KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fl-24 ta’ Settembru 2014 ( 1 )

Kawża C‑518/13

The Queen, fuq talba ta’ Eventech Ltd

vs

The Parking Adjudicator

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England and Wales) (ir-Renju Unit)]

“Għajnuna mill-Istat — Kunċett ta’ ‘għajnuna’ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE — Regoli dwar l-aċċess għall-infrastruttura pubblika u dwar l-użu tagħha — Awtorizzazzjoni mogħtija lil taxis imma mhux lil vetturi tal-kiri privati sabiex jużaw il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja fiż-żona ta’ Greater London — Trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat — Kunċett ta’ selettività — Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri”

1. 

Il-Court of Appeal (England and Wales) talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkjarifika jekk politika kkontestata dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja ta’ Londra (iktar ’il quddiem il-“politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja”) adottata minn Transport for London (iktar ’il quddiem “TfL”) tidħolx fil-kunċett ta’ “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Skont dik il-politika, il-black cabs biss (jiġifieri t-taxis ta’ Londra) għandhom il-permess, matul ċerti perijodi tal-ġurnata, jużaw il-mogħdija rriżervata għall-karozzi tal-linja f’toroq pubbliċi, bl-esklużjoni ta’ vetturi tal-kiri privati.

2. 

Din il-kwistjoni tinqala’ bħala riżultat ta’ avvanzi teknoloġiċi li seħħew matul l-aħħar ftit għexieren ta’ snin. B’mod partikolari, il-miġja ta’ sistemi ta’ navigazzjoni satellitari u ta’ smartphones b’applikazzjonijiet speċifiċi ddisinjati sabiex jiffaċilitaw talbiet għat-trasport bidlet il-mod kif iġibu ruħhom il-klijenti, b’tali mod li ma għadx hemm distinzjoni netta bejn it-taxis u l-vetturi tal-kiri privati. Ir-riżultat ta’ dan huwa li hemm kompetizzjoni bla ħniena bejn it-taxis u l-vetturi tal-kiri privati fl-Ewropa kollha, u Londra ma hijiex l-unika belt fejn inqalgħu kwistjonijiet ( 2 ).

3. 

Fil-fatt, ma nemminx li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ġeneralment jikkonċernaw miżuri tal-Istat bħall-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja, bil-kundizzjoni li tiġi żgurata ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ impriżi paragunabbli.

I – Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

A – Il-black cabs u l-vetturi tal-kiri privati

4.

F’Londra, is-servizzi tat-taxi huma pprovduti mill-black cabs u mill-vetturi tal-kiri privati. Iż-żewġ tipi ta’ servizzi huma suġġetti għal liċenzja maħruġa minn korp li jaqa’ taħt is-superviżjoni ta’ TfL. Madankollu, il-liċenzja tinħarġilhom skont dispożizzjonijiet statutorji differenti u huma suġġetti għal kundizzjonijiet differenti.

5.

Il-black cabs tinħarġilhom liċenzja skont id-dispożizzjonijiet tad-Digriet tal-1934 dwar it-taxis ta’ Londra (London Cab Order 1934). Dan id-Digriet sar bis-saħħa tal-awtorizzazzjoni li tinsab fl-Artikolu 6 tal-Liġi tal-1869 dwar it-trasport pubbliku urban (Metropolitan Public Carriage Act 1869, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1869”), li tipprovdi fl-Artikolu 8(2) tagħha li “l-ebda taxi ma għandha tivvjaġġa għall-kiri” (enfasi miżjuda minni) f’Londra sakemm is-sewwieq tagħha jkollu liċenzja li tkun inħarġet minn TfL skont l-Artikolu 8 tal-Liġi tal-1869. Minn dan jirriżulta li l-black cabs biss jistgħu jiġbru passiġġieri mit-triq minkejja l-assenza ta’ riżervazzjoni minn qabel.

6.

Il-vetturi tal-kiri privati tinħarġilhom liċenzja separatament skont il-Liġi tal-1998 dwar il-vetturi tal-kiri privati [Private Hire Vehicles (London) Act 1998]. Ma humiex awtorizzati “jivvjaġġaw għall-kiri” f’Londra, imma jistgħu jiġbru passiġġieri li jkunu rriżervaw minn qabel is-servizzi tagħhom.

B – Setgħat fil-qasam tar-regoli tat-traffiku u l-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja

7.

Skont l-Artikolu 121A tal-Liġi tal-1984 dwar ir-regoli tat-traffiku fit-toroq (Road Traffic Regulation Act 1984, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1984”), TfL hija l-awtorità kompetenti fil-qasam tat-traffiku għal ċerti toroq fi Greater London magħrufa bħala “toroq GLA” ( 3 ), filwaqt li l-awtoritajiet tat-traffiku responsabbli għall-kważi t-toroq l-oħra kollha f’Londra u fi Greater London huma l-muniċipji (boroughs) individwali ta’ Londra.

8.

L-Artikolu 6 tal-Liġi tal-1984 (kif emendata) jagħti lill-awtorità tat-traffiku responsabbli għal triq partikolari s-setgħa li tirrestrinġi t-traffiku f’dik it-triq (jew parti minnha) għal ċerti tipi ta’ vetturi. Bis-saħħa tas-setgħat tagħha skont l-Artikolu 6, TfL indikat mogħdijiet għall-karozzi tal-linja f’numru ta’ toroq GLA. F’dan ir-rigward, hija adottat il-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja.

9.

Il-biċċa l-kbira tad-distretti ta’ Londra adottaw politiki dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja simili għal dik ta’ TfL. Eżempju hija l-mogħdija għall-karozzi tal-linja tas-Southampton Row operata mill-muniċipju ta’ Camden f’Londra (London Borough of Camden, iktar ’il quddiem l-“LBC”). Madankollu, il-vetturi tal-kiri privati huma awtorizzati jidħlu fil-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja sabiex jiġbru jew iniżżlu l-passiġġieri.

C – Infurzar

10.

Skont l-Artikolu 4 tal-Liġi tal-1996 dwar l-awtoritajiet lokali ta’ Londra (London Local Authorities Act 1996), l-awtoritajiet tat-traffiku jistgħu joħorġu avviż ta’ impożizzjoni ta’ penalità fir-rigward ta’ ksur ta’ ordni mogħtija skont l-Artikolu 6 tal-Liġi tal-1984.

11.

L-ordnijiet mogħtija skont l-Artikolu 6 tal-Liġi tal-1984 jistgħu jiġu infurzati wkoll mill-Pulizija, peress li l-Artikolu 8(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi li huwa reat kriminali li wieħed jikser, jew jonqos milli jikkonforma ma’, ordni mogħtija skont l-Artikolu 6. Madankollu, fil-prattika, il-maġġoranza ta’ ksur ta’ dawn l-ordnijiet jiġu ttrattati billi jinħarġu avviżi ta’ impożizzjoni ta’ penalità mill-awtoritjajiet tat-traffiku.

II – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

12.

Eventech Ltd (iktar ’il quddiem “Eventech”) hija kumpannija assoċjata ta’ Addison Lee plc (iktar ’il quddiem “Addison Lee”) li topera flotta ta’ vetturi tal-kiri privati fi Greater London. Eventech hija d-detentriċi rreġistrata tal-vetturi tal-kiri privati kollha ta’ Addison Lee, li jinkrew b’kuntratt minn Addison Lee lil sewwieqa li jaħdmu għal rashom.

13.

Fis-6 ta’ Ottubru 2010 u fit-13 ta’ Ottubru 2010 rispettivament, tnejn mis-sewwieqa ta’ Addison Lee saqu l-vetturi tal-kiri privati tagħhom tul il-mogħdija għall-karozzi tal-linja ta’ Southampton Row fiċ-ċentru ta’ Londra. Sussegwentement, l-LBC nnotifika avviżi ta’ impożizzjoni ta’ penalità lil Eventech fir-rigward tal-użu f’żewġ istanzi tal-mogħdija għall-karozzi tal-linja ta’ Southhampton Row. Eventech ikkontestat dawn l-avviżi ta’ impożizzjoni ta’ penalità u l-legalità tal-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja quddiem il-Parking Adjudicator.

14.

Il-Parking Adjudicator ċaħad dik il-kontestazzjoni. Sussegwentement, Eventech ippreżentat rikors għal stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-High Court of Justice fejn qalet li l-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja kienet tikser ir-regoli applikabbli fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-għajnuna mill-Istat. Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Lulju 2012, il-High Court ċaħdet dan ir-rikors.

15.

Fis-7 ta’ Diċembru 2012 Eventech ġiet awtorizzata tappella mid-deċiżjoni tal-High Court, u sussegwentement il-kawża nstemgħet mill-Court of Appeal. Billi esprimiet dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 107(1)(b) TFUE, il-Court of Appeal iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

Fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, il-fatt li mogħdija għall-karrozzi tal-linja li tinsab fuq triq pubblika ssir aċċessibbli għall-Black Cabs iżda mhux għall-[vetturi tal-kiri privati] fis-sigħat li din il-mogħdija tintuża mill-karrozzi tal-linja, jinvolvi l-użu ta’ ‘riżorsi ta’ l-Istat’ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE?

(2)(a)

Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-fatt li mogħdija għall-karrozzi tal-linja li tinsab fuq triq pubblika ssir aċċessibbli għall-Black Cabs iżda mhux għall-[vetturi tal-kiri privati] fis-sigħat li din il-mogħdija tintuża mill-karrozzi tal-linja huwiex selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, għal-liema għan għandu wieħed jirreferi sabiex jiġi evalwat jekk il-Black Cabs u l-[vetturi tal-kiri privati] humiex f’sitwazzjoni legali u fattwali paragunabbli?

(2)(b)

Jekk jista’ jintwera li l-għan rilevanti, fis-sens tad-domanda 2(a), huwa għall-inqas parzjalment sabiex tinħoloq sistema ta’ trasport sigura u effettiva u li jeżistu raġunijiet ta’ sigurtà u/jew ta’ effettività li jiġġustifikaw l-awtorizzazzjoni tal-Black Cabs sabiex isuqu fil-mogħdijiet għall-karrozzi tal-linja, iżda li ma japplikawx għall-[vetturi tal-kiri privati], jista’ jingħad li l-miżura ma hijiex selettiva fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE?

(2)(ċ)

Sabiex tingħata risposta għad-domanda 2(b), għandu jiġi vverifikat jekk, billi bbaża ruħu fuq din il-ġustifikazzjoni, l-Istat Membru weriex barra minn hekk li t-trattament favorevoli mogħti lill-Black Cabs meta mqabbla mal-[vetturi tal-kiri privati] huwa proporzjonat u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju?

(3)

Il-fatt li mogħdija għall-karrozzi tal-linja li tinsab fuq triq pubblika ssir aċċessibbli għall-Black Cabs iżda mhux għall-[vetturi tal-kiri privati] fis-sigħat li din il-mogħdija tintuża mill-karrozzi tal-linja huwa tali li jkollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE meta t-triq inkwistjoni tinsab fiċ-ċentru ta’ Londra u dan minkejja li ma jeżisti ebda ostakolu li jipprekludi liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn milli jipposjedu jew isuqu Black Cabs jew [vetturi tal-kiri privati]?”

16.

Eventech, TfL, il-Gvern Pollakk, il-Kummissjoni u l-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA (iktar ’il quddiem l-“ESA”) ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-partijiet, ħlief għall-Gvern Pollakk, ippreżentaw ukoll sottomissjonijiet orali fis-seduta tat-3 ta’ Lulju 2014.

III – Analiżi

A – Osservazzjonijiet preliminari

17.

Il-Court of Appeal għamlet tliet domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja li kollha huma intiżi sabiex tingħata interpretazzjoni ta’ ċerti elementi kostituttivi tal-kunċett ta’ “għajnuna” skont l-Artikolu 107(1) TFUE. Id-domanda 1 tittratta l-kwistjoni ta’ trasferiment ta’ “riżorsi ta’ l-Istat”. Id-domanda 2, b’mod partikolari, tirrigwarda tliet aspetti differenti tal-evalwazzjoni dwar jekk il-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja tiffavorixxix “ċerti impriżi jew ċerti produtturi”, jiġifieri jekk din il-politika hijiex selettiva. Fl-aħħar nett, permezz tad-domanda 3, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tagħti interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri” (iktar ’il quddiem “effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati”).

18.

Interessanti li, quddiem il-High Court of Justice, il-kwistjonijiet tal-għajnuna mill-Istat li kienu qed jiġu kkontestati kienu (i) ir-rekwiżit ta’ selettività; (ii) jekk il-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja “twassal[x] għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni” u (iii) jekk il-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja jistax ikollha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati. Fi kliem ieħor, minn naħa, filwaqt li ma kienx qed jiġi kkontestat quddiem il-High Court of Justice li l-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja kienet tinvolvi trasferiment tar-riżorsi tal-Istat, din il-kwistjoni issa qed tiġi kkontestata quddiem il-Court of Appeal u hija l-punt fokali tad-domanda 1 ( 4 ). Min-naħa l-oħra, ma għadux qed jiġi kkontestat il-fatt li l-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja tista’ twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni. Apparti dawn il-kwistjonijiet, ma ġiex ikkontestat quddiem l-ebda waħda minn dawn il-qrati li l-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja tagħti fil-fatt vantaġġ lill-black cabs u, għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju ma għamlet l-ebda domanda f’dan ir-rigward.

19.

Mir-regoli nazzjonali applikabbli jirriżulta li l-isfond kompetittiv dwar l-għoti ta’ servizzi ta’ trasport lokali ta’ passiġġieri b’vettura huwa wieħed fejn il-black cabs għandhom monopolju legali parzjali. Huma biss jistgħu “jivvjaġġaw għall-kiri”, jiġifieri joqogħdu f’filliera tat-taxis sabiex jiġbru l-klijenti jew jissejħu fit-triq. Madankollu, kemm il-black cabs kif ukoll il-vetturi tal-kiri privati jistgħu jipprovdu s-servizzi tagħhom fir-rigward ta’ vjaġġi rriżervati minn qabel. Għal dak li jirrigwarda kemm hemm black cabs li joperaw fis-suq tar-riżervazzjonijiet minn qabel, skont il-provi prodotti quddiem il-High Court of Justice, servej tal-2009 wera li 8 % tal-vjaġġi tal-black cabs kienu ġew irriżervati minn qabel ( 5 ).

B – Id-domanda 1: it-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat

20.

Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja twassalx għal trasferiment tar-riżorsi tal-Istat. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja trid tikkjarifika jekk il-fatt, li l-Istat jagħti lil grupp speċifiku ta’ impriżi aċċess għall-infrastruttura pubblika meta dan qabel ma kienx jeżisti, jikkostitwixxix tali trasferiment.

21.

Eventech targumenta li l-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja twassal għal trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat bi tliet modi differenti, jiġifieri (i) l-aċċess preferenzjali għal assi tal-Istat li għall-użu tagħhom il-black cabs ma jħallsux; (ii) l-eżenzjoni tal-black cabs mill-obbligu li jħallsu multi għall-użu ta’ mogħdijiet għall-karozzi tal-linja; u (iii) żieda fl-ispiża għall-manutenzjoni tal-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja minħabba żieda fit-traffiku kkawżat mill-black cabs.

22.

Dwar din l-aħħar kwistjoni, il-fondi pubbliċi jridu jintużaw għall-manutenzjoni tat-toroq, inklużi kwalunkwe mogħdija għall-karozzi tal-linja possibbli. Il-fatt li l-mogħdija li normalment tkun irriżervata għall-karozzi tal-linja tista’ tiddeterjora iktar bħala riżultat li jingħata aċċess lill-black cabs ma jbiddel xejn billi l-karreġġati l-oħra jkollhom bżonn, b’mod ekwivalenti, inqas manutenzjoni. Għaldaqstant, ma narax kif il-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja tista’ tagħti lok għal piż addizzjonali fuq l-Istat f’dan ir-rigward.

23.

F’dan li ġej ser nittratta ż-żewġ kwistjonijiet l-oħra b’mod separat.

1. L-Aċċess b’xejn għall-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja

24.

Il-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja tagħti lill-black cabs il-possibbiltà li jevitaw it-traffiku u għalhekk jipprovdu servizzi tat-taxis lil numru ikbar ta’ passiġġieri li jħallsu n-nol fl-istess ammont ta’ ħin mingħajr spiża addizzjonali. Awtorizzazzjoni bħal din għandha valur ekonomiku ( 6 ). Għalhekk, il-kwistjoni hija jekk dan ifissirx li jkunu qed jiġu rrinunzjati riżorsi tal-Istat jew, fi kliem ieħor, jekk l-Istati Membri għandhomx obbligu, skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, li jitolbu ħlas għall-użu tal-infrastruttura pubblika.

25.

Għalkemm il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħti ċerti indikazzjonijiet, ma jidhirx li l-kwistjoni ineżami qatt ġiet deċiża f’każijiet preċedenti.

26.

Minn naħa, il-ġurisprudenza li tgħid li miżuri li, għalkemm ma jinvolvux trasferiment formali tar-riżorsi tal-Istat, xorta jirriżultaw f’rinunzja potenzjali ta’ dħul ( 7 ), ma tidhirx li tista’ tiġi ttrasferita għal sitwazzjonijiet li jinvolvu aċċess għall-infrastruttura pubblika, billi dik il-linja ta’ ġurisprudenza tirrigwarda essenzjalment trattament fiskali favorevoli ( 8 ). Fuq l-istess linja, il-ġurisprudenza applikabbli għall-garanziji tal-Istat li, apparti l-primjum, jistgħu jinvolvu piż addizzjonali fuq l-Istat billi dawn il-garanziji jistgħu jinvolvu trasferiment tar-riżorsi tal-Istat fi stadju sussegwenti ( 9 ), ma tistax tiġi applikata għall-kwistjoni ineżami.

27.

Min-naħa l-oħra, linja differenti ta’ ġurisprudenza tidher li tagħti sostenn lill-idea li intervent regolatorju fis-suq li jibbenefika grupp minn ieħor imma ma jinvolvix ħlas attwali jew potenzjali ta’ flejjes tal-Istat (jew telf ta’ qligħ) mhux neċessarjament jinvolvi trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat ( 10 ). Jista’ jiġi preżunt ukoll minn linja simili ta’ ġurisprudenza li piż finanzjarju fuq l-Istat li huwa konsegwenza sempliċi ta’ sistema statutorja partikolari u inerenti fiha, lanqas ma jidħol fil-kunċett ta’ trasferiment ta’ “riżorsi ta’ l-Istat” ( 11 ).

28.

Madankollu, l-ebda linja ta’ ġurisprudenza minn dawn imsemmija fil-punt preċedenti ma tittratta l-kwistjoni ta’ aċċess għall-infrastruttura pubblika.

29.

Fuq din il-bażi, jiena tal-fehma li, b’mod ġenerali, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ma jeħtiġux speċifikament li l-Istati Membri jeżiġu ħlas għall-aċċess għal din l-infrastruttura, imma jħallu fid-diskrezzjoni tagħhom jekk jagħtux jew le aċċess mingħajr ħlas ( 12 ). Bħala parti mill-assi fl-isfera pubblika intiża sabiex tiffaċilita t-trasport u l-mobbiltà għall-utenti finali, din l-infrastruttura teħtieġ min-natura tagħha stess li jkun hemm regoli stabbiliti għall-użu tagħha, inkluż l-aċċess għaliha — b’mod evidenti ħafna fir-rigward tal-kontroll tat-traffiku u ż-żamma tal-ordni. Din hija kwistjoni regolatorja, iktar milli kummerċjali, ta’ natura li ma tiġġustifikax l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti fil-Kapitolu 1 tat-Titolu VII tat-Trattat FUE, inklużi dawk fuq l-għajnuna mill-Istat ( 13 ). Kif indika l-Gvern Pollakk, Stati Membri setgħu adottaw regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni tat-traffiku. Dan ma jfissirx li, billi jkun ġie rregolat l-aċċess għall-infrastruttura pubblika, tkun ġiet ittrasferita riżorsa (jew tabilħaqq tkun ġiet irrinunzjata).

30.

Jekk, għall-grazzja tal-argument, ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat jiġu interpretati illi ġeneralment jeħtieġu lill-Istati Membri li jitolbu ħlas għall-aċċess għal infrastruttura pubblika jew għal riżorsi kkontrollati mill-Istat, dan jista’ jiddiswadi lill-Istati milli joħolqu jew jiftħu oqsma li għalihom qabel ma kien hemm l-ebda aċċess jew aċċess limitat biss. Bl-istess mod, dan jista’ jiddiswadi lill-impriżi milli jipparteċipaw f’dak il-proċess. Pereżempju, fil-kwistjoni ineżami, jekk il-black cabs ikunu meħtieġa li jħallsu għall-aċċess għall-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja, dan jista’ jiddiswadi lil uħud minnhom milli jitolbu aċċess, bil-konsegwenza li l-aċċess jingħata biss lil dawk li għandhom iktar riżorsi ekonomiċi, u b’hekk l-għan tal-politika jintilef.

31.

Iżda għandi nenfasizza li x-xenarju li ddeskrivejt iktar ’il fuq fil-punt 29 huwa x-xenarju normali, li jista’ jvarja skont iċ-ċirkustanzi, u għalhekk japplikaw ċerti kundizzjonijiet. L-ewwel nett, jista’ jagħti l-każ li leġiżlazzjoni speċifika tal-UE tista’ tistabbilixxi regoli ddettaljati fir-rigward ta’ qasam partikolari ( 14 ).

32.

Barra minn hekk, meta jkun qed jirregola l-aċċess għall-infrastruttura, l-Istat għandu b’mod ċar jaġixxi ġenwinament f’kapaċità regolatorja. Dan jinkludi meta jirregola sitwazzjonijiet paragunabbli bl-istess mod sabiex ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni ( 15 ). Fil-fatt, meta l-infrastruttura tkun disponibbli għall-utenti kollha fuq bażi ugwali u nondiskriminatorja, din tkun indikazzjoni li ma tkun ingħatat l-ebda għajnuna lil dawk l-utenti ( 16 ). Iżda jekk, pereżempju, l-Istat ġeneralment jitlob ħlas għall-aċċess għall-infrastruttura pubblika (bħal nol għall-użu ta’ awtostrada pubblika) jew għal riżorsi oħra fl-isfera pubblika, imma jagħti lil diversi impriżi aċċess bla ħlas fuq bażi diskrezzjonali, jista’ jkun hemm rinunzja għad-dħul fir-rigward ta’ dawk l-impriżi. Il-kawża NOx hija eżempju ċar f’dan ir-rigward ( 17 ). Hemmhekk, l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi kienu għamlu ċerti drittijiet ta’ emissjonijiet skambjabbli biss fir-rigward ta’ impriżi kbar b’kapaċità termali installata totali ta’ iktar minn 20 megawatt termali, bħala grupp, pjuttost milli għall-impriżi ta’ emissjonijiet kollha. Il-Qorti tal-Ġustizzja, billi l-ewwel iddeċidiet li din d-distinzjoni ma kinitx iġġustifikata bl-għan u bl-iskop ġenerali ta’ skema intiża sabiex tnaqqas it-tniġġis industrijali, iddeċidiet li dawk l-awtoritajiet kienu rrinunzjaw għal riżorsi, billi ma kien sar l-ebda ħlas inkambju għad-drittijiet ta’ emissjoni inkwistjoni.

33.

Għalhekk, meta l-Istat jaġixxi f’kapaċità regolatorja, kif deskritt iktar ’il fuq, fir-rigward ta’ aċċess għal riżorsi fl-isfera pubblika, jiena naqbel, essenzjalment, mal-Kummissjoni u mal-ESA li, sakemm jittratta l-impriżi paragunabbli kollha kkonċernati b’mod trasparenti u nondiskriminatorju, l-Istat jista’ jiddeċiedi leġittimament li ma jimmassimizzax id-dħul li seta’ nkiseb, mingħajr ma jkun qed jikser ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat.

34.

Fir-rigward tal-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja, ma hemm xejn li jissuġġerixxi li din ġiet adottata għal xi raġuni għajr li tippromwovi għan regolatorju komuni. Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma narax li huwa rilevanti li f’numru ta’ postijiet f’Londra, it-triq sħiħa tiġi indikata bħala mogħdija għall-karozzi tal-linja — inklużi toroq traffikużi ħafna. Din hija sempliċement konsegwenza inerenti fil-mod kif jiġi rregolat it-traffiku.

35.

Fl-aħħar nett, nirrikonoxxi li bl-approċċ li ħadt, il-kwistjoni dwar jekk ġewx ittrasferiti riżorsi tal-Istat tiddependi fuq jekk ġietx żgurata ugwaljanza fit-trattament. Bla dubju, ir-rabta bejn, minn naħa, l-ugwaljanza fit-trattament u, min-naħa l-oħra, trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat tidher li tirriżulta min-natura stess tar-riżorsa inkwistjoni, jiġifieri l-infrastruttura pubblika. F’dan ir-rigward, jekk TfL irrispettatx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament hija kwistjoni li hija iktar relatata mill-qrib mal-kwistjoni jekk il-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja hijiex selettiva milli mal-kwistjoni jekk ir-riżorsi tal-Istat ġewx irrinunzjati. Għalhekk, ser nindirizza din il-kwistjoni separatament fid-domanda 2 partikolarment għaliex il-kwistjonijiet imqajma fil-proċeduri prinċipali huma ta’ prinċipju li jistħoqqilhom attenzjoni individwali, u jkun ta’ interess kbir għall-awtoritajiet tal-Istat kif ukoll għall-impriżi jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkjarifika dawn il-kwistjonijiet kollha.

36.

Madankollu, qabel ma jsir hekk, ser neżamina l-eżenzjoni mill-penalitajiet li jgawdu l-black cabs.

2. L-eżenzjoni tal-black cabs mill-penalitajiet għall-użu ta’ mogħdijiet għall-karozzi tal-linja

37.

Kif intqal diġà, Eventech targumenta li l-eżenzjoni tal-black cabs minn penalitajiet għall-użu ta’ mogħdijiet għall-karozzi tal-linja twassal għal piż addizzjonali għall-awtoritajiet pubbliċi. Mil-loġika ta’ dan ir-raġunament jidher li hija li l-Qorti tal-Ġustizzja li f’xi okkażjonijiet iddeċidiet li d-dispensa mill-obbligu li jitħallsu l-multi tinvolvi r-rinunzja għal dħul, bl-istess mod bħall-vantaġġi fiskali u vantaġġi simili.

38.

Madankollu, għall-inqas bħala punt ta’ tluq, dispensa mill-obbligu li jitħallsu multi mhux dejjem tista’ tiġi ekwiparata ma’ modi oħra fejn l-Istat jista’ jitqies li rrinunzja għad-dritt ta’ dħul tiegħu. L-argument ta’ Eventech li Stat Membru jista’ jinżamm responsabbli skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat għaliex ikun irrinunzja għar-riżorsi ġġenerati mill-multi jidher li jippresupponi li l-Istati ġeneralment għandhom obbligu li jadottaw leġiżlazzjoni li timponi multi.

39.

Barra minn hekk, multi u penalitajiet, partikolarment għal dak li jirrigwarda s-sanzjonijiet kriminali, huma strumenti li jappartjenu lill-isfera tal-politika pubblika u li għandhom bħala għan tagħhom kemm id-deterrenza u l-piena. Iżda b’kuntrast, it-taxxi u l-imposti jservu primarjament għan ta’ baġit, billi l-iskop kollu tas-sistema ta’ tassazzjoni huwa li jinġabar dħul sabiex jiffinanzja n-nefqa tal-Istat ( 18 ). Għalkemm kemm il-multi kif ukoll it-taxxi jikkostitwixxu b’mod ċar piż finanzjarju għal dawk li jridu jħallsuhom, dan ma jfissirx li huma interkambjabbli. Jekk multa ma tistax per se tiġi ekwiparata ma’ taxxa, eżenzjoni mill-ħlas ta’ multa lanqas ma tista’ bħala tali tiġi ekwiparata ma’ vantaġġ fiskali.

40.

Bl-istess mod, multa ma hijiex l-istess bħal ħlas ta’ prezz (kemm jekk fiss kif ukoll varjabbli), billi prezz normalment jitħallas meta dak li jkun jirċievi oġġetti jew servizzi. F’dan ir-rigward, kif josserva ġustament il-Gvern Pollakk, multa għall-ksur tal-limitu tal-veloċità ma hijiex ħlas għal użu iktar intensiv tat-triq minn dak awtorizzat.

41.

Il-kawżi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat sa issa li dispensa mill-obbligu ta’ ħlas ta’ multi u penalitajiet li jinvolvi rinunzja ta’ riżorsi, fil-fehma tiegħi, jispjegaw ruħhom waħedhom billi jinvolvu mitigazzjoni sempliċi tal-ispejjeż tan-negozju.

42.

Il-kawżi Ecotrade ( 19 ) u Piaggio ( 20 ) it-tnejn kienu jirrigwardaw l-istess leġiżlazzjoni Taljana. F’dawk il-kawżi, id-dispensa mill-obbligu li jitħallsu multi u penalitajiet pekunjarji fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza speċjali (li inkludiet sett ta’ miżuri vantaġġużi bħal garanzija tal-Istat) wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li ma setax jiġi eskluż li l-proċedura kienet tinvolvi għajnuna mill-Istat. Il-multi u l-penalitajiet pekunjarji inkwistjoni kienu ġew imposti minħabba n-nuqqas li jitħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, u għalhekk il-proċedura ta’ insolvenza speċjali taffiet il-ħlasijiet li normalment ikunu inklużi fil-baġit ta’ impriża.

43.

Barra minn hekk, il-kawża NOx ( 21 ), invokata minn Eventech, hija radikalment differenti mill-kawża li qed tiġi kkunsidrata hawnhekk. Xejn ma jissuġġerixxi li l-awtorizzazzjoni li ngħataw il-black cabs sabiex jużaw il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja hija negozjabbli jew li l-multi għall-użu illegali tal-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja jistgħu jiġu evitati. Id-digriet tar-rinviju jipprevedi b’mod ċar ħafna li l-użu mhux awtorizzat ta’ mogħdijiet għall-karozzi tal-linja huwa reat kriminali ( 22 ). Iżda, fil-kawża NOx, billi impriżi b’emissjonijiet potenzjalment għolja li kienu qabżu l-istandard applikabbli tħajru jispekulaw fuq bażi annwali jekk ikunx jaqblilhom iktar jħallsu penalità jew jiksbu drittijiet ta’ emissjoni, il-penalità f’dik il-kawża — bħal fil-kawżi Ecotrade u Piaggio — kellha wkoll il-karatteristiċi klassiċi kollha ta’ spiża tan-negozju.

44.

Iżda, il-multa imposta għall-użu illegali ta’ mogħdijiet għall-karozzi tal-linja ma tistax tiġi ridotta għal sempliċi spiża tan-negozju (anki jekk ċerti impriżi jistgħu jikkunsidrawha b’dan il-mod). Id-dispożizzjonijiet li bihom jiġu imposti l-multi huma ta’ applikazzjoni ġenerali, u għalhekk japplikaw bl-istess mod għall-impriżi u għall-individwi. Barra minn hekk, il-multi huma konsegwenza loġika ta’ attività regolatorja li tirrigwarda l-aċċess għall-infrastruttura pubblika: kif intqal qabel, attività regolatorja ta’ dan it-tip ma taqax per se fl-ambitu tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat — bil-kundizzjoni li l-impriżi paragunabbli kollha kkonċernati għandhom jiġu ttrattati b’mod ugwali meta l-politika regolatorja tiġi applikata.

45.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ma nistax naqbel mal-argument li jgħid li meta l-black cabs jiġu ddispensati mill-obbligu li jħallsu multa għall-użu tal-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja dan iwassal għal trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat.

3. Konklużjoni provviżorja

46.

Fuq din il-bażi, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda 1 għandha tkun li l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li meta awtoritajiet tal-Istat irendu mogħdija għall-karozzi tal-linja fi triq pubblika disponibbli għall-black cabs iżda mhux għall-vetturi tal-kiri privati fis-sigħat li din il-mogħdija tintuża mill-karozzi tal-linja, dan ma jinvolvix trasferiment tar-“riżorsi ta’ l-Istat”, bil-kundizzjoni li l-impriżi paragunabbli kollha jingħataw aċċess b’kundizzjonijiet ugwali, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

47.

Fid-dawl tal-pożizzjoni tiegħi għal dak li jirrigwarda d-domanda 1, ir-risposta attwali li għandha tingħata fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju ser tiddependi fuq jekk il-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja hijiex selettiva. Dan huwa l-punt fokali tad-domandi 2(a), (b) u (ċ).

C – Id-domandi 2(a), (b) u (ċ): is-selettività tal-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFEU

1. Osservazzjonijiet introduttivi

48.

Kif intqal fil-punt 17 iktar ’il fuq, permezz tat-tieni domanda tagħha, li tinqasam fi tliet partijiet, il-qorti tar-rinviju qed titlob kjarifika dwar diversi aspetti tar-rekwiżiti ta’ selettività fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

49.

Permezz tad-domanda 2(a), il-qorti tar-rinviju tistaqsi “għal-liema għan għandu wieħed jirreferi sabiex jiġi evalwat jekk il-Black Cabs u l-[vetturi tal-kiri privati] humiex f’sitwazzjoni legali u fattwali paragunabbli”. Permezz tad-domanda 2(b), il-Qorti tal-Appell tistaqsi, fil-każ li jkun jista’ jintwera għall-finijiet tad-domanda 2(a) li l-għan mixtieq huwa l-ħolqien ta’ “sistema ta’ trasport sigura u effettiva”, jekk dan l-għan jistax jiġġustifika l-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja fis-sens li ma tistax titqies li hija selettiva għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fl-aħħar nett, permezz tad-domanda 2(ċ), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Istat Membru għandux juri, matul il-proċess ta’ ġustifikazzjoni, li l-vantaġġ mogħti jikkonformax mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

50.

Għandu jiġi osservat li, apparti milli tirreferi għas-sottomissjonijiet tal-partijiet fil-proċeduri prinċipali, id-digriet tar-rinviju ma jsemmix ir-raġunijiet sottostanti li wasslu lill-qorti tar-rinviju li tagħmel id-domandi 2(a), (b) u (ċ) bil-mod kif għamlet.

51.

Minħabba din l-ambigwità, l-ewwel mod litterali ta’ kif id-domanda 2(a) tista’ tinftiehem huwa li l-qorti tar-rinviju tixtieq sempliċement tkun taf x’inhu l-għan rilevanti li fid-dawl tiegħu l-black cabs u l-vetturi tal-kiri privati għandhom jiġu pparagunati.

52.

Madankollu, jekk din l-interpretazzjoni hija korretta, ikun sorprendenti li, permezz tad-domanda 2(b), il-qorti tar-rinviju nnifisha ssemmi li l-għan jista’ jkun il-ħolqien ta’ sistema ta’ trasport sigura u effettiva. Barra minn dan, skont l-Artikolu 267 TFUE, huma l-qrati nazzjonali li għandhom japplikaw ir-regoli nazzjonali rilevanti u, f’dan ir-rigward, jiżguraw l-għan li dawk ir-regoli jsegwu. Ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tissuġġerixxi għanijiet possibbli li jistgħu jwasslu għad-deċiżjoni li miżura tal-Istat partikolari ma hijiex selettiva ( 23 ).

53.

Għalhekk, it-tieni mod, forsi iktar interpretattiv, ta’ kif id-domanda 2(a) tista’ tinftiehem jista’ jkun li l-qorti tar-rinviju fil-verità tixtieq tkun taf jekk is-selettività għandhiex tiġi evalwata biss fuq il-bażi tas-suq li fih jikkompetu kemm il-black cabs kif ukoll il-vetturi tal-kiri privati (jiġifieri, is-suq tar-riżervazzjonijiet minn qabel), jew jekk għandhiex tinkludi s-suq tat-taxis li “jivvjaġġaw għall-kiri”. Jista’ jingħad li din hija kwistjoni deċiżiva fil-kawża ineżami, u għalhekk ser nirrispondi d-domanda 2(a) billi nieħu inkunsiderazzjoni dan il-mod ta’ kif id-domanda tista’ tinftiehem.

54.

Permezz tad-domandi 2(b) u (ċ), li jidhru li huma marbutin bl-istess mod bħad-domandi 2(a) u (b), jidhirli li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà u effettività jistgħux jispjegaw għaliex il-black cabs biss u mhux il-vetturi tal-kiri privati jistgħu jużaw il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja f’ċertu ħinijiet (bħas-siegħat meta jkun hemm l-ogħla ammont tat-traffiku) u, jekk dan huwa l-każ, jekk il-miżuri adottati f’dak is-sens għandhomx jikkonformaw mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

55.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ser nipprova nagħti risposta koerenti, billi nindirizza waħda wara l-oħra kull kwistjoni li tqajmet mill-qorti tar-rinviju.

2. Evalwazzjoni

a) Is-suq (swieq) rilevanti meta jiġu pparagunati l-black cabs mal-vetturi tal-kiri privati

56.

Bħala eċċezzjoni għas-sitwazzjoni normali skont is-sistema tat-trasport u tat-traffiku applikabbli fiż-żona ta’ Greater London, il-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja tippermetti lill-black cabs li jużaw il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja matul ċerti ħinijiet tal-ġurnata, bl-esklużjoni tal-vetturi tal-kiri privati.

57.

F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li miżura tal-Istat hija selettiva jekk, skont skema statutorja partikolari (magħrufa wkoll bħala “l-qafas ta’ referenza”), dik il-miżura hija tali li tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti meta mqabbla ma’ impriżi oħrajn li qegħdin f’sitwazzjoni legali u fattwali li hija paragunabbli fid-dawl tal-għan li trid tilħaq il-miżura inkwistjoni ( 24 ).

58.

Għalhekk, skont jekk il-black cabs u l-vetturi tal-kiri privati humiex f’sitwazzjoni paragunabbli, il-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja tista’ tagħti lok għal trattament selettiv ( 25 ). Mod kif dan jista’ jiġi ddeterminat huwa li ssir evalwazzjoni dwar jekk il-vetturi tal-kiri privati u l-black cabs jistgħux jiġu ssostitwiti waħda mal-oħra. Dan, imbagħad, jeħtieġ li jiġi stabbilit f’liema suq (swieq) rilevanti għandu jiġi bbażat paragun.

59.

Il-black cabs u l-vetturi tal-kiri privati jikkompetu t-tnejn fis-suq tar-riżervazzjonijiet minn qabel, u huwa stabbilit li l-kompetizzjoni hija affettwata bil-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja f’dan is-suq. Kieku dan is-suq kien l-uniku wieħed rilevanti, kienu jkunu paragunabbli b’mod ċar u, għaldaqstant, il-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja kienet tkun selettiva.

60.

Madankollu, wieħed ma jistax sempliċement jislet parti mill-mudell tan-negozju ta’ impriża u sussegwentement jillimita l-paragun ma’ impriża oħra għall-parti li tkun ġiet misluta. Bla dubju dan jgħodd ukoll għan-negozju tat-taxis fejn ċerti speċifiċitajiet tiegħu ma jiġġustifikawx li l-evalwazzjoni tan-natura paragunabbli tiġi limitata għas-suq tar-riżervazzjonijiet minn qabel biss.

61.

Fi ftit kliem, it-taxis jipprovdu servizz li jissupplimenta l-mezzi eżistenti tat-trasport pubbliku u li, b’ċertu mod, wieħed jista’ jgħid, jiġi assimilat ma’ servizz pubbliku universali. Fi żmien meta l-metodi ta’ komunikazzjoni kienu inqas żviluppati, li tgħajjat taxi mit-triq jew taqbad waħda minn filliera ta’ taxis kienet alternattiva essenzjali għal mezzi ta’ trasport oħra disponibbli. Din hija r-raġuni għaliex il-black cabs tradizzjonalment għandhom monopolju sabiex “jivvjaġġaw għall-kiri”, u l-istess raġuni għaliex taxis f’ħafna bliet fl-Ewropa jgawdu privileġġi simili, inkluż id-dritt li jużaw il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja.

62.

Barra minn hekk, kif semmejt fil-punt 19 iktar ’il fuq, skont il-provi prodotti, 8 % biss tal-vjaġġi tal-black cabs jiġu rriżervati minn qabel. Għalhekk, m’inix konvint li s-suq tar-riżervazzjonijiet minn qabel huwa l-uniku suq sinjifikattiv li fih joperaw il-black cabs ( 26 ). F’dan ir-rigward, għalkemm għalija ma jidhirx li huwa ovvju, indunajt li l-High Court iddeċidiet fis-sentenza tagħha li “huwa evidentement impossibbli li l-liġi tkun tipprevedi li ... il-black cabs ma jistgħux jużaw il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja meta jkunu qed iġorru passiġġier li jkun irriżerva minn qabel” ( 27 ). Fid-dawl ta’ dan, ma jidhirx li hemm ġustifikazzjoni sabiex l-evalwazzjoni tiġi limitata għas-suq tar-riżervazzjonijiet minn qabel biss.

63.

Għalhekk issa huwa meħtieġ li tiġi kkunsidrata d-domanda 2(b) u għaldaqstant anki d-domanda 2(c), jiġifieri jekk, minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà u effettività, il-black cabs ma humiex paragunabbli ma’ vetturi tal-kiri privati f’dawk is-swieq kkombinati u jekk, għaldaqstant, huwiex iġġustifikat li l-black cabs biss u mhux il-vetturi tal-kiri privati jiġu permessi li jużaw il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja matul ċerti ħinijiet. Ser niddiskuti din il-kwistjoni issa.

b) Il-black cabs u l-vetturi tal-kiri privati huma paragunabbli fid-dawl tal-għan li tinħoloq sistema sigura u effettiva tat-trasport?

64.

Mid-diskussjoni li saret iktar ’il fuq jirriżulta li s-swieq rilevanti li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex jiġu pparagunati l-black cabs u l-vetturi tal-kiri privati huma s-suq tal-“ivvjaġġar għall-kiri”u s-suq tar-riżervazzjonijiet minn qabel.

65.

Ingħataw, essenzjalment, erba’ raġunijiet ewlenin dwar għaliex il-black cabs u l-vetturi tal-kiri privati ma humiex paragunabbli f’dawk is-swieq ikkombinati.

66.

L-ewwel nett, b’differenza mill-vetturi tal-kiri privati, il-black cabs għandhom ċerti obbligi fir-rigward, inter alia, tal-klijenti li jiġbru fit-triq jew f’filliera tat-taxis (“natura vinkolanti”). Dawk il-klijenti jistgħu jinkludu, pereżempju, persuni b’disabbiltajiet, li għalihom il-black cabs għandhom għalhekk ikunu aċċessibbli.

67.

It-tieni nett, il-black cabs għandhom ikunu konformi ma’ ċerti standards (“il-kundizzjonijiet ta’ konformità”), bħall-forma u d-daqs tal-vettura u t-tabella tat-taxi (bħalissa żewġ mudelli biss jikkonformaw mal-kundizzjonijiet ta’ konformità) biex ikunu viżibbli iktar faċilment għal klijenti li jsejħulhom.

68.

It-tielet nett, il-black cabs huma suġġetti għal regoli stretti dwar in-nol ( 28 ).

69.

Fl-aħħar nett, biex wieħed isir sewwieq ta’ black cab, ir-rekwiżiti sabiex tinħareġ il-liċenzja huma ġeneralment iktar stretti milli biex wieħed isir sewwieq ta’ karozza tal-kiri privata u jinkludu eżami topografiku tal-ġeografija ta’ Greater London magħruf bħala “the Knowledge” (verifika tal-konoxxenzi).

70.

Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, għalkemm nikkunsidra l-black cabs bħala paragunabbli mal-vetturi tal-kiri privati fis-suq tar-riżervazzjonijiet minn qabel, ma humiex paragunabbli fl-aspetti kollha. Għalhekk nista’ naċċetta, bħala prinċipju, li, fis-swieq rilevanti kkombinati, l-għan li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ sistema tat-trasport sigura u effettiva jista’ jfisser li l-black cabs ma humiex paragunabbli mal-vetturi tal-kiri privati.

71.

Madankollu, il-black cabs bla dubju joperaw f’suq li jidħol f’dak tal-vetturi tal-kiri privati u għalhekk jistgħu jużaw il-vantaġġ kompetittiv tagħhom fuq il-vetturi tal-kiri privati fir-rigward tal-qasam tar-riżervazzjonijiet minn qabel. Minkejja dan, u kif il-qorti tar-rinviju donnha tissuġġerixxi permezz tad-domanda 2(ċ), għalkemm il-ħolqien ta’ sistema ta’ trasport sigura u effettiva jista’ jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn ċerti gruppi ta’ impriżi, hemm ukoll limiti għal x’jista’ jiġi ġġustifikat b’dan l-għan. Ma nemminx li l-għan li tinżamm sistema ta’ trasport sigura u effettiva jeħtieġ li d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-politika ta’ mogħdijiet għall-karozzi tal-linja fis-suq tar-riżervazzjonijiet minn qabel tkun mingħajr restrizzjoni.

72.

F’dan ir-rigward, infakkar li huwa l-Istat li, bl-adozzjoni ta’ miżura partikolari, jiddefinixxi l-għan(ijiet) tiegħu. Għalhekk huwa l-Istat li għandu juri li ċerti gruppi ta’ impriżi li jidhru paragunabbli fil-fatt ma humiex paragunabbli taħt skema partikolari, fid-dawl tal-għanijiet ta’ dik il-miżura ( 29 ). Jiena tal-fehma, kuntrarjament għal dak li esprima l-Gvern Pollakk, li meta jagħmel hekk, l-Istat għandu juri wkoll li differenza fit-trattament li tirriżulta mill-għan tal-miżura hija konsistenti mal-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan u li dak l-għan ma setax intlaħaq b’miżuri li huma inqas estensivi ( 30 ). Huwa biss stħarriġ komprensiv mill-qrati nazzjonali f’dan ir-rigward li huwa biżżejjed sabiex tiġi evitata l-arbitrarjetà u sabiex jiġi żgurat li l-Istat jieħu inkunsiderazzjoni l-oneru tal-prova tiegħu meta jiġi biex juri li dawn ir-rekwiżiti jkunu ġew issodisfatti.

73.

Għalhekk, għalkemm nista’ naċċetta li, bħala prinċipju, tista’ ssir distinzjoni bejn il-black cabs u l-vetturi tal-kiri privati fuq il-bażi ta’ effettività u sigurtà, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, huwa meħtieġ ukoll li jiġi evalwat speċifikament jekk il-politika kkontestata dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja hijiex xierqa sabiex tilħaq dan l-għan u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan jintlaħaq. Madankollu, dik hija kwistjoni li trid tiġi ddeterminata mill-qorti tar-rinviju.

3. Konklużjoni provviżorja

74.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi 2(a), (b) u (ċ) flimkien fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi ineżami, meta l-awtoritajiet tal-Istat irendu mogħdija għall-karozzi tal-linja fi triq pubblika disponibbli għat-taxis iżda mhux għall-vetturi tal-kiri privati fis-sigħat li din il-mogħdija tintuża mill-karozzi tal-linja, dan ma jfissirx li tkun qed “tiffavorixxi ċerti impriżi” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, bil-kundizzjoni li dawn l-awtoritajiet juru (i) li t-taxis u l-vetturi tal-kiri privati ma humiex legalment u fattwalment paragunabbli, minħabba kunsiderazzjonijiet oġġettivi dwar is-sigurtà u l-effettività tas-sistema tat-trasport, u (ii) li miżura bħal din hija xierqa sabiex jintlaħaq dan l-għan u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ.

75.

Il-konsegwenza tar-risposta li qed nipproponi għad-domanda 2 fid-dawl tad-domanda 1 hija li, jekk TfL tista’ turi li l-black cabs u l-vetturi tal-kiri privati ma humiex legalment u fattwalment paragunabbli għal raġunijiet ta’ sigurtà u effettività, li l-black cabs jitħallew jużaw mogħdijiet għall-karozzi tal-linja matul ċerti ħinijiet tal-ġurnata f’dawk iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li jinvolvi trasferiment tar-riżorsi tal-Istat.

76.

Jekk dan huwa l-każ, ma tidħolx il-kwistjoni ta’ “għajnuna” għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE, billi r-rekwiżiti previsti f’din id-dispożizzjoni huma kumulattivi ( 31 ). Madankollu, irrispettivament minn dan, ser nesponi iktar ’l isfel fehmti fuq id-domanda 3 billi din ukoll tinvolvi kwistjoni ta’ prinċipju.

D – Id-domanda 3: l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri

77.

Fl-aħħar nett, il-Court of Appeal tistaqsi jekk il-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja tistax taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

78.

Jekk il-black cabs u l-vetturi tal-kiri privati ma humiex paragunabbli minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà u effettività, id-domanda 3 titlef ir-rilevanza tagħha. Fil-prattika ma hemmx restrizzjoni fuq in-numru ta’ black cabs f’Londra ( 32 ), u ċ-ċittadini kollha tal-UE jistgħu japplikaw sabiex isiru sewwieqa liċenzjati tal-black cabs. Fid-dawl ta’ dan, huwa dubjuż kemm miżura lokali bħal din xorta tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati.

79.

Għaldaqstant, il-premessa li fuqha nibbaża r-risposta tiegħi hija li l-black cabs u l-vetturi tal-kiri privati huma paragunabbli f’kollox u, għalhekk, il-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja tagħti vantaġġ selettiv lill-black cabs li jinvolvi trasferiment tar-riżorsi tal-Istat li jista’ joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

80.

Kuntrarjament għal Eventech, għall-Kummissjoni u għall-ESA, ma jidhirlix li s-sentenza fil-kawża Altmark ( 33 ) tirriżolvi l-kwistjoni. Għalkemm huwa veru li fil-kawża Altmark il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, inter alia, li r-rekwiżit ta’ effett fuq kummerċ bejn l-Istati ma jiddependix fuq in-natura lokali jew reġjonali tas-servizzi tat-trasport pprovduti jew fuq l-iskala tal-qasam ta’ attività kkonċernat ( 34 ) (fehma li ġiet sostnuta fil-ġurisprudenza suċċessiva) ( 35 ), għandhom jiġu enfasizzati żewġ elementi importanti hawnhekk.

81.

L-ewwel nett, il-vantaġġ fil-kawża Altmark ngħata lil impriża waħda fir-rigward ta’ kuntratt wieħed ta’ konċessjoni ta’ trasport bil-karozzi tal-linja, li ħa s-sura ta’ sussidju pubbliku. Naturalment, dik il-konċessjoni saħħet il-pożizzjoni ta’ dik l-impriża benefiċjarja meta pparagunata ma’ impriżi minn Stati Membri oħra li setgħu kienu interessati li jipprovdu servizz simili fiż-żona lokali ( 36 ). Min-naħa l-oħra, fil-kawża ineżami, il-vantaġġ mogħti mill-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja, li ma jinvolvix sussidju, ma ngħatax lil impriża tat-trasport waħda jew lil numru limitat ħafna minnhom. Kif intqal fid-digriet tar-rinviju, ma hemmx projbizzjoni għaċ-ċittadini minn kwalunkwe Stat Membru li jkollhom jew isuqu black cab, jekk jixtiequ jibbenefikaw mill-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja.

82.

It-tieni nett, fil-kawża Altmark il-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm enfasizzat f’termini ġenerali l-limitu baxx meħtieġ sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati, fl-ebda mument ma qalet li dan ir-rekwiżit attwalment ġie ssodisfatt fir-rigward tal-vantaġġ mogħti lill-fornitur tas-servizz tal-karozzi tal-linja inkwistjoni f’dak il-każ ( 37 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement illimitat ruħha li tgħid li dik il-possibbiltà ma setgħetx tiġi eskluża. Dan jgħodd ukoll għall-ġurisprudenza suċċessiva dwar l-attivitajiet lokali ( 38 ). Ma huwiex mingħajr raġuni li, f’dawn it-tip ta’ kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja ġeneralment tkun kawta ħafna bil-mod ta’ kif tesprimi ruħha ( 39 ).

83.

Barra minn hekk, meta jiġi kkunsidrat ir-rekwiżit ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati, huwa rilevanti li ssir distinzjoni bejn oġġetti u servizzi billi l-oġġetti huma intrinsikament iktar esportabbli, bir-riskju li impriżi fi Stati Membri oħra jkollhom inqas possibbiltajiet li jesportaw il-prodotti tagħhom lejn is-suq tal-Istat Membru li jagħti l-għajnuna ( 40 ). Min-naħa l-oħra, is-servizzi huma kwistjoni iktar kumplessa; partikolarment għal dak li jirrigwarda servizzi ta’ trasport. Jekk is-servizz inkwistjoni għandu potenzjal transkonfinali, mela wieħed jista’ jassumi li l-kummerċ bejn l-Istati jiġi affettwat ( 41 ). B’servizzi lokali, dan il-potenzjal transkonfinali mhux dejjem jeżisti, f’liema każ ma jista’ jkun hemm l-ebda effett transkonfinali. Is-servizzi lokali tat-taxi huma biss eżempju wieħed fejn il-potenzjal transkonfinali ma huwiex evidenti ( 42 ).

84.

Minkejja dan, huwa fatt stabbilit fil-kawża prinċipali li l-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja tagħti vantaġġ lill-black cabs. Vantaġġ bħal dan huwa, skont il-ġurisprudenza, preżunt li x’aktarx jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati ( 43 ). Għalkemm ma jirriżultax b’mod ċar kif impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jipprovdu servizz simili jistgħu jiġu affettwati bil-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja, id-differenzi li ssemmew iktar ’il fuq jistgħu ma jkunux biżżejjed sabiex jiġġustifikaw riżultat ieħor minn dak milħuq fil-kawża Altmark, fejn intqal li anki vantaġġi lokali jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati. Wara l-kawża Altmark, tal-inqas effett potenzjali fuq il-kummerċ bejn l-Istati ma jistax jiġi eskluż.

85.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati, ikolli ngħid li f’dan il-każ jidher li ma jkunx jeżisti limitu baxx wisq sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati. Fil-prattika, dan ikun ifisser li wieħed jgħaddi minn preżunzjoni ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati, li hija konfutabbli, kif turi l-prattika tal-Kummissjoni ( 44 ), għal preżunzjoni inkonfutabbli. Għalkemm preżunzjonijiet inkonfutabbli għandhom il-vantaġġ li jġibu ċertezza legali, hawnhekk ċertament ikollha l-iżvantaġġi tagħha wkoll.

86.

Għalhekk ma huwiex mingħajr raġuni li l-ESA ssuġġeriet li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra mill-ġdid l-approċċ tagħha għar-rekwiżit ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati, billi fil-fehma tal-ESA, dan ir-rekwiżit jingħata interpretazzjoni tant wiesgħa li bilkemm hemm miżura li ma taqax taħtu. Skont l-ESA, il-punt deċiżiv għandu jkun jekk impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra għandhomx inqas possibbiltà li jipprovdu s-servizzi tagħhom fis-suq fl-Istat Membru fejn jingħata l-vantaġġ.

87.

Madankollu, fil-fehma tiegħi jkun prematur f’dan l-istadju jekk jitqies li ma għandhiex tibqa’ tiġi segwita din il-ġurisprudenza, li ilha stabbilita għal iktar minn 30 sena, u dan billi r-rekwiżit ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati jiġi ristrett bil-mod issuġġerit mill-ESA. Huwa biss jekk dan ir-rekwiżit kellu jinbidel minn preżunzjoni sempliċi għal waħda inkonfutabbli li jista’ jkun f’waqtu li din l-idea tiġi kkunsidrata. Naturalment, dan jiddependi għal kollox fuq kif il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi tirrispondi għad-domanda 3.

88.

Naturalment, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ sempliċement tagħżel li żżomm l-istatus quo billi tirrikorri, fir-risposta tagħha, għall-formula li ilha tiġi użata u fformulata b’mod kawt li tgħid li, minkejja n-natura lokali tagħha, ma huwiex impossibbli li l-politika dwar il-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati. Barra minn hekk, dan ikun konformi mal-prattika tal-Qorti tal-Ġustizzja li tħalli f’idejn il-qorti tar-rinviju sabiex tiddeċiedi finalment fuq jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-kummerċ bejn l-Istati jistax jiġi affettwat, wara li tittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-kjarifika mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 45 ). F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tista’ naturalment tieħu inkunsiderazzjoni dawk il-fatturi msemmija fil-punti 81 sa 83 iktar ’il fuq, b’mod partikolari dawk li jiddistingwu l-kawża ineżami mis-sentenza fil-kawża Altmark, imsemmija fil-punti 81 sa 83 iktar ’il fuq.

89.

Fid-dawl tar-risposti li qed nipproponi għad-domandi 1 u 2(a), (b) u (ċ), din hija wkoll ir-risposta li nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti għad-domanda 3, fil-każ li r-rekwiżiti l-oħra sabiex jiġi ddeterminat li kien hemm “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE jitqiesu li ġew issodisfatti.

IV – Konklużjoni

90.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Court of Appeal (England and Wales) (ir-Renju Unit) b’dan il-mod:

L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li meta awtoritajiet ta’ Stat Membru jrendu mogħdija għall-karozzi tal-linja fi triq pubblika disponibbli għall-black cabs iżda mhux għall-vetturi tal-kiri privati fis-sigħat li din il-mogħdija tintuża mill-karozzi tal-linja:

dan ma jinvolvix trasferiment tar-“riżorsi ta’ l-Istat”, bil-kundizzjoni li l-impriżi paragunabbli kollha jingħataw aċċess b’kundizzjonijiet ugwali; u

dan ma jfissirx li tkun qed “tiffavorixxi ċerti impriżi”, bil-kundizzjoni li dawn l-awtoritajiet juru (i) li t-taxis u l-vetturi tal-kiri privati ma humiex legalment u fattwalment paragunabbli, minħabba kunsiderazzjonijiet oġġettivi dwar is-sigurtà u l-effettività tas-sistema tat-trasport, u (ii) li miżura bħal din hija xierqa sabiex jintlaħaq dan l-għan u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali. Jekk dak ma jkunx il-każ, is-sempliċi fatt li d-dritt ta’ użu tal-mogħdijiet għall-karozzi tal-linja jingħata fil-kuntest ta’ politika tat-traffiku lokali ma jeskludix, fih innifsu, il-possibbiltà li jiġi affettwat il-kummerċ bejn Stati Membri, u dan ukoll għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Ara, inter alia, l-Opinjoni tal-Awtorità Nazzjonali Franċiża tal-Kompetizzjoni (Autorité de la Concurrence) Nru 13-A-23, tas-16 ta’ Diċembru 2013, dwar abbozz ta’ digriet fuq ir-riżervazzjoni minn qabel ta’ vetturi tal-kiri privati bix-xufier; id-digriet għal miżuri provviżorji tal-5 ta’ Frar 2014 tal-Conseil d’État Franċiż fil-Kawżi Nru 374524 u Nru 374554, SAS Allocab et; is-sentenza tat-tribunal de commerce de Bruxelles (Qorti Kummerċjali ta’ Brussell) tal-31 ta’ Marzu 2014 fil-Kawża A/14/01645, Taxi Radio Bruxellois u d-deċiżjoni tal-Landgericht Frankfurt (Qorti reġjonali ta’ Frankfurt) tas-16 ta’ Settembru 2014 fil-Kawża 03 0 329/14, Taxi Deutschland.

( 3 ) Il-qorti tar-rinviju ssemmi li t-toroq GLA jestendu sa 580 km u huma, b’mod ġenerali ħafna, l-iktar toroq importanti fi Greater London.

( 4 ) Fis-seduta ġie spjegat li l-Court of Appeal iddeċidiet li tqajjem ex officio l-kwistjoni tat-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat u talbet li l-partijiet jesprimu ruħhom fuq dan.

( 5 ) Din l-informazzjoni tindika wkoll li 52 % tal-vjaġġi tal-black cabs jirriżultaw minn passiġġieri li jgħajtulhom fit-triq, u 34 % nġabru mill-fillieri tat-taxis. Madankollu, x’jiġri mis-6 % li jifdal ma ntqal xejn; ara s-sentenza tal-High Court of Justice f’Eventech Ltd v the Parking Adjudicator [2012] EWHC 1903 (Admin), punti 9 u 50(i).

( 6 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni (C‑431/07 P, EU:C:2009:223, punti 118 u 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 7 ) Ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni u Spanja vs Il-Gvern ta’ Ġibiltà u tar-Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 72) u Vent De Colère et (C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 19).

( 8 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza P (C‑6/12, EU:C:2013:525, punt 18).

( 9 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni et (C‑399/10 P u C‑401/10 P, EU:C:2013:175, punti 106 u 107).

( 10 ) Ara s-sentenzi Kirsammer-Hack (C‑189/91, EU:C:1993:907, punti 17 u 18), Viscido et (C‑52/97 sa C‑54/97, EU:C:1998:209, punti 14 u 15) u PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160, punti 61 u 62). Ara wkoll is-sentenza Van Tiggele (82/77, EU:C:1978:10, punt 24 u 25).

( 11 ) Ara s-sentenzi Sloman Neptun (C‑72/91 u C‑73/91, EU:C:1993:97, punt 21) u Ecotrade (C‑200/97, EU:C:1998:579, punt 36).

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (“NOx”) (C‑279/08 P, EU:C:2010:799, punt 84).

( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Selex Sistemi Integrati vs Il-Kummissjoni (C‑113/07 P, EU:C:2009:191, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni (T‑231/06 u T‑237/06, EU:T:2010:525, punt 93).

( 14 ) Bħala eżempju, id-Direttiva 97/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ April 1997, dwar qafas komuni għal awtorizzazzjonijiet ġenerali u liċenzji individwali fil-qasam tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni (ĠU L 117, p. 15) u d-Deċiżjoni Nru 128/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Diċembru 1998, fuq l-introduzzjoni kkoordinata ta’ sistema ta’ komunikazzjoni mobbli u mingħajr fili (UMTS) tat-tielet ġenerazzjoni fil-Komunità (ĠU L 17, p. 1) taw lill-Istati Membri d-diskrezzjoni dwar l-għażla ta’ proċedura għal għoti ta’ liċenzji UMTS, iżda l-prinċipji ta’ kompetizzjoni libera u ta’ ugwaljanza fit-trattament kellhom jiġu osservati.

( 15 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni (T‑475/04, EU:T:2007:196, punt 110) (ikkonfermata fl-appell, ara Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni, EU:C:2009:223, b’mod partikolari l-punti 98 u 103).

( 16 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il‑Kummissjoni (T‑443/08 u T‑455/08, EU:T:2011:117, punt 109) (ikkonfermata fl-appell fis-sentenza Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig vs Il-Kummissjoni, C‑288/11 P, EU:C:2012:821).

( 17 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (NOx) (C‑279/08 P, EU:C:2011:551).

( 18 ) Avviż tal-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta’ għajnuna ta’ l-istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 277, punt 26).

( 19 ) EU:C:1998:579, punti 42 sa 44.

( 20 ) C‑295/97, EU:C:1999:313, punti 41 u 42.

( 21 ) EU:C:2011:551.

( 22 ) TfL iżżid tgħid “il-multa imposta għal sewqan illegali f’mogħdijiet għall-karozzi tal-linja fis-sigħat li din il-mogħdija tintuża mill-karozzi tal-linja ssir dovuta f’kull okkażjoni li l-vettura inkwistjoni tidħol f’mogħdija għall-karozzi tal-linja, li tista’ tkun diversi drabi fi vjaġġ wieħed” (enfasi miżjuda minni), jiġifieri, teoretikament mingħajr limitu.

( 23 ) Ara, b’analoġija, id-digriet Bertazzi et (C‑393/11, EU:C:2013:143, punt 54) kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza P (EU:C:2013:525, punti 20 u 21).

( 24 ) Sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, EU:C:2001:598, punt 41). Ara wkoll is-sentenzi Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni (“Azores”) (C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 54) u Il-Kummissjoni vs Il-Gvern ta’Ġibiltà u Ir-Renju Unit (EU:C:2011:732, punt 75).

( 25 ) Wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet tirreferi għal “sitwazzjoni legali u fattwali li hija komparabbli” (enfasi miżjuda minni) u mhux għal sitwazzjoni legali u fattwali li hija simili, u inqas u inqas identika.

( 26 ) Mingħajr ma niddiskuti l-preċiżjoni ta’ din iċ-ċifra, minħabba l-evoluzzjoni kostanti fit-teknoloġija, iż-żmien jagħtina parir jekk l-ismartphones (u d-diversi applikazzjonijiet tagħhom li joħolqu l-operaturi tal-black cabs u tal-vetturi tal-kiri privati) jistgħux jibdlu definittivament din l-istruttura tas-suq.

( 27 ) Ara l-punt 60(ii) tas-sentenza tal-High Court iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.

( 28 ) Skont id-dokument tal-Kummissjoni tal-liġijiet (Law Commission) Nru 347, “Servizzi tat-Taxi u ta’ Kiri ta’ Vetturi Privati” (Taxi and Private Hire Services) ta’ Mejju 2014, punt 9.21, disponibbli fl-indirizz http://www.lawcom.gov.uk, għal dak li jirrigwarda nolijiet, vjaġġi rriżervati minn qabel huma rregolati fuq l-istess bażi ta’ “vvjaġġar għall-kiri”.

( 29 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Gvern ta’ Ġibiltà u Ir-Renju Unit (EU:C:2011:732, punt 146 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 30 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Paint Graphos (C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550, punt 75).

( 31 ) Ara, inter alia, is-sentenza Vent De Colère et (EU:C:2013:851, punt 15).

( 32 ) Ara l-Artikolu 16 tal-Liġi dwar it-Trasport (Transport Act 1985) u d-dokument tal-Kummissjoni tal-liġijiet (Law Commission) Nru 347, “Servizzi tat-Taxi u ta’ Kiri ta’ Vetturi Privati” (Taxi and Private Hire Services) ta’ Mejju 2014, punt 11.1, disponibbli fl-indirizz http://www.lawcom.gov.uk.

( 33 ) Sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415).

( 34 ) Ibid., punti 77 u 82.

( 35 ) Ara, inter alia, is-sentenza Comitato “Venezia vuole vivere”et vs Il‑Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 135).

( 36 ) Ara, bl-istess mod, is-sentenza ACEA vs Il‑Kummissjoni (T‑297/02, EU:T:2009:189, punt 91) u l-Kawża SA.34056 (2012/N) – Ir-Renju Unit, Cable Car għal Londra, deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2012, disponibbli fl-indirizz http://ec.europa.eu/competition/state_aid/cases/ 244896/244896_1341324_89_1.pdf, punti 43 sa 46 (pubblikazzjoni sommarja fil-ĠU 2012 C 220, p. 6).

( 37 ) Ara s-sentenza Altmark (EU:C:2003:415, punt 77) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja qalet sempliċement “…m’huwa bl-ebda mod eskluż li sussidju pubbliku mogħti lil impriża li tipprovdi biss servizzi ta’ trasport lokali jew reġjonali u ma tipprovdix servizzi ta’ trasport barra mill-Istat tagħha ta’ oriġini, jista’, madankollu, ikollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri” (enfasi miżjuda minni).

( 38 ) Ara, inter alia, is-sentenza Comitato “Venezia vuole vivere”et vs Il-Kummissjoni (EU:C:2011:368, punt 135).

( 39 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber fil-kawża Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑409/00, EU:C:2002:475, punt 116).

( 40 ) Ara, inter alia, is-sentenza Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑75/97, EU:C:1999:311, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 41 ) Ara, inter alia, is-sentenza Xunta de Galicia (C‑71/04, EU:C:2005:493, punti 47 u 48), dwar skema ta’ għajnuna għall-bini ta’ bastimenti u l-konverżjoni tagħhom mogħtija lit-tarznari ta’ Galicia li l-klijenti tagħhom kienu kemm domestiċi kif ukoll barranin.

( 42 ) Ara, fuq dan il-punt, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża GEMO (C‑126/01, EU:C:2002:273, punt 145); ir-risposta mogħtija mill-Kummissarju Kinnock għad-domanda bil-miktub E‑3484/96, ĠU 1996 C 186, p. 96; u l-Kawża N 733/2000 – L-Italja (Liguria), Azzjoni reġjonali għat-titjib tas-servizz pubbliku tat-taxi, deċiżjoni tal-25 ta’ April 2001, disponibbli fl-indirizz http://ec.europa.eu/competition/state_aid/cases/134182/134182_1154208_1_2.pdf (pubblikazzjoni sommarja fil-ĠU 2004 C 67, p. 11). Madankollu, dawn l-elementi kollha ġew qabel is-sentenza Altmark, EU:C:2003:415.

( 43 ) Ara s-sentenza Altmark (EU:C:2003:415, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza Philip Morris Holland vs Il‑Kummissjoni (730/79, EU:C:1980:209, punt 11).

( 44 ) Ara, inter alia, Kawża N 258/2000 – Il-Ġermanja, Pixxina f’Dorsten, deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2000, disponibbli fl-indirizz http://ec.europa.eu/competition/state_aid/ cases/137009/137009_1153410_12_2.pdf (pubblikazzjoni sommarja fil-ĠU 2001 C 172, p. 16), u l-Kawża SA.36581 (2013/NN) – Il-Greċja, Bini tal-Mużew Arkeoloġiku ta’ Messara, Kreta, deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2013, disponibbli fl-indirizz http://ec.europa.eu/competition/state_aid/cases/250254/250254_1484489_76_2.pdf (pubblikazzjoni sommarja fil-ĠU 2013 C 353, p. 4).

( 45 ) Ara s-sentenza Fallimento Traghetti del Mediterraneo (C‑140/09, EU:C:2010:335, punt 51).