SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

6 ta’ Marzu 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni — Implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni — Kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni — Rabta suffiċjenti — Assenza — Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

Fil-Kawża C‑206/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Sicilia (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Frar 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ April 2013, fil-proċedura

Cruciano Siragusa

vs

Regione Sicilia — Soprintendenza Beni Culturali e Ambientali di Palermo,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn E. Juhász, President tal-Awla, A. Rosas (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Palatiello, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u C. Schillemans, bħala aġenti,

għal la Il-Kummissjoni Ewropea, minn L. Pignataro-Nolin u C. Zadra, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn C. Siragusa u r-Regione Sicilia — Soprintendenza Beni Culturali e Ambientali di Palermo (ir-Reġjun ta’ Sqallija — Direttorat tal-Patrimonju Kulturali u Ambjentali ta’ Palermo) dwar deċiżjoni għal restawr ta’ postijiet li jappartjenu lil C. Siragusa.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-qorti tar-rinviju tesponi li l-proprjetarju ta’ sit li jaqa’ taħt żona suġġetta għal servitujiet ta’ protezzjoni tal-pajsaġġ ma jistax iwettaq, fuq dan is-sit, ebda intervent mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-amministrazzjoni kompetenti.

4

L-Artikolu 146(1) u (2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 42, tat-22 ta’ Jannar 2004, [Codice dei beni culturali e del paessaggio (Kodiċi tal-Patrimonju Kulturali u Ambjentali), iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 42/04”] fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża, jipprovdi li l-proprjetarju ta’ proprjetà immobbli protetta mil-liġi ma jistax jeqred jew inkella jintroduċi tibdil li jikkawża ħsara lill-interessi tal-pajsaġġi protetti. Qabel iwettaq ebda tibdil, huwa għandu jitlob awtorizzazzjoni minn qabel. Fil-każ li huwa jwettaq it-tibdil mingħajr ma jitlob awtorizzazzjoni, l-amministrazzjoni tista’ tawtorizza dan it-tibdil bħala regolarizzazzjoni, meta x-xogħol imwettaq ikun kompatibbli mal-interessi protetti, ħlief fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 167(4) u (5) ta’ dan id-digriet.

5

L-Artikolu 167 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 42/04 jispeċifika l-konsegwenzi għal nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi imposti minn dan id-digriet. L-Artikolu 167(4) tiegħu jistabbilixxi li l-awtorità amministrattiva kompetenti għandha twettaq l-eżami tal-kompatibbiltà tax-xogħlijiet inkwistjoni fid-dawl tar-regoli ta’ protezzjoni tal-pajsaġġ, fil-każijiet li ġejjin:

“a)

xogħlijiet, li twettqu mingħajr awtorizzazzjoni jew mhux konformi mal-awtorizzazzjoni meħtieġa, li ma rriżultawx fil-ħolqien ta’ superfiċje utli jew ta’ volumi u lanqas fiż-żieda ta’ dawk li twettqu legalment”.

6

Fil-każ fejn ix-xogħlijiet ma rriżultawx fil-ħolqien ta’ superfiċje utli jew ta’ volumi u lanqas fiż-żieda ta’ dawk li twettqu legalment, u jekk l-interventi huma meqjusa bħala kompatibbli mar-regoli ta’ protezzjoni tal-pajsaġġ, il-persuna responsabbli għall-ksur tista’ tkun meħtieġa tħallas sanzjoni pekunarja.

Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa l-proprjetarju ta’ proprjetà immobbli li tinsab f’żona suġġetta għal servitujiet ta’ protezzjoni tal-pajsaġġ. Fuq din il-proprjetà, huwa wettaq tibdil li ma kienx ġie awtorizzat minn qabel u talab, lill-Comune di Trabia, il-ħruġ ta’ permess għal bini għall-finijiet ta’ regolarizzazzjoni, suġġett għall-awtorizzazzjoni minn qabel tas- Soprintendenza Beni Culturali e Ambientali di Palermo.

8

Fl-4 ta’ April 2011, din tal-aħħar adottat digriet-ordni li jordnalu r-restawr tal-postijiet billi jneħħi x-xogħlijiet kollha mwettqa b’mod abbużiv f’terminu ta’ 120 jum mill-wasla ta’ dan id-digriet. Dan tal-aħħar huwa mmotivat mill-fatt li x-xogħlijiet inkwistjoni ma jistgħu jiġu eżaminati fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħhom mar-regoli ta’ protezzjoni tal-pajsaġġ fis-sens tal-Artikoli 167 u 181 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 42/03 peress li huma kienu jirriżultaw f’żieda tal-volum.

9

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju rikors dirett kontra l-imsemmi digriet-ordni.

10

Il-qorti tar-rinviju ssostni li, fid-dritt tal-Unjoni, il-protezzjoni tal-pajsaġġ la hija qasam awtonomu u lanqas kunċettwalment distint minn dak tal-protezzjoni tal-ambjent, iżda jifforma parti minnu. Hija tiċċita, f’dan ir-rigward:

l-Artikolu 2(a) tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, ġiet iffirmata fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, p. 17, iktar ’il quddiem il-Konvenzjoni ta’ Aarhus”).

Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13).

l-Artikolu 2(1)b) tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375), u

l-Artikoli 1 u 3 tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26, p. 1).

11

Barra minn hekk il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-qasam tal-ambjent jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea fis-sens tal-Artikoli 3(3) TUE, u 21(2)(f) TUE, kif ukoll tal-Artikoli 4(2)(e) TFUE, 11 TFUE u 191 TFUE.

12

Skont il-qorti tar-rinviju, is-sistema ta’ protezzjoni tal-pajsaġġ timplika, għall-attivitajiet privati, servitujiet li ma humiex neċessarjament servitujiet li ma humiex tal-bini. Minn dan isegwi li l-attivitajiet kollha ta’ bini, li huma wkoll mistennija iwasslu għal żieda fil-volum, ma jikkawżawx sistematikament u fi kwalunkwe każ ħsara lill-interessi protetti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

13

Eżami, li jirriżulta fil-possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni wara ħlas ta’ sanzjoni pekunarja, jista’ jitwettaq in concreto, jekk id-Digriet Leġiżlattiv Nru 42/03 ma jipprovdix għall-preżunzjoni stretta u astratta tal-esklużjoni tax-xogħlijiet li jinvolvu l-“ħolqien ta’ superfiċje utli jew ta’ volumi jew iż-żieda ta’ dawk li twettqu legalment”. Fil-fatt, anki f’dan il-każ, il-protezzjoni tal-pajsaġġ tista’ tirriżulta, abbażi ta’ eżami konkret, kompatibbli maż-żamma tax-xogħol.

14

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għaldaqstant jekk l-Artikolu 167 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 42/04, sa fejn jeskludi, abbażi ta’ preżunzjoni, kategorija ta’ xogħlijiet minn kwalunkwe eżami tal-kompatibbiltà tagħhom mal-protezzjoni tal-pajsaġġ billi jissanzjonaha permezz tat-twaqqigħ, jistax jikkostitwixxi ħsara inġustifikata u disproporzjonata għad-dritt ta’ proprjetà ggarantit mill-Artikolu 17 tal-Karta jekk din kellha tiġi interpretata fis-sens li r-restrizzjonijiet għad-dritt ta’ proprjetà huma suġġetti għall-verifika tal-eżistenza reali, u mhux biss astratta, ta’ interess oppost. Il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità inkwantu prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per la Puglia ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 17 tal-[Karta] u l-prinċipju ta’ proporzjonalità bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni [...], jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li, bħall-Artikolu 167(4)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 42/04, teskludi l-possibbiltà tal-ħruġ, għall-finijiet ta’ regolarizzazzjoni, tal-awtorizzazzjoni meħtieġa għall-protezzjoni tal-pajsaġġ għall-interventi kollha tal-bniedem li jinvolvu ż-żieda tas-superfiċji u l-volumi, indipendentement mill-verifika konkreta tal-kompatibbiltà ta’ dawn l-interventi mal-valuri tal-protezzjoni tal-pajsaġġ tas-sit speċifikament ikkonċernat?”

Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

16

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17 tal-Karta u l-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik tal-Artikolu 167(4)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 42/04.

17

Il-persuni kkonċernati kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet sostnew l-inkompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi d-domanda preliminari, minħabba n-nuqqas ta’ element ta’ rabta suffiċjenti mad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk huwa jfakkru li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tispjega liema hija r-rabta bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li qed tintalab l-interpretazzjoni tagħhom u l-Artikolu 167(4)(a) tad-Digriet Liġi Nru 42/04.

18

Madankollu l-Kummissjoni eżaminat it-testi differenti msemmija mill-qorti tar-rinviju billi sostniet, fir-rigward ta’ kull wieħed minnhom, s-segwenti:

Id-Deċiżjoni 2005/370 tillimita li tintegra fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni l-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tikkostitwixxi miżura tal-Unjoni li ma teħtieġx ir-regola ta’ riċezzjoni min-naħa tal-Istati Membri;

Ir-Regolament Nru 1367/2006 ma tapplikax għall-Istati Membri, iżda għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u ma tippreżenta ebda rabta mal-fatti fil-kawża prinċipali u lanqas a fortiori mad-Digriet Leġiżlattiv Nru 42/04;

Dan japplika wkoll għad-Direttiva 2003/4, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali;

Mill-proċess ma jirriżultax li d-Direttiva 2001/92 hija rilevanti għall-finijiet tat-tilwima fil-kawża prinċipali, ix-xogħlijiet imwettqa minn C. Siragusa ma jqajmu ebda kwistjoni li tikkonċerna l-osservanza ta’ din id-direttiva minħabba assenza ta’ evalwazzjoni tal-effetti tax-xogħlijiet fuq l-ambjent;

L-Artikoli 3(3) TUE u 21(2)(f) TUE japplikaw għall-Unjoni u mhux għall-Istati Membri;

L-Artikolu 4(2)(e) TFUE jirrigwarda t-tqassim ta’ kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Unjoni u jinsab fil-parti ddedikata għall-prinċipji;

L-Artikolu 11 TFUE japplikaw ukoll għall-Unjoni;

L-Artikolu 114 TFUE japplika għall-istituzzjonijiet previsti fl-Unjoni u mhux għall-Istati Membri, u

Anki jekk jiġi preżunt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni permezz ta’ riferiment magħmul fl-Artikolu 191 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tispeċifika li, peress li l-Artikolu 191 TFUE huwa japplika għall-azzjonijiet tal-Unjoni, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata bħala tali minn individwi bl-iskop li tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-qasam tal-politika ambjentali, meta l-ebda leġiżlazzjoni Komunitarja adottata abbażi tal-Artikolu 175 KE li tkopri speċifikament is-sitwazzjoni kkonċernata ma tkun applikabbli (sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et, C-378/08, Ġabra p. I-1919, punt 46).

19

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi l-espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali. Din l-espożizzjoni, l-istess bħall-espożizzjoni fil-qosor tal-fatti rilevanti meħtieġa mill-Artikolu 94(a) tal-istess regoli tal-proċedura, għandha tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika, minbarra l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari, il-kompetenza tagħha li tirrispondi għad-domanda magħmula.

20

L-Artikolu 51(1) tal-Karta jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw għall-Istati Membri biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. L-Artikolu 6(1) TUE, l-istess bħall-Artikolu 51(2) tal-Karta, jispeċifika li d-dispożizzjonijiet ta’ din il-karta ma għandhom bl-ebda mod jestendu l-kompetenzi tal-Unjoni kif iddefiniti mit-Trattati. B’hekk, il-Qorti tal‑Ġustizzja qed tintalab tinterpreta, fid-dawl tal-Karta, id-dritt tal‑Unjoni fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et, C-256/11, Ġabra p. I-11315, punt 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

21

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret li hija ma tistax tevalwa, fid-dawl tal-Karta, leġiżlazzjoni nazzjonali li ma taqax taħt il-kuntest tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, meta tali leġiżlazzjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tintalab permezz ta’ domanda preliminari, għandha tagħti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni neċessarji għall-evalwazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tal-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-drittijiet fundamentali li tagħhom hija tiggarantixxi r-rispett (ara s-sentenza tad-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, , punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Din id-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni hija kkorroborata mill-ispjegazzjonijiet relattivi għall-Artikolu 51 tal-Karta, li, b’mod konformi mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u mal-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB, C-279/09, Ġabra p. I-13849, punt 32). Skont l-imsemmija spjegazzjonijiet, l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali ddefinit fil-kuntest tal-Unjoni jorbot biss lill-Istati Membri meta dawn jaġixxu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”.

23

Skont id-deskrizzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju, il-proċedura fil-kawża prinċipali tikkonċerna digriet-ordni li jordna lil C. Siragusa sabiex iżarma xogħlijiet imwettqa bi ksur ta’ liġi fuq il-protezzjoni ta’ beni kulturali u tal-pajsaġġ. Tali proċedura tippreżenta rabta mad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, peress li l-protezzjoni tal-pajsaġġ, koperta mil-liġi nazzjonali inkwistjoni, hija parti mill-protezzjoni tal-ambjent. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tiċċita diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent.

24

Madankollu jeħtieġ li jitfakkar li l-kunċett a’ “implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta, jeħtieġ l-eżistenza ta’ rabta ta’ ċertu grad, li tmur lil hinn mill-affinità bejn l-oqsma meħuda inkunsiderazzjoni u l-effetti indiretti ta’ qasam fuq l-ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Mejju 1997, Kremzow, C-299/95, Ġabra p. I-2629, punt 16).

25

Sabiex jiġi ddeterminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali taqax taħt l‑implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta, hemm lok li jiġi vverifikat, fost elementi oħra, jekk hija għandhiex bħala għan li timplementa dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-natura ta’ din il-leġiżlazzjoni u jekk hija ssegwix għanijiet differenti minn dawk koperti mid-dritt tal-Unjoni, anki jekk hija tista’ taffettwa indirettament lil din tal-aħħar, kif ukoll, jekk teżistix leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni speċifika fil-qasam jew li tista’ taffettwah (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Annibaldi, C-309/96, Ġabra p. I-7493, punti 21 sa 23; tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida, C‑40/11, punt 79, kif ukoll tat-8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et, C‑87/12, punt 41).

26

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat l-inapplikabbiltà tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali minħabba l-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam ikkonċernat ma kinux jimponu ebda obbligu fuq l-Istati Membri fir-rigward tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara s-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1996, Maurin, C-144/95, Ġabra p. I-2909, punti 11 u 12).

27

Kif sostnew il-persuni kkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet, la d-dispożizzjonijiet tat-Trattati UE u FUE msemmija mill-qorti tar-rinviju, la l-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-Konvenzjoni ta’ Aarhus, u lanqas id-Direttivi 2003/4 u 2011/92 ma jimponu fuq l-Istati Membri obbligi speċifiċi sabiex jipproteġu l-pajsaġġ, kif jagħmel id-dritt Taljan.

28

L-għanijiet ta’ dawn il-leġiżlazzjonijiet u tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 42/04 ma humiex l-istess, anki jekk il-pajsaġġ huwa wieħed mill-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġu evalwati l-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent, skont id-Direttiva 2011/92, u jifforma parti mill-elementi meħuda inkunsiderazzjoni fl-informazzjoni ambjentali li tirreferi għaliha l-Konvenzjoni ta’ Aarhus, fir-Regolament Nru 1367/2006 u fid-Direttiva 2003/4.

29

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha Annibadi, iċċitata iktar ’il fuq, li għaliha jirreferu l-ispjegazzjonijiet li jirrigwardaw l-Artikolu 51 tal-Karta, li l-fatt biss li l-liġi nazzjonali tista’ taffettwa indirettament il-funzjoni ta’ organizzazzjoni tas-swieq agrikoli ma jistax jikkostitwixxi rabta suffiċjenti (sentenza Annibaldi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22; ara wkoll is-sentenza Kremzow, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

30

F’dan ir-rigward, ebda element ma jippermetti li jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 42/03 li huma rilevanti fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet ma jikkostitwixxux l-implementazzjoni ta’ normi tad-dritt tal-Unjoni, li jiddistingwi l-kawża prinċipali suġġett ta’ dan ir-rinviju preliminari minn dik li tat lok għas-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10), li tirreferi għaliha l-qorti tar-rinviju.

31

Barra minn hekk għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fid-dritt tal-Unjoni, li huwa li jiżgura li dawn id-drittijiet ma jinkisrux fl-oqsma ta’ attivitajiet tal-Unjoni, kemm jekk dan iseħħ minħabba l-azzjoni tal-Unjoni, jew minħabba l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri.

32

Is-segwitu ta’ dan l-għan hija mmotivata min-neċessità li jiġi evitat li protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li jistgħu jvarjaw skont id-dritt nazzjonali kkonċernat jikkawżaw ħsara lill-unità, lis-supremazija u lill-effettività tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft, 11/70, Ġabra p. 1125, punt 3, u tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni, C‑399/11, punt 60). Madankollu mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li tali riskju huwa preżenti fil-kawża prinċipali.

33

Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta l-Artikolu 27 tal-Karta ma hijiex stabbilita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Omalet, C-245/09, Ġabra p. I-13771, punt 18; digrieti tal-1 ta’ Marzu 2011, Chartry, C-457/09, Ġabra p. I-819, punti 25 u 26; tal-10 ta’ Mejju 2012, Corpul Naţional al Poliţiştilor, C‑134/12, punt 15; tas-7 ta’ Frar 2013, Pedone, C‑498/12, punt 15, kif ukoll tas-7 ta’ Novembru 2013, SC Schuster & Co Ecologic, C‑371/13, punt 18).

34

Rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huwa jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu rrispettati minn leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew li timplementa lil dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Frar 1982, Zuckerfabrik Franken, 77/81, Ġabra p. 681, punt 22; tas-16 ta’ Mejju 1989, Buet u EBS, 382/87, Ġabra p. 1235, punt 11; tat-2 ta’ Ġunju 1994, Exportslachterijen van Oordegem, C-2/93, Ġabra p. I-2283, punt 20, kif ukoll tat-2 ta’ Diċembru 2010, Vandorou et, C-422/09, C-425/09 u C-426/09, Ġabra p. I-12411, punt 65).

35

Peress li l-qorti tar-rinviju ma stabbilietx permezz tad-dimostrazzjoni ta’ rabta suffiċjenti, li l-Artikolu 167(4)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 42/04 jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew li jimplementa lil dan id-dritt, lanqas il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta l-prinċipju ta’ proporzjonalità f’dan il-każ ma hija stabbilita.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-kompetenza sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula mit-Tribunale Amministrativo Regionale per la Sicilia.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex il-kompetenza sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula mit-Tribunale Amministrativo Regionale per la Sicilia (l-Italja).

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.