Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-Kawżi magħquda C-630/11 P sa C-633/11 P,

li għandhom bħala suġġett appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fil-21 ta’ Novembru 2011 (C-630/11 P) u fit-30 ta’ Novembru 2011(C-631/11 P sa C-633/11 P),

HGA srl, stabbilita f’Golfo Aranci (l-Italja),

Gimar srl, stabbilita f’Sassari (l-Italja),

Coghene Costruzioni srl, stabbilita f’Alghero (l-Italja),

Camping Pini e Mare di Cogoni Franco & C. Sas, stabbilita f’Quartu Sant’Elena (l-Italja),

Immobiliare 92 srl, stabbilita f’Arzachena (l-Italja),

Gardena srl, stabbilita f’Santa Teresa di Gallura (l-Italja),

Hotel Stella 2000 srl, stabbilita f’Olbia (l-Italja),

Vadis srl, stabbilita f’Valledoria (l-Italja),

Macpep srl, stabbilita f’Sorso (l-Italja),

San Marco srl, stabbilita f’Alghero,

Due lune SpA, stabbilita f’Milano (l-Italja),

Hotel Mistral di Bruno Madeddu & C. Sas, stabbilita f’Alghero,

L’Esagono di Mario Azara & C. Snc, stabbilita f’San Teodoro (l-Italja),

Le Buganville srl, li qabel kienet Le Buganville di Cogoni Giuseppe & C. Snc, stabbilita f’Villasimius (l-Italja),

Le Dune srl, li qabel kienet Le Dune di Stefanelli Vincenzo & C. Snc, stabbilita f’Arbus (l-Italja) (C-630/11 P),

irrappreżentati minn G. Dore, F. Ciulli u A. Vinci, avukati,

Regione autonoma della Sardegna, irrappreżentata minn A. Fantozzi u G. Mameli, avukati (C-631/11 P),

Timsas srl, stabbilita f’Arezzo (l-Italja), irrappreżentata minn D. Dodaro u S. Pinna, avukati (C-632/11 P),

Grand Hotel Abi d’Oru SpA, stabbilita f’Olbia, irrappreżentata minn D. Dodaro u R. Masuri, avukati (C-633/11 P),

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Grespan, C. Urraca Caviedes u G. Conte, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, G. Arestis, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur) u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Frar 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Marzu 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. Bl-appelli tagħhom, HGA srl, Gimar srl, Coghene Costruzioni srl, Camping Pini e Mare di Cogoni Franco & C. Sas, Immobiliare 92 srl, Gardena srl, Hotel Stella 2000 srl, Vadis srl, Macpep srl, San Marco srl, Due lune SpA, Hotel Mistral di Bruno Madeddu & C. Sas, L’Esagono di Mario Azara & C. Snc, Le Buganville srl, Le Dune srl (iktar ’il quddiem, flimkien, “HGA”), Regione autonoma della Sardegna, Timsas srl (iktar ’il quddiem, “Timsas”) u Grand Hotel Abi d’Oru SpA (iktar ’il quddiem, “Grand Hotel Abi d’Oru”) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-20 ta’ Settembru 2011, Regione autonoma della Sardegna et vs Il-Kummissjoni (T-394/08, T-408/08, T-453/08 u T-454/08, Ġabra p. II-6255, iktar ’il quddiem, is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din il-qorti ċaħdet ir-rikorsi tagħhom intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/854/KE, tat-2 ta’ Lulju 2008, dwar l-iskema ta’ għajnuna “Liġi reġjonali nru 9 tal-1998 – użu ħażin tal-għajnuna N 272/98” C 1/04 (ex NN 158/03 u CP 15/2003) (ĠU L 302, p. 9), li tiddikjara inkompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna mogħtija illegalment mir-Regione autonoma della Sardegna għall-investimenti inizjali fl-industrija tal-lukandi f’Sardegna u li tordna l-irkupru ta’ din l-għajnuna mill-benefiċjarji tagħha (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999

2. Skont l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), “għajnuna ġdida” hija “kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil [modifika] lill-għajnuna eżistenti”.

3. Skont l-Artikolu 1(g) ta’ dan ir-regolament, “użu ħażin ta’ għajnuna” huwa “għajnuna wżata mill-benefiċjarju f’kontravenzjoni [tad-]deċiżjoni [ta’ approvazzjoni]”.

4. L-Artikolu 4(5), li jinsab fil-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, intitolat “Proċedura dwar għajnuna notifikata”, jipprovdi:

“Id-deċiżjonijiet li saret referenza għalihom fil-paragrafi 2, 3 u 4 [li jittieħdu wara eżami preliminari tal-miżura notifikata] għandhom jittieħdu fi żmien xahrejn. Dak il-perjodu għandu jibda l-għada tar-riċevuta ta’ notifika kompluta. […]”

5. L-Artikolu 7, intitolat “Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni biex tingħalaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali”, li jinsab fl-istess Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, jispeċifika fil-paragrafu 6 tiegħu li l-Kummissjoni “għandha tipprova kemm jista’ jkun tadotta deċiżjoni f’perjodu ta’ 18-il xahar mill-ftuħ tal-proċedura”.

6. L-Artikolu 10, li jinsab fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 88999, intitolat “Proċedura li tirrigwarda għajnuna kontra l-liġi”, jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li, meta l-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha informazzjoni rigward għajnuna allegatament illegali, indipendentement mis-sors tagħha, hija “għandha teżamina dik l-informazzjoni mingħajr dewmien”.

7. Skont l-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament, fil-każ ta’ għajnuna li eventwalment tkun illegali, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta bit-terminu stabbilit, b’mod partikolari, fl-Artikoli 4(5) u 7(6) tal-imsemmi regolament.

8. L-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament jipprovdi, fost l-oħrajn, li l-Artikoli 7, 10 u 13 tiegħu japplikaw mutatis mutandis fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-każ ta’ użu ħażin ta’ għajnuna.

9. L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 659/1999 huwa fformulat kif ġej:

“1. Kull parti interessata tista’ tissottometti kummenti skond l-Artikolu 6 w[a]ra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Kull parti interessata li ssottomettiet dawn il-kummenti u kull benefiċjarju ta’ għajnuna individwali għandha tintbgħatilhom kopja tad-deċiżjoni meħudha mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 7.

[...]

3. Fuq talba tagħha, kull parti interessata għandha tikseb kopja ta’ kull deċiżjoni skond l-Artikoli 4 u 7, l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 11”.

Ir-Regolament (KE) Nru 794/2004

10. L-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (ĠU L 140, p. 1) jipprovdi li tibdil f’għajnuna eżistenti jfisser, għall-finijiet tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999, kull bidla, għajr il-modifiki ta’ natura purament formali jew amministrattiva, li ma hijiex tali li taffettwa l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq komuni.

Il-linji gwida tal-1998

11. Il-punt 4.2 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Linji ta’ gwida dwar għajnuna nazzjonali reġjonali” (98/C 74/06) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 226, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-1998”) jipprovdi, b’mod partikolari, li “skemi ta’ għajnuna għandhom jistabbilixxu li l-applikazzjoni għall-għajnuna trid tingħata qabel ma jibdew ix-xogħlijiet fuq il-proġetti”.

12. Skont il-punt 6.1 ta’ dawn il-linji gwida, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji stabbiliti fil-punti 6.2 u 6.3 tagħhom, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna għal skopijiet reġjonali mas-suq komuni abbażi ta’ dawn il-linji gwida mill-mument li fih jiġu adottati.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

13. Il-fatti li taw lok għal din il-kawża, kif esposti fil-punti 1 sa 23 tas-sentenza appellata, jistgħu jiġu miġbura fil-qasir kif ġej.

14. Fil-11 ta’ Marzu 1998, ir-Regione autonoma della Sardegna adottat il-Liġi Reġjonali Nru 9 dwar miżuri ta’ inċentiv għar-rinnovazzjoni u għall-adattament tal-istrutturi tal-lukandi u dispożizzjonijiet li jemendaw u jikkompletaw il-Liġi Reġjonali Nru 40 tal-14 ta’ Settembru 1993 (legge regionale n° 9, incentivi per la riqualificazione e l’adeguamento delle strutture alberghiere e norme modificative e integrative della legge regionale 14 settembre 1993, n° 40, Bollettino ufficiale della Regione Autonoma della Sardegna n° 9, tal-21 ta’ Marzu 1998, iktar ’il quddiem, il-“Liġi Nru 9/1998” li daħlet fis-seħħ fil-5 ta’ April 1998.

15. L-Artikolu 2 ta’ din il-liġi kien jistabbilixxi, għall-benefiċċju tal-impriżi tas-settur tal-lukandi stabbiliti f’Sardegna, għajnuna għall-investimenti inizjali fil-forma ta’ sussidji u ta’ self aġevolat kif ukoll ta’ għajnuna operattiva skont ir-regola de minimis (iktar ’il quddiem, l-“iskema ta’ għajnuna inizjali”).

16. Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Mejju 1988, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw il-Liġi Nru 9/1998 lill-Kummissjoni, u impenjaw ruħhom li ma japplikawx din il-liġi qabel l-eventwali approvazzjoni tagħha mill-Kummissjoni.

17. Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Ġunju 1998, l-imsemmija awtoritajiet informaw lill-Kummissjoni, b’risposta għal talba tagħha għal informazzjoni addizzjonali, li d-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inizjali kienu ser jiġu adottati biss wara l-approvazzjoni ta’ din l-iskema, mill-Kummissjoni.

18. Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Settembru 1998, l-awtoritajiet Taljani informaw ukoll lill-Kummissjoni li l-għoti tal-għajnuna prevista mil-Liġi Nru 9/1998 seta’ jirrigwarda biss proġetti li kellhom jitwettqu “ulterjorment” u li din il-kundizzjoni hija kkonfermata fid-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni ta’ din il-liġi.

19. Permezz tad-Deċiżjoni SG(98) D/9547, tat-12 ta’ Novembru 1998, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-iskema ta’ għajnuna “Nru 272/98 – l-Italja – għajnuna favur l-industrija tal-lukandi”, introdotta permezz tal-Liġi Nru 9/1998, kienet kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 92(3)(a) KE (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni ta’ approvazzjoni”.

20. Fid-29 ta’ April 1999, l-Assessore del Turismo, Artigianato e Commercio (Il-Kunsillier għat-Turiżmu, l-Artiġjanat u l-Kummerċ) tar-Regione autonoma della Sardegna adotta d-Digriet Nru 285 li jimplementa l-Liġi Nru 9/1998 ( Bollettino ufficiale della Regione Autonoma della Sardegna n° 15, tat-8 ta’ Mejju 1999, iktar ’il quddiem, id-“Digriet Nru 285/1999”).

21. L-Artikoli 4 u 5 ta’ dan id-digriet kienu jipprovdu rispettivament li l-għajnuna mogħtija kellha tikkonċerna proġetti li kellhom jitwettqu wara li jitressqu talbiet għal għajnuna u li l-ispejjeż eliġibbli kellhom ikunu sussegwenti għall-imsemmija talbiet. Madankollu, skont l-Artikolu 17 tal-imsemmi digriet, intitolat “Dispożizzjoni Tranżitorja”, fl-istadju tal-ewwel applikazzjoni ta’ dan id-digriet, kienu eliġibbli l-ispejjeż u l-interventi mwettqa jew sostnuti wara l-5 ta’ April 1998, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 9/1998.

22. Fis-27 ta’ Lulju 2000, ir-Regione autonoma della Sardegna adottat id-Deliberazzjoni Nru 33/3 li ħassret id-Digriet Nru 285/1999 minħabba difetti proċedurali li kienu jaffettwaw lil dan tal-aħħar u d-Deliberazzjoni Nru 33/4 li stabbilixxiet dispożizzjonijiet ġodda ta’ implementazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna.

23. Fl-istess jum, ir-Regione autonoma della Sardegna adottat ukoll id-Deliberazzjoni Nru 33/6 li kienet tipprovdi li, sa fejn il-pubblikazzjoni tad-Digriet Nru 285/1999, li kien jinkludi dispożizzjonijiet li ma kinux konformi mad-dritt tal-Unjoni, setgħet ħolqot, fir-rigward tal-benefiċjarji potenzjali ta’ għajnuna, l-aspettattiva li x-xogħlijiet kollha mwettqa wara l-15 ta’ April 1998 kienu ser jiġu kkunsidrati bħala eliġibbli, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, matul l-ewwel applikazzjoni tal-Liġi Nru 9/1998, ix-xogħlijiet imwettqa wara din id-data, sakemm huma kienu s-suġġett ta’ talba għal għajnuna fil-kuntest tal-ewwel stedina annwali biex jitressqu talbiet.

24. Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Novembru 2000, l-awtoritajiet Taljani informaw lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-Liġi Nru 9/1998 u bagħtulha kopja tad-Deliberazzjoni Nru 33/4, mingħajr madankollu ma semmew id-Deliberazzjoni Nru 33/6.

25. B’risposta għal talba għal informazzjoni, permezz ta’ ittra tal-25 ta’ April 2011, li magħha kien hemm mill-ġdid annessa d-Deliberazzjoni Nru 33/4, l-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li l-iskema ta’ għajnuna kif kienet ġiet applikata kienet konformi mal-linji gwida tal-1998.

26. Wara lment dwar użu ħażin tal-iskema ta’ għajnuna inizjali, il-Kummissjoni talbet, fis-26 ta’ Frar 2003, informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtoritajiet Taljani.

27. Fir-risposta tagħhom tat-22 ta’ April 2003, l-awtoritajiet Taljani semmew għall-ewwel darba d-Deliberazzjoni Nru 33/6.

28. B’ittra tat-3 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Taljana bid-deċiżjoni tagħha intitolata “Għajnuna C 1/04 (ex NN 158/03) – Użu ħażin tal-Għajnuna N 272/98 – Reġjun Sardegna – Stedina biex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet skont l-Artikolu 88(2) KE” (ĠU C 79, p. 4, iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”), dwar l-użu ħażin tal-iskema ta’ għajnuna inizjali. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ċċarat li, billi awtorizzaw l-għoti tal-għajnuna għal proġetti ta’ investiment mibdija qabel id-data tat-talba għal għajnuna, l-awtoritajiet Taljani ma kinux osservaw l-obbligu li jinsab fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni, u lanqas il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-linji gwida tal-1998. Minn dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li seta’ kien hemm użu ħażin tal-iskema ta’ għajnuna inizjali, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, u esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mogħtija favur proġetti ta’ investiment mibdija qabel id-data tat-talba għal għajnuna.

29. Wara li ġabret l-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Taljani, kif ukoll dawk ta’ Grand Hotel Abi d’Oru, fit-22 ta’ Novembru 2006 il-Kummissjoni adottat deċiżjoni intitolata “Għajnuna mill-Istat C 1/2004 – Liġi reġjonali Nru 9/98. Rettifika u estensjoni tal-proċedura pendenti C 1/2004 skont l-Artikolu 88(2) KE – Stedina biex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet skont l-Artikolu 88(2) KE” (ĠU 2007, C 32, p. 2, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ rettifika”), rigward ir-rettifika u l-estensjoni tal-proċedura mibdija skont id-deċiżjoni ta’ ftuħ. F’din id-deċiżjoni ta’ rettifika, taħt it-titolu “Raġunijiet għal rettifika u għal estensjoni tal-proċedura”, il-Kummissjoni indikat, b’mod partikolari, li d-Deliberazzjoni Nru 33/6 ma kinitx issemmiet fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, minkejja li kien abbażi ta’ dan id-dokument li, fi 28 każ, kien ġie deċiż li tingħata għajnuna favur proġetti ta’ investiment mibdija qabel id-data tat-talba għal għajnuna, u mhux abbażi tad-Deliberazzjoni Nru 33/5, kif indikat b’mod żbaljat fid-deċiżjoni ta’ ftuħ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li l-kunċett ta’ “użu ħażin ta’ għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 659/1999, li għalih tagħmel riferiment id-deċiżjoni ta’ ftuħ, ikopri sitwazzjonijiet li fihom il-benefiċjarju ta’ għajnuna awtorizzata japplikaha b’mod kuntrarju għall-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni tal-għoti, u mhux is-sitwazzjonijiet li fihom l-Istat Membru, billi jimmodifika skema ta’ għajnuna eżistenti, jistabbilixxi għajnuna ġdida illegali.

30. Fit-2 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni rrilevat, b’mod partikolari, li d-Deliberazzjoni Nru 33/6 introduċiet modifiki għall-miżura nnotifikata, li ma kinux kompatibbli mal-kliem tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni. Din id-deliberazzjoni ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni, bi ksur tal-Artikolu 88(3) KE u tal-obbligu ta’ kooperazzjoni li r-Repubblika Taljana għandha skont l-Artikolu 10 KE. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, l-iskema ta’ għajnuna kif effettivament applikata ma kinitx tosserva d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni u l-proġetti ta’ għajnuna li t-twettiq tagħhom inbeda qabel ma tressqet kull talba għal għajnuna kellhom, għaldaqstant, jitqiesu bħala illegali.

31. Rigward il-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-għajnuna inkwistjoni, il-Kummissjoni qieset, skont id-deċiżjoni kkontestata, li l-għajnuna mill-Istat mogħtija skont il-Liġi Nru 9/1998, applikata b’mod illegali mir-Repubblika Taljana bid-Deliberazzjoni Nru 33/6, kienet inkompatibbli mal-imsemmi suq, sakemm il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jkunx ressaq talba għal-għajnuna abbażi ta’ din l-iskema qabel it-twettiq tax-xogħlijiet marbuta ma’ proġett ta’ investiment inizjali. Skont l-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-deċiżjoni, ir-Repubblika Taljana kellha tgħaddi immedjatament għall-irkupru effettiv mingħand il-benefiċjarji tal-għajnuna inkompatibbli mogħtija skont din l-iskema, u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kellha tkun ikkompletata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika tagħha.

Is-sentenza appellata

32. L-appellanti ppreżentaw quddiem il-Qorti Ġenerali rikorsi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Insostenn tar-rikorsi tagħhom, huma qajmu tlettax-il motiv, u tlieta minnhom kienu jirreferu għal difetti proċedurali u kienu bbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE u tar-Regolament Nru 659/1999, it-tieni nett, fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 297(3) TFUE, u tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999 u, it-tielet nett, fuq nuqqasijiet ta’ motivazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata. L-għaxar motivi l-oħra kienu jirreferu għal difetti sostantivi u kienu bbażati, l-ewwel nett, fuq in-nuqqas ta’ bażi legali tad-deċiżjoni ta’ rettifika, it-tieni nett, fuq użu ħażin ta’ poter waqt l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, it-tielet nett, fuq il-fatt li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ma kinitx issemmi l-kundizzjoni tat-talba minn qabel, ir-raba’ nett, fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tal-għajnuna inkwistjoni bħala illegali, il-ħames nett, fuq l-inapplikabbiltà tal-linji gwida tal-1998, is-sitt nett, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ effett ta’ inċentiv, is-seba’ nett, fuq ksur tal-Artikolu 107(3) KE, it-tmien nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni, id-disa’ nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, u l-għaxar nett, fuq ksur tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna de minimis .

33. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn il-motivi kollha.

34. Il-Qorti Ġenerali eżaminat, fl-ewwel lok, in-natura ġuridika tad-deċiżjoni ta’ rettifika. Wara li kkonstatat, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li t-testi li jirregolaw il-proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ma jipprovdux espressament għal deċiżjoni ta’ rettifika u estensjoni ta’ proċedura pendenti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 71 sa 73 tas-sentenza appellata, dan li ġej:

“71 [H]uwa loġiku, u, iktar u iktar, fl-interess tal-benefiċjarji potenzjali ta’ skema ta’ għajnuna li, fil-każ fejn il-Kummissjoni tinduna, wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li din tal-aħħar hija bbażata fuq fatti inkompleti jew fuq klassifikazzjoni ġuridika żbaljata ta’ dawn il-fatti, hija għandu jkollha l-possibbiltà li tbiddel il-pożizzjoni tagħha, billi tadotta deċiżjoni ta’ rettifika. Fil-fatt, tali deċiżjoni ta’ rettifika, flimkien ma’ stedina ġdida lill-partijiet ikkonċernati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, tippermettilhom jirreaġixxu għall-bidla fl-evalwazzjoni provviżorja, mill-Kummissjoni, tal-miżura inkwistjoni u jsostnu l-punt tagħhom f’dan ir-rigward.

72 Għandu wkoll jiġi rrilevat li l-Kummissjoni setgħet ukoll tagħżel li l-ewwel tadotta deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura mingħajr ebda eżitu, u mbagħad deċiżjoni ġdida ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ibbażata fuq l-evalwazzjoni ġuridika emendata tagħha u li kien ikollha, fis-sustanza, l-istess kontenut tad-deċiżjoni ta’ rettifika. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kunsiderazzjonijiet ta’ ekonomija tal-proċedura u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jindikaw li hija preferibbli l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rettifika meta pparagunata mal-għeluq tal-proċedura u l-ftuħ ta’ proċedura ġdida. Għandu jiġi rrilevat, f’dan il-kuntest, li r-rettifika tas-suġġett tal-proċedura ppermetta lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-deċiżjoni kkontestata, l-osservazzjonijiet ippreżentati minn Grand Hotel Abi d’Oru wara d-deċiżjoni ta’ ftuħ, li ma kienx ikun il-każ li kieku hija għalqet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali sabiex tiftaħ waħda ġdida.

73 Fir-rigward tal-klassifikazzjoni ġuridika ta’ tali deċiżjoni ta’ rettifika, peress li hija tiżdied mad-deċiżjoni ta’ ftuħ sabiex tifforma flimkien magħha deċiżjoni ta’ ftuħ emendata, għandu jiġi kkunsidrat li din taqsam il-kwalità ġuridika tagħha. Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li n-notifika dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali hija intiża biss sabiex tikseb, mingħand il-partijiet interessati, l-informazzjoni kollha intiża sabiex tiggwida lill-Kummissjoni fl-azzjoni futura tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1973, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 70/72, Ġabra p. 813, punt 19; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ottubru 1996, Skibsværftsforeningen et vs Il-Kummissjoni, T-266/94, Ġabra p. II-1399, punt 256).”

35. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ilmenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ osservanza tat-termini previsti mir-Regolament Nru 659/99. Qabel kollox, hija ddeċidiet, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi għal terminu ta’ xahrejn għall-għeluq tal-fażi preliminari ta’ investigazzjoni, li jibda jiddekorri mill-ġurnata ta’ wara dik tar-riċevuta ta’ notifika kompluta, ma kienx applikabbli f’dan il-każ, għaliex l-għajnuna inkwistjoni ma kinitx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni. Imbagħad, fir-rigward tal-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, li jipprovdi li meta l-Kummissjoni jkollha fil-pussess tagħha informazzjoni rigward għajnuna allegatament illegali, indipendentement mis-sors tagħha, hija għandha teżamina dik l-informazzjoni mingħajr dewmien, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 97 sa 100 tas-sentenza appellata, li din id-dispożizzjoni kellha tinftiehem mhux fis-sens li tirreferi għall-għeluq tal-fażi preliminari ta’ investigazzjoni, imma fis-sens li tirreferi għall-bidu tal-investigazzjoni preliminari u li, f’dan il-każ, it-terminu ta’ ftit iktar minn ħdax-il xahar li għadda bejn ir-riċevuta tal-ilment u l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ma kienx eċċessiv. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, li, skont l-Artikoli 13(2) u 16 tar-Regolament Nru 659/1999, fil-każ ta’ għajnuna allegatament illegali bħal fil-każ ta’ għajnuna li allegatament ġiet użata ħażin, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta, b’mod partikolari, bit-terminu stabbilit fl-Artikolu 7(6) ta’ dan l-istess regolament.

36. Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv ibbażat fuq ksur tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 254(2) KE (li sar it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(3) TFUE) u tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999, billi osservat, fil-punti 106 u 107 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandhom dejjem bħala destinatarji tagħhom l-Istati Membri kkonċernati, li d-deċiżjoni ta’ rettifika kienet indirizzata esklużivament lir-Repubblika Taljana u mhux lill-benefiċjarji tal-iskema kontenzjuża u li, konsegwentement, l-Artikolu 297(3) KE ma kienx jobbliga lill-Kummissjoni tinnotifika d-deċiżjoni ta’ rettifika lil Grand Hotel Abi d’Oru.

37. Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-motivi bbażati fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tal-għajnuna bħala illegali, minflok bħala għajnuna li ġiet użata ħażin. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 175 u 180 tas-sentenza appellata, li l-għajnuna mogħtija fuq bażi legali sostanzjalment differenti mill-iskema approvata mid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni kellha titqies li hija għajnuna ġdida, fis-sens tal-Artikolu 1(ċ)) tar-Regolament Nru 659/1999. Issa, il-modifika li tirriżulta mid-Deliberazzjoni Nru 33/6 ma tistax titqies li hija waħda minima jew ta’ importanza żgħira, sa fejn, kif jirriżulta mill-punt 4.2 tal-linji gwida tal-1998, il-Kummissjoni regolarment tissuġġetta l-approvazzjoni tagħha ta’ skemi ta’ għajnuna għal skopijiet reġjonali għall-kundizzjoni li t-talba għall-għajnuna għandha neċessarjament tippreċedi l-bidu tat-twettiq tal-proġetti. Din l-għajnuna ġdida għandha, barra minn hekk, tiġi kklassifikata bħala illegali, skont l-Artikolu 1(f) tar-Regolament Nru 659/1999, għaliex il-modifika tal-iskema approvata, li r-Regione autonoma della Sardegna wettqet bl-adozzjoni tad-Deliberazzjoni Nru 33/6, ma kinitx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni.

38. Fil-ħames lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ effett ta’ inċentiv. Wara li enfasizzat, fil-punt 215 tas-sentenza appellata, li l-kriterju tal-preċedenza tat-talba għal għajnuna fir-rigward tal-bidu tat-twettiq tal-proġett ta’ investiment jikkostitwixxi kriterju sempliċi, rilevanti u adegwat li jippermetti lill-Kummissjoni tippreżumi li skema ta’ għajnuna għandha effett ta’ inċentiv, il-Qorti Ġenerali żiedet, fil-punt 226 tas-sentenza appellata, li għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti fl-ewwel istanza wrewx il-kapaċità tal-iskema kkontestata li tiżgura l-effett ta’ inċentiv, anki fin-nuqqas tat-tressiq tat-talba qabel il-bidu tat-twettiq tal-proġett ta’ investiment. Imbagħad, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 227 tas-sentenza appellata, bħala irrilevanti, l-argumenti tar-rikorrenti fl-ewwel istanza relatati mas-sitwazzjoni partikolari jew mal-aġir tal-benefiċjarji, għaliex id-deċiżjoni kkontestata kellha bħala suġġett skema ta’ għajnuna u mhux għajnuna individwali. Fil-punti 231 sa 237 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tar-rikorrenti fl-ewwel istanza li s-sempliċi dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 9/1998 kien jagħti lill-impriżi ċ-ċertezza li jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punti 232 u 233 tas-sentenza appellata, li, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħmel dikjarazzjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna nnotifikata, is-sempliċi fatt li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu adottaw dispożizzjonijiet legali li jipprovdu għall-introduzzjoni ta’ skema ta’ għajnuna ma kienx tali li jagħti ċertezza lill-benefiċjarji potenzjali ta’ din l-iskema li jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna prevista minnha.

39. Fis-sitt lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità u tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni, billi osservat, fil-punt 255 tas-sentenza appellata, li l-għaxar impriżi, imsemmija mir-rikorrenti fl-ewwel istanza u li kienu ressqu talba għal għajnuna fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Digriet Nru 285/1999, li iktar tard tħassar, ma kinux jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, għaliex dawn tal-aħħar ma kienu ressqu l-ebda talba għal għajnuna qabel ma bdew ix-xogħlijiet relatati mal-proġetti ta’ investiment tagħhom, filwaqt li l-għaxar impriżi inkwistjoni kienu effettivament ressqu tali talbiet, minkejja li abbażi ta’ digriet ta’ applikazzjoni li iktar tard tħassar.

40. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. F’dan ir-rigward, hija fakkret qabel kollox, fil-punt 274 tas-sentenza appellata, li aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-regolarità ta’ għajnuna mill-Istat jistgħu, bħala regola ġenerali, u ħlief għal ċirkustanzi eċċezzjonali, jiġu invokati biss jekk din l-għajnuna tkun ingħatat b’osservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE (li sar l-Artikolu 108 TFUE). Fil-fatt, operatur ekonomiku diliġenti għandu, normalment, ikun f’pożizzjoni li jiżgura ruħu li din il-proċedura ġiet osservata. Imbagħad il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 275 tas-sentenza appellata, li, f’dan il-każ, il-benefiċjarji tal-għajnuna kontenzjuża ma jistgħux, bħala regola ġenerali, jitħallew jinvokaw aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-regolarità tal-imsemmija għajnuna, peress li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni kienet tindika b’mod ċar li l-approvazzjoni tal-Kummissjoni kienet tirrigwarda biss għajnuna għal proġetti mibdija wara t-tressiq tat-talba għal għajnuna. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali qieset li l-ebda waħda miċ-ċirkustanzi invokati f’dan il-każ mir-rikorrenti u mill-intervenjenti fl-ewwel istanza ma tista’ titqies li għandha mnejn tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-assigurazzjonijiet u tal-aġir varju tal-awtoritajiet nazzjonali, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 281 tas-sentenza appellata, li l-persuni kkonċernati ma jistgħux jibbażaw l-aspettattivi leġittimi tagħhom fuq l-assigurazzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

41. Bl-appelli tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

– tannulla s-sentenza appellata;

– tannulla d-deċiżjoni kkontestata; u

– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż (Kawżi C-632/11 P u C-633/11 P).

42. Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appelli u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

43. Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Marzu 2012, il-Kawżi C-630/11 P sa C-633/11 P ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

Fuq l-appelli

44. Bl-appelli tagħhom, l-appellanti jinvokaw seba’ aggravji, marbuta, l-ewwel nett, mal-illegalità tad-deċiżjoni ta’ rettifika, it-tieni nett, ma’ ksur tal-Artikolu 297 TFUE u tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999, it-tielet nett, man-nuqqas ta’ osservanza tat-termini previsti mir-Regolament Nru 659/1999, ir-raba’ nett, mal-klassifikazzjoni żbaljata tal-għajnuna bħala ġdida u illegali, il-ħames nett, ma’ żball manifest ta’ evalwazzjoni rigward l-eżistenza ta’ effett ta’ inċentiv tal-għajnuna inkwistjoni, is-sitt nett, ma’ ksur tal-prinċipji ta’ imparzjalità kif ukoll tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u, is-seba’ nett, ma’ ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

Fuq l-aggravju bbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ rettifika

L-argumenti tal-partijiet

45. HGA tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet legalment tirrettifika u testendi l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, meta ma teżisti l-ebda bażi legali prevista għal dan il-għan fir-Regolament Nru 659/99. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali naqset, bi ksur tal-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tirrispondi għall-argument li l-Kummissjoni ma tistax tiġi awtorizzata tirrettifika d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura abbażi ta’ dokument, bħalma huwa d-Deliberazzjoni Nru 33/6, li diġà kien fil-pussess tagħha fil-mument tal-ftuħ tal-imsemmija proċedura. Fil-fatt, tali rettifika, jekk titqies li hija legali, għandha tkun ibbażata fuq elementi miksuba wara l-klassifikazzjoni inizjali tal-għajnuna inkwistjoni.

46. Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju huwa inammissibbli, sa fejn l-appellanti jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq eżami ġdid fuq il-mertu tal-argumenti mqajma fl-ewwel istanza. Dan l-aggravju huwa, f’kull każ, infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

47. Meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid fil-kuntest ta’ appell. Fil-fatt, jekk appellant ma jkunx jista’ jibbaża b’dan il-mod l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti diġà użati quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura tal-appell titlef parti mis-sens tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni et , C-465/09 P sa C-470/09 P, punt 79).

48. F’dan il-każ, HGA ppreżentat argumenti ġuridiċi li jikkritikaw b’mod speċifiku l-punti 69 sa 72 tas-sentenza appellata, għaliex il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-Kummissjoni setgħet legalment tadotta deċiżjoni ta’ rettifika.

49. Għaldaqstant l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi eskluża.

50. Rigward il-mertu, fl-ewwel lok, huwa minnu, kif issostni HGA u kif tosserva l-Qorti Ġenerali fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li t-testi li jirregolaw il-proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ma jipprovdux espressament għal deċiżjoni ta’ rettifika u ta’ estensjoni ta’ proċedura pendenti.

51. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma jistax ikollha l-effett li tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli twettaq ir-rettifika jew, fejn xieraq, l-estensjoni tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, jekk hija tinduna li d-deċiżjoni inizjali ta’ ftuħ tal-proċedura kienet ibbażata fuq fatti inkompleti jew fuq klassifikazzjoni ġuridika żbaljata ta’ dawn il-fatti. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tqis, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, li kunsiderazzjonijiet ta’ ekonomija tal-proċedura u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jindikaw li hija preferibbli l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rettifika meta pparagunata mal-għeluq tal-proċedura u l-ftuħ, imbagħad, ta’ proċedura ġdida, li kienet twassal, essenzjalment, għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni bl-istess kontenut bħad-deċiżjoni ta’ rettifika.

52. Tali rettifika jew estensjoni ma jistgħux, madankollu, jippreġudikaw id-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati.

53. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, li flimkien mad-deċiżjoni ta’ rettifika kien hemm stedina ġdida lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, permezz ta’ liema setgħu jirreaġixxu għall-modifiki li saru.

54. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bażi legali espliċita għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rettifika ma jistax jintlaqa’.

55. HGA tikkritika, fit-tieni lok, lill-Qorti Ġenerali talli ma rrispondietx għall-argument li l-Kummissjoni ma tistax tiġi awtorizzata tirrettifika d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura abbażi ta’ dokument, bħalma hija d-Deliberazzjoni Nru 33/6, li diġà kien fil-pussess tagħha fil-ftuħ tal-imsemmija proċedura.

56. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni, impost fuq il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u l-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ma jobbligax lil din tal-aħħar tipprovdi osservazzjonijiet li jsegwu, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha mogħtija mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ b’hekk tkun impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma laqgħatx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Schneider Electric, C-440/07 P, Ġabra p. I-6413, punt 135).

57. Fil-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni indikat, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, li deċiżjoni ta’ rettifika tista’ tiġi adottata sabiex tirrimedja kemm għall-fatti inkompleti inizjalment aċċettati kif ukoll għall-klassifikazzjoni ġuridika żbaljata ta’ dawn il-fatti. Barra minn hekk, mill-punt 74 tas-sentenza appellata jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ rettifika inkwistjoni f’dan l-appell kienet intiża sabiex tirrettifika l-evalwazzjoni ġuridika tal-iskema kontenzjuża li tinsab fid-deċiżjoni inizjali ta’ ftuħ, billi tispeċifika li ma kienx hemm użu ħażin ta’ skema approvata, iżda skema illegali.

58. Issa, fil-kuntest speċifiku tal-proċeduri fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, huwa loġiku li l-evalwazzjoni ġuridika inizjalment adottata tista’ tiġi rrettifikata mhux biss wara li jinstab fatt li qabel ma kienx magħruf, kif tammetti HGA, iżda wkoll wara studju iktar dettaljat tal-elementi li diġà huma fil-pussess tal-Kummissjoni.

59. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali, b’mod impliċitu iżda meħtieġ, ippermettiet lill-appellanti jsiru jafu r-raġunijiet li għalihom hija ma laqgħatx l-argumenti tagħhom u, b’dan il-fatt ukoll, qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi suffiċjenti sabiex tippermettilha teżerċita l-istħarriġ tagħha.

60. Għaldaqstant, l-appellanti ma setgħux jitolbu l-annullament tas-sentenza appellata, li hija, għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, immotivata suffiċjentement.

61. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-aggravju bbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ rettifika għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq l-aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 297 TFUE u tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999

L-argumenti tal-partijiet

62. Grand Hotel Abi d’Oru ssostni, essenzjalment, li kellha tiġi nnotifikata bid-deċiżjoni ta’ rettifika, għaliex din il-parti kienet, wara l-istedina li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, ippreżentat osservazzjonijiet dwar l-iskema kontenzjuża. Barra minn hekk, il-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija vvizzjata b’kontradizzjoni, peress li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 71 u 72 ta’ din is-sentenza, li d-deċiżjoni ta’ rettifika kienet iġġustifikata minħabba l-ħtieġa li jiġi protett l-interess tal-benefiċjarji li jippreżentaw osservazzjonijiet, filwaqt li kkonkludiet, fil-punti 106 u 107 ta’ din l-istess sentenza, li Grand Hotel Abi d’Oru ma kellhiex titqies li hija destinatarja tad-deċiżjoni ta’ rettifika. Billi qieset li kien biżżejjed li d-deċiżjoni ta’ rettifika tiġi nnotifikata biss lill-Istati Membri kif għandu jsir għal deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura, il-Qorti Ġenerali kisret ukoll it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE u l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

63. Il-Kummissjoni tqis li ma teżisti l-ebda kontradizzjoni jew żball ta’ liġi fil-motivazzjoni tas-sentenza appellata għaliex id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandhom bħala destinatarju uniku l-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999 ma għandux jiġi applikat f’dan il-każ.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

64. Il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punti 105 sa 107 tas-sentenza appellata, fl-ewwel lok, li, skont l-Artikolu 254(3) KE [li sar it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2)], id-deċiżjonijiet għandhom jiġu nnotifikati lid-destinatarji tagħhom, fit-tieni lok, li deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandhom dejjem, bħala destinatarji tagħhom, l-Istati Membri kkonċernati u, fit-tielet lok, li d-deċiżjoni ta’ rettifika kienet indirizzata mhux lill-benefiċjarji tal-iskema kontenzjuża, iżda esklużivament lir-Repubblika Taljana. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, li l-Artikolu 254(3) KE ma kienx jobbliga lill-Kummissjoni tinnotifika d-deċiżjoni ta’ rettifika lil Grand Hotel Abi d’Oru.

65. Barra minn hekk, ma teżisti l-ebda kontradizzjoni bejn din il-konklużjoni u dik li tinsab fil-punti 71 u 72 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li d-deċiżjoni ta’ rettifika kienet tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jirreaġixxu għall-modifiki li jsiru fl-evalwazzjoni provviżorja, mill-Kummissjoni, tal-iskema kontenzjuża. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ notifika tad-deċiżjoni ta’ rettifika lill-partijiet interessati ma jipprekludihomx milli jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, għaliex huwa stabbilit li din id-deċiżjoni, li saret bl-istedina lill-imsemmija partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, ġiet ippubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

66. Rigward l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999, huwa manifest li ma huwiex applikabbli f’dan il-każ, kif osservat il-Qorti Ġenerali fil-punti 110 u 111 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, kull parti interessata li tkun ippreżentat osservazzjonijiet wara deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tirċievi kopja tad-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni “skont l-Artikolu 7” ta’ dan ir-regolament. Issa, l-imsemmi Artikolu 7 jirreferi esklużivament għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jagħlqu l-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

67. Għaldaqstant id-deċiżjoni ta’ rettifika ma tistax tiġi kklassifikata bħala “deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 659/1999”.

68. Għalhekk, l-aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 297 TFUE u tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999 għandu jiġi ddikjarat bħala infondat.

Fuq l-aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ osservanza tat-termini previsti mir-Regolament Nru 659/1999

L-argumenti tal-partijiet

69. HGA tikkritika lill-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, li qieset b’mod żbaljat, fil-punti 99 sa 101 tas-sentenza appellata, li t-terminu ta’ xahrejn imsemmi fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/99 japplika biss għall-għajnuna nnotifikata. Peress li r- ratio legis ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tiġi ggarantita n-natura ċerta tal-iskeda tal-proċedura, dan it-terminu għandu japplika wkoll fil-każ li l-proċedura nbdiet fuq ilment.

70. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali injorat ukoll il-portata tal-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li hija l-Kummissjoni li għandha teżamina l-informazzjoni li għandha fil-pussess tagħha informazzjoni mingħajr dewmien. Skont HGA, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod analogu mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 263 TFUE u 265 TFUE, fis-sens li l-Kummissjoni għandha, fil-każ ta’ għajnuna li ma ġietx innotifikata, tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fi żmien xahrejn li jibdew jgħoddu mill-irċevuta tal-informazzjoni rilevanti. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ħadet disa’ xhur, mir-riċevuta tad-Deliberazzjoni Nru 33/6, sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, bi ksur tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 659/99.

71. Fit-tielet lok, l-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 659/99 inkiser ukoll minħabba li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma tlestietx fi tmintax-il xahar, bil-kontra ta’ dak li jipprovdi dan l-artikolu. Fil-fatt, peress li l-proċedura kienet infetħet inizjalment minħabba użu ħażin ta’ għajnuna, huwa applikabbli l-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, li jirreferi għall-imsemmi Artikolu 7. F’kull każ, peress li l-proċedura ħadet erba’ snin u nofs, inqabeż kull terminu raġonevoli.

72. Il-Kummissjoni ssostni li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 659/99 huwa inammissibbli għaliex HGA ma speċifikatx il-punti tas-sentenza appellata li hija tikkritika. F’kull każ, la din id-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 659/1999, u lanqas l-Artikolu 4(5) tiegħu ma japplikaw fil-każ ta’ għajnuna illegali. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament ma hija vvizzjata bl-ebda żball ta’ liġi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

73. Għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni kontra l-ilment ibbażat fuq il-ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 659/1999. Fil-fatt, l-argumenti ġuridiċi li jsostnu b’mod speċifiku dan l-ilment jippermettu li jiġu identifikati l-elementi tas-sentenza appellata msemmija minn HGA fl-appell tagħha.

74. Rigward il-mertu, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li mill-kliem tal-Artikoli 4(5), u 7(6) tar-Regolament Nru 659/1999 jirriżulta mingħajr ekwivoku li huma japplikaw biss fil-każ ta’ għajnuna nnotifikata. Barra minn hekk, l-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi b’mod espliċitu li, fil-każ ta’ eventwali għajnuna illegali, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta bit-termini stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 4(5) u 7(6) tal-imsemmi regolament.

75. Din il-konklużjoni tirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li, fin-nuqqas ta’ notifika tal-iskema kontenzjuża, il-Kummissjoni ma hijiex suġġetta għar-regola tat-terminu ta’ eżami ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999 (sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il-Kummissjoni, C-471/09 P sa C-473/09 P, punt 129).

76. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 96 u 101 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta bit-termini stabbiliti fl-Artikoli 4(5) u 7(6) tar-Regolament Nru 659/1999, għaliex l-iskema kontenzjuża ma kinitx ġiet innotifikata.

77. Lanqas ma wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, li, fil-każ ta’ użu ħażin ta’ għajnuna, l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 659/1999 japplika, mutatis mutandis , kif jirriżulta mill-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament.

78. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 659/1999, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, meta l-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha informazzjoni dwar għajnuna allegatament illegali, indipendentement mis-sors tagħha, hija għandha teżamina din l-informazzjoni mingħajr dewmien.

79. Madankollu dan ir-rekwiżit ma jistax jiġi interpretat, kif tissuġġerixxi HGA billi tistrieħ fuq allegata analoġija mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 263 TFUE u 265 TFUE, fis-sens li jimponi fuq il-Kummissjoni obbligu li tagħlaq l-eżami tagħha ta’ għajnuna allegatament illegali fi żmien xahrejn. Biżżejjed isir riferiment, f’dan ir-rigward, għall-punti 74 sa 76 ta’ din is-sentenza.

80. F’dak li jikkonċerna l-argument li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 659/1999 inkiser minħabba li l-Kummissjoni ħalliet disa’ xhur jgħaddu bejn il-mument li fih ir-Regione autonoma della Sardegna bagħtet id-Deliberazzjoni Nru 33/6 u d-deċiżjoni ta’ ftuħ, meta l-imsemmi Artikolu 10(1) jobbliga lill-Kummissjoni teżamina l-informazzjoni fil-pussess tagħha mingħajr dewmien, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 97 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament għandu jinftiehem mhux fis-sens li jirreferi għall-għeluq tal-fażi preliminari ta’ investigazzjoni, imma li jirreferi għall-bidu tal-investigazzjoni preliminari. Għaldaqstant, il-fatt li għadda l-imsemmi żmien ma jimplikax, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja, li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li tibda l-eżami tal-fajl mingħajr dewmien, kif mitlub mill-imsemmi Artikolu 10(1).

81. Madankollu għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha taġixxi fi żmien raġonevoli fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat u li ma hijiex awtorizzata tippersisti fin-nuqqas ta’ azzjoni matul il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni (ara s-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 129 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82. Għandu jingħad ukoll li n-natura raġonevoli tat-tul ta’ żmien tal-proċedura għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, bħalma huma l-kumplessità tal-kawża u l-aġir tal-partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, C-403/04 P u C-405/04 P, Ġabra p. I-729, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83. Il-perijodu ta’ ftit iktar minn ħdax-il xahar li għadda f’dan il-każ bejn ir-riċevuta tal-ilment u l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ma jistax jitqies li huwa eċċessiv f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, li, minbarra dan, kienu kkaratterizzati bil-mogħdija taż-żmien meħtieġ sabiex jiġi pprovdut it-tagħrif addizzjonali, kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 100 tas-sentenza appellata.

84. Fir-rigward, fit-tielet u l-aħħar lok, tal-perijodu ta’ żmien allegatament mhux raġonevoli tal-proċedura amministrattiva, meħuda b’mod ġenerali, jiġifieri iktar minn erba’ snin u nofs li jibdew jgħoddu mid-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 162 tas-sentenza appellata, li, minkejja li l-perijodu ta’ żmien tal-proċedura ta’ investigazzjoni jista’ jidher twil f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta bit-terminu ta’ tmintax-il xahar stabbilit fl-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 659/1999.

85. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ osservanza tat-termini previsti mir-Regolament Nru 659/1999 għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq l-aggravju bbażat fuq klassifikazzjoni żbaljata tal-għajnuna bħala ġdida u, għaldaqstant, illegali

L-argumenti tal-partijiet

86. HGA tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kklassifikat, fil-punti 175 sa 180 tas-sentenza appellata, l-iskema kontenzjuża bħala għajnuna ġdida u illegali, minflok bħala għajnuna eżistenti. Fil-fatt, peress li l-Liġi Nru 9/1998 ma kinitx tipprekludi l-għoti ta’ għajnuna lill-impriżi li jkunu bdew ix-xogħlijiet tagħhom qabel it-tressiq tat-talba għal għajnuna, id-Deliberazzjoni Nru 33/6 ma bidlitx din l-għajnuna u, a fortiori , mhux b’mod sinjifikattiv.

87. Skont il-Kummissjoni, dan l-aggravju huwa inammissibbli, sa fejn HGA stiednet lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel evalwazzjoni ġdida tal-kuntest fattwali, li ma tistax tagħmel f’appell. Mill-inqas, l-imsemmi aggravju huwa ineffettiv, għaliex il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 186 tas-sentenza appellata, li d-dispożizzjoni li tirrendi illegali u mhux kompatibbli mas-suq komuni l-iskema kontenzjuża ma tinsabx fil-Liġi Nru 9/1998. F’kull każ, dan l-aggravju huwa infondat, għaliex id-Deliberazzjoni Nru 33/6 wettqet modifika sinjifikattiva fl-iskema ta’ għajnuna eżistenti, u b’hekk stabbilixxiet skema ġdida ta’ għajnuna illegali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

88. Skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konklużjonijiet legali li ddeduċiet minnha l-Qorti Ġenerali (ara s-sentenzi tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, C-551/03 P, Ġabra p. I-3173, punt 51, u tat-22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni, C-266/06 P, punt 72).

89. HGA tikkritika, essenzjalment, il-klassifikazzjoni ġuridika li tat il-Qorti Ġenerali meta qieset l-iskema kontenzjuża bħala għajnuna ġdida u illegali. Dan l-aggravju huwa, għaldaqstant, ammissibbli.

90. Skont l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999, għajnuna ġdida hija “kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil [modifika] lill-għajnuna eżistenti”. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004 jiddeskrivi bħala modifika ta’ għajnuna eżistenti, għall-finijiet tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999, kull modifika, għajr il-modifiki ta’ natura purament formali jew amministrattiva, li ma hijiex tali li taffettwa l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq komuni.

91. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 178 u 179 tas-sentenza appellata, li l-modifika tal-iskema ta’ għajnuna introdotta bid-Deliberazzjoni Nru 33/6 ma kinitx waħda minima jew ta’ importanza żgħira u li, għaldaqstant, l-iskema kontenzjuża kellha tiġi kklassifikata bħala għajnuna ġdida, fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999, u mhux bħala għajnuna eżistenti.

92. L-argument li d-Deliberazzjoni Nru 33/6 ma kinitx tintroduċi modifika fl-iskema stabbilita permezz tal-Liġi Nru 9/1998 jew, f’kull każ, din il-modifika ma kinitx sinjifikattiva, u ma tistax, għaldaqstant, tkun suffiċjenti sabiex l-għajnuna kontenzjuża tiġi kklassifikata bħala għajnuna ġdida, ma jistax jintlaqa’.

93. Fil-fatt, l-ewwel nett, HGA ma tistax tallega li l-adozzjoni tad-Deliberazzjoni Nru 33/6, li tawtorizza t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti proġetti li nbdew qabel ma tressqet it-talba għall-għajnuna, ma mmodifikatx l-iskema stabbilita permezz tal-Liġi Nru 9/1998. Fil-fatt, minn naħa, din il-liġi ma ssemmi xejn dwar iż-żmien li fih titressaq it-talba għal għajnuna meta pparagunat maż-żmien li fih jinbdew ix-xogħlijiet, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 186 tas-sentenza appellata. Min-naħa l-oħra, kif ġie osservat fil-punt 5 tas-sentenza appellata, l-awtoritajiet Taljani informaw lill-Kummissjoni li l-għoti tal-għajnuna prevista minn din il-liġi jista’ jikkonċerna biss proġetti li kellhom jitwettqu “ulterjorment” u li din il-kundizzjoni hija kkonfermata fid-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni ta’ din il-liġi.

94. It-tieni nett, din il-modifika ma tistax tiġi kklassifikata bħala waħda ta’ natura purament formali jew amministrattiva, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004, għaliex hija setgħet tinfluwenza l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq intern. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, f’dan ir-rigward, fil-punt 178 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni semmiet b’mod espliċitu l-kundizzjoni li t-talba għal għajnuna għandha neċessarjament issir qabel il-bidu tal-eżekuzzjoni tal-proġetti ta’ investiment, kundizzjoni li għaliha l-Kummissjoni tissuġġetta regolarment l-approvazzjoni tagħha għal skemi ta’ għajnuna għal skopijiet reġjonali, kif jirriżulta mill-punt 4.2 tal-linji gwida tal-1998.

95. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta kklassifikat l-għajnuna kontenzjuża bħala ġdida u illegali. Għalhekk, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq l-aggravju bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ effett ta’ inċentiv

L-argumenti tal-partijiet

96. HGA u r-Regione autonoma della Sardegna jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, talli wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-kriterju dwar it-tressiq tat-talba għal għajnuna qabel il-bidu tax-xogħlijiet kien jikkostitwixxi preżunzjoni inkonfutabbli tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna. Dan il-kriterju, li jiffavorixxi approċċ purament formalista, jirriżulta minn att ta’ “soft law”, mingħajr effetti ġuridiċi vinkolanti. B’dan il-mod il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 226 tas-sentenza appellata, l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi l-oħra tal-każ.

97. HGA u r-Regione autonoma della Sardegna jikkritikaw, it-tieni nett, il-punti 232 u 233 tas-sentenza appellata, li jipprovdu li hija biss skema ta’ għajnuna ddikjarata kompatibbli mill-Kummissjoni li jista’ jkollha effett ta’ inċentiv. Skont dawn l-appellanti, mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 2002, Graphischer Maschinenbau GmbH vs Il-Kummissjoni (T-126/99, Ġabra p. II-2427) jirriżulta li skema ta’ għajnuna mhux innotifikata jista’ wkoll ikollha effett ta’ inċentiv.

98. It-tielet nett, l-appellanti kollha jqisu li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex raġun tiċħad ir-rilevanza ta’ serje ta’ ċirkustanzi li juru li l-appellanti kienu ġew inkoraġġuti jibdew ix-xogħlijiet inkwistjoni, jiġifieri:

– iċ-ċertezza ta’ ksib tal-għajnuna inkwistjoni, fid-dawl tal-fatt li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha previsti mil-Liġi Nru 9/1998;

– il-fatt li r-Regione autonoma della Sardegna taqa’ taħt ir-reġjuni msemmija fl-Artikolu 107(3)(a) TFUE;

– il-fatt li bbenefikaw minn skema ta’ għajnuna preċedenti, simili għall-iskema kontenzjuża; u

– il-fatt li rrinunzjaw li jitolbu diversi għajnuniet sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna inkwistjoni.

99. Ir-raba’ nett, ir-Regione autonoma della Sardegna tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli naqset milli tiddikjara ruħha fuq l-argument li kien impossibbli, fuq livell kronoloġiku, li jittieħed inkunsiderazzjoni r-rekwiżit li x-xogħlijiet jinbdew qabel it-tressiq tat-talba, peress li dan ir-rekwiżit ġie introdott għall-ewwel darba fil-linji gwida tal-1998.

100. Il-ħames nett, Grand Hotel Abi d’Oru u Timsas jikkritikaw il-punti 226 sa 228 tas-sentenza appellata, li ma humiex immotivati jew, mill-inqas ma humiex immotivati suffiċjentement, jew saħansitra b’mod kontradittorju. Fil-fatt, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ u, b’mod partikolari, il-fatt li bbenefikaw minn skema ta’ għajnuna preċedenti, simili għall-iskema kontenzjuża, jindikaw mhux li l-għajnuna kellha effett ta’ inċentiv fuq dawn l-appellanti, iżda li l-iskema ta’ għajnuna fit-totalità tagħha kellha tali effett.

101. Il-Kummissjoni tirribatti li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-applikabbiltà tal-linji gwida tal-1998 għall-iskemi ta’ għajnuna li ma jkunux ġew innotifikati, inkluż meta dawn l-iskemi jkunu ġew implementati qabel l-adozzjoni ta’ dawn il-linji gwida. Din l-istituzzjoni ssostni, barra minn hekk, li l-linji gwida tal-1998 ġew ippubblikati f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta’ Marzu 1998, jiġifieri jum qabel l-adozzjoni tal-Liġi Nru 9/98 u kważi xahar qabel id-dħul tagħha fis-seħħ. Għaldaqstant kienu perfettament aċċessibbli għall-benefiċjarji tal-iskema kontenzjuża.

102. Minbarra dan, il-fatt li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna, speċifikati fil-Liġi Nru 9/1998, ma jagħti l-ebda ċertezza rigward l-għoti ta’ din l-għajnuna sakemm il-Kummissjoni ma tkunx approvatha. Għalhekk, minkejja li r-Regione autonoma della Sardegna hija entità li tista’, bħala regola ġenerali, tibbenefika minn għajnuna għal skopijiet reġjonali, jibqa’ l-fatt li kull għajnuna mogħtija lil dan ir-reġjun ma tistax neċessarjament tiġi kklassifikata bħala kompatibbli mas-suq intern. F’kull każ, fil-punti 232 u 233 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement irrispondiet għal argument tal-appellanti, li kien jgħid li s-sempliċi dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 9/1998 kien jagħti lill-impriżi ċ-ċertezza li jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna kontenzjuża.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

103. L-Artikolu 107(3)(a) TFUE jipprovdi li l-għajnuna intiża sabiex tiffavorixxi l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni fejn il-livell tal-ħajja huwa baxx b’mod anormali jew fejn ikun hemm stat serju ta’ nuqqas ta’ impjieg, jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq intern.

104. B’dan il-mod, il-Kummissjoni għandha d-dritt tirrifjuta l-għoti ta’ għajnuna meta din ma tħajjarx lill-impriżi benefiċjarji jadottaw aġir tali li jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet imsemmija mill-imsemmi Artikolu 107(3) TFUE. Għalhekk tali għajnuna għandha tkun neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti minn din id-dispożizzjoni b’tali mod li, mingħajrha, il-kundizzjonijiet normali tas-suq ma jippermettux, minnhom infushom, li l-impriżi benefiċjarji jadottaw aġir tali li jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris Holland vs Il-Kummissjoni, 730/79, Ġabra p. 2671, punti 16 u 17). Fil-fatt, għajnuna li ttejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża benefiċjarja mingħajr ma tkun neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti fl-Artikolu 107(3) TFUE ma tistax titqies li hija kompatibbli mas-suq intern (ara s-sentenza tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C-390/06, Ġabra p. I-2577, punt 68).

105. Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, fil-kuntest tal-Artikolu 107(3)(a) TFUE, l-għajnuna proposta għandha, sabiex tkun kompatibbli mas-suq intern, tkun neċessarja għall-iżvilupp tar-reġjuni żvantaġġati. Għal dan il-għan, għandu jiġi pprovat li, fl-assenza tal-għajnuna proposta, l-investiment intiż sabiex isostni l-iżvilupp tar-reġjun ikkonċernat ma jsirx. Min-naħa l-oħra, jekk jirriżulta li dan l-investiment isir anki fl-assenza tal-għajnuna proposta, ikollu jiġi konkluż li din tal-aħħar ikollha l-effett uniku li ttejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriżi benefiċjarji, mingħajr madankollu ma tissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 107(3)(a) TFUE, jiġifieri li tkun neċessarja għall-għanijiet tal-iżvilupp tar-reġjuni żvantaġġati.

106. F’dak li jirrigwarda l-kriterji li fid-dawl tagħhom għandha tiġi evalwata n-natura neċessarja ta’ għajnuna għal skopijiet reġjonali, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 215 tas-sentenza appellata, li l-preċedenza tat-talba għal għajnuna meta mqabbla mal-bidu tal-eżekuzzjoni tal-proġett ta’ investiment tikkostitwixxi kriterju sempliċi, rilevanti u xieraq li jippermetti lill-Kummissjoni tippreżumi n-natura neċessarja tal-għajnuna proposta.

107. Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ dan l-appell.

108. Barra minn hekk, fil-punt 226 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li kellu jiġi eżaminat jekk l-appellanti stabbilixxewx l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jistgħu juru n-natura neċessarja tal-iskema kontenzjuża, anki fin-nuqqas tat-tressiq ta’ talba għal għajnuna qabel il-bidu tal-eżekuzzjoni tal-proġetti inkwistjoni.

109. Għaldaqstant, fl-ewwel lok, l-ilment li l-Qorti Ġenerali stabbilixxiet il-kriterju tal-preċedenza tat-talba għal għajnuna bħala preżunzjoni inkonfutabbli għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura neċessarja tal-għajnuna jirriżulta minn qari manifestament żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ammettiet b’mod espliċitu li l-imsemmija natura neċessarja tista’ tiġi pprovata abbażi ta’ kriterji oħra għajr il-kriterju msemmi hawn fuq.

110. Għal din l-istess raġuni, il-kritiki rigward in-natura formalista tal-imsemmi kriterju u n-nuqqas ta’ effetti ġuridiċi vinkolanti ta’ att ta’ “soft law” bħal-linji gwida ma humiex effettivi.

111. Fir-rigward, fit-tieni lok, taċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 97 ta’ din is-sentenza, li, skont l-appellanti, jistgħu jipprovaw li l-iskema kontenzjuża kellha rwol ta’ inċentiv għall-proġetti li huma wettqu, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, l-argument li r-Regione autonoma della Sardegna taqa’ taħt ir-reġjuni msemmija fl-Artikolu 107(3)(a) TFUE.

112. Minkejja li huwa minnu li din iċ-ċirkustanza hija kundizzjoni indispensabbli sabiex id-deroga tal-Artikolu 107(3)(a) TFUE tkun tista’ tiġi applikata, jibqa’ l-fatt li l-imsemmija ċirkustanza ma timplikax, kif issostni l-Kummissjoni, li kull proġett ta’ għajnuna li jista’ jitwettaq fl-imsemmi reġjun għandu neċessarjament jitqies li huwa meħtieġ għall-iżvilupp tiegħu. Għaldaqstant, tali ċirkustanza ma tistax, minnha nfisha, tikklassifika l-iskema kontenzjuża bħala neċessarja għall-iżvilupp ta’ dan ir-reġjun.

113. It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda ċ-ċirkustanzi, invokati mill-appellanti kollha u relatati mal-fatt li bbenefikaw minn skema ta’ għajnuna preċedenti, simili għall-iskema kontenzjuża, kif ukoll mal-fatt li rrinunzjaw li jitolbu diversi għajnuniet sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna inkwistjoni, għandu jitfakkar, kif għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 227 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kkontestata kellha bħala suġġett mhux għajnuna individwali, iżda skema ta’ għajnuna. Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tevalwa ċ-ċirkustanzi partikolari tal-benefiċjarji individwali tal-iskema kontenzjuża. Għaldaqstant, hija ċaħdet bħala irrilevanti l-argumenti marbuta mas-sitwazzjoni partikolari jew mal-aġir tal-benefiċjarji tal-għajnuna.

114. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ sempliċement tistudja l-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni sabiex tevalwa, fil-motivi tad-deċiżjoni, jekk din l-iskema għandhiex natura neċessarja għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 107(3)(a) TFUE. Għalhekk, il-Kummissjoni, f’deċiżjoni li tirrigwarda tali skema, ma hijiex marbuta twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’kull każ individwali abbażi ta’ tali skema. Huwa biss fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna li jkun meħtieġ tiġi vverifikata s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża (ara s-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” vs Il-Kummissjoni, C-71/09 P, C-73/09 P u C-76/09 P, Ġabra p. I-4727, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115. Iċ-ċirkustanzi li fihom ċerti benefiċjarji, minn naħa, ibbenefikaw minn skema ta’ għajnuna preċedenti, simili għall-iskema kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, irrinunzjaw li jitolbu diversi għajnuniet sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna inkwistjoni, huma marbuta mas-sitwazzjoni partikolari ta’ xi wħud mill-benefiċjarji u mhux mal-karatteristiċi ġenerali tal-iskema kontenzjuża. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset dawn iċ-ċirkustanzi bħala irrilevanti għall-evalwazzjoni tan-natura neċessarja ta’ skema ta’ għajnuna.

116. Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-argument li d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 9/1998, minnu nnifsu, ħajjar lill-appellanti jagħmlu l-investimenti inkwistjoni, peress li huma kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet bażiċi kollha previsti minn din il-liġi sabiex tinkiseb l-għajnuna, biżżejjed jiġi osservat li l-kuntest ġuridiku li stabbilixxa l-iskema kontenzjuża ma huwiex limitat għal-Liġi Nru 9/1998 iżda ġie kkompletat, qabel kollox, bid-Digriet Nru 285/1999 u, imbagħad, bid-Deliberazzjonijiet Nru 33/3, Nru 33/4 u Nru 33/6, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

117. Dawn iż-żidiet mal-kuntest ġuridiku rigward l-iskema kontenzjuża huma ta’ importanza partikolari f’dan il-każ. Fil-fatt, minn naħa, mill-punt 169 tas-sentenza appellata jirriżulta li r-Regione autonoma della Sardegna qatt ma ċaħdet, la fil-korrispondenza tagħha mal-Kummissjoni u lanqas quddiem il-Qorti Ġenerali, li impenjat ruħha li tagħti l-għajnuna biss għal proġetti mibdija qabel it-tressiq tat-talba għal għajnuna. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Taljani żguraw lill-Kummissjoni, kif ġie kkonstatat fil-punt 5 tas-sentenza appellata, li l-iskema kontenzjuża kienet tikkonċerna biss proġetti li kellhom jitwettqu “ulterjorment” u li din il-kundizzjoni hija kkonfermata fid-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-Liġi Nru 9/1998.

118. Min-naħa l-oħra, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 235 tas-sentenza appellata, l-ammissibbiltà tal-proġetti ta’ investiment inkwistjoni bl-ebda mod ma kienet tirriżulta mill-iskema previsti mill-imsemmija liġi.

119. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tiċħad, fil-punt 236 tas-sentenza appellata, l-argument marbut mad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 9/1998.

120. Fir-rigward, fir-raba’ lok, tal-argument li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-allegata impossibbiltà, għall-awtoritajiet Taljani u għall-benefiċjarji tal-għajnuna, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-linji gwida tal-1998, biżżejjed isir riferiment għall-punt 186 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-dispożizzjoni li tivvizzja l-iskema kontenzjuża b’natura illegali u inkompatibbli mas-suq intern kienet tinsab mhux fil-Liġi Nru 9/1998, iżda fid-Deliberazzjoni Nru 33/6, u l-adozzjoni ta’ din seħħet b’mod ċar wara d-data tal-applikazzjoni sħiħa tal-linji gwida tal-1998.

121. F’dak li jirrigwarda, fil-ħames lok, l-ilmenti mqajma minn Grand Hotel Abi d’Oru kif ukoll minn Timsas u riprodotti fil-punt 100 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi osservat li r-risposta tal-Qorti Ġenerali, esposta fil-punti 226 sa 228 tas-sentenza appellata u hekk kif tirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 113 sa 115 ta’ din is-sentenza, ma hijiex ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, u lanqas b’motivazzjoni insuffiċjenti jew kontradittorja.

122. Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-kritiki espressi minn HGA u mir-Regione autonoma della Sardegna, li l-punti 232 u 233 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żball ta’ liġi, għandu jiġi kkonstatat li dawn huma ineffettivi, għaliex ma jistgħux iwasslu għall-annullament tas-sentenza appellata, peress li din tal-aħħar hija suffiċjentement fondata fuq il-motivi riprodotti fil-punti 111 sa 121 ta’ din is-sentenza.

123. Għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment ineffettiv, għaliex, f’kull każ, id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni kienet tipprekludi li tingħata għajnuna meta t-talba għal għajnuna tkun tressqet wara l-bidu tax-xogħlijiet.

Fuq l-aggravju bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ imparzjalità u tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni

L-argumenti tal-partijiet

124. HGA tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kisret il-prinċipji ta’ imparzjalità u tal-protezzjoni u tal-kompetizzjoni, billi ma qisitx li l-appellanti kellhom jibbenefikaw mill-istess trattament bħall-għaxar impriżi li kienu ressqu t-talbiet tagħhom qabel il-bidu tax-xogħlijiet, iżda wkoll qabel l-adozzjoni tad-Deliberazzjonijiet Nru 33/4 u Nru 33/6.

125. Il-Kummissjoni tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra dan l-aggravju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

126. Mill-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar, jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li qed jintalab li tiġi annullata kif ukoll l-argumenti ġuridiċi li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba (sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 78).

127. F’dan il-każ, HGA sempliċement irriproduċiet l-argumenti li kienet ippreżentat fl-ewwel istanza mingħajr ma identifikat b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza appellata u r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-imsemmija argumenti.

128. Għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

Fuq l-aggravju bbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

L-argumenti tal-partijiet

129. HGA tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli qieset, fil-punti 274, 275 u 281 tas-sentenza appellata, li l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji kienu esklużi minħabba l-fatt li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni kienet titlob b’mod espliċitu li t-talba għal għajnuna tiġi ppreżentata qabel il-bidu tax-xogħlijiet. Il-parti l-kbira tal-appellanti kienu jafu biss bil-fatt li l-Liġi Nru 9/1998 kienet ġiet innotifikata lill-Kummissjoni u li din tal-aħħar kienet approvatha. Fil-fatt, ir-Regione autonoma della Sardegna ma kinitx informathom bil-kundizzjoni ta’ tressiq minn qabel tat-talba għal għajnuna u tathom kopja tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni fejn din il-kundizzjoni ma kinitx inkluża. Minbarra dan, il-pubblikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ma semmietx din il-kundizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-garanziji li ngħataw mill-awtoritajiet nazzjonali kienu tali li jnisslu aspettattivi leġittimi fl-appellanti.

130. Ir-Regione autonoma della Sardegna żżid li l-benefiċjarji seta’ jkollhom aspettattivi leġittimi rigward il-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern, għaliex huma bdew ix-xogħlijiet biss wara n-notifika lill-Kummissjoni tal-għajnuna inkwistjoni. L-aspettattivi leġittimi tagħhom huma esklużi biss fil-każ li din l-għajnuna ma tkunx ġiet innotifikata, u dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

131. Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju jirriżulta minn qari parzjali u żbaljat tas-sentenza appellata, għaliex l-iskema li tirriżulta mil-Liġi Nru 9/1998, kif immodifikata bid-Deliberazzjoni Nru 33/6, qatt ma ġiet innotifikata. Barra minn hekk, din l-istituzzjoni ma pprovdiet l-ebda assigurazzjoni dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-imsemmija skema.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

132. Il-Qorti Ġenerali osservat ġustament, fil-punt 273 tas-sentenza appellata, li d-dritt li wieħed jibbaża ruħu fuq il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi jippreżumi li assigurazzjonijiet preċiżi, inkondizzjonati u konkordanti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, ikunu ngħataw lill-persuna kkonċernata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan id-dritt huwa miftuħ għal kull individwu li għandu tamiet fondati mnissla minn istituzzjoni, korp, jew organu tal-Unjoni, billi tawh assigurazzjonijiet preċiżi. Informazzjoni preċiża, inkondizzjonata u konkordanti tikkostitwixxi assigurazzjonijiet bħal dawn, tkun xi tkun il-forma li fiha tiġi kkomunikata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Kahla Thüringen Porzellan vs Il-Kummissjoni, C-537/08 P, Ġabra p. I-12917, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

133. F’dan il-każ, mill-atti ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-ebda assigurazzjoni preċiża, inkondizzjonata u konkordanti li ġejja minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni rigward il-kompatibbiltà tal-iskema kontenzjuża ma setgħet tiġi stabbilita.

134. Għandu jiġi osservat ukoll li, kif il-Qorti Ġenerali enfasizzat ġustament fil-punti 274 u 275 tas-sentenza appellata, aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-regolarità ta’ għajnuna mill-Istat ma jistgħux, bħala regola ġenerali, u ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jiġu invokati jekk din l-għajnuna tkun ingħatat skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE. F’dan il-każ, id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni kienet tindika li l-approvazzjoni tal-Kummissjoni kienet tirrigwarda biss għajnuna għal proġetti mibdija wara t-tressiq tat-talba għal għajnuna, u l-għajnuna kontenzjuża, li ma kinitx tosserva din il-kundizzjoni, ma kinitx ingħatat skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE. Għaldaqstant, il-benefiċjarji tal-għajnuna kontenzjuża ma jistgħux jitħallew jinvokaw aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-regolarità ta’ din l-għajnuna.

135. Imbagħad, il-fatt, minn naħa, li l-awtoritajiet nazzjonali allegatament ma bagħtux lill-benefiċjarji tal-għajnuna kontenzjuża kopja sħiħa tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni, u, min-naħa l-oħra, li l-pubblikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ma kinitx issemmi l-kundizzjoni dwar il-preċedenza tat-talba għal għajnuna, ma huwiex rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ dan l-aggravju. Fil-fatt, skont l-Artikolu 20(3) tar-Regolament Nru 659/1999, kull parti interessata tista’ tikseb, billi tagħmel talba, kopja ta’ kull deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-Artikoli 4, 7, 10(3), u 11 ta’ dan ir-regolament.

136. Fl-aħħar nett, l-argument imqajjem mir-Regione autonoma della Sardegna, li l-fatt li x-xogħol inbeda wara n-notifika tal-għajnuna huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji rigward il-kompatibbiltà tal-miżura, huwa, f’kull każ, ineffettiv, għaliex, f’dan il-każ, l-iskema kontenzjuża ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni, kif osservat il-Qorti Ġenerali fil-punt 188 tas-sentenza appellata.

137. Għaldaqstant, l-aggravju bbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi miċħud bħala infondat.

138. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

139. Bis-saħħa tal-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun infondat, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, li sar applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna tal-appellanti u dawn tal-aħħar tilfu fl-aggravji tagħhom, hemm lok li jiġu kkundannati in solidum għall-ispejjeż.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1) L-appelli huma miċħuda.

2) L-appellanti huma kkundannati in solidum għall-ispejjeż.


SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

13 ta’ Ġunju 2013 ( *1 )

“Appell — Għajnuna mill-Istat għal skopijiet reġjonali — Għajnuna favur l-industrija tal-lukandi f’Sardegna — Għajnuna ġdida — Modifika ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti — Deċiżjoni ta’ rettifika — Possibbiltà li tiġi adottata tali deċiżjoni — Regolament (KE) Nru 659/1999 — Artikoli 4(5), 7(6), 10(1), 13(2), 16 u 20(1) — Effett ta’ inċentiv tal-għajnuna — Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawżi magħquda C-630/11 P sa C-633/11 P,

li għandhom bħala suġġett appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fil-21 ta’ Novembru 2011 (C-630/11 P) u fit-30 ta’ Novembru 2011(C-631/11 P sa C-633/11 P),

HGA srl, stabbilita f’Golfo Aranci (l-Italja),

Gimar srl, stabbilita f’Sassari (l-Italja),

Coghene Costruzioni srl, stabbilita f’Alghero (l-Italja),

Camping Pini e Mare di Cogoni Franco & C. Sas, stabbilita f’Quartu Sant’Elena (l-Italja),

Immobiliare 92 srl, stabbilita f’Arzachena (l-Italja),

Gardena srl, stabbilita f’Santa Teresa di Gallura (l-Italja),

Hotel Stella 2000 srl, stabbilita f’Olbia (l-Italja),

Vadis srl, stabbilita f’Valledoria (l-Italja),

Macpep srl, stabbilita f’Sorso (l-Italja),

San Marco srl, stabbilita f’Alghero,

Due lune SpA, stabbilita f’Milano (l-Italja),

Hotel Mistral di Bruno Madeddu & C. Sas, stabbilita f’Alghero,

L’Esagono di Mario Azara & C. Snc, stabbilita f’San Teodoro (l-Italja),

Le Buganville srl, li qabel kienet Le Buganville di Cogoni Giuseppe & C. Snc, stabbilita f’Villasimius (l-Italja),

Le Dune srl, li qabel kienet Le Dune di Stefanelli Vincenzo & C. Snc, stabbilita f’Arbus (l-Italja) (C-630/11 P),

irrappreżentati minn G. Dore, F. Ciulli u A. Vinci, avukati,

Regione autonoma della Sardegna, irrappreżentata minn A. Fantozzi u G. Mameli, avukati (C-631/11 P),

Timsas srl, stabbilita f’Arezzo (l-Italja), irrappreżentata minn D. Dodaro u S. Pinna, avukati (C-632/11 P),

Grand Hotel Abi d’Oru SpA, stabbilita f’Olbia, irrappreżentata minn D. Dodaro u R. Masuri, avukati (C-633/11 P),

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Grespan, C. Urraca Caviedes u G. Conte, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, G. Arestis, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur) u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Frar 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Marzu 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Bl-appelli tagħhom, HGA srl, Gimar srl, Coghene Costruzioni srl, Camping Pini e Mare di Cogoni Franco & C. Sas, Immobiliare 92 srl, Gardena srl, Hotel Stella 2000 srl, Vadis srl, Macpep srl, San Marco srl, Due lune SpA, Hotel Mistral di Bruno Madeddu & C. Sas, L’Esagono di Mario Azara & C. Snc, Le Buganville srl, Le Dune srl (iktar ’il quddiem, flimkien, “HGA”), Regione autonoma della Sardegna, Timsas srl (iktar ’il quddiem, “Timsas”) u Grand Hotel Abi d’Oru SpA (iktar ’il quddiem, “Grand Hotel Abi d’Oru”) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-20 ta’ Settembru 2011, Regione autonoma della Sardegna et vs Il-Kummissjoni (T-394/08, T-408/08, T-453/08 u T-454/08, Ġabra p. II-6255, iktar ’il quddiem, is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din il-qorti ċaħdet ir-rikorsi tagħhom intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/854/KE, tat-2 ta’ Lulju 2008, dwar l-iskema ta’ għajnuna “Liġi reġjonali nru 9 tal-1998 – użu ħażin tal-għajnuna N 272/98” C 1/04 (ex NN 158/03 u CP 15/2003) (ĠU L 302, p. 9), li tiddikjara inkompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna mogħtija illegalment mir-Regione autonoma della Sardegna għall-investimenti inizjali fl-industrija tal-lukandi f’Sardegna u li tordna l-irkupru ta’ din l-għajnuna mill-benefiċjarji tagħha (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999

2

Skont l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), “għajnuna ġdida” hija “kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil [modifika] lill-għajnuna eżistenti”.

3

Skont l-Artikolu 1(g) ta’ dan ir-regolament, “użu ħażin ta’ għajnuna” huwa “għajnuna wżata mill-benefiċjarju f’kontravenzjoni [tad-]deċiżjoni [ta’ approvazzjoni]”.

4

L-Artikolu 4(5), li jinsab fil-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, intitolat “Proċedura dwar għajnuna notifikata”, jipprovdi:

“Id-deċiżjonijiet li saret referenza għalihom fil-paragrafi 2, 3 u 4 [li jittieħdu wara eżami preliminari tal-miżura notifikata] għandhom jittieħdu fi żmien xahrejn. Dak il-perjodu għandu jibda l-għada tar-riċevuta ta’ notifika kompluta. […]”

5

L-Artikolu 7, intitolat “Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni biex tingħalaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali”, li jinsab fl-istess Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, jispeċifika fil-paragrafu 6 tiegħu li l-Kummissjoni “għandha tipprova kemm jista’ jkun tadotta deċiżjoni f’perjodu ta’ 18-il xahar mill-ftuħ tal-proċedura”.

6

L-Artikolu 10, li jinsab fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 88999, intitolat “Proċedura li tirrigwarda għajnuna kontra l-liġi”, jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li, meta l-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha informazzjoni rigward għajnuna allegatament illegali, indipendentement mis-sors tagħha, hija “għandha teżamina dik l-informazzjoni mingħajr dewmien”.

7

Skont l-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament, fil-każ ta’ għajnuna li eventwalment tkun illegali, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta bit-terminu stabbilit, b’mod partikolari, fl-Artikoli 4(5) u 7(6) tal-imsemmi regolament.

8

L-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament jipprovdi, fost l-oħrajn, li l-Artikoli 7, 10 u 13 tiegħu japplikaw mutatis mutandis fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-każ ta’ użu ħażin ta’ għajnuna.

9

L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 659/1999 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Kull parti interessata tista’ tissottometti kummenti skond l-Artikolu 6 w[a]ra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Kull parti interessata li ssottomettiet dawn il-kummenti u kull benefiċjarju ta’ għajnuna individwali għandha tintbgħatilhom kopja tad-deċiżjoni meħudha mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 7.

[...]

3.   Fuq talba tagħha, kull parti interessata għandha tikseb kopja ta’ kull deċiżjoni skond l-Artikoli 4 u 7, l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 11”.

Ir-Regolament (KE) Nru 794/2004

10

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (ĠU L 140, p. 1) jipprovdi li tibdil f’għajnuna eżistenti jfisser, għall-finijiet tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999, kull bidla, għajr il-modifiki ta’ natura purament formali jew amministrattiva, li ma hijiex tali li taffettwa l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq komuni.

Il-linji gwida tal-1998

11

Il-punt 4.2 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Linji ta’ gwida dwar għajnuna nazzjonali reġjonali” (98/C 74/06) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 226, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-1998”) jipprovdi, b’mod partikolari, li “skemi ta’ għajnuna għandhom jistabbilixxu li l-applikazzjoni għall-għajnuna trid tingħata qabel ma jibdew ix-xogħlijiet fuq il-proġetti”.

12

Skont il-punt 6.1 ta’ dawn il-linji gwida, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji stabbiliti fil-punti 6.2 u 6.3 tagħhom, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna għal skopijiet reġjonali mas-suq komuni abbażi ta’ dawn il-linji gwida mill-mument li fih jiġu adottati.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

13

Il-fatti li taw lok għal din il-kawża, kif esposti fil-punti 1 sa 23 tas-sentenza appellata, jistgħu jiġu miġbura fil-qasir kif ġej.

14

Fil-11 ta’ Marzu 1998, ir-Regione autonoma della Sardegna adottat il-Liġi Reġjonali Nru 9 dwar miżuri ta’ inċentiv għar-rinnovazzjoni u għall-adattament tal-istrutturi tal-lukandi u dispożizzjonijiet li jemendaw u jikkompletaw il-Liġi Reġjonali Nru 40 tal-14 ta’ Settembru 1993 (legge regionale no 9, incentivi per la riqualificazione e l’adeguamento delle strutture alberghiere e norme modificative e integrative della legge regionale 14 settembre 1993, no 40, Bollettino ufficiale della Regione Autonoma della Sardegna no 9, tal-21 ta’ Marzu 1998, iktar ’il quddiem, il-“Liġi Nru 9/1998” li daħlet fis-seħħ fil-5 ta’ April 1998.

15

L-Artikolu 2 ta’ din il-liġi kien jistabbilixxi, għall-benefiċċju tal-impriżi tas-settur tal-lukandi stabbiliti f’Sardegna, għajnuna għall-investimenti inizjali fil-forma ta’ sussidji u ta’ self aġevolat kif ukoll ta’ għajnuna operattiva skont ir-regola de minimis (iktar ’il quddiem, l-“iskema ta’ għajnuna inizjali”).

16

Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Mejju 1988, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw il-Liġi Nru 9/1998 lill-Kummissjoni, u impenjaw ruħhom li ma japplikawx din il-liġi qabel l-eventwali approvazzjoni tagħha mill-Kummissjoni.

17

Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Ġunju 1998, l-imsemmija awtoritajiet informaw lill-Kummissjoni, b’risposta għal talba tagħha għal informazzjoni addizzjonali, li d-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inizjali kienu ser jiġu adottati biss wara l-approvazzjoni ta’ din l-iskema, mill-Kummissjoni.

18

Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Settembru 1998, l-awtoritajiet Taljani informaw ukoll lill-Kummissjoni li l-għoti tal-għajnuna prevista mil-Liġi Nru 9/1998 seta’ jirrigwarda biss proġetti li kellhom jitwettqu “ulterjorment” u li din il-kundizzjoni hija kkonfermata fid-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni ta’ din il-liġi.

19

Permezz tad-Deċiżjoni SG(98) D/9547, tat-12 ta’ Novembru 1998, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-iskema ta’ għajnuna “Nru 272/98 – l-Italja – għajnuna favur l-industrija tal-lukandi”, introdotta permezz tal-Liġi Nru 9/1998, kienet kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 92(3)(a) KE (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni ta’ approvazzjoni”.

20

Fid-29 ta’ April 1999, l-Assessore del Turismo, Artigianato e Commercio (Il-Kunsillier għat-Turiżmu, l-Artiġjanat u l-Kummerċ) tar-Regione autonoma della Sardegna adotta d-Digriet Nru 285 li jimplementa l-Liġi Nru 9/1998 (Bollettino ufficiale della Regione Autonoma della Sardegna no 15, tat-8 ta’ Mejju 1999, iktar ’il quddiem, id-“Digriet Nru 285/1999”).

21

L-Artikoli 4 u 5 ta’ dan id-digriet kienu jipprovdu rispettivament li l-għajnuna mogħtija kellha tikkonċerna proġetti li kellhom jitwettqu wara li jitressqu talbiet għal għajnuna u li l-ispejjeż eliġibbli kellhom ikunu sussegwenti għall-imsemmija talbiet. Madankollu, skont l-Artikolu 17 tal-imsemmi digriet, intitolat “Dispożizzjoni Tranżitorja”, fl-istadju tal-ewwel applikazzjoni ta’ dan id-digriet, kienu eliġibbli l-ispejjeż u l-interventi mwettqa jew sostnuti wara l-5 ta’ April 1998, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 9/1998.

22

Fis-27 ta’ Lulju 2000, ir-Regione autonoma della Sardegna adottat id-Deliberazzjoni Nru 33/3 li ħassret id-Digriet Nru 285/1999 minħabba difetti proċedurali li kienu jaffettwaw lil dan tal-aħħar u d-Deliberazzjoni Nru 33/4 li stabbilixxiet dispożizzjonijiet ġodda ta’ implementazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna.

23

Fl-istess jum, ir-Regione autonoma della Sardegna adottat ukoll id-Deliberazzjoni Nru 33/6 li kienet tipprovdi li, sa fejn il-pubblikazzjoni tad-Digriet Nru 285/1999, li kien jinkludi dispożizzjonijiet li ma kinux konformi mad-dritt tal-Unjoni, setgħet ħolqot, fir-rigward tal-benefiċjarji potenzjali ta’ għajnuna, l-aspettattiva li x-xogħlijiet kollha mwettqa wara l-15 ta’ April 1998 kienu ser jiġu kkunsidrati bħala eliġibbli, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, matul l-ewwel applikazzjoni tal-Liġi Nru 9/1998, ix-xogħlijiet imwettqa wara din id-data, sakemm huma kienu s-suġġett ta’ talba għal għajnuna fil-kuntest tal-ewwel stedina annwali biex jitressqu talbiet.

24

Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Novembru 2000, l-awtoritajiet Taljani informaw lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-Liġi Nru 9/1998 u bagħtulha kopja tad-Deliberazzjoni Nru 33/4, mingħajr madankollu ma semmew id-Deliberazzjoni Nru 33/6.

25

B’risposta għal talba għal informazzjoni, permezz ta’ ittra tal-25 ta’ April 2011, li magħha kien hemm mill-ġdid annessa d-Deliberazzjoni Nru 33/4, l-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li l-iskema ta’ għajnuna kif kienet ġiet applikata kienet konformi mal-linji gwida tal-1998.

26

Wara lment dwar użu ħażin tal-iskema ta’ għajnuna inizjali, il-Kummissjoni talbet, fis-26 ta’ Frar 2003, informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtoritajiet Taljani.

27

Fir-risposta tagħhom tat-22 ta’ April 2003, l-awtoritajiet Taljani semmew għall-ewwel darba d-Deliberazzjoni Nru 33/6.

28

B’ittra tat-3 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Taljana bid-deċiżjoni tagħha intitolata “Għajnuna C 1/04 (ex NN 158/03) – Użu ħażin tal-Għajnuna N 272/98 – Reġjun Sardegna – Stedina biex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet skont l-Artikolu 88(2) KE” (ĠU C 79, p. 4, iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”), dwar l-użu ħażin tal-iskema ta’ għajnuna inizjali. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ċċarat li, billi awtorizzaw l-għoti tal-għajnuna għal proġetti ta’ investiment mibdija qabel id-data tat-talba għal għajnuna, l-awtoritajiet Taljani ma kinux osservaw l-obbligu li jinsab fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni, u lanqas il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-linji gwida tal-1998. Minn dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li seta’ kien hemm użu ħażin tal-iskema ta’ għajnuna inizjali, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, u esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mogħtija favur proġetti ta’ investiment mibdija qabel id-data tat-talba għal għajnuna.

29

Wara li ġabret l-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Taljani, kif ukoll dawk ta’ Grand Hotel Abi d’Oru, fit-22 ta’ Novembru 2006 il-Kummissjoni adottat deċiżjoni intitolata “Għajnuna mill-Istat C 1/2004 – Liġi reġjonali Nru 9/98. Rettifika u estensjoni tal-proċedura pendenti C 1/2004 skont l-Artikolu 88(2) KE – Stedina biex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet skont l-Artikolu 88(2) KE” (ĠU 2007, C 32, p. 2, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ rettifika”), rigward ir-rettifika u l-estensjoni tal-proċedura mibdija skont id-deċiżjoni ta’ ftuħ. F’din id-deċiżjoni ta’ rettifika, taħt it-titolu “Raġunijiet għal rettifika u għal estensjoni tal-proċedura”, il-Kummissjoni indikat, b’mod partikolari, li d-Deliberazzjoni Nru 33/6 ma kinitx issemmiet fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, minkejja li kien abbażi ta’ dan id-dokument li, fi 28 każ, kien ġie deċiż li tingħata għajnuna favur proġetti ta’ investiment mibdija qabel id-data tat-talba għal għajnuna, u mhux abbażi tad-Deliberazzjoni Nru 33/5, kif indikat b’mod żbaljat fid-deċiżjoni ta’ ftuħ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li l-kunċett ta’ “użu ħażin ta’ għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 659/1999, li għalih tagħmel riferiment id-deċiżjoni ta’ ftuħ, ikopri sitwazzjonijiet li fihom il-benefiċjarju ta’ għajnuna awtorizzata japplikaha b’mod kuntrarju għall-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni tal-għoti, u mhux is-sitwazzjonijiet li fihom l-Istat Membru, billi jimmodifika skema ta’ għajnuna eżistenti, jistabbilixxi għajnuna ġdida illegali.

30

Fit-2 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni rrilevat, b’mod partikolari, li d-Deliberazzjoni Nru 33/6 introduċiet modifiki għall-miżura nnotifikata, li ma kinux kompatibbli mal-kliem tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni. Din id-deliberazzjoni ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni, bi ksur tal-Artikolu 88(3) KE u tal-obbligu ta’ kooperazzjoni li r-Repubblika Taljana għandha skont l-Artikolu 10 KE. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, l-iskema ta’ għajnuna kif effettivament applikata ma kinitx tosserva d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni u l-proġetti ta’ għajnuna li t-twettiq tagħhom inbeda qabel ma tressqet kull talba għal għajnuna kellhom, għaldaqstant, jitqiesu bħala illegali.

31

Rigward il-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-għajnuna inkwistjoni, il-Kummissjoni qieset, skont id-deċiżjoni kkontestata, li l-għajnuna mill-Istat mogħtija skont il-Liġi Nru 9/1998, applikata b’mod illegali mir-Repubblika Taljana bid-Deliberazzjoni Nru 33/6, kienet inkompatibbli mal-imsemmi suq, sakemm il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jkunx ressaq talba għal-għajnuna abbażi ta’ din l-iskema qabel it-twettiq tax-xogħlijiet marbuta ma’ proġett ta’ investiment inizjali. Skont l-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-deċiżjoni, ir-Repubblika Taljana kellha tgħaddi immedjatament għall-irkupru effettiv mingħand il-benefiċjarji tal-għajnuna inkompatibbli mogħtija skont din l-iskema, u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kellha tkun ikkompletata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika tagħha.

Is-sentenza appellata

32

L-appellanti ppreżentaw quddiem il-Qorti Ġenerali rikorsi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Insostenn tar-rikorsi tagħhom, huma qajmu tlettax-il motiv, u tlieta minnhom kienu jirreferu għal difetti proċedurali u kienu bbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE u tar-Regolament Nru 659/1999, it-tieni nett, fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 297(3) TFUE, u tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999 u, it-tielet nett, fuq nuqqasijiet ta’ motivazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata. L-għaxar motivi l-oħra kienu jirreferu għal difetti sostantivi u kienu bbażati, l-ewwel nett, fuq in-nuqqas ta’ bażi legali tad-deċiżjoni ta’ rettifika, it-tieni nett, fuq użu ħażin ta’ poter waqt l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, it-tielet nett, fuq il-fatt li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ma kinitx issemmi l-kundizzjoni tat-talba minn qabel, ir-raba’ nett, fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tal-għajnuna inkwistjoni bħala illegali, il-ħames nett, fuq l-inapplikabbiltà tal-linji gwida tal-1998, is-sitt nett, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ effett ta’ inċentiv, is-seba’ nett, fuq ksur tal-Artikolu 107(3) KE, it-tmien nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni, id-disa’ nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, u l-għaxar nett, fuq ksur tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna de minimis.

33

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn il-motivi kollha.

34

Il-Qorti Ġenerali eżaminat, fl-ewwel lok, in-natura ġuridika tad-deċiżjoni ta’ rettifika. Wara li kkonstatat, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li t-testi li jirregolaw il-proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ma jipprovdux espressament għal deċiżjoni ta’ rettifika u estensjoni ta’ proċedura pendenti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 71 sa 73 tas-sentenza appellata, dan li ġej:

“71

[H]uwa loġiku, u, iktar u iktar, fl-interess tal-benefiċjarji potenzjali ta’ skema ta’ għajnuna li, fil-każ fejn il-Kummissjoni tinduna, wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li din tal-aħħar hija bbażata fuq fatti inkompleti jew fuq klassifikazzjoni ġuridika żbaljata ta’ dawn il-fatti, hija għandu jkollha l-possibbiltà li tbiddel il-pożizzjoni tagħha, billi tadotta deċiżjoni ta’ rettifika. Fil-fatt, tali deċiżjoni ta’ rettifika, flimkien ma’ stedina ġdida lill-partijiet ikkonċernati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, tippermettilhom jirreaġixxu għall-bidla fl-evalwazzjoni provviżorja, mill-Kummissjoni, tal-miżura inkwistjoni u jsostnu l-punt tagħhom f’dan ir-rigward.

72

Għandu wkoll jiġi rrilevat li l-Kummissjoni setgħet ukoll tagħżel li l-ewwel tadotta deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura mingħajr ebda eżitu, u mbagħad deċiżjoni ġdida ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ibbażata fuq l-evalwazzjoni ġuridika emendata tagħha u li kien ikollha, fis-sustanza, l-istess kontenut tad-deċiżjoni ta’ rettifika. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kunsiderazzjonijiet ta’ ekonomija tal-proċedura u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jindikaw li hija preferibbli l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rettifika meta pparagunata mal-għeluq tal-proċedura u l-ftuħ ta’ proċedura ġdida. Għandu jiġi rrilevat, f’dan il-kuntest, li r-rettifika tas-suġġett tal-proċedura ppermetta lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-deċiżjoni kkontestata, l-osservazzjonijiet ippreżentati minn Grand Hotel Abi d’Oru wara d-deċiżjoni ta’ ftuħ, li ma kienx ikun il-każ li kieku hija għalqet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali sabiex tiftaħ waħda ġdida.

73

Fir-rigward tal-klassifikazzjoni ġuridika ta’ tali deċiżjoni ta’ rettifika, peress li hija tiżdied mad-deċiżjoni ta’ ftuħ sabiex tifforma flimkien magħha deċiżjoni ta’ ftuħ emendata, għandu jiġi kkunsidrat li din taqsam il-kwalità ġuridika tagħha. Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li n-notifika dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali hija intiża biss sabiex tikseb, mingħand il-partijiet interessati, l-informazzjoni kollha intiża sabiex tiggwida lill-Kummissjoni fl-azzjoni futura tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1973, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 70/72, Ġabra p. 813, punt 19; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ottubru 1996, Skibsværftsforeningen et vs Il-Kummissjoni, T-266/94, Ġabra p. II-1399, punt 256).”

35

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ilmenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ osservanza tat-termini previsti mir-Regolament Nru 659/99. Qabel kollox, hija ddeċidiet, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi għal terminu ta’ xahrejn għall-għeluq tal-fażi preliminari ta’ investigazzjoni, li jibda jiddekorri mill-ġurnata ta’ wara dik tar-riċevuta ta’ notifika kompluta, ma kienx applikabbli f’dan il-każ, għaliex l-għajnuna inkwistjoni ma kinitx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni. Imbagħad, fir-rigward tal-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, li jipprovdi li meta l-Kummissjoni jkollha fil-pussess tagħha informazzjoni rigward għajnuna allegatament illegali, indipendentement mis-sors tagħha, hija għandha teżamina dik l-informazzjoni mingħajr dewmien, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 97 sa 100 tas-sentenza appellata, li din id-dispożizzjoni kellha tinftiehem mhux fis-sens li tirreferi għall-għeluq tal-fażi preliminari ta’ investigazzjoni, imma fis-sens li tirreferi għall-bidu tal-investigazzjoni preliminari u li, f’dan il-każ, it-terminu ta’ ftit iktar minn ħdax-il xahar li għadda bejn ir-riċevuta tal-ilment u l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ma kienx eċċessiv. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, li, skont l-Artikoli 13(2) u 16 tar-Regolament Nru 659/1999, fil-każ ta’ għajnuna allegatament illegali bħal fil-każ ta’ għajnuna li allegatament ġiet użata ħażin, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta, b’mod partikolari, bit-terminu stabbilit fl-Artikolu 7(6) ta’ dan l-istess regolament.

36

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv ibbażat fuq ksur tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 254(2) KE (li sar it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(3) TFUE) u tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999, billi osservat, fil-punti 106 u 107 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandhom dejjem bħala destinatarji tagħhom l-Istati Membri kkonċernati, li d-deċiżjoni ta’ rettifika kienet indirizzata esklużivament lir-Repubblika Taljana u mhux lill-benefiċjarji tal-iskema kontenzjuża u li, konsegwentement, l-Artikolu 297(3) KE ma kienx jobbliga lill-Kummissjoni tinnotifika d-deċiżjoni ta’ rettifika lil Grand Hotel Abi d’Oru.

37

Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-motivi bbażati fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tal-għajnuna bħala illegali, minflok bħala għajnuna li ġiet użata ħażin. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 175 u 180 tas-sentenza appellata, li l-għajnuna mogħtija fuq bażi legali sostanzjalment differenti mill-iskema approvata mid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni kellha titqies li hija għajnuna ġdida, fis-sens tal-Artikolu 1(ċ)) tar-Regolament Nru 659/1999. Issa, il-modifika li tirriżulta mid-Deliberazzjoni Nru 33/6 ma tistax titqies li hija waħda minima jew ta’ importanza żgħira, sa fejn, kif jirriżulta mill-punt 4.2 tal-linji gwida tal-1998, il-Kummissjoni regolarment tissuġġetta l-approvazzjoni tagħha ta’ skemi ta’ għajnuna għal skopijiet reġjonali għall-kundizzjoni li t-talba għall-għajnuna għandha neċessarjament tippreċedi l-bidu tat-twettiq tal-proġetti. Din l-għajnuna ġdida għandha, barra minn hekk, tiġi kklassifikata bħala illegali, skont l-Artikolu 1(f) tar-Regolament Nru 659/1999, għaliex il-modifika tal-iskema approvata, li r-Regione autonoma della Sardegna wettqet bl-adozzjoni tad-Deliberazzjoni Nru 33/6, ma kinitx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni.

38

Fil-ħames lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ effett ta’ inċentiv. Wara li enfasizzat, fil-punt 215 tas-sentenza appellata, li l-kriterju tal-preċedenza tat-talba għal għajnuna fir-rigward tal-bidu tat-twettiq tal-proġett ta’ investiment jikkostitwixxi kriterju sempliċi, rilevanti u adegwat li jippermetti lill-Kummissjoni tippreżumi li skema ta’ għajnuna għandha effett ta’ inċentiv, il-Qorti Ġenerali żiedet, fil-punt 226 tas-sentenza appellata, li għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti fl-ewwel istanza wrewx il-kapaċità tal-iskema kkontestata li tiżgura l-effett ta’ inċentiv, anki fin-nuqqas tat-tressiq tat-talba qabel il-bidu tat-twettiq tal-proġett ta’ investiment. Imbagħad, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 227 tas-sentenza appellata, bħala irrilevanti, l-argumenti tar-rikorrenti fl-ewwel istanza relatati mas-sitwazzjoni partikolari jew mal-aġir tal-benefiċjarji, għaliex id-deċiżjoni kkontestata kellha bħala suġġett skema ta’ għajnuna u mhux għajnuna individwali. Fil-punti 231 sa 237 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tar-rikorrenti fl-ewwel istanza li s-sempliċi dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 9/1998 kien jagħti lill-impriżi ċ-ċertezza li jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punti 232 u 233 tas-sentenza appellata, li, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħmel dikjarazzjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna nnotifikata, is-sempliċi fatt li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu adottaw dispożizzjonijiet legali li jipprovdu għall-introduzzjoni ta’ skema ta’ għajnuna ma kienx tali li jagħti ċertezza lill-benefiċjarji potenzjali ta’ din l-iskema li jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna prevista minnha.

39

Fis-sitt lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità u tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni, billi osservat, fil-punt 255 tas-sentenza appellata, li l-għaxar impriżi, imsemmija mir-rikorrenti fl-ewwel istanza u li kienu ressqu talba għal għajnuna fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Digriet Nru 285/1999, li iktar tard tħassar, ma kinux jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, għaliex dawn tal-aħħar ma kienu ressqu l-ebda talba għal għajnuna qabel ma bdew ix-xogħlijiet relatati mal-proġetti ta’ investiment tagħhom, filwaqt li l-għaxar impriżi inkwistjoni kienu effettivament ressqu tali talbiet, minkejja li abbażi ta’ digriet ta’ applikazzjoni li iktar tard tħassar.

40

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. F’dan ir-rigward, hija fakkret qabel kollox, fil-punt 274 tas-sentenza appellata, li aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-regolarità ta’ għajnuna mill-Istat jistgħu, bħala regola ġenerali, u ħlief għal ċirkustanzi eċċezzjonali, jiġu invokati biss jekk din l-għajnuna tkun ingħatat b’osservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE (li sar l-Artikolu 108 TFUE). Fil-fatt, operatur ekonomiku diliġenti għandu, normalment, ikun f’pożizzjoni li jiżgura ruħu li din il-proċedura ġiet osservata. Imbagħad il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 275 tas-sentenza appellata, li, f’dan il-każ, il-benefiċjarji tal-għajnuna kontenzjuża ma jistgħux, bħala regola ġenerali, jitħallew jinvokaw aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-regolarità tal-imsemmija għajnuna, peress li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni kienet tindika b’mod ċar li l-approvazzjoni tal-Kummissjoni kienet tirrigwarda biss għajnuna għal proġetti mibdija wara t-tressiq tat-talba għal għajnuna. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali qieset li l-ebda waħda miċ-ċirkustanzi invokati f’dan il-każ mir-rikorrenti u mill-intervenjenti fl-ewwel istanza ma tista’ titqies li għandha mnejn tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-assigurazzjonijiet u tal-aġir varju tal-awtoritajiet nazzjonali, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 281 tas-sentenza appellata, li l-persuni kkonċernati ma jistgħux jibbażaw l-aspettattivi leġittimi tagħhom fuq l-assigurazzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

41

Bl-appelli tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż (Kawżi C-632/11 P u C-633/11 P).

42

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appelli u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

43

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Marzu 2012, il-Kawżi C-630/11 P sa C-633/11 P ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

Fuq l-appelli

44

Bl-appelli tagħhom, l-appellanti jinvokaw seba’ aggravji, marbuta, l-ewwel nett, mal-illegalità tad-deċiżjoni ta’ rettifika, it-tieni nett, ma’ ksur tal-Artikolu 297 TFUE u tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999, it-tielet nett, man-nuqqas ta’ osservanza tat-termini previsti mir-Regolament Nru 659/1999, ir-raba’ nett, mal-klassifikazzjoni żbaljata tal-għajnuna bħala ġdida u illegali, il-ħames nett, ma’ żball manifest ta’ evalwazzjoni rigward l-eżistenza ta’ effett ta’ inċentiv tal-għajnuna inkwistjoni, is-sitt nett, ma’ ksur tal-prinċipji ta’ imparzjalità kif ukoll tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u, is-seba’ nett, ma’ ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

Fuq l-aggravju bbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ rettifika

L-argumenti tal-partijiet

45

HGA tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet legalment tirrettifika u testendi l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, meta ma teżisti l-ebda bażi legali prevista għal dan il-għan fir-Regolament Nru 659/99. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali naqset, bi ksur tal-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tirrispondi għall-argument li l-Kummissjoni ma tistax tiġi awtorizzata tirrettifika d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura abbażi ta’ dokument, bħalma huwa d-Deliberazzjoni Nru 33/6, li diġà kien fil-pussess tagħha fil-mument tal-ftuħ tal-imsemmija proċedura. Fil-fatt, tali rettifika, jekk titqies li hija legali, għandha tkun ibbażata fuq elementi miksuba wara l-klassifikazzjoni inizjali tal-għajnuna inkwistjoni.

46

Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju huwa inammissibbli, sa fejn l-appellanti jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq eżami ġdid fuq il-mertu tal-argumenti mqajma fl-ewwel istanza. Dan l-aggravju huwa, f’kull każ, infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

47

Meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid fil-kuntest ta’ appell. Fil-fatt, jekk appellant ma jkunx jista’ jibbaża b’dan il-mod l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti diġà użati quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura tal-appell titlef parti mis-sens tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni et, C-465/09 P sa C-470/09 P, punt 79).

48

F’dan il-każ, HGA ppreżentat argumenti ġuridiċi li jikkritikaw b’mod speċifiku l-punti 69 sa 72 tas-sentenza appellata, għaliex il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-Kummissjoni setgħet legalment tadotta deċiżjoni ta’ rettifika.

49

Għaldaqstant l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi eskluża.

50

Rigward il-mertu, fl-ewwel lok, huwa minnu, kif issostni HGA u kif tosserva l-Qorti Ġenerali fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li t-testi li jirregolaw il-proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ma jipprovdux espressament għal deċiżjoni ta’ rettifika u ta’ estensjoni ta’ proċedura pendenti.

51

Madankollu, din il-konstatazzjoni ma jistax ikollha l-effett li tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli twettaq ir-rettifika jew, fejn xieraq, l-estensjoni tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, jekk hija tinduna li d-deċiżjoni inizjali ta’ ftuħ tal-proċedura kienet ibbażata fuq fatti inkompleti jew fuq klassifikazzjoni ġuridika żbaljata ta’ dawn il-fatti. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tqis, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, li kunsiderazzjonijiet ta’ ekonomija tal-proċedura u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jindikaw li hija preferibbli l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rettifika meta pparagunata mal-għeluq tal-proċedura u l-ftuħ, imbagħad, ta’ proċedura ġdida, li kienet twassal, essenzjalment, għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni bl-istess kontenut bħad-deċiżjoni ta’ rettifika.

52

Tali rettifika jew estensjoni ma jistgħux, madankollu, jippreġudikaw id-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati.

53

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, li flimkien mad-deċiżjoni ta’ rettifika kien hemm stedina ġdida lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, permezz ta’ liema setgħu jirreaġixxu għall-modifiki li saru.

54

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bażi legali espliċita għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rettifika ma jistax jintlaqa’.

55

HGA tikkritika, fit-tieni lok, lill-Qorti Ġenerali talli ma rrispondietx għall-argument li l-Kummissjoni ma tistax tiġi awtorizzata tirrettifika d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura abbażi ta’ dokument, bħalma hija d-Deliberazzjoni Nru 33/6, li diġà kien fil-pussess tagħha fil-ftuħ tal-imsemmija proċedura.

56

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni, impost fuq il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u l-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ma jobbligax lil din tal-aħħar tipprovdi osservazzjonijiet li jsegwu, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha mogħtija mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ b’hekk tkun impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma laqgħatx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Schneider Electric, C-440/07 P, Ġabra p. I-6413, punt 135).

57

Fil-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni indikat, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, li deċiżjoni ta’ rettifika tista’ tiġi adottata sabiex tirrimedja kemm għall-fatti inkompleti inizjalment aċċettati kif ukoll għall-klassifikazzjoni ġuridika żbaljata ta’ dawn il-fatti. Barra minn hekk, mill-punt 74 tas-sentenza appellata jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ rettifika inkwistjoni f’dan l-appell kienet intiża sabiex tirrettifika l-evalwazzjoni ġuridika tal-iskema kontenzjuża li tinsab fid-deċiżjoni inizjali ta’ ftuħ, billi tispeċifika li ma kienx hemm użu ħażin ta’ skema approvata, iżda skema illegali.

58

Issa, fil-kuntest speċifiku tal-proċeduri fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, huwa loġiku li l-evalwazzjoni ġuridika inizjalment adottata tista’ tiġi rrettifikata mhux biss wara li jinstab fatt li qabel ma kienx magħruf, kif tammetti HGA, iżda wkoll wara studju iktar dettaljat tal-elementi li diġà huma fil-pussess tal-Kummissjoni.

59

Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali, b’mod impliċitu iżda meħtieġ, ippermettiet lill-appellanti jsiru jafu r-raġunijiet li għalihom hija ma laqgħatx l-argumenti tagħhom u, b’dan il-fatt ukoll, qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi suffiċjenti sabiex tippermettilha teżerċita l-istħarriġ tagħha.

60

Għaldaqstant, l-appellanti ma setgħux jitolbu l-annullament tas-sentenza appellata, li hija, għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, immotivata suffiċjentement.

61

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-aggravju bbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ rettifika għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq l-aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 297 TFUE u tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999

L-argumenti tal-partijiet

62

Grand Hotel Abi d’Oru ssostni, essenzjalment, li kellha tiġi nnotifikata bid-deċiżjoni ta’ rettifika, għaliex din il-parti kienet, wara l-istedina li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, ippreżentat osservazzjonijiet dwar l-iskema kontenzjuża. Barra minn hekk, il-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija vvizzjata b’kontradizzjoni, peress li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 71 u 72 ta’ din is-sentenza, li d-deċiżjoni ta’ rettifika kienet iġġustifikata minħabba l-ħtieġa li jiġi protett l-interess tal-benefiċjarji li jippreżentaw osservazzjonijiet, filwaqt li kkonkludiet, fil-punti 106 u 107 ta’ din l-istess sentenza, li Grand Hotel Abi d’Oru ma kellhiex titqies li hija destinatarja tad-deċiżjoni ta’ rettifika. Billi qieset li kien biżżejjed li d-deċiżjoni ta’ rettifika tiġi nnotifikata biss lill-Istati Membri kif għandu jsir għal deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura, il-Qorti Ġenerali kisret ukoll it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE u l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

63

Il-Kummissjoni tqis li ma teżisti l-ebda kontradizzjoni jew żball ta’ liġi fil-motivazzjoni tas-sentenza appellata għaliex id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandhom bħala destinatarju uniku l-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999 ma għandux jiġi applikat f’dan il-każ.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

64

Il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punti 105 sa 107 tas-sentenza appellata, fl-ewwel lok, li, skont l-Artikolu 254(3) KE [li sar it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2)], id-deċiżjonijiet għandhom jiġu nnotifikati lid-destinatarji tagħhom, fit-tieni lok, li deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandhom dejjem, bħala destinatarji tagħhom, l-Istati Membri kkonċernati u, fit-tielet lok, li d-deċiżjoni ta’ rettifika kienet indirizzata mhux lill-benefiċjarji tal-iskema kontenzjuża, iżda esklużivament lir-Repubblika Taljana. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, li l-Artikolu 254(3) KE ma kienx jobbliga lill-Kummissjoni tinnotifika d-deċiżjoni ta’ rettifika lil Grand Hotel Abi d’Oru.

65

Barra minn hekk, ma teżisti l-ebda kontradizzjoni bejn din il-konklużjoni u dik li tinsab fil-punti 71 u 72 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li d-deċiżjoni ta’ rettifika kienet tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jirreaġixxu għall-modifiki li jsiru fl-evalwazzjoni provviżorja, mill-Kummissjoni, tal-iskema kontenzjuża. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ notifika tad-deċiżjoni ta’ rettifika lill-partijiet interessati ma jipprekludihomx milli jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, għaliex huwa stabbilit li din id-deċiżjoni, li saret bl-istedina lill-imsemmija partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

66

Rigward l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999, huwa manifest li ma huwiex applikabbli f’dan il-każ, kif osservat il-Qorti Ġenerali fil-punti 110 u 111 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, kull parti interessata li tkun ippreżentat osservazzjonijiet wara deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tirċievi kopja tad-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni “skont l-Artikolu 7” ta’ dan ir-regolament. Issa, l-imsemmi Artikolu 7 jirreferi esklużivament għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jagħlqu l-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

67

Għaldaqstant id-deċiżjoni ta’ rettifika ma tistax tiġi kklassifikata bħala “deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 659/1999”.

68

Għalhekk, l-aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 297 TFUE u tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999 għandu jiġi ddikjarat bħala infondat.

Fuq l-aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ osservanza tat-termini previsti mir-Regolament Nru 659/1999

L-argumenti tal-partijiet

69

HGA tikkritika lill-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, li qieset b’mod żbaljat, fil-punti 99 sa 101 tas-sentenza appellata, li t-terminu ta’ xahrejn imsemmi fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/99 japplika biss għall-għajnuna nnotifikata. Peress li r-ratio legis ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tiġi ggarantita n-natura ċerta tal-iskeda tal-proċedura, dan it-terminu għandu japplika wkoll fil-każ li l-proċedura nbdiet fuq ilment.

70

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali injorat ukoll il-portata tal-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li hija l-Kummissjoni li għandha teżamina l-informazzjoni li għandha fil-pussess tagħha informazzjoni mingħajr dewmien. Skont HGA, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod analogu mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 263 TFUE u 265 TFUE, fis-sens li l-Kummissjoni għandha, fil-każ ta’ għajnuna li ma ġietx innotifikata, tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fi żmien xahrejn li jibdew jgħoddu mill-irċevuta tal-informazzjoni rilevanti. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ħadet disa’ xhur, mir-riċevuta tad-Deliberazzjoni Nru 33/6, sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, bi ksur tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 659/99.

71

Fit-tielet lok, l-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 659/99 inkiser ukoll minħabba li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma tlestietx fi tmintax-il xahar, bil-kontra ta’ dak li jipprovdi dan l-artikolu. Fil-fatt, peress li l-proċedura kienet infetħet inizjalment minħabba użu ħażin ta’ għajnuna, huwa applikabbli l-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, li jirreferi għall-imsemmi Artikolu 7. F’kull każ, peress li l-proċedura ħadet erba’ snin u nofs, inqabeż kull terminu raġonevoli.

72

Il-Kummissjoni ssostni li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 659/99 huwa inammissibbli għaliex HGA ma speċifikatx il-punti tas-sentenza appellata li hija tikkritika. F’kull każ, la din id-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 659/1999, u lanqas l-Artikolu 4(5) tiegħu ma japplikaw fil-każ ta’ għajnuna illegali. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament ma hija vvizzjata bl-ebda żball ta’ liġi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

73

Għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni kontra l-ilment ibbażat fuq il-ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 659/1999. Fil-fatt, l-argumenti ġuridiċi li jsostnu b’mod speċifiku dan l-ilment jippermettu li jiġu identifikati l-elementi tas-sentenza appellata msemmija minn HGA fl-appell tagħha.

74

Rigward il-mertu, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li mill-kliem tal-Artikoli 4(5), u 7(6) tar-Regolament Nru 659/1999 jirriżulta mingħajr ekwivoku li huma japplikaw biss fil-każ ta’ għajnuna nnotifikata. Barra minn hekk, l-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi b’mod espliċitu li, fil-każ ta’ eventwali għajnuna illegali, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta bit-termini stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 4(5) u 7(6) tal-imsemmi regolament.

75

Din il-konklużjoni tirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li, fin-nuqqas ta’ notifika tal-iskema kontenzjuża, il-Kummissjoni ma hijiex suġġetta għar-regola tat-terminu ta’ eżami ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999 (sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il-Kummissjoni, C-471/09 P sa C-473/09 P, punt 129).

76

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 96 u 101 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta bit-termini stabbiliti fl-Artikoli 4(5) u 7(6) tar-Regolament Nru 659/1999, għaliex l-iskema kontenzjuża ma kinitx ġiet innotifikata.

77

Lanqas ma wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, li, fil-każ ta’ użu ħażin ta’ għajnuna, l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 659/1999 japplika, mutatis mutandis, kif jirriżulta mill-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament.

78

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 659/1999, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, meta l-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha informazzjoni dwar għajnuna allegatament illegali, indipendentement mis-sors tagħha, hija għandha teżamina din l-informazzjoni mingħajr dewmien.

79

Madankollu dan ir-rekwiżit ma jistax jiġi interpretat, kif tissuġġerixxi HGA billi tistrieħ fuq allegata analoġija mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 263 TFUE u 265 TFUE, fis-sens li jimponi fuq il-Kummissjoni obbligu li tagħlaq l-eżami tagħha ta’ għajnuna allegatament illegali fi żmien xahrejn. Biżżejjed isir riferiment, f’dan ir-rigward, għall-punti 74 sa 76 ta’ din is-sentenza.

80

F’dak li jikkonċerna l-argument li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 659/1999 inkiser minħabba li l-Kummissjoni ħalliet disa’ xhur jgħaddu bejn il-mument li fih ir-Regione autonoma della Sardegna bagħtet id-Deliberazzjoni Nru 33/6 u d-deċiżjoni ta’ ftuħ, meta l-imsemmi Artikolu 10(1) jobbliga lill-Kummissjoni teżamina l-informazzjoni fil-pussess tagħha mingħajr dewmien, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 97 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament għandu jinftiehem mhux fis-sens li jirreferi għall-għeluq tal-fażi preliminari ta’ investigazzjoni, imma li jirreferi għall-bidu tal-investigazzjoni preliminari. Għaldaqstant, il-fatt li għadda l-imsemmi żmien ma jimplikax, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja, li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li tibda l-eżami tal-fajl mingħajr dewmien, kif mitlub mill-imsemmi Artikolu 10(1).

81

Madankollu għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha taġixxi fi żmien raġonevoli fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat u li ma hijiex awtorizzata tippersisti fin-nuqqas ta’ azzjoni matul il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni (ara s-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 129 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82

Għandu jingħad ukoll li n-natura raġonevoli tat-tul ta’ żmien tal-proċedura għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, bħalma huma l-kumplessità tal-kawża u l-aġir tal-partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, C-403/04 P u C-405/04 P, Ġabra p. I-729, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

Il-perijodu ta’ ftit iktar minn ħdax-il xahar li għadda f’dan il-każ bejn ir-riċevuta tal-ilment u l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ma jistax jitqies li huwa eċċessiv f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, li, minbarra dan, kienu kkaratterizzati bil-mogħdija taż-żmien meħtieġ sabiex jiġi pprovdut it-tagħrif addizzjonali, kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 100 tas-sentenza appellata.

84

Fir-rigward, fit-tielet u l-aħħar lok, tal-perijodu ta’ żmien allegatament mhux raġonevoli tal-proċedura amministrattiva, meħuda b’mod ġenerali, jiġifieri iktar minn erba’ snin u nofs li jibdew jgħoddu mid-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 162 tas-sentenza appellata, li, minkejja li l-perijodu ta’ żmien tal-proċedura ta’ investigazzjoni jista’ jidher twil f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta bit-terminu ta’ tmintax-il xahar stabbilit fl-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 659/1999.

85

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ osservanza tat-termini previsti mir-Regolament Nru 659/1999 għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq l-aggravju bbażat fuq klassifikazzjoni żbaljata tal-għajnuna bħala ġdida u, għaldaqstant, illegali

L-argumenti tal-partijiet

86

HGA tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kklassifikat, fil-punti 175 sa 180 tas-sentenza appellata, l-iskema kontenzjuża bħala għajnuna ġdida u illegali, minflok bħala għajnuna eżistenti. Fil-fatt, peress li l-Liġi Nru 9/1998 ma kinitx tipprekludi l-għoti ta’ għajnuna lill-impriżi li jkunu bdew ix-xogħlijiet tagħhom qabel it-tressiq tat-talba għal għajnuna, id-Deliberazzjoni Nru 33/6 ma bidlitx din l-għajnuna u, a fortiori, mhux b’mod sinjifikattiv.

87

Skont il-Kummissjoni, dan l-aggravju huwa inammissibbli, sa fejn HGA stiednet lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel evalwazzjoni ġdida tal-kuntest fattwali, li ma tistax tagħmel f’appell. Mill-inqas, l-imsemmi aggravju huwa ineffettiv, għaliex il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 186 tas-sentenza appellata, li d-dispożizzjoni li tirrendi illegali u mhux kompatibbli mas-suq komuni l-iskema kontenzjuża ma tinsabx fil-Liġi Nru 9/1998. F’kull każ, dan l-aggravju huwa infondat, għaliex id-Deliberazzjoni Nru 33/6 wettqet modifika sinjifikattiva fl-iskema ta’ għajnuna eżistenti, u b’hekk stabbilixxiet skema ġdida ta’ għajnuna illegali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

88

Skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konklużjonijiet legali li ddeduċiet minnha l-Qorti Ġenerali (ara s-sentenzi tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, C-551/03 P, Ġabra p. I-3173, punt 51, u tat-22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni, C-266/06 P, punt 72).

89

HGA tikkritika, essenzjalment, il-klassifikazzjoni ġuridika li tat il-Qorti Ġenerali meta qieset l-iskema kontenzjuża bħala għajnuna ġdida u illegali. Dan l-aggravju huwa, għaldaqstant, ammissibbli.

90

Skont l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999, għajnuna ġdida hija “kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil [modifika] lill-għajnuna eżistenti”. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004 jiddeskrivi bħala modifika ta’ għajnuna eżistenti, għall-finijiet tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999, kull modifika, għajr il-modifiki ta’ natura purament formali jew amministrattiva, li ma hijiex tali li taffettwa l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq komuni.

91

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 178 u 179 tas-sentenza appellata, li l-modifika tal-iskema ta’ għajnuna introdotta bid-Deliberazzjoni Nru 33/6 ma kinitx waħda minima jew ta’ importanza żgħira u li, għaldaqstant, l-iskema kontenzjuża kellha tiġi kklassifikata bħala għajnuna ġdida, fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999, u mhux bħala għajnuna eżistenti.

92

L-argument li d-Deliberazzjoni Nru 33/6 ma kinitx tintroduċi modifika fl-iskema stabbilita permezz tal-Liġi Nru 9/1998 jew, f’kull każ, din il-modifika ma kinitx sinjifikattiva, u ma tistax, għaldaqstant, tkun suffiċjenti sabiex l-għajnuna kontenzjuża tiġi kklassifikata bħala għajnuna ġdida, ma jistax jintlaqa’.

93

Fil-fatt, l-ewwel nett, HGA ma tistax tallega li l-adozzjoni tad-Deliberazzjoni Nru 33/6, li tawtorizza t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti proġetti li nbdew qabel ma tressqet it-talba għall-għajnuna, ma mmodifikatx l-iskema stabbilita permezz tal-Liġi Nru 9/1998. Fil-fatt, minn naħa, din il-liġi ma ssemmi xejn dwar iż-żmien li fih titressaq it-talba għal għajnuna meta pparagunat maż-żmien li fih jinbdew ix-xogħlijiet, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 186 tas-sentenza appellata. Min-naħa l-oħra, kif ġie osservat fil-punt 5 tas-sentenza appellata, l-awtoritajiet Taljani informaw lill-Kummissjoni li l-għoti tal-għajnuna prevista minn din il-liġi jista’ jikkonċerna biss proġetti li kellhom jitwettqu “ulterjorment” u li din il-kundizzjoni hija kkonfermata fid-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni ta’ din il-liġi.

94

It-tieni nett, din il-modifika ma tistax tiġi kklassifikata bħala waħda ta’ natura purament formali jew amministrattiva, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004, għaliex hija setgħet tinfluwenza l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq intern. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, f’dan ir-rigward, fil-punt 178 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni semmiet b’mod espliċitu l-kundizzjoni li t-talba għal għajnuna għandha neċessarjament issir qabel il-bidu tal-eżekuzzjoni tal-proġetti ta’ investiment, kundizzjoni li għaliha l-Kummissjoni tissuġġetta regolarment l-approvazzjoni tagħha għal skemi ta’ għajnuna għal skopijiet reġjonali, kif jirriżulta mill-punt 4.2 tal-linji gwida tal-1998.

95

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta kklassifikat l-għajnuna kontenzjuża bħala ġdida u illegali. Għalhekk, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq l-aggravju bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ effett ta’ inċentiv

L-argumenti tal-partijiet

96

HGA u r-Regione autonoma della Sardegna jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, talli wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-kriterju dwar it-tressiq tat-talba għal għajnuna qabel il-bidu tax-xogħlijiet kien jikkostitwixxi preżunzjoni inkonfutabbli tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna. Dan il-kriterju, li jiffavorixxi approċċ purament formalista, jirriżulta minn att ta’ “soft law”, mingħajr effetti ġuridiċi vinkolanti. B’dan il-mod il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 226 tas-sentenza appellata, l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi l-oħra tal-każ.

97

HGA u r-Regione autonoma della Sardegna jikkritikaw, it-tieni nett, il-punti 232 u 233 tas-sentenza appellata, li jipprovdu li hija biss skema ta’ għajnuna ddikjarata kompatibbli mill-Kummissjoni li jista’ jkollha effett ta’ inċentiv. Skont dawn l-appellanti, mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 2002, Graphischer Maschinenbau GmbH vs Il-Kummissjoni (T-126/99, Ġabra p. II-2427) jirriżulta li skema ta’ għajnuna mhux innotifikata jista’ wkoll ikollha effett ta’ inċentiv.

98

It-tielet nett, l-appellanti kollha jqisu li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex raġun tiċħad ir-rilevanza ta’ serje ta’ ċirkustanzi li juru li l-appellanti kienu ġew inkoraġġuti jibdew ix-xogħlijiet inkwistjoni, jiġifieri:

iċ-ċertezza ta’ ksib tal-għajnuna inkwistjoni, fid-dawl tal-fatt li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha previsti mil-Liġi Nru 9/1998;

il-fatt li r-Regione autonoma della Sardegna taqa’ taħt ir-reġjuni msemmija fl-Artikolu 107(3)(a) TFUE;

il-fatt li bbenefikaw minn skema ta’ għajnuna preċedenti, simili għall-iskema kontenzjuża; u

il-fatt li rrinunzjaw li jitolbu diversi għajnuniet sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna inkwistjoni.

99

Ir-raba’ nett, ir-Regione autonoma della Sardegna tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli naqset milli tiddikjara ruħha fuq l-argument li kien impossibbli, fuq livell kronoloġiku, li jittieħed inkunsiderazzjoni r-rekwiżit li x-xogħlijiet jinbdew qabel it-tressiq tat-talba, peress li dan ir-rekwiżit ġie introdott għall-ewwel darba fil-linji gwida tal-1998.

100

Il-ħames nett, Grand Hotel Abi d’Oru u Timsas jikkritikaw il-punti 226 sa 228 tas-sentenza appellata, li ma humiex immotivati jew, mill-inqas ma humiex immotivati suffiċjentement, jew saħansitra b’mod kontradittorju. Fil-fatt, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ u, b’mod partikolari, il-fatt li bbenefikaw minn skema ta’ għajnuna preċedenti, simili għall-iskema kontenzjuża, jindikaw mhux li l-għajnuna kellha effett ta’ inċentiv fuq dawn l-appellanti, iżda li l-iskema ta’ għajnuna fit-totalità tagħha kellha tali effett.

101

Il-Kummissjoni tirribatti li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-applikabbiltà tal-linji gwida tal-1998 għall-iskemi ta’ għajnuna li ma jkunux ġew innotifikati, inkluż meta dawn l-iskemi jkunu ġew implementati qabel l-adozzjoni ta’ dawn il-linji gwida. Din l-istituzzjoni ssostni, barra minn hekk, li l-linji gwida tal-1998 ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta’ Marzu 1998, jiġifieri jum qabel l-adozzjoni tal-Liġi Nru 9/98 u kważi xahar qabel id-dħul tagħha fis-seħħ. Għaldaqstant kienu perfettament aċċessibbli għall-benefiċjarji tal-iskema kontenzjuża.

102

Minbarra dan, il-fatt li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna, speċifikati fil-Liġi Nru 9/1998, ma jagħti l-ebda ċertezza rigward l-għoti ta’ din l-għajnuna sakemm il-Kummissjoni ma tkunx approvatha. Għalhekk, minkejja li r-Regione autonoma della Sardegna hija entità li tista’, bħala regola ġenerali, tibbenefika minn għajnuna għal skopijiet reġjonali, jibqa’ l-fatt li kull għajnuna mogħtija lil dan ir-reġjun ma tistax neċessarjament tiġi kklassifikata bħala kompatibbli mas-suq intern. F’kull każ, fil-punti 232 u 233 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement irrispondiet għal argument tal-appellanti, li kien jgħid li s-sempliċi dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 9/1998 kien jagħti lill-impriżi ċ-ċertezza li jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna kontenzjuża.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

103

L-Artikolu 107(3)(a) TFUE jipprovdi li l-għajnuna intiża sabiex tiffavorixxi l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni fejn il-livell tal-ħajja huwa baxx b’mod anormali jew fejn ikun hemm stat serju ta’ nuqqas ta’ impjieg, jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq intern.

104

B’dan il-mod, il-Kummissjoni għandha d-dritt tirrifjuta l-għoti ta’ għajnuna meta din ma tħajjarx lill-impriżi benefiċjarji jadottaw aġir tali li jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet imsemmija mill-imsemmi Artikolu 107(3) TFUE. Għalhekk tali għajnuna għandha tkun neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti minn din id-dispożizzjoni b’tali mod li, mingħajrha, il-kundizzjonijiet normali tas-suq ma jippermettux, minnhom infushom, li l-impriżi benefiċjarji jadottaw aġir tali li jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris Holland vs Il-Kummissjoni, 730/79, Ġabra p. 2671, punti 16 u 17). Fil-fatt, għajnuna li ttejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża benefiċjarja mingħajr ma tkun neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti fl-Artikolu 107(3) TFUE ma tistax titqies li hija kompatibbli mas-suq intern (ara s-sentenza tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C-390/06, Ġabra p. I-2577, punt 68).

105

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, fil-kuntest tal-Artikolu 107(3)(a) TFUE, l-għajnuna proposta għandha, sabiex tkun kompatibbli mas-suq intern, tkun neċessarja għall-iżvilupp tar-reġjuni żvantaġġati. Għal dan il-għan, għandu jiġi pprovat li, fl-assenza tal-għajnuna proposta, l-investiment intiż sabiex isostni l-iżvilupp tar-reġjun ikkonċernat ma jsirx. Min-naħa l-oħra, jekk jirriżulta li dan l-investiment isir anki fl-assenza tal-għajnuna proposta, ikollu jiġi konkluż li din tal-aħħar ikollha l-effett uniku li ttejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriżi benefiċjarji, mingħajr madankollu ma tissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 107(3)(a) TFUE, jiġifieri li tkun neċessarja għall-għanijiet tal-iżvilupp tar-reġjuni żvantaġġati.

106

F’dak li jirrigwarda l-kriterji li fid-dawl tagħhom għandha tiġi evalwata n-natura neċessarja ta’ għajnuna għal skopijiet reġjonali, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 215 tas-sentenza appellata, li l-preċedenza tat-talba għal għajnuna meta mqabbla mal-bidu tal-eżekuzzjoni tal-proġett ta’ investiment tikkostitwixxi kriterju sempliċi, rilevanti u xieraq li jippermetti lill-Kummissjoni tippreżumi n-natura neċessarja tal-għajnuna proposta.

107

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ dan l-appell.

108

Barra minn hekk, fil-punt 226 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li kellu jiġi eżaminat jekk l-appellanti stabbilixxewx l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jistgħu juru n-natura neċessarja tal-iskema kontenzjuża, anki fin-nuqqas tat-tressiq ta’ talba għal għajnuna qabel il-bidu tal-eżekuzzjoni tal-proġetti inkwistjoni.

109

Għaldaqstant, fl-ewwel lok, l-ilment li l-Qorti Ġenerali stabbilixxiet il-kriterju tal-preċedenza tat-talba għal għajnuna bħala preżunzjoni inkonfutabbli għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura neċessarja tal-għajnuna jirriżulta minn qari manifestament żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ammettiet b’mod espliċitu li l-imsemmija natura neċessarja tista’ tiġi pprovata abbażi ta’ kriterji oħra għajr il-kriterju msemmi hawn fuq.

110

Għal din l-istess raġuni, il-kritiki rigward in-natura formalista tal-imsemmi kriterju u n-nuqqas ta’ effetti ġuridiċi vinkolanti ta’ att ta’ “soft law” bħal-linji gwida ma humiex effettivi.

111

Fir-rigward, fit-tieni lok, taċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 97 ta’ din is-sentenza, li, skont l-appellanti, jistgħu jipprovaw li l-iskema kontenzjuża kellha rwol ta’ inċentiv għall-proġetti li huma wettqu, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, l-argument li r-Regione autonoma della Sardegna taqa’ taħt ir-reġjuni msemmija fl-Artikolu 107(3)(a) TFUE.

112

Minkejja li huwa minnu li din iċ-ċirkustanza hija kundizzjoni indispensabbli sabiex id-deroga tal-Artikolu 107(3)(a) TFUE tkun tista’ tiġi applikata, jibqa’ l-fatt li l-imsemmija ċirkustanza ma timplikax, kif issostni l-Kummissjoni, li kull proġett ta’ għajnuna li jista’ jitwettaq fl-imsemmi reġjun għandu neċessarjament jitqies li huwa meħtieġ għall-iżvilupp tiegħu. Għaldaqstant, tali ċirkustanza ma tistax, minnha nfisha, tikklassifika l-iskema kontenzjuża bħala neċessarja għall-iżvilupp ta’ dan ir-reġjun.

113

It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda ċ-ċirkustanzi, invokati mill-appellanti kollha u relatati mal-fatt li bbenefikaw minn skema ta’ għajnuna preċedenti, simili għall-iskema kontenzjuża, kif ukoll mal-fatt li rrinunzjaw li jitolbu diversi għajnuniet sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna inkwistjoni, għandu jitfakkar, kif għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 227 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kkontestata kellha bħala suġġett mhux għajnuna individwali, iżda skema ta’ għajnuna. Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tevalwa ċ-ċirkustanzi partikolari tal-benefiċjarji individwali tal-iskema kontenzjuża. Għaldaqstant, hija ċaħdet bħala irrilevanti l-argumenti marbuta mas-sitwazzjoni partikolari jew mal-aġir tal-benefiċjarji tal-għajnuna.

114

B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ sempliċement tistudja l-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni sabiex tevalwa, fil-motivi tad-deċiżjoni, jekk din l-iskema għandhiex natura neċessarja għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 107(3)(a) TFUE. Għalhekk, il-Kummissjoni, f’deċiżjoni li tirrigwarda tali skema, ma hijiex marbuta twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’kull każ individwali abbażi ta’ tali skema. Huwa biss fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna li jkun meħtieġ tiġi vverifikata s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża (ara s-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” vs Il-Kummissjoni, C-71/09 P, C-73/09 P u C-76/09 P, Ġabra p. I-4727, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115

Iċ-ċirkustanzi li fihom ċerti benefiċjarji, minn naħa, ibbenefikaw minn skema ta’ għajnuna preċedenti, simili għall-iskema kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, irrinunzjaw li jitolbu diversi għajnuniet sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna inkwistjoni, huma marbuta mas-sitwazzjoni partikolari ta’ xi wħud mill-benefiċjarji u mhux mal-karatteristiċi ġenerali tal-iskema kontenzjuża. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset dawn iċ-ċirkustanzi bħala irrilevanti għall-evalwazzjoni tan-natura neċessarja ta’ skema ta’ għajnuna.

116

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-argument li d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 9/1998, minnu nnifsu, ħajjar lill-appellanti jagħmlu l-investimenti inkwistjoni, peress li huma kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet bażiċi kollha previsti minn din il-liġi sabiex tinkiseb l-għajnuna, biżżejjed jiġi osservat li l-kuntest ġuridiku li stabbilixxa l-iskema kontenzjuża ma huwiex limitat għal-Liġi Nru 9/1998 iżda ġie kkompletat, qabel kollox, bid-Digriet Nru 285/1999 u, imbagħad, bid-Deliberazzjonijiet Nru 33/3, Nru 33/4 u Nru 33/6, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

117

Dawn iż-żidiet mal-kuntest ġuridiku rigward l-iskema kontenzjuża huma ta’ importanza partikolari f’dan il-każ. Fil-fatt, minn naħa, mill-punt 169 tas-sentenza appellata jirriżulta li r-Regione autonoma della Sardegna qatt ma ċaħdet, la fil-korrispondenza tagħha mal-Kummissjoni u lanqas quddiem il-Qorti Ġenerali, li impenjat ruħha li tagħti l-għajnuna biss għal proġetti mibdija qabel it-tressiq tat-talba għal għajnuna. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Taljani żguraw lill-Kummissjoni, kif ġie kkonstatat fil-punt 5 tas-sentenza appellata, li l-iskema kontenzjuża kienet tikkonċerna biss proġetti li kellhom jitwettqu “ulterjorment” u li din il-kundizzjoni hija kkonfermata fid-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-Liġi Nru 9/1998.

118

Min-naħa l-oħra, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 235 tas-sentenza appellata, l-ammissibbiltà tal-proġetti ta’ investiment inkwistjoni bl-ebda mod ma kienet tirriżulta mill-iskema previsti mill-imsemmija liġi.

119

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tiċħad, fil-punt 236 tas-sentenza appellata, l-argument marbut mad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 9/1998.

120

Fir-rigward, fir-raba’ lok, tal-argument li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-allegata impossibbiltà, għall-awtoritajiet Taljani u għall-benefiċjarji tal-għajnuna, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-linji gwida tal-1998, biżżejjed isir riferiment għall-punt 186 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-dispożizzjoni li tivvizzja l-iskema kontenzjuża b’natura illegali u inkompatibbli mas-suq intern kienet tinsab mhux fil-Liġi Nru 9/1998, iżda fid-Deliberazzjoni Nru 33/6, u l-adozzjoni ta’ din seħħet b’mod ċar wara d-data tal-applikazzjoni sħiħa tal-linji gwida tal-1998.

121

F’dak li jirrigwarda, fil-ħames lok, l-ilmenti mqajma minn Grand Hotel Abi d’Oru kif ukoll minn Timsas u riprodotti fil-punt 100 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi osservat li r-risposta tal-Qorti Ġenerali, esposta fil-punti 226 sa 228 tas-sentenza appellata u hekk kif tirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 113 sa 115 ta’ din is-sentenza, ma hijiex ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, u lanqas b’motivazzjoni insuffiċjenti jew kontradittorja.

122

Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-kritiki espressi minn HGA u mir-Regione autonoma della Sardegna, li l-punti 232 u 233 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żball ta’ liġi, għandu jiġi kkonstatat li dawn huma ineffettivi, għaliex ma jistgħux iwasslu għall-annullament tas-sentenza appellata, peress li din tal-aħħar hija suffiċjentement fondata fuq il-motivi riprodotti fil-punti 111 sa 121 ta’ din is-sentenza.

123

Għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment ineffettiv, għaliex, f’kull każ, id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni kienet tipprekludi li tingħata għajnuna meta t-talba għal għajnuna tkun tressqet wara l-bidu tax-xogħlijiet.

Fuq l-aggravju bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ imparzjalità u tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni

L-argumenti tal-partijiet

124

HGA tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kisret il-prinċipji ta’ imparzjalità u tal-protezzjoni u tal-kompetizzjoni, billi ma qisitx li l-appellanti kellhom jibbenefikaw mill-istess trattament bħall-għaxar impriżi li kienu ressqu t-talbiet tagħhom qabel il-bidu tax-xogħlijiet, iżda wkoll qabel l-adozzjoni tad-Deliberazzjonijiet Nru 33/4 u Nru 33/6.

125

Il-Kummissjoni tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra dan l-aggravju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

126

Mill-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar, jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li qed jintalab li tiġi annullata kif ukoll l-argumenti ġuridiċi li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba (sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 78).

127

F’dan il-każ, HGA sempliċement irriproduċiet l-argumenti li kienet ippreżentat fl-ewwel istanza mingħajr ma identifikat b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza appellata u r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-imsemmija argumenti.

128

Għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

Fuq l-aggravju bbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

L-argumenti tal-partijiet

129

HGA tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli qieset, fil-punti 274, 275 u 281 tas-sentenza appellata, li l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji kienu esklużi minħabba l-fatt li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni kienet titlob b’mod espliċitu li t-talba għal għajnuna tiġi ppreżentata qabel il-bidu tax-xogħlijiet. Il-parti l-kbira tal-appellanti kienu jafu biss bil-fatt li l-Liġi Nru 9/1998 kienet ġiet innotifikata lill-Kummissjoni u li din tal-aħħar kienet approvatha. Fil-fatt, ir-Regione autonoma della Sardegna ma kinitx informathom bil-kundizzjoni ta’ tressiq minn qabel tat-talba għal għajnuna u tathom kopja tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni fejn din il-kundizzjoni ma kinitx inkluża. Minbarra dan, il-pubblikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ma semmietx din il-kundizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-garanziji li ngħataw mill-awtoritajiet nazzjonali kienu tali li jnisslu aspettattivi leġittimi fl-appellanti.

130

Ir-Regione autonoma della Sardegna żżid li l-benefiċjarji seta’ jkollhom aspettattivi leġittimi rigward il-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern, għaliex huma bdew ix-xogħlijiet biss wara n-notifika lill-Kummissjoni tal-għajnuna inkwistjoni. L-aspettattivi leġittimi tagħhom huma esklużi biss fil-każ li din l-għajnuna ma tkunx ġiet innotifikata, u dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

131

Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju jirriżulta minn qari parzjali u żbaljat tas-sentenza appellata, għaliex l-iskema li tirriżulta mil-Liġi Nru 9/1998, kif immodifikata bid-Deliberazzjoni Nru 33/6, qatt ma ġiet innotifikata. Barra minn hekk, din l-istituzzjoni ma pprovdiet l-ebda assigurazzjoni dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-imsemmija skema.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

132

Il-Qorti Ġenerali osservat ġustament, fil-punt 273 tas-sentenza appellata, li d-dritt li wieħed jibbaża ruħu fuq il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi jippreżumi li assigurazzjonijiet preċiżi, inkondizzjonati u konkordanti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, ikunu ngħataw lill-persuna kkonċernata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan id-dritt huwa miftuħ għal kull individwu li għandu tamiet fondati mnissla minn istituzzjoni, korp, jew organu tal-Unjoni, billi tawh assigurazzjonijiet preċiżi. Informazzjoni preċiża, inkondizzjonata u konkordanti tikkostitwixxi assigurazzjonijiet bħal dawn, tkun xi tkun il-forma li fiha tiġi kkomunikata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Kahla Thüringen Porzellan vs Il-Kummissjoni, C-537/08 P, Ġabra p. I-12917, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

133

F’dan il-każ, mill-atti ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-ebda assigurazzjoni preċiża, inkondizzjonata u konkordanti li ġejja minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni rigward il-kompatibbiltà tal-iskema kontenzjuża ma setgħet tiġi stabbilita.

134

Għandu jiġi osservat ukoll li, kif il-Qorti Ġenerali enfasizzat ġustament fil-punti 274 u 275 tas-sentenza appellata, aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-regolarità ta’ għajnuna mill-Istat ma jistgħux, bħala regola ġenerali, u ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jiġu invokati jekk din l-għajnuna tkun ingħatat skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE. F’dan il-każ, id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni kienet tindika li l-approvazzjoni tal-Kummissjoni kienet tirrigwarda biss għajnuna għal proġetti mibdija wara t-tressiq tat-talba għal għajnuna, u l-għajnuna kontenzjuża, li ma kinitx tosserva din il-kundizzjoni, ma kinitx ingħatat skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE. Għaldaqstant, il-benefiċjarji tal-għajnuna kontenzjuża ma jistgħux jitħallew jinvokaw aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-regolarità ta’ din l-għajnuna.

135

Imbagħad, il-fatt, minn naħa, li l-awtoritajiet nazzjonali allegatament ma bagħtux lill-benefiċjarji tal-għajnuna kontenzjuża kopja sħiħa tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni, u, min-naħa l-oħra, li l-pubblikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ma kinitx issemmi l-kundizzjoni dwar il-preċedenza tat-talba għal għajnuna, ma huwiex rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ dan l-aggravju. Fil-fatt, skont l-Artikolu 20(3) tar-Regolament Nru 659/1999, kull parti interessata tista’ tikseb, billi tagħmel talba, kopja ta’ kull deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-Artikoli 4, 7, 10(3), u 11 ta’ dan ir-regolament.

136

Fl-aħħar nett, l-argument imqajjem mir-Regione autonoma della Sardegna, li l-fatt li x-xogħol inbeda wara n-notifika tal-għajnuna huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji rigward il-kompatibbiltà tal-miżura, huwa, f’kull każ, ineffettiv, għaliex, f’dan il-każ, l-iskema kontenzjuża ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni, kif osservat il-Qorti Ġenerali fil-punt 188 tas-sentenza appellata.

137

Għaldaqstant, l-aggravju bbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi miċħud bħala infondat.

138

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

139

Bis-saħħa tal-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun infondat, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, li sar applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna tal-appellanti u dawn tal-aħħar tilfu fl-aggravji tagħhom, hemm lok li jiġu kkundannati in solidum għall-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appelli huma miċħuda.

 

2)

L-appellanti huma kkundannati in solidum għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.