SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

4 ta’ Diċembru 2013 ( *1 )

“Rikors għal annullament — Għajnuna mill-Istat — Artikolu 108(1) u (2) TFUE — Għajnuna mogħtija mill-Ungerija bil-għan li tinxtara art agrikola — Kompetenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea — Skema ta’ għajnuna eżistenti — Miżuri xierqa — Natura indissoċjabbli ta’ żewġ skemi ta’ għajnuna — Bdil fiċ-ċirkustanzi — Ċirkustanzi eċċezzjonali — Kriżi ekonomika — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Prinċipju ta’ proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑121/10,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentant fl-4 ta’ Marzu 2010,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci u L. Flynn kif ukoll minn A. Stobiecka-Kuik u K. Walkerová, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn É. Sitbon u F. Florindo Gijón, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Repubblika tal-Litwanja, irrappreżentata minn D. Kriaučiūnas u L. Liubertaitė, bħala aġenti,

L-Ungerija, irrappreżentata minn G. Koós u M. Fehér, kif ukoll minn K. Szíjjártó, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn M. Szpunar, bħala aġent,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, L. Bay Larsen (Relatur), E. Juhász, A. Borg Barthet, C.G. Fernlund u J. L. da Cruz Vilaça, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, G. Arestis, J. Malenovský, A. Prechal, E. Jarašiūnas u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Jannar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/1017/UE, tat-22 ta’ Diċembru 2009, dwar l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat mill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Ungerija għax-xiri ta’ art agrikola bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2013 (ĠU L 348, p. 55, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

L-Att ta ’ Adeżjoni

2

Il-punt 2 tal-Kapitolu 3 tal-Anness X tal‑Att li jirrigwarda l‑kundizzjonijiet tal‑adeżjoni tar‑Repubblika Ċeka, ir‑Repubblika tal‑Estonja, ir‑Repubblika ta’ Ċipru, ir‑Repubblika tal‑Latvja, ir‑Repubblika tal‑Litwanja, ir‑Repubblika tal‑Ungerija, ir‑Repubblika ta’ Malta, ir‑Repubblika tal‑Polonja, ir‑Repubblika tas‑Slovenja u r‑Repubblika tas‑Slovakkja u l‑aġġustamenti għat‑trattati li fuqhom hija stabbilita l‑Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni”) jipprovdi:

“Minkejja l-obbligi fit-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, l-Ungerija tista’ żżomm fis-seħħ għal seba’ snin mid-data ta’ l-adeżjoni il-projbizzjonijiet stipulati fil-liġi tagħha eżistenti fil-waqt ta’ l-iffirmar ta’ dan l-Att dwar l-akkwist ta’ art agrikola minn persuni naturali li la huma residenti fl-Ungerija jew l-anqas huma ċittadini Ungeriżi u minn persuni legali. […]

[…]”

Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999

3

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), jipprovdi:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

[…]

b)

“għajnuna eżistenti” għandha tfisser:

[…]

ii)

għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea];

[…]

ċ)

“għajnuna ġdida” għandha tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti;

[…]”

4

L-Artikolu 17(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li skema ta’ għajuna eżistenti m’hijiex, jew m’għadhiex, kompatibbli mas-suq komuni, għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat dwar l-opinjoni preliminarja tagħha u tagħti lill-Istat Memrbu kkonċernat l-opportunità li jissottometti l-kummenti tiegħu fi żmien xahar. […]”

5

L-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Fejn il-Kummissjoni, fid-dawl ta’ l-informazzjoni sottomessa mill-Istat Membru skond l-Artikolu 17, tikkonkludi li l-iskema ta’ għajnuna eżistenti m’hijiex, jew m’għadhiex, kompatibbli mas-suq komuni, għandha toħroġ rakommandazzjoni li tipproponi miżuri xierqa lill-Istat Membru kkonċernat. […]”

6

L-Artikolu 19(1) tal-istess regolament huwa mfassal f’dawn it-termini:

“Fejn l-Istat Membru kkonċernat jaċċetta l-miżuri proposti u jinforma lill-Kummisjsoni dwarhom, il-Kummissjoni għandha tirreġistra dik is-sejba u tinforma lill-Istat Membru dwarha. L-Istat Membru għandu jkun marbut bl-aċċettazzjoni tagħha li jimplimenta l-miżuri xierqa.”

Ir-Regolament (KE) Nru 1857/2006

7

L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1857/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [107 TFUE] u [108 TFUE] għal għajnuna mill-Istat għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju attivi fil-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 70/2001 (ĠU L 348M, p. 925), jipprovdi:

“1.   L-għajnuna għal investimenti fi proprjetajiet agrikoli [fl-Unjoni Ewropea] għall-produzzjoni primarja ta’ prodotti agrikoli, għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni fit-tifsira tal-Artikolu [107(3)(ċ) TFUE] u għandha tkun eżentata mill-ħtieġa ta’ notifika tal-Artikolu [108(3) TFUE] jekk tissodisfa l-kondizzjonijiet imniżżla fil-paragrafi 2 sa 10 ta’ dan l-Artikolu.

[…]

8.   L-għajnuna tista’ tingħata għax-xiri ta’ art barra minn art għal skopijiet ta’ kostruzzjoni li jqumu sa 10% tal-ispejjeż eliġibbli tal-investiment.

[…]”

Ir-Regolament (KE) Nru 1535/2007

8

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1535/2007, tal-20 ta’ Diċembru 2007, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [107 TFUE] u [108 TFUE] għall-għajnuniet de minimis fis-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli (ĠU L 337, p. 35), jipprovdi:

“L-għajnuniet li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 sa 7 ta’ dan l-Artikolu, jitqiesu li ma jissodisfawx il-kriterji kollha ta’ l-Artikolu [107(1) TFUE] u għaldaqstant li mhumiex suġġetti għan-notifika rikjesta mill-Artikolu [108(3) TFUE].”

Il-linji gwida agrikoli

9

Il-punt 29 tal-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu u forestali 2007‑2013 (ĠU 2006, C 319, p. 1, iktar ’il quddiem il-“linji gwida agrikoli”) jipprovdi:

“L-għajnuna għall-investimenti fl-impriżi agrikoli tkun iddikjarata kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu [107(3)(ċ) TFUE] jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 4 tar-[Regolament Nru 1857/2006] […]”

10

Taħt it-titolu “Proposti għall-miżuri xierqa”, il-punt 196 ta’ dawn il-linji gwida huwa mfassal f’dawn it-termini:

“Skont l-Artikolu [108(1) TFUE], il-Kummissjoni tipproponi lill-Istati Membri li jemendaw l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti tagħhom biex jikkonformaw mal-linji gwida preżenti sal-31 ta’ Diċembru 2007, ħlief fil-każ tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti […] favur investimenti għax-xiri ta’ artijiet agrikoli, li għandhom jiġu emendati u jsiru konformi mal-linji gwida preżenti sal-31 ta’ Diċembru 2009.”

11

Il-punt 197 ta’ dawn il-linji gwida jipprovdi li l-Istati Membri huma mistiedna jikkonfermaw bil-miktub li jaċċettaw dawn il-proposti għal miżuri xierqa sa mhux iktar tard mit-28 ta’ Frar 2007.

12

Il-punt 198 tal-istess linji gwida huwa mfassal f’dawn it-termini:

“Jekk Stat Membru ma jikkonfermax bil-miktub l-aċċettazzjoni tiegħu f’dak il-perijodu, il-Kummissjoni tapplika l-Artikolu 19(2) tar-Regolament [Nru 659/1999], u jekk ikun meħtieġ, tagħti bidu għall-proċedura li jagħmel riferiment għaliha l-imsemmi Artikolu.”

Il-qafas temporanju

13

Il-punt 4.2.2 tal-Qafas Komunitarju Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-aċċess għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika preżenti, stabbilit bl-Avviż tal-Kummissjoni, tas-17 ta’ Diċembru 2008 (ĠU 2009 C 83, p. 1), kif emendat bl-Avviż tal-Kummissjoni ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-31 ta’ Ottubru 2009 (ĠU C 261, p. 2, iktar ’il quddiem il-“qafas temporanju”), jipprovdi li, fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika, jitqies bħala neċessarju li jiġi awtorizzat b’mod temporanju l-ogħti ta’ ammont limitat ta’ għajnuna taħt ċerti kundizzjonijiet.

14

Il-punt 4.2.2(h) tal-qafas temporanju jippreċiża, fost oħrajn, li “[m]eta l-għajnuna tingħata lill-impriżi attivi fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli […], l-ammont tal-għajnuna diretta (jew l-ekwivalenti gross tal-għajnuna) ma għandux jaqbeż [EUR] 15 000 għal kull impriża […]”.

15

Il-punt 7 tal-qafas temporanju jipprovdi, b’mod partikolari, li “[d]an l-Avviż […] ma japplikax wara l-31 ta’ Diċembru 2010”.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

16

B’ittra tas-27 ta’ Novembru 2006, l-Ungerija nnotifikat lill-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 88(3) KE, żewġ skemi ta’ għajnuna mill-Istat intitolati rispettivament “Għajnuna għax-xiri ta’ artijiet fil-forma ta’ self b’rata ta’ imgħax issussidjata” u “Għajnuna għall-konsolidament tal-artijiet”. Dawn l-iskemi huma intiżi sabiex jissostitwixxu żewġ skemi ta’ għajnuna eżistenti u li għandhom japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2009. Dawn jieħdu l-forma ta’ għajnuna għall-investimenti li minnhom jibbenefikaw l-agrikolturi li kellhom l-intenzjoni li jixtru artijiet agrikoli.

17

Wara li qieset li din l-għajnuna kienet kompatibbli mal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, il-Kummissjoni, b’żewġ deċiżjonijiet tat-22 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2007, C 68, p. 8, iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjonijiet tat-22 ta’ Diċembru 2006”), iddeċidiet li ma toġġezzjonax. Dawn id-deċiżjonijiet kienu jippreċiżaw li t-tul tal-iskema ta’ għajnuna kkonċernata kien qiegħed jiġi estiż sad-data tal-approvazzjoni tal-Kummissjoni “sal-31 ta’ Diċembru 2009”.

18

Fil-punt 196 tal-linji gwida agrikoli, il-Kummissjoni pproponiet lill-Istati Membri li jemendaw l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti għax-xiri tal-artijiet agrikoli sabiex dawn isiru konformi mal-linji gwida sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2009.

19

Fis-7 ta’ Frar 2007, l-Ungerija nnotifikat li kienet aċċettat il-proposti ta’ miżuri xierqa msemmija fil-punt 196 tal-linji gwida msemmija. Kif jipprovdi l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni ħadet nota ta’ dan il-ftehim billi ppubblikat avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, C 70, p. 11).

20

Fl-4 ta’ Novembru 2009, l-Ungerija ressqet talba quddiem il-Kunsill, abbażi tal-Artikolu 88(2) KE, intiża biex l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti intiżi għax-xiri ta’ artijiet agrikoli jiġu estiżi sal-31 ta’ Diċembru 2009. Fis-27 ta’ Novembru 2009, dan l-Istat Membru ressaq talba iktar dettaljata quddiem il-Kunsill, intiża biex iż-żewġ skemi ta’ għajnuna eżistenti intiżi għax-xiri ta’ artijiet agrikoli jkunu awtorizzati japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2013.

21

Bid-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill laqa’ t-talba msemmija abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE. L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni huwa mfassal kif ġej:

“Għajnuna mill-Istat eċċezzjonali mill-awtoritajiet Ungeriżi fil-forma ta’ sussidji fuq l-interessi u għotjiet diretti għax-xiri ta’ art agrikola, li tammonta għal massimu ta’ HUF 4000 miljun u li tiġi allokata bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2013, għandha titqies li hija kompatibbli mas-suq intern.”

22

Il-Kunsill immotiva d-deċiżjoni tiegħu billi rrefera, b’mod partikolari fil-premessi 2 sa 6 tagħha, għall-istruttura mhux favorevoli tal-użu tal-art, għall-kapital baxx disponibbli lill-agrikolturi Ungeriżi u għad-diffikultajiet li dawn jiffaċċjaw fl-aċċess għall-kreditu, insegwitu għall-kriżi ekonomika u finanzjarja, minħabba fiż-żieda fir-rati ta’ interess fuq self għax-xiri ta’ art agrikola u fl-issikkar tal-kriterji applikati mill-banek għall-għoti ta’ self lill-agrikolturi fl-Ungerija. Il-Kunsill jenfasizza li dan il-kuntest joħloq riskju ta’ żieda fix-xiri spekulattiv tal-art minn operaturi ekonomiċi mhux involuti f’attività agrikola. Barra minn hekk, huwa jsostni li l-kriżi ekonomika wasslet fl-Ungerija għal żieda fil-qgħad u għal tnaqqis fil-prodott gross domestiku, partikolarment fis-settur tal-agrikoltura.

23

Skont il-premessi 8 u 9 tad-deċiżjoni kkontestata:

“(9)

F’dan l-istadju l-Kummissjoni ma bdiet l-ebda proċedura jew ħadet xi pożizzjoni dwar in-natura u l-kompatibbiltà tal-għajnuna.

(10)

Għalhekk jeżistu ċirkostanzi eċċezzjonali, li b’riżultat tagħhom huwa possibbli li din l-għajnuna titqies, bħala deroga u safejn ikun strettament meħtieġ sabiex ikun limitat il-faqar rurali fl-Ungerija, li hi kompatibbli mas-suq intern[.]”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

24

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla id-deċiżjoni kkontestata, u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

25

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala infondat, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26

B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Awwissu 2010, ir-Repubblika tal-Litwanja, l-Ungerija u r-Repubblika tal-Polonja ġew ammessi sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

Fuq ir-rikors

27

Il-Kummissjoni tinvoka erba’ motivi insostenn tar-rikors tagħha, ibbażati, rispettivament, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill, fuq użu ħażin ta’ poter, fuq ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta ’ kompetenza tal-Kunsill

L-argumenti tal-partijiet

28

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Kunsill ma kellux kompetenza sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata.

29

Skont il-Kummissjoni, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-setgħa li għandu l-Kunsill abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE għandha natura eċċezzjonali u li għalhekk, il-Kunsill ma huwiex kompetenti biex ixejjen deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern jew biex jipprova jevita tali deċiżjoni.

30

Il-Kummissjoni tqis li fil-punt 196 tal-linji gwida agrikoli, hija adottat pożizzjoni definittiva fuq il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-iskema ta’ għajnuna implementata mir-Repubblika tal-Litwanja favur ix-xiri ta’ artijiet agrikoli. Il-fatt li din il-pożizzjoni ġiet adottata taħt forma ta’ linji gwida ma għandha ebda konsegwenza, peress li l-qrati tal-Unjoni Ewropea ddeċidew li Stat Membru li jaċċetta l-linji gwida huwa marbut li japplikahom.

31

F’dan il-każ, l-Ungerija nnotifikat l-aċċettazzjoni tagħha tal-proposti għal miżuri xierqa msemmija fil-punt 196 tal-linji gwida agrikoli. Konsegwentement, hija marbuta li twaqqaf l-imsemmija skema ta’ għajnuna mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2009 u li ma terġax timplementaha qabel il-31 ta’ Diċembru 2013. B’hekk, meta awtorizza din l-istess skema ta’ għajnuna mill-1 ta’ Jannar 2010, il-Kunsill ippreġudika l-effettività tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, u b’hekk eċċeda l-kompetenza tiegħu.

32

B’mod kuntrarju, il-Kunsill isostni li l-iskema ta’ għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna ġdida, distinta minn dawk approvati mill-Kummissjoni bid-deċiżjonijiet tat-22 ta’ Diċembru 2006, b’mod partikolari għaliex din hija bbażata fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi ġodda. B’hekk, il-Kummissjoni qatt ma evalwat il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-iskema ta’ għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata.

33

Il-Kunsill iżid li l-punt 196 tal-linji gwida agrikoli ma huwiex applikabbli għall-iskema ta’ għajnuna approvata minnu, peress li l-miżuri xierqa stabbiliti fl-Artikolu 108(1) TFUE japplikaw biss għall-għajnuna eżistenti.

34

Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li d-differenzi msemmija mill-Kunsill bejn l-iskema ta’ għajnuna eżistenti u l-iskema ta’ għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata huma irrilevanti għaliex dawn l-iskemi huma marbuta b’mod tant indissoċjabbli li jkun biss b’mod artifiċjali li ssir distinzjoni bejn dawn l-iskemi għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 108(2) TFUE.

35

Ir-Repubblika tal-Litwanja, l-Ungerija u r-Repubblika tal-Polonja jaqblu, essenzjalment, mal-evalwazzjoni tal-Kunsill.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36

Biex tiġi evalwata l-fondatezza tal-ewwel motiv invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kunsill kienx kompetenti, abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, biex jikkunsidra bħala kompatibbli mas-suq intern l-iskema ta’ għajnuna kkunsidrata mid-deċiżjoni kkontestata, meta l-Ungerija kienet aċċettat il-miżuri xierqa proposti fil-punt 196 tal-linji gwida agrikoli.

37

B’mod konformi mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, il-Kunsill, fuq talba ta’ Stat Membru u b’deċiżjoni unanima, jista’ jiddeċiedi li għajnuna stabbilita jew li għandha tiġi stabbilita minn dan l-Istat għandha titqies bħala kompatibbli mas-suq intern, b’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107 TFUE jew tar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 109 TFUE, jekk ikun hemm ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw tali deċiżjoni.

38

B’hekk, Stat Membru jista’, f’ċirkustanzi definiti sewwa, jinnotifika għajnuna mhux lill-Kummissjoni, li tkun iddeċidiet fil-kuntest iddefinit fl-Artikolu 108(3) TFUE, iżda lill-Kunsill, li jkollu jiddeċiedi fil-kuntest iddefinit fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, b’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107 TFUE jew tar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 109 TFUE.

39

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tippreċiża ċerti aspetti mill-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

40

B’hekk, qabel kollox din iddeċidiet, wara li fakkret ir-rwol ċentrali li t-Trattat FUE jirriżerva lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent tan-nuqqas ta’ kompatibbiltà eventwali ta’ għajnuna mas-suq intern, li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE jikkonċerna każ eċċezzjonali u partikolari, minkejja li s-setgħa tal-Kunsill abbażi ta’ din id-dispożizzjoni għandha manifestament karattru ta’ eċċezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C-110/02, Ġabra p. I-6333, punti 29 sa 31), liema ħaġa timplika li dan it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) għandu neċessarjament ikun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-22 ta’ April 2010, Mattner, C-510/08, Ġabra p. I-3553, punt 32, u tal-14 ta’ Marzu 2013, Česká spořitelna, C‑419/11, punt 26).

41

Sussegwentement, fir-rigward tat-tielet u tar-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 108(2) TFUE, li, minn naħa, jistabbilixxu li meta Stat Membru jressaq il-kwistjoni quddiem il-Kunsill, l-eżami li jkun qed isir mill-Kummissjoni jiġi sospiż għal terminu ta’ tliet xhur u, min-naħa l-oħra, li fin-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-Kunsill f’dan it-terminu, il-Kummissjoni għandha tagħti deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn id-dispożizzjonijiet kellhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-imsemmi terminu jkun skada, il-Kunsill ma jkunx iktar kompetenti li jadotta deċiżjoni taħt l-imsemmi tielet subparagrafu fir-rigward tal-għajnuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

42

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li t-tfassil ta’ tali limitazzjoni fiż-żmien għall-kompetenza tal-Kunsill tindika wkoll li, jekk ma tkun tressqet ebda talba lill-Kunsill mill-Istat Membru kkonċernat, abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, qabel ma l-Kummissjoni tiddikjara l-għajnuna inkwistjoni bħala mhux kompatibbli mas-suq intern u b’dan il-mod tagħlaq il-proċedura stabbilita fl-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 108(2) TFUE, il-Kunsill ma jkunx iktar awtorizzat jeżerċita s-setgħa eċċezzjonali li jikkonferilu t-tielet subparagrafu ta’ din l-aħħar dispożizzjoni għall-finijiet li tali għajnuna tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C-399/03, Ġabra p. I-5629, punt 24).

43

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li din l-interpretazzjoni tippermetti li tiġi evitata l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li d-dispożittiv tagħhom ikun jirriżulta kontradittorju u b’hekk tikkontribwixxi għaċ-ċertezza legali, peress li din tippreżerva l-karattru definittiv ta’ deċiżjoni amministrattiva, miksub wara l-iskadenza ta’ termini għall-appell raġonevoli jew bl-użu tal-mezzi ġudizzjarji kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tad-29 ta’ Ġunju 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, punti 32 u 35, kif ukoll tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, punt 25).

44

Finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet ruħha dwar il-kwistjoni jekk il-fatt li l-Kunsill ma għandux kompetenza sabiex jiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni tkun diġà ddeċidiet definittivament ifissirx li l-Kunsill lanqas ma għandu kompetenza sabiex jiddeċiedi dwar għajnuna li għandha l-għan li tagħti, lill-benefiċjarji tal-għajnuna illegali preċedentement iddikjarata inkompatibbli permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, ammont intiż biex jikkumpensa r-rimbors li kellhom jagħmlu dawn il-benefiċjarji b’applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

45

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li skont ġurisprudenza stabbilita, jekk Stat Membru jitħalla jagħti lill-benefiċjarji ta’ tali għajnuna illegali għajnuna ġdida ta’ ammont ekwivalenti għal dak tal-għajnuna illegali, intiża biex tinnewtralizza l-impatt tar-rimborsi li dawn tal-aħħar huma marbuta li jħallsu b’applikazzjoni tad-deċiżjoni msemmija, evidentement tkun qed tippreġudika l-effettività tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tad-29 ta’ Ġunju 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, punt 43, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, punt 27).

46

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kunsill, li ma jistax jostakola deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern billi huwa stess jiddikjara li din l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq imsemmi, lanqas ma jista’ jippreġudika l-effettività ta’ tali deċiżjoni billi jiddikjara kompatibbli mas-suq intern, abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, għajnuna intiża biex tikkumpensa, favur il-benefiċjarji tal-għajnuna illegali ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern, ir-rimborsi li dawn għandhom jagħmlu b’applikazzjoni tad-deċiżjoni msemmija (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tad-29 ta’ Ġunju 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, punti 44 u 45, kif ukoll tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, punt 28).

47

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108(2) TFUE, il-kompetenzi rispettivi tal-Kunsill u tal-Kummissjoni huma delimitati b’tali mod li, l-ewwel nett, il-kompetenza tal-Kummissjoni tiġi eżerċitata b’mod prinċipali, fejn il-Kunsill huwa kompetenti biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali. It-tieni nett, il-kompetenza tal-Kunsill, li tippermetti li dan jidderoga, fid-deċiżjoni tiegħu, minn ċerti dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, għandha tiġi eżerċitata f’kuntest temporali determinat. It-tielet nett, minn meta l-Kummissjoni jew il-Kunsill ikunu ddeċidew definittivament dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna inkwistjoni, l-istituzzjoni l-oħra ma tkunx tista’ iktar tadotta deċiżjoni f’sens kuntrarju.

48

Din l-interpretazzjoni hija intiża biex tippreżerva l-koerenza u l-effettività tal-azzjoni tal-Unjoni, peress li, minn naħa, din teskludi li jiġu adottati deċiżjonijiet kontradittorji u, min-naħa l-oħra, din tipprekludi li d-deċiżjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni li saret definittiva tkun tista’, lil hinn minn kull terminu ta’ żmien, inkluż dak stabbilit fl-Artikolu 263(6) TFUE, u bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tiġi kontradetta b’dik ta’ istituzzjoni oħra.

49

Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet sottostanti għal din l-interpretazzjoni juru li huwa irrilevanti jekk l-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni tal-Kunsill tikkostitwixxix għajnuna eżistenti jew għajnuna ġdida. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-effettività tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tiġi kkontestata mhux biss meta l-Kunsill jadotta deċiżjoni li tiddikjara kompatibbli mas-suq intern għajnuna li hija l-istess bħal dik li l-Kummissjoni diġà ddeċidiet dwarha, iżda wkoll meta l-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni tal-Kunsill tkun għajnuna intiża biex tikkumpensa, favur il-benefiċjarji tal-għajnuna illegali ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern, ir-rimborsi li dawn għandhom jagħmlu b’applikazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni għajnuna hija marbuta b’mod tant indissoċjabbli ma’ dik li n-nuqqas ta’ kompatibbiltà tagħha mas-suq intern ġie preċedentement ikkonstatat mill-Kummissjoni, li jkun b’mod artifiċjali ħafna li taparsi ssir distinzjoni bejn dawn l-għajnuniet għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 108(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 45 u 46).

50

Għalhekk, f’din il-kawża, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk l-għajnuna ddikjarata kompatibbli mas-suq intern mill-Kunsill għandhiex, indipendentement min-natura ta’ għajnuna eżistenti jew ta’ għajnuna ġdida tagħha, titqies bħala għajnuna li l-Kummissjoni diġà ddeċidiet definittivament dwarha.

51

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Kummissjoni tista’, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha skont l-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE, tistabbilixxi linji gwida li għandhom l-għan li jindikaw il-mod li bih hija għandha l-intenzjoni teżerċita, abbażi tal-istess artikoli, is-setgħa diskrezzjonali tagħha fir-rigward ta’ għajnuna ġdida jew fir-rigward ta’ skemi ta’ għajnuna eżistenti (sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2002, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C-242/00, Ġabra p. I-5603, punt 27).

52

Peress li huma bbażati fuq l-Artikolu 108(1) TFUE, dawn il-linji gwida jirrappreżentaw element ta’ kooperazzjoni regolari u perjodika li fil-kuntest tagħha l-Kummissjoni twettaq mal-Istati Membri l-eżami permanenti tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti u tipproponilhom il-miżuri xierqa meħtieġa mill-iżvilupp progressiv jew mill-funzjonament tas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 1996, Ijssel‑Vliet, C-311/94, Ġabra p. I-5023, punti 36 u 37, kif ukoll tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C-288/96, Ġabra p. I-8237, punt 64). Meta dawn il-proposti għal miżuri xierqa jiġu aċċettati minn Stat Membru, dawn ikollhom effett vinkolanti fir-rigward ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Ijssel‑Vliet, punti 42 u 43, kif ukoll tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 65), li huwa marbut, kif ifakkar l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li jimplementahom.

53

F’dan il-każ, fis-7 ta’ Frar 2007, l-Ungerija nnotifikat l-aċċettazzjoni tagħha tal-proposti għal miżuri xierqa msemmija fil-punt 196 tal-linji gwida agrikoli.

54

B’mod partikolari, dawn il-miżuri xierqa jikkonsistu f’emenda fl-iskemi ta’ għajnuna eżistenti għal investimenti li jikkonċernaw ix-xiri ta’ artijiet f’impjanti agrikoli bil-għan li l-iskemi msemmija jsiru konformi ma’ dawn il-linji gwida sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2009.

55

Isegwi li, b’mod konformi mal-Artikolu 108(1) TFUE, il-miżuri xierqa proposti mill-Kummissjoni fil-punt 196 tal-linji gwida agrikoli jirrigwardaw biss lil skemi ta’ għajnuna eżistenti.

56

Għalhekk, l-iskema awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna ġdida.

57

B’hekk, b’applikazzjoni tal-punt (ii) tal-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 659/1999, l-iskema ta’ għajnuna msemmija fil-punt 15 ta’ din is-sentenza setgħet biss titqies bħala skema ta’ għajnuna eżistenti għall-perijodu li matulu din ġiet awtorizzata bid-deċiżjoni tat-22 ta’ Novembru 2006, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2009.

58

Għalhekk, peress li mill-Artikolu 1(ċ) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li kull skema ta’ għajnuna li ma hijiex skema ta’ għajnuna eżistenti tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna ġdida, u peress li l-iskema ta’ għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata kienet applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2010, din tal-aħħar kienet neċessarjament tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna ġdida.

59

Il-fatt li din l-iskema hija sempliċi tiġdid tal-iskemi li skadew fil-31 ta’ Diċembru 2009, jekk jitqies bħala stabbilit, ma huwiex determinanti peress li t-tiġdid ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti joħloq għajnuna ġdida distinta mill-iskema mġedda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C., C-138/09, Ġabra p. I-4561, punti 46 u 47).

60

B’hekk, l-obbligi tal-Ungerija, sussegwenti għall-aċċettazzjoni tagħha tal-proposti ta’ miżuri xierqa, ma jirrigwardawx l-iskema kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq intern bid-deċiżjoni kkontestata, peress li din hija skema ta’ għajnuna ġdida li ma titħallatx ma’ skema ta’ għajnuna eżistenti milquta mill-miżuri xierqa aċċettati minn dan l-Istat Membru.

61

Madankollu, il-Kunsill ma jistax jinvoka s-sempliċi natura ġdida ta’ skema ta’ għajnuna biex jeżamina mill-ġdid sitwazzjoni li l-Kummissjoni diġà għamlet evalwazzjoni definittiva dwarha u b’hekk jikkontradixxi din l-evalwazzjoni. Għalhekk, il-Kunsill ma huwiex kompetenti biex jiddeċiedi li skema ta’ għajnuna ġdida għandha titqies bħala kompatibbli mas-suq intern meta din tkun marbuta b’mod tant indissoċjabbli ma’ skema ta’ għajnuna eżistenti li Stat Membru jkun intrabat li jemenda jew li jneħħi, fil-kuntest stabbilit fl-Artikolu 108(1) TFUE, li jkun b’mod artifiċjali ħafna li taparsi ssir distinzjoni bejn dawn iż-żewġ skemi għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 108(2) TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

62

Madankollu, dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

63

F’dan ir-rigward, jista’ jiġi rrilevat li għadda terminu ta’ żmien sinjifikattiv bejn l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni u dik imwettqa mill-Kunsill, peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata madwar tliet snin wara l-proposta għal miżuri xierqa inkwistjoni.

64

Barra minn hekk, din id-deċiżjoni hija speċifikament immotivata minn ċirkustanzi ġodda, ikkunsidrati bħala eċċezzjonali mill-Kunsill, li l-Kummissjoni ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti intiżi għax-xiri ta’ artijiet agrikoli implementati mill-Ungerija.

65

Għalhekk, filwaqt li l-linji gwida agrikoli ġew adottati fl-2006, id-deċiżjoni kkontestata tirreferi b’mod partikolari għall-effetti li nħolqu matul l-2008 u l-2009 mill-kriżi ekonomika u finanzjarja fis-settur agrikolu fl-Ungerija. B’mod partikolari, il-Kunsill isemmi ż-żieda fir-rati ta’ mgħax fuq is-self intiż għax-xiri ta’ artijiet agrikoli u l-issikkar tal-kriterji applikati mill-banek għall-għoti ta’ tali self matul l-2008 u l-2009, kif ukoll iż-żieda fil-qgħad u t-tnaqqis fil-prodott gross domestiku, partikolarment fis-settur tal-agrikoltura.

66

Għalhekk, il-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni, insostenn tal-proposta għal miżuri xierqa tagħha, dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-iskemi msemmija fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, kienet neċessarjament ibbażata fuq l-evalwazzjoni, fid-dawl tal-informazzjoni ekonomika li kellha fl-2006, tal-konsegwenzi li setgħu jinvolvu l-applikazzjoni ta’ dawn l-iskemi fuq l-iżvilupp progressiv jew fuq il-funzjonament tas-suq intern.

67

Għalhekk, minħabba l-bidla kbira fiċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar dawn l-iskemi ta’ għajnuna ma tistax titqies li tippreġudika dik li saret fuq skema ta’ għajnuna, li tinkludi miżuri simili, iżda li ġiet applikata f’kuntest ekonomiku radikalment differenti minn dak li kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-Kummissjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha. Minn dan isegwi li l-kompatibbiltà mas-suq intern tal-iskema ta’ għajnuna ġdida li kienet is-suġġett ta’ talba indirizzata lill-Kunsill mill-Ungerija abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE għandha tiġi evalwata permezz ta’ evalwazzjoni individwali distinta minn dik tal-iskemi msemmija fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, magħmula b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi ekonomiċi rilevanti fil-mument meta tingħata din l-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 1991, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C-261/89, Ġabra p. I-4437, punt 21, kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen‑Anhalt vs Il‑Kummissjoni, C‑459/10 P, punt 48).

68

Għalhekk, is-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża hija distinta minn dik li l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tad-29 ta’ Ġunju 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill.

69

Fil-fatt, kuntrarjament għad-deċiżjonijiet tal-Kunsill annullati f’dawn iż-żewġ sentenzi, id-deċiżjoni kkontestata hija, f’dan il-każ, immotivata preċiżament minn elementi ġodda li jirriżultaw minn bidla kbira fiċ-ċirkustanzi li seħħet bejn il-mument meta l-Kummissjoni eżaminat l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti applikati mill-Ungerija u dak meta l-Kunsill evalwa l-iskema ta’ għajnuna ġdida li hija s-suġġett tat-talba li dan l-Istat Membru kien ressaq quddiemu.

70

Konsegwentement, l-elementi li kienu ġġustifikaw in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill fiż-żewġ sentenzi msemmija fil-punt 67 ta’ din is-sentenza huma neqsin f’din il-kawża.

71

Barra minn hekk, l-ammissjoni tal-kompetenza tal-Kunsill ma tistax tippermetti li jiġu injorati miżuri xierqa aċċettati mill-Istati Membri.

72

Fil-fatt, minn naħa, il-Kunsill huwa kompetenti biex jawtorizza skema ta’ għajnuna ġdida simili għal skema ta’ għajnuna eżistenti li Stat Membru kien obbligat li jemenda jew li jneħħi, wara l-aċċettazzjoni ta’ proposti ta’ miżuri xierqa, biss fil-każ fejn ikunu jeżistu ċirkustanzi ġodda wara l-proposti msemmija.

73

Min-naħa l-oħra, is-setgħa mogħtija lill-Kunsill bit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE tapplika biss fil-limiti indikati minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri fil-preżenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-122/94, Ġabra p. I-881, punt 13).

74

Finalment, f’dak li jikkonċerna l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-Kunsill ma huwiex kompetenti biex jawtorizza għajnuna kuntrarja għall-orjentazzjonijiet iddefiniti fil-linji gwida agrikoli, għandu jitfakkar li, fi ħdan dawn il-linji gwida, huma biss il-proposti għal miżuri xierqa msemmija fil-punt 196 u aċċettati mill-Istati Membri li jistgħu jikkostitwixxu adozzjoni ta’ pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna mas-suq intern.

75

Fil-fatt, huma biss dawn il-proposti għal miżuri xierqa li huma suġġetti għall-aċċettazzjoni tal-Istati Membri, kif jindika l-punt 197 tal-linji gwida agrikoli, filwaqt li d-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dawn tal-aħħar jikkostitwixxu biss regoli ġenerali indikattivi li għandha tosserva l-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C-382/99, Ġabra p. I-5163, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata) mingħajr ma jorbtu lill-Istati Membri. Dawn ma jistgħux, a fortiori, jorbtu lill-Kunsill peress li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE jagħtih is-setgħa li jidderoga, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107 TFUE jew mir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 109 TFUE.

76

Mill-punt 196 ta’ dawn il-linji gwida jirriżulta li, f’dak li jikkonċerna l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti intiżi għax-xiri ta’ artijiet agrikoli, l-Istati Membri ntrabtu biss li jemendaw dawn l-iskemi biex iġibuhom konformi mal-linji gwida msemmija jew, fin-nuqqas, li jħassruhom, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2009.

77

Min-naħa l-oħra, mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 60 sa 69 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Istati Membri, bl-aċċettazzjoni tal-proposti għal miżuri xierqa msemmija fil-punt 196 tal-linji gwida agrikoli, ma ċċaħdux minn kull possibbiltà li jitolbu l-awtorizzazzjoni li jerġgħu jintroduċu skemi simili jew identiċi matul il-perijodu kollu ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida.

78

Isegwi li l-ewwel motiv invokat mill-Kummissjoni bbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill huwa infondat u għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta ’ poter

L-argumenti tal-partijiet

79

Bit-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Kunsill wettaq użu ħażin ta’ poter meta pprova jinnewtralizza l-konsegwenzi tal-evalwazzjoni li hija kienet wettqet dwar l-iskemi ta’ għajnuna intiżi għax-xiri tal-artijiet agrikoli stabbiliti mill-Ungerija.

80

Il-Kunsill josserva li meta adotta d-deċiżjoni kkontestata, huwa ma kellux l-intenzjoni li jxejjen l-effetti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, peress li din tal-aħħar ma kienet adottat ebda deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata bħala mhux kompatibbli mas-suq intern. Fir-realtà, l-għan imfittex mill-Kunsill jikkonsisti f’għajnuna lill-agrikolturi Ungeriżi milquta mill-kriżi ekonomika u finanzjarja biex jixtru artijiet agrikoli.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

81

Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ħafna drabi, att huwa vvizzjat minħabba użu ħażin ta’ poter biss jekk fuq il-bażi ta’ provi oġġettivi, rilevanti u konkordanti, jidher li dan ġie adottat esklużivament jew almenu b’mod determinati, sabiex jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk li huwa jiddikjara jew sabiex tiġi evitata proċedura speċjalment prevista mit-Trattat sabiex jiġu affrontati ċ-ċirkustanzi tal-każ (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1998, Windpark Groothusen vs Il‑Kummissjoni, C-48/96 P, Ġabra p. I-2873, punt 52, u tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il‑Kunsill, C-310/04, Ġabra p. I-7285, punt 69).

82

Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ppreżentatx tali indizji.

83

F’dak li jikkonċerna l-għanijiet imfittxija mill-Kunsill bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, xejn mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi sostnut li l-Kunsill kellu għan esklużiv, jew almenu determinanti, differenti minn dak li jgħin lill-agrikolturi Ungeriżi biex jixtru artijiet agrikoli b’mod iktar faċli biex ikun limitat il-faqar rurali fl-Ungerija.

84

Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li jgħid li mis-suċċessjoni tal-avvenimenti u mill-korrispondenza skambjata jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata kienet intiża biex ixxejjen il-pożizzjoni li hija kienet adottat, jidher li l-Kunsill seta’ validament jikkunsidra li l-Kummissjoni ma kinitx adottat pożizzjoni dwar il-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, hekk kif tenfasizza l-premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata.

85

Għalhekk, it-tieni motiv tar-rikors, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter, għandu jiġi injorat bħala infondat.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta ’ kooperazzjoni leali

L-argumenti tal-partijiet

86

Bit-tielet motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet peress li, bl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, il-Kunsill ħeles lill-Ungerija mill-obbligu ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni impost fuq dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 108(1) TFUE.

87

Fil-fatt, meta awtorizza l-estensjoni ta’ skemi ta’ għajnuna eżistenti li l-Ungerija impenjat ruħha li tneħħi, il-Kunsill ikkomprometta r-riżultati tad-djalogu li kien inżamm preċedentement bejn il-Kummissjoni u dan l-Istat Membru.

88

Il-Kunsill iqis li huwa ma huwiex marbut mill-obbligu ta’ kooperazzjoni stabbilit fl-Artikolu 108(1) TFUE. Barra minn hekk, dan jerġa’ jsostni li ma kien jeżisti ebda impenn mill-Ungerija dwar l-iskema ta’ għajnuna approvata bid-deċiżjoni kkontestata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

89

L-Artikolu 108(1) TFUE jimponi fuq il-Kummissjoni u fuq l-Istati Membri obbligu ta’ kooperazzjoni regolari u perjodika li fil-kuntest tagħha l-Kummissjoni twettaq mal-Istati Membri l-evalwazzjoni permanenti tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti u tipproponilhom il-miżuri xierqa meħtieġa mill-iżvilupp progressiv jew mill-funzjonament tas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2002, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90

F’dan ir-rigward, mill-punt 70 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Ungerija ma kienet assumiet ebda impenn speċifiku dwar l-iskema ta’ għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, din id-deċiżjoni ma tistax titqies li ħelset lill-Ungerija minn obbligu partikolari ta’ kooperazzjoni peress li din bl-ebda mod ma kkompromettiet ir-riżultati tad-djalogu li kien inżamm preċedentement bejn il-Kummissjoni u dan l-Istat Membru.

91

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, it-tielet motiv tal-Kummissjoni, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq ir-raba ’ motiv, ibbażat fuq żball manifest ta ’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta ’ proporzjonalità

92

Bl-ewwel parti tar-raba’ motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni inkwantu sab li kienu jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżuri approvati. Skont it-tieni parti tal-istess motiv, hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li l-miżuri inkwistjoni ma jippermettux li jintlaħaq l-għan imfittex mid-deċiżjoni msemmija u ma jillimitawx ruħhom għall-minimu neċessarju biex jintlaħaq dan l-għan.

Fuq l-ewwel parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali

– L-argumenti tal-partijiet

93

Il-Kummissjoni tqis li ċirkustanzi ma jistgħux jitqiesu bħala eċċezzjonali, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, ħlief jekk dawn ma jkunux prevedibbli qabel ma jseħħu u li, f’dan il-każ, dawn jolqtu b’mod partikolari lill-Ungerija. Għalhekk, dan ma jistax ikun il-każ ta’ ostakolu strutturali preeżistenti jew ta’ problema li kellhom il-parti l-kbira tal-Istati Membri.

94

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-istruttura mhux favorevoli tal-impjanti agrikoli fl-Ungerija jikkostitwixxi problema li ilha teżisti u li hija dovuta għall-istruttura stess tal-ekonomija agrikola Ungeriża. Bl-istess mod, xejn ma jindika li n-nuqqas ta’ kapital li jiffaċċjaw l-agrikolturi Ungeriżi ma jikkostitwixxix problema strutturali li ma tistax, min-natura tagħha stess, tiġi kkwalifikata bħala eċċezzjonali. Barra minn hekk, ir-riskju li jiżdied ix-xiri spekulattiv tal-art ma jikkostitwixxix ċirkustanza distinta mill-elementi l-oħra identifikati mill-Kunsill.

95

Barra minn hekk, filwaqt li tammetti li l-kriżi ekonomika tista’ tikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali, madankollu l-Kummissjoni tqis li din il-kriżi tista’ tiġġustifika d-deċiżjoni kkontestata biss sa fejn din kellha effett fuq il-problemi strutturali preeżistenti b’mod li ħolqot ċirkustanzi eċċezzjonali fil-Litwanja, liema ħaġa l-Kunsill ma pprovax. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-impatt tal-kriżi msemmija fuq il-livell tar-rati ta’ interessi u fuq it-tnaqqis fid-dħul agrikolu fil-Litwanja ma għandux karattr u eċċezzjonali fid-dawl tal-kuntest tal-Unjoni kollha.

96

Il-Kunsill jikkunsidra li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali proposta mill-Kummissjoni hija restrittiva wisq fid-dawl tal-ġurisprudenza għaliex tali ċirkustanzi għandhom biss ikunu mhux previsti u jistgħu jaffettwaw lil Stati Membri oħra jew lil setturi differenti minn dak tal-agrikoltura.

97

F’dan il-każ, effettivament jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali, kostitwiti minn avvenimenti straordinarji relattivi għall-kriżi ekonomika, li kellhom riperkussjonijiet kbar fuq l-agrikolturi Ungeriżi u li, konsegwentement, komplew jaggravaw il-problemi strutturali li kellhom diġà l-impriżi agrikoli Ungeriżi. Għalhekk, id-diffikultà kbira ta’ aċċess għall-kreditu, id-dħul baxx mill-produzzjoni agrikola, iż-żieda fil-faqar jew ukoll ir-reċessjoni ekonomika li tirriżulta mill-kriżi, li hija iktar evidenti fl-Ungerija milli fi Stati Membri oħra, għamlu eċċessivament diffiċli, kważi impossibbli, ix-xiri ta’ artijiet agrikoli mill-agrikolturi Ungeriżi.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

98

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Kunsill igawdi, għall-applikazzjoni tal-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jinvolvi evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali li għandhom isiru fil-kuntest tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, l-istħarriġ ġudizzjarju applikat għall-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni, kif ukoll għall-ivverifikar tal-eżattezza materjali tal-fatti kkonstatati u tal-assenza ta’ żball ta’ dritt, żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti jew użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Frar 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 18 u 19, kif ukoll, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C-333/07, Ġabra p. I-10807, punt 78).

99

Għaldaqstant, fid-dawl tal-karattru mhux tas-soltu u imprevedibbli kif ukoll tal-firxa tal-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fuq l-agrikoltura Ungeriża, il-Kunsill ma jistax jitqies li wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li dawn l-effetti kienu jikkostitwixxu ċirkustanzi eċċezzjonali fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrikonoxxiet, fir-risposta tagħha, li l-wasla ta’ din il-kriżi setgħet tikkostitwixxi tali ċirkustanza eċċezzjonali.

100

Il-fatt li l-kriżi ekonomika u finanzjarja ħolqot ukoll effetti kunsiderevoli fi Stati Membri oħra ma huwiex determinanti, peress li din iċ-ċirkustanza ma għandhiex effett fuq in-natura eċċezzjonali tal-effetti ta’ din il-kriżi f’dak li jikkonċerna l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-agrikolturi Ungeriżi.

101

Bl-istess mod, il-konstatazzjoni li tgħid li l-istruttura mhux favorevoli tal-impjanti agrikoli jew in-nuqqas ta’ kapitali tal-agrikolturi jikkostitwixxu problemi strutturali fl-Ungerija, ma tippermettix li jiġi stabbilit li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li d-diffikultà kbira ta’ aċċess għall-kreditu u d-dħul baxx mill-produzzjoni agrikola li tirriżulta mill-kriżi ddeterjoraw b’mod ċar is-sitwazzjoni tal-agrikolturi Ungeriżi, u b’hekk heddew li jirrimedjaw għal dawn il-problemi strutturali u b’hekk li jiġi limitat il-faqar fiż-żoni rurali billi tittejjeb l-kompetittività tal-impjanti agrikoli Ungeriżi (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Frar 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).

102

Isegwi li l-ewwel parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

– L-argumenti tal-partijiet

103

Skont il-Kummissjoni, il-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

104

Fil-fatt, il-Kummissjoni tqis li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma tistax tippermetti li jinkiseb l-għan indikat fid-deċiżjoni msemmija. B’hekk, minkejja l-eżistenza ta’ żewġ skemi ta’ għajnuna intiżi għax-xiri ta’ artijiet agrikoli, id-daqs medju ta’ impjant agrikolu fl-Ungerija ftit li xejn evolva matul l-aħħar snin li għaddew. Ma huwiex stabbilit li l-iskema ta’ għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata tippermetti li jinkisbu l-aħjar riżultati, peress li l-iskemi ta’ għajnuna preeżistenti ma jippermettux li jiġu affrontati d-diffikultajiet kbar ta’ aċċess għall-kreditu osservati matul is-sena 2009. L-għajnuna intiża għax-xiri ta’ artijiet agrikoli tikkontribwixxi fir-realtà għaż-żieda fil-prezz tal-artijiet agrikoli iktar milli għall-bidla fl-istruttura tal-proprjetà ta’ dawn l-artijiet.

105

Barra minn hekk, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità timplika, skont il-Kummissjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ il-miżuri fis-seħħ li jistgħu jirrispondu għall-bżonnijiet li l-Kunsill jikkwalifika bħala ċirkustanzi eċċezzjonali. Issa, id-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma tieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri preċedentement awtorizzati mill-Kummissjoni jew permessi mil-linji gwida tagħha u mir-regoli ta’ eżenzjoni skont il-kategorija. B’mod partikolari, il-qafas temporanju jippermetti lill-Istati Membri li jagħtu għajnuna lill-operaturi agrikoli. Bl-istess mod, huwa impossibbli li jsir użu mill-għajnuna de minimis awtorizzata bir-Regolament Nru 1535/2007.

106

Barra minn hekk, il-Kunsill naqas ukoll milli jieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ tipi oħra ta’ strumenti intiżi biex jirrimedjaw għal ċerti problemi identifikati fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, skont l-Att ta’ Adeżjoni, l-Ungerija kellha l-possibbiltà, matul perijodu tranżitorju ta’ seba’ snin, li trażżan l-ispekulazzjoni billi tirrestrinġi d-dritt ta’ persuni mhux residenti li jixtru art agrikola. F’dak li jirrigwarda ż-żieda fil-qgħad, il-programm ta’ żvilupp rurali 2007‑2013 għall-Ungerija jipprovdi diversi azzjonijiet intiżi biex jillimitaw dan il-qgħad fiż-żoni rurali, b’mod partikolari bit-trasferiment tal-eċċess tal-lavranti agrikoli lejn setturi oħra tal-ekonomija.

107

Finalment, il-miżuri awtorizzati bid-deċiżjoni kkontestata ma jillimitawx ruħhom għall-minimu neċessarju għaliex dawn għandhom terminu ta’ żmien li jaqbeż id-data ffissata mill-Kummissjoni fil-qafas temporanju għall-applikazzjoni tal-għajnuna intiża b’mod speċifiku biex jiġu affrontati l-effetti tal-kriżi ekonomika.

108

Il-Kunsill isostni li, f’dak li jikkonċerna l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-legalità tal-miżuri adottati abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE tista’ tiġi affettwata biss jekk dawn il-miżuri jkunu manifestament mhux adatti fir-rigward tal-għan li l-Kunsill irid jikseb.

109

Il-Kummissjoni ma pprovatx li l-evalwazzjoni ta’ fatti ekonomiċi kumplessi li wettaq il-Kunsill kienet manifestament ivvizzjata bi żbalji. B’mod partikolari, dan tal-aħħar iqis li l-iskema ta’ għajnuna intiża għax-xiri ta’ artijiet agrikoli applikata mir-Repubblika tal-Litwanja tejbet l-istruttura tal-impriżi agrikoli Litwani f’termini ta’ superfiċi. Il-Kunsill josserva wkoll li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li tali skema ta’ għajnuna tikkontribwixxi għaż-żieda fil-prezzijiet tal-artijiet. Barra minn hekk, dan iqis li ż-żieda fis-superfiċi tal-impjanti agrikoli tippermetti li titjieb il-kompetittività u d-dħul tal-agrikolturi kkonċernati.

110

Barra minn hekk, il-Kunsill iqis li ma kienx marbut li jieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri diġà approvati mill-Kummissjoni peress li s-setgħa li jikkonferilu t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE hija ġustament intiża biex tippermettilu japprova għajnuna li l-Kummissjoni ma kinitx legalment f’pożizzjoni li tapprova, liema ħaġa hija l-każ f’din il-kawża. Barra minn hekk, l-iskema ta’ għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata ma hijiex koperta mill-qafas temporanju.

111

Il-Kunsill jenfasizza wkoll li restrizzjonijiet fuq ix-xiri ta’ art agrikola awtorizzata mill-Att ta’ Adeżjoni ma tillimitax ir-riskji ta’ xiri spekulattiv minn operaturi residenti fl-Ungerija u li huwa opportun li l-ġlieda kontra l-qgħad tikkombina metodi differenti, li fosthom hemm l-iskema ta’ għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata.

112

Fir-rigward tat-tul tal-iskema ta’ għajnuna msemmija, din ma għandhiex tillimita ruħha għall-perijodu kopert mill-qafas temporanju, u tikkorrispondi għaż-żmien meqjus neċessarju biex jitlesta l-proċess ta’ privatizzazzjoni tal-artijiet agrikoli fl-Ungerija u biex jitnaqqsu l-effetti tal-kriżi.

113

L-Ungerija tqis li sabiex jiġi stabbilit il-karattru manifestament mhux xieraq tal-miżura inkwistjoni, huwa neċessarju li jintwera li dan assolutament ma huwiex effettiv, li la ġie stabbilit u lanqas allegat mill-Kummissjoni.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

114

F’dak li jikkonċerna l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 97 ta’ din is-sentenza jirriżulta li huwa biss il-karattru manifestament mhux xieraq ta’ miżura adottata abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE fil-konfront tal-għan li l-Kunsill irid jilħaq li jista’ jaffettwa l-legalità ta’ tali miżura (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C-343/09, Ġabra p. I-7027, punt 46, u tat-12 ta’ Lulju 2012, Association Kokopelli, C‑59/11, punt 39).

115

Isegwi li għandu jiġi ddeterminat jekk l-awtorizzazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kkonċernata bid-deċiżjoni kkontestata hijiex manifestament mhux xierqa għall-finijiet tat-twettiq tal-għanijiet imsemmija fil-premessa 9 ta’ din id-deċiżjoni, li jikkonsistu f’li jiġi limitat il-faqar fiż-żoni rurali fl-Ungerija.

116

Huwa ammess li dan l-għan jista’ jinkiseb parzjalment permezz ta’ titjib tal-effettività fl-agrikoltura fl-Ungerija, li jippresupponi żieda fis-superfiċi tal-impjanti agrikoli permess permezz tax-xiri ta’ artijiet agrikoli mill-agrikolturi Ungeriżi. Ma huwiex ikkontestat li t-tnaqqis fid-dħul u d-diffikultajiet ta’ aċċess għall-kreditu li jiffaċċjaw l-agrikolturi msemmija jostakolaw ix-xiri ta’ dan it-tip. Għalhekk, l-awtorizzazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, li hija intiża biex tikkumpensa dawn il-problemi u l-aggravament tagħhom bil-kriżi ekonomika u finanzjarja bil-proposta, jew ta’ sussidji għall-ħlas tal-interessi relatati mas-self intiż għax-xiri tal-artijiet agrikoli, jew għajnuna diretta intiża għax-xiri ta’ tali artijiet, ma tidhirx li hija manifestament mhux xierqa biex jinkiseb l-għan imfittex permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

117

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-iskema ta’ għajnuna intiża għax-xiri ta’ artijiet agrikoli applikata preċedentement ma ppermettietx żieda sinjifikattiva u kontinwa tas-superfiċi tal-impriżi agrikoli Ungeriżi ma huwiex tali li jipprova l-karattru manifestament mhux xieraq tad-deċiżjoni kkontestata għall-finijiet li jinkiseb l-għan tagħha, hekk kif tfakkar fil-punt 115 ta’ din is-sentenza.

118

Fil-fatt, minn naħa, iż-żieda dgħajfa fis-superfiċi medja tal-impjanti msemmija ma hijiex biżżejjed biex turi l-ineffettività manifesta tal-iskema ta’ għajnuna awtorizzata mill-Kunsill, peress li jista’ jirriżulta li din iż-żieda dgħajfa tirriżulta minn ċirkustanzi li ma għandhomx idumu għall-perijodu kollu kopert mid-deċiżjoni kkontestata.

119

Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-iskemi ta’ għajnuna intiżi għax-xiri ta’ artijiet agrikoli jikkontribwixxu għaż-żieda fil-prezz tal-artijiet agrikoli iktar milli għall-bdil fl-istruttura tal-proprjetà ta’ dawn l-artijiet, għandu jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni ma hijiex sostnuta biżżejjed biex tkun tista’ tistabbilixxi li l-Kunsill għażel miżura manifestament mhux xierqa fir-rigward tal-għan imfittex minnu.

120

Barra minn hekk, għandu jiġi vverifikat jekk l-awtorizzazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tmurx manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jinkisbu l-għanijiet imfittxija mid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-Kummissjoni ssostni li l-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-perspettivi offruti minn strumenti oħra li jistgħu jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet.

121

Fid-dawl tal-firxa tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax titqies li tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità biss minħabba l-fatt li kien mistenni, mill-Ungerija, li tfittex l-għan imsemmi fil-punt 115 ta’ din is-sentenza permezz ta’ tip ieħor ta’ skema ta’ għajnuna. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fl-evalwazzjoni tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità b’deċiżjoni adottata abbażi ta’ setgħa diskrezzjonali bħal dik li għandu l-Kunsill abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tiddetermina jekk id-deċiżjoni adottata kinitx l-unika jew l-aħjar possibbli, iżda biss jekk din kinitx manifestament sproporzjonata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Agrana Zucker, C-33/08, Ġabra p. I-5035, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

122

Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kunsill ma teħilsux mill-obbligu li jieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tiegħu, il-miżuri preeżistenti speċifikament intiżi bħala rimedju għaċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li ġġustifikaw l-awtorizzazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

123

F’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 1535/2007 huwa intiż biex jeżenta l-għajnuna ta’ ammont baxx mill-obbligu ta’ notifika stabbilit fl-Artikolu 108(3) TFUE u b’hekk ma jistax jitqies bħala intiż biex b’mod speċifiku jirrimedja l-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fuq l-agrikolturi Ungeriżi.

124

Min-naħa l-oħra, huwa minnu li l-qafas temporanju ġie stabbilit biex jiġi ffavorit l-aċċess tal-impriżi għall-finanzjament fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u finanzjarja. Madankollu, l-għajnuna li jipprevedi dan il-qafas temporanju għandha funzjoni ġenerali ta’ sostenn għall-investimenti u għalhekk ma hijiex intiża b’mod speċifiku biex tippermetti x-xiri ta’ artijiet agrikoli. Barra minn hekk, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-punt 7 tal-qafas temporanju kien jipprovdi li din ma kellhiex tapplika lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2010. Għalhekk, id-deċiżjoni tal-Kunsill li tiġi awtorizzata skema ta’ għajnuna intiża b’mod speċifiku biex jiġi limitat il-faqar fiż-żoni rurali biex jitlesta l-proċess ta’ privatizzazzjoni tal-artijiet agrikoli fl-Ungerija fuq perijodu itwal ma jistax jiħi kkunsidrat bħala li jmur manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jinkisbu l-għanijiet imfittxija mid-deċiżjoni kkontestata.

125

Barra minn hekk, għalkemm xi wħud mill-miżuri msemmija fil-programm ta’ żvilupp rurali 2007‑2013 tal-Ungerija huma intiżi wkoll biex jiġġieldu kontra l-qgħad fiż-żoni rurali, dawn jidhru bħala kumplimentari għall-iskema ta’ għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata, peress li dawn huma prinċipalment intiżi biex jiffavorixxu t-trasferiment tal-eċċess tal-lavranti agrikoli lejn setturi oħra tal-ekonomija u mhux biex itejbu l-vijabbiltà tal-impjanti agrikoli.

126

Fir-rigward tar-restrizzjonijiet fix-xiri ta’ art agrikola awtorizzata mill-Att ta’ Adeżjoni, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma għandhomx biss interess li jnaqqsu xiri spekulattiv tal-art, iżda li huma ma jistgħu fl-ebda każ jindirizzaw il-problemi l-oħra msemmija fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, kif ġustament sostna l-Kunsill, dawn ir-restrizzjonijiet ma jippermettux l-ġlieda kontra x-xiri spekulattiv ta’ art agrikola mwettqa minn operaturi residenti fl-Ungerija.

127

Finalment, fir-rigward tat-tul tal-iskema ta’ għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata, mil-loġika stess tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE jirriżulta li l-Kunsill ma jistax ikun obbligat minn limitazzjoni fiż-żmien stabbilita f’Avviż tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, fir-rigward taż-żmien meħtieġ għall-konklużjoni tar-riforma agrarja u tat-tul tal-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kunsill għażel miżura manifestament sproporzjonata meta awtorizza l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2013.

128

Konsegwentement, it-tieni parti tar-raba’ motiv imqajjem mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda wkoll bħala infondata.

129

Minn dan jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

130

Peress li ebda wieħed mill-motivi tal-Kummissjoni ma jista’ jintlaqa’, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

131

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kunsill.

132

Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli, ir-Repubblika tal-Litwanja, l-Ungerija u r-Repubblika tal-Polonja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

3)

Ir-Repubblika tal-Litwanja, l-Ungerija u r-Repubblika tal-Polonja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.