ din il-preżunzjoni billi imponiet probatio diabolica fuq Alstom fir-rigward tal-elementi mressqa minn din tal-aħħar sabiex tikkonfuta din il-preżunzjoni.

93

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti mal-prinċipji tad-dritt għal smigħ xieraq u tal-preżunzjoni tal-innoċenza, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din il-preżunzjoni hija proporzjonata mal-għan leġittimu segwit u, għaldaqstant, tibqa’ f’limiti aċċettabbli, peress li hija intiża b’mod partikolari sabiex twassal għal ekwilibriju bejn, minn naħa, l-importanza tal-għan li jikkonsisti sabiex irażżan l-aġir li jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari tal-Artikolu 81 KE, u sabiex jipprevjeni t-tiġdid u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti ta’ ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħal, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, ta’ individwalità tal-pieni u ta’ ċertezza legali kif ukoll id-drittijiet tad-difiża, inkluż il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet. Huwa għal din ir-raġuni li hija konfutabbli (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi ENI vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50, u tat-18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, C‑501/11 P, punti 107 u 108).

94

Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tielet aggravju mqajjem mill-kumpanniji tal-grupp Alstom għandha tiġi miċħuda.

ii) Fuq it-tieni parti tat-tielet aggravju invokat mill-kumpanniji tal-grupp Alstom

95

Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju tagħhom, il-kumpanniji tal-grupp Alstom jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żbalji ta’ liġi meta kkonfermat, fil-punti 144 sa 152 tas-sentenza appellata, id-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija tikkonstata l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ Areva T & D Holding fuq Areva T & D SA u fuq Areva T & D AG matul il-perijodu mid-9 ta’ Jannar sal-11 ta’ Mejju 2004. Sabiex tiġġustifika l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, fil-punt 150 ta’ din is-sentenza, fuq iż-żewġ elementi diġà kkritikati minn Areva fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha, li huma msemmija fil-punt 65 ta’ din is-sentenza.

96

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-argumenti invokati f’dan il-kuntest mill-kumpanniji tal-grupp Alstom jiġbru b’mod wiesa’ dawk imressqa minn Areva, fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha, kontra l-istess punti tas-sentenza appellata.

97

Issa, dawn l-argumenti kienu diġà ġew miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tat-tweġiba għall-ewwel aggravju invokat minn Areva, li minnha jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, matul l-eżami ta’ sensiela ta’ argumenti invokati minn Areva għall-finijiet li tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, analizzat l-argumenti mqajma minn Areva u kkunsidrat, f’termini vagi u prudenti, li dawn ma kinux ta’ natura li jistgħu juru l-assenza ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti.

98

Billi segwiet din il-prassi, il-Qorti Ġenerali, kif intqal fil-punti 80, 81 u 82 ta’ din is-sentenza, bl-ebda mod ma imponiet fuq Alstom probatio diabolica li jagħmel il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti inkonfutabbli.

99

Minbarra dan, l-argument ta’ Alstom, fejn hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali li għamlet evalwazzjoni fattwali żbaljata ta’ dawn iż-żewġ elementi mingħajr ma wriet kwalunkwe żnaturament tagħhom, huwa inammissibbli.

100

Isegwi li, it-tieni parti tat-tielet aggravju invokat mill-kumpanniji tal-grupp Alstom ma tistax tintlaqa’, u għalhekk dan it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

2. Fuq l-aggravju dwar l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam ta’ solidarjetà għall-ħlas tal-multi

101

Areva, fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet aggravji tagħha, u l-kumpanniji tal-grupp Alstom, fil-kuntest, minn naħa, tat-tielet parti tat-tieni aggravju tagħhom u, min-naħa l-oħra, tar-raba’ aggravju tagħhom, jinvokaw diversi żbalji ta’ liġi li jirriżultaw mill-interpretazzjoni u mill-applikazzjoni tal-Qorti Ġenerali tar-regoli fil-qasam tas-solidarjetà għall-ħlas tal-multi imposti mill-Kummissjoni fuq persuni ġuridiċi differenti meqjusa responsabbli in solidum minħabba l-fatt li huma jagħmlu parti mill-istess impriża li kienet ġiet rikonoxxuta bħala ħatja li wettqet ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

102

L-ewwel grupp ta’ argumenti hekk invokati mill-kumpanniji appellanti jikkonċerna r-responsabbiltà in solidum imsejħa “de facto” għall-ħlas tal-multa li l-Kummissjoni kienet imponiet fuq Areva u fuq Alstom fil-kwalità tagħhom ta’ kumpanniji parent suċċessivi ta’ sussidjarji li jkunu wettqu ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, li l-Qorti Ġenerali kienet naqset milli tissanzjona, anki jekk dan imur kontra, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ individwalità tal-pieni.

103

It-tieni grupp ta’ argumenti, sostnuti minn dawn ir-rikorrenti, ta’ ksur tal-istess prinċipji kif ukoll tal-Artikolu 7 KE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, jirreferi għal uħud mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fis-sentenza appellata, dwar ir-relazzjoni interna ta’ solidarjetà, jiġifieri ġabra ta’ prinċipji stabbiliti mill-Qorti Ġenerali li jirregolaw id-determinazzjoni tas-sehem tal-multa li għandu jitħallas mill-kodebituri in solidum fir-relazzjoni interna tagħhom, ladarba l-Kummissjoni ma jkollhiex iktar interess fil-kwistjoni wara li l-ħlas tas-somma integrali tal-multa minn wieħed jew iktar minn dawn il-kodebituri.

a) Fuq l-argumenti dwar ir-responsabbiltà in solidum de facto imposta fuq il-kumpanniji parent Areva u Alstom

i) L-argumenti tal-partijiet

104

Il-kumpanniji appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ individwalità tal-pieni peress li ma qajmitx dubju dwar l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam ta’ solidarjetà għall-ħlas tal-multi, kif imwettqa mill-Kummissjoni, peress li hija kienet imponiet responsabbiltà in solidum de facto fuq Alstom u fuq Areva, żewġ kumpanniji parent suċċessivi ta’ sussidjarji li kienu wettqu ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minkejja li dawn il-kumpanniji parent ma kienu qatt ikkostitwixxew unità ekonomika bejniethom.

105

Areva żżid li l-Qorti Ġenerali kienet fir-rigward tagħha kisret l-imsemmija prinċipji billi imponiet, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, multi rriformati li għandhom ukoll l-effett li joħolqu responsabbiltà in solidum de facto.

106

Il-kumpanniji tal-grupp Alstom isostnu li din ir-responsabbiltà in solidum de facto tirriżulta, minn naħa, mill-fatt li l-ammont ta’ EUR 25 500 000, imnaqqas għal EUR 20 400 000 mill-Qorti Ġenerali, impost in solidum fuq Areva u fuq is-sussidjarji T & D, huwa għal kollox inkluż fl-ammont ta’ EUR 53 550 000, imnaqqas għal EUR 48 195 000 mill-Qorti Ġenerali, impost in solidum fuq Areva u fuq l-ex sussidjarja tagħha Areva T& D SA, u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li s-somma tal-ammonti massimi li għalihom il-kumpanniji parent suċċessivi huma meqjusa responsabbli taqbeż l-ammont li għandu jitħallas mis-sussidjarja.

107

Din it-teknika ta’ determinazzjoni tal-multa msejħa “kaskata” għandha fil-fatt konsegwentement il-bidu ta’ responsabbiltà in solidum de facto bejn Alstom u Areva, peress li l-ammont effettivament irkuprat mill-Kummissjoni mingħand kumpannija parent għandu effett dirett fuq l-ammont li jista’ jintalab mill-Kummissjoni mingħand il-kumpannija parent l-oħra, filwaqt li dawn il-kumpanniji qatt ma kienu jagħmlu parti mill-istess impriża, fis-sens tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Minbarra dan, tali teknika ma tippermettix lill-kumpanniji parent inkwistjoni li jkunu jafu, mingħajr ambigwità, l-ammont eżatt tal-multa li kull waħda minnhom għandha tħallas.

108

Fis-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2010, Tioplast Industrier vs Il‑Kummissjoni (T-40/06, Ġabra p. II-4893), il-Qorti Ġenerali kienet ikkonfermat, f’kuntest ta’ suċċessjoni ta’ kumpanniji parent ta’ sussidjarji li kienu wettqu ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni identiku, essenzjalment, għal dawn il-kawżi, li tali teknika ta’ determinazzjoni tar-relazzjoni esterna ta’ responsabbiltà in solidum tmur kontra l-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet.

109

Il-Kummissjoni tikkunsidra, prinċipalment, li l-motivi invokati mill-kumpanniji rikorrenti huma ġodda u għalhekk inammissibbli inkwantu huma intiżi sabiex jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ma ssanzjonatx lill-Kummissjoni talli stabbilixxiet responsabbiltà in solidum de facto bejn il-kumpanniji parent Areva u Alstom. Dawn huma raġunijiet li l-imsemmija kumpanniji kienu naqsu li jressqu fl-ewwel istanza minkejja li huma setgħu jagħmlu dan. Il-motivi dwar ir-regoli fil-qasam ta’ responsabbiltà in solidum invokati quddiem il-Qorti Ġenerali kienu kkonċernaw biss ir-responsabbiltà in solidum reali jew responsabbiltà in solidumde jure” bejn Areva T&D SA u kull waħda mill-kumpanniji parent suċċessivi tagħha Alstom u Areva, kif iddefinita fid-deċiżjoni kkontestata.

110

Fuq il-mertu, il-Kummissjoni ssostni, sussidjarjament, li t-trasferiment ta’ Areva T & D SA matul il-perijodu ta’ ksur inkwistjoni iwassal għal responsabbiltà in solidum doppja ta’ din is-sussidjarja ma’ kull waħda mill-kumpanniji parent suċċessivi tagħha. Madankollu, jekk il-metodu użat f’dan il-każ sabiex tiġi ddefinita responsabbiltà in solidum jimplika sovrapożizzjoni tal-ammonti mitluba minn Areva u minn Alstom, ma jirriżultax minn dan li dawn il-kumpanniji huma responsabbli in solidum de jure. Fil-fatt, mill-aspett legali, l-unika ħaġa importanti hija r-responsabbiltà in solidum ta’ kull kumpannija parent mas-sussidjarja ttrasferita.

111

Minbarra dan, fil-każijiet fejn sussidjarja hija kkunsidrata responsabbli in solidum mal-kumpanniji parent suċċessivi tagħha, ma jkun bl-ebda mod kontra d-dritt tal-Unjoni li tiġi kkalkolata l-multa dovuta minnhom abbażi ta’ ammont inizjali sħiħ, li huwa identiku mal-ammont inizjali impost fuq is-sussidjarja. Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-kumpanniji appellanti, fil-punt 74 tas-sentenza Tioplast Industrier vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kienet ikkonfermat il-legalità ta’ dan il-metodu, li barra minn hekk ikun iktar vantaġġuż għall-kumpanniji parent inkwistjoni milli metodi oħra maħsuba f’tali każ.

ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-ammissibbiltà

112

Il-Kummissjoni tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra argumenti sostnuti mill-kumpanniji appellanti dwar ir-responsabbiltà in solidum de facto li l-Kummissjoni kienet imponiet bejn il-kumpanniji parent Areva u Alstom, billi sostniet li, fir-rikors tal-ewwel istanza tagħhom, il-kumpanniji appellanti ma kinux qajmu tali argumenti. F’tali istanza, dawn kienu limitaw ruħhom li jikkritikaw ir-responsabbiltà in solidum de jure bejn Areva T & D SA u kull waħda mill-kumpanniji parent suċċessivi tagħha. Għaldaqstant, dawn huma motivi ġodda li huma inammissibbli fil-kuntest ta’ appell.

113

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li jekk parti tkun tista’ tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma qajmitx quddiem il-Qorti Ġenerali, dan ifisser li hija tkun tista’ tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kwistjoni li tkun iktar estiża minn dik li tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest ta’ appell, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, limitata għall‑eżami tal-evalwazzjoni li l-Qorti Ġenerali tkun għamlet tal-motivi li jkunu ġew diskussi quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 111).

114

Madankollu, argument li ma jkunx tqajjem fl-ewwel istanza ma jikkostitwixxix motiv ġdid li huwa inammissibbli fl-istadju tal-appell jekk jikkostitwixxi biss l-estensjoni ta’ argument diġà żviluppat fil-kuntest ta’ motiv imressaq fir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Siemens et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 287).

115

Hekk kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 117 sa 120 tal-konklużjonijiet tiegħu, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fir-rikors tal-ewwel istanza tagħha, Alstom kienet qajmet, fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, ibbażat fuq il-ksur tar-regoli fil-qasam ta’ responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multi li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ individwalità tal-pieni, argument li jikkritika espliċitament it-teknika ta’ determinazzjoni tal-multa, li tikkonsisti li tiġbor l-ammont tal-multa li għaliha Areva hija meqjusa responsabbli in solidum mal-ex sussidjarji tagħha tat-T & D li Alstom hija meqjusa responsabbli in solidum għalih ma’ Areva T & D SA.

116

Għaldaqstant, jekk Alstom ma qajmitx espressament, fl-ewwel istanza, ilmenti magħmula kontra l-ħolqien ta’ responsabbiltà in solidumde facto” mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li hija speċifikament ikkritikat, abbażi tal-istess bażi ġuridika bħal dik imqajma fl-appell, it-teknika fl-oriġini ta’ tali responsabbiltà in solidum. B’konsegwenza, l-argument imressaq minn Alstom ta’ din ir-responsabbiltà in solidum de facto ma jikkostitwixxix motiv ġdid, inammissibbli fl-istadju tal-appell, peress li dan jikkostitwixxi biss l-estensjoni ta’ argument diġà żviluppat fil-kuntest ta’ motiv imressaq fir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

117

Fir-rigward ta’ Areva, hemm lok li jiġi kkonstatat li, quddiem il-Qorti Ġenerali, hija invokat motiv ibbażat fuq il-ksur tar-regoli fil-qasam ta’ responsabbiltà in solidum, li jirriżulta mill-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jikkoinċidi parzjalment mal-bażi tal-aggravju ppreżentat fil-kuntest tal-appell u li jikkritika r-responsabbiltà in solidum de facto. Jekk dan il-motiv imqajjem fl-ewwel istanza kien intiż biss, inkwantu tali, għar-responsabbiltà in solidum de jure bejn Areva T & D SA u Alstom, xorta jibqa’ l-fatt li, fil-kuntest tiegħu, Areva kienet evokat kwistjonijiet dwar ir-responsabbiltà in solidum doppja imposta fuq Areva T & D SA ma’ kull waħda mill-kumpanniji parent suċċessivi tagħha.

118

Barra minn hekk, hekk kif issostni Areva, il-Qorti Ġenerali, fil-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, imponiet multa billi użat l-istess metodu ta’ determinazzjoni “f’kaskati” tagħha. Isegwi li l-Qorti Ġenerali għalhekk ibbażat fuq dan il-metodu, b’mod li l-argument ibbażat fuq ir-responsabbiltà in solidum de facto li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan il-metodu jsib l-oriġini tiegħu fis-sentenza appellata u li l-fondatezza tiegħu tista’ tiġi kkritikata fil-kuntest tal-appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs Siemens Österreich et u Siemens Transmission & Distribution et vs Il‑Kummissjoni, C‑231/11 P sa C‑233/11 P, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni tiġi miċħuda.

– Fuq il-mertu

120

Jirriżulta mill-ġurisprudenza li, meta diversi persuni ġuridiċi jistgħu jiġu meqjusa responsabbli personalment mill-parteċipazzjoni fi ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minħabba l-appartenenza tagħhom għal waħda u l-istess impriża li lilha dan il-ksur jista’ jiġi kkritikat, il-Kummissjoni għandha, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, setgħa li timponi fuqhom multa in solidum (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Siemens Österreich et u Siemens Transmission & Distribution et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 39 sa 51).

121

Madankollu, meta hija tiddeċiedi li teżerċita din is-setgħa ta’ sanzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tiddetermina liberament ir-relazzjoni esterna ta’ responsabbiltà in solidum u b’mod partikolari l-ammont tal-multa li minnu hija tista’ teħtieġ il-ħlas sħiħ ta’ kull wieħed mill-kodebituri in solidum (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Siemens Österreich et u Siemens Transmission & Distribution et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 52 sa 54).

122

Fil-fatt, peress li l-kunċett tad-dritt tal-Unjoni ta’ responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa huwa biss manifestazzjoni ta’ effett ipso jure tal-kunċett ta’ impriża, id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa għall-ħlas sħiħ li għalih kull wieħed mill-kodebituri in solidum jista’ jitqies responsabbli minnu mill-Kummissjoni tirriżulta mill-applikazzjoni, f’każ ineżami, ta’ dan il-kunċett ta’ impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Siemens Österreich et u Siemens Transmission & Distribution et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 51 u 57).

123

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-għażla tal-awturi tat-Trattati kienet li jintuża l-kunċett ta’ impriża sabiex jindika l-awtur ta’ ksur għad-dritt tal-kompetizzjoni, li jista’ jiġi ssanzjonat skont l-Artikoli 81 KE u 82 KE, u mhux kunċetti oħra bħal dawk tal-kumpannija jew tal-persuna ġuridika (sentenza Il‑Kummissjoni vs Siemens Österreich et u Siemens Transmission & Distribution et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

124

Huwa barra minn hekk dan l-istess kunċett ta’ impriża li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 sabiex jiddefinixxi l-entità li għaliha l-Kummissjoni tista’ timponi multa sabiex tissanzjona ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

125

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “impriża” fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, jindika kwalunkwe entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u tal-metodu ta’ finanzjament tagħha. Dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala li jindika unità ekonomika, anki jekk, mill-perspettiva legali, din l-unità hija kkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Siemens Österreich et u Siemens Transmission & Distribution et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

126

Minbarra dan, fil-kuntest tad-determinazzjoni tar-relazzjoni esterna ta’ responsabbiltà in solidum, jiġifieri r-relazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-persuni differenti li jikkostitwixxu l-impriża, li jistgħu jiġu mitluba jħallsu l-multa kollha imposta fuq din l-impriża, ċerti restrizzjonijiet huma applikabbli fuq il-Kummissjoni.

127

Għalhekk, din għandha l-obbligu li tosserva l-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet li jeħtieġ li, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, l-ammont tal-multa li għandu jitħallas in solidum għandu jiġi stabbilit skont il-gravità tal-ksur individwalment ikkritikat lill-impriża kkonċernata u t-tul tiegħu (sentenza Il‑Kummissjoni vs Siemens Österreich et u Siemens Transmission & Distribution et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

128

F’dan l-istess kuntest, il-Kummissjoni għandha wkoll tosserva l-prinċipju ta’ ċertezza legali li jeħtieġ li kull att adottat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkun ċar u preċiż, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jafu b’eżattezza d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minnu u li jieħdu l-provvedimenti tagħhom konsegwentement (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Arcelor Mittal Luxembourg et, C-201/09 P u C-216/09 P, Ġabra p. I-2239, punt 68).

129

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-metodu magħżul mill-Kummissjoni u kkonfermat mill-Qorti Ġenerali sabiex tiġi ddefinita r-responsabbiltà in solidum bejn Areva T&D SA, fil-kwalità tagħha bħala sussidjarja, u l-kumpanniji parent suċċessivi tagħha Alstom u Areva, li jikkonsisti li jiġi inkluż l-ammont tal-multa dovut in solidum minn Areva u l-kumpanniji tal-grupp Areva, li tagħmel parti minnu din is-sussidjarja, f’dak dovut in solidum minn Alstom u minn din is-sussidjarja, jekk dan ma jistabbilixxix, inkwantu tali, rabta formali ta’ responsabbiltà in solidum bejn l-imsemmija kumpanniji parent, dan madankollu jista’, fir-realtà, jipproduċi l-istess effetti bħal dawk li jirriżultaw minn tali rabta.

130

Fil-fatt, tali determinazzjoni tar-relazzjoni esterna ta’ responsabbiltà in solidum tista’ jkollha konsegwentement li tobbliga lil waħda mill-kumpanniji parent, fl-ewwel lok, li tħallas lill-Kummissjoni l-multi kollha dovuti mill-kumpanniji parent suċċessivi tas-sussidjarja li tkun wettqet ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, minkejja li l-kumpanniji parent inkwistjoni qatt ma għamlu parti minn waħda u l-istess impriża fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fit-tieni lok, ladarba l-Kummissjoni ma jkollhiex iktar interess fil-kwistjoni wara l-ħlas integrali tal-multa, din il-kumpannija parent tkun obbligata li teħtieġ, jekk ikun il-każ fil-kuntest ta’ kawża ta’ rkupru mressqa quddiem qorti nazzjonali, li l-kumpannija parent l-oħra tirrimborsaha dawn il-multi sa limitu tas-sehem ta’ dawn tal-aħħar li għalih hija responsabbli, u b’hekk tesponi ruħha għar-riskju ta’ eventwali insolvenza ta’ din il-kumpannija parent l-oħra.

131

Issa, tali konfigurazzjoni tar-responsabbiltà in solidum tmur kontra l-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, imfakkar fil-punt 127 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, din il-konfigurazzjoni tippermetti lill-Kummissjoni teżiġi li waħda mill-kumpanniji parent tħallas multa li tissanzjona ksur qed tiġi kkritikata bih, għal parti oħra tal-perijodu ta’ ksur, impriża li qatt ma kienet għamlet parti minnha, f’dan il-każ dik li kienet tagħmel parti minnha l-kumpannija parent l-oħra, u mhux is-sehem tar-responsabbiltà in solidum tal-impriża li hija kienet tagħmel parti minnha matul it-twettiq tal-ksur minn din l-impriża.

132

Minbarra dan, jekk l-istrument tar-responsabbiltà in solidum jippermetti lill-Kummissjoni li tnaqqas ir-riskju ta’ eventwali insolvenza ta’ waħda mill-kumpanniji li jagħmlu parti mill-istess impriża, li jikkontribwixxi għall-għanijiet ta’ effiċjenza tal-azzjoni tagħha u ta’ dissważjoni fil-qasam ta’ trażżin tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (sentenza Il‑Kummissjoni vs Siemens Österreich et u Siemens Transmission & Distribution et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59), dan l-istrument ma jistax jintuża b’mod li r-riskju tal-insolvenza ta’ kumpannija jiġi ttrasferit lil kumpannija oħra, fejn dawn qatt ma għamlu parti mill-istess impriża.

133

Meta l-Kummissjoni tixtieq tikkundanna in solidum sussidjarja li tkun wettqet ksur ma’ kull waħda mill-kumpanniji parent tagħha li magħhom hija kienet suċċessivament iffurmat impriża differenti matul il-perijodu ta’ ksur, dan il-prinċipju jeħtieġ li din l-istituzzjoni tistabbilixxi separatament, għal kull waħda mill-impriżi inkwistjoni, l-ammont tal-multa li għandu jitħallas in solidum mill-kumpanniji li jagħmlu parti minnha, skont il-gravità tal-ksur individwalment ikkritikat lil kull impriża kkonċernata u t-tul tiegħu.

134

Ċertament, ma jirriżultax mill-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet li, f’tali konfigurazzjoni ta’ responsabbiltà in solidum, kull kumpannija għandha tkun tista’ tiddeduċi mid-deċiżjoni li timponi fuqha multa li għandha tħallas in solidum ma’ kumpannija waħda jew iktar is-sehem li hija għandha tbati fir-relazzjoni tagħha mal-kodebituri in solidum tagħha, ladarba l-Kummissjoni ma jkollhiex iktar interess fil-kwistjoni (sentenza Il‑Kummissjoni vs Siemens Österreich et u Siemens Transmission & Distribution et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66).

135

Min-naħa l-oħra, dan il-prinċipju jeħtieġ, fuq il-pjan tar-relazzjoni esterna ta’ responsabbiltà in solidum li, f’tali konfigurazzjoni ta’ responsabbiltà in solidum, kull kumpannija parent suċċessiva għandha tkun tista’ tiddeduċi minn tali deċiżjoni s-sehem tar-responsabbiltà in solidum tagħha għall-ħlas tal-multa li jikkorrispondi mal-parti tal-multa tas-sussidjarja li tista’ tiġi imputata lilha u li l-Kummissjoni tista’ titlob mingħandha.

136

F’dan ir-rigward, hemm lok ukoll li jiġi kkonstatat li s-somma totali tal-ammonti tal-multa li għalihom Areva u Alstom kienu responsabbli in solidum għalihom, jiġifieri, rispettivament l-ammont ta’ EUR 25 500 000, imnaqqas għal EUR 20 400 000 mill-Qorti Ġenerali, u l-ammont ta’ EUR 53 550 000, imnaqqas għal EUR 48 195 000 minnha, taqbeż l-ammont tal-multa imposta fuq dawn il-kumpanniji in solidum mas-sussidjarja Areva T&D SA, jiġifieri dak ta’ EUR 53 550 000, imnaqqas għal EUR 48 195 000 mill-Qorti Ġenerali.

137

Issa, f’sitwazzjoni bħal dik ta’ dan il-każ, ir-responsabbiltà ta’ Areva u ta’ Alstom, inkwantu kumpanniji parent, għall-ksur imwettaq, hija għal kollox idderivata minn dik tas-sussidjarja li kienet suċċessivament appartjeniet lilhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Il‑Kummissjoni vs Tomkins, C‑286/11 P, punti 43 u 49).

138

Minn dan jirriżulta li s-somma totali tal-ammonti li għalihom il-kumpanniji parent huma kkundannati ma tistax teċċedi l-ammont li għalih hija kkundannata din is-sussidjarja.

139

Minbarra dan, sa fejn id-determinazzjoni tar-responsabbiltà in solidum, hekk kif seħħet fid-deċiżjoni kkontestata u kkonfermata mis-sentenza appellata, ma tippermettix lill-kumpanniji parent inkwistjoni li jkunu jafu b’eżattezza l-ammont tal-multa li huma għandhom iħallsu fir-rigward tal-perijodu li fih huma meqjusa responsabbli in solidum mill-ksur mas-sussidjarja tagħhom, ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali għandu wkoll jiġi kkonstatat.

140

Din l-inċertezza legali ma tistax tiġi kkumpensata minn regola ta’ responsabbiltà għal sehem ugwali applikabbli awtomatikament, hekk kif stabbilit mill-Qorti Ġenerali fil-punt 215 tas-sentenza appellata, fejn skont din, fl-assenza ta’ kwalunkwe konstatazzjoni, fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi fuq diversi kumpanniji multa li għandha titħallas in solidum, li skont din, fi ħdan tal-impriża, ċerti kumpanniji huma iktar responsabbli minn oħrajn mill-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fl-akkordju matul perijodu partikolari, hemm lok li jiġi presuppost li huma għandhom responsabbiltà ugwali u, għaldaqstant, li huma għandhom ibatu sehem ugwali tal-ammonti li ġew imposti fuqhom in solidum.

141

Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni ma jistabbilixxix tali regola (sentenza Il‑Kummissjoni vs Siemens Österreich et u Siemens Transmission & Distrbution et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 70 u 71). Barra minn hekk, din ir-regola tqis biss, fi kwalunkwe każ, it-tqassim intern tal-multa bejn kodebituri, ladarba l-Kummissjoni ma jkollhiex iktar interess fil-kwistjoni, u mhux id-determinazzjoni fuq il-pjan estern tar-responsabbiltà in solidum, tal-ammonti rispettivi li l-Kummissjoni tista’ titlob lill-persuni ġuridiċi li jagħmlu parti minn kull waħda mill-impriżi li nħolqu matul il-perijodu ta’ ksur.

142

Fl-aħħar nett, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 141 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-argument tal-Kummissjoni li skont dan hija setgħet tikkalkola l-multa għas-sussidjarja li wettqet il-ksur u l-kumpanniji parent suċċessivi tagħha billi tibbaża ruħha fuq l-uniku ammont inizjali kkunsidrat għas-sussidjarja ma huwiex ta’ natura li jqajjem dubju dwar il-konklużjoni li d-definizzjoni tar-responsabbiltà in solidum adottata mill-Kummissjoni u kkonfermata mill-Qorti Ġenerali tikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet.

b) Fuq l-argumenti dwar it-tqassim intern tal-multa bejn kodebituri in solidum

i) L-argumenti tal-partijiet

143

Fl-ewwel lok, il-kumpanniji appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet billi ddeċidiet, fil-punt 215 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tar-regola ta’ responsabbiltà għal sehem indaqs, applikabbli awtomatikament, imsemmija fil-punt 140 ta’ din is-sentenza, kull waħda mill-kumpanniji ssanzjonati setgħet tiddeduċi mid-deċiżjoni kkontestata s-sehem mill-multa li hija kellha tbati fir-relazzjoni interna mal-kodebituri in solidum l-oħra, peress li tali regola applikabbli awtomatikament tmur kontra l-kunċett ta’ responsabbiltà in solidum, kif huwa previst mid-dritt tal-Unjoni.

144

Fit-tieni lok, il-kumpanniji appellanti tal-grupp Alstom isostnu li, filwaqt li bbażat ruħha fuq ir-regola ta’ responsabbiltà għal sehem indaqs, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat fil-punt 236 tas-sentenza appellata li l-Kummissjoni ma kinitx iddelegat lil qorti nazzjonali jew lil arbitru s-setgħa li jiddeterminaw il-kontribuzzjoni rispettiva tagħhom għall-ħlas tal-multa. Fil-fatt, meta l-Kummissjoni tastjeni ruħha milli tistabbilixxi s-sehem ta’ kull kodebitur, hija tiddelega impliċitament din is-setgħa lil terz, jiġifieri qorti nazzjonali jew arbitru, u dan bi ksur tal-Artikolu 7 KE.

145

Fit-tielet lok, il-kumpanniji jsostnu li, billi ċaħdet l-argumenti tagħhom ibbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tad-delegazzjoni illeċita tas-setgħet fuq il-bażi tar-regola ta’ responsabbiltà għal sehem indaqs, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, peress li, meta għamlet hekk, hija biddlet il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata billi żiedet fiha raġunijiet, li huma barra minn hekk kuntrarji għar-rieda tal-Kummissjoni.

146

Il-Kummissjoni tqis li l-motiv ibbażat fuq delegazzjoni illeċita ta’ setgħat huwa ġdid u, għaldaqstant, inammissibbli, u li fi kwalunkwe każ huwa infondat, peress li huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tiddetermina s-sehem tal-kodebituri in solidum fir-relazzjoni interna tagħhom, filwaqt li s-setgħa ta’ sanzjoni tagħha tikkonċerna biss ir-relazzjoni esterna ta’ responsabbiltà in solidum, Min-naħa l-oħra, hija taqbel essenzjalment mal-kritika magħmula kontra r-regola ta’ responsabbiltà għal sehem ugwali, kif stabbilita mill-Qorti Ġenerali fil-punt 215 tas-sentenza appellata, iżda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li twettaq sostituzzjoni tal-motivi, sabiex tiċħad l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet.

ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

147

L-ewwel nett, hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni kontra l-argument sostnut mill-kumpanniji tal-grupp Alstom ta’ delegazzjoni illeċita tas-setgħa ta’ sanzjoni.

148

Fil-fatt, peress li parti għandha tkun tista’ tikkontesta l-motivi kollha ta’ sentenza li hija kkritikata bihom, kull parti tista’, meta l-Qorti Ġenerali tkun għaqqdet żewġ kawżi u tat sentenza waħda li twieġeb għall-motivi kollha ppreżentati mill-partijiet fil-proċedura quddiemha, tikkritika r-raġunamenti relatati ma’ motivi li, quddiem il-Qorti Ġenerali, kienu mqajma biss mir-rikorrenti fil-kawża magħquda l-oħra, bil-kundizzjoni li dawn ir-raġunamenti jippreġudikawha (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, C‑444/11 P, punt 34).

149

Fuq il-mertu, fir-rigward fl-ewwel lok tal-argumenti tal-kumpanniji appellanti, magħmula kontra l-punti 215 u 236 tas-sentenza appellata, hemm lok li jiġi kkonstatat li dawn huma bbażati fuq il-premessa, esposta fil-punt 214 ta’ din is-sentenza, li l-kompetenza li għandha l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, biex timponi multa li għandha titħallas in solidum minn diversi persuni ġuridiċi li jagħmlu parti minn impriża waħda tinkludi s-setgħa esklużiva li tiddetermina s-sehem mill-multa li l-kodebituri in solidum għandhom ibatu fir-relazzjoni interna tagħhom wara l-ħlas integrali tal-multa lill-Kummissjoni li jwassal li hija ma jkollhiex iktar interess fil-kwistjoni.

150

Issa, meta adottat din il-premessa, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

151

Fil-fatt, is-setgħa ta’ sanzjoni li għandha l-Kummissjoni hija limitata għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa li l-persuni ġuridiċi li jagħmlu parti mill-istess impriża huma obbligati li jħallsu in solidum, jiġifieri r-relazzjoni esterna ta’ responsabbiltà in solidum, iżda ma hijiex estiża sabiex tiddetermina s-sehem minn dan l-ammont li għandu jiġi sostnut mill-kodebituri in solidum fil-kuntest tar-relazzjoni interna ta’ responsabbiltà in solidum (sentenza Il‑Kummissjoni vs Siemens Österreich et u Siemens Transmission & Distribution et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

152

Min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ ffissar b’kuntratt tas-sehem tal-kodebituri ta’ multa imposta in solidum, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jistabbilixxu, fir-rispett tad-dritt tal-Unjoni, dan is-sehem, billi japplikaw id-dritt nazzjonali (sentenza Il‑Kummissjoni vs Siemens Österreich et u Siemens Transmission & Distribution et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

153

Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, essenzjalment, fil-punt 215 tas-sentenza appellata li, fl-assenza ta’ kwalunkwe konstatazzjoni, fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi fuq diversi kumpanniji multa li għandha titħallas in solidum, li skont din, fi ħdan l-impriża, ċerti kumpanniji kienu iktar responsabbli minn oħrajn mill-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fl-akkordju matul perijodu partikolari, kien hemm lok li jiġi presuppost li huma kellhom responsabbiltà ugwali u, għaldaqstant, kellhom ibatu sehem ugwali għall-ammonti li kienu ġew imposti fuqhom in solidum (sentenza Il‑Kummissjoni vs Siemens Österreich et u Siemens Transmission & Distribution et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69).

154

Isegwi wkoll li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tibbaża ruħha fuq tali regola ta’ responsabbiltà għal sehem ugwali, applikabbli awtomatikament, sabiex tikkonkludi, fil-punti 216 u 236 tas-sentenza appellata, rispettivament, li l-kumpanniji sanzjonati setgħu jirrikonoxxu, mingħajr ambigwitajiet, il-konsegwenzi finanzjarji possibbli tal-impożizzjoni tal-multa li għandha titħallas in solidum u li l-Kummissjoni ma kinitx iddelegat is-setgħa ta’ sanzjoni tagħha quddiem qorti nazzjonali jew quddiem arbitru.

155

Madankollu, għandu jitfakkar li, jekk il-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali jindikaw ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda li d-dispożittiv tagħha jidher fondat fuq motivi oħra tad-dritt, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ din is-sentenza u li hemm lok li ssir sostituzzjoni tal-motivi (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C-120/06 P u C-121/06 P, Ġabra p. I-6513, punt 187 u l-ġurisprudenza ċċitata).

156

Issa, fid-dawl ta’ dawk li ntqal, jidher li, fil-punti 216 u 236, il-Qorti Ġenerali manifestament ikkonkludiet korrettament biċ-ċaħda tal-argumenti bbażati rispettivament fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ delegazzjoni illeċita tas-setgħa tal-Kummissjoni.

157

Fil-fatt, minn naħa, filwaqt li l-Kummissjoni ma għandhiex setgħa li tipproċedi għat-tqassim intern tal-ammont ta’ multa imposta in solidum, ma jistax jiġi mitlub li kull kumpannija għandha tkun tista’ tiddeduċi mid-deċiżjoni li timponi fuqha multa li għandha titħallas in solidum ma’ kumpannija waħda jew iktar is-sehem li hija għandha tbati fir-relazzjoni tagħha mal-kodebituri in solidum tagħha, ladarba l-Kummissjoni ma jkollhiex iktar interess fil-kwistjoni (sentenza Il‑Kummissjoni vs Siemens Österreich et u Siemens Transmission & Distribution et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq punt 66). Dan is-sehem għandu, fl-assenza ta’ ftehim kuntrattwali, jiġi stabbilit minn qorti nazzjonali. Għaldaqstant, l-assenza ta’ determinazzjoni ta’ dan is-sehem fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi in solidum multa ma tistax, waħedha, tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

158

Minn naħa, peress li s-setgħa li tipproċedi għal tqassim intern tal-ammont ta’ multa li għandha titħallas in solidum tappartjeni lil qorti nazzjonali jew lil arbitru u mhux lill-Kummissjoni, il-Kummissjoni ma tista’ bl-ebda mod tiġi kkritikata li illeċitament iddelegat tali setgħa billi ma stabbilixxietx, fid-deċiżjoni kkontestata, is-sehem tal-kodebituri in solidum fil-kuntest tar-relazzjoni interna tagħhom.

159

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-aggravji hekk invokati huma, fi kwalunkwe każ, manifestament infondati u li hemm lok, għall-motivi ta’ dritt stabbiliti fil-punti 157 u 158 ta’ din is-sentenza li għandhom jissostitwixxu dawk adottati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 216 u 236 tas-sentenza appellata, li l-appelli jiġu miċħuda fuq dan il-punt.

160

Fit-tieni u fl-aħħar lok, għandu wkoll jiġi miċħud l-argument ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mwettaq mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ssostitwixxiet il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata b’tagħha stess. Fil-fatt, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali kienet perfettament fid-dritt li tiċħad il-motivi inkwistjoni billi tibbaża ruħha fuq motivi bħal dak li jistabbilixxi r-regola ta’ responsabbiltà għal sehem ugwali, applikabbli awtomatikament, anki jekk, fuq il-mertu, dan il-motiv irriżulta li kellu żball ta’ liġi.

161

Fir-rigward ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li t-tieni u t-tielet aggravji invokati minn Areva kif ukoll it-tielet parti tat-tieni aggravju u r-raba’ aggravju mqajma mill-kumpanniji tal-grupp Alstom huma fondati sa fejn jikkritikaw lill-Kummissjoni u lill-Qorti Ġenerali li imponew responsabbiltà in solidum de facto bejn Areva u Alstom u li għalhekk kisru r-regoli fil-qasam ta’ responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multi, li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet.

3. Fuq ir-raba’ aggravju invokat minn Areva, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament fid-determinazzjoni tal-multa li ġiet imposta fuqha.

i) L-argumenti tal-partijiet

162

Areva ssostni li l-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, kellha tevalwa jekk l-ammont tal-multa imposta in solidum fuq Areva kienx proporzjonat mal-gravità u mat-tul tal-ksur u jekk kienx konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Skont dawn il-prinċipji, il-Qorti Ġenerali kellha tnaqqas l-ammont massimu tal-multa li Areva kienet responsabbli li tħallas in solidum.

163

Il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità invokat jirriżulta mill-fatt li Areva ġiet ikkundannata li tħallas in solidum, għal ksur ta’ tul ta’ erba’ xhur biss, somma li tirrappreżenta madwar in-nofs tas-somma li Alstom għandha tħallas in solidum għal ksur ta’ tul ta’ tnax-il sena jew madwar id-doppju tal-multa li Alstom għandha tħallas unikament għall-parteċipazzjoni diretta tagħha fl-akkordju inkwistjoni matul perijodu ta’ erba’ snin.

164

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kien ukoll ġie miksur, peress li l-Qorti Ġenerali kkonfermat id-deċiżjoni kkontestata minkejja l-fatt li, permezz tagħha, il-Kummissjoni, fid-dawl tat-tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur inkwistjoni, kienet issanzjonat lil Areva b’mod iktar iebes milli għamlet lil Alstom, minkejja li din tal-aħħar kienet waħda mill-kumpanniji fondatriċi tal-imsemmi akkordju, li t-tul totali tal-parteċipazzjoni tagħha kien 47 darba ogħla minn dak ta’ Aerva u li l-dħul mill-bejgħ ta’ Alstom kien ogħla minn dak ta’ Areva.

165

Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju huwa inammissibbli, peress li, b’mod partikolari, ma kienx ġie invokat minn Areva fl-ewwel istanza u lanqas ma jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li l-Qorti Ġenerali kellha tqajjem ex officio. Fuq il-mertu, hija ssostni li d-determinazzjoni tal-multa imposta fuq Areva ma tistax tiġi kkritikata, peress li, b’mod partikolari, hija ġiet ikkalkolata skont linji gwida.

ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

166

L-ewwel nett, fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju, hemm lok li jiġi kkonstatat, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 189 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, fir-rikors tal-ewwel istanza tagħhom, il-kumpanniji tal-grupp Areva ma qajmu ebda motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, li permezz tiegħu huma sostnew l-illegalità tal-ammont tal-multa imposta fuq Areva minħabba l-ksur ta’ dawn il-prinċipji. Jekk huwa veru li, fir-rikors tagħhom, dawn il-kumpanniji allegaw ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, dan l-argument kien jirreferi għal kwistjoni kompletament differenti, jiġifieri l-kundanna in solidum tal-kumpanniji Alstom u Areva T&D SA.

167

Dan huwa għalhekk motiv ġdid li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 113 ta’ din is-sentenza, huwa inammissibbli fil-kuntest ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

168

Barra minn hekk, hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 191 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-trasferiment mill-ġdid minn Areva T & D SA lil Alstom, jekk seħħ bejn il-preżentata tar-rikors fl-ewwel istanza u dik tal-appell, ma jikkostitwixxix punt ta’ fatt ġdid li jista’ jiġġustifika li dan l-aggravju jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli, peress li dan l-aggravju ma huwiex fondat fuq dan l-element.

169

Madankollu, ir-raba’ aggravju invokat minn Areva huwa inammissibbli peress li, permezz ta’ dan l-aggravju, hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma eżaminatx, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, l-illegalità tal-multa li ġiet imposta fuqha in solidum b’mod partikolari ma’ Areva T & SA, minħabba allegat ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament jew li wettqet żball ta’ liġi fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju.

170

Fil-fatt, hekk kif tfakkar fil-punt 118 ta’ din is-sentenza, aggravju fejn jiġi allegat li joriġina fis-sentenza appellata jista’ jiġi invokat fil-kuntest ta’ appell.

171

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minbarra l-istħarriġ ta’ legalità previst mit-Trattat FUE, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sħiħa li hija rikonoxxuta lilha, skont l-Artikolu 261 TFUE, permezz tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, li tawtorizzaha sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’tagħha stess u, konsegwentement, tannulla, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Siemens et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 334, u tad-19 ta’ Diċembru 2013, Koninklijke Wegenbouw Stevin vs Il‑Kummissjoni, C‑586/12 P, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

172

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li l-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u li l-proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni huma inter partes. Bl-eċċezzjoni ta’ motivi ta’ ordni pubbliku li l-qorti għandha l-obbligu li tqajjem ex officio, huwa r-rikorrent li għandu jqajjem motivi kontra d-deċiżjoni kkontestata u li jipproduċi l-provi insostenn ta’ dawn il-motivi (sentenza Siemens et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq punt 335).

173

Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li dan ir-rekwiżit ta’ natura proċedurali ma jmurx kontra r-regola li tgħid li, fir-rigward tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li tikkonstata u li tistabbilixxi l-provi sabiex turi, b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-eżistenza ta’ fatti li jikkostitwixxu tali ksur. Dak li fil-fatt huwa mitlub minn rikorrent fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja, huwa li jidentifika l-elementi kkontestati fid-deċiżjoni kkontestata, li jifformula lmenti f’dan ir-rigward u li jipproduċi provi, li jistgħu jkunu magħmula minn indizji serji, intiżi sabiex juru li l-ilmenti tiegħu huma fondati (sentenza Siemens et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 336).

174

Issa, ma jidhirx li, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, kif applikat fil-punti 318 sa 323 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret dawn il-prinċipji.

175

Fil-fatt, fl-imsemmija punti, il-Qorti Ġenerali, wara l-konstatazzjoni, fil-punt 317 ta’ din is-sentenza, tal-fondatezza tal-motivi tar-rikorrenti, ibbażati fuq il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn il-Kummissjoni imponiet fuq Alstom u fuq il-kumpanniji tal-grupp Areva, skont iċ-ċirkustanza aggravanti bbażata fuq rwol ta’ attur prinċipali tal-ksur, żieda ta’ 50 % tal-ammont bażiku tal-multi tagħhom identika għal dik imposta fuq Siemens, irriformat il-multi imposti in solidum fuq Alstom u fuq Areva billi naqqset din iż-żieda rispettivament għal 35 % u għal 20 %.

176

Issa, f’dan il-kuntest preċiż, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, teżamina ex officio lmenti oħra li jistgħu eventwalment jitqajmu kontra l-ammont tal-multa imposta fuq Areva minħabba l-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħal dawk ippreżentati minn Areva fil-kuntest tal-appell tagħha.

177

Fl-aħħar nett, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti, meta tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ dritt fil-kuntest ta’ appell, li tissostitwixxi, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali b’tagħha stess billi tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fuq l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba ksur, imwettaq minnhom, tad-dritt tal-Unjoni Għalhekk, huwa biss sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-livell tas-sanzjoni huwa mhux biss mhux xieraq, iżda wkoll eċċessiv, tant li huwa sproporzjonat, li jkun hemm lok li jiġi kkonstatat żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, minħabba n-natura mhux xierqa tal-ammont ta’ multa (sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il‑Kummissjoni, C‑70/12, punt 57).

178

F’dan ir-rigward, fir-rigward tan-natura allegatament mhux xierqa tal-ammont tal-multa imposta fuq Areva, minħabba l-fatt li l-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar fil-ksur inkwistjoni kienet ta’ żmien qasir, ma jidhirx li l-ammont tal-multa imposta in solidum fuq Areva hija eċċessiva, sabiex tkun sproporzjonata.

179

Fil-fatt, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, dan l-ammont ġie kkalkolat skont il-metodoloġija esposta fil-linji gwida. F’dan il-kuntest, huwa paċifiku li ċ-ċirkustanza li l-parteċipazzjoni ta’ Areva fl-akkordji inkwistjoni kienet għal żmien qasir ġiet tradotta fil-fatt li l-ammont inizjali tal-multa ma żdietx skont it-tul tal-ksur, filwaqt li, fir-rigward ta’ Alstom, l-ammont inizjali żdied bi 155 % minħabba parteċipazzjoni f’dan l-akkordju ta’ tul totali ta’ 15-il sena u 8 xhur.

180

Madankollu, il-fatt li l-parteċipazzjoni ta’ Areva f’dan il-ksur kien għal żmien qasir ma jneħħi xejn mill-gravità tal-ksur ikkritikat lil Areva, kif riflessa fil-kalkolu tal-multa, b’mod partikolari fid-determinazzjoni tal-ammont inizjali.

181

Issa, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, l-ammont tal-multa għandu jiġi stabbilit skont il-gravità tal-ksur individwalment ikkritikat lill-impriża kkonċernata u t-tul tiegħu (sentenza Il‑Kummissjoni vs Siemens Österreich et u Siemens Transmission & Distribution et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

182

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba’ aggravju ta’ Areva għandu jiġi miċħud.

4. Fuq il-ħames aggravju invokat minn Alstom, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal rimedju effettiv

i) L-argumenti tal-partijiet

183

Permezz tal-ħames aggravju tagħhom, il-kumpanniji tal-grupp Alstom isostnu li, fil-punti 223 sa 230 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-portata tal-ewwel motiv, ibbażat minn Alstom fuq il-ksur tad-dritt għal rimedju effettiv u għal protezzjoni ġudizzjarja, u konsegwentement, ma weġbitx għal dan il-motiv.

184

Fuq dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali għamlet kunsiderazzjonijiet dwar ir-rekwiżit ta’ stħarriġ ġudizzjarju u iktar partikolarment fuq il-fatt li Alstom u Areva T & D SA kienu tassew ibbenefikaw mid-dritt li jressqu d-deċiżjoni kkontestata għal stħarriġ ġudizzjarju permezz tal-eżerċizzju effettiv ta’ rimedju. Issa, l-ewwel motiv imqajjem minn Areva quddiem il-Qorti Ġenerali kien jirrigwarda l-libertà li jintgħażel li jiġi ppreżentat rikors, li kienet limitata minħabba l-effett tal-kundanna in solidum ta’ Alstom u ta’ Areva T & D SA.

185

Il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 223 sa 230 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wieġbet b’mod xieraq għall-argument imqajjem mill-kumpanniji tal-grupp Alstom fl-ewwel istanza.

ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

186

Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-kumpanniji tal-grupp Alstom, jirriżulta mill-qari tal-punti 223 sa 230 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali wieġbet b’mod xieraq għall-motiv invokat minn Alstom, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal rimedju effettiv, u, f’dan il-kuntest, ma hemm ebda skartar dwar il-portata tal-argument żviluppat minnha.

187

Fil-fatt, wara li fakkret il-ġurisprudenza rilevanti, fil-punti 224 sa 227 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat korrettament, fil-punt 228 tal-istess sentenza, li l-kundanna in solidum ta’ Alstom u ta’ Areva T&D SA min-naħa tal-Kummissjoni ma ppreġudikatx id-dritt ta’ kull waħda minn dawn il-kumpanniji, bħala destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, li tissottometti din tal-aħħar għal stħarriġ ġudizzjarju permezz tal-eżerċizzju effettiv ta’ miżuri ta’ rimedju ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni.

188

Il-kumpanniji tal-grupp Alstom isostnu li l-Qorti Ġenerali ma tatx deċiżjoni dwar ir-restrizzjonijiet għal-libertà li jintgħażel li jiġi ppreżentat rikors, li jirriżultaw mill-impożizzjoni ta’ multa in solidum fuq Alstom u fuq Areva T&D SA. Għalhekk, jekk Areva T&D SA kellha tippreżenta rikors, Alstom kellha tagħmel l-istess, sabiex tevita li jkollha tħallas il-multa imposta kollha, filwaqt li, kieku Areva T&D SA ma ppreżentatx rikors, din tal-aħħar kien ikollha tħallas din il-multa u rikors ta’ Alstom ma setax ikollu iktar effett fuq l-ammont totali ta’ din il-multa.

189

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-kontradizzjonijiet huma biss il-konsegwenza inevitabbli tal-impożizzjoni, fuq Alstom u fuq Areva T & D SA, ta’ multa li għandha titħallas in solidum minn dawn il-kumpanniji. Jekk tali konsegwenza tista’ ċertament ikollha impatt fuq l-istrateġija tal-kodebituri in solidum, hija ma twassalx, inkwantu tali, għal ksur tad-dritt għal rimedju effettiv. Fil-fatt, kull kodebitur żamm id-dritt u l-possibbiltà li jippreżenta rikors, li kemm Alstom kif ukoll Areva T & D SA barra minn hekk għamlu użu minnu, hekk kif ikkonstatat ukoll il-Qorti Ġenerali fil-punt 228 tas-sentenza appellata.

190

Isegwi li l-ħames aggravju tal-kumpanniji tal-grupp Alstom għandu jiġi miċħud.

191

Jirriżulta mill-eżami tal-aggravji kollha invokati mill-kumpanniji appellanti li, minn naħa, it-tieni u t-tielet aggravji mqajma minn Areva kif ukoll it-tielet parti tat-tieni aggravju u r-raba’ aggravju ppreżentati mill-kumpanniji tal-grupp Alstom għandhom jintlaqgħu, sa fejn jikkritikaw lill-Kummissjoni u lill-Qorti Ġenerali li imponew responsabbiltà in solidum de facto bejn Areva u Alstom u li kienu għalhekk kisru r-regoli fil-qasam ta’ responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multi li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, u li, min-naħa l-oħra, il-kumplament tal-appelli għandu jiġi miċħud.

192

Minn dan jirriżulta, l-ewwel nett, li t-tieni inċiż tal-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata għandu jiġi annullat.

193

Sussegwentement, peress li l-kawża hija fi stat li tiġi deċiża, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hemm lok li tingħata deċiżjoni definittiva dwarha.

194

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-determinazzjoni tar-responsabbiltà in solidum, kif applikata fl-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata, hija identika għal dik adottata mill-Qorti Ġenerali, wara eżerċizzju minnha tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u tnaqqis tal-ammonti tal-multa, fit-tieni inċiż tal-punt 3 tas-sentenza appellata.

195

Għaldaqstant, peress li l-annullament tal-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata kien mitlub fl-ewwel istanza mill-kumpanniji appellanti, hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi annullata għall-istess raġunijiet bħal dawk li wasslu għall-annullament tat-tieni inċiż tal-punt 3 tad-dispożittiv ta-sentenza appellata, li huma stabbiliti fil-punti 129 sa 142 ta’ din is-sentenza.

196

Fl-aħħar nett, skont il-ġurisdizzjoni sħiħa li hija rikonoxxuta lilha, skont l-Artikolu 261 TFUE, mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li ser issir applikazzjoni korretta tar-regoli fil-qasam ta’ responsabbiltà in solidum billi tiddetermina l-ammonti tal-multi skont metodu li, kuntrarjament għal dak applikat mill-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali, josserva, fir-rigward tiegħu, ir-regoli fil-qasam ta’ responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multi li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet.

197

Isegwi li, fir-rigward ta’ dak li ntqal fil-punt 138 ta’ din is-sentenza u fid-dawl ta’ denominazzjonijiet ġodda ta’ wħud mill-kumpanniji inkwistjoni, li jsir riferiment għal hekk fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, multa ta’ ammont ta’ EUR 27 795 000 għandha tiġi imposta fuq Alstom, in solidum ma’ Alstom Grid SAS, u li multa ta’ ammont ta’ EUR 20 400 000 għandha tiġi imposta fuq Areva, fuq T & D Holding u fuq Alstom Grid AG, in solidum ma’ Alstom Grid SAS.

VI – Fuq l-ispejjeż

198

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

199

Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tiegħu, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

200

Skont l-Artikolu 138(3) ta’ dawn ir-regoli, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Skont din l-istess dispożizzjoni, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra

201

Peress li l-appelli ta’ Areva u tal-kumpanniji tal-grupp Alstom intlaqgħu parzjalment, hemm lok li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess relatati kemm mal-proċedura tal-ewwel istanza kif ukoll dawk tal-appelli, parti minn kull ħamsa tal-ispejjeż ta’ Areva u tal-kumpanniji tal-grupp Alstom relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza u mal-appelli. Areva u l-kumpanniji tal-grupp Alstom għandhom ibatu erba’ minn kull ħames partijiet tal-ispejjeż tagħhom stess relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza u tal-appelli.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

It-tieni inċiż tal-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-3 ta’ Marzu 2011, Areva et vs Il‑Kummissjoni (T‑117/07 u T‑121/07), huwa annullat.

 

2)

L-Artikolu 2(c) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 6762 finali, tal-24 ta’ Jannar 2007, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [81 KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.899 – Switchgear insulat bil-gass), huwa annullat.

 

3)

Għall-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1(b) sa (f), tad-Deċiżjoni C(2006) 6762 finali, multa ta’ EUR 27 795 000 hija imposta fuq Alstom SA, in solidum ma’ Alstom Grid SAS, u multa ta’ EUR 20 400 000 hija imposta fuq Areva SA, fuq T & D Holding SA u fuq Alstom Grid AG, in solidum ma’ Alstom Grid SAS.

 

4)

Il-kumplament tal-appelli huma miċħuda.

 

5)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess kemm dwar il-proċedura tal-ewwel istanza kif ukoll tal-appelli, parti minn kull ħamsa tal-ispejjeż sostnuti minn Areva SA, Alstom SA, T & D Holding SA, Alstom Grid SAS u Alstom Grid AG relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza u tal-appelli.

 

6)

Areva SA, Alstom SA, T & D Holding SA, Alstom Grid SAS u Alstom Grid AG għandhom ibatu erba’ minn kull ħames partijiet tal-ispejjeż tagħhom stess relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza u tal-appelli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.