DIGRIET TAL-VIĊI-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA
19 ta’ Diċembru 2013 ( *1 )
“Appell — Digriet għal miżuri provviżorji — Valuri ta’ limitu għaċ-ċomb, il-barju, l-arseniku, l-antimonju, il-merkurju, in-nitrosammini u s-sustanzi nitrosatabbli fil-ġugarelli — Dispożizzjonijiet notifikati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jinżammu l-valuri ta’ limitu nazzjonali għal dawn is-sustanzi — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tapprova totalment dawn id-dispożizzjonijiet”
Fil-Kawża C‑426/13 P(R),
li għandha bħala suġġett appell skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentant fis-26 ta’ Lulju 2013,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Patakia u G. Wilms, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn A. Wiedmann, bħala aġent,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
IL-VIĊI-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,
wara li sema’ lill-ewwel Avukat Ġenerali, P. Cruz Villalón,
jagħti l-preżenti
Digriet
1 |
Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tad-Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Mejju 2013, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (T‑198/12 R, iktar ’il quddiem id-“digriet ikkontestat”), li permezz tiegħu, dan ħeġġieġa tawtorizza ż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jistabbilixxu valuri ta’ limitu għall-antimonju, l-arseniku, il-barju, iċ-ċomb u l-merkurju fil-ġugarelli (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet nazzjonali”) sakemm il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fuq il-mertu tar-rikors li kienet qegħda titratta u intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 1348 finali, tal-1 ta’ Marzu 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), fejn kienet qeda tiddeċiedi dwar iż-żamma ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali. |
2 |
Il-punt 2 tad-digriet ikkontestat jiddeskrivi d-deċiżjoni kkontestata hekk kif ġej: “Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni Ewropea laqgħet, fir-rigward tan-nitrosammini u tas-sustanzi nitrosatabbli, it-talba li l-Gvern Ġermaniż kien ressqilha skont l-Artikolu 114(4) TFUE sabiex jikseb l-approvazzjoni taż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu valuri ta’ limitu għall-metalli tqal imsemmija iktar ’il fuq. F’dak li jirrigwarda l-valuri ta’ limitu għaċ-ċomb, il-barju, l-arseniku, l-antimonju u l-merkurju – li jikkorrispondu għall-valuri li kienu ġew stabbiliti bid-Direttiva tal-Kunsill 88/378/KEE, tat-3 ta’ Mejju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward is-sigurtà tal-ġugarelli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 9, p. 240, iktar ’il quddiem id-‘Direttiva l-antika dwar il-ġugarelli’) – il-Kummissjoni, essenzjalment, ċaħdet it-talba tal-Gvern Ġermaniż u ddeċidiet li, fil-futur, kellhom japplikaw il-valuri ta’ limitu stabbiliti bid-Direttiva [2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 2009, dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (ĠU L 170, p. 1)] (iktar ’il quddiem id-‘Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli’).” |
Il-kuntest ġuridiku
3 |
Il-kuntest ġuridiku huwa ppreżentat hekk kif ġej fil-punti 3 sa 12 tad-digriet ikkontestat: “Id-dritt primarju
|
Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċeduri quddiem l-imħallef għal miżuri provviżorji
4 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew spjegati fil-punti 13 sa 15 tad-digriet ikkontestat hekk kif ġej:
|
5 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Mejju 2012, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat rikors bil-għan tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn, permezz tagħha, il-Kummissjoni, minn naħa, ċaħdet it-talba tagħha ta’ żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-valuri ta’ limitu għall-antimonju, għall-arseniku kif ukoll għall-merkurju u, min-naħa l-oħra, li laqgħet din it-talba biss sal-21 ta’ Lulju 2013 għall-barju u għaċ-ċomb. |
6 |
Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Frar 2013, l-imsemmi Stat Membru ppreżenta proċeduri għal miżuri provviżorji, li permezz tagħhom huwa talab, essenzjalment, lill-President tal-Qorti Ġenerali:
|
7 |
Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq it-talba għall-proċeduri għal miżuri provviżorji, ippreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni talbet lill-President tal-Qorti Ġenerali:
|
8 |
L-imsemmi Stat Membru rreplika l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni permezz ta’ nota tal-14 ta’ Marzu 2013. Din l-istituzzjoni ħadet pożizzjoni fuq dan permezz ta’ kontroreplika tas-27 ta’ Marzu 2013. |
Id-digriet ikkontestat
9 |
Il-President tal-Qorti Ġenerali fakkar, fil-punti 20 sa 23 tad-digriet ikkontestat, li l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’ jordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att ikkontestat u jippreskrivi miżuri provviżorji oħra jekk huwa stabbilit li l-għoti tagħhom huwa ġustifikat prima face bil-fatt u bil-liġi (fumus boni juris) u li huma urġenti f’dan is-sens li huwa neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tal-parti li titlobhom, li jkunu ppronunċati u jipproduċu l-effetti tagħhom anki qabel id-deċiżjoni fuq ir-rikors fuq il-mertu. Huwa sostna li l-imħallef għal miżuri provviżorji jipproċedi wkoll, jekk ikun il-każ, għall-ibbilanċjar tal-interessi involuti u li, fil-kuntest ta’ dan l-eżami ta’ dan kollu, din tal-aħħar għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u tibqa’ ħielsa li tiddetermina, fir-riward tal-partikolaritajiet ta’ dan il-każ, il-mod kif dawn il-kundizzjonijiet differenti għandhom jiġu vverifikati kif ukoll l-ordni ta’ dan l-eżami, peress li l-ebda dispożizzjoni legali ma timponi fuqha skema ta’ analiżi stabbilita minn qabel sabiex tevalwa n-neċessità li tiddieċiedi b’mod provviżorju. Billi kienet tikkunsidra li kienet tiddisponi mill-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tiddeċiedi fuq it-talba għall-proċeduri għal miżuri provviżorji, mingħajr ma jkun meħtieġ li jinstemgħu l-partijiet fl-osservazzjonijiet orali tagħhom, il-President tal-Qorti Ġenerali eżamina fl-ewwel lok l-ammissibbiltà ta’ din it-talba. |
10 |
Fil-punti 24 sa 39 tad-digriet ikkontestat, il-President tal-Qorti Ġenerali eżamina l-argument tal-Kummissjoni li skont dan it-talba għall-miżuri provviżorji kienet inammissibbli, peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kellhiex interess ġuridiku peress li hija fir-realtà kienet tfittex li tikseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni negattiva, talba li tkun inkonċepibbli fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji. |
11 |
Filwaqt li jirrikonoxxi li talba għall-proċeduri għal miżuri provviżorji li tfittex biss li tikseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni negattiva hija, bħala prinċipju, inammissibbli, billi s-sospensjoni mitluba ma tistax fiha nfisha tibdel is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent, il-President tal-Qorti Ġenerali sostna, fil-punt 28 tad-digriet ikkontestat, li, f’dan il-każ preċiż, ma kinitx is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att fis-sens tal-Artikolu 278 TFUE li kien fittex l-imsemmi Stat Membru, iżda pjuttost l-adozzjoni ta’ miżura provviżorja fis-sens tal-Artikolu 279 TFUE. Billi jibbaża ruħu b’mod partikolari fuq il-punt 41 tad-digriet tal-viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Marzu 2013, EDF vs Il-Kummissjoni (C‑551/12 P(R), huwa kkonstata li la l-Artikolu 279 TFUE, la l-Artikolu 104 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, u inqas u inqas l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma jippermettu li tali talba tiġi ddikjarata inammissibbli għas-sempliċi raġuni li r-rikors li miegħu hija marbuta jfittex li jikseb l-annullament ta’ deċiżjoni negattiva. |
12 |
Fil-punti 30 sa 38 tad-digriet ikkontestat, il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li l-modalitajiet ta’ dan il-każ jimmilitaw b’mod partikolari favur l-ammissibbiltà tal-miżura provviżorja mitluba mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Huwa sostna li din tal-aħħar setgħet, loġikament, titlob iż-żamma tal-valuri ta’ limitu stabbiliti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali wara l-20 ta’ Lulju 2013 biss permezz ta’ miżura provviżorja ordnata b’mod konformi mal-Artikolu 279 TFUE. Sa fejn il-Kummissjoni ssostni li l-miżura provviżorja mitluba thedded l-ekwilibriju istituzzjonali u teċċedi l-limiti ta’ kompetenza tal-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, il-President tal-Qorti Ġenerali sostna li, f’dak li jirrigwarda l-miżuri provviżorji, l-imħallef għal miżuri provviżorji għandu kompetenza li l-impatt tagħha fil-konfront tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kkonċernati jmur lil hinn mill-effetti li għandha sentenza ta’ annullament, bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri provviżorji japplikaw biss sakemm idumu għaddejjin il-proċeduri prinċipali, ma jiddeterminawx minn qabel id-deċiżjoni fuq il-mertu u ma jostakolawx l-effettività ta’ din tal-aħħar. Peress li kkunsidra li l-aħħar imsemmija kundizzjonijiet kienu seħħew f’din il-kawża, huwa kkunsidra li, f’kull każ, il-miżura provviżorja mfittxija baqgħu fil-limitu tal-miżuri li l-Kummissjoni tibqa’, fil-probabbiltà kollha, marbuta tadotta in eżekuzzjoni ta’ sentenza eventwali ta’ annullament. |
13 |
Fil-punt 39 tad-digriet ikkontestat, il-President tal-Qorti Ġenerali kkonkluda li t-talba għall-miżuri provviżorji kellha tiġi ddikjarata ammissibbli, iżda biss f’dak li jirrigwarda l-kap tat-talbiet ippreżentati sussidjarjament, peress li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 114(4) u (6) TFUE, il-Kummissjoni hija biss kompetenti sabiex tawtorizza t-talbiet taż-żamma indirizzati lilha mill-Istati Membri, b’mod li l-Imħallef għal miżuri provviżorji huwa, bħala prinċipju, awtorizzat biss li jħeġġeġ lill-istituzzjoni kkonċernata li tieħu miżuri partikolari jew li tastjeni milli tieħu dan. |
14 |
It-tieni lok, fil-punti 40 sa 67 tad-digriet ikkontestat, il-President tal-Qorti Ġenerali eżamina l-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris. Huwa sostna, l-ewwel nett, li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta meta mill-inqas motiv wieħed minn dawk invokati mir-rikorrent insostenn tar-rikors prinċipali jidher, prima facie, rilevanti u, fi kwalunkwe każ, mhux infondat. F’dan ir-rigward, huwa kkunsidra li huwa biżżejjed li dan il-motiv iqajjem kwistjonijiet kumplessi u delikati li, prima facie, ma jistgħux jiġu miċħuda bħala irrilevanti, iżda jeħtieġu eżami fid-dettall, li huwa rriżervat għall-qorti kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu, jew li mill-argumenti magħmula mill-partijiet jirriżulta li teżisti kontroversja legali sinjifikattiva li ma tkunx tista’ tiġi riżolta immedjatament. |
15 |
Fir-rigward tal-awtorizzazzjoni, mogħtija sal-21 ta’ Lulju 2013 tal-valuri ta’ limitu għaċ-ċomb u għall-barju, il-President tal-Qorti Ġenerali sostna, fil-punti 41 u 42 tad-digriet ikkontestat, li, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, id-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 114 TFUE sa fejn il-Kummissjoni mal-approvazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar dawn il-valuri ta’ limitu żiedet terminu li jiskadi l-iktar tard fil-21 ta’ Lulju 2013, b’mod li la l-kliem tal-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu u lanqas l-istruttura tagħha ma tippermetti lill-Kummissjoni li toħroġ deċiżjoni li tapprova ż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali b’restrizzjoni temporali. Huwa sostna wkoll, essenzjalment, fil-punti 43 u 44 tal-istess digriet li, skont il-Kummissjoni, l-awtorizzazzjoni taż-żamma fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali iktar stretti kienet tammonta għal deroga għall-miżuri ta’ armonizzazzjoni u li deher loġiku f’din il-kawża, li tiġi llimitata l-awtorizzazzjoni fiż-żmien, peress li din is-soluzzjoni iktar flessibbli kienet l-uniku mezz li jittieħed kont tal-preokkupazzjonijiet leġittimi tal-Istat Membru kkonċernat, billi jiġi ggarantit li xi regoli uniformi japplikaw f’kull ħin għall-ġugarelli mibjugħa fis-suq intern, li jostakolaw mill-inqas il-funzjonament ta’ dan. |
16 |
Il-President tal-Qorti Ġenerali sostna essenzjalment, fil-punti 45 u 46 tad-digriet ikkontestat, li l-Kummissjoni stess ikkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-valuri ta’ limitu stabbiliti fid-dispożizzjonijiet nazzjonali għaċ-ċomb u għall-barju kienu, minn naħa, iġġustifikati minn rekwiżiti importanti tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, peress li jipproteġu aħjar lil din tal-aħħar mill-valuri stabbiliti fid-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli u, min-naħa l-oħra, kompatibbli mas-suq intern, b’mod li kien hemm lok li jiġi ammess, “soġġetti għal limitu ta’ żmien”. Ġie dedott, fil-punt 47 tal-istess digriet, li l-Kummissjoni kienet ikkonfermat li l-kundizzjonijiet kollha ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 114(4) u (6) TFUE kienu ġew issodisfatti f’dak li jirrigwarda ċ-ċomb u l-barju u huwa żied, fil-punti 48 sa 50 tal-imsemmi digriet, li l-proċeduri ta’ reviżjoni tal-valuri stabbiliti mid-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli għal dawn is-sustanzi li kienu fis-seħħ ma kinux ċerti li japplikaw qabel il-21 ta’ Lulju 2013, data ta’ limitu stabbilita għaż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fid-deċiżjoni kkontestata. Il-President tal-Qorti Ġenerali b’hekk ikkonkluda, fil-punt 51 tad-digriet ikkontestat, li l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jpoġġu fid-dubju l-approvazzjoni limitata fiż-żmien tal-valuri ta’ limitu applikabbli għaċ-ċomb u għall-barju li għandhom karattru serju ħafna u jqajmu kwistjonijiet li, prima facie, jeħtieġu eżami approfondit, jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-mertu, b’mod li t-talba għall-proċeduri għal miżuri provviżorji tissodisfa l-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris. |
17 |
Fir-rigward taċ-ċaħda tat-talba għall-approvazzjoni tal-valuri ta’ limitu applikabbli għall-antimonju, għall-arseniku u għall-merkurju, il-President tal-Qorti Ġenerali sostna, fil-punt 53 tad-digriet ikkontestat, li, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, id-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 114(4) u (6) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni kkritikat lil dan l-Istat Membru li naqas milli jipprova li l-limiti ta’ migrazzjoni previsti fid-Direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli ma kinux joffru livell xieraq ta’ protezzjoni jew li probabbilment ikollhom effetti negattivi fuq is-saħħa. Huwa osserva li tali argumenti jikkonsistu f’li jsostnu li Stat Membru għandu jistabbilixxi biss li r-regoli nazzjonali tiegħu jiżguraw livell ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika iktar għoli minn dak previst mill-miżura ta’ armonizzazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li huma ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan. Huwa sostna, fil-punti 54 u 55 ta’ dan id-digriet, li l-imsemmi Stat Membru jikkunsidra li ssodisfa l-obbligi kollha tiegħu fil-qasam tal-prova, peress li wera, fuq il-bażi tal-kalkoli tiegħu, li l-valuri ta’ limitu, espressi f’dak li jirrigwarda l-bijodisponibbiltà previsti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali, li huma l-istess bħal dawk stabbiliti mid-direttiva l-antika dwar il-ġugarelli, huma inferjuri f’dak li jirrigwarda dawn it-tlett sustanzi u li huma b’hekk jipproteġu aħjar is-saħħa tal-bniedem milli l-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni li tirriżulta mid-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli, u dan indipendentement mill-konsistenza tal-materjal li jifforma l-ġugarell. |
18 |
Il-President tal-Qorti Ġenerali fakkar, fil-punti 56 sa 59 tad-digriet ikkontestat, l-argumenti tal-Kummissjoni li juru li, skont il-kalkoli ta’ din tal-aħħar, il-valuri ta’ migrazzjoni li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet nazzjonali huma nettament għola minn dawk tad-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli għall-materjali likwidi u niexfa, u huma iktar baxxi minn dawn l-aħħar imsemmija valuri biss għall-materjali li jkunu “nbarxu”, li, bħala prinċipju, huwa iktar diffiċli li jkunu disponibbli peress li l-ewwel iridu jkunu nbarxu. Huwa osserva li l-Kummissjoni tattribwixxi lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, essenzjalment, li naqset milli tikkalkola l-bijodisponibbiltà għal kull ġurnata milħuqa fil-prattika, għat-tliet tipi ta’ konsistenza tas-sustanzi li huma trattati separatament fid-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli, mill-applikazzjoni tal-valuri uniċi stabbiliti bid-direttiva l-antika tal-ġugarelli, b’mod li dan l-Istat Membru kkalkola tali bijodisponibbiltà għal kull jum għall-valuri ta’ migrazzjoni stabbiliti mid-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli u sussegwentement wettqet paragun bejn dawn il-bijodisponibbiltajiet differenti, li b’hekk jużaw rati ta’ bijodisponibbiltà li ma humiex komparabbli. |
19 |
Fil-punti 60 u 61 tad-digriet ikkontestat, il-President tal-Qorti Ġenerali sostna li l-kontroversja li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ressqet kontra l-Kummissjoni pproponiet valuri ta’ limitu “korretti” għall-antimonju, għall-arseniku u għall-merkurju preżenti fil-ġugarelli qajmet kwistjonijiet altament tekniċi, b’mod partikolari fil-livell tal-konverżjoni tal-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni u ta’ bijodisponibbiltà, peress li dan l-Istat Membru jikkontesta r-rilevanza tal-“valuri ta’ limitu ta’ bijodisponibbiltà li jistgħu jintlaħqu fil-prattika” kkunsidrati mill-Kummissjoni. Huwa osserva, fil-punt 62 tal-istess digriet li, l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-valuri stabbiliti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali huma, fir-rigward tal-materjal li jkun inbarax, iktar baxxi minn dawk li tistabbilixxi d-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli, iżda l-Kummissjoni ma spjegatx f’dan ir-rigward, ir-rilevanza tal-allegazzjoni tagħha li l-materjal li jkunu inbarax huwa iktar diffiċilment aċċessibbli għat-tfal, għaliex l-ewwel irid jinbarax. Huwa kkunsidra wkoll li, fil-punt 63 tad-digriet ikkontestat, il-Kummissjoni ma hijiex fondata li tikkritika l-metodu użat mill-imsemmi Stat Membru insostenn tal-argumenti tagħha b’mod li hija stess użathom matul 30 sena, inkluż fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex tawtorizza, b’mod provviżorju, il-valuri dwar il-barju u ċ-ċomb. |
20 |
Peress li kkonkludiet, fil-punt 65 tad-digriet ikkontestat, li l-argumenti esposti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward tar-rifjut ta’ approvazzjoni tal-valuri ta’ limitu applikabbli għall-antimonju, għall-arseniku u għall-merkurju jqajmu kwistjonijiet kumplessi, li, prima face, ma jistgħux jiġu mwarrba bħala irrilevanti, il-President tal-Qorti Ġenerali kkunsidra, fil-punt 66 tal-istess digriet, li ma hemm l-ebda raġuni li wieħed jissuponi, f’din il-kawża, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali huma inkompatibbli mas-suq intern f’dak li jirrigwarda l-antimonju, l-arseniku u l-merkurju. Huwa b’hekk iddeċieda, fil-punt 67 tad-digriet ikkontestat, li l-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris kienet ġiet issodisfatta f’dak li jirrigwarda r-rifjut ta’ approvazzjoni tal-valuri ta’ limitu applikabbli għall-antimonju, għall-arseniku u għall-merkurju. |
21 |
Fit-tielet lok, il-President tal-Qorti Ġenerali eżamina, fil-punti 68 sa 79 tad-digriet ikkontestat, il-kundizzjoni dwar l-urġenza. Huwa fakkar, fil-punt 68, li l-għan tal-proċeduri għal miżuri provviżorji huwa li tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni futura fil-mertu u li l-karattru urġenti ta’ talba għall-proċeduri għal miżuri provviżorji għandha tiġi evalwata fir-rigward tan-neċessità li hemm li tittieħed deċiżjoni provviżorjament sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli lill-parti li titlob il-miżura provviżorja, il-karattru prevedibbli li jseħħ dan id-dannu għandu jiġi muri minn din il-parti bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti. Fil-punti 69 u 70, huwa sostna li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinvoka li seħħ dannu li jaffettwa s-saħħa tat-trabi wara l-20 ta’ Lulju 2013, li tkun allegazzjoni gravi peress li s-saħħa hija, fiha nnifisha, valur partikolarment importanti u għaliex, ladarba jseħħ, dannu bħal dan huwa irriversibbli, il-ħsara għas-saħħa ma tistax tiġi eliminata retroattivament. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li, anki jekk il-valuri ta’ limitu tad-direttiva l-antika dwar il-ġugarelli jwasslu għal livell ta’ protezzjoni għola, dan ma jfissirx li l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli tikkawża danni gravi u irreparabbli sa mill-20 ta’ Lulju 2013. |
22 |
Fil-punti 71 sa 74 tad-digriet ikkontestat, il-President tal-Qorti Ġenerali kkunsidra li l-evalwazzjoni tal-probabbiltà li jseħħ dannu gravi u irreparabbli f’din il-kawża, li tirriżulta allegatament mir-riskji li jaffettwaw is-saħħa tal-bniedem, għandha titwettaq fir-rigward tal-prinċipju tal-prekawzjoni, u huwa kkunsidra li l-eżistenza ta’ fumus boni juris huwa rilevanti għal din l-evalwazzjoni fil-kuntest tal-kawża preżenti. Fir-rigward tal-valuri applikabbli għall-barju u għaċ-ċomb, huwa sostna, fil-punt 75 tal-istess digriet, li, skont il-Kummissjoni stess, id-dispożizzjonijiet nazzjonali kienu ġustifikati minn rekwiżiti tal-protezzjoni tas-saħħa, peress li huma joffru livell għola ta’ protezzjoni f’dan ir-rigward minn dak ipprovdut mid-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli. Huwa osserva, fil-punti 76 u 77 tal-imsemmi digriet, li r-rifjut tal-benefiċċju tal-għola livell ta’ protezzjoni, f’dak li jirrigwarda l-esponiment tat-tfal għall-metalli tqal, għandu jkun ikkunsidrat bħala li jwassal għal dannu gravi u irreparabbli, u ġie espliċitament miċħud l-argument li skont dan, id-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli tħares livell ta’ protezzjoni suffiċjenti, argument bħal dan ikun invokat b’mod mhux xieraq fir-rigward tar-“rinazzjonalizzazzjoni” tal-politika tas-saħħa, liema prinċipju huwa rikonoxxut fl-Artikolu 114(4) TFUE. |
23 |
Fir-rigward tal-valuri applikabbli għall-antimonju, għall-arseniku u għall-merkurju, il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda, fil-punt 78 tad-digriet ikkontestat, li xejn ma kien jeskludi li jiġi konkluż li wara eżami approfondit, l-imħallef jirrispondi d-domandi kumplessi li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja qajmet fis-sens li d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-antimonju, għall-arseniku u għall-merkurju jiżguraw, f’dak li jirrigwarda dawn is-sustanzi, livell ta’ protezzjoni għola minn dak li d-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli kkreat, b’mod li t-tfal ikunu esposti għal riskji ta’ danni gravi u irreparabbli għas-saħħa tagħhom jekk dan il-livell ta’ protezzjoni jkun irrifjutat lilhom. Huwa b’hekk ikkonkluda, fil-punt 79 tal-istess digriet, li dan l-Istat Membru kien wera li l-kundizzjoni dwar l-urġenza kienet ġiet issodisfatta f’din il-kawża. |
24 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ibbilanċjar tal-interessi, il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda, fil-punti 80 sa 83 tad-digriet ikkontestat, li l-interess tal-Kummissjoni li tiġi miċħuda t-talba għal miżuri provviżorji sabiex tiġi protetta l-koerenza fis-suq intern għandu jċedi quddiem l-interess tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tiġi awtorizzata iż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali sabiex tiġi żgurata l-aħjar protezzjoni possibbli tas-saħħa tat-tfal, u speċjalment peress li l-miżura provviżorja mqajma żżomm biss sitwazzjoni ġuridika li ilha għaddejja mill-1988, peress li din iż-żamma ġiet awtorizzata biss għal perijodu limitat. |
25 |
Huwa fuq il-bażi ta’ dawn il-motivi kollha li l-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda jagħti l-miżura provviżorja mitluba sussidjarjament mill-imsemmi Stat Membru. F’dan ir-rigward, il-punt 1 tad-dispożittiv tad-digriet ikkontestat jipprovdi kif ġej: “Il-Kummissjoni Ewropea għandha tawtorizza ż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jistabbilixxu valuri ta’ limitu għall-antimonju, l-arseniku, il-barju, iċ-ċomb u l-merkurju fil-ġugarelli sakemm il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi r-rikors prinċipali.” |
It-talbiet tal-partijiet
26 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
sussidjarjament,
|
27 |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l-appell
28 |
Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni invokat ħames aggravji, li huma bbażati rispettivament:
|
29 |
L-ewwel u r-raba’ aggravji għandhom jiġu eżaminati flimkien. |
Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta ’ liġi dwar l-oneru tal-prova, u r-raba ’ aggravju, ibbażat fuq inkoerenza tal-motivi tad-digriet ikkontestat
L-argumenti tal-partijiet
30 |
Permezz tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-President tal-Qorti Ġenerali injora l-oneru tal-prova li jaqa’ fuq l-Istat Membru li, bis-saħħa tal-Artikolu 114(4) TFUE, jitlob l-awtorizzazzjoni li jżomm dispożizzjoni li tidderoga lil direttiva ta’ armonizzazzjoni, peress li dan l-Istat għandu jistabbilixxi li din id-dispożizzjoni tiggarantixxi protezzjoni tas-saħħa aħjar minn dik mogħtija mid-dispożizzjonijiet ta’ tali direttiva. F’din il-kawża, dan it-tqassim tal-oneru tal-prova huwa iktar meħtieġ peress li l-valuri tad-direttiva l-antika dwar il-ġugarelli ġew sostitwiti mill-valuri tad-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli, il-leġiżlatur tal-Unjoni jkun iddeċieda, b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti u b’mod konformi mal-obbligu li jaqa’ fuqu bis-saħħa tal-Artikolu 114(3) TFUE, li jieħu bħala bażi livell ta’ protezzjoni għoli b’kunsiderazzjoni b’mod partikolari ta’ kull żvilupp ibbażat fuq fatti xjentifiċi, li jiġu sostitwiti permezz ta’ valuri ġodda, il-valuri l-antiki li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tixtieq iżżomm. |
31 |
Il-Kummissjoni ssostni li, fid-digriet ikkontestat, il-President tal-Qorti Ġenerali ma kkunsidrax id-dettalji tal-proċeduri previsti fl-Artikolu 114(4) TFUE, b’mod partikolari fejn sostna, fil-kuntest tal-analiżi tiegħu fumus boni juris u, b’mod partikolari, fil-punti 61 u 64 tal-istess digriet, li l-motivi ta’ annullament mqajma mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja quddiem il-Qorti Ġenerali ma kinux irrilevanti “prima face”. Bl-istess mod, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-urġenza f’dak li jirrigwarda l-antimonju, l-arseniku u l-merkurju, l-Imħallef għal miżuri provviżorji kkunsidra, fil-punti 78 u 79 tal-istess digriet, il-fatt li “xejn ma [jippermetti li tiġi eskluża]” l-konklużjoni li skont din id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprovdu livell aħjar tal-protezzjoni tas-saħħa suffiċjenti sabiex il-miżura mfittxija tkun konċessa. Din l-inverżjoni żbaljata tal-oneru tal-prova tirriżulta b’mod ċar b’mod partikolari tal-punt 76 tal-imsemmi digriet, li fih il-President tal-Qorti Ġenerali jirreferi għal “rinazzjonalizzazzjoni” tal-politika tas-saħħa bis-saħħa tal-Artikolu 114(4) TFUE. Dan l-iżball ta’ liġi jkollu konsegwenzi għall-evalwazzjoni tal-fumus boni juris, tal-urġenza kif ukoll tal-ibbilanċjar tal-interessi u hija kienet ukoll twassal lill-Imħallef għal miżuri provviżorji sabiex ma jikkunsidrax il-limiti ta’ setgħa ta’ kontroll ta’ dan tal-aħħar. |
32 |
Fir-rigward tal-fumus boni juris, il-Kummissjoni ssostni li, fid-digriet ikkontestat, il-President tal-Qorti Ġenerali injora r-relazzjoni speċifika eżistenti bejn ir-regola u d-deroga li hija inerenti għall-proċeduri previsti fl-Artikolu 114(4) TFUE billi tapplika għal din l-istess regoli li jirrigwardaw l-oneru tal-prova bħal dawk applikabbli f’kuntesti oħra, b’mod partikolari fil-qasam tal-kompetizzjoni. Is-soluzzjoni b’hekk użata mill-imħallef għal miżuri provviżorji tobbliga lill-Kummissjoni tadotta valuri ġodda billi tibbaża ruħha konxjament fuq miżuri oħra milli l-għarfien xjentifiku l-iktar riċenti u tippreġudika l-ekwilibriju istituzzjonali bejn din tal-aħħar u l-leġiżlatur tal-Unjoni. |
33 |
Fir-rigward tal-urġenza, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali jiżguraw livell aħjar ta’ protezzjoni milli d-dispożizzjonijiet tad-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli, ħaġa li hija kkontestata mill-Kummissjoni, din issostni li l-kwistjoni hija li jiġi stabbilit b’liema mod dawn tal-aħħar mhux biss jipprovdu livell ta’ protezzjoni inferjuri għal dak mogħti minn tali dispożizzjonijiet, iżda wkoll jipperikolaw is-saħħa tat-tfal b’mod gravi u irreparabbli. Hija ssostni li, skont il-ġurisprudenza, hija l-parti li titlob l-adozzjoni ta’ miżura provviżorja li għandha turi li hija ma tistax tistenna l-eżitu tal-proċeduri fuq il-mertu mingħajr ma tissubixxi dannu gravi u irreparabbli. Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet ammettiet speċifikament, f’ittra indirizzata lill-Kummissjoni tat-2 ta’ Marzu 2011, li tesponi l-motivi tat-talba tagħha għal deroga mressqa fit-18 ta’ Jannar 2011 (iktar ’il quddiem l-“ittra tat-2 ta’ Marzu 2011”), li l-valuri stabbiliti mid-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli għall-antimonju u għall-merkurju ma jaqbżux il-kwantità ta’ kull jum ta’ assorbiment totali tolerabbli, li ġiet ukoll ikkonfermata mill-avviż tat-12 ta’ Jannar 2011 tal-Istitut Federali Ġermaniż għall-evalwazzjoni tar-riskji. |
34 |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li hija għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjonijiet xjentifiċi kumplessi u ssostni li l-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq f’din il-kawża jeċċedi dan il-qafas bil-kbir. Skont din, il-President tal-Qorti Ġenerali eċċeda l-limiti tas-setgħat bħala Imħallef għal miżuri provviżorji, meta kkunsidra, b’mod impliċitu, li d-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli hija, inparti, illegali. |
35 |
Fil-kuntest tar-raba’ aggravju tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tattribwixxi lill-Imħallef għal miżuri provviżorji l-fatt li d-digriet ikkontestat ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn materjali differenti li jagħmlu l-ġugarelli. Hija ssostni li, anki jekk l-argumenti tal-President tal-Qorti Ġenerali jkunu korretti, l-imsemmi digriet kellu jilqa’ biss it-talba taż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għall-materjal li jkun inbarax, peress li, hekk kif diġà wriet, id-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli kienet ħafna iktar stretta f’dak li jirrigwarda l-materjali likwidi u nixfien. |
36 |
Mingħajr ma tieħu ebda kunsiderazzjoni ta’ din id-dimostrazzjoni, ibbażata fuq l-għarfien xjentifiku l-iktar riċenti, b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 114(3) TFUE, id-digriet ikkontestat jobbliga lill-Kummissjoni tawtorizza, f’dak li jirrigwarda l-antimonju, l-arseniku, iċ-ċomb u l-merkurju, fil-materjali likwidi u nixfien li jiffurmaw il-ġugarelli, valuri ta’ limitu li jipproteġu nettament inqas aħjar is-saħħa tat-tfal minn dawk previsti mid-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli. |
37 |
Fir-rigward tal-materjal li jkun inbarax, ċertament il-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni li jirriżultaw mill-valuri ta’ limitu tal-bijodisponibbiltà stabbiliti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali jkunu inferjuri għal dawk tad-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli, iżda, fir-rigward tal-għarfien xjentifiku l-iktar riċenti, iż-żamma ta’ dawn il-valuri nazzjonali ma jkunx neċessarju, peress li s-saħħa tat-tfal tkun protetta b’mod daqstant effettiv mill-valuri ġodda, hekk kif ġie rikonoxxut mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja stess, fl-ittra tagħha tat-2 ta’ Marzu 2011, fir-rigward tal-antimonju u tal-merkurju. Sussidjarjament, il-Kummissjoni tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ fejn dan l-argument ma jkunx ikkunsidrat li jannulla d-digriet ikkontestat biss għall-materjali likwidi u nixfien. |
38 |
Bħala risposta għall-ewwel aggravju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, preliminarjament, li dan l-aggravju huwa inammissibbli peress li l-Kummissjoni tpoġġi fid-dubju, fir-realtà, evalwazzjonijiet fattwali mwettqa mill-President tal-Qorti Ġenerali. F’kull każ, dan tal-aħħar bl-ebda mod ma jkun inverta l-oneru tal-prova, iżda jkun illimita ruħu li jikkunsidra li l-argumenti mressqa minn dan l-Istat Membru insostenn tat-talba tagħha għall-proċeduri għal miżuri provviżorji kienu plawżibbli u koerenti. B’hekk, id-digriet ikkontestat ma jippreġudikax id-deċiżjoni li tintervjeni fuq il-mertu tal-kawża. Sa fejn il-Kummissjoni tpoġġi fid-dubju l-kompetenzi tal-Imħallef għal miżuri provviżorji sabiex tadotta miżura provviżorja bħal dik ordnata fil-punt 1 tad-dispożittiv tal-istess digriet, l-imsemmi Stat Membru jsostni li hija kull ma tagħmel huwa li tirrepeti argumenti diġà mqajma fl-ewwel istanza u li, għal din ir-raġuni wkoll, din il-parti tal-argumenti tagħha għandhom ikunu miċħuda bħala inammissibbli. |
39 |
Fir-rigward tar-raba’ aggravju tal-appell, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinvoka mill-ġdid l-inammissibbiltà tal-argumenti invokati mill-Kummissjoni insostenn ta’ dan l-aggravju peress li din tal-aħħar tpoġġi fid-dubju, fir-realtà, evalwazzjonijiet fattwali mwettqa mill-President tal-Qorti Ġenerali. Għall-kumplament, hija ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żbalji fil-metodu użat għall-finijiet tal-kalkolu tagħha, b’mod partikolari sa fejn hija użat għal dan il-għan il-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni stabbiliti fir-regola EN 71‑3. Dawn l-iżbalji wassluha twettaq paragun mhux preċiż bejn il-livell tal-protezzjoni tas-saħħa mogħtija mid-dispożizzjonijiet nazzjonali u dak iggarantit mid-dispożizzjonijiet tad-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
40 |
L-Artikolu 104(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw “is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jitolbu l-urġenza kif ukoll ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja li tiġi mitluba”. Għalhekk, is-sospensjoni għall-eżekuzzjoni ta’ miżuri provviżorji oħra tista’ tiġi deċiża mill-imħallef għal miżuri provviżorji jekk jiġi stabbilit li l-implementazzjoni hija prima facie ġġustifikata fil-fatt u fil-liġi (fumus boni juris) u jekk huma urġenti fis-sens li huwa neċessarju, sabiex jiġi evitat preġudizzju gravi u irreparabbli għall-interessi tal-parti li tkun issollevatha, li tiġi deċiża u tkun tipproduċi l-effetti tagħha sa minn qabel id-deċiżjoni fuq ir-rikors fuq il-mertu. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’mod li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jiġu miċħuda meta waħda minnhom tkun nieqsa [digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 1996, SCK u FNK vs Il-Kummissjoni, C-268/96 P(R), Ġabra p. I-4971, punt 30]. Jekk ikun il-każ, l-imħallef għal miżuri provviżorji għandu jibbilanċja wkoll l-interessi involuti (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 2001, L-Awstrija vs Il-Kunsill, C-445/00 R, Ġabra p. I-1461, punt 73). |
– Fuq il-fumus boni juris
41 |
Għandu jitfakkar l-ewwel nett, li l-kundizzjoni tal-fumus boni juris ġiet issodisfatta peress li teżisti, fl-istadju tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, kontroversja importanti fejn is-soluzzjoni ma hijiex mal-ewwel evidenti, b’mod li, prima face, ir-rikors ma huwiex nieqes minn bażi serju (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ġunju 1989, Publishers Association vs Il-Kummissjoni, 56/89 R, Ġabra p. 1693, punt 31, u tat-8 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Artegodan et, C-39/03 P-R, Ġabra p. I-4485, punt 40). Fil-fatt, peress li l-għan tal-proċeduri għal miżuri provviżorji huwa li tiġi mħarsa l-effikaċità sħiħa tad-deċiżjoni definittiva sabiex iseħħ, bil-għan li tiġi evitata lakuna fil-protezzjoni ġuridika mwettqa mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jillimita ruħu li jevalwa “prima face” il-fondatezza tal-motivi mressqa fil-kuntrast tal-kawża fuq il-mertu sabiex jiġi stabbilit jekk teżistix probabbiltà ta’ suċċess ta’ rikors suffiċjentement kbir. |
42 |
Sa fejn il-Kummissjoni ssostni, f’din il-kawża, li l-President tal-Qorti Ġenerali injora l-oneru tal-prova li jaqa’ fuq l-Istat Membru li jitlob, fuq il-bażi tal-Artikolu 114(4) TFUE, il-possibbiltà li tinżamm dispożizzjoni li tidderoga direttiva ta’ armonizzazzjoni, din tal-aħħar għandha tistabbilixxi, skont din, li din id-dispożizzjoni tiggarantixxi protezzjoni tas-saħħa aħjar mid-dispożizzjonijiet tad-direttiva ta’ armonizzazzjoni inkwistjoni, huwa ċar li din tinterpreta ħażin in-natura tal-evalwazzjoni li għandha titwettaq mill-Imħallef għal miżuri provviżorji, ikun xi jkun il-qasam inkwistjoni fil-kawża li qed titratta l-Qorti Ġenerali. |
43 |
Ċertament, il-kuntest speċifiku tal-proċeduri previst fl-Artikolu 114(4) TFUE, u b’mod partikolari l-fatt li huwa l-Istat Membru li għandu juri li d-deroga li huwa jfittex għad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva ta’ armonizzazzjoni hija ġġustifikata, kif ukoll il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni f’dan ir-rigward, huma rilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-fumus boni juris. Madankollu, din ir-rilevanza tfisser biss li l-Imħallef għal miżuri provviżorji, meta jivverifika jekk l-Istat Membru li jfittex l-adozzjoni ta’ miżura provviżorja ppreżenta motivi li jistgħu, prima face, jistabbilixxu l-eżistenza ta’ illegalità mwettqa mill-Kummissjoni u, għalhekk, dik ta’ fumus boni juris, għandha tikkunsidra l-fatt li huwa l-Istat Membru li għandu jistabbilixxi, fl-istadju tal-proċeduri amministrattivi, li l-kundizzjonijiet għall-għoti tad-deroga mfittxija jiġu ssodisfatti. Din ir-rilevanza ma tfissirx, min-naħa l-oħra, li l-Istat Membru jkun marbut li jistabbilixxi b’mod definittiv, fl-istadju tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, li dawn l-istess kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti. Fil-fatt, jekk l-imħallef għal miżuri provviżorji għandu jieħu pożizzjoni fuq din l-aħħar imsemmija kwistjoni, huwa neċessarjament jiddeċiedi fuq aspett tal-fondatezza tar-rikors fuq il-mertu ppreżentat mill-Istat Membru kkonċernat u jeċċedi, b’hekk, il-limiti tal-kompetenzi proprji tiegħu. |
44 |
B’hekk jirriżulta li l-President tal-Qorti Ġenerali ma wettaq l-ebda żball ta’ liġi u, b’mod partikolari, ma wettaq l-ebda inverżjoni tal-oneru tal-prova billi ddeċieda fid-digriet ikkontestat, b’mod partikolari fil-punti 61 u 65 tiegħu, li l-motivi ta’ annullament imqajma mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja quddiem il-Qorti Ġenerali ma kinux “prima face” irrilevanti. |
45 |
Fir-rigward tal-argumenti tal-Kummissjoni li skont dawn id-digriet ikkontestat iġegħla tadotta dispożizzjonijiet ġodda billi tibbaża ruħha fuq informazzjoni oħra minbarra l-konoxxenzi xjentifiċi l-iktar riċenti u, għalhekk, tikser l-obbligu li jaqa’ fuqha bis-saħħa tal-Artikolu 114(3) TFUE, li skont din hija “tieħu bħala bażi protezzjoni fl-għola livell, waqt li tieħu kont partikolarment ta’ kull żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi”, għandu jingħad li l-President tal-Qorti Ġenerali kkunsidra , fil-punti 41 sa 52 tad-digriet ikkontestat f’dak li jirrigwarda ċ-ċomb u l-barju u fil-punti 53 sa 67 f’dak li jirrigwarda l-antimonju, l-arseniku u l-merkurju, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet ippreżentat argumenti li kienu jistgħu juru li l-motivi tagħha fuq il-mertu, bil-għan li jiġi sostnut l-argument kuntrarju għal dak sostnut mill-Kummissjoni, ma kinux infondati. Fil-kuntest tal-appell preżenti dwar proċeduri għal miżuri provviżorji, ikun attribwit biss lill-Imħallef għal miżuri provviżorji li kiser l-imsemmija dispożizzjoni jekk ikun stabbilit mill-parti li tallega dan li din il-konklużjoni tidher manifestament mhux eżatta. |
46 |
Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan ir-rigward, hekk kif ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sostniet fid-dettall fir-risposta tagħha għall-appell, l-argumenti tagħha fuq il-mertu huma bbażati, essenzjalment, fuq il-karattru allegatament iktar protettiv, f’dak li jirrigwarda s-saħħa tat-tfal, tal-valuri ta’ limitu tal-bijodisponibbiltà stabbiliti fid-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħha minn dawk miksuba sa mill-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni stabbiliti bid-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli. |
47 |
L-imsemmi Stat Membru jsostni, b’mod partikolari, li, jekk il-valuri ta’ limitu ta’ bijodisponibbiltà f’mikrogrammi tas-sustanza noċiva assorbiti għal kull jum, jiġifieri d-dożi ta’ kull jum ta’ assorbiment tolerabbli, stabbiliti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali, huma identiċi għal dawk stabbiliti mid-direttiva l-antika tal-ġugarelli, il-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni għall-materjali li jiffurmaw il-ġugarelli, li r-regola EN 71‑3 ġiet dedotta minn din tal-aħħar, ma ġewx trasposti f’dawn id-dispożizzjonijiet. B’hekk, skont dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni għawġet il-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali billi użat il-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni stabbiliti mir-regola EN 71‑3 sabiex tikkalkola valuri ta’ limitu tal-bijodisponibbiltà li hija kien ikollha sussegwentement tattribwixxi lid-dispożizzjonijiet nazzjonali għall-finijiet sabiex tikkompara dawn tal-aħħar mal-valuri ta’ limitu ta’ bijodisponibbiltà kkalkolati sa minn valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni stabbiliti mid-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli, għat-tliet tipi ta’ materjali definiti hemmhekk. |
48 |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-valuri ta’ limitu ta’ bijodisponibbiltà hekk kif stabbiliti, li l-Kummissjoni attribwiet lid-dispożizzjonijiet nazzjonali għall-finijiet tal-paragun tagħha, huma iktar għolja mill-valuri ta’ limitu tal-bijodisponibbiltà realment stabbiliti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali stess. Wara l-paragun imwettaq minn dan l-Istat Membru bejn, minn naħa, il-valuri ta’ limitu ta’ bijodisponibbiltà stabbiliti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali u, min-naħa l-oħra, dawk miksuba sa mill-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni stabbiliti mid-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli, id-dispożizzjonijiet nazzjonali joffru livell ta’ protezzjoni iktar għolja minn dak mogħti minn din id-direttiva, fejn din tipprovdi doża ta’ kull jum ta’ assorbiment tolerabbli iktar għolja minn dik għas-sustanzi kollha użati, u dan fil-materjali, li jkunu nbarxu, niexfin u likwidi. |
49 |
B’hekk, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-metodu użat mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-kalkoli tagħha tal-valuri ta’ limitu huwa żbaljat, li wassluha twettaq paragun mhux preċiż bejn il-livell tal-protezzjoni tas-saħħa mogħtija mid-dispożizzjonijiet nazzjonali u dak iggarantit mid-dispożizzjonijiet tad-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli. |
50 |
Mingħajr ma jkun hemm lok li tippronunċa ruħha fuq il-fondatezza tal-argumenti mressqa fuq il-mertu mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u lanqas fuq l-argumenti kuntrarji tal-Kummissjoni, kompitu li jaqa’ taħt il-kompetenza biss tal-qorti fuq il-mertu, għandu jingħad li l-argumenti ta’ dan l-Istat Membru huma suffiċjentement plawżibbli sabiex jippermetti li jiġi konkluż, fil-kuntest tal-appell preżenti, li l-President tal-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda ksur tal-Artikolu 114(3) TFUE, sabiex tasal għall-konklużjoni, fil-punt 51 tad-digriet ikkontestat, f’dak li jirrigwarda ċ-ċomb u l-barju, kif ukoll fil-punt 65, fir-rigward tal-antimonju, tal-arseniku u tal-merkurju, li skont dawn il-motivi mqajma mill-imsemmi Stat Membru quddiem il-Qorti Ġenerali ma kinux “prima face” irrilevanti. Minn dak li ssemma iktar ’il fuq jirriżulta wkoll li l-istess digriet ma huwiex ivvizzjat b’inkoerenza, fis-sens li tintendi l-Kummissjoni fit-titolu tar-raba’ aggravju tagħha, minħabba l-fatt li l-President tal-Qorti Ġenerali wasal għal dawn il-konklużjonijiet minkejja l-argumenti fis-sens kuntrarju invokati mill-Kummissjoni. Suġġett għall-fondatezza tal-evalwazzjoni tiegħu tal-urġenza u tal-ibbilanċjar tal-interessi, ma eċċediex il-limiti tal-kompetenzi tiegħu, bħala imħallef għal miżuri provviżorji, u lanqas kiser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 114 TFUE, billi joħroġ il-konsegwenzi ta’ tali konklużjonijiet fir-rigward tal-fumus boni juris u b’hekk jordna, b’mod provviżorju biss, lill-Kummissjoni li tawtorizza ż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali. |
– Fuq l-urġenza u l-ibbilanċjar tal-interessi
51 |
Sa fejn il-Kummissjoni tattribwixxi lill-President tal-Qorti Ġenerali, f’dak li jirrigwarda l-antimonju, l-arseniku u l-merkurju, li inverta l-oneru tal-prova minħabba l-fatt li huwa kkunsidra, fil-punti 78 u 79 tad-digriet ikkontestat, li “xejn ma [jippermetti li tiġi eskluża]” l-konklużjoni li skont din id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprovdu livell aħjar tal-protezzjoni tas-saħħa minn dak mogħti mid-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli, għandu jitfakkar mill-bidu li, il-President tal-Qorti Ġenerali għandu loġikament japplika għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu gravi u irreparabbli, li l-motivi ppreżentati fuq il-mertu mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jkunu suġġetti li jintlaqgħu [ara, b’analoġija, id-digriet tal-viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2013, Il-Kummissjoni vs Pilkington Group, C‑278/13 P(R), punt 38]. |
52 |
Fil-fatt, id-dannu gravi u irreparabbli li probabbilment iseħħ għandu jiġi stabbilit u dak li jirriżulta, jekk ikun il-każ, mir-rifjut li tingħata miżura provviżorja mfittxija fil-każ fejn ir-rikors fuq il-mertu jwassal sussegwentement u b’hekk għandu jiġi evalwat sa minn din il-premessa, mingħajr ma dan jimplika xi pożizzjoni mill-Imħallef għal miżuri provviżorji fir-rigward tal-motivi fuq il-mertu. B’hekk, l-argumenti invokati mill-Kummissjoni bbażati fuq l-oneru tal-prova li jaqa’ fuqha, fl-istadju tal-proċeduri amministrattivi, għall-Istat Membru li jfittex deroga għal direttiva ta’ armonizzazzjoni skont l-Artikolu 114(4) TFUE, ma jpoġġix fid-dubju l-evalwazzjoni mill-imħallef għal miżuri provviżorji tal-kundizzjoni bil-għan tal-urġenza. Fir-rigward tal-argument iktar speċifiku dwar il-fatt li l-President tal-Qorti Ġenerali rrefera, fil-punt 76 tad-digriet ikkontestat, għal “rinazzjonalizzazzjoni” tal-politika tas-saħħa, liema prinċipju jkun rikonoxxut fl-Artikolu 114(4) TFUE, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija iktar ’il fuq, dan l-ilment ma jaffettwax l-imsemmija evalwazzjoni, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tittieħed pożizzjoni fuq ir-rilevanza ta’ din il-klassifikazzjoni tal-proċeduri previsti f’din id-dispożizzjoni. |
53 |
Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li skont dan, anki jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali jipprovdu livell għola ta’ protezzjoni minn dak tad-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli, jeħtieġ ukoll li dawn tal-aħħar jipperikolaw is-saħħa tat-tfal b’mod gravi u irreparabbli, għandu jiġi osservat li l-President tal-Qorti Ġenerali ġustament sostna, fil-punti 71 sa 73 tad-digriet ikkontestat, ir-rilevanza tal-prinċipju ta’ prekawzjoni fil-kuntest preżenti. |
54 |
Skont dan il-prinċipju, meta jkun hemm inċertezzi fir-rigward tal-eżistenza jew tal-portata tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu, taħt dan il-prinċipju, jieħdu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jkollhom għalfejn jistennew li r-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji jiġu ppruvati b’mod eżawrjenti (sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1998, National Union Farmers’ et, C-157/96, Ġabra p. I-2211, punt 63, kif ukoll tat-12 ta’ Jannar 2006, Agrarproduktion Staebelow, C-504/04, Ġabra p. I-679, punt 39). B’hekk jirriżulta li l-Imħallef għal miżuri provviżorji ma wettaq l-ebda żball ta’ liġi f’din il-kawża meta kkunsidra, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tiegħu tal-probabbiltà li jseħħ dannu gravi u irreparabbli, u suġġett tal-ibbilanċjar tal-interessi, li l-applikazzjoni, anki provviżorja, tal-valuri li jistgħu jkunu mhux l-iktar effettivi għall-finijiet tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u, b’mod iktar partikolari, dik tat-tfal, suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit, b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti, li fil-futur iseħħ dannu gravi u irreparabbli. |
55 |
Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li skont dan, il-gvern Ġermaniż kien ammetta speċifikament, f’ittra tiegħu tat-2 ta’ Marzu 2011, li l-valuri stabbiliti mid-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli għall-antimonju u għall-merkurju ma jaqbżux il-kwantità ta’ kull jum ta’ assorbiment totali tolerabbli, li ġie ukoll ikkonfermat mill-avviż tat-12 ta’ Jannar 2011 tal-Istitut Federali Ġermaniż għall-evalwazzjoni tar-riskji, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni b’hekk qajmet kwistjoni ta’ evalwazzjoni tal-fatti li l-President tal-Qorti Ġenerali ma eżaminax speċifikament fid-digriet ikkontestat, mingħajr madankollu ma allega żnaturament tal-fatti f’dan ir-rigward. |
56 |
Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikoli 256 TFUE u 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li japplikaw ukoll għall-appelli mressqa b’mod konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57 tal-istess Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell huwa limitat għall-kwistjonijiet ta’ liġi, bl-esklużjoni tal-evalwazzjoni tal-fatti. B’hekk, il-Qorti Ġenerali hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni minn naħa, sabiex tikkonstata l-fatti, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, bl-eċċezzjoni tad-distorsjoni tal-elementi ta’ prova li jitressqu quddiemha, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ appell [ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Lulju 2003, Linea GIG vs Il-Kummissjoni, C-233/03 P(R), Ġabra p. I-7911, punti 34 sa 36]. |
57 |
F’kull każ, għandu jingħad li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja esponiet, kemm quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji preżenti, ir-raġunijiet li għalihom hija tikkunsidra li l-probabbiltà li jseħħ dannu gravi u irreparabbli hija stabbilita f’din il-kawża, u dak għal dak li jirrigwarda l-ħames sustanzi inkwistjoni. Hija kkunsidrat b’mod partikolari li s-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari dik tat-tfal, hija, fiha nfisha, valur partikolarment importanti. Fil-fatt, indipendentement mill-elementi u l-argumenti li dan l-Istat Membru invoka fl-istadju tal-proċeduri amministrattivi, għandu jingħad li, b’mod konformi ma’ dak li ġie deċiż fil-punt 54 tad-digriet preżenti, il-President tal-Qorti Ġenerali, billi jibbaża ruħu fuq b’mod partikolari l-prinċipju tal-prekawzjoni, ma wettaq l-ebda żball ta’ liġi f’dan ir-rigward. |
58 |
Fl-aħħar nett, sa fejn il-Kummissjoni ssostni li l-iżball ta’ liġi li hija allegat f’dak li jirrigwarda l-oneru tal-prova jaffettwa wkoll l-evalwazzjoni tal-ibbilanċjar tal-interessi mwettaq mill-Imħallef għal miżuri provviżorji, għandu jingħad li hija ma ressqet l-ebda argumenti speċifiċi f’dan ir-rigward. Il-kwistjoni dwar l-ibbilanċjar tal-interessi tkun konsegwenza eżaminata fil-kuntest tal-ħames aggravju tal-appell li jirrigwarda dan l-aspett tad-digriet ikkontestat. |
59 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ewwel u r-raba’ aggravji invokati mill-Kummissjoni insostenn tal-appell tagħha għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żnaturament tal-fatti
L-argumenti tal-partijiet
60 |
Skont il-Kummissjoni, il-President tal-Qorti Ġenerali żnatura l-fatti, fil-punt 62 tad-digriet ikkontestat, billi telaq mill-premessa li skont din il-valuri ta’ limitu inferjuri msemmija fid-dispożizzjonijiet nazzjonali jirrigwardaw il-ġugarelli “mibruxin”, fis-sens li huma jkunu partikolarment użati, b’mod li, fir-realtà, kienet kwistjoni ta’ materjali użati fil-ġugarelli li jistgħu jiġu assorbiti mit-tfal biss wara li jkunu nbarxu minnhom. Il-Kummissjoni ssostni li, jekk ma tkunx żnaturat il-fatti, il-President tal-Qorti Ġenerali seta’ jilqa’ t-talba biss għall-materjali li jkunu nbarxu, u li jiċħadha għall-materjali likwidi jew fil-forma ta’ trab. Minħabba ż-żnaturament tal-fatti, din tal-aħħar iċċaħdet minn din il-possibbiltà fid-digriet tagħha. |
61 |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkunsidrat li l-President tal-Qorti Ġenerali ma żnaturax il-fatti u hija ssostni li, f’kull każ, il-punt tad-digriet ikkontestat ikkritikat f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni ma jammontax għas-sostenn neċessarju tal-konklużjoni li għaliha l-imħallef għal miżuri provviżorji wasal f’dak li jirrigwarda l-fumus boni juris. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
62 |
Għandu jingħad li l-iżnaturament tal-fatti allegati mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-punt 62 tad-digriet ikkontestat ma kellu l-ebda effett fuq l-evalwazzjoni globali tal-fumus boni juris li seħħ mill-President tal-Qorti Ġenerali fil-punti 53 sa 67 ta’ dan f’dak li jirrigwarda l-antimonju, l-arseniku u l-merkurju. Fil-fatt, anki f’każ li dan tal-aħħar interpreta ħażin ir-referenzi, li jidhru fil-fajl, għall-kunċett ta’ disponibbiltà tal-ġugarelli mibruxin, u b’hekk tal-premessa li skont dan dawn tal-aħħar għandhom ikunu partikolarment użati, huwa sostna wkoll, ġustament, fil-punt 62 li l-Kummissjoni kienet hija stess irrikonoxxiet li, anki skont il-metodu tagħha stess ta’ konverżjoni, il-valuri ta’ limitu kontenuti fid-dispożizzjonijiet nazzjonali huma, għall-materjal li jkun inbarax, ta’ protezzjoni akbar għas-saħħa tat-tfal minn dawk stabbiliti mid-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli. Tali konstatazzjoni hija suffiċjenti, f’dan ir-rigward, sabiex tkun ibbażata fuq il-konklużjoni li għaliha l-President tal-Qorti Ġenerali wasal fil-punt 67, li skont dan il-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris hija ssodisfatta, f’dak li jirrigwarda l-materjal li jkun inbarax, fir-rigward tat-tliet sustanzi inkwistjoni. |
63 |
B’hekk jirriżulta li t-tieni aggravju invokat mill-Kummissjoni insostenn tal-appell tagħha huwa inapplikabbli u għandu jiġi miċħud bħala tali. |
Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti
L-argumenti tal-partijiet
64 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-President tal-Qorti Ġenerali ma spjegax il-motivi li għalihom huwa kkunsidra li l-argumenti ta’ din tal-aħħar, li skont din id-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli tipproteġi aħjar is-saħħa tat-tfal, ma hijiex rilevanti, b’mod li spjegazzjoni bħal din tkun neċessarja hekk kif jirriżulta mir-relazzjoni eżistenti bejn ir-regola u d-deroga għal din fil-kuntest tal-Artikolu 114(4) TFUE. Il-Kummissjoni identifikat tieni motivazzjoni insuffiċjenti tad-digriet ikkontestat, fejn sostniet li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija ma vverifikatx, f’dak li jirrigwarda l-antimonju, l-arseniku u l-merkurju, l-eżistenza jew le ta’ diskriminazzjoni arbitrarja, ta’ restrizzjoni moħbija tal-kummerċ jew ta’ xkiel għall-funzjonament tas-suq intern, b’mod li, fl-imsemmi digriet, il-President tal-Qorti Ġenerali stess wettaq din l-evalwazzjoni fejn illimita ruħu li jkompli f’dan ir-rigward l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li skont dan ir-raġunament dwar dawn il-kundizzjonijiet li għandhom bħala għan li jiżguraw kompetizzjoni mhux distorta, għaċ-ċomb, il-barju, in-nitrosammini u s-sustanzi nitrosatabbli, huwa faċilment trasponibbli għal sustanzi oħra, id-dispożizzjonijiet nazzjonali jkunu, skont din, identiċi. Din il-motivazzjoni tkun insuffiċjenti, meta l-element determinanti jkun mhux l-identiċità tal-imsemmija dispożizzjonijiet, iżda s-sitwazzjoni tas-suq. Għal darb’oħra, l-imħallef għal miżuri provviżorji issostitwixxa l-evalwazzjoni tiegħu għal dik tal-qrati kompetenti. |
65 |
L-imsemmi Stat Membru jikkunsidra li l-ebda waħda mill-argumenti mressqa mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward ma tistabbilixxi l-eżistenza ta’ motivazzjoni insuffiċjenti li tista’ tivvizzja b’irregolarità d-digriet ikkontestat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
66 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali għandhom ikunu suffiċjentement immotivati sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1998, Il-Kunsill vs de Nil u Impens, C-259/96 P, Ġabra p. I-2915, punt 32; tas-16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, C-395/96 P u C-396/96 P, Ġabra p. I-1365, punt 106 kif ukoll tat-18 ta’ Ottubru 2012, Neuman et vs José Manuel Baena Grupo, C‑101/11 P u C‑102/11 P, punt 80). F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li r-raġunament ikun ċar u komprensibbli u li jkun, apparti minn hekk, ta’ natura li jimmotiva l-konklużjoni li għandha l-għan li tappoġġa (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2007, Naipes Heraclio Fournier vs UASI, C‑311/05 P, punt 53 ). |
67 |
Fir-rigward tal-ilment tal-Kummissjoni li skont dan il-President tal-Qorti Ġenerali ma kienx immotiva suffiċjentement iċ-ċaħda tal-argumenti li permezz tagħhom dawn tal-aħħar isostnu li d-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli tipproteġi aħjar is-saħħa tat-tfal mid-dispożizzjonijiet nazzjonali, għandu jingħad li dan tal-aħħar, liema eżami fuq il-mertu kellu jitratta esklużivament l-eżistenza ta’ fumus boni juris, espona b’mod suffiċjenti skont il-liġi, fil-punti 40 sa 67 tad-digriet ikkontestat, ir-raġunijiet li għalihom huwa kkunsidra, minkejja dawn l-argumenti, li l-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris ġiet issodisfatta. Fir-rigward tal-allegat rilevanza, f’dan ir-rigward, tar-rapport eżistenti bejn ir-regola u d-deroga għal din fil-kuntest tal-Artikolu 114(4) TFUE, huwa suffiċjenti li ssir referenza għall-punti 42 sa 44 tad-digriet preżenti, fejn jirriżulta li l-President tal-Qorti Ġenerali ma wettaq ebda żball ta’ liġi f’dak li jirrigwarda l-oneru tal-prova li jaqa’ fuq ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji. |
68 |
Fir-rigward tal-allegazzjoni li skont din il-President tal-Qorti Ġenerali ma kienx immotiva b’mod suffiċjenti, fil-punt 66 tad-digriet ikkontestat, ir-raġunament tiegħu f’dak li jirrigwarda l-eżistenza jew le ta’ diskriminazzjoni arbitrarja, ta’ restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ jew ta’ ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern dwar l-antimonju, l-arseniku u l-merkurju, sa fejn huwa illimita ruħu li jirriproduċi l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li skont dawn, ir-raġunament dwar dawn il-kundizzjonijiet għandhom l-għan li jiżguraw kompetizzjoni mhux distorta, għaċ-ċomb, għall-barju, għan-nitrosammini u għas-sustanzi nitrosatabbli, huwa faċilment trasponibbli għal sustanzi oħra peress li d-dispożizzjonijiet nazzjonali huma identiċi, għandu jingħad li l-President tal-Qorti Ġenerali, bħala Imħallef għal miżuri provviżorji, għandu jevalwa biss l-eżistenza ta’ fumus boni juris fir-rigward tal-assenza tal-imsemmija kundizzjonijiet, u mhux għall-eżistenza definittiva ta’ dawn fihom infushom. Min-naħa l-oħra, il-fatt għall-Imħallef għal miżuri provviżorji li juża, fuq punt partikolari ta’ fatt jew ta’ dritt, l-argumenti ta’ parti jew oħra fir-raġunament tiegħu, fih innifsu, ma jammontax għal nuqqas ta’ motivazzjoni. |
69 |
Fil-kuntest tat-talba għall-proċeduri għal miżuri provviżorji li qed jitratta, il-President tal-Qorti Ġenerali b’hekk ikkunsidra motivazzjoni adegwata li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tifhem ir-raġunijiet li wassluh jikkonkludi dwar l-eżistenza ta’ fumus boni juris fir-rigward tal-assenza ta’ diskriminazzjoni arbitrarja, ta’ restrizzjoni moħbija tal-kummerċ u ta’ xkiel għall-funzjonament tas-suq intern dwar l-antimonju, l-arseniku u l-merkurju, peress li, skont dan, ir-raġunament tal-Kummissjoni dwar il-kundizzjonijiet bil-għan li tiġi żgurata l-kompetizzjoni mhux distorta, għaċ-ċomb, għall-barju, għan-nitrosammini u għas-sustanzi nitrosatabbli jkunu trasponibbli għat-tliet sustanzi msemmija iktar ’il fuq, peress li d-dispożizzjonijiet nazzjonali huma identiċi, f’dan ir-rigward, għal dawn is-sustanzi kollha. |
70 |
Għaldaqstant, it-tielet aggravju invokat mill-Kummissjoni insostenn tal-appell tagħha għandu jiġi miċħud. |
Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq żbalji fl-ibbilanċjar tal-interessi
L-argumenti tal-partijiet
71 |
Il-Kummissjoni ssostni li, fid-digriet ikkontestat, il-President tal-Qorti Ġenerali llimita ruħu li jsegwi l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li skont dawn, l-interess ta’ din l-istituzzjoni kien ġie limitat bil-funzjonament tas-suq intern. Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument u ssostni li l-interess li hija tiddefendi f’din il-kawża jikkonsisti fir-rispett tal-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni, hekk kif espress fid-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli. Fil-prattika, dan l-interess għandu qabel kollox bħala għan li jipproteġi s-saħħa tat-tfal u mhux biss is-suq intern. Sabiex tiġi ggarantita din il-protezzjoni tas-saħħa bl-aħjar mod, din id-direttiva hija bbażata, hekk kif sostniet il-Kummissjoni fil-kuntest tal-ewwel u r-raba’ aggravji tagħha u b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 114(3) TFUE, fuq l-għarfien xjentifiku l-iktar riċenti. Id-digriet ikkontestat bl-ebda mod ma jieħu inkunsiderazzjoni dan l-interess fl-ibbilanċjar tal-interessi. |
72 |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li d-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli, bħala miżura ta’ armonizzazzjoni adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 114(1) TFUE u li għandha l-għan li tiżgura t-twettiq tas-suq intern f’dak li jirrigwarda s-sigurtà tal-ġugarelli, ma jkollhiex bħala għan prinċipali l-protezzjoni tas-saħħa tat-tfal, kuntrarjament għal dak sostnut mill-Kummissjoni. B’hekk, peress li l-President tal-Qorti Ġenerali ma wettaq l-ebda żball f’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud il-ħames aggravju. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
73 |
Għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji mressqa quddiem il-President tal-Qorti Ġenerali mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni għandha l-għan li tikseb iċ-ċaħda tat-talba għall-proċeduri għal miżuri provviżorji sabiex jippermetti l-applikazzjoni, mill-21 ta’ Lulju 2013, tal-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni stabbiliti fid-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli fl-Unjoni kollha, peress li hija kienet diġà ċaħdet it-talba għal deroga ppreżentata minn dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 114(4) TFUE. |
74 |
Issa, huwa stabbilit bejn il-partijiet li d-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli hija miżura ta’ armonizzazzjoni fis-sens tal-imsemmi Artikolu 114(4) TFUE. Min-naħa l-oħra, hija ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE, dispożizzjoni li ġiet inkluża fl-Artikolu 114(1) TFUE. Din id-dispożizzjoni tipprovdi r-regoli applikabbli sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 26 TFUE, jiġifieri, essenzjalment, dawk li jippermettu t-twettiq tas-suq intern. B’hekk, hekk kif jirriżulta mill-bażi legali użata għall-adozzjoni tagħha, id-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli għandha b’hekk neċessarjament bħala għan prinċipali l-armonizzazzjoni tar-regoli nazzjonali fil-qasam li hija tirregola, jiġifieri dak tas-sigurtà tal-ġugarelli, u huwa b’hekk dan l-għan li huwa l-bażi tal-interess tal-Kummissjoni li tikseb li din id-direttiva tkun applikata minnufih. |
75 |
Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Artikolu 168(5) TFUE jeskludi kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti tal-Istati Membri li huma intiżi għall-ħarsien u għat-titjib tas-saħħa tal-bniedem. Ċertament, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, miżuri ta’ armonizzazzjoni adottati fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt primarju jistgħu jkollhom effett fuq il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-istess artikolu jipprovdi min-naħa l-oħra li livell għoli tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem hija żgurata fid-definizzjoni u l-implementazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet kollha tal-Unjoni u l-Artikolu 114(3) TFUE jipprovdi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistinkaw li jilħqu dan l-għan fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom fir-rigward tat-twettiq tas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-376/98, Ġabra p. I-8419, punti 77 u 78, kif ukoll tat-12 ta’ Diċembru 2006, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-380/03, Ġabra p. I-11573, punti 93 sa 95). Madankollu, l-użu ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt primarju bħala bażi legali ma jsirx sabiex tiġi evitata l-esklużjoni speċifika ta’ kull armonizzazzjoni bil-għan li tiġi protetta u mtejba s-saħħa tal-bniedem stabbilita fl-Artikolu 168(5) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 79). |
76 |
B’hekk jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, għall-finijiet ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji bħal dawk li huma s-suġġett tal-appell preżenti, huwa l-għan tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà tal-ġugarelli, u mhux l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa tat-tfal fih innifsu, li għandu effettivament ikun ikkunsidrat bħala l-bażi tal-interess protett mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedura. |
77 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-President tal-Qorti Ġenerali, wara li pproċeda, fil-punti 82 u 83 tad-digriet ikkontestat, bl-ibbilanċjar tal-interessi permezz ta’ paragun bejn l-interess tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għaż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali bil-għan tal-protezzjoni tas-saħħa tat-tfal u l-interess tal-Kummissjoni għaċ-ċaħda tat-talba tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, sabiex id-dispożizzjonijiet armonizzati adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-direttiva l-ġdida dwar il-ġugarelli jistgħu japplikaw sa mill-21 ta’ Lulju 2013 fis-suq intern kollu, inkluż fil-Ġermanja, ġustament ikkonkluda, f’dan l-istess punt 83, li l-interess tal-Kummissjoni kellu jisparixxi quddiem dak ta’ dan l-Istat Membru sabiex tinkiseb tali żamma. |
78 |
Għaldaqstant, il-ħames aggravju invokat mill-Kummissjoni insostenn tal-appell tagħha għandu jiġi miċħud. |
Fuq l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-miżuri riċenti li seħħew f’dak li jirrigwarda l-barju u ċ-ċomb
79 |
Sa fejn il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Ġustizzja, fit-tmiem tal-parti introduttiva tal-appell tagħha, dwar il-fatt li, bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru°681/2013, tas-17 ta’ Lulju 2013, li jemenda l-Parti III tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48 (ĠU L 195, p. 16), hija naqset il-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni stabbiliti għall-barju, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, r-Repubblika Federali tal-Ġermanja billi infurmat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, skont din, din il-miżura ma tmurx lilhinn biżżejjed, din ma taffettwax il-proċeduri preżenti. Aktar minn hekk, il-fatt li tnaqqis eventwali tal-valuri dwar iċ-ċomb ikun previst ma jkollux effett fuq il-proċedura preżenti. |
80 |
Minħabba li l-ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-Kummissjoni insostenn tal-appell tagħha, ma jista’ jintlaqa’, hemm lok li l-appell jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq l-ispejjeż
81 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitluba mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. |
Għal dawn il-motivi, il-viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna li: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.