SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
18 ta’ Lulju 2013 ( *1 )
“Appell — Xandir televiżiv — Direttiva 89/552/KEE — Artikolu 3a — Miżuri adottati mir-Renju Unit li jikkonċernaw avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru — Kampjonat Ewropew tal-futbol — Deċiżjoni li tiddikjara l-miżuri kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni — Motivazzjoni — Artikoli 49 KE u 86 KE — Dritt għall-proprjetà”
Fil-Kawża C-201/11 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-27 ta’ April 2011,
Union des associations européennes de football (UEFA), irrappreżentata minn D. Anderson, QC, u D. Piccinin, barrister, b’mandat minn B. Keane u T. McQuail, solicitors,
rikorrent,
il-partijiet l-oħra fil-kawża huma:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Montaguti u N. Yerrell kif ukoll minn A. Dawes, bħala aġenti, assistiti minn M. Gray, barrister, b’indirizz għan-notifika il-Lussemburgu,
konvenuta fl-ewwel istanza,
Ir-Renju tal-Belġju,
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn L. Seeboruth u J. Beeko, bħala aġenti, assistiti minn T. de la Mare, barrister,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts, E. Juhász, J. Malenovský (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Settembru 2012,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tiegħu, l-Union des associations européennes de football (UEFA) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta’ Frar 2011, UEFA vs Il-Kummissjoni (T-55/08, Ġabra p. II-271, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet it-talba tiegħu għal annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/730/KE, tas-16 ta’ Ottubru 2007, dwar il-kompatibbiltà mal-liġi Komunitarja tal-miżuri meħuda mir-Renju Unit skont l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU L 295, p. 12, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). |
Il-kuntest ġuridiku
|
2 |
Id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224), kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 321, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/552”), kienet tinkludi Artikolu 3a, inkluż permezz ta’ din l-aħħar direttiva, li kienet tipprovdi: “1. Kull Stat Membru jista’ jieħu miżuri skond il-liġi tal-Komunità sabiex jiżgura li x-xandara taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu ma jxandrux fuq bażi esklussiva avvenimenti li huma meqjusa minn dak l-Istat Membru li huma ta’ importanza kbira għas-soċjetà b’tali mod li jċaħħdu proporzjon sostanzjali tal-pubbliku f’dak l-Istat Membru mill-possibiltà li jsegwu dawk l-avvenimenti permezz ta’ xandira diretta jew diferita fuq it-televiżjoni ta’ mingħajr ħlas. Jekk jagħmel dan, l-Istat Membru involut għandu jipprepara lista ta’ avvenimenti magħżula, nazzjonali jew mhux nazzjonali, li huwa jqis li huma ta’ importanza kbira għas-soċjetà. Għandu jagħmel dan b’mod ċar u trasparenti fil-ħin xieraq u effettiv. Waqt li jagħmel dan, l-Istat Membru involut għandu wkoll jistabbilixxi jekk dawk l-avvenimenti għandhomx ikunu disponibbli permezz ta’ xandira diretta sħiħa jew parzjali, jew fejn huwa meħtieġ jew xieraq għal raġunijiet oġġettivi fl-interess pubbliku, xandira diferita sħiħa jew parzjali. 2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw immedjatament lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kollha meħuda jew li għandhom jittieħdu skond il-paragrafu 1. Fi żmien perijodu ta’ tliet xhur minn-notifika, il-Kummissjoni għandha tivverifika li dawk il-miżuri jkunu kompatibbli mal-liġi tal-Komunità u għandha tikkomunikahom lill-Istati Membri l-oħra. Għandha tfittex l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 23a. Għandha minn hemm ’il quddiem tippubblika l-miżuri meħuda fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitàjiet Ewropej u mill-inqas darba fis-sena l-lista kkonsolidata tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri. 3. L-Istati Membri għandhom jagħmlu ċert, b’mezzi xierqa, fi ħdan il-qafas leġislattiv tagħhom li x-xandara taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma jeżerċitawx id-drittijiet esklussivi mixtrija minn dawk ix-xandara wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Direttiva b’tali mod li proporzjon sostanzjali mill-pubbliku fi Stat Membru ieħor jiġi mċaħħad mill-possibiltà li jsegwi avvenimenti li jiġu nnominati minn dak l-Istat Membru l-ieħor skond il-paragrafi preċedenti permezz ta’ xandir dirett sħiħ jew parzjali jew, fejn ikun neċessarju jew xieraq għal raġunijiet oġġettivi fl-interess pubbliku, xandir differit sħiħ jew parzjali fuq it-televiżjoni ta’ mingħajr ħlas kif jiġi stabbilit minn dak l-Istat Membru l-ieħor skond il-paragrafu 1.” |
|
3 |
Il-premessi 18 sa 22 tad-Direttiva 97/36 huma fformulati kif ġej:
|
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
4 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti kif ġej fil-punti 5 sa 15 tas-sentenza appellata:
|
Id-deċiżjoni kontenzjuża
|
5 |
L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża jipprovdi: “Il-miżuri meħuda skond l-Artikolu 3a(1) tad-[Direttiva 89/552] u nnotifikati mir-Renju Unit lill-Kummissjoni fil-5 ta’ Mejju 2000, kif ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej C 328, tat-18 ta’ Novembru 2000, huma kompatibbli mal-liġi Komunitarja.” |
|
6 |
Skont l-Artikolu 3 tagħha, l-imsemmija deċiżjoni “tapplika mit-18 ta’ Novembru 2000”. |
|
7 |
Il-premessi 3 sa 6, 18 sa 21 kif ukoll 24 u 25 tad-deċiżjoni kontenzjuża jipprovdu kif ġej:
[…]
[…]
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
8 |
Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-UEFA invokat tmien motivi quddiem il-Qorti Ġenerali. Permezz tas-sentenza appellata, din tal-aħħar ċaħdet kull waħda minn dawn il-motivi u ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu. Hija ċaħdet ukoll talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ippreżentata mill-UEFA u intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tistieden lill-Kummissjoni tipproduċi numru ta’ dokumenti. |
Fuq l-appell
|
9 |
Fil-kuntest tal-appell tagħha, l-UEFA invokat, essenzjalment, tmien aggravji bbażati, l-ewwel nett, fuq żbalji ta’ dritt u ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ ċarezza u ta’ trasparenza, it-tieni nett, fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kwalifika tal-fażi finali tal-EURO bħala avveniment ta’ importanza kbira għas-soċjetà tar-Renju Unit, it-tielet nett, fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-impriżi pubbliċi u l-impriżi li lilhom l-Istati Membri jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi, ir-raba’ nett, fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat li jikkonċernaw il-kompetizzjoni, il-ħames nett, fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-prinċipju ta’ proporzjonalità, is-sitt nett, fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tad-dritt għall-proprjetà u, is-seba’ nett, fuq żbalji ta’ liġi dwar il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
Osservazzjonijiet preliminari
|
10 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, permezz tal-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552, il-leġiżlatur tal-Unjoni awtorizza lill-Istati Membri jagħżlu ċerti avvenimenti bħala ta’ importanza kbira għas-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat (iktar ’il quddiem l-“avveniment ta’ importanza kbira”) u b’hekk, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilu mit-Trattat, espliċitament aċċetta l-ostakli għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, għal-libertà ta’ stabbiliment, għall-kompetizzjoni libera u għad-dritt għall-proprjetà, li huma konsegwenza inevitabbli ta’ din il-kwalifika. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 18 tad-Direttiva 97/36, il-leġiżlatur qies li tali ostakoli huma ġustifikati bl-għan intiż li jipproteġi d-dritt għal informazzjoni u li jiġi żgurat aċċess wiesa’ tal-pubbliku għax-xandir televiżiv tal-imsemmija avvenimenti. |
|
11 |
Barra minn hekk, il-leġittimità li wieħed isegwi tali għan kien diġà ġie rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja li osservat li l-kummerċjalizzazzjoni tan-natura esklużiva tal-avvenimenti li jippreżentaw interess kbir għall-pubbliku tista’ tirrestrinġi, b’mod kunsiderevoli, l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni li tikkonċerna dawn l-avvenimenti. Issa, f’soċjetà demokratika u pluralista, id-dritt għall-informazzjoni għandu importanza partikolari li hija ferm iżjed manifesta fil-każ ta’ tali avvenimenti (ara s-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C-283/11, punti 51 u 52). |
|
12 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi ppreċiżat li, skont l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552, id-determinazzjoni tal-avvenimenti ta’ importanza kbira ssir biss mill-Istati Membri li jgawdu, f’dan ir-rigward, minn marġni ta’ diskrezzjoni importanti. |
|
13 |
Fil-fatt, minflok ma tarmonizza l-lista tal-avvenimenti, id-Direttiva 89/52 hija bbażata fuq il-premessa li, fi ħdan l-Unjoni, jeżistu diverġenzi kunsiderevoli ta’ natura soċjali u kulturali fir-rigward tal-importanza tagħhom għall-pubbliku inġenerali. Konsegwentement, l-Artikolu 3a(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi lista tal-avvenimenti magħżula “li huma meqjusa minn dak l-Istat Membru li huma ta’ importanza kbira” għas-soċjetà tiegħu. Il-premessa 18 tad-Direttiva 97/86 tenfasizza wkoll din is-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri billi tipprovdi li huwa “essenzjali” li jkunu jistgħu jipproteġu d-dritt għall-informazzjoni u li jiżguraw aċċess wiesa’ tal-pubbliku għax-xandir televiżiv ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira. |
|
14 |
L-importanza tal-imsemmija marġni ta’ diskrezzjoni barra minn hekk tirriżulta mill-fatt li d-Direttivi 89/552 u 97/36 ma jinkludux l-eżerċizzju tagħha permezz ta’ provvediment speċifiku. Fil-fatt, l-uniċi kriterji li huma jiffissaw sabiex l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ jagħżel avveniment bħala ta’ importanza kbira għas-soċjetà jissemmew fil-premessa 21 tad-Direttiva 97/36, li tipprovdi li dan għandu jkun avveniment straordinarju li jippreżenta interess għall-pubbliku inġenerali fl-Unjoni jew fl-Istat Membru speċifiku jew f’parti importanti ta’ Stat Membru speċifiku u li huwa organizzat bil-quddiem minn organizzatur ta’ avvenimenti li legalment għandu d-dritt li jbigħ drittijiet marbuta ma’ dan l-avveniment. |
|
15 |
Fid-dawl tan-nuqqas ta’ preċiżjoni relattiva ta’ dawn il-kriterji, huwa kull Stat Membru li għandu jagħtihom natura konkreta u li għandu jevalwa l-interess tal-avvenimenti kkonċernati għall-pubbliku inġenerali fir-rigward tal-partikolaritajiet soċjali u kulturali tas-soċjetà tiegħu. |
|
16 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552, il-Kummissjoni għandha setgħa ta’ investigazzjoni tal-legalità tal-miżuri nazzjonali li permezz tagħhom jintgħażlu avvenimenti ta’ importanza kbira, li tippermettilha tiċħad il-miżuri li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. |
|
17 |
Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-Kummissjoni għandha l-obbligu, b’mod partikolari, li tivverifika jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ġewx issodisfatti:
|
|
18 |
Min-naħa l-oħra, tali setgħa ta’ investigazzjoni hija ristretta, u dan b’mod partikolari fir-rigward tal-eżami tat-tieni u tat-tielet kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti. |
|
19 |
Minn naħa, fil-fatt mill-importanza tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri, imsemmija fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li s-setgħa ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni għandha tkun limitata għat-tiftix tal-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Istati Membri meta jiġu biex jagħżlu l-avvenimenti ta’ importanza kbira. Sabiex jiġi vverifikat jekk twettaqx tali żball ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha għalhekk b’mod partikolari tistħarreġ jekk l-Istat Membru kkonċernat eżaminax, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni, elementi li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C-269/90, Ġabra p. I-5469, punt 14, u tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gowan Comércio Internacional e Serviços, C-77/09, Ġabra p. I-13533, punti 56 u 57). |
|
20 |
Min-naħa l-oħra, b’mod iktar preċiżament fir-rigward tat-tielet kundizzjoni msemmija fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi injorat li l-kwalifika valida ta’ avveniment bħala ta’ importanza kbira tagħti lok għal ostakoli inevitabbli għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, għal-libertà ta’ stabbiliment, għal-libertà ta’ kompetizzjoni u għad-dritt għall-proprjetà, intiżi mil-leġiżlatur tal-Unjoni u kkunsidrati minn dan tal-aħħar, hekk kif intqal fil-punt 10 ta’ din is-sentenza, bħala ġustifikati minħabba l-għan ta’ interess ġenerali intiż li jipproteġi d-dritt għall-informazzjoni u li jiżgura aċċess wiesa’ għall-pubbliku għax-xandir mill-ġdid televiżiv tal-imsemmija avvenimenti. |
|
21 |
Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/52, jeħtieġ għalhekk li jiġi kkonstatat li, jekk avveniment ikun ġie kkwalifikat validament mill-Istat Membru kkonċernat bħala wieħed ta’ importanza kbira, il-Kummissjoni għandha l-obbligu teżamina biss l-effetti ta’ din il-kwalifika fuq il-moviment liberu tas-servizzi, fuq il-libertà ta’ stabbiliment, fuq il-kompetizzjoni libera u fuq id-dritt għall-proprjetà li jmorru lilhinn mill-effetti intrinsikament marbuta mal-inklużjoni ta’ dan l-avveniment fil-lista prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 3a. |
Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ ċarezza u ta’ trasparenza
L-argumenti tal-partijiet
|
22 |
L-ewwel aggravju jsemmi l-punt 94 tas-sentenza appellata, li fiha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ trasparenza previst fl-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 la għandu bħala għan u lanqas bħala effett li jġiegħel lill-awtorità nazzjonali kompetenti tesponi r-raġunijiet għalfejn hija ma segwietx opinjonijiet jew osservazzjonijiet li ġew ippreżentati lilha matul il-proċedura ta’ konsultazzjoni. L-UEFA ssostni li, skont dan ir-rekwiżit, Stat Membru ma jistax jiċħad mingħajr l-iċken spjegazzjoni l-opinjonijiet konverġenti ta’ numru ta’ partijiet indipendenti, inklużi dawk tal-grupp konsultattiv li barra minn hekk kienet ħolqot hija stess sabiex tingħata parir meta tiġi stabbilita l-lista prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 3a, kif ukoll dawk tal-awtorità tal-kompetizzjoni, pariri li jkunu ngħataw dwar kwistjoni importanti ħafna. |
|
23 |
Ir-Renju Unit u l-Kummissjoni jikkontestaw il-fondatezza tal-ewwel aggravju. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
24 |
Mill-punt 12 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-awtorità nazzjonali inkarigata mill-kwalifika ta’ avveniment bħala ta’ importanza kbira tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni importanti. Għalhekk hija ma għandhiex l-obbligu li ssegwi l-opinjonijiet tal-korpi konsultattivi li jkunu ġew ikkonsultati minn din l-awtorità qabel id-deċiżjoni tagħha. |
|
25 |
Fir-rigward tal-motivi li għalihom tali opinjonijiet ma ġewx segwiti mill-imsemmija awtorità, huwa minnu li, bħal ma huwa rikjest mill-awturi tal-atti tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C-413/06 P, Ġabra p. I-4951, punt 166), din l-awtorità għandha tindika r-raġunijiet għalfejn avveniment ġie kkwalifikat bħala wieħed ta’ importanza kbira, b’mod li tippermetti, minn naħa, lill-persuni interessati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata sabiex ikunu jistgħu jsostnu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-qrati kompetenti jeżerċitaw l-istħarriġ tagħhom. |
|
26 |
Madankollu, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-UEFA, sabiex jiġi sodisfatt tali għan, ma huwiex meħtieġ li l-imsemmija awtorità tiżvela r-raġunijiet speċifiċi għalfejn hija ma segwietx opinjonijiet ifformolati minn ċerti korpi konsultattivi, meta hija ma għandhiex l-obbligu li ssegwihom. F’dan ir-rigward, huwa mingħajr effett il-fatt li dawn l-opinjonijiet jingħataw minn numru ta’ korpi konsultattivi li jkollhom l-istess approċċ. |
|
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel aggravju għandu miċħud bħala infondat. |
Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kwalifika tal-fażi finali tal-EURO bħala avveniment ta’ importanza kbira
|
28 |
Fir-rigward tal-kwalifika ta’ avveniment ta’ importanza kbira tal-fażi finali tal-EURO, il-Qorti Ġenerali għamlet ir-raġunament li ġej fil-punt 103 tas-sentenza appellata: “[…] ebda kunsiderazzjoni valida ma tippermetti li jiġi konkluż li, fil-prinċipju, il-logħob ‘ta’ importanza primarja’ u l-logħob li jinvolvi tim nazzjonali tar-Renju Unit, jista’ għaldaqstant jiġi kklassifikat fir-rigward tas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru u, minħabba dan il-fatt, li jifforma parti minn tali lista. Fil-fatt, [il-fażi finali ta]l-EURO [hija] kompetizzjoni li tista’ raġonevolment titqies bħala avveniment wieħed pjuttost li bħala sensiela ta’ avvenimenti individwali mqassma f’logħob ‘ta’ importanza primarja’, f’logħob ta’ ‘mhux ta’ importanza primarja’ u f’logħob li fih jipparteċipa t-tim nazzjonali relattiv magħhom. F’dan ir-rigward, huwa nnotat li, fil-kuntest [tal-fażi finali] tal-EURO, ir-riżultati tal-logħob ta’ ‘mhux ta’ importanza primarja’ jiddeterminaw ix-xorti tat-timijiet, għalkemm il-parteċipazzjoni tagħhom għal logħob ta’ ‘importanza primarja’ jew għal logħob li fihom jipparteċipa t-tim nazzjonali relatat magħhom tista’ tiddependi fuq dan. B’dan il-mod, il-logħob ta’ ‘mhux ta’ importanza primarja’ jiddefinixxu l-avversarji tat-tim nazzjonali relatat magħhom fil-fażi suċċessiva tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, ir-riżultati tal-logħob ta’ ‘mhux ta’ importanza primarja’ jistgħu wkoll jiddeterminaw il-preżenza jew in-nuqqas ta’ dan it-tim fil-fażi suċċessiva tal-kompetizzjoni.” |
|
29 |
Fil-punt 120 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qalet li ġej: “[…] il-fatt li [l-fażi finali ta]l-EURO [t]issemma fil-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 jimplika li l-Kummissjoni ma tistax tikkunsidra l-inklużjoni ta’ logħob ta’ din il-kompetizzjoni f’lista ta’ avvenimenti bħala kuntrarju għad-dritt Komunitarju għar-raġuni li l-Istat Membru kkonċernat ma kkomunikalhiex ir-raġunijiet speċifiċi li jiġġustifikaw in-natura tagħhom bħala avveniment ta’ importanza primarja għas-soċjetà [...]. Madankollu, l-eventwali konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-inklużjoni [tal-fażi finali] tal-EURO [kollha kemm hi] f’lista ta’ avvenimenti ta’ [importanza kbira] għas-soċjetà ta’ Stat Membru hija kompatibbli mad-dritt Komunitarju, għar-raġuni li din il-kompetizzjoni hija, minħabba l-karatteristiċi tagħha, validament meqjusa bħala avveniment uniku, jista’ jitqiegħed inkwistjoni abbażi ta’ elementi speċifiċi li juru li l-logħob ta’ ‘mhux ta’ importanza primarja’ ma humiex ta’ tali importanza għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru.” |
L-argumenti tal-partijiet
|
30 |
L-UEFA tilmenta li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tagħha li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li r-Renju Unit kien validament ikkunsidra l-fażi finali tal-EURO kollha kemm hi bħala avveniment ta’ importanza kbira. Fil-fehma tagħha, dan l-Istat Membru seta’ jagħżel bħala tali avveniment l-hekk imsejjaħ logħob “ta’ importanza primarja” biss, li huma l-finali u s-semifinali, kif ukoll il-logħob tat-timijiet ta’ dan l-Istat. B’hekk, il-lista ta’ tali avvenimenti stabbilita mir-Renju Unit ma missux inkluda l’hekk imsejjaħ logħob “mhux ta’ importanza primarja”, jiġifieri l-logħob lieħor ta’ din il-fażi finali. |
|
31 |
F’dan il-kuntest, l-UEFA ssostni, permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħha, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni semma sempliċement l-EURO, fil-premessa 18 tad-Direttiva 97/36, kellu bħala konsegwenza li l-Kummissjoni ma kellhiex bżonn tirrikjedi mill-Istati Membri li jimmotivaw speċjalment id-deċiżjoni tagħhom li jinkludu l-kompetizzjoni kollha kemm hi fil-lista tal-avvenimenti ta’ importanza kbira. Tali analiżi hija intiża b’mod żbaljat li teskludi lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tivverifika jekk l-avveniment ikkonċernat huwiex effettivament avveniment ta’ importanza kbira. Din il-premessa tagħti biss lista indikattiva tat-tip ta’ avvenimenti li jistgħu jippreżentaw tali importanza, b’tali mod li ma tikkostitwixxix preżunzjoni li l-avvenimenti li hija ssemmi huma ta’ importanza kbira. |
|
32 |
Permezz tat-tieni parti tal-imsemmi aggravju, l-UEFA tilmenta li l-Qorti Ġenerali bbażat ħafna mill-konklużjonijiet tagħha fuq l-eżami ta’ elementi li l-Kummissjoni nnifisha ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni. |
|
33 |
Permezz tat-tielet parti ta’ dan l-aggravju, l-UEFA ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet din l-analiżi abbażi ta’ elementi evalwati b’mod manifestament żbaljat. |
|
34 |
Skont il-Kummissjoni, it-tieni aggravju huwa parzjalment inammissibbli inkwantu jqiegħed inkwistjoni l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, dan l-aggravju huwa nieqes minn kull bażi legali, fejn din il-konklużjoni hija kondiviża mir-Renju Unit. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
35 |
Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-Qorti Ġenerali qalet, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, li l-EURO hija kompetizzjoni li tista’ raġonevolment titqies bħala avveniment wieħed pjuttost milli bħala sekwenza ta’ avvenimenti individwali maqsuma f’logħob “ta’ importanza primarja”, f’logħob “mhux ta’ importanza primarja” u f’logħob li jinvolvi t-tim nazzjonali kkonċernat. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 5 tas-sentenza appellata, huwa interpreta l-kunċett ta’ “kampjonat Ewropew tal-futbol”, li għalih tirreferi l-premessa 18 tad-Direttiva 97/36, fis-sens li din tinkludi biss il-fażi finali ta’ din il-kompetizzjoni. |
|
36 |
Madankollu, la l-imsemmija premessa u lanqas ebda element ieħor tad-Direttivi 85/552 jew 97/36 ma jinkludu ħjiel tali li jiġi stabbilit li l-kliem “kampjonat Ewropew tal-futbol” huwa intiż biss għall-fażi finali ta’ din il-kompetizzjoni. B’hekk, dawn il-kliem bħala prinċipju għandhom ikopru wkoll il-fażi inizjali ta’ dan il-kampjonat, jiġifieri l-logħob tal-fażi eliminatorja. Issa, huwa paċifiku li l-logħob tal-fażi eleminatorja li jippreċedi l-fażi finali ma humiex tali, b’mod ġenerali, li joħolqu interess fil-pubbliku inġenerali ta’ Stat Membru paragunabbli ma’ dak li l-pubbliku inġenerali juri meta tkun qed tiżvolġi l-fażi finali. Fil-fatt, huma biss ċerti logħbiet speċifiċi tal-fażi eliminatorja, b’mod partikolari dawk li jinvolvu lit-tim nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat jew dawk tat-timijiet l-oħra tal-grupp ta’ kwalifika li fih ikun qed jilgħab dan it-tim, li jistgħu jqajmu tali interess. |
|
37 |
Barra minn hekk, ma jistax jiġi raġonevolment ikkontestat li l-importanza tal-logħbiet “ta’ importanza primarja” b’mod ġenerali tirriżulta li hija ogħla minn dik li b’mod ġenerali hija attribwita lil-logħob tal-fażi finali tal-EURO li jippreċedihom, jiġifieri l-logħob ta’ selezzjoni fil-gruppi. Għalhekk ma jistax jiġi a priori sostnut li l-importanza mogħtija lil din l-aħħar kategorija ta’ logħob hija ekwivalenti għal dik tal-ewwel kategorija ta’ logħob u li, għalhekk, il-logħob kollu ta’ selezzjoni fil-gruppi huwa mingħajr distinzjoni reputat li jagħmel parti minn avveniment wieħed ta’ importanza kbira bħal-logħob “ta’ importanza primarja”. B’hekk, il-kwalifika ta’ kull logħba bħala avveniment ta’ importanza kbira tista’ tkun differenti minn Stat Membru għal ieħor. |
|
38 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni jindika li l-“kampjonat Ewropew tal-futbol”, fis-sens tal-premessa 18 tad-Direttiva 97/36, huwa limitat biss għall-fażi finali u li dan jikkostitwixxi avveniment wieħed u indiviżibbli. Bil-kontra, l-EURO għandu jiġi kkunsidrat bħala avveniment li huwa bħala prinċipju diviżibbli f’diversi logħbiet jew stadji, fejn mhux kollha jistgħu neċessarjament jiġu kkwalifikati bħala avveniment ta’ importanza kbira. |
|
39 |
Madankollu għandu jiġi speċifikat li tali interpretazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-premessa 18 tad-Direttiva 97/36, u b’mod partikolari tal-kunċett tal-EURO, ma kellhiex effett f’din il-kawża. |
|
40 |
Qabel kollox, fir-rigward tal-esklużjoni tal-logħob tal-fażi eliminatorja mid-definizzjoni tal-EURO, jeħtieġ sempliċement li jitfakkar li r-Renju Unit ma inkludiex dan il-logħob fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira u li, għaldaqstant, id-deċiżjoni kontenzjuża ma tikkonċernax it-tali logħob. |
|
41 |
Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali eżaminat fil-punti 128 sa 139 tas-sentenza appellata, abbażi tal-elementi prodotti mill-UEFA u fir-rigward tal-perċezzjoni tal-pubbliku tar-Renju Unit, jekk il-logħob kollu tal-fażi finali tal-EURO effettivament kienx iqajjem, fi ħdan dan il-pubbliku, biżżejjed interess sabiex ikun jista’ jagħmel parti minn avveniment ta’ importanza kbira. Issa, billi kkonkludiet li dan kien il-każ, il-Qorti Ġenerali kellha raġun billi tikkonstata li l-logħob kollu li jaqa’ taħt il-fażi finali tal-EURO seta’ jiġi kkunsidrat, fir-Renju Unit, bħala avveniment wieħed ta’ importanza kbira. Fir-rigward tal-fatti, l-evalwazzjoni tagħha kienet għaldaqstant konformi ma’ dak li jirriżulta mill-punt 38 ta’ din is-sentenza. |
|
42 |
Fl-aħħar nett, mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 107 sa 114 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-interpretazzjoni żbaljata tal-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 ma kellhiex effett fuq il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 253 KE. |
|
43 |
B’hekk, skont ir-raġunament espost fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konstatazzjoni, li tinsab fil-punt 120 tas-sentenza appellata, li ebda Stat Membru ma għandu l-obbligu jikkomunika lill-Kummissjoni r-raġunijiet speċifiċi li għalihom kienet intiża l-fażi finali tal-EURO, kollha kemm hi, bħala avveniment wieħed ta’ importanza kbira fl-Istat Membru kkonċernat. |
|
44 |
Issa, ġaladarba l-fażi finali tal-EURO ma tistax tiġi validament inkluża, kollha kemm hi, f’lista ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira indipendentement mill-interess li jqajjem il-logħob fl-Istat Membru kkonċernat, dan tal-aħħar ma huwiex eżentat mill-obbligu tiegħu li jikkomunika lill-Kummissjoni r-raġunijiet li jippermettu li jiġi kkunsidrat li fil-kuntest speċifiku tas-soċjetà ta’ dan l-Istat, il-fażi finali tal-EURO tikkostitwixxi avveniment wieħed li għandu jiġi kkunsidrat kollu kemm hu bħala ta’ importanza kbira għall-imsemmija soċjetà, pjuttost milli sekwenza ta’ avvenimenti individwali maqsuma fl-logħob ta’ diversi livelli ta’ interess. |
|
45 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punt 120 tas-sentenza appellata billi ddeċidiet li l-Kummissjoni ma setgħetx tqis l-inklużjoni ta’ logħob tal-fażi finali tal-EURO bħala kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni minħabba l-fatt li l-Istat Membru kkonċernat ma kkomunikalhiex ir-raġunijiet speċifiċi li jiġġustifikaw il-karatteristika tagħhom bħala avveniment ta’ importanza kbira għas-soċjetà. |
|
46 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi eżaminat jekk, fir-rigward ta’ dan l-iżball, is-sentenza appellata għandhiex tiġi annullata. |
|
47 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali ma huwiex tali li jinvalida s-sentenza appellata jekk id-dispożittiv tagħha jidher li huwa fondat minħabba motivi oħra ta’ liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 47, kif ukoll tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni, C-352/09 P, Ġabra p. I-2359, punt 136). |
|
48 |
F’din il-kawża, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ teżerċita s-setgħa tagħha ta’ investigazzjoni, il-motivazzjoni li wasslet lil Stat Membru jikkwalifika avveniment bħala ta’ importanza kbira tista’ tkun fil-qosor, bil-kundizzjoni li din il-motivazzjoni tkun rilevanti. B’hekk, ma jistax jiġi rikjest, b’mod partikolari, li l-Istat Membru jindika, fin-notifika nnifisha tal-miżuri kkonċernati, informazzjoni fid-dettall u b’ċifri fir-rigward ta’ kull element jew parti mill-avveniment li kien suġġett għal notifika lill-Kummissjoni. |
|
49 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, jekk il-Kummissjoni jkollha dubji, abbażi tal-elementi għad-dispożizzjoni tagħha, fir-rigward tal-kwalifika ta’ avveniment bħala ta’ importanza kbira, hija għandha titlob kjarifiki mingħand l-Istat Membru li jkun għamel din il-kwalifika (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs L-Estonja, C-505/09 P, punt 67). |
|
50 |
F’dan il-każ, b’mod partikolari mill-komunikazzjoni tal-miżuri adottati mir-Renju Unit, li ġew innotifikati lill-Kummissjoni fil-5 ta’ Mejju 2000 u li huma annessi mad-deċiżjoni kontenzjuża, jirriżulta li l-Istat Membru għażel il-fażi finali tal-EURO kollha kemm hi, bħala avveniment ta’ importanza kbira minħabba l-fatt li dan il-logħob kollu, inkluż għalhekk il-logħob “mhux ta’ importanza primarja”, kellu reżonanza partikolari fuq il-livell nazzjonali u kien jippreżenta interess speċifiku wkoll għal persuni li ma humiex dawk li komunement isegwu l-futbol, li l-udjenza televiżiva hija mingħajr dubju importanti u li dan il-logħob kollu kien tradizzjonalment imxandar b’xandira diretta permezz ta’ servizzi b’xejn. |
|
51 |
Tali indikazzjonijiet innotifikati mir-Renju Unit skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552, jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita l-investigazzjoni tagħha u li titlob, fil-każ li hija kienet tqis li huwa neċessarju jew opportun, kjarifiki supplimentari lil dan l-Istat Membru jew il-produzzjoni ta’ provi minbarra dawk li jinsabu fin-notifika ta’ din tal-aħħar. |
|
52 |
Fit-tieni lok, xejn ma jindika li l-Kummissjoni ma eżerċitatx tali investigazzjoni, ta’ natura ristretta, u li hija ma eżaminatx, fir-rigward tal-motivi msemmija fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, jekk il-ministeru ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi għażel numru ta’ logħob li jagħmel parti mill-fażi finali tal-EURO bħala avveniment ta’ importanza kbira. |
|
53 |
F’dan ir-rigward, qabel kollox mill-premessa 6 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-Kummissjoni effettivament ivverifikat jekk il-logħob kollu li kien jagħmel parti mill-fażi finali tal-EURO, għalhekk inkluż il-logħob “mhux ta’ importanza primarja”, kellux reżonanza partikolari fir-Renju Unit, jiġifieri jekk il-logħob ta’ dan it-tornew kienx popolari ħafna għall-pubbliku inġenerali u mhux biss għat-telespettaturi li ġeneralment isegwu l-logħob tal-futbol fuq it-televiżjoni. Barra minn hekk, mill-premessa 18 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li dan it-tornew kollu kemm hu, u għaldaqstant inkluż il-logħob “mhux ta’ importanza primarja”, dejjem kien jiġi trażmess mill-ġdid fuq stazzjonijiet televiżivi ta’ aċċess liberu u li kien ġibed lejh bosta telespettaturi. |
|
54 |
Sussegwentement, mill-proċess jirriżulta li, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni annettiet mar-risposta numru ta’ dokumenti b’ċifri li fuqhom hija bbażat ruħha sabiex tivverifika l-legalità tal-miżuri nnotifikati mir-Renju Unit, inklużi dawk li kienu jirriżultaw minn dan l-Istat Membru u li kienu jagħmlu distinzjoni bejn il-logħob “ta’ importanza primarja”, il-logħob “mhux ta’ importanza primarja” u dak li jinvolvi t-tim nazzjonali. Issa, l-UEFA ma kkontestatx il-fatt li dawn id-dokumenti kkostitwixxew il-bażi tad-deċiżjoni kontenzjuża u hija stess irrikonoxxiet li l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni tali statistika ta’ data (ara l-punt 58 ta’ din is-sentenza). |
|
55 |
Fl-aħħar nett, l-UEFA ma tistax effettivament issostni li n-natura allegatament difettuża tal-investigazzjoni eżerċitata mill-Kummissjoni tirriżulta mill-fatt li l-imsemmija dokumenti b’ċifri jikkonċernaw il-perijodu li jippreċedi s-sena 2000 u li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-data li tikkonċerna l-perijodu 2000-2007, meta hija jmissha bbażat id-deċiżjoni kontenzjuża fuq l-elementi disponibbli meta din ġiet adottata, jiġifieri s-16 ta’ Ottubru 2007. |
|
56 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kontenzjuża ġiet adottata bil-għan li tissostitwixxi d-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tat-28 ta’ Lulju 2000, indirizzata lir-Renju Unit mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali “Edukazzjoni u Kultura” li ġiet annullata bis-sentenza Infront WM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, minħabba l-fatt li hija ma kinitx ġiet adottata mill-kulleġġ tal-Membri tal-Kummissjoni. B’hekk sabiex tiggarantixxi ċ-ċertezza legali, il-Kummissjoni tat effett retroattiv lid-deċiżjoni kontenzjuża, billi eżaminat l-istess miżuri nazzjonali, jiġifieri dawk innotifikati mir-Renju Unit fil-5 ta’ Mejju 2000, u billi pprovdiet li din id-deċiżjoni kienet tapplika mit-18 ta’ Novembru 2000, jiġifieri mill-pubblikazzjoni ta’ dawn il-miżuri fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. |
|
57 |
Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet tagħti tali effett retroattiv lid-deċiżjoni kontenzjuża (ara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C-331/88, Ġabra p. I-4023, punti 45 sa 47), fejn dan l-effett barra minn hekk ma ġiex ikkontestat mill-UEFA. |
|
58 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha l-obbligu twettaq l-eżami tagħha fir-rigward tas-sitwazzjoni li kienet teżisti fl-2000. F’dan ir-rigward, fid-dawl tan-nuqqas ta’ kontestazzjoni mill-UEFA, ma huwiex meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni din is-sitwazzjoni fid-data meta ġiet adottata d-deċiżjoni li ġiet issostitwita bid-deċiżjoni kontenzjuża jew fid-data meta ġew ippubblikati l-miżuri nazzjonali nnotifikati. B’hekk, hija kellha tivverifika jekk, f’dak iż-żmien, il-logħob kollu li kien jagħmel parti mill-fażi finali tal-EURO setax jiġi kkunsidrat bħala avveniment ta’ importanza kbira. Issa, mill-proċess jirriżulta li l-UEFA ma pproduċiet ebda prova lill-Qorti Ġenerali li setgħet tippermettilha tikkonstata li l-Kummissjoni ma kinitx adottat id-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-provi disponibbli fl-2000. Bil-kontra, hija rrikonoxxiet li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq statistika ta’ data eżistenti fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li kienet tinsab fl-ittra tat-28 ta’ Lulju 2000. |
|
59 |
Fit-tielet lok, kien permess lill-UEFA li turi quddiem il-Qorti Ġenerali li, abbażi ta’ dawn il-provi, il-Kummissjoni jmissha kkonkludiet li r-Renju Unit kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi għażlet il-logħob kollu li kien jagħmel parti mill-fażi finali tal-EURO bħala avveniment ta’ importanza kbira. |
|
60 |
Issa, għal dan il-għan, l-UEFA ssottomettiet quddiem il-Qorti Ġenerali d-data li tikkonċerna b’mod partikolari r-rata tat-telespettaturi tal-fażijiet finali tal-EURO tal-1996 u ta’ dak tal-2000, filwaqt li sostniet li dawn l-elementi juru li l-logħob “mhux ta’ importanza primarja” ma kellux, fir-Renju Unit, reżonanza partikolari min-naħa tat-telespettaturi li ma jsegwux regolarment il-qasam tal-futbol. |
|
61 |
Il-Qorti Ġenerali eżaminat id-data fil-punti 131 u 132 tas-sentenza appellata, iżda ma kkonfermatx l-evalwazzjoni proposta mill-UEFA. |
|
62 |
Hija kkonkludiet fil-punt 139 tas-sentenza appellata, billi ħadet ukoll inkunsiderazzjoni data oħra sottomessa mill-UEFA, dwar il-perijodu ta’ wara s-sena 2000 (punti 128 sa 130, 135 u 136 tal-istess sentenza), li hija ma kinitx uriet li l-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-premessi 6 u 18 tad-deċiżjoni kontenzjuża u msemmija fil-punt 53 ta’ din is-sentenza huma vvizzjati bi żball u lanqas li, konsegwentement, il-Kummissjoni jmissha kkonkludiet li r-Renju Unit kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi għażlet il-logħob kollu li kien jagħmel parti mill-fażi finali tal-EURO bħala avveniment ta’ importanza kbira. |
|
63 |
Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali ma jirriżultax li huwa tali li jinvalida s-sentenza appellata, peress li d-dispożittiv tagħha jidher li huwa fondat minħabba motivi oħra ta’ liġi. Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva. |
|
64 |
Permezz tat-tieni parti tal-istess aggravju, l-UEFA tilmenta li l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha msemmija fil-punti 60 u 62 ta’ din is-sentenza, ibbażat numru mill-konklużjonijiet tagħha fuq elementi li l-Kummissjoni nnifisha ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni. |
|
65 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-legalità msemmija fl-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-motivazzjoni tagħha stess ma’ dik tal-awtur tal-att ikkontestat u ma tistax timla, permezz tal-motivazzjoni tagħha stess, lakuna fil-motivazzjoni ta’ dan l-att, b’tali mod li l-eżami tagħha ma tkun torbot ma’ ebda evalwazzjoni li tinsab f’din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni, C-73/11 P, punti 87 sa 90 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
66 |
Madankollu, f’dan il-każ, l-eżami mwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-punti 126 sa 139 tas-sentenza appellata jorbot mal-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-premessi 6 u 18 tad-deċiżjoni kontenzjuża u sempliċement tikkorrobora l-konstatazzjonijiet magħmula f’dawn il-premessi. |
|
67 |
Permezz tat-tielet parti ta’ dan l-aggravju, l-UEFA ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet l-analiżi msemmija fil-punti 60 u 62 ta’ din is-sentenza abbażi ta’ elementi li hija evalwat b’mod manifestament żbaljat. |
|
68 |
L-imsemmija parti, fil-verità, hija intiża sabiex tinkiseb il-possibbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti ma’ dik tal-Qorti Ġenerali, mingħajr ma l-UEFA tinvoka żnaturament tal-fatti u tal-provi sottomessi lill-Qorti Ġenerali. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-parti għandha għalhekk tiġi miċħuda bħala inammissibbli (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients VS Il-Kummissjoni, C-397/03 P, Ġabra p. I-4429, punt 85, kif ukoll tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 180). |
|
69 |
Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat relatati mal-impriżi pubbliċi u mal-impriżi li lilhom l-Istati Membri jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi
L-argumenti tal-partijiet
|
70 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħha, l-UEFA ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi ma ddiskutietx il-kwistjoni bil-quddiem dwar jekk l-Artikolu 86(1) KE huwiex rilevanti f’dan il-każ. B’mod partikolari, minkejja li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-miżuri adottati mir-Renju Unit ma kinux ekwivalenti għal għoti ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi, dan ma jsolvix il-kwistjoni, peress li l-impriżi kkonċernati, b’mod partikolari l-BBC u Channel 4, huma impriżi pubbliċi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
71 |
Permezz tat-tieni parti tal-istess aggravju, l-UEFA tqis li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali tiżvela interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “drittijiet speċjali” li jinsab fl-Artikolu 86(1) KE, li minħabba fiha hija kkonkludiet b’mod żbaljat li l-miżuri adottati mir-Renju Unit ma kinux ekwivalenti għall-għoti ta’ drittijiet speċjali għax-xandara li joperaw stazzjonijiet ta’ aċċess liberu. Il-Qorti Ġenerali evalwat b’mod partikolari b’mod formalistiku u teoretiku l-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru kinitx tagħti drittijiet speċjali lil tali xandara. Hija injorat ir-realtà ekonomika, ġaladarba din il-leġiżlazzjoni tippermetti fil-prattika lix-xandara li joperaw stazzjonijiet ta’ aċċess liberu li jakkwistaw drittijiet esklużivi ta’ xandir ta’ logħob tal-fażi finali tal-EURO fir-Renju Unit, meta x-xandara li joperaw stazzjonijiet bi ħlas fil-prattika ma jistgħux jakkwistaw tali drittijiet ta’ xandir. |
|
72 |
Permezz tat-tielet parti ta’ dan l-aggravju, l-UEFA ssostni li l-Qorti Ġenerali jmissha kkonstatat l-eżistenza ta’ drittijiet speċjali għax-xandara li joperaw stazzjonijiet ta’ aċċess liberu, minħabba l-fatt li r-Renju Unit kjarament tahom “privilieġġi legali”. Fil-fatt, jekk operatur li jopera stazzjon bi ħlas jixtri mill-UEFA d-dritt li jxandar logħba tal-fażi finali tal-EURO fir-Renju Unit, huwa ma jiġix awtorizzat ixandar dan id-dritt, sakemm ma jkunx ippropona b’kundizzjonijiet raġonevoli d-dritt inkwistjoni lix-xandara li joperaw stazzjonijiet ta’ aċċess liberu. Min-naħa l-oħra, dan l-operatur assolutament ma huwiex meħtieġ li jipproponi dawn id-drittijiet lil operaturi oħra li joperaw stazzjonijiet bi ħlas. |
|
73 |
Skont il-Kummissjoni, it-tielet aggravju huwa inammissibbli inkwantu l-UEFA tinvoka numru ta’ argumenti li hija ma kinitx qajmet fir-rikors promotur tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, dan il-motiv huwa nieqes minn bażi legali, fejn din il-konklużjoni hija kondiviża mir-Renju Unit. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
74 |
Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, għandu jiġi osservat, minn naħa, li, bil-kontra ta’ dak li tallega l-UEFA, il-Qorti Ġenerali ma “evitatx milli titratta” il-kwistjoni li kellha tiġi ttrattata bil-quddiem dwar jekk l-Artikolu 86(1) KE kienx applikabbli f’dan il-każ. Hija eżaminat din il-kwistjoni fil-punti 165 sa 171 tas-sentenza appellata u kkonkludiet li din id-dispożizzjoni ma kinitx rilevanti u li għaldaqstant ma kinitx tapplika. |
|
75 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-UEFA ma qajmet ebda motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Artikolu 86(1) KE kien applikabbli minħabba l-fatt li ċerti xandara li kienu joperaw stazzjonijiet ta’ aċċess liberu kienu impriżi pubbliċi fis-sens tal-Artikolu 86(1) KE. |
|
76 |
Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ġenerali, dan l-argument għandu għalhekk jiġi miċħud bħala inammissibbli (ara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One Internationat et, C-628/10 P u C-14/11 P, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
77 |
Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, huwa paċifiku li l-kliem tal-Artikoli 98 u 101 tal-Liġi tal-1996 dwar ix-xandir, kif emendat bir-Regolament tal-2000 dwar ix-xandir bit-televiżjoni, ma jagħmel ebda distinzjoni bejn il-kategoriji differenti ta’ xandara u, b’mod partikolari, ma jagħtix lix-xandara li joperaw stazzjonijiet ta’ aċċess liberu protezzjoni li tiġi rrifjutata lil dawk li joperaw stazzjonijiet bi ħlas, fejn dawn ix-xandara huma b’mod partikolari liberi li jakkwistaw id-drittijiet ta’ xandir mill-ġdid mhux esklużivi tal-avvenimenti ta’ importanza kbira u li jittrażmettuhom mill-ġdid b’mod mhux esklużiv. |
|
78 |
Ċertament, ma jistax jiġi eskluż li, fil-prattika, huma biss ċerti xandara li joperaw stazzjonijiet ta’ aċċess liberu, bħall-BBC u l-ITV, li finalment jittrażmettu mill-ġdid, wara l-awtorizzazzjoni tal-Office of Communications, il-logħob kollu tal-fażi finali tal-EURO fir-Renju Unit, peress li x-xandara li joperaw stazzjonijiet bi ħlas jinteressaw ruħhom biss f’xandir mill-ġdid li jibbenefika mill-esklużività u, minħabba f’hekk, ma jissottomettux offerta sabiex jakkwistaw id-drittijiet marbuta magħhom. |
|
79 |
Madankollu, hekk kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali essenzjalment fil-punt 171 tas-sentenza appellata, tali effett huwa r-riżultat tal-istrateġija kummerċjali tax-xandara li joperaw stazzjonijiet bi ħlas li għażlu mudell ta’ impriża li tiffoka fuq l-esklużività, b’tali mod li huma inqas lesti li jaċċettaw xandir mill-ġdid mhux esklużiv tal-avvenimenti ta’ importanza kbira meta mqabbla max-xandara li joperaw stazzjonijiet ta’ aċċess liberu. Dan l-effett jirriżulta għalhekk prinċipalment mill-għażla kummerċjali libera ta’ din l-ewwel kategorija ta’ xandara u għaldaqstant ma jistax jiġi attribwit lil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit. |
|
80 |
Fir-rigward tat-tielet parti ta’ dan l-aggravju, għandu jiġi osservat li l-UEFA ma qajmitx motiv quddiem il-Qorti Ġenerali bbażat fuq il-fatt li x-xandara li joperaw stazzjonijiet ta’ aċċess liberu jgawdu minn privileġġ minħabba l-fatt li x-xandara li joperaw stazzjonijiet bi ħlas għandhom l-obbligu li jipproponu d-drittijiet ta’ xandir mill-ġdid tal-logħob kollu tal-fażi finali tal-EURO. Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, tali argument għandu għalhekk jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
|
81 |
Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli. |
Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq il-ksur ta’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni
L-argumenti tal-partijiet
|
82 |
L-UEFA ssostni li, peress li l-Artikolu 86(1) KE hija kjarament applikabbli f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma eżaminatx il-kwistjoni dwar jekk il-miżuri adottati mir-Renju Unit għandhomx bħala effett li jqiegħdu lill-BBC u lill-ITV f’pożizzjoni li huma ma setgħux jiksbu waħedhom mingħajr ma jiksru d-dritt tal-kompetizzjoni jew li ppermettitilhom jaslu iktar faċilment sabiex jiksru d-dritt tal-kompetizzjoni. |
|
83 |
Skont il-Kummissjoni, ir-raba’ aggravju huwa ineffettiv. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
84 |
L-UEFA tilmenta li l-Qorti Ġenerali kisret numru ta’ artikoli tat-Trattat li jikkonċernaw il-kompetizzjoni, billi rrikonoxxiet li l-applikazzjoni ta’ dawn l-artikoli jippresupponi, fil-kuntest ta’ din il-kwistjoni, l-applikabbiltà tal-Artikolu 86(1) KE. |
|
85 |
Issa, fil-punti 165 sa 171 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Artikolu 86(1) KE ma kienx applikabbli. Peress li l-UEFA ma waslitx tqiegħed inkwistjoni din il-konklużjoni fil-kuntest ta’ dan l-appell, ir-raba’ aggravju huwa ineffettiv u għandu għaldaqstant jiġi miċħud. |
Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-prinċipju ta’ proporzjonalità
L-argumenti tal-partijiet
|
86 |
Permezz tal-ewwel parti tal-ħames aggravju tagħha, l-UEFA ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-motiv tagħha dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, peress li hija sostniet, quddiem din tal-aħħar, li, minn naħa, il-miżuri adottati mir-Renju Unit kienu jikkostitwixxu diskriminazzjoni kontra korpi ta’ xandir stabbiliti fi Stati Membri oħra u li, min-naħa l-oħra, id-definizzjoni ta’ x’inhu “korp ta’ xandir bit-televiżjoni approvat”, fis-sens tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit, kien wisq strett biex ikun proporzjonat għall-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni. Issa, il-Qorti Ġenerali jmissha kkonstatat li tali miżuri kienu sproporzjonati abbażi ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ motivi. |
|
87 |
Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ħames aggravju tagħha, l-UEFA ssostni li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali hija żbaljata minħabba l-fatt li dan kien ippreżuma – mis-sempliċi fatt li l-fażi finali tal-EURO tista’ titqies bħala l-istess avveniment uniku u li, kollu kemm hu, huwa avveniment ta’ importanza kbira – li l-għan li kien jikkonsisti f’li jiġi ggarantit aċċess wiesgħa tal-pubbliku għax-xandir televiżiv ta’ dan l-avveniment ma setax raġonevolment jinkiseb permezz ta’ restrizzjoni inqas restrittiva minn dik li tirriżulta mill-miżuri adottati mir-Renju Unit, bħal lista li tinkludi biss ċerti logħbiet speċifiċi tal-fażi finali tal-EURO. |
|
88 |
Permezz tat-tielet parti ta’ dan l-aggravju, l-UEFA ssostni li, kieku kellu jitqies li l-fażi finali tal-EURO tista’ titqies bħala avveniment uniku ta’ importanza kbira għas-soċjetà tar-Renju Unit, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li twettaq eżami fid-dettall tal-kompatibbiltà tal-imsemmija miżuri mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tas-servizzi u dwar il-kompetizzjoni. |
|
89 |
Skont ir-Renju Unit u l-Kummissjoni, il-ħames aggravju huwa nieqes minn kull bażi legali. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
90 |
Permezz tal-ewwel parti tal-ħames aggravju tagħha, l-UEFA tilmenta li l-Qorti Ġenerali, fil-verità, kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni, minħabba l-fatt li hija ma rrispondietx għall-argumenti invokati quddiemha u bbażati fuq in-natura allegatament diskriminatorja tal-miżuri adottati mir-Renju Unit u fuq definizzjoni wisq restrittiva tal-kunċett ta’ korp ta’ xandir televiżiv approvat. |
|
91 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex l-obbligu li tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u individwali, l-argumenti kollha mressqa mill-partijiet fil-kawża. Konsegwentement, il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali jista’ jkollha natura impliċita dejjem jekk tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn hija ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u li Qorti tal-Ġustizzja jkollha biżżejjed elementi sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex l-obbligu li tirrispondi għall-argumenti invokati minn parti li ma humiex ċari u preċiżi biżżejjed, sa fejn ma humiex is-suġġett ta’ żvilupp partikolari ieħor u ma humiex akkumpanjati minn argument speċifiku li jissostanzjahom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C-120/06 P u C-121/06 P, Ġabra p. I-6513, punti 91 u 96, kif ukoll tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C-263/09 P, Ġabra p I-5853, punt 64). |
|
92 |
Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq in-natura allegatament diskriminatorja tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit, għandu jitfakkar li, fil-punti 148 u 149 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, minn naħa, li din il-leġiżlazzjoni kienet tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi minħabba li, fattwalment, huwa iktar probabbli li jkun xandar li jopera stazzjon ta’ aċċess liberu, stabbilit “skont kull probabbiltà f’dan l-Istat Membru”, li jittrażmetti mill-ġdid il-logħob kollu tal-fażi finali tal-EURO prattikament b’esklużività, u mhux kompetitur stabbilit fi Stat Membru ieħor. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li tali restrizzjoni setgħet tkun ġustifikata peress li hija kienet intiża tipproteġi d-dritt għall-informazzjoni u li tiżgura aċċess wiesgħa għall-pubbliku għax-xandir mill-ġdid bit-televiżjoni ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà, nazzjonali jew le. |
|
93 |
Meta ddeċidiet il-kawża, il-Qorti Ġenerali tat biżżejjed motivazzjoni, anki jekk impliċita, li tippermetti lill-UEFA ssir taf ir-raġunijiet li għalihom ma ntlaqgħux l-argumenti tagħha u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. |
|
94 |
Fir-rigward tal-argument dwar id-definizzjoni allegatament restrittiva tal-kunċett ta’ korp ta’ xandir televiżiv approvat, għandu jiġi osservat li dan kien is-suġġett ta’ punt wieħed biss fir-rikors promotur li kien jinkludi total ta’ 176 punt. Barra minn hekk, dan l-argument kien ibbażat biss fuq l-affermazzjoni li din id-definizzjoni hija definittivament iktar restrittiva minn dik adottata mill-Istati Membri l-oħra u li, fil-prattika, hija tillimita għal tlieta biss in-numru ta’ korpi li għandhom il-possibbiltà jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa. Fl-aħħar nett, fir-replika tagħha, l-UEFA ħadet ħsieb tiżviluppa l-imsemmi argument f’żewġ sentenzi qosra. |
|
95 |
Konsegwentement, fir-rigward tal-fatt li l-imsemmi argument ma kien suġġett għal ebda żvilupp partikolari fis-sottomissjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar ma kellhiex obbligu li tirrispondi. |
|
96 |
Fir-rigward tat-tieni parti tal-ħames aggravju, għandu jiġi osservat qabel kollox li din hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-punt 152 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, fuq dan il-punt, il-Qorti Ġenerali ma bbażatx ruħha fuq il-preżunzjoni li l-għan li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit aċċess wiesgħa tal-pubbliku għax-xandir televiżiv ta’ avveniment uniku ta’ importanza kbira ma setgħetx possibbilment tinkiseb permezz ta’ restrizzjoni inqas restrittiva. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv tal-UEFA bħala wieħed ibbażat fuq premessa żbaljata, peress li kien ibbażat fuq il-fatt li l-miżuri adottati mir-Renju Unit kienu sproporzjonati inkwantu l-logħob “mhux ta’ importanza primarja” tal-fażi finali tal-EURO ma kienx ta’ importanza kbira. Issa, il-Qorti Ġenerali kellha raġun billi ddeċidiet kif għamlet ġaladarba hija kienet ikkonkludiet fil-punti 123 sa 141 tas-sentenza appellata, li l-fażi finali tal-EURO, kollha kemm hi u għaldaqstant inkluż il-logħob “mhux ta’ importanza primarja”, setgħet tiġi kkunsidrata li hija ta’ importanza kbira għas-soċjetà tar-Renju Unit. |
|
97 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet parti ta’ dan l-aggravju, mill-punt 19 ta’ din is-sentenza jirriżulta li hija l-Kummissjoni li għandha twettaq eżami ristrett, limitat għar-riċerka tal-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Istati Membri waqt l-istabbiliment tal-listi nazzjonali tal-avvenimenti ta’ importanza kbira. |
|
98 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok sabiex il-ħames aggravju kollu kemm hu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq is-sitt aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-applikazzjoni tad-dritt għall-proprjetà
L-argumenti tal-partijiet
|
99 |
Skont l-UEFA, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset, minn naħa, li s-sempliċi fatt li l-fażi finali tal-EURO tista’ tiġi kkunsidrata bħala l-istess avveniment uniku ta’ importanza kbira huwa biżżejjed sabiex l-indħil fid-drittijiet ta’ proprjetà ta’ din l-assoċjazzjoni, fir-rigward ta’ kull waħda minn dan il-logħob differenti ta’ dan it-tornew, jiġi kkunsidrat bħala neċessarjament proporzjonat. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali wettqet żball iktar fundamentali meta naqset milli tevalwa l-portata tar-restrizzjonijiet imposti fuq id-drittijiet għall-proprjetà tal-UEFA, liema fatt ipprekludiha milli tagħmel l-analiżi korretta tal-kwistjoni dwar jekk l-iżvantaġġi kkawżati bil-miżuri adottati mir-Renju Unit kinux sproporzjonati jew le meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija. |
|
100 |
Ir-Renju Unit u l-Kummissjoni jikkontestaw il-fondatezza ta’ dan l-aggravju. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
101 |
Skont l-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-użu tal-beni jista’ jiġi rregolat bil-liġi sa fejn ikun meħtieġ għall-interess ġenerali. |
|
102 |
F’dan ir-rigward, mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 10, 20 u 21 ta’ din is-sentenza, jirriżulta, minn naħa, li l-preġudizzju għad-dritt għall-proprjetà tal-UEFA diġà jirriżulta mill-Artikolu 3a tad-Direttiva 85/552 u li dan il-preġudizzju jista’ jkun, bħala regola, ġustifikat mill-għan intiż li jipproteġi d-dritt għall-informazzjoni u li jiġi żgurat aċċess wiesa’ tal-pubbliku għax-xandiriet mill-ġdid fuq it-televiżjoni ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira. Min-naħa l-oħra, peress li l-logħob kollu tal-fażi finali tal-EURO kien validament ikkwalifikat mir-Renju Unit bħala avveniment ta’ importanza kbira, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li teżamina biss l-effetti ta’ din il-kwalifika fuq id-dritt għall-proprjetà tal-UEFA li kienu jmorru lilhinn minn dawk intrinsikament marbuta mal-inklużjoni ta’ dan l-avveniment fil-lista tal-avvenimenti kkwalifikati minn dawn l-awtoritajiet. |
|
103 |
Issa, l-uniċi pretensjonijiet tal-UEFA li jikkonċernaw tali effetti huma bbażati fuq il-fatt li x-xerrejja potenzjali fil-bejgħ bl-irkant tad-drittijiet ta’ xandir mill-ġdid ikkonċernati, jiġifieri l-BBC u l-ITV, jifformaw alleanza u jippreżentaw offerta komuni. Madankollu, mir-rikors promotur ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li tali argument ma tqajjimx quddiem il-Qorti Ġenerali. Fir-rigward tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, l-UEFA ma tistax b’hekk tinvokaha fil-kuntest ta’ dan l-appell. |
|
104 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sitt aggravju għandu jiġi miċħud. |
Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi marbuta relatati mal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża
L-argumenti tal-partijiet
|
105 |
L-UEFA ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma rrikjedietx li l-Kummissjoni tosserva l-livell ta’ motivazzjoni meħtieġ fid-dawl ta’ kull wieħed mis-sitt aggravji fuq il-mertu mqajma fl-appell. Id-deċiżjoni kontenzjuża jmissha ġiet annullata, qabel kollox, għaliex ma fihiex motivazzjoni suffiċjenti f’dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni ta’ avveniment ta’ importanza kbira tal-fażi finali tal-EURO. Għandu jingħad ukoll li l-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni hija wkoll difettuża fir-rigward tal-ostakolu kkawżat lil-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għall-kompetizzjoni libera u għad-dritt għall-proprjetà tal-UEFA. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ma jmisshiex ibbażat ruħha fuq l-allegata sitwazzjoni privileġġata li din tal-aħħar tislet mill-kwalità tagħha ta’ proprjetarja tad-drittijiet sabiex tiddetermina jekk il-motivazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni kinitx biżżejjed. |
|
106 |
Skont ir-Renju Unit u l-Kummissjoni, is-seba’ aggravju huwa nieqes minn bażi legali. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
107 |
Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni, awtur tal-att, b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari mill-kontenut tal-att, min-natura tal-motivi invokati u mill-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minnu jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, inkwantu l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu 253 għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tiegħu iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (sentenza ċċitata iktar ’il fuq Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, iċċitata iktar ’il fuq, punt 166 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
108 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, meta l-adozzjoni tal-att inkwistjoni jidħol f’kuntest magħruf sew mill-persuni kkonċernati, dan l-att jista’ jiġi mmotivat fil-qosor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2012, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni, C-335/09 P, punt 152 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
109 |
Fir-rigward tad-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552, għandu jitfakkar, minn naħa, li, billi adottathom, il-Kummissjoni teżerċita mhux daqstant setgħa deċiżjonali tagħha, iżda setgħa ta’ investigazzjoni li, barra minn hekk, huwa ristrett u limitat għat-tiftix ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Istati Membri fil-kwalifika ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira (ara punti 12 u 19 ta’ din is-sentenza). L-imsemmija deċiżjonijiet għandhom għalhekk jinqraw fid-dawl tal-miżuri nazzjonali nnotifikati. |
|
110 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li tali deċiżjonijiet jikkonċernaw, minbarra l-Istat Membru li jinnotifikahom lill-Kummissjoni, b’mod partikolari x-xandara li joperaw stazzjonijiet televiżivi f’dan l-Istat u l-proprjetarji ta’ drittijiet esklużivi ta’ xandir mill-ġdid għall-avvenimenti kkonċernati. Issa, ma jistax jiġi miċħud li dawn il-persuni kkonċernati prinċipali għandhom għarfien dettaljat tal-kuntest li fih ġew adottati dawn id-deċiżjonijiet, peress li, mill-inqas sabiex jiġi nnegozjat il-prezz ta’ dawn id-drittijiet, huma għandhom ikunu jafu l-elementi kollha li jaffettwaw sinjifikattivament il-valur tagħhom u, b’mod partikolari, l-interess li l-avveniment inkwistjoni jippreżenta għall-pubbliku tal-Istat Membru kkonċernat. |
|
111 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata skont l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552 tista’ tiġi mmotivata fil-qosor. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha l-possibbiltà li tindika biss raġunijiet fil-qosor li għalihom hija kkunsidrat avveniment bħala wieħed ta’ importanza kbira. Barra minn hekk, mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 20 sa 21 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-motivazzjoni dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri adottati mir-Renju Unit mar-regoli dwar il-moviment liberu tas-servizzi, mal-kompetizzjoni libera u mad-dritt għall-proprjetà tista’ tkun ta’ natura impliċita. Iktar preċiżament, meta l-effetti fuq il-moviment liberu tas-servizzi, fuq il-kompetizzjoni libera u fuq id-dritt għall-proprjetà ma jmorrux lilhinn mill-effetti intrinsikament marbuta mal-inklużjoni tal-avveniment ikkonċernat fil-lista prevista fl-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552, bħala prinċipju ma huwiex neċessarju li tali konklużjoni tiġi speċifikament immotivata. |
|
112 |
F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-premessi 5, 6 u 18 tad-deċiżjoni kontenzjuża jesponu r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni qieset li l-logħob kollu li jagħmel parti mill-fażi finali tal-EURO seta’ jiġi kkunsidrat bħala avveniment ta’ importanza kbira. B’hekk, il-premessa 6 tindika b’mod partikolari li dan l-avveniment għandu reżonanza partikolari fir-Renju Unit, peress li huwa partikolarment popolari għall-pubbliku inġenerali u mhux biss għat-telespettaturi li ġeneralment isegwu l-avvenimenti sportivi fuq it-televiżjoni. Din il-konstatazzjoni hija barra minn hekk ippreċiżata bil-premessa 18, fejn jirriżulta li l-imsemmi avveniment minn dejjem ġie trażmess mill-ġdid minn stazzjonijiet ta’ televiżjoni b’xejn u li ġibed lejh, bħala tali, minn numru ta’ telespettaturi. |
|
113 |
Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi billi qieset li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet tinkludi l-informazzjoni neċessarja li tippermetti, minn naħa, lill-UEFA ssir taf bir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li l-logħob kollu li kien jagħmel parti mill-fażi finali tal-EURO seta’ jiġi kkunsidrat bħala avveniment ta’ importanza kbira u, min-naħa l-oħra, lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha fir-rigward tal-fondatezza ta’ din il-konklużjoni. |
|
114 |
Fir-rigward tal-aspetti l-oħra tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, xejn ma jindika f’din il-kawża, li l-effetti fuq il-moviment liberu tas-servizzi u fuq il-kompetizzjoni libera jmorru lilhinn mill-effetti intrinsikament marbuta mal-inklużjoni tal-fażi finali tal-EURO fil-lista tal-avvenimenti ta’ importanza kbira. Fir-rigward tal-allegat preġudizzju għad-dritt għall-proprjetà li jmur lilhinn minn dak li jirriżulta minn din is-sempliċi inklużjoni, għandu jitfakkar li tali argument tqajjem mill-UEFA biss quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
115 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-seba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
116 |
Peress li ebda waħda mis-seba’ aggravji invokati mill-UEFA insostenn tal-appell tagħha ma tista’ tiġi milqugħa, hemm lok li dan l-appell jiġi miċħud kollu kemm hu bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
Fuq l-ispejjeż
|
117 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma huwiex fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura, applikabbli fl-appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-UEFA tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż ta’ din il-kawża kif mitlub mill-Kummissjoni. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.