SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
17 ta’ Lulju 2014 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Klassifikazzjoni tariffarja — Tariffa Doganali Komuni — Nomenklatura Magħquda — Intestaturi 3204, 3212 u 3822 — Sustanza li tipproduċi, permezz ta’ reazzjoni kimika u espożizzjoni għal raġġ tal-laser, effett ta’ fluorexxenza maħsub għall-analiżi ta’ ċelluli bojod”
Fil-Kawża C‑480/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Awwissu 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Settembru 2013, fil-proċedura
Sysmex Europe GmbH
vs
Hauptzollamt Hamburg-Hafen,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, J. Malenovský u K. Jürimäe (Relatur), Imħallfin
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
— |
għal Sysmex Europe GmbH, minn H. Nehm, Rechtsanwalt, |
|
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann u A. Caeiros, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestatura 3212 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1810/2004, tas-7 ta’ Settembru 2004 (ĠU L 327, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NM”). |
|
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Sysmex Europe GmbH (iktar ’il quddiem “Sysmex”) u l-Hauptzollamt Hamburg-Hafen (awtorità doganali tal-port ta’ Hamburg) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ sustanza likwida kkummerċjalizzata bl-isem ta’ “Stromatolyser-4DS”. |
Il-kuntest ġuridiku
In-NM
|
3 |
In-NM hija bbażata fuq is‑Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti (iktar ’il quddiem is-“SA”), ippreparata mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), u adottata bil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni”). Il-Konvenzjoni ġiet approvata, flimkien mal-protokoll ta’ emenda tagħha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal‑Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). In-NM tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi tas-SA. |
|
4 |
It-tieni parti tan-NM tinkludi t-Taqsima VI, intitolata “Prodotti tal-industrija kimika jew dawk relatati magħha”, li tkopri l-Kapitoli 28 sa 38. In-Nota 2 tal-imsemmija taqsima tgħid: “[...]oġġetti klassifikabbli taħt l-intestatura 3004, 3005, 3006, 3212, 3303, 3304, 3305, 3306, 3307, 3506, 3707 jew 3808 minħabba li jkunu ppreżentati f’dożi meqjusin jew għall-bejgħ bl-imnut għandhom ikunu klassifikati taħt dawk l-intestaturi u taħt edba intestatura oħra tan-nomenklatura.” |
|
5 |
Il-Kapitolu 32 tan-NM huwa intitolat “Estratti għall-ikkunzar jew għaż-żbigħ; tannini u derviattivi tagħhom; żebgħa, pigmenti u materjal ieħor taż-żbigħ; żebgħa u verniċi; stokk u gomom oħra; linek” In-Nota 3 ta’ dan il-kapitolu huwa fformulat kif ġej: “Titli 3203, 3204, 3205 u 3206 japplikaw ukoll għal preparazzjonijiet ibbażati fuq materjal taż-żbigħ [li jagħti l-kulur] (inklużi, fil-każ ta’ titlu 3206, pigmenti taż-żbigħ ta’ titlu 2530 jew Kapitlu 28, qxur tal-metall u trab tal-metall), ta’ tip użati għaż-żbigħ ta’ kull materjal jew użati bħala ingredjenti fil-manifattura ta’ preparazzjonijiet għaż-żbigħ. It-titli ma japplikawx, iżda, għal pigmenti mferrxin f’mezzi, f’forma likwida jew ta’ pasta, ta’ tip użati fil-manifattura taż-żebgħa, inklużi enamel (titlu 3212), jew għal preparazzjonijiet oħrajn ta’ titli 3207, 3208, 3209, 3210, 3212, 3213 jew 3215”. |
|
6 |
L-intestatura 3204 tan-NM hija intitolata “Materjal taż-żbigħ organiċi sintetiċi, definiti kimikament jew le; preparazzjonijiet kif speċifikat f’nota 3 għal dan il-kapitlu bbażati fuq materjal taż-żbigħ organiku sintetiku; prodotti organiċi sintetiċi ta’ tip użati bħala aġenti li jdawwlu fluworexxenti jew bħala luminofori, definiti kimikament jew le”. Il-merkanzija li taqa’ taħt din l-intestatura hija suġġetta għal dazji doganali li r-rati tagħhom huma kompriżi bejn 6 % u 6.5 % skont is-subintestatura kkonċernata. |
|
7 |
L-intestatura 3212 tan-NM hija intitolata “Pigmenti (inkluzi trab u qxur metalliku) mxerrdin f’mezz mhuwiex ta’ ilma, f’forma likwida jew ta’ pasta, ta’ tip użati fil-manifattura ta’ żebgħa (inklużi enamel); fojls ta’ l-istampar; żebgħa u materjal ieħor taż-żbigħ ippreżentat f’forom jew f’pakki għal bejgħ bl-imnut”. Hija tinkludi s-subintestatura 3212 90 90 li hija fformulata kif ġej: “Żebgħa u materja koloranti oħra ppreżentati f’forom jew f’pakki għal bejgħ bl-imnut”. |
|
8 |
Il-merkanzija kklassifikata taħt din is-subintestatura hija suġġetta għal dazji doganali li jitilgħu sa 6.5 %. |
|
9 |
Il-Kapitolu 38 tan-NM, intitolat “Diversi prodotti komiċi”, jinkludi b’mod partikolari s-subintestatura 3822 00 00 li hija fformulata kif ġej: “Reaġenti għad-djanożi jew tal-laboratorji mmuntati, reaġenti lesti għad-djanożi jew tal-laboratorji sew jekk immuntati u sew jekk le, minbarra dawk tal-intestatura 3002 jew 3006; materjali ta’ referenza ċertifikati”. |
|
10 |
Il-merkanzija kklassifikata taħt din is-subintestatura hija eżenti minn dazji. |
In-Noti ta ’ Spjega tas-SA
|
11 |
L-ODD approvat, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni, in-Noti ta’ Spjega u l-avviżi ta’ klassifikazzjoni adottati mill-Kumitat tas-SA. Dawn in-noti, fil-verżjoni tagħhom adottata matul l-2002, huma applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali. |
|
12 |
In-Nota 3 tal-Kapitolu 32 tas-SA hija fformulata fl-istess kliem bħal tal-Kapitolu 32 tan-NM. |
|
13 |
In-Noti ta’ Spjega tas-SA għall-intestatura 3204 huma redatti kif ġej: “1. – Materjal taż-żebgħa organiċi sintetiċi, kemm jekk iddefiniti kimikament kif ukoll jekk le; preparazzjonijiet kif speċifikat fin-Nota 3 għal dan il-Kapitolu bbażati fuq materjal li jagħti l-kulur organiku sintetiku. Il-materjal li jagħti l-kulur organiku sintetiku ġeneralment jinkiseb mill-żjut jew minn prodotti oħrajn mid-distillazzjoni tal-qatran tal-faħam. Din l-intestatura tkopri b’mod partikolari:
II. Il-prodotti organiċi sintetiċi ta’ tip użati bħala aġenti fluorexxenti jew li jagħtu d-dawl, kemm jekk iddefiniti kimikament kif ukoll jekk le [...]
|
|
14 |
F’dak li jirrigwarda l-intestatura 3212, in-Noti ta’ Spjega tas-SA jipprovdu: “C. – Materjal li jagħti l-kulur lill-ħwejjeġ u materjal ieħor li jagħti l-kulur li jinsab f’forom jew f’pakketti għal bejgħ bl-imnut Il-materjal li jagħti kulur lill-ħwejjeġ huma prodotti mhux ta’ film, li jikkonsistu normalment f’taħlit ta’ materjal li jagħti l-kulur ma’, b’mod partikolari, sustanzi inerti ta’ qtugħ, prodotti tensjoattivi li jiffavorixxu l-penetrazzjoni u l-iffissar tal-materjal li jagħti l-kulur u xi kultant murdenti — Żebgħa u materjal ieħor taż-żbigħ ippreżentati f’forom jew f’pakketti għal bejgħ bl-imnut. Dawn il-prodotti jiġu inklużi f’din l-intestatura biss meta jinsabu:
|
|
15 |
In-Noti ta’ Spjega tas-SA relatati mal-intestatura 3822 jistipulaw: “– Reaġenti dijanjostiċi jew ta’ laboratorju fuq rinforz, reaġenti dijanjostiċi ppreparati jew ta’ laboratorju fuq rinforz jew le, ħlief dawk tat-titoli 3002 jew 3006; materjal ta’ referenza ċċertifikati. Din l-intestatura tkopri reaġenti dijanjostiċi jew tal-laboratorju fuq rinforz, reaġenti dijanjostiċi jew tal-laboratorju ppreparati barra r-reaġenti dijanjostiċi tan-Nru 30.02, ir-reaġenti djanostiċi maħsuba sabiex jingħataw lill-pazjenti u r-reaġenti maħsuba għad-determinazzjoni tal-gruppi tad-demm tan-Nru 30.06 [...]. Ir-reaġenti dijanjostiċi jiġu użati fil-proċess għall-evalwazzjoni tal-proċessi u tal-kundizzjonijiet fiżiċi, bijofiżiċi u bikokimiċi fil-bnedmin u fl-annimali. Il-funzjonijiet tagħhom huma bbażati fuq bidla li titkejjel jew li tista’ tiġi osservata tas-sustanzi bijoloġiċi jew kimiċi kostitwenti tagħhom. [...] Ir-reaġenti tal-laboratorju ppreparati jinkludu mhux biss ir-reaġenti dijanjostiċi, iżda wkoll reaġenti oħra ta’ analiżi użati għal skopijiet oħra għajr il-kxif jew id-djanożi. Ir-reaġenti tal-laboratorju u tad-djanożi ppreparati jistgħu jintużaw fil-laboratorji mediċi, veterinarji, xjentifiċi jew industrijali, fl-isptarijiet, fl-industrija, fuq l-art jew, f’xi każijiet, id-dar. [...] Ir-reaġenti li ġejjin huma wkoll esklużi minn din l-intestatura anki jekk jinsabu f’forma li tippermetti l-użu tagħhom bħala reaġenti dijanostiċi jew tal-laboratorju: [...] c) Materjal li jagħti l-kulur tan-Nru 32.04, inklużi preparazzjonijiet imsemmija fin-Nota 3 għal Kapitolu 32.”[traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Ir-Regolament ta ’ Implimentazzjoni (UE) Nru 827/2011
|
16 |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 827/2011, tat-12 ta’ Awwissu 2011, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 211, p. 9), li ma huwiex appikabbli ratione temporis għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprovdi li taħt is-subintestatura 3212 90 00 taqa’ l-merkanzija li hija deskritta kif ġej: “Żebgħa blu tal-polimetin (żebgħa fluworexxenti) dilwita f’taħlita ta’ solventi tal-glikol tal-etilen u l-metanol. Kompożizzjoni (% skont il-piż):
Il-prodott huwa maħsub biex jintuża f’analizzaturi awtomatiċi tad-demm. Huwa jintuża biex il-lewkoċiti jingħataw il-kulur permezz ta’ mmarkar fluworexxenti wara li jkunu għaddew minn trattament preparatorju speċifiku. Il-prodott jitpoġġa f’kontenitur żgħir ittikkettjat għall-użu fil-laboratorji.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
17 |
F’Lulju 2005, Sysmex importat mill-Ġermanja likwidu li għandu l-isem kummerċjali “Stromatolyser-4DS”. |
|
18 |
L-iStromatolyser-4DS huwa likwidu li jagħti fl-ikħal trasparenti, li jitqiegħed għall-bejgħ bl-imnut. Huwa magħmul minn solventi, jiġifieri 96.9 % minn etinele glikol u 3 % minn metanol, kif ukoll 0.002 % minn sustanza organika sintetika li taqa’, mill-perspettiva kimika, taħt il-klassi tal-polimetini u, b’mod iktar preċiż, taċ-ċjanini. |
|
19 |
Dan il-likwidu huwa maħsub għall-analiżi ta’ ċelluli bojod tad-demm jew lewkoċiti sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ patoloġija eventwali. Speċifikament, id-demm li jkun irid jiġi analizzat jgħaddi minn operazzjoni ta’ preparazzjoni. Insegwitu l-iStromatolyser-4DS jiżdied mad-demm ippreparat, li jikkawża reazzjoni kimika. It-taħlita hekk miksuba tiġi suġġetta għal raġġ tal-laser, li jikkawża fluorexxenza tal-aċidi nukleiċi li jinsabu fil-nukleu u fiċ-ċitoplasma ta’ lewkoċiti. Din il-fluorexxenza tisparixxi malajr wara t-tmiem tal-espożizzjoni għar-raġġ tal-laser. |
|
20 |
Waqt l-importazzjoni, il-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet iddikjarata minn Sysmex bħala li taqa’ taħt is-subintestatura 3822 00 00 tan-NM u għaldaqstant kienet f’ċirkulazzjoni libera eżenti minn dazji doganali. Fit-18 ta’ Ġunju 2007, il-Hauptzollamt Hamburg-Hafen, billi qieset li l-imsemmi prodott ma jaqax taħt din is-subintestatura, ħarġet avviż ta’ stima li jipprevedi l-irkupru a posteriori ta’ dazji doganali fuq l-importazzjoni tal-iStromatolyser-4DS, bir-rata ta’ 6.5 %. |
|
21 |
Sysmex ressqet ilment kontra l-imsemmi avviż ta’ stima, li ġie miċħud mill-Hauptzollamt Hamburg-Hafen fit-13 ta’ Jannar 2009. Wara din iċ-ċaħda, fl-10 ta’ Frar 2009, Sysmex adixxiet il-qorti tar-rinviju b’rikors għall-annullament tal-avviż ta’ stima. |
|
22 |
Matul il-proċedura quddiem il-qorti nazzjonali, Sysmex kisbet informazzjoni tariffarja vinkolanti mill-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi, li tikklassifika l-prodotti inkwistjoni taħt l-intestatura 3822 tan-NM. Din l-informazzjoni tariffarja vinkolanti ġiet annullata wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 827/2011. |
|
23 |
Insostenn tar-rikors tagħha, Sysmex sostniet li l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet ġiet validament iddikjarata taħt is-subintestatura 3822 00 00 tan-NM. Fir-rigward tar-Regolament Nru 827/2011, hija sostniet, minn naħa, li huwa ma kienx japplika retroattivament għall-importazzjoni kkonċernata u, min-naħa l-oħra, li ma kienx ċert li d-deskrizzjoni tal-merkanzija li tinsab fiha hija intiża għall-imsemmija merkanzija. |
|
24 |
Il-Hauptzollamt Hamburg-Hafen, min-naħa tagħha, sostniet li r-rikors għandu jiġi miċħud. Għal dan il-għan, hija indikat li l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tikkonsisti minn taħlita ta’ materjal li tagħti l-kulur u minn solvent, li kienet prodott li jagħti l-kulur lill-ħwejjeġ, imqiegħed f’pakketti għall-bejgħ bl-imnut, li kienet tintuża fil-laboratorju bħala prodott li jagħti l-kulur speċjali, u għaldaqstant taqa’ taħt is-subintestatura 3212 9090. |
|
25 |
Fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar ordnat perizja, li fi tmiemha l-espert ikkonkluda li l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali setgħet tagħti kulur lil materjal tad-drapp ta’ kulur ikħal, iżda dan l-għoti ta’ kulur mankollu kien ħafif ħafna u ma setax jiġi deskritt bħala “permanenti”. |
|
26 |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju spjegat li hija taqbel mal-opinjoni ta’ Sysmex, li l-imsemmija merkanzija taqa’ taħt l-intestatura 3822 tan-NM relata mar-reaġenti tal-laboratorju, iżda hija tistaqsi, madankollu, dwar jekk tistax tiġi kklassifikata wkoll taħt l-intestatura 3212 tan-NM relatata mal-prodotti li jagħtu kulur lill-ħwejjeġ u materjali oħra li jagħtu l-kulur. Hija tgħid li jekk dan huwa l-każ, ikun hemm lok li l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi kklassifika bi prijorità taħt din l-aħħar intestatura, skont in-Nota 3 għall-Kapitolu 32 tan-NM. |
|
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Kien hemm lok, fl-2005, li tiġi kklassifikata fl-intestatura 3212 tan-[NM], inkwantu żebgħa jew kulur [prodott li jagħti l-kulur], merkanzija komposta minn solventi u minn sustanza abbażi ta’ polimetin li ċertament jista’ jkollha effett li tagħti kulur — mhux permanenti, f’kull każ fuq drappijiet — iżda li sservi, fil-każ tal-merkanzija li għandha tiġi kklassifikata, sabiex tinkiseb informazzjoni fuq partikoli (globuli [ċelloli] bojod) li jinsabu f’soluzzjoni eżaminata (demm trattat minn qabel), meta jingħad li, meta jitqiegħdu joni fuq elementi speċifiċi tal-partikoli (l-aċidi nukleiċi), is-sustanza tifforma strutturi molekulari li, meta jiġu esposti għal raġġi [raġġi] tal-laser ta’ ċerta frekwenza, isiru fluorexxenti għal żmien limitat u li dan l-istat u l-intensità tiegħu jitkejlu permezz ta’ ċellula fotoelettrika speċjali?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
28 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li merkanzija, komposta minn solventi u minn sustanza abbażi ta’ polimetin li jistgħu jkollhom l-effett li jagħtu kulur lil drappijiet u li tkun maħsuba għall-analiżi taċ-ċelloli bojod tad-demm, billi jitqiegħdu joni fuq elementi speċifiċi tal-imsemmija ċelloli, li, meta dawn l-elementi esposti għal raġġ tal-laser, isiru fluorexxenti għal żmien limitat, taqa’ taħt l-intestatura 3212 tan-NM relatata mall-prodotti li jagħtu kulur lill-ħwejjeġ u materjal ieħor li jagħti l-kulur jew taħt l-intestatura 3822 tal-imsemmija NM, relatata mar-reaġenti tal-laboratorju. |
|
29 |
Hija ġurisprudenza stabbilita li, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-istħarriġ, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jinstab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Roeckl Sporthandschuhe, C‑123/09, EU:C:2010:237, punt 27). |
|
30 |
Skont il-ġurisprudenza, in-noti ta’ spjega mħejjija, għal dak li jikkonċerna n-NM, mill-Kummissjoni Ewropea u, għal dak li jikkonċerna s-SA, mill-ODD, jgħinu ħafna fl-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji mingħajr, madankollu, ma għandhom setgħa vinkolanti tad-dritt [ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Krings, C‑130/02, EU:C:2004:122, punt 28, u TNT Freight Management (Amsterdam), C‑291/11, EU:C:2012:459, punt 32]. |
|
31 |
Għadu jiġi ppreċiżat ukoll li l-użu li għalih il-prodott huwa intiż jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tariffarja, sakemm dan ikun inerenti għal dan il-prodott u din l-inerenza għandha tkun tista’ tiġi evalwata skont il-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi tiegħu (ara s-sentenzi RUMA, C‑183/06, EU:C:2007:110, punt 36, u Roeckl Sporthandschuhe, EU:C:2010:237, punt 28). |
|
32 |
F’dan ir-rigward, ġie deċiż, fir-rigward ta’ prodott li jkollu żewġ użi possibbli, li wieħed mill-użi jaqa’ biss f’possibbiltà purament teorika, li l-imsemmi prodott ikun, minħabba l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu, naturalment iddestinat għall-użu l-ieħor u jaqa’ għadaqstant taħt l-intestatura tariffarja marbuta ma’ dan l-użu (ara, f’dan is-sens, b’analoġija, is-sentenza Thyssen Haniel Logistic, C‑459/93, EU:C:1995:160, punti 17 u 18). Bl-istess mod, skont il-ġurisprudenza, għall-klassifikazzjoni fl-intestatura tariffarja marbuta mal-użu tiegħu, ma huwiex meħtieġ li dan il-prodott ikun unikament jew esklużivament intiż għal dan l-użu. Huwa biżżejjed li dan l-użu jikkostitwixxi l-użu essenzjali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Neckermann Versand, C‑395/93, EU:C:1994:318, punti 8 u 9, kif ukoll Anagram International, C‑14/05, EU:C:2006:465, punt 26). |
|
33 |
F’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tiegħu, il-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jaqa’ kemm taħt l-intestatura 3822 tan-NM kif ukoll taħt taħt l-intestatura 3212 tan-NM. |
|
34 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-intestatura 3822 tan-NM, il-kliem tiegħu jirreferu għar-reaġenti dijanostiċi jew tal-laboratorju. Barra minn hekk, huwa indikat, fin-Noti ta’ Spjega tas-SA relatata ma’ din l-intestatura, li r-reaġenti dijanostiċi jiġu użati għall-evalwazzjoni tal-proċess u tal-kundizzjonijiet fiżiċi, bijofiżiċi u bijokimiċi fil-bniedem. Skont dawn in-noti ta’ spjega, il-funzjonijiet tal-imsemmija reaġenti dijanjostiċi huma bbażati fuq bidla tas-sustanzi bijoloġiċi jew kimiċi kostitwenti tagħhom li tista’ titkejjel jew li tiġi osservata. |
|
35 |
Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju, kif ukoll mid-digriet tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-prodott ikkonċernat huwa maħsub għall-analiżi ta’ ċelluli bojod tad-demm jew lewkoċiti. Fil-prattika, id-demm li jiġi analizzat jiġi ttrattat minn qabel b’mod li jittaqqbu l-membrani taċ-ċelloli tal-lewkoċiti. Meta l-prodott ikkonċernat jiżdied mad-demm hekk ittrattat minn qabel, jiġi prodott għal żmien qasir depożitu joniku ta’ polimetin fuq l-aċidu ribonuklejku (ARN) tal-lewkoċiti jekk dawn tal-aħħar jappartjenu għal ċerta klassi u jkollhom ċertu grad ta’ attività bijoloġika. Dan il-grad ta’ attività jirrifletti kemm it-tip ta’ funzjoni taċ-ċelluli u patoloġija possibbli. Id-depożitu joniku ta’ polimetin fuq l-ARN ta’ lewkoċiti jiġi vviżwalizzat permezz ta’ raġġ tal-laser li jikkawża fluorexxenza temporanja. Id-dawl imferrex fil-forma ta’ fluorexxenza jitkejjel minn sensuri ottiċi f’apparat ta’ analiżi, u wara jiġi interpretat. |
|
36 |
B’dan il-mod, il-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa maħsub sabiex jivverifika l-eżistenza ta’ patoloġija possibbli. Barra minn hekk, il-mod ta’ funzjonament tiegħu jista jinbidel b’mod li jista’ jitkejjel jew jiġi osservat fis-sustanzi kostitwenti tiegħu, sa fejn, meta jiġi f’kuntatt mad-demm ittrattat minn qabel, isseħħ reazzjoni kimika li tippermetti l-kejl tal-attività taċ-ċelluli. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li jista’ jaqa’ taħt l-intestatura 3822 tan-NM, kif interpretata fid-dawl tan-Noti ta’ Spjega tas-SA. |
|
37 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-intestatura 3212 tan-NM, hija tirreferi għal “żebgħa u materjal ieħor taż-żbigħ ippreżentat f’forom jew f’pakketti għal bejgħ bl-imnut”. Kif jirriżulta mill-kliem tan-Nota 2 tat-Taqsima VI tan-NM, min-Nota 3 tal-Kapitolu 32 tagħha u min-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 3212, l-intestatura 3212 tkopri “Materjal taż-żbigħ organiċi sintetiċi” tal-intestatura 3204 li huwa maħsub għall-bejgħ bl-imnut. |
|
38 |
Huwa ppreċiżat, fin-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 3204, l-ewwel nett, li ċ-cjanini jinsabu fost il-materjal li jagħti l-kulur organiku sintetiku li ssemmi din l-intestatura, it-tieni nett, li din l-intestatura tkopri l-materjal li jagħti l-kulur sintetiku organiku li jinsab dilwit fil-livell standard jew maqtugħ, jiġifieri, imħallat ma’ sustanzi inerti mill-perspettiva ta’ prodott li jagħti l-kulur li għandhom l-effett li jnaqqsu jew iżidu l-qawwa tal-kulur tagħhom u, it-tielet nett, li ċertu materjal li jagħti l-kulur organiku sintetiku jiġi wkoll użat bħala reaġent tal-kulur tal-laboratorju jew fil-mediċina. |
|
39 |
Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kompost minn solventi, jiġifieri 96.9 % minn etilene glikol u 3 % minn metanol, kif ukoll 0.002 % minn sustanza organika sintetika li taqa’, mill-perspettiva kimika, taħt il-polimetini, u b’mod iktar preċiż, iċ-ċijanini. Barra minn hekk, għalkemm mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-imsemmi prodott ma jistax jagħti kulur lid-demm, il-perizja ordnata mill-qorti tar-rinviju turi li jista’ jagħti kulur, għalkemm b’mod dgħajjef u mhux fit-tul, lil drapp. |
|
40 |
Għaldaqstant, minħabba l-kompożizzjoni kimika tiegħu u l-qawwa tiegħi li jagħti kulur, il-prodott inkwistjoni jista’ jaqa’ taħt l-intestatura 3204, kif interpretat fid-dawl tan-Noti ta’ Spjega tas-SA. Ma tantx huwa importanti, f’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li kien imressaq fl-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-fluorexxenza kkawżata mill-espożizzjoni tat-taħlita demm/prodott ikkonċernat għal raġġ tal-laser għandhiex jew ma għandhiex titqies li hija “materjal taż-żbigħ” fis-sens tal-imsemmija intestatura. |
|
41 |
Sa fejn jirriżulta mill-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-prodott ikkonċernat tqiegħed għall-bejgħ bl-imnut, dan tal-aħħar ma jistax jaqa’ taħt l-intestatura 3204 tan-NM, iżda taħt l-intestatura 3212 ta’ din tal-aħħar, li l-kliem tagħha, kif interpretati fid-dawl tan-noti msemmija fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, jirreferu għall-materjal li jagħti l-kulur li jitqiegħed f’forom jew f’pakketti għall-bejgħ bl-imnut. |
|
42 |
Madankollu, it-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-prodott ikkonċernat huwa kopert kemm mill-kliem tal-intestatura 3822 tan-NM kif ukoll minn dawk tal-intestatura 3212 tal-istess, mill-perizja ordnata mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-użu tal-imsemmi prodott għall-għoti ta’ kulur huwa biss possibbiltà purament teoretika. Fil-fatt, l-espert eżamina jekk il-likwidu kkonċernat setax jagħti kulur lil materjal tad-drapp. Għalkemm ikkonstata ċerta qawwa li tagħti l-kulur, huwa madankollu enfasizza li huwa għoti ta’ kulur ikħal dgħajjef ħafna, qrib l-assenza ta’ għoti ta’ kulur. Huwa enfasizza wkoll li l-għoti ta’ kulur ma kienx permanenti u għeb fil-ħasil. Minn dan isegwi li l-użu tal-prodott ikkonċernat bħala reaġent tal-laboratorju ma jikkostitwixxix, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tiegħu, l-użu esklużiv tiegħu, li jiġġustifika li jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 3822 tan-NM, kif dan jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 31 u 32 ta’ din is-sentenza. |
|
43 |
Din il-konklużjoni hija korroborata min-Noti ta’ Spjega tas-SA relatati mal-intestaturi 3822 u 3204. Ċertament, min-Noti ta’ Spjega tas-SA relatati mal-intestatura 3822 jirriżulta li l-materjal li jagħti l-kulur imsemmi fl-intestatura 3204 huwa eskluż mill-imsemmija intestatura 3822, anki jekk jiġi ppreżentat f’forma li tippermetti l-użu tiegħu bħala reaġent dijanjostiku jew tal-laboratorju. Madankollu, min-Noti ta’ Spjega tas-SA relatati mal-imsemmija intestatura 3204 jirriżulta wkoll li l-prodotti li prattikament ma jiġux użati għall-proprjetajiet tagħhom li jagħtu l-kulur huma esklużi minn din l-intestatura. Issa, fil-prattika, il-prodott ikkonċernat ma jistax jintuża bħala materjal li jagħti l-kulur. |
|
44 |
Barra minn hekk, din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mir-Regolament Nru 827/2011, li jikklassifika prodott simili għal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali taħt l-intestatura 3212 tan-NM, peress li dan ir-regolament ma huwiex applikabbli ratione temporis għall-imsemmija kawża. Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li s-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta miżuri relatati mal-klassifikazzjoni ta’ ċerta merkanzija fin-NM ma tawtorizzahiex tbiddel il-kontenut tal-intestaturi tariffarji li jkunu ġew stabbiliti fuq il-bażi tas-SA stabbilita mill-Konvenzjoni li fir-rigward tagħha l-Unjoni ntrabtet, skont l-Artikolu 3 ta’ din il-Konvenzjoni, li ma tbiddilx il-portata (ara s-sentenza Hewlett-Packard Europe, C‑361/11, EU:C:2013:18, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
45 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li merkanzija, komposta minn solventi u minn sustanza abbażi ta’ polimetin, li, għalkemm jista’ jkollha l-effett li jagħtu l-kulur, dgħajjef u mhux permanenti, fuq drappijiet, prattikament ma tintużax għall-proprjetajiet tagħha li jagħtu l-kulur u hija maħsuba esklużivament għall-analiżi taċ-ċelluli bojod tad-demm, permezz ta’ tqegħid ta’ joni fuq elementi speċifiċi tal-imsemmija ċelluli li, meta jiġu esposti għal raġġ tal-laser, isiru fluorexxenti għal żmien limitat, taqa’ taħt l-intestatura 3822 tal-imsemmija NM, relatata mar-reaġenti tal-laboratorju. |
Fuq l-ispejjeż
|
46 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1810/2004, tas 7 ta’ Settembru 2004, għandha tiġi interpretata fis-sens li merkanzija, komposta minn solventi u minn sustanza abbażi ta’ polimetin, li, għalkemm jista’ jkollha l-effett li jagħtu l-kulur, dgħajjef u mhux permanenti, fuq drappijiet, prattikament ma tintużax għall-proprjetajiet tagħha li jagħtu l-kulur u hija maħsuba esklużivament għall-analiżi taċ-ċelluli bojod tad-demm, permezz ta’ tqegħid ta’ joni fuq elementi speċifiċi tal-imsemmija ċelluli li, meta jiġu esposti għal raġġ tal-laser, isiru fluorexxenti għal żmien limitat, taqa’ taħt l-intestatura 3822 tal-imsemmija Nomenklatura Magħquda, relatata mar-reaġenti tal-laboratorju. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.