SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

17 ta’ Lulju 2014 ( *1 )

“Politika soċjali — Artikolu 141 KE — Ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet bejn ħaddiema nisa u ħaddiema rġiel — Irtirar antiċipat bl-għoti immedjat tal-pensjoni — Akkreditazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-pensjoni — Vantaġġi li minnhom jibbenefikaw essenzjalment l-uffiċjali nisa — Diskriminazzjonijiet indiretti — Ġustifikazzjoni oġġettiva — Rieda reali li jintlaħaq l-għan allegat — Koerenza fl-implementazzjoni — Artikolu 141(4) KE — Miżuri intiżi li jikkumpensaw għal żvantaġġi fil-karriera professjonali tal-ħaddiema nisa — Inapplikabbiltà”

Fil-Kawża C-173/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour administrative d’appel de Lyon (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ April 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ April 2013, fil-proċedura

Maurice Leone,

Blandine Leone

vs

Garde des Sceaux, ministre de la Justice,

Caisse nationale de retraite des agents des collectivités locales,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Safjan u J. Malenovský, A. Prechal (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. u B. Leone, minn B. Madignier, avukat,

għall-Caisse nationale de retraite des agents des collectivités locales, minn J.-M. Bacquer, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn M. Hours kif ukoll minn G. de Bergues u S. Menez, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Frar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 157 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. u B. Leone u l-Garde des Sceaux, ministre de la Justice, u l-Caisse nationale de retraite des agents des collectivités locales (iktar ’il quddiem iċ-“CNRACL”) dwar talba għad-danni, mill-Istat Franċiż, għall-ħsara li sostnew il-persuni kkonċernati bħala konsegwenza tar-rifjut taċ-CNRACL li jagħti lil M. Leone l-benefiċċju ta’ irtirar antiċipat bl-għoti immedjat tal-pensjoni u akkreditazzjoni ta’ anzjanità għall-finijiet tal-kalkolu tal-pensjoni tiegħu.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu L. 1 tal-Kodiċi dwar il-pensjonijiet tal-irtirar ċivili u militari Franċiż (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi dwar il-pensjonijiet”) jipprovdi:

“Il-pensjoni hija allowance pekunjarja persunali u vita durante mogħtija lill-uffiċjali ċivili u militari u, wara l-mewt tagħhom, lill-aventi kawża tagħhom bil-liġi, b’remunerazzjoni għas-servizzi li huma wettqu sat-tmiem regolari tal-funzjonijiet tagħhom.

L-ammont tal-pensjoni, li jieħu inkunsiderazzjoni l-livell, it-tul u n-natura tas-servizzi mwettqa, jiggarantixxi, fi tmiem il-karriera, lill-benefiċjarju kundizzjonijiet materjali ta’ eżistenza b’konnessjoni mad-dinjità tal-funzjoni tiegħu.”

Id-dispożizzjonijiet dwar l-irtirar antiċipat bl-għoti immedjat tal-pensjoni

4

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-uffiċjali ċivili jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jibbenefikaw minn irtirar antiċipat bl-għoti immedjat tal-pensjoni.

5

Fost dawn il-kundizzjonijiet jinsabu dawk stabbiliti fl-Artikolu L. 24, I, 3°, tal-Kodiċi dwar il-pensjonijiet, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 136 tal-Liġi Nru 2004-1485, tat-30 ta’ Diċembru 2004, tal-finanzi rettifikattiva għall-2004 (JORF tal-31 ta’ Diċembru 2004, p. 22522), li jipprovdi:

“I. –

Il-likwidazzjoni tal-pensjoni tintervjeni:

[…]

Meta l-uffiċjal ċivili huwa ġenitur ta’ tlett itfal ħajjin, jew li mietu minħabba l-gwerra, jew ta’ tifel ħaj, li għandu iktar minn sena u li għandu invalidità pari jew superjuri għal 80 %, bil-kundizzjoni li għal kull tifel, huwa waqqaf l-attività professjonali tiegħu taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ digriet tal-Kunsill tal-Istat.

Huma inklużi fl-interruzzjoni tal-attività msemmija fis-subparagrafu preċedenti l-perijodi li ma tawx lok għall-kontribuzzjoni obbligatorja fi skema bażika ta’ irtirar, bil-kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ digriet tal-Kunsill tal-Istat.

Huma inklużi mat-tfal imsemmija fl-ewwel subparagrafu t-tfal elenkati fl-Artikolu L. 18(II) li l-persuna kkonċernata rabbiet taħt il-kundizzjonijiet previsti fis-subparagrafu (III) tal-imsemmi artikolu.”

6

It-tielet u s-sitt paragrafi tal-Artikolu L. 18, II, tal-Kodiċi dwar il-pensjonijiet fihom l-elenkar li ġej:

“It-tfal tal-konjuġi minn żwieġ preċedenti, it-tfal naturali tiegħu li l-filjazzjoni tagħhom hija stabbilita u t-tfal adottivi tiegħu;

It-tfal li kienu suġġetti għal delegazzjoni tas-setgħa tal-ġenituri favur il-persuna li tirċievi l-pensjoni u l-konjuġi tagħha;

It-tfal imqiegħda taħt tutela tal-persuna li tirċievi l-pensjoni jew tal-konjuġi tagħha, meta t-tutela tkun akkumpanjata mill-kustodja effettiva u permanenti tal-wild;

It-tfal li jkunu milqugħa f’darha, mill-persuna li tirċievi l-pensjoni jew mill-konjuġi tagħha, li jiġġustifika, fil-kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ digriet tal-Conseil d’État, li tkun ħadet ir-responsabbiltà effettiva u permanenti tagħhom.”

7

L-Artikolu 18, III, tal-Kodiċi dwar il-pensjonijiet jinkludi l-preċiżazzjonijiet li ġejjin:

“Bl-eċċezzjoni għal tfal li mietu minħabba l-gwerra, it-tfal iridu jkunu trabbew għal mhux inqas minn disa’ snin, jiġifieri qabel ma jagħlqu sittax-il sena, jew qabel l-età li fiha huma ma jibqgħux dipendenti fis-sens tal-Artikoli L. 512-3 u R. 512-2 sa R. 512-3 tal-Kodiċi dwar is-Sigurtà Soċjali.

Sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni ta’ tul ta’ hawn fuq, għandu jittieħed kont, jekk ikun il-każ, taż-żmien li matulu t-tfal ikunu trabbew mill-konjuġi wara l-mewt tal-persuna li tirċievi l-pensjoni.”

8

L-Artikolu R. 37 tal-Kodiċi dwar il-pensjonijiet, fir-redazzjoni li tirriżulta mid-Digriet Nru 2005-449, tal-10 ta’ Mejju 2005, meħud għall-applikazzjoni tal-Artikolu 136 tal-Liġi dwar il-finanzi rettifikattiva għall-2004 (Liġi Nru 2004-1485 tat-30 ta’ Diċembru 2004) u li jemenda l-Kodiċi tal-pensjonijiet tal-irtirar ċivili u militari (JORF tal-11 ta’ Mejju 2005, p. 8174), jipprovdi:

“I. –

L-interruzzjoni tal-attività prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu L. 24(I)(3) għandha tkun għal perijodu kontinwu ta’ mhux inqas minn xahrejn u għandha ssir waqt li l-uffiċjal ikun affiljat ma’ sistema tal-irtirar obbligatorja. Fil-każ ta’ twelid jew ta’ adozzjonijiet simultanji, it-tul ta’ interruzzjoni tal-attività meħud inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-ulied kollha inkwistjoni huwa wkoll ta’ xahrejn.

Din l-interruzzjoni tal-attività jeħtieġ li tkun saret matul il-perijodu bejn l-ewwel ġurnata tar-raba’ ġimgħa qabel it-twelid jew l-adozzjoni u l-aħħar ġurnata tas-sittax-il ġimgħa wara t-twelid jew l-adozzjoni.

B’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu ta’ qabel dan, għat-tfal elenkati fit-tielet, fir-raba’, fil-ħames u fis-sitt subparagrafi tal-Artikolu L. 18(II) li l-persuna kkonċernata rabbiet fil-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu (III) tal-imsemmi artikolu, l-interruzzjoni tal-attività għandha sseħħ jew qabel jagħlqu sittax-il sena jew qabel l-età li fiha huma ma jibqgħux dipendenti fis-sens tal-Artikoli L. 512-3 u R. 512-2 sa R. 512-3 tal-Kodiċi dwar is-Sigurtà Soċjali.

II. –

Fil-kalkolu tal-perijodu tal-interruzzjoni tal-attività għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi li jikkorrispondu għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt tax-xogħol jew għal interruzzjoni ta’ servizz effettiv, magħmula fil-kuntest:

a)

tal-leave tal-maternità […];

b)

tal-leave tal-paternità […];

c)

tal-leave tal-adozzjoni […];

d)

tal-leave parentali […];

e)

tal-leave ta’ preżenza parentali […];

f)

ta’ disponibbiltà għat-trobbija ta’ wild ta’ inqas minn tmien snin […].

III. –

Il-perijodi msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu L. 24(I)(3) huma l-perijodi li ma tawx lok għal kontribuzzjoni tal-persuna kkonċernata u li matulhom huwa ma eżerċita ebda attività professjonali.”

Id-dispożizzjonijiet dwar l-akkreditazzjoni

9

Skont l-Artikolu 15 tad-Digriet Nru 2003-1306, tas-26 ta’ Diċembru 2003, dwar is-sistema tal-irtirar tal-uffiċjali affiljati mal-Caisse nationale de retraite des agents des collectivités locales (JORF tat-30 ta’ Diċembru 2003, p. 22477):

“I.–

Mas-servizzi effettivi għandhom jiżdiedu, taħt il-kundizzjonijiet previsti għall-uffiċjali ċivili tal-Istat, l-akkreditazzjonijiet segwenti:

[…]

Akkreditazzjoni stabbilita għal erba’ trimestri, bil-kundizzjoni li l-uffiċjali jkunu waqqfu l-attività tagħhom, għal kull wieħed mit-tfal leġittimi tagħhom u mit-tfal naturali mweldin qabel l-1 ta’ Jannar 2004, għal kull wieħed mit-tfal tagħhom li l-adozzjoni tiegħu seħħet qabel l-1 ta’ Jannar 2004 u, bil-kundizzjoni li jkunu rabbewhom matul mhux inqas minn disa’ snin qabel ma jagħlqu wieħed u għoxrin sena, għal kull wieħed mit-tfal l-oħra elenkati fl-Artikolu 24(II) li saru dipendenti qabel l-1 ta’ Jannar 2004.

Din l-interruzzjoni tal-attività għandu jkollha tul kontinwu ta’ mhux inqas minn xahrejn u tkun fil-forma ta’ leave tal-maternità, leave tal-adozzjoni, leave parentali jew leave ta’ preżenza parentali […], jew ta’ disponibbiltà għat-trobbija ta’ tifel ta’ inqas minn tmien snin […]

Id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu 2° għandhom japplikaw għall-pensjonijiet likwidati wara t-28 ta’ Mejju 2003;

L-akkreditazzjoni prevista fis-subparagrafu 2 għandha titħallas lill-uffiċjali nisa li jkunu welldu matul is-snin ta’ studju tagħhom qabel l-1 ta’ Jannar 2004, qabel ma jkunu ġew reklutati fis-servizz pubbliku, meta dan ir-reklutaġġ ikun seħħ fi żmien sentejn wara li jkunu kisbu l-lawrja li kienet neċessarja sabiex setgħu jipparteċipaw f’kompetizzjoni, mingħajr ma tkun tista’ tiġi imposta fuqhom kundizzjoni ta’ interruzzjoni tal-attività;

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Mis-sena 1984 sal-2005, M. Leone eżerċita l-attività ta’ infermier fl-isptarijiet ċivili ta’ Lyon, bħala aġent tas-servizz pubbliku mediku.

11

Fl-4 ta’ April 2005, M. Leone talab li jibbenefika minn irtirar antiċipat bl-għoti immedjat tal-pensjoni, billi invoka l-kwalità tiegħu ta’ missier ta’ tlett itfal imwielda, rispettivament, fid-9 ta’ Ottubru 1990, fil-31 ta’ Awwissu 1993 u fis-27 ta’ Novembru 1996.

12

Din it-talba ġiet miċħuda miċ-CNRACL, permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ April 2005, għar-raġuni li M. Leone ma kienx interrompa l-attività professjonali tiegħu għal kull wieħed mit-tliet uliedu, hekk kif jeħtieġ l-Artikolu L. 24, I, subparagrafu 3°, tal-Kodiċi dwar il-pensjonijiet. L-azzjoni mibdija minn M. Leone kontra din id-deċiżjoni ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tat-tribunal administratif de Lyon tat-18 ta’ Mejju 2006.

13

Fil-31 ta’ Diċembru 2008, il-konjuġi Leone taw bidu għal proċedura ġudizzjarja sabiex jiksbu l-kumpens għad-danni li huma jqisu li sostnew minħabba d-diskriminazzjoni indiretta, kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, li tagħha kien vittma M. Leone. Din id-diskriminazzjoni tirriżulta, minn naħa, mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli L. 24 u R. 37 tal-Kodiċi dwar il-pensjonijiet, dwar l-irtirar antiċipat bl-għoti immedjat tal-pensjoni, u, min-naħa l-oħra, tas-subparagrafu 2° tal-Artikolu 15 tad-Digriet Nru 2003/1306, dwar l-akkreditazzjoni tal-pensjoni.

14

Billi din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tat-tribunal administratif de Lyon tas-17 ta’ Lulju 2012, il-konjuġi Leone appellaw din id-deċiżjoni quddiem il-cour administrative d’appel de Lyon.

15

Huwa f’dan il-kuntest li, billi rrilevat li r-responsabbiltà tal-Istat minħabba l-liġijiet tista’ tingħata bidu meta dawn jiksru l-impenji internazzjonali tar-Repubblika Franċiża, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu L. 24 u tal-Artikolu R. 37 tal-[Kodiċi dwar il-pensjonijiet] kif jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-[Liġi Nru 2004-1485] u [tad-Digriet Nru 2005-449], jistgħu jitqiesu bħala li jagħtu lok għal diskriminazzjoni indiretta bejn l-irġiel u n-nisa fis-sens tal-Artikolu 157 [TFUE]?

2)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tad-[Digriet 2003‑1306], jistgħu jitqiesu bħala li jagħtu lok għal diskriminazzjoni indiretta bejn l-irġiel u n-nisa fis-sens tal-Artikolu 157 [TFUE]?

3)

Fil-każ ta’ risposta pożittiva għal waħda mill-ewwel żewġ domandi, tali diskriminazzjoni indiretta hija ġustifikabbli fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 157(4) [TFUE]?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16

Wara li ġew ippreżentati l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, il-konjuġi Leone, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Marzu 2014, talbu li din il-kawża tiġi assenjata mill-ġdid lill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja u li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

17

Insostenn ta’ dawn it-talbiet, il-persuni kkonċernati jinvokaw, essenzjalment, minbarra l-fatt li huma ma jaqblux mal-imsemmija konklużjonijiet, l-ewwel nett il-fatt li fl-20 ta’ Jannar 2014 ġiet adottata riforma tal-irtirar li, mingħajr ma temenda l-vantaġġi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, madankollu tipprevedi l-adozzjoni futura ta’ rapport tal-gvern li jħabbar riforma tal-vantaġġi familjari li jikkaratterizzaw is-sistemi tal-irtirar. Dan huwa fatt ġdid ta’ natura li jiġġustifika ftuħ mill-ġdid tad-diskussjonijiet.

18

It-tieni nett, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li d-Direttiva tal-Kunsill 86/378/KEE, tal-24 ta’ Lulju 1986, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għal irġiel u nisa fi skemi tax-xogħol ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 327), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 96/97/KE, tal-20 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 232), la ġiet indirizzata mill-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u lanqas mill-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tiegħu. Huma jistgħu, għaldaqstant, jinvokaw l-eżistenza ta’ argument mhux diskuss bejn il-partijiet, li jiġġustifika ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

19

F’dan ir-rigward, u f’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, it-talba għal assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawża lill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li qabelxejn jiġi rrilevat li ebda dispożizzjoni tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew tar-Regoli ta’ Proċedura tagħha ma tipprevedi t-trattament ta’ din it-tip ta’ talba fil-kuntest ta’ proċedura għal rinviju preliminari.

20

Skont l-Artikolu 60(3) ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, il-kulleġġ ġudikanti li quddiemu l-kawża ġiet irrinvijata jista’, ċertament, f’kull stadju tal-proċedura, jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tassenja mill-ġdid din il-kawża lil kulleġġ ġudikanti iktar importanti, iżda din hija miżura li l-awla li lilha tkun ġiet assenjata l-kawża għandha tadotta, bħala prinċipju, ex officio u b’mod liberu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Spanja vs Il-Kunsill, C-310/04, EU:C:2006:521, punt 22).

21

F’dan il-każ, ir-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tirrinvija din il-kawża lill-Awla Manja.

22

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 83 tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

23

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva, l-ewwel nett, li wara li kien possibbli għalihom li jsiru jafu bl-osservazzjonijiet ippreżentati, ebda waħda minn dawn il-partijiet u ebda waħda minn dawn il-persuni kkonċernati ma talbet li tiġi organizzata seduta, kif prevista l-possibbiltà fl-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

24

It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tieħu deċiżjoni.

25

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-fatt ġdid allegat mill-konjuġi Leone, ma jidhirx li l-liġi invokata minnhom, li daħlet fis-seħħ wara l-fatti kontenzjużi, hija ta’ natura li teżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tieħu.

26

Barra minn hekk, il-fatt li l-Gvern Franċiż naqas milli jindirizza d-Direttiva 86/378 fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu jew fis-seduta li huwa seta’ jitlob għal dan l-għan u l-fatt li l-Avukat Ġenerali ma ddiskutiex din id-direttiva iktar fil-konklużjonijiet tiegħu, filwaqt li l-konjuġi Leone għamlu riferiment għaliha fl-osservazzjonijiet tagħhom, bl-ebda mod ma huma ta’ natura li jiġġustifikaw ftuħ mill-ġdid tad-diskussjonijiet minħabba li tali element ma ġiex diskuss bejn il-partijiet.

27

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

28

Il-Gvern Franċiż jitlob, prinċipalment, l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li l-qorti tar-rinviju la esponiet ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-Artikolu 157 TFUE u lanqas ir-raġunijiet li jwassluha sabiex tiddubita mill-konformità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma’ dan l-artikolu.

29

Skont dan il-gvern, il-qorti tar-rinviju kellha tispjega liema huma l-effetti tal-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali li fl-opinjoni tagħha jidhru, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, ta’ natura li jwasslu għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ diskriminazzjonijiet indiretti. Bl-istess mod, din il-qorti kellha tesponi r-raġunijiet li għalihom hija ma taqbilx mal-pożizzjoni tal-Conseil d’État (Franza) li, fil-ġurisprudenza tiegħu, diġà kkonkluda l-assenza ta’ tali diskriminazzjonijiet indiretti filwaqt li kkunsidra li ma kienx neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’mod preliminari dwar dan is-suġġett.

30

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni preliminari li għandha tingħata, li tevalwa, fir-rigward tal-partikolaritajiet tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, obbligata li tagħti d-deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Carmen Media Group, C-46/08, EU:C:2010:505, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Ir-rifjut li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mal-għan tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Carmen Media Group, EU:C:2010:505, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Issa, f’dan il-każ, il-punti tad-dritt nazzjonali u l-punti ta’ fatt li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju huma biżżejjed sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha u dawn tal-aħħar għandhom rabtiet evidenti mas-suġġett tal-kawża prinċipali. Fir-rigward tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, li għalihom hija tagħmel riferiment fid-domandi tagħha, u għar-rabtiet li hija tqis li jeżistu bejn dawn id-dispożizzjonijiet u d-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-kawża prinċipali, hemm lok li jiġi rrilevat li dawn jistgħu faċilment jiġu dedotti mid-deċiżjoni tar-rinviju u, b’mod partikolari, mill-espożizzjoni tal-pretensjonijiet u tal-argumenti tal-partijiet fil-kawża prinċipali li jinsabu f’dik id-deċiżjoni.

33

Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 267 TFUE tagħti lill-qrati nazzjonali diskrezzjoni l-iktar wiesgħa sabiex jirreferu kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk dawn iqisu li kawża pendenti quddiemhom tqajjem mistoqsijiet li jeħtieġu interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni neċessarji għas-soluzzjoni tal-kawża mressqa quddiemhom. Huwa għalhekk, b’mod partikolari, li l-qorti li ma tiddeċidix fl-aħħar istanza għandha tkun libera, jekk hija tqis li l-evalwazzjoni fid-dritt magħmula f’livell superjuri tista’ twassalha sabiex tagħti deċiżjoni kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domandi li jkunu ta’ tħassib għaliha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Elchinov, C-173/09, EU:C:2010:581, punti 26 u 27, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34

Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-oġġezzjonijiet magħmula mill-Gvern Franċiż għandhom jitwarrbu u li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies li hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

Osservazzjonijiet preliminari

35

Għandu jitfakkar, minn naħa, li l-kawża prinċipali tirrigwarda talba għad-danni bbażata fuq il-fatt li, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li kienu fis-seħħ dak iż-żmien, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma setax jibbenefika, sa mix-xahar ta’ April 2005, minn irtirar antiċipat bl-għoti immedjat tal-pensjoni u minn akkreditazzjoni ta’ anzjanità wara ċ-ċaħda, permezz ta’ deċiżjoni taċ-CNRACL tat-18 ta’ April 2005, tat-talba tiegħu intiża għall-ksib ta’ dawn il-vantaġġi. F’dawn il-kundizzjonijiet, u fid-dawl tal-fatt li t-Trattat ta’ Lisbona daħal fis-seħħ biss fl-1 ta’ Diċembru 2009, sabiex tingħata risposta għall-kwistjonijiet li d-domandi magħmula jqajmu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, hekk kif sostnew b’mod partikolari l-Kummissjoni u l-konjuġi Leone, l-Artikolu 141 KE minflok l-Artikolu 157 TFUE, li għalih għamlet riferiment b’mod formali l-qorti tar-rinviju fid-domandi tagħha.

36

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rilevat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-akkreditazzjonijiet ta’ pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tittratta t-tieni domanda, ġew adottati wara s-sentenza Griesmar (C-366/99, EU:C:2001:648), minn fejn jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ preċedentement kienet tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 141 KE.

37

F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt iddeċidiet li, fir-rigward tal-akkreditazzjoni ta’ pensjoni prevista b’din il-leġiżlazzjoni nazzjonali preċedenti, li l-għoti tagħha kien jiddependi biss mill-kriterju dwar l-edukazzjoni tal-ulied, l-uffiċjali nisa u l-uffiċjali rġiel kienu jinsabu, fir-rigward ta’ dan il-kriterju, f’sitwazzjoni paragunabbli, b’mod li, billi rriżervat il-benefiċċju tal-imsemmija akkreditazzjoni għall-uffiċjali nisa biss u billi eskludietha għall-uffiċjali rġiel li kienu kapaċi jagħtu prova li huma ħadu r-responsabbiltà tal-edukazzjoni ta’ wliedhom, din il-leġiżlazzjoni kienet introduċiet diskriminazzjoni indiretta minħabba s-sess, b’mod kuntrarju għall-Artikolu 141 KE (ara s-sentenza Griesmar, EU:C:2001:648, b’mod partikolari l-punti 53 sa 58 u 67).

Fuq it-tieni domanda

38

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 141 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li sistema ta’ akkreditazzjoni ta’ pensjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tiġġenerax diskriminazzjoni indiretta fil-qasam tar-remunerazzjoni bejn ħaddiema nisa u ħaddiema rġiel kuntrarja għal dan l-artikolu.

39

Preliminarjament għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-pensjonijiet mogħtija taħt sistema li fiha karatteristiċi bħal dawk tas-sistema Franċiża ta’ rtirar tal-uffiċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt il-kunċett ta’ remunerazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 141 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Griesmar, EU:C:2001:648, punti 26 sa 38, u Mouflin, C-206/00, EU:C:2001:695, punti 22 u 23).

40

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 141 KE jipprekludi mhux biss l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jistabbilixxu diskriminazzjonijiet direttament ibbażati fuq is-sess, iżda wkoll l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jżommu differenzi fit-trattament bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa b’applikazzjoni ta’ kriterji mhux ibbażati fuq is-sess, sakemm dawn id-differenzi fit-trattament ma jistgħux jiġu spjegati abbażi ta’ fatturi oġġettivament iġġustifikati u li ma jkunux relatati ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Seymour‑Smith u Perez, C-167/97, EU:C:1999:60, punt 52, u Voß, C-300/06, EU:C:2007:757, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

B’mod iktar preċiż, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta minħabba s-sess meta l-applikazzjoni ta’ miżura nazzjonali, minkejja li tkun ifformulata b’mod newtru, fil-fatt tiżvantaġġa numru ħafna ogħla ta’ ħaddiema ta’ sess milli tal-ieħor (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Z, C‑363/12, EU:C:2014:159, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). Tali miżura ma hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ħlief bil-kundizzjoni li d-differenza fit-trattament bejn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema li hija toħloq tkun ġustifikata minn fatturi oġġettivi li ma jkunux relatati ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Rinner‑Kühn, 171/88, EU:C:1989:328, punt 12; Voß, EU:C:2007:757, punt 38; u Brachner, C-123/10, EU:C:2011:675, punt 70).

42

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 15 tad-Digriet Nru 2003‑1306, akkreditazzjoni ta’ anzjanità ffissata f’erba’ trimestri għandha tingħata, fid-dawl tal-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni, lil kull uffiċjal, għal kull wieħed minn uliedu mwielda jew adottati qabel l-1 ta’ Jannar 2014, jew li ttieħdet ir-responsabbiltà tagħhom qabel dik id-data u mrobbija matul disa’ snin, bil-kundizzjoni li l-imsemmi uffiċjal ikun jista’ jiġġustifika interruzzjoni tal-attività ta’ tul kontinwu ta’ xahrejn li seħħew fil-kuntest ta’ leave tal-maternità, leave tal-adozzjoni, leave parentali jew leave ta’ preżenza parentali jew ta’ disponibbiltà għat-trobbija ta’ wild ta’ inqas minn tmien snin. Skont l-imsemmija dispożizzjoni, din l-akkreditazzjoni tingħata wkoll lin-nisa uffiċjali li jkunu welldu matul is-snin ta’ studju tagħhom qabel l-1 ta’ Jannar 2004 u qabel ir-reklutaġġ tagħhom fis-servizz pubbliku, meta dan ir-reklutaġġ ikun seħħ f’terminu ta’ sentejn wara l-ksib tal-lawrja neċessarja sabiex setgħu jipparteċipaw f’kompetizzjoni.

43

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, ikkunsidrata bħala tali, dispożizzjoni li għaldaqstant tipprevedi li akkreditazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija msejħa li tibbenefika lill-uffiċjali taż-żewġ sessi bil-kundizzjoni li dawn ikunu interrompew il-karriera tagħhom matul perijodu minimu ta’ xahrejn konsekuttivi sabiex jiddedikaw ruħhom għal wild għandha apparenza newtrali f’dak li jikkonċerna s-sess tal-persuna kkonċernata, peress, b’mod partikolari, li ma jidhirx li l-possibbiltajiet ta’ interruzzjoni tal-karriera previsti bil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma legalment miftuħa biss għall-uffiċjali ta’ wieħed miż-żewġ sessi.

44

F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li kemm l-uffiċjali rġiel kif ukoll l-uffiċjali nisa jistgħu jibbenefikaw minn tali possibbiltajiet ta’ interruzzjoni tal-karriera fil-kuntest ta’ leave tal-adozzjoni, ta’ leave parentali jew ta’ leave ta’ preżenza parentali jew, saħansitra, fil-kuntest ta’ disponibbiltà għat-trobbija ta’ wild ta’ inqas minn tmien snin.

45

Madankollu, minkejja din l-apparenza ta’ newtralità, għandu jiġi kkonstatat li l-kriterju li jinsab fl-Artikolu 15 tad-Digriet Nru 2003-1306 iwassal sabiex perċentwali ħafna ogħla ta’ nisa milli ta’ rġiel jibbenefikaw mill-vantaġġ ikkonċernat.

46

Effettivament, il-fatt li s-sistema ta’ akkreditazzjoni ta’ pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludi, fost il-forom statutorji ta’ interruzzjoni ta’ attività li tagħti dritt għal akkreditazzjoni, il-leave tal-maternità, jimplika, fid-dawl tat-tul minimu u tan-natura obbligatorja ta’ dan il-leave fid-dritt Franċiż, li l-uffiċjali nisa li huma l-ġenitur bijoloġiku tal-wild tagħhom jinsabu, bħala prinċipju, f’pożizzjoni li jibbenefikaw mill-vantaġġ li din l-akkreditazzjoni tikkostitwixxi.

47

Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-uffiċjali rġiel, diversi fatturi jikkontribwixxu, f’dan il-każ, sabiex jitnaqqas b’mod kunsiderevoli n-numru ta’ dawk fosthom li jkunu jistgħu effettivament jibbenefikaw mill-imsemmi vantaġġ.

48

Għal dan l-għan, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, b’differenza mil-leave tal-maternità, is-sitwazzjonijiet ta’ leave jew ta’ disponibbiltà li jistgħu jagħtu d-dritt għall-imsemmija akkreditazzjoni ta’ pensjoni għandhom, għal uffiċjal, natura fakultattiva.

49

It-tieni nett, jirriżulta, b’mod partikolari mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Franċiż li sitwazzjonijiet statutorji bħalma huma l-leave parentali, il-leave ta’ preżenza parentali jew id-disponibbiltà huma akkumpanjati minn assenza kemm ta’ remunerazzjoni kif ukoll ta’ ksib ta’ drittijiet għal pensjoni. Barra minn hekk, il-leave ta’ preżenza parentali u d-disponibbiltà huma akkumpanjati, rispettivament, minn tnaqqis u minn assenza ta’ ksib tad-dritt għall-avvanz fl-iskala.

50

Il-fatt li sistema ta’ akkreditazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija ta’ natura li tibbenefika prinċipalment lill-uffiċjali nisa barra minn hekk ġie kkonstatat b’mod espress mill-Conseil d’État fis-sentenza tiegħu tad-29 ta’ Diċembru 2004, D’Amato et (Nru 265097), li l-Gvern Franċiż ipproduċa insostenn tal-osservazzjonijiet tiegħu. Konstatazzjoni simili twettqet ukoll mill-Awtorità Għolja tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet u għall-ugwaljanza fid-deliberazzjoni tagħha Nru 2005-32, tas-26 ta’ Settembru 2005, li għaliha għamlu riferiment il-konjuġi Leone fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.

51

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal preċedentement, il-kundizzjoni ta’ interruzzjoni tal-attività professjonali ta’ xahrejn li għaliha s-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissuġġetta, bħala prinċipju, l-għoti tal-akkreditazzjoni, minkejja l-apparenza newtra fuq il-livell tas-sess tal-uffiċjali kkonċernati, hija, f’dan il-każ, ta’ natura li tiġi sodisfatta minn perċentwali kunsiderevolment ħafna iżgħar ta’ uffiċjali rġiel milli uffiċjali nisa, b’mod li din tiżvantaġġa fil-fatt numru ħafna ogħla ta’ ħaddiema ta’ sess milli ħaddiema tas-sess l-ieħor.

52

F’dawn il-kundizzjonijiet għandu jiġi vverifikat jekk id-differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema nisa u l-ħaddiema rġiel hekk iġġenerata tistax, jekk ikun il-każ, tiġi ġġustifikata minn fatturi oġġettivi li ma jkunux relatati ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.

53

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan huwa partikolarment il-każ jekk il-mezzi magħżula jissodisfaw għan leġittimu ta’ politika soċjali, huma kapaċi jilħqu l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u huma neċessarji għal dan l-għan (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Seymour‑Smith u Perez, EU:C:1999:60, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Brachner, EU:C:2011:675, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Barra minn hekk, tali mezzi ma jistgħux jitqiesu li huma xierqa sabiex jiggarantixxu l-għan invokat ħlief jekk dawn jirrispondu verament għar-rieda li dan l-għan jintlaħaq u jekk dawn jiġux implementati b’mod koerenti u sistematiku (sentenzi Hartlauer, C-169/07, EU:C:2009:141, punt 55; Georgiev, C-250/09 u C-268/09, EU:C:2010:699, punt 56; Fuchs u Köhler, C-159/10 u C-160/10, EU:C:2011:508, punt 85; kif ukoll Brachner, EU:C:2011:675, punt 71).

55

Huwa l-Istat Membru kkonċernat, fil-kwalità tiegħu ta’ awtur tar-regola preżunta diskriminatorja, li għandu juri li din ir-regola tissodisfa għan leġittimu ta’ politika soċjali, li dan l-għan ma huwiex relatat ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess u li dan seta’ raġonevolment iqis li l-mezzi magħżula kienu kapaċi jwettqu l-imsemmi għan (sentenza Brachner, EU:C:2011:675, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, minkejja li fl-aħħar lok hija l-qorti nazzjonali, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti u tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tiddetermina jekk u sa fejn id-dispożizzjoni leġiżlattiva kkonċernata hija ġġustifikata minn tali fattur oġġettiv, il-Qorti tal-Ġustizzja, imsejħa sabiex tipprovdi lil din b’risposti utli fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti indikazzjonijiet, misluta mill-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali li jkunu ppreżentati quddiemha, ta’ natura li jippermettu lill-qorti nazzjonali tasal għal deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Brachner, EU:C:2011:675, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-għanijiet segwiti mis-sistema ta’ akkreditazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Gvern Franċiż li għandu, hekk kif tfakkar fil-punt 55 tal-preżenti sentenza, ir-responsabbiltà li juri li l-imsemmija sistema tissodisfa, jekk ikun il-każ, għan leġittimu u li din tal-aħħar ma hijiex relatata ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, indika, fl-osservazzjonijiet tiegħu, li l-akkreditazzjoni kkonċernata għandha l-għan li tikkumpensa l-iżvantaġġi fil-karriera li jirriżultaw mill-interruzzjoni tal-attività professjonali minħabba t-twelid, il-wasla fid-dar jew l-edukazzjoni tat-tfal.

58

F’dan ir-rigward, ir-rieda li jiġu kkumpensati l-iżvantaġġi sostnuti fl-iżvolġiment tal-karriera tagħhom mill-ħaddiema kollha, kemm nisa kif ukoll irġiel, li jkunu interrompewha għal ċertu żmien sabiex jiddedikaw ruħhom għal uliedhom tikkostitwixxi, ċertament, bħala tali, għan leġittimu ta’ politika soċjali.

59

Madankollu, sempliċi affermazzjonijiet ġenerali ma humiex suffiċjenti sabiex juru li l-għan ta’ regola nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma huwiex relatat ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess u lanqas ma huma biżżejjed sabiex jipprovdu elementi li jippermettu b’mod raġonevoli li jitqies li l-mezzi magħżula kienu kapaċi jwettqu tali għan (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Seymour-Smith u Perez, EU:C:1999:60, punt 76, kif ukoll Nikoloudi, C-196/02, EU:C:2005:141, punt 52).

60

F’dan il-każ, hemm lok li tingħata iktar u iktar attenzjoni lill-osservanza effettiva tad-diversi rekwiżiti mfakkra fil-punti 52 sa 55 tal-preżenti sentenza peress li, hekk kif ġie enfasizzat fil-punti 36 u 37 tagħha, is-sistema ta’ akkreditazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet adottata għall-finijiet li d-dritt nazzjonali jitqiegħed f’konformità mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fir-remunerazzjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun ikkonstatat in-nuqqas ta’ konformità tal-mekkaniżmu regolamentari nazzjonali preċedenti ma’ dan il-prinċipju.

61

Issa, il-Kummissjoni u l-konjuġi Leone sostnew b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, li r-Repubblika Franċiża ssostitwixxiet dan il-mekkaniżmu preċedenti b’mekkaniżmu ġdid li, taħt il-kopertura ta’ miżuri apparentement newtri fir-rigward tas-sess tal-persuni li għalihom japplikaw dawn il-miżuri, fir-realtà żammet l-għanijiet tal-imsemmi mekkaniżmu preċedenti u żgurat status quo u sostenibbiltà tal-effetti konkreti tiegħu.

62

Skont il-konjuġi Leone, il-mekkaniżmu l-ġdid applikabbli jżomm, fil-fatt, l-istess għan u l-istess kawża bħal dak antik, jiġifieri, essenzjalment, li jiġu kkumpensati l-iżvantaġġi professjonali li jirriżultaw miż-żmien mgħoddi, mill-uffiċjal, għall-edukazzjoni tat-tfal, matul il-karriera tiegħu. Ir-Repubblika Franċiża b’hekk għamlet użu mill-kriterju artifiċjali bbażat fuq l-interruzzjoni tal-karriera sempliċement għall-finijiet li tevita l-konsegwenzi finanzjarji li jistgħu jirriżultaw minn applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni u dan l-Istat Membru jibqa’ ma jistabbilixxix li l-modifiki hekk ippreżentati jsegwu għan leġittimu la ma huwiex relatat ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.

63

Il-Gvern Franċiż isostni li l-interruzzjoni tal-karriera bl-għan li tittieħed responsabbiltà tat-tfal għandha impatt dirett fuq l-ammont tal-pensjoni tal-uffiċjal kemm minħabba l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ interruzzjoni għall-kalkolu tiegħu, kif ukoll minħabba d-deċelerazzjoni tal-karriera li huma jiġġeneraw, u li l-akkreditazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża, għaldaqstant, li tikkumpensa finanzjarjament tali impatt matul il-likwidazzjoni ta’ din il-pensjoni.

64

Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 56 tal-preżenti sentenza, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-elementi li jinsabu fil-proċess li hija għandha u fid-dawl tal-osservazzjonijiet ippreżentati quddiemha, li għandha tagħti l-indikazzjonijiet segwenti, ta’ natura li jippermettu lill-qorti nazzjonali tasal għad-deċiżjoni tagħha.

65

L-ewwel nett, hekk kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Franċiż, il-leaves tal-maternità u tal-adozzjoni huma akkumpanjati minn żamma tal-ksib tad-drittijiet għall-pensjoni u tad-drittijiet għall-avvanz, filwaqt li l-leave parentali u l-leave ta’ preżenza parentali huma kkaratterizzati, l-ewwel wieħed, minn żamma totali, u t-tieni, minn żamma parzjali tad-drittijiet għall-avvanz. F’dawn il-kundizzjonijiet, huwa permess li wieħed jistaqsi dwar il-punt ta’ sa fejn l-għoti tal-akkreditazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa verament intiż li jikkumpensa għal assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-perijodi ta’ interruzzjoni għall-kalkolu tal-pensjoni jew tal-iżvantaġġi marbuta ma’ deċelerazzjoni tal-karriera tal-uffiċjal, hekk kif isostni dan il-gvern.

66

A priori l-istess japplika għall-fatt li din l-akkreditazzjoni hija stabbilita, b’mod uniformi, għal sena sħiħa, mingħajr kunsiderazzjoni tat-tul reali tal-interruzzjoni.

67

F’dan il-kuntest, għandu barra minn hekk jiġi enfasizzat li l-ammont tal-imsemmija akkreditazzjoni baqa’ mhux mibdul meta mqabbel ma’ dak li kien jikkaratterizza s-sistema ta’ akkreditazzjoni preċedenti, meqjusa kuntrarja għall-Artikolu 141 KE konsegwentement għas-sentenza Griesmar (EU:C:2001:648). Madankollu, hekk kif ġie rrilevat f’dik is-sentenza, fil-kuntest ta’ din is-sistema, l-akkreditazzjoni li kienet fis-seħħ dak iż-żmien kellha għan differenti, jiġifieri li jiġu kkumpensati l-iżvantaġġi tal-karriera sostnuti min-nisa minħabba l-fatt li dawn ikunu ddedikaw ruħhom għall-edukazzjoni tat-tfal matul l-iżvolġiment tal-karriera tagħhom.

68

Issa, f’dan ir-rigward jista’ jiġi osservat li, minkejja li akkreditazzjoni ta’ pensjoni ekwivalenti għal sena għal kull wild imrobbi fid-dar hija maħsuba, bla dubju, fid-dawl ta’ dan l-aħħar għan, iż-żamma mhux mibdula tal-kobor ta’ dan il-vantaġġ fil-kuntest tal-mekkaniżmu inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex eżenti, għall-kuntrarju u hekk kif għadu kif ġie rrilevat, milli tqajjem dubji fir-rigward tal-kapaċità tagħha li ssegwi l-għan imfakkar fil-punt 57 tal-preżenti sentenza.

69

It-tieni nett, fir-rigward tar-rekwiżit, imfakkar fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, relattiv għall-implementazzjoni koerenti u sistematika ta’ dan l-aħħar għan, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

70

Minn naħa, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 15(3) tad-Digriet Nru 2003-1306, l-akkreditazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha wkoll tingħata lill-uffiċjali nisa li jkunu welldu matul is-snin ta’ studju tagħhom, qabel l-1 ta’ Jannar 2004 u qabel ma jkunu ġew reklutati fis-servizz pubbliku, meta dan ir-reklutaġġ ikun seħħ fi żmien sentejn wara li jkunu kisbu l-lawrja neċessarja sabiex setgħu jipparteċipaw f’kompetizzjoni, mingħajr ma tkun tista’ tiġi imposta fuqhom kundizzjoni ta’ interruzzjoni tal-attività.

71

Issa, sa fejn l-eċċezzjoni hekk introdotta timplika l-għoti ta’ akkreditazzjoni lil uffiċjal li ma jkunx interrompa l-karriera tiegħu, u li, għaldaqstant, ma setax isostni l-iżvantaġġi li din l-akkreditazzjoni hija intiża li tirrimedja, tali dispożizzjoni tidher, a priori, li hija ta’ natura li tista’ tippreġudika r-rekwiżit ta’ koerenza u ta’ sistematiżmu msemmi iktar ’il fuq.

72

Min-naħa l-oħra, skont is-sistema ta’ akkreditazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-preżenza ta’ ċerti tfal, bħal dawk tal-konjuġi, dawk li fir-rigward tagħhom saret delegazzjoni tas-setgħa tal-ġenituri favur persuna li tirċievi l-pensjoni jew favur il-konjuġi tagħha, dawk li jinsabu taħt tutela tal-persuna li tirċievi l-pensjoni jew taħt dik tal-konjuġi tagħha meta t-tutela hija akkumpanjata mill-kustodja effettiva u permanenti tal-wild jew dawk li ġew milqugħa, fid-dar tagħha, mill-persuna li tirċievi l-pensjoni jew mill-konjuġi tagħha, l-għoti tal-akkreditazzjoni kkonċernata jkun suġġett mhux biss għal interruzzjoni tal-attività professjonali ta’ xahrejn, iżda wkoll għall-kundizzjoni li dawn it-tfal ikunu trabbew matul mhux inqas minn disa’ snin.

73

Issa, tali kundizzjoni addizzjonali ma tidhirx li, a priori, taqbel iktar mal-għan allegat f’dan il-każ mill-Gvern Franċiż.

74

Fl-aħħar nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li, f’dan il-każ u hekk kif tfakkar preċedentement, l-adozzjoni tas-sistema ta’ akkreditazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija l-konsegwenza tan-neċessità li jkun hemm rimedju għan-nuqqas ta’ konformità mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fir-remunerazzjoni tas-sistema ta’ akkreditazzjoni preċedentement fis-seħħ, li jirriżulta mis-sentenza Griesmar (EU:C:2001:648).

75

Billi hija intiża biex tapplika għal-likwidazzjonijiet ta’ pensjonijiet li seħħew mit-28 ta’ Mejju 2003 u b’teħid inkunsiderazzjoni tat-tfal imwielda, adottati jew milqugħa fid-dar qabel l-1 ta’ Jannar 2004, is-sistema ta’ akkreditazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għaldaqstant kellha l-għan li tirregola t-tip ta’ akkreditazzjonijiet li l-likwidazzjoni tagħhom kienet, sa dak iż-żmien, taqa’ taħt dik is-sistema preċedenti.

76

Issa, għandu jitfakkar li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-imsemmija sistema preċedenti kienet tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn din kienet teskludi mill-benefiċċju tal-akkreditazzjoni lill-uffiċjali rġiel li kienu kapaċi jagħtu prova li ħadu responsabbiltà tal-edukazzjoni tat-tfal tagħhom (sentenza Griesmar, EU:C:2001:648, punt 67).

77

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, minkejja li l-modalitajiet ta’ għoti tal-akkreditazzjoni previsti bis-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma intiżi li japplikaw biss għall-pensjonijiet li, essenzjalment, huma suġġetti għal likwidazzjoni wara d-dħul fis-seħħ ta’ din is-sistema, xorta jibqa’ l-fatt li din tal-aħħar jista’ jkun li kellha l-effett li tirtira, għall-futur, lil ċerti uffiċjali rġiel, dritt li huma kienu jisiltu mill-effett dirett tal-Artikolu 141 KE. Issa, għandu jitfakkar li minkejja li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li Stat Membru jaġixxi b’dan il-mod, dan huwa bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li l-miżuri li huwa jadotta f’dan ir-rigward josservaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Roks et, C‑343/92, EU:C:1994:71, punti 29 u 30).

78

Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punti 65 sa 73 tal-preżenti sentenza, dan ma jidhirx, bla ħsara għall-evalwazzjonijiet finali li għandhom isiru, f’dan ir-rigward, mill-qrati nazzjonali, li huwa l-każ tas-sistema ta’ akkreditazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

79

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-Artikolu 141 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, ħlief sabiex tkun tista’ tiġi ġġustifikata minn fatturi oġġettivi li ma jkunux relatati ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, bħalma huwa għan leġittimu ta’ politika soċjali, u sabiex tkun tista’ tiggarantixxi l-għan invokat u neċessarju għal dan l-iskop, li jirrikjedi li din tkun tirrispondi verament għar-rieda li dan tal-aħħar jintlaħaq u li dan jiġi implementat b’mod koerenti u sistematiku f’dik il-perspettiva, sistema ta’ akkreditazzjoni ta’ pensjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali toħloq diskriminazzjoni indiretta fil-qasam tar-remunerazzjoni bejn ħaddiema nisa u ħaddiema rġiel kuntrarja għal dan l-artikolu.

Fuq l-ewwel domanda

80

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 141 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjonijiet dwar l-irtirar antiċipat b’għoti immedjat tal-pensjoni, bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, joħolqux diskriminazzjoni indiretta fil-qasam tar-remunerazzjoni bejn ħaddiema nisa u ħaddiema rġiel kuntrarja għal dan l-artikolu.

81

Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikoli L. 24 u R. 37 tal-Kodiċi dwar il-pensjonijiet, li jikkonċernaw l-irtirar antiċipat bl-għoti immedjat tal-pensjoni, ġew, bħal dawk li jikkaratterizzaw is-sistema ta’ akkreditazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, adottati sabiex jittieħed kont tat-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza Griesmar (EU:C:2001:648).

82

Dawn l-artikoli jissuġġettaw id-dritt, għal uffiċjal, ġenitur ta’ tlett itfal jew ta’ wild ta’ iktar minn sena li għandu invalidità pari jew superjuri għal 80 %, li jibbenefika minn tali rtirar antiċipat, għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tiġġustifika, għal kull wild, interruzzjoni tal-attività ta’ tul kontinwu ta’ mill-inqas xahrejn li seħħet fil-kuntest ta’ leave tal-maternità, leave tal-paternità, leave ta’ adozzjoni, leave parentali jew leave ta’ preżenza parentali jew ta’ disponibbiltà għat-trobbija ta’ wild ta’ inqas minn tmien snin. F’każ ta’ twelid jew ta’ adozzjonijiet simultanji, it-tul ta’ interruzzjoni tal-attività meħud inkunsiderazzjoni għall-ulied kollha kkonċernati huwa wkoll ta’ xahrejn.

83

Fir-rigward tat-tfal bijoloġiċi jew adottati, l-imsemmija interruzzjoni għandha tkun seħħet matul il-perijodu ta’ bejn l-ewwel jum tar-raba’ ġimgħa qabel it-twelid jew l-adozzjoni u l-aħħar jum tas-sittax-il ġimgħa wara t-twelid jew l-adozzjoni.

84

F’dak li jikkonċerna t-tfal li ttieħdet responsabbiltà tagħhom, id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jipprevedu li dawn għandhom ikunu trabbew matul disa’ snin mill-uffiċjal ikkonċernat u li l-interruzzjoni tal-attività għandha tkun seħħet jew qabel għeluq is-sittax-il sena tagħhom, jew qabel l-età fejn huma waqfu jkunu dipendenti.

85

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta wkoll li huma inklużi fl-interruzzjoni tal-attività l-perijodi li ma tawx lok għal kontribuzzjoni mill-persuna kkonċernata u li matulhom din ma eżerċitat ebda attività professjonali.

86

Issa, għal raġunijiet mutatis mutandis identiċi għal dawk esposti fil-punti 43 sa 49 tal-preżenti sentenza, għandu qabelxejn jiġi kkonstatat li, minkejja li tali dispożizzjonijiet għandhom apparenza ta’ newtralità f’dak li jikkonċerna s-sess tal-uffiċjali kkonċernati, il-modalitajiet li għalihom dawn jissuġġettaw l-għoti tal-vantaġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma, f’dan il-każ, ta’ natura li jwasslu sabiex perċentwali ħafna ogħla ta’ nisa milli ta’ irġiel jibbenefikaw minnu.

87

F’dawn il-kundizzjonijiet għandu, sussegwentement, jiġi vverifikat, b’mod konformi mal-prinċipji tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 52 sa 55 tal-preżenti sentenza, jekk id-differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema nisa u l-ħaddiema rġiel maħluqa b’dan il-mod tistax madankollu tiġi ġġustifikata minn fatturi oġġettivi li ma jkunux relatati ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.

88

F’dan ir-rigward, il-Gvern Franċiż sostna, fl-osservazzjonijiet tiegħu, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati għandhom skop identiku għal dak tal-akkreditazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri li jiġu kkumpensati l-iżvantaġġi tal-karriera li jirriżultaw mill-interruzzjoni tal-attività professjonali minħabba t-twelid, il-wasla fid-dar jew l-edukazzjoni tal-ulied.

89

Hekk kif tfakkar fil-punt 56 tal-preżenti sentenza, hija l-qorti nazzjonali li għandha, fl-aħħar lok, tivverifika, fid-dawl tal-elementi kollha rilevanti, jekk, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-modalitajiet li jikkaratterizzawha, is-sistema ta’ rtirar antiċipat bl-għoti immedjat tal-pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħala mezz intiż li jilħaq dan l-għan, hijiex kapaċi tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dan tal-aħħar u jekk din tirrispondix verament għar-rieda li jintlaħaq u hijiex implementata b’mod koerenti u sistematiku fid-dawl ta’ dan l-għan. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha madankollu ġurisdizzjoni li tagħti lill-imsemmija qorti indikazzjonijiet ta’ natura li jippermettulha tasal għal deċiżjoni.

90

Issa, fir-rigward, b’mod partikolari, tar-rieda reali li jintlaħaq l-għan allegat f’dan il-każ u r-rekwiżit ta’ koerenza u ta’ sistematiżmu f’dik il-perspettiva, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li a priori ma jidhirx li l-fatt li jiġu aċċettati uffiċjali, b’mod antiċipat, għall-irtirar bl-għoti immedjat tal-pensjoni jista’ jkun ta’ natura li jikkumpensa għall-iżvantaġġi tal-karriera li jirriżultaw minn interruzzjoni tripla tal-attività professjonali ta’ xahrejn minħabba t-twelid, il-wasla fid-dar jew l-edukazzjoni tat-tfal, jew minn interruzzjoni waħdanija tal-karriera ta’ xahrejn minħabba t-twelid jew il-wasla fid-dar ta’ wild b’invalidità superjuri għal 80 %. Il-Gvern Franċiż lanqas ma stabbilixxa sa fejn dan il-fatt jista’ jkun ta’ natura li jikkumpensa għal dawn l-iżvantaġġi tal-karriera.

91

Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li diversi elementi li jikkaratterizzaw il-vantaġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidhrux, a priori, li jistgħu jiġu ġġustifikati b’mod koerenti fir-rigward tal-għan ta’ kumpens għall-imsemmija żvantaġġi hekk allegati.

92

Dan huwa minnu, l-ewwel nett u hekk kif diġà ġie rrilevat f’dak li jikkonċerna l-akkreditazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-punti 72 u 73 tal-preżenti sentenza, għall-fatt li, fil-preżenza ta’ ċerti tfal, il-benefiċċju tal-irtirar antiċipat bl-għoti immedjat tal-pensjoni huwa suġġett mhux biss għal interruzzjoni tal-attività professjonali ta’ xahrejn, iżda wkoll għall-kundizzjoni addizzjonali li dawn it-tfal ikunu trabbew matul tal-inqas disa’ snin mill-uffiċjal ikkonċernat.

93

Dan huwa wkoll il-każ, it-tieni nett, għall-fatt li l-vantaġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali mogħti lill-uffiċjali mingħajr distinzjoni, skont jekk dawn ikunux interrompew il-karriera tagħhom fuq tliet perijodi ta’ xahrejn għal tliet ulied distinti jew fuq perijodu uniku ta’ xahrejn għal wild b’invalidità pari jew superjuri għal 80 %. Fil-fatt, a priori ma jidhirx li l-iżvantaġġi tal-karriera li jirriżultaw minn interruzzjoni tal-karriera ta’ xahrejn u li l-imsemmi vantaġġ allegatament huwa intiż biex jikkumpensa huma differenti, skont jekk il-wild imwieled jew adottat għandux diżabbiltà jew le.

94

L-istess japplika, it-tielet nett, għall-fatt li skontu jidher li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, fil-każ ta’ twelid jew ta’ adozzjonijiet simultanji, l-uniku perijodu ta’ xahrejn ta’ interruzzjoni tal-karriera li rriżulta minnhom huwa magħdud daqstant drabi daqs kemm hemm ulied ikkonċernati. Issa, a priori ma jidhirx li l-iżvantaġġi tal-karriera intiżi li jirriżultaw minn interruzzjoni tal-karriera ta’ xahrejn u li dan il-vantaġġ huwa intiż li jikkumpensa huma differenti skont jekk din l-interruzzjoni seħħitx minħabba twelid jew adozzjonijiet waħdanin jew multipli.

95

Ir-raba’ nett, tkun il-qorti tar-rinviju li jkollha teżamina jekk, skont il-portata eżatta tagħhom, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 24, I(3), u l-Artikolu R. 37, III, tal-Kodiċi dwar il-pensjonijiet, li jipprevedu li l-benefiċċju tal-vantaġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jingħata b’kunsiderazzjoni tal-perijodi li matulhom il-persuna kkonċernata ma kienet qiegħda teżerċita ebda attività professjonali, humiex, possibbilment, anki ta’ natura li jippreġudikaw ir-rekwiżit ta’ koerenza msemmi iktar ’il fuq.

96

Wieħed għandu jżid li, fl-eżami li hija għaldaqstant hija mitluba tagħmel sabiex tiżgura li s-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrispondi verament għar-rieda li jintlaħaq l-għan allegat u li din tiġi implementata b’mod koerenti u sistematiku fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, din il-qorti tista’ tenħtieġ ukoll li tieħu inkunsiderazzjoni relazzjonijiet possibbli bejn is-sistema ta’ rtirar antiċipat bl-għoti immedjat tal-pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-mekkaniżmu nazzjonali preċedenti, li ġiet sussegwentement għalih u li dwaru l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex informazzjoni suffiċjenti. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti nazzjonali tkun tista’, b’mod partikolari, titwassal sabiex tivverifika sa fejn tali relazzjonijiet jistgħu, bħalma ġie rrilevat fil-preżenti sentenza dwar is-sistema ta’ akkreditazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jeżerċitaw influwenza fuq dan l-eżami.

97

Fil-kawża preżenti, u b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dak li tfakkar fil-punt 81 tal-preżenti sentenza, għandu jiġi rrilevat, fl-aħħar nett, li l-kunsiderazzjonijiet magħmula, fir-rigward tal-imsemmija sistema ta’ akkreditazzjoni, fil-punti 74 sa 78 ta’ din is-sentenza, jistgħu, possibbilment, ukoll japplikaw, mutatis mutandis, f’dak li jikkonċerna s-sistema ta’ rtirar antiċipat bl-għoti immedjat tal-pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

98

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 141 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, ħlief sabiex tkun tista’ tiġi ġġustifikata minn fatturi oġġettivi li ma jkunux relatati ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, bħalma huwa għan leġittimu ta’ politika soċjali, u sabiex tkun tista’ tiggarantixxi l-għan invokat u neċessarju għal dan l-iskop, li jirrikjedi li din tkun tirrispondi verament għar-rieda li dan tal-aħħar jintlaħaq u li dan jiġi implementat b’mod koerenti u sistematiku f’dik il-perspettiva, sistema ta’ rtirar antiċipat bl-għoti immedjat tal-pensjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, toħloq diskriminazzjoni indiretta fil-qasam tar-remunerazzjoni bejn ħaddiema nisa u ħaddiema rġiel kuntrarja għal dan l-artikolu.

Fuq it-tielet domanda

99

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-diskriminazzjonijiet indiretti li ġew, possibbilment, identifikati fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel u t-tieni domandi jistgħux jiġu ġġustifikati skont l-Artikolu 141(4) KE.

100

Din l-aħħar dispożizzjoni tipprovdi li, sabiex tiġi żgurata b’mod konkret ugwaljanza sħiħa bejn l-irġiel u n-nisa fil-ħajja tax-xogħol, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma għandux ifixkel lil Stat Membru milli jżomm jew jadotta miżuri li jipprovdu għal vantaġġi speċifiċi intiżi li jiffaċilitaw l-eżerċizzju ta’ attività professjonali mis-sess li jkun inqas rappreżentat jew sabiex issir prevenzjoni jew jiġu kkumpensati żvantaġġi fil-karriera professjonali.

101

F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li miżura bħall-akkreditazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix miżura kkunsidrata minn din id-dispożizzjoni tat-Trattat KE, peress li kulma din tagħmel huwa li tagħti lill-uffiċjali akkreditazzjoni ta’ anzjanità fil-mument li huma jirtiraw, mingħajr ma jingħata rimedju għall-problemi li huma jistgħu jiltaqgħu magħhom matul il-karriera professjonali tagħhom, u li hija ma tidhirx li hija ta’ natura li tikkumpensa għall-iżvantaġġi li għalihom ikunu esposti l-imsemmija ħaddiema billi tingħatalhom għajnuna f’dik il-karriera u b’hekk tiġi żgurata konkretament ugwaljanza sħiħa bejn l-irġiel u n-nisa fil-ħajja professjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Griesmar, EU:C:2001:648, punti 63 sa 65; ara, ukoll, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑46/07, EU:C:2008:618, punti 57 u 58; kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑559/07, EU:C:2009:198, punti 66 sa 68).

102

L-istess jgħodd għal miżura bħall-irtirar antiċipat bl-għoti immedjat tal-pensjoni, peress li din il-miżura, li kulma tagħmel huwa li tiffavorixxi tmiem antiċipat tal-karriera professjonali, lanqas ma hija ta’ natura li tagħti rimedju għall-problemi li jistgħu jiltaqgħu magħhom l-uffiċjali matul il-karriera professjonali tagħhom billi tgħinhom f’dik il-karriera u lanqas tiżgura, b’hekk, konkretament, ugwaljanza sħiħa bejn l-irġiel u n-nisa fil-ħajja professjonali.

103

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 141(4) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jifformawx parti mill-miżuri msemmija f’din id-dispożizzjoni miżuri nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li kulma jagħmlu huwa li jippermettu lill-ħaddiema kkonċernati li jibbenefikaw minn irtirar antiċipat bl-għoti immedjat tal-pensjoni u li jagħtuhom akkreditazzjoni ta’ anzjanità mal-irtirar tagħhom, mingħajr ma jipprovdu rimedju għall-problemi li jistgħu jiltaqgħu magħhom matul il-karriera professjonali tagħhom.

Fuq l-ispejjeż

104

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 141 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, ħlief sabiex tkun tista’ tiġi ġġustifikata minn fatturi oġġettivi li ma jkunux relatati ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, bħalma huwa għan leġittimu ta’ politika soċjali, u sabiex tkun tista’ tiggarantixxi l-għan invokat u neċessarju għal dan l-iskop, li jirrikjedi li din tkun tirrispondi verament għar-rieda li dan tal-aħħar jintlaħaq u li dan jiġi implementat b’mod koerenti u sistematiku f’dik il-perspettiva, sistema ta’ akkreditazzjoni ta’ pensjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali toħloq diskriminazzjoni indiretta fil-qasam tar-remunerazzjoni bejn ħaddiema nisa u ħaddiema rġiel kuntrarja għal dan l-artikolu.

 

2)

L-Artikolu 141 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, ħlief sabiex tkun tista’ tiġi ġġustifikata minn fatturi oġġettivi li ma jkunux relatati ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, bħalma huwa għan leġittimu ta’ politika soċjali, u sabiex tkun tista’ tiggarantixxi l-għan invokat u neċessarju għal dan l-iskop, li jirrikjedi li din tkun tirrispondi verament għar-rieda li dan tal-aħħar jintlaħaq u li dan jiġi implementat b’mod koerenti u sistematiku f’dik il-perspettiva, sistema ta’ rtirar antiċipat bl-għoti immedjat tal-pensjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, toħloq diskriminazzjoni indiretta fil-qasam tar-remunerazzjoni bejn ħaddiema nisa u ħaddiema rġiel kuntrarja għal dan l-artikolu.

 

3)

L-Artikolu 141(4) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jifformawx parti mill-miżuri msemmija f’din id-dispożizzjoni miżuri nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li kulma jagħmlu huwa li jippermettu lill-ħaddiema kkonċernati li jibbenefikaw minn irtirar antiċipat bl-għoti immedjat tal-pensjoni u li jagħtuhom akkreditazzjoni ta’ anzjanità mal-irtirar tagħhom, mingħajr ma jipprovdu rimedju għall-problemi li jistgħu jiltaqgħu magħhom matul il-karriera professjonali tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.