SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

3 ta’ April 2014 ( *1 )

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni internazzjonali f’materji ta’ delitt jew ta’ kważi delitt — Att imwettaq fi Stat Membru li jikkonsisti fil-parteċipazzjoni f’att illeċitu imwettaq fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor — Determinazzjoni tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż”

Fil-Kawża C‑387/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Awwissu 2012, fil-proċedura

Hi Hotel HCF SARL

vs

Uwe Spoering,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Safjan (Relatur), C. G. Fernlund, J. Malenovský u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Settembru 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Hi Hotel HCF SARL, minn H. Leis, avukat,

għal U. Spoering, minn P. Ruppert, avukat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u F. Wannek, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn A. Robinson, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Bogensberger u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Hi Hotel HCF SARL (iktar ’il quddiem “Hi Hotel”), stabbilita f’Nice (Franza), u U. Spoering, iddomiċiljat f’Köln (il-Ġermanja), dwar talba intiża sabiex jitwaqqaf il-ksur għad-drittijiet tal-awtur u għal kumpens.

Il-kuntest ġuridiku

3

Mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li dan huwa intiż, fl-interess tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern, biex jimplementa “[d]isposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament […]”

4

Il-premessi 11, 12 u 15 tal-imsemmi regolament jipprovdu:

“(11)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12)

B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

[...]

(15)

Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri [...]”

5

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni jinsabu fil-Kapitolu II, bit-titolu “Ġurisdizzjoni”, tar-Regolament Nru 44/2001.

6

L-Artikolu 2 tal-istess regolament, li jinsab taħt il-Kapitolu II tiegħu, Sezzjoni 1, bit-titolu “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jistipula fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

7

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, li jagħmel parti mill-istess Sezzjoni 1, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

8

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 2, bit-titolu “Ġurisdizzjoni speċjali”, jipprevedi fil-punt 3 tiegħu:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

[…]

3)

f’materji relatati ma’ responsabbiltà għal danni, delitti ċivili jew kważi-delitti ċivili, fil-qrati tal-post fejn l-inċident dannuż seħħ jew jista’ jseħħ”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9

Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li U. Spoering huwa fotografu li, fix-xahar ta’ Frar 2003, ipproduċa, f’isem Hi Hotel, 25 slajd ta’ veduti interni ta’ kmamar differenti tal-lukanda operata minn din tal-aħħar f’Nice. U. Spoering ta lil Hi Hotel id-dritt li tuża r-ritratti f’fuljetti pubbliċitarji u fuq il-paġni tal-internet tagħha. Id-drittijiet ta’ użu ma kinux saru bi ftehim bil-miktub. Hi Hotel ħallset il-fattura relatata ma’ dawn ir-ritratti li tammonta għal EUR 2 500, li fiha kienu mniżżla l-kliem “include the rights — only for the hotel hi”.

10

Fl-2008, U. Spoering innota f’ħanut tal-kotba, f’Köln, ktieb illustrat, bit-titolu “Innenarchitektur weltweit” (“Arkitettura ta’ ġewwa fid-dinja”), li ġie ppubblikat mill-pubblikatur Phaidon stabbilit f’Berlin (il-Ġermanja), li kellu riproduzzjonijiet ta’ disa’ ritratti li huwa kien ħa tal-parti ta’ ġewwa tal-lukanda operata f’Nice minn Hi Hotel.

11

Peress li qies li Hi Hotel kienet kisret id-drittijiet tal-awtur tiegħu fuq ir-ritratti meta tathom lil terz, jiġifieri lill-imsemmi pubblikatur Phaidon, U. Spoering ħarrek lil Hi Hotel f’Köln. B’mod partikolari, huwa talab il-kundanna tagħha sabiex tieqaf milli tirriproduċi hija stess jew permezz ta’ ħaddieħor, li tqassam hija stess jew permezz ta’ terz, jew li tesibixxi hija stess jew permezz ta’ terz, fit-territorju Ġermaniż, mingħajr il-kunsens tiegħu minn qabel, ir-ritratti msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza (talba għal waqfien), kif ukoll sabiex jiġi kkumpensat għal kwalunkwe dannu li huwa kien sofra u li kien ser isofri minħabba l-aġir ta’ Hi Hotel.

12

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Hi Hotel sostniet li l-pubblikatur Phaidon għandu wkoll stabbiliment f’Pariġi (Franza) u li d-direttur ta’ Hi Hotel seta’ ta r-ritratti inkwistjoni lill-imsemmi pubblikatur. Hi Hotel injorat jekk dan il-pubblikatur kienx tahom lura sussegwentement lill-kumpannija sister tagħha Ġermaniża.

13

Il-qorti tal-ewwel istanza laqgħet it-talba ta’ U. Spoering u l-appell ta’ Hi Hotel ma ntlaqax. Il-Bundesgerichtshof, li quddiemha ġie ppreżentat appell għal “Reviżjoni” minn din tal-aħħar, tistaqsi dwar il-possibbiltà li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi taħt l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

14

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva, li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet invokati minn Hi Hotel, riprodotti fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, li ma humiex kontradetti minn U. Spoering, il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi taħt l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2011 għandha tiġi vverifikata abbażi tal-fatt li l-pubblikatur Phaidon ta’ Berlin qassam ir-ritratti inkwistjoni fil-Ġermanja bi ksur tad-drittijiet tal-awtur u li Hi Hotel ikkontribwixxiet sabiex dawn ir-ritratti jintbagħtu lill-pubblikatur Phaidon ta’ Pariġi.

15

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 5(3) tar-Regolament [...] Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt dannuż seħħ fi Stat Membru (Stat Membru A) meta d-delitt [att illeċitu] li huwa s-suġġett tal-proċedura jew fl-oriġini tal-allegazzjonijiet imqajma twettaq fi Stat Membru ieħor (Stat Membru B) u jikkonsisti fil-parteċipazzjoni fid-delitt (att prinċipali) [att illeċitu] imwettaq fl-ewwel Stat Membru (Stat Membru A)?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

16

Hi Hotel issostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, peress li hija irrilevanti fir-rigward tal-kawża prinċipali, minħabba l-fatt li, sal-lum, ma kienx għadu ġie ddeterminat jekk kienx hemm trasferiment sħiħ tad-drittijiet tal-awtur lil Hi Hotel. Fil-fatt, kieku dan kien il-każ, ma kien ikun possibbli ebda ksur ta’ dawn id-drittijiet.

17

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza (sentenza Soa Nazionale Costruttori, C‑327/12, EU:C:2013:827, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18

Iċ-ċaħda, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ talba mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb utilment għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza Soa Nazionale Costruttori, EU:C:2013:827, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19

Issa, dan ma sarx f’dan il-każ. Kif jirriżulta kjarament mit-talba għal deċiżjoni preliminari, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 hija neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, peress li Hi Hotel qajmet eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi sabiex jisimgħu din il-kawża u li l-qorti tar-rinviju għandha neċessarjament tiddeċiedi fuq din l-eċċezzjoni qabel ma tiddeċiedi fuq il-mertu.

20

Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti adita tista’ tikkunsidra bħala li ġew ippruvati, għall-finijiet biss li tiġi vverifikata l-ġurisdizzjoni tagħha taħt din id-dispożizzjoni, l-allegazzjonijiet tar-rikorrent dwar il-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà f’materji ta’ delitt jew ta’ kważi delitt.

21

Il-fondatezza tal-imsemmija allegazzjonijiet taqa’ biss taħt l-eżami tal-mertu tal-kawża (ara s-sentenza Pinckney, C‑170/12, EU:C:2013:635, punt 40). Peress li l-allegazzjoni ta’ Hi Hotel li tgħid li l-portata tat-trasferiment tad-drittijiet tal-awtur ta’ Hi Hotel għadha ma ġietx iddeterminata taqa’ taħt il-mertu tal-kawża prinċipali, għaldaqstant hija ma hijiex tali li taffettwa l-ammissibbiltà tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

22

Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies li hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

23

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ pluralità ta’ awturi preżunti tad-dannu allegat għad-drittijiet patrimonjali tal-awtur protetti fl-Istat Membru fejn tinsab il-qorti adita, din id-dispożizzjoni tippermettix li tiġi stabbilita ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ wieħed minn dawn l-awturi li ma aġixxiex fil-ġurisdizzjoni tal-imsemmija qorti.

24

Qabel kollox għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, billi jsir riferiment għas-sistematika u għall-għanijiet tiegħu (sentenza Melzer, C‑228/11, EU:C:2013:305, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Għalhekk, huwa biss b’deroga għall-prinċipju fundamentali stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2201, li jattribwixxi l-ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru fit-territorju fejn il-konvenut huwa ddomiċiljat, li s-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament tipprovdi ċertu numru ta’ attribuzzjonijiet ta’ ġurisdizzjoni speċjali, fosthom dik prevista fl-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament (sentenza Melzer, EU:C:2013:305, punt 23).

26

Sa fejn il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-post fejn twettaq il-fatt dannuż jew hemm ir-riskju li jitwettaq tikkostitwixxi regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali, din għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv u ma tistax tiġi interpretata b’mod li jmur lil hinn mill-każijiet previsti b’mod espliċitu mill-imsemmi regolament (sentenza Melzer, EU:C:2013:305, punt 24).

27

Jibqa’ l-fatt li l-espressjoni “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq” li tinsab fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 tirrigwarda fl-istess ħin kemm il-post fejn immaterjalizza ruħu d-dannu kif ukoll il-post fejn seħħ l-avveniment kawżali li huwa fl-oriġini ta’ dan id-dannu, b’mod li l-konvenut ikun jista’ jiġi mfittex, fuq l-għażla tar-rikorrent, quddiem il-qorti ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ postijiet (sentenza Melzer, EU:C:2013:305, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li r-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ fattur ta’ konnessjoni partikolarment strett bejn il-kontestazzjoni u l-qrati tal-post fejn twettaq jew hemm riskju li jista’ jitwettaq il-fatt dannuż, u li b’hekk tiġġustifika l-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni lil dawn tal-aħħar għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-organizzazzjoni xierqa tal-proċeduri (sentenza Melzer, EU:C:2013:305, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Peress li l-identifikazzjoni ta’ wieħed mill-fatturi ta’ konnessjoni rikonoxxuti mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 27 ta’ din is-sentenza għandha għalhekk tippermetti li tiġi stabbilita l-ġurisprudenza tal-qorti li oġġettivament hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa jekk l-elementi li jikkostitwixxu r-responsabbiltà tal-persuna mfittxija humiex issodisfatti, minn dan jirriżulta li tista’ tkun validament adita biss il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha tagħha jinsab il-fattur ta’ konnessjoni rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Folien Fischer u Fofitec, C‑133/11, EU:C:2012:664, punt 52, kif ukoll Melzer, EU:C:2013:305, punt 28).

30

F’dak li jirrigwarda l-post tal-avveniment kawżali, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, diversi awturi huma preżunti li huma fl-oriġini tal-allegat fatt dannuż. Hi Hotel, li hija l-unika parti mħarrka fil-kawża prinċipali, aġixxiet fi Franza, jiġifieri barra l-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha ġiet imfittxija.

31

Issa, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, f’ċirkustanzi fejn wieħed minn fost diversi awturi preżunti ta’ dannu allegat jiġi mfittex quddiem qorti li ma jkunx aġixxa fil-ġurisdizzjoni tagħha, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-avveniment kawżali seħħ fil-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/200 (ara s-sentenza Melzer, EU:C:2013:305, punt 40).

32

Konsegwentement, l-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament ma jippermettix li jiġi stabbilit, skont il-post tal-avveniment kawżali, il-ġurisdizzjoni kontra wieħed mill-awturi preżunti tal-imsemmi dannu, li ma jkunx aġixxa fil-ġurisdizzjoni tal-qorti adita (ara s-sentenza Melzer, EU:C:2013:305, punt 41).

33

Madankollu, kuntrarjament għall-kawża li tat lok għas-sentenza Melzer, (EU:C:2013:305), f’din il-kawża il-qorti ma limitatx id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tal-istess regolament għall-finijiet biss li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi skont l-avveniment kawżali tad-dannu allegat.

34

Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta diversi awturi preżunti tad-dannu allegat aġixxew f’diversi Stati Membri, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jippermettix li tingħata, fid-dawl tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, il-ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ Stat Membru kontra wieħed mill-awturi preżunti tal-imsemmi dannu, minkejja li ma jkunx aġixxa fil-ġurisdizzjoni tal-qorti adita.

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisdizzjoni sabiex tittratta kawża dwar delitt jew kważi delitt tista’ tiġi stabbilita, favur il-qorti adita b’talba għal konstatazzjoni tal-ksur ta’ drittijiet patrimonjali tal-awtur, peress li l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab din il-qorti jipproteġi d-drittijiet patrimonjali li r-rikorrent igawdi u li hemm ir-riskju li d-dannu allegat jimmaterjalizza ruħu fil-ġurisdizzjoni tal-qorti adita (ara s-sentenza Pinckney, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

36

Fil-kawża prinċipali, U. Spoering jallega ksur ta’ diversi drittijiet patrimonjali tal-awtur, jiġifieri d-dritt ta’ riproduzzjoni, ta’ tqassim jew ta’ espożizzjoni tar-ritratti inkwistjoni. Huwa paċifiku li dawn id-drittijiet huma protetti fil-Ġermanja skont id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

37

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkunsidrat li r-riskju ta’ materjalizzazzjoni tad-dannu jirriżulta mill-possibbiltà li tinkiseb ir-riproduzzjoni tax-xogħol li miegħu huma marbuta d-drittijiet tal-awtur invokati mir-rikorrent f’ħanut tal-kotba li jinsab fil-ġurisdizzjoni tal-qorti adita. Kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet fattwali mfakkra fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, l-għoti lill-pubblikatur Phaidon ta’ Pariġi tar-ritratti inkwistjoni huwa fl-oriġini tar-riproduzzjoni u tal-pubblikazzjoni tagħhom, u bl-istess mod, fl-oriġini tar-riskju ta’ materjalizzazzjoni tad-dannu allegat.

38

Min-naħa l-oħra, peress li l-protezzjoni mogħtija mill-Istat Membru tal-qorti adita tapplika biss għat-territorju tal-imsemmi Stat Membru, il-qorti adita skont il-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tiddeċiedi unikament dwar id-dannu kkawżat fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru (sentenza Pinckney, EU: C 2013:635, punt 45).

39

Fil-fatt, il-qrati ta’ dawn l-Istati Membri l-oħra fil-prinċipju jżommu l-ġurisdizzjoni, fir-rigward tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 u tal-prinċipju ta’ territorjalità, sabiex jitrattaw id-dannu kkawżat għad-drittijiet patrimonjali tal-awtur fit-territorju tal-Istat Membru rispettiv tagħhom, peress li huma fl-aħjar pożizzjoni, minn naħa, sabiex jevalwaw jekk effettivament humiex jinkisru d-drittijiet patrimonjali tal-awtur protetti mill-Istat Membru kkonċernat u, min-naħa l-oħra, sabiex tiġi stabbilita n-natura tad-dannu li ġiet ikkawżata (ara s-sentenza Pinckney, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

40

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ pluralità ta’ awturi preżunti ta’ dannu allegat għad-drittijiet patrimonjali tal-awtur protetti fl-Istat Membru fejn tinsab il-qorti adita, din id-dispożizzjoni ma tippermettix li tiġi stabbilita, abbażi tal-post tal-avveniment kawżali ta’ dan id-dannu, il-ġurisdizzjoni ta’ qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha dak mill-awturi preżunti mfittex ma aġixxiex, iżda hija tippermetti li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ dik il-qorti skont il-post ta’ materjalizzazzjoni tad-dannu allegat bil-kundizzjoni li hemm riskju li dan id-dannu jimmaterjalizza ruħu fil-ġurisdizzjoni tal-qorti adita. F’dan l-aħħar każ, din il-qorti għandha ġurisdizzjoni unikament rigward id-dannu biss li ġie kkawżat fit-territorju tal-Istat Membru fejn hija tinsab.

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ pluralità ta’ awturi preżunti ta’ dannu allegat għad-drittijiet patrimonjali tal-awtur protetti fl-Istat Membru fejn tinsab il-qorti adita, din id-dispożizzjoni ma tippermettix li tiġi stabbilita, abbażi tal-post tal-avveniment kawżali ta’ dan id-dannu, il-ġurisdizzjoni ta’ qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha dak mill-awturi preżunti mfittex ma aġixxiex, iżda hija tippermetti li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ dik il-qorti skont il-post ta’ materjalizzazzjoni tad-dannu allegat bil-kundizzjoni li hemm riskju li dan id-dannu jimmaterjalizza ruħu fil-ġurisdizzjoni tal-qorti adita. F’dan l-aħħar każ, din il-qorti għandha ġurisdizzjoni unikament rigward id-dannu biss li ġie kkawżat fit-territorju tal-Istat Membru fejn hija tinsab.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.