SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Diċembru 2013 ( *1 )

“Artikoli 101 TFUE, 102 TFUE u 106 TFUE — Impriżi pubbliċi u impriżi li lilhom l-Istati Membri jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi — Impriżi inkarigati mill-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali — Kunċetti — Korpi inkarigati sabiex jivverifikaw u jiċċertifikaw l-osservanza tal-kundizzjonijiet meħtieġa mil-liġi mill-impriżi li jwettqu xogħlijiet pubbliċi — Artikolu 49 TFUE — Libertà ta’ stabbiliment — Restrizzjoni — Ġustifikazzjoni — Protezzjoni tad-destinatarji tas-servizzi — Kwalità tas-servizzi ta’ ċertifikazzjoni”

Fil-Kawża C‑327/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Lulju 2012, fil-proċedura

Ministero dello Sviluppo economico,

Autorità per la vigilanza sui contratti pubblici di lavori, servizi e forniture

vs

SOA Nazionale Costruttori — Organismo di Attestazione SpA,

fil-preżenza ta’:

Associazione nazionale Società Organismi di Attestazione (Unionsoa),

SOA CQOP SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Safjan (Relatur), C. G. Fernlund, J. Malenovský u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Mejju 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal SOA Nazionale Costruttori – Organismo di Attestazione SpA, minn S. Cammareri u M. Condinanzi, avukati,

għall-Associazione nazionale Società Organismi di Attestazione (Unionsoa), minn A. Cancrini, G. M. Di Paolo u A. Clarizia, avukati,

għal SOA CQOP SpA, minn C. De Portu, avukat,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. D’Ascia, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Malferrari u I. Rogalski kif ukoll minn R. Striani, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Settembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikoli 101 TFUE, 102 TFUE u 106 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Ministero dello Sviluppo economico (Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku, iktar ’il quddiem il-“Ministero”) kif ukoll l-Autorità per la vigilanza sui contratti pubblici di lavori, servizi e forniture (Awtorità għas-sorveljanza tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, servizzi u provvisti, iktar ’il quddiem l-“Autorità”), u SOA Nazionale Costruttori – Organismo di Attestazione SpA (iktar ’il quddiem is-“SOA Nazionale Costruttori”) dwar id-dikjarazzjoni, mill-Ministeru u l-Autorità, tal-inapplikabbiltà, fir-rigward tas-servizzi offruti mill-kumpanniji li għandhom il-kwalità ta’ korpi ta’ ċertifikazzjoni (Società Organismi di Attestazione, iktar ’il quddiem is-“SOA”), tat-tħassir leġiżlattiv tat-tariffi minimi obbligatorji fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 52(1) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132) jipprevedi:

“Stati Membri jistgħu jintroduċu jew listi uffiċjali ta’ kuntratturi approvati [kwalifikati], fornituri jew ta’ dawk li jipprovdu servizz jew ċertifikazzjoni minn korpi ċertifikanti stabbiliti taħt liġi pubblika jew privata.”

Id-dritt Taljan

4

Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 163, tat-12 ta’ April 2006, dwar Kodiċi tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, servizzi u provvisti b’applikazzjoni tad-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 100, tat-2 ta’ Mejju 2006, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi”), jipprovdi fl-Artikolu 40 tiegħu:

“1.   Il-persuni li jwettqu xogħlijiet pubbliċi bi kwalunkwe titolu għandhom ikunu kwalifikati u għandhom jiżguraw li l-attività tagħhom hija kkaratterizzata mill-prinċipji ta’ kwalità, ta’ professjonaliżmu u ta’ lealtà. Bl-istess għan, il-prodotti, il-proċessi, is-servizzi u s-sistemi ta’ kwalità fl-impriża użati minn dawn il-persuni għandhom ikunu suġġetti għal ċertifikazzjoni b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

2.   Ir-regolament [...] jirregola s-sistema waħdiena ta’ kwalifikazzjoni għall-persuni kollha li jwettqu, bi kwalunkwe titolu, xogħlijiet pubbliċi ta’ ammont ogħla minn EUR 150 000, skont it-tip u l-ammont tax-xogħlijiet. Ir-Regolament [...] jippermetti wkoll li minn żmien għal żmien issir reviżjoni tal-kategoriji ta’ kwalifikazzjoni u jiġu previsti kategoriji ġodda possibbli.

3.   Is-sistema ta’ kwalifikazzjoni hija implementata minn korpi ta’ ċertifikazzjoni regolati mid-dritt privat, awtorizzati għal dan l-għan mill-Autorità. L-attività ta’ ċertifikazzjoni hija eżerċitata b’osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudizzju, billi tiġi ggarantita l-assenza ta’ kwalunkwe interess kummerċjali jew finanzjarju li huwa ta’ natura li jwassal għal aġir mhux imparzjali jew li huwa diskriminatorju. Fl-eżerċizzju tal-attività ta’ kwalifikazzjoni fir-rigward tal-persuni li jwettqu xogħlijiet pubbliċi, is-SOA jeżerċitaw missjoni li taqa’ taħt id-dritt pubbliku [...] Jekk huma joħorġu ċertifikati mhux veraċi, japplikaw l-Artikoli 476 u 479 tal-Kodiċi Kriminali. Qabel ma joħorġu ċ-ċertifikati, is-SOA għandhom jivverifikaw li l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa mill-impriża li tagħmel it-talba huma ssodisfatti. Il-korpi ta’ ċertifikazzjoni huma inkarigati jiċċertifikaw li l-persuni kkwalifikati:

a)

għandhom ċertifikat li jiċċertifika li s-sistema ta’ kwalità tagħhom hija konformi man-normi Ewropej [...] u mal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ, maħruġa minn korpi akkreditati skont in-normi Ewropej [...]. Il-korpi akkreditati huma obbligati jirreġistraw iċ-ċertifikazzjoni msemmija f’dan il-punt għall-impriżi li jwettqu xogħlijiet pubbliċi fil-lista uffiċjali stabbilita mill-korp Taljan ta’ ċertifikazzjoni [...]

b)

josservaw il-kundizzjonijiet ġenerali, tekniko-organizzazzjonali u ekonomiko-finanzjarji previsti bid-dispożizzjonijiet [tal-Unjoni] applikabbli fil-qasam tal-kwalifikazzjoni. Jagħmlu parti mill-kundizzjonijiet tekniko-organizzazzjonali ċ-ċertifikati maħruġa mill-kuntratturi lill-impriżi li jwettqu xogħlijiet pubbliċi. [...]

4.   Ir-Regolament jiddefinixxi b’mod partikolari:

[…]

b)

il-modalitajiet u l-kriterji ta’ awtorizzazzjoni u ta’ skwalifikazzjoni possibbli tal-korpi ta’ ċertifikazzjoni kif ukoll il-kundizzjonijiet suġġettivi, organizzazzjonali, finanzjarji u tekniċi li għandhom jiġu ssodisfatti mill-imsemmija korpi;

c)

il-modalitajiet li skonthom jiġi ċċertifikat li l-persuni kkwalifikati għandhom sistema ta’ kwalità ċċertifikata skont il-paragrafu (3)(a), u li huma josservaw il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu (3)(b), kif ukoll il-modalitajiet ta’ verifika annwali possibbli tal-imsemmija kundizzjonijiet fir-rigward tad-data tal-bilanċ;

d)

il-kundizzjonijiet ġenerali […] u l-kundizzjonijiet tekniko-organizzazzjonali u ekonomiko-finanzjarji msemmija fil-paragrafu (3)(b), inkluż il-miżuri li jikkonċernaw id-daqs u t-tip tax-xogħlijiet […]

e)

il-kriterji ta’ ffissar tat-tariffi applikabbli għall-attività ta’ kwalifikazzjoni, bla ħsara għall-impossibbiltà li wieħed jidderoga mit-tariffi minimi;

f)

il-modalitajiet ta’ verifika tal-kwalifikazzjoni; it-tul tal-kwalifikazzjoni huwa ta’ ħames snin, u sseħħ verifika tal-persistenza tal-kundizzjonijiet ġenerali kif ukoll tal-kundizzjonijiet dwar il-kapaċità strutturali, li għandhom jissemmew fir-regolament, qabel tmiem it-tielet sena; it-tul tal-validità tal-kategoriji ġenerali u speċjali li huma suġġetti għar-reviżjoni msemmija fil-paragrafu (2); it-tariffa tal-verifika tal-persistenza tal-kundizzjonijiet hija proporzjonali għat-tariffa taċ-ċertifikazzjoni, mingħajr ma tista’ taqbeż it-tliet partijiet minn ħamsa ta’ din tal-aħħar;

f bis)

il-modalitajiet li jippermettu li tiġi żgurata, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi, l-azzjoni koordinata ta’ sorveljanza tal-attività tal-korpi ta’ ċertifikazzjoni, billi jirrikorru għall-istrutturi u riżorsi diġà disponibbli għal dan l-għan, mingħajr ma’ jintefgħu spejjeż ġodda jew miżjuda a karigu tal-finanzi pubbliċi;

g)

sanzjonijiet pekunjarji u ta’ projbizzjoni, sal-iskwalifikazzjoni, għall-irregolaritajiet u illegalitajiet imwettqa mis-SOA matul il-ħruġ taċ-ċertifikati kif ukoll f’każ ta’ nuqqas ta’ azzjoni tas-SOA matul il-ħruġ taċ-ċertifikazzjonijiet wara talba għal informazzjoni u dokumenti tal-Autorità fil-kuntest tal-missjoni tagħha ta’ sorveljanza, skont kriterju ta’ proporzjonalità u b’osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju;

g

bis) is-sanzjonijiet pekunjarji msemmija fl-Artikolu 6(11), u sanzjonijiet ta’ projbizzjoni, sat-tneħħija taċ-ċertifikat ta’ kwalifikazzjoni, għall-operaturi ekonomiċi li ma jissodisfawx it-talbiet għal informazzjoni u dokumenti fformulati mill-Autorità fil-kuntest tas-setgħa tagħha ta’ sorveljanza tas-sistema ta’ kwalifikazzjoni, jew li jipprovdu informazzjoni jew atti qarrieqa;

h)

l-istabbiliment, fuq bażi reġjonali, ta’ listi tal-persuni li kisbu l-kwalifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 3; dawn il-listi huma magħmula u miżmuma mill-Autorità, li tiżgura l-pubbliċità tagħhom permezz tal-Osservatorju.

[…]

6.   Ir-regolament għandu jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ekonomiko-finanzjarji u tekniko-organizzazzjonali speċifiċi li għandhom jiġu ssodisfatti mill-kandidati għal konċessjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi li ma għandhomx l-intenzjoni li jeżegwixxu x-xogħlijiet permezz tal-organizzazzjoni imprenditorjali tagħhom stess.

[...]

9 bis.   Is-SOA huma responsabbli mill-konservazzjoni tad-dokumenti u tal-atti użati għall-ħruġ taċ-ċertifikati, inkluż wara l-waqfien tal-attività ta’ ċertifikazzjoni. Is-SOA huma wkoll obbligati jagħtu aċċess għall-imsemmija dokumenti u atti lill-persuni indikati fir-regolament, inkluż f’każ ta’ sospensjoni jew ta’ tneħħija tal-awtorizzazzjoni ta’ eżerċizzju tal-attività ta’ ċertifikazzjoni; f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, japplikaw is-sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji previsti fl-Artikolu 6(11). Fi kwalunkwe każ, is-SOA jibqgħu obbligati jikkonservaw id-dokumenti u l-atti msemmija fl-ewwel sentenza għal għaxar snin jew għall-perijodu indikat mir-regolament […]

9 ter.   Is-SOA għandhom l-obbligu li jinfurmaw lill-Autorità bit-tnedija tal-proċedura ta’ verifika tal-kundizzjonijiet meħtieġa fir-rigward ta’ impriża u bir-riżultat tagħha. Is-SOA għandhom l-obbligu li jiddikjaraw it-tneħħija taċ-ċertifikat ta’ kwalifikazzjoni jekk huma jikkonstataw li dan inħareġ mingħajr ma l-kundizzjonijiet stabbiliti mir-regolament kienu ssodisfatti jew jekk l-imsemmija kundizzjonijiet ma għadhomx issodisfatti; f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-Autorità għandha tiddikjara t-tneħħija tal-awtorizzazzjoni ta’ eżerċizzju tal-attività ta’ ċertifikazzjoni tas-SOA.

9 quater.   Jekk għall-finijiet tal-kwalifikazzjoni tiġi ppreżentata dikjarazzjoni mhux veraċi jew dokumenti mhux veraċi, is-SOA għandhom jinformaw lill-Autorità b’dan, u jekk din tqis li jeżisti qerq jew nuqqas gravi, b’kunsiderazzjoni tal-importanza u tal-gravità tal-fatti li jikkostitwixxu s-suġġett tad-dikjarazzjoni mhux veraċi jew tal-preżentazzjoni tad-dokumenti mhux veraċi, twettaq reġistrazzjoni informatika [...] għall-finijiet tal-esklużjoni mill-proċeduri ta’ sejħa għal offerti u tas-subappaltar, […] għal perijodu ta’ sena, u fi tmiemu r-reġistrazzjoni titħassar u fi kwalunkwe każ titlef l-effikaċja tagħha.”

5

Id-Digriet-Liġi Nru 223, tal-4 ta’ Lulju 2006, dwar dispożizzjonijiet urġenti għall-irkupru ekonomiku u soċjali, għal-limitazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż pubbliċi u l-intervenzjonijiet fil-qasam tad-dħul u tal-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali (GURI Nru 153, tal-4 ta’ Lulju 2006, p. 4), jikkonverti f’liġi, wara emendi, permezz tal-Liġi Nru 248, tal-4 ta’ Awwissu 2006 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 186, tal-11 ta’ Awwissu 2006, iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Nru 223/2006”), ħassar, fl-Artikolu 2(1)(a) tiegħu, id-dispożizzjonijiet li kienu jipprevedu l-obbligu li jiġu applikati t-tariffi fissi jew minimi “f’dak li jikkonċerna l-professjonijiet liberali jew attivitajiet intellettwali”.

6

Id-Digriet Nru 207 tal-President tar-Repubblika, tal-5 ta’ Ottubru 2010, dwar l-eżekuzzjoni u l-applikazzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 288, tal-10 ta’ Diċembru 2010, iktar ’il quddiem id-“Digriet Presidenzjali Nru 207/2010”), li jħassar id-digriet tal-President tar-Repubblika Nru 34, tal-25 ta’ Jannar 2000, jipprevedi fl-Artikolu 60(2) sa (4) tiegħu:

“2.   Il-kwalifikazzjoni hija obbligatorja għal kull min iwettaq xogħlijiet pubbliċi, fdati minn kuntrattur, ta’ ammont ogħla minn EUR 150 000.

3.   […] iċ-ċertifikat ta’ kwalifikazzjoni maħruġ skont dan it-Titolu jikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja u suffiċjenti sabiex jintwera li r-rekwiżiti meħtieġa fil-qasam tal-kapaċità teknika u finanzjarja sabiex jiġu fdati xogħlijiet pubbliċi lilhom huma ssodisfatti.

4.   Il-kuntratturi ma jistgħux jitolbu lill-offerenti sabiex juru li huma kkwalifikati skont modalitajiet, proċeduri u kundizzjonijiet differenti minn dawk previsti f’dan il-kapitolu […]”

7

L-Artikolu 68 tad-Digriet Nru 207/2010 jipprovdi:

“1.   L-eżerċizzju, mis-SOA, tal-attività ta’ ċertifikazzjoni tal-kwalifikazzjoni [...] huwa suġġett għall-awtorizzazzjoni tal-Autorità.

2.   Is-SOA għandha tippreżenta talba għal awtorizzazzjoni akkumpanjata mid-dokumenti li ġejjin:

a)

il-memorandum u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni tal-kumpannija;

b)

il-lista tal-azzjonisti u d-dikjarazzjoni dwar is-sitwazzjoni possibbli ta’ kontroll u ta’ rabtiet bejn impriżi;

c)

l-organigramm tas-SOA, li jinkludi l-curriculum vitæ tal-persuni li jagħmlu parti minnha;

d)

id-dikjarazzjoni tar-rappreżentant legali, skont il-modalitajiet u l-forom previsti bil-liġijiet fis-seħħ, dwar l-assenza tas-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 64(6) f’dak li jikkonċerna s-SOA, l-amministraturi tagħha, rappreżentati legali jew diretturi tekniċi u l-persunal [...]

e)

rekord kriminali tal-amministraturi, tar-rappreżentanti legali, tad-diretturi tekniċi u tal-persunal [...]

f)

dokument li jinkludi d-deskrizzjoni tal-proċeduri li, skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Autorità, għandhom jintużaw għall-eżerċizzju tal-attività ta’ ċertifikazzjoni;

g)

polza ta’ assigurazzjoni konkluża mal-impriża ta’ assigurazzjonijiet awtorizzata sabiex tkopri r-riskju marbut li għalih l-obbligu jirreferi, għall-kopertura tar-responsabbiltajiet li jirriżultaw mill-attività eżerċitata, li l-ammont massimu tagħhom tkun tal-inqas sitt darbiet il-volum ta’ bejgħ previst.

[...]”

8

L-Artikolu 70 tad-Digriet Nru 207/2010 jipprovdi:

“1.   Fl-eżerċizzju tal-attività tagħhom, is-SOA għandhom:

a)

jaġixxu b’diliġenza, lealtà u trasparenza, bl-osservanza tal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 2 tal-Kodiċi;

b)

jiksbu l-informazzjoni neċessarja mingħand persuni li għandhom jiġu kwalifikati u jaġixxu b’mod li jiżguraw informazzjoni adegwata;

c)

jaġixxu b’mod li jiggarantixxu l-imparzjalità u l-ugwaljanza fit-trattament;

d)

jiżguraw u jżommu l-indipendenza meħtieġa mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi u minn dan it-Titolu;

e)

ikollhom riżorsi u proċeduri, inklużi fil-qasam tal-kontroll intern, xierqa sabiex jiżguraw l-effikaċja u l-lealtà;

f)

jivverifikaw il-veraċità u l-kontenut tad-dikjarazzjonijiet, ċertifikati u dokumenti […] ippreżentati mill-persuni li għandu jinħarġilhom ċertifikat, kif ukoll il-persistenza tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 78;

g)

joħorġu ċ-ċertifikat ta’ awtorizzazzjoni b’mod konformi mad-dokumenti prodotti mill-impriża u vverifikati skont il-punt (f).

2.   Fil-kuntest tal-attività tagħhom ta’ evalwazzjoni u ta’ verifika tal-kwalifikazzjoni, is-SOA għandhom jiksbu d-data ta’ natura ekonomiko-finanzjarja, bħalma huma l-bilanċi, kif ukoll l-informazzjoni dwar il-modifiki organizzazzjonali u dwar it-trasformazzjonijiet tan-natura ġuridika tal-impriżi, inkluż mingħand id-database tal-Kamra tal-Kummerċ, tal-Industrija u tal-Artiġjanat.

3.   Għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-kompiti istituzzjonali tagħhom, is-SOA ma jistgħux jużaw il-provvisti ta’ terzi fl-organizzazzjoni tagħhom stess. Fi kwalunkwe każ, is-SOA huma responsabbli minn kull attività mwettqa, direttament jew indirettament, f’isimhom jew għalihom.

4.   Kull ċertifikazzjoni ta’ kwalifikazzjoni u kull tiġdid ta’ ċertifikazzjoni kif ukoll l-attivitajiet komplementari kollha ta’ reviżjoni u ta’ emenda huma suġġetti għall-ħlas ta’ korrispettiv stabbilit skont l-ammont globali u n-numru ta’ kategoriji ġenerali u speċjalizzati li għalihom tintalab il-kwalifikazzjoni, skont il-formuli li jinsabu fil-parti I tal-Anness C. Għall-konsorzji stabbli, il-korrispettiv dovut għas-SOA għal kull attività jitnaqqas b’50 %, għall-impriżi kkwalifikati sal-klassi ta’ ammont II, il-korrispettiv dovut għas-SOA għal kull attività jitnaqqas b’20 %.

5.   L-ammonti stabbiliti skont il-paragrafu 4 jitqiesu bħala l-korrispettiv minimu tas-servizz. Il-ħlas ta’ korrispettiv ogħla mid-doppju tal-ammont stabbilit skont il-kriterji msemmija fil-paragrafu 4 ma huwiex permess. Kull klawżola kuntrarja hija nulla. Il-korrispettiv għandu jitħallas kollu kemm hu qabel il-ħruġ taċ-ċertifikat, ir-reviżjoni jew l-emenda [tiegħu]; dewmien ta’ inqas minn sitt xhur jiġi aċċettat jekk, fil-mument tal-ħruġ taċ-ċertifikat, awtorizzazzjoni ta’ debitu dirett (direct debit) fuq kont bankarju kurrenti kien ġie stabbilit u mgħoddi lis-SOA għall-ammont kollu.

6.   Is-SOA għandhom jgħaddu ċ-ċertifikati lill-Autorità fil-ħmistax-il jum sussegwenti għall-ħruġ tagħhom, skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 8(7).

7.   Is-SOA għandhom jinformaw lill-Autorità, f’terminu ta’ għaxart ijiem, bit-tnedija tal-proċedura ta’ verifika tal-kundizzjonijiet meħtieġa fir-rigward ta’ impriża u r-riżultat tagħha, skont l-Artikolu 40(9ter) tal-Kodiċi.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9

Permezz ta’ noti tal-20 ta’ Settembru 2010, il-Ministero kif ukoll l-Autorità ddikjaraw bħala inapplikabbli għas-servizzi offruti mis-SOA l-Artikolu 2 tad-Digriet Liġi Nru 223/2006 li jipprevedi t-tħassir tat-tariffi minimi obbigatorji fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali u ddeċidew li ma jilqgħux l-intenzjoni tas-SOA Nazionale Costruttori li tipproponi lill-impriżi roħs fuq l-ammonti miġbura għall-finijiet tal-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ kwalifikazzjoni.

10

Is-SOA Nazionale Costruttori ppreżentat rikors għall-annullament tal-imsemmija noti quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio.

11

Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Ġunju 2011, l-imsemmija qorti laqgħet ir-rikors tas-SOA Nazionale Costruttori.

12

Il-Ministero u l-Autorità appellaw mill-imsemmija deċiżjoni quddiem il-Consiglio di Stato.

13

Skont il-qorti tar-rinviju, ir-riferiment, għall-Artikolu 2(1)(a) tad-Digriet Liġi Nru 223/2006, għall-attivitajiet “intellettwali” ma jistax ikopri l-attivitajiet tas-SOA li jeżerċitaw funzjoni pubblika ta’ ċertifikazzjoni. Fil-fatt, din il-funzjoni tikkonsisti fil-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ kwalifikazzjoni li jikkostitwixxi l-kundizzjoni neċessarja u suffiċjenti sabiex jintwera li impriża tissodisfa l-ħtiġiet fil-qasam tal-kapaċità teknika u finanzjarja sabiex it-twettiq ta’ xogħlijiet pubbliċi jiġu fdati lilha.

14

Barra minn hekk, l-attivitajiet tas-SOA huma ta’ natura esklużiva, peress li dawn ma jistgħux jeżerċitaw attivitajiet oħra, u ma humiex ta’ natura awtonoma peress li huma suġġetti għar-regoli tad-dritt kif ukoll għas-sorveljanza tal-Autorità.

15

Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tqis li t-tħassir tat-tariffi minimi previst bid-Digriet Liġi Nru 223/2006 ma jistax japplika għat-tariffi stabbiliti għall-attività ta’ ċertifikazzjoni tas-SOA.

16

Madankollu, l-imsemmija qorti għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti f’dak li jikkonċerna l-attività ta’ ċertifikazzjoni tas-SOA mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

17

B’mod partikolari, hija tistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ jekk, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-kompetizzjoni u tal-libertà ta’ stabbiliment, is-SOA jipparteċipawx fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-tariffi minimi inkwistjoni tikkonformax mal-imsemmija dispożizzjonijiet.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

“Il-prinċipji [tal-Unjoni] fil-qasam tal-kompetizzjoni u l-Artikoli 101 [TFUE], 102 [TFUE] u 106 [TFUE] jipprekludu l-applikazzjoni tat-tariffi stabbiliti fid-[Digrieti Presidenzjali Nru 34, tal-25 ta’ Jannar 2000, u Nru 207/2010] għall-attività ta’ verifika [ċertifikazzjoni] tal-hekk imsejħa [SOA]?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

19

L-Associazione nazionale Società Organismi di Attestazione (iktar ’il quddiem l-“Unionsoa”) issostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli minħabba li din hija nieqsa minn kull rilevanza għall-eżitu tal-kawża prinċipali, peress li l-qorti tar-rinviju diġà kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tat-tariffi tas-SOA hija ġustifikata.

20

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza (ara s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, X, C‑651/11, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Ir-rifjut, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ talba mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara s-sentenza X, iċċitata iktar ’il fuq, u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ma jirriżultax b’mod manifest mill-proċess mgħoddi lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mas-suġġett tal-kawża, jew inkella li l-problema mqajma minn din tal-aħħar hija ta’ natura ipotetika.

23

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju, li hija adita b’talba għal tibdil tas-sentenza tat-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio li talab li jkun hemm il-possibbiltà li wieħed jidderoga mit-tariffi minimi relattivi għall-attività ta’ ċertifikazzjoni tas-SOA, tqis li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi fuq il-kwistjoni ta’ jekk id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq is-SOA sistema ta’ tariffi minimi għas-servizzi li huma jipprovdu. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali relattiva għall-imsemmija tariffi għadha ma twettqitx b’mod definittiv mill-qorti tar-rinviju.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda magħmula mill-Consiglio di Stato għandha tingħata risposta.

Fuq il-mertu

25

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni u tal-libertà ta’ stabbiliment għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża pirnċipali, li timponi fuq is-SOA sistema ta’ tariffi minimi għas-servizzi ta’ ċertifikazzjoni pprovduti lill-impriżi li jixtiequ jipparteċipaw fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi.

Fuq id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni

26

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, fl-ewwel lok għandu jiġi eżaminat jekk is-SOA jikkostitwixxux, fil-kuntest tal-attività tagħhom ta’ ċertifikazzjoni, “impriżi” fis-sens tal-Artikoli 101 TFUE, 102 TFUE u 106 TFUE.

27

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, kull entità li teżerċita attività eonomika hija impriża, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha (ara s-sentenza tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser, C-41/90, Ġabra p. I-1979, punt 21). Kull attività li tikkonsisti fl-offerta tal-prodotti jew tas-servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika (ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C-475/99, Ġabra p. I-8089, punt 19). Għall-kuntrarju, l-attivitajiet li għandhom rabta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika ma humiex ta’ natura ekonomika li tiġġustifika l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti mit-Trattat (ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Compass‑Datenbank, C‑138/11, punt 36).

28

F’dan il-każ, il-leġiżlatur Taljan stabbilixxa, b’applikazzjoni tal-Artikolu 52(1) tad-Direttiva 2004/18, sistema ta’ ċertifikazzjoni mwettqa minn korpi privati, jiġifieri s-SOA. Dawn tal-aħħar huma impriżi bi skop ta’ lukru inkarigati sabiex jipprovdu servizzi ta’ ċertifikazzjoni, u l-ksib ta’ ċertifikat xieraq hija kundizzjoni neċessarja għall-parteċipazzjoni, mill-persuni interessati, fil-kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi f’kundizzjonijiet regolati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

29

Issa, l-attività tas-SOA hija ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, dawn joħorġu ċertifikati inkambju għal remunerazzjoni u esklużivament abbażi tad-domanda reali tas-suq. Barra minn hekk, huma jieħdu r-riskji finanzjarji relattivi għall-eżerċizzju ta’ din l-attività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-35/96, Ġabra p. I-3851, punt 37).

30

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi, b’mod partikolari, li s-SOA għandhom jivverifikaw il-kapaċità teknika u finanzjarja tal-impriżi suġġetti għaċ-ċertifikazzjoni, il-veraċità u l-kontenut tad-dikjarazzjonijiet, ċertifikati u dokumenti ppreżentati mill-persuni li lilhom jinħareġ iċ-ċertifikat kif ukoll iż-żamma tal-kundizzjonijiet relattivi għas-sitwazzjoni personali tal-kandidat jew tal-offerent.

31

Fil-kuntest ta’ din il-verifika, is-SOA huma obbligati jibagħtu l-informazzjoni xierqa lill-Autorità, li teżerċita l-kontroll tar-regolarità tal-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni, u jistgħu jiġu applikati sanzjonijiet fir-rigward ta’ dawn il-kumpanniji fil-każijiet ta’ ksur tal-obbligi tagħhom previsti bil-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ.

32

Kuntrarjament għas-sitwazzjoni li kienet inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-setnenza tas-26 ta’ Marzu 2009, SELEX Sistemi Integrati vs Il-Kummissjoni (C-113/07 P, Ġabra p. I-2207, punt 76), is-SOA ma jeżerċitawx missjoni ta’ standardizzazzjoni. Dawn l-impriżi ma għandhom ebda setgħa deċiżiva relatata mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

33

Hekk kif jirriżulta mill-proċess tal-kawża preżenti, l-impriżi li jeżerċitaw l-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni, jiġifieri s-SOA, joperaw, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni.

34

L-impriżi li jixtiequ jipparteċipaw fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi ma humiex legalment obbligati jirrikorru għas-servizzi ta’ ċertifikazzjoni ta’ SOA partikolari.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-kwalità ta’ impriża lil manifattur ta’ vetturi bil-mutur sa fejn dan kien jopera fis-suq taċ-ċertifikazzjoni tal-vetturi bil-mutur billi joħroġ ċertifikati ta’ konformità neċessarji għar-reġistrazzjoni tagħhom (sentenza tal-11 ta’ Novembru 1986, British Leyland vs Il-Kummissjoni, 226/84, Ġabra p. 3263), is-SOA għandhom jiġu kkunsidrati, fil-kuntest tal-attività tagħhom ta’ ċertifikazzjoni, bħala “impriżi” fis-sens tal-Artikoli 101 TFUE, 102 TFUE u 106 TFUE.

36

Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE japplikawx għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ir-regoli dwar it-tariffi minimi għas-servizzi ta’ ċertifikazzjoni huma stabbiliti mill-Istat.

37

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja li huwa minnu li l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE jikkonċernaw biss l-aġir tal-impriżi u ma jirrigwardawx miżuri leġiżlattivi jew regolamentari li joħorġu mill-Istati Membri, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dawn l-Artikoli, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, li jistabbilixxi obbligu ta’ kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri, jimponu lil dawn tal-aħħar sabiex ma jadottawx jew ma jżommux fis-seħħ miżuri, anki ta’ natura leġiżlattiva jew regolamentari, li jistgħu jeliminaw l-effett utli tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C-94/04 u C-202/04, Ġabra p. I-11421, punt 46, kif ukoll tal-1 ta’ Lulju 2010, Sbarigia, C-393/08, Ġabra p. I-6337, punt 31).

38

Ikun hemm ksur tal-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, kemm meta Stat Membru jimponi jew jiffavorizza l-konklużjoni ta’ ftehimiet kuntrarji għall-Artikolu 101 TFUE jew isaħħaħ l-effetti ta’ tali ftehimiet, kemm meta jneħħi mil-leġiżlazzjoni tiegħu n-natura pubblika tagħha billi jiddelega lil operaturi privati r-responabbiltà li jintervjenu biex jieħdu deċiżjonijiet ta’ interess ekonomiku, kif ukoll jimponi jew jiffavorizza abbużi minn pożizzjoni dominanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cipolla et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

39

Ebda element mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tali effetti. Barra minn hekk, huwa evidenti li l-Istat Membru inkwistjoni ma ddelegax lil operaturi privati r-responsabbiltà li jieħdu deċiżjonijiet ta’ interess ekonomiku.

40

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat, fit-tielet lok, jekk l-Artikolu 106 TFUE japplikax għall-każ ineżami, billi l-Artikolu 106(1) TFUE jipprojbixxi lill-Istati Membri, f’dak li jikkonċerna l-impriżi li lilhom jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi, milli jiddekretaw jew li jżommu fis-seħħ miżuri kuntrarji għar-regoli tat-Trattati, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE.

41

Miżura statali tista’ titqies bħala li tagħti dritt esklużiv jew speċjali fis-sens tal-Artikolu 106(1) TFUE meta din tagħti protezzjoni lil numru limitat ta’ impriżi u meta din tkun ta’ natura li taffettwa b’mod sostanzjali l-kapaċità tal-impriżi l-oħra sabiex jeżerċitaw l-attività ekonomika inkwistjoni fl-istess territorju, f’kundizzjonijiet essenzjalment ekwivalenti (ara s-sentenza Ambulanz Glöckner, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

42

F’dan il-każ, il-fatt li l-kompiti marbuta maċ-ċertifikazzjoni kienu ġew fdati lis-SOA kollha u lilhom biss ma jistax jitqies bħala li jagħti drittijiet speċjali jew esklużivi lil dawn tal-aħħar. Fil-fatt, is-SOA kollha għandhom l-istess drittijiet u l-istess kompetenzi fil-kuntest tas-suq rilevanti tas-servizzi ta’ ċertifikazzjoni, u ma nħoloq ebda vantaġġ kompetittiv għall-benefiċċju ta’ ċerti impriżi attivi f’dan is-suq għad-detriment ta’ impriżi oħra li jipprovdu l-istess servizzi. Barra minn hekk, jidher li l-awtorizzazzjoni sabiex jinħolqu SOA ġodda ma hijiex riżervata għal numru limitat ta’ korpi, iżda li din tinħareġ lil kull korp li jissodisfa l-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 7 tas-sentenza preżenti.

43

Għaldaqstant, is-SOA ma jistgħux jitqiesu bħala impriżi mogħnija, mill-Istat Membru kkonċernat, bi drittijiet speċjali jew esklużivi fis-sens tal-Artikolu 106(1) TFUE.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikoli 101 TFUE, 102 TFUE u 106 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li timponi fuq is-SOA sistema ta’ tariffi minimi għas-servizzi ta’ ċertifikazzjoni pprovduti lill-impriżi li jixtiequ jipparteċipaw fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi.

Fuq il-libertà ta’ stabbiliment

45

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 49 TFUE jipprekludi r-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment. Din id-dispożizzjoni tipprojbixxi kull miżura nazzjonali li tista’ xxekkel jew trendi inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mit-Trattat. Il-kunċett ta’ restrizzjoni jkopri l-miżuri meħuda minn Stat Membru li, minkejja li huma applikabbli mingħajr distinzjoni, jaffettwaw l-aċċess għas-suq għall-impriżi ta’ Stati Membri oħra u b’hekk ixekklu l-kummerċ fi ħdan il-Komunità (ara s-sentenzi tat-28 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C-518/06, Ġabra p. I-3491, punti 63 u 64, kif ukoll tas-7 ta’ Marzu 2013, DKV Belgium, C‑577/11, punti 31 sa 33).

46

F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-elementi kollha tal-kawża prinċipali huma konfinati fi ħdan Stat Membru wieħed, jiġifieri r-Repubblika Taljana. Għaldaqstant, hemm lok li preliminarjament jiġi vverifikat jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni fil-kawża preżenti sabiex tiddeċiedi dwar id-dispożizzjoni tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment, jiġifieri l-Artikolu 49 TFUE (sentenza tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group, C-384/08, Ġabra p. I-2055, punt 22).

47

Fil-fatt, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija applikabbli mingħajr distinzjoni għaċ-ċittadini Taljani u għaċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra, bħala regola ġenerali tista’ biss taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet relattivi għal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat sa fejn din tapplika għal sitwazzjonijiet li għandhom rabta mal-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara s-sentenza Attanasio Group, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Madankollu, bl-ebda mod ma jista’ jiġi eskluż f’dan il-każ li impriżi stabbiliti fi Stati Membri li ma humiex ir-Repubblika Taljana kienu jew huma interessati li jeżerċitaw attività ta’ ċertifikazzjoni f’dan l-aħħar Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Attanasio Group, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

49

Barra minn hekk, anki f’tali sitwazzjoni fejn l-elementi kollha huma konfinati fi ħdan Stat Membru wieħed, risposta tista’ madankollu tkun utli għall-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari fl-ipoteżi fejn id-dritt nazzjonali jkun jimponilha li tippermetti li ċittadin nazzjonali jibbenefika mill-istess drittijiet bħal dawk li jgawdi ċittadin ta’ Stat Membru ieħor skont id-dritt tal-Unjoni fl-istess sitwazzjoni (ara s-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez, C-570/07 u C-571/07, Ġabra p. I-4629, punt 39).

50

Fir-rigward tal-Artikolu 51 TFUE, li skontu huma eżentati mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment l-attivitajiet li jipparteċipaw fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, għandu jiġi rrilevat li din id-deroga ma hijiex applikabbli fil-kawża prinċipali.

51

Fil-fatt, l-imsemmija deroga hija limitata għal dawk l-attivitajiet biss li, waħedhom, jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-47/08, Ġabra p. I-4105, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 28 sa 35 tas-sentenza preżenti, ma jistax jiġi sostnut li l-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni tas-SOA jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

53

Fil-fatt, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 47 u 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 51 TFUE d-deċiżjonijiet ta’ jekk jiġix iċċertifikat jew le test dwar jekk vettura hijiex f’kundizzjoni tajba għas‑sewqan, liema deċiżjonijiet, essenzjalment, jikkunsidraw biss ir-riżultati taż-żjara teknika, sa fejn, minn naħa, dawn ikunu nieqsa mill-awtonomija deċiżjonali xierqa għall-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika u, min-naħa l-oħra, dawn ikunu meħuda fil-kuntest ta’ sorveljanza Statali diretta (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-438/08, Ġabra p. I-10219, punti 41 u 45). Bl-istess mod, ir-rwol awżiljarju u preparatorju mogħti lil korpi privati fir-rigward tal-awtorità ta’ superviżjoni ma jistax jitqies bħala parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-Artikolu 51 TFUE (ara s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-404/05, Ġabra p. I-10239, punt 44).

54

F’dan il-każ, il-verifika, mis-SOA, tal-kapaċità teknika u finanzjarja tal-impriżi suġġetti għaċ-ċertifikazzjoni, tal-veraċità u tal-kontenut tad-dikjarazzjonijiet, ċertifikati u dokumenti ppreżentati mill-persuni li lilhom jinħarġilhom iċ-ċertifikat kif ukoll taż-żamma tal-kundizzjonijiet relattivi għas-sitwazzjoni personali tal-kandidat jew tal-offerent ma tistax titqies bħala attività li taqa’ fi ħdan l-awtonomija deċiżjonali xierqa għall-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Din il-verifika hija totalment determinata mill-kuntest leġiżlattiv nazzjonali. Barra minn hekk, din titwettaq taħt sorveljanza Statali diretta u għandha l-funzjoni li tiffaċilita l-kompitu tal-awtoritajiet kontraenti fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, peress li l-għan tagħha huwa li tippermetti lil dawn tal-aħħar li jwettqu l-missjoni tagħhom billi jkollhom għarfien preċiż u dettaljat tal-kapaċità kemm teknika kif ukoll finanzjarja tal-offerenti.

55

Għaldaqstant, hemm lok li tiġi evalwata l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-Artikolu 49 TFUE.

– Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment

56

Ir-regoli nazzjonali kkontestati fil-kuntest tal-kawża prinċipali jipprojbixxu lill-impriżi li jipprovdu servizzi ta’ ċertifikazzjoni milli jidderogaw mit-tariffi minimi previsti mid-dritt Taljan. Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijet tiegħu, l-imsemmija regoli jistgħu jrendu inqas attraenti l-eżerċizzju, mill-impriżi stabbiliti fi Stati Membri li ma humiex ir-Repubblika Taljana, tal-libertà ta’ stabbiliment fis-suq tal-imsemmija servizzi.

57

Fil-fatt, l-imsemmija projbizzjoni ċċaħħad lill-impriżi stabbiliti fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika Taljana u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni Taljana mill-possibbiltà li jagħtu, permezz tat-talba ta’ drittijiet inferjuri minn dawk stabbiliti mil-leġiżlatur Taljan, kompetizzjoni iktar effikaċi lill-impriżi stabbiliti b’mod stabbli fl-Istat Membru kkonċernat u li, minħabba dan il-fatt, għandhom faċilitajiet iktar kbar milli l-impriżi li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor sabiex jiksbu klijentela (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France, C-442/02, Ġabra p. I-8961, punt 13, kif ukoll Cipolla et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

58

F’dawn iċ-ċirkustanzi, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha titqies bħala li tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment.

– Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment

59

Restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi aċċettata jekk jirriżulta li din tissodisfa raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, li hija adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex minnha u li hija ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħqu (ara s-sentenza DKV Belgium, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

60

L-Unionsoa u l-Gvern Taljan iqisu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża li tiggarantixxi l-indipendenza tas-SOA kif ukoll il-kwalità tas-servizzi ta’ ċertifikazzjoni pprovduti minn dawn tal-aħħar. Fil-fatt, kompetizzjoni bejn is-SOA fuq il-livell tat-tariffi nnegozjati mal-klijenti tagħhom u l-possibbiltà li dawn it-tariffi jiġu stabbiliti f’livell baxx ħafna jirriskjaw li jxekklu l-indipendenza tagħhom fir-rigward tal-imsemmija klijenti u li jaffettwa b’mod negattiv il-kwalità tas-servizzi ta’ ċertifikazzjoni.

61

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-interess ġenerali marbut mal-protezzjoni tad-destinatarji tas-servizzi jista’ jiġġustifika restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment (ara s-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C-451/03, Ġabra p. I-2941, punt 38).

62

F’dan il-każ, minn naħa, is-SOA huma inkarigati miċ-ċertifikazzjoni ta’ impriżi, u l-ksib ta’ ċertifikat xieraq huwa kundizzjoni neċessarja tal-parteċipazzjoni tal-impriżi interessati fil-kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi. F’dan il-kuntest, il-leġiżlazzjoni Taljana hija intiża li tiggarantixxi l-assenza ta’ kull interess kummerċjali jew finanzjarju ta’ natura li jwassal għal aġir mhux imparzjali jew aġir diskriminatorju min-naħa tas-SOA fir-rigward tal-imsemmija impriżi.

63

Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, is-SOA jistgħu biss jeżerċitaw l-attività li tikkonsisti fiċ-ċertifikazzjoni. Barra minn hekk, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, dawn huma obbligati jkollhom riżorsi u proċedura adegwati sabiex jiżguraw l-effikaċja u l-lealtà tal-provvista tas-servizzi tagħhom.

64

Huwa f’din il-perspettiva tal-protezzjoni tad-destinatarji tas-servizzi li l-indipendenza tas-SOA fir-rigward tal-interessi partikolari tal-klijenti tagħhom tikseb importanza partikolari. Ċertu limitazzjoni tal-possibbiltà li l-prezzijiet tas-servizzi jiġu nnegozjati ma’ dawn il-klijenti tista’ ssaħħaħ l-indipendenza tagħhom.

65

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-iffissar ta’ tariffi minimi għall-provvista ta’ tali servizzi huwa intiż, bħala prinċipju, li jiżgura l-kwalità tajba ta’ dawn tal-aħħar u dan huwa adegwat sabiex jiggarantixxi t-twettiq tal-għan tal-protezzjoni tad-destinatarji tal-imsemmija servizzi.

66

F’dan ir-rigward, madankollu, għandu jiġi enfasizzat li s-sistema nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward tat-tariffi, u, b’mod partikolari, il-mod ta’ kif jiġu kkalkulati t-tariffi minimi, għandu jkun proporzjonat fir-rigward tat-twettiq tal-għan imsemmi fil-punt ta’ qabel dan.

67

F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni Taljana tipprevedi li kull ċertifikat ta’ kwalifikazzjoni u kull tiġdid ta’ ċertifikat kif ukoll l-attivitajiet addizzjonali kollha ta’ reviżjoni jew ta’ modifika huma suġġetti għall-ħlas ta’ tariffa minima stabbilita skont l-ammont globali u n-numru ta’ kategoriji ġenerali jew speċjalizzati li għalihom tintalab il-kwalifikazzjoni.

68

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi fil-punt 65 tas-sentenza preżenti. Għal dan l-għan, tkun hi li jkollha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-mod ta’ kif jiġu kkalkulati t-tariffi minimi, speċjalment skont in-numru ta’ kategoriji ta’ xogħlijiet li għalihom jinħareġ ċertifikat.

69

B’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq is-SOA tariffi minimi għas-servizzi ta’ ċertifikazzjoni pprovduti lill-impriżi li jixtiequ jipparteċipaw fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE, iżda tali leġiżlazzjoni hija adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan tal-protezzjoni tad-destinatarji tal-imsemmija servizzi. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, b’teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-mod ta’ kif jiġu kkalkulati t-tariffi minimi, speċjalment skont in-numru ta’ kategoriji ta’ xogħlijiet li għalihom jinħareġ iċ-ċertifikat, l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq.

Fuq l-ispejjeż

70

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 101 TFUE, 102 TFUE u 106 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li timponi fuq il-kumpanniji li għandhom il-kwalità ta’ korpi ta’ ċertifikazzjoni (Società Organismi di Attestazione) sistema ta’ tariffi minimi għas-servizzi ta’ ċertifikazzjoni offruti lill-impriżi li jixtiequ jipparteċipaw fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi.

 

Tali leġiżlazzjoni nazzjonali tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE, iżda hija adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan tal-protezzjoni tad-destinatarji tal-imsemmija servizzi. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, b’teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-mod ta’ kif jiġu kkalkulati t-tariffi minimi, speċjalment skont in-numru ta’ kategoriji ta’ xogħlijiet li għalihom jinħareġ iċ-ċertifikat, l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.