SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

18 ta’ Lulju 2013 ( *1 )

“Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/20/KE — Artikolu 12 — Ħlasijiet amministrattivi imposti fuq l-impriżi tas-settur ikkonċernat — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta lill-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għall-ħlas ta’ taxxa intiża li tkopri l-ispejjeż ta’ funzjonament tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali”

Fil-Kawżi magħquda C-228/12 sa C-232/12 u C-254/12 sa C-258/12,

li għandha bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (l-Italja), permezz tad-deċiżjonijiet tat-22 ta’ Frar 2012, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Mejju 2012 (Kawżi C-228/12 sa C-232/12) u fl-24 ta’ Mejju 2012 (Kawżi C-254/12 sa C-258/12), fil-proċeduri

Vodafone Omnitel NV (C-228/12, C-231/12 u C-258/12),

Fastweb SpA (C-229/12 u C-232/12)

Wind Telecomunicazioni SpA (C-230/12 u C-254/12)

Telecom Italia SpA (C-255/12 u C-256/12)

Sky Italia srl (C-257/12)

vs

Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni,

Presidenza del Consiglio dei Ministri (C-228/12 sa C-232/12, C-255/12 u C-256/12),

Commissione di Garanzia dell’Attuazione della Legge sullo Sciopero nei Servizi Pubblici Essenziali (C-229/12, C-232/12 u C-257/12),

Ministero dell’Economia e delle Finanze (C-230/12)

fil-preżenza ta’:

Wind Telecomunicazioni SpA (C-228/12, C-229/12, C-232/12, C-255/12 sa C-258/12),

Telecom Italia SpA (C-228/12, C-230/12, C-232/12 u C-254/12),

Vodafone Omnitel NV (C-230/12 u C-254/12),

Fastweb SpA (C-230/12, C-254/12 u C-256/12),

Television Broadcasting System SpA (C-257/12),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn E. Jarašiūnas (Relatur), President tal-Awla, A. Ó Caoimh u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Vodafone Omnitel NV, minn M. Libertini u V. Cerulli Irelli, avukati,

għal Fastweb SpA, minn G. Nava, F. Pacciani u V. Mosca, avukat,

għal Wind Telecomunicazioni SpA, minn G. M. Roberti, S. Fiorucci, B. Caravita Di Torito, I. Perego u M. Serpone,, avukati,

għal Telecom Italia SpA, minn F. S. Cantella, F. Cardarelli u F. Lattanzi, avukati,

għal Sky Italia srl, minn O. Grandinetti u R. Mastroianni, avukati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. De Stefano, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Belġjan, minn MM. J.-C. Halleux u T. Materne, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u C. Wissels, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, bħala aġent, assistit minn S. Gonçalves do Cabo, advogado,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti u L. Nicolae, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ għaxar kawżi bejn Vodafone Omnitel NV, Fastweb SpA (iktar ’il quddiem “Fastweb”), Wind Telecomunicazioni SpA, Telecom Italia SpA u Sky Italia srl u l-Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (Awtorità għall-Protezzjoni tal-Komunikazzjonijiet, iktar ’il quddiem l-“AGCOM”) u l-Presidenza del Consiglio dei Ministri (Presidenza tal-Kabinett tal-Ministri), u l-Commissione di Garanzia dell’Attuazione della Legge sullo Sciopero nei Servizi Pubblici Essenziali (Kumitat intiż li jiggarantixxi l-implementazzjoni tal-liġi dwar l-istrajks fis-servizzi pubbliċi essenzjali) u l-Ministero dell’Economia e delle Finanze (Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi) dwar l-annullament ta’ deċiżjonijiet li jimponu kontribuzzjoni fuq l-operaturi li jipprovdu servizzi jew netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tal-awtorità regolatorja nazzjonali (iktar ’il quddiem l-“ARN”) li ma humiex sostnuti mill-baġit tal-Istat Membru.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 30 tad-Direttiva “ta’ awtorizzazzjoni” tipprovdi:

“Ħlasijiet amministrattivi jistgħu jiġu imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex jiffinanzjaw l-attivitajiet ta’ l-[ARN] fl-amministrazzjoni tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni u fl-għoti ta’ drittijiet ta’ użu. Dawk il-ħlasijiet għandhom ikunu limitati li jkopru in-nefqa amministrattiva attwali għal dawk l-attivitajiet. Għal dan il-għan għandha tinħoloq trasparenza fid-dħul u n-nefqa ta’ l-[ARN] permezz ta’ rapportar ta’ kull sena dwar is-somma totali ta’ ħlasijiet miġbura u n-nefqiet amministrattivi magħmula. Dan jippermetti li l-impriżi jivverifikaw li n-nefqiet għall-amministrazzjoni u l-ħlasijiet ikunu jibbilanċjaw.”

4

L-Artikolu 12 ta’ din id-Direttiva, intitolat “Ħlasijiet amministrattivi” huwa redatt kif ġej:

“1.   Kull ħlas amministrattiv impost fuq impriżi li jfornu servizz jew network taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali jew li lilhom ikun ingħata dritt ta’ użu, għandu:

a)

fit-total, ikopri biss l-ispejjeż amministrattivi magħmula fl-amministrazzjoni, kontroll u infurzar ta’ l-iskema ta’ l-awtorizzazzjoni ġenerali u tad-drittijiet ta’ użu u l-obbligi speċifiċi kif imsemmija f’Artikolu 6(2), li jistgħu jinkludu spejjeż għall-kooperazzjoni internazzjonali, armonizzazzjoni u standardizzazzjoni, analiżi tas-suq, solveljanza tal-konformità u kontrolli oħra tas-suq, kif ukoll ħidma regolatorja li tinvolvi l-preparazzjoni u l-infurzar ta’ leġislazzjoni sekondarja u deċiżjonijiet amministrattivi, bħal deċiżjonijiet dwar l-aċċess u l-interkonnessjoni; u

b)

jiġi mpost fuq impriżi ndividwali b’mod oġġettiv, trasparenti u proporzjonat li jimminimizza spejjeż amministrattivi addizzjonali u l-ħlasijiet li jġibu magħhom.

2.   Fejn l-[ARN] jimponu ħlasijiet amministrattivi, għandhom jippublikaw rapport ta’ kull sena ta’ l-ispejjeż amministrattivi tagħhom u tas-somma totali ta’ ħlasijiet miġbura. Fid-dawl tad-differenza bejn is-somma totali tal-ħlasijiet u l-ispejjeż amministrattivi, għandhom isiru l-aġġustamenti xierqa.”

Id-dritt Taljan

5

L-Artikolu 2(38)(V) tal-Liġi Nru 481, dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni u l-leġiżlazzjoni ta’ servizzi ta’ użu pubbliku – Ħolqien ta’ awtoritajiet regolatorji għal servizzi ta’ użu pubbliku (legge n. 481 – Norme per la concorrenza e la regolazione dei servizi di pubblica utilità. Istituzione delle Autorità di regolazione dei servizi di pubblica utilità), tal-14 ta’ Novembru 1995 (GURI no 270, tat-18 ta’ Novembru 1995), kien jipprovdi li l-awtoritajiet indipendenti kienu parzjalment iffinanzjati minn somma miġbura abbażi ta’ punt speċjali tal-baġit tal-Istat u, il-bqija, permezz ta’ kontribuzzjoni li l-ammont tagħha ma setax jaqbeż elf mid-dħul tal-aħħar sena finanzjarja, imħallsa mill-operaturi li jipprovdu dan is-servizz. L-ammont ta’ din il-kontribuzzjoni u l-modalitajiet tal-ħlas tagħha kienu stabbiliti permezz ta’ digrieti ministerjali, adottati għal dan il-għan kull sena.

6

L-Artikolu 6(2) tal-Liġi Nru 249, li tistabbilixxi l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Komunikazzjonijiet u r-Regoli dwar is-Sistemi ta’ Telekomunikazzjonijiet u ta’ Xandir (legge n. 249 – Istituzione dell’Autorità per le garanzie nelle comunicazioni e norme sui sistemi delle telecomunicazioni e radiotelevisivo), tal-31 ta’ Lulju 1997 (GURI no 177, tal-31 ta’ Lulju 1997), espressament fakkar is-sistema ta’ kontribuzzjoni diġà prevista għall-awtoritajiet l-oħra u barra minn hekk stabbilixxa l-possibbiltà li dan l-istrument jiġi użat biex jingħata, jekk meħtieġ u skont kriterji li jikkunsidraw l-ispejjeż tal-attività, kumpens għas-servizzi mogħtija mill-AGCOM skont il-liġi, inkluż iż-żamma ta’ reġistri tal-operaturi.

7

Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 259, li jistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Komunikazzjonijiet Elettroniċi (decreto legislativo n. 259 – Codice delle comunicazioni elettroniche), tal-1 ta’ Awwissu 2003 (GURI no 214, tal-15 ta’ Settembru 2003) appunta lill-AGCOM bħala l-ARN.

8

L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva “ta’ awtorizzazzjoni” ġie traspost fid-dritt Taljan permezz tal-Artikolu 34(1) tal-imsemmi Kodiċi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, li huwa redatt kif ġej:

“Minbarra l-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 35, jistgħu jiġu imposti fuq impriżi li jfornu netwerks jew servizzi abbażi tal-awtorizzazzjoni ġenerali jew li lihom ingħatalhom dritt ta’ użu ħlasijiet amministrattivi li jkopru esklużivament l-ispejjeż amministrattivi globali kkawżati mill-amministrazzjoni, mill-kontroll u mill-applikazzjoni ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni ġenerali, mid-drittijiet ta’ użu u mill-obbligi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 28(2), li jistgħu jinkludu l-ispejjeż ta’ kooperazzjoni, ta’ armonizzazzjoni u ta’ regoli internazzjonali, ta’ analiżi ta’ suq, ta’ kontroll tal-konformità u ta’ kontrolli oħra tas-suq, kif ukoll l-ispejjeż marbuta max-xogħlijiet ta’ leġiżlazzjoni li jinvolvu t-tfassil u l-applikazzjoni ta’ liġijiet sekondarji u ta’ deċiżjonijiet amministrattivi, bħalma huma deċiżjonijiet fuq l-aċċess u l-interkonnezzjoni. Il-ħlasijiet amministrattivi huma maqsuma bejn l-impriżi individwali b’mod oġġettiv, trasparenti u proporzjonat li jnaqqas l-ispejjeż amministrattivi u t-taxxi addizzjonali inerenti.”

9

Id-dritt Taljan joħloq distinzjoni bejn il-ħlasijiet amministrattivi marbuta mal-eżerċizzju ta’ inkarigi deċiżjonali, li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Ministero per lo Sviluppo Economico (Ministru għall-Iżvilupp Ekonomiku), u l-kontribuzzjoni tal-operaturi intiża biex tkopri l-ispejjeż tal-attività regolatorja marbuta mas-sistema ta’ awtorizzazzjoni ġenerali, eżerċitata totalment mill-AGCOM.

10

Il-leġiżlazzjoni dwar kontribuzzjoni favur awtoritajiet indipendenti (fosthom l-AGCOM) ġiet emendata bil-Liġi Nru 266, dwar il-ħolqien tal-baġit annwali u multiannwali tal-Istat (Liġi finanzjarja 2006) [Legge n. 266 Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2006)], tat-23 ta’ Diċembru 2005 (GURI n. 302, tad-29 ta’ Diċembru 2005), iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 266/2005”.

11

L-Artikolu 1(65) tal-Liġi Nru 266/2005 jipprovdi:

“Mis-sena 2007, l-ispejjeż marbuta mal-funzjonament [...] tal-[AGCOM] għandhom jiġu ffinanzjati mis-suq ikkonċernat, għall-parti mhux koperta mill-finanzjament imħallas mill-baġit tal-Istat, skont il-modalitajiet previsti mil-liġi fis-seħħ u abbażi tal-ammonti ta’ kontribuzzjoni ddeterminati b’deċiżjoni ta’ kull waħda mill-awtoritajiet, b’osservanza tal-limiti massimi previsti mil-liġi u mħallsa direttament lilhom.”

12

L-Artikolu 1(66) tal-Liġi Nru 266/2005 jipprovdi:

“Għas-sena 2006, għall-ewwel applikazzjoni, l-ammont tal-kontribuzzjoni mħallsa mill-operaturi tas-settur ta’ komunikazzjonijiet [...] huwa stabbilit għal 1.5 għal kull elf ta’ profitt li jinsab fl-aħħar bilanċ. Għas-snin segwenti, varjazzjonijiet eventwali tal-ammont u tal-modalitajiet tal-kontribuzzjoni jistgħu jiġu adottati mill-[AGCOM], fis-sens tal-paragrafu 65, sa massimu ta’ 2 għal kull elf ta’ profitt li jinsab fil-bilanċ approvat qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni.”

13

L-ammonti u l-modalitajiet tal-kontribuzzjoni prevista fl-Artikolu 1(66) tal-Liġi Nru 266/2005 ġew iddeterminati annwalment permezz tad-deċiżjonijiet segwenti tal-AGCOM, jiġifieri d-Deċiżjoni Nru 110/06/CONS għas-sena 2006, id-Deċiżjoni Nru 696/06/CONS għas-sena 2007, id-Deċiżjoni Nru 604/07/CONS għas-sena 2008, id-Deċiżjoni Nru 693/08/CONS għas-sena 2009, id-Deċiżjoni Nru 722/09/CONS għas-sena 2010, id-Deċiżjoni Nru 599/10/CONS għas-sena 2011 u d-Deċiżjoni Nru 650/11/CONS għas-sena 2012.

14

Il-leġiżlazzjoni fil-qasam ġiet sussegwentement ikkompletata permezz tal-Artikolu 2(241) tal-Liġi Nru 191, dwar l-iffissar tal-baġit annwali u multiannwali tal-Istat (Liġi Finanzjarja 2010) [Legge n. 191 – Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2010)], tat-23 ta’ Diċembru 2009, (GURI no 302, tat-30 ta’ Diċembru 2009), li pprovdiet għat-trasferiment ta’ parti mis-somom miġbura mill-AGCOM għal awtoritajiet amministrattivi indipendenti nazzjonali oħra.

Il-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari

15

Mis-sena 1996, l-operaturi li joffru servizz ta’ użu pubbliku fl-Italja huma persuni responsabbli għall-ħlas ta’ kontribuzzjoni obbligatorja abbażi tal-ispejjeż operazzjonali tal-awtoritajiet ta’ kontroll ta’ dawn is-servizzi. L-operaturi li jipprovdu servizzi jew netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jaqgħu wkoll taħt din il-leġiżlazzjoni.

16

L-obbligu ta’ għoti ta’ kontribuzzjoni mill-operaturi tas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għall-funzjonament tal-awtoritajiet regolatorji ta’ servizzi ta’ użu pubbliku ġie introdott permezz tal-Liġi Nru 481/1995 tal-14 ta’ Novembru 1995. Wara emenda f’din il-liġi, li daħlet fis-seħħ mis-sena 2007, l-ispejjeż operazzjonali tal-awtoritajiet ta’ kontroll bħall-AGCOM, li ma humiex sostnuti mill-baġit tal-Istat, huma koperti mill-operaturi tas-settur li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ dawn l-awtoritajiet. L-ammont ta’ din il-kontribuzzjoni huwa ffissat permezz ta’ deċiżjoni tal-imsemmija awtorità kkonċernata, f’limitu massimu legali ta’ 2 għal kull elf tad-dħul tal-imsemmija operaturi. Il-kontribuzzjoni titħallas direttament lill-AGCOM.

17

F’dan il-kuntest, l-AGCOM hija awtorizzata li tiddetermina l-ammont u l-modalitajiet tal-kontribuzzjoni permezz ta’ atti ta’ natura leġiżlattiva li għandhom jiġu suġġetti għall-approvazzjoni tal-Prim Ministru tal-Kabinett.

18

Dispożizzjonijiet oħra ġew sussegwentement introdotti permezz tal-Liġi Nru 191, tat-23 ta’ Diċembru 2009, dwar l-iffissar ta’ baġit annwali u multiannwali tal-Istat (Liġi Finanzjarja 2010), li, fl-ewwel lok, reġgħet naqqset il-parti tal-finanzjament tal-ispejjeż ta’ funzjonament tal-AGCOM imħallsa mill-Istat u, fit-tieni lok, stabbilit ukoll, sal-2012, sistema ta’ trasferiment tal-finanzjament ta’ ċerti awtoritajiet nazzjonali, fosthom l-AGCOM, lejn awtoritajiet nazzjonali oħra.

19

F’dan il-kuntest, l-AGCOM ipproċediet fir-rigward tal-operaturi li jipprovdu servizzi jew netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi b’investigazzjoni biex tivverifika l-osservanza tal-obbligi ta’ kontribuzzjoni msemmija fil-Liġi Nru 266/2005.

20

Sussegwentement għal din l-investigazzjoni, l-AGCOM innotifikat, rispettivament lil Vodafone Omnitel, lil Fastweb, lil Wind Telecomunicazioni SpA, lil Telecom Italia SpA u lil Sky Italia srl, b’deċiżjoni li tinforma lil kull waħda minn dawn il-kumpanniji li, għas-snin 2006 sa 2010, parti mill-kontribuzzjonijiet dovuti abbażi tal-ispejjeż operazzjonali tagħhom ma kinux tħallsu u intimathom biex iħallsu l-ammonti dovuti f’terminu ta’ 30 jum. Dawn l-operaturi ppreżentaw għalhekk rikors intiż għall-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-qorti tar-rinviju. Skont id-deċiżjonijiet tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw l-ammonti mitluba billi jsostnu li t-taxxa tkopri karigi li ma humiex direttament marbuta mal-ispejjeż ta’ funzjonament sostnuti minn dawn l-awtoritajiet għall-finijiet tar-regolamentazzjoni ex ante tas-suq, li hija l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet.

21

Fid-deċiżjonijiet tar-rinviju, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio, billi jipproċedi b’analiżi tal-Artikolu 12 tad-Direttiva “ta’ awtorizzazzjoni” u tal-premessa 13 tad-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE (ĠU L 337, p. 37), jesponi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fir-rikorsi li bihom hija adita tipprovdi, permezz ta’ taxxi imposti fuq operaturi privati fis-settur irregolarizzat, il-ġbir tal-ispejjeż kollha tal-AGCOM mhux koperti mill-finanzjament tal-Istat permezz ta’ mekkaniżmu bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ u mill-provvisti ta’ dawn l-operaturi, li tippermetti li tiġi aġġustata l-kontribuzzjoni mitluba minn kull wieħed minnhom skont il-kapaċità ekonomika tiegħu. Skont din il-qorti, mid-dritt tal-Unjoni jirriżulta madankollu li l-ħlasijiet amministrattivi imposti fuq l-operaturi huma ġġustifikati biss f’dak li jikkonċerna l-ispejjeż effettivament sostnuti mill-ARN, mhux bħala attivitajiet ta’ kull natura, iżda bħala attività ta’ regolamentazzjoni tas-suq ex ante li twassal għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet. Għalhekk, jidhrilha li t-taxxi miġbura għall-AGCOM għandhom ikunu limitati għall-ammont tal-ispejjeż sostnuti għall-finijiet ta’ din ir-regolamentazzjoni.

22

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio ddeċieda li jissospendi l-proċedura u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti, redatta bi kliem identiku fil-Kawżi C-228/12 sa C-232/12 u C-254/12 sa C-258/12:

“Id-dispożizzjonijiet Komunitarji fis-settur, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [ta’ awtorizzazzjoni], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-leġiżlazzjoni nazzjonali ċċitata, b’mod partikolari l-Liġi [Nru 266/2005], b’mod partikolari minħabba kif din il-liġi qed tiġi applikata fuq livell leġiżlattiv?”

23

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 2012, il-Kawżi C-228/12 sa C-232/12 u C-254/12 sa C-258/12 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

Fuq it-talba intiża għall-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura

24

Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Marzu 2013, Fastweb talbet il-ftuħ tal-proċedura orali billi sostniet il-ħolqien ta’ fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din il-parti indikat li, fid-29 ta’ Novembru 2012, wara li ngħalqet il-fażi bil-miktub tal-proċedura fil-kawżi preżenti, l-AGCOM ippubblikat komunikazzjoni lill-Gvern Taljan fejn fiha stednitu biex ma jipproċedix bit-tiġdid tal-liġi nazzjonali li tistabbilixxi sistema ta’ finanzjament tal-AGCOM minħabba n-nuqqas ta’ konformità tagħha mad-dritt tal-Unjoni.

25

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma torganizzax seduta għas-sottomissjonijiet orali billi qieset li, fid-dawl ta’ qari tal-osservazzjonijiet ippreżentati matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura, hija kienet biżżejjed informata biex tiddeċiedi fuq dawn il-kawżi.

26

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 83 tal-istess Regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ f’kull mument, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ jew il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari, jekk hija tqis li ma għandhiex biżżejjed tagħrif jew meta parti tkun issottomettiet, wara li din il-fażi tingħalaq, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

27

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha l-elementi kollha meħtieġa biex twieġeb għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju u li l-fatt ġdid imsemmi minn Fastweb ma huwiex ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba ta’ Fastweb intiża għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali ma tistax tintlaqa’.

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

29

Il-Gvern Taljan jesprimi dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari billi josserva li d-deċiżjonijiet tar-rinviju ma jinkludux preżentazzjoni suffiċjenti tal-kuntest fattwali u tal-liġi Taljana applikabbli għall-kawżi prinċipali.

30

F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali tirrikjedi li din il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, tal-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi (sentenzi tas-17 ta’ Frar 2005, Viacom Outdoor, C-134/03, Ġabra p. I-1167, punt 22; tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C-217/05 , Ġabra p. I-11987, punt 26, u tas-17 ta’ Lulju 2008, Raccanelli, C-94/07, Ġabra p. I-5939, punt 24).

31

L-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjonijiet tar-rinviju għandha mhux biss tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda għandha wkoll tagħti lill-Gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati l-oħra l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Digriet tat-2 ta’ Marzu 1999, Colonia Versicherung et, C-422/98, Ġabra p. I-1279, punt 5; is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2007, Schwibbert, C-20/05, Ġabra p. I-9447, punt 21 kif ukoll Raccanelli, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

32

F’din il-kawża, il-preżentazzjoni fid-deċiżjonijiet tar-rinviju tal-fatti li wasslu għall-kawżi prinċipali, li ċertament huma qosra, u d-deskrizzjoni tad-dritt nazzjonali applikabbli ppermettew lill-partijiet fil-kawża prinċipali u lill-Gvernijiet tal-Istati Membri biex jippreżentaw osservazzjonijiet fuq id-domanda magħmula, kif jixhdu l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-imsemmija partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-Gvern Taljan, Belġjan, Olandiż u Portugiż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Fid-dawl tal-imsemmija deċiżjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biżżejjed punti ta’ fatt u ta’ liġi sabiex tinterpreta r-regoli tad-dritt tal-Unjoni kkonċernat u tirrispondi b’mod utli għad-domanda magħmula.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma ammissibbli.

Fuq il-mertu

34

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha l-impriżi li jipprovdu servizz jew netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi huma persuni responsabbli għall-ħlas ta’ taxxa, intiża li tkopri l-ispejjeż kollha sostnuti mill-ARN u mhux iffinanzjati mill-Istat, li l-ammont tagħha huwa ddeterminat skont id-dħul magħmul minn dawn l-impriżi.

35

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva “ta’ awtorizzazzjoni” tipprovdi mhux biss regoli dwar proċeduri tal-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali jew drittijiet għal użu ta’ frekwenzi tar-radju jew ta’ numri jew għall-kontenut tagħhom, iżda wkoll regoli dwar in-natura, u saħansitra l-portata, tal-imposti pekunjarji, marbuta mal-imsemmija proċeduri, li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-impriżi fis-settur tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-18 ta’ Settembru 2003, Albacom u Infostrada, C-292/01 u C-293/01, Ġabra p. I-9449, punti 35 u 36; tal-21 ta’ Lulju 2011, Telefónica de España, C-284/10, Ġabra p. I-6991, punt 18, kif ukoll tas-27 ta’ Ġunju 2013, Vodafone Malta u Mobisle Communications, C-71/12, punt 20).

36

Il-kuntest legali li jiggarantixxi l-libertà li jiġu pprovduti netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, stabbilit bid-Direttiva “ta’ awtorizzazzjoni”, ikun nieqes mill-effettività li kieku l-Istati Membri kienu liberi li jiddeterminaw l-imposti fiskali li għandhom jiġu sostnuti mill-impriżi tas-settur (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Albacom u Infostrada, punt 38, kif ukoll Telefónica de España, punt 19).

37

Il-ħlasijiet amministrattivi imposti fuq impriżi li jipprovdu servizz jew netwerk għall-iffinanzjar tal-attivitajiet tal-ARN fil-qasam tal-amministrazzjoni tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni u tal-għoti ta’ drittijiet għall-użu huma rregolati mill-Artikolu 12 tad-Direttiva “ta’ awtorizzazzjoni” li fir-rigward tagħha d-Direttiva 2009/140, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, ma tinkludi l-ebda emenda.

38

Minn kliem l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva “ta’ awtorizzazzjoni” jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jimponu biss, fuq impriżi li jipprovdu servizz jew netwerk abbażi ta’ awtorizzazzjoni ġenerali jew li lilhom dritt għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju jew ta’ numri jkun ingħata, ħlasijiet amministrattivi li jkopru l-ispejjeż amministrattivi globali kkawżati mill-amministrazzjoni, mill-kontroll u mill-applikazzjoni tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni ġenerali, ta’ drittijiet għall-użu u tal-obbligi speċifiċi, imsemmija fl-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva, li jistgħu jinkludu l-ispejjeż ta’ kooperazzjoni, ta’ armonizzazzjoni u ta’ standardizzazzjoni internazzjonali, ta’ analiżi tas-suq, ta’ kontroll u ta’ kontrolli oħra tas-suq, kif ukoll l-ispejjeż marbuta max-xogħlijiet ta’ leġiżlazzjoni li jinvolvu t-tfassil u l-applikazzjoni ta’ liġijiet sekondarji u ta’ deċiżjonijiet amministrattivi, bħalma huma d-deċiżjonijiet dwar l-aċċess u l-interkonnessjoni.

39

Dawn il-ħlasijiet amministrattivi jistgħu jkopru biss l-ispejjeż marbuta mal-attivitajiet imfakkra fil-punt preċedenti, li ma jistgħux jinkludu spejjeż marbuta ma’ inkarigi oħra (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2006, i-21 Germany u Arcor, C-392/04 u C-422/04, Ġabra p. I-8559, punti 29, 32, 34 u 35 kif ukoll Telefónica de España, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

40

Konsegwentement, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, il-ħlasijiet amministrattivi imposti abbażi tal-Artikolu 12 tad-Direttiva “ta’ awtorizzazzjoni” ma humiex intiżi li jkopru spejjeż amministrattivi ta’ kull natura sostnuti mill-ARN.

41

Barra minn hekk, id-Direttiva “ta’ awtorizzazzjoni” la tipprovdi l-mod ta’ kif jiġi ddeterminat l-ammont tal-ħlasijiet amministrattivi li jistgħu jiġu imposti abbażi tal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva u lanqas il-modalitajiet għall-ġbir ta’ dawn il-ħlasijiet. Madankollu, minn naħa, mill-Artikolu 12(2) tal-imsemmija direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 30 ta’ din tal-aħħar, jirriżulta li l-imsemmija ħlasijiet għandhom ikopru l-ispejjeż amministrattivi reali li jirriżultaw mill-attivitajiet imsemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza u jkunu f’bilanċ ma’ dawn l-ispejjeż. Għalhekk, id-dħul kollu miksub mill-Istati Membri abbażi tal-ħlasijiet inkwistjoni ma jistax jeċċedi l-ispejjeż kollha marbuta ma’ dawn l-attivitajiet (ara, b’analoġija, is-sentenza Telefónica de España, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27). Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 12(1)(b) tad-Direttiva “ta’ awtorizzazzjoni” jimponi fuq l-Istati Membri li jaqsmu l-imsemmija ħlasijiet amministrattivi bejn l-impriżi b’mod oġġettiv, trasparenti u proporzjonat.

42

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li għalkemm huwa legali għall-Istati Membri li jimponu fuq l-impriżi li jipprovdu servizz jew netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi ħlasijiet amministrattiv għall-finijiet tal-finanzjament tal-attivitajiet tal-ARN, dan huwa madankollu possibbli kemm-il darba dawn il-ħlasijiet amministrattivi huma esklużivament intiżi biex ikopru l-ispejjeż marbuta mal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva “ta’ awtorizzazzjoni”, id-dħul kollu miksub abbażi tal-imsemmija ħlasijiet ma jeċċedix l-ispejjeż kollha marbuta ma’ dawn l-attivitajiet u dawn l-istess ħlasijiet jitqassmu bejn l-impriżi b’mod oġġettiv, trasparenti u proporzjonat, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

43

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 12 tad-Direttiva “ta’ awtorizzazzjoni” għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha l-impriżi li jipprovdu servizz jew netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi huma persuni responsabbli għall-ħlasijiet ta’ taxxa, intiża li tkopri l-ispejjeż kollha sostnuti mill-ARN u mhux iffinanzjati mill-Istat, li l-ammont tagħhom huwa ddeterminat skont id-dħul li dawn l-impriżi jagħmlu, bil-kundizzjoni li dawn il-ħlasijiet amministrattivi huma esklużivament intiżi biex ikopru l-ispejjeż marbuta mal-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1(a) ta’ din id-dispożizzjoni, li d-dħul kollu miksub abbażi tal-imsemmija ħlasijiet ma jeċċedix l-ispejjeż kollha marbuta ma’ dawn l-attivitajiet u dawn l-istess ħlasijiet jitqassmu bejn l-impriżi b’mod oġġettiv, trasparenti u proporzjonat, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jiġu rrimborsati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ awtorizzazzjoni), għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha l-impriżi li jipprovdu servizz jew netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi huma persuni responsabbli għall-ħlasijiet ta’ taxxa, intiża li tkopri l-ispejjeż kollha sostnuti mill-awtorità regolatorja nazzjonali u mhux iffinanzjati mill-Istat, li l-ammont tagħhom huwa ddeterminat skont id-dħul li dawn l-impriżi jagħmlu, bil-kundizzjoni li dawn il-ħlasijiet amministrattivi huma esklużivament intiżi biex ikopru l-ispejjeż marbuta mal-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1(a) ta’ din id-dispożizzjoni, li d-dħul kollu miksub abbażi tal-imsemmija ħlasijiet ma jeċċedix l-ispejjeż kollha marbuta ma’ dawn l-attivitajiet u dawn l-istess ħlasijiet jitqassmu bejn l-impriżi b’mod oġġettiv, trasparenti u proporzjonat, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.