SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

27 ta’ Frar 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Dritt tal-impriżi — Rakkomandazzjoni 2003/361/KE — Definizzjoni ta’ impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju — Tipi ta’ impriżi meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-għadd ta’ persunal u tal-ammonti finanzjarji — Impriżi marbuta — Kunċett ta’ ‘grupp ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu flimkien’”

Fil-Kawża C‑110/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Marzu 2013, fil-proċedura

HaTeFo GmbH

vs

Finanzamt Haldensleben,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Santoro, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Sauer u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3), tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE, tas-6 ta’ Mejju 2003, dwar id-definizzjoni ta’ impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, p. 36, iktar ’il quddiem, ir-“Rakkomandazzjoni SME”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn HaTeFo GmbH (iktar ’il quddiem “HaTeFo”) u l-Finanzamt Haldensleben dwar il-kalkolu tal-ammont ta’ sussidju tal-investiment.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 9 tar-Rakkomandazzjoni SME tiddikjara:

“Sabiex jinkiseb għarfien aħjar tal-pożizzjoni ekonomika reali tal-[impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (SME)], u sabiex jitneħħew minn din il-kategorija l-gruppi ta’ impriżi li s-saħħa ekonomika tagħhom tista’ teċċedi lil dik ta’ SME, għandha ssir distinzjoni bejn id-diversi tipi ta’ impriżi, skont kemm huma awtonomi, jekk għandhomx holdings li ma jinvolvux pożizzjoni ta’ kontroll (impriżi msieħba), jew humiex marbuta ma’ impriżi oħrajn. [...]” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

Il-premessa 11 ta’ din ir-rakkomandazzjoni hija għalhekk redatta kif ġej:

“Bil-ħsieb ta’ semplifikazzjoni b’mod partikolari għall-Istati Membri u għall-impriżi, jeħtieġ li għad-definizzjoni tal-impriżi marbuta jittieħdu inkunsiderazzjoni, meta dawn ikunu adattati għas-suġġett ta’ din ir-rakkomandazzjoni, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 tas-[Seba’] Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE, tat-13 ta’ Ġunju 1983, ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet konsolidati [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 58], emendata l-aħħar permezz tad-Direttiva 2001/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [,tas-27 ta’ Settembru 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 245)]. [...]”

5

Il-premessa 12 ta’ din ir-rakkomandazzjoni tiddikjara:

“Bil-għan li jiġi żgurat li jkunu biss dawk l-impriżi li verament ikollhom bżonn il-vantaġġi li jirriżultaw minn regoli jew miżuri differenti favur l-SME li attwalment jibbenefikaw minnhom, huwa mixtieq, fejn ikun xieraq, li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll ir-relazzjonijiet eżistenti bejn l-impriżi permezz ta’ persuni fiżiċi. Sabiex l-evalwazzjoni ta’ dawn is-sitwazzjonijiet tiġi limitata għall-minimu assolut, il-kunsiderazzjoni ta’ relazzjonijiet bħal dawn jeħtieġ li tkun ristretta għal każ ta’ kumpanniji li jeżerċitaw attivitajiet fl-istess suq rilevanti jew suq adjaċenti, billi jsir riferiment, fejn ikun neċessarju għad-definizzjoni tal-Kummissjoni tas-suq rilevanti li jkun is-suġġett tal-Att tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 155)].”

6

L-Artikolu 3 tal-istess rakkomandazzjoni jipprovdi:

“Din ir-rakkomandazzjoni ġiet issostitwita bir-Rakkomandazzjoni 96/280/KE [tal-Kummissjoni, tat-3 ta’ April 1996, dwar id-definizzjoni ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 107, p. 4),] sa mill-1 ta’ Jannar 2005.”

7

L-Artikolu 1 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni SME huwa redatt kif ġej:

“Hija meqjusa bħala impriża kwalunkwe entità involuta f’attività ekonomika, tkun xi tkun il-forma legali tagħha. […]”

8

L-Artikolu 3 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni SME huwa relatat mat-tipi ta’ impriżi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-għadd ta’ persunal u tal-ammonti finanzjarji li jippermetti li jiġu kkaratterizzati l-kategoriji differenti ta’ impriżi ddefiniti fl-Artikolu 2 ta’ dik ir-rakkomandazzjoni.

9

L-Artikolu 3(1) ta’ dan l-Anness huwa redatt kif ġej:

“‘Impriża awtonoma’ hija kwalunkwe impriża li ma tkunx ikklassifikata bħala impriża msieħba fis-sens tal-paragrafu 2 jew bħala impriża marbuta fis-sens tal-paragrafu 3.”

10

L-Artikolu 3(3) tal-istess Anness huwa redatt kif ġej:

“‘Impriżi marbuta’ huma impriżi li għandhom xi waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom:

a)

impriża li jkollha l-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew tal-membri f’impriża oħra;

b)

impriża li jkollha d-dritt taħtar jew tneħħi maġġoranza mill-membri tal-bord amministrattiv, ta’ tmexxija jew ta’ sorveljanza ta’ impriża oħra;

ċ)

impriża li jkollha d-dritt teżerċita influwenza dominanti fuq impriża oħra skont ftehim illi jkun intlaħaq ma’ dik l-impriża l-oħra jew skont klawżola tal-memorandum jew l-artikoli ta’ assoċjazzjoni tagħha;

d)

impriża li tkun azzjonista fi jew membru ta’ impriża oħra, li tikkontrolla waħidha, skont ftehim ma’ azzjonisti fi jew membri ta’ dik l-impriża, il-maġġoranza tad-drittijiet tal-voti tal-azzjonisti jew tal-membri f’dik l-impriża.

Hemm il-presuppożizzjoni li ma jkun hemm l-ebda influwenza dominanti jekk l-investituri msemmijin fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ma jkunux huma stess involuti direttament jew indirettament fl-amministrazzjoni tal-impriża inkwistjoni, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet li huma jkollhom fil-kwalità tagħhom ta’ azzjonisti jew ta’ membri.

L-impriżi li għandhom xi waħda mir-relazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu permezz ta’ impriża waħda jew iktar, jew kwalunkwe wieħed mill-investituri msemmija fil-paragrafu 2, huma meqjusa wkoll bħala marbuta.

L-impriżi li għandhom relazzjoni waħda minn dawn jew iktar permezz ta’ persuna fiżika jew grupp ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu flimkien huma wkoll meqjusa bħala impriżi marbuta jekk jieħdu sehem fl-attività tagħhom jew f’parti mill-attività tagħhom fl-istess suq rilevanti jew fi swieq adjaċenti.

Huwa meqjus bħala suq adjaċent, dak is-suq ta’ prodott jew servizz li jkun f’posizzjoni direttament ’il fuq jew l’isfel fil-linja tal-bejgħ mis-suq rilevanti.”

Id-dritt Ġermaniż

11

L-Artikolu 1(1) tal-Liġi dwar l-għotjiet għall-investiment tal-2005 (Investitionszulagengesetz 2005), tas-17 ta’ Marzu 2004 (Bundesgesetzblatt 2004 I, p. 438), jipprevedi li l-persuni taxxabbli li jwettqu investimenti ta’ ċerti tipi fil-ħames Länder il-ġodda u f’Berlin (il-Ġermanja) huma eliġibbli għal sussidju fiskali tal-investiment.

12

Dik il-liġi tipprevedi li, taħt ċerti kundizzjonijiet, dak is-sussidju għandu jiżdied meta dawn l-investimenti jitwettqu minn SME fis-sens tar-Rakkomandazzjoni SME.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

HaTeFo, li ġiet stabbilita fl-1999, tipproduċi plakek, folji, pajpijiet u profili b’materjali sintetiċi. Il-kapital ta’ din il-kumpannija huwa miżmum minn tliet persuni fiżiċi, A, B, il-konjuga tiegħu, u Ċ, li huma proprjetarji, ta’ 24.8 %, 62.8 % u 12.4 % tal-azzjonijiet rispettivament. A u Ċ imexxu dik il-kumpannija. Barra minn hekk A u ommha, D, huma azzjonisti bl-istess ammont ta’ azzjonijiet f’X, kumpannija li hija wkoll immexxija minn A u Ċ.

14

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li X daħlet garanti għal HaTeFo meta din bdiet topera, li magħha kkonkludiet ukoll “Geschäftsbesorgungsvertrag” (“kuntratt ta’ mandat”), li jistabbilixxi li d-direzzjonijiet ta’ HaTeFo jsiru kollha mill-kumpannija X, li kienet ser tkun preżenti waħidha fis-suq ikkonċernat. Dan il-kuntratt ta’ mandat kien jipprevedi wkoll li rappreżentant ta’ X kellu jkun inkarigat bid-direzzjoni teknika ta’ HaTeFo. Barra minn hekk din l-aħħar imsemmija kumpannija kellha tittrasferixxi lil X l-attivitajiet tagħha ta’ riċerka u ta’ żvilupp kif ukoll il-ġestjoni tagħha tal-informatika u kellha tuża, għall-bżonnijiet tal-attività tagħha, wieħed mill-kontijiet bankarji ta’ X.

15

Meħuda waħidha, HaTeFo tista’ tiġi kklassifikata bħala “SME”. Għall-kuntrarju, b’kont meħud kemm tan-numru ta’ impjegati kif ukoll tad-dħul mill-bejgħ annwali ta’ X, dan ma jistax jingħad fil-każ li HaTeFo kellha tiġi kkunsidrata bħala marbuta ma’ X.

16

Peress li qies li, minħabba r-rabtiet tagħha ma’ X, HaTeFo ma kinitx tikkostitwixxi SME, il-Finanzamt Haldensleben taha, għas-sena tal-2006, mhux is-sussidju miżjud, iżda s-sussidju bażiku previst mil-liġi dwar l-għotjiet għall-investiment tal-2005.

17

Il-Finanzamt Haldensleben ippreċiża, b’mod partikolari, li ma kienx hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kriterji formali ddikjarati mir-Rakkomandazzjoni SME, iżda li kien meħtieġ li ssir evalwazzjoni ekonomika bil-għan li jiġi ddeterminat jekk l-impriżi, għalkemm formalment awtonomi, kellhomx, madankollu, jitqiesu bħala entità ekonomika waħda. Fl-opinjoni tiegħu, iż-żewġ impriżi kkonċernati jikkostitwixxu tali entità fid-dawl tal-eżistenza ta’ kuntratt ta’ mandat, tat-tqassim bejniethom tal-kompiti ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni kif ukoll tal-fatt li huma miżmuma u mmexxija minn erba’ persuni biss, li minnhom tlieta huma marbuta flimkien mill-qrib.

18

Fl-ewwel istanza, il-Finanzgericht ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn HaTeFo billi speċifikat li applikazzjoni purament formali tal-kriterji ddefiniti mir-Rakkomandazzjoni SME, li jikkaratterizzaw l-awtonomija ta’ impriża, ma għandhiex twassal sabiex dawn jiġu evitati u li sabiex tiġi evalwata din l-awtonomija jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll ir-relazzjonijiet kummerċjali l-oħra miżmuma mill-impriżi kkonċernati fir-rigward, b’mod partikolari, tad-direzzjoni kummerċjali, il-kuntatti mal-fornituri u l-klijenti kif ukoll l-implementazzjoni komuni tal-loġistika.

19

Għaldaqstant HaTeFo ippreżentat quddiem il-Bundesfinanzhof rikors għal “Reviżjoni” kontra d-deċiżjoni tal-Finanzgericht, li fih hija sostniet, b’mod partikolari, li l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni SME, li jippermettu l-klassifikazzjoni tal-impriżi “marbuta”, fis-sens ta’ din ir-rakkomandazzjoni, għandhom għall-kuntrarju jitqiesu li huma eżawrjenti.

20

Il-Bundesfinanzhof invokat is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C-297/88 u C-197/89, Ġabra p. I-3763), sabiex tikkonferma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-kunċett ta’ SME meta dan il-kunċett ikun ġie riprodott minn leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħmel riferiment għad-definizzjoni prevista mir-Rakkomandazzjoni SME.

21

Barra minn hekk, il-Bundesfinanzhof tirrileva li dik ir-rakkomandazzjoni tirriproduċi parzjalment il-kundizzjonijiet ta’ stabbiliment tal-kontijiet ikkonsolidati, previsti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 83/349, b’tali mod li l-impriżi marbuta skont din id-direttiva li jżommu kontijiet ikkonsolidati jitqiesu li huma marbuta fis-sens tar-Rakkomandazzjoni SME. Hija żżid li, f’każ fejn, bħal fil-kawża prinċipali, impriża ma żżommx kontijiet ikkonsolidati, jeħtieġ madankollu li jiġi evalwat jekk hija tistax ukoll tiġi kkunsidrata bħala marbuta ma’ impriża oħra skont kriterji stabbiliti fl-Anness ta’ din ir-rakkomandazzjoni.

22

Il-Bundesfinanzhof tistaqsi, qabel xejn, dwar il-kriterju relatat ma’ “grupp ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu flimkien” previst mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3 ta’ dan l-Anness. B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk huwiex suffiċjenti, sabiex jiġi kkaratterizzat tali grupp, li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ kooperazzjoni funzjonali bejn dawk il-persuni jew jekk huwiex neċessarju wkoll li jiġi stabbilit li huma adottaw aġir “flimkien” u fformaw rabtiet kuntrattwali.

23

Sussegwentement il-Bundesfinanzhof tistaqsi jekk, minkejja t-tipi differenti ta’ relazzjonijiet li jikkaratterizzaw l-impriżi marbuta enumerati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-istess Anness, evalwazzjoni ekonomika globali tal-impriżi kkonċernati li fil-kuntest tagħha jittieħdu inkunsiderazzjoni l-appartenenza tal-azzjonisti għall-istess familja jew l-identità tad-diretturi tistax tippermetti li dawn l-impriżi jitqiesu li huma marbuta permezz ta’ grupp ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu flimkien. Fl-aħħar hija tistaqsi jekk tali evalwazzjoni ekonomika għandhiex tkun limitata għal każijiet li fihom dawn il-persuni jkunu xtaqu jevitaw id-definizzjoni ta’ SME.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

a)

Liema huma l-kundizzjonijiet li jippermettu li jiġi kkonstatat li [persuni li] jaġixxu flimkien fis-sens tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-Anness tar-[Rakkomandazzjoni SME]? [Kooperazzjoni] funzjonali ta’ persuni fiżiċi implikati fiż-żewġ impriżi, mingħajr litigazzjoni jew kunflitt ta’ interessi, hija biżżejjed, jew għandu jkun jista’ jintgħaraf aġir miftiehem bejn dawn il-persuni?

b)

Jekk aġir miftiehem huwa mitlub: dan jirriżulta [...] minn kooperazzjoni purament fattwali?

2)

Fil-każ li ma jeżistix obbligu ta’ kontijiet ikkonsolidati, fl-eżami tal-kwistjoni dwar jekk impriża hijiex marbuta ma’ impriża oħra permezz ta’ persuna jew grupp ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu flimkien, huwa neċessarju, lil hinn mir-‘relazzjonijiet’ imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni SME, li ssir evalwazzjoni ekonomika globali li fiha għandhom jiġu analizzati aspetti bħar-relazzjonijiet ta’ proprjetà — f’dan il-każ, b’mod partikolari, il-fatt li l-azzjonisti jappartjenu lill-istess familja, l-istruttura tal-ishma u l-integrazzjoni ekonomika — kif ukoll b’mod partikolari l-identità tad-diretturi — tal-impriżi kkonċernati?

3)

Fil-każ fejn, anki fl-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni SME, evalwazzjoni ekonomika globali li tmur lil hinn mill-eżami formali hija possibbli, intenzjoni li tiġi evitata d-definizzjoni ta’ SME, jew, għall-inqas, ir-riskju li dan jseħħ, hija meħtieġa?”

Fuq id-domandi preliminari

25

Permezz tat-tliet domandi tagħha, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni SME għandux jiġi interpretat fis-sens li huma biss l-impriżi li jkollhom, permezz ta’ persuna jew diversi persuni li jaġixxu flimkien, xi waħda mir-relazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) ta’ dan l-Anness li għandhom jitqiesu li huma “marbuta” fis-sens ta’ dan l-Artikolu jew jekk l-eżistenza ta’ din ir-rabta tistax ukoll tirriżulta minn analiżi ekonomika globali li matulha tiġi vverifikata, b’mod partikolari, l-intenzjoni ta’ dawn il-persuni li jevitaw id-definizzjoni ta’ SME. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll, essenzjalment, li jiġu ppreċiżati l-kundizzjonijiet li fihom il-persuni fiżiċi jitqiesu li jaġixxu flimkien fis-sens tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni SME u, b’mod partikolari, jekk huma għandhomx, għal dan l-għan, ikunu marbuta b’relazzjonijiet kuntrattwali.

26

Skont l-Artikolu 1 ta’ dan l-Anness, titqies bħala impriża, kwalunkwe entità, tkun xi tkun il-forma ġuridika tagħha, li teżerċita attività ekonomika.

27

L-Artikolu 3(3) tal-istess Anness jispeċifika l-kriterji li jippermettu l-klassifikazzjoni ta’ impriżi bħala “marbuta” bil-għan li jiġi ddeterminat jekk dawn tal-aħħar jikkostitwixxux SME.

28

Mill-kliem tal-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-istess Artikolu 3(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni SME jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet fil-prinċipju jirrigwardaw biss il-każ fejn l-impriżi jkollhom waħda mir-relazzjonijiet enumerati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3)(a) sa (d) ta’ dan l-Anness.

29

Għaldaqstant, ma jistax jiġi konkluż li n-nuqqas ta’ osservanza formali ta’ din il-kundizzjoni tipprekludi, fil-każijiet kollha, il-konstatazzjoni tan-natura marbuta tal-impriżi kkonċernati.

30

Fil-fatt, jeħtieġ li r-Rakkomandazzjoni SME tiġi interpretata billi jittieħed kont tar-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-91/01, Ġabra p. I-4355, punt 49).

31

F’dan ir-rigward, mill-premessi 9 u 12 ta’ din ir-rakkomandazzjoni jirriżulta li d-definizzjoni ta’ impriżi marbuta hija intiża sabiex tinftiehem aħjar ir-realtà ekonomika ta’ SME u sabiex jiġu esklużi mill-klassifikazzjoni ta’ SME l-gruppi ta’ impriżi li s-setgħa ekonomika tagħhom tkun teċċedi dik ta’ SME, bil-għan li tirriżerva għall-impriżi li jkollhom verament bżonn tal-vantaġġi li jirriżultaw għall-kategorija ta’ SME mid-diversi leġiżlazzjonijiet jew miżuri favur tagħhom. Dawn il-premessi jiddikjaraw ukoll li bil-għan li l-eżami tar-relazzjonijiet eżistenti bejn l-impriżi permezz ta’ persuni fiżiċi jiġi limitat strettament għal każijiet fejn dan ikun neċessarju, jeħtieġ li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn ir-relazzjonijiet jiġi ristrett għall-każijiet fejn dawn l-impriżi jkunu jeżerċitaw attivitajiet fl-istess suq inkwistjoni jew fi swieq adjaċenti.

32

Fil-fatt, il-vantaġġi mogħtija lil SME jikkostitwixxu, ħafna drabi, eċċezzjonijiet għar-regoli ġenerali, bħal pereżempju fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, b’tali mod li d-definizzjoni ta’ SME għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta.

33

F’dawn il-kundizzjonijiet, bil-għan li jintgħażlu biss l-impriżi li effettivament jikkostitwixxu SMEs indipendenti, hemm lok li tiġi eżaminata l-istruttura ta’ SMEs li jifformaw grupp ekonomiku iktar b’saħħtu minn tali impriża u li jiġi żgurat li d-definizzjoni ta’ SME ma tiġix evitata għal raġunijiet purament formali (ara s-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

34

Għaldaqstant jeħtieġ li r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni SME jiġi interpretat fid-dawl ta’ dan l-għan b’tali mod li l-impriżi li ma jkollhomx formalment xi waħda mir-relazzjonijiet imsemmija fil-punt 28 ta’ din is-sentenza iżda li madankollu jikkostitwixxu, minħabba r-rwol assunt minn persuna fiżika jew grupp ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu flimkien, entità ekonomika waħda, għandhom ukoll jitqiesu bħala impriżi marbuta fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, peress li huma jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom jew parti mill-attivitajiet tagħhom fl-istess suq jew fi swieq adjaċenti (ara b’analoġija, is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

35

Barra minn hekk, il-kundizzjoni li l-persuni fiżiċi jaġixxu flimkien tkun issodisfatta meta dawn il-persuni jikkoordinaw bejniethom bil-għan li jeżerċitaw influwenza fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali ta’ impriżi kkonċernati, li teskludi li dawn l-impriżi jistgħu jitqiesu li huma ekonomikament indipendenti waħda mill-oħra. It-twettiq ta’ din il-kundizzjoni jiddependi fuq iċ-ċirkustanzi tal-kawża u ma jistax neċessarjament jiġi suġġett għall-eżistenza ta’ relazzjonijiet kuntrattwali bejn dawn il-persuni, u lanqas għall-konstatazzjoni tal-intenzjoni tagħhom li jevitaw id-definizzjoni ta’ SME.

36

Fir-rigward tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji li għandhom dawn iż-żewġ impriżi, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li X tikkummerċjalizza l-produzzjoni kollha ta’ HaTeFo, tant li din il-kumpannija tal-aħħar ma hijiex preżenti fis-suq. Rappreżentant ta’ X huwa inkarigat mill-aspetti tekniċi tal-produzzjoni ta’ HaTeFo. Barra minn hekk, din tal-aħħar, ittrasferiet lill-kumpannija X il-ġestjoni tal-informatika tagħha u dik tax-xiri tagħha kif ukoll l-attività ta’ riċerka tagħha. Fl-aħħar, hija tuża, għall-bżonnijiet tal-attività tagħha, wieħed mill-kontijiet bankarji tal-kumpannija X.

37

Barra minn hekk jeħtieġ li jiġu rrilevati, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-eżistenza ta’ rabta familjari bejn A, B u D, li huma proprjetarji ta’ u jmexxu dawn iż-żewġ impriżi u l-fatt li A u Ċ barra minn hekk imexxu simultanjament lil dawn tal-aħħar. Tali rabtiet jidhru li huma ta’ natura li jagħtu lil dawn il-persuni l-fakultà li jikkoordinaw bejniethom bil-għan li jeżerċitaw influwenza fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati li teskludi li dawn tal-aħħar jistgħu jitqiesu bħala ekonomikament indipendenti minn xulxin.

38

Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, żewġ kumpanniji li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni simili għal dik tal-kumpanniji fil-kawża prinċipali jidhru li jistgħu jitqiesu bħala li jikkostitwixxu fir-realtà, permezz ta’ grupp ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu flimkien, entità ekonomika waħda, b’tali mod li jkun meħtieġ li dawn jitqiesu bħala impriżi marbuta fis-sens tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni SME, fatt li madankollu għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju, filwaqt li tiġi ppreżervata l-possibbiltà tal-persuni interessati li juru li dan ma huwiex minnu.

39

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni SME għandu jiġi interpretat fis-sens li impriżi jistgħu jitqiesu bħala “marbuta” fis-sens ta’ dan l-artikolu, meta mill-analiżi tar-relazzjonijiet kemm legali kif ukoll ekonomiċi fformati bejniethom, ikun jirriżulta li huma jikkostitwixxu, permezz ta’ persuna fiżika jew grupp ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu flimkien, entità ekonomika waħda, anki jekk dawn ma jkollhomx formalment waħda mir-relazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) ta’ dan l-Anness. Huma meqjusa li jaġixxu flimkien fis-sens tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) ta’ dan l-Anness, il-persuni fiżiċi li jikkoordinaw flimkien bil-għan li jeżerċitaw influwenza fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali ta’ impriżi kkonċernati li teskludi li dawn l-impriżi jistgħu jitqiesu bħala ekonomikament indipendenti minn xulxin. It-twettiq ta’ din il-kundizzjoni jiddependi miċ-ċirkustanzi tal-kawża u ma hijiex neċessarjament suġġetta għall-eżistenza ta’ relazzjonijiet kuntrattwali bejn dawk il-persuni, u lanqas għall-konstatazzjoni tal-intenzjoni tagħhom li jevitaw id-definizzjoni ta’ SME fis-sens ta’ din ir-rakkomandazzjoni.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3), tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE, tas-6 ta’ Mejju 2003, dwar id-definizzjoni ta’ impriża mikro, żgħar u ta’ daqs medju, għandu jiġi interpretat fis-sens li impriżi jistgħu jitqiesu bħala “marbuta” fis-sens ta’ dan l-artikolu, meta jkun jirriżulta mill-analiżi tar-relazzjonijiet kemm legali kif ukoll ekonomiċi fformati bejniethom, li huma jikkostitwixxu, permezz ta’ persuna fiżika jew grupp ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu flimkien, entità ekonomika waħda, anki jekk dawn ma jkollhomx formalment waħda mir-relazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) ta’ dan l-Anness.

 

Huma meqjusa bħala li jaġixxu flimkien fis-sens tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) ta’ dan l-Anness, il-persuni fiżiċi li jikkoordinaw flimkien bil-għan li jeżerċitaw influwenza fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali ta’ impriżi kkonċernati li teskludi li dawn l-impriżi jistgħu jitqiesu bħala ekonomikament indipendenti minn xulxin. It-twettiq ta’ din il-kundizzjoni jiddependi miċ-ċirkustanzi tal-kawża u ma hijiex neċessarjament suġġetta għall-eżistenza ta’ relazzjonijiet kuntrattwali bejn dawk il-persuni, u lanqas għall-konstatazzjoni tal-intenzjoni tagħhom li jevitaw id-definizzjoni ta’ impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju fis-sens ta’ din ir-rakkomandazzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.