SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

26 ta’ Novembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Skema nazzjonali ta’ appoġġ għall-konsum ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu — Obbligu tal-produtturi u importaturi tal-elettriku li jintroduċu fin-netwerk nazzjonali ċertu kwantità ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu jew, fin-nuqqas ta’ dan, li jixtru ‘ċertifikati ħodor’ mingħand l-awtorità kompetenti — Prova ta’ din l-introduzzjoni li teħtieġ il-preżentazzjoni ta’ ċertifikati li jikkonfermaw l-oriġini ħadra tal-elettriku prodott jew importat — Aċċettazzjoni ta’ ċertifikati maħruġa fi Stat terz suġġetta għall-konklużjoni ta’ ftehim bilaterali bejn dan l-Istat terz u l-Istat Membru kkonċernat jew għal ftehim bejn l-amministratur tan-netwerk nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru u awtorità analoga tal-imsemmi Stat terz — Direttiva 2001/77/KE — Kompetenza esterna tal-Komunità — Kooperazzjoni leali”

Fil-Kawża C‑66/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Frar 2013, fil-proċedura

Green Network SpA

vs

Autorità per l’energia elettrica e il gas,

fil-preżenza ta’:

Gestore dei Servizi Energetici SpA — GSE,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan, A. Prechal (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Jannar 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Green Network SpA, minn V. Cerulli Irelli, avukat,

għal Gestore dei Servizi Energetici SpA — GSE, minn G. Roberti, I. Perego u M. Serpone, avukati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann, E. White, L. Pignataro-Nolin u A. Aresu, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Marzu 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3(2) TFUE u 216 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/77KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Settembru 2001, fuq il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli fis-suq intern tal-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 121) u l-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera, tat-22 ta’ lulju 1972 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 104), kif adattat bid-Deċiżjoni Nru 1/2000 tal-Kumitat Konġunt KE‑Svizzera, tal-25 ta’ Ottubru 2000 (ĠU 2001, L 51, p. 1, iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ kummerċ ħieles”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Green Network SpA (iktar ’il quddiem “Green Network”) u l-Autorità per l’energia elettrica e il gas (iktar ’il quddiem l-“AEEG”), dwar multa amministrattiva imposta minn din tal-aħħar fuq Green Network minħabba li rrifjutat li tixtri ċertifikati ħodor fi proporzjoni mal-kwantitajiet ta’ elettriku mill-Isvizzera li din il-kumpannija importat fl-Italja.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-ftehim ta’ kummerċ ħieles

3

Il-ftehim ta’ kummerċ ħieles ġie konkluż mill-Komunità Ekonomika Ewropea abbażi tal-Artikolu 113 tat-Trattat KEE dwar il-politika kummerċjali komuni, li sar l-Artikolu 113 tat-Trattat KE, li huwa stess sar, wara emenda, l-Artikolu 133 KE. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu tal-aħħar issa jinsabu fl‑Artikolu 207 TFUE. Skont l-Artikolu 1 tiegħu, l-imsemmi ftehim għandu b’mod partikolari l-għan li jippromwovi, permezz tat-tkabbir tal-kummerċ reċiproku, l-iżvilupp armonjuż tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-Komunità u l-Konfederazzjoni Svizzera, li jiżgura kundizzjonijiet ġusti għall-kompetizzjoni fil-kummerċ bejn il-partijiet kontraenti u li b’hekk jikkontribwixxi, permezz tal-eliminazzjoni ta’ ostakoli għall-kummerċ, għall-iżvilupp armonjuż u għat-tkabbir tal-kummerċ dinji.

Id-Direttiva 2001/77

4

Id-Direttiva 2001/77 tħassret, mill-1 ta’ Jannar 2012, bid-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, p. 16). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, id-Direttiva 2001/77 hija d-direttiva applikabbli ratione temporis.

5

Skont il-premessi 1 sa 3, 10, 11 u 14 sa 16 tad-Direttiva 2001/77:

“(1)

Il-potenzjal għall-isfruttament ta’ sorsi ta’ enerġija rinovabbli [li jiġġeddu] mhux użata biżżejjed fil-preżent. Il-Komunità tirrikonoxxi l-bżonn li tħeġġeġ sorsi ta’ enerġija rinovabbli bħala miżura prioritarja billi l-isfruttment tagħhom jikkontribwixxi għall-protezzjoni ta’ l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli. Barra dan, dan jista’ joħloq ukoll impjiegi lokali, ikollu impatt pożittiv fuq il-koeżjoni ambjentali, jikkontribwixxi għas-sigurezza tal-provista u jagħmilha possibbli li jintlaħqu l-miri ta’ Kyoto iktar malajr. Huwa għalhekk meħtieġ li jkun zgurat li dan il-potenzjal huwa sfruttat aħjar fil-qafas tas-suq intern ta’ l-elettriku.

(2)

Il-promozzjoni ta’ l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli hija prijorità kbira tal-Komunità [...] għal raġunijiet ta’ sigurtà u diversifikazzjoni tal-provista ta’ l-enerġija, ta’ protezzjoni ambjentali u ta’ koeżjoni soċjali u ekonomika. [...]

(3)

L-użu akbar ta’ enerġija prodotta minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli jikkostitwixxi parti importanti tal-pakkett ta’ miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mal-Protokoll ta’ Kyoto tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-Bidla fil-Klima, u ta’ kull pakkett ta’ politika biex jitħarsu l-impenji.

[...]

(10)

Din id-Direttiva ma teħtieġx l-Istati Membri li jirrikonoxxu x-xiri ta’ garanzija ta’ l-oriġini minn Stati Membri oħra jew ix-xiri korrispondenti ta’ elettriku bħala kontribuzzjoni għat-tħaris ta’ obbligu ta’ kwota nazzjonali. Iżda, biex ikun iffaċilitat il-kummerċ fl-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli u biex tiżdied it-trasparenza għall-għażla tal-konsumatur bejn elettriku prodott minn mhux imġedded u elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli, hija meħtieġa l-garanzija ta’ l-oriġini ta’ dan l-elettriku. Skemi għall-garanzija ta’ l-oriġini waħedhom ma jfissrux dritt għall-benefiċċju mill-mekkaniżmi ta’ appoġġ nazzjonali stabbiliti fl-Istati Membri differenti. Huwa importanti li l-forom kollha ta’ elettriku prodotti minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli huma koperti b’dawn il-garanziji ta’ oriġini.

(11)

Huwa importanti li ssir differenza bejn il-garanziji ta’ oriġini b’mod ċar miċ-ċertifikati ħodor li jistgħu jiġu skambjati.

[...]

(14)

L-Istati Membri joperaw mekkaniżmi differenti ta’ appoġġ għal sorsi ta’ enerġija rinovabbli, inkluż ċertifikati ħodor, għajnuna għall-investiment, eżenzjonijiet tat-taxxa jew riduzzjonijiet, rifużjonijiet tat-taxxa u skemi ta’ appoġġ ta’ prezz dirett. Mezz importanti wieħed biex jintlaħaq dan l-għan ta’ din id-Direttiva hija biex tiggarantixxi l-funzjonament xieraq ta’ dawn il-mekkaniżmi, sakemm qafas Komunitarju jitpoġġa fis-seħħ, biex tinżamm il-kunfidenza ta’ l-investitur.

(15)

Għadu kmieni wisq biex ikun deċiż qafas ġewwa l-Komunità kollha dwar skemi ta’ appoġġ, minħabba l-esperjenza limitata fl-iskemi nazzjonali u s-sehem kurrenti relativament baxx tal-prezz ta’ l-elettriku appoġġjat u prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli fil-Komunità.

(16)

Iżda, jeħtieġ li jkunu addattati, wara perjodi transitorju suffiċjenti, skemi ta’ appoġġ għas-suq intern li qed jiżviluppa. Huwa għalhekk xieraq li l-Kummissjoni [Ewropea] tosserva s-sitwazzjoni u tippreżenta rapport fuq l-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni ta’ skemi nazzjonali. Jekk meħtieġ, il-Kummissjoni għandha, fid-dawl tal-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport, tagħmel proposta għall-qafas tal-Komunità fir-rigward ta’ skemi ta’ appoġġ prodotti minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli [...]”

6

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/77 kien jipprovdi l:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tkun promossa żieda fil-kontribuzzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinovabbli [li jiġġeddu] għall-produzzjoni ta’ l-elettriku fis-suq intern għall-elettriku u biex tinħoloq bażi għal qafas tal-Komunità fil-ġejjieni tiegħu.”

7

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, kien jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘sorsi ta’ enerġija rinovabbli [li jiġġeddu]’ għandha tfisser sorsi ta’ enerġija mhux fossili rinovabbli (riħ, tax-xemx, ġeotermali, mewġ, frugħ, enerġija mill-ilma, biomassa, gass tal-miżbla, gass mill-impjant tat-trattament tad-drenaġġ u bijogassijiet);

[...]

(ċ)

‘elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli’: għandha tfisser elettriku prodott minn impjanti li jużaw biss sorsi ta’ enerġija rinovabbli, kif ukoll il-proporzjon ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli f’’mpjanti ibridi li jużaw ukoll sorsi ta’ enerġija konvenzjonali u inkluż elettriku li jiġġedded użat biex jintlew sistemi ta’ ħażna, u eskluż l-elettriku prodott bħala riżultat ta’ sistemi ta’ ħażna;

(d)

‘konsum ta’ l-elettriku’ għandha tfisser il-produzzjoni ta’ l-elettriku nazzjonali, inkluż l-awtoproduzzjoni, flimkien ma’ l-importazzjonijiet, ħlief għall-esportazzjonijiet (konsum gross nazzjonali ta’ l-elettriku).

[...]”

8

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva kien jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa bix jinkoraġġixxu konsum akbar ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli [li jiġġeddu] skond il-miri indikattivi nazzjonali msemmija fil-paragrafu 2. [...]

2.   Mhux aktar tard mis-27 ta’ Ottubru 2002 u kull ħames snin wara, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw rapport li jiffissa miri indikattivi nazzjonali għall-konsum futur ta’ l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli f’termini ta’ perċentwal ta’ konsum ta’ l-elettriku għall-għaxar snin li jmiss. [...] Biex jintlaħqu dawn il-miri sas-sena 2010, l-Istati Membri għandhom:

iqisu l-valuri ta’ referenza fl-Anness,

[...]

4.   Fuq il-bażi tar-rapporti ta’ l-Istati Membri msemmija fil-paragrafi 2 u 3, il-Kummissjoni għandha tagħmel stima safejn:

L-Istati Membri għamlu progress biex jilħqu l-miri indikattivi nazzjonali,

il-miri indikattivi nazzjonali huma konsistenti mal-mira indikattiva globali ta’ 12 % ta’ konsum gross ta’ enerġija nazzjonali sa 2010 u partikolarment bis-seħem indikattiv gross ta’ konsum sa l-2010 u partikolarment b’22,1 % seħem indikattiv ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli fil-konsum totali ta’ elettriku tal-Komunità sa l-2010.

[...]”

9

Taħt it-titolu “Skemi ta’ appoġġ”, l-Artikolu 4 tal-istess direttiva kien ifformulat kif ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat [KE], il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmi użati fl-Istati Membri skond liema produttur ta’ l-elettriku, fuq il-bażi ta’ regolamenti maħruġa mill-awtoritajiet pubbliċi, jirċievi appoġġ dirett jew indirett, u li jistgħu jkollhom effett li jirrestrinġu l-kummerċ, fuq il-bażi li dawn jikkontribwixxu għall-oġġettivi pprovduti fl-Artikoli 6 u 174 tat-Trattat.

2.   Il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard mis-27 ta’ Ottubru 2005, tippreżenta rapport dokumentat sew fuq l-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni u l-koeżistenza ta’ mekkaniżmi differenti msemmija fil-paragrafu 1. Ir-rapport għandu jistma s-suċċess, inkluż l-effettività taħt il-profil ta’ spejjeż, tas-sistemi ta’ appoġġ imsemmija fil-paragrafu 1 fil-promozzjoni tal-konsum ta’ l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli [li jiġġeddu] f’konformità mal-mri indikattivi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 3(2). Dan ir-rapport għandu, jekk meħtieġ, ikun akkumpanjat b’proposta għal qafas Komunitarju fir-rigward ta’ skemi ta’ appoġġ għall-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli.

Kull proposta għal qafas għandha:

(a)

tikkontribwixxi biex jintlaħqu miri indikattivi nazzjonali;

(b)

tkun kompatibbli mal-principji tas-suq intern ta’ l-elettriku;

(ċ)

tqis il-karatteristiċi tad-diversi sorsi ta’ enerġija rinovabbli, flimkien mat-teknoloġiji differenti, u d-differenzi ġeografiċi;

(d)

tippromwovi l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinovabbli b’mod effettiv, u tkun sempliċi u, fl-istess ħin, effiċjenti kemm jista’ jkun, partikolarment f’termini ta’ spiża;

(e)

tinkludi perjodi transitorji suffiċjenti għal sistemi ta’ appoġġ nazzjonali għal mill-anqas seba’ snin u żżomm l-kunfidenza ta’ l-investitur.”

10

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/77, kien jipprovdi, taħt it-titolu “Garanzija ta’ l-oriġini ta’ l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli [li jiġġeddu]”:

“1.   L-Istati Membri għandhom, mhux aktar tard mis-27 ta’ Ottubru 2003, jiżguraw li l-oriġini ta’ l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli tista’ tkun iggarantita bħala tali fit-tifsira ta’ din id-Direttiva skond l-oġġettiv, kriterji trasparenti u mhux diskrimatorji preskritti f’kull Stat Membru. Għandhom jiżguraw li garanzija ta’ l-oriġini tinħareġ f’dan is-sens b’risposta għal talba.

2.   L-Istati Membri jistgħu jaħtru korp wieħed kompetenti jew aktar, indipendenti minn attivitajiet ta’ ġenerazzjoni u distribuzzjoni, biex ikun sorveljat il-ħruġ ta’ dawn il-garanziji ta’ l-oriġini.

3.   Garanzija ta’ l-oriġini għandha:

tispeċifika s-sorsi ta’ l-enerġija minn fejn kien prodott l-elettriku, waqt li jkunu speċifikati d-dati u l-postijiet ta’ produzzjoni, u fil-każ ta’ stallazzjonijiet idroelettriċi, tindika l-kapaċità;

isservi biex tippermetti l-produtturi ta’ l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli biex jintwera li l-elettriku li jbiegħu huwa prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli fit-tifsira ta’ din id-Direttiva.

4.   Dawn il-garanziji ta’ oriġini, maħruġa skond il-paragrafu 2, għandhom ikunu rikonoxxuti reċiprokament mill-Istati Membri, esklussivament bħala prova ta’ l-elementi msemmija fil-paragrafu 3. Kull rifjut biex tkun rikonoxxuta garanzija ta’ l-oriġini ta’ din il-prova, partikolarment għal raġunijiet dwar il-prevenzjoni ta’ frodi, għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorju. Fil-każ ta’ rifjut għar-rikonoxximent ta’ garanzija ta’ oriġini, il-Kummissjoni tista’ ġġiegħel lill-parti li qed tirrifjutaha, partikolarment fir-rigward ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji li fuqhom huwa bbażat ir-rikonoxximent.

5.   L-Istati Membri jew il-korpi kompetenti għandhom idaħħlu fis-seħħ mekkaniżmi xierqa biex jiżguraw li ġaranziji ta’ l-oriġini huma kemm preċiżi u affidabbli u għandhom juru fir-rapport msemmi fl-Artikolu 3(3) il-miżuri meħuda biex jiżguraw l-affidabbiltà tas-sistema ta’ garanzija.

6.   Wara li tkun ikkonsultat l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha, fir-rapport msemmi fl-Artikolu 8, tikkunsidra l-forma u l-metodi li l-Istati Membri jistgħu jsegwu biex jiggarantixxu l-oriġini ta’ l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli. Jekk meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tipproponi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill l-adozzjoni ta’ regoli komuni f’dan ir-rigward.”

11

Kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tiegħu, l-Anness tad-Direttiva 2001/77 jipprovdi valuri ta’ referenza għall-istabbiliment ta’ miri indikattivi nazzjonali dwar l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva għall-iffissar tal-miri indikattivi nazzjonali dwar l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu, kif imsemmija fl‑Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva. Mit-tabella li tinsab f’dan l-anness u mill-ispjegazzjonijiet relatati miegħu jirriżulta li l-imsemmija valuri ta’ referenza jikkonċernaw, fir-rigward ta’ kull Stat Membru, minn naħa, il-“produzzjoni nazzjonali” ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu fl-1997, u min-naħa l-oħra, il-parti, f’perċentwali, għas-snin 1997 u 2010 rispettivament, tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu fil-konsum tal-elettriku, peress li din il-parti hija “bbażat[a] fuq il-produzzjoni nazzjonali ta’ [elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu] diviż mill-konsum gross nazzjonali ta’ l-elettriku”.

Id-dritt Taljan

12

L-Artikolu 11(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 79 dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva 96/92/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (decreto legislativo n. 79 — Attuazione della direttiva 96/92/CE recante norme comuni per il mercato interno dell’energia elettrica), tas-16 ta’ Marzu 1999 (GURI Nru 75, tal-31 ta’ Marzu 1999, p. 8, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 79/1999”), jobbliga lill-operaturi li jkunu pproduċew jew importaw elettriku sabiex jintroduċu, fis-sena ta’ wara, fin-netwerk nazzjonali, kwota ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu (iktar ’il quddiem l-“elettriku aħdar”) ġej minn installazzjonijiet li bdew joperaw jew li kienu żiedu l-produzzjoni tagħhom wara d-dħul fis-seħħ ta’ dak id-digriet. Skont l-Artikolu 11(3), huwa inter alia possibbli li jissodisfaw dan l-obbligu billi jixtru din il-kwota kollha jew parti minnha mingħand produtturi oħrajn, sakemm l-elettriku introdott fin-netwerk nazzjonali jkun aħdar, jew billi jixtru ċertifikati ħodor mingħand l-amministratur tan-netwerk nazzjonali msejjaħ, mill-1 ta’ Novembru 2005, Gestore servizi energetici GSE SpA (iktar ’il quddiem “GSE”). Il-produtturi u l-importaturi kkonċernati għandhom, għaldaqstant, jew jippreżentaw ċertifikati li jikkonfermaw li kwota ta’ elettriku prodotta jew importata ġiet prodotta minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu, jew jixtru ċertifikati ħodor.

13

L-Artikolu 4(6) tad-Digriet Ministerjali li jistabbilixxi regoli ta’ implementazzjoni ta’ standards fil-qasam tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu previsti fl-Artikolu 11(1), (2) u 3 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 79 tas-16 ta’ Marzu 1999 (decreto ministeriale — Direttive per l’attuazione delle norme in materia di energia elettrica da fonti rinnovabili di cui ai commi 1, 2 e 3 dell’articolo 11 del decreto legislativo 16 marzo 1999, n. 79), tal-11 ta’ Novembru 1999 (GURI Nru 292, tal-14 ta’ Diċembru 1999, p. 26, iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali tal-11 ta’ Novembru 1999”), jipprovdi:

“L-obbligu stabbilit fl-Artikolu 11(1) u (2) tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 79/1999] jista’ jiġi eżegwit billi jiġi importat, għal kollox jew parzjalment, elettriku prodott f’installazzjonijiet li bdew joperaw wara l‑1 ta’ April 1999, li jkollhom sorsi li jiġġeddu, sakemm dawn l-installazzjonijiet ikun jinsabu f’pajjiżi barranin li jadottaw strumenti analogi ta’ promozzjoni u ta’ inkoraġġament ta’ sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu, bbażati fuq mekkaniżmi tas-suq li jirrikonoxxu l-istess possibbiltà għal installazzjonijiet li jinsabu fl-Italja. F’dan il-każ, it-talba msemmija fil-paragrafu 3 għandha titressaq mid-detentur tal-obbligu fl-istess ħin mal-kuntratt tax-xiri tal-elettriku prodott mill-installazzjoni u mat-titolu li jawtorizza d-dħul ta’ dan l-elettriku fin-netwerk nazzjonali. Id-data kollha għandha tiġi ċċertifikata mill-awtorità maħtura skont l-Artikolu 20(3) tad-Direttiva 96/92/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 3)] fil-pajjiż fejn tinstab l-installazzjoni. Fil-każ ta’ pajjiżi li ma humiex membri tal-Unjoni Ewropea, l-aċċettazzjoni tat-talba hija suġġetta għall-konklużjoni ta’ ftehim bejn l-amministratur tan-netwerk nazzjonali u l-awtorità lokali analoga li tiddetermina l-modalitajiet tal-verifiki meħtieġa”.

14

Skont l-Artikolu 20(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 387 fuq l-implementazzjoni tad-Direttiva 2001/77/KE dwar il-promozzjoni tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu fis-suq intern tal-elettriku (decreto legislativo n. 387 — Attuazione della direttiva 2001/77/CE relativa alla promozione dell’energia elettrica prodotta da fonti energetiche rinnovabili nel mercato interno dell’elettricità), tad-29 ta’ Diċembru 2003 (Suppliment ordinarju mal-GURI Nru 25, tal-31 ta’ Jannar 2004, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 387/2003”), l-operaturi li jimportaw elettriku prodott fi Stati Membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea jistgħu jitolbu lil GSE eżenzjoni mill-obbligu li jinxtraw ċertifikati ħodor previst fl-Artikolu 11 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 79/1999 għall-parti tal-elettriku aħdar importat, filwaqt li jippreżentaw kopja ċċertifikata tal-garanzija tal-oriġini maħruġa skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/77. Fil-każ ta’ importazzjoni ta’ elettriku prodott fi Stat terz, l-imsemmi Artikolu 20(3) jissuġġetta din l-eżenzjoni għall-konklużjoni, bejn ir-Repubblika Taljana u l-Istat terz ikkonċernat, ta’ ftehim li jipprevedi li l-elettriku kkonċernat huwa prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu u ggarantit bħala tali skont l-istess modalitajiet bħal dawk previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/77.

15

Ftehim bħal dan ġie konkluż fis-6 ta’ Marzu 2007 bejn il-ministeri Taljani kompetenti u d-Dipartiment Federali Svizzeru tal-Ambjent, tat-Trasport, tal-Enerġija u tal-Komunikazzjonijiet. Dan il-ftehim jistabbilixxi r-rikonoxximent reċiproku tal-garanziji ta’ oriġini għal dak li jirrigwarda l-elettriku importat mis-sena 2006, sena li matulha l-Konfederazzjoni Svizzera għaddiet leġiżlazzjoni li tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/77.

16

Skont l-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 387/2003, huwa l-obbligu ta’ GSE li jikkontrolla l-osservanza tal-obbligu previst fl-Artikolu 11 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 79/1999 u li tirrapporta l-każijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni lill-AEEG li, f’każijiet bħal dawn, għandha l-kompetenza sabiex timponi s-sanzjonijiet li tipprevedi l-Liġi Nru 481 dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni u l-leġiżlazzjoni ta’ servizzi ta’ użu pubbliku — Ħolqien ta’ awtoritajiet regolatorji għal servizzi ta’ użu pubbliku (legge n. 481 — Norme per la concorrenza e la regolazione dei servizi di pubblica utilità. Istituzione delle Autorità di regolazione dei servizi di pubblica utilità), tal-14 ta’ Novembru 1995 (Suppliment ordinarju mal-GURI Nru 270, tat-18 ta’ Novembru 1995).

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

Matul is-sena 2005, Green Network importat fl-Italja 873 855 MWh ta’ elettriku mill-Isvizzera, permezz ta’ kuntratt ta’ provvista konkluż mal-kumpannija Svizzera Aar e Ticino SA di Elettricità. Skont id-dikjarazzjonijiet bil-miktub ta’ din tal-aħħar, dan l-elettriku kien ġie prodott fl-Isvizzera minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu.

18

Skont l-Artikolu 20(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 387/2003, Green Network talbet lil GSE eżenzjoni, għas-sena 2006, mill-obbligu li tixtri ċertifikati ħodor previst fl-Artikolu 11 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 79/1999, għal dak li jikkonċerna l-kwantitajiet ta’ elettriku hekk importat mill-Isvizzera.

19

Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Lulju 2006, GSE ċaħad din it-talba għar-raġuni li, matul is-sena 2005, ir-Repubblika Taljana u l-Konfederazzjoni Svizzera kienu għandhom ma kkonkludewx ftehim bħal dak imsemmi fl-Artikolu 20(3). Konsegwentement, GSE ordna lil Green Network tixtri 378 ċertifikati ħodor, għall-ammont globali ta’ EUR 2 367 792. Billi Green Network ma kkonformatx ma’ din l-ordni, l-AEEG imponietilha, permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Jannar 2011, multa amministrattiva ta’ EUR 2 466 450.

20

Peress li r-rikors ippreżentat minn Green Network kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud mit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (qorti amministrattiva reġjonali għall-Lombardia), din il-kumpannija appellat mis-sentenza mogħtija minn din il-qorti quddiem il-Consiglio di Stato (Kunsill tal-Istat). Insostenn ta’ dan l-appell, Green Network tirrepeti, b’mod partikolari, l-argument tagħha mressaq fl-ewwel istanza li jipprovdi li l-Artikolu 20(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 387/2003 huwa inkompatibbli mal-Artikoli 3(2) TFUE u 216 TFUE, inkwantu l-Unjoni għandha kompetenza esterna esklużiva sabiex tikkonkludi ftehim bħal dak previst mill-imsemmija dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali.

21

Barra minn hekk, Green Network issostni li, fid-dawl ta’ din inkompatibbiltà, l-Artikolu 4(6) tad-Digriet Ministerjali tal-11 ta’ Novembru 1999 għandu japplika bħal fil-passat. F’dan il-kuntest, Green Network tallega li l-ftehim bejn operaturi ta’ netwerks dwar ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati li din id-dispożizzjoni tal-aħħar teħtieġ kien ġie effettivament konkluż b’mod taċitu bejn Gestore della Rete di Transmissione Nazionale (GRTN), l-operatur tan-netwerk nazzjonali li tiegħu GSE kienet is-suċċessur, u l-operatur analogu Svizzeru.

22

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li, fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, bħala risposta għall-ewwel u t-tieni domandi preliminari li hija għamlitilha, li dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 20(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 387/2003 tmur kontra l-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni, dan il-każ ikun effettivament irregolat mill-Artikolu 4(6) tad-Digriet Ministerjali tal-11 ta’ Novembru 1999. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis ukoll neċessarju li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja t-tielet u r-raba’ domandi preliminari li huma relatati ma’ din id-dispożizzjoni nazzjonali tal-aħħar.

23

Huwa f’dan il-kuntest li l-Consiglio di Stato ddeċieda li jissospendi l -proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikoli 3(2) [TFUE] u 216 TFUE — li fuq il-bażi tagħhom l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi ftehim internazzjonali meta l-konklużjoni ta’ ftehim huwa previst minn att leġiżlattiv tal-Unjoni jew huwa neċessarju sabiex tkun tista’ teżerċita l-kompetenza interna tagħha jew jista’ jeffettwa r-regoli komuni jew jibdel il-portata tagħhom, bil-konsegwenza doppja li s-setgħa li tikkonkludi ma’ Stat terz ftehim li jaffettwa r-regoli komuni jew jibdel il-portata tagħhom jew li jaffettwa qasam li huwa kompletament irregolat mid-dritt Komunitarju u jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni tiġi kkonċentrata f’idejn l-Unjoni nfisha u li din is-setgħa ma tibqax tappartjeni lill-Istati Membri, la individwalment u lanqas kollettivament — kif ukoll l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/77[...] jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali (l-Artikolu 20(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 387/2003) li tissuġġetta r-rikonoxximent tal-garanziji ta’ oriġini mogħtija minn Stati terzi għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali speċifiku bejn l-Istat Taljan u l-Istat terz?

2)

L-istess regoli tad-dritt Komunitarju jipprekludu l-leġiżlazzjoni nazzjonali hawn fuq imsemmija fil-każ li l-Istat terz huwa l-Konfederazzjoni Svizzera, li hija marbuta mal-Unjoni Ewropea permezz ta’ ftehim ta’ kummerċ ħieles konkluż fit-22 ta’ Lulju 1972 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1973?

3)

Ir-regoli tad-dritt Komunitarja msemmija fl-ewwel domanda jipprekludu d-dispożizzjoni nazzjonali prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Digriet Ministerjali tal-11 ta’ Novembru 1999 li jipprovdi li, fil-każ ta’ importazzjoni ta’ elettriku minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Unjoni Ewropea, l-aċċettazzjoni tat-talba hija suġġetta għall-konklużjoni ta’ ftehim bejn l-operatur tan-netwerk nazzjonali u l-awtorità lokali simili li jiddetermina l-modalitajiet għall-verifiki neċessarji?

4)

L-istess regoli tad-dritt Komunitarju jipprekludu b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni nazzjonali hawn fuq imsemmija meta l-ftehim imsemmi fl-Artikolu 4(6) tad-Digriet Ministerjali tal-11 ta’ Novembru 1999 huwa ftehim purament taċitu, li ma ġie qatt espost f’att uffiċjali u li huwa s-suġġett ta’ sempliċi affermazzjoni tar-rikorrenti, li ma hijiex f’pożizzjoni li tispeċifika d-dettalji tiegħu?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

24

Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tagħhom, id-domandi preliminari essenzjalment jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3(2) TFUE u 216 TFUE.

25

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-kawża prinċipali hija relatata mal-kontestazzjoni ta’ deċiżjoni tal-AEEG li permezz tagħha ġiet imposta fuq Green Network multa amministrattiva minħabba li din tal-aħħar ma kinitx issodisfat l-obbligu tagħha li tixtri ċertifikati ħodor għas-sena 2006. F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tal-fatt li t-Trattat ta’ Lisbona daħal fis-seħħ biss fl-1 ta’ Diċembru 2009, sabiex tingħata risposta għall-kwistjonijiet imqajma mid-domandi magħmula, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE imsemmija mill-qorti tar-rinviju iżda, kif sostnew b’mod partikolari GSE, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni, ir-regoli relatati mal-kompetenza esterna esklużiva tal-Komunità kif jirriżultaw mit-Trattat KE.

26

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fost id-diversi każijiet ta’ kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni li issa jinsabu stabbiliti fl-Artikolu 3(2) TFUE, huwa biss dak imsemmi fl-aħħar parti tas-sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri s-sitwazzjoni li fiha l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali “tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom”, li jidher li fuqu huma bbażati d-domandi tal-qorti tar-rinviju u li huwa rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża.

27

Issa, il-kliem użat f’din l-aħħar parti tas-sentenza jikkorrispondu għal dawk li għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 22 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il‑Kunsill imsejħa “ERTA” (22/70, EU:C:1971:32), iddefinixxiet in-natura tal-impenji internazzjonali li l-Istati Membri huma pprojbiti milli jieħdu barra mill-kuntest tal-istituzzjonijiet tal-Komunità, meta jkunu ġew adottati regoli komuni minn din tal-aħħar sabiex twettaq l-għan tat-Trattat (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑114/12, EU:C:2014:2151, punt 66).

28

Konsegwentement, id-domandi preliminari għandhom jinftiehmu, f’dan il-każ, bħala li jirreferu għall-kompetenza esterna esklużiva tal-Komunità fis-sens tal-ġurisprudenza mibdija mill-imsemmija sentenza ERTA (EU:C:1971:32) u żviluppata minn hemmhekk (iktar ’il quddiem il-“kompetenza esterna esklużiva fis-sens tal-ġurisprudenza ERTA”).

29

Skont l-imsemmija ġurisprudenza, jeżisti riskju li r-regoli komuni tal-Komunità jiġu ppreġudikati minn impenji internazzjonali meħuda mill-Istati Membri, jew li tinbidel il-portata ta’ dawn ir-regoli, li jkun tali li jiġġustifika kompetenza esterna esklużiva tagħha, meta dawn l-impenji jkunu jaqgħu fil-qasam tal-applikazzjoni tal-imsemmija regoli (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il‑Kunsill, EU:C:2014:2151, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll l-Opinjoni 1/13, EU:C:2014:2303, punt 71).

30

Il-konstatazzjoni ta’ tali riskju ma tippresupponix li l-qasam kopert bl-impenji internazzjonali u dak kopert mil-leġiżlazzjoni tal-Komunità jkunu jaqblu kompletament (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, EU:C:2014:2151, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll l-Opinjoni 1/13, EU:C:2014:2303, punt 72).

31

B’mod partikolari, il-portata tar-regoli tal-Komunità tista’ tiġi affettwata jew mibdula minn tali impenji internazzjonali meta dawn tal-aħħar ikunu jaqgħu f’qasam li fil-parti l-kbira tiegħu jkun diġà kopert minn tali regoli (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Kunsill, EU:C:2014:2151, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll l-Opinjoni 1/13, EU:C:2014:2303, punt 73).

32

Barra minn hekk, l-Istati Membri ma jistgħux jieħdu tali impenji barra mill-kuntest tal-istituzzjonijiet tal-Komunità u dan anki fl-assenza tal-possibbiltà li jkun hemm kontradizzjonijiet bejnhom u r-regoli komuni tal-Komunità (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, EU:C:2014:2151, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Fid-dawl ta’ dan, peress li l-Komunità għandha biss kompetenzi mogħtija lilha, l-eżistenza ta’ kompetenza, li barra minn hekk hija ta’ natura esklużiva, għandha tkun ibbażata fuq konklużjonijiet misluta minn analiżi globali u konkreta tar-relazzjonijiet li jeżistu bejn il-ftehim internazzjonali previst u d-dritt tal-Komunità fis-seħħ. Din l-analiżi għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-oqsma koperti, rispettivament, mir-regoli tal-Komunità u mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim previst, l-iżvilupp prevedibbli tagħhom fil-ġejjieni, kif ukoll in-natura u l-kontenut ta’ dawn ir-regoli u dispożizzjonijiet, sabiex jiġi vverifikat jekk il-ftehim inkwistjoni jistax jippreġudika l-applikazzjoni uniformi u koerenti tar-regoli tal-Komunità u l-funzjonament tajjeb tas-sistema li huma jistabbilixxu (ara l-Opinjoni 1/13, EU:C:2014:2303, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq l-ewwel domanda

34

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fid-dawl tal-eżistenza tad-Direttiva 2001/77 u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tagħha, it-Trattat KE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Komunità għandha kompetenza esterna esklużiva, fis-sens tal-ġurisprudenza ERTA, li tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-għoti ta’ eżenzjoni mill-obbligu li jinxtraw ċertifikati ħodor dovut għall-introduzzjoni, fis-suq nazzjonali tal-konsum, ta’ elettriku importat minn Stat terz, permezz ta’ konklużjoni minn qabel, bejn l-Istat Membru u l-Istat terz ikkonċernat, ta’ ftehim li permezz tiegħu l-elettriku hekk importat huwa ggarantit bħala elettriku aħdar, skont modalitajiet identiċi għal dawk li jipprevedi l-imsemmi Artikolu 5 (iktar ’il quddiem l-“ewwel dispożizzjoni nazzjonali kontenzjuża”).

35

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2001/77 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 175 KE, li d-dispożizzjonijiet tagħha ġew riprodotti fl-Artikolu 192 TFUE, dwar il-politika tal-Komunità fil-qasam tal-ambjent, liema qasam kien jipprevedi kompetenza kondiviża bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 49).

36

F’dan il-kuntest, u kif jirriżulta b’mod partikolari mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 29 sa 33 tas-sentenza preżenti, l-eżistenza possibbli ta’ kompetenza esterna esklużiva tal-Komunità li hija tali li tipprekludi regola bħal dik tal-ewwel dispożizzjoni nazzjonali kontenzjuża tiddependi, f’dan il-każ, fuq il-kwistjoni dwar jekk ftehim tat-tip bħal dak li tiegħu l-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi l-konklużjoni jistax jippreġudika d-dispożizzjonijiet komuni inklużi fid-Direttiva 2001/77 jew ibiddel il-portata tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-sempliċi fatt li, fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, ma kien għadu effettivament ġie konkluż ebda ftehim ta’ dan it-tip bejn ir-Repubblika Taljana u l-Konfederazzjoni Svizzera ma huwiex tali li jeskludi l-eżistenza ta’ ksur possibbli tal-kompetenza esterna esklużiva tal-Komunità.

38

Fil-fatt, billi tissuġġetta l-benefiċċju tal-vantaġġ li hija tagħti lill-importaturi tal-elettriku għall-konklużjoni minn qabel ta’ tali ftehim internazzjonali, dispożizzjoni bħal dik tal-ewwel dispożizzjoni nazzjonali kontenzjuża tagħti bidu għal proċess tali li jwassal sabiex din il-konklużjoni fil-fatt titwettaq, u dan ikun biżżejjed, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 83 sa 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex jippreġudika l-kompetenza esterna esklużiva tal-Komunità, jekk jiġi preżunt li din il-kompetenza hija stabbilita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑45/07, EU:C:2009:81, punti 21 sa 23).

39

Għal dak li jirrigwarda l-qasam kopert mill-ftehimiet li l-konklużjoni tagħhom hija hekk prevista mill-ewwel dispożizzjoni nazzjonali kontenzjuża u mill-kontenut tagħhom, għandu jitfakkar li dawn il-ftehimiet essenzjalment għandhom l-għan li jiddeterminaw taħt liema kundizzjonijiet u skont liema modalitajiet elettriku prodott fi Stat terz u importat fi Stat Membru għandu jiġi ċċertifikat bħala elettriku aħdar mill-awtoritajiet tal-imsemmi Stat terz biex ikun jista’ jiġi rrikonoxxut bħala tali fis-suq intern tal-konsum tal-elettriku ta’ dan l-Istat Membru, b’mod partikolari fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ skema nazzjonali ta’ appoġġ għall-konsum ta’ enerġija ħadra stabbilita mill-imsemmi Stat Membru.

40

Għal dak li jikkonċerna l-qasam kopert mid-dispożizzjonijiet rilevanti inkluż għal dan ir-rigward id-Direttiva 2001/77 u l-kontenut tagħha, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3 sa 5 tagħha.

41

Minn naħa, u għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, li għalih jirreferu espressament id-domandi preliminari, għandu ċertament jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta kemm mill-formulazzjoni kif ukoll mill-istruttura ta’ dan l-artikolu, il-garanziji tal-oriġini intiżi sabiex jiċċertifikaw li l-elettriku ġie prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu, li għalihom l-imsemmi artikolu jipprevedi l-ħruġ tagħhom mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, jikkonċernaw esklużivament l-elettriku prodott f’postijiet li jinsabu fil-ġurisdizzjoni tagħhom u mhux dak li huwa prodott fi Stati terzi.

42

Madankollu, dan ma jaffettwax il-fatt li l-imsemmi artikolu għandu l-għan li jarmonizza l-kundizzjonijiet li taħthom u l-mekkaniżmi li skonthom, elettriku jista’ u għandu jiġi awtentikat, fl-Istati Membri u fi ħdan il-Komunità, bħala li huwa elettriku aħdar u jiġi rikonoxxut bħala tali fis-suq intern tal-konsum tal-elettriku.

43

Għaldaqstant, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/77 jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-oriġini tal-elettriku aħdar, kif iddefinita fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, tista’ tiġi ggarantita bħala tali, skont kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji, iddefiniti minn kull Stat Membru, u li jiżguraw li jinħarġu garanziji tal-oriġini għal dan il-għan bħala risposta għal talba.

44

Fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(3) tagħha, l-imsemmija direttiva tipprevedi, b’mod partikolari, li l-garanziji tal-oriġini jsemmu s-sors tal-enerġija li minnha jkun ġie prodott l-elettriku u jispeċifikaw id-dati u l-postijiet ta’ produzzjoni. Skont l-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jew il-korpi kompetenti maħtura minnhom għandhom idaħħlu fis-seħħ mekkaniżmi xierqa biex jiżguraw li l-garanzija tal-oriġini tkun kemm preċiża kif ukoll affidabbli.

45

Għal dak li jirrigwarda l-finalità tal-imsemmija garanziji tal-oriġini, il-premessa 10 tad-Direttiva 2001/77 tipprovdi li dawn huma meħtieġa sabiex ikun iffaċilitat il-kummerċ fl-elettriku aħdar u sabiex tiżdied it-trasparenza għall-għażla tal-konsumatur bejn tali elettriku u elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li ma jiġġeddux. It-tieni inċiż tal-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva jippreċiża li dawn il-garanziji tal-oriġini għandhom l-għan li jippermettu lill-produtturi tal-elettriku, li jużaw sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu, jistabbilixxu li l-elettriku li jbigħu huwa prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu.

46

Skont l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2001/77, il-garanziji tal-oriġini għandhom ikunu rrikonoxxuti reċiprokament mill-Istati Membri esklużivament bħala prova tal-elementi msemmija fl-Artikolu 5(3) tagħha.

47

Issa, għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li ftehimiet bħal dawk li l-ewwel dispożizzjoni nazzjonali kontenzjuża tipprevedi l-konklużjoni tagħhom bejn ir-Repubblika Taljana u Stat terz huma preċiżament intiżi sabiex jiżguraw li garanziji tal-oriġini maħruġa mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat terz ikunu, l-istess bħall-garanziji tal-oriġini maħruġa fl-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/77 u permezz tal-osservanza ta’ kundizzjonijiet analogi għal dawk li jipprevedu l-istess dispożizzjonijiet, rikonoxxuti fis-suq tal-konsum ta’ dan l-Istat Membru, bħala li jikkonfermaw in-natura ħadra, fis-sens ta’ din id-direttiva, tal-elettriku importat mill-imsemmi Stat terz.

48

Ftehim bħal dan huwa għalhekk tali li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu armonizzat ta’ ċertifikazzjoni tiegħu għall-garanziji tal-oriġini maħruġa mill-Istati Membri, stabbilit fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/77, billi jippermetti, b’mod partikolari, lill-garanziji tal-oriġini maħruġa fi Stati terzi jibbenefikaw, fis-suq intern tal-konsum tal-elettriku tal-Istat Membru kkonċernat, minn status analogu għal dak li jgawdu minnhom, b’mod partikolari għall-finijiet speċifiċi li jiġi ffaċilitat il-kummerċ u li tiżdied it-trasparenza fil-konfront tal-konsumaturi mfakkra fil-punt 45 tas-sentenza preżenti, il-garanziji tal-oriġini maħruġa fl-Istati Membri.

49

Minn dan isegwi li ftehim ta’ dan it-tip jista’ jbiddel il-portata tar-regoli komuni inklużi fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/77.

50

Min-naħa l-oħra, u rigward il-fatt li l-garanziji tal-oriġini maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat terz, skont ftehim bħal dak li l-ewwel dispożizzjoni nazzjonali kontenzjuża tipprevedi l-konklużjoni tiegħu, huma partikolarment intiżi sabiex jiġu rrikonoxxuti fil-kuntest ta’ sistema nazzjonali ta’ appoġġ għall-konsum ta’ elettriku aħdar, li jippermettu lid-detentur tagħhom jiġi eżentat mill-obbligu li jixtri ċertifikati ħodor, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

51

Huwa minnu li mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/77 u mill-premessa 15 tagħha, jirriżulta li filwaqt li tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jadottaw tali skemi ta’ appoġġ, din id-direttiva ma tadotta ebda qafas Komunitarju għal dak li jikkonċernahom (ara s-sentenza IBV & Cie, C‑195/12, EU:C:2013:598, punt 63).

52

Għaldaqstant, għal dak li jirrigwarda l-forma li jista’ jkollhom il-mekkaniżmi ta’ appoġġ, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 14 tad-Direttiva 2001/77 sempliċement telenka d-diversi tipi ta’ miżuri li ġeneralment jużaw l-Istati Membri għal dan l-iskop, jiġifieri ċ-ċertifikati ħodor, għajnuna għall-investiment, eżenzjonijiet jew tnaqqis mit-taxxa, rimbors ta’ taxxa jew skemi ta’ appoġġ dirett għall-prezzijiet (ara s-sentenza IBV & Cie, EU:C:2013:598, punt 64).

53

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva lanqas ma jinkludi ebda indikazzjoni partikolari dwar il-kontenut tal-miżuri ta’ appoġġ li l-adozzjoni tagħhom hija inkoraġġuta mil-leġiżlatur Komunitarju, ħlief għall-indikazzjoni li jipprovdu li tali miżuri huma ta’ natura li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għanijiet iddefiniti fl‑Artikoli 6 u 174(1) KE (ara s-sentenza IBV & Cie, EU:C:2013:598, punt 65).

54

Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li d-Direttiva 2001/77 tagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ għall-finijiet tal-adozzjoni u tal-implementazzjoni ta’ tali skemi ta’ appoġġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza IBV & Cie, EU:C:2013:598, punt 80).

55

Madankollu, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/77, din għandha l-għan li tippromwovi ż-żieda tal-kontribut ta’ sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu fil-produzzjoni tal-elettriku fis-suq intern tal-elettriku. Il-premessa 1 ta’ din id-direttiva tenfasizza li l-potenzjal għall-isfruttament ta’ sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu ma huwiex użat biżżejjed fil-preżent u tirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu promossi bi prijorita sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu, sa fejn l-isfruttament tagħhom jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli u dan jista’, barra minn hekk, joħloq ukoll impjiegi lokali, ikollu impatt pożittiv fuq il-koeżjoni soċjali, jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista u jagħmilha possibbli li jintlaħqu l-miri ta’ Kyoto iktar malajr.

56

Barra minn hekk, mill-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2001/77, moqri flimkien mal-anness tagħha, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jiffissaw miri indikattivi nazzjonali għall-konsum futur tal-elettriku aħdar, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħala valuri ta’ referenza, minn naħa, il-“produzzjoni nazzjonali” ta’ elettriku aħdar fl‑1997 u, min-naħa l-oħra, il-parti f’termini ta’ perċentwali, rispettivament għas-snin 1997 u 2010, tal-elettriku aħdar fil-konsum gross tal-elettriku, fejn din il-parti hija kkalkolata mill-“produzzjoni nazzjonali” ta’ elettriku aħdar diviża bil-konsum intern gross tal-elettriku (ara s-sentenza Essent Belgium, C‑204/12 sa C‑208/12, EU:C:2014:2192, punt 67).

57

Minn dan isegwi, b’mod partikolari li l-mekkaniżmi ta’ appoġġ nazzjonali għall-produtturi tal-elettriku msemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/77, li huma inter alia użati sabiex jikkontribwixxu għat-twettiq mill-Istati Membri ta’ dawn il-miri indikattivi nazzjonali rispettivi, għandhom fil-prinċipju jwasslu għal żieda fil-produzzjoni interna ta’ elettriku aħdar (sentenza Essent Belgium, EU:C:2014:2192, punt 68).

58

Barra minn hekk, mit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2001/77 moqri flimkien mal-anness tagħha, jirriżulta li l-miri indikattivi nazzjonali għandhom ikunu kompatibbli mal-mira indikattiva globali fil-livell tal-Komunità nnifisha.

59

Issa, kif issostni l-Kummissjoni f’dan ir-rigward, il-fatt li Stat Membru jikkonkludi ftehim ma’ Stat terz sabiex tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-funzjonament tajjeb ta’ skema ta’ appoġġ nazzjonali, in-natura ħadra tal-elettriku prodott f’dan l-istat terz jista’ jinterferixxi, minn naħa, mal-għanijiet tad-Direttiva 2001/77, imfakkra fil-punt 55 tas-sentenza preżenti u, min-naħa l-oħra, mal-obbligu tal-Istati Membri li jżidu l-produzzjoni tagħhom ta’ elettriku aħdar b’mod li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-miri nazzjonali indikattivi li huma allokati lilhom skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva u li jipparteċipaw għalhekk fl-għan li tintlaħaq il-mira indikattiva globali fil-livell tal-Komunità nnifisha.

60

Il-konklużjoni ta’ tali ftehimiet mill-Istati Membri, fl-assenza ta’ kwalunkwe awtorizzazzjoni f’dan is-sens mid-Direttiva 2001/77 tista’, konsegwentement, tippreġudika l-funzjonament tajjeb tal-iskema li din id-direttiva tistabbilixxi kif ukoll l-għanijiet li hija trid tilħaq.

61

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 33 tas-sentenza preżenti, l-evalwazzjoni dwar il-kwistjoni li tirrigwarda qasam li fil-parti l-kbira tiegħu huwa diġà kopert minn regoli tal-Komunità teħtieġ b’mod partikolari li jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss l-istat attwali tad-dritt tal-Komunità fil-qasam ikkonċernat iżda wkoll l-iżvilupp tiegħu fil-ġejjieni, meta dawn ikunu prevedibbli fil-mument meta titwettaq din l-evalwazzjoni.

62

F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li għalkemm id-Direttiva 2001/77 ma tadottax, hekk kif għadu kif tfakkar, qafas Komunitarju għal dak li jikkonċerna l-iskema nazzjonali ta’ appoġġ għall-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu, il-leġiżlatur tal-Komunità madankollu pprovda espressament, fil-premessa 15 ta’ din id-direttiva u fl-Artikolu 4(2) tagħha, li l-Kummissjoni kienet mitluba tippreżenta sa mhux iktar tard mis-27 ta’ Ottubru 2005, rapport dwar l-esperjenza miksuba rigward l-applikazzjoni u l-koeżistenza tad-diversi mekkaniżmi ta’ appoġġ nazzjonali, u jkun akkumpanjat, jekk ikun meħtieġ, minn proposta għal qafas Komunitarju fir-rigward tal-imsemmija skemi ta’ appoġġ għall-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu, filwaqt li jippreċiża f’dan ir-rigward diversi karatteristiċi li tali qafas għandu jissodisfa.

63

Issa, l-ewwel dispożizzjoni nazzjonali kontenzjuża ġiet preċiżament adottata matul il-perijodu meta l-Kummissjoni kienet mitluba teżamina l-imsemmija esperjenza sabiex tippreżenta tali rapport u sabiex eventwalment jiġi adottat, mil-leġiżlatur tal-Komunità, dan il-qafas Komunitarju.

64

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, f’dan il-kuntest li, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, bid-differenza tas-sitwazzjoni li kienet teżisti taħt ir-reġim tad-Direttiva 2001/77, u kif jirriżulta mill-premessi 37 u 38 tad-Direttiva 2009/28 kif ukoll mill-Artikoli 9 u 10 ta’ din tal-aħħar, li ssostitwixxiet lid-Direttiva 2001/77, il-leġiżlatur Komunitarju ried b’mod partikolari jippreċiża, fil-kuntest ta’ din id-direttiva ġdida, il-kundizzjonijiet li taħthom l-elettriku aħdar prodott fi Stat terz u importat fi Stat Membru jista’, fil-kuntest ta’ kooperazzjoni stabbilita bejn l-imsemmija Stati, jittieħed inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, minn dan l-Istat Membru għat-twettiq tal-mira vinkolanti dwar il-parti tal-enerġija ħadra fil-konsum finali ta’ enerġija imposta fuqu mill-imsemmija direttiva.

65

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-Trattat KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/77, il-Komunità għandha kompetenza esterna esklużiva li tipprekludi dispożizzjoni bħall-ewwel dispożizzjoni nazzjonali kontenzjuża.

Fuq it-tieni domanda

66

Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tagħha, it-tieni domanda tirrigwarda, l-istess bħall-ewwel domanda, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3(2) TFUE u 216 TFUE. Għaldaqstant, u hekk kif jirriżulta mill-premessi esposti fil-punti 24 sa 28 tas-sentenza preżenti, din id-domanda għandha tinftiehem, fid-dawl ta’ din il-formulazzjoni, li tirrigwarda l-punt dwar jekk, minħabba l-eżistenza tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles, il-Komunità għandhiex kompetenza esterna esklużiva, fis-sens tal-ġurisprudenza ERTA, li tipprekludi dispożizzjoni bħal dik tal-ewwel dispożizzjoni nazzjonali kontenzjuża.

67

Peress li mir-risposta tal-ewwel domanda jirriżulta li minħabba l-eżistenza tad-Direttiva 2001/77 il-Komunità għandha kompetenza esterna esklużiva li tipprekludi tali dispożizzjoni nazzjonali, ma jidhirx li huwa iktar neċessarju li tingħata risposta għat-tieni domanda kif magħmula mill-qorti tar-rinviju.

Fuq it-tielet domanda

68

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fid-dawl tal-eżistenza tad-Direttiva 2001/77 u b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tagħha, it-Trattat KE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Komunità għandha kompetenza esterna esklużiva fis-sens tal-ġurisprudenza ERTA, li tipprekludi l-adozzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-għoti ta’ eżenzjoni mill-obbligu li jinxtraw ċertifikati ħodor dovut għall-introduzzjoni, fis-suq nazzjonali tal-konsum, ta’ elettriku importat minn Stat terz, permezz tal-konklużjoni minn qabel, bejn l-amministratur tan-netwerk nazzjonali u awtorità lokali analoga ta’ dan l-Istat terz, ta’ ftehim li jiddetermina l-modalitajiet ta’ verifika neċessarji sabiex jiġi ċċertifikat li l-elettriku hekk importat huwa elettriku aħdar (iktar ’il quddiem it-“tieni dispożizzjoni nazzjonali kontenzjuża”).

69

F’dan ir-rigward għandu ċertament jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, xejn ma jippermetti a priori li ftehim bħal dak previst u li jkun konkluż bejn korpi bħal amministratur ta’ netwerk nazzjonali u korp analogu ta’ Stat terz jista’ jikkostitwixxi ftehim li bih Stat Membru jieħu fir-rigward tal-imsemmi Stat terz, fis-sens tal-ġurisprudenza ERTA, “impenji internazzjonali” li jistgħu jippreġudikaw ir-regoli komuni tal-Komunità jew ibiddlu l-portata tagħhom. Fid-dawl tal-imsemmija elementi, ma jidhirx b’mod partikolari li tali ftehim huwa hekk li jesprimi rieda tal-Istati kkonċernati li jimpenjaw ruħhom skont id-dritt internazzjonali (ara, f’dan is-sens, fost oħrajn, l-Opinjoni 1/13, EU:C:2014:23023 punt 39).

70

Fil-kuntest tas-sentenza preżenti, huwa madankollu importanti li jitfakkar li l-qorti tar-rinviju tesponi li jekk fid-dawl tar-risposta tal-ewwel domanda preliminari jiġi kkonfermat li l-ewwel dispożizzjoni nazzjonali kontenzjuża ma għandhiex tapplika peress li tmur kontra kompetenza esterna esklużiva tal-Komunità, it-tieni dispożizzjoni nazzjonali kontenzjuża ma għandhiex tapplika fil-kawża prinċipali.

71

Madankollu, għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-għan tat-tieni dispożizzjoni nazzjonali kontenzjuża huwa simili għal dak tal-ewwel dispożizzjoni nazzjonali kontenzjuża. Fil-fatt, it-tieni dispożizzjoni nazzjonali kontenzjuża hija essenzjalment intiża, bħall-ewwel dispożizzjoni nazzjonali kontenzjuża, għall-implementazzjoni ta’ mekkaniżmi transkonfinali ddestinati li jikkonfermaw in-natura ħadra tal-elettriku importat minn Stat terz u mqiegħed fis-suq Taljan għall-konsum.

72

Għalkemm il-mekkaniżmi kkonċernati ma humiex iżjed, bħall-kuntest tal-ewwel dispożizzjoni nazzjonali kontenzjuża, ir-riżultat dirett ta’ ftehim internazzjonali konkluż bejn żewġ suġġetti tad-dritt internazzjonali u rregolati minnu, xorta jibqa’ l-fatt li l-implementazzjoni tagħhom isseħħ, skont l-awtorizzazzjoni normattiva li tipprevedi t-tieni dispożizzjoni nazzjonali kontenzjuża favur l-amministratur tan-netwerk nazzjonali, sabiex jiġu nnegozjati ma’ awtorità lokali analoga tal-Istat terz ikkonċernat.

73

Issa, kif l-Avukat Ġenerali rrileva wkoll fil-punt 103 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 10 KE, li d-dispożizzjonijiet tiegħu ġew riprodotti, wara emenda, fl-Artikolu 4(3) TUE, jipprekludi li, wara li l-kontradizzjoni mad-dritt Komunitarju ta’ dispożizzjoni bħal dik tal-ewwel dispożizzjoni nazzjonali kontenzjuża tkun ġiet għalhekk ikkonstatata u li din tal-aħħar, tkun ġiet miċħuda minn qorti nazzjonali, tiġi applikata permezz ta’ sostituzzjoni regola interna li, bħat-tieni dispożizzjoni nazzjonali kontenzjuża tkun sostanzjalment għal dik miċħuda.

74

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi li, wara li dispożizzjoni bħal dik tal-ewwel dispożizzjoni nazzjonali kontenzjuża tkun ġiet miċħuda minn qorti nazzjonali minħabba n-nuqqas ta’ konformità ta’ din id-dispożizzjoni ma’ dan id-dritt, l-imsemmija qorti tapplika, permezz ta’ sostituzzjoni, dispożizzjoni nazzjonali sostanzjalment analoga għall-imsemmija dispożizzjoni, bħat-tieni dispożizzjoni nazzjonali kontenzjuża.

Fuq ir-raba ’ domanda

75

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

Fuq l-ispejjeż

76

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

It-Trattat KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/77/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Settembru 2001, fuq il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli fis-suq intern tal-elettriku, il-Komunità Ewropea għandha kompetenza esterna esklużiva li tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-għoti ta’ eżenzjoni mill-obbligu li jinxtraw ċertifikati ħodor dovut għall-introduzzjoni, fis-suq nazzjonali tal-konsum, ta’ elettriku importat minn Stat terz, permezz tal-konklużjoni minn qabel, bejn l-Istat Membru u l-Istat terz ikkonċernat, ta’ ftehim li permezz tiegħu l-elettriku hekk importat huwa ggarantit bħala elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu, skont modalitajiet identiċi għal dawk li jipprevedi l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva.

 

2)

Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi li, wara li dispożizzjoni nazzjonali bħal dik imsemmija fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza preżenti tkun ġiet miċħuda minn qorti nazzjonali minħabba n-nuqqas ta’ konformità ta’ din id-dispożizzjoni ma’ dan id-dritt, l-imsemmija qorti tapplika, permezz ta’ sostituzzjoni, dispożizzjoni nazzjonali preċedenti, sostanzjalment analoga għall-imsemmija dispożizzjoni, li tipprevedi l-għoti ta’ eżenzjoni mill-obbligu li jinxtraw ċertifikati ħodor dovut għall-introduzzjoni, fis-suq nazzjonali tal-konsum, ta’ elettriku importat minn Stat terz, permezz tal-konklużjoni minn qabel, bejn l-amministratur tan-netwerk nazzjonali u awtorità lokali analoga ta’ dan l-Istat terz ikkonċernat, ta’ ftehim li jiddetermina l-modalitajiet ta’ verifika neċessarji sabiex jiġi ċċertifikat li l-elettriku hekk importat huwa elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.