SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

30 ta’ Mejju 2013 ( *1 )

“Direttiva 93/13/KEE — Klawżoli inġusti inklużi f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Eżami ex officio, minn qorti nazzjonali, tan-natura inġusta ta’ klważola kuntrattwali — Konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-qorti nazzjonali mill-konstatazzjoni dwar in-natura inġusta tal-klawżola”

Fil-Kawża C‑397/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Bíróság (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Lulju 2011, fil-proċedura

Erika Jőrös

vs

Aegon Magyarország Hitel Zrt.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Levits, M. Safjan u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ungeriż, minn K. Szíjjártó u Z. Fehér, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Owsiany‑Hornung kif ukoll minn M. van Beek u V. Kreuschitz, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) ta’ din tal-aħħar.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn E. Jőrös u Aegon Magyarország Hitel Zrt. (iktar ’il quddiem “Aegon”) dwar ammonti dovuti abbażi tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn dawk il-partijiet.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13 tiddefinixxi l-klawżola inġusta kif ġej:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

4

L-Artikolu 4(1) ta’ dik id-Direttiva jippreċiża:

“[...] il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.”

5

Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva:

“Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar [...]”

6

Fir-rigward tal-effetti marbuta mal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola, l-Artikolu 6(1) tal-istess Direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

Id-dritt nazzjonali

Id-dritt materjali

7

Skont l-Artikolu 209(1) tal-liġi IV tal-1959, li tistabbilixxi l-kodiċi ċivili (a Polgári Törvénykönyvről szóló 1959. évi IV. Törvény, iktar ’il quddiem il-“kodiċi ċivili”), li kien fis-seħħ fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, “kundizzjoni kuntrattwali ġenerali jew klawżola ta’ kuntratt mal-konsumatur li ma kinux is-suġġett ta’ negozjati individwali jkunu inġusti meta, bi ksur tal-obbligi ta’ bona fide u ta’ lealtà, jiddeterminaw id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt b’mod unilaterali u mhux motivat għad-detriment tal-parti kontraenti li ma tkunx l-awtur tal-klawżola”.

8

L-Artikolu 209/A(2) tal-kodiċi ċivili jipprovdi li tali klawżoli huma nulli.

9

Skont l-Artikolu 2(d) tad-Digriet Governattiv Nru 18/1999 (II.5) dwar il-klawżoli li għandhom jitqiesu li huma inġusti fil-kuntratti mal-konsumatur (a fogyasztóval kötött szerződésben tisztességtelennek minősülő feltételekről szóló 18/1999 (II.5) kormányrendelet), tal-5 ta’ Frar 1999 (Magyar Közlöny 1999/8) għandhom b’mod partikolari jitqiesu bħala inġusti, salv prova kuntrarja, il-klawżoli li jippermettu lill-parti ko-kontraenti tal-konsumatur li temenda l-kuntratt b’mod unilaterali, mingħajr il-bżonn li tinvoka ġustifikazzjoni u, partikolarment, li żżid il-korrispettiv finanzjarju stabbilit mill-kuntratt, jew li jippermettu lil din il-parti kontraenti li temenda l-kuntratt b’mod unilaterali minħabba kawża ġusta definita fil-kuntratt, jekk, f’tali każ, il-konsumatur ma jkollux id-dritt li jittermina jew jirrexxindi l-kuntratt b’effett immedjat.

Id-dritt proċedurali

10

Skont l-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru III tal-1952, li tistabbilixxi kodiċi ta’ proċedura ċivili (a polgári perrendtartásról szóló 1952. évi III. Törveny, iktar ’il quddiem il-“kodiċi ta’ proċedura ċivili”), il-qorti, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni legali kuntrarja, hija marbuta mit-talbiet u mill-argumenti legali mressqa mill-partijiet.

11

Skont l-Artikolu 23(1)(k) tal-kodiċi tal-proċedura ċivili, il-proċeduri intiżi sabiex jistabbilixxu l-invalidità ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti, b’mod partikolari abbażi tal-Artikolu 209/A(2) ta’ dak il-kodiċi jaqgħu taħt il-kompetenza tal-qrati reġjonali.

12

L-avviż 2/2010/VI.28./PK tal-awla konġunta ċivili tal-Magyar Legfelsőbb Bíróság (Qorti Superjuri tal-Ungerija), tat-28 ta’ Ġunju 2010, relatat ma’ ċerti kwistjonijiet ta’ proċedura li jirrigwardaw il-proċeduri għal nullità, jipprovdi l-preċiżjonijiet li ġejjin:

“4.

a)

Qorti għandha tikkunsidra ex officio biss dawk il-każijiet ta’ nullità manifesta li jistgħu jiġu stabbiliti b’mod ċar abbażi ta’ provi disponibbli. [...]

b)

Il-kunsiderazzjoni ex officio ta’ każ ta’ nullità fl-istadju tal-appell hija obbligatora jekk l-eżistenza ta’ kawża ta’ nullità tkun tirriżulta b’mod ċar mill-elementi tal-proċedura tal-ewwel istanza. [...]

5.

a)

[...] F’kawża ċivili, il-qorti hija ġeneralment marbuta mill-espożizzjoni taċ-ċirkustanzi inkluża fir-rikors, mis-suġġett ta’ dan tal-aħħar, u għalhekk mid-dritt li l-parti tkun trid teżerċita. Skont l-Artikolu 121(1)(ċ) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili, ir-rikors għandu jsemmi d-dritt invokat, iżda mhux il-bażi legali konkreta. Għaldaqstant, il-fatt li hija marbuta bir-rikors ma jfissirx li l-qorti hija marbut bil-bażi legali invokata b’mod żblajat mill-parti. Jekk il-fatti esposti mil-parti jkunu jagħtu lir-rikors jew lill-kontrotalba bażi legali oħra, il-qorti tista’ tirriprestina l-klassifikazzjoni vera tagħha skont il-liġi.

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Fl-4 ta’ Lulju 2007, E. Jőrös ikkonkludiet kuntratt ta’ kreditu ma’ Aegon, entità finanzjarja Ungeriża, għal somma ta’ madwar CHF 160 000 (frank Svizzeru), imħallas fi fjorini Ungeriżi (HUF), għal perijodu fiss, jiġfieri sal-15 ta’ Awwissu 2024.

14

L-imsemmi kuntratt, li ġie konkluż abbażi ta’ eżemplari stabbilit minn qabel minn Aegon, kien jipprevedi l-ħlas tal-interessi, li r-rata tagħhom fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt kienet ta’ 4.5 % fis-sena, u tal-ispejjeż ta’ ġestjoni, li r-rata tagħhom fl-istess mument kienet ta’ 2.2 % fis-sena. Fil-mument tal-likwidazzjoni kienet dovuta kummissjoni tal-użu li tekwivali għal 1.5 % tal-ammont totali tas-self, b’ammont minimu ta’ CHF 250 u dak massimu ta’ CHF 1 759. Għalhekk, ir-rata annwali effettiva globali kienet tammonta għal 7.658 %.

15

Il-klawżola 3.2 tal-parti ġenerali II tal-kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn Jőrös u Aegon kienet tipprovdi li persuna li ssellef kellha d-dritt, fi tmiem kull sena u għas-sena sussegwenti, li jemenda l-ammont tal-ispejjeż ta’ ġestjoni skont skema u skont il-modalitajiet definiti mir-regolament permanenti ta’ dik l-entità finanzjarja.

16

Il-klawżola 8.2 ta’ dak il-kuntratt kien jistabbilixxi li l-persuna li ssellef kellha d-dritt li temenda b’mod unilaterali r-rata tal-interessi jew l-ammont tal-ispejjeż l-oħra previsti mill-imsemmi kuntratt, kif ukoll li tintroduċi kategoriji ġodda ta’ kummissjonijiet u ta’ spejjeż, f’każ ta’ tibdil tal-ispejjeż marbuta mal-finanzjament tat-tranżazzjoni.

17

Il-klawżola 12.2 ta’ dak l-istess kuntratt kienet tipprevedi li jekk, wara kwalunkwe tibdil ta’ dispożizzjoni legali jew amministrattiva jew anki varjazzjonijiet fl-interpretazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, Aegon tiġi esposta għal spejjeż ġodda li hija ma setgħetx tipprevedi fil-mument tal-iffirmar tal-kuntratt, il-persuna li tissellef tkun obbligata tħallas, fuq talba ta’ din l-entità finanzjarja, somma li tkopri dawn l-ispejjeż jew, alternattivament, l-imsemmija entità jkollha d-dritt tbiddel b’mod unilaterali r-rata tas-self jew l-ammonti tal-kummissjoni.

18

Il-kuntratt ta’ kreditu ma kienx jipprevedi, f’każ ta’ tibdil unilaterali mill-entità finanzjarja, għad-dritt ta’ rexxissjoni b’effett immedjat min-naħa tal-persuna li tissellef.

19

E. Jőrös ippreżenata rikors kontra Aegon, l-entità li ssellef, quddiem il-Pesti Központi kerületi bíróság (tribunal ċentrali taċ-ċentru ta’ Pest). Hija sostniet, fir-rikors tagħha, l-invalidità parzjali tal-kuntratt ta’ kreditu, billi allegat n-natura ta’ self b’użura, li tmur kontra l-prattika użu ġust u reali tad-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar. Madankollu, hija ma talbitx lil qorti sabiex tikkonstata n-nullità parzjali ta’ dak il-kuntratt abbażi tan-natura inġusta tad-dispożizzjonijiet tiegħu.

20

Il-Pesti Központi kerületi bíróság ċadet ir-rikors ta’ E. Jőrös permezz tas-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2010. Mill-motivazzjoni ta’ dik is-sentenza jirriżulta li E. Jőrös ma setgħetx turi n-natura ta’ self b’użura, li tmur kontra l-użu ġust u reali tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi tal-kuntratt ta’ kreditu.

21

E. Jőrös appellat minn dik is-sentenza quddiem il-Fővárosi Bíróság (li saret il-Fővárosi Törvényszék). Hija pprevalixxiet ruħha min-nullità tal-klawżoli 3.2, 8.1, 8.2 u 12.2 tal-kuntratt ta’ kreditu, abbażi tal-fatt li dawn kienu jmorru manifestament kontra l-prattika ġusta u reali peress li dawn jagħtu lill-kreditur il-fakultà li jbiddel il-klawżoli tal-kuntratt b’mod unilaterali u li jimponu fuq id-debitur il-konsegwenzi tat-tibdil ulterjuri tal-kuntratt miġjuba mill-kreditur, iżda li fuqhom id-debitur ma’ għandu l-ebda influwenza. Hija ssostni li, wara t-tibdil li sar b’applikazzjoni ta’ dawk il-klawżoli, l-ammont tas-self u l-piż tar-rimbors żdiedu bi proporzjonijiet tali li hija ma setgħetx iktar tiffaċċjahom.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Bíróság iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Qorti nazzjonali taġixxi skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [93/13] jekk, meta tkun ikkonstatata n-natura abbużiva ta’ kundizzjoni kuntrattwali ġenerali msemmija f’rikors, hija teżamina l-kwistjoni tan-nullità tal-kuntratt għal din ir-raġuni, mingħajr ma l-partijiet ikunu hekk talbuha partikolarment?

2)

Il-qorti nazzjonali għandha, f’rikors ippreżentat minn konsumatur, taġixxi kif deskritt fl-ewwel domanda meta, bħala prinċipju, il-kompetenza sabiex tikkonstata n-nullità ta’ kuntratt minħabba n-natura abbużiva ta’ waħda mill-kundizzjonijiet kuntrattwali ġenerali ma hijiex dik ta’ tribunal lokali, iżda ta’ qorti ta’ livell iktar għoli, jekk il-parti leża tippreżenta rikors fuq dik il-bażi?

3)

F’każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda, qorti nazzjonali, li tagħti deċiżjoni bħala qorti tal-appell, għandha d-dritt li teżamina n-natura abbużiva ta’ kundizzjoni kuntrattwali ġenerali jekk dan il-punt ma jkunx tqajjem fl-ewwel istanza u meta, skont id-dritt nazzjonali, bħala regola ġenerali, ma jistgħux jitressqu fatti ġodda jew jiġu prodotti provi ġodda fl-appell?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq it-tielet domanda

23

Permezz ta’ dik id-domanda, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 93/13 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li qorti nazzjonali, adita b’appell ta’ kawża li tirrigwarda l-validità tal-klawżoli inklużi f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur abbażi ta’ eżemplari stabbilit minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, għandha d-dritt li teżamina n-natura inġusta tal-klawżoli kontenzjużi jekk din il-kawża ta’ invalidità ma tkunx tqajjmet fl-ewwel istanza, meta, skont id-dritt nazzjonali, bħala regola ġenerali, fl-istadju tal-appell ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fatti ġodda jew provi ġodda.

24

Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, kif enfasizzat il-Kummissjoni Ewropea, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi l-ebda indikazzjoni dwar il-produzzjoni mill-partijiet fil-kawża prinċipali, fl-istadju tal-appell, ta’ fatti jew ta’ provi ġodda. Peress li t-tielet domanda għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tirrigwarda, parzjalment, il-punt dwar jekk qorti tal-appell, adita b’kawża li tirrigwarda l-validità ta’ klawżoli inklużi f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, hijiex obbligata taċċetta l-produzzjoni ta’ fatti jew provi ġodda, dik il-parti tad-domanda hija għalhekk ipotetika u, bħala tali, inammissibbli (ara, b’mod partikolari, b’analoġija, s-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2013, Radu, C-396/11, punt 24).

25

Bil-għan li tingħata risposta għall-parti ammissibbli tad-domanda, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, li jipprovdi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi, jikkostitwixxi dispożizzjoni mandatorja li hija maħsuba sabiex tissostitwixxi l-bilanċ formali stabbilit mill-kuntratt bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’bilanċ reali ta’ natura li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn il-partijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, punt 40, u tal-21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank, C‑472/11, punt 20).

26

Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni mixtieqa mid-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat diversi drabi li s-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza li teżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur tista’ tiġi kkumpensata biss b’intervent pożittiv, li ma jiġix mill-partijiet fil-kuntratt (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Banco Español de Crédito, punt 41, u Banif Plus Bank, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qorti nazzjonali hija obbligata, meta jkollha l-punti neċessarji ta’ liġi u ta’ fatt, li tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u, b’dan il-mod, li tirrimedja l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Banco Español de Crédito, punt 42 sa 44, u Banif Plus Bank, punt 22 sa 24).

28

Konsegwentement, ir-rwol li huwa attribwit mid-dritt tal-Unjoni lill-qorti nazzjonali fil-qasam ikkunsidrat ma huwiex limitat għas-sempliċi possibbiltà li tiddeċiedi dwar in-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, iżda jinkludi wkoll l-obbligu li teżamina ex officio din il-kwistjoni, meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Banco Español de Crédito, punt 43, u Banif Plus Bank, punt 23).

29

Fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ dawn l-obbligi mill-qorti nazzjonali fil-fażi tal-appell, jeħtieġ li jitfakkar li, fl-assenza ta’ regolamentazzjoni mid-dritt tal-Unjoni, il-modalitajiet proċedurali tal-appell intiżi sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni jiddependu mill-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom ikunu organizzati b’tali mod li, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jkun impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Banco Español de Crédito, punt 46, u Banif Plus Bank, punt 26).

30

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, jeħtieġ li jiġi rrilevat li minn dan tal-aħħar jirriżulta li, meta qorti nazzjonali fl-istadju tal-appell ikollha l-fakultà jew l-obbligu li tevalwa ex officio il-validità ta’ att ġuridiku fid-dawl tar-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku, anki jekk tali kwistjoni ma tkunx tqajjmet fl-ewwel istanza, hija xorta waħda għandha tevalwa ex officio, fid-dawl tal-kriterji tad-Direttiva 93/13, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-direttiva. F’każ li l-qorti tar-rinviju tistabbilixxi li, fis-sitwazzjonijiet ta’ natura interna, hija għandha dik il-kompetenza, hija tkun obbligata teżerċita din tal-aħħar f’sitwazzjoni bħal dik eżistenti fil-kawża prinċipali, li tpoġġi f’dubju il-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur naxxenti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C-40/08, Ġabra p. I-9579, punti 53 u 54, kif ukoll tat-30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito, C‑488/11, punti 45 u 46).

31

Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi rrilevat li, abbażi tal-proċess li ġie ppreżentat quddiemha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-ebda element ta’ natura li jqajjem dubju fir-rigward tal-konformità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-imsemmi prinċipju.

32

F’dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-post ta’ din id-dispożizzjoni fit-totalità tal-proċedura, tal-iżvolġiment u tal-partikolaritajiet tagħha, quddiem id-diversi qrati nazzjonali (ara s-sentenza Banco Español de Crédito, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti nazzjonali hija obbligata li tinterpreta u tapplika id-dispożizzjonijiet nazzjonali kollha li jirregolaw il-kawża li tkun adita biha f’sens li jippermetti, sa fejn dan ikun possibbli, li tiġi żgurata l-implementazzjoni effettiva tad-drittijiet żgurati mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

33

F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li skont il-punt 4(b) tal-Avviż 2/2010/VI.28./PK tal-awla konġunta ċivili tal-Legfelsőbb Bíróság, tat-28 ta’ Ġunju 2010, il-qorti tal-appell għandha tieħu inkunsiderazzjoni ex officio każ ta’ nullità jekk l-eżistenza tal-klawżola ta’ din tal-aħħar tkun tirriżulta b’mod ċar mill-elementi tal-proċedura tal-ewwel istanza.

34

Dak l-avviż jippreċiża wkoll, fil-punt 5(a) tiegħu, li jekk il-fatti esposti mir-rikorrenti jkunu jagħtu lir-rikors bażi ġuridika oħra minn dik invokata mill-imsemmija parti, il-qorti adita tista’ tipproċedi bir-riklassifikazzjoni adegawata, skont il-liġi, tal-bażi tat-talba ppreżentata quddiemha.

35

Kif sostna l-Gvern Ungeriż fl-osservazzjonijiet li ppreżenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li jiġi dedott minn dak l-avviż li, fis-sistema ġuridika Ungeriża, il-qorti fl-istadju tal-appell hija kompetenti, meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji għal dan l-għan, sabiex, ex officio jew waqt li ttikklassifika mill-ġdid il-bażi legali tat-talba, tevalwa l-eżistenza ta’ kawża ta’ nullità ta’ klawżola kuntrattwali li tirriżulta minn dawk l-elementi, anki meta l-parti fil-kawża li setgħet tipprevalixxi ruħha minnha ma tkunx invokat dik il-kawża ta’ nullità.

36

Kif ġie mfakkar fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, ġaladarba qorti nazzjonali fl-istadju tal-appell ikollha dik il-kompetenza fis-sitwazzjonijiet ta’ natura interna, hija għandha teżerċitha f’sitwazzjoni bħal dik preżenti fil-kawża prinċipali, li tpoġġi f’dubju il-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur naxxenti mid-Direttiva 93/13.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li r-regoli nazzjonali proċedurali applikabbli fil-kawża prinċipali ma jidhrux li huma, fihom innifishom, ta’ natura li jirrendu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-protezzjoni tad-drittijiet li d-Direttiva 93/13 tagħti lill-konsumatur.

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għat-tielet domanda li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta qorti nazzjonali, adita b’appell minn kawża li tirrigwarda l-validità ta’ klawżoli inklużi f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur abbażi ta’ eżemplari stabbilit minn qabel mill-imsemmi bejjiegħ jew fornitur, ikollha s-setgħa, skont ir-regoli proċedurali interni tagħha, li teżamina kwalunkwe kawża ta’ nullità li tkun tirriżulta b’mod ċar mill-elementi ppreżentati fl-ewwel istanza u, fejn xieraq, li tikklassifika mill-ġdid, skont il-fatti stabbiliti, il-bażi ġuridika invokata sabiex tiġi stabbilita l-invalidità ta’ dawk il-klawżoli, hija għandha, ex officio jew waqt li tikklassifika mill-ġdid il-bażi legali tat-talba, tevalwa n-natura inġusta tal-imsemmija klawżoli fid-dawl tal-kriterji ta’ dik id-direttiva.

Fuq l-ewwel domanda

39

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li tkun ikkonstatat in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali tistax teżamina ex officio jekk hemmx lok li tannulla l-kuntratt għal din ir-raġuni, meta l-partijiet ma jkunux ippreżentaw talba f’dan is-sens.

40

Fir-rigward tal-azzjonijiet li jinvolvu konsumatur individwali, l-ewwel parti tas-sentenza tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 tobbliga lill-Istati Membri jadottaw dispożizzjonijiet li jistabbilixxu li l-klawżoli inġusti “kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur”.

41

Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat din id-dispożizzjoni fis-sens li l-qorti nazzjonali għandha tislet il-konsegwenzi kollha li, skont id-dritt nazzjonali, jirriżultaw mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni sabiex jiġi żgurat li l-konsumatur ma jkunx marbut b’din il-klawżola (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Banco español de Crédito, punt 63, u Banif Plus Bank, punt 27). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-qorti nazzjonali, meta tikkunsidra li klawżola kuntrattwali hija inġusta, hija obbligata li ma tapplikahiex, sakemm il-konsumatur, wara li jkun ġie avżat mill-imsemmija qorti, ma jopponix dan (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM, C-243/08, Ġabra p. I-4713, punt 35).

42

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-effikaċja sħiħa tal-protezzjoni prevista mid-Direttiva 93/13 teħtieġ li l-qorti nazzjonali li tkun ikkonstatat ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola għandha tkun tista’ tislet il-konsegwenzi kollha ta’ din il-konstatazzjoni, mingħajr ma tistenna li l-konsumatur, informat dwar id-drittijiet tiegħu, jippreżenta dikjarazzjoni fejn jitlob li din il-klawżola tiġi annullata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Banif Plus Bank, punt 28, kif ukoll Asbeek Brusse u de Man Garabito, punt 50).

43

Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tkun tipprevedi li l-klawżoli ddikjarati inġusti huma nulli, tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2012, Invitel, C‑472/10, punti 39 u 40).

44

Barra minn dan, il-qorti nazzjonali għandha tevalwa l-inċidenza tal-konstatazzjoni dwar in-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni fuq il-validità tal-kuntratt ikkonċernat u tiddetermina jekk l-imsemmi kuntratt jistax jissussisti mingħajr dik il-klawżola (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-16 ta’ Novembru 2010, Pohotovost’, C-76/10, Ġabra p. I-11557, punt 61).

45

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(1), in fine, tad-Direttiva 93/13 jindika li “kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti” (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič, C‑453/10, punt 29).

46

Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tad-Direttiva 93/13 fil-fatt ma huwiex dak li jiġu annullati l-kuntratti kollha li jkunu jinkludu klawżoli inġusti iżda dak li jiġi stabbilit mill-ġdid il-bilanċ bejn il-partijiet, filwaqt li jinżamm fil-prinċipju l-validità tal-kuntratt kollu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pereničová u Perenič, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

47

Fir-rigward tal-kriterji li bihom jista’ jiġi evalwat jekk kuntratt jistax effettivament jissussisti mingħajr il-klawżoli inġusti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kemm il-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll ir-rekwiżiti dwar iċ-ċertezza legali tal-attivitajiet ekonomiċi jargumentaw favur approċċ oġġettiv fl-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza Pereničová u Perenič, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32). Madankollu, peress li din id-direttiva wettqet biss approssimizzazzjoni parzjali u minimali tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali relatati ma’ klawżoli inġusti, hija ma tipprekludix lil Stat Membru milli jipprovdi, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, leġiżlazzjoni nazzjonali li biha jista jiġi ddikjarat null kollu kemm hu kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur u li jkun fih klawżola waħda jew iktar inġusti meta dan jiżgura protezzjoni aħjar tal-konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pereničová u Perenič, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

48

Għaldaqstant hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali hija obbligata, minn naħa, mingħajr ma tistenna lill-konsumatur jippreżenta talba f’dan is-sens, li tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw, skont id-dritt nazzjonali, minn dik il-konstatazzjoni bil-għan li tiżgura ruħha li dak il-konsumatur ma jkunx marbut bl-imsemmija klawżola u, min-naħa l-oħra, li tevalwa, fil-prinċipju abbażi ta’ kriterji oġġettivi, jekk il-kuntratt ikkonċernat jistax jissussisti mingħajr l-imsemmija klawżola.

Fuq it-tieni domanda

49

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk id-Direttiva 93/13 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li qorti nazzjonali li tikkonstata ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali tista’ teżamina jekk hemmx lok li tannulla l-kuntratt għal din ir-raġuni, anki meta, skont ir-regoli proċedurali interni, l-azzjonijiet intiżi għall-invalidità ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ organu ġudizzjarju ieħor.

50

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li huwa l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru li għandu jindika l-qorti kompetenti sabiex tiddeċiedi kwistjonijiet li jpoġġu f’dubju d-drittijiet individwali naxxenti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, bil-premessa madankollu li l-Istati Membri huma responsabbli li jiżguraw, f’kull każ, protezzjoni effettiva ta’ dawk id-drittijiet. Abbażi ta’ din ir-riżerva, il-Qorti tal-Ġustizzja ma’ għandhiex tintervjeni fis-soluzzjoni tal-problemi ta’ kompetenza li tista’ tqajjem, fil-livell tal-organizzazzjoni ġudizzjarja nazzjonali, il-klassifikazzjoni ta’ ċerti sitwazzjonijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult, C-54/96, Ġabra p. I-4961, punt 40, u tat-22 ta’ Mejju 2003, Connect Austria, C-462/99, Ġabra p. I-5197, punt 35).

51

Madankollu, kif tfakkar fil-punti 43 u 44 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 fis-sens li l-qorti nazzjonali għandha tislet il-konsegwenzi kollha li, skont id-dritt nazzjonali, jirriżultaw mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni bil-għan li tiżgura ruħha li l-konsumatur ma jkunx marbut minn din tal-aħħar.

52

F’dawk il-kundizzjonijiet, mill-eżiġenzi ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali b’mod konformi mad-Direttiva 93/13 u ta’ protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-konsumatur, jirriżulta li hija l-qorti nazzjonali li għandha, sa fejn possibbli, tapplika r-regoli proċedurali interni tagħha sabiex tikseb ir-riżultat stabbilit mill-Artikolu 6(1) ta’ dik id-direttiva.

53

Għaldaqstant, jeħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li qorti nazzjonali li tkun ikkonstatat ex officio in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha, sa fejn possibbli, tapplika r-regoli proċedurali interni tagħha b’tali mod li jkunu jistgħu jinsiltu l-konsegwenzi kollha li, skont id-dritt nazzjonali, jirriżultaw mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni bil-għan li tiżgura ruħha li l-konsumatur ma jkunx marbut b’din tal-aħħar.

Fuq l-ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta qorti nazzjonali, adita b’appell minn kawża li tirrigwarda l-validità ta’ klawżoli inklużi f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur abbażi ta’ eżemplari stabbilit minn qabel mill-imsemmi bejjiegħ jew fornitur, ikollha s-setgħa, skont ir-regoli proċedurali interni tagħha, li teżamina kwalunkwe kawża ta’ nullità li tkun tirriżulta b’mod ċar mill-elementi ppreżentati fl-ewwel istanza u, fejn xieraq, li tikklassifika mill-ġdid, skont il-fatti stabbiliti, il-bażi ġuridika invokata sabiex tiġi stabbilita l-invalidità ta’ dawk il-klawżoli, hija għandha, ex officio jew waqt li ttikklassifika mill-ġdid il-bażi legali tat-talba, tevalwa n-natura inġusta tal-imsemmija klawżoli fid-dawl tal-kriterji ta’ dik id-direttiva.

 

2)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali hija obbligata, minn naħa, mingħajr ma tistenna lill-konsumatur jippreżenta talba f’dan is-sens, li tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw, skont id-dritt nazzjonali, minn dik il-konstatazzjoni bil-għan li tiżgura ruħha li dak il-konsumatur ma jkunx marbut bl-imsemmija klawżola u, min-naħa l-oħra, li tevalwa, fil-prinċipju abbażi ta’ kriterji oġġettivi, jekk il-kuntratt ikkonċernat jistax jissussisti mingħajr l-imsemmija klawżola.

 

3)

Id-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li qorti nazzjonali li tkun ikkonstatat ex officio in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha, sa fejn possibbli, tapplika r-regoli proċedurali interni tagħha b’tali mod li jkunu jistgħu jinsiltu l-konsegwenzi kollha li, skont id-dritt nazzjonali, jirriżultaw mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni bil-għan li tiżgura ruħha li l-konsumatur ma jkunx marbut b’din tal-aħħar.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.