SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

5 ta’ Diċembru 2013 ( *1 )

“Moviment liberu tal-ħaddiema — Artikolu 45 TFUE — Regolament (UE) Nru 492/2011 — Artikolu 7(1) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-perijodi ta’ attività mwettqa ma’ persuni li jimpjegaw li ma humiex il-Land Salzburg jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod parzjali — Restrizzjoni għal moviment liberu tal-ħaddiema — Ġustifikazzjonijiet — Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali — Għan ta’ fedeltà — Simplifikazzjoni amministrattiva — Trasparenza”

Fil-Kawża C‑514/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesgericht Salzburg (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Ottubru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Novembru 2012, fil-proċedura

Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken Betriebs Salzbourg

vs

Land Salzburg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

Kompost minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.-C. Bonichot u A. Arabadjiev (relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Settembru 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken Betriebs Salzbourg, minn C. Mahringer, avukat,

għal-Land Salzburg, minn I. Harrer-Hörzinger, avukat, u P. Sieberer, Prozessbevollmächtigter,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u M. Winkler, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze kif ukoll minn K. Petersen u A. Wiedmann, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren, V. Kreuschitz u F. Schatz, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45 TFUE u 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 141, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn iż-Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken Betriebs GmbH (Kumitat tal-Persunal tal-kumpannija ta’ operat ta’ kliniki tal-Land de Salzbourg) u l-Land Salzburg dwar it-teħid inkunsiderazzjoni b’mod parzjali, għall-finijiet tal-kalkolu tar-remunerazzjoni tal-impjegati ta’ dan tal-aħħar, perijodi ta’ attivitajiet imwettqa minn dawn tal-aħħar ma’ persuna li timpjega li ma hijiex il-Land Salzburg.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 jipprovdi:

“Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.”

Id-dritt Awstrijak

4

L-Artikolu 1 tal-Liġi tal-Land de Salzbourg fir-rigward tal-assenjazzjoni tal-membri tal-persunal (Salzburger Landesbediensteten-Zuweisungsgesetz, LGBl. 119/2003), huwa fformulat kif ġej:

“(1)   Il-membri tal-persunal li, il-ġurnata ta’ qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, kienu jaħdmu

1.

għall-kumpannija holding tal-kliniki tal-Land Salzburg jew

2.

f’wieħed mill-postijiet li jaqgħu taħt il-kumpannija holding (l-isptar tal-Land Salzburg Saint Johann, il-klinika newropsikjatrika tal-Land Salzburg Christian Doppler, l-isptar tal-Land Salzburg Saint Veit f’Pongau, l-istitut tal-mediċina sportiva, postijiet ċentrali jew ta’ servizzi, ċentru ta’ taħriġ)

huma assenjati, mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, għall-post ta’ assenjazzjoni attwali tagħhom, fir-rispett tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom, bħala membri tal-persunal fis-servizz permanenti tal-[Gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken Betriebs GmbH (iktar ’il quddiem is-‘SALK’)].

(2)   Sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor, il-membri tal-persunal fis-sens ta’ din il-liġi huma uffiċjali [...] u membri tal-persunal bil-kutnratt [...] tal-Land.”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

(1)   L-amministratur tas-[SALK] huwa awtorizzat li jirrekluta, għal-Land Salzburg u f’isem dan tal-aħħar [...] il-persunal meħtieġ sabiex jiġu eżegwiti l-kompiti tas-[SALK] skont il-pjan tal-postijiet ta’ xogħol [...]

(2)   Il-persuni li kienu ġew irreklutati skont il-paragrafu 1 huma membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Land Salzburg [...] u huma meqjusa bħala assenjati għas-servizz tas-[SALK].”

6

L-Artikolu 53(1) tal-Liġi tal-Land de Salzbourg jirrigwarda statut tal-membri tal-persunal bil-kuntratt (Salzburger Landesvertragsbedienstetengesetzes), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (LGBl. 4/2000, iktar ’il quddiem il-“L-VBG”), kien jipprovdi li:

“Kull sentejn il-membru tal-persunal bil-kuntratt għandu jgħaddi għall-iskala ogħla fil-kategorija tiegħu. Dan l-avvanz jiddependi, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjonijiet mod ieħor, fuq id-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz.”

7

L-Artikolu 54 tal-L-VBG kien jipprovdi:

“Id-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz għandha tiġi ddeterminata fis-sens li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni perijodi oħrajn preċedenti għad-data ta’ reklutaġġ, ikkalkolati b’ 60 % . Permezz ta’ “perijodi oħra ta’ attività”, għandu jinftiehem il-perijodu kollu bejn l-età ta’ 18-il sena magħluqa (jew ta’ 22-il sena għall-karrieri superjuri) u d-data ta’ dħul fis-servizz tal-Land [...]”

8

Il-VBG ġiet emendata fl-2012 b’effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2004 (LGBl. 99/2012). L-Artikolu 54 tal-VBG, kif emendat, huwa fformulat kif ġej:

“(1)   Id-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz għandha tiġi ddeterminata fis-sena li jitqiesu preċedenti għad-data ta’ reklutaġġ, skont il-modalitajiet iffissati fil-paragrafu 2, il-perijodi wara t-30 ta’ Ġunju tas-sena li fiha, wara d-dħul fl-ewwel ċiklu, twettqu jew kellhom jitwettqu disa’ snin ta’ studju.

(2)   Il-perijodi msemmija fil-paragrafu 1 jippreċedu d-data ta’ reklutaġġ kif ġej:

1.

sa tliet snin, fil-kategorija ta’ remunerazzjoni (A), komplessivament sa seba’ snin b’kollox;

2.

għall-perijodi li jmorru lil hinn minn dawk speċifikati, sa 60 %.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9

Is-SALK hija kumpannija holding ta’ tliet sptarijiet u ta’ stabbilimenti oħrajn li jinsabu fil-Land de Salzbourg, li l-uniku azzjonist huwa l-Land Salzburg, il-konvenut fil-kawża prinċipali. Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-impjegati tas-SALK huma uffiċjali jew membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Land Salzburg.

10

Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-data tal-31 ta’ Mejju 2012, 716-il tabib jaħdmu għas-SALK, li fosthom 113 ġejjin minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) li ma huwiex ir-Repubblika tal-Awstrija, kif ukoll 2850 professjonisti tas-saħħa li ma humiex tobba, li fosthom 340 ġejjin minn Stat Membru jew miż-ŻEE li ma huwiex ir-Repubblika tal-Awstrija.

11

Permezz ta’ rikors ippreżentat fis-6 ta’ April 2012, iż-Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken Betriebs GmbH adit lil-Landesgericht Salzburg b’talba intiża sabiex jiġi kkonstatat, b’effett bejn il-partijiet, id-dritt tal-impjegati tas-SALK li jiksbu rikonoxximent, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-data ta’ referenza għall-avvanz tagħhom għall-iskala ogħla tal-kategorija tagħhom, tat-totalità tal-perijodi ta’ attività professjonalment rilevanti, imwettqa fl-Unjoni jew fiż-ŻEE ma’ persuni li jimpjegaw li ma humiex il-Land Salzburg, għar-raġuni li, jekk l-imsemmija perijodi ta’ attività kienu twettqu fis-servizz ta’ dan tal-aħħar, kienu jiġu kkunsidrati kompletament.

12

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din it-talba tressqet skont l-Artikolu 54(1) tal-Liġi dwar il-qrati tax-xogħol u tad-dritt soċjali (Arbeits- und Sozialgerichtsgesetz). Skont din id-dispożizzjoni, il-korpi ta’ rappreżentazzjoni li għandhom locus standi in judicio jistgħu, fil-kuntest tal-qasam ta’ ġurisdizzjoni tagħhom, iressqu azzjoni ġudizzjarja f’kawżi li jaqgħu taħt id-dritt tax-xogħol sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ drittijiet jew ta’ relazzjonijiet ġuridiċi li jikkonċernaw tal-inqas tliet impjegati tal-istabbiliment tagħhom jew tal-impriża tagħhom.

13

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, sabiex tiġi ddeterminata d-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz tal-impjegati tas-SALK għall-iskala ogħla tal-kategorija tagħhom, l-Artikolu 54 tal-L-VBG jagħmel distinzjoni bejn l-impjegati li dejjem ħadmu fis-servizzi li jaqgħu taħt il-Land Salzburg jew għal persuni li jimpjegaw oħrajn. Għal dawk tal-ewwel, il-perijodi ta’ attività jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-totalità tagħhom, filwaqt li, għal dawk tat-tieni, il-perijodi ta’ attività mwettqa qabel ir-reklutaġġ tagħhom mal-Land Salzburg jittieħdu inkunsiderazzjoni biss is-60 %. Konsegwentement, l-impjegati li jibdew l-attività professjonali mal-Land Salzburg ikunu kklassifikati fi skala ta’ remunerazzjoni iktar għolja meta mqabbla ma’ dawk li jkunu kisbu esperjenza professjonali simili u ugwalment twila ma’ persuni li jimpjegaw oħrajn.

14

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 54 tal-L-VBG ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni skont in-nazzjonalità, sa fejn japplika mingħajr distinzjoni għaċ-ċittadini Awstrijaċi u ta’ Stati Membri oħrajn. Din il-qorti għandha madankollu dubji rigward il-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni mal-Artikolu 45 TFUE u mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesgericht Salzburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament [Nru 492/11] jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali (f’dan il-każ l-Artikoli 53 u 54 tal-L-VBG), li tipprovdi li, sabiex tiġi ddeterminata d-data rilevanti għall-finijiet tal-avvanz fl-iskali ta’ remunerazzjoni ogħla, persuna pubblika li timpjega għandha tieħu inkunsiderazzjoni fit-totalità tagħhom il-perijodi ta’ attività mwettqa mingħajr interruzzjoni fis-servizz tagħha mill-impjegati tagħha, iżda għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod globali u minn ċertu età, biss parti mill-perijodi ta’ attività mwettqa mill-impjegati tagħha ma’ persuni privati jew pubbliċi oħra li jimpjegaw - kemm jekk fl-Awstrija kif ukoll jekk fi Stat ieħor tal-[Unjoni] jew taż-ŻEE?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

16

Il-Land Salzburg isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli minħabba l-fatt li ma tipprovdix b’mod suffiċjenti l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi b’mod utli għad-domanda magħmula. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 54 tal-L-VBG, kif emendat, li huwa applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

17

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun utli għall-qorti nazzjonali tirrikjedi li din il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, almenu, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi (ara s-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7, C-380/05, Ġabra p. I-349, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group, C-384/08, Ġabra p. I-2055, punt 32).

18

Il-Qorti tal-Ġustizzja insistiet ukoll fuq l-importanza tal-indikazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tar-raġunijiet preċiżi li wassluha tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li tikkunsidra neċessarju li tressaq id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et, C-453/03, C-11/04, C-12/04 u C-194/04, Ġabra p. I-10423, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tal-20 ta’ Jannar 2011, Chihabi et, C-432/10, punt 22).

19

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi punti ta’ fatt u ta’ liġi li jippermettu kemm lill-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi risposti utli lill-qorti tar-rinviju kif ukoll lill-Gvernijiet tal-Istati Membri u lill-persuni kkonċernati l-oħra li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Ir-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja ġew indikati b’mod ċar fid-deċiżjoni tar-rinviju.

20

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva, b’risposta għal talba għal kjarifiki li l-Qorti tal-Ġustizzja indirizzatilha skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li l-Artikolu 54 tal-L-VBG, kif emendat, ma kellu l-ebda rilevanza fuq id-domanda preliminari, peress li din id-dispożizzjoni kienet iżżomm it-teħid inkunsiderazzjoni sa 60 % tal-perijodi ta’ attività mwettqa bejn l-età ta’ 18-il sena jew ta’ 22 sena u d-data ta’ dħul fis-servizz tal-Land Salzburg.

21

Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

22

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 45 TFUE u 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, sabiex tiġi ddeterminata d-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz ta’ impjegati ta’ kollettività territorjali għall-iskali ogħla ta’ remunerazzjoni fil-kategorija tagħhom għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-totalità tagħhom il-perijodi ta’ attività mwettqa mingħajr interruzzjoni fis-servizz ta’ din il-kollettività, filwaqt li kull perijodu ieħor ta’ attività għandux jittieħed inkunsidrazzjoni biss b’mod parzjali.

23

L-Artikolu 45(2) TFUE jipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri, f’dak li jikkonċerna l-impjieg, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol. L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 jikkostitwixxi biss l-espressjoni partikolari tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 45(2) TFUE fil-qasam speċifiku tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol, u li għalhekk, għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħal dan l-artikolu tal-aħħar (sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-371/04, Ġabra p. I-10257, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Id-determinazzjoni tad-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz għall-iskali ogħla ta’ remunerazzjoni taqa’ b’mod inkontestabbli, bħala element li jaffettwa r-remunerazzjoni tal-ħaddiema, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punt preċedenti.

25

Ir-regola tal-ugwaljanza ta’ trattament stabbilita kemm fl-Artikolu 45 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011, tipprekludi mhux biss id-diskriminazzjonijiet ċari, ibbażati fuq in-nazzjonalità, iżda anki kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, permezz tal-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, effettivament iwasslu għall-istess riżultat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Mejju 1996, O’Flynn, C-237/94, Ġabra p. I-2617, punt 17, u tat-28 ta’ Ġunju 2012, Erny, C-172/11, punt 39).

26

Sakemm ma tkunx oġġettivament ġustifikata u proporzjonata għall-għan segwit, dispożizzjoni nazzjonali, għalkemm applikata b’mod indistint skont iċ-ċittadinanza, għandha tiġi kkunsidrata bħala indirettament diskriminatorja peress li tista’, min-natura tagħha stess, taffettwa kemm lill-ħaddiema emigranti kif ukoll lill-ħaddiema nazzjonali filwaqt li b’konsegwenza ta’ dan ikun hemm ir-riskju li tisfavorixxi lil tal-ewwel b’mod iktar partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-269/07, Ġabra p. I-7811, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Sabiex miżura tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala indirettament diskriminatorja, ma huwiex neċessarju li jkollha l-effett li tiffavorixxi ċ-ċittadini nazzjonali kollha jew li ma tiffavorixxix ħlief liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra minbarra dawk nazzjonali (sentenza Erny, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

F’dan il-każ, billi tirrifjuta li tieħu inkunsiderazzjoni t-totalità tal-perijodi ta’ attività rilevanti mwettqa minn ħaddiem emigrant ma’ persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru ieħor li ma huwiex ir-Repubblika tal-Awstrija, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’, minn naħa, taffettwa kemm il-ħaddiema emigranti kif ukoll il-ħaddiema nazzjonali billi tiffavorixxi lil tal-ewwel b’mod iktar partikolari jew lil dawk li x’aktarx kisbu esperjenza professjonali fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika tal-Awstrija qabel daħlu fis-servizzi tal-Land Salzburg. Għalhekk, ħaddiem emigrant li jkun kiseb, mingħand persuni li jimpjegaw stabbiliti fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika tal-Awstrija, esperjenza professjonali rilevanti u ugwalment twila bħala dik miksuba minn ħaddiem li jkun kompla l-karriera tiegħu mas-servizzi li jaqgħu taħt il-Land Salzburg jiġi kklassifikat fi skala inqas għolja ta’ remunerazzjoni minn dik li jkun ikklassifikat dan tal-aħħar.

29

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-imsemmija leġiżlazzjoni taffettwa bl-istess mod l-impjegati li ngħaqdu mill-ġdid mas-servizzi tal-Land Salzburg wara li jkunu ħadmu, l-ewwel, għall-imsemmija servizzi, u sussegwentement, għal impjegati oħrajn, sa fejn il-perijodi kollha ta’ attività mwettqa minnhom sal-mument meta huma jidħlu mill-ġdid fis-servizzi tal-Land jittieħdu inkunsiderazzjoni biss sa 60 %. Din il-leġiżlazzjoni tista’ għalhekk tiskoraġġixxi lill-ħaddiema diġà impjegati mal-Land Salzburg milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu. Fil-fatt, jekk huma jiddeċiedu li jitilqu mis-servizzi ta’ dan tal-aħħar, il-perijodi kollha ta’ attività li huma jkunu wettqu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss parzjalment fil-mument tal-kalkolu tar-remunerazzjoni tagħhom, fil-każ li huma jkunu jixtiequ jerġgħu jidħlu sussegwentement fl-imsemmija servizzi.

30

Dispożizzjonijiet nazzjonali li jimpedixxu jew jiskoraġġixxu lill-ħaddiem ċittadin ta’ Stat membru li jitlaq l-Istat ta’ oriġini tiegħu biex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu jikkostitwixxu, għalhekk, ostakoli għal din il-libertà anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet huma applikabbli indipendentement min-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Marzu 2005, Kranemann, C-109/04, Ġabra p. I-2421, punt 26, u tas-16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais, C-325/08, Ġabra p. I-2177, punt 34).

31

Huwa ċertament minnu li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriskja li tkun għad-detriment mhux biss tal-ħaddiema emigranti, iżda wkoll tal-ħaddiema nazzjonali li jkunu kisbu esperjenza professjonali rilevanti mingħand persuna li timpjega stabbilita fl-Awstrija u mhux fil-Land Salzburg. Madankollu, kif tfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, sabiex miżura tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala indirettament diskriminatorja, ma huwiex neċessarju li jkollha l-effett li tiffavorixxi ċ-ċittadini nazzjonali kollha jew li ma tiffavorixxix ħlief liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra minbarra dawk nazzjonali.

32

Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-persuni, kif ukoll dawk tar-Regolament Nru 492/2011, huma intiżi li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Istati Membri, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kwalunkwe natura fit-territorju tal-Unjoni u jipprekludu miżuri li jistgħu jqiegħdu fi żvantaġġ lil dawn iċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Kranemann, punt 25, u Olympique Lyonnais, punt 33).

33

Fir-rigward tal-argument tal-Gvern Awstrijak u dak Ġermaniż li jqisu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali taffettwa d-deċiżjoni ta’ ħaddiem emigrant li jidħol fis-servizzi tas-SALK biss b’mod aleatorju, għandu jitfakkar li r-raġunijiet għaliex ħaddiem emigrant jagħżel li jagħmel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu ġewwa l-Unjoni ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata n-natura diskriminatorja ta’ dispożizzjoni nazzjonali. Fil-fatt, il-possibbiltà li tiġi invokata libertà daqstant fundamentali bħall-moviment liberu tal-persuni ma tistax tiġi limitata minn tali kunsiderazzjonijiet, ta’ natura purament oġġettiva (sentenza O’Flynn, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).

34

Barra minn hekk, l-artikoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapitali jikkostitwixxu dispożizzjonijiet fundamentali għall-Unjoni u li kull ostakolu, anki ta’ importanza minuri, għal din il-libertà huwa pprojbit (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C-169/98, Ġabra p. I-1049, punt 46, kif ukoll tal-1 ta’ April 2008, Gouvernement de la Communauté française et gouvernement wallon, C-212/06, Ġabra p. I-1683, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Konsegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema, li huwa, fil-prinċipju, ipprojbit mill-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011.

36

Miżura bħal din tista’ tiġi aċċettata biss jekk ikollha wieħed mill-għanijiet leġittimi msemmija fit-Trattat u tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Però, f’każ bħal dan, ikun meħtieġ li l-applikazzjoni tagħha tkun adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan inkwistjoni u ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Kranemann, punt 33, u Olympique Lyonnais, punt 38).

37

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi “bonus għal fedeltà” intiż li jikkumpensa lill-ħaddiema li jkomplu l-karriera tagħhom mal-istess persuna li timpjega. Skont il-Land Salzburg u l-Gvern Awstrijak, l-imsemmija leġiżlazzjoni ma timplementax tali bonus.

38

Anki jekk din il-leġiżlazzjoni ssegwi effettivament l-għan ta’ fedeltà tal-ħaddiema lejn il-persuni li jimpjegawhom, u għalkemm ma jistax jiġi eskluż li tali għan jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C-224/01, Ġabra p. I-10239, punt 83), għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-imsemmija leġiżlazzjoni, l-ostakolu li din tinvolvi ma jistax ikun iġġustifikat fid-dawl ta’ dan l-għan.

39

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju rrilevat, b’risposta għat-talba għal kjarifiki msemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, li l-impjegati tas-SALK, li peress li huma uffiċjali jew membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Land Salzburg, igawdu minn teħid inkunsiderazzjoni totali tal-perijodi preċedenti ta’ attività, rilevanti fir-rigward tal-funzjonijiet eżerċitati mas-SALK jew le, imwettqa mingħajr interruzzjoni fis-servizzi li jaqgħu mhux biss taħt is-SALK bħala tali, iżda taħt il-Land Salzburg b’mod ġenerali.

40

Fid-dawl tal-multipliċità ta’ persuni li jimpjegaw potenzjali li jaqgħu taħt il-Land Salzburg, tali sistema ta’ remunerazzjoni hija intiża sabiex tippermetti l-mobbiltà fi ħdan grupp ta’ persuni li jimpjegaw distinti u mhux sabiex tikkumpensa l-fedeltà ta’ persuna impjegata lejn persuna impjegata speċifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2000, Österreichischer Gewerkschaftsbund, C-195/98, Ġabra p. I-10497, punt 49).

41

Il-Land Salzburg kif ukoll il-Gvern Awstrijak u dak Ġermaniż isostnu li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ssegwi l-għanijiet leġittimi ta’ simplifikazzjoni amministrattiva u ta’ trasparenza. Għal dak li jikkonċerna dan l-ewwel għan, ir-rata fissa ta’ 60 % għall-perijodi kollha ta’ attività mwettqa mal-persuni li jimpjegaw li ma humiex il-Land Salzburg issostitwiet sistema preċedenti kumplessa bil-għan li jiġu ssemplifikati l-kalkoli li l-amministrazzjoni għandha tagħmel waqt id-determinazzjoni tad-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz għall-iskali ogħla ta’ remunerazzjoni, peress li ma jkunx iktar meħtieġ li tiġi eżaminata każ b’każ il-karriera professjonali kollha tal-ħaddiema li jiġu rreklutati mill-ġdid, u li jitnaqqsu, konsegwentement, l-ispejjeż amministrattivi relatati.

42

Madankollu ma jistax jiġi aċċettat li għan ta’ simplifikazzjoni amministrattiva li jimmira biss li jnaqqas il-kompiti li għandha l-amministrazzjoni pubblika, b’mod partikolari billi jiffaċilita l-kalkoli li din l-amministrazzjoni għandha tagħmel, jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika restrizzjoni għal-libertà daqstant fundamentali bħall-moviment liberu tal-ħaddiema ggarantit mill-Artikolu 45 TFUE.

43

Barra minn hekk, il-kunsiderazzjoni li tipprovdi li tali simplifikazzjoni tippermetti li jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi hija ta’ natura purament ekonomika u għaldaqstant, skont ġurisprudenza stabbilita, ma tistax tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ April 2010, CIBA, C-96/08, Ġabra p. I-2911, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża li tiżgura iktar trasparenza għad-determinazzjoni tad-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz għall-iskali ogħla ta’ remunerazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, din il-leġiżlazzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan. Fil-fatt, it-trasparenza mfittxija tista’ tiġi żgurata permezz ta’ miżuri li ma jostakolawx il-moviment liberu tal-ħaddiema, bħal, pereżempju, ir-redazzjoni u l-pubblikazzjoni jew it-tixrid, permezz ta’ mezzi xierqa, ta’ kriterji stabbiliti minn qabel u nondiskriminazzjoni għall-evalwazzjoni tat-tul tal-esperjenza professsjonali rilevanti għall-finijiet tal-avvanz għall-iskali ogħla ta’ remunerazzjoni.

45

Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 45 TFUE u 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, sabiex tiġi ddeterminata d-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz ta’ impjegati ta’ kollettività territorjali għall-iskali ogħla ta’ remunerazzjoni fil-kategorija tagħhom għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-totalità tagħhom il-perijodi ta’ attività mwettqa mingħajr interruzzjoni fis-servizz ta’ din il-kollettività, filwaqt li kull perijodu ieħor ta’ attività għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss b’mod parzjali.

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 45 TFUE u 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, sabiex tiġi ddeterminata d-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz ta’ impjegati ta’ kollettività territorjali għall-iskali ogħla ta’ remunerazzjoni fil-kategorija tagħhom għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-totalità tagħhom il-perijodi ta’ attività mwettqa mingħajr interruzzjoni fis-servizz ta’ din il-kollettività, filwaqt li kull perijodu ieħor ta’ attività għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss b’mod parzjali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.