SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Settembru 2013 ( *1 )

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi mediċi — Fornitur li jmur fi Stat Membri ieħor sabiex jipprovdi s-servizz — Applikabbiltà tar-regoli ta’ etika tal-Istat Membru ospitanti u, b’mod partikolari, ta’ dawk li jirrigwardaw l-onorarji u r-reklamar”

Fil-Kawża C‑475/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Berufsgericht für Heilberufe bei dem Verwaltungsgericht Gießen (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-19 ta’ Settembru 2011, fil‑proċedura kontra

Kostas Konstantinides,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, (Relatur), li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, J.-C. Bonichot, C. Toader, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Settembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Konstantinides, minn G. Fiedler, avukat,

għal-Landesärztekammer Hessen, minn R. Raasch,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u D. Hadroušek, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Martínez-Lage Sobredo, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u N. Rouam, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn B. Koopman u C. Wissels, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, bħala aġent, assistit minn N. Sancho Lampreia, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Støvlbæk u K.-P. Wojcik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-31 ta’ Jannar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikoli 5(3) u 6(a) tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir‑rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (ĠU L 255, p. 22).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja għal żball proffessjonali mibdija kontra K. Konstantinides fuq it-talba tal-Landesärtzekammer Hessen (assoċjazzjoni tat-tobba tal-Land de Hesse).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 3, 8 u 11 tad-Direttiva 2005/36 huma redatti kif ġej:

“(3)

Il-garanzija mogħtija minn din id-Direttiva lil persuni li kisbu l-kwalifiki professjonali tagħhom fi Stat Membru sabiex ikollhom aċċess għall-istess professjoni u jeżerċitawha fi Stat Membru ieħor bl-istess drittijiet bħal ċittadini hija bla ħsara għall-konformità mill-professjonist li jkun emigra ma’ kondizzjonijiet mhux diskriminatorji ta’ eżerċizzju li jistgħu jkunu stabbiliti mill-Istat Membru ta’ l-aħħar, kemm-il darba dawn ikunu oġġettivament ġustifikati u proporzjonati.

[...]

(8)

Il-fornitur ta’ servizzi għandu jkun soġġett għall-applikazzjoni ta’ regoli dixxiplinarji ta’ l-Istat Membru ospitanti li jkollhom konnessjoni diretta u speċifika mal-kwalifiki professjonali, bħalma hija d-definizzjoni tal-professjoni, il-firxa ta’ l-attivitajiet koperti minn professjoni jew riżervati għaliha, l-użu ta’ titoli u abbuż professjonali serju li hu konness direttament u speċifikament mal-protezzjoni u sigurtà tal-konsumatur.

[...]

(11)

Fil-każ tal-professjonijiet koperti mis-sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki, hawn taħt msejħa ‘s-sistema ġenerali’, l-Istati Membri għandhom iżommu d-dritt li jistabbilixxu l-livell minimu ta’ kwalifiki meħtieġa sabiex tiġi assigurata l-kwalità tas-servizzi provduti fit-territorju tagħhom. [...] Is-sistema ġenerali għar-rikonoxximent, madankollu, ma twaqqafx Stat Membru milli jissuġġetta persuna li tkun qed teżerċita professjoni fit-territorju tiegħu għal rekwiżiti speċifiċi minħabba l-applikazzjoni ta’ regoli professjonali li jkunu ġustifikati mill-interess pubbliku ġenerali. Regoli ta’ dan it-tip huma dawk li, per eżempju, jirrigwardaw l-organizzazzjoni tal-professjoni, standards professjonali, inklużi dawk dwar l-etika, u kontroll u responsabbiltà. [...]”

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/36, intitolat “Għan”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli skond liema Stat Membru li jissoġġetta l-aċċess jew l-eżerċizzju ta’ professjoni regolata fit-territorju tiegħu għall-kondizzjoni ta’ pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi (minn hawn il quddiem imsejħa ‘l-Istat Membru ospitanti’) għandu jirrikonoxxi kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru jew aktar (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘l-Istat Membru ta’ l-oriġini’) u li jippermettu li persuna li jkollha dawk il-kwalifiki teżerċita l-istess professjoni hemmhekk, għal aċċess għal u eżerċizzju ta’ dik il-professjoni.”

5

L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi li:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

b)

‘kwalifiki professjonali’: kwalifiki attestati minn prova ta’ kwalifiki formali, attestazzjoni ta’ kompetenza kif imsemmija fis-subparagrafu (i) tal-punt (a) ta’ l-Artikolu 11 u/jew esperjenza professjonali;

[...]”

6

L-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Effetti tar-rikonoxximent”, jipprovdi fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali mill-Istat Membru ospitanti jippermetti lill-benefiċjarju sabiex jikseb aċċess f’dak l-Istat Membru għall-istess professjoni bħal dik li huwa kwalifikat fiha fl-Istat Membru ta’ l-oriġini u sabiex jeżerċitaha fl-Istat Membru ospitanti taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini tiegħu.

[...]”

7

Skont it-Titolu II tal-istess direttiva, bit-titolu “Libertà li jiġu pprovduti servizzi”, l-Artikolu 5 tiegħu, bit-titolu “Il-prinċipju tal-libertà li jiġu provduti servizzi”, jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt Komunitarju, kif ukoll l-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri m’għandhomx jirrestrinġu, għal xi raġuni relatata ma’ kwalifiki professjonali, il-libertà li jiġu provduti servizzi fi Stat Membru ieħor:

a)

jekk il-fornitur tas-servizz huwa stabbilit legalment fi Stat Membru bl-għan li jeżerċita l-istess professjoni hemmhekk (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ l-‘Istat Membru ta’ stabbiliment’) [...]

[...]

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu għandhom japplikaw biss fejn il-fornitur tas-servizz imur fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti sabiex jeżerċita, fuq bażi temporanja u ta’ kultant, il-professjoni msemmija fil-paragrafu 1.

In-natura temporanja u ta’ kultant tal-provvista ta’ servizzi għandha tkun stmata każ b’każ, b’tenut kont b’mod partikolari tat-tul taż-żmien, tal-frekwenza, tar-regolarità u tal-kontinwità tagħha.

3.   Fejn il-fornitur tas-servizz jibdel il-pajjiż, għandu jkun soġġett għal regoli professjonali ta’ natura professjonali statutorja, jew amministrattiva li huma konnessi direttament mal-kwalifiki professjonali, bħalma hija d-definizzjoni tal-professjoni, l-użu ta’ titoli u abbuż professjonali serju li huwa konness direttament u speċifikament mal-protezzjoni u s-sigurtà tal-konsumatur, kif ukoll dispożizzjonijiet dixxiplinari li huma applikabbli fl-Istat Membru ospitanti għal professjonisti li jeżerċitaw l-istess professjoni f’dak l-Istat Membru.”

8

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36, intitolat, “Eżenzjonijiet”, jipprovdi li:

“Skond l-Artikolu 5(1), l-Istat Membru ospitanti għandu jeżenta lil fornituri tas-servizz li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor mir-rekwiżiti li dan jimponi fuq professjonisti stabbiliti fit-territorju tiegħu rigward:

a)

l-awtorizzazzjoni permezz ta’ reġistrazzjoni jew sħubija f’organizzazzjoni jew korp professjonali. Sabiex tiġi faċilitata l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet dixxiplinarji fis-seħħ fit-territorju tagħhom skond l-Artikolu 5(3) ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu jew għal reġistrazzjoni awtomatika temporanja jew għal sħubija pro forma ma’ din l-organizzazzjoni jew korp professjonali, bil-kondizzjoni li din ir-reġistrazzjoni jew is-sħubija ma tittardjax jew tikkumplika b’ebda mod il-provvista ta’ servizzi u ma twassalx għal spejjeż addizzjonali għall-fornitur tas-servizz. [...]

[...]”

9

Taħt it-Titolu III tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Libertà ta’ stabbiliment”, l-Artikolu 13(1) tiegħu, bit-titolu “Kondizzjonijiet għal rikonoxximent”, jipprovdi li:

“Jekk l-aċċess jew l-eżerċizzju ta’ professjoni regolata fi Stat Membru ospitanti huwa kontinġenti fuq il-pussess ta’ kwalifiki professjonali, l‑awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha tippermetti l‑aċċess għal u l-eżerċizzju ta’ dik il-professjoni, taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini tiegħu, lil applikanti li għandhom l-attestazzjoni ta’ kompetenza jew provi ta’ kwalifiki formali meħtieġa minn Stat Membru ieħor sabiex jiksbu l-aċċess għal u l‑eżerċizzju ta’ dik il-professjoni fit-territorju tiegħu.

[...]”

Id-dritt Ġermaniż

Il-Kodiċi ta’ klassifikazzjoni tariffarja tal-atti mediċi

10

Il-Kodiċi ta’ klassifikazzjon tariffarja tal-atti mediċi (Gebührenordnung für Ärzte) huwa regolament tal-Ministeru Federali tas-Saħħa. L-Artikolu 1 tiegħu, bit-titolu “Qasam ta’ applikazzjoni”, jipprovdi li:

“1.   Ir-remunerazzjonijiet għall-atti professjonali tat-tobba huma ddefiniti skont dan ir-regolament, ħlief jekk liġi Federali tipprovdi mod ieħor.

2.   It-tabib jista’ jiffattura remunerazzjonijiet biss għall-atti li huma indispensabbli għall-prestazzjoni minn tabib ta’ kura medikament neċessarja skont ir-regoli tal-arti medikali. Huwa jista’ jiffatura biss l-atti li ma jaqgħux barra mill-kuntest tal-prestazzjoni minn tabib ta’ kura medikament neċessarja jekk din il-kura twettqet fuq it-talba tad-debitur.”

11

L-Artikolu 2 ta’ dan il-kodiċi, bit-titolu “Konvenzjoni derogatorja”, jipprovdi li:

“1.   Huwa possibbli li tinftiehem tariffa derogatorja għal dan ir-regolament. [...]

2.   Il-konvenzjoni msemmija fl-ewwel sentenza tal-paragrafu preċedenti għandha tiġi nnegozjata u konkluza bil-miktub bejn it-tabib u d-debitur qabel it-twettiq tal-att mediku. [...]

[...]”

12

L-Artikolu 6(2), tal-imsemmi kodiċi, bit-titolu “Remunerazzjonijiet tal-atti l-oħrajn”, jippprovdi li:

“L-atti mediċi awtonomi li ma humiex inkluzi fil-lista ta’ onorarji jistgħu jiġu ffatturati skont atti ekwivalenti fil-lista, u din l-ekwivalenza għandha tiġi evalwata skont in-natura tal-att, l-ispejjeż li jirrizultaw mill-att u ż-żmien meħud sabiex jitwettaq.”

Il-Liġi tal-Land de Hesse dwar il-professjonijiet tas-saħħa

13

L-Artikolu 2(1) tal-Liġi tal-Land de Hesse dwar il-korpi professjonali rappreżentattivi, għall-ezerċizzju professjonali, għat-taħriġ kontinwu u għall-ġustizzja dixxiplinarja tat-tobba, dentisti, veterinarji, spiżjara, psikoterapisti psikologi u pedopsikoterapisti (Hessisches Gesetz über die Berufsvertretungen, die Berufsausübung, die Weiterbildung und die Berufsgerichtsbarkeit der Ärzte, Zahnärzte, Apotheker, psychologischen Psychotherapeuten und Kinder- und Jugendlichenpsychotherapeuten), kif emendata bil-Liġi tal-15 ta’ Settembru 2011 (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-Land de Hesse dwar il-professjonijiet tas-saħħa”), jipprovdi li:

“Jifformaw parti mill-assoċjazzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, ilkoll flimkien

1)

it-tobba,

[...]

li jezerċitaw l-attività tagħhom fil-Land de Hesse.

[...]”.

14

Skont l-Artikolu 3 ta’ din il-liġi:

“1.   Sakemm ikollhom in-nazzjonalità ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat Membru ieħor parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3)] [...], il-membri ta’ professjoni tas-saħħa li, fil-kuntest tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, jeżerċitaw l-attività tagħhom b’mod temporanju u okkażjonali skont il-moviment liberu ta’ servizzi stabbilit bid-dritt Komunitarju mingħajr madankollu ma jkunu stabbilit fil-Ġermanja ma jifformawx parti, b’deroga għall-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi, mill-assoċjazzjoni professjonali kompetenti, bil-kundizzjoni li huma jkunu professjonalment stabbiliti fi Stat Membru ieħor parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea. Is-servizz għandu jiġi pprovdut taħt in-nomina professjonali msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi.

[...]

3.   Għal dak li jikkonċerna l-eżerċizzju tal-attività tagħhom, il-membri ta’ professjoni tas-saħħa msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu għandhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-membri ta’ professjonijiet tas-saħħa msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi. Lilhom jiġu applikati b’mod partikolari d-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 22 u 23 (eżerċizzju konxjenzjuż tal-professjoni, taħriġ kontinwu, parteċipazzjoni fis-servizz ta’ urġenzi u arkivjar) u għandhom l-obbligu li josservaw ir-regoli ta’ kondotta ta’ natura professjonali, regolamentari jew ammistrattiva, skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2005/36. Il-Kodiċi ta’ etika adottati skont l-Artikoli 24 u 25 kif ukoll tas-Sitt Taqsima ta’ din il-liġi għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

15

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Liġi tal-Land de Hesse dwar il-professjonijiet tas-saħħa jipprovdi li kull ksur min-naħa tal-membri tal-assoċjazzjoni kkonċernata tal-obbligi professjonali tagħhom huwa segwit ġudizzjarjament. F’dan ir-rigwad, l-Artikolu 50 ta’ din il-liġi jipprovdi li l-miżuri adottati fil-kuntest tal-proċedura segwita jistgħu jkunu kkostiwiti mit-twiddiba, mit-tort, mit-tneħħija temporanja tad-dritt għal vot, minn multa ta’ ammont massimu ta’ EUR 50 000 u mill-konstatazzjoni li l-membru tal-assoċjazzjoni kkonċernata huwa indenju li jeżerċita l-professjoni tiegħu.

Il-Kodiċi ta’ etika medika tal-Land de Hesse

16

Il-Kodiċi ta’ etika medika tal-Land ta’ Hesse ġie adottat mill-assoċjazzjoni tat-tobba ta’ din il-Land skont l-Artikoli 24 u 25 tal-Liġi tal-Land de Hesse dwar il-professjonijiet tas-saħħa. Dan il-kodiċi jiffissa l-obbligi professjonali tat-tobba u jsegwi, skont il-preambolu tiegħu, l-għan li jikkonsisti fl-preservazzjoni u fil-promozzjoni tal-fiduċja bejn it-tabib u l-pazjent tiegħu, fl-assigurazzjoni tal-kwalità tal-attività medika fl-interess tas-saħħa tal-popolazzjoni, fil-garanzija tal-libertà u fl-isem tajjeb tal-professjoni ta’ tabib kif ukoll fil-promozzjoni tal-aġir denju tal-membri tal-professjoni u fl-impediment ta’ aġir indenju.

17

L-Artikolu 12 tal-imsemmi kodiċi, bit-titolu “Onorarji u ftehim fuq ir-remunerazzjonijiet”, jipprovdi li:

“1.   L-onorarji għandhom ikunu xierqa. Taħt riżerva ta’ dispożizzjonijiet legali kuntrarji, għandhom jiġu kkalkolati abbażi tal-klassifikazzjoni tariffarja uffiċjali tal-atti mediċi. It-tabib ma għandux japplika b’mod indebitu rati inferjuri għal dawk previsti fil-klassifikazzjoni tariffarja tal-atti mediċi. Fil-kaz li ftehim ta’ onorarji jiġi konkluż, it-tabib għandu jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja tad-debitur.

[...]

3.   Fuq talba tal-persuna kkonċernata, l-assoċjazzjoni tat-tobba tal-Land tagħti l-opinjoni tagħha fuq il-konformità tal-onorarji.”

18

L-Artikolu 27 tal-istess kodiċi, bit-titolu “Informazzjoni awtorizzata u reklamar li jmur kontra l-etika professjonali”, jipprovdi li:

“1.   Id-dispożizzjonijiet li ġejjin jiggarantixxu l-protezzjoni tal-pazjenti permezz ta’ informazzjoni adegwata u xierqa u li tevita l-kummerċjalizzazzjoni tal-professjoni medika li tmur kontra l-imaġini tat-tabib.

2.   Abbażi ta’ dan il-prinċipju, it-tabib jista’ jipprovdi informazzjoni oġġettiva ta’ natura professjonali.

3.   Huwa pprojbit li t-tobba jwettqu kwalunkwe reklamar li jmur kontra l-etika professjonali. Reklamar imur b’mod partikolari kontra l-etika professjonali meta, permezz tal-kontenut jew forma tiegħu, ikun ta’ tifħir, qarrieqi jew komparattiv. It-tabib ma għandux jinkoraġġixxi persuni oħra sabiex iwettqu tali reklamar u lanqas jippermetti li oħrajn jipproċedu b’dan il-mod. Il-projbizzjonijiet tar-reklamar li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet legali oħra ma humiex affettwati minn dan l-artikolu.

[...]”

19

Il-punt 13 tal-Kapitolu D tal-Kodiċi ta’ etika medika tal-Land de Hesse, bit-titolu “Attività medika transkonfinali ta’ tobba stabbilit fi Stati Membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea”, jipprovdi:

“Jekk tabib stabbilit jew li jeżerċita fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jeżerċita b’mod temporanju attività medika li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kodiċi mingħajr madankollu ma jistabbilixxi ruħu fil-Ġermanja, għandu josserva d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kodiċi. Dan japplika wkoll meta t-tabib jillimita ruħu li jippromwovi l-attività tiegħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kodiċi. Huwa jista’ jirreklama l-attività tiegħu biss sa fejn ikun awtorizzat minn dan il-kodiċi.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

K Konstantinides, tabib Grieg, kiseb diploma ta’ tabib fil-mediċina fl-1981, f’Ateni (il-Greċja). B’mod partikolari, matul is-snin 1986 sa 1990, huwa eżerċita l-funzjonijiet ta’ kap tad-dipartiment tal-androloġija tal-Isptar Universitarju ta’ Ateni u mis-sena 1990, huwa ħadem għal rasu f’uffiċċju msemmi “Andrology Institute Athens” (Istitut tal-Androloġija ta’ Ateni). Membru tal-assoċjazzjoni tat-tobba ta’ Ateni u tal-assoċjazzjoni Griega tat-tobba, K. Konstantinides huwa stabbilit f’din il-belt.

21

Matul il-perijodu kollu li jikkorrispondi għas-snin 2006 sa 2010, K. Konstantinides mar tal-inqas ġurnata jew tnejn fix-xahar il-Ġermanja sabiex iwettaq, fil-qasam ta’ kompetenza tal-assoċjazzjoni tat-tobba tal-Land de Hesse, operazzjonijiet kirurġiċi ta’ androloġija fid-dipartiment ta’ kiruġija outpatient taċ-Ċentru Mediku tal-Elisabethenstift f’Darmstadt (il-Ġermanja). L-attività ta’ K. Konstantinides hija limitata esklużivament għat-twettiq ta’ operazzjonijiet kirurġiċi speċjalizzati ħafna, filwaqt li s-servizzi l-oħra marbuta ma’ dawn l-operazzjonijiet, bħall-amministrazzjoni tal-konsulenza jew il-kura ta’ wara l-operazzjoni hija fdata lill-persunal tal-istess ċentru mediku.

22

Matul ix-xahar ta’ Awwissu 2007, pazjent ġie operat b’suċċess minn K. Konstantinides, fil-kuntest ta’ operazzjoni outpatient imwettqa fl-imsemmi ċentru mediku. Wara lment ta’ dan il-pazjent li kien jikkontesta l-ammont tal-fattura li ntbagħtet lilu minn K. Konstantinides, l-assoċjazzjoni tat-tobba tal-Land de Hesse bdiet investigazzjoni, li waslet għall-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinarja kontra dan it-tabib, quddiem il-qorti tar-rinviju, għal ksur tal-Kodiċi ta’ klassifikazzjoni tariffarja tal-atti mediċi u għal ksur tal-projbizzjoni ta’ kull reklamar li jmur kontra l-etika professjonali.

23

Din il-proċedura dixxiplinarja nbdiet peress li K. Konstantinides kien “iffattura att fil-kuntest ta’ ftehim ta’ onorarji billi applika kodiċi ta’ fatturazzjoni li ma kienx liberament miftiehem bejn il-partijiet” u li huwa kien b’dan il-mod wettaq żball professjonali, fis-sens tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 12 tal-Kodiċi ta’ etika medika tal-Land de Hesse, u tal-Artikoli 2, 6(2) u 12tal-Kodiċi ta’ klassifikazzjoni tariffarja ta’ atti mediċi. L-assoċjazzjoni tat-tobba tal-Land ta’ Hesse qieset li l-onorarji mitluba kienu eċċessivi u kienu jiġġustifikaw sanzjoni dixxiplinarja.

24

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, fin-nuqqas ta’ Kodiċi ta’ tariffi rilevanti korrispondenti għall-operazzjoni mwettqa, K. Konstantinides ħareġ, għal din tal-aħħar, fattura għall-ammont totali ta’ EUR 6 395.96, billi applika, b’analoġija, bħala tariffa bażika, kodiċi, miżjud bil-koeffiċjent ta’ 16.2, kif ukoll kodiċijiet oħra ta’ tariffi, uħud minnhom kienu wkoll applikati b’analoġija u kull wieħed minnhom miżjud b’diversi koeffiċjenti. K. Konstantinides sostna li dawn ir-rati ta’ żieda kienu ġew applikati skont ftehim derogatorju konkluż mal-pazjent.

25

Għal dak li jikkonċerna l-ksur tal-projbizzjoni ta’ kull reklamar li jmur kontra l-etika professjonali, l-assoċjazzjoni tat-tobba tal-Lande Hesse kkritikat lil K. Konstantinides li kiser l-Artikolu 27 tal-Kodiċi ta’ etika medika tal-Land de Hesse billi għamel reklamar li jmur kontra l-etika professjonali. Iktar speċifikament, hija tilmenta li dan it-tabib għamel, fuq is-sit tal-internet tiegħu, reklamar għall-attività tiegħu, eżerċitata fiċ-Ċentru Mediku tal-Elisabethenstift f’Darmstadt, billi uża t-termini “Istitut Ġermaniż” u “Istitut Ewropew”, għalkemm huwa jwettaq operazzjonijiet unikament “temporanji” u “okkażjonali” f’dan iċ-ċentru mediku, mingħajr ma għandu infrastruttura reali ta’ sptar u minkejja li dawn l-operazzjonijiet ma humiex imwettqa fil-kuntest ta’ korp pubbliku jew ta’ korp ta’ natura xjentifika suġġett għal kontroll pubbliku.

26

L-assoċjazzjoni tat-tobba tal-Land de Hesse tqis l-Artikolu 3(1) u (3) tal-Liġi tal-Land ta’ Hesse dwar il-professjonijiet tas-saħħa, li kien jimponi lil K. Konstantinides li josserva l-Kodiċi ta’ etika medika tal-Land de Hesse adottat skont l-Artikoli 24 u 25 ta’ din il-liġi, jikkostitwixxi traspożizzjoni korretta tad-Direttiva 2005/36, b’mod partikolari tal-Artikoli 5 u 6 tagħha, u li huwa, konsegwentement, konformi mad-dritt tal-Unjoni.

27

K. Konstantinides isostni prinċipalment li, skont il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, huwa jeżerċita l-attività tiegħu fil-Ġermanja b’mod temporanju u okkażjonali u għaldaqstant huma ma jaqax taħt ir-regoli Ġermaniżi ta’ etika. Fil-fehma tiegħu, l-ilmenti magħmula mill-organizzazzjonijiet professjonali Ġermaniżi, bħal dawk ifformulati fil-kawża prinċipali, għandhom jiġu indirizzati lill-“awtorità kompetenti tal-Istat tal-oriġini”, jiġifieri, f’dan il-każ, lill-assoċjazzjoni tat-tobba ta’ Ateni. Sussidjarjament, K. Konstantinides jikkontesta l-ilmenti li huwa s-suġġett tagħhom.

28

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li għandu jiġi ddeterminat jekk il-kontenut sostantiv tal-Artikoli 12 u 27 tal-Kodiċi ta’ etika medika tal-Land de Hesse, kif interpretat fis-sens tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2005/36, jikkorrispondix għall-għan segwit mill-imsemmi Artikolu 5. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha dubji serji rigward il-kwistjoni dwar jekk ir-regoli ta’ kalkolu tal-onorarji, previsti fl-Artikolu 12 ta’ dan il-kodiċi, u dawk li jipprojbixxu kull reklamar li jmur kontra l-etika professjonali, stabbiliti fl-Artikolu 27(1) u (3) tiegħu, jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva.

29

L-imsemmija qorti tqis, barra minn hekk, li l-Istat Membru ospitanti għandu jopera, abbażi tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2005/36, differenzazzjoni bejn il-fornituri li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom b’mod temporanju u okkażjonali fuq it-territorju tagħhom u l-professjonisti li jeżerċitaw hemmhekk l-istess professjoni, li ma hijiex iggarantita jekk ir-regoli dixxiplinarji ta’ dan l-Istat Membru kellhom japplikaw b’mod ġenerali għall-imsemmija fornituri. Konsegwentement, hija għandha dubji rigward il-kompatibbiltà tal-Artikolu 3(1) u (3) tal-Liġi tal-Land de Hesse dwar il-professjonijiet tas-saħħa mad-dritt tal-Unjoni.

30

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Berufsgericht für Heilberufe bei dem Verwaltungsgericht Gießen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“[Domandi li jirrigwardaw l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2005/36]:

1)

L-Artikolu 12(1) tal-Kodiċi ta’ etika medika [tal-Land ta’ Hesse] jinkludi regoli ta’ kondotta professjonali, li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom mill-fornitur jippermetti li fl-Istat ospitanti tkun tista’ tinbeda proċedura dixxiplinari quddiem il-qrati tal-kontenzjuż mediku għal żball professjonali gravi li għandu rabta diretta u speċifika mal-protezzjoni u mas-sigurtà tal-konsumaturi?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, dan huwa wkoll il-każ fejn l-operazzjoni mwettqa mill-fornitur (f’dan il-każ: tabib) ma tikkorrispondix ma’ kodiċi tal-klassifikazzjoni [tat-tariffi] tal-atti mediċi tal-Istat ospitanti?

3)

Id-dispożizzjonijiet li jipprojbixxu kull reklamar li jmur kontra l-etika professjonali (dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 27(1) sa (3) u tal-punt 13 tal-Kapitolu D tal-Kodiċi ta’ etika medika) [tal-Land de Hesse] huma regoli ta’ kondotta professjonali, li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom mill-fornitur jippermetti li fl-Istat ospitanti tkun tista’ tinbeda proċedura dixxiplinari quddiem il-qrati tal-kontenzjuż mediku għal żball professjonali gravi li għandu rabta diretta u speċifika mal-protezzjoni u mas-sigurtà tal-konsumaturi?

[Domanda dwar l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2005/36:]

4)

L-emendi leġiżlattivi tal-Artikolu 3(1) u (3) tal-[Liġi tal-Land de Hesse dwar il-professjonijiet tas-saħħa] intiżi li jimplementaw id-Direttiva 2005/36 jittrasponu b’mod korrett ir-regoli ċċitati iktar ’il fuq tad-Direttiva 2005/36, sa fejn huma jiddisponu li l-kodiċijiet ta’ etika rilevanti u r-regoli tal-kontenzjuż professjonali li jinsabu fis-sitt taqsima [ta’ din il-liġi] huma ddikjarati kompletament applikabbli għall-fornituri (f’dan il-każ, it-tobba) li jeżerċitaw attività temporanja fl-Istat ospitanti bis-saħħa tal-moviment liberu tas-servizzi stabbilit fl-Artikolu 57 TFUE [...]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel sat-tielet domandi

31

Permezz tal-ewwel sat-tielet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2005/36 għandux jiġi interpretat fis-sens li regoli nazzjonali bħal dawk, minn naħa, tal-Artikolu 12(1) tal-Kodiċi ta’ etika medika tal-Land de Hesse, li jipprovdi li l-ononarji għandhom ikunu xierqa u, taħt riżerva ta’ dispożizzjonijiet legali kuntrarji, ikkalkolati abbażi tal-klassifikazzjoni tariffarja uffiċjali tal-atti mediċi, kif ukoll, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 27(3) ta’ dan il-kodiċi li jipprojbixxi lit-tobba milli jwettqu kull reklamar li jmur kontra l-etika professjonali, jaqgħux taħt l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

32

Rigward ir-regoli ta’ kalkolu tal-onorarji applikabbli fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju speċifikat, li l-Artikolu 12 tal-Kodiċi ta’ etika medika tal-Land de Hesse għandu jinqara flimkien, b’mod partikolari, mal-Artikolu 6(2) tal-Kodiċi ta’ klassifikazzjoni tariffarja tal-atti mediċi, li jipprovdi li l-atti mediċi awtonomi li ma humiex inklużi fil-lista ta’ onorarji għandhom jiġu ffatturati skont att ekwivalenti tal-imsemmija lista, u din l-ekwivalenza għandha tiġi evalwata skont in-natura tal-att, l-ispejjeż li jirriżultaw minn dan l-att u ż-żmien meħud biex jitwettaq.

33

Mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/36 jirriżulta li l-għan tagħha huwa li tistabbilixxi regoli li jipprovdu li Stat Membru li jissuġġetta l‑aċċess jew l-eżerċizzju ta’ professjoni rregolata fit-territorju tiegħu għall‑kundizzjoni ta’ pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi għandu jirrikonoxxi, għall-aċċess ta’ din il-professjoni u għall-eżerċizzju tagħha, il-kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru jew li jippermettu li persuna li jkollha l-imsemmija kwalifiki teżerċita l-istess professjoni hemmhekk.

34

Għal dak li jikkonċerna l-istabbiliment fi Stat Membru ospitanti, kif huwa rregolat permezz tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tal-imsemmija direttiva, l-Artikolu 13 tagħha jipprovdi li l-Istat Membru ospitanti jagħti l-aċċess għall-professjoni rregolata inkwistjoni u l-eżerċizzju tagħha taħt l-istess kundizzjonijiet, bħaċ-ċittadini nazzjonali, lill-applikanti li għandhom l-attestazzjoni ta’ kompetenzi jew it-titolu ta’ taħriġ li huwa preskritt minn Stat Membru ieħor sabiex jaċċedu għall-istess professjoni fuq it-territorju tagħhom fejn huma jeżerċitawha. Tali rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali jippermetti b’dan il-mod lill-persuna kkonċernata li taċċedi b’mod sħiħ għall-professjoni rregolata fl-Istat Membru ospitanti u teżerċitaha hemmhekk taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini nazzjonali, peress li dan l-aċċess jinkludi d-dritt li jintuża t-titolu professjonali previst f’dan l-Istat Membru.

35

Fil-kuntest tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif inhi rregolata mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tad-Direttiva 2005/36, fil-każ li l-fornitur imur lejn it-territorju tal-Istat Membru ospitanti sabiex jeżerċita, b’mod temporanju jew okkażjonali, il-professjoni tiegħu taħt it-titolu professjonali tiegħu ta’ oriġini, l-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi l-prinċipju li jgħid li l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu, għal raġunijiet li jikkonċernaw il-kwalifiki professjonali tagħha, il-libertà ta’ provvista jekk il-fornitur huwa legalment stabbilit fi Stat Membru ieħor sabiex jeżerċita hemmhekk l-istess professjoni.

36

Huwa f’dan il-kuntest speċifiku li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2005/36 jeżiġi li l-fornitur, meta jeżerċita l-attivitajiet professjonali tiegħu b’mod temporanju u okkażjonali, jiġi suġġett għar-regoli ta’ kondotta ta’ natura professjonali, leġiżlattiva jew amministrattiva li huma konnessi direttament mal-kwalifiki professjonali tiegħu, kif ukoll għad-dispożizzjonijiet dixxiplinari applikabbli fl-Istat Membru ospitanti għall-professjonisti li jeżerċitaw l-istess professjoni hemmhekk.

37

Għandu jiġi speċifikat li dan jirrigwarda dispożizzjonijiet dixxiplinarji li jissanzjonaw in-nuqqas ta’ osservanza ta’ regoli ta’ kondotta msemmija fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2005/36, u kif ukoll imsemmi fil-premessa 8 tal-imsemmija direttiva.

38

Rigward il-kontenut tal-imsemmija regoli, li għandhom ikollhom konnessjoni diretta mal-kwalifiki professjonali, l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2005/36 jiċċita r-regoli li jirrigwardaw id-definizzjoni tal-professjoni, l-użu ta’ titoli u l-abbużi professjonali gravi li għandhom rabta diretta u speċifika mal-protezzjoni u s-sigurtà tal-konsumaturi. Il-premessa 8 ta’ din id-direttiva ssemmi wkoll li jirrigwardaw il-portata tal-attivitajiet koperti minn professjoni jew li huma rriżervati għaliha.

39

Mis-suġġett u mill-għan, kif ukoll mill-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2005/36 jirriżulta li huma koperti mill-Artikolu 5(3) ta’ din tal-aħħar biss ir-regoli ta’ kondotta professjonali li huma konnessi direttament mal-eżerċizzju stess tal-arti medika u li nuqqas ta’ osservanza tagħha tippreġudika l-protezzjoni tal-pazjent.

40

Minn dawn isegwi li la r-regoli ta’ kalkolu tal-onorarji u lanqas ir-regoli li jipprojbixxu lit-tobba kull reklamar li jmur kontra l-etika professjonali, kif applikati fil-kawża prinċipali, ma jikkostitwixxu regoli ta’ kondotta li għandhom rabta diretta u speċifika mal-kwalifiki professjonali li jirrigwardaw l-aċċess għall-professjoni rregolata kkonċernata fis-sens tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2005/36.

41

Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li regoli nazzjonali, bħal dawk li jinsabu fl-Artikoli 12(1) u 27(3) tal-Kodiċi ta’ etika medika tal-Land de Hess ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni sostantiva tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2005/36.

42

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, għandha tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha. Minn din il-perspettiva, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-każ, li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li huma mressqa quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Krüger, C-334/95, Ġabra p. I-4517, punti 22 u 23, kif ukoll tal-14 ta’ Ottubru 2010, Fuß, C-243/09 Ġabra p. I-9849, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għal dawn l-iskopijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tislet, mill-elementi kollha li tkun ipprovditilha l-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, ir-regoli u l-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni b’kunsiderazzjoni għas-suġġett tal-kawża (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ Novembru 1978, Redmond, 83/78, Ġabra p. 2347, punt 26; tat-23 ta’ Ottubru 2003, Inizan, C-56/01, Ġabra p. I-12403, punt 34, u Fuß, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

43

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 40 u 41 ta’ din is-sentenza, il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi eżaminata mhux fid-dawl tad-Direttiva 2005/36 iżda fid-dawl tal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi msemmi fl-Artikolu 56 TFUE.

44

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Artikolu 56 TFUE ma jirrikjedix biss l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni fil-konfront tal-fornituri ta’ servizzi minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom, jew minħabba li huma stabbiliti fi Stat Membru differenti minn dak fejn issir il-provvista, iżda wkoll it-tneħħija ta’ kull restrizzjoni, anki jekk din tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, meta hija tali li tipprojbixxi, li tfixkel, jew li tirrendi inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn huwa jipprovdi servizzi analogi (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-577/10, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-kunċett ta’ restrizzjoni jkopri l-miżuri meħuda minn Stat Membru li, minkejja li huma applikabbli mingħajr distinzjoni, jaffettwaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Istati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja, Ġabra p. I-2101, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni japplikaw indistintament għat-tobba kollha li jipprovdu servizzi fuq it-territorju tal-Land de Hesse.

47

Fir-rigward, għandu jitfakkar li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ma tikkostitwixxix restrizzjoni fis-sens tat-Trattat FUE minħabba l-fatt biss li Stati Membri oħra japplikaw regoli inqas restrittivi jew ekonomikament iktar interessanti għal fornituri ta’ servizzi simili stabbiliti fit-territorju tagħhom (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

L-eżistenza ta’ restrizzjoni fis-sens tat-Trattat ma tistax għaldaqstant tiġi dedotta mill-fatt biss li t-tobba stabbiliti fi Stati Membri oħra differenti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandhom, għall-kalkolu tal-onorarji tagħhom għas-servizzi pprovduti fuq it-territorju tal-Land de Hesse, jissuġġettaw ruħhom għar-regoli applikabbli fuq dan it-territorju.

49

Madankollu, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe flessibbiltà tas-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fatt li huwa rrilevat mill-evalwazzjoni tal-qorti nazzjonali, l-applikazzjoni ta’ tali sistema, li jista’ jkollha effett dissważiv fir-rigward tat-tobba ta’ Stati Membri oħrajn, hija kkostitwita minn restrizzjoni fis-sens tat-Trattat.

50

Rigward il-ġustifikazzjoni ta’ tali restrizzjoni, hija ġurisprudenza ferm stabbilita li l-miżuri nazzjonali li jistgħu jfixklu jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat jistgħu jkunu ammessi biss bil-kundizzjoni li jkollhom għan ta’ interess pubbliku, li jkunu xierqa sabiex jiggarantixxu l-għan tagħhom, u li ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ April 2013, Las, C-202/11, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk, fil-każ li l-applikazzjoni tagħha f’ċirkustanzi bħal dawk deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex ibbażata fuq għan ta’ interess ġenerali. B’mod ġenerali, għandu jiġi rrilevat li l-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni, kif jipprovdi l-Artikolu 36 TFUE, u dik tal-konsumaturi huma għanijiet inklużi fost dawk li jistgħu jitqiesu li huma raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C-94/04 u C-202/04, Ġabra p. I-11421, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-8 ta’ Novembru 2007, Ludwigs-Apotheke, C-143/06, Ġabra p. I-9623, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk tali leġiżlazzjoni, ibbażata fuq għan ta’ interess ġenerali, hijiex adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan segwit u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din il-leġiżlazzjoni tissodisfax effettivament it-tħassib li jintlaħaq l-għan segwit b’mod koerenti u sistematiku. L-analiżi tal-proporzjonalità teħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari s-severità tas-sanzjoni prevista.

53

Għalhekk hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 57 TFUE u, fl-affermattiv, jekk għandhiex għan ta’ interess ġenerali, hijiex adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tiegħu u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit.

54

Fir-rigward tar-reklamar li jmur kontra l-etika professjonali, l-Artikolu 27(3) tal-Kodiċi ta’ etika medika tal-Land de Hesse jipprovdi, f’termini ġenerali, li t-tobba huma pprojbiti li jwettqu kull reklamar li jmur kontra l-etika professjonali.

55

F’din il-kawża ma jirrigwardax projbizzjoni totali li jwettaq reklamar jew forma speċifika ta’ reklamar. L-imsemmi Artikolu 27(3) ma jipprojbixxix ir-reklamar dwar is-servizzi mediċi fihom infushom, iżda jeżiġi li l-kontenut ta’ tali reklamar ma jmurx kontra l-etika professjonali.

56

Għalkemm ma tippromulgax projbizzjoni totali tar-reklamar jew ta’ forma speċifika ta’ reklamar li, skont ġurisprudenza stabbilita, tista’ tikkostitwixxi biha stess restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Corporación Dermoestética, C-500/06, Ġabra p. I-5785, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), leġiżlazzjoni li timponi projbizzjoni li tirrigwarda l-inkonċiljabbiltà mal-etika professjonali tal-kontenut ta’ reklamar, bħall-Artikolu 27(3) tal-Kodiċi ta’ etika medika tal-Land de Hesse, li hija affettwata b’ambigwità ċerta, tista’ tikkostitwixxi ostaklu għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi mediċi kkonċernati.

57

Kif intqal, u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-applikazzjoni b’mod nondiskriminatorja, għal professjonist tal-mediċina stabbilit fi Stat Membru ieħor, ta’ regoli ta’ reklamar nazzjonali jew reġjonali li jinkludu, fid-dawl tal-kriterju dwar l-etika professjonali, l-kundizzjonijiet li taħthom tali professjonist jista’ jippromwovi l-attivitajiet tiegħu fil-qasam ikkonċernat, tista’ tiġi ġġustifikata permezz ta’ kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jirrigwardaw is-saħħa pubblika u l-protezzjoni tal-konsumatur, sa fejn, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, l-applikazzjoni eventwali ta’ sanzjonijiet fir-rigward ta’ professjonist li jagħmel użu mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija proporzjonata fir-rigward tal-aġir ikkritikat lill-persuna kkonċernata.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domandi għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2005/36 għandu jiġi interpretat fis-sens li regoli nazzjonali, bħala dawk li jinsabu, minn naħa, fl-Artikolu 12(1) tal-Kodiċi ta’ etika medika tal-Land de Hess, li jipprovdi li l-onorarji għandhom ikunu xierqa u, taħt riżerva ta’ dispożizzjonijiet legali kuntrarji, ikkalkolati abbażi tal-klassifikazzjoni tariffarja uffiċjali tal-atti mediċi, kif ukoll, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 27(3) ta’ dan il-kodiċi, li jipprojbixxi lit-tobba milli jwettqu kull reklamar li jmur kontra l-etika professjonali, ma jaqgħux taħt l-kamp ta’ applikazzjoni sostantiva tagħha. Madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni indikazzjonijiet ipprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-imsemmija regoli jikkostitwixxux restrizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 57 TFUE u, fl-affermattiv, jekk għandhomx għan ta’ interess ġenerali, humiex adegwati sabiex jiggarantixxu t-twettiq tiegħu u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit.

Fuq ir-raba’ domanda

59

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2005/36 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-Kodiċi ta’ etika medika tal-Land de Hesse u r-regoli tal-kontenzjuż professjonali relatati miegħu huma ddikjarati applikabbli, fl-intier tagħhom, għall-fornituri li jmorru lejn it-territorju tal-Istat Membru ospitanti sabiex jeżerċitaw, b’mod temporanju u okkażjonali, l-professjoni tagħhom.

60

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jinqatgħu l-kawżi li jkunu tressqu quddiemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C-370/12, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

F’dan il-każ, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tipprovdi ebda element għal dak li jikkonċerna r-rilevanza, għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tal-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 2005/36, jipprekludix l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan il-kodiċi ta’ etika u tar-regoli kontenzjuż professjonali relatati miegħu.

62

Għaldaqstant, ir-raba’ domandi hija inammissibbli sa fejn tirrigwarda d-dispożizzjonijiet kollha tal-imsemmija kodiċi ta’ etika u regoli kontenzjuż professjonali relatati miegħu.

63

Sa fejn ir-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda għandha tkun limitata għar-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi speċifikat li l-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2005/36 ma jippreskrivix la r-regoli ta’ kondotta u lanqas il-proċeduri dixxiplinarji li għalihom fornitur għandu jiġi suġġett, iżda jipprovdi biss li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu jew iskrizzjoni temporanja li tintervjeni awtonomatikament, inkella adeżjoni pro forma għal organizzazzjoni professjonali jew għal korp professjonali, sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dixxiplinarji, skont l-Artikolu 5(3) tal-imsemmija direttiva.

64

Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2005/36 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippromulgax la r-regoli ta’ kondotta u lanqas il-proċeduri dixxiplinarji li għalihom fornitur li jmur lejn it-territorju tal-Istat Membru ospitanti sabiex jeżerċita, b’mod temporanju u okkażjonali, il-professjoni tiegħu ( 1 ) ista’ jiġi suġġett, iżda jipprovdi biss li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu jew iskrizzjoni temporanja li tintervjeni awtomatikament, inkella adeżjoni pro forma għal organizzazzjoni professjonali jew għal korp professjonali, sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dixxiplinarji, skont l-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva.

Fuq l-ispejjeż

65

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, għandu jiġi interpretat fis-sens li regoli nazzjonali, bħala dawk li jinsabu, minn naħa, fl-Artikolu 12(1) tal-Kodiċi ta’ etika medika tal-Land de Hess, li jipprovdi li l-onorarji għandhom ikunu xierqa u, taħt riżerva ta’ dispożizzjonijiet legali kuntrarji, ikkalkolati abbażi tal-klassifikazzjoni tariffarja uffiċjali tal-atti mediċi, kif ukoll, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 27(3) ta’ dan il-kodiċi, li jipprojbixxi lit-tobba milli jwettqu kull reklamar li jmur kontra l-etika professjonali, ma jaqgħux taħt l-kamp ta’ applikazzjoni sostantiva tagħha. Madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni indikazzjonijiet ipprovduti mill-Qorti tal-Unjoni Ewropea, jekk l-imsemmija regoli jikkostitwixxux restrizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 57 TFUE u, fl-affermattiv, jekk għandhomx għan ta’ interess ġenerali, humiex adegwati sabiex jiggarantixxu t-twettiq tiegħu u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit.

 

2)

L-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2005/36 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippromulgax la r-regoli ta’ kondotta u lanqas il-proċeduri dixxiplinarji li għalihom fornitur li jmur lejn it-territorju tal-Istat Membru ospitanti sabiex jeżerċita, b’mod temporanju u okkażjonali, il-professjoni tiegħu jista’ jiġi suġġett, iżda jipprovdi biss li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu jew iskrizzjoni temporanja li tintervjeni awtomatikament, inkella adeżjoni pro forma għal organizzazzjoni professjonali jew għal korp professjonali, sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dixxiplinarji, skont l-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

( 1 ) Sabiex it-termini jkunu identiċi għal dawk tal-punt 2 tad-dispożittiv.