SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Ġunju 2014 ( *1 )

“Appell — Klawżola ta’ arbitraġġ — Kuntratt ta’ sussidju li jikkonċerna żvilupp lokali — Rimbors ta’ parti mill-pagamenti mħallsa bil-quddiem — Irkupru ta’ dejn — Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali — Preskrizzjoni — Responsabbiltà tal-Kummissjoni”

Fil-Kawża C‑531/12 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fid-19 ta’ Novembru 2012,

Commune de Millau,

Société d’économie mixte d’équipement de l’Aveyron (SEMEA), stabbilita f’Millau (Franza),

irrappreżentati minn L. Hincker u F. Bleykasten, avukati,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Lejeune u D. Calciu, bħala aġenti, assistiti minn E. Bouttier, avukat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, E. Levits, M. Berger, S. Rodin u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Frar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, il-Commune de Millau u Société d’économie mixte d’équipement de l’Aveyron (SEMEA) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Il‑Kummissjoni vs SEMEA u Commune de Millau (T‑168/10 u T‑572/10, EU:T:2012:435, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ikkundannat in solidum lil SEMEA u lill-Commune de Millau jħallsu lill-Kummissjoni Ewropea s-somma prinċipali ta’ EUR 41 012 imħallsa minn din tal-aħħar bħala garanzija mogħtija minnha fil-kuntest tal-finanzjamenti mogħtija lil SEMEA, miżjuda bl-interessi moratorji, kif ukoll l-interessi prodotti mill-kapitalizzazzjoni ta’ dawn tal-aħħar bl-iskadenzi fissi.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew spjegati fil-punti 1 sa 31 tas-sentenza appellata, kif ġej:

“1

Fis-6 ta’ Lulju 1990, il-Komunità Ekonomika Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ikkonkludiet kuntratt ta’ sussidju ma’ [SEMEA], li minnha l-muniċipalità ta’ Millau (Franza) [l-Commune de Millau] kellu 50 % tal-kapital.

2

Dak il-kuntratt kien jikkonċerna żvilupp lokali li jikkonsisti fl-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ preparazzjoni u ta’ twaqqif ta’ Ċentru Ewropew għan-negozju lokali f’Millau (iktar ’il quddiem il-‘kuntratt’).

3

L-Artikolu 2 tal-kuntratt kien jistabbilixxi:

‘Ix-xogħlijiet għandhom jitlestew f’perijodu ta’ 18-il xahar li jibda jiddekorri mill-iffirmar ta’ dan il-kuntratt.’

4

Skont l-Artikolu 4 tal-kuntratt, is-SEMEA tobbliga ruħha li twettaq diversi prestazzjonijiet u li tagħti rendikont tagħhom lill-Kummissjoni permezz ta’ rapporti perjodici, il-Kummissjoni min-naħa tagħha tobbliga ruħha li tikkontribwixxi finanzjarjament favur l-eżekuzzjoni tax-xogħolijiet sas-somma massima ta’ ECU 135 000, fil-limitu ta’ 50 % tal-ispiża ġġustifikata tax-xogħlijiet.

5

L-Artikolu 6 tal-kuntratt kien jipprovdi:

‘Dan il-kuntratt huwa suġġett għall-liġi Franċiża.’

6

L-Artikolu 10 tal-kuntratt kien redatt kif ġej:

‘F’każ ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ krediti jew ta’ disponibbiltà insuffiċjenti sabiex jiġi eżegwit dan il-kuntratt, il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li xxolji dan il-kuntratt mingħajr ebda proċedura ġudizzjarja jew li taddatta l-kuntratt għad-disponibbiltà ġudizzjarja [baġitarja] l-ġdida.’

7

L-Artikolu 9(1) tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt kien jistabbilixxi:

‘F’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni mill-kontraenti [kokontraenti] ta’ wieħed mill-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt u indipendentement mill-konsegwenzi previsti mil-liġi applikabbli għall-kuntratt, dan tal-aħħar jista’, għall-finijiet kollha tal-liġi, jiġi mħassar jew xolt mill-Kummissjoni mingħajr il-bżonn li ssegwi ebda formalità ġudizzjarja, wara intimazzjoni nnotifikata lill-kontraenti permezz ta’ ittra rreġistrata, f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni wara terminu ta’ xahar.’

8

L-Artikolu 10 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt kien jipprovdi:

‘Fin-nuqqas ta’ soluzzjoni amikevoli, hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej li jkollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar kull kwistjoni li tikkonċerna l-kuntratt u li tinqala’ bejn il-partijiet kontraenti.’

9

Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Mejju 1991, is-SEMEA talbet lill-Kummissjoni sabiex il-kuntratt ikun jista’ jiġi eżegwit permezz ta’ struttura oħra, iċ-Ċentru Ewropew għan-negozju u l-innovazzjoni (iktar ’il quddiem l-‘assoċjazzjoni CEI 12’), li l-Kummissjoni aċċettat permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Lulju 1991 fejn ippreċiżat li dak il-ftehim ma kienx jeżonera lis-SEMEA mill-obbligi tagħha. Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Ottubru 1991, is-SEMEA kkonfermat li hija kienet ser tidħol garanti għall-eżekuzzjoni tajba tal-prestazzjonijiet previsti fil-kuntratt.

10

Matul ix-xhur ta’ Ġunju u Lulju tal-1992, id-dipartimenti tal-Kummissjoni wettqu stħarriġ dwar l-istat tal-progess tax-xogħlijiet, li warajh ġie kkonstatat li t-total tal-ispejjeż eliġibbli kien jammonta għas-somma ta’ ECU 187 977 u li l-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni kellha tkun ta’ 50 % ta’ dak l-ammont, jiġifieri s-somma ta’ ECU 93 988.

11

Peress li s-SEMEA kienet diġà rċeviet ECU 135 000 skont il-kuntratt, il-Kummissjoni talbitha r-rimbors ta’ ECU 41 012 (iktar ’il quddiem id-‘dejn inkwistjoni [kontenzjuż]’) permezz ta’ ittra tas-27 ta’ April 1993. Is-SEMEA baqgħet inadampjenti fir-rigward ta’ dik it-talba.

12

Fis-17 ta’ Frar 1997, il-laqgħa ġenerali straordinarja tal-azzjonisti tas-SEMEA ddeċidiet favur ix-xoljiment bikri bi qbil reċiproku tas-SEMEA mill-31 ta’ Marzu 1997 u favur in-nomina ta’ stralċjarju bi qbil reċiproku.

13

Permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma ta’ reċezzjoni tat-18 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni għal darba oħra talbet mingħand is-SEMEA il-ħlas tad-dejn inkwistjoni.

14

Fil-11 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni bagħtet lis-SEMEA nota ta’ debitu li tammonta għas-somma ta’ EUR 41 012.

15

Permezz ta’ risposta fil-forma ta’ ittra tal-31 ta’ Jannar 2006, il-stralċjarju [l-istralċarju] bi qbil reċiproku tas-SEMEA indika li l-kompiti tiegħu ma jippermettux il-ħlas ta’ tali somma, li huwa kellu l-obbligu li jipproċedi bl-istralċ u li d-dejn inkwistjoni kellu jiġi kkunsidrat bħala preskritt skont id-dritt Franċiż, peress li dan tal-aħħar ma jippermettix l-irkupru ta’ ammonti li ma jintalbux għal iktar minn erba’ snin u li l-aħħar ilment tal-Kummissjoni sar fis-27 ta’ April 1993, jiġifieri iktar minn tnax il-sena qabel.

16

Permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma ta’ reċezzjoni tas-16 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni min-naħa tagħha talbet formalment it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dejn inkwistjoni fit-tranżazzjonijiet tal-istralċ kif ukoll l-inklużjoni tagħha fil-passiv.

17

Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Settembru 2006, is-SEMEA informat lill-Kummissjoni li l-laqgħa ġenerali straordinarja tal-kumpannija ddeċidiet li tipposponi l-istralċ u għamlet riferiment għall-proċess tal-assoċjazzjoni CEI 12 billi indikat li l-Kummissjoni kienet finalment waqfet milli teżiġi l-ħlas tad-dejn inkwistjoni.

18

Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Novembru 2006, il-Kummissjoni wasslet, permezz tal-avukat tagħha, intimazzjoni fil-konfront tas-SEMEA għar-rimbors tad-dejn inkwistjoni. F’dik l-ittra, il-Kummissjoni ppreċiżat li hija qatt ma kellha l-intenzjoni li tirrinunzja għal tali dejn.

19

Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Jannar 2007, l-avukat tal-Kummissjoni ħareġ initmazzjoni ġdida għall-ħlas tad-dejn inkwistjoni u min-nuqqas ta’ azzjoni tas-SEMEA huwa ddeduċa l-istat ta’ waqfien mill-ħlasijiet ta’ din tal-aħħar.

20

Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Frar 2007, is-SEMEA indikat li hija ma kinitx fi stat ta’ waqfien mill-ħlasijiet.

21

Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Frar 2007, is-SEMEA bagħtet il-kopja tad-deliberazzjoni tal-assoċjazzjoni CEI 12 li tikkonstata li l-Kummissjoni kienet waqfet milli titlob il-ħlas tad-dejn inkwistjoni.

22

Fis-26 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni innotifikat, permezz ta’ marixxal, ittra uffiċjali interpellatorja fir-residenza tal-istralċjarju tas-SEMEA.

23

Fl-10 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni innotifikat, permezz ta’ marixxal, ittra uffiċjali interpellatorja fis-sede tal-istralċjarju bi qbil reċiproku tal-kumpannija.

24

Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Diċembru 2007, mibgħuta lill-marixxal li kien innotifika l-ittra uffiċjali għall-ħlas, l-istralċjarju bi qbil reċiproku tas-SEMEA tenna t-talba tiegħu għal informazzjoni dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tabbaduna l-ħlas tad-dejn inkwistjoni. Fl-ittra tiegħu, huwa jiddikjara li l-azzjonijiet il-ġodda u l-istralċjarju ma kinux infurmati bl-impenji li jorbtu lis-SEMEA mal-assoċjazzjoni CEI 12.

25

Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Jannar 2008, l-avukat tal-Kummissjoni kkontesta l-allegazzjonijiet tal-istralċjarju bi qbil reċiproku tas-SEMEA, intimah mill-ġdid għall-ħlas tad-dejn inkwistjoni u bagħat kopja ta’ dik l-ittra lill-prosekutur tar-Repubblika sabiex ikun jista’ jiġi evalwat l-aġir tal-istralċjarju bi qbil reċiproku tas-SEMEA, partikolarment fid-dawl tar-reat tal-frodi.

26

B’risposta għal din l-aħħar intimazzjoni, l-istralċjarju bi qbil reċiproku tas-SEMEA sostna li d-dejn inkwistjoni seta’ kien preskritt. F’din l-ittra, huwa jfakkar li huwa obbliga ruħu lejn l-aħħar tas-sena 2007, matul laqgħa mal-avukat tal-Kummissjoni, sabiex jirrimborsa d-dejn inkwistjoni mill-mument li tkun ingħatat risposta għad-domandi relatati mal-ammissibbiltà ta’ dan tal-aħħar.

27

Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Frar 2008, l-avukat tal-Kummissjoni bagħat l-aħħar initmazzjoni lis-SEMEA sabiex tħallas id-dejn inkwistjoni.

28

Fil-21 ta’ Novembru 2008, il-laqgħa ġenerali straordinarja tas-SEMEA kkunsidrat id-deċiżjoni tal-Komun ta’ Millau [Commune de Millau], l-azzjonist prinċipali tagħha, li jieħu lura l-attiv u l-passiv tiegħu u ddeċidiet li tħallas somma ta’ EUR 82 719.76, li tirrappreżenta l-fondi disponibbli tas-SEMEA, lill-Komun ta’ Millau. Skont ir-rapport tal-istralċ ippreżentat mill-istralċjarju bi qbil reċiproku, li kif jirreferi għad-dejn inkwistjoni, it-tranżazzjonijiet kollha li saru b’mandat kienu kkunsidrati bħala likwidati.

29

Fid-9 ta’ Diċembru 2008, l-istralċjarju bi qbil reċiproku tas-SEMEA għalaq it-trażazzjonijiet ta’ likwidazzjoni u wettaq l-istralċ tas-SEMEA mir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji.

30

Fit-18 ta’ Diċembru 2008, il-kunsill muniċipali tal-komun ta’ Millau ħa nota tat-teħid lura tal-patrimonju tas-SEMEA. Il-passiv ta’ din tal-aħħar kien jinkludi b’mod espliċitu l-kwistjoni mal-Kummissjoni Ewropea.

31

Wara t-talba tal-Kummissjoni, it-tribunal tal-kummerċ ta’ Rodez, fit-12 ta’ Frar 2010, ħatar mandatarju ad hoc sabiex jirrappreżenta lis-SEMEA.”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

3

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ April 2010, il-Kummissjoni ppreżentat rikors intiż, b’mod partikolari, għall-kundanna ta’ SEMEA għall-ħlas ta’ somma ta’ EUR 41 012 għal rimbors ta’ garanzija, flimkien ma’ interessi kapitalizzati, kif ukoll ta’ somma ta’ EUR 5 000 għad-dannu allegatament subit.

4

Peress li l-Commune de Millau ddeċieda li jirkupra l-attiv u l-passiv ta’ SEMEA, il-Kummissjoni, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Diċembru 2010, ippreżentat ukoll rikors kontra din il-muniċipalità, fejn, essenzjalment, ressqet l-istess talbiet.

5

Minħabba l-konnessjoni ta’ bejniethom, iż-żewġ kawżi ngħaqdu flimkien.

6

Fl-ewwel parti tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat ir-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni kontra SEMEA.

7

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors, fil-punti 47 sa 49 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li kellha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talba tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 272 TFUE u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 10 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt. Hija ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn SEMEA li tallega, li minħabba fit-tħassir tal-kawża ta’ SEMEA mir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji, din il-kumpannija, fid-data tal-preżentata tar-rikors, ma kellha la l-personalità ġuridika u lanqas il-locus standi in judicio.

8

F’dak li jirrigwarda l-mertu tar-rikors, l-ewwel nett, fil-punti 61 sa 68 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkwalifikat il-kuntratt inkwistjoni bħala ta’ natura amministrattiva.

9

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 69 sa 74 ta’ din is-sentenza, li SEMEA kienet obbligata, abbażi tal-irkupru ta’ pagament imħallas indebitament taħt id-dritt Franċiż, li tirrimborsa lill-Unjoni Ewropea s-somma mħallsa indebitament ta’ EUR 41 012.

10

Fil-punti 75 sa 88 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-oġġezzjonijiet ta’ SEMEA, li rriżultaw, l-ewwel nett, mir-rinunzja mill-Kummissjoni li titlob ir-rimbors tas-somma dovuta, it-tieni nett, mill-fatt li SEMEA kienet illiberata mid-dejn tagħha wara li din ittieħdet mill-Commune de Millau, it-tielet nett, mill-preskrizzjoni tad-dejn kontenzjuż, kif ukoll ir-raba’ nett, mill-estinzjoni ta’ dan id-dejn.

11

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkundannat lil SEMEA għall-ħlas ta’ interessi moratorji bir-rata legali applikata fi Franza mis-27 ta’ April 1993, il-kapitalizzazzjoni ta’ dawn l-interessi tipproduċi hija stess l-interessi mill-15 ta’ April 2010 kif ukoll f’kull skadenza annwali li tibda tiddekorri minn dik id-data.

12

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għall-ħlas ta’ somma bħala kumpens magħmula mill-Kummissjoni.

13

F’dak li jirrigwarda l-kontrotalba ppreżentata minn SEMEA, din ġiet miċħuda mill-Qorti Ġenerali, wara li fil-punti 108 u 109 tas-sentenza appellata kkonstatat l-assenza ta’ rabta kawżali diretta bejn l-aġir tal-Kummissjoni u d-dannu allegat mill-appellanti.

14

Fit-tieni parti tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat ir-rikors tal-Kummissjoni kontra l-Commune de Millau. Skont dan tal-aħħar, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud sa fejn ġie ppreżentat quddiem qorti li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tisimgħu.

15

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali tistax tkun ibbażata fuq il-klawżola ta’ arbitraġġ konkluża minn SEMEA, il-Qorti Ġenerali fakkret li, fil-punti 114 sa 119 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 272 TFUE għandu jkun interpretat b’mod restrittiv u li l-ġurisdizzjoni sabiex tisma’ kawża li tikkonċerna kuntratt abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ kontenut f’dan tal-aħħar għandha tiġi evalwata, bħala prinċipju, fid-dawl biss tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 272 TFUE kif ukoll tal-istipulazzjonijiet tal-klawżola ta’ arbitraġġ innifisha.

16

Wara li ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni li l-klawżola ta’ arbitraġġ konkluż minn SEMEA ġiet ittrasferita lill-Commune de Millau bħala element aċċessorju tad-dejn kontenzjuż, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 132 sa 149 ta’ din is-sentenza, jekk il-Commune de Millau setax ikun suġġett għall-klawżola ta’ arbitraġġ minħabba stipulazzjoni fir-rigward ta’ terz ma’ SEMEA.

17

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, fil-punt 134 ta’ din is-sentenza l-Qorti Ġenerali qieset li l-eżistenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ għandha tieħu kont tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-kuntratti li jirriżultaw mill-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri. Għalhekk ippreċiżat li “anki jekk wieħed minn dawk il-prinċipji jiddikjara li kuntratt jorbot biss lil dawk il-partijiet, dak il-prinċipju ma jipprekludix il-possibbiltà li żewġ partijiet jistgħu, permezz ta’ stipulazzjoni fir-rigward ta’ terz, jagħtu dritt lil terz”.

18

Sussegwentement, fil-punt 135 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-klawżola ta’ arbitraġġ prevista fl-Artikolu 10 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt setgħat tirriżulta mill-kuntratt konkluż bejn SEMEA u l-Commune de Millau. Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 272 TFUE jistabbilixxi li klawżola ta’ arbitraġġ għandha tkun inkluża f’kuntratt mill-Unjoni jew f’isimha. Issa, il-Commune de Millau u l-Kummissjoni ma kkonkludew l-ebda kuntratt u konsegwentement, lanqas klawżola ta’ arbitraġġ. Sabiex tikkonkludi li l-Kummissjoni setgħet tagħmel użu minn din il-klawżola ta’ arbitraġġ kontra l-Commune de Millau, il-Qorti Ġenerali sostniet li l-istipulazzjoni fir-rigward ta’ terz bejn SEMEA u l-Commune de Millau setgħet tiġi kkunsidrata bħala stipulazzjoni f’isem l-Unjoni. Min-naħa l-oħra, hija ddeċidiet li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar kawżi li jikkonċernaw kuntratt ma setgħetx tiġi stabbilita kontra l-volontà tal-Unjoni, li mhux dejjem huwa l-każ ta’ klawżola ta’ arbitraġġ stipulata unikament favur l-Unjoni.

19

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali żiedet, fil-punt 136 tas-sentenza appellata, li n-natura proċedurali ta’ klawżola ta’ arbitraġġ ma tipprekludix li tali klawżola tiġi stipulata għal terz.

20

Wara li ġie ppreċiżat, fil-punt 138 ta’ din is-sentenza, li l-istipulazzjoni fir-rigward ta’ terz tista’ tirriżulta minn ftehim espress bejn il-parti awtriċi u dik promettenti li jkun intiż sabiex jagħti dritt lil terzi, iżda li jista’ jiġi inferit wkoll mill-għan tal-kuntratt jew miċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fil-punti 139 sa 141 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari fit-rigward tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi stabbiliti mill-minuti tal-kunsill tal-Commune de Millau tat-18 ta’ Diċembru 2010, li l-appellanti riedu jagħtu lok għat-tnissil ta’ dejn tal-Unjoni fir-rigward tal-Commune de Millau u li din tal-aħħar kellha l-intenzjoni li tissuġġetta ruħha għall-klawżola ta’ arbitraġġ prevista fl-Artikolu 10 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt.

21

B’dan il-mod, fil-punt 142 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument invokati mill-appellanti, li t-trasferiment tad-dejn ta’ SEMEA lill-Commune de Millau kellu effett liberatorju għal SEMEA, meta tali trasferiment ta’ dejn ma setax isir mingħajr il-kunsens tal-Unjoni, li huwa nieqes f’din il-kawża.

22

Barra minn hekk, fil-punt 148 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, kieku kien jeżisti kunflitt bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt Franċiż, jiġifieri l-Artikoli 2060 tal-Kodiċi Ċivili kif ukoll 48 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, u l-Artikolu 272 TFUE, dan tal-aħħar għandu jkollu prijorità fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiddevjaw minnu.

23

Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 149 ta’ din is-sentenza, li bis-saħħa tal-klawżola ta’ arbitraġġ kellha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni fuq ir-rikors tal-Kummissjoni kontra l-Commune de Millau.

24

Fir-rigward tal-fondatezza tar-rikors, il-Qorti Ġenerali ddikjarat fondati fir-rigward tal-Commune de Millau kemm it-talba għar-rimbors tas-somma ta’ EUR 41 012 kif ukoll it-talba għall-ħlas tal-interessi, li huma stess qed jakkumulaw interessi mill-15 ta’ April 2010, data tal-ewwel skadenza annwali.

25

Peress li l-Kummissjoni għandha dritt għal ħlas wieħed biss, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tikkundanna lil SEMEA u lill-Commune de Millau konġuntement u in solidum.

26

Madankollu, hija ċaħdet it-talba għall-ħlas ta’ somma bħala kumpens magħmula mill-Kummissjoni kif ukoll il-kontrotalba tal-Commune de Millau.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

27

Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddikjara lill-Qorti Ġenerali mingħajr ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors kontra l-Commune de Millau u tiddikjara inammissibbli r-rikors kontra SEMEA;

sussidjarjament, tiċħad it-talba tal-Kummissjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lill-Commune de Millau u lil SEMEA s-somma ta’ EUR 41 012, li magħha jiżdiedu l-interessi, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

Fuq ir-regolarità formali tal-appell

29

Hekk kif sostnut mill-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-appell iqajjem il-kwistjoni jekk dan ġiex ippreżentat b’mod validu f’isem SEMEA.

30

Mid-dokumenti fil-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-data tal-preżentata tal-appell, jiġifieri fid-19 ta’ Novembru 2012, l-avukati li jirrappreżentaw il-Commune de Millau, kuntrarjament għal dak li huwa previst fl-Artikoli 119(2) u 168(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma kinux ipproduċew il-prova tal-mandat tagħhom kif xieraq minn rappreżentant kwalifikat ta’ SEMEA.

31

Fil-fatt, għalkemm, f’ittra tat-12 ta’ Novembru 2012 indirizzata lil F. Bleykasten, Blanc, fil-kwalità tiegħu bħala mandatarju ad hoc ta’ SEMEA, kien qies xieraq li din il-kumpannija tingħaqad fl-appell ippreżentat mill-Commune de Millau, huwa madankollu ippreċiża li l-missjoni tiegħu ta’ mandatarju ad hoc ta’ SEMEA kienet intemmet, fit-12 ta’ Awwissu 2012.

32

Skont l-Artikoli 119(4) u 168(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja talab, matul ix-xahar ta’ Ottubru 2013, lill-avukati ta’ SEMEA jipproduċu l-mandat li jindika li ġew awtorizzati sabiex jaġixxu f’isem SEMEA. B’ittra tal-25 ta’ Novembru 2013, dawn tal-aħħar ippreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja digriet tal-Qorti tal-Kummerċ kompetenti tal-5 ta’ Novembru 2013 li taħtar, għall-proċeduri tal-appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, lil Blanc fil-kapaċità tiegħu ta’ mandatarju ad hoc ta’ din il-kumpannija.

33

Hekk kif qies l-Avukat Ġenerali fil-punti 40 sa 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa meħtieġ li l-Artikoli 119(4) u 168(4) tar-Regoli tal-Proċedura jiġu interpretati fis-sens li huwa possibbli li tirrimedja għal nuqqas ta’ mandat fil-mument tal-preżentata tal-appell permezz tal-preżentazzjoni sussegwenti ta’ kull prova li tikkonferma l-eżistenza ta’ dan il-mandat.

34

Konsegwentement, anki jekk l-avukati ta’ SEMEA, fid-data tal-preżentata ta’ dan l-appell, ma kellhomx mandat minn din il-kumpannija, xorta jibqa’ l-fatt li, wara l-ħatra tal-mandatarju ad hoc fil-persuna ta’ Blanc, dan tal-aħħar seta’ jikkonferma l-intenzjoni tiegħu li SEMEA tingħaqad mal-appell ippreżentat mill-Commune de Millau (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Maurissen u Union syndicale vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, 193/87 u 194/87, EU:C:1989:185, punt 33).

35

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-appell ġie ppreżentat b’mod validu f’isem SEMEA.

Fuq il-mertu

36

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw erba’ aggravji.

Fuq l-ewwel aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

37

Permezz tal-ewwel aggravju, tagħhom, l-appellanti jsostnu li meta l-Qorti Ġenerali ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tisma’ r-rikors kontra l-Commune de Millau, hija wettqet żball ta’ liġi. B’mod żbaljat, il-Qorti Ġenerali qieset li permezz tal-istipulazzjoni fir-rigward ta’ terz bejn SEMEA u l-Commune de Millau, din tal-aħħar ġiet suġġetta għall-klawżola ta’ arbitraġġ prevista fl-Artikolu 10 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt konkluż bejn SEMEA u l-Kummissjoni.

38

L-appellanti fl-ewwel lok isostnu li d-dritt nazzjonali applikabbli, jiġifieri, f’dan il-każ, l-Artikolu 2060 tal-Kodiċi Ċivili, jipprojbixxi lill-persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku milli jressqu kawża quddiem tribunal arbitrali. L-appellanti jqisu li persuna ġuridika rregolata taħt id-dritt pubbliku li ma tistax tikkonkludi klawżola ta’ arbitraġġ ma tistax, a fortiori, tistipula klawżola favur terzi, iktar u iktar billi l-Artikolu 272 TFUE ma jipprovdix possibbiltà ta’ tali stipulazzjoni.

39

F’dan ir-rigward, l-appellanti jżidu li r-riferiment magħmul mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 136 tas-sentenza appellata, għas-sentenza Gerling Konzern Speziale Kreditversicherung et (201/82, EU:C:1983:217, punti 10 sa 20) ma hijiex rilevanti għall-kawża preżenti, peress li din is-sentenza ngħatat fil-kuntest partikolari ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni. Barra minn hekk, billi bbażaw fuq il-prinċipju tal-awtonomija tal-intenzjoni, l-appellanti jsostnu li, sa fejn il-Kummissjoni qatt ma espressament tat il-kunsens għat-trasferiment tad-dejn li għandha fir-rigward ta’ SEMEA lejn il-patrimonju tal-Commune de Millau, la hemm trasferiment ta’ tali dejn u lanqas trasferiment tal-klawżola ta’ arbitraġġ.

40

Fit-tieni lok, l-appellanti jikkritikaw b’mod partikolari l-punti 137 sa 140 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-obbligu ta’ ħlas tal-Commune de Millau huwa bbażat fuq il-ftehim li din tal-aħħar ikkonkludiet ma’ SEMEA, stipulazzjoni fir-rigward ta’ terz, jiġifieri f’isem l-Unjoni, li tista’ tiġi dedotta minn dan il-ftehim. Issa, Madankollu, l-appellanti jikkontestaw li tali ftehim ġie konkluż fir-rigward tad-dejn allegat fil-konfront tal-Kummissjoni, peress li d-deċiżjoni tal-Commune de Millau dwar li jiġi kkumpensat il-passiv ta’ SEMEA tikkostitwixxi deċiżjoni unilaterali ta’ din il-muniċipalità.

41

Fit-tielet lok, l-appellanti jqisu li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 140 tas-sentenza appellata, wettqet qari ineżatt tad-deliberazzjoni tat-18 ta’ Diċembru 2010, meta kkunsidrat li l-Commune de Millau kellu r-rieda li “b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti” jirkupra dejn li jirriżulta minn u li jikkorrispondi għal dak tad-dejn ta’ SEMEA. Issa, id-deċiżjoni tal-kunsill muniċipali tal-Commune de Millau dwar l-irkupru tal-attiv u l-passiv ta’ SEMEA “kif deskritt iktar ’il fuq” fih deskrizzjoni ddettaljata li ma tagħmel ebda riferiment għall-eżistenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ.

42

Il-Kummissjoni ssostni l-ewwel nett, li l-Artikolu 10 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt għandu jiġi kklassifikat, fis-sens tad-dritt Franċiż, bħala klawżola ta’ ġurisdizzjoni u mhux klawżola ta’ arbitraġġ. Issa, hija biss il-klawżola ta’ arbitraġġ li hija koperta mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 2060 tal-Kodiċi Ċivili.

43

Sussegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li f’din il-kawża l-elementi li jikkaratterizzaw stipulazzjoni fir-rigward ta’ terz kienu ssodisfatti. Il-Kummissjoni żżid li l-portata tas-sentenza Gerling Konzern Speziale Kreditversicherung et (EU:C:1983:217) ma hijiex limitata biss għall-kuntratti ta’ assigurazzjoni.

44

Il-Kummissjoni fl-aħħar nett tikkunsidra li l-argument dwar id-deliberazzjoni tat-18 ta’ Diċembru 2010 għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli peress li jirrigwarda kwistjoni purament ta’ fatt.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

45

Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti għandhom l-intenzjoni li jikkontestaw il-fatt stess li klawżola ta’ arbitraġġ, fis-sens tal-Artikolu 272 TFUE, tista’ tkun is-suġġett ta’ stipulazzjoni fir-rigward ta’ terz. F’dan ir-rigward, huma jfakkru l-argumenti mressqa minnhom fl-ewwel istanza u bbażati fuq il-projbizzjoni fuq persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku Franċiż milli jikkonkludu klawżola ta’ arbitraġġ, billi jsostnu li din il-projbizzjoni għandha, a fortiori, tapplika għall-istipulazzjoni ta’ tali klawżola favur terz.

46

Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li l-appellanti sempliċement iressqu argumenti diġà invokati quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma jieħdu pożizzjoni fuq il-motivazzjoni mogħtija minn din tal-aħħar sabiex tiċħadha.

47

Issa, mill-Artikolu 256 KE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mill-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li tagħhom ikun qed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti ġuridiċi li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punt 34; Interporc vs Il‑Kummissjoni, C‑41/00 P, EU:C:2003:125, punt 15, kif ukoll Reynolds Tobacco et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 49).

48

Għaldaqstant, appell li sempliċement jirrepeti jew jirriproduċi kelma b’kelma l-motivi u l-argumenti li jkunu diġà tressqu quddiem il-Qorti Ġenerali, inklużi dawk li kienu bbażati fuq fatti espressament miċħuda minn din il-qorti, ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Interporc vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2003:125, punt 16). Fil-fatt, appell bħal dan fir-realtà huwa talba sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, u dan ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Reynolds Tobacco et vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2006:541, punt 50).

49

Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

50

Fir-rigward tar-riferiment għas-sentenza Gerling Konzern Speziale Kreditversicherung et (EU:C:1983:217), fil-punt 136 tas-sentenza appellata, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ċċitat din is-sentenza sabiex tenfasizza li “n-natura proċedurali ta’ klawżola ta’ arbitraġġ ma tipprekludix li tali klawżola tiġi stipulata għal terz”.

51

Issa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-punt 136 tas-sentenza appellata fih motiv superfluwu li jsostni l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punti 134 u 135 ta’ din l-istess sentenza, jiġifieri li klawżola ta’ ġurisdizzjoni tista’ tkun suġġetta għal stipulazzjoni fir-rigward ta’ terz.

52

Sa fejn l-argumenti tal-appellanti dwar is-sentenza Gerling Konzern Speziale Kreditversicherung et (EU:C:1983:217) ma jistgħux għaldaqstant jippreġudikaw din il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

53

L-argument ibbażat fuq il-prinċipju ta’ awtonomija tal-intenzjoni u li jikkonsisti f’li, fin-nuqqas ta’ kunsens espliċitu mill-Kummissjoni, la kien hemm xi trasferiment tad-dejn kontenzjuż u lanqas trasferiment tal-klawżola ta’ arbitraġġ u dak relatat miegħu, ukoll għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, l-appellanti sempliċement jirriproduċu l-argumenti żviluppati fl-ewwel istanza, mingħajr ma jsemmu liema raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa kritikabbli fejn iddeċidiet, fil-punti 142 u 143 tas-sentenza appellata, li l-kunsens espliċitu tal-Kummissjoni ma kienx neċessarju sa fejn il-klawżola ta’ arbitraġġ kienet ġiet stipulata favur l-Unjoni.

54

Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, huwa biżżejjed li wieħed jikkonstata li l-appellanti, filwaqt li jfakkru xi punti ta’ fatt, essenzjalment jikkritikaw l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 137 sa 140 tas-sentenza, ta’ ċirkustanzi fil-kawża li jiddeterminaw jekk l-eżistenza ta’ stipulazzjoni fir-rigward ta’ terz tistax tiġi dedotta mill-għan tal-kuntratt inkwistjoni.

55

Issa, skont l-Artikolu 256 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell għandu jkun limitat għall-kwistjonijiet ta’ liġi u għandu jkun ibbażat fuq aggravji bbażati fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, fuq irregolaritajiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali li jippreġudikaw l-interessi tal-appellant jew fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C‑136/92 P, EU:C:1994:211, punt 47).

56

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali biss għandha l-kompetenza li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, kif ukoll li tevalwa l-provi prodotti. Il-konstatazzjoni ta’ dawn il-fatti u l-evalwazzjoni ta’ dawn il-provi ma humiex, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi BEI vs Hautem, C‑449/99 P, EU:C:2001:502, punt 44, kif ukoll Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, EU:C:2006:592, punti 69 u 70).

57

L-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali u li twassal għall-konklużjoni li jeżisti obbligu ta’ ħlas fuq il-Commune de Millau għalhekk ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tagħhom, li madankollu ma hijiex allegata mill-appellanti.

58

Għalhekk, din it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

59

Fir-rigward tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jsostnu li fil-punt 141 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni żbaljata tad-deliberazzjoni tat-18 ta’ Diċembru 2010 sabiex tiddetermina l-portata tal-irkupru, mill-Commune de Millau, tad-dejn ta’ SEMEA fil-konfront tal-Kummissjoni.

60

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti sempliċement jikkritikaw l-evalwazzjoni, bħala tali, magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar l-portata tal-passiv ta’ SEMEA irkuprat mill-Commune de Millau. Għalhekk, l-allegazzjoni tagħhom la tirrigwarda ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali u lanqas żnaturament tal-provi lilha prodotti.

61

Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 55 u 56 ta’ din is-sentenza, din it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda wkoll bħala inammissibbli.

62

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment ineffettiv u parzjalment inammissibbli.

Fuq it-tieni aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

63

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet li r-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni kontra SEMEA kien ammissibbli, wettqet żball ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ikkunsidrat li, minn naħa, id-drittijiet u l-obbligi ta’ natura soċjali ta’ SEMEA ma kinux ġew likwidati u, min-naħa l-oħra, li ma waqax l-obbligu tad-djun ta’ SEMEA fil-konfront tal-Kummissjoni wara t-trasferiment tal-patrimonju tagħha lill-Commune de Millau, peress li l-Kummissjoni ma tatx il-kunsens tagħha għall-irkupru tad-dejn kontenzjuż minn din il-kollettività.

64

Skont l-appellanti, peress li l-Commune de Millau ssostitwixxa kompletament lil SEMEA, din tal-aħħar setgħet ittemm l-istralċ tagħha. L-obbligi ta’ SEMEA fil-konfront tal-Kummissjoni kienu effettivament waqgħu, għalhekk il-ftehim ma kienx meħtieġ, għaliex is-sostituzzjoni ta’ persuna ġuridika solventi kienet favorevoli għaliha.

65

Il-Kummissjoni ssostni li l-aggravju huwa inammissibbli minħabba nuqqas ta’ ċarezza. Sussidjarjament, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

66

Għandu jiġi osservat li, permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Commune de Millau ssostitwixxa ruħu għal SEMEA. Meta jagħmlu dan, huma, fir-realtà, qed jaqblu mal-motivi tal-Qorti Ġenerali fil-punti 138 sa 140 tas-sentenza appellata, fejn jirriżulta miċ-ċirkustanzi tal-kawża li, permezz ta’ stipulazzjoni fir-rigward ta’ terz, il-kredituri reali jew potenzjali ta’ SEMEA, li jinkludu b’mod partikolari l-Kummissjoni, kellhom debitur issostitwit b’wieħed ġdid fil-persuna tal-Commune de Millau.

67

Issa, għandu jitfakkar li l-oġġezzjonijiet mqajma mill-appellanti fir-rigward tas-sentenza appellata jikkonċernaw sempliċement l-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali, mingħajr indikazzjoni preċiża tal-iżbalji ta’ liġi allegatament imwettqa mill-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward, u lanqas tal-argumenti ġuridiċi invokati insostenn ta’ dan it-tieni aggravju. Bl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 47 u 48 ta’ din is-sentenza, dan it-tieni aggravju għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

68

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li dan it-tieni aggravju essenzjalment itenni l-iżviluppi tal-appellanti fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħhom, li kien iwassal għaċ-ċaħda tal-eżistenza ta’ kull ftehim konkluż bejn SEMEA u l-commune de Millau dwar id-dejn allegat fil-konfront tal-Kummissjoni.

69

Għalhekk, u sa fejn l-appellanti b’hekk jikkontradixxu l-argumenti ġuridiċi tagħhom stess, dan it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli (ara, f’dan is-sens, id-digriet Nijs vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, C‑495/06 P, EU:C:2007:644, punti 52 sa 56).

Fuq it-tielet aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

70

Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-preskrizzjoni ta’ tletin sena tad-dritt komuni kienet applikabbli u li għalhekk id-dejn kontenzjuż ma kienx preskritt.

71

L-appellanti jfakkru, minn naħa, li peress li l-Commune de Millau, kien irkupra l-patrimonju ta’ SEMEA, huwa kien intitolat li juża’ kontra l-Kummissjoni l-istess argumenti ġuridiċi bħal dawk li SEMEA setgħet tagħmel użu minnhom, inkluż dak dwar il-preskrizzjoni tal-għaxar snin tal-obbligi li jirriżulta mill-Kodiċi tal-Kummerċ fil-verżjoni fis-seħħ fil-mument tal-kawża (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Kummerċ”). Min-naħa l-oħra, peress li SEMEA kienet kumpannija pubblika b’sehem privat ta’ natura kummerċjali, id-dejn kontenzjuż tnissel fil-kuntest ta’ relazzjoni kummerċjali bejn SEMEA, negozjant, u l-Kummissjoni, li ma hijiex negozjant.

72

Fl-ewwel lok, l-appellanti jsostnu li l-preskrizzjoni tal-obbligi ma tiddependix min-natura amministrattiva tal-kuntratt. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ regoli speċifiċi ta’ dritt amministrattiv, għandhom jiġu applikati r-regoli tal-preskrizzjoni tad-dritt komuni. Il-preskrizzjoni ta’ għaxar snin prevista mill-Kodiċi tal-Kummerċ tikkostitwixxi liġi speċjali li tipprevali fuq ir-regoli tad-dritt ċivili u hemm lok li tiġi applikata għar-relazzjoni kummerċjali inkwistjoni f’din il-kawża.

73

Fir-rigward tas-sentenza tal-Conseil d’État tal-31 ta’ Lulju 1992 (Nru 69661), l-appellanti josservaw li l-qorti amministrattiva ma eskludietx l-applikazzjoni tal-preskrizzjoni ta’ għaxar snin prevista mill-Kodiċi tal-Kummerċ mhux minħabba li din ma tapplikax bejn persuna rregolata mid-dritt pubbliku u negozjant, iżda għaliex l-obbligi kontenzjużi ma kinux imnissla fl-okkażjoni tal-kummerċ bejn il-persuni kkonċernati. Konsegwentement, in-natura tal-kuntratt inkwistjoni ma hijiex tali li tkun ta’ ostakolu għall-applikazzjoni tal-preskrizzjoni ta’ għaxar snin prevista mill-Kodiċi tal-Kummerċ.

74

Fit-tieni lok, l-appellanti jikkontestaw lill-Qorti Ġenerali li evalwat b’mod mhux preċiż id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt u ċ-ċirkustanzi tal-kawża, meta ddeċidiet li d-dejn kontenzjuż ma setax jiġi kkunsidrat bħala li tnissel fl-okkażjoni tar-relazzjoni kummerċjali bejn SEMEA u l-Kummissjoni.

75

F’dan ir-rigward, huma jenfasizzaw li s-sentenza tal-Conseil d’État tal-31 ta’ Lulju 1992 ingħatat f’kuntest kompletament differenti ta’ ħlasijiet lura agrikoli implementati fil-kuntest tal-politika agrikola komuni u ma tistax tiġi trasposta f’din il-kawża. Fil-fatt, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali, il-Kummissjoni hija involuta direttament fil-proġett inkwistjoni u għandha kontroll fuq ix-xogħol, u għalhekk hemm lok li tiġi konkluża l-eżistenza ta’ relazzjoni kummerċjali bejn SEMEA u l-Kummissjoni.

76

Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli jew, għall-inqas, bħala infondata, sa fejn din tirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma bbażat ir-raġunament tagħha dwar il-preskrizzjoni tad-dejn kontenzjuż fuq in-natura amministrattiva tal-kuntratt inkwistjoni.

77

Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ġustament irreferiet għas-sentenza tal-Conseil d’État tal-31 ta’ Lulju 1992, sabiex tindika l-prinċipju li jgħid li kuntratt għall-ħlas ta’ għajnuna finanzjarja pubblika fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ servizz pubbliku, mingħajr profitt jew korrispettiv, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala att tal-kummerċ u għalhekk ma tistax tiġi applikata l-preskrizzjoni tal-għaxar snin prevista mill-Artikolu 110‑4 tal-Kodiċi tal-Kummerċ.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

78

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-argument imressaq mill-appellanti li n-natura amministrattiva tal-kuntratt ma hijiex rilevanti għad-determinazzjoni tal-preskrizzjoni applikabbli għad-dejn kontenzjuż, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali analizzat, fil-punti 61 sa 68 tas-sentenza appellata, is-sistema ġuridika applikabbli għal dan il-kuntratt u wasslet għall-konklużjoni tan-natura amministrattiva ta’ din tal-aħħar.

79

Issa, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-preskrizzjoni applikabbli għad-dejn kontenzjuż, fil-punti 82 sa 88 tas-sentenza appellata, ma għamlet l-ebda referenza għan-natura amministrattiva tal-kuntratt inkwistjoni.

80

Sa fejn in-natura amministrattiva ta’ dan il-kuntratt ma kienx rilevanti għad-determinazzjoni tal-preskrizzjoni applikabbli għad-dejn kontenzjuż, l-argument relatat miegħu għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

81

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kritika li l-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt u taċ-ċirkustanzi tal-kawża, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 83 tas-sentenza appellata, li l-kuntratt inkwistjoni kien intiż għall-għoti ta’ sussidju mill-Kummissjoni, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż taħt il-politika reġjonali tal-Unjoni.

82

Minn dan ikkonkludiet, abbażi tas-sentenza tal-Conseil d’État tal-31 ta’ Lulju 1992, li “l-obbligi li jirriżultaw minnu, li fosthom hemm id-dejn kontenzjuż, ma jistgħux jitqiesu bħala li tnisslu bejn il-Kummissjoni u s-SEMEA fl-okkażjoni ta’ kummerċ ta’ bejniethom”.

83

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, sabiex tipprevjeni l-applikazzjoni tal-preskrizzjoni prevista mill-Kodiċi tal-Kummerċ, mhux fuq il-fatt li l-kuntratt kien jorbot persuna rregolata mid-dritt pubbliku ma’ negozjant, kuntrarjament għal dak sostnut mill-appellanti, iżda fuq il-fatt li l-kuntratt inkwistjoni kien intiż għall-għoti ta’ sussidju mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż taħt il-politika reġjonali tal-Unjoni.

84

Barra minn hekk, l-argument tal-appellanti li jikkonsisti fl-affermazzjoni li l-kuntest tal-kawża inkwistjoni kien totalment differenti minn dak inkwistjoni fis-sentenza tal-Conseil d’État tal-31 ta’ Lulju 1992 ma għandux jirnexxi. Fil-fatt, it-talba għar-rimbors kontenzjuż jirrigwarda somom li l-Kummissjoni kienet ħallset fil-kuntest ta’ politika reġjonali u li ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala li jirriżultaw minn obbligi li tnisslu bejn l-appellanti u l-Kummissjoni fl-okkażjoni tal-kummerċ tagħhom.

85

Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat.

Fuq ir-raba’ aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

86

Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw lill-Qorti Ġenerali li ċaħdet il-kontrotalba tagħhom meta ddeċidiet li ma kienx hemm rabta kawżali diretta bejn l-aġir tal-Kummissjoni u d-dannu li jallegaw.

87

Huma jfakkru li, bejn is-27 ta’ April 1993 u t-18 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni ma ħadet l-ebda azzjoni sabiex tirkupra s-somom li kienet tqis dovuti. Issa, li kieku l-Kummissjoni kienet għamlet kuntatt ma’ SEMEA qabel, din tal-aħħar kienet tkun tista’ twettaq verifiki u, skont il-każ, tirrispondi għal din it-talba għar-rimbors.

88

Huma jsostnu li n-nuqqas ta’ azzjoni mill-Kummissjoni matul tnax-il sena kien wassal lil SEMEA tikkunsidra li l-Kummissjoni kienet irrinunzjat għar-rimbors tas-somom imħallsa.

89

Skont l-appellanti, tali nuqqas ta’ azzjoni mill-Kummissjoni jikkostitwixxi ksur tal-kompitu tagħha ta’ amministrazzjoni tajba fis-sens tal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li kellha tiġi ssanzjonata mill-Qorti Ġenerali.

90

Il-Kummissjoni ssostni li r-raba’ aggravju huwa inammissibbli, sa fejn huwa intiż sabiex jikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti kif magħmula mill-Qorti Ġenerali.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

91

Fir-rigward tal-argument imressaq mill-appellanti u fuq l-allegata rinunzja tal-Kummissjoni għar-rimbors tas-somom imħallsa, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, li l-elementi tal-proċess ma jippermettux li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ tali rinunzja.

92

Għalhekk, permezz ta’ dan l-argument, l-appellanti fir-realtà jikkontestaw l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-elementi tal-proċess. Barra minn hekk, b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 55 u 56 ta’ din is-sentenza, dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

93

Sa fejn l-appellanti jikkontestaw lill-Kummissjoni ksur tal-kompitu tagħha ta’ amministrazzjoni tajba, ma huwiex ikkontestat li, għalkemm il-Kummissjoni talbet ir-rimbors tad-dejn kontenzjuż permezz ta’ ittra tas-27 ta’ April 1993, talba li SEMEA baqgħet inadampjenti fir-rigward tagħha, din l-istituzzjoni reġgħet biss għamlet kuntatt ma’ SEMEA permezz ta’ ittra rreġistrata tat-18 ta’ Novembru 2005, bin-nota ta’ debitu tintbagħat biss permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Jannar 2006.

94

Din iċ-ċirkustanza madankollu ma hijiex tali li tippermetti li jiġu kkontestati l-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 108 u 109 tas-sentenza appellata, li ma kienx hemm rabta kawżali diretta bejn l-aġir tal-Kummissjoni u d-dannu allegat mill-appellanti fir-rigward tal-ammont ta’ EUR 41 012.

95

Għalhekk ġustament il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li t-talba għall-ħlas tad-dejn ta’ EUR 41 012 intiż għall-irkupru ta’ pagament imħallas indebitament u li, peress li dan id-dejn ma kienx preskritt, f’kull każ SEMEA baqgħat responsabbli għall-ħlas tiegħu. Fil-fatt, sa fejn iż-żewġ azzjonijiet jistrieħu fuq bażijiet legali distinti, l-ammont ta’ dan id-dejn kontenzjuż kien dovut, anki jekk jitqies li sabiex jingħata lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni din hija dovuta minħabba fil-ksur tal-kompitu tagħha ta’ amministrazzjoni tajba.

96

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-interessi moratorji, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u l-implementazzjoni tad-dritt għall-kumpens għad-dannu subit, bis-saħħa tal-Artikolu 340 TFUE, iseħħu meta l-kundizzjonijiet kollha dwar l-illegalità tal-aġir ikkontestat lill-istituzzjonijiet, dwar ir-realtà tad-dannu u dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-aġir u d-dannu invokat ikunu ssodisfatti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, EU:C:1982:318, punt 16; Birra Wührer et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, 256/80, 257/80, 265/80, 267/80, 5/81, 51/81 u 282/82, EU:C:1984:341, punt 9; kif ukoll Inalca u Cremonini vs Il‑Kummissjoni, C‑460/09 P, EU:C:2013:111, punt 46).

97

Fir-rigward tal-aġir illegali invokat fil-konfront tal-istituzzjoni inkwistjoni, għandu jitfakkar li konformement għall-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba, li jirriżulta fost il-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċedimenti amministrattivi u li huwa stabbilit bħalissa fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, huma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom iwettqu l-proċeduri ta’ irkupru b’diliġenza u jaġixxu b’mod li kull att proċedurali jitwettaq f’terminu raġonevoli wara l-att preċedenti.

98

Issa, huwa stabbilit li, wara li l-Kummissjoni talbet, permezz ta’ ittra tas-27 ta’ April 1993, ir-rimbors tad-dejn kontenzjuż, din baqgħat inattiva għal iktar minn tnax-il sena, u li reġgħat għamlet kuntatt biss permezz ta’ ittra rreġistrata tat-18 ta’ Novembru 2005.

99

Barra minn hekk, tali nuqqas ta’ azzjoni ma jistax jiġi ġġustifikat la mill-kumplessità tal-kawża u lanqas minn ċirkustanza speċifika oħra li tista’ tiġġustifika d-dewmien kkonstatat.

100

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat iddeċidiet, fil-punt 108 tas-sentenza appellata, li ma hemmx rabta kawżali diretta bejn l-aġir tal-Kummissjoni u d-dannu allegat.

101

Fir-rigward tal-eżistenza tad-dannu, huwa minnu li l-interessi bdew jiddekorru minħabba l-fatt li SEMEA baqgħat inadempjenti insegwitu għat-talba għar-rimbors tal-Kummissjoni tas-27 ta’ April 1993.

102

Issa, in-nuqqas ta’ azzjoni mill-Kummissjoni għal iktar minn tnax-il sena wassal, kif jirriżulta mill-punt 89 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, sabiex l-interessi moratorji mitluba issa jaqbżu l-ammont tad-dejn kontenzjuż.

103

Skont il-punt 90 ta’ dawn l-istess konklużjonijiet għandu jiġi kkonstatat li l-ammont tal-interessi moratorji akkumulati matul dan il-perijodu ta’ iktar minn tnax-il sena, fejn il-Kummissjoni ma ħaditx azzjoni, huwa direttament imputabbli għall-aġir ta’ din l-istituzzjoni.

104

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn din ddeċidiet, fil-kuntest tal-analiżi tal-kontrotalba ppreżentata mill-appellanti, li ma kienx hemm rabta kawżali diretta bejn l-aġir tal-Kummissjoni u d-dannu allegatament subit bħala riżultat tal-kundanna għall-ħlas tal-interessi moratorji.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

105

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ f’din il-kawża.

106

F’dan il-każ, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tal-kawża inkwistjoni, għandha tingħata deċiżjoni fuq il-kontrotalba ppreżentata mill-appellanti dwar il-kundanna għall-ħlas tal-interessi moratorji.

107

Mill-punti 97 sa 104 ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-dannu kkostitwit mill-interessi moratorji akkumulati matul il-perijodu fejn il-Kummissjoni ma ħaditx azzjoni għal iktar minn tnax-il sena huwa direttament imputabbli għall-aġir żbaljat ta’ din l-istituzzjoni.

108

Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li d-dejn ta’ EUR 41 012 li SEMEA kellha tħallas lura lill-Kummissjoni ma kienx preskritt fit-18 ta’ Novembru 2005, jiġifieri fid-data li fiha din l-istituzzjoni talbet ir-rimbors tiegħu.

109

Għalhekk, il-kontrotalba tal-appellanti għandha tintlaqa’ parzjalment u l-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata tħallas tliet kwarti mill-ammont korrispondenti għall-interessi moratorji bir-rata legali applikata fi Franza akkumulati bejn is-27 ta’ April 1993 u t-18 ta’ Novembru 2005.

Fuq l-ispejjeż

110

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

111

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef għandha tkun ikkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. L-Artikolu 138(3) ta’ dawn ir-regoli jippreċiża li, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, skont l-istess dispożizzjoni, jekk dan jidher ġustifikat fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li parti, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati frazzjoni mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

112

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li jkun xieraq li tikkundanna lill-Kummissjoni, minbarra għall-ispejjeż tagħha relatati maż-żewġ istanzi, għal kwart mill-ispejjeż tal-Commune de Millau u ta’ SEMEA f’dawn l-istanzi. Dawn tal-aħħar għandhom ibatu tliet kwarti mill-ispejjeż tagħhom relatati maż-żewġ istanzi.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Il‑Kummissjoni vs SEMEA u Commune de Millau (T‑168/10 u T‑572/10) hija annullata sa fejn din ddeċidiet, skont il-kontrotalba tal-Commune de Millau u ta’ Société d’économie mixte d’équipement de l’Aveyron (SEMEA), li ma kienx hemm rabta kawżali diretta bejn l-aġir tal-Kummissjoni Ewropea u d-dannu allegatament subit bħala riżultat tal-kundanna għall-ħlas ta’ interessi moratorji.

 

2)

Il-kontrotalba tal-Commune de Millau u ta’ Société d’économie mixte d’équipement de l’Aveyron (SEMEA) hija parzjalment milqugħa u l-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas tliet kwarti mill-ammont korrispondenti għall-interessi moratorji bir-rata legali applikata fi Franza akkumulati bejn is-27 ta’ April 1993 u t-18 ta’ Novembru 2005.

 

3)

Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

 

4)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata, minbarra għall-ispejjeż tagħha relatati kemm mal-proċeduri fl-ewwel istanza kif ukoll tal-appell, għal kwart mill-ispejjeż sostnuti mill-Commune de Millau u minn Société d’économie mixte d’équipement de l’Aveyron (SEMEA) f’dawn iż-żewġ istanzi.

 

5)

Il-Commune de Millau u Société d’économie mixte d’équipement de l’Aveyron (SEMEA) għandhom ibatu tliet kwarti mill-ispejjeż tagħhom relatati kemm mal-ewwel istanza kif ukoll mal-appell.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.