SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

30 ta’ Mejju 2013 ( *1 )

“Direttiva 93/13/KEE — Klawżoli inġusti inklużi f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Kuntratt ta’ lokazzjoni ta’ abitazzjoni konkluż bejn proprjetarju li jaġixxi għal skopijiet kummerċjali u inkwilin li jaġixxi għal skopijiet privati — Eżami ex officio, minn qorti nazzjonali, tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali — Klawżola ta’ penalità — Annullament tal-klawżola”

Fil-Kawża C‑488/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Gerechtshof te Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Settembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Settembru 2011, fil-proċedura

Dirk Frederik Asbeek Brusse,

Katarina de Man Garabito

vs

Jahani BV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Levits, M. Safjan u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u M. Owsiany‑Hornung, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”), b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) ta’ din tal-aħħar.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn D.F. Asbeek Brusse u K.de Man Garabito kontra Jahani BV (iktar ’il quddiem “Jahani”) dwar il-ħlas, minn dawn tal-ewwel, tal-arretrati tal-kirja, tal-interessi kuntrattwali u tal-penalitajiet dovuti skont kuntratt ta’ lokazzjoni ta’ abitazzjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Id-disa’ u l-għaxar premessa tad-direttiva huma redatti kif ġej:

“[...] l-akkwirenti ta’ merkanzija jew servizzi għandhom jiġu protetti kontra l-abbuż tal-poter mill-bejjiegħ jew mill-fornitur, b’mod partikolari kontra kuntratti standard li jiġbdu lejn naħa waħda u l-esklużjoni inġusta ta’ drittijiet essenzali f’kuntratti;

[...] tista’ tinkiseb protezzjoni aktar effettiva tal-konsumatur billi jiġu adottati regoli tal-liġi uniformi fil-kwistjoni ta’ klawżoli inġusti; [...] dawk ir-regoli għandhom jgħoddu għall-kuntratti kollha konklużi bejn il-bejjiegħa jew il-fornituri u l-konsumaturi; [...] bħala riżultat kuntratti inter alia relatati ma’ l-impieg, kuntratti relatati mad-drittijiet tas-suċċessjoni, kuntratti relatati mad-drittijiet taħt il-liġi tal-familja u kuntratti relatati ma’ l-inkorporazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ kumpaniji jew ftehim ta’ sħubija għandhom jiġu esklużi minn din id-Direttiva;”

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva jipprovdi:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

2.   Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew il-Komunità, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport, m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

5

L-Artikolu 2 tad-Direttiva jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “konsumatur” u ta’ “bejjiegħ jew fornitur” kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

b)

‘konsumatur’ tfisser kull persuna naturali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopjiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

ċ)

‘bejjiegħ jew fornitur’ tfisser kull persuna naturali jew legali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet relatati mas-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha, sew jekk proprjetà pubblika u sew jekk propjetà privata.”

6

L-Artikolu 3 tad-Direttiva jiddefinixxi l-klawżola inġusta kif ġej:

“1.   Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

[...]

3.   L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”

7

Fir-rigward tal-effetti marbuta mal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

8

Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

9

L-Anness tad-Direttiva jenumera l-klawżoli msemmija fl-Artikolu 3(3) ta’ din tal-aħħar. Fost dawk il-klawżoli hemm inklużi:

“1.   [Il-klawżoli] li għandhom l-għan jew l-effett li:

[...]

e)

jeħtieġu lill xi konsumatur li jonqos milli jwettaq l-obbligazzjoni li jħallas somma sproporzjonatament għolja bħala kumpens;

[...]”

Id-dritt nazzjonali

10

Id-Direttiva ġiet implementata fil-Pajjiżi l-Baxxi permezz tad-dispożizzjonijiet relatati mal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti, inklużi fl-Artikoli 6:231 sa 6:247 tal-kodiċi ċivili (Burgerlijk Wetboek, iktar ’il quddiem il-“BW”).

11

L-inċiż a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6:233 tal-BW jipprovdi li:

“Klawżola li tkun inkluża fil-kundizzjonijiet ġenerali tista’ tiġi annullata:

a)

jekk din tkun tikkostitwixxi piż eċċessiv għall-parti l-oħra, fid-dawl tan-natura u tal-kontenut tal-kuntratt, tal-mod kif ġew konklużi l-kundizzjonijiet u tal-interessi reċiproki mmanifestati tal-partijiet kif ukoll ta’ ċirkustanzi oħra tal-każ individwali”.

12

Skont l-Artikolu 3:40 tal-BW, att li jmur kontra l-morali, l-ordni pubbliku jew dispożizzjoni legali vinkolanti huwa null. Madankollu, fil-każ ta’ ksur ta’ dispożizzjoni intiża biss għall-protezzjoni ta’ waħda mill-partijiet f’att multilaterali, tkun teżisti biss il-possibbiltà tal-annullament tal-att, sakemm ma jkunx jirriżulta mod ieħor mill-portata tad-dispożizzjoni inkwistjoni.

13

Fir-rigward ta’ klawżoli ta’ penalità, l-Artikolu 94(1) tal-BW jipprevedi li l-qorti għandha, fuq talba tad-debitur, is-setgħa li timmodera l-penalità stabbilita jekk dan ikun rikjest manifestament mill-ekwità.

14

Barra minn hekk, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fi proċedura ta’ appell, il-qorti adita tista’ tagħti deċiżjoni biss fuq l-ilmenti li jkunu ġew invokati mill-partijiet fl-ewwel talbiet ippreżentati fl-appell. Madankollu, il-qorti tal-appell għandha tapplika ex officio d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ ordni pubbliku, anki jekk dawn ma jkunux ġew invokati mill-partijiet.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Matul is-sena 2007, Jahani, kumpannija li teżerċita għal skopijiet kummerċjali, attività ta’ lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli għal finijiet residenzjali, kriet lil D.F Asbeek Brusse u lil K. de Man Garabito, li aġixxew għal skopijiet privati, post għal użu residenzjali f’Alkmaar (Il-Pajjiżi l-Baxxi).

16

Il-kuntratt ta’ lokazzjoni konkluż għal dan l-iskop kien ibbażat fuq kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti minn assoċjazzjoni ta’ bejjiegħa jew fornituri ta’ proprjetà immobbli, ir-Raad voor Onroerende Zaken (kunsill ta’ beni immobbli).

17

Dawk il-kundizzjonijiet ġenerali kienu jinkludu, b’mod partikolari, klawżola penali redatta kif ġej:

“20.1

L-inkwilin jitqies inadempjenti sempliċiment minħabba l-iskadenza ta’ ċertu terminu.

20.2

F’kull każ li l-inkwilin ikun inadempjenti fil-ħlas, fil-mument tal-iskadenza, tat-totalità ta’ somma ta’ flus, huwa jsir debitur għall-interessi ta’ 1 % fix-xahar fuq is-somma dovuta fl-ewwel lok, li jibdew jiddekorru mid-data tal-iskadenza sal-ħlas sħiħ tas-somma dovuta fl-ewwel lok.

[...]

20.6

L-inkwilin huwa obbligat iħallas lill-proprejtarju penalità eżegwibbli b’mod awtomatiku ta’ EUR 25 għal kull ġurnata minħabba l-ineżekuzzjoni jew il-ksur ta’ kull obbligazzjoni naxxenti minn dan il-kuntratt jew tal-kundizzjonijiet ġenerali marbuta magħhom, mingħajr preġudizzju għall-obbligu tiegħu li jeżegwixxi l-obbligazzjoni inkwistjoni u mingħajr preġudizzju għal drittijiet oħra tal-proprjetarju għad-danni jew oħrajn [...]”

18

Il-kera stabbilita fil-kuntratt ta’ lokazzjoni, li kienet tammonta inizjalment għal EUR 875 fix-xahar, żdiedet mill-1 ta’ Lulju 2008 għal EUR 894.25, b’applikazzjoni tal-klawżola ta’ żieda għall-għoli tal-ħajja inkluża f’dak il-kuntratt. D.F Asbeek Brusse u K. Man Garabito ma ħallsux is-somma korrispondenti għal dik iż-żieda tal-kera. Huma ħallsu, għax-xahar ta’ Frar 2009, somma ta’ EUR 190, u sussegwentement waqfu jħallsu l-kera.

19

Fix-xahar ta’ Lulju 2009, Jahani bdiet proċeduri ġudizzjarji kontra l-inkwilini, fejn talbet, b’mod partikolari, it-tħassir tal-kuntratt ta’ lokazzjoni u l-kundanna tal-konvenuti għall-ħlas tal-ammont totali ta’ EUR 13 897.09, rappreżentanti:

EUR 5 365.50 kera;

EUR 156.67 interessi kuntrattwali dekorsi;

EUR 96.25 kera, wara li żdied il-kumpens għall-għoli tal-ħajja;

EUR 4 525 penalitajiet għall-inadempjenza tal-ħlas tal-kera;

EUR 3 800 penalitajiet għall-inadempjenza tal-ħlas tal-kumpens għall-għoli tal-ħajja;

EUR 658.67 spejjeż extraġudizzjarji.

20

Permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2009, ir-Rechtsbank Alkmaar laqgħet it-talbiet ta’ Jahani.

21

Quddiem il-qorti tar-rinviju li ġiet adita bl-appell, D.F Asbeek Brusse u K. de Man Garabito jitolbu li l-ammonti akkolti bħala penalitajiet jiġu mmoderati, fid-dawl tad-disproporzjon li jeżisti bejn, minn naħa, dawk l-ammonti u, min-naħa l-oħra, il-preġudizzju subit mill-proprjetarju.

22

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Gerechtshof te Amsterdam iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Lokatur professjonali tad-djar li jikri dar lil individwu jista’ jiġi kklassifikat bħala bejjiegħ [ta’ beni] jew bħala fornitur ta’ servizzi fis-sens tad-Direttiva? Kuntratt ta’ kiri bejn lokatur professjonali u lokatarju mhux professjonali jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva?

2)

Il-fatt li l-Artikolu 6 tad-Direttiva għandu jitqies bħala norma ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li, fi ħdan l-ordinament ġuridiku intern, għandhom in-natura ta’ normi ta’ ordni pubbliku, jagħti, fil-kuntest ta’ kawża bejn individwi, in-natura ta’ norma ta’ ordni pubbliku lil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni dwar il-klawżoli abbużivi b’mod li l-qorti nazzjonali, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, għandha s-setgħa u l-obbligu li teżamina ex officio (u, għaldaqstant, ultra petita wkoll) klawżola kuntrattwali fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni u li tiddikjara n-nullità tal-imsemmija klawżola jekk din tikkonstata n-natura abbużiva ta’ din il-klawżola?

3)

Jekk individwu invoka b’mod effettiv is-setgħa moderattiva tal-qorti, iżda mhux il-possibbiltà li l-klawżola tiġi annullata, dan huwa konformi mal-effettività tad-dritt [tal-Unjoni] li l-qorti nazzjonali ma teskludix l-applikazzjoni ta’ klawżola kriminali li tikkostitwixxi klawżola abbużiva fis-sens tad-Direttiva, iżda timmodera biss l-ammont ta’ piena skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

23

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk kuntratt ta’ lokazzjoni relattiv għal post iddestinat għal użu residenzjali, konkluż bejn proprjetarju li jkun qiegħed jaġixxi fil-kuntest ta’ attività kummerċjali u inkwilin li jkun qiegħed jaġixxi għal skopijiet privati, jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva.

24

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva jiddefinixxi l-għan tagħha.

25

Madankollu, teżisti ċerta diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dik id-dispożizzjoni. Għalhekk, il-verżjoni Olandiża tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva jindika li din tal-aħħar għandha l-għan li tapprossimizza d-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn “bejjiegħ” (“verkoper”) u konsumatur. Il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tal-imsemmija dispożizzjoni jużaw, min-naħa tagħhom, espressjoni ta’ portata iktar estiża sabiex tiddeskrivi l-ko-kontraenti tal-konsumatur. Il-verżjoni Franċiża tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tindirizza l-kuntratti konklużi bejn “professionnel” u konsumatur. Dan l-approċċ iktar wiesa’ jeżisti wkoll fil-verżjoni Spanjola (“profesional”), Daniża (“erhvervsdrivende”), Ġermaniża (“Gewerbetreibender”), Griega (“επαγγελματίας”), Taljana (“professionista”) u Portugiża (“profissional”). Il-verżjoni Ingliża tuża t-termini “seller and supplier”.

26

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-ħtieġa ta’ applikazzjoni u, għaldaqstant, ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ att tal-Unjoni teskludi li dan jitqies separatament f’waħda mill-verżjonijiet tiegħu, iżda teżiġi li jiġi interpretat kemm skont ir-rieda reali tal-awtur tiegħu kif ukoll skont l-għan imfittex minn dan tal-aħħar, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi uffiċjali kollha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Ġunju 2010, Internetportal und Marketing, C-569/08, Ġabra p. I-4871, punt 35, kif ukoll tad-9 ta’ Ġunju 2011, Eleftheri tileorasi u Giannikos, C-52/10, Ġabra p. I-4973, punt 23).

27

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li t-terminu “verkoper”, użat fil-verżjoni Olandiża, huwa definit fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva, bl-istess mod bħalma huwa definit fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħrajn, bħala li jirreferi għal “kull persuna fiżika jew ġuridika li [...] taġixxi fil-kuntest tal-attività kummerċjali tagħha, kemm jekk din tkun pubblika jew privata”.

28

Għalhekk jidher li, apparti t-terminu użat sabiex jiġi deskritt il-ko-kontraenti tal-konsumatur, l-intenzjoni tal-leġiżlatur ma kinitx dik li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għal dawk il-kuntratti konklużi bejn bejjiegħ u konsumatur biss.

29

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-ebda dispożizzjoni ma tippreċiża, fid-Direttiva, għal-liema tipi ta’ kuntratti tapplika din tal-aħħar. Għalkemm diversi premessi ta’ din tal-aħħar, bħad-disa’ premessa, jenfasizzaw il-bżonn li jiġu protetti il-persuni li jakkwistaw beni jew servizzi mill-użu ħażin tas-saħħa tal-bejjiegħa jew tal-fornituri, l-għaxar premessa tad-Direttiva għandha portata iktar estiża peress li din tiddikjara li r-regoli uniformi li jikkonċernaw il-klawżoli inġusti għandhom japplikaw għal “kull kuntratt” konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, kif definiti fl-Artikolu 2(b) u (ċ) tad-Direttiva.

30

Għaldaqstant huwa b’riferiment għall-kwalità tal-partijiet kontraenti, li tiddetermina jekk dawn jaġixxux jew le fil-kuntest tal-attività kummerċjali tagħhom, li d-direttiva tiddefinixxi l-kuntratti li huma suġġetti għaliha.

31

Dak il-kriterju jikkorrispondi mal-idea li fuqu hija bbażata s-sistema ta’ protezzjoni implementata mid-Direttiva, jiġifieri, li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni inferjuri fil-konfront tal-bejjiegħ jew fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twassal lill-konsumatur sabiex jaqbel mal-kundizzjonijiet imħejjija minn qabel minn bejjiegħ jew fornitur mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, punt 39, u tal-21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank, C‑472/11, punt 19).

32

Din il-protezzjoni hija importanti, b’mod partikolari, fil-każ ta’ kuntratt ta’ lokazzjoni ta’ abitazzjoni konkluż bejn, minn naħa, individwu li jkun qiegħed jaġixxi għal skopijiet privati u, min-naħa l-oħra, bejjiegħ jew fornitur tal-beni immobbli. Il-konsegwenzi tal-inugwaljanza li teżisti bejn il-partijiet fil-fatt isiru iktar gravi minħabba l-fatt li, minn perspettiva ekonomika, tali kuntratt jikkonċerna bżonn essenzjali tal-konsumatur, jiġifieri dak li jikseb alloġġ, u jaffettwa ammonti li jirrappreżentaw ħafna drabi, għall-inkwilin, waħda mill-ikbar spejjeż tal-baġit tiegħu, filwaqt li, mill-perspettiva ġuridika, dan huwa kuntratt li jaqa’, bħala regola ġenerali, taħt leġiżlazzjoni nazzjonali kumplessa, li ħafna drabi l-individwi ma jkollhomx konoxxenza tajba tagħha.

33

Madankollu, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, b’mod konfromi mal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva, il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi obbligatorji statutorji jew regolamentari tad-dritt nazzjonali ma humiex suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar (ara s-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb, C-92/11, punt 25). Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fir-rigward tal-klawżoli li huma s-suġġett tal-kawża pendenti quddiemha.

34

Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda li d-Direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li, b’riżerva għad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi mandatarji statutorji jew regolamentari previsti mid-dritt nazzjonali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali, hija tapplika għal kuntratt ta’ lokazzjoni ta’ abitazzjoni, konkluż bejn proprjetarju li jkun qiegħed jaġixxi fil-kuntest tal-attività kummerċjali tiegħu u inkwilin li jkun qiegħed jaġixxi għal skopijiet li ma jaqgħux fil-kuntest tal-attività kummerċjali tiegħu.

Fuq it-tieni domanda

35

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-Artikolu 6 tad-Direttiva, din tal-aħħar għandhiex tiġi interpretata fis-sens li r-regoli li jiżguraw l-implementazzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali għandhom jingħataw trattament proċedurali rriżervat, fl-ordinament ġuridiku intern, għal regoli ta’ ordni pubbliku, b’tali mod li l-qorti nazzjonali għandha l-obbligu li teżamina ex officio n-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u, jekk ikun xieraq, li tannulla l-imsemmija klawżola.

36

Din id-domanda tinkludi żewġ partijiet, l-ewwel waħda hija relatata mal-obbligu, tal-qorti nazzjonali, li tirrileva ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, it-tieni waħda hija relatata mal-konsegwenzi li l-qorti nazzjonali għandha tislet mill-konstatazzjoni ta’ tali natura inġusta.

Fuq l-obbligu li tirrileva ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali

37

Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ewwel parti tat-tieni domanda hija marbuta mal-eżistenza, fid-dritt nazzjonali, ta’ regola li timponi fuq il-qorti nazzjonali fil-fażi tal-appell li tieħu inkunsiderazzjoni, fil-prinċipju, l-ilmenti ppreżentati mill-partijiet u li tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq dawn tal-aħħar, iżda li madankollu tippermettilha li tapplika ex officio d-dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku.

38

Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, li jipprovdi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi, tikkostitwixxi dispożizzjoni obbligatorja li hija intiża li tbiddel l-ekwilibriju formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tal-partijiet kontraenti f’ekwilibriju reali li jista’ jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejniethom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Banco Español de Crédito, punt 40, u Banif Plus Bank, punt 20).

39

Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni mixtieqa mid-Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat diversi drabi li s-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza li teżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur tista’ tiġi kkumpensata biss b’intervent pożittiv, li ma jiġix mill-partijiet fil-kuntratt (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Banco Español de Crédito, punt 41, u Banif Plus Bank, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qorti nazzjonali hija obbligata, meta jkollha l-punti neċessarji ta’ liġi u ta’ fatt, li tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u, b’dan il-mod, li tirrimedja l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Banco Español de Crédito, punt 42, u Banif Plus Bank, punt 22).

41

Konsegwentement, ir-rwol li huwa attribwit mid-dritt tal-Unjoni lill-qorti nazzjonali fil-qasam ikkunsidrat ma huwiex limitat għas-sempliċi possibbiltà li tiddeċiedi dwar in-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, iżda jinkludi wkoll l-obbligu li teżamina ex officio din il-kwistjoni, meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Banco Español de Crédito, punt 43, u Banif Plus Bank, punt 23).

42

Fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ dawn l-obbligi mill-qorti nazzjonali fil-fażi tal-appell, jeħtieġ li jitfakkar li, fl-assenza ta’ regolamentazzjoni mid-dritt tal-Unjoni, il-modalitajiet proċedurali tal-appell intiżi sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni, jiddependu mill-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom ikunu organizzati b’tali mod li, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jkun impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Banco Español de Crédito, punt 46, u Banif Plus Bank, punt 26).

43

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, li tagħmel riferimenti impliċitu għalih it-tieni domanda preliminari, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, kif ġie mfakkar fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jikkostitwixxi dispożizzjoni ta’ natura obbligatorja. Barra minn dan, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-direttiva, kollha kemm hi, tikkostitwixxi miżura indispensabbli għat-twettiq tal-kompiti mogħtija lill-Unjoni u, b’mod partikolari, sabiex jogħlew il-livelli tal-għixien u tal-kwalità tal-ħajja f’din tal-aħħar (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM, C-243/08, Ġabra p. I-4713, punt 26, u Banco Español de Crédito, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67).

44

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tan-natura u tal-importanza tal-interess pubbliku li fuqu hija bbażata l-protezzjoni li d-Direttiva tagħti lill-konsumatur, l-Artikolu 6 tagħha għandu jitqies li huwa regola ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li għandhom, fi ħdan l-ordinament ġuridiku intern, il-grad ta’ regoli ta’ ordni pubbliku (ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C-40/08, Ġabra p. I-9579, punt 52, u d-digriet tas-16 ta’ Novembru 2010, Pohotovost’, C-76/10, Ġabra p. I-11557, punt 50). Hemm lok li jiġi kkunsidrat li dik il-kwalifika tkopri d-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva li huma indispensabbli għat-twettiq tal-għan segwit mill-imsemmi Artikolu 6.

45

Minn dan jirriżulta li, meta l-qorti nazzjonali tkun kompetenti, skont ir-regoli tal-proċeduri nazzjonali, sabiex teżamina ex officio l-validità ta’ att ġuridiku fid-dawl ta’ regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku, li mill-indikazzjonijiet ipprovduti fid-deċiżjoni tar-rinviju, jidher li huwa l-każ fis-sistema ġudizzjarja Olandiża tal-qorti fil-fażi tal-appell, hija għandha teżerċita wkoll dik il-kompetenza sabiex tevalwa ex officio, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mid-Direttiva, in-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar.

46

Jeħtieġ li jitfakkar li tali obbligu jaqa’ wkoll fuq il-qorti nazzjonali meta jkollha, fil-kuntest tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali, is-sempliċi possibbiltà li tevalwa ex officio jekk klawżola bħal din tmurx kontra r-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku (ara s-sentenza Asturcom Telecomunicaciones, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-qorti nazzjonali mill-konstatazzjoni dwar in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali

47

Mill-proċess li għandha l-qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tieni parti tat-tieni domanda hija marbuta mal-eżistenza, fid-dritt nazzjonali, ta’ regola li l-qorti nazzjonali ma tistax, fil-prinċipju, tannulla klawżola inġusta jekk il-konsumatur ma jkunx invoka n-nullità tagħha. Il-qorti tista’ madankollu tannulla ex officio klawżola li tkun tikser l-ordni pubbliku jew dispożizzjoni legali vinkolanti, meta tali klawżola jkollha portata li tiġġustifika tali sanzjoni.

48

Jeħtieġ li jitfakkar li l-ewwel parti tas-sentenza tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva teżiġi lill-Istati Membri li jadottaw dispożizzjoni li tistabbilixxi li l-klawżoli inġusti ma għandhomx jorbtu lill-konsumaturi, “kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom”.

49

Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat din id-dispożizzjoni fis-sens li l-qorti nazzjonali għandha tislet il-konsegwenzi kollha li, skont id-dritt nazzjonali, jirriżultaw mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni sabiex jiġi żgurat li l-konsumatur ma jkunx marbut b’din il-klawżola (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Banco Español de Crédito, punt 63, u Banif Plus Bank, punt 27). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-qorti nazzjonali, meta tikkunsidra li klawżola kuntrattwali hija inġusta, hija obbligata li ma tapplikahiex, sakemm il-konsumatur ma jopponix dan (ara s-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, Pannon GSM, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

50

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-effikaċja sħiħa tal-protezzjoni prevista mid-Direttiva teħtieġ li l-qorti nazzjonali li tkun ikkonstatat ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola għandha tkun tista’ tislet il-konsegwenzi kollha ta’ din il-konstatazzjoni, mingħajr ma tistenna li l-konsumatur, informat dwar id-drittijiet tiegħu, jippreżenta dikjarazzjoni fejn jitlob li din il-klawżola tiġi annullata (sentenza Banif Plus Bank, iċċitata iktar ’il fuq, punti 28 u 36).

51

Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 43 u 44 ta’ din is-sentenza, isegwi li, meta l-qorti nazzjonali jkollha s-setgħa, skont ir-regoli tal-proċedura interni, li tannulla ex officio klawżola li tmur kontra l-ordni pubbliku jew dispożizzjoni legali vinkolanti li l-portata tagħha tkun tiġġustifika dik is-sanzjoni, li mill-indikazzjonijiet provduti fid-deċiżjoni tar-rinviju, jidher li huwa l-każ fis-sistema ġudizzjarja Olandiża tal-qorti fil-fażi tal-appell, hija għandha wkoll tannulla ex officio, klawżola kuntrattwali li hija tkun ikkonstatat li hija ta’ natura inġusta fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mid-Direttiva.

52

F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jitfakkar li l-prinċipju ta’ kontradittorju, bħala regola ġenerali, jimponi fuq il-qorti nazzjonali, li tkun ikkonstatat ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola, l-obbligu li tinforma b’dan lill-partijiet fil-kawża u li tagħtihom il-possibbiltà jiddiskutuha b’mod kontradittorju skont il-formalitajiet previsti f’dan ir-rigward mir-regoli proċedurali nazzjonali (sentenza Banif Plus Bank, iċċitata iktar ’il fuq, punti 31 u 36).

53

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għat-tieni domanda li d-Direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li:

meta l-qorti nazzjonali, li tkun adita b’kawża ppreżentata minn bejjiegħ jew fornitur kontra konsumatur, li tkun tirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt, ikollha s-setgħa, skont ir-regoli proċedurali interni, li teżamina ex officio l-kuntrarjetà bejn il-klawżola li fuqha tkun ibbażata t-talba u r-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku, hija għandha bl-istess mod, ġaladarba jkun ġie stabbilit li l-imsemmija klawżola tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva, tevalwa ex officio n-natura possibbilment inġusta ta’ din tal-aħħar fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-imsemmija Direttiva;

meta l-qorti nazzjonali jkollha s-setgħa, skont ir-regoli proċedurali interni, li tannulla ex officio klawżola li tmur kontra l-ordni pubbliku jew kontra dispożizzjoni legali vinkolanti li l-portata tagħha tkun tiġġustifika dik is-sanzjoni, hija għandha, fil-prinċipju, wara li tkun tat lill-partijiet il-possibbiltà ta’ diskussjoni kontradittorja, tannulla ex officio klawżola kuntrattwali li hija tkun ikkonstatat in-natura inġusta tagħha fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-imsemmija direttiva.

Fuq it-tielet domanda

54

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva jistax jiġi interpretat fis-sens li dan jippermetti lill-qorti nazzjonali, meta din tkun stabbilixxiet in-natura inġusta ta’ klawżola ta’ penalità, li minflok telimina l-applikazzjoni tal-imsemmija klawżola, sempliċiment timmodera l-ammont tal-penalità prevista minn din il-klawżola, kif ikun awtorizzat mid-dritt nazzjonali, kif ukoll kif ikun intalab mill-konsumatur.

55

Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-anness tad-Direttiva isemmi, fil-paragrafu 1(e) tiegħu, fost il-klawżoli li jistgħu jiġu ddikjarati inġusti fis-sens tal-Artikolu 3(3) ta’ dik id-Direttiva, dawk il-klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li jimponu fuq il-konsumatur li jonqos milli jwettaq l-obbligazzjonijiet tiegħu li jħallas somma sproporzjonalment għolja bħala kumpens. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dan ir-rigward li, għalkemm il-kontenut ta’ dak l-anness ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi awtomatikament u fih innifsu n-natura inġusta ta’ klawżola kontenzjuża, madankollu huwa jikkostitwixxi element essenzjali li fuqu l-qorti tista’ tibbaża l-evalwazzjoni tagħha dwar in-natura inġusta ta’ dik il-klawżola (sentenza tas-26 ta’ April 2012, Invitel, C-472/10, punt 26).

56

Fir-rigward tal-punt dwar jekk il-qorti nazzjonali, ġaladarba tkun stabbilixxiet in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, tistax sempliċement timmodera l-ammont tal-penalità prevista minn dik il-klawżola, kif jawtorizzaha tagħmel l-Artikolu 94(1) tal-BW, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jipprevedi espressament fit-tieni parti tas-sentenza tiegħu li l-kuntratt konkluż bejn il-bejjiegħ jew fornitur u l-konsumatur għandu jibqa’ vinkolanti għall-partijiet “fuq dawn il-klawżoli” jekk ikun kapaċi jkompli jeżisti “mingħajr il-klawżoli inġusti”.

57

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet mill-kliem tal-imsemmi Artikolu 6(1), li l-qrati nazzjonali huma obbligati li jeliminaw l-applikazzjoni ta’ klawżola kuntrattwali inġusta bil-għan li dawn ma jipproduċux effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, mingħajr ma huma awtorizzati jirrevedu l-kontenut ta’ din tal-aħħar. Il-kuntratt għandu jissussisti, fil-prinċipju, mingħajr ebda modifika oħra minbarra dik li tirriżulta mit-tħassir tal-klawżoli inġusti, sa fejn tali persistenza tal-kuntratt tkun ġuridikament possibbli b’mod konformi mar-regoli tad-dritt nazzjonali (sentenza Banco Español de Crédito, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65).

58

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li dik l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan u l-ispirtu ġenerali tad-Direttiva. F’dan ir-rigward, hija fakkret li, minħabba n-natura u l-importanza tal-interess pubbliku li sserraħ fuqhom il-protezzjoni żgurata lill-konsumaturi, id-Direttiva timponi fuq l-Istati Membri, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tagħha, l-obbligu li jipprovdu mezzi adegwati u effettivi “biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri”. Issa, li kieku l-qorti nazzjonali tkun tista’ tirrevedi l-kontenut tal-klawżoli inġusti li jinsabu f’tali kuntratti, tali fakultà tkun suxxettibbli li timmina t-twettiq tal-għan għal żmien twil previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva, peress li timmina l-effett dissważiv eżerċitat fuq il-bejjiegħa jew fornituri bil-pur u sempliċi nuqqas ta’ applikazzjoni fir-rigward tal-konsumaturi ta’ tali klawżoli inġusti (sentenza Banco Español de Crédito, iċċitata iktar ’il fuq, punti 66 sa 69).

59

Isegwi li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva ma jistax jiġi interpretat bħala li jippermetti lil qorti nazzjonali, fil-każ fejn tkun ġiet stabbilita n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ penalità f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, li tnaqqas l-ammont tal-penalità imposta fuq il-konsumatur minflok li telimina għal kollox l-applikazzjoni tal-klawżola inkwistjoni fid-dawl ta’ din tal-aħħar.

60

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għat-tielet domanda li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jippermettix li qorti nazzjonali, meta din tkun stabbilixxiet in-natura inġusta ta’ klawżola ta’ penalità f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, sempliċement, kif awtorizzata tagħmel mid-dritt nazzjonali, li timmodera l-ammont tal-penalità impost minn dik il-klawżola fuq dak il-konsumatur, iżda li jobbligaha li purament u simpliċement telimina l-applikazzjoni tal-imsemmija klawżola fil-konfront tal-konsumatur.

Fuq l-ispejjeż

61

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandha tiġi interpretata fis-sens li, b’riżerva għad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi mandatarji statutorji jew regolamentari previsti mid-dritt nazzjonali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali, hija tapplika għal kuntratt ta’ lokazzjoni ta’ abitazzjoni, konkluż bejn proprjetarju li jkun qiegħed jaġixxi fil-kuntest tal-attività kummerċjali tiegħu u inkwilin li jkun qiegħed jaġixxi għal skopijiet li ma jaqgħux fil-kuntest tal-attività kummerċjali tiegħu.

 

2)

Id-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li:

meta l-qorti nazzjonali, li tkun adita b’kawża ppreżentata minn bejjiegħ jew fornitur kontra konsumatur, li tkun tirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt, ikollha s-setgħa, skont ir-regoli proċedurali interni, li teżamina ex officio l-kuntrarjetà bejn il-klawżola li fuqha tkun ibbażata t-talba u r-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku, hija għandha bl-istess mod, ġaladarba jkun ġie stabbilit li l-imsemmija klawżola tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva, tevalwa ex officio n-natura possibbilment inġusta ta’ din tal-aħħar fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-imsemmija Direttiva;

meta l-qorti nazzjonali jkollha s-setgħa, skont ir-regoli proċedurali interni, li tannulla ex officio klawżola li tmur kontra l-ordni pubbliku jew kontra dispożizzjoni legali vinkolanti li l-portata tagħha tkun tiġġustifika dik is-sanzjoni, hija għandha, fil-prinċipju, wara li tkun tat lill-partijiet il-possibbiltà ta’ diskussjoni kontradittorja, tannulla ex officio klawżola kuntrattwali li hija tkun ikkonstatat in-natura inġusta tagħha fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-imsemmija Direttiva.

 

3)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jippermettix li qorti nazzjonali, meta din tkun stabbilixxiet in-natura inġusta ta’ klawżola ta’ penalità f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, sempliċement, kif awtorizzata tagħmel mid-dritt nazzjonali, timmodera l-ammont tal-penalità impost minn dik il-klawżola fuq dak il-konsumatur, iżda li huwa jobbligaha li purament u simpliċement telimina l-applikazzjoni tal-imsemmija klawżola fil-konfront tal-konsumatur.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.