SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
11 ta’ Diċembru 2014 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikoli 56 TFUE u 36 tal-Ftehim ŻEE — Servizzi proposti fi Spanja minn fondi ta’ pensjoni u minn kumpanniji ta’ assigurazzjoni stabbiliti fi Stat Membru ieħor — Skemi ta’ rtirar professjonali — Obbligu li jinħatar rappreżentant fiskali residenti fi Spanja — Natura restrittiva — Ġustifikazzjoni — Effikaċja tal-kontrolli fiskali u ġlieda kontra l-evażjoni fiskali — Proporzjonalità”
Fil-Kawża C‑678/11,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2011,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Jimeno Fernández u W. Roels, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Rubio González, bħala aġent,
konvenut,
sostnut minn:
Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, D. Colas u J.- S. Pilczer, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda (Relatur), A. Rosas, E. Juhász u D. Šváby, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2014,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi adotta u żamm fis-seħħ id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 46(c) tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2002, li japprova t-test ikkonsolidat tal-liġi li tirregola skemi u fondi ta’ pensjoni (Real Decreto Legislativo 1/2002, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley de Regulación de los Planes y Fondos de Pensiones), tad-29 ta’ Novembru 2002 (BOE no 298, tat-13 ta’ Diċembru 2002, p. 43361, iktar ’il quddiem il-“liġi li tirregola skemi u fondi ta’ pensjoni”), fl-Artikolu 86 tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv 6/2004, li japprova t-test ikkonsolidat tal-liġi dwar l-organizzazzjoni u l-kontroll tal-assigurazzjonijiet privati (Real Decreto Legislativo 6/2004, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley de ordenación y supervisión de los seguros privados), tad-29 ta’ Ottubru 2004 (BOE no 267, tal-5 ta’ Novembru 2004, p. 36602, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar l-organizzazzjoni u l-kontroll tal-assigurazzjonijiet privati”), fl-Artikolu 10 tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv 5/2004, li japprova t-test ikkonsolidat tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni mhux residenti (Real Decreto Legislativo 5/2004, por el que se aprueba el texto refundido de la ley del Impuesto sobre la renta de los no residentes), tal-5 ta’ Marzu 2004 (BOE no 62, tat-12 ta’ Marzu 2004, p. 11176), kif emendat bil-liġi 36/2006 dwar miżuri għall-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali (Ley 36/2006 de medidas para la prevención del fraude fiscal), tad-29 ta’ Novembru 2006 (BOE no 286, tat-30 ta’ Novembru 2006, p. 42087, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni mhux residenti”), u fl-Artikolu 47 tal-liġi ġenerali dwar tassazzjoni 58/2003 (Ley 58/2003, General Tributaria), tas-17 ta’ Diċembru 2003 (BOE no 302, tat-18 ta’ Diċembru 2003, p. 44987, iktar ’il quddiem il-“liġi ġenerali dwar tassazzjoni”), li skont dawn il-fondi ta’ pensjoni stabbiliti fi Stati Membri minbarra r-Renju ta’ Spanja u li jipproponu skemi tal-irtirar professjonali f’dan l-Istat Membru kif ukoll il-kumpanniji ta’ assigurazzjoni li joperaw fi Spanja taħt is-sistema ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi, b’mod partikolari, huma obbligati li jaħtru rappreżentant fiskali residenti f’dan l-Istat Membru, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 56 TFUE u 36 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”). |
Il-kuntest ġuridiku Spanjol
2 |
L-Artikolu 47 tal-liġi ġenerali dwar tassazzjoni jipprovdi: “Għall-finijiet tar-relazzjonijiet tagħhom mal-amministrazzjoni fiskali, il-persuni taxxabbli li ma jirrisjedux fi Spanja għandhom jaħtru rappreżentant stabbilit fit-territorju Spanjol, meta dawn joperaw fuq dan it-territorju permezz tal-intermedju ta’ stabbiliment permanenti, meta l-leġiżlazzjoni fiskali tipprevedi espressament dan jew meta l-amministrazzjoni fiskali tirrikjedi dan minħabba karatteristiċi tat-tranżazzjoni jew tal-attività mwettqa jew tal-ammont tad-dħul riċevut. Din il-ħatra għandha tiġi nnotifikata lill-amministrazzjoni fiskali fit-termini previsti mil-leġiżlazzjoni fiskali.” |
3 |
L-Artikolu 46 tal-liġi li tirregola skemi u fondi ta’ pensjoni jipprevedi: “Il-fondi ta’ pensjoni stabbiliti fi Stati Membri oħra li jfittxu li jiżviluppaw fi Spanja skemi ta’ rtirar professjonali suġġetti għal-leġiżlazzjoni Spanjola huma obbligati li jaħtru rappreżentant, jiġifieri persuna fiżika abitwalment residenti fi Spanja jew persuna ġuridika stabbilita fi Spanja, li jkollha s-setgħat li ġejjin: [...]
[...]” |
4 |
Skont l-Artikolu 86(1) tal-liġi dwar l-organizzazzjoni u l-kontroll tal-assigurazzjonijiet privati: “Il-kumpanniji ta’ assigurazzjoni stabbiliti fi Stat Membru ieħor taż-Żona Ekonomika Ewropea li jixtiequ joperaw fi Spanja taħt is-sistema ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi huma obbligati li jaħtru rappreżentant li għandu r-residenza fiskali tiegħu fi Spanja għall-finijiet tal-obbligi fiskali koperti minn din il-liġi għall-attivitajiet imwettqa fit-territorju Spanjol. Dan ir-rappreżentant għandu jissodisfa, f’isem il-kumpannija ta’ assigurazzjoni li topera taħt is-sistema ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi, minbarra l-obbligi msemmija fl-Artikolu 82 ta’ din il-liġi, l-obbligi fiskali li ġejjin:
|
5 |
L-Artikolu 10(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni mhux residenti jinqara kif ġej: “Il-persuni taxxabbli suġġetti għal din it-taxxa huma obbligati li jaħtru, qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ dikjarazzjoni tad-dħul riċevut fi Spanja, persuna fiżika jew ġuridika residenti fi Spanja sabiex tirrappreżentahom quddiem l-amministrazzjoni fiskali f’dak li jikkonċerna l-obbligi tagħhom skont din it-taxxa, meta huma joperaw permezz tal-intermedju ta’ stabbiliment permanenti, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 24(2) u fl-Artikolu 38 ta’ din il-liġi, jew meta l-amministrazzjoni fiskali teħtieġ dan minħabba l-ammont jew il-karatteristiċi tad-dħul riċevut fit-territorju Spanjol mill-persuna taxxabbli. [...]” |
6 |
L-Artikolu 99(2) tal-Liġi 35/2006, dwar it-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni fiżiċi u li temenda parzjalment il-liġijiet dwar it-taxxi fuq il-kumpanniji, fuq id-dħul ta’ persuni mhux residenti u fuq il-patrimonju (Ley 35/2006 del Impuesto sobre la Renta de las Personas Físicas y de modificación parcial de las leyes de los Impuestos sobre Sociedades, sobre la Renta de no Residentes y sobre el Patrimonio), tat-28 ta’ Novembru 2006 (BOE no 285, tad-29 ta’ Novembru 2006, p. 41734), jipprovdi: “L-entitajiet u l-persuni ġuridiċi, inklużi l-entitajiet li jattribwixxu dħul, li jħallsu dħul suġġett għal din it-taxxa, huma obbligati li jwettqu tnaqqqis u l-ħlas, fid-dawl ta’ ħlas antiċipat tat-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni fiżiċi dovuta mill-benefiċjarju tad-dħul. L-ammont li għandu jitħallas lit-Teżor, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tad-dħul huma stabbiliti permezz tar-regolamenti. Huma suġġetti għall-istess obbligi, il-persuni taxxabbli li jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi, għad-dħul li huma jħallsu fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom, kif ukoll il-persuni fiżiċi, ġuridiċi u entitajiet oħra li ma jirrisjedux fit-territorju Spanjol iżda li joperaw f’dan it-territorju permezz tal-intermedju ta’ stabbiliment permanenti, jew li ma għandhomx stabbiliment permanenti iżda li jħallsu dħul minn xogħol kif ukoll dħul ieħor suġġett għal tnaqqis jew għal ħlas antiċipat li jikkostitwixxi spejjeż deduċibbli fid-dawl tal-kisba ta’ dħul imsemmi fl-Artikolu 24(2) tat-test ikkodifikat tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni mhux residenti. [...] Ir-rappreżentant maħtur skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86(1) tat-test ikkodifikat tal-liġi dwar l-organizzazzjoni u l-kontroll tal-assigurazzjonijiet privati, li jaġixxi f’isem il-kumpannija ta’ assigurazzjoni li topera taħt is-sistema ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi, huwa obbligat li jwettaq tnaqqis u ħlas antiċipat għat-tranżazzjonijiet imwettqa fi Spanja. Il-fondi ta’ pensjoni stabbiliti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea li fi Spanja jipproponu skemi ta’ rtirar professjonali suġġetti għal-leġiżlazzjoni Spanjola huma obbligati, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ Ġunju 2003, dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 350)], li jaħtru rappreżentant li għandu r-residenza fiskali tiegħu fi Spanja li jirrappreżentahom għall-finijiet ta’ obbligi fiskali. Dan ir-rappreżentant huwa obbligat li jwettaq tnaqqis u ħlas antiċipat għat-tranżazzjonijiet imwettqa fi Spanja. [...]” |
Il-proċedura prekontenzjuża u t-talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja
7 |
B’ittri tal-4 ta’ April u tal-1 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni intimat lir-Renju ta’ Spanja sabiex jirrimedja l-inkompatibbiltà mal-Artikoli 49 KE u 34 tal-Ftehim ŻEE tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Spanjol li jimponu fuq il-fondi ta’ pensjoni stabbiliti fi Stati Membri oħra u li jipproponu skemi ta’ rtirar professjonali fi Spanja, lill-kumpanniji ta’ assigurazzjoni li joperaw fi Spanja taħt is-sistema ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll lil ċerti entitajiet u persuni fiżiċi mhux residenti obbligu li jaħtru rappreżentant fiskali residenti fi Spanja. |
8 |
Wara tweġibiet tar-Renju ta’ Spanja għall-ittri ta’ intimazzjoni tagħha, il-Kummissjoni, fid-29 ta’ Jannar 2010, indirizzat lil dan l-Istat Membru opinjoni motivata li fiha hija żammet mal-analiżi provviżorja esposta f’dawn l-ittri u tagħtu terminu ta’ xahrejn sabiex jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni. |
9 |
Billi ma kinitx issodisfatta bit-tweġiba tar-Renju ta’ Spanja għal din l-opinjoni, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors. Hija tiddikjara li limitat is-suġġett ta’ dan ir-rikors għall-obbligu, previst mid-dritt Spanjol, li jinħatar rappreżentant fiskali residenti fi Spanja fil-każijiet biss ta’ fondi ta’ pensjoni stabbiliti fi Stati Membri oħra u li jipproponu skemi ta’ rtirar professjonali fi Spanja kif ukoll kumpanniji ta’ assigurazzjoni li joperaw fi Spanja taħt is-sistema ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi. |
10 |
B’att ippreżentat fil-15 ta’ Marzu 2012, ir-Renju ta’ Spanja qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 91(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fid-data ta’ preżentata tar-rikors. Fit-2 ta’ Ottubru 2012, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tgħaqqad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mal-mertu skont ir-raba’ paragrafu tal-istess artikolu. |
11 |
B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Mejju 2012, ir-Repubblika Franċiża ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Renju ta’ Spanja. |
Fuq ir-rikors
Fuq l-ammissibbiltà
L-argumenti tal-partijiet
12 |
Ir-Renju ta’ Spanja jinvoka tliet argumenti insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu. Fl-ewwel lok, huwa jsostni li, permezz tal-użu tal-avverbju “b’mod partikolari” fit-talba tar-rikors, il-Kummissjoni ma limitatx is-suġġett tar-rikors tagħha b’mod eżawrjenti u preċiż. Fit-tieni lok, dan l-Istat Membru jqis li l-Kummissjoni bi żball invokat, insostenn tar-rikors tagħha, żewġ dispożizzjonijiet irregolati mid-dritt Spanjol, jiġifieri l-Artikolu 10 tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni mhux residenti u l-Artikolu 47 tal-liġi ġenerali dwar tassazzjoni. Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-ewwel dispożizzjoni ma għandha ebda relazzjoni mas-sitwazzjonijiet imsemmija mir-rikors tal-Kummissjoni u li t-tieni dispożizzjoni hija limitata sabiex tistabbilixxi l-prinċipji u d-dispożizzjonijiet ġenerali tas-sistema fiskali Spanjola u ma tirreferix għall-każijiet speċifiċi li fihom għandu jinħatar rappreżentant fiskali. Fit-tielet lok, ir-Renju ta’ Spanja jakkuża lill-Kummissjoni li ma ppreċiżatx b’mod ċar jekk Stat Membru ma jista’ f’ebda każ jimponi fuq persuna mhux residenti l-obbligu li taħtar tali rappreżentant, jew jekk jeżistux ċerti eċċezzjonijiet għal din ir-regola għal raġunijiet iġġustifikati. |
13 |
Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti mressqa mir-Renju ta’ Spanja insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
14 |
Mill-Artikolu 38(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fid-data ta’ preżentata tar-rikors, u mill-ġurisprudenza dwar din id-dispożizzjoni jirriżulta li kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u espożizzjoni fil-qosor tal-motivi, u li din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed li tippermetti lill-konvenut li jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess, u li t-talbiet ta’ dan ir-rikors għandhom ikunu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi dwar ilment (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑360/11, EU:C:2013:17, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
15 |
F’dan il-każ, ir-rikors tal-Kummissjoni kien jissodisfa dawn ir-rekwiżiti. |
16 |
Fil-fatt, minkejja l-użu tat-terminu “b’mod partikolari” fit-talbiet tar-rikors, jirriżulta mingħajr ambigwità kemm minn dawn it-talbiet kif ukoll mill-ilmenti esposti fir-rikors li r-rikors tal-Kummissjoni jirreferi għall-obbligu previst mid-dritt Spanjol li jinħatar rappreżentant fiskali residenti fi Spanja f’żewġ każijiet speċifiċi, jiġifieri għall-fondi ta’ pensjoni stabbiliti fi Stati Membri oħra li jipproponu skemi ta’ rtirar professjonali fi Spanja u għall-kumpanniji ta’ assigurazzjoni stabbiliti fi Stati Membri oħra li joperaw fi Spanja taħt is-sistema ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi. Barra minn hekk, min-noti ppreżentati mill-Istat Membru konvenut jirriżulta li r-rikors ġie fformulat b’mod biżżejjed ċar u preċiż peress li dan ikkonċentra d-difiża tiegħu fuq dawn iż-żewġ każijiet speċifiċi. |
17 |
Għalhekk, hemm lok li l-ewwel argument invokat mir-Renju ta’ Spanja insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu jiġi miċħud. |
18 |
Minbarra dan, peress li r-rikors jirreferi biss għal dawn iż-żewġ każijiet speċifiċi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma ħaditx pożizzjoni ċara fuq in-natura possibbilment leġittima, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, ta’ obbligu għal persuna mhux residenti li taħtar rappreżentant fiskali residenti fi Spanja f’ċirkustanzi oħra. Għaldaqstant, it-tielet argument imressaq minn dan l-Istat Membru għandu wkoll jiġi miċħud. |
19 |
Fir-rigward tat-tieni argument invokat mir-Renju ta’ Spanja fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu, il-Kummissjoni kienet korrettament irrilevat li, peress li r-rikors tagħha kien iddefinixxxa b’mod ċar is-suġġett tar-rikors, l-eventwali assenza ta’ rilevanza ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali msemmija minn din l-istituzzjoni ma twassalx għall-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors. Dan japplika iktar u iktar peress li, fir-rikors tiegħu għal eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, dan l-Istat Membru jammetti r-rilevanza, għall-finijiet ta’ dan ir-rikors, ta’ tnejn mid-dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali msemmija mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha, jiġifieri l-Artikolu 46(c) tal-liġi li tirregola skemi u fondi ta’ pensjoni u l-Artikolu 86(1) tal-liġi dwar l-organizzazzjoni u l-kontroll tal-assigurazzjonijiet privati. |
20 |
Isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Renju ta’ Spanja għandha tiġi miċħuda. |
Fuq il-mertu
Fuq il-ksur tal-Artikolu 56 TFUE
– L-argumenti tal-partijiet
21 |
Il-Kummissjoni tirrileva li l-obbligu, għall-fondi ta’ pensjoni stabbiliti fi Stati Membri minbarra r-Renju ta’ Spanja u li jipproponu skemi ta’ rtirar professjonali f’dan l-Istat Membru kif ukoll il-kumpanniji ta’ assigurazzjoni li joperaw fi Spanja taħt is-sistema ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi, li jaħtru rappreżentant fiskali residenti f’dan l-Istat Membru jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Minn naħa, dan l-obbligu jimplika piż supplimentari għal dawn il-fondi ta’ pensjoni u dawn il-kumpanniji ta’ assigurazzjoni. Min-naħa l-oħra, dan jostakola l-libertà li jiġu pprovduti servizzi għall-persuni u għall-impriżi stabbiliti fi Stati Membri minbarra r-Renju ta’ Spanja u li jixtiequ jipproponu servizzi ta’ rappreżentanza fiskali lil entitajiet jew lil persuni fiżiċi li joperaw fi Spanja. |
22 |
La r-Renju ta’ Spanja u lanqas ir-Repubblika Franċiża, inkwantu intervenjenti, ma jikkontestaw in-natura restrittiva tal-miżuri inkwistjoni. |
23 |
Ir-Renju ta’ Spanja jikkunsidra li l-obbligu li jinħatar rappreżentant fiskali residenti fi Spanja huwa ġġustifikat min-neċessità ta’ kontroll fiskali effikaċji u mill-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali. Dan isostni, minbarra dan, li l-miżuri inkwistjoni ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet ta’ interess ġenerali. |
24 |
F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja jafferma li, fir-rigward ta’ persuni taxxabbli mhux residenti, l-intensità tal-kontrolli u l-livell ta’ effettività tal-azzjonijiet ta’ ġlieda kontra l-evażjoni fiskali huma b’mod sinjifikattiv ogħla meta interlokutur immedjat, bħal rappreżentant fiskali, huwa disponibbli. Min-naħa l-oħra, dawn l-għanijiet ma jintlaħqux b’mod effettiv billi jsir użu tal-assistenza reċiproka tal-awtoritajiet ta’ Stati Membri differenti sabiex tiġi skambjata informazzjoni u għall-irkupru ta’ talbiet, hekk kif imsemmi mid-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1977, dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u tat-taxxi fuq il-primjums tal-assigurazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 63), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/98/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M, p. 757, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 77/799”), u d-Direttiva tal-Kunsill 2008/55/KE, tas-26 ta’ Mejju 2008, dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet rigward ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra (ĠU L 150, p. 28). |
25 |
L-Istat Membru konvenut jikkunsidra li l-ineffettività tas-sistema stabbilita minn dawn id-direttivi tintwera mill-fatt li dawn kienu ġew imħassra fil-kuntest ta’ riforma tal-istrumenti ta’ kooperazzjoni amministrattiva u ta’ assistenza għall-irkurpu ta’ krediti. Minbarra dan, dan l-Istat Membru jevoka, permezz ta’ data insostenn, ir-rata baxxa ta’ rkupru ta’ talbiet wara, l-ewwel nett, it-tmien talbiet ippreżentati lill-awtoritajiet tar-Renju Unit fl-2011 u, it-tieni nett, talbiet indirizzati lil Stati Membri oħra bejn is-snin 2005 u 2009. |
26 |
Skont ir-Renju ta’ Spanja, peress li ċerta informazzjoni meħtieġa mill-amministrazzjoni fiskali Spanjola taħt forma ta’ dikjarazzjoni hija ta’ natura ġenerali u ma hijiex neċessarjament jew ma hijiex esklużivament iddestinata għad-determinazzjoni tat-taxxa, l-informazzjoni li tinsab f’dawn id-dikjarazzjonijiet ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 77/799. Konsegwentement, l-applikazzjoni effettiva tat-taxxi teħtieġ id-determinazzjoni minn qabel ta’ persuna li magħha l-amministrazzjoni fiskali jkollha relazzjoni matul proċeduri differenti. |
27 |
Fir-rigward tal-ħlas tat-taxxa dovuta fuq id-dħul li jaqa’ taħt skemi ta’ rtirar professjonali, ir-Renju ta’ Spanja jindika li, f’dak li jikkonċerna l-fondi ta’ pensjoni stabbiliti fi Stati Membri minbarra r-Renju ta’ Spanja li jipproponu skemi ta’ rtirar professjonali fi Spanja kif ukoll il-kumpanniji ta’ assigurazzjoni stabbiliti fi Stati Membri oħra li joperaw fi Spanja taħt is-sistema ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi, is-setgħa jew l-obbligu tar-rappreżentant fiskali li jwettaq it-tnaqqis tal-ammont tat-taxxa u l-ħlas antiċipat tagħha lit-Teżor pubbliku, previsti rispettivament fl-Artikolu 46(c) tal-liġi li tirregola skemi u fondi ta’ pensjoni u fl-Artikolu 86(1)(a) tal-liġi dwar l-organizzazzjoni u l-kontroll tal-assigurazzjonijiet privati, jirriflettu l-obbligu previst fl-Artikolu 99(2) tal-Liġi 35/2006, tat-28 ta’ Novembru 2006, li jitwettaq tnaqqis fuq id-dħul minn xogħol. Filwaqt li, skont din l-aħħar dispożizzjoni, l-organi ta’ ġestjoni ta’ fondi ta’ pensjoni stabbiliti fi Spanja jwettqu huma stess dan it-tnaqqis, in-neċessità għall-fondi ta’ pensjoni u għall-kumpanniji ta’ assigurazzjoni stabbiliti fi Stati Membri oħra li jaħtru rappreżentant fiskali residenti fi Spanja għall-finijiet, b’mod partikolari li jseħħ dan it-tnaqqis hija ġġustifikata mill-kumplessità tal-kalkolu tal-ammont tiegħu. Fl-assenza ta’ tali obbligu ta’ tnaqqis fil-każ ta’ dawn l-entitajiet mhux residenti, dawn l-entitajiet ikollhom vantaġġ finanzjarju meta pparagunati mal-entitajiet stabbiliti fi Spanja, li jwassal sabiex il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll il-funzjonament tajjeb tas-suq intern jiġu ppreġudikati. |
28 |
Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja jirrileva li din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija kontrih wasslitu sabiex ineħħi, permezz tal-Liġi 2/2011 dwar l-ekonomija sostenibbli (Ley 2/2011 de Economía Sostenible), tal-4 ta’ Marzu 2011 (BOE no 55, tal-5 ta’ Marzu 2011, p. 25033), il-kundizzjoni ta’ residenza fi Spanja tar-rappreżentant fiskali msemmi fl-Artikolu 86(1) tal-liġi li dwar l-organizzazzjoni u l-kontroll tal-assigurazzjonijiet privati, minkejja li, skont dan l-Istat Membru, din il-kundizzjoni kienet tikkostitwixxi garanzija aħjar tat-twettiq effettiv tal-obbligi fiskali. |
29 |
Insostenn tar-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża tqis li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija ġġustifikata min-neċessità li tiġi ggarantita l-effettività tal-irkupru tat-taxxa, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet inkwantu raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Din hija xierqa sabiex jintlaħaq dan l-għan, billi tagħmel il-ġbir u l-irkupru tat-taxxa dovuta iktar sempliċi u mħaffa. Peress li r-rappreżentanti fiskali huma suġġetti għall-kontroll tal-amministrazzjoni fiskali Spanjola, din l-amministrazzjoni tista’ tiżgura l-infurzar tal-irkupru ta’ din it-taxxa. Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrikonoxxxiet, fis-sentenzi FKP Scorpio Konzertproduktionen (C‑290/04, EU:C:2006:630) u X (C‑498/10, EU:C:2012:635), li l-proċedura ta’ taxxa f’ras il-għajn u s-sistema ta’ responsabbiltà relatata magħha jikkostitwixxu mezz leġittimu u xieraq sabiex jiġi żgurat it-trattament fiskali ta’ persuna stabbilita barra mill-Istat ta’ tassazzjoni. |
30 |
Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-obbligu li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, ir-Repubblika Franċiża tqis li possibbiltajiet oħra ma jippreżentawx inqas inkonvenjenzi mill-obbligu li jinħatar rappreżentant fiskali residenti fi Spanja. Fl-ewwel lok, obbligu għall-klijenti residenti tal-fondi ta’ pensjoni u tal-kumpanniji ta’ assigurazzjoni mhux residenti fi Spanja li jħallsu huma stess it-taxxa f’ras il-għajn jimplika piż amministrattiv supplimentari kif ukoll riskji fil-qasam ta’ responsabbiltà, li jagħmel is-servizzi transkonfinali inqas attraenti minn dawk tal-fornituri residenti. |
31 |
Fit-tieni lok, mill-punti 50 u 51 tas-sentenza X (EU:C:2012:635) jirriżulta li l-ġbir tat-taxxa mingħand il-fornitur ta’ servizzi mhux residenti jwassal għal piż kunsiderevoli għal dan il-fornitur, li għalhekk jista’ jiġi dissważ milli jipprovdi servizz fl-Istat Membru kkonċernat. F’dan ir-rigward, l-ammont ta’ xogħol tal-persuni impjegati ta’ dan il-fornitur ikun għaldaqstant ikbar peress li jkollhom jissodisfaw obbligi fiskali li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor u li jkollhom, minħabba f’hekk, jimlew dikjarazzjoni fiskali f’lingwa barranija. |
32 |
Skont ir-Repubblika Franċiża, dan ir-rikors huwa differenti minn dak li ta lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑522/04, EU:C:2007:405). F’din is-sentenza, il-preżenza ta’ tliet motivi kumulattivi kienet wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-obbligu li jinħatar rappreżentant fiskali residenti fl-Istat Membru kkonċernat kien imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat il-ħlas tat-taxxa annwali fuq il-kuntratti ta’ assigurazzjoni inkwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet b’mod partikolari rrilevat li, skont id-dritt Belġjan, l-assigurat huwa personalment debitur ta’ din it-taxxa meta l-kuntratt ikkonċernat kien ġie sottoskritt għand assiguratur mhux stabbilit fil-Belġju. Issa, dan il-motiv ma huwiex issodisfat f’dak li jikkonċerna dan ir-rikors peress li l-leġiżlazzjoni Spanjola tipprevedi li huwa biss ir-rappreżentant fiskali residenti fi Spanja li huwa debitur tat-taxxi dovuti mill-fondi ta’ pensjoni mhux residenti u mill-kumpanniji ta’ assigurazzjoni li joperaw fi Spanja taħt is-sistema ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi. |
33 |
Il-Kummissjoni, filwaqt li tammetti n-natura leġittima tal-għanijiet invokati mir-Renju ta’ Spanja sabiex jiġġustifika l-obbligu li jinħatar rappreżentant fiskali residenti fi Spanja fil-każijiet imsemmija fir-rikors tagħha, tikkontesta l-argumenti ta’ dan l-Istat Membru kif ukoll tar-Repubblika Franċiża li skont dawn dan l-obbligu huwa neċessarju sabiex jintlaħqu. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
34 |
L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tas-suġġett ta’ dan ir-rikors hekk kif stabbilit fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, huwa paċifiku li, skont il-leġiżlazzjoni Spanjola fil-qasam, il-fondi ta’ pensjoni stabbiliti fi Stati Membri minbarra r-Renju ta’ Spanja u li jipproponu skemi ta’ rtirar professjonali f’dan l-Istat Membru kif ukoll il-kumpanniji ta’ assigurazzjoni li joperaw fi Spanja taħt is-sistema ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi huma obbligati li jaħtru rappreżentant fiskali residenti fi Spanja. |
35 |
Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punt 12 ta’ din is-sentenza, ir-rilevanza ta’ żewġ dispożizzjonijiet tad-dritt Spanjol invokati mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha hija kkontestata mir-Renju ta’ Spanja. F’dan ir-rigward, din l-istituzzjoni rrikonoxxiet li l-Artikolu 10 tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni mhux residenti jirrigwarda l-obbligu li jinħatar rappreżentant f’ċirkustanzi mhux relatati mas-suġġett ta’ dan ir-rikors. Fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-liġi ġenerali dwar tassazzjoni, billi limitat ruħha sabiex issostni li dan jikkostitwixxi r-regola bażika li tobbliga lill-persuni taxxabbli mhux residenti fi Spanja li jaħtru rappreżentant residenti f’dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni ma turix li l-modifika jew it-tħassir ta’ dan l-artikolu huma neċessarji sabiex jintemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat. |
36 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, huma biss l-Artikolu 46(c) tal-liġi li tirregola pjanijiet u fondi ta’ pensjoni u l-Artikolu 86(1) tal-liġi dwar l-organizzazzjoni u l-kontroll tal-assigurazzjonijiet privati, li r-rilevanza tagħhom hija barra minn hekk aċċettata mill-Istat Membru konvenut, li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ dan ir-rikors. |
37 |
Għandu jiġi rrilevat li l-provvisti proposti minn fondi ta’ pensjoni u minn kumpanniji ta’ assigurazzjoni fil-qasam ta’ skemi ta’ rtirar professjonali huma servizzi fis-sens tal-Artikolu 57 TFUE. Fil-fatt, tali servizzi jkopru provvisti mogħtija normalment inkambju ta’ remunerazzjoni li l-karatteristika essenzjali tagħha tinsab fil-fatt li hija tikkostitwixxi l-korrispettiv ekonomiku tal-provvisti inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑296/12, EU:C:2014:24, punt 28). |
38 |
Hemm lok ukoll li jiġi enfasizzat li, fil-perspettiva ta’ suq uniku u sabiex ikunu jistgħu jitwettqu l-għanijiet tiegħu, l-Artikolu 56 TFUE jipprekludi l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala effett li tagħmel il-provvista ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 57 TFUE, bejn l-Istati Membri iktar diffiċli minn provvista ta’ servizzi purament interna għal Stat Membru (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, EU:C:2014:24, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
Minbarra dan, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 56 TFUE jipprekludi b’mod partikolari kwalunkwe leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ta’ natura li tipprojbixxi jew li tostakola iktar l-attivitajiet ta’ fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn huwa jipprovdi legalment servizzi simili (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, EU:C:2014:24, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat mir-Renju ta’ Spanja li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li bħala prinċipju tmur kontra l-Artikolu 56 TFUE. |
41 |
Fil-fatt, hekk kif il-Kummissjoni rrilevat korrettament, l-obbligu li jinħatar rappreżentant fiskali fi Spanja jista’ jwassal għal spejjeż supplimentari għall-fondi ta’ pensjoni stabbiliti fi Stati Membri minbarra r-Renju ta’ Spanja u li jipproponu skemi ta’ rtirar professjonali f’dan l-Istat Membru kif ukoll għall-kumpanniji ta’ assigurazzjoni li joperaw fi Spanja taħt is-sistema ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi. Konsegwentement, dan jagħmel il-provvista ta’ servizzi minn dawn l-entitajiet lil persuni residenti fi Spanja iktar diffiċli u inqas attraenti mill-provvista ta’ servizzi simili għall-istess persuni minn entitajiet stabbiliti fi Spanja, li ma humiex suġġetti għal dan l-obbligu. Minbarra dan, il-fatt li dan ir-rappreżentant għandu jirrisjedi fi Spanja jostakola l-libertà li jiġu pprovduti servizzi għall-persuni u għall-impriżi stabbiliti fi Stati Membri minbarra r-Renju ta’ Spanja u li jixtiequ jipproponu servizzi ta’ rappreżentanza fiskali lil entitajiet jew lil persuni fiżiċi li joperaw fi Spanja. |
42 |
Madankollu, minn ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-miżuri nazzjonali li jistgħu jostakolaw jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE jistgħu madankollu jiġu ammessi bil-kundizzjoni li jsegwu għan ta’ interess ġenerali, li jkunu xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq ta’ dan l-għan u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex (ara, b’mod partikolari, is-sentenza van Caster, C‑326/12, EU:C:2014:2269, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Huma l-awtoritajiet nazzjonali, meta jadottaw miżura li tidderoga minn prinċipju stabbilit mid-dritt tal-Unjoni, li għandhom jipproduċu l-prova, f’kull każ partikolari, li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta. Ir-raġunijiet ġustifikattivi li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru għandhom jinkludu analiżi ta’ kemm il-miżura adottata minn dan l-Istat hija adatta u proporzjonali, kif ukoll elementi preċiżi li jippermettu li jiġi ssostanzjat l-argument tiegħu (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, EU:C:2014:24, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
Ir-Renju ta’ Spanja jinvoka, inkwantu ġustifikazzjonijiet tal-effetti restrittivi identifikati fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, in-neċessità ta’ kontroll fiskali effikaċji kif ukoll il-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali. |
45 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi ddeċidiet li l-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali u l-effikaċja tal-kontrolli fiskali jistgħu jiġu invokati sabiex jiġu ġġustifikati restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (ara s-sentenza Strojírny Prostějov u ACO Industries Tábor, C‑53/13 u C‑80/13, EU:C:2014:2011, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
46 |
Bl-istess mod, in-neċessità li tiġi ggarantita l-effettività tal-irkupru tat-taxxa, invokata mir-Repubblika Franċiża fin-nota ta’ intervent tagħha, tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara s-sentenza X, EU:C:2012:635, punt 39). |
47 |
F’dan is-sens, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-obbligi ta’ informazzjoni kif ukoll ta’ tnaqqis u ta’ ħlas tas-somom dovuti lit-Teżor pubbliku li r-rappreżentanti fiskali msemmija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni għandhom jissodisfaw għall-fondi ta’ pensjoni u għall-kumpanniji ta’ assigurazzjoni stabbiliti fi Stati Membri minbarra r-Renju ta’ Spanja jikkostitwixxu mezz proprju sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-irkupru tat-taxxa dovuta fuq id-dħul imħallas mill-iskemi ta’ rtirar professjonali. |
48 |
F’dak li jikkonċerna l-kwistjoni jekk din il-leġiżlazzjoni tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, ir-Renju ta’ Spanja, sostnut mir-Repubblika Franċiża, iressaq sensiela ta’ argumenti bbażati fuq l-obbligi u fuq ir-responsabbiltajiet li għandhom ir-rappreżentanti fiskali msemmija minn din l-istess leġiżlazzjoni. |
49 |
Issa, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kisba ta’ informazzjoni dwar it-taxxa dovuta u tal-irkupru tagħha, għall-finijiet ta’ kontroll fiskali effikaċji u tal-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/799 jipprovdi l-iskambju, bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri, tal-informazzjoni kollha li tista’ tippermettilhom jaslu għall-istabbiliment korrett, b’mod partikolari, tat-taxxi fuq id-dħul (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, EU:C:2007:405, punt 52). |
50 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-irkupru, b’mod partikolari, tat-taxxi fuq id-dħul, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni eżistenti bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-livell tal-Unjoni, bħal dawk previsti mid-Direttiva 2008/55, huma suffiċjenti sabiex jippermettu lill-Istat Membru kkonċernat li jwettaq irkupru tat-taxxa dovuta fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑269/09, EU:C:2012:439, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
51 |
L-argumenti u l-provi mressqa mir-Renju ta’ Spanja sabiex juri l-ineffettività tal-mekkaniżmi stabbiliti mid-Direttivi 77/799 u 2008/55 u, għaldaqstant, in-neċessità li jinħatar rappreżentant fiskali sabiex tiġi żgurata t-trażmissjoni ta’ informazzjoni u l-irkupru tat-taxxa dovuta ma jistgħux jiġu aċċettati. Minn naħa, il-fatt li dawn id-direttivi kienu tħassru u ġew issostitwiti minn direttivi ġodda ma jikkostitwixxix waħdu l-prova li l-mekkaniżmi li huma kienu stabbilixxew ma kinux effettivi f’dak li jikkonċerna t-trażmissjoni ta’ informazzjoni u l-irkupru ta’ somom dovuti fid-dawl tat-taxxi fuq id-dħul provenjenti minn skemi ta’ rtirar professjonali amministrati minn entitajiet stabbiliti fi Stati Membri minbarra r-Renju ta’ Spanja. Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li l-istatistiċi annessi mar-risposta dwar ir-rati ta’ rkupru ta’ talbiet ma jirreferux għal talbiet ta’ rkupru ta’ taxxi f’dan il-qasam. Hekk kif il-Kummissjoni rrilevat waqt is-seduta, il-valur probatorju ta’ dawn l-istatistiċi huwa iktar dgħajjef minħabba l-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni li skont din it-talbiet mhux issodisfatti kienu ġew validament ippreżentati jew li dawn ma kinux ġew irtirati sussegwentement. Għalhekk dawn l-istatistiċi ma jikkostitwixxux element rilevanti u preċiż li jippermetti li jiġu sostnuti l-argumenti mressqa mir-Renju ta’ Spanja f’dan il-każ. |
52 |
Fit-tieni lok, ir-Renju ta’ Spanja jirreferi għall-obbligi fuq ir-rappreżentanti fiskali, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, u dwar it-trażmissjoni ta informazzjoni li, fil-fehma tiegħu, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 77/799 kif ukoll għat-tnaqqis u għall-ħlas antiċipat lit-Teżor pubbliku tal-ammont ta’ taxxa li għandha titħallas. |
53 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett li, kuntrarjament għal dak li dan l-Istat Membru jimplika fin-noti tiegħu, ir-rikors tal-Kummissjoni jirreferi mhux għall-obbligu ta’ tnaqqis inkwantu tali, iżda għall-obbligu li jinħatar rappreżentant fiskali għall-finijiet, b’mod partikolari, li jseħħ dan it-tnaqqis. Din l-istituzzjoni b’hekk ma titlobx it-tneħħija tal-proċedura ta’ tnaqqis fir-rigward ta’ dħul li jirriżulta minn skemi ta’ rtirar professjonali amministrati minn entitajiet stabbiliti fi Stat Membru minbarra r-Renju ta’ Spanja. Bl-istess mod, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza X (EU:C:2012:635), iddeċidiet li l-proċedura ta’ taxxa f’ras il-għajn tikkostitwixxi metodu leġittimu u xieraq biex tiġi ggarantita l-effettività tal-irkurpu tat-taxxa dovuta hija irrilevanti għall-finijiet ta’ dan ir-rikors. |
54 |
F’dak li jikkonċerna l-obbligi msemmija fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 53 sa 55 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (EU:C:2007:405), li, fir-rigward tal-ħlas ta’ taxxa annwali fuq il-kuntratti ta’ assigurazzjoni sottoskritti għand assiguratur li ma huwiex stabbilit fil-Belġju, jirriżulta mill-fatt li l-persuna assigurata hija personalment debitur ta’ din it-taxxa, skont id-dritt nazzjonali, li dan id-dritt fih miżuri xierqa biex jiġi ssodisfat l-għan li jiġi żgurat il-ħlas ta’ din it-taxxa li huma inqas dannużi għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi mill-obbligu li jinħatar rappreżentant responsabbli residenti fil-Belġju. |
55 |
Issa, għalkemm ma jirriżultax min-noti mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rikors li, fi Spanja, il-benefiċjarju residenti ta’ provvisti ta’ skemi ta’ rtirar professjonali amministrati minn entitajiet mhux residenti huwa personalment debitur tat-taxxa dovuta fuq dawn il-provvisti, xorta jibqa’ l-fatt, kuntrarjament għal dak li jallega r-Renju ta’ Spanja, sostnut mir-Repubblika Franċiża, li l-prinċipji applikati f’din is-sentenza huma trasponibbli għal dan ir-rikors. |
56 |
Fil-fatt, ir-Renju ta’ Spanja ma weriex b’mod li jissodisfa r-rekwiżiti mfakkra fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, li l-obbligi ta’ informazzjoni kif ukoll ta’ tnaqqis u ta’ ħlas antiċipat tat-taxxa ma jistgħux jiġu ssodisfatti, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni, minn mezzi inqas dannużi għall-Artikolu 56 TFUE mill-ħatra ta’ rappreżentant fiskali residenti fi Spanja. B’mod partikolari, l-Istat Membru konvenut ma jippreżentax argumenti li jistgħu jikkontestaw l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li dawn l-obbligi jistgħu jiġu implementati mill-fondi ta’ pensjoni u mill-kumpanniji ta’ assigurazzjoni mhux residenti stess, bħal fil-każ ta’ fondi ta’ pensjoni u ta’ kumpanniji ta’ assigurazzjoni stabbiliti fi Spanja, mingħajr ma dawn l-entitajiet mhux residenti jiġu obbligati li jsostnu l-ispejjeż neċessarji għall-ħatra ta’ rappreżentant fiskali residenti fi Spanja. |
57 |
F’dak li jikkonċerna l-argument imressaq f’dan ir-rigward u bbażat fuq il-punt 50 tas-sentenza X (EU:C:2012:635), fejn skont dan obbligu ta’ tnaqqis jimplika piż kunsiderevoli għall-fondi ta’ pensjoni u għall-kumpanniji ta’ assigurazzjoni mhux residenti fi Spanja li jistgħu jiddisswaduhom milli jipprovdu servizzi fi Spanja, ma jistax ċertament jiġi eskuż li, f’ċerti każijiet, l-ispejjeż li dawn l-entitajiet għandhom isostnu, jekk eżerċitaw huma stess il-kompiti li huma obbligati li jafdaw lir-rappreżentant fiskali tagħhom jistgħu jkunu ugwali għal, u anki jaqbżu, l-ispejjeż neċessarji sabiex jinħatar dan ir-rappreżentant. |
58 |
Madankollu, hekk kif irrilevat il-Kummissjoni, leġiżlazzjoni nazzjonali li toffri, għall-fondi ta’ pensjoni stabbiliti fi Stati Membri minbarra r-Renju ta’ Spanja u li jipproponu skemi ta’ rtirar professjonali f’dan l-Istat Membru kif ukoll għall-kumpanniji ta’ assigurazzjoni li joperaw fi Spanja taħt is-sistema ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-għażla li jinħatar rappreżentant fiskali jew li jwettqu huma stess l-imsemmija kompiti, skont is-soluzzjoni li jqisu li hija l-iktar vantaġġuża mill-aspett ekonomiku, tkun inqas dannuża għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi mill-obbligu ġenerali ta’ ħatra ta’ tali rappreżentant impost mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑267/09, EU:C:2011:273, punt 47, u National Grid Indus, C‑371/10, EU:C:2011:785, punti 69 sa 73). |
59 |
Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-ġustifikazzjoni tal-kundizzjoni ta’ residenza fi Spanja tar-rappreżentant fiskali inkwistjoni, ir-Renju ta’ Spanja jillimita ruħu sabiex jikkonstata, minn naħa, li din il-kundizzjoni tneħħiet permezz ta’ modifika magħmula fl-2011 fl-Artikolu 86(1) tal-liġi dwar l-organizzazzjoni u l-kontroll tal-assigurazzjonijiet privati u, min-naħa l-oħra, li din il-kundizzjoni tikkostitwixxi garanzija aħjar tat-twettiq effettiv tal-obbligi fiskali kkonċernati. |
60 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru hekk kif kienet tippreżenta ruħha fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li seħħew sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑421/12, EU:C:2014:2064, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
61 |
Minbarra dan, is-sempliċi affermazzjoni li l-kundizzjoni ta’ residenza tikkostitwixxi garanzija aħjar li l-obbligi ta’ natura fiskali li jaqgħu fuq ir-rappreżentant fiskali jiġu ssodisfatti b’mod effettiv hija irrilevanti. Ċertament, il-kontroll ta’ tali rappreżentant mill-awtoritajiet fiskali ta’ Stat Membru jista’ jirriżulta iktar diffiċli meta dan jinsab fi Stat Membru ieħor. Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li diffikultajiet amministrattivi ma jikkostitwixxux raġuni li tista’ tiġġustifika ostakolu għal-libertà fundamentali ggarantita mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑334/02, EU:C:2004:129, punt 29; Papillon, C‑418/07, EU:C:2008:659, punt 54, kif ukoll van Caster, EU:C:2014:2269, punt 56). |
62 |
Minn dan jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fil-punti 44 u 46 ta’ din is-sentenza. |
63 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li, billi adotta d-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 46(c) tal-liġi li tirregola skemi u fondi ta’ pensjoni u tal-Artikolu 86(1) tal-liġi dwar l-organizzazzjoni u l-kontroll tal-assigurazzjonijiet privati, li skont dawn il-fondi ta’ pensjoni stabbiliti fi Stati Membri minbarra r-Renju ta’ Spanja u li jipproponu skemi ta’ rtirar professjonali f’dan l-Istat Membru kif ukoll il-kumpanniji ta’ assigurazzjoni li joperaw fi Spanja taħt is-sistema ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi huma obbligati li jaħtru rappreżentant fiskali residenti f’dan l-Istat Membru, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 56 TFUE, |
Fuq il-ksur tal-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE
– L-argumenti tal-partijiet
64 |
Ir-Renju ta’ Spanja, sostnut mir-Repubblika Franċiża, iqis li r-raġuni prinċipali invokata mill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra li l-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni hija sproporzjonata hija l-eżistenza ta’ mekkaniżmi ta’ assistenza reċiproka fil-qasam fiskali bejn l-Istati Membri, skont id-Direttivi 77/799 u 2008/55. Huma jirrilevaw li l-kuntest ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri stabbilit minn dawn id-direttivi ma jeżistix bejn dawn u l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat terz meta dan l-Istat ma jkun ħa ebda impenn ta’ assistenza reċiproka. Fl-assenza ta’ tali impenn, għandu jiġi kkunsidrat li l-obbligu li jinħatar rappreżentant fiskali ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi ggarantit l-irkupru effettiv tat-taxxa dovuta. |
65 |
Il-Kummissjoni tammetti li, f’dak li jikkonċerna ż-Żona Ekonomika Ewropea u fl-assenza ta’ trattat bilaterali mar-Repubblika tal-Islanda, mal-Prinċipat tal-Liechtenstein jew mar-Renju tan-Norveġja, dwar l-assistenza reċiproka fil-qasam fiskali, l-obbligu li jinħatar rappreżentant fiskali jista’ jkun iġġustifikat bil-kundizzjoni li dan ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja tal-kontroll fiskali u għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
66 |
Hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE huwa analogu għall-Artikolu 56 TFUE. Għalhekk, ir-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kkonstatata fil-punt 40 ta’ din is-sentenza għandha tiġi kkunsidrata, bħala prinċipju, ukoll li tmur kontra l-Artikolu 36. |
67 |
Għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-punti 49 sa 61 ta’ din is-sentenza, din ir-restrizzjoni ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala ġġustifikata, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 56 TFUE, min-neċessità ta’ kontroll fiskali effikaċji, il-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali jew in-neċessità li tiġi ggarantita l-effettività tal-irkupru tat-taxxa peress li din tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Din il-konklużjoni tibda mill-premessa li jeżistu mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-livell tal-Unjoni li huma suffiċjenti sabiex jippermettu lir-Renju ta’ Spanja li jilħaq dawn l-għanijiet fil-każ ineżami. |
68 |
Madankollu, il-kuntest ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri stabbilit, b’mod partikolari, mid-Direttivi 77/799 u 2008/55 ma jeżistix bejn dawn l-awtoritajiet u dawk ta’ Stat terz, meta dan l-Istat terz ma jkun ħa ebda impenn ta’ assistenza reċiproka (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, EU:C:2012:439, punt 96). |
69 |
F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja jsemmi espressament li ma kkonkluda ebda ftehim dwar l-iskambju ta’ informazzjoni mal-Prinċipat tal-Liechtenstein. Peress li l-Kummissjoni, fir-rigward tagħha, ma tallegax l-eżistenza ta’ ftehimiet bilaterali li jirrigwardaw l-assistenza reċiproka fil-qasam fiskali bejn l-Istat Membru konvenut u l-Istati partijiet fil-Ftehim ŻEE li ma humiex membri tal-Unjoni, hija ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ mekkaniżmi ta’ skambju ta’ informazzjoni u ta’ kooperazzjoni suffiċjenti sabiex ir-Renju ta’ Spanja jkun jista’ jikseb informazzjoni dwar it-taxxa dovuta u l-irkupru tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, EU:C:2011:273, punt 56, u Il‑Kummissjoni vs Spanja, EU:C:2012:439, punt 98). |
70 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala stabbilit li l-obbligu li jinħatar rappreżentant fiskali residenti fi Spanja jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan intiż sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja tal-kontrolli fiskali u tal-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali. |
71 |
Konsegwentement, hemm lok li r-rikors tal-Kummissjoni inkwantu intiż sabiex jiġi kkonstatat li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE jiġi miċħud. |
Fuq l-ispejjeż
72 |
Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Peress li l-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja tilfu talba waħda jew iktar rispettivament, għandu jiġi deċiż li dawn għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
73 |
Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli, li jipprovdi li l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.