SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

19 ta’ Settembru 2013 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Evalwazzjoni tal-validità — Politika agrikola komuni — Regolament (KE) Nru 1782/2003 — Pagament addizzjonali mogħti għal tipi partikolari ta’ agrikoltura u l-produzzjoni ta’ kwalità — Marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri — Diskriminazzjoni — Artikoli 32 KE u 34 KE”

Fil-Kawża C‑373/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja), permezz tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Lulju 2011, fil-proċedura

Panellinios Syndesmos Viomichanion Metapoiisis Kapnou

vs

Ypourgos Oikonomias kai Oikonomikon,

Ypourgos Agrotikis Anaptyxis kai Trofimon,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, A. Rosas, E. Juhász, D. Šváby (Relatur) u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Novembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Panellinios Syndesmos Viomichanion Metapoiisis Kapnou, minn E. Petritsi u K. Adamantopoulos, dikigoroi,

għall-Gvern Elleniku, minn I. Chalkias u S. Papaïoannou, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M. Balta, E. Sitbon, M. Iosifidou u A. Westerhof Löfflerová, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Triantafyllou u G. von Rintelen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Frar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 69 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 4, p. 269).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Panellinios Syndesmos Viomichanion Metapoiisis Kapnou (Federazzjoni Griega tal-industriji tal-ipproċessar tat-tabakk, iktar ’il quddiem “Panellinios Syndesmos”) u l-Ypourgos Oikonomias kai Oikonomikon (Ministru għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji) u l-Ypourgos Agrotikis Anaptyxis kai Trofimon (Ministru għall-Iżvilupp Rurali u l-Ikel) dwar il-pagamenti addizzjonali fis-settur tat-tabakk.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 24 u 33 tar-Regolament Nru 1782/2003 huma redatti kif ġej:

“(24)

Tkabbir fil-kompetittività tal-agrikoltura tal-Komunità u l-promozzjoni tal-kwalità ta’ l-ikel u ta’ livelli ambjentali neċessarjament iġibu magħhom tnaqqis fil-prezzijiet istituzzjonali tal-prodotti agrikoli u żjieda fil-prezz tal-produzzjoni għall-azjendi agrikoli fil-Komunità. Biex jinkisbu dawn l-għanijiet u biex ikun hemm promozzjoni ta’ agrikoltura sostenibbli u orjentata iktar lejn is-suq, hi neċessarja li tkun kompletata il-bidla mill-appoġġ lill-produzzjoni għall-appoġġ lill-produttur billi tiġi ntrodotta sistema ta’ dħul separat għal kull razzett. [...]

[...]

(33)

Biex ikun hemm flessibilità fil-mod li bih jintlaqgħu sitwazzjonijiet speċifiċi, l-Istati Membri għandhom ikollhom l-għażla li jiddefinixxu ċertu bilanċ bejn drittijiet individwali għall-pagament u medji reġjonali jew nazzjonali u bejn pagamenti eżistenti u l-pagament uniku [...] Barraminhekk, biex jittieħed kont tal-kondizzjonijiet agrikoli speċifiċi tiegħu, hu xieraq li tkun ipprovduta l-possibilità li Stat Membru jitlob perjodu transitorju biex jimplimenta l-iskema ta’ pagament uniku waqt li jkompli jirrispetta l-limiti tal-‘budget’ iffissati għall-iskema ta’ pagament wieħed. [Fil-każ ta’ distorsjonijiet gravi tal-kompetizzjoni matul il-perijodu] [t]ransitorju u biex ikun żgurat ir-rispett lejn l-obbligi internazzjonali tal-Komunità, hu xieraq li l-Kummissjoni tkun tista’ tieħu l-miżuri neċessarji biex tlaħħaq ma’ tali sitwazzjonijiet.”

4

Fil-Kapitolu III, intitolat “Skema ta’ pagament wieħed”, Kapitolu 5, li huwa stess huwa intitolat “Implimentazzjoni reġjonali u mhux obbligatorja”, Sezzjoni 2, l-Artikolu 64(1) u (2) tar-Regolament Nru 1782/2003 kien jipprovdi:

“1.   Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Awissu 2004, Stat Membru jista’ jiddeċidi li japplika, fuq livell nazzjonali jew reġjonali, l-iskema ta’ pagament uniku pprovduta fil-Kapitoli 1 sa 4 taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din it-Taqsima.

2.   Skont l-għażla magħmula minn kull Stat Membru, il-Kummissjoni, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 144(2), għandha tiffissa limitu għal kull wieħed mill-pagamenti diretti msemmija rispettivament, fl-Artikoli 66, 67, 68 u 69.

Dan il-limitu għandu jkun ugwali għall-komponent ta’ kull tip ta’ pagament dirett fil-limiti nazzjonali msemmija fl-Artikolu 41, multiplikat bil-persentaġġi ta’ tnaqqis applikati mill-Istati Membri skond l-Artikoli 66, 67, 68 u 69.

L-ammont totali tal-limiti ffissati għandu jkun imnaqqas mil-limiti nazzjonali msemmija fl-Artikolu 41 skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 144(2).”

5

L-Artikolu 69 tal-imsemmi regolament, intitolat “Implimentazzjoni mhix obbligatorja għal tipi speċifiċi ta’ biedja u produzzjoni ta’ kwalità”, kien jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jżommu sa 10 % tal-komponent tal-limiti nazzjonali msemmija fl-Artikolu 41 li jikkorrispondu ma’ kull settur msemmi fl-Anness VI. Fil-każ tal-prodotti li jinħartu u tas-setturi taċ-ċanga, tal-vitella, tan-nagħaġ u tal-mogħoż, għandu jittieħed kont ta’ din iż-żamma għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni tal-persentaġġi massimi ffissati, rispettivament, fl-Artikoli 66, 67 u 68.

F’dan il-każ u fil-limitu ffissat skond l-Artikolu 64(2), l-Istat Membru konċernat, fuq bażi annwali, għandu jagħmel pagament addizzjonali lill-bdiewa fis-settur jew setturi konċernati minn din iż-żamma.

lI-pagament addizzjonali għandu jingħata għal tipi speċifiċi ta’ biedja li huma importanti għall-protezzjoni u t-titjib ta’ l-ambjent jew biex jitjiebu l-kwalità u l-‘marketing’ tal-prodotti agrikoli taħt kondizzjonijiet li għandhom jiġu definiti mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 144(2).”

6

L-Artikolu 48 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 795/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ ħlas waħdieni [pagament uniku] li hemm provvediment dwaru fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 226), kien jipprovdi:

“1.   Il-ħals addizzjonali li hemm provvediment dwaru fl-Artikolu 69 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għandu jingħara, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 37(3) tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999 u r-regoli tiegħu ta’ implimentazzjoni, taħt il-kondizzjonijiet li hemm provvediemnt dwarhom fil-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Il-ħlas għandu jsir biss lil bdiewa skont it-tifsira tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, irrispettivament jekk ikunux applikaw jew le għall-sikema ta’ ħlas waħdieni jew ikunuz iżommu drittijiet għall-ħlas.

3.   ‘Fis-settur jew setturi konċernati miż-żamma’ għandha tfisser li ħlas jista’ jintalab, fil-prinċipju, mill-bdiewa kollha li jipproduċu, fiż-żmien tat-tagħmil ta’ applikazzjoni għall-ħlas addizzjonali u taħt il-kondizzjonijiet li hemm provvediment dwarhom f’dan l-Artikolu, il-prodotti koperti mis-settur jew setturi msemmija fl-Anness VI li jinsab mar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.

4.   Fil-każ li l-ħlas ikopri t-tipi ta’ biedja jew kwalità u miżuri tal-marketing li dwarhom ma tiġi speċifikata ebda produzzjoni speċifika jew il-produzzjoni ma tkunx direttament koperta b’xi settur, il-ħlas jista’ jiġi provdut taħt il-kondizzjoni li ż-żamma ssir fis-setturi kollha msemmija fl-Anness VI li jinsab mar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u l-bdiewa bis li jkunu jagħmlu parti minn xi settur imsemmi f’dak l-Anness għandhom jipparteċipaw f’dik l-iskema.

5.   Fil-każ ta’ applikazzjoni taħt l-Artikolu 69 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 f’livell reġjonali ż-żamma għandha tiġi kalkolata fuq il-bażi tal-komponent tal-ħlasijiet tas-setturi konċernati fis-settur konċernat.

L-Istati Membru għandhom jiddefinixxu r-reġjun fil-livell territorjali adattat skond kriterji oġġettivi u b’dak il-mod li jiġi żgurat trattament ugwali bejn il-bdiewa u li jiġi evitat tgħawwiġ fis-suq jew fil-kompetizzjoni.

6.   L-Istati membri għandhom jikkomunikaw id-dettalji tal-ħlas li jkollhom il-ħsieb li jagħtu u, b’mod partikolari, l-kondizzjonijiet ta’ eliġibilità u s-setturi konċernati l-aktar tard sal-1 ta’ Awissu tas-sena li tiġi qabel l-ewwel sena ta’ l-applikazzjoni tal-iskema ta’ ħlas waħdieni.

[...]”.

7

Ir-Regolament Nru 1782/2003 tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, p. 16). Bl-istess mod, ir-Regolament Nru 795/2004 tħassar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1120/2009, tad-29 ta’ Ottubru 2009, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku li hemm provvediment dwarha fit-Titolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 316, p. 1).

Id-dritt Grieg

8

Ir-Regolamenti Nru 1782/2003 u Nru 795/2004 ġew trasposti fid-dritt nazzjonali permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet konġunti tal-Ypourgos Oikonomias kai Oikonomikon u tal-Ypourgos Agrotikis Anaptyxis kai Trofimon, jiġifieri d-deċiżjonijiet konġunti Nru 292464, tad-9 ta’ Awwissu 2005 (FEK B’ 1122), li tistabbilixxi b’mod ġenerali l-miżuri amministrattivi ta’ implementazzjoni addizzjonali u l-miżuri għall-kalkolu tan-numru u tal-valur tad-drittijiet tal-benefiċjarji ta’ pagament uniku, u d-Deċiżjoni Konġunta Nru 49143, tat-8 ta’ Awwissu 2006 (FEK B’ 1333) li tistabbilixxi b’mod speċifiku l-miżuri, jiġifieri l-metodu ta’ pagament, l-ammonti mħallsa u d-dokumenti li jiġġustifikaw il-pagament, sabiex isir il-pagament addizzjonali minħabba l-kwalità fis-settur tat-tabakk.

9

L-Artikolu 16 u l-Anness I tad-Deċiżjoni Konġunta Nru 292464, tad-9 ta’ Awwissu 2005 jistabbilixxu l-perċentwal għall-pagament addizzjonali skont il-kwalità għat-tabakk fi 2 %.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Fit-13 ta’ Novembru 2006, il-Panellinios Syndesmos ippreżentat, quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias, rikors intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni Konġunta Nru 49143, tat-8 ta’ Awwissu 2006. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Panellinios Syndesmos ikkontestat ukoll il-legalità tad-Deċiżjoni Konġuta Nru 292464, tad-9 ta’ Awwissu 2005.

11

Skont il-Panellinios Syndesmos, dawn iż-żewġ deċiżjonijiet huma illegali sa fejn jikkostitwixxu miżuri ta’ implementazzjoni tar-Regolament Nru 1782/2003, li l-Artikolu 69 tiegħu jikser id-dritt tal-Unjoni.

12

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-marġni ta’ manuvra mogħti mill-imsemmi regolamenti lill-awtoritajiet nazzjonali għall-applikazzjoni tal-imsemmi regolament jikkontribwixxi għal differenzjar li jikkorrispondi għall-ħtiġijiet ta’ kull raġuni u li l-possibbiltà għall-Istati Membri li jiffissaw ir-rati ta’ konservazzjoni differenti ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni.

13

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din l-implementazzjoni ddifferenzjata, b’mod partikolari minħabba l-applikazzjoni ta’ rata ta’ konservazzjoni u, għalhekk, ta’ pagamenti addizzjonali differenti, ma twassalx għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn il-produtturi tal-istess prodott fl-Istati Membri differenti u għal konsegwenzi negattivi fuq id-dħul tal-produtturi tar-reġjonijiet differenti.

14

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Symvoulio tis Epikrateias iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003, li permezz tiegħu l-Istati Membri huma awtorizzati jistabbilixxu – fil-limitu ta’ 10 % tal-komponent tal-“limitu nazzjonali” previst fl-Artikolu 41 u b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 69(3) – rati ta’ konservazzjoni differenti għall-għoti ta’ għajnuna supplementari lill-produtturi, huwa kompatibbli, sa fejn jawtorizza din id-distinzjoni tar-rata ta’ konservazzjoni, mal-Artikoli 2 KE, 32 KE u 34 KE, kif ukoll mal-għanijiet ta’ garanzija ta’ dħul stabbli għall-produtturi u ta’ konservazzjoni taż-żoni rurali?”

Fuq id-domanda preliminari

15

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003 huwiex validu fid-dawl tal-Artikoli 32 KE u 34 KE kif ukoll tal-għanijiet li jiġi ggarantit dħul stabbli għall-produtturi u għall-ħarsien ta’ żoni rurali, inkwantu l-applikazzjoni tiegħu tqiegħed lill-produtturi li l-Istat Membru tagħhom jistabbilixxi rata ta’ konservazzjoni mhux għolja f’pożizzjoni żvantaġġjata meta mqabbla ma’ produtturi li jinsabu fi Stati Membri oħra li fihom din ir-rata tkun ġiet stabbilita f’livell iktar għoli u twassal għal diskriminazzjoni kif ukoll distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn il-produtturi tal-istess prodott li jinsabu fi Stati Membri differenti.

16

Għandu preliminarjament jiġi osservat li l-fatt li r-Regolament Nru 1782/2003 u r-Regolament Nru 795/2004 tħassru huwa bla effett fuq l-għan tal-kawża prinċipali għaliex l-applikazzjoni tal-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003 testendi sax-xahar ta’ Ġunju 2010.

17

Kif espost fil-premessa 24 tiegħu, ir-Regolament Nru 1782/2003 huwa intiż li jippermetti t-tranżizzjoni mill-għajnuna għall-produzzjoni lejn l-għajnuna għall-produttur permezz tat-tnaqqis progressiv tal-pagamenti diretti u l-introduzzjoni ta’ skema ta’ appoġġ tad-dħul mhux relatat mal-produzzjoni, jiġifieri l-pagament uniku ddeterminat fuq il-bażi tad-drittijiet preċedenti matul il-perijodu ta’ riferiment, sabiex il-bdiewa tal-Unjoni Ewropea jsiru iktar kompetittivi.

18

Għandu jingħad ukoll li l-introduzzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku tidħol fil-politika agrikola komuni li wieħed mill-għanijiet prinċipali tagħha kien, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 3 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-razzjonalizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tar-regoli rilevanti tal-Unjoni, billi titwettaq deċentralizzazzjoni ikbar tal-implementazzjoni tal-linji politiċi, billi jitħalla marġni ikbar lill-Istati Membri u lir-reġjuni tagħhom.

19

L-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 1782/2003 kien jistabbilixxi, fil-kuntest tal-implementazzjoni parzjali tal-iskema ta’ pagament uniku, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jiddeċiedu “sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Awissu 2004”, li japplikaw, fil-livell nazzjonali jew reġjonali, l-iskema ta’ pagament uniku fil-kundizzjonijiet speċifiċi.

20

Huwa f’dan il-kuntest li l-Artikolu 69 tal-imsemmi regolament ta lill-Istati Membri l-possibbiltà li jżommu sa 10 % tal-komponent tal-limiti nazzjonali ta’ kull settur ta’ produzzjoni sabiex iwettqu pagament addizzjonali għat-tipi partikolari ta’ agrikoltura li huma importanti għall-protezzjoni jew għat-titjib tal-ambjent jew għat-titjib tal-kwalità u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli.

Fuq il-ksur tal-Artikolu 34 KE

21

Fuq dan il-punt, għandu jiġi evalwat jekk l-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003 jiksirx l-Artikolu 34 KE għaliex iwassal, minn naħa, għal diskriminazzjoni bejn il-produtturi u, min-naħa l-oħra, għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn il-produtturi tal-istess prodott li jinsabu fi Stati Membri differenti.

22

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 34(2) KE, li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni fil-kuntest tal-PAK, huwa biss l-espressjoni speċifiku tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza, li jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali kemm-il darba l-iddifferenzjar ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Agrana Zucker, C-33/08, Ġabra p. I-5035, punt 46).

23

Għandu fl-ewwel lok jiġi kkonstatat li l-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003 ma jistabbilixxix waħdu l-kundizzjonijiet differenti skont l-Istati Membri jew il-produtturi, iżda sempliċement jagħti lill-Istati Membri kollha, bl-istess kundizzjonijiet u skont l-istess modalitajiet, ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jitwettqu l-pagamenti addizzjonali fil-kuntest tar-riforma tal-PAK.

24

Għandu fit-tieni lok jitfakkar li, l-ewwel nett, skont il-prinċipju ta’ sussidjarità, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 KE, l-Unjoni tintervjeni biss, fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, jekk u sa fejn l-għanijiet ippjanati ma jistgħux jitwettqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu jitwettqu aħjar, minħabba d-daqs jew l-effetti tal-azzjoni ppjanata, fil-livell tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et, C-58/08, Ġabra p. I-4999, punt 72).

25

Sussegwentement, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet f’sitwazzjoni rregolata mid-dritt tal-Unjoni meta din tal-aħħar tagħtihom espressament setgħa deċiżjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1992, Teulie, C-251/91, Ġabra p. I-5599, punt 13, u tas-27 ta’ Novembru 1997, Witt, C-356/95, Ġabra p. I-6589, punt 39).

26

Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-PAK li taqa’ taħt, skont l-Artikolu 4(2)(d) TFUE, il-kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, dawn tal-aħħar igawdu minn setgħa leġiżlattiva li tippermettilhom, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(2) TFUE, li jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom sa fejn l-Unjoni ma teżerċitax tagħha.

27

Dan jgħodd b’mod partikolari wara r-riforma tal-PAK li tinvolvi, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, deċentralizzazzjoni qawwija tal-kompetenzi sabiex jittieħdu b’mod partikolari inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet ta’ kull Stat Membru jew reġjun, kif ukoll tas-sitwazzjoni tas-suq tal-prodotti differenti u tal-produtturi kkonċernati, skont l-Artikolu 33(2)(a) KE.

28

Minn dan isegwi li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea seta’ jagħti lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jistabbilixxu r-rata ta’ konservazzjoni sabiex, kif espost fil-premessa 33 tar-Regolament Nru 1782/2003, l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jistabbilixxu ċertu bilanċ bejn id-drittijiet għal pagamenti individwali u l-medji reġjonali jew nazzjonali kif ukoll bejn il-pagamenti eżistenti u l-pagament uniku, u li jkollhom għalhekk il-flessibbiltà suffiċjenti biex jirreaġixxu għas-sitwazzjonijiet partikolari.

29

Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-Istati Membri, minn naħa, hija strettament imfassla u suġġetta għal sensiela ta’ kundizzjonijiet ta’ natura kemm sostanzjali kif ukoll proċedurali u, min-naħa l-oħra, tikkostitwixxi miżura temporanja intiża li tiffaċilita t-tranżizzjoni lejn skema ta’ pagament uniku.

30

Fil-fatt, minn naħa, l-iddifferenzjar permess mill-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003 huwa limitat, għaliex fil-kuntest tat-tnaqqis progressiv tal-pagamenti diretti, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu 10 % tal-komponenti ta’ kull settur bil-għan li jitwettaq pagament addizzjonali.

31

Min-naħa l-oħra, l-imsemmi Artikolu 69 jistabbilixxi li l-pagament addizzjonali jista’ biss jingħata għat-tipi partikolari ta’ agrikoltura li huma importanti għall-protezzjoni jew għat-titjib tal-ambjent jew għat-titjib tal-kwalità u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli, peress li dan il-pagament huwa suġġett għall-osservanza tal-kundizzjonijiet iddefiniti mill-Kummissjoni skont it-tielet paragrafu tar-Regolament Nru 1782/2003. Barra minn hekk, eżami approfondit ta’ kull settur tal-prodott wassal lil-leġiżlatur tal-Unjoni biex jipprovdi, fl-Artikoli 66 sa 68 tar-Regolament Nru 1782/2003, regoli speċifiċi skont il-karatteristiċi tagħhom.

32

Fir-raba’ lok, mill-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003 jirriżulta li l-ammont totali tal-pagamenti lill-bdiewa f’settur preċiż huwa f’kull Stat Membru essenzjalment l-istess, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk l-awtoritajiet nazzjonali ddeċidew li jintroduċu pagamenti addizzjonali u, jekk dan huwa l-każ, irrispettivament mil-livell ta’ konservazzjoni li huma stabbilixxew għal dan l-effett.

33

Barra minn hekk, l-iffissar ta’ rata ta’ konservazzjoni differenti ma jwassalx awtomatikament għall-għoti ta’ pagamenti addizzjonali kemxejn għolja, għaliex dawn tal-aħħar jingħataw biss lill-bdiewa li josservaw ir-rekwiżiti u l-kriterji speċifiċi previsti.

34

Fil-ħames lok, għandu jitfakkar li l-fatt li l-adozzjoni ta’ miżura fil-kuntest ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq jista’ jkollha konsegwenzi differenti għal ċerti produtturi minħabba l-produzzjoni individwali tagħhom jew il-kundizzjonijiet lokali ma jistax jitqies bħala diskriminazzjoni pprojbita mit-Trattat KE, għaliex il-miżura hija bbażata fuq kriterji oġġettivi, adattati għall-ħtiġijiet tal-funzjonament globali tal-organizzazzjoni komuni tas-suq (sentenzi tad-9 ta’ Lulju 1985, Bozzetti, 179/84, Ġabra p. 2301, punt 34, kif ukoll tal-14 ta’ Mejju 2009, Azienda Agricola Disarò Antonio et, C-34/08, Ġabra p. I-4023, punt 69).

35

Bl-istess mod, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni ma tirrigwardax l-eventwali differenzi fit-trattament li jistgħu jirriżultaw, minn Stat Membru għal ieħor, peress li hemm diverġenzi fil-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri differenti sakemm dawn il-leġiżlazzjonijiet jaffettwaw bl-istess mod lill-persuni kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Horvath, C-428/07, Ġabra p. I-6355, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Għalkemm dan il-prinċipju ċertament ġie żviluppat fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-drittijiet tal-Unjoni għall-finijiet tal-evalwazzjonijiet tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali meta mqabbla mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, dan ma jistax ikun mod ieħor fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni li abbażi tiegħu huma jadottaw l-imsemmija leġiżlazzjonijiet differenti.

37

Fis-sitt lok, iż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-swieq tal-prodotti agrikoli tifforma parti mill-għanijiet tal-PAK.

38

Għandu f’dan ir-rigward l-ewwel nett jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza, l-iffissar ta’ rata ta’ konservazzjoni differenti mhux neċessarjament iwassal għall-għoti ta’ ammonti kemxejn għolja.

39

Anki jekk jiġi preżunt li l-iffissar tar-rati ta’ konservazzjoni f’livell differenti mill-Istati Membri jista’ jwassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn il-produtturi tal-istess prodott li jinsabu fi Stati Membri differenti, fatt li ma ġiex ippreċiżat fid-deċiżjoni tar-rinviju, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, anki f’dak li jikkonċerna r-regoli tat-Trattat KE fil-qasam tal-kompetizzjoni, l-Artikolu 36 KE jistabbilixxi li l-għanijiet tal-PAK jipprevalu fuq dawk tal-politika fil-qasam tal-kompetizzjoni (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Milk Marque u National Farmers’ Union, C-137/00, Ġabra p. I-7975, punt 81).

40

Fi kwalunkwe każ, fil-qasam tal-PAK il-leġiżlatur Komunitarju għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tikkorrispondi għar-responsabbiltajiet politiċi li l-Artikoli 34 KE u 37 KE jattribwixxulu u li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, ripetutament, li huwa biss fil-każ li miżura adottata f’dan il-qasam tkun manifestament mhux xierqa, fid-dawl tal-għan li jkollha l-istituzzjoni kompetenti, li l-legalità ta’ tali miżura tista’ tiġi affettwata (sentenza tat-2 ta’ Lulju 2009, Bavaria u Bavaria Italia, C-343/07, Ġabra p. I-5491, punt 81).

41

Konsegwentement, fl-istħarriġ tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha li tivverifika jekk il-miżura inkwistjoni tkunx ivvizzjata bi żball manifest jew b’abbuż ta’ poter jew jekk l-awtorità inkwistjoni tkunx manifestament marret lil hinn mil-limiti tad-diskrezzjoni tagħha (sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et , C-189/01, Ġabra p. I-5689, punt 80; tad-9 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-304/01, Ġabra p. I-7655, punt 23, kif ukoll tat-23 ta’ Marzu 2006, Unitymark u North Sea Fishermen’s Organisation, C-535/03, Ġabra p. I-2689, punt 55).

42

F’dan ir-rigward, mill-premessi 33 u 34 tar-Regolament Nru 1782/2003 jirriżulta li l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 69 ta’ dan tal-aħħar li jingħata pagament addizzjonali għandha tiġi implementata skont id-disparitajiet strutturali u naturali bejn ir-reġjuni agrikoli differenti. Dan l-element espressament jifforma parti minn dawk li, skont l-Artikolu 33(2) KE, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-tfassil tal-PAK.

43

Peress li d-distorsjonijiet eventwali tal-kompetizzjoni li setgħu jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003 huma kemxejn limitati, ma jistax, barra minn hekk, jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma wettaqx bilanċ ġust bejn l-elementi differenti jew l-għanijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, u għalhekk, jitqies li manifestament mar lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu.

44

Għaldaqstant, l-eżami tal-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003 fid-dawl tal-Artikolu 34 KE ma wera l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tiegħu.

Fuq il-ksur tal-Artikolu 32 KE

45

Il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jipprovdi li l-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003 huwa f’kontradizzjoni mal-Artikolu 32 KE inkwantu din id-dispożizzjoni telimina n-natura komuni tal-politika agrikola, billi jippermetti li l-Istati Membri jiffissaw b’mod liberu, mingħajr kriterji u kundizzjonijiet preliminari, il-perċentwal ta’ konservazzjoni applikat għal-limitu nazzjonali li tiegħu huma jistgħu jistabbilixxu biex isostnu prodott, bħat-tabakk mhux ipproċessat, li huwa s-suġġett tal-politika komuni tal-politika agrikola.

46

Għandu jiġi kkonstatat li l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri biex jistabbilixxu rata ta’ konservazzjoni applikata għal-limitu nazzjonali tal-appoġġ li jikkorrispondi għas-settur ikkonċernat sabiex jitwettaq pagament addizzjonali ma għandux bħala għan jew effett li jelimina n-natura komuni tal-politika agrikola, iżda jikkorrispondi biss għal awtorizzazzjoni mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali, sabiex jimplementaw ċerti regoli li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li huma xierqa fil-kuntest tal-introduzzjoni ta’ skema ta’ pagament uniku.

47

Fil-fatt, l-imsemmi pagament addizzjonali, temporanju u ta’ ammont limitat sa 10 % tal-komponent tal-limiti nazzjonali, huwa intiż, minn naħa, li jinkoraġġixxi lill-bdiewa biex josservaw ir-rekwiżiti dwar it-titjib tal-kwalità tal-prodotti tagħhom u l-protezzjoni tal-ambjent, inkwantu huma jingħataw kumpens minħabba l-adattament tagħhom għar-rekwiżiti l-ġodda tal-PAK, u, min-naħa l-oħra, biex jonqsu l-konsegwenzi f’ċerti setturi tal-prodotti minħabba t-tranżazzjoni mill-iskema ta’ pagamenti diretti għall-iskema ta’ pagament uniku.

48

Il-fakultà mogħtija lill-Istati Membri biex jistabbilixxu r-rati ta’ konservazzjoni f’livell li huwa l-iktar xieraq billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet nazzjonali u regjonali kif ukoll is-sitwazzjoni tas-suq tal-prodotti differenti u tal-produtturi kkonċernati, hija ġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 33(2) KE, li jimponi, fil-kuntest tat-tfassil tal-PAK u l-metodi speċjali għall-applikazzjoni tiegħu, it-teħid inkunsiderazzjoni tan-natura partikolari tal-attività agrikola, li tirriżulta mill-istruttura soċjali tal-agrikoltura u mid-disparitajiet strutturali u naturali bejn ir-reġjuni agrikoli differenti, kif ukoll mill-ħtieġa li jitwettqu b’mod gradwali l-aġġustamenti opportuni.

49

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 29 sa 31 ta’ din is-sentenza, l-awtorizzazzjoni mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni lill-awtoritajiet nazzjonali hija suġġetta għal bosta kundizzjonijiet, ta’ natura kemm proċedurali kif ukoll sostanzjali, stabbiliti kemm direttament fl-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003 kif ukoll f’regolament qabel ma jiġu adottati mill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 144(2) tal-imsemmi regolament.

50

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni stabbilixxiet, b’mod dettaljat, l-imsemmija kundizzjonijiet fir-Regolament Nru 795/2004, fejn l-Artikolu 48 tiegħu jipprovdi garanziji importanti billi jeżiġi li l-Istati Membri jadottaw id-deċiżjonijiet tagħhom skont kriterji oġġettivi u li jaġixxu “skond kriterji oġġettivi u b’dak il-mod li jiġi żgurat trattament ugwali bejn il-bdiewa u li jiġi evitat tgħawwiġ fis-suq jew fil-kompetizzjoni”. Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjonijiet jirrikonoxxu lill-Kummissjoni s-setgħa li jissorveljaw strettament il-mod kif l-awtoritajiet tal-Istati Membri jwettqu l-pagament addizzjonali, billi jimponi fuq dawn tal-aħħar bosta obbligi ta’ notifika.

51

Bl-istess mod, l-Artikolu 64(3) tar-Regolament Nru 1782/2003 jeżiġi li l-Kummissjoni, f’terminu speċifiku, jissottometti “rapport lill-Kunsill, akkumpanjat, jekk ikun neċessarju, bi proposti xierqa, fuq il-konsegwenzi possibbli ta’ l-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta’ l-għażliet ipprovduti fit-Taqsimiet 2 u 3, fir-rigward ta’ żviluppi strutturali u tas-suq”, b’mod partikolari, tal-għażla prevista fl-Artikolu 69 tal-istess regolament.

52

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-eżami tal-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003 fid-dawl tal-Artikolu 32 KE ma rrileva l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tiegħu.

Fuq il-ksur tal-għanijiet ta’ garanzija ta’ dħul stabbli għall-produtturi u tal-ħarsien ta’ żoni rurali

53

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003 jiksirx l-“għanijiet ta’ garanzija ta’ dħul stabbli għall-produtturi” u ta’ “konservazzjoni taż-żoni rurali” inkwantu l-applikazzjoni tiegħu għandu bħala effett li dħul stabbli ma huwiex żgurata għall-bdiewa u jista’ jkollhom jabbandunaw il-koltivazzjoni tat-tabakk.

54

F’dak li jirrigwarda l-garanzija ta’ dħul stabbli, għandu jiġi rrilevat, kif jenfasizza l-Kunsill, li tali għan ma jinsabx fost l-għanijiet stabbiliti tal-PAK fl-Artikolu 33 KE, li jsemmi “li tassigura b’dan il-mod livell ġust ta’ għajxien għall-popolazzjoni agrikola” u “li tagħmel is-swieq stabbli”.

55

Barra minn hekk, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-Trattati ma jeżiġux li livell ta’ għajxien ekwu jiġi ggarantit permezz tal-koltivazzjoni mingħajr waqfien tal-istess prodott.

56

Barra minn hekk, kif huwa espost fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003 ma jemendax l-ammont totali tal-għajnuna li jista’ jingħata lill-bdiewa f’settur ta’ prodott, bħat-tabakk, iżda jippermetti biss, u f’miżura limitata, tqassim tal-ammont tal-għajnuna bejn pagamenti diretti u, jekk ikun il-każ, pagamenti addizzjonali.

57

Bl-istess mod, l-għan li s-swieq jiġu stabbiliti, imsemmi fl-Artikolu 33(1)(ċ) KE ma jimplikax li l-produzzjoni għandha dejjem tkun stabbli, peress li wieħed mill-għanijiet tar-riforma tal-PAK huwa, kuntrarjament, li tiġi ppromovuta industrija agrikola iktar kompetittiva u speċjalment diretta lejn is-suq.

58

Fir-rigward tal-kompatibbiltà mal-għan allegat tal-ħarsien taż-żoni rurali, għandu jiġi rrilevat li l-premessi 3 u 21 tar-Regolament Nru 1782/2003 jenfasizzaw, preċiżament, il-ħtieġa li jiġi evitat l-abbandun ta’ artijiet agrikoli u l-ħarsien ta’ żoni rurali. Il-qorti tar-rinviju ma esponiet l-ebda element li jista’ jistabbilixxi li l-miżura prevista fl-Artikolu 69 tal-imsemmi regolament toħloq dannu għal tali għanijiet. Kuntrarjament, il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri fil-kuntest tar-rata ta’ konservazzjoni jippermettilhom li jissuġġettaw id-dritt għal pagament addizzjonali għall-osservanza ta’ kundizzjonijiet intiżi li jilħqu dawn l-għanijiet.

59

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-eżami tad-domanda preliminari ma rrileva l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003.

Fuq l-ispejjeż

60

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-eżami tad-domanda preliminari ma rrileva l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 69 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.