SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

6 ta’ Ġunju 2013 ( *1 )

“Regolament (KE) Nru 343/2003 — Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli — Minuri mhux akkumpanjat — Applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati f’żewġ Stati Membri suċċessivament — Assenza ta’ membru tal-familja tal-minuri fit-territorju tal-Istat Membru — It-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 343/2003 — Trasferiment tal-minuri lejn Stat Membru fejn dan ippreżenta l-ewwel applikazzjoni tiegħu — Kompatibbiltà — L-aħjar interess tat-tfal — Artikolu 24(2) tal-Karta”

Fil-Kawża C-648/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Diċembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Diċembru 2011, fil-proċedura

The Queen, fuq it-talba ta’:

MA,

BT,

DA

vs

Secretary of State for the Home Department,

fil-preżenza ta’:

The AIRE Centre (Advice on Individual Rights in Europe) (UK),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, viċi-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tar-Raba’ Awla, U. Lõhmus, M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Novembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal MA u BT, minn S. Knafler, QC, K. Cronin, barrister, u L. Barratt, solicitor,

għal DA, minn S. Knafler, QC, B. Poynor, barrister, u D. Sheahan, solicitor,

għal The AIRE Centre (Advice on Individual Rights in Europe) (UK), minn D. Das, solicitor, R. Hussain, QC, u C. Meredith, barrister,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Murrell, bħala aġent, assistita minn S. Lee, barrister,

għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne, bħala aġent,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn M. Michelogiannaki, bħala aġent,

għall-Gvern Ungeriż, minn K. Szíjjártó, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels, M. Noort u C. Schillemans, bħala aġenti,

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, bħala aġent,

għall-Gvern Svizzeru, minn O. Kjelsen, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Frar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn MA, BT u DA, tliet minuri ċittadini ta’ pajjiżi terzi, u s-Secretary of State for the Home Department (iktar ’il quddiem is-“Secretary of State”) dwar id-deċiżjoni tiegħu li ma jeżaminax l-applikazzjonijiet għall-ażil tagħhom li ġew ippreżentati fir-Renju Unit u li jipproponi t-trasferiment tagħhom lejn l-Istat Membru fejn dawn kienu ppreżentaw applikazzjoni għall-ażil fl-ewwel lok.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

3

L-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li, hekk kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet dwar din id-dispożizzjoni, hija bbażata fuq il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, konkluża fi New York fl-20 ta’ Novembru 1989 u rratifikata mill-Istati Membri kollha, fil-paragrafu 2 tiegħu jipprovdi:

“Fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal [tal-minuri] għandu jkun kunsiderazzjoni primarja.”

Ir-Regolament Nru 343/2003

4

Il-premessi 3 u 4 tar-Regolament Nru 343/2003 huma fformulati kif ġej:

“(3)

Il-konklużjonijiet [tal-Kunsill Ewropew, matul il-laqgħa speċjali tiegħu ta’ Tampere fil-5 ta’ 16 ta’ Ottubru 1999,] ddikjaraw [...] li [s-sistema ta’ ażil Ewropew komuni] għandha tinkludi, fit-terminu qasir, metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil.

(4)

Metodu tali għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi, ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. Huwa għandu, b’mod partikolari, jagħmel possibbli li jkun iddeterminat bil-ħeffa l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri li jiddeterminaw l-istatus ta’ refuġjat u ma jkunx kompromess l-għan ta’ l-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-ażil.”

5

Hekk kif jirriżulta mill-premessa 15 tal-imsemmi regolament, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 6(1) TUE, dan l-istess regolament josserva d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji rikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta. B’mod partikolari, abbażi tal-Artikoli 1 u 18 tal-Karta, dan ifittex li jiżgura r-rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u għad-dritt ta’ ażil ta’ min ifittex l-ażil.

6

Mill-premessa 17 tar-Regolament Nru 343/2003 jirriżulta li, skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat UE u t-Trattat FUE, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq innotifika, b’ittra tat-30 ta’ Ottubru 2001, ix-xewqa tiegħu li jipparteċipa fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

7

Skont l-Artikolu 2(ċ), (d) u (h) tal-imsemmi regolament, is-segwenti jfissru hekk:

“(ċ)

‘applikazzjoni għall-ażil’ tfisser l-applikazzjoni magħmula minn ċittadin ta’ pajjiż terz li tista’ tiftiehem bħala talba għal protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru, taħt il-Konvenzjoni [dwar ir-reguġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951]. [...]

(d)

‘applikant’ jew ‘min ifittex l-ażil’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun għamel applikazzjoni għall-ażil li dwarha deċiżjoni finali ikun għadha ma tteħditx;

[...]

(h)

‘minorenni [minuri] mhux akkumpanjat’ tfisser persuni mhux miżżewġin taħt l-eta ta’ tmintax li jaslu fit-territorju ta’ l-Istati Membri mhux akkumpanjati minn adult responsabbli għalihom kemm bil-liġi kif ukoll l-użanza, u sakemm huma jittiħdux effettivament fir-responsabbilta ta’ persuna tali [...]”

8

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 343/2003, li jagħmel parti mill-Kapitolu II tiegħu, intitolat “Prinċipji Ġenerali”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-applikazzjoni ta’ ċittadin ta’ kull pajjiż terz [kull applikazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz] li japplika fil-konfini jew fit-territorju tagħhom lil kull wieħed minnhom għall-ażil. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III juru li huwa responsabbli.

2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, kull Stat Membru jista’ jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk eżami tali mhux ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament. [...]”

9

Sabiex jiġi ddeterminat l-“Istat Membru [...] responsabbli” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 343/2003, l-Artikoli 6 sa 14, li jinsabu fil-Kapitolu II tiegħu, jipprovdu lista ta’ kriterji oġġettivi u ġerarkiċi.

10

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi:

“1.   Il-kriterji li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli għandhom ikunu applikati fl-ordni li fiha huma ddikjarati f’dan il-Kapitolu.

2.   L-Istat Membru responsabbli skond il-kriterji għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi tas-sitwazzjoni eżistenti meta l-persuna li tfittex l-ażil iddepożitat għall-ewwel darba l-applikazzjoni tagħha għand Stat Membru.”

11

L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Fejn l-applikant għall-ażil [min ifittex l-ażil] ikun minorenni [minuri] mhux akkumpanjat, l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għandu jkun dak fejn membru tal-familja tiegħu jew tagħha jkun legalment preżenti, sakemm dan ikun fl-aħjar interess tal-minorenni [minuri].

Fl-assenza ta’ membru ta-familja, l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għandu jkun dak fejn il-minorenni [minuri] jkun iddepożita l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu jew tagħha.”

12

L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 343/2003 huwa fformulat kif ġej:

“Fejn ebda Stat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-ażil kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.”

Id-Direttiva 2005/85/KE

13

L-Artikolu 25 tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175M, p. 168), intitolat “Applikazzjonijiet inammissibbli”, jipprovdi:

“1.   Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skond ir-[Regolament Nru 343/2003], l-Istati Membri mhumiex meħtieġa jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax bħala rifuġjat skond id-Direttiva [tal-Kunsill] 2004/83/KE [, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96)], fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli skond dan l-Artikolu.

2.   L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-ażil bħala inammissibbli skond dan l-Artikolu jekk:

(a)

l-istatus ta’ rifuġjat ikun ġie mogħti minn Stat Membru ieħor;

[...]

(f)

l-applikant ippreżenta applikazzjoni identika wara li tkun ingħatat deċiżjoni finali;

[...]”

Il-kawża prinċipali

Il-każ ta’ MA

14

MA hija ċittadina tal-Eritrea, imwielda fl-24 ta’ Mejju 1993, li waslet fir-Renju Unit fil-25 ta’ Lulju 2008 fejn hija ppreżentat applikazzjoni għall-ażil sa mill-wasla tagħha.

15

Billi kkonstatat li MA kienet diġà ppreżentat applikazzjoni għall-ażil fl-Italja, l-awtoritajiet Britanniċi talbu lill-awtoritajiet Taljani sabiex jieħduha lura taħt l-inkarigu tagħhom skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 343/2003, u, fit-13 ta’ Ottubru 2008, dawn aċċettaw li jagħmlu dan.

16

It-trasferiment lejn l-Italja, li kellu jseħħ fis-26 ta’ Frar 2009, ma ġiex eżegwit. MA ippreżentat rikors quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) sabiex tikkontesta l-legalità tat-trasferiment ordnat.

17

Fil-25 ta’ Marzu 2010, is-Secretary of State, b’applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, iddeċieda li jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil tagħha. Sussegwentement, ingħatalha l-istatus ta’ refuġjat.

18

Is-Secretary of State stieden lil MA sabiex tirtira r-rikors tagħha, iżda din irrifjutat li tagħmel dan.

Il-każ ta’ BT

19

BT, imwielda fl-20 ta’ Jannar 1993, ukoll hija ċittadina tal-Eritrea. Hija waslet fir-Renju Unit fit-12 ta’ Awwissu 2009 fejn hija, sa mill-għada, ippreżentat applikazzjoni għall-ażil.

20

Billi kkonstatat li BT kienet diġà ppreżentat applikazzjoni għall-ażil fl-Italja, l-awtoritajiet Britanniċi talbu lill-awtoritajiet Taljani sabiex jieħduha lura taħt l-inkarigu tagħhom, u, fit-28 ta’ Settembru 2009, dawn aċċettaw.

21

Fl-4 ta’ Diċembru 2009, BT ġiet ittrasferita lejn l-Italja.

22

Hija ppreżentat rikors quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) sabiex tikkontesta l-legalità tat-trasferiment tagħha lejn l-Italja. Wara deċiżjoni meħuda mill-imsemmija qorti fit-18 ta’ Frar 2010, BT setgħet tirritorna lura lejn ir-Renju Unit fis-26 ta’ Frar 2010.

23

Fil-25 ta’ Marzu 2010, is-Secretary of State, b’applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, iddeċieda li l-applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn BT jingħatalha l-istatus ta’ refuġjat, iżda hija ma aċċettatx li tirtira r-rikors tagħha.

Il-każ ta’ DA

24

DA, ċittadin mill-Iraq, wasal fir-Renju Unit fl-20 ta’ Novembru 2009, fejn huwa talab l-ażil fit-8 ta’ Diċembru 2009. Billi DA rrikonoxxa li kien diġà ppreżenta applikazzjoni għall-ażil fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi ġew meħtieġa jieħduh lura taħt l-inkarigu tagħhom, u, fit-2 ta’ Frar 2010, dawn aċċettaw li jagħmlu dan.

25

Fl-14 ta’ Lulju 2010, is-Secretary of State ordna t-trasferiment ta’ DA lejn il-Pajjiżi l-Baxxi. Madankollu, wara rikors ippreżentat minn DA, fis-26 ta’ Lulju 2010, quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), ġie deċiż li t-trasferiment ma jiġix eżegwit. Minn dakinhar, is-Secretary of State aċċetta li jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu abbażi tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003.

Il-proċedura prinċipali u d-domanda preliminari

26

It-tliet kawżi ingħaqdu għall-proċedura prinċipali.

27

Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2010, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u ddeċidiet li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 343/2003, minuri mhux akkumpanjat li japplika għall-ażil u li ebda membru tal-familja tiegħu ma jkun jinsab legalment fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri jista’ jintbagħat lura lejn l-Istat Membru fejn huwa jkun ippreżenta applikazzjoni f’dan is-sens għall-ewwel darba.

28

MA, BT U DA appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division).

29

Fid-deċiżjoni tar-rinviju, din il-qorti tosserva li ebda wieħed mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma għandu membri tal-familja, fis-sens tar-Regolament Nru 343/2003, li jinsabu legalment fit-territorju ta’ wieħed mil-Istati Membri.

30

Ir-rikorsi tagħhom ġew eżaminati flimkien peress li t-tlieta li huma kienu talbu l-ażil lir-Renju Unit bħala “minuri mhux akkumpanjat” u li, f’kull każ, għall-ewwel is-Secretary of State iddeċieda li r-rikors għandu jiġi arkivjat mingħajr ma tittieħed azzjoni, u dan għal raġunijiet ibbażati fuq in-natura sigura taż-żewġ Stati Membri li lejhom huwa kellu l-intenzjoni li jibgħathom lura.

31

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li huwa sinjifikattiv li l-użu tal-kliem “iddepożitat għall-ewwel darba l-applikazzjoni tagħha” fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 343/2003, ma reġax seħħ fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, fejn il-formulazzjoni hija sempliċement “[i]kun iddepożita l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu jew tagħha”. Barra minn hekk, hija tenfasizza li fil-ġerarkija tal-kriterji msemmija fil-Kapitolu III tal-imsemmi regolament, il-minuri mhux akkumpanjati huma fl-ewwel post.

32

F’dak li jikkonċerna l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni tagħha, hija tirrileva, b’mod partikolari, li għadu jeżisti punt kontenzjuż mhux riżolt bejn il-partijiet, fil-forma ta’ talba għad-danni ppreżentata minn BT.

33

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“[Fir-Regolament Nru 343/2003], liema huwa l-Istat Membru responsabbli għad-determinazzjoni tal-applikazzjoni tal-ażil meta applikant għall-ażil [min ifittex l-ażil], li huwa minorenni [minuri] mhux akkumpanjat mingħajr l-ebda membru tal-familja tiegħu jew tagħha preżenti legalment fi Stat Membru ieħor, ikun għamel applikazzjonijiet għal ażil f’iktar minn Stat Membru wieħed[?]”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

34

Il-Gvern Belġjan isostni, prinċipalment, li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli.

35

Huwa jallega, b’mod partikolari, li, peress li s-Secretary of State aċċetta li jeżamina l-applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fir-realtà ma fadalx kawża prinċipali. Il-kwistjoni ta’ jekk il-kriterju stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 343/2003 jindikax bħala “Stat Membru responsabbli” lir-Renju Unit jew lill-ewwel Stat Membru fejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw applikazzjoni għall-ażil għaldaqstant għandha biss natura akkademika fir-rigward tal-imsemmija rikorrenti u risposta tkun utli biss għal kawżi oħra fejn huma, jew jistgħu, jiġu aditi l-qrati nazzjonali.

36

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 KE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li permezz tiegħu din tal-ewwel tagħti lil tat-tieni l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma jkollhom bżonn sabiex tinstab soluzzjoni għat-tilwim li huma jkunu mitluba jiddeċiedu dwaru (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-12 ta’ Marzu 1998, Djabali, C-314/96, Ġabra p. I-1149, punt 17; tal-20 ta’ Jannar 2005, García Blanco, C-225/02, Ġabra p. I-523, punt 26; u tal-15 ta’ Settembru 2011, Unió de Pagesos de Catalunya, C-197/10, Ġabra p. I-8495, punt 16).

37

Id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandhiex x’taqsam mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod effettiv għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt, C-45/09, Ġabra p. I-9391, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li hija għandha tiddeċiedi dwar it-talba għad-danni li biha hija ġiet adita minn BT.

39

Issa, l-għoti ta’ eventwali danni lil BT se jkun affettwat mir-risposta għad-domanda magħmula.

40

Fir-rigward tal-eżistenza ta’ tali talba għad-danni, li tagħmel parti integrali mill-kawża prinċipali, id-domanda preliminari tibqa’ rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża li l-qorti tar-rinviju hija adita biha.

41

F’dawn il-kundizzjonijiet, id-domanda magħmula ma għandhiex natura ipotetika u t-talba għal deċiżjoni preliminari għaldaqstant hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

42

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 343/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta minuri mhux akkumpanjat, li l-ebda membru tal-familja tiegħu ma jkun jinsab legalment fit-territorju ta’ Stat Membru, ikun ippreżenta applikazzjonijiet għall-ażil f’iktar minn Stat Membru wieħed, huwa jindika bħala l-“Istat Membru responsabbli” dak l-Istat Membru li fih il-minuri jkun ippreżenta l-ewwel applikazzjoni tiegħu jew jekk f’dak li fih huwa jkun jinsab wara li jkun ippreżenta, hemmhekk, l-aħħar applikazzjoni tiegħu f’dan is-sens.

43

F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 343/2003, l-applikazzjoni għall-ażil tiġi eżaminata minn Stat Membru wieħed biss, dak li l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III jindikaw li huwa responsabbli.

44

L-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi li l-kriterji li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli għandhom jiġu applikati fl-ordni li fiha huma msemmija fl-imsemmi Kapitolu III.

45

Mill-Artikolu 5(2) tal-istess regolament jirriżulta li d-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli skont il-kriterji stabbiliti fl-artikolu 6 sa 14 tiegħu ssir abbażi tas-sitwazzjoni eżistenti fil-mument li fih, il-persuna li tfittex l-ażil ippreżentat għall-ewwel darba l-applikazzjoni tagħha għand Stat Membru. Din id-dispożizzjoni ma jistax ikollha l-għan li temenda s-sens tal-imsemmija kriterji. Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, din hija intiża biss li tiddetermina l-kuntest li fih l-imsemmija kriterji għandhom jiġu applikati sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli.

46

L-ewwel wieħed mill-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 343/2003 huwa dak previst fl-Artikolu 6 tiegħu, li jippermetti li jiġi indikat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni ppreżentata minn minuri mhux akkumpanjat fis-sens tal-Artikolu 2(h) ta’ dan ir-regolament.

47

Skont l-ewwel paragrafu tal-imsemmi Artikolu 6, l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni ppreżentata minn minuri mhux akkumpanjat għandu jkun dak fejn membru tal-familja tiegħu jkun jinsab legalment, sakemm dan ikun fl-aħjar interess tal-minuri.

48

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li ebda membru tal-familja tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jinsab legalment fi Stat Membru u l-Istat Membru responsabbli għandu għaldaqstant jiġi indikat abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 343/2003, li jipprevedi li r-responsabbiltà hija tal-Istat Membru “fejn il-minorenni [minuri] jkun iddepożita l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu jew tagħha.”

49

Dan il-kliem waħdu ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk l-applikazzjoni għall-ażil imsemmija hijiex l-ewwel applikazzjoni f’dan is-sens ippreżentata mill-minuri kkonċernat fi Stat Membru jew jekk hijiex dik li huwa ddepożita l-aħħar fi Stat Membru ieħor.

50

Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li hija tifforma parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-29 ta’ Jannar 2009, Petrosian, C-19/08, Ġabra p. I-495, punt 34, u tat-23 ta’ Diċembru 2009, Detiček, C-403/09 PPU, Ġabra p. I-12193, punt 33).

51

F’dak li jikkonċerna l-kuntest tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 343/2003, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-użu tal-frażi “iddepożitat għall-ewwel darba l-applikazzjoni tagħha” użata fl-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament ma ġietx irripetuta fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament. Min-naħa l-oħra, din l-aħħar dispożizzjoni tagħmel riferiment għall-Istat Membru “fejn il-minorenni [minuri] jkun iddepożita l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu jew tagħha”, filwaqt li l-Artikolu 13 tal-istess regolament jindika b’mod espress li “l-ewwel Stat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-ażil kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha”.

52

Issa, jekk wieħed jippreżupponi li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jindika, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 343/2003, “l-ewwel Stat Membru” bħala responsabbli, din kienet tkun espress bl-istess kliem preċiż bħal fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament.

53

Għaldaqstant, il-frażi “l-Istat Membru [...] fejn il-minorenni [minuri] jkun iddepożita l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu jew tagħha” ma tistax tinftiehem bħala li tindika “l-ewwel Stat Membru fejn il-minuri jkun iddepożita l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu jew tagħha”.

54

Barra minn hekk, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 343/2003 għandu wkoll jiġi interpretat fir-rigward tal-għan tiegħu, li huwa dak li tingħata attenzjoni partikolari għall-minuri mhux akkumpanjati, kif ukoll fir-rigward tal-għan prinċipali ta’ dan ir-regolament li, hekk kif jindikaw il-premessi 3 u 4 tiegħu, huwa dak li jiggarantixxi aċċess effettiv għal evalwazzjoni tal-istatus ta’ refuġjat tal-applikant.

55

Issa, billi l-minuri mhux akkumpanjati jiffurmaw kategorija partikolarment vulnerabbli, huwa importanti li l-proċedura tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli ma tiħux fit-tul iktar milli strettament neċessarju, u dan ifisser li, bħala prinċipju, dawn ma jiġux trasferiti lejn Stat Membru ieħor.

56

Il-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq huma kkorroborati mir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-premessa 15 tar-Regolament Nru 343/2003, li tgħid li dan tal-aħħar jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji li huma rikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta.

57

Fil-fatt, fost dawn id-drittijiet fundamentali jinsab b’mod partikolari dak, imsemmi fl-Artikolu 24(2) tal-Karta, li jiġi żgurat li, fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja.

58

Għalhekk, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 343/2003 ma jistax jiġi interpretat b’mod tali li jikser l-imsemmi dritt fundamentali (ara, b’analoġija, is-sentenzi Detiček, iċċitata iktar ’il fuq, punti 54 u 55, kif ukoll tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB., C-400/10 PPU, Ġabra p. I-8965, punt 60).

59

Għaldaqstant, minkejja li l-interess tal-minuri huwa msemmi b’mod espliċitu fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 343/2003 biss, l-Artikolu 24(2) tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 51(1) tagħha għandu l-effett li, fid-deċiżjonijiet kollha li l-Istati Membri jadottaw abbażi tat-tieni paragrafu tal-imsemmi Artikolu 6, l-aħjar interess tat-tfal għandu wkoll ikun kunsiderazzjoni primarja.

60

Dan it-teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interess tat-tfal bħala prinċipju jeżiġi li, f’ċirkustanzi bħal dawk li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 343/2003 jiġi interpretat fis-sens li huwa jindika bħala responsabbli dak l-Istat Membru fejn il-minuri jkun jinsab wara li jkun ippreżenta, hemmhekk, applikazzjoni.

61

Fil-fatt, fl-interess tal-minuri mhux akkumpanjati, hemm bżonn, hekk kif jirriżulta mill-punt 55 tal-preżenti sentenza, li l-proċedura tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli ma tittawwalx għalxejn, iżda għandhom jiġu żgurati aċċess rapidu għall-proċeduri ta’ determinazzjoni tal-istatus ta’ refuġjat.

62

Dan il-metodu ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn minuri mhux akkumpanjat li ma għandux membri tal-familja tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru huwa bbażat fuq kriterju oġġettiv, kif issemmi l-premessa 4 tar-Regolament Nru 343/2003.

63

Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 343/2003, li jindika bħala responsabbli l-Istat Membru fejn il-minuri jkun jinsab wara li jkun ippreżenta, hemmhekk, applikazzjoni, ma tfissirx, kuntrarjament għal dak li sostna l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-minuri mhux akkumpanjat li l-applikazzjoni tiegħu ġiet miċħuda fil-mertu fl-ewwel Stat Membru, jista’ sussegwentement iġiegħel Stat Membru ieħor sabiex jeżamina applikazzjoni għall-ażil.

64

Fil-fatt, mill-Artikolu 25 tad-Direttiva 2005/85 jirriżulta li, minbarra l-każijiet fejn applikazzjoni ma tiġix eżaminata skont ir-Regolament Nru 343/2003, l-Istati Membri ma humiex marbuta jivverifikaw jekk min ifittex l-ażil għandux l-istatus ta’ refuġjat meta applikazzjoni titqies bħala inammissibbli għaliex, b’mod partikolari, min ifittex l-ażil ippreżenta applikazzjoni identika wara li tkun ingħatatlu deċiżjoni finali.

65

Barra minn hekk, għandu jiżdied li, billi l-applikazzjoni għall-ażil għandha tiġi eżaminata minn Stat Membru wieħed biss, l-Istat Membru li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, ikun indikat bħala responsabbli skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 343/2003, għandu jinforma b’dan lill-Istat Membru li quddiemu tkun ġiet ippreżentata l-ewwel applikazzjoni għall-ażil.

66

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, hemm lok li r-risposta għad-domanda mressqa għandha tkun li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk fil-kawża prinċipali, fejn minuri mhux akkumpanjat li l-ebda membru tal-familja tiegħu ma jkun jinsab legalment fit-territorju ta’ Stat Membru, ikun ippreżenta applikazzjonijiet għall-ażil f’iktar minn Stat Membru wieħed, huwa jindika bħala l-“Istat Membru responsabbli” dak l-Istat Membru li fih ikun jinsab il-minuri wara li jkun ippreżenta, hemmhekk, applikazzjoni għall-ażil.

Fuq l-ispejjeż

67

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk fil-kawża prinċipali, fejn minuri mhux akkumpanjat li l-ebda membru tal-familja tiegħu ma jkun jinsab legalment fit-territorju ta’ Stat Membru, ikun ippreżenta applikazzjonijiet għall-ażil f’iktar minn Stat Membru wieħed, huwa jindika bħala l-“Istat Membru responsabbli” dak l-Istat Membru li fih ikun jinsab il-minuri wara li jkun ippreżenta, hemmhekk, applikazzjoni għall-ażil.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.