DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

28 ta’ Novembru 2013 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Dritt għal rimedju effettiv — Persuni ġuridiċi bi skop ta’ lukru — Għajnuna legali — Assenza ta’ konnessjoni mad-dritt tal-Unjoni — Nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

Fil-Kawża C‑258/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-5a Vara Cível de Lisboa (il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Mejju 2013, fil-proċedura

Sociedade Agrícola e Imobiliária da Quinta de S. Paio Lda

vs

Instituto da Segurança Social IP,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, K. Lenaerts (Relatur), vice-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, J. L. da Cruz Vilaça, J.-C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, skont l-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Dik it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Sociedade Agrícola e Imobiliária da Quinta de S. Paio Lda (iktar ’il quddiem is-“Sociedade Agrícola”) u l-Instituto da Segurança Social IP (iktar ’il quddiem l-“Instituto”) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħtiha għajnuna legali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2003/8/KE

3

Il-premessa 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE, tas-27 ta’ Jannar 2003, biex ittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja f’tilwimiet bejn il-konfini [transkonfinali] billi tistabbilixxi regoli komuni minimi konnessi ma’ għajnuna legali għal tilwimiet bħal dawn (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 19, Vol. 6, p. 90) hija redatta kif ġej:

“Din id-Direttiva tfittex li tippromwovi l-applikazzjoni ta’ għajnuna legali f’tilwimiet bejn konfini [transkonfinali] għal persuni li m’għandhomx riżorsi biżżejjed fejn għajnuna tkun meħtieġa biex ikun żgurat aċċess effettiv għal ġustizzja. Id-dritt ġeneralment irrikonoxxut għal aċċess għal ġustizzja huwa wkoll irriaffermat bl-Artikolu 47 tal-[Karta].”

4

Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-dritt tal-għajnuna legali huwa ddefinit kif ġej fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/8:

“Persuni naturali involuti f’tilwima koperta b’din id-Direttiva għandhom ikunu intitolati biex jirċievu għajnuna legali xierqa biex jiżguraw l-aċċess effettiv għal ġustizzja tagħhom skond il-kondizzjonijiet preskritti f’din id-Direttiva.”

Id-dritt Portugiż

5

Il-liġi Nru 34/2004, tad-29 ta’ Lulju 2004, kif emendata mil-liġi Nru 47/2007, tat-28 ta’ Awwissu 2007 (iktar ’il quddiem il-“liġi Nru 34/2004”), tistabbilixxi s-sistema ta’ aċċess għall-ġustizzja u għall-qrati u tittrasponi wkoll fl-ordinament ġuridiku Portugiż id-Direttiva 2003/8.

6

L-Artikolu 7(3) tal-liġi Nru 34/2004 kien jipprovdi li:

“Il-persuni ġuridiċi bi skop ta’ lukru u l-impriżi b’persuna waħda b’responsabbiltà limitata ma għandhomx dritt għal għajnuna legali.”

7

Madankollu, il-leġiżlazzjoni Portugiża teżenta lill-persuni ġuridiċi bi skop ta’ lukru u l-impriżi individwali b’responsabbiltà limitata li jkunu f’sitwazzjoni ta’ insolvenza jew suġġetti għal proċedura li twassal għal stralċ mill-ħlas tal-ispejjeż u tal-imposti relati ma’ azzjoni ġudizzjarja.

Id-deċiżjoni tar-rinviju u d-domandi preliminari

8

Is-Sociedade Agrícola, stabbilita f’Lisbona (Il-Portugall), hija persuna ġuridika bi skop ta’ lukru.

9

Fil-15 ta’ Jannar 2013, hija talbet lill-Instituto, li hija l-entità amministrattiva kompetenti, il-benefiċċju tal-għajnuna legali fil-forma ta’ eżenzjoni mill-ħlas tad-drittijiet tar-reġistru u l-ispejjeż proċedurali l-oħra kif ukoll milli tinkariga u tħallas avukat, filwaqt li sostniet li hija kienet qiegħda tipproponi li tippreżenta rikors li jinvolvi l-ammont ta’ EUR 52 500.

10

Madankollu, l-Instituto kkunsidra li l-imsemmija talba għal għajnuna legali kienet manifestament inammissibbli peress li, skont l-Artikolu 7(3) tal-liġi Nru 34/2004, il-persuni ġuridiċi bi skop ta’ lukru ma għandhomx id-dritt għall-għajnuna legali.

11

Is-Sociedade Agrícola ppreżentat kawża kontra l-imsemmija deċiżjoni tal-Instituto quddiem il-5a Vara Cível de Lisboa, fejn talbet li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari bil-għan li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta.

12

Skont il-qorti tar-rinviju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C-279/09, Ġabra p. I-13849), hija rilevanti għar-riżoluzzjoni tal-vertenza fil-kawża prinċipali. Madankollu, hija tikkunsidra li din is-sentenza għandha madankollu tiġi ċċarata fir-rigward tal-persuni ġuridiċi bi skop ta’ lukru.

13

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-5a Vara Cível de Lisboa ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 47 tal-[Karta] li [jissanċixxi] d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jipprekludi [...] leġiżlazzjoni nazzjonali li [timpedixxi] l-aċċess tal-persuni ġuridiċi bi skop ta’ lukru għal għajnuna legali?

2)

L-Artikolu 47 tal-[Karta] għandu jiġi interpretat fis-sens li jiġi żgurat id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jekk filwaqt li d-dritt intern tal-Istat Membru jeskludi lil persuni ġuridiċi bi skop ta’ lukru mill-għajnuna legali huwa awtomatikament jeżentahom mill-ispejjeż u mill-ħlasijiet [marbuta ma’] azzjonijiet ġudizzjarji fil-każ [li dawn il-persuni ġuridiċi jkunu jinsabu fi stat] ta’ insolvenza jew [suġġetti għal proċedura li twassal għal stralċ]?”

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

14

Skont l-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża, hija tista’, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.

15

F’din il-kawża hemm lok li tiġi applikata l-imsemmija dispożizzjoni.

16

Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tinterpreta d-dritt tal-Unjoni unikament fil-limiti tal-kompetenzi lilha attribwiti (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB., C-400/10 PPU, Ġabra p. I-8965, punt 51, u d-digriet tas-6 ta’ Ġunju 2013, Cholakova, C‑14/13, punt 21).

17

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 KE.

18

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, huwa definit fl-Artikolu 51(1) ta’ din tal-aħħar, li jistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għall-Istati Membri biss meta dawn ikunu qegħdin jimplementaw id-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C-617/10, punt 17).

19

Din id-dispożizzjoni għalhekk tikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita li tistabbilixxi li d-drittijiet fundamentali żgurati fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ Diċembru 2011, Boncea et, C-483/11 u C-484/11, punt 29, kif ukoll is-sentenza Åkerberg Fransson, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

Meta sitwazzjoni legali ma tkunx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha u d-dispożizzjonijiet eventwalment invokati tal-Karta ma jistgħux, fihom infushom, jistabbilixxu dik il-ġurisdizzjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-12 ta’ Lulju 2012, Currà et, C‑466/11, punt 26, kif ukoll is-sentenza Åkerberg Fransson, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

21

Issa, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi l-ebda element konkret li jippermetti li jiġi kkunsidrat li s-suġġett tal-kawża prinċipali jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni minbarra dawk li jinsabu fil-Karta (ara d-digrieti tas-7 ta’ Frar 2013, Pedone, C‑498/12, punt 14, u Gentile, C‑499/12, punt 14, kif ukoll tat-8 ta’ Mejju 2013, T, C‑73/13, punt 13).

22

Fil-fatt, peress li d-Direttiva 2003/8 ma tipprovdix għall-għoti ta’ għajnuna legali lill-persuni ġuridiċi (ara s-sentenza DEB, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43), jeħtieġ, minn naħa, li jiġi rrilevat li din id-direttiva ma hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali.

23

Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, b’mod differenti mill-kawża li tat lok għas-sentenza DEB, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 47 tal-Karta fil-kuntest ta’ proċedura għal responsabbiltà tal-Istat ippreżentata abbażi tad-dritt tal-Unjoni, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi l-ebda prova konkreta li tippermetti li jiġi kkunsidrat li s-Sociedade Agrícola ppreżentat talba għal għajnuna legali fil-kuntest ta’ kawża li għandha bħala l-għan tagħha l-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija lilha mid-dritt tal-Unjoni.

24

F’dawn il-kundizzjonijiet, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għad-domandi magħmula mill-5a Vara Cível de Lisboa.

Fuq l-ispejjeż

25

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għad-domandi preliminari magħmula mill-5a Vara Cível de Lisboa (Il-Portugall) fid-deċiżjoni tagħha tat-13 ta’ Marzu 2013 (Kawża C‑258/13).

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.