SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

10 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )

“Ċittadinanza tal-Unjoni — Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE — Direttiva 2004/38/KE — Dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz axxendent dirett ta’ ċittadini tal-Unjoni ta’ età żgħira — Ċittadini tal-Unjoni mwielda fi Stat Membru li ma huwiex dak li tiegħu huma għandhom in-nazzjonalità u li ma għamlux użu mid-dritt tagħhom ta’ moviment liberu — Drittijiet fundamentali”

Fil-Kawża C‑86/12,

li għandha bħala suġġetta talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour administrative (il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Frar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Frar 2012, fil-proċedura

Adzo Domenyo Alokpa,

Jarel Moudoulou,

Eja Moudoulou

vs

Ministre du Travail, de l’Emploi et de l’Immigration,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.-C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Jannar 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A. D. Alokpa kif ukoll it-tfal tagħha Jarel u Eja Moudoulou, minn A. Fatholahzadeh u S. Freyermuth, avukati,

għall-Gvern Lussemburgiż, minn P. Frantzen u C. Schiltz, bħala aġenti, assistiti minn L. Maniewski, avukat,

għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u N. Graf Vitzthum, kif ukoll minn A. Wiedmann, bħala aġenti,

għall-Gvern Grieg, minn T. Papadopoulou, bħala aġent,

għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u V. Balčiūnaitė, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u C. Wissels, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Szpunar, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Maidani u C. Tufvesson, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-21 ta’ Marzu 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE kif ukoll id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal‑membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id‑Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, A. D. Alokpa u t-tfal tagħha Jarel u Eja Moudoulou Jarel, u, min-naħa l-oħra, il-Ministru tax-Xogħol, tal-Impjiegi u tal-Immigrazzjoni (iktar ’il quddiem il-“Ministru”), dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li tirrifjuta lil A. D. Alokpa dritt ta’ residenza fil-Lussemburgu u li tordnalu li jitlaq mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttivi 2003/86/KE u 2003/109/KE

3

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu19, Vol. 6, p. 224), u l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272), dawn id-direttivi għandhom l-għan li jistabbilixxu, rispettivament, il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri għandhom, kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-għoti u għall-irtirar tal-istatus ta’ resident għat-tul mogħti minn Stat Membru liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju tiegħu, u d-drittijiet marbuta miegħu.

Id-Direttiva 2004/38/KE

4

Taħt it-titolu “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

1.

‘ċittadin tal-Unjoni’ tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru;

2.

‘membru tal-familja’ tfisser:

[...]

(d)

il-qraba diretti dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

3.

‘Stat Membru ospitanti’ tfisser l-Istat Membru li jmur fih ċittadin ta’ l-Unjoni sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u residenza.”

5

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Benefiċjarji”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.”

6

L-Artikolu 7 ta’ din id-Direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

(a)

ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

(b)

għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew,

(ċ)

miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew

(d)

membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ).

2.   Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(a), (b) jew (ċ).

[...]”

Id-dritt Lussemburgiż

7

Il-Liġi tad-29 ta’ Awwissu 2008 li tirrigwarda l-moviment liberu tal-persuni u l-immigranti (Mémorial A 2008, p. 2024, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il‑moviment liberu”) għandha l-għan li tittrasponi d‑Direttivi 2003/86 u 2004/38 fl‑ordinament ġuridiku Lussemburgiż.

8

Skont l-Artikolu 6 ta’ din il-liġi:

“(1)   Ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jirresjedi fit-territorju għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur jekk jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

1.

huwa jaħdem bħala ħaddiem impjegat jew għal rasu;

2.

huwa għandu għalih innifsu u għall-membri tal-familja tiegħu, skont l Artikolu 12, riżorsi suffiċjenti sabiex jevita li jkun piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali, u li jkollu assigurazzjoni għall mard;

3.

ikun irreġistrat f’istituzzjoni edukattiva pubblika jew privata, akkreditata fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu skont il-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ, sabiex isegwi prinċipalment studji jew, f’dan il-kuntest, taħriġ vokazzjonali, waqt li jiggarantixxi li jkollu għad-dispożizzjoni għalih innifsu u għall-membri tal-familja tiegħu riżorsi suffiċjenti sabiex jevita li jsir piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali, u li jkollu assigurazzjoni għall mard.

(2)   Regolament tal-Gran Dukat jippreċiża r-riżorsi li jeżiġu l-punti 2 u 3 tal-paragrafu (1) iktar ’il fuq, u l-modalitajiet skont liema tali prova għandha tinġieb.

[...]”

9

L-Artikolu 12 tal-liġi msemmija jipprovdi:

“(1)   għandhom jiġu kkunsidrati bħala membri tal-familja:

[...]

d)

l-axxendenti diretti li huma responsabbiltà ta’ ċittadin tal-Unjoni u l-axxendenti diretti li huma responsabbiltà tal-konjuġi jew tal-partner imsemmi fil-punt b).

(2)   Il-Ministru jista’ jawtorizza li xi membru ieħor tal-familja, tkun xi tkun in nazzjonalità tiegħu, li ma jkunx kopert mid-definizzjoni li tinsab fil-paragrafu (1) sabiex jirresjedi fit-territorju, jekk jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

1.

fil-pajjiż tal-oriġini, huwa r-responsabbiltà jew huwa parti mill-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jibbenefika prinċipalment mid-dritt ta’ residenza;

2.

iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu mandatorjament u personalment jieħu ħsieb minħabba raġunijiet gravi ta’ saħħa tal-membru tal-familja kkonċernat.

It-talba għad-dħul u għar-residenza tal-membri tal-familja msemmija fil-paragrafu preċedenti hija suġġetta għal eżami fil-fond li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali tagħhom.

[...]”

10

Skont l-Artikolu 103 tal-istess liġi:

“Qabel ma tittieħed deċiżjoni li tirrifjuta r-residenza, li tirtira jew li ma ġġeddidx il-permess tar-residenza jew li tordna tkeċċija mit‑territorju kontra ċ‑ċittadin tal‑pajjiż terz, il-Ministru għandu jikkunsidra it-tul tar-residenza tal‑persuna kkonċernata fit-territorju tal‑Lussemburgu, l-età tagħha, l-istat tas-saħħa tagħha, is-sitwazzjoni familjari u ekonomika, l-integrazzjoni soċjali u kulturali tagħha fil‑pajjiż u l-intensità tar-rabtiet tagħħa mal-pajjiż ta’ oriġini, ħlief jekk il‑preżenza tagħha hija ta’ theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika.

L-ebda deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju, ħlief dik li tkun ibbażata fuq raġunijiet gravi ta’ sigurtà publika, ma tista’ tittieħed kontra minuri li mhux akkumpanjat minn rappreżentant legali, salv jekk it-tkeċċija hija neċessarja fl-interess tiegħu stess.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

A. D. Alokpa, ċittadina tat-Togo, ippreżentat fil-21 ta’ Novembru 2006, quddiem l-awtoritajiet Lussemburgiżi, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-Liġi tal-5 ta’ Mejju 2006 dwar id-dritt għal ażil u forom supplimentari ta’ protezzjoni (Mémorial A 2006, p. 1402). Din l-applikazzjoni ġiet madankollu miċħuda minn dawn l-awtoritajiet u d-deċiżjoni ta’ dawn tal-aħħar ġiet ikkonfermata mill-qrati Lussemburgiżi.

12

Sussegwentement, A. D. Alokpa ppreżentat quddiem dawn l-awtoritajiet applikazzjoni għal status ta’ tolleranza. Minkejja li din l-applikazzjoni ġiet inizjalment suġġetta għal deċiżjoni ta’ ċaħda, din ġiet ikkunsidrata mill-ġdid u tali status ingħata lil A. D. Alokpa sal-31 ta’ Diċembru 2008, minħabba l-fatt li hija kienet welldet tewmin fis-17 ta’ Awwissu 2008, fil-Lussemburgu, u dawn tal-aħħar kienu jeħtieġu l-kura fid-dawl tat-twelid prematur tagħhom.

13

It-tfal ta’ A. D. Alokpa ġew irrikonoxxuti, fir-redazzjoni tal-atti tat-twelid tagħhom, minn J. Moudoulou, ċittadin Franċiż. Huma għandhom nazzjonalità Franċiża u bbenefikaw mill-ħruġ ta’ passaport u ta’ karta tal-identità nazzjonali Franċiża, fil-15 ta’ Mejju u fl-4 ta’ Ġunju 2009, rispettivament.

14

Sadanittant, applikazzjoni għal tiġdid tal-istatus ta’ tolleranza ppreżentata minn A. D. Alokpa ġiet miċħuda mill-awtoritajiet Lussemburgiżi, li madankollu taw lil din tal-aħħar sospensjoni tad-deportazzjoni sal-5 ta’ Ġunju 2010, li ma ġietx sussegwentement estiża.

15

Fis-6 ta’ Mejju 2010, A. D. Alokpa ppreżentat applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ residenza skont il-Liġi dwar il-moviment liberu. Bi tweġiba għal talba għal iktar informazzjoni mill-Ministru, A. D. Alokpa indikat li hija ma setgħetx tistabbilixxi ruħha mat-tfal tagħha fit-territorju Franċiż, fejn jirrisjedi missier dawn it-tfal, minħabba li hija ma kellha ebda relazzjoni miegħu u dawn it-tfal kienu jeħtieġu kura medika fil-Lussemburgu minħabba t-twelid prematur tagħhom. Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2010, il-Ministru ċaħad din l-applikazzjoni.

16

Skont din id-deċiżjoni, fl-ewwel lok, peress li d-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa limitat għall-axxendenti diretti li huma dipendenti tiegħu, A. D. Alokpa ma tissodisfax din il-kundizzjoni. Fit-tieni lok, lanqas it-tfal ta’ A. D Alokpa ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tal-Liġi dwar il-moviment liberu. Barra minn hekk, l-imsemmija deċiżjoni rrilevat li l-kura medika ta’ dawn it-tfal setgħet tiġi perfettament żgurata fi Franza u li A. D. Alokpa lanqas ma kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa taħt il-kategoriji l-oħra ta’ residenza previsti mill-imsemmija liġi.

17

A. D. Alokpa ppreżentat, f’isimha proprju u għan-nom taż-żewġt itfal tagħha, azzjoni kontra d-deċiżjoni tal-Ministru quddiem it-tribunal administratif (Luxembourg) (Tribunal Amministrattiv tal-Lussemburgu). Permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Settembru 2011, dan it-tribunal ċaħad din l-azzjoni bħala infondata. Permezz ta’ rikors ippreżentat fil-31 ta’ Ottubru 2011, A. D. Alokpa ressqet appell minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

18

Din il-qorti tal-aħħar tirrileva li ma huwiex ikkontestat li t-tfal ta’ A. D. Alokpa qatt ma gawdew ħajja tal-familja ma’ missierhom, li sempliċement iddikjara t-twelid tagħhom u rrenda possibbli l-ħruġ tad-dokumenti ta’ identità Franċiża tagħhom. Bl-istess mod, din il-qorti tikkonstata li A. D. Alokpa u t-tfal tagħha kellhom, fil-fatt, ħajja tal-familja komuni f’ċentru ta’ ospitalità, sa mir-residenza fit-tul ta’ dawn it-tfal fis-sala tal-maternità, u li dawn tal-aħħar ma eżerċitawx strettament id-dritt tagħhom għal moviment liberu.

19

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour Administrative ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

“L-Artikolu 20 TFUE, jekk meħtieġ moqri flimkien mal-Artikoli 20, 21, 24, 33 u 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jew ma’ wieħed jew diversi fosthom meħuda b’mod separat jew flimkien, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru, minn naħa, jirrifjuta lil ċittadin ta’ Stat terz, li waħdu jieħu ħsieb uliedu li għadhom żgħar, li huma ċittadini tal-Unjoni, ir-residenza fl-Istat Membru ta’ residenza ta’ dawn tal-aħħar fejn huma jgħixu miegħu mit-twelid tagħhom, mingħajr ma għandhom in-nazzjonalità tiegħu, u min-naħa l-oħra, jirrifjuta lill-imsemmi ċittadin ta’ Stat terz permess ta’ residenza u saħansitra permess ta’ xogħol?

Deċiżjonijiet bħal dawn għandhom jitqiesu bħala tali li jċaħdu lill-imsemmija tfal, fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom fejn huma għexu sa mit-twelid tagħhom, mit-tgawdija effettiva tas-sustanza tad-drittijiet relatati mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni anki fis-sitwazzjoni fejn l-axxendent dirett l-ieħor, li miegħu qatt ma kellhom ħajja ta’ familja komuni, jirrisjedi fi Stat ieħor tal-Unjoni, li tiegħu stess huwa ċittadin?”

Fuq id-domanda preliminari

20

B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk il-qorti tar-rinviju llimitat id-domandi tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE, dan il-fatt ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża li jkollha quddiemha, u dan irrispettivament minn jekk il-qorti tar-rinviju tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy, C-434/09, Ġabra p. I-3375, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

B’dan il-mod, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tinftiehem bħala li tipprevedi, essenzjalment, il-kwistjoni ta’ jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil Stat Membru milli jirrifjuta lil ċittadin ta’ pajjiż terz dritt ta’ residenza fit-territorju tiegħu, meta dan iċ-ċittadin ikun responsabbli waħdu minn żewġt itfal żgħar, ċittadini tal-Unjoni, li jkunu joqogħdu miegħu f’dan l-Istat Membru sa mit-twelid tagħhom, mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru u mingħajr ma jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu.

22

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-drittijiet li jistgħu jingħataw liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jikkonċernaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma humiex drittijiet ta’ dawn iċ-ċittadini stess, iżda drittijiet derivati mill-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment minn ċittadin tal-Unjoni. L-iskop u l-ġustifikazzjoni ta’ tali drittijiet derivati, b’mod partikolari d-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza ta’ membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li r-rifjut ta’ rikonoxximent tagħhom huwa ta’ natura li jippreġudika l-libertà ta’ moviment tal-imsemmi ċittadin, sa fejn dan jiġi skoraġġit milli jeżerċita d-drittijiet tiegħu ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga u Ymeraga-Tafarshiku, C‑87/12, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Bl-istess mod, għandu jiġi enfasizzat li hemm sitwazzjonijiet ikkaratterizzati mill-fatt li, anki jekk dawn huma rregolati minn regolamenti li jaqgħu a priori taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, jiġifieri r-regolamenti dwar id-dritt ta’ dħul u ta’ residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt derivat li, taħt ċerti kundizzjonijiet, jipprovdu għall-għoti ta’ tali dritt, dawn għandhom, madankollu, rabta intrinsika mal-libertà ta’ moviment ta’ ċittadini tal-Unjoni li tipprekludi li tali dritt ta’ dħul u ta’ residenza jiġi rrifjutat lil dawk iċ-ċittadini fl-Istat Membru fejn dan iċ-ċittadin jirrisjedi, sabiex din il-libertà ma tiġix ippreġudikata (ara s-sentenza Ymeraga u Ymeraga-Tafarshiku, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

24

Fil-każ ineżami, hemm lok li jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li A. D. Alokpa ma tistax titqies li hija benefiċjarja tad-Direttiva 2004/38, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din tal-aħħar.

25

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kwalità ta’ membru tal-familja “dipendenti” taċ-ċittadin tal-Unjoni li jkollu d-dritt ta’ residenza hija r-riżultat ta’ sitwazzjoni fattwali kkaratterizzata mill-fatt li s-sostenn materjali tal-membru tal-familja huwa żgurat mid-detentur tad-dritt ta’ residenza, b’tali mod li, fis-sitwazzjoni inversa, jiġifieri meta d-detentur tad-dritt ta’ residenza huwa dipendenti taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, dan tal-aħħar ma jistax jipprevalixxi ruħu mill-kwalità ta’ axxendent “dipendenti” tal-imsemmi detentur, fis-sens tad-Direttiva 2004/38, bil-għan li jgawdi dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida, C‑40/11, punt 55).

26

Fil-każ ineżami, huma d-detenturi tad-dritt ta’ residenza, jiġifieri, iż-żewġt itfal ta’ A. D. Alokpa, li huma fil-fatt dipendenti ta’ din tal-aħħar, b’tali mod li l-parti kkonċernata ma tistax tipprevalixxi ruħha mill-kwalità ta’ axxendent dipendenti tagħhom, fis-sens tad-Direttiva 2004/38.

27

Madankollu, fil-kuntest ta’ sitwazzjoni simili għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ċittadin tal-Unjoni twieled fl-Istat Membru ospitanti u ma eżerċitax id-dritt ta’ moviment liberu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li t-termini “għandhom” biżżejjed riżorsi, li jinsabu fid-dispożizzjoni simili tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huwa biżżejjed li ċ-ċittadini tal-Unjoni jkollhom dawn ir-riżorsi disponibbli, mingħajr ma din id-dispożizzjoni tinvolvi l-inqas rekwiżit fir-rigward tal-oriġini tagħhom, b’mod li dawn tal-aħħar jistgħu jiġu pprovduti, inter alia, miċ-ċittadin ta’ Stat terz, ġenitur taċ-ċittadini ta’ età żgħira kkonċernati (ara, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ strumenti tad-dritt tal-Unjoni li jippreċedu lil din id-direttiva, is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen, C-200/02, Ġabra p. I-9925, punti 28 u 30).

28

Konsegwentement, ġie kkonstatat li r-rifjut li ġenitur, ċittadin ta’ Stat Membru jew ta’ Stat terz, li għandu effettivament il-kustodja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huwa minuri, jitħalla jirrisjedi ma’ dan iċ-ċittadin fl-Istat Membru ospitanti jċaħħad minn kull effettività d-dritt ta’ residenza ta’ dan tal-aħħar, peress illi t-tgawdija tad-dritt ta’ residenza minn wild ta’ età żgħira timplika neċessarjament li dan il-wild ikollu d-dritt li jkun akkumpanjat mill-persuna li tiżgura effettivament il-kustodja tiegħu u, għalhekk, li din il-persuna tkun fil-pożizzjoni li tirrisjedi miegħu fl-Istat Membru ospitanti matul din ir-residenza (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Zhu u Chen, punt 45, kif ukoll Iida, punt 69).

29

B’dan il-mod, jekk l-Artikolu 21 TFUE u d-Direttiva 2004/38 jagħtu dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti liċ-ċittadin minuri ta’ età żgħira ta’ Stat Membru ieħor li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva, dawn l-istess dispożizzjonijiet jippermettu lill-ġenitur li għandu fil-fatt il-kustodja ta’ dan iċ-ċittadin li jirrisjedi miegħu fl-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Zhu u Chen, iċċitata iktar ’il fuq, punti 46 u 47).

30

Fil-każ ineżami, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk it-tfal ta’ A. D. Alokpa jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38 u jibbenefikawx, għalhekk, minn dritt ta’ residenza fl-Istat Istat Membru ospitanti abbażi tal-Artikolu 21 TFUE. B’mod partikolari, din il-qorti għandha tivverifika jekk dawn it-tfal ikollhomx, huma stess jew permezz ta’ ommhom, riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni għall-mard komprensiva, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38.

31

Jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38 ma humiex sodisfatti, l-Artikolu 21 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li dritt ta’ residenza fit-territorju tal-Lussemburgu jiġi rrifjutat lil A. D. Alokpa.

32

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-Artikolu 20 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li hemm sitwazzjonijiet speċifiċi ħafna fejn, minkejja l-fatt li l-leġiżlazzjoni sekondarja dwar id-dritt ta’ residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz ma tkunx applikabbli u li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ma jkunx għamel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu, id-dritt ta’ residenza ma jkunx, eċċezzjonalment, jista’ jiġi rrifjutat lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni, mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-effettività taċ-ċittadinanza tal-Unjoni li huwa jgawdi, jekk, bħala konsegwenza ta’ tali rifjut, dan iċ-ċittadin jiġi obbligat, fil-fatt, li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat fl-intier tiegħu, b’mod li jiġi mċaħħad mit-tgawdija effettiva tas-sustanza tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Iida, punt 71, kif ukoll Ymeraga u Ymeraga-Tafarshiku, punt 36).

33

B’dan il-mod, jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-Artikolu 21 TFUE ma jipprekludix li dritt ta’ residenza fit-territorju tal-Lussemburgu jiġi rrifjutat lil A. D. Alokpa, din il-qorti għandha mbagħad tivverifika jekk tali dritt ta’ residenza jistax madankollu jingħatalha, fuq bażi eċċezzjonali, fuq il-bażi ta’ preġudizzju lill-effettività taċ-ċittadinanza tal-Unjoni li minnha jgawdu t-tfal tal-parti kkonċernata, peress li, bħala konsegwenza għal tali rifjut, dawn it-tfal jiġu obbligati, fil-fatt, li jitilqu mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat fl-intier tiegħu, b’mod li jiġu mċaħħda mit-tgawdija effettiva tas-sustanza tad-drittijiet mogħtija minn dan l-istatus.

34

F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 55 u 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, A. D. Alokpa, fil-kwalità tagħha ta’ omm ta’ Jarel u Eja Moudoulou u bħala l-unika persuna li teżerċita l-kura effettiva tagħhom sa mit-twelid tagħhom, tista’ tibbenefika minn dritt derivat sabiex takkumpanjahom u tirrisjedi magħhom fit-territorju Franċiż.

35

Minn dan isegwi li, fil-prinċipju, ir-rifjut tal-awtoritajiet Lussemburgiżi li jagħtu dritt ta’ residenza lil A. D. Alokpa ma jistax ikollu l-effett li jġiegħel lit-tfal tagħha jitilqu mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat fl-intier tiegħu. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, dan huwiex effettivament il-każ.

36

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għad-domanda li saret għandha tingħata r-risposta li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux Stat Membru milli jirrifjuta lil ċittadin ta’ pajjiż terz dritt ta’ residenza fit-territorju tiegħu, meta dan iċ-ċittadin ikollu taħt ir-responsabbiltà esklużiva tiegħu tfal ta’ età żgħira, ċittadini tal-Unjoni, li jkunu jirrisjedu miegħu f’dan l-Istat Membru sa mit-twelid tagħhom, mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità ta’ dan l-istess Stat u mingħajr ma jkunu għamlu użu mid-dritt tagħhom ta’ moviment liberu, sa fejn dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni ma jkunux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2004/38 jew tali rifjut ma jkunx iċaħħad l-imsemmija ċittadini mit-tgawdija effettiva tas-sustanza tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux Stat Membru milli jirrifjuta lil ċittadin ta’ pajjiż terz dritt ta’ residenza fit-territorju tiegħu, meta dan iċ-ċittadin ikollu taħt ir-responsabbiltà esklużiva tiegħu tfal ta’ età żgħira, ċittadini tal-Unjoni, li jkunu jirrisjedu miegħu f’dan l-Istat Membru sa mit-twelid tagħhom, mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità ta’ dan l-istess Stat u mingħajr ma jkunu għamlu użu mid-dritt tagħhom ta’ moviment liberu, sa fejn dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni ma jkunux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, jew tali rifjut ma jkunx iċaħħad l-imsemmija ċittadini mit-tgawdija effettiva tas-sustanza tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.