SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

21 ta’ Marzu 2013 ( *1 )

“VAT — Direttiva 2006/112/KE — Eżenzjonijiet — Artikolu 132(1)(b) u (ċ) — Sptar u kura medika kif ukoll l-attivitajiet relatati mill-viċin magħhom — Provvista tal-kura medika lill-persuna kkonċernata fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-professjonijiet mediċi u paramediċi — Servizzi li jikkonsistu f’atti kirurġiċi u trattamenti ta’ natura estetika — Intervent ta’ natura purament kożmetiku li jirriżulta biss mill-volontà tal-pazjent”

Fil-Kawża C-91/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Högsta förvaltningsdomstolen (l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Frar 2012, fil-proċedura

Skatteverket

vs

PFC Clinic AB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, E. Jarašiūnas, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-iSkatteverket, minn K. Korpinen, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti,

għall-Gvern Grieg, minn K. Paraskevopoulou u D. Kalogiros, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. De Stefano, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u C. Schillemans, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren u L. Lozano Palacios, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 132(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-iSkatteverket, li għandha ġurisdizzjoni, fl-Isvezja, fil-qasam tal-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”), u PFC Clinic AB (iktar ’il quddiem “PFC”) dwar is-suġġett tal-VAT dovuta skont il-perijodu kontabbli li jikkorrispondi għal Mejju 2007.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva tal-VAT

3

Id-Direttiva tal-VAT ħassret u ssostitiwixxiet, mill-1 ta’ Jannar 2007, il-leġiżlazzjoni Komunitarja fis-seħħ fil-qasam tal-VAT, essenzjalment, is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23).

4

It-Titolu IX tad-Direttiva tal-VAT huwa intitolat “Eżenzjonijiet”. Il-Kapitolu 1 ta’ dan it-titolu fih biss l-Artikolu 131, li jipprovdi kif ġej:

“L-eżenzjonijiet ipprovduti fil-Kapitoli 2 sa 9 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità skond kondizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jistabilixxu għall-finijiet li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawk l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew [kull] abbuż possibbli.”

5

Il-Kapitolu 2 tal-imsemmi Titolu IX huwa intitolat “Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl–interess pubbliku”. Jinkludi fih l-Artikoli 132 sa 134.

6

L-Artikolu 132(1), tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[…]

b)

sptar u kura medika u attivitajiet relatati mill-viċin immexxija minn korpi regolati mid-dritt pubbliku jew, skond kondizzjonijet soċjali komparabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi regolati mid-dritt pubbliku, minn sptarijiet, ċentri għat-trattament mediku jew djanjosi u stabblimenti oħrajn ta’ natura simili debitament rikonoxxuti;

(ċ)

il-provvediment tal-kura medika fl-eżerċizzju tal-professjonijet mediċi u paramediċi kif definiti mill-Istat Membru konċernat;

[…]”

7

L-Artikolu 133 tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jagħmlu l–għoti lil organi għajr dawk regolati mid-dritt pubbiku tal-eżenzjoni pprovduta b’mod partikolari fl-Artikolu 132(1)(b) ta’ din id-direttiva suġġett għal kull każ individwali għal wieħed jew iżjed mill-kundizzjonijet li jipprovdi.

8

Skont l-Artikolu 134 tad-Direttiva tal-VAT:

“Il-provvista ta’ merkanzija jew servizzi m’għandhiex tingħata eżenzjoni, kif previst fil-[punt] (b), […] ta’ l-Artikolu 132(1), fil-każijiet li ġejjin:

a)

fejn il-provvista m’hijiex essenzjali għat-transazzjonijiet eżenti;

b)

fejn l-iskop bażiku tal-provvista hu li tikseb dħul addizzjonali għall-korp in kwistjoni permezz ta’ transazzjonijet li huma f’kompetizzjoni diretta ma’ dawk ta’ impriżi kummerċjali soġġetti għall-VAT.”

9

Skont l-Artikolu 173 tad-Direttiva tal-VAT, f’dak li jirrigwarda l-prodotti jew is-servizzi użati minn persuna taxxabbli kemm għal attivitajiet li fir-rigward tagħhom il-VAT tista’ titnaqqas u għal attivitajiet li fir–rigward tagħhom il-VAT ma titnaqqasx, tali proporzjon biss tal-VAT li hi attribwibbli għall-attivitajiet ta’ qabel għandha l-possibbiltà li tiġi mnaqqsa. Il-proporzjon prorata li jista’ jitnaqqas huwa ddeterminat, skont l-Artikoli 174 u 175 ta’ din id-direttiva, għall-attivitajiet kollha magħmula mill-persuna taxxabbli.

Il-leġiżlazzjoni Svediża

10

Skont l-Artikolu 4 tal-Kapitolu 3 tal-Liġi 1994:200 dwar il-VAT [mervärdeskattelagen (1994:200), iktar ’il quddiem il-“ML”], il-provvista ta’ servizzi li timplika l-kura medika, ta’ dentistrija jew it-teħid ta’ responsabbiltà soċjali hija eżentata mill-VAT.

11

Skont l-Artikolu 5 tal-Kapitolu 3 tal-ML, kura medika tfisser l-atti ta’ prevenzjoni, ta’ eżami jew ta’ trattament ta’ mard, ta’ diffetti fiżiċi u ta’ feriti u ta’ kura li tirrigwarda t-twelid, jekk dawn l-atti jseħħu ġewwa l-isptarijiet jew stabbilimenti tas-saħħa oħrajn operati minn organi pubbliċi, jew fis-settur privat, fl-istabbilimenti li joperaw bħala sptarijiet, jew jekk l-imsemmijin atti jseħħu mod ieħor, minn persuni awtorizzati li jeżerċitaw professjoni medika.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

PFC tipprovdi servizzi mediċi fil-qasam tal-kirurġija u tat-trattamenti ta’ natura estetika. Matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija pprovdiet servizzi ta’ kirurġija estetika li kienu jinkludu xi drabi operazzjonijiet b’għan estetiku u operazzjonijiet bi skop ta’ rikostruzzjoni, kif ukoll ċerti servizzi ta’ kura tal-ġilda.

13

PFC twettaq interventi bħalma huma ż-żieda u t-tnaqqis tal-mammarji, il-lifting tas-sider, il-kirurġija plastika fiż-żona addominali, il-liposuction, il-liftings tal-wiċċ u tal-ġbin, l-operazzjonijiet fl-għajnejn, fil-widnejn u fl-imnieħer kif ukoll atti oħra ta’ kirurġija plastika. Din il-kumpannija toffri wkoll trattamenti bħalma huma l-epilazzjoni definittiva u r-riġenerazzjoni tal-ġilda permezz ta’ dawl pulsanti, it-trattament taċ-ċellulite kif ukoll l-injezzjonijiet tal-botox u tar-restylane.

14

PFC talbet il-ħlas lura tal-VAT tal-input imħallsa għall-perijodu li jikkorrispondi għax-xahar ta’ Mejju 2007. B’risposta għal din it-talba, l-iSkatteverket irrifjutat li tagħti lil PFC kemm il-ħlas lura kif ukoll it-tnaqqis ta’ din it-taxxa. Skont l-iSkatteverket, ma setax ikun hemm rimbors tal-VAT għall-attivitajiet eżentati u lanqas ma tista tiġi mogħtija t-tnaqqis tagħha, peress li kemm l-atti ta’ kirurġija kożmetika kif ukoll dawk ta’ kirurġija rikostruttiva jikkostitwixxu kura medika mhux eżentata.

15

PFC ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-iSkatteverket quddiem il-länsrätten i Stockholms län (il-Qorti Amministrattiva Dipartimentali ta’ Stokkolma). Din tal-aħħar laqgħet ir-rikors, billi ddeċidiet li s-servizzi offerti minn din il-kumpannija fil-qasam tal-kirurġija u tat-trattamenti ta’ natura estetika ma jikkostitwixxux kura medika.

16

L-iSkatteverket appellat is-sentenza tal-länsrätten i Stockholms län quddiem il-Kammarrätten i Stockholm (il-Qorti tal-Appell Amministrattiva ta’ Stokkolma). Filwaqt li laqgħet parzjalment dan l-appell, din il-qorti ddeċidiet li s-servizzi li jikkonsistu f’operazzjonijiet u f’trattamenti ta’ rikostruzzjoni jew f’prattiki għal raġunijiet psikoloġiċi jikkostitwixxu atti eżentati li jitwettqu minn persunal awtorizzat sabiex jeżerċita professjoni medika.

17

L-iSkatteverket appella quddiem il-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema), billi sostna li s-servizzi pprovduti minn PFC fil-qasam tal-operazzjonijiet u tat-trattamenti kemm estitiċi kif ukoll ta’ rikostruzzjoni jikkostitwixxu kura medika, skont il-paragrafu 4 tal-Kapitolu 3 tal-ML, u li, konsegwentement, PFC ma hijiex iġġustifikata li tnaqqas il-VAT tal-input mħallsa skont xiri li sar fil-kuntest ta’ din l-attività.

18

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, l-interventi mwettqa huma, f’ċerti każijiet, indirizzati lejn pazjenti li, minħabba marda, ferita jew difett fiżiku konġenitu, ikollhom bżonn kuri ta’ kirurġija estitika. F’każijiet oħra, l-interventi mwettqa jirriżultaw iktar mill-volontà tal-pazjent li jbiddel jew itejjeb id-dehra fiżika tiegħu. Indipendentement mill-għan tagħhom u mill-opinjoni medika, dawn l-interventi differenti jikkostitwixxu, skont il-qorti tar-rinviju, servizzi paragunabbli u jistgħu jiġu pprovduti mill-istess persunal.

19

Il-Högsta förvaltningsdomstolen tistaqsi dwar il-mod li għandhom jiftiehmu l-espressjonijiet “kura medika” u “servizzi ta’ kura [lill-persuna]” fil-kuntest ta’ servizzi ta’ natura medika li jikkonsistu f’atti kirurġiċi u trattamenti differenti tat-tip bħal dawk fil-kawża prinċipali. Din il-qorti tistaqsi b’mod partikolari jekk dawn l-espressjonijiet għandhomx jiġu mifhuma li jinkludu kull tip ta’ att kirurġiku jew trattament kożmetiku ieħor magħmul minn tobba u professjonisti tas-saħħa awtorizzati, jew jekk l-għan li fuqu huma bbażati l-interventi inkwistjoni huwiex determinanti għal dan l-iskop.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta förvaltningsdomstolen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 132(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat li jfisser li l-eżenzjoni mit-taxxa li huwa jipprevedi tkopri servizzi bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża u li jikkonsistu fi:

operazzjonijiet ta’ kirurġija estetika

trattamenti estetiċi?

2)

Din l-evalwazzjoni tiġi effettwata jekk l-operazzjonijiet jew it-trattamenti jitwettqu b’għan ta’ prevenzjoni jew ta’ trattament ta’ mard, ta’ diffetti fiżiċi jew ta’ feriti?

3)

Jekk l-għan għandu jiġi kkunsidrat, l-għarfien tal-pazjent dwar l-għan tal-intervent għandu jittieħed inkunsiderazzjoni?

4)

Għal din l-evalwazzjoni, għandu jingħata xi importanza dwar jekk l-intervent isirx minn membru tal-korp mediku awtorizzat, jew għall-fatt li l-għan tal-intervent jiġi deċiż minn tali profesjonista?”

Fuq id-domandi preliminari

21

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 132(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li servizzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsistu f’operazzjonijiet ta’ kirurġija estetika u ta’ trattamenti ta’ natura estetika, huma eżentati mill-VAT.

22

Għalhekk, permezz tat-tieni domanda tagħha, l-imsemmija qorti tistaqsi b’mod iktar partikolari jekk għan preventiv eventwali jew terapewtiku ta’ tali servizzi għandux rilevanza fuq il-punt, li huwa s-suġġett tal-ewwel domanda, jiġifieri jekk dawn għandhomx ikunu eżentati. F’każ ta’ risposta affermattiva, l-imsemmija qorti tistaqsi, permezz tat-tielet domanda tagħha, jekk, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ tali għan, l-opinjoni suġġettiva li d-destinatarji ta’ dawn is-servizzi għandhom għandhiex għalhekk tittieħed inkunsiderazzjoni. Ir-raba’ domanda hija intiża li tiddetermina l-effett, għall-evalwazzjoni bbażata fuq il-kawża prinċipali, tal-fatt li servizzi bħal dawk inkwistjoni huma pprovduti minn persunal mediku awtorizzat.

23

Dwar dawn il-punti, għandu jitfakkar mill-bidu nett li l-kliem użati sabiex jiġu indikati l-eżenzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 132 tad-Direttiva tal-VAT għandhom jiġu interpretati b’mod strett, peress li huma eċċezzjonijiet għall-prinċipju li jistabbilixxi li l-VAT għandha tinġabar fuq kull provvista ta’ servizzi pprovduta bi ħlas minn persuna taxxabbli. Madankollu, l-interpretazzjoni ta’ dawn il-kliem għandha tkun konformi mal-għanijiet imħaddna mill-imsemmija eżenzjonijiet u għandha tosserva r-rekwiżiti ta’ newtralità fiskali. Għaldaqstant, din ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta ma tfissirx li l-kliem użati sabiex jiġu ddefiniti l-eżenzjonijiet stipulati fl-imsemmi Artikolu 132 għandhom jiġu interpretati b’mod li jipprivahom mill-effetti tagħhom (ara b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, Future Health Technologies, C-86/09, Ġabra p. I-5215, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Fir-rigward ta’ servizzi ta’ natura medika, b’analoġija jirriżulta mill-ġurisprudenza bbażata fuq id-Direttiva 77/388 li l-punti (b) u (ċ) tal-Artikolu 132(1) tad-Direttiva tal-VAT, li l-kampi ta’ applikazzjoni tagħhom huma distinti, għandhom bħala għan li jirregolaw l-eżenzjonijiet kollha tas-servizzi mediċi f’sens strett (ara s-sentenza Future Health Technologies, iċċitata iktar ’il fuq, punti 26, 27 u 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, l-Artikolu 132(1)(b) ta’ din id-direttiva jirrigwarda servizzi mwettqa f’ambjent ta’ sptar filwaqt li l-Artikolu 132(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva jkopri servizzi mediċi pprovduti barra dan il-kuntest, kemm fid-dar privata tal-persuna li qed tipprovdi s-servizz kif ukoll fid-dar tal-pazjent jew f’xi post ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2002, Kügler, C-141/00, Ġabra p. I-6833, punt 36, u Future Health Technologies, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

25

Konsegwentement, il-kunċett ta’ “kura medika” li jidher fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva tal-VAT, u dak ta’ “[provvista] tal-kura medika” li jidher fl-Artikolu 132(1)(ċ) ta’ din id-direttiva kienu t-tnejn intiżi sabiex ikopru servizzi li għandhom bħala għan li jagħmlu djanjosi, li jikkuraw u, sa fejn possibbli, li jfejqu mard jew anomaliji tas-saħħa (ara s-sentenza Future Health Technologies, iċċitata iktar ’il fuq, punti 37 u 38).

26

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar illi, filwaqt li l-“kura medika” u l-“[provvista] tal-kura medika” għandu jkollhom għan terapewtiku, minn dan ma jirriżultax neċessarjament li l-għan terapewtiku ta’ servizz irid ikun limitat f’sens partikolarment strett (ara s-sentenza Future Health Technologies, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Għalhekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li s-servizzi mediċi mwettqa b’għan ta’ protezzjoni, inkluż iż-żamma u l-fejqan, tas-saħħa tal-individwi jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 132(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva tal-VAT (ara s-sentenza Future Health Technologies, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41 u 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28

Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest tal-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 132(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva tal-VAT, l-għan ta’ servizzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk dawn is-servizzi humiex eżentati mill-VAT. Din l-eżenzjoni tista’ fil-fatt, tiġi applikata għal servizzi li għandhom bħala għan li jagħmlu djanjosi, li jagħtu kura jew li jfejqu l-mard jew l-anomaliji tas-saħħa jew li jipproteġu, iżommu u jfejqu s-saħħa tal-persuni (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Future Health Technologies, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

29

Għalhekk, servizzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, sakemm ikollhom bħala għan li jitrattaw jew jikkuraw persuni li, minħabba marda, jew ferita jew difett fiżiku konġenitu, ikollhom bżonn ta’ intervent ta’ natura estetika, jistgħu jaqgħu taħt il-kunċetti ta’ “kura medika” jew ta’ “kura [lill-persuna]”, fis-sens, tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva tal-VAT u tal-Artikolu 132(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, rispettivament. Min-naħa l-oħra, meta l-intervent ikollu finijiet purament kożmetiċi, ma jkunx jaqa’ taħt dan il-kunċett.

30

L-iSkatteverket essenzjalment argumentat li l-analiżi tal-għan tal-operazzjoni jew tat-trattament ikkonċernat tkun estremament restrittiva għal dawk li jipprovdu s-servizzi kif ukoll għall-awtoritajiet fiskali u hi invokat il-possibbiltà ta’ “problemi serji ta’ applikazzjoni u ta’ limitazzjoni”.

31

Huwa minnu li, f’sitwazzjonijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali, huwa possibbli li l-istess persuna taxxabbli teżerċita kemm attivitajiet eżentati, skont l-Artikolu 132(1)(b) jew (ċ) tad-Direttiva tal-VAT, kif ukoll attivitajiet li huma suġġetti għall-VAT.

32

Madankollu, tali sitwazzjoni hija preċiżament prevista minn din id-direttiva u rregolata mill-Artikoli 173 et seq tagħha. Skont l-imsemmi Artikolu 173 meta persuna taxxabbli tuża beni u servizzi sabiex twettaq fl-istess ħin l-attivitajiet li jagħtu dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa u l-attivitajiet li ma jagħtux tali dritt tat-tnaqqis, din tal-aħħar hija permessa biss għall-parti tal-VAT li hija proporzjonali għall-ammont attribwit għall-ewwel attivitajiet. Il-prorata tat-tnaqqis hija ddeterminata, skont l-Artikoli 174 u 175 tad-Direttiva tal-VAT, għall-attivitajiet kollha mwettqa mill-persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.

33

F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni, li hija s-suġġett tat-tielet domanda, sa fejn l-opinjoni suġġettiva li d-destinatarji tas-servizzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom għalhekk jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-għan ta’ intervent speċifiku, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-problemi tas-saħħa intiżi mill-attivitajiet eżentati skont l-Artikolu 132(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva tal-VAT jistgħu jkunu ta’ natura psikoloġika, (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Dornier, C-45/01, Ġabra p. I-12911, punt 50, kif ukoll tas-27 ta’ April 2006, Solleveld u van den Hout-van Eijnsbergen, C-443/04 u C-444/04, Ġabra p. I-3617, punti 16 u 24).

34

Madankollu, is-sempliċi opinjoni suġġettiva li l-persuna li tissuġġetta ruħha għal intervent estetiku jkollha dwar dan, ma tagħmilhiex, minnha nnifisha, determinanti għall-finijiet tal-kwistjoni ta’ jekk dan l-intervent għandux għan terapewtiku.

35

Fil-fatt, peress li din l-evalwazzjoni għandha natura medika, għandha tiġi bbażata fuq konstatazzjonijiet li għandhom tali natura, magħmula minn persunal li huwa kkwalifikat f’dan is-sens.

36

Minn dan isegwi li ċ-ċirkustanzi, fir-rigward tar-raba’ domanda, li servizzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma pprovduti jew imwettqa minn membru tal-korp mediku awtorizzat, jew li l-għan ta’ tali interventi għandu jiġi ddeterminat minn tali professjonist, jistgħu jinfluwenzaw l-evalwazzjoni, tal-kwistjoni ta’ jekk interventi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux fil-kunċetti ta’ “kura medika” jew ta’ “kura [lill-persuna]” fis-sens tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva tal-VAT u tal-Artikolu 132(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, rispettivament.

37

Fid-dawl li tingħata risposta sħiħa għad-domandi mressqa, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ jekk servizzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma eżentati mill-VAT skont l-Artikolu 132(1)(b) jew (ċ) tad-Direttiva tal-VAT, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti kollha stabbiliti f’dan l-Artikolu(1)(b) jew (ċ), kif ukoll ta dispożizzjonijiet rilevanti oħra skont il-Kapitoli 1 u 2 tat-Titolu IX, ta’ din id-direttiva (ara b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, CopyGene, C-262/08, Ġabra p. I-5053, punt 37), u mhux biss tal-punt inkwistjoni ta’ jekk tali servizzi jaqgħux fil-kunċetti ta’ “kura medika” jew ta’ “kura [lill-persuna]” fis-sens tal-Artikolu 132(1)(b) u (ċ) tal-imsemmija direttiva.

38

Għalhekk, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva tal-VAT, għandha, skont il-każ, tieħu inkunsiderazzjoni minbarra l-formulazzjoni sħiħa ta’ din id-dispożizzjoni, l-Artikoli 131, 133 u 134 ta’ din id-direttiva.

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 132(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva tal-VAT għandha tiġi interpretata fis-sens li:

servizzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsistu f’operazzjonijiet ta’ kirurġija estetika u ta’ trattamenti ta’ natura estetika, jaqgħu fil-kunċetti ta’ “kura medika” jew “kura [lill-persuna]” fis-sens tal-paragrafu 1(b) u (ċ), meta dawn is-servizzi għandhom bħala għan li jagħmlu djanjosi, li jagħtu kura jew li jfejqu l-mard jew l-anomaliji tas-saħħa jew jipproteġu, iżommu jew ifejqu s-saħħa tal-persuni;

is-sempliċi opinjonijiet suġġettivi li l-persuna li tissuġġetta ruħha għal intervent ta’ natura estetika jkollha dwar dan, ma jagħmluhiex, minnhom infushom, determinanti għall-finijiet tal-kwistjoni ta’ jekk dan l-intervent għandux għan terapewtiku;

iċ-ċirkustanzi fejn servizzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma pprovduti jew imwettqa minn membru tal-korp mediku awtorizzat, jew li l-għan ta’ tali interventi għandu jiġi ddeterminat minn tali professjonist, jistgħu jinfluwenzaw l-evalwazzjoni, tal-kwistjoni ta’ jekk interventi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux fil-kunċetti ta’ “kura medika” jew ta’ “kura [lill-persuna]” fis-sens tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva tal-VAT u tal-Artikolu 132(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, rispettivament, u

għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ jekk servizzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma eżentati mill-VAT skont l-Artikolu 132(1)(b) jew (ċ) tad-Direttiva tal-VAT, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti kollha stabbiliti f’dan l-paragrafu 1(b) jew (ċ), kif ukoll dispożizzjonijiet oħra rilevanti skont il-Kapitoli 1 u 2 tat-Titolu IX ta’ din id-direttiva, bħalma huma, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 132(1)(b) tal-imsemmija direttiva, l-Artikoli 131, 133 u 134 tagħha.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 132(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

servizzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsistu f’operazzjonijiet ta’ kirurġija estetika u ta’ trattamenti ta’ natura estetika, jaqgħu fil-kunċetti ta’ “kura medika” jew “kura [lill-persuna]” fis-sens tal-paragrafu 1(b) u (ċ), meta dawn is-servizzi għandhom bħala għan li jagħmlu djanjosi, li jagħtu kura jew li jfejqu l-mard jew l-anomaliji tas-saħħa jew jipproteġu, iżommu jew ifejqu s-saħħa tal-persuni;

 

is-sempliċi opinjonijiet suġġettivi li l-persuna li tissuġġetta ruħha għal intervent ta’ natura estetika jkollha dwar dan, ma jagħmluhiex, minnhom infushom, determinanti għall-finijiet tal-kwistjoni ta’ jekk dan l-intervent għandux għan terapewtiku;

 

iċ-ċirkustanzi fejn servizzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma pprovduti jew imwettqa minn membru tal-korp mediku awtorizzat, jew li l-għan ta’ tali interventi għandu jiġi ddeterminat minn tali professjonist, jistgħu jinfluwenzaw l-evalwazzjoni, tal-kwistjoni ta’ jekk interventi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux fil-kunċetti ta’ “kura medika” jew ta’ “kura [lill-persuna]” fis-sens tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/112 u tal-Artikolu 132(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, rispettivament, u

 

għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ jekk servizzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma eżentati mit-taxxa fuq il-valur miżjud skont l-Artikolu 132(1)(b) jew (ċ) tad-Direttiva 2006/112, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti kollha stabbiliti f’dan il-paragrafu 1(b) jew (ċ), kif ukoll dispożizzjonijiet oħra rilevanti skont il-Kapitoli 1 u 2 tat-Titolu IX ta’ din id-direttiva, bħalma huma, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 132(1)(b) tal-imsemmija direttiva, l-Artikoli 131, 133 u 134 tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.