SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

21 ta’ Frar 2013 ( *1 )

“Direttiva 93/13/KEE — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Eżami ex officio, mill-qorti nazzjonali, tan-natura inġusta ta’ klawżola — Obbligu, għall-qorti nazzjonali li tkun ikkonstatat ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola, li tistieden lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom qabel ma tislet il-konsegwenzi ta’ din il-konstatazzjoni — Klawżoli kuntrattwali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżami tan-natura inġusta”

Fil-Kawża C-472/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Bíróság (li saret il-Fővárosi Törvényszék) (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Settembru 2011, fil-proċedura

Banif Plus Bank Zrt

vs

Csaba Csipai,

Viktória Csipai,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Levits, M. Safjan u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Settembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Banif Plus Bank Zrt, minn E. Héjja, ügyvéd,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Martínez-Lage Sobredo, bħala aġent,

għall-Gvern Slovakk, minn M. Kianička, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Simon u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Banif Plus Bank Zrt (iktar ’il quddiem il-“Banif Plus Bank”) u l-konjuġi Csipai dwar il-ħlas ta’ somom dovuti taħt kuntratt ta’ self fil-każ tar-rexissjoni antiċipata ta’ dan il-kuntratt mill-istabbiliment li jsellef minħabba aġir imputabbli lill-persuna li tissellef.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva jiddefinixxi l-klawżola inġusta b’dan il-mod:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra 1-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża zbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

4

Fir-rigward tal-eżami tan-natura inġusta ta’ klawżola, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva jippreċiża:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.”

5

Fir-rigward tal-effetti marbuta mal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli [it-termini] jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

6

l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jipprovdi wkoll:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

Id-dritt nazzjonali

7

Skont l-Artikolu 209(1) tal-Kodiċi ċivili, “kundizzjoni kuntrattwali ġenerali jew klawżola ta’ kuntratt mal-konsumatur li ma kinux is-suġġett ta’ negozjati individwali jkunu inġusti meta, bi ksur tal-obbligi ta’ bona fide u ta’ lealtà, jiddeterminaw id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt b’mod unilaterali u mhux motivat għad-detriment tal-parti kontraenti li ma tkunx l-awtur tal-klawżola”.

8

L-Artikolu 209/A(2) tal-Kodiċi ċivili jipprovdi li tali klawżoli huma nulli.

9

L-Artikolu 2(j) tad-Digriet Governattiv Nru 18/1999, tal-5 ta’ Frar 1999, dwar il-klawżoli li għandhom jitqiesu li huma inġusti fil-kuntratti mal-konsumatur, jipprovdi:

“[...] għandha titqies li hija inġusta, sakemm ma jiġix ipprovat il-kuntrarju, b’mod partikolari l-klawżola li

[…]

j)

tobbliga lill-konsumatur iħallas ammont eċċessiv fl-eventwalità li ma jwettaqx l-obbligi tiegħu jew li ma jkunx wettaqhom inkonformità mal-kuntratt”.

10

Skont l-Artikolu 3(3) tal-Liġi Nru III tal-1952, li tistabbilixxi kodiċi ta’ proċedura ċivili, il-qorti, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni legali kuntrarja, hija marbuta mit-talbiet u mill-argumenti legali mressqa mill-partijiet.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Fis-16 ta’ Ġunju 2006, C. Csipai kkonkluda kuntratt ta’ self mal-Banif Plus Bank, li kien jiskadi fil-15 ta’ Ġunju 2012.

12

Il-klawżola 29 tal-kuntratt imħejji minn qabel mill-Banif Plus Bank kienet tipprovdi li, jekk dan il-kuntratt jiġi rexiss qabel id-data tal-iskadenza tiegħu minħabba nuqqas min-naħa tal-persuna li tissellef jew għal kull raġuni oħra li tirriżulta minn aġir imputabbli lil din tal-aħħar, il-persuna li tissellef għandha tħallas, minbarra l-interessi moratorji u l-ispejjeż, it-totalità tal-pagamenti li jkunu għadhom dovuti. Il-pagamenti li jsiru eżiġibbli f’dan il-każ jinkludu, minbarra s-somma prinċipali, l-interessi fuq is-self u l-primjum tal-assigurazzjoni.

13

C. Csipai ħallas, għall-ewwel darba, pagament fix-xahar ta’ Frar 2008. Il-Banif Plus Bank għalhekk irrexxinda l-kuntratt u talab lill-persuna li tissellef tħallas is-somom li kienu għadhom dovuti skont il-klawżola 29 ta’ dan il-kuntratt. Peress li C. Csipai ma rrispettax din it-talba, il-Banif Plus Bank ippreżenta rikors kontrih kif ukoll, fuq il-bażi tar-regoli dwar id-dritt tal-familja, kontra l-konjuġi tiegħu.

14

Fil-kuntest tal-proċedura pendenti quddiemha, il-Pesti Központi kerületi bíróság (qorti distrettwali taċ-ċentru ta’ Pest), adita bħala qorti tal-ewwel istanza, informat lill-partijiet li fil-fehma tagħha din il-klawżola 29 kienet inġusta u stednithom jesprimu l-pożizzjoni tagħhom dwar dan il-punt. C. Csipai sostna li fil-fehma tiegħu l-pretensjonijiet tal-Banif Plus Bank kienu eċċessivi u li kien qiegħed jirrikonoxxi l-fondatezza biss tal-ammont dovut bħala s-somma prinċipali. Il-Banif Plus Bank ikkontesta n-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni.

15

Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Lulju 2010, il-Pesti Központi kerületi bíróság ikkundannat lil C. Csipai jħallas lill-Banif Plus Bank ammont li ġie kkalkolat mingħajr ma kienet applikata l-klawżola 29 tal-kuntratt.

16

Il-Banif Plus Bank appella minn din id-deċiżjoni. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Fővárosi Bíróság iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari:

“(1)

Qorti nazzjonali [taġixxi] b’mod konsistenti mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [...] jekk, wara li tikkonstata n-natura inġusta ta’ kundizzjoni kuntrattwali ġenerali u fin-nuqqas ta’ talba f’dan is-sens mill-partijiet, hija tinformhom li tqis invalida r-raba’ sentenza tal-klawżola Nru 29 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt ta’ self konkluż bejn il-partijiet fil-kawża? L-invalidità hija dovuta għan-nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet legali, jiġifieri [mal-Artikoli] 1(1)(ċ) u 2(j) tad-Digriet Governattiv Nru 18/1999 […]?

(2)

Fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-ewwel domanda, huwa possibbli li l-qorti nazzjonali tistieden lill-partijiet fil-kawża sabiex jippreżentaw dikjarazzjoni fir-rigward tal-imsemmija klawżola kuntrattwali, sabiex tkun tista’ tasal għall-konsegwenzi legali marbuta man-natura possibbilment inġusta tagħha u b’hekk jintlaħqu l-għanijiet tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [...]?

(3)

Fiċ-ċirkustanzi deskritti hawn fuq, meta tiġi eżaminata klawżola kuntrattwali inġusta, huwa possibbli li l-qorti nazzjonali teżamina l-klawżoli kollha tal-kuntratt jew hemm lok li jiġu eżaminati biss il-klawżoli li fuqhom il-parti kontraenti l-oħra tal-konsumatur tibbaża t-talba tagħha?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

17

Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu jew, għall-kuntrarju, fis-sens li jippermettu li l-qorti nazzjonali li tkun ikkonstatat ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali tinforma lill-partijiet dwar il-fatt li hija tkun irrilevat l-eżistenza ta’ kawża ta’ nullita u tistedinhom jippreżentaw dikjarazzjoni f’dan ir-rigward.

18

Mill-proċess jirriżulta li dawn id-domandi huma marbuta mal-eżistenza, fid-dritt nazzjonali, ta’ regola li tipprovdi li l-qorti li tkun irrilevat ex officio kawża ta’ nullità għandha tinforma b’dan lill-partijiet u għandha tagħtihom il-possibbiltà jagħmlu dikjarazzjoni dwar l-eventwali konstatazzjoni tal-assenza ta’ validità tar-relazzjoni legali kkonċernata, konstatazzjoni li mingħajrha ma tkunx tista’ tiġi ddikjarata n-nullità.

19

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ protezzjoni implementata mid-Direttiva hija fil-fatt ibbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni inferjuri fil-konfront tal-bejjiegħ jew fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twassal lill-konsumatur sabiex jaqbel mal-kundizzjonijiet imħejjija minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones vs Cristina Rodríguez Nogueira, C-40/08, Ġabra p. I-9579, punt 29, u tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C-618/10, punt 39).

20

Fid-dawl ta’ tali sitwazzjoni inferjuri, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jipprovdi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, din hija dispożizzjoni mandatorja li hija maħsuba sabiex tissostitwixxi l-bilanċ formali stabbilit mill-kuntratt bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’bilanċ reali ta’ natura li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn il-partijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing, C-137/08, Ġabra p. I-10847, punt 47, u Banco Español de Crédito, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

21

Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni mixtieqa mid-Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat diversi drabi li s-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza li teżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur tista’ tiġi kkumpensata biss b’intervent pożittiv, li ma jiġix mill-partijiet fil-kuntratt (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, VB Pénzügyi Lízing, punt 48, u Banco Español de Crédito, punt 41).

22

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qorti nazzjonali hija obbligata li tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u, b’dan il-mod, li tirrimedja l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq VB Pénzügyi Lízing, punt 49, u Banco Español de Crédito, punt 42).

23

Konsegwentement, ir-rwol li huwa attribwit mid-dritt tal-Unjoni lill-qorti nazzjonali fil-qasam ikkunsidrat ma huwiex limitat għas-sempliċi possibbiltà li tiddeċiedi dwar in-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, iżda jinkludi wkoll l-obbligu li teżamina ex officio din il-kwistjoni, meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM, C-243/08, Ġabra p. I-4713, punt 32, u Banco Español de Crédito, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

24

F’dan ir-rigward, meta tat deċiżjoni dwar talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali li kellha quddiemha kawża fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dik il-qorti hija obbligata tadotta, ex officio, miżuri istruttorji sabiex tistabbilixxi jekk klawżola li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u, jekk dan ikun il-każ, dik il-qorti għandha tevalwa ex officio n-natura eventwalment inġusta ta’ tali klawżola (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq VB Pénzügyi Lízing, punt 56, u Banco Español de Crédito, punt 44).

25

Fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jiġu misluta mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jeżiġi li l-Istati Membri għandhom jipprevedu li tali klawżola ma għandhiex torbot lill-konsumaturi, “kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom”.

26

F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li, fl-assenza ta’ regolamentazzjoni mid-dritt tal-Unjoni, il-modalitajiet proċedurali tar-rimedji ġudizzjarji intiżi sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni jiddependu mill-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregoalw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom ikunu organizzati b’tali mod li, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jkun impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Asturcom Telecomunicaciones, punt 38, u Banco Español de Crédito, punt 46).

27

Fir-rigward tal-obbligu li tiġi żgurata l-effettività tal-protezzjoni prevista mid-Direttiva fir-rigward tas-sanzjoni ta’ klawżola abbużiva, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-qorti nazzjonali għandha tislet il-konsegwenzi kollha li, skont id-dritt nazzjonali, jirriżultaw mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni sabiex jiġi żgurat li l-konsumatur ma jkunx marbut b’din il-klawżola (sentenza Asturcom Telecomunicaciones, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-qorti nazzjonali ma hijiex obbligata, skont id-Direttiva, li ma tapplikax il-klawżola inkwistjoni jekk il-konsumatur, wara li jkun informat minn dik il-qorti, ikollu l-intenzjoni li ma jinvokax in-natura inġusta u mhux vinkolanti ta’ tali klawżola (ara s-sentenza Pannon GSM, iċċitata iktar ’il fuq, punti 33 u 35).

28

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-effikaċja sħiħa tal-protezzjoni prevista mid-Direttiva teħtieġ li l-qorti nazzjonali li tkun ikkonstatat ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola għandha tkun tista’ tislet il-konsegwenzi kollha ta’ din il-konstatazzjoni, mingħajr ma tistenna li l-konsumatur, informat dwar id-drittijiet tiegħu, jippreżenta dikjarazzjoni fejn jitlob li din il-klawżola tiġi annullata.

29

Madankollu, fl-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali għandha tosserva wkoll ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni, protezzjoni li hija ggarantita mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fost dawn ir-rekwiżiti wieħed isib il-prinċipju ta’ kontradittorju, li jagħmel parti mid-drittijiet tad-difiża u li jorbot lill-qorti b’mod partikolari meta tiddeċiedi t-tilwima fuq il-bażi ta’ motiv imqajjem ex officio (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C-89/08 P, Ġabra p. I-11245, punti 50 u 54).

30

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, bħala regola ġenerali, il-prinċipju ta’ kontradittorju ma jagħtix biss lil kull parti f’kawża d-dritt li tkun taf bid-dokumenti u bl-osservazzjonijiet sottomessi quddiem il-qorti mill-avversarju tagħha, u li tiddiskutihom, iżda jimplika wkoll id-dritt tal-partijiet li jkunu jafu bil-motivi legali mqajma ex officio mill-qorti, li fuqhom din ikollha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha, u li jiddiskutuhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti marbuta mad-dritt għal smigħ xieraq, huwa fil-fatt meħtieġ li l-partijiet ikunu jafu u jkunu jistgħu jiddiskutu b’mod kontradittorju kemm il-punti ta’ fatt u kif ukoll il-punti ta’ liġi li jkunu deċiżivi għall-eżitu tal-proċedura (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 55 u 56).

31

Minn dan isegwi li, fl-eventwalità li l-qorti nazzjonali, wara li tkun stabbiliet, fuq il-bażi ta’ punti ta’ fatt u ta’ liġi li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, jew li jkunu ġew għall-għarfien tagħha wara l-miżuri istruttorji li hija tkun ħadet ex officio għal dan il-għan, li klawżola taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, tikkonstata, fi tmiem ta’ evalwazzjoni li hija tkun wettqet ex officio, li din il-klawżola għandha natura inġusta, din il-qorti hija, bħala regola ġenerali, obbligata li tinforma b’dan lill-partijiet fil-kawża u li tistedinhom sabiex jiddiskutuha b’mod kontradittorju skont il-formalitajiet previsti f’dan ir-rigward mir-regoli proċedurali nazzjonali.

32

Ir-regola nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-qorti li tkun irrilevat ex officio kawża ta’ nullità għandha tinforma b’dan lill-partijiet u għandha tagħtihom il-possibbiltà jagħmlu dikjarazzjoni dwar l-eventwali konstatazzjoni tal-assenza ta’ validità tar-relazzjoni legali kkonċernata, tissodisfa dan ir-rekwiżit.

33

Barra minn hekk, fl-eventwalità li tiġi rrilevata ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola, l-obbligu li l-partijiet jiġu informati u li jingħataw il-possibbiltà jesprimu ruħhom ma jistax jitqies li huwa, fih innifsu, inkompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività li jirregola l-implementazzjoni, mill-Istati Membri, tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fil-fatt, huwa paċifiku li dan il-prinċipju għandu jiġi applikat filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-prinċipji li fuqhom tkun ibbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-prinċipju ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, li jinkludi l-prinċipju ta’ kontradittorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Asturcom Telecomunicaciones, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li huwa filwaqt li tirrispetta l-prinċipju ta’ kontradittorju u mingħajr ma tippreġudika l-effettività tal-protezzjoni prevista mid-Direttiva favur il-konsumatur li l-qorti tar-rinviju għandha, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, tistieden kemm lill-istabbiliment finanzjarju rikorrent f’dik il-kawża u kemm lill-konsumatur li huwa l-konvenut fl-istess kawża sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-evalwazzjoni li hija għamlet fir-rigward tan-natura inġusta tal-klawżola kontenzjuża.

35

Din il-possibbiltà mogħtija lill-konsumatur sabiex jesprimi ruħu dwar dan il-punt tissodisfa wkoll l-obbligu tal-qorti nazzjonali, imfakkar fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, li tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, ir-rieda espressa mill-konsumatur meta, filwaqt li jkun konxju tan-natura mhux vinkolanti ta’ klawżola inġusta, jindika xorta waħda li huwa ma jaqbilx li din tiġi mwarrba, sabiex b’hekk jagħti l-kunsens liberu u informat tiegħu għall-klawżola inkwistjoni.

36

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domandi hija li l-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali li tkun ikkonstatat ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali ma hijiex obbligata, sabiex tkun tista’ tislet il-konsegwenzi ta’ din il-konstatazzjoni, li tistenna li l-konsumatur, informat dwar id-drittijiet tiegħu, jippreżenta dikjarazzjoni fejn jitlob li din il-klawżola tiġi annullata. Madankollu, bħala regola ġenerali, skont il-prinċipju ta’ kontradittorju, il-qorti li tkun ikkonstatat ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali hija obbligata tinforma b’dan lill-partijiet fil-kawża u għandha tagħtihom il-possibbiltà jiddiskutuha b’mod kontradittorju skont il-formalitajiet previsti f’dan ir-rigward mir-regoli proċedurali nazzjonali.

Fuq it-tielet domanda

37

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-Direttiva għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, meta teżamina klawżola inġusta, il-qorti nazzjonali tista’, jew inkella għandha, teżamina l-klawżoli kollha tal-kuntratt jew fis-sens li, għall-kuntrarju, din il-qorti għandha tillimita l-eżami tagħha għall-klawżoli li fuqhom tkun ibbażata t-talba li jkollha quddiemha.

38

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li mill-proċess jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, it-talba mressqa mill-Banif Plus Bank kontra l-konjuġi Csipai hija bbażata fuq il-klawżola 29 tal-kuntratt ta’ self konkluż minnhom u li d-determinazzjoni tan-natura inġusta jew le ta’ din il-klawżola hija determinanti għad-deċiżjoni li għandha tingħata dwar it-talba għall-pagament tad-diversi ħlasijiet mitluba mill-Banif Plus Bank.

39

Għaldaqstant, it-tielet domanda għandha tiġi interpretata fis-sens li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, meta tevalwa n-natura inġusta tal-klawżola li fuqha tkun ibbażata t-talba, hija tistax, jew inkella għandhiex, tieħu inkunsiderazzjoni klawżoli oħra tal-kuntratt.

40

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, klawżola għandha titqies li hija inġusta jekk, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, toħloq żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, għad-detriment tal-konsumatur. Skont l-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva, din l-evalwazzjoni għandha titwettaq billi ttieħed inkunsiderazzjoni n-natura tas-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt u billi jsir riferiment għaċ-ċirkustanzi kollha li fihom dan il-kuntratt ikun ġie konkluż, kif ukoll għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jkun jiddependi minnu.

41

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-qorti nazzjonali għandha, sabiex tevalwa n-natura eventwalment inġusta tal-klawżola kuntrattwali li tkun il-bażi tat-talba li jkollha quddiemha, tieħu inkunsiderazzjoni l-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt.

Fuq l-ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali li tkun ikkonstatat ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali ma hijiex obbligata, sabiex tkun tista’ tislet il-konsegwenzi ta’ din il-konstatazzjoni, li tistenna li l-konsumatur, informat dwar id-drittijiet tiegħu, jippreżenta dikjarazzjoni fejn jitlob li din il-klawżola tiġi annullata. Madankollu, bħala regola ġenerali, skont il-prinċipju ta’ kontradittorju, il-qorti li tkun ikkonstatat ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali hija obbligata tinforma b’dan lill-partijiet fil-kawża u għandha tagħtihom il-possibbiltà jiddiskutuha b’mod kontradittorju skont il-formalitajiet previsti f’dan ir-rigward mir-regoli proċedurali nazzjonali.

 

2)

Il-qorti nazzjonali għandha, sabiex tevalwa n-natura eventwalment inġusta tal-klawżola kuntrattwali li tkun il-bażi tat-talba li jkollha quddiemha, tieħu inkunsiderazzjoni l-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.