SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

2 ta’ Ottubru 2014 ( *1 )

“Appell — Dritt ta’ smigħ — Dritt għal qorti legali — Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet — Rifjut parzjali li l-appellant jingħata aċċess għad-dokumenti inkwistjoni — Deċiżjoni inizjali ta’ rifjut — Ħolqien ta’ deċiżjoni impliċita ta’ rifjut — Sostituzzjoni ta’ deċiżjoni impliċita ta’ rifjut b’deċiżjonijiet espliċiti — Interess ġuridiku wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet espliċiti ta’ rifjut — Eċċezzjonijiet mill-aċċess għad-dokumenti — Salvagwardja tal-interess ta’ amministrazzjoni tajba — Protezzjoni tad-data personali u tal-interessi kummerċjali”

Fil-Kawża C‑127/13 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-15 ta’ Marzu 2013,

Guido Strack, stabbilit f’Köln (il-Ġermanja), irrappreżentat minn H. Tettenborn, Rechtsanwalt,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Conte u P. Costa de Oliveira, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça G. Arestis, J.-C. Bonichot (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Mejju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Bl-appell tiegħu, G. Strack jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Strack vs Il-Kummissjoni (T‑392/07, EU:T:2013:8, iktar ’il quddiem, is-“sentenza appellata”), sa fejn, b’din is-sentenza, din il-qorti ma laqgħetx it-talbiet kollha tiegħu intiżi għall-annullament ta’ diversi deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-talbiet tiegħu ta’ aċċess għal diversi dokumenti abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

2

Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat appell inċidentali intiż għall-annullament parzjali tas-sentenza appellata sa fejn, b’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset, minn naħa, li, mal-iskadenza tat-termini previsti fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, inħolqu deċiżjonijiet impliċiti ta’ rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti, li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni kisret id-dritt tar-rikorrent li jkollu aċċess għall-estratt tar-reġistru li l-Kummissjoni kellha tistabbilixxi skont l-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament, u li kellu jinkludi lista tad-deċiżjonijet ta’ ċaħda tat-talbiet konfermatorji ta’ aċċess adottati qabel l-1 ta’ Jannar 2005 (iktar ’il quddiem, “l-estratt tar-reġistru dwar id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ talbiet konfermatorji ta’ aċċess għad-dokumenti”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

3

B’posta elettronika tal-20 ta’ Ġunju 2007, l-appellant ressaq quddiem il-Kummissjoni talba inizjali ta’ aċċess għal dokumenti skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 fir-rigward ta’ tliet gruppi ta’ dokumenti.

4

L-appellant talab, fl-ewwel lok, l-aċċess għad-dokumenti kollha marbuta mat-talbiet konfermatorji kollha ta’ aċċess għal dokumenti li ġew miċħuda parzjalemnt jew totalment mill-Kummissjoni mill-1 ta’ Jannar 2005 (iktar ’il quddiem, id-“dokumenti marbuta mat-talbiet konfermatorji miċħuda”).

5

Huwa talab, fit-tieni lok, l-aċċess għall-estratt tar-reġistru dwar id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ talbiet konfermatorji ta’ aċċess għad-dokumenti.

6

Fit-tielet lok, huwa talab l-aċċess għad-dokumenti kollha marbuta mal-kawża li tat lok għas-sentenza Sequeira Wandschneider vs Il-Kummissjoni (T‑110/04, EU:T:2007:78, iktar ’il quddiem, id-“dokumenti marbuta mal-Kawża T‑110/04”).

7

Din it-talba inizjali ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni, irreġistrata mill-Kummissjoni fit-3 ta’ Lulju 2007, kienet is-suġġett ta’ skambju ta’ ittri bejn il-Kummissjoni u l-appellant. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni informat lill-appellant, b’ittra tal-24 ta’ Lulju 2007, li l-estratt tar-reġistru dwar id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ talbiet konfermatorji ta’ aċċess għad-dokumenti ma kienx jeżisti.

8

Mal-iskadenza tat-termini previsti fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1049/2001 għall-ipproċessar ta’ talbiet inizjali ta’ aċċess għal dokumenti u wara l-adozzjoni mill-Kummissjoni, fit-13 ta’ Awwissu 2007, ta’ deċiżjoni ta’ rifjut rigward l-aċċess għad-dokumenti marbuta mal-Kawża T‑110/04, l-appellant ressaq, fil-15 ta’ Awwissu 2007, “talba konfermatorja” ta’ aċċess skont l-Artikolu 7(2) u (4) tal-imsemmi regolament.

9

L-imsemmija talba kienet is-suġġett ta’ diversi deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba, li ġew adottati wara l-iskadenza tat-termini previsti fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 u wara l-preżentata tar-rikors li ta lok għas-sentenza appellata, jiġifieri fit-23 ta’ Ottubru 2007, fit-28 ta’ Novembru 2007, fil-15 ta’ Frar 2008 u fid-9 ta’ April 2008. B’dawn id-deċiżjonijiet, l-appellant kiseb aċċess għal numru kbir ta’ dokumenti li l-kontenut tagħhom ġie moħbi parzjalment sabiex tiġi protetta data personali jew interessi kummerċjali.

Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

10

B’rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Ottubru 2007, l-appellant talab l-annullament tad-deċiżjonijiet impliċiti u espliċiti ta’ rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti koperti mit-talbiet inizjali u konfermatorji tagħha ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni. Wara l-adozzjoni mill-Kummissjoni, wara l-preżentata tar-rikors, ta’ diversi deċiżjonijiet espliċiti li jirrifjutaw parzjalment l-aċċess għad-dokumenti mitluba, l-appellant estenda r-rikors tiegħu għal dawn id-deċiżjonijiet.

11

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, fl-assenza ta’ kwalunkwe deċiżjoni konfermatorja adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 fit-termini previsti f’din id-dispożizzjoni, inħolqu deċiżjonijiet impliċiti ta’ rifjut, li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament. Madankollu, hija ċaħdet ir-rikors sa fejn kien dirett kontra dawn id-deċiżjonijiet impliċiti minħabba li l-appellant ma kienx fadallu interess ġuridiku mill-mument li fih il-Kummissjoni adottat id-deċiżjonijiet espliċiti ta’ rifjut parzjali, li allegatament issostitwixxew id-deċiżjonijiet impliċiti.

12

Madankollu, peress li r-rikors kien ammissibbli meta ġie ppreżentat, il-Qorti Ġenerali ppermettiet l-estensjoni tiegħu għad-deċiżjonijiet espliċiti.

13

Rigward it-talbiet tar-rikors diretti kontra l-ittra tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Lulju 2007 li kienet tinforma lill-appellant li l-estratt tar-reġistru dwar id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ talbiet konfermatorji ta’ aċċess għad-dokumenti ma kienx jeżisti, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet ukoll li huma kienu ammissibbli.

14

Fuq il-mertu, il-Qorti Ġenerali annullant id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Lulju 2007 li tirrifjuta l-aċċess għall-estratt tar-reġistru dwar id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ talbiet konfermatorji ta’ aċċess għad-dokumenti u dik tat-23 ta’ Ottubru 2007 marbuta mad-dokumenti tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), sa fejn tirrigwarda d-data tal-persuni ġuridiċi, kif ukoll id-deċiżjonijiet tat-28 ta’ Novembru 2007 u tal-15 ta’ Frar 2008 dwar id-dokumenti tal-Kummissjoni, minbarra d-dokumenti tal-OLAF u minbarra d-dokumenti marbuta mal-Kawża T‑110/04.

15

Minbarra dan, id-deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2007, sa fejn tirrigwarda d-dokumenti marbuta mal-Kawża T‑110/04, u d-deċiżjoni tad-9 ta’ April 2008 ġew annullati parzjalment.

16

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kumplament tar-rikors u kkundannat lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha u għal żewġ terzi mill-ispejjeż tal-appellant.

It-talbiet tal-partijiet

17

G. Strack jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata, sa fejn it-talbiet tiegħu ma ntlaqgħux jew intlaqgħu biss parzjalment;

tilqa’ t-talbiet tiegħu fformulati fir-rikors fl-ewwel istanza;

tiċħad l-appell inċidentali fl-intier tiegħu;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha, u

sussidjarjament, tannulla wkoll id-deċiżjoni li permezz tagħha l-President tal-Qorti Ġenerali assenja l-Kawża T‑392/07 lir-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali.

18

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell kollu kemm hu;

tannulla s-sentenza appellata sa fejn iddikjarat ammissibbli r-rikors dirett kontra allegati deċiżjonijiet impliċiti ta’ rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti marbuta mat-talbiet konfermatorji miċħuda;

tannulla s-sentenza appellata sa fejn annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Lulju 2007 li tinforma lill-appellant li l-estratt tar-reġistru dwar id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ talbiet konfermatorji ta’ aċċess għad-dokumenti ma jeżistix, u

tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż kollha tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

Fuq l-appell inċidentali

19

Fil-kuntest tal-appell inċidentali tagħha, il-Kummissjoni tinvoka żewġ aggravji, u l-ewwel wieħed jirrigwarda l-ammissibbiltà tar-rikors inizjali. Għaldaqstant, f’dan il-każ, għandhom qabel kollox jiġu eżaminati dawn l-aggravji.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

20

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq l-inammissibbiltà tar-rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet impliċiti ta’ rifjut li allegatament inħolqu skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 mal-iskadenza tat-termini previsti f’dan l-artikolu.

21

Il-Kummissjoni ssostni li l-ebda deċiżjoni impliċita ta’ rifjut ma setgħet tinħoloq mal-iskadenza tat-termini previsti fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, għaliex, minn naħa, l-appellant irrifjuta li jsib soluzzjoni xierqa skont l-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta li tosserva t-termini previsti mill-imsemmi regolament, għaliex it-talba ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni kienet tirrigwarda numru manifestament sproporzjonat ta’ dokumenti, u dan fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba.

22

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza tagħha. Minbarra dan, il-motivazzjoni tal-imsemmija sentenza, fil-punti 49 u 144 ta’ din, hija kontradittorja.

23

L-appellant jitlob li l-ewwel aggravju tal-Kummissjoni jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

24

Għandu jiġi osservat li mill-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li, minn naħa, l-assenza ta’ risposta mill-istituzzjoni kkonċernata għal talba konfermatorja ta’ aċċess fit-terminu previst għandha titqies bħala deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess. Min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni impliċita tikkostitwixxi l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu li matulu l-persuna kkonċernata tista’ tippreżenta rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni. Tali termini, stabbiliti fl-interess ġenerali, ma humiex fid-diskrezzjoni tal-partijiet.

25

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li r-Regolament Nru 1049/2001 ma jipprevedix il-possibbiltà li ssir deroga mit-termini li huma previsti fl-Artikoli 7 u 8 tiegħu u li dawn it-termini huma determinanti għall-iżvolġiment tal-proċedura ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet ikkonċernati li hija intiża sabiex tippermetti pproċessar rapidu u faċli tat-talbiet ta’ aċċess għal dawn id-dokumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 53).

26

Fil-każ ta’ talba li tirrigwarda dokument twil ħafna jew numru kbir ħafna ta’ dokumenti, hija biss awtorizzata b’mod eċċezzjonali estensjoni b’ħmistax-il jum utli tat-terminu previst fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament. Minkejja li, f’tali ipoteżi, l-Artikolu 6(3) tal-imsemmi regolament jippermetti lill-istituzzjoni kkonċernata tfittex soluzzjoni xierqa mal-applikant għal aċċess għal dawn id-dokumenti miżmuma minnha, din is-soluzzjoni tista’ tirrigwarda biss il-kontenut jew in-numru ta’ dokumenti mitluba.

27

Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi invalidata bl-argument tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li għandhom l-istituzzjonijiet li jikkonċiljaw l-interessi tal-applikanti għal aċċess għad-dokumenti miżmuma minnhom mal-interess ta’ amministrazzjoni tajba. Huwa minnu li mill-punt 30 tas-sentenza Il-Kunsill vs Hautala (C‑353/99 P, EU:C:2001:661) jidher li mill-prinċipju ta’ proporzjonalità jirriżulta li l-istituzzjonijiet jistgħu, f’każijiet partikolari fejn il-volum tad-dokumenti li qed jintalab aċċess għalihom jew dak tas-siltiet li għandhom jiġu ċċensurati jimplikaw kompitu amministrattiv li ma huwiex raġonevoli, jibbilanċjaw, minn naħa, l-interess tal-applikant għal aċċess u, min-naħa l-oħra, il-piż tax-xogħol li jirriżulta mill-ipproċessar tat-talba ta’ aċċess sabiex jiġi protett l-interess ta’ amministrazzjoni tajba.

28

B’dan il-mod, istituzzjoni tista’, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, tirrifjuta l-aċċess għal ċerti dokumenti għar-raġuni li l-piż tax-xogħol marbut mal-iżvelar tagħhom huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-għanijiet tat-talba ta’ aċċess għal dawn id-dokumenti. Madankollu l-invokazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ma tistax tippermetti l-bdil tat-termini previsti mir-Regolament Nru 1049/2001 mingħajr ma toħloq sitwazzjoni ta’ inċertezza legali.

29

F’dak li jirrigwarda l-kritika marbuta mal-motivazzjoni tas-sentenza appellata, għandu jiġi osservat li l-fatt li l-Qorti Ġenerali waslet, fuq il-mertu, għal konklużjoni differenti minn dik tal-Kummissjoni ma tistax, minnha nnifisha, tivvizzja s-sentenza appellata b’nuqqas ta’ motivazzjoni (sentenza Gogos vs Il-Kummissjoni, C‑583/08 P, EU:C:2010:287, punt 35).

30

Minbarra dan, l-allegata kontradizzjoni bejn il-punti 49 u 144 tas-sentenza appellata hija bbażata fuq qari żbaljat ta’ dawn sa fejn l-intenzjoni tal-appellant li jibqa’ fit-termini previsti fir-Regolament Nru 1049/2001 ma tista’, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet tal-punti 24 sa 28 ta’ din is-sentenza, fl-ebda każ tfisser li l-Kummissjoni ma kellhiex il-possibbiltà li tasal għal soluzzjoni xierqa.

31

Għaldaqstant l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

32

Bit-tieni aggravju tagħhom, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli qieset li hija kienet kisret id-dritt tal-appellant li jkollu aċċess għall-estratt tar-reġistru dwar id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ talbiet konfermatorji ta’ aċċess għad-dokumenti.

33

Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, b’mod żbaljat, li l-ittra tagħha tal-24 ta’ Lulju 2007 li kienet tinforma lill-appellant bl-ineżistenza ta’ tali estratt kienet tikkostitwixxi rifjut ta’ aċċess għal dan id-dokument. F’dan ir-rigward hija ssostni li, minn naħa, huwa impossibbli li jiġi trażmess estratt ta’ reġistru li, minkejja l-obbligu previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1049/2001, ma jeżistix u, min-naħa l-oħra, dan ir-regolament japplika biss għad-dokumenti eżistenti. Talba ta’ aċċess ma tista’, fl-ebda każ, toħloq obbligu li jiġi stabbilit dokument ineżistenti.

34

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita, minn naħa, billi annullat deċiżjoni espliċita ta’ rifjut meta l-appellant kien talab l-annullament ta’ deċiżjoni impliċita ta’ rifjut u, min-naħa l-oħra, meta ddikjarat ruħha fuq il-portata tal-obbligu tal-Kummissjoni li jirriżulta mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1049/2001.

35

L-appellant jitlob li jiġi miċħud it-tieni aggravju tal-Kummissjoni għar-raġuni li huwa bbażat fuq il-ksur tagħha tar-Regolament Nru 1049/2001 u b’mod partikolari tal-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament. Minbarra dan, huwa jsostni li l-Kummissjoni kellha tipproduċi iktar provi sabiex issostni l-affermazzjoni tagħha li l-estratt tar-reġistru dwar id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ talbiet konfermatorji ta’ aċċess għad-dokumenti ma ġiex stabbilit. Fl-aħħar nett, fil-każ tal-ineżistenza ta’ dan ir-reġistru, il-Kummissjoni kellha jew toħloq l-imsemmi reġistru, jew inkella tipprovdi d-dokumenti li kellhom jiġu rreġistrati nnifishom, kif jirriżulta mill-obbligu tagħha ta’ assistenza.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-proċedura ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet issir f’żewġ stadji u li r-risposta għal talba inizjali fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 tikkostitiwixxi biss l-ewwel teħid ta’ pożizzjoni, li fil-prinċipju ma jistax jiġi ppreżentat rikors kontrih (ara d-digriet Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C‑208/11 P, EU:C:2012:76, punti 30 u 31). Madankollu, b’mod eċċezzjonali, meta istituzzjoni tadotta l-pożizzjoni tagħha b’mod definittiv b’tali risposta, din tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara s-sentenza Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, EU:C:2010:40, punt 62).

37

Mis-sentenza appellata jirriżulta li l-appellant talab l-aċċess għal parti mir-reġistru li l-kostituzzjoni tiegħu hija prevista mir-Regolament Nru 1049/2001 u li dan l-aċċess ġie rrifjutat għar-raġuni li tali reġistru ma kienx inħoloq.

38

F’dan ir-rigward, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tagħha, id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirrigwarda biss id-dokumenti eżistenti u fil-pussess tal-istituzzjoni kkonċernata.

39

Madankollu, skont l-Artikolu 8(1) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jikkostitwixxi l-espressjoni speċifika tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja, kull rifjut ta’ aċċess għal dokumenti mitluba mill-amministrazzjoni jista’ jiġi kkontestat b’mod ġudizzjarju. Dan jgħodd indipendentement mill-motiv invokat sabiex jiġi rrifjutat dan l-aċċess.

40

Għaldaqstant, ma jaffettwax id-dritt għal azzjoni legali tal-persuni kkonċernati l-fatt li jiġi sostnut li l-aċċess għal dokument għandu jiġi rrifjutat għal waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 jew li jiġi sostnut li d-dokument mitlub ma jeżistix. Kwalunkwe soluzzjoni oħra tirrendi impossibbli l-isħarriġ li l-qorti tal-Unjoni għandha twettaq fir-rigward tal-fondatezza ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, għaliex ikun biżżejjed għall-istituzzjoni kkonċernata li tafferma li dokument ma jeżistix sabiex tevita kull stħarriġ ġudizzjarju.

41

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-ineżistenza ta’ dokument li jiġi mitlub l-aċċess għalih jew il-fatt li huwa ma huwiex fil-pussess tal-istituzzjoni kkonċernata ma jimplikawx l-inapplikabbiltà tar-Regolament Nru 1049/2001.

42

Hija, bil-kontra, l-istituzzjoni inkwistjoni li għandha tagħti risposta lill-applikant u li għandha tiġġustifika, eventwalment, quddiem il-qorti r-rifjut tagħha ta’ aċċess f’dan is-sens (ara, b’mod analogu, is-sentenza Heylens et, 222/86, EU:C:1987:442, punt 15).

43

Madankollu, f’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, kif ukoll mill-atti tal-proċess ippreżentati quddiemha, jirriżulta biċ-ċar li r-reġistru inkwistjoni ma ġiex stabbilit. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma setgħetx tilqa’ t-talba tal-appellant ta’ aċċess għall-estratt tar-reġistru dwar id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ talbiet konfermatorji ta’ aċċess għad-dokumenti.

44

Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-Regolament Nru 1049/2001 ma jorbotx direttament l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament mad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti previst fl-Artikolu 2(1) tiegħu. Għaldaqstant ma huwiex possibbli li tiġi imposta l-osservanza tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni permezz tat-talba ta’ aċċess għal dokumenti.

45

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi kkonstatat li, meta annullat id-deċiżjoni espliċita ta’ rifjut ta’ aċċess għal estratt tar-reġistru dwar id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ talbiet konfermatorji ta’ aċċess għad-dokumenti, tal-24 ta’ Lulju 2007, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

46

Fil-fatt, la l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1049/2001 u lanqas l-obbligu ta’ assistenza, previst fl-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-regolament, ma jistgħu jobbligaw istituzzjoni toħloq dokument li ntalab mingħandha iżda li ma jeżistix.

47

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, għandha tiġi annullata s-sentenza appellata sa fejn, b’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tistabbilixxi dokument ineżistenti u annullat, konsegwentement, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Lulju 2007 li tirrifjuta l-aċċess għall-estratt tar-reġistru dwar id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ talbiet konfermatorji ta’ aċċess għad-dokumenti.

Fuq l-appell prinċipali

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

48

Bl-ewwel aggravju tiegħu, ibbażat fuq nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti, l-appellant isostni li, billi assenjat mill-ġdid l-eżami tar-rikors tiegħu lil awla differenti minn dik prevista inizjalment, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju tad-dritt għal qorti legali, id-drittijiet iggarantiti permezz tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”) kif ukoll diversi dispożizzjonjiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Minbarra dan, l-appellant iqajjem argument ibbażat fuq ksur tad-dritt tiegħu ta’ smigħ qabel ma l-eżami tar-rikors tiegħu jiġi assenjat mill-ġdid.

49

Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

50

Bil-kontra ta’ dak li jsostni l-appellant, il-Qorti Ġenerali applikat korrettament r-Regoli tal-Proċedura tagħha. F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, skont l‑Artikolu 12 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali tiffissa l-kriterji li skonthom jitqassmu l-kawżi bejn l-awli u li din id-deċiżjoni tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Id-deċiżjoni li tiffissa l-kriterji għall-assenjazzjoni tal-kawżi lill-awli, fis-seħħ fid-data tal-preżentata tar-rikors (ĠU 2007, C 269, p. 42) u dik fis-seħħ meta dan ir-rikors ġie assenjat mill-ġdid (ĠU 2011, C 232, p. 2) huma redatti bl-istess kliem. Minn dan jirriżulta li l-President tal-Qorti Ġenerali jista’ jidderoga mill-mod tat-tqassim tal-kawżi skont sistema ta’ rotazzjoni previst minn dawn id-deċiżjonijiet “sabiex jiżgura li x-xogħol jitqassam b’mod ibbilanċjat”.

51

Peress li l-implementazzjoni ta’ din id-deroga ma hijiex limitata għall-mument tal-preżentata tar-rikors, xejn ma jipprekludi li kawża tiġi assenjata mill-ġdid f’mument ieħor.

52

Din l-interpretazzjoni għandha ssir iktar u iktar għaliex l-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ kawża, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, sabiex jiġi żgurat li x-xogħol jitqassam b’mod ibbilanċjat, issegwi l-għan li l-kawżi jiġu ttrattati f’terminu raġonevoli, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

53

Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tal-appellant ibbażat fuq ksur tad-dritt tiegħu ta’ smigħ qabel ma r-rikors tiegħu jiġi assenjat mill-ġdid, għandu jiġi kkonstatat li dan ukoll huwa infondat. Fil-fatt, bħall-assenjazzjoni inizjali ta’ kawża, l-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha lil kulleġġ ġudikanti differenti minn dak inizjalment previst ma tagħtix id-dritt lill-partijiet li jesprimu ruħhom minn qabel fuq din il-miżura ta’ amministrazzjoni tal-ġustizzja.

54

Minbarra dan għandu jiġi osservat li, f’dan il-każ, l-appellant bl-ebda mod ma qiegħed f’dubju l-imparzjalità tal-kulleġġ ġudikanti li quddiemu ġie ppreżentat ir-rikors għal annullament.

55

Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

56

Bit-tieni aggravju tiegħu, l-appellant isostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’diversi difetti proċedurali.

57

Fl-ewwel lok, l-appellant, minn naħa, jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ċaħdet it-talba tiegħu għal proċedura mħaffa u, min-naħa l-oħra, isostni li t-tul tal-proċedura ma kienx raġonevoli u li, minħabba dan, il-Qorti Ġenerali kellha jew tagħtih kumpens, jew inkella tittrasferixxi din it-talba lill-qorti kompetenti.

58

L-appellant isostni, fit-tieni lok, li d-dritt tiegħu ta’ smigħ inkiser mill-Qorti Ġenerali. Hija la ħadet inkunsiderazzjoni tnejn min-noti ulterjuri tiegħu u lanqas it-talba tiegħu għal rettifika tar-rapport għas-seduta. Minbarra dan, waqt is-seduta, il-ħin tiegħu għad-diskors kien limitat għal 30 minuta u l-Qorti Ġenerali ammettiet argument ġdid tal-Kummissjoni bbażat fuq ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102), mingħajr ma tatu l-possibbiltà li jagħmel replika bil-miktub. Fl-aħħar nett, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali ma tatux il-possibbiltà li jesprimi ruħu debitament fuq id-dokumenti pprovduti mill-OLAF skont id-deċiżjoni tat-23 ta’ Ottubru 2007.

59

Huwa jsostni, fit-tielet lok, li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx kull dokument li l-Kummissjoni kienet ipproduċiet sabiex tistabbilixxi jekk it-tneħħijiet tad-data li saru minnha skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 kinux iġġustifikati.

60

Fir-raba’ lok, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali ma stabbilixxietx suffiċjentement li l-Kummissjoni kienet effettivament bagħtitilha d-dokumenti kollha marbuta mat-talbiet konfermatorji miċħuda.

61

Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda tat-tieni aggravju bħala inammissibbli jew manifestament infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

62

Għandu jiġi osservat li, fl-assenza ta’ kwalunkwe ħjiel li t-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kellu impatt fuq is-soluzzjoni tat-tilwima, l-allegat nuqqas li tiddeċiedi fi żmien raġonevoli ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata (sentenza Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, C‑58/12 P, EU:C:2013:770, punt 73).

63

F’dan il-każ, l-appellant ma jsostnix li t-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kellu xi tip ta’ impatt fuq is-soluzzjoni tat-tilwima. Għaldaqstant, la r-rifjut tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi skont proċedura mħaffa u lanqas l-allegat tul eċċessiv tal-proċedura ma jistgħu jwasslu għall-annullament tas-sentenza appellata.

64

L-argument ibbażat fuq l-illegalità taċ-ċaħda tat-talba għal kumpens li l-appellant ibbaża fuq l-istess motivi marbuta mat-tul tal-proċedura għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hija l-Qorti Ġenerali, kompetenti skont l-Artikolu 256(1) TFUE, li għandha tiddikjara ruħha fuq tali talbiet għal kumpens, billi tiddeċiedi f’kulleġġ ġudikanti differenti minn dak li jkun ittratta l-kawża li tat lok għall-proċedura li t-tul tagħha jkun qiegħed jiġi kkritikat (sentenza Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, EU:C:2013:770, punt 90).

65

Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali kellha raġun tiċħad it-talba għal kumpens ibbażata fuq it-tul tal-proċedura bħala inammissibbli billi qieset, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, li din kellha titressaq permezz ta’ rikors separat.

66

Għandhom ukoll jiġu miċħuda l-argumenti bbażati fuq żewġ noti ulterjuri u fuq ir-rifjut tal-Qorti Ġenerali li testendi l-ħin tad-diskors tal-appellant fis-seduta għal iktar minn 30 minuta ladarba joħroġ biċ-ċar mis-sentenza appellata li l-appellant kellu l-opportunità li jesprimi ruħu suffiċjentement fuq il-motivi għal annullament li huwa invoka fil-kuntest tar-rikors tiegħu.

67

Rigward id-dokumenti tal-OLAF, mis-sentenza appellata jirriżulta li d-deċiżjoni tat-23 ta’ Ottubru 2007 tat lill-appellant aċċess parzjali għal dawn id-dokumenti. Madankollu l-appellant indika li huwa rċieva d-dokumenti kollha li għalihom tirreferi din id-deċiżjoni ta’ aċċess biss wara li huwa ppreżenta r-replika tiegħu u li, minħabba f’hekk, ma kellux l-okkażjoni li jesprimi ruħu dwar il-kontenut tagħhom matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

68

Madankollu mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-appellant irċieva d-dokumenti kkonċernati suffiċjentement qabel is-seduta, jiġifieri mhux iktar tard mix-xahar ta’ Ottubru 2008, sabiex huwa jkun jista’ jeżaminahom u jieħu pożizzjoni fir-rigward tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Corus UK vs Il-Kummissjoni, C‑199/99 P, EU:C:2003:531, punt 21).

69

L-argument tal-appellant, ibbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali ta’ argument marbut mar-Regolament Nru 45/2001 li l-Kummissjoni allegatament qajmet għall-ewwel darba waqt is-seduta, għandu wkoll jiġi miċħud.

70

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta talba bbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001 tkun intiża sabiex tikseb l-aċċess għal dokumenti li jinkludu data personali, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001 isiru applikabbli b’mod sħiħ (sentenza Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, C‑28/08 P, EU:C:2010:378, punt 63).

71

Għaldaqstant l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq ir-Regolament Nru 45/2001 sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tad-data personali prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 jikkostitwixxi l-elaborazzjoni ta’ motiv inkluż diġà b’mod impliċitu fid-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni tat l-aċċess għal ċertu numru ta’ dokumenti li l-kontenut tagħhom inħeba parzjalment sabiex tiġi protetta data personali, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 123 tal-konklużjonijiet tagħha, u li, għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tieħdu inkunsiderazzjoni.

72

Minbarra dan, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali kellha l-obbligu li teżamina kull dokument li l-aċċess għalih ġie rrifjutat totalment jew parzjalment, u hija ma għamlitx dan.

73

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali ma hijiex marbuta li tordna l-produzzjoni ta’ tali dokument u li teżaminah biss jekk jiġi kkontestat li l-informazzjoni kkonċernata mir-rifjut ta’ aċċess taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza Jurašinović vs Il-Kunsill, C‑576/12 P, EU:C:2013:777, punti 27 u 29).

74

B’dan il-mod, peress li l-appellant ikkontesta l-fondatezza tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni tat l-aċċess għal ċertu numru ta’ dokumenti li l-kontenut tagħhom inħeba parzjalment sabiex tiġi protetta data personali, mingħajr ma sostna li l-eċċezzjonijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 4 ma kinux applikabbli għad-dokumenti inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata li twettaq l-eżami ta’ dawn id-dokumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Jurašinović vs Il-Kunsill, EU:C:2013:777, punti 28 sa 30).

75

Madankollu, l-appellant jikkritika wkoll lill-Qorti Ġenerali talli ma vverifikatx jekk it-tneħħijiet ta’ data mwettqa mill-Kummissjoni kinux effettivament limitati għall-informazzjoni li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet li hija invokat.

76

F’dan il-każ, bil-kontra tal-kawżi li taw lok għas-sentenzi IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il-Kummissjoni (C‑135/11 P, EU:C:2012:376) u Jurašinović vs Il-Kunsill (EU:C:2013:777), l-appellant għandu fil-pussess tiegħu d-dokumenti li huwa talab. Minħabba f’hekk, huwa kellu l-possibbiltà li josserva l-eżistenza ta’ ħjiel li jippermetti dubji raġonevoli dwar jekk it-tneħħijiet imwettqa mill-Kummissjoni jirrigwardawx informazzjoni koperta minn waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.

77

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali hija l-unika li tista’ tiddeċiedi dwar l-eventwali neċessità li l-elementi ta’ informazzjoni li hija għandha fil-kawżi mressqa quddiemha għandhomx jiġu kkompletati. In-natura probatorja jew le tal-atti proċedurali taqa’ taħt l-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti (sentenza E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 115).

78

B’dan il-mod, fid-dawl tal-preżunzjoni tal-validità marbuta mal-atti tal-Unjoni, fl-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni min-naħa tal-appellant li tippermetti dubji raġonevoli li t-tneħħijiet imwettqa mill-Kummissjoni jirrigwardaw informazzjoni koperta minn waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament 1049/2001, il-Qorti Ġenerali la kienet marbuta li tordna l-produzzjoni tad-dokumenti kollha inkwistjoni u lanqas li teżaminahom.

79

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument marbut mat-trażmissjoni inkompleta tad-dokumenti marbuta mat-talbiet konfermatorji miċħuda, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali hija l-unika kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll biex teżamina l-provi, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tagħhom (sentenza Rousse Industry vs Il-Kummissjoni, C‑271/13 P, EU:C:2014:175, punt 81). Tali żnaturament jeżisti b’mod partikolari meta l-Qorti Ġenerali taqbeż manifestament il-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-provi.

80

F’dan il-każ, l-appellant sostna quddiem il-Qorti Ġenerali li, fid-dawl tal-istatistiċi proprji tal-Kummissjoni, din kienet ipproduċiet parti biss mid-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni. Bħala risposta, il-Kummissjoni sostniet li din id-dispkrepanza kienet tirriżulta mill-fatt li, minn naħa, deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għal dokumenti setgħet tqiegħed fi grupp diversi talbiet ta’ aċċess għal tali dokumenti u, min-naħa l-oħra, ċerti talbiet ta’ aċċess kienu pendenti fl-aħħar tas-sena.

81

Mill-atti tal-proċess sottomessi quddiemha ma jirriżultax li l-Qorti Ġenerali vvizzjat l-evalwazzjoni tagħha taċ-ċirkustanzi kollha bi żnaturament.

82

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

83

Bit-tielet aggravju tiegħu, l-appellant jinvoka diversi argumenti marbuta ma’ żbalji ta’ liġi rigward l-evalwazzjoni tad-deċiżjonijiet impliċiti u espliċiti kollha tal-Kummissjoni.

84

Qabel kollox, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi fuq il-legalità tad-deċiżjonijiet impliċiti ta’ rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni. F’dan ir-rigward huwa jsostni li kellu interess jaġixxi kontrihom anki wara li ġew adottati deċiżjonijiet espliċiti.

85

L-appellant imbagħad isostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li d-deċiżjonijiet espliċiti adottati mill-Kummissjoni kienu ssostitwixxew id-deċiżjonijiet impliċiti ta’ rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni mnissla skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Minn naħa, id-deċiżjonijiet espliċiti ma jinkludu l-ebda riferiment għad-deċiżjonijiet impliċiti u, min-naħa l-oħra, fir-rigward b’mod iktar partikolari tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-dokumenti tal-OLAF, din ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 7 minflok abbażi tal-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament.

86

Fl-aħħar nett, l-appellant isostni, sussidjarjament, li d-deċiżjonijiet espliċiti ħassru d-deċiżjonijiet impliċiti biss parzjalment.

87

Il-Kummissjoni titlob li t-tielet aggravju jiġi miċħud bħala inammissibbli jew bħala infondat għar-raġuni li d-deċiżjonijiet espliċiti tagħha ssostitwixxew id-deċiżjoni impliċita ta’ rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni, anki jekk l-aċċess li huma jagħtu huwa ristrett.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

88

Kif diġà tfakkar fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, fl-assenza, mal-iskadenza tat-terminu għal risposta għat-talba konfermatorja tal-appellant, ta’ kwalunkwe deċiżjoni espliċita, jinħolqu deċiżjonijiet impliċiti ta’ rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni, li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

89

Madankollu, dawn id-deċiżjonijiet ġew irtirati bl-effett tad-deċiżjonijiet adottati ulterjorment mill-Kummissjoni u li permezz tagħhom din tat lill-appellant aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba. Huwa għaldaqstant mingħajr żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors sa fejn kien dirett kontra d-deċiżjonijiet impliċiti ta’ rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni.

90

F’dak li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku d-deċiżjoni tat-23 ta’ Ottubru 2007, dwar id-dokumenti tal-OLAF, l-argument tal-appellant fis-sens li deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1049/2001 ma tistax tissostitwixxi deċiżjoni impliċita fis-sens tal-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament, huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li wieħed għandu jħares lejn is-sustanza nnifisha ta’ att sabiex dan jiġi kklassifikat u li l-forma li fiha att jew deċiżjoni jittieħdu huwa, fil-prinċipju, irrilevanti f’dan ir-rigward. (ara, b’mod analogu, is-sentenza NDSHT vs Il-Kummissjoni, C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punt 46).

91

Ladarba d-deċiżjoni tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-dokumenti tal-OLAF ġiet adottata wara li ntbagħtet talba konfermatorja ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni u wara l-iskadenza tat-termini previsti fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jiġi kkonstatat li din hija deċiżjoni espliċita b’risposta għal talba konfermatorja. Ir-riferiment għall-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa, għalhekk, irrilevanti.

92

Fid‑dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq ir-raba ’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

93

Bir-raba’ aggravju tiegħu, l-appellant isostni li s-sentenza appellata, sa fejn hija tirrigwarda l-portata tat-talba ta’ aċċess għad-dokumenti marbuta mal-Kawża T-110/04, hija vvizzjata bi żnaturament tal-fatti u li l-motivazzjoni tagħha hija insuffiċjenti.

94

Il-Kummissjoni titlob li dan l-aggravju jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

95

Bir-raba’ aggravju tiegħu, l-appellant essenzjalment isostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti fil-punti 151 sa 154 tas-sentenza appellata.

96

Madankollu, il-Qorti Ġenerali setgħet tqis, mingħajr ma tiżnatura t-talbiet tal-appellant u b’sentenza mmotivata suffiċjentement, li l-enumerazzjoni tad-dokumenti li tinsab fit-talba inizjali ta’ aċċess għad-dokumenti u li hija ppreċeduta bil-kliem “għall-preċiżjoni”, kienet eżawrjenti u li l-appellant ma kienx talab dokumenti oħra.

97

Fir-rigward tal-allegazzjoni tal-appellant dwar l-assenza tal-Annessi A1 u A2, għandu jiġi kkonstatat li mill-atti tal-proċess ma jirriżultax li l-allegata assenza ta’ dawn id-dokumenti kienet is-suġġett tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li fil-kuntest ta’ appell, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali mogħtija fir-rigward tal-motivi u l-argumenti diskussi quddiem il-Qorti Ġenerali.

98

Għaldaqstant ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq il-ħames aggravju

L-argumenti tal-partijiet

99

Bil-ħames aggravju tiegħu, l-appellant jikkontesta l-motivazzjoni tal-applikazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-legalità tat-tneħħijiet ta’ data personali mwettqa mill-Kummissjoni.

100

Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

101

Fir-rigward tal-kontestazzjoni tas-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni tal-legalità tat-tneħħija tad-data personali li l-Kummissjoni kienet wettqet b’applikazzjoni tal-eċċezzjoni mill-aċċess għad-dokumenti prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandha titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001, fost liema l-Artikoli 8(b) u 18 jikkostitwixxu dispożizzjonijiet essenzjali, isiru applikabbli b’mod sħiħ meta talba bbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001 tkun intiża għall-ksib tal-aċċess għal dokumenti li jinkludu data personali (sentenza Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, EU:C:2010:378, punti 63 u 64).

102

Il-komunikazzjoni ta’ tali data tidħol fid-definizzjoni tal-“ipproċessar” fis-sens tar-Regolament Nru 45/2001 (sentenza Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, EU:C:2010:378, punt 69).

103

Mill-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jirriżulta li kull ipproċessar ta’ data personali għandu josserva, b’mod obbligatorju, waħda mill-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu sabiex l-ipproċessar ikun legali.

104

Minbarra dan, data personali tista’ tiġi ttrasferita lil terz abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 biss meta dan it-trasferiment, minn naħa, jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(a) jew (b) tar-Regolament Nru 45/2001, u, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxi pproċessar legali, b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5 ta’ dan l-istess regolament.

105

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta vverifikat jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 kinux sodisfatti.

106

Minbarra dan, bil-kontra ta’ dak li jallega l-appellant, mill-imsemmija dispożizzjoni ma jistax jiġi dedott li l-istituzzjonijiet li quddiemhom titressaq talba ta’ aċċess għal dokumenti miżmuma minnhom huma obbligati jivverifikaw ex officio l-eżistenza ta’ motivi li jiġġustifikaw trasferiment ta’ data personali.

107

Bil-kontra, huwa l-applikant għall-aċċess li għandu jistabbilixxi n-neċessità tat-trasferiment ta’ din id-data (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, EU:C:2010:378, punt 77).

108

Għandu wkoll jiġi miċħud l-argument tal-appellant fis-sens li l-Kummissjoni kellha, fid-dawl tal-Artikolu 8(a) tar-Regolament Nru 45/2001, tibgħatlu d-data personali għaliex l-aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet skont ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa dejjem ta’ interess pubbliku. Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 154 tal-konklużjonjiet tagħha, tali argument jikkontradixxi l-obbligu tal-applikant għal aċċess li jistabbilixxi n-neċessità tat-trasferiment tad-data personali, imfakkar fil-punt preċedenti.

109

Minbarra dan, mill-punt 173 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-appellant ma pprovda l-ebda motiv tali li jiġġustifika n-neċessità tat-trasferiment tad-data personali mill-Kummissjoni.

110

Għaldaqstant l-argumenti tal-appellant ibbażati, minn naħa, fuq l-assenza ta’ konsultazzjoni tal-persuni kollha li d-data personali tagħhom kienet affettwata u, min-naħa l-oħra, fuq l-ommissjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-kunsens ta’ ċerti persuni għall-iżvelar tad-data tagħhom, għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi. Anki jekk jingħad li t-trasferiment ta’ ċerta data kien legali, il-Kummissjoni ma setgħetx twettqu għaliex l-appellant ma weriex, kif previst fl-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, in-neċessità ta’ tali trasferiment.

111

Għall-istess raġunijiet, l-argument tal-appellant intiż sabiex jikseb l-ismijiet tal-uffiċjali li jinsabu fid-dokumenti marbuta mal-Kawża T‑110/04 ma’ jistax jintlaqa’. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tqis, fil-punti 194 u 197 tas-sentenza appellata, li l-ismijiet tagħhom kienu data protetta skont l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001. Il-fatt li ċerti ismijiet ġew żvelati waqt is-seduta f’din il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali ma jinvalidax din il-konklużjoni. Kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 194 tas-sentenza appellata, dan il-fatt ma jeżentax lill-istituzzjonijiet l-oħra mill-obbligi tagħhom.

112

L-appellant isostni wkoll li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-obbligu tal-Kummissjoni li tikkodifika l-ismijiet li hija neħħiet.

113

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tiċħad il-motiv tal-appellant marbut mal-kodifikazzjoni tal-ismijiet billi qieset, fil-punti 207 u 208 tas-sentenza appellata, li obbligu sistematiku ta’ kodifikazzjoni jikkostitwixxi piż ta’ xogħol partikolarment tqil u inutli. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punti 27 u 28 ta’ din is-sentenza, l-istituzzjonijiet jistgħu, f’każijiet partikolari, jagħtu preċedenza lill-interess ta’ amministrazzjoni tajba wara li jkunu bbilanċjaw l-interess tal-applikant għal aċċess mal-piż ta’ xogħol li jirriżulta mill-ipproċessar tat-talba tiegħu.

114

L-appellant isostni wkoll li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li l-motivazzjoni tal-applikazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 kienet suffiċjenti meta bl-ebda mod ma kienet issemmi r-Regolament Nru 45/2001 u lanqas ma speċifikat il-motivi li jistgħu jiġġustifikaw it-tneħħija tad-data personali kollha fid-dokumenti li ġie mitlub l-aċċess għalihom.

115

Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonfermat il-legalità tal-applikazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-imsemmija dispożizzjoni għaliex, kif diġà ġie osservat fil-punti 70 u 71 ta’ din is-sentenza, l-invokazzjoni tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 timplika neċessarjament l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 45/2001 (sentenza Il-Kummissjoni Bavarian Lager, EU:C:2010:378, punt 63).

116

Minbarra dan, kif osservat fil-punti 106 sa 111 ta’ din is-sentenza, peress li l-appellant ma indika l-ebda motiv li jiġġustifika n-neċessità tat-trasferiment tad-data personali, il-kwistjoni tal-legalità ta’ dan it-trasferiment ma kinitx tqum. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tqis, fil-punt 120 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kellhiex bżonn tagħti motivi addizzjonali f’dan is-sens għad-deċiżjoni tagħha li tapplika l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001.

117

L-istess jgħodd f’dak li jirrigwarda l-punti 125 u 126 tas-sentenza appellata għaliex, f’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali qieset ġustament li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li taħbi data personali kienet tosserva r-rekwiżiti normali fil-qasam, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 145 tal-konklużjonijiet tagħha.

118

Fl-aħħar nett, l-appellant isostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-legalità tat-tneħħijiet ta’ data personali mwettqa fid-dokumenti tal-OLAF.

119

Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li parti ma tistax tibdel is-suġġett tat-tilwima billi tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija setgħet qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali iżda ma qajmitux, għaliex dan iwassal sabiex hija titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-ġurisdizzjoni tagħha fil-qasam tal-appell hija limitata, tilwima usa’ minn dik imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali.

120

Għaldaqstant l-imsemmi argument għandu jiġi miċħud minħabba l-fatt li, fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellant ma kkritikax il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-dokumenti tal-OLAF fir-replika tiegħu meta huwa stabbilit li huwa rċieva din id-deċiżjoni mill-iktar tard mar-risposta tad-difiża tal-Kummissjoni.

121

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq is-sitt aggravju

L-argumenti tal-partijiet

122

Bis-sitt aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ammettiet applikazzjoni wiesgħa wisq tal-eċċezzjoni prevista mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 għall-informazzjoni inkluża fid-dokumenti marbuta mal-Kawża T‑110/04.

123

Minbarra dan, l-appellant jikkritika l-motivazzjoni tas-sentenza appellata rigward l-eżistenza jew le ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-data koperta mill-imsemmija dispożizzjoni.

124

Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

125

Is-sitt aggravju jirrigwarda d-data kollha li tneħħiet sabiex tiġi evitata l-identifikazzjoni ta’ ċerti impriżi implikati f’kawżi antidumping li r-rikorrent fil-Kawża T-110/04 pproċessa inkwantu aġent tal-Kummissjoni.

126

Bil-kontra tal-allegazzjonijiet tal-appellant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat, fil-punt 228 tas-sentenza appellata, li t-tneħħija tal-ismijiet tal-impriżi u tal-ilmenti kontrihom kienet neċessarja sabiex jiġu protetti l-interessi tagħhom għaliex l-ismijiet tal-impriżi implikati setgħu jiġu dedotti mill-informazzjoni mneħħija kollha.

127

Fir-rigward tal-argument tal-appellant intiż sabiex juri li l-impriżi msemmija fil-Kawża T‑110/04 ma jibbenefikawx mill-protezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 minħabba l-fatt li, b’mod ġenerali, id-deċiżjonijiet antidumping jiġu ppubblikati, għandu jiġi kkonstatat li l-appellant ma qajjimx tali argument waqt il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

128

Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-kritika tal-appellant marbuta mal-punt 229 tas-sentenza appellata ma hijiex fondata. Minn naħa, minn dan il-punt jirriżulta li l-Kummissjoni effettivament eżaminat l-eżistenza ta’ interessi pubbliċi superjuri. Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa r-rikorrent li għandu jinvoka b’mod konkret ċirkustanzi li juru li jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti inkwisjtoni (ara s-sentenza LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 94).

129

Fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u fil-kuntest ta’ dan l-appell, l-appellant sempliċement invoka l-prinċipju ta’ trasparenza u l-importanza tiegħu.

130

Huwa minnu li l-interess pubbliku superjuri li jista’ jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokument ma għandux neċessarjament ikun distint mill-prinċipji li jservu bħala bażi għar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, EU:C:2013:738, punt 92).

131

Madankollu, kif il-Qorti Ġenerali qieset fil-punt 229 tas-sentenza appellata, kunsiderazzjonijiet tant ġenerali bħal dawk invokati mill-appellant ma jistgħux ikunu tali li juru li l-prinċipju ta’ trasparenza kien, f’dan il-każ, ta’ natura tant akuta li seta’ jipprevali fuq ir-raġunijiet li kienu jiġġustifikaw ir-rifjut tal-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni (sentenza LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, EU:C:2013:738, punt 93).

132

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, is-sitt aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq is-seba ’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

133

Bis-seba’ aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tiegħu għal kumpens għad-dannu kkawżat bl-ipproċessar mill-Kummissjoni tat-talbiet tiegħu ta’ aċċess għad-dokumenti miżmuma minn din l-istituzzjoni.

134

Il-Kummissjoni titlob li dan l-aggravju jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

135

Fl-ewwel lok, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat provi li huwa kien offra.

136

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali hija l-unika li tista’ tiddeċiedi dwar l-eventwali neċessità li tiġi kkompletata l-informazzjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar il-kawżi mressqa quddiemha. In-natura probatorja jew le tal-atti proċedurali taqa’ taħt l-evalwazzjoni sovrana tal-fatti, li, skont ġurisprudenza ugwalment stabbilita, ma hijiex suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-fatti jew tal-provi.

137

Billi llimita ruħu, fil-kuntest ta’ dan l-appell, li jallega li l-Qorti Ġenerali kellha toħloq immaġni iktar preċiża dwar ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni, l-appellant ma jikkritikax lill-Qorti Ġenerali li wettqet, fil-punti 261 sa 267 tas-sentenza appellata, żnaturament tal-fatti jew tal-provi.

138

Fit-tieni lok, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir tal-Kummissjoni fl-ipproċessar tat-talbiet tiegħu ta’ aċċess għad-dokumenti miżmuma minnha u d-deterjorament ta’ saħħtu.

139

Sabiex tikkonstata li l-appellant ma pprovax l-eżistenza ta’ tali rabta kawżali, il-Qorti bbażat ruħha, fil-punt 264 tas-sentenza appellata, fuq ir-rapport ta’ perizja prodott mill-appellant u fuq l-indikazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar li minnhom hija setgħet tiddeduċi mingħajr żnaturament li ma huwiex stabbilit li l-aġir tal-Kummissjoni kellu impatt fuq id-deterjorament tas-saħħa tal-appellant.

140

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-allegat ksur tad-dritt tal-appellant li jipparteċipa fil-konsultazzjoni pubblika dwar it-trasparenza, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tikkonstata, fil-punt 265 tas-sentenza appellata, li, f’dan il-każ, l-aġir tal-Kummissjoni ma kellux impatt f’dan ir-rigward għaliex it-tmiem tal-perijodu ta’ konsultazzjoni kien iffissat għall-31 ta’ Lulju 2007 filwaqt li t-talba inizjali ta’ aċċess għad-dokumenti tressqet biss fl-20 ta’ Ġunju 2007.

141

Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 189 tal-konklużjonijiet tagħha, fil-każ ta’ użu regolari tal-estensjoni tat-terminu sabiex tingħata risposta skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni kellha tirrispondi għat-talba inizjali mhux iktar kmieni mill-31 ta’ Lulju 2007. Parteċipazzjoni fil-proċess ta’ konsultazzjoni ma setgħetx tkun iktar possibbli f’dik id-data.

142

Għaldaqstant, is-seba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tmien aggravju

L-argumenti tal-partijiet

143

Bit-tmien aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta rrifjutat li tordna lill-Kummissjoni tipprovdilha d-dokumenti li l-aċċess għalihom ġie rrifjutat bi ksur tar-Regolament Nru 1049/2001.

144

Il-Kummissjoni titlob li dan l-aggravju jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

145

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tal-Unjoni ma tistax, fil-prinċipju, tindirizza ordnijiet lil istituzzjoni tal-Unjoni mingħajr ma tinterferixxi fil-prerogattivi tal-awtorità amministrattiva (ara s-sentenzi Verzyck vs Il-Kummissjoni, 225/82, EU:C:1983:165, punt 19, u Campogrande vs Il-Kummissjoni, C‑62/01 P, EU:C:2002:248, punt 43).

146

B’dan il-mod, bil-kontra ta’ dak li jallega l-appellant, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tikkonstata, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, li, skont l-Artikolu 264 TFUE, hija kellha biss il-possibbiltà li tannulla l-att ikkontestat. Sa fejn l-argument tal-appellant huwa bbażat fuq l-Artikolu 266 TFUE, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni lanqas ma tipprevedi l-possibbiltà li tiġi indirizzata ordni lill-istituzzjonijiet.

147

Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi invalidata bl-argumenti tal-appellant ibbażati fuq l-Artikolu 47 tal-Karta għaliex dan l-artikolu ma huwiex intiż sabiex jibdel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista mit-Trattati (ara s-sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 97).

148

Għaldaqstant, it-tmien aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq id-disa ’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

149

Bid-disa’ aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-eżitu tat-tilwima mressqa quddiemha meta hija kkundannat lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha u żewġ terzi mill-ispejjeż tal-appellant.

150

Il-Kummissjoni titlob li dan l-aggravju jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

151

Għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, appell ma jistax isir biss fuq l-ammont tal-ispejjeż u fuq min għandu jħallashom. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-każ fejn l-aggravji l-oħra kollha ta’ appell ikunu ġew miċħuda, it-talbiet rigward l-allegata illegalità tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-ispejjeż għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

152

Peress li l-appellant tilef fl-ewwel tmien aggravji tiegħu fil-kuntest tal-appell tiegħu, id-disa’ aggravju rigward it-tqassim tal-ispejjeż għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

153

Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din, f’każ li s-sentenza appellata tiġi annullata, tista’ tiddeċiedi hija nnifisha fuq it-tilwima, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ hawnhekk.

154

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, hemm lok li tingħata deċiżjoni biss fuq il-motiv tal-appellant fir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali intiż għall‑annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-aċċess għall-estratt tar-reġistru dwar id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ talbiet konfermatorji ta’ aċċess għad-dokumenti.

155

F’dan ir-rigward, mill-punt 43 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-reġistru inkwistjoni ma ġiex stabbilit u li l-Kummissjoni ma setgħetx għaldaqstant tilqa’ t-talba tal-appellant. Għalhekk, ir-rikors tiegħu għandu jiġi miċħud bħala infondat fuq dan il-punt.

Fuq l-ispejjeż

156

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun infondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

157

Skont l-Artikolu 138(3) tal-imsemmija Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell abbażi tal-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament wieħed jew iktar mill-kapijiet, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

158

Peress li G. Strack tilef fl-aggravji tiegħu fil-kuntest tal-appell kif ukoll fir-rigward tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż tiegħu f’din l-istanza u terz mill-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni f’din il-proċedura, kif mitlub mill-Kummissjoni.

159

Fir-rigward tal-ispejjeż marbuta mal-proċedura fl-ewwel istanza, għandu jiġi kkonstatat li l-ispejjeż marbuta mal-proċedura fl-ewwel istanza li tat lok għas-sentenza appellata għandhom jiġu sostnuti bil-mod indikat fil-punt 7 tad-dispożittiv tal-imsemmija sentenza.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Strack vs Il-Kummissjoni (T‑392/07, EU:T:2013:8) hija annullata sa fejn, b’din is-sentenza, l-imsemmija Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-24 ta’ Lulju 2007.

 

2)

Il-kumplament tal-appell inċidentali huwa miċħud.

 

3)

L-appell huwa miċħud.

 

4)

Ir-rikors għal annullament huwa miċħud sa fejn huwa dirett kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tirrifjuta l-aċċess għall-estratt tar-reġistru dwar id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ talbiet konfermatorji ta’ aċċess għad-dokumenti.

 

5)

G. Guido Strack għandu jbati l-ispejjeż tiegħu f’din l-istanza u terz mill-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

6)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati żewġ terzi mill-ispejjeż tagħha marbuta ma’ din il-proċedura.

 

7)

L-ispejjeż marbuta mal-proċedura fl-ewwel istanza li tat lok għas-sentenza Strack vs Il-Kummissjoni (T‑392/07, EU:T:2013:8) għandhom jiġu sostnuti bil-mod indikat fil-punt 7 tad-dispożittiv tal-imsemmija sentenza.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.