SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

28 ta’ Frar 2013 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Żvilupp ta’ ferroviji Komunitarji — Direttiva 2001/14/KE — Allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja — Impożizzjoni ta’ tariffi — Tariffi — Indipendenza tal-amministrazzjoni”

Fil-Kawża C-483/10,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fis-6 ta’ Ottubru 2010,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. Støvlbæk u R. Vidal Puig, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn S. Centeno Huerta u B. Plaza Cruz, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek u T. Müller kif ukoll minn J. Očková, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u M. Perrot, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur), E. Levits, J.-J. Kasel u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Mejju 2012,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Settembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma adottax il-miżuri leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu:

mal-Artikoli 4(1), 11, 13(2), 14(1), u 30(1) tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-ferrovija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404), kif emendata bid-Direttiva 2007/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007 (ĠU L 315, p. 44, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/14”,) u

mal-Artikolu 10(7) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 7, Vol. 1, p. 341), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/103/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M, p. 875, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/440”),

ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt dawn id-dispożizzjonijiet.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

2

Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/440, li jinsab fit-Taqsima II tagħha, intitolata “L-indipendenza tal-amministrazzjoni”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jagħmlu ċert li fir-rigward tat-tmexxija, l-amministrazzjoni u l-kontroll intern fuq kwistjonijiet amministrattivi, ekonomiċi u ta’ kontabilità l-impriżi ferrovjarji jkollhom status indipendenti li b’konformità miegħu huma jżommu, b’mod partikolari, assi, budgets u kontijiet li huma separati minn dawk ta’ l-Istat.

2.   Waqt li jirrispettaw l-qafas u r-regoli speċifiċi dwar [impożizzjoni ta’] tariffi u allokazzjoni stabbiliti mill-Istati Membri, l-amministratur infrastrutturali għandu jkollu responsabbiltajiet għat-tmexxija, l-amministrazzjoni u l-kontroll intern tiegħu stess.”

3

Il-premessi 11 sa 13 u 34 tad-Direttiva 2001/14 huma fformulati kif ġej:

“(11)

Il-piżijiet [It-tariffi] u skemi ta’ [impożizzjoni ta’ tariffi u ta’] allokazzjoni ta’ kapaċità għandhom jippermettu aċċess ugwali u non-diskriminatorju għall-impriżi kollha u jippruvaw safejn possibbli jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ l-utenti kollha u t-tipi ta’ traffiku b’mod ġust u non-diskriminatorju.

(12)

Fil-qafas stabbilit mill-Istati Membri il-piżijiet [it-tariffi] u l-iskemi [impożizzjoni ta’ tariffi u ta’] ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità għandhom jinkoraġġixxu lil amministraturi ta’ l-infrastruttura tal-binarji biex itejbu l-użu ta’ l-infrastruttura tagħhom.

(13)

Impriżi tal-binarji għandhom jirċievu sinjali ċari u konsistenti minn skemi ta’ l-allokazzjoni tal-kapaċità li jwassluhom biex jagħmlu deċiżjonijiet razzjonali.

[...]

(34)

Investiment fl-infrastruttura tal-ferroviji huwa xieraq u l-iskemi għat-tqegħid tal-piżijiet [tal-impożizzjoni ta’ tariffi] għandhom jipprovdu inċentivi għal amministraturi ta’ l-infrastruttura meta jkunu ekonomikament ta’ attrazzjoni [attraenti].”

4

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/14, intitolat “L-istabbiliment, id-determinazzjoni u l-ġbir ta’ piżijiet [tariffi]”, fil-paragrafu (1) tiegħu jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas tal-piżijiet waqt li jirrispettaw l-indipendenza ta’ l-amministrazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/440/KEE.

Bla ħsara għall-kundizzjoni msemmija ta’ indipendenza ta’ l-amministrazzjoni, l-Istati Membri għandhom ukoll jistabbilixxu regoli speċifiċi dwar il-piżijiet [l-impożizzjoni ta’ tariffi] jew jiddelegaw dawn il-poteri għall-amministratur ta’ l-infrastruttura. Id-determinazzjoni tal-piż [tat-tariffa] għall-użu ta’ l-infrastruttura u l-ġbir ta’ dan il-piż [din it-tariffa] għandhom jitwettqu mill-amministratur ta’ l-infrastruttura.”

5

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14, intitolat “Skema tal-ħidma [Sistema ta’ titjib tal-operat]”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“Skemi tal-piżijiet infrastrutturali għandhom permezz ta’ skema tal-ħidma [sistema ta’ titjib tal-operat] jinkoraġġixxu l-impriżi tal-ferroviji u lill-amministratur ta’ l-infrastruttura biex jimminimizzaw it-telf u jtejbu l-ħidma [l-operat] tan-network tal-ferrovija. Dan jista’ jinkludi penali għal azzjonijiet li jtellfu l-operazzjoni tan-network, il-kumpens għall-impriżi li jbatu minn telf u bonuses li jippremjaw ħidma aħjar minn dik li ġiet ippjanata.”

6

L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-Drittijiet tal-kapaċità”, fil-paragrafu 2 jistipula:

“Id-dritt ta’ l-użu ta’ kapaċità speċifika infrastrutturali fil-forma ta’ mogħdija tal-ferrovija jista’ jingħata lil applikanti għal terminu massimu ta’ perjodu wieħed kalendarju ta’ ħidma.

Amministratur ta’ l-infrastruttura u applikant jistgħu jidħlu fi ftehim tal-qafas kif stabbilit fl-Artikolu 17 għall-użu tal-kapaċità fuq l-infrastruttura tal-ferroviji relevanti għal terminu itwal minn terminu wieħed kalendarju ta’ ħidma.”

7

Bit-titolu “L-Allokazzjoni tal-kapaċità”, l-Artikolu 14(1) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu qafas għall-allokazzjoni ta’ kapaċità infrastrutturali filwaqt li jirrispettaw l-indipendenza amministrattiva stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/440/KEE. Regoli speċifiċi ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità għandhom jiġu stabbiliti. L-amministratur infrastrutturali għandu jwettaq il-proċessi ta’ l-allokazzjoni tal-kapaċità. Partikolarment, l-amministratur ta’ l-infrastruttura għandu jassigura li l-kapaċità infrastrutturali tiġi allokata fuq bażi ġusta u non-diskriminatorja u skond il-liġi Komunitarja.”

Id-dritt Spanjol

8

Il-Liġi 39/2003, dwar is-settur ferrovjarju (Ley 39/2003 del Sector Ferroviario), tas-17 ta’ Novembru 2003 (BOE Nru 276, tat-18 ta’ Novembru 2003, p. 40532, iktar ’il quddiem il-“LSF”), fl-Artikolu 21 tagħha telenka l-kompetenzi u l-funzjonijiet tal-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja, fosthom il-ġbir tat-tariffi għall-użu ta’ din l-infrastruttura.

9

Skont l-Artikolu 73(5) tal-LSF, sabiex jiġi stabbilit l-ammont tat-tariffi ferrovjarji, huwa possibbli li, skont l-operat effikaċji tan-netwerk ferrovjaru ta’ interess ġenerali, jittieħdu inkunsiderazzjoni kunsiderazzjonijiet li jirriflettu l-livell ta’ konġestjoni tal-infrastruttura, l-iżvilupp ta’ servizzi ġodda ta’ trasport ferrovjarju kif ukoll in-neċessità li jitħeġġeġ l-użu ta’ linji li ma jintużawx biżżejjed, filwaqt li fi kwalunkwe każ tiġi ggarantita kompetizzjoni ottimali bejn l-impriżi ferrovjarji.

10

L-Artikolu 76(1) u (2) tal-LSF jipprovdi:

“1.   L-amministrazzjoni tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja hija kompitu tal-amministratur ta’ din tal-aħħar, li, fir-rigward tat-tariffa għall-użu ta’ stazzjonijiet u faċilitajiet ferrovjarji oħra, jista’ jirrikjedi l-preżentazzjoni ta’ kull dokument neċessarju sabiex jitwettqu l-kalkoli xierqa tal-ħlasijiet dovuti.

2.   Ir-regoli dettaljati tal-ħlasijiet dovuti għall-arranġamenti jistgħu isiru b’mod individwali jew konġunt, skont il-kundizzjonijiet previsti mid-digriet Ministerjali li jistabbilixxi l-modalitajiet tal-kalkoli tal-ħlasijiet dovuti u t-termini u l-mezzi li jippermettu li jseħħ l-irkupru effettiv tal-ammonti dovuti.”

11

L-Artikolu 77(1) tal-LSF jipprovdi li l-iffissar tal-ammonti tat-tariffa ta’ użu tal-linji ta’ ferroviji li jagħmlu parti min-netwerk ferrovjarju ta’ interess ġenerali u tat-tariffi għall-użu tal-istazzjonijiet u faċilitajiet ferrovjarji oħra għandu jsir permezz ta’ Digriet Ministerjali.

12

L-Artikolu 81(1)(j) tal-LSF b’mod partikolari jipprovdi li l-iffissar jew, jekk ikun il-każ, il-modifika tal-ammont tat-tariffi ta’ użu tal-infrastruttura ferrovjarja taqa’ taħt il-kompetenzi tal-Ministeru għat-Tagħmir u t-Trasport.

13

L-Artikoli 88 u 89 tal-LSF iqisu, rispettivament, bħala ksur serju ħafna jew serju, li jwassal għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet, ċertu imġiba tal-impriżi ferrovjarji li għandhom rabta mat-tfixkil tal-funzjonament tan-netwerk.

14

Id-Digriet Irjali Nru 2395/2004, tat-30 ta’ Diċembru 2004, li japprova l-istatut tal-impriża pubblika li tamministra l-infrastruttura ferrovjarja (BOE Nru 315, tal-31 ta’ Diċembru 2004, p. 42785), fl-anness tiegħu jinkludi t-test tal-istatut ta’ din l-impriża pubblika (iktar ’il quddiem l-“ADIF”, fejn l-Artikolu 1 tiegħu jippreċiża li din tal-aħħar hija organu pubbliku, assimilabbli mal-kategorija tal-impriżi pubbliċi msemmija fl-Artikolu 43(1)(b) tal-Liġi Nru 6, tal-14 ta’ April 1997, dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-amministrazzjoni ġenerali tal-Istat. L-ADIF legalment taqa’ taħt il-Ministeru għat-Tagħmir u t-Trasport, liema ministeru huwa inkarigat, skont il-paragrafu (2) tal-istess Artikolu 43, mid-direzzjoni strateġika, mill-evalwazzjoni u mill-kontroll tal-attività ta’ din l-impriża.

15

Fl-Artikolu 3(1) tiegħu, l-Istatut tal-ADIF jelenka l-kompetenzi u l-funzjonijiet ta’ din l-impriża pubblika, fejn fosthom jinsab l-irkupru tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja.

16

Id-Digriet Irjali 2396/2004, tat-30 ta’ Diċembru 2004, li japprova l-istatut tal-impriża pubblika RENFE-Operadora (BOE Nru 315, tal-31 ta’ Diċembru 2004, p. 42797), jipprovdi li r-RENFE-Operadora hija impriża pubblika, li legalment taqa’ taħt il-Ministeru għat-Tagħmir u t-Trasport, liema Ministeru huwa inkarigat mid-direzzjoni strateġika, mill-evalwazzjoni u mill-kontroll tal-attività tagħha.

17

Id-Digriet Ministerjali FOM/898/2005, tat-8 ta’ April 2005 (BOE Nru 85, tad-9 ta’ April 2005, p. 12331), jistabbilixxi l-ammonti tat-tariffi għall-użu, minn naħa, tal-linji ta’ ferroviji li jagħmlu parti min-netwerk ferrovjarju ta’ interess ġenerali u, min-naħa l-oħra, tal-istazzjonijiet u ta’ faċilitajiet ferrovjarji oħra.

18

Id-Digriet Ministerjali FOM/897/2005, tas-7 ta’ April 2005, li jikkonċerna d-dikjarazzjoni dwar in-netwerk u l-proċedura ta’ allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja (BOE Nru 85, tad-9 ta’ April 2005, p. 12324, iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali 897/2005”), fl-Artikolu 11 tiegħu jipprovdi:

“L-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja għandu jalloka l-kapaċitajiet tal-infrastruttura mitluba skont kif ġej:

[…]

b)

jekk tinħoloq sovrapożizzjoni ta’ talbiet għall-istess mogħdija tal-ferrovija fl-istess ħin (slot) jew jekk in-netwerk ikun ġie ddikjarat saturat, il-prijoritajiet segwenti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-allokazzjoni, f’ordni dixxendenti:

1.   dawk iffissati, jekk ikun il-każ, mill-Ministeru għat-Tagħmir u t-Trasport għad-diversi tipi ta’ servizzi fuq kull linja, waqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari s-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija.

[…]

4.   l-allokazzjoni u l-użu effettiv minn min jagħmel it-talba, fi skedi preċedenti, tal-islots li għalihom huwa għamel talba.

[…]”

Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19

Fil-15 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Spanjoli kwestjonarju dwar l-applikazzjoni b’mod partikolari tad-Direttivi 91/440 u 2001/14.

20

Wara skambju ta’ posta mal-imsemmija awtoritajiet, permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Ġunju 2008 l-Kummissjoni indirizzat ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju ta’ Spanja fejn fiha hija esprimiet id-dubji tagħha fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ ċerti aspetti tal-leġiżlazzjoni Spanjola fil-qasam ferrovjarju ma’ dawn id-direttivi.

21

Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Ottubru 2008, l-imsemmi Stat Membru rrisponda għall-ittra ta’ intimazzjoni. Barra minn hekk, dan tal-aħħar bagħat lill-Kummissjoni xi informazzjoni supplimentari permezz ta’ posta tal-5 ta’ Frar u t-13 ta’ Lulju 2009.

22

Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Renju ta’ Spanja, fejn fiha hija sostniet li l-leġiżlazzjoni Spanjola fil-qasam ferrovjarju ma kinitx konformi mad-Direttivi 91/440 u 2001/14 u stiednet lil dan tal-aħħar sabiex jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni f’terminu ta’ xahrejn sa min-notifika tagħha. Dan l-Istat Membru rrisponda għall-imsemmija opinjoni permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Diċembru 2009.

23

Billi ma kinitx sodisfatta bir-risposta tar-Renju ta’ Spanja għall-imsemmija opinjoni motivata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors, li huwa bbażat fuq ħames ilmenti.

24

B’digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Frar u tat-8 ta’ Settembru 2011, ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Franċiża, rispettivament, ġew ammessi sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Renju ta’ Spanja.

25

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni informat lil din tal-aħħar li, wara l-adozzjoni, mir-Renju ta’ Spanja, tal-Liġi 2/2011 dwar l-ekonomija sostenibbli (Ley 2/2011 de Economía sostenible), tal-4 ta’ Marzu 2011 (BOE Nru 55, tal-5 ta’ Marzu 2011, p. 25033), hija rrinunzjat għat-tielet u r-raba’ ilment tar-rikors tagħha, li jikkonċernaw rispettivament l-Artikoli 30(1) tad-Direttiva 2001/14 u 10(7) tad-Direttiva 91/440.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14

L-argumenti tal-partijiet

26

Il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni Spanjola ma hijiex konformi mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14, sa fejn l-ammont tat-tariffi huwa totalment stabbilit permezz ta’ digriet ministerjali, u dan għandu l-konsegwenza li l-unika funzjoni mogħtija lill-amministratur tal-infrastruttura, jiġifieri l-ADIF, hija l-irkupru tat-tariffi. Fil-fatt, kulma tagħmel din tal-aħħar huwa li tikkalkola l-ammont tat-tariffa f’kull każ konkret, u dan billi tapplika formula stabbilita minn qabel u b’mod eżawrjenti mill-awtorità ministerjali. Għaldaqstant, din l-entità ma għandha ebda marġni ta’ diskrezzjoni sabiex timmodula l-ammont tat-tariffa f’kull każ konkret.

27

Skont il-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni Spanjola lanqas ma tosserva r-rekwiżit li jirrigwarda l-awtonomija ta’ amministrazzjoni tal-amministratur tal-infrastruttura, peress li, billi fdat l-iffissar tal-ammont tat-tariffi f’idejn l-awtorità ministerjali biss, hija ċaħħdet lill-amministratur minn strument ta’ amministrazzjoni essenzjali.

28

L-interpretazzjoni tal-kelma “determinazzjoni” li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, hija, skont il-Kummissjoni, restrittiva wisq, kemm fir-rigward tas-sens komuni ta’ din il-kelma kif ukoll fir-rigward tar-rekwiżit, imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-istess paragrafu, li jimplika li l-awtonomija ta’ amministrazzjoni tal-amministratur tal-infrastruttura għandha tkun osservata. Dan l-Artikolu 4 jipprevedi li huwa l-amministratur tal-infrastruttura li għandu jiddetermina t-tariffa għall-użu tal-infrastruttura, u dan mingħajr ma jistabbilixxi ebda distinzjoni bejn id-diversi tipi ta’ determinazzjoni invokati minn dan l-Istat Membru.

29

Barra minn hekk il-Kummissjoni tqis li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14, invokata mill-imsemmi Stat Membru, ma hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-direttiva, li jippresupponu b’mod obbligatorju li l-funzjonijiet tal-amministratur tal-infrastruttura ma humiex limitati għall-kalkolu tal-ħlasijiet dovuti u għall-irkupru tat-tariffi.

30

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li t-tariffi ġew iddefiniti bħala taxxi. Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, dawn għaldaqstant huma taxxi li l-fatt li jiġġenerahom huwa l-użu privat tal-qasam pubbliku ferrovjarju. Għaldaqstant, l-elementi essenzjali ta’ dawn it-tariffi għandhom ikunu rregolati b’mod legali u l-ammont konkret tat-tariffi għandu jiġi stabbilit permezz ta’ regola amministrattiva ġenerali, jiġifieri tal-inqas b’digriet ministerjali.

31

L-imsemmi Stat Membru jindika li l-ADIF hija impriża pubblika li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, għandha bilfors tiddependi minn ministeru u konsegwentement ma għandhiex is-setgħa li tadotta dispożizzjonijiet legali, peress li din hija kompetenza tal-ministeru li taqa’ taħtu. L-Artikolu 76 tal-LSF jattribwixxi lill-ADIF l-amministrazzjoni tal-imsemmija tariffi, li timplika ċerti funzjonijiet ta’ kontroll, ta’ kalkolu tal-ħlasijiet dovuti, ta’ ffissar tat-tariffa dovuta f’kull każ konkret kif ukoll l-irkupru tagħhom. Barra minn hekk, l-ADIF tista’ tipproponi lill-Ministeru għat-Tagħmir u t-Trasport li jiġu stabbiliti tipi oħra ta’ tariffi matul klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ linja jew ta’ stazzjon ferrovjarju.

32

Ir-Renju ta’ Spanja jqis li l-kelma “determinazzjoni” msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14 ma teħtieġx neċessarjament l-iffissar tal-ammont tat-tariffi. Skont dan, hemm lok li wieħed jifhem li din id-dispożizzjoni tirreferi biss għall-iffissar tat-tariffa konkreta dovuta għall-użu tal-infrastruttura f’kull każ partikolari kif ukoll għall-irkupru tagħha.

33

Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni Spanjola tistabbilixxi distinzjoni bejn, minn naħa, id-determinazzjoni tat-tariffi b’mod ġenerali, billi tistabbilixxi l-qafas u s-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi li jikkorrispondu għalihom, u d-determinazzjoni tas-sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi tal-infrastruttura, liema sistemi jaqgħu f’idejn il-Ministru għat-Tagħmir u t-Trasport, u min-naħa l-oħra, l-iffissar tat-tariffa konkreta li tikkorrispondi għal kull każ partikolari, u dan jaqa’ f’idejn l-ADIF.

34

Billi jibbaża ruħu fuq din id-distinzjoni, l-imsemmi Stat Membru jqis li l-interpretazzjoni li huwa jagħmel tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 201/14 hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-direttiva.

35

Ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza wkoll li l-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni ftit li xejn tista’ tkun kompatibbli mal-qafas tal-leġiżlazzjoni Spanjola attwali, sakemm ma ssirx modifika radikali tal-leġiżlazzjoni amministrattiva u fiskali nazzjonali.

36

Il-Gvern Ċek jirrileva li, matul l-implementazzjoni tal-qafas għall-impożizzjoni ta’ tariffi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-“istatus indipendenti tal-impriżi tat-trasport” u mhux dak ta’ min huwa responsabbli mill-infrastruttura ferrovjarja. Minn dan huwa jikkonkludi li l-intervent tal-Istat Membru kkonċernat permezz tal-iffissar tal-impożizzjonijiet ta’ tariffi speċifiċi huwa mezz aċċettabbli fir-rigward tar-rekwiżiti tad-Direttiva 2001/14.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

37

Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni Spanjola ma hijiex konformi mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14 sa fejn, minn naħa, hija tattribwixxi lill-Ministeru għat-Tagħmir u t-Trasport l-iffissar tal-ammont tat-tariffi permezz ta’ digriet Ministerjali, b’mod li l-ADIF, li hija l-amministratur tal-infrastruttura, tkun inkarigata biss mill-irkupru tat-tariffi, u sa fejn, min-naħa l-oħra, hija ma tkunx kompatibbli mar-rekwiżit tal-awtonomija ta’ amministrazzjoni tal-amministratur.

38

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja jopponu lil xulxin dwar liema hija l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kliem “[i]d-determinazzjoni tal-piż [tat-tariffa]” li jinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14. Skont dan l-Istat Membru, dan il-kliem jirreferi biss għall-iffissar tat-tariffa konkreta dovuta għall-użu tal-infrastruttura f’kull każ partikolari u mhux għad-determinazzjoni tal-ammont tat-tariffi fuq il-bażi tal-qafas ta’ impożizzjoni ta’ tariffi stabbilit mill-Istati Membri. Fil-fatt, fi Spanja, tali tariffa jkollha natura fiskali u jkun biss l-Istat li jiddeterminaha.

39

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14, l-Istati Membri għandhom jimplementaw qafas għall-impożizzjoni ta’ tariffi u huma jistgħu wkoll jistabbilixxu regoli ta’ impożizzjoni ta’ tariffi speċifiċi, filwaqt li josservaw l-indipendenza ta’ amministrazzjoni tal-amministratur tal-infrastruttura. Skont din id-dispożizzjoni, huwa dan tal-aħħar, minn naħa, li għandu jiddetermina t-tariffa għall-użu tal-infrastruttura u, min-naħa l-oħra, li jwettaq l-irkupru tagħha.

40

Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi subparagrafu 2 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14 isemmi biss id-“determinazzjoni tal-piż [tat-tariffa]”, mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra u mingħajr ma jistabbilixxi distinzjoni bejn diversi tipi jew livelli ta’ determinazzjoni tat-tariffi, kuntrarjament għal dak li tipprevedi l-leġiżlazzjoni Spanjola rilevanti.

41

Imbagħad, għandu jiġi rrilevat li l-istess Artikolu 4 jistabbilixxi allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-amministratur tal-infrastruttura f’dak li jikkonċerna s-sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi. Fil-fatt, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu qafas għall-impożizzjoni ta’ tariffi, filwaqt li d-determinazzjoni tat-tariffa u l-irkupru tagħha jaqgħu f’idejn l-amministratur tal-infrastruttura.

42

Sabiex tiġi osservata tali allokazzjoni tal-kompetenzi u hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, hemm lok li l-kelma “determinazzjoni” tingħata sens iktar wiesa’ minn dak ta’ “kalkolu tal-ħlasijiet dovuti” li tissemma fl-Artikolu 76(1) tal-LSF. Fil-fatt, billi l-kalkolu tal-ħlasijiet dovuti huwa biss stadju mill-proċedura ta’ ġbir tat-tariffi, hekk kif tindika l-Kummissjoni, għaldaqstant dan għandu jitqies bħala li huwa kopert mill-kelma “ġbir [irkupru]” li tinsab fit-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14.

43

Fl-aħħar nett, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet tal-imsemmija direttiva kif ukoll mill-kuntest leġiżlattiv li fih jinsab l-Artikolu 4(1) tagħha.

44

Fil-fatt, fl-ewwel lok, wieħed mill-għanijiet li għandhom jintlaħqu mis-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi stabbilita bid-Direttiva 2001/14 huwa li tiġi żgurata l-indipendenza ta’ amministrazzjoni tal-amministratur tal-infrastruttura. Fi kliem ieħor, dan għandu jagħmel użu mis-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi bħala strument ta’ amministrazzjoni, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu. Għaldaqstant, mill-premessa 12 ta’ din id-direttiva jirriżulta li s-sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi u ta’ allokazzjonijiet tal-kapaċitajiet għandhom iħeġġu lill-amministraturi tal-infrastruttura ferrovjarja sabiex jottimizzaw l-użu tal-infrastruttura fil-qafas stabbilit mill-Istati Membri. Issa, dawn l-amministraturi ma jistgħux jaslu għal tali ottimizzazzjoni permezz tas-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi jekk ir-rwol tagħhom kellu jiġi limitat għall-kalkolu tal-ammont tat-tariffa f’kull każ konkret, billi japplikaw formula ffissata minn qabel permezz ta’ digriet ministerjali. L-imsemmija amministraturi għaldaqstant għandu jkollhom ċertu marġni ta’ flessibbiltà fl-iffissar tal-ammont tat-tariffi.

45

Bl-istess mod, il-premessa 34 tal-imsemmija direttiva tistipula li l-investimenti fl-infrastruttura tal-ferroviji huma mixtieqa u li s-sistemi għall-impożizzjoni ta’ tariffi għandhom jipprevedu inċentivi sabiex l-amministraturi tal-infrastruttura jwettqu investimenti xierqa meta dawn ikunu ekonomikament vantaġġużi. L-amministraturi ma jistgħux jitħeġġu jinvestu fl-infrastruttura jekk huma ma jkollhom ebda marġni ta’ flessibbiltà fil-qafas tas-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi.

46

Fit-tieni lok, dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2001/14 jikkorroboraw interpretazzjoni tal-kliem “determinazzjoni tal-piż [tat-tariffa]”, li jinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tagħha, iktar wiesgħa minn dik sostnuta mir-Renju ta’ Spanja. Fil-fatt, skont l-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva, l-amministratur tal-infrastruttura huwa mħeġġeġ permezz ta’ inċentivi sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-provvista tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi ta’ aċċess. L-Artikolu 8(2) tal-istess direttiva jipprovdi li l-amministratur tal-infrastruttura jista’ jiffissa jew iżomm tariffi iktar għolja bbażati fuq l-ispiża fit-tul ta’ ċerti proġetti ta’ investiment. L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva jippermetti lill-amministratur sabiex jintroduċi skemi ta’ skonti fuq it-tariffi miġbura mingħand l-operaturi.

47

Bl-istess mod, mill-Artikolu 30(2) u (3) tad-Direttiva 2001/14 jirriżulta li d-deċiżjonijiet adottati mill-amministratur tal-infrastruttura f’dak li jikkonċerna s-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi jew il-livell jew l-istruttura tat-tariffi ta’ użu tal-infrastruttura jistgħu jiġu appellati quddiem korp regolatorju. Issa, l-eżistenza stess ta’ kontroll ta’ tali deċiżjonijiet tkun nieqsa minn kull sens jekk ir-rwol tal-amministratur kellu jkun limitat, hekk kif isostni r-Renju ta’ Spanja, għall-iffissar tat-tariffa konkreta billi japplika formula stabbilita minn qabel permezz ta’ digriet ministerjali.

48

Barra minn hekk, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni Spanjola rilevanti, huwa l-Ministeru għat-Tagħmir u t-Trasport li għandu jaġixxi bħala korp regolatorju. Issa, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2001/14 jawtorizza li l-ministeru inkarigat mill-kwistjonijiet ta’ trasport jinħatar bħala korp regolatorju, din id-dispożizzjoni teżiġi, għall-kuntrarju, li dan ikun indipendenti mill-korpi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi. Għaldaqstant ma jistax jitqies li dan il-Ministeru jwettaq il-missjoni regolatorja tiegħu skont l-imsemmija dispożizzjoni sa fejn, flimkien mal-funzjoni regolatorja tiegħu, dan il-ministeru jiddetermina wkoll l-ammont tat-tariffi.

49

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sabiex jiggarantixxi l-għan tal-indipendenza ta’ amministrazzjoni tal-amministratur tal-infrastruttura, dan għandu jkollu, fil-kuntest tal-impożizzjoni ta’ tariffi kif iddefinit mill-Istati Membri, ċertu marġni ta’ flessibbiltà għad-determinazzjoni tal-ammont tat-tariffi b’mod li tippermettilu li jagħmel użu minnha bħala strument tal-amministrazzjoni.

50

F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li l-ADIF ma għandhiex l-indipendenza ta’ amministrazzjoni meħtieġa għall-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha peress li dawn huma limitati għall-iffissar tat-tariffa konkreta f’kull każ partikolari, billi tapplika formula stabbilita minn qabel permezz ta’ digriet ministerjali. Konsegwentement, hemm lok li jiġi konkluż li, f’dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni Spanjola ma hijiex konformi mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14.

51

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mid-diffikultajiet li r-Renju ta’ Spanja jsostni li ltaqa’ magħhom matul l-adattament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali għar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru ma jistax jeċċepixxi dispożizzjonijiet, prattiki jew sitwazzjonijiet tal-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi u t-termini previsti minn direttiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-369/07, Ġabra p. I-5703, punt 45, u tal-25 ta’ Frar 2010, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-295/09, punt 10).

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel ilment invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha għandu jintlaqa’.

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14

L-argumenti tal-partijiet

53

Il-Kummissjoni tilmenta li l-leġiżlazzjoni Spanjola ma tinkludi ebda miżura li tista’ timplementa l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14, li jipprovdi għall-istabbiliment ta’ sistema ta’ titjib tal-operat.

54

Fil-fatt, l-Artikoli 88 u 89 tal-LSF, li jikklassifikaw ċertu ksur tal-leġiżlazzjoni ferrovjarja bħala gravi ħafna u gravi rispettivament, ma jifformawx parti mis-“sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi”. Il-multi li dan il-ksur jista’ jagħti lok għalihom jippermettu li jiġu ssanzjonati l-impriżi ferrovjarji u mhux l-amministratur tal-infrastruttura.

55

Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-Artikolu 73(5) tal-LSF waħdu ma huwiex biżżejjed sabiex jimplementa s-sistema ta’ titjib tal-operat prevista fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14, inkwantu huwa jipprovdi biss il-possibbiltà li tiġi introdotta tali sistema. Issa, l-implementazzjoni ta’ din is-sistema ma hijiex prerogattiva li l-eżerċizzju tagħha jitħalla għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri, iżda rekwiżit impost b’din id-direttiva.

56

Il-Kummissjoni tirrileva wkoll, fil-punt 6.2.5 tad-dikjarazzjoni fuq in-netwerk ferrovjarju għall-2010, intitolat “Sistema ta’ miżuri għal titjib tal-operat”, li l-ADIF tippreżenta l-implementazzjoni tas-sistema ta’ miżuri ta’ inċentiv bħala sempliċi possibbiltà, u mhux bħala obbligu impost mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14.

57

Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-ilment li jipprovdi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tinkludix dispożizzjonijiet li jittrasponu l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14.

58

Fl-ewwel lok, l-imsemmi Stat Membru jsostni li l-Artikolu 73(5) tal-LSF jipprovdi għall-possibbiltà, sabiex jiġi ffissat l-ammont tat-tariffi ferrovjarji, li jitqiesu kunsiderazzjonijiet li jirriflettu l-grad ta’ saturazzjoni tal-infrastruttura, l-iżvilupp ta’ servizzi ġodda ta’ trasport ferrovjarju, kif ukoll in-neċessità li jiġi promoss l-użu ta’ linji li ma jintużawx biżżejjed, filwaqt li tiġi ggarantita, fi kwalunkwe każ, kompetizzjoni ottimali bejn l-impriżi ferrovjarji.

59

Fit-tieni lok, l-Artikoli 88 u 89 tal-LSF jikklassifikaw ċertu aġir li għandu konnessjoni ma’ nuqqasijiet fin-netwerk, bħala ksur amministrattiv, li huwa ssanzjonat bl-impożizzjoni ta’ multi.

60

Fit-tielet lok, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, skont il-punt 6.2.5 tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk ferrovjarju għall-2010, l-ADIF għandha l-intenzjoni żżomm lill-impriżi ferrovjarji li jiżguraw osservanza wiesgħa tal-kriterji fir-rigward tal-kapaċità infrastrutturali attribwita. L-imsemmi punt ikompli billi jindika, b’mod partikolari, li l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi wkoll għall-“possibbiltà li jitħeġġeġ”, permezz ta’ sistema ta’ titjib tal-operat, it-tnaqqis ta’ nuqqasijiet għall-minimu u b’hekk ittejjeb il-funzjonament tan-netwerk ferrovjarju.

61

Fir-raba’ lok, l-imsemmi Stat Membru jsostni li kull impriża ferrovjarja li titlob mogħdija tal-ferrovija f’ħin partikolari u li tiksibha għandha tħallas tariffa sabiex tirriżervaha fil-mument meta tingħatalha, u dan qabel l-użu effettiv ta’ din il-mogħdija tal-ferrovija. Il-ħlas ta’ din it-tariffa jimplika impenn min-naħa tal-impriża ferrovjarja li tikkonforma ruħha mal-użu tan-netwerk li hija tkun talbet, taħt piena li titlef it-tariffa li tkun ħallset minn qabel.

62

Waqt is-seduta, ir-Repubblika Franċiża sostniet li l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14 għandu jiġi interpretat fis-sens li jiffissa għan u jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jimplementaw mezzi sabiex dan l-għan jintlaħaq. Bħar-Renju ta’ Spanja, hija tqis li din id-direttiva ma teħtieġx li l-miżuri adottati għandhom neċessarjament jiġu inklużi fil-kuntest ta’ sistema indipendenti ta’ titjib tal-operat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

63

Skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2001/14, is-sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi tal-infrastruttura għandhom jinkoraġġixxu lill-impriżi ferrovjarji u lill-amministratur tal-infrastruttura sabiex inaqqsu għall-minimu n-nuqqasijiet u sabiex itejbu s-servizzi tan-netwerk ferrovjarju billi jistabbilixxu sistema ta’ titjib tal-operat. Skont din l-istess dispożizzjoni, din is-sistema tista’ tinkludi sanzjonijiet, kumpensi u bonuses.

64

Minn dan jirriżulta, minn naħa, li l-Istati Membri għandhom jinkludu fis-sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi tal-infrastruttura sistema ta’ titjib tal-operat intiża li tinkoraġġixxi kemm lill-impriżi ferrovjarji kif ukoll lill-amministratur tal-infrastruttura sabiex itejbu s-servizzi tan-netwerk. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tip ta’ miżuri ta’ inċentiva li jistgħu jiġu implementati mill-Istati Membri, dawn tal-aħħar jibqgħu liberi li jagħżlu miżuri konkreti li jifformaw parti mill-istess sistema sakemm dawn ikunu jikkostitwixxu ħaġa sħiħa koerenti u trasparenti li tista’ tiġi kklassifikata bħala “sistema ta’ titjib tal-operat”, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 69 u 70 tal-konklużjonijiet tiegħu.

65

Sabiex tiġi eżaminata l-fondatezza tat-tieni lment imqajjem mill-Kummissjoni, għandu għaldaqstant jiġi vverifikat jekk il-miżuri li l-leġiżlazzjoni Spanjola tinkludi fiha f’dan ir-rigward humiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14.

66

Fir-rigward tal-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 73(5) tal-LSF, li jitqiesu kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw it-titjib tal-operat tan-netwerk u l-iżvilupp tiegħu sabiex jiġi ffissat l-ammont tat-tariffi, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm din id-dispożizzjoni tifforma parti mis-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi, is-sempliċi possibbiltà li tiġi introdotta sistema ta’ titjib tal-operat ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi implementat l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, dan l-aħħar artikolu jeżiġi li l-Istati Membri effettivament jimplementaw sistema ta’ titjib tal-operat fis-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi. Bl-istess mod, għandu jiġi miċħud, għall-istess raġuni, l-argument tar-Renju ta’ Spanja bbażat fuq id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk ferrovjarju għas-sena 2010.

67

Fir-rigward tas-sanzjonijiet li huma previsti fl-Artikoli 88 u 89 tal-LSF, għandu jiġi rrilevat li dawn ma jifformawx parti mis-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi, u dan peress li dawn jinsabu taħt it-Titolu VII tal-LSF, intitolat “Sistema ta’ sanzjoni u ta’ spezzjoni”. Barra minn hekk, dawn is-sanzjonijiet jikkastigaw ċertu ksur li għandu rabta man-nuqqasijiet fin-netwerk li huwa mwettaq mill-impriżi ferrovjarji biss u mhux mill-amministratur tal-infrastruttura.

68

Fir-rigward, fl-aħħar nett, tat-tariffa ta’ riżerva prevista mil-leġiżlazzjoni Spanjola, għandu jiġi rrilevat li l-possibbiltà għall-amministratur tal-infrastruttura li jimponi tali tariffa għall-kapaċitajiet ferrovjarji mitluba, iżda mhux użati, kif stabbilit fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2001/14, għandha għan iktar limitat minn dak li jipprovdi inċentiva sabiex jitnaqqsu n-nuqqasijiet u jitjieb l-operat tan-netwerk, jiġifieri dik li l-kapaċitajiet jintużaw b’mod effikaċi.

69

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni ilment imqajjem mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha għandu jintlaqa’.

Fuq il-ħames ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 13(2) u 14(1) tad-Direttiva 2001/14

L-argumenti tal-partijiet

70

Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel prijorità ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura msemmija fl-Artikolu 11(b)(1) tad-Digriet Ministerjali 897/2005 (iktar ’il quddiem l-“ewwel prijorità ta’ allokazzjoni”) tmur kontra l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2001/14, sa fejn din tħalli lill-Ministru għat-Tagħmir u t-Trasport marġni ta’ diskrezzjoni, filwaqt li l-Artikolu 14 jipprovdi li għandhom jiġu stabbiliti regoli speċifiċi għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet.

71

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-prijorità ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura, imsemmija fl-Artikolu 11(b)(4) tal-imsemmi digriet ministerjali (iktar ’il quddiem ir-“raba’ prijorità ta’ allokazzjoni”), hija, minn naħa, kuntrarja għall-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2001/14, inkwantu tista’ twassal, fil-prattika, biex impriża ferrovjarja tibbenefika mid-dritt li tuża mogħdija tal-ferrovija b’mod indefinit, u b’dan il-mod tneħħi l-effettività tal-projbizzjoni li tinsab f’din l-istess dispożizzjoni, li tipprovdi li l-mogħdijiet tal-ferrovija ma jistgħux jingħataw għal tul ta’ żmien itwal mill-perijodu applikabbli għall-iskeda tas-servizz.

72

Il-Kummissjoni tqis li r-raba’ prijorità ta’ allokazzjoni, barra minn hekk, ma tosservax l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2001/14, inkwantu din tista’ tostakola, fil-prattika, l-aċċess għal mogħdijiet tal-ferrovija li huma iktar attraenti għall-operaturi l-ġodda, ġeneralment impriżi ta’ Stati Membri barra r-Renju ta’ Spanja, u żżomm il-vantaġġi għall-utenti abitwali, li ġeneralment dawn ikunu impriżi Spanjoli, u dan ikun diskriminatorju.

73

Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta li l-ewwel prijorità ta’ allokazzjoni hija kuntrarja għall-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2001/14. Fil-fatt, il-kriterju ta’ allokazzjoni li huwa stabbilit fih iħalli miftuħa l-possibbiltà, f’ċirkustanzi speċjali jew eċċezzjonali, li tingħata l-prijorità lil tip ieħor ta’ servizzi, distint mis-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija, sabiex tiġi evitata saturazzjoni tan-netwerk ferrovjarju. Huwa jispeċifika li, sa mid-dħul fis-seħħ tad-Digriet Ministerjali 897/2005, il-Ministeru għat-Tagħmir u t-Trasport qatt ma għamel użu minn din il-possibbiltà, u dan juri n-nuqqas ta’ kull eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali f’dan il-qasam.

74

L-imsemmi Stat Membru jikkontesta wkoll li r-raba’ prijorità ta’ allokazzjoni hija kuntrarja għall-Artikoli 13(2) u 14(1) tad-Direttiva 2001/14.

75

Fil-fatt, il-kriterju msemmi fl-Artikolu 11(b)(4) tal-imsemmi digriet ministerjali huwa biss kriterju fost oħrajn li jippermetti l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet meta dawn ma jkunux suffiċjenti jew meta jkun hemm diversi talbiet għall-istess mogħdija. Skont ir-Renju ta’ Spanja, dan il-kriterju jimplika diskriminazzjoni razzjonali u ġusta sa fejn ikun raġonevoli li jittieħed inkunsiderazzjoni l-passat tal-użu effettiv tal-kapaċitajiet tal-operaturi sabiex jiġi ottimizzat l-użu tan-netwerk ferrovjarju.

76

L-imsemmi Stat Membru jagħmel riferiment għall-Artikolu 22(4) tad-Direttiva 2001/14, li jistabbilixxi li fil-każ ta’ infrastruttura saturata, il-kriterji ta’ prijorità għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-importanza ta’ servizz għas-soċjetà, meta mqabbel ma’ kull servizz ieħor li jkun eskluż għal dan il-fatt.

77

Skont l-istess Stat Membru, l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2001/14 ma jipprojbixxix b’mod assolut lil impriża milli tgawdi b’mod indefinit mogħdija tal-ferrovija f’ħin partikolari. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li din id-dispożizzjoni tipprovdi, fit-tieni subparagrafu tagħha, il-possibbiltà li jiġi konkluż ftehim qafas dwar l-użu tal-kapaċitajiet dwar l-infrastruttura ferrovjarja kkonċernata, għal tul ta’ żmien itwal minn perijodu wieħed ta’ validità tal-iskeda tas-servizz.

78

Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni, għal dak li jirrigwarda l-ewwel prijorità ta’ allokazzjoni, li l-Artikolu 11(b)(1) tad-Digriet Ministerjali 897/2005 ma jirreferix għall-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali jew speċifiċi bħal dawk imsemmija mir-Renju ta’ Spanja. Hija żżid li s-sempliċi eżistenza tal-ewwel prijorità tikkostitwixxi fiha nfisha sors ta’ inċertezza ġuridika għall-operaturi.

79

Għal dak li jikkonċerna r-raba’ prijorità ta’ allokazzjoni, il-Kummissjoni tenfasizza li l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi espressament il-possibbiltà għall-amministraturi tal-infrastruttura li jimponu tariffa ta’ riżerva sabiex jimmassimizzaw il-profitabbiltà tal-operat tas-sistema ferrovjarja.

80

L-imsemmija istituzzjoni tispeċifika li l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2001/14 huwa applikabbli biss fil-każ ta’ infrastruttura saturata, filwaqt li l-Artikolu 11(b)(4) tad-Digriet Ministerjali 897/2005 huwa applikabbli mhux biss f’dan il-każ, iżda wkoll, b’mod ġenerali, meta jkun hemm sovrapożizzjoni fit-talbiet għall-istess mogħdija tal-ferrovija f’ħin partikolari. Fi kwalunkwe każ, ebda waħda mid-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-imsemmi Artikolu 22 ma tippermetti lill-Istati Membri li jadottaw kriterju ta’ allokazzjoni bħal dak li dan l-ilment jirrigwarda.

81

Il-Kummissjoni ssostni li l-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2001/14, li jiġi konkluż ftehim qafas tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali u li l-implementazzoni ta’ din l-eċċezzjoni hija suġġetta għal kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2001/14.

82

Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni, għal dak li jikkonċerna l-ewwel prijorità ta’ allokazzjoni, li, għalkemm l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2001/14 ma jipprevedix b’mod espliċitu s-sitwazzjoni fejn ċirkustanzi eċċezzjonali jkunu jeħtieġu li jiġu mmodifikati l-prijoritajiet iffissati minn qabel, dan l-artikolu lanqas ma jipprojbixxi li tittieħed inkunsiderazzjoni tali sitwazzjoni.

83

Għal dak li jikkonċerna r-raba’ prijorità ta’ allokazzjoni, l-imsemmi Stat Membru jqis li l-fatt li jittieħdu inkunsiderazzjoni mogħdijiet tal-ferrovija komparabbli meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-passat tal-użu jżid element ta’ inċertezza ġuridika, sa fejn in-natura komparabbli tagħhom ma hijiex definita.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

84

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-ewwel prijorità ta’ allokazzjoni mal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2001/14, għandu jitfakkar li l-Artikolu 11(b)(1) tad-Digriet Ministerjali 897/2005, jipprovdi li, jekk ikun hemm sovrapożizzjoni ta’ talbiet għall-istess mogħdija tal-ferrovija f’ħin partikolari jew jekk in-netwerk ikun saturat, il-Ministeru għat-Tagħmir u t-Trasport jista’ jiffissa, jekk ikun xieraq, prijoritajiet ta’ allokazzjoni għat-tipi differenti ta’ servizzi fuq kull linja, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni s-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija.

85

L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi espressament li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli speċifiċi ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet. Dawn jistgħu ukoll, skont din id-dispożizzjoni, jimplementaw qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet, filwaqt li josservaw l-indipendenza ta’ ammistrazzjoni prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/440.

86

Għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 13 tad-Direttiva 2001/14, is-sistemi ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet għandhom jagħtu sinjali ċari u koerenti li jippermettu lill-impriżi ferrovjarji li jieħdu deċiżjonijiet razzjonali.

87

Minn dan jirriżulta li r-regoli speċifiċi ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet imsemmija fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2001/14 ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jikkonferixxu setgħa diskrezzjonali lill-Ministru għat-Tagħmir u t-Trasport għall-finijiet li jiġu attribwiti l-kapaċitajiet tal-infrastruttura, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 91 tal-konklużjonijiet tiegħu.

88

Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2001/14, li jipprovdi li huwa biss l-amministratur tal-infrastruttura li jista’ jagħti l-prijorità għal ċerti servizzi, iżda biss fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 22 u 24 ta’ din id-direttiva, li jirrigwardaw is-saturazzjoni tal-infrastruttura u l-infrastruttura speċjalizzata rispettivament.

89

Minn dan isegwi li l-Artikolu 11(b)(1) tad-Digriet Ministerjali 897/2005 ma jistax jitqies bħala li josserva r-rekwiżit previst fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2001/14, li jipprovdi li għandhom jiġu stabbiliti regoli speċifiċi ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet.

90

Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-interpretazzjoni li r-Renju ta’ Spanja jagħti tal-ewwel prijorità ta’ allokazzjoni, li tipprovdi li din il-prijorità tħalli miftuħa l-possibbiltà, f’ċirkustanzi speċjali jew eċċezzjonali, li tingħata l-prijorità lil tip ieħor ta’ servizzi, distint minn dak tat-trasport tal-merkanzija. Fil-fatt, il-kliem tal-Artikolu 11(b)(1) tad-Digriet Ministerjali 897/2005 ma jirreferix għall-eżistenza ta’ “ċirkustanzi speċjali jew eċċezzjonali”, peress li l-uniku kriterju msemmi f’din id-dispożizzjoni kien dak li jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari s-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija. Bl-istess mod, il-fatt li din id-dispożizzjoni qatt ma ġiet applikata mill-Ministru għat-Tagħmir u t-Trasport bl-ebda mod ma jneħħi l-possibbiltà għal dan tal-aħħar li jiffissa, fejn xieraq, prijoritajiet ta’ allokazzjoni supplimentari skont l-imsemmija dispożizzjoni. Is-sempliċi eżistenza ta’ din l-ewwel prijorità ta’ allokazzjoni tikkostitwixxi fiha nfisha sors ta’ inċertezza ġuridika għall-operaturi, hekk kif tirrileva l-Kummissjoni, u ma tistax titqies li tosserva r-rekwiżit previst fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2001/14.

91

Fit-tieni lok, fir-rigward, minn naħa, tal-allegat nuqqas ta’ konformità tar-raba’ prijorità ta’ allokazzjoni mal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2001/14, għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li, skont l-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, iż-żmien massimu għall-użu tal-kapaċitajiet iddeterminati tal-infrastruttura fil-forma ta’ mogħdijiet tal-ferrovija jikkorrispondi għal perijodu wieħed tal-iskeda tas-servizz. It-tieni subparagrafu tal-istess dispożizzjoni jipprovdi li impriża ferrovjarja tista’ tuża, bis-saħħa ta’ ftehim qafas, skont l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, il-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja għal żmien itwal minn perijodu wieħed ta’ validità tal-iskeda tas-servizz.

92

Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 11 tad-Direttiva 2001/14, wieħed mill-għanijiet tagħha huwa li tiggarantixxi aċċess ugwali u nondiskriminatorju tal-impriżi ferrovarji għan-netwerk ferrovjarju. Fid-dawl ta’ dan l-għan, il-projbizzjoni li jintużaw il-kapaċitajiet tal-infrastruttura għal żmien itwal mill-perijodu tal-iskeda tas-servizz previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva huwa intiż li jiġi evitat li impriża tibbenefika mid-dritt li tuża mogħdija tal-ferrovija b’mod indefinit. Madankollu, it-tieni subparagrafu tal-istess paragrafu jipprovdi eċċezzjoni għal din il-projbizzjoni jekk kemm-il darba jkun ġie konkluż ftehim qafas bejn l-amministratur tal-infrastruttura u l-impriża ferrovjarja, skont l-Artikolu 17 tal-istess direttiva.

93

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni Spanjola rilevanti, jiġifieri l-Artikolu 11(b)(4) tad-Digriet Ministerjali 897/2005, jipprovdi, jekk ikun hemm sovrapożizzjoni ta’ talbiet għall-istess mogħdija tal-ferrovija f’ħin partikolari jew jekk in-netwerk ikun saturat, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-allokazzjoni u tal-użu effettiv mill-applikant tal-iskeda tas-servizz preċedenti għall-mogħdijiet tal-ferrovija f’ħin partikolari, li l-użu tagħhom huwa mitlub, mingħajr ma dan it-teħid inkunsiderazzjoni jkun suġġett għall-konklużjoni ta’ ftehim qafas.

94

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li jirrigwarda l-allegata natura diskriminatorja tar-raba’ prijorità ta’ allokazzjoni, għandu jitfakkar li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi li l-amministratur tal-infrastruttura għandu jiżgura b’mod partikolari li l-kapaċitajiet tal-infrastruttura jiġu allokati fuq bażi xierqa u nondiskriminatorja, b’rispett għad-dritt tal-Unjoni.

95

Għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward, kif ir-Renju ta’ Spanja, barra minn hekk, jirrikonoxxi huwa stess, li l-kriterju tal-użu effettiv tan-netwerk bħala kriterju għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura huwa diskriminatorju sa fejn iwassal, meta jkun hemm sovrapożizzjoni ta’ talbiet għall-istess mogħdija tal-ferrovija f’ħin partikolari jew meta n-netwerk ikun saturat, għaż-żamma ta’ vantaġġi għall-utenti abitwali u għall-waqfien tal-aċċess għall-mogħdijiet tal-ferrovija l-iktar attraenti għall-operaturi l-ġodda.

96

L-imsemmi Stat Membru jiġġustifika din in-natura diskriminatorja permezz tal-għan li għandu jintlaħaq, li huwa li jiġi ggarantit użu iktar effikaċi tal-infrastrutturi.

97

Madankollu, anki jekk tali għan ikun ta’ natura li jiġġustifika n-natura diskriminatorja tar-raba’ prijorità ta’ allokazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, sabiex dan jintlaħaq, ma huwiex neċessarju li l-miżura inkwistjoni topera diskriminazzjoni bejn l-operaturi tan-netwerk u lanqas li twaqqaf l-aċċess tal-operaturi l-ġodda għalih.

98

Fil-fatt, id-Direttiva 2001/14 tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi intiżi li jħeġġu l-użu effikaċi tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura filwaqt li jiggarantixxu aċċess xieraq u nondiskriminatorju għan-netwerk ferrovjarju, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 97 tal-konklużjonijiet tiegħu. Pereżempju, l-Artikolu 27(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi l-possibbiltà, għall-amministratur tal-infrastruttura, li jispeċifika l-kundizzjonijiet għal teħid inkunsiderazzjoni tal-livelli ta’ użu preċedenti tal-mogħdijiet tal-ferrovija waqt id-determinazzjoni tal-prijoritajiet fil-kuntest tal-proċedura ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet. Bl-istess mod, l-Artikolu 12 tal-istess direttiva jipprovdi li l-amministratur tal-infrastruttura jista’ jimponi tariffa ta’ riżerva għall-kapaċitajiet mitluba, iżda li ma ġewx użati, sabiex jitħeġġeġ użu effikaċi tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura.

99

Bl-istess mod, in-natura diskriminatorja tar-raba’ prijorità ta’ allokazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mill-allegata konformità ta’ din tal-aħħar mal-Artikolu 22(4) tad-Direttiva 2001/14, li jipprovdi li, fil-każ ta’ infrastruttura saturata, il-kriterji ta’ prijorità għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-importanza ta’ servizz għas-soċjetà, meta mqabbel ma’ kull servizz ieħor li jiġi eskluż. Fil-fatt, f’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni ma tipprovdix kriterju ta’ allokazzjoni bħal dak imsemmi mir-raba’ prijorità ta’ allokazzjoni inkwantu, skont it-tieni subparagrafu tal-imsemmija dispożizzjoni, fil-każ ta’ infrastruttura saturata, l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura għandha ssir “taħt kundizzjonijiet non-diskriminatorji”.

100

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ħames ilment ta’ dan ir-rikors għandu jintlaqa’. Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jintlaqa’ kollu kemm hu.

101

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottax il-miżuri leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mal-Artikoli 4(1), 11, 13(2) u 14(1) tad-Direttiva 2001/14, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt dawn id-dispożizzjonijiet.

Fuq l-ispejjeż

102

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Billi r-Renju ta’ Spanja tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli, ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Franċiża, li intervjenew fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma adottax il-miżuri leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mal-Artikoli 4(1), 11, 13(2) u 14(1) tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-ferrovija, kif emendata bid-Direttiva 2007/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt dawn id-dispożizzjonijiet.

 

2)

Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

3)

Ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Franċiża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-Kawża C-483/10,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fis-6 ta’ Ottubru 2010,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. Støvlbæk u R. Vidal Puig, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn S. Centeno Huerta u B. Plaza Cruz, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek u T. Müller kif ukoll minn J. Očková, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u M. Perrot, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur), E. Levits, J.-J. Kasel u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Mejju 2012,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Settembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma adottax il-miżuri leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu:

– mal-Artikoli 4(1), 11, 13(2), 14(1), u 30(1) tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-ferrovija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404), kif emendata bid-Direttiva 2007/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007 (ĠU L 315, p. 44, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/14”,) u

– mal-Artikolu 10(7) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 7, Vol. 1, p. 341), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/103/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M, p. 875, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/440”),

ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt dawn id-dispożizzjonijiet.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

2. Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/440, li jinsab fit-Taqsima II tagħha, intitolata “L-indipendenza tal-amministrazzjoni”:

“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jagħmlu ċert li fir-rigward tat-tmexxija, l-amministrazzjoni u l-kontroll intern fuq kwistjonijiet amministrattivi, ekonomiċi u ta’ kontabilità l-impriżi ferrovjarji jkollhom status indipendenti li b’konformità miegħu huma jżommu, b’mod partikolari, assi, budgets u kontijiet li huma separati minn dawk ta’ l-Istat.

2. Waqt li jirrispettaw l-qafas u r-regoli speċifiċi dwar [impożizzjoni ta’] tariffi u allokazzjoni stabbiliti mill-Istati Membri, l-amministratur infrastrutturali għandu jkollu responsabbiltajiet għat-tmexxija, l-amministrazzjoni u l-kontroll intern tiegħu stess.”

3. Il-premessi 11 sa 13 u 34 tad-Direttiva 2001/14 huma fformulati kif ġej:

“(11) Il-piżijiet [It-tariffi] u skemi ta’ [impożizzjoni ta’ tariffi u ta’] allokazzjoni ta’ kapaċità għandhom jippermettu aċċess ugwali u non-diskriminatorju għall-impriżi kollha u jippruvaw safejn possibbli jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ l-utenti kollha u t-tipi ta’ traffiku b’mod ġust u non-diskriminatorju.

(12) Fil-qafas stabbilit mill-Istati Membri il-piżijiet [it-tariffi] u l-iskemi [impożizzjoni ta’ tariffi u ta’] ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità għandhom jinkoraġġixxu lil amministraturi ta’ l-infrastruttura tal-binarji biex itejbu l-użu ta’ l-infrastruttura tagħhom.

(13) Impriżi tal-binarji għandhom jirċievu sinjali ċari u konsistenti minn skemi ta’ l-allokazzjoni tal-kapaċità li jwassluhom biex jagħmlu deċiżjonijiet razzjonali.

[...]

(34) Investiment fl-infrastruttura tal-ferroviji huwa xieraq u l-iskemi għat-tqegħid tal-piżijiet [tal-impożizzjoni ta’ tariffi] għandhom jipprovdu inċentivi għal amministraturi ta’ l-infrastruttura meta jkunu ekonomikament ta’ attrazzjoni [attraenti].”

4. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/14, intitolat “L-istabbiliment, id-determinazzjoni u l-ġbir ta’ piżijiet [tariffi]”, fil-paragrafu (1) tiegħu jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas tal-piżijiet waqt li jirrispettaw l-indipendenza ta’ l-amministrazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/440/KEE.

Bla ħsara għall-kundizzjoni msemmija ta’ indipendenza ta’ l-amministrazzjoni, l-Istati Membri għandhom ukoll jistabbilixxu regoli speċifiċi dwar il-piżijiet [l-impożizzjoni ta’ tariffi] jew jiddelegaw dawn il-poteri għall-amministratur ta’ l-infrastruttura. Id-determinazzjoni tal-piż [tat-tariffa] għall-użu ta’ l-infrastruttura u l-ġbir ta’ dan il-piż [din it-tariffa] għandhom jitwettqu mill-amministratur ta’ l-infrastruttura.”

5. L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14, intitolat “Skema tal-ħidma [Sistema ta’ titjib tal-operat]”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“Skemi tal-piżijiet infrastrutturali għandhom permezz ta’ skema tal-ħidma [sistema ta’ titjib tal-operat] jinkoraġġixxu l-impriżi tal-ferroviji u lill-amministratur ta’ l-infrastruttura biex jimminimizzaw it-telf u jtejbu l-ħidma [l-operat] tan- network tal-ferrovija. Dan jista’ jinkludi penali għal azzjonijiet li jtellfu l-operazzjoni tan- network , il-kumpens għall-impriżi li jbatu minn telf u bonuses li jippremjaw ħidma aħjar minn dik li ġiet ippjanata.”

6. L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-Drittijiet tal-kapaċità”, fil-paragrafu 2 jistipula:

“Id-dritt ta’ l-użu ta’ kapaċità speċifika infrastrutturali fil-forma ta’ mogħdija tal-ferrovija jista’ jingħata lil applikanti għal terminu massimu ta’ perjodu wieħed kalendarju ta’ ħidma.

Amministratur ta’ l-infrastruttura u applikant jistgħu jidħlu fi ftehim tal-qafas kif stabbilit fl-Artikolu 17 għall-użu tal-kapaċità fuq l-infrastruttura tal-ferroviji relevanti għal terminu itwal minn terminu wieħed kalendarju ta’ ħidma.”

7. Bit-titolu “L-Allokazzjoni tal-kapaċità”, l-Artikolu 14(1) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu qafas għall-allokazzjoni ta’ kapaċità infrastrutturali filwaqt li jirrispettaw l-indipendenza amministrattiva stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/440/KEE. Regoli speċifiċi ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità għandhom jiġu stabbiliti. L-amministratur infrastrutturali għandu jwettaq il-proċessi ta’ l-allokazzjoni tal-kapaċità. Partikolarment, l-amministratur ta’ l-infrastruttura għandu jassigura li l-kapaċità infrastrutturali tiġi allokata fuq bażi ġusta u non-diskriminatorja u skond il-liġi Komunitarja.”

Id-dritt Spanjol

8. Il-Liġi 39/2003, dwar is-settur ferrovjarju (Ley 39/2003 del Sector Ferroviario), tas-17 ta’ Novembru 2003 (BOE Nru 276, tat-18 ta’ Novembru 2003, p. 40532, iktar ’il quddiem il-“LSF”), fl-Artikolu 21 tagħha telenka l-kompetenzi u l-funzjonijiet tal-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja, fosthom il-ġbir tat-tariffi għall-użu ta’ din l-infrastruttura.

9. Skont l-Artikolu 73(5) tal-LSF, sabiex jiġi stabbilit l-ammont tat-tariffi ferrovjarji, huwa possibbli li, skont l-operat effikaċji tan-netwerk ferrovjaru ta’ interess ġenerali, jittieħdu inkunsiderazzjoni kunsiderazzjonijiet li jirriflettu l-livell ta’ konġestjoni tal-infrastruttura, l-iżvilupp ta’ servizzi ġodda ta’ trasport ferrovjarju kif ukoll in-neċessità li jitħeġġeġ l-użu ta’ linji li ma jintużawx biżżejjed, filwaqt li fi kwalunkwe każ tiġi ggarantita kompetizzjoni ottimali bejn l-impriżi ferrovjarji.

10. L-Artikolu 76(1) u (2) tal-LSF jipprovdi:

“1. L-amministrazzjoni tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja hija kompitu tal-amministratur ta’ din tal-aħħar, li, fir-rigward tat-tariffa għall-użu ta’ stazzjonijiet u faċilitajiet ferrovjarji oħra, jista’ jirrikjedi l-preżentazzjoni ta’ kull dokument neċessarju sabiex jitwettqu l-kalkoli xierqa tal-ħlasijiet dovuti.

2. Ir-regoli dettaljati tal-ħlasijiet dovuti għall-arranġamenti jistgħu isiru b’mod individwali jew konġunt, skont il-kundizzjonijiet previsti mid-digriet Ministerjali li jistabbilixxi l-modalitajiet tal-kalkoli tal-ħlasijiet dovuti u t-termini u l-mezzi li jippermettu li jseħħ l-irkupru effettiv tal-ammonti dovuti.”

11. L-Artikolu 77(1) tal-LSF jipprovdi li l-iffissar tal-ammonti tat-tariffa ta’ użu tal-linji ta’ ferroviji li jagħmlu parti min-netwerk ferrovjarju ta’ interess ġenerali u tat-tariffi għall-użu tal-istazzjonijiet u faċilitajiet ferrovjarji oħra għandu jsir permezz ta’ Digriet Ministerjali.

12. L-Artikolu 81(1)(j) tal-LSF b’mod partikolari jipprovdi li l-iffissar jew, jekk ikun il-każ, il-modifika tal-ammont tat-tariffi ta’ użu tal-infrastruttura ferrovjarja taqa’ taħt il-kompetenzi tal-Ministeru għat-Tagħmir u t-Trasport.

13. L-Artikoli 88 u 89 tal-LSF iqisu, rispettivament, bħala ksur serju ħafna jew serju, li jwassal għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet, ċertu imġiba tal-impriżi ferrovjarji li għandhom rabta mat-tfixkil tal-funzjonament tan-netwerk.

14. Id-Digriet Irjali Nru 2395/2004, tat-30 ta’ Diċembru 2004, li japprova l-istatut tal-impriża pubblika li tamministra l-infrastruttura ferrovjarja (BOE Nru 315, tal-31 ta’ Diċembru 2004, p. 42785), fl-anness tiegħu jinkludi t-test tal-istatut ta’ din l-impriża pubblika (iktar ’il quddiem l-“ADIF”, fejn l-Artikolu 1 tiegħu jippreċiża li din tal-aħħar hija organu pubbliku, assimilabbli mal-kategorija tal-impriżi pubbliċi msemmija fl-Artikolu 43(1)(b) tal-Liġi Nru 6, tal-14 ta’ April 1997, dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-amministrazzjoni ġenerali tal-Istat. L-ADIF legalment taqa’ taħt il-Ministeru għat-Tagħmir u t-Trasport, liema ministeru huwa inkarigat, skont il-paragrafu (2) tal-istess Artikolu 43, mid-direzzjoni strateġika, mill-evalwazzjoni u mill-kontroll tal-attività ta’ din l-impriża.

15. Fl-Artikolu 3(1) tiegħu, l-Istatut tal-ADIF jelenka l-kompetenzi u l-funzjonijiet ta’ din l-impriża pubblika, fejn fosthom jinsab l-irkupru tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja.

16. Id-Digriet Irjali 2396/2004, tat-30 ta’ Diċembru 2004, li japprova l-istatut tal-impriża pubblika RENFE-Operadora (BOE Nru 315, tal-31 ta’ Diċembru 2004, p. 42797), jipprovdi li r-RENFE-Operadora hija impriża pubblika, li legalment taqa’ taħt il-Ministeru għat-Tagħmir u t-Trasport, liema Ministeru huwa inkarigat mid-direzzjoni strateġika, mill-evalwazzjoni u mill-kontroll tal-attività tagħha.

17. Id-Digriet Ministerjali FOM/898/2005, tat-8 ta’ April 2005 (BOE Nru 85, tad-9 ta’ April 2005, p. 12331), jistabbilixxi l-ammonti tat-tariffi għall-użu, minn naħa, tal-linji ta’ ferroviji li jagħmlu parti min-netwerk ferrovjarju ta’ interess ġenerali u, min-naħa l-oħra, tal-istazzjonijiet u ta’ faċilitajiet ferrovjarji oħra.

18. Id-Digriet Ministerjali FOM/897/2005, tas-7 ta’ April 2005, li jikkonċerna d-dikjarazzjoni dwar in-netwerk u l-proċedura ta’ allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja (BOE Nru 85, tad-9 ta’ April 2005, p. 12324, iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali 897/2005”), fl-Artikolu 11 tiegħu jipprovdi:

“L-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja għandu jalloka l-kapaċitajiet tal-infrastruttura mitluba skont kif ġej:

[…]

b) jekk tinħoloq sovrapożizzjoni ta’ talbiet għall-istess mogħdija tal-ferrovija fl-istess ħin (slot) jew jekk in-netwerk ikun ġie ddikjarat saturat, il-prijoritajiet segwenti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-allokazzjoni, f’ordni dixxendenti:

1. dawk iffissati, jekk ikun il-każ, mill-Ministeru għat-Tagħmir u t-Trasport għad-diversi tipi ta’ servizzi fuq kull linja, waqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari s-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija.

[…]

4. l-allokazzjoni u l-użu effettiv minn min jagħmel it-talba, fi skedi preċedenti, tal-islots li għalihom huwa għamel talba.

[…]”

Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19. Fil-15 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Spanjoli kwestjonarju dwar l-applikazzjoni b’mod partikolari tad-Direttivi 91/440 u 2001/14.

20. Wara skambju ta’ posta mal-imsemmija awtoritajiet, permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Ġunju 2008 l-Kummissjoni indirizzat ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju ta’ Spanja fejn fiha hija esprimiet id-dubji tagħha fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ ċerti aspetti tal-leġiżlazzjoni Spanjola fil-qasam ferrovjarju ma’ dawn id-direttivi.

21. Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Ottubru 2008, l-imsemmi Stat Membru rrisponda għall-ittra ta’ intimazzjoni. Barra minn hekk, dan tal-aħħar bagħat lill-Kummissjoni xi informazzjoni supplimentari permezz ta’ posta tal-5 ta’ Frar u t-13 ta’ Lulju 2009.

22. Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Renju ta’ Spanja, fejn fiha hija sostniet li l-leġiżlazzjoni Spanjola fil-qasam ferrovjarju ma kinitx konformi mad-Direttivi 91/440 u 2001/14 u stiednet lil dan tal-aħħar sabiex jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni f’terminu ta’ xahrejn sa min-notifika tagħha. Dan l-Istat Membru rrisponda għall-imsemmija opinjoni permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Diċembru 2009.

23. Billi ma kinitx sodisfatta bir-risposta tar-Renju ta’ Spanja għall-imsemmija opinjoni motivata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors, li huwa bbażat fuq ħames ilmenti.

24. B’digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Frar u tat-8 ta’ Settembru 2011, ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Franċiża, rispettivament, ġew ammessi sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Renju ta’ Spanja.

25. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni informat lil din tal-aħħar li, wara l-adozzjoni, mir-Renju ta’ Spanja, tal-Liġi 2/2011 dwar l-ekonomija sostenibbli (Ley 2/2011 de Economía sostenible), tal-4 ta’ Marzu 2011 (BOE Nru 55, tal-5 ta’ Marzu 2011, p. 25033), hija rrinunzjat għat-tielet u r-raba’ ilment tar-rikors tagħha, li jikkonċernaw rispettivament l-Artikoli 30(1) tad-Direttiva 2001/14 u 10(7) tad-Direttiva 91/440.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14

L-argumenti tal-partijiet

26. Il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni Spanjola ma hijiex konformi mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14, sa fejn l-ammont tat-tariffi huwa totalment stabbilit permezz ta’ digriet ministerjali, u dan għandu l-konsegwenza li l-unika funzjoni mogħtija lill-amministratur tal-infrastruttura, jiġifieri l-ADIF, hija l-irkupru tat-tariffi. Fil-fatt, kulma tagħmel din tal-aħħar huwa li tikkalkola l-ammont tat-tariffa f’kull każ konkret, u dan billi tapplika formula stabbilita minn qabel u b’mod eżawrjenti mill-awtorità ministerjali. Għaldaqstant, din l-entità ma għandha ebda marġni ta’ diskrezzjoni sabiex timmodula l-ammont tat-tariffa f’kull każ konkret.

27. Skont il-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni Spanjola lanqas ma tosserva r-rekwiżit li jirrigwarda l-awtonomija ta’ amministrazzjoni tal-amministratur tal-infrastruttura, peress li, billi fdat l-iffissar tal-ammont tat-tariffi f’idejn l-awtorità ministerjali biss, hija ċaħħdet lill-amministratur minn strument ta’ amministrazzjoni essenzjali.

28. L-interpretazzjoni tal-kelma “determinazzjoni” li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, hija, skont il-Kummissjoni, restrittiva wisq, kemm fir-rigward tas-sens komuni ta’ din il-kelma kif ukoll fir-rigward tar-rekwiżit, imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-istess paragrafu, li jimplika li l-awtonomija ta’ amministrazzjoni tal-amministratur tal-infrastruttura għandha tkun osservata. Dan l-Artikolu 4 jipprevedi li huwa l-amministratur tal-infrastruttura li għandu jiddetermina t-tariffa għall-użu tal-infrastruttura, u dan mingħajr ma jistabbilixxi ebda distinzjoni bejn id-diversi tipi ta’ determinazzjoni invokati minn dan l-Istat Membru.

29. Barra minn hekk il-Kummissjoni tqis li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14, invokata mill-imsemmi Stat Membru, ma hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-direttiva, li jippresupponu b’mod obbligatorju li l-funzjonijiet tal-amministratur tal-infrastruttura ma humiex limitati għall-kalkolu tal-ħlasijiet dovuti u għall-irkupru tat-tariffi.

30. Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li t-tariffi ġew iddefiniti bħala taxxi. Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, dawn għaldaqstant huma taxxi li l-fatt li jiġġenerahom huwa l-użu privat tal-qasam pubbliku ferrovjarju. Għaldaqstant, l-elementi essenzjali ta’ dawn it-tariffi għandhom ikunu rregolati b’mod legali u l-ammont konkret tat-tariffi għandu jiġi stabbilit permezz ta’ regola amministrattiva ġenerali, jiġifieri tal-inqas b’digriet ministerjali.

31. L-imsemmi Stat Membru jindika li l-ADIF hija impriża pubblika li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, għandha bilfors tiddependi minn ministeru u konsegwentement ma għandhiex is-setgħa li tadotta dispożizzjonijiet legali, peress li din hija kompetenza tal-ministeru li taqa’ taħtu. L-Artikolu 76 tal-LSF jattribwixxi lill-ADIF l-amministrazzjoni tal-imsemmija tariffi, li timplika ċerti funzjonijiet ta’ kontroll, ta’ kalkolu tal-ħlasijiet dovuti, ta’ ffissar tat-tariffa dovuta f’kull każ konkret kif ukoll l-irkupru tagħhom. Barra minn hekk, l-ADIF tista’ tipproponi lill-Ministeru għat-Tagħmir u t-Trasport li jiġu stabbiliti tipi oħra ta’ tariffi matul klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ linja jew ta’ stazzjon ferrovjarju.

32. Ir-Renju ta’ Spanja jqis li l-kelma “determinazzjoni” msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14 ma teħtieġx neċessarjament l-iffissar tal-ammont tat-tariffi. Skont dan, hemm lok li wieħed jifhem li din id-dispożizzjoni tirreferi biss għall-iffissar tat-tariffa konkreta dovuta għall-użu tal-infrastruttura f’kull każ partikolari kif ukoll għall-irkupru tagħha.

33. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni Spanjola tistabbilixxi distinzjoni bejn, minn naħa, id-determinazzjoni tat-tariffi b’mod ġenerali, billi tistabbilixxi l-qafas u s-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi li jikkorrispondu għalihom, u d-determinazzjoni tas-sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi tal-infrastruttura, liema sistemi jaqgħu f’idejn il-Ministru għat-Tagħmir u t-Trasport, u min-naħa l-oħra, l-iffissar tat-tariffa konkreta li tikkorrispondi għal kull każ partikolari, u dan jaqa’ f’idejn l-ADIF.

34. Billi jibbaża ruħu fuq din id-distinzjoni, l-imsemmi Stat Membru jqis li l-interpretazzjoni li huwa jagħmel tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 201/14 hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-direttiva.

35. Ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza wkoll li l-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni ftit li xejn tista’ tkun kompatibbli mal-qafas tal-leġiżlazzjoni Spanjola attwali, sakemm ma ssirx modifika radikali tal-leġiżlazzjoni amministrattiva u fiskali nazzjonali.

36. Il-Gvern Ċek jirrileva li, matul l-implementazzjoni tal-qafas għall-impożizzjoni ta’ tariffi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-“istatus indipendenti tal-impriżi tat-trasport” u mhux dak ta’ min huwa responsabbli mill-infrastruttura ferrovjarja. Minn dan huwa jikkonkludi li l-intervent tal-Istat Membru kkonċernat permezz tal-iffissar tal-impożizzjonijiet ta’ tariffi speċifiċi huwa mezz aċċettabbli fir-rigward tar-rekwiżiti tad-Direttiva 2001/14.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

37. Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni Spanjola ma hijiex konformi mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14 sa fejn, minn naħa, hija tattribwixxi lill-Ministeru għat-Tagħmir u t-Trasport l-iffissar tal-ammont tat-tariffi permezz ta’ digriet Ministerjali, b’mod li l-ADIF, li hija l-amministratur tal-infrastruttura, tkun inkarigata biss mill-irkupru tat-tariffi, u sa fejn, min-naħa l-oħra, hija ma tkunx kompatibbli mar-rekwiżit tal-awtonomija ta’ amministrazzjoni tal-amministratur.

38. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja jopponu lil xulxin dwar liema hija l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kliem “[i]d-determinazzjoni tal-piż [tat-tariffa]” li jinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14. Skont dan l-Istat Membru, dan il-kliem jirreferi biss għall-iffissar tat-tariffa konkreta dovuta għall-użu tal-infrastruttura f’kull każ partikolari u mhux għad-determinazzjoni tal-ammont tat-tariffi fuq il-bażi tal-qafas ta’ impożizzjoni ta’ tariffi stabbilit mill-Istati Membri. Fil-fatt, fi Spanja, tali tariffa jkollha natura fiskali u jkun biss l-Istat li jiddeterminaha.

39. Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14, l-Istati Membri għandhom jimplementaw qafas għall-impożizzjoni ta’ tariffi u huma jistgħu wkoll jistabbilixxu regoli ta’ impożizzjoni ta’ tariffi speċifiċi, filwaqt li josservaw l-indipendenza ta’ amministrazzjoni tal-amministratur tal-infrastruttura. Skont din id-dispożizzjoni, huwa dan tal-aħħar, minn naħa, li għandu jiddetermina t-tariffa għall-użu tal-infrastruttura u, min-naħa l-oħra, li jwettaq l-irkupru tagħha.

40. Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi subparagrafu 2 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14 isemmi biss id-“determinazzjoni tal-piż [tat-tariffa]”, mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra u mingħajr ma jistabbilixxi distinzjoni bejn diversi tipi jew livelli ta’ determinazzjoni tat-tariffi, kuntrarjament għal dak li tipprevedi l-leġiżlazzjoni Spanjola rilevanti.

41. Imbagħad, għandu jiġi rrilevat li l-istess Artikolu 4 jistabbilixxi allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-amministratur tal-infrastruttura f’dak li jikkonċerna s-sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi. Fil-fatt, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu qafas għall-impożizzjoni ta’ tariffi, filwaqt li d-determinazzjoni tat-tariffa u l-irkupru tagħha jaqgħu f’idejn l-amministratur tal-infrastruttura.

42. Sabiex tiġi osservata tali allokazzjoni tal-kompetenzi u hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, hemm lok li l-kelma “determinazzjoni” tingħata sens iktar wiesa’ minn dak ta’ “kalkolu tal-ħlasijiet dovuti” li tissemma fl-Artikolu 76(1) tal-LSF. Fil-fatt, billi l-kalkolu tal-ħlasijiet dovuti huwa biss stadju mill-proċedura ta’ ġbir tat-tariffi, hekk kif tindika l-Kummissjoni, għaldaqstant dan għandu jitqies bħala li huwa kopert mill-kelma “ġbir [irkupru]” li tinsab fit-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14.

43. Fl-aħħar nett, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet tal-imsemmija direttiva kif ukoll mill-kuntest leġiżlattiv li fih jinsab l-Artikolu 4(1) tagħha.

44. Fil-fatt, fl-ewwel lok, wieħed mill-għanijiet li għandhom jintlaħqu mis-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi stabbilita bid-Direttiva 2001/14 huwa li tiġi żgurata l-indipendenza ta’ amministrazzjoni tal-amministratur tal-infrastruttura. Fi kliem ieħor, dan għandu jagħmel użu mis-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi bħala strument ta’ amministrazzjoni, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu. Għaldaqstant, mill-premessa 12 ta’ din id-direttiva jirriżulta li s-sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi u ta’ allokazzjonijiet tal-kapaċitajiet għandhom iħeġġu lill-amministraturi tal-infrastruttura ferrovjarja sabiex jottimizzaw l-użu tal-infrastruttura fil-qafas stabbilit mill-Istati Membri. Issa, dawn l-amministraturi ma jistgħux jaslu għal tali ottimizzazzjoni permezz tas-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi jekk ir-rwol tagħhom kellu jiġi limitat għall-kalkolu tal-ammont tat-tariffa f’kull każ konkret, billi japplikaw formula ffissata minn qabel permezz ta’ digriet ministerjali. L-imsemmija amministraturi għaldaqstant għandu jkollhom ċertu marġni ta’ flessibbiltà fl-iffissar tal-ammont tat-tariffi.

45. Bl-istess mod, il-premessa 34 tal-imsemmija direttiva tistipula li l-investimenti fl-infrastruttura tal-ferroviji huma mixtieqa u li s-sistemi għall-impożizzjoni ta’ tariffi għandhom jipprevedu inċentivi sabiex l-amministraturi tal-infrastruttura jwettqu investimenti xierqa meta dawn ikunu ekonomikament vantaġġużi. L-amministraturi ma jistgħux jitħeġġu jinvestu fl-infrastruttura jekk huma ma jkollhom ebda marġni ta’ flessibbiltà fil-qafas tas-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi.

46. Fit-tieni lok, dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2001/14 jikkorroboraw interpretazzjoni tal-kliem “determinazzjoni tal-piż [tat-tariffa]”, li jinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tagħha, iktar wiesgħa minn dik sostnuta mir-Renju ta’ Spanja. Fil-fatt, skont l-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva, l-amministratur tal-infrastruttura huwa mħeġġeġ permezz ta’ inċentivi sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-provvista tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi ta’ aċċess. L-Artikolu 8(2) tal-istess direttiva jipprovdi li l-amministratur tal-infrastruttura jista’ jiffissa jew iżomm tariffi iktar għolja bbażati fuq l-ispiża fit-tul ta’ ċerti proġetti ta’ investiment. L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva jippermetti lill-amministratur sabiex jintroduċi skemi ta’ skonti fuq it-tariffi miġbura mingħand l-operaturi.

47. Bl-istess mod, mill-Artikolu 30(2) u (3) tad-Direttiva 2001/14 jirriżulta li d-deċiżjonijiet adottati mill-amministratur tal-infrastruttura f’dak li jikkonċerna s-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi jew il-livell jew l-istruttura tat-tariffi ta’ użu tal-infrastruttura jistgħu jiġu appellati quddiem korp regolatorju. Issa, l-eżistenza stess ta’ kontroll ta’ tali deċiżjonijiet tkun nieqsa minn kull sens jekk ir-rwol tal-amministratur kellu jkun limitat, hekk kif isostni r-Renju ta’ Spanja, għall-iffissar tat-tariffa konkreta billi japplika formula stabbilita minn qabel permezz ta’ digriet ministerjali.

48. Barra minn hekk, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni Spanjola rilevanti, huwa l-Ministeru għat-Tagħmir u t-Trasport li għandu jaġixxi bħala korp regolatorju. Issa, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2001/14 jawtorizza li l-ministeru inkarigat mill-kwistjonijiet ta’ trasport jinħatar bħala korp regolatorju, din id-dispożizzjoni teżiġi, għall-kuntrarju, li dan ikun indipendenti mill-korpi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi. Għaldaqstant ma jistax jitqies li dan il-Ministeru jwettaq il-missjoni regolatorja tiegħu skont l-imsemmija dispożizzjoni sa fejn, flimkien mal-funzjoni regolatorja tiegħu, dan il-ministeru jiddetermina wkoll l-ammont tat-tariffi.

49. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sabiex jiggarantixxi l-għan tal-indipendenza ta’ amministrazzjoni tal-amministratur tal-infrastruttura, dan għandu jkollu, fil-kuntest tal-impożizzjoni ta’ tariffi kif iddefinit mill-Istati Membri, ċertu marġni ta’ flessibbiltà għad-determinazzjoni tal-ammont tat-tariffi b’mod li tippermettilu li jagħmel użu minnha bħala strument tal-amministrazzjoni.

50. F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li l-ADIF ma għandhiex l-indipendenza ta’ amministrazzjoni meħtieġa għall-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha peress li dawn huma limitati għall-iffissar tat-tariffa konkreta f’kull każ partikolari, billi tapplika formula stabbilita minn qabel permezz ta’ digriet ministerjali. Konsegwentement, hemm lok li jiġi konkluż li, f’dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni Spanjola ma hijiex konformi mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14.

51. Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mid-diffikultajiet li r-Renju ta’ Spanja jsostni li ltaqa’ magħhom matul l-adattament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali għar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru ma jistax jeċċepixxi dispożizzjonijiet, prattiki jew sitwazzjonijiet tal-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi u t-termini previsti minn direttiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-369/07, Ġabra p. I-5703, punt 45, u tal-25 ta’ Frar 2010, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-295/09, punt 10).

52. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel ilment invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha għandu jintlaqa’.

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14

L-argumenti tal-partijiet

53. Il-Kummissjoni tilmenta li l-leġiżlazzjoni Spanjola ma tinkludi ebda miżura li tista’ timplementa l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14, li jipprovdi għall-istabbiliment ta’ sistema ta’ titjib tal-operat.

54. Fil-fatt, l-Artikoli 88 u 89 tal-LSF, li jikklassifikaw ċertu ksur tal-leġiżlazzjoni ferrovjarja bħala gravi ħafna u gravi rispettivament, ma jifformawx parti mis-“sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi”. Il-multi li dan il-ksur jista’ jagħti lok għalihom jippermettu li jiġu ssanzjonati l-impriżi ferrovjarji u mhux l-amministratur tal-infrastruttura.

55. Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-Artikolu 73(5) tal-LSF waħdu ma huwiex biżżejjed sabiex jimplementa s-sistema ta’ titjib tal-operat prevista fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14, inkwantu huwa jipprovdi biss il-possibbiltà li tiġi introdotta tali sistema. Issa, l-implementazzjoni ta’ din is-sistema ma hijiex prerogattiva li l-eżerċizzju tagħha jitħalla għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri, iżda rekwiżit impost b’din id-direttiva.

56. Il-Kummissjoni tirrileva wkoll, fil-punt 6.2.5 tad-dikjarazzjoni fuq in-netwerk ferrovjarju għall-2010, intitolat “Sistema ta’ miżuri għal titjib tal-operat”, li l-ADIF tippreżenta l-implementazzjoni tas-sistema ta’ miżuri ta’ inċentiv bħala sempliċi possibbiltà, u mhux bħala obbligu impost mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14.

57. Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-ilment li jipprovdi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tinkludix dispożizzjonijiet li jittrasponu l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14.

58. Fl-ewwel lok, l-imsemmi Stat Membru jsostni li l-Artikolu 73(5) tal-LSF jipprovdi għall-possibbiltà, sabiex jiġi ffissat l-ammont tat-tariffi ferrovjarji, li jitqiesu kunsiderazzjonijiet li jirriflettu l-grad ta’ saturazzjoni tal-infrastruttura, l-iżvilupp ta’ servizzi ġodda ta’ trasport ferrovjarju, kif ukoll in-neċessità li jiġi promoss l-użu ta’ linji li ma jintużawx biżżejjed, filwaqt li tiġi ggarantita, fi kwalunkwe każ, kompetizzjoni ottimali bejn l-impriżi ferrovjarji.

59. Fit-tieni lok, l-Artikoli 88 u 89 tal-LSF jikklassifikaw ċertu aġir li għandu konnessjoni ma’ nuqqasijiet fin-netwerk, bħala ksur amministrattiv, li huwa ssanzjonat bl-impożizzjoni ta’ multi.

60. Fit-tielet lok, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, skont il-punt 6.2.5 tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk ferrovjarju għall-2010, l-ADIF għandha l-intenzjoni żżomm lill-impriżi ferrovjarji li jiżguraw osservanza wiesgħa tal-kriterji fir-rigward tal-kapaċità infrastrutturali attribwita. L-imsemmi punt ikompli billi jindika, b’mod partikolari, li l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi wkoll għall-“possibbiltà li jitħeġġeġ”, permezz ta’ sistema ta’ titjib tal-operat, it-tnaqqis ta’ nuqqasijiet għall-minimu u b’hekk ittejjeb il-funzjonament tan-netwerk ferrovjarju.

61. Fir-raba’ lok, l-imsemmi Stat Membru jsostni li kull impriża ferrovjarja li titlob mogħdija tal-ferrovija f’ħin partikolari u li tiksibha għandha tħallas tariffa sabiex tirriżervaha fil-mument meta tingħatalha, u dan qabel l-użu effettiv ta’ din il-mogħdija tal-ferrovija. Il-ħlas ta’ din it-tariffa jimplika impenn min-naħa tal-impriża ferrovjarja li tikkonforma ruħha mal-użu tan-netwerk li hija tkun talbet, taħt piena li titlef it-tariffa li tkun ħallset minn qabel.

62. Waqt is-seduta, ir-Repubblika Franċiża sostniet li l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14 għandu jiġi interpretat fis-sens li jiffissa għan u jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jimplementaw mezzi sabiex dan l-għan jintlaħaq. Bħar-Renju ta’ Spanja, hija tqis li din id-direttiva ma teħtieġx li l-miżuri adottati għandhom neċessarjament jiġu inklużi fil-kuntest ta’ sistema indipendenti ta’ titjib tal-operat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

63. Skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2001/14, is-sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi tal-infrastruttura għandhom jinkoraġġixxu lill-impriżi ferrovjarji u lill-amministratur tal-infrastruttura sabiex inaqqsu għall-minimu n-nuqqasijiet u sabiex itejbu s-servizzi tan-netwerk ferrovjarju billi jistabbilixxu sistema ta’ titjib tal-operat. Skont din l-istess dispożizzjoni, din is-sistema tista’ tinkludi sanzjonijiet, kumpensi u bonuses.

64. Minn dan jirriżulta, minn naħa, li l-Istati Membri għandhom jinkludu fis-sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi tal-infrastruttura sistema ta’ titjib tal-operat intiża li tinkoraġġixxi kemm lill-impriżi ferrovjarji kif ukoll lill-amministratur tal-infrastruttura sabiex itejbu s-servizzi tan-netwerk. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tip ta’ miżuri ta’ inċentiva li jistgħu jiġu implementati mill-Istati Membri, dawn tal-aħħar jibqgħu liberi li jagħżlu miżuri konkreti li jifformaw parti mill-istess sistema sakemm dawn ikunu jikkostitwixxu ħaġa sħiħa koerenti u trasparenti li tista’ tiġi kklassifikata bħala “sistema ta’ titjib tal-operat”, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 69 u 70 tal-konklużjonijiet tiegħu.

65. Sabiex tiġi eżaminata l-fondatezza tat-tieni lment imqajjem mill-Kummissjoni, għandu għaldaqstant jiġi vverifikat jekk il-miżuri li l-leġiżlazzjoni Spanjola tinkludi fiha f’dan ir-rigward humiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14.

66. Fir-rigward tal-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 73(5) tal-LSF, li jitqiesu kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw it-titjib tal-operat tan-netwerk u l-iżvilupp tiegħu sabiex jiġi ffissat l-ammont tat-tariffi, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm din id-dispożizzjoni tifforma parti mis-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi, is-sempliċi possibbiltà li tiġi introdotta sistema ta’ titjib tal-operat ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi implementat l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, dan l-aħħar artikolu jeżiġi li l-Istati Membri effettivament jimplementaw sistema ta’ titjib tal-operat fis-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi. Bl-istess mod, għandu jiġi miċħud, għall-istess raġuni, l-argument tar-Renju ta’ Spanja bbażat fuq id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk ferrovjarju għas-sena 2010.

67. Fir-rigward tas-sanzjonijiet li huma previsti fl-Artikoli 88 u 89 tal-LSF, għandu jiġi rrilevat li dawn ma jifformawx parti mis-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi, u dan peress li dawn jinsabu taħt it-Titolu VII tal-LSF, intitolat “Sistema ta’ sanzjoni u ta’ spezzjoni”. Barra minn hekk, dawn is-sanzjonijiet jikkastigaw ċertu ksur li għandu rabta man-nuqqasijiet fin-netwerk li huwa mwettaq mill-impriżi ferrovjarji biss u mhux mill-amministratur tal-infrastruttura.

68. Fir-rigward, fl-aħħar nett, tat-tariffa ta’ riżerva prevista mil-leġiżlazzjoni Spanjola, għandu jiġi rrilevat li l-possibbiltà għall-amministratur tal-infrastruttura li jimponi tali tariffa għall-kapaċitajiet ferrovjarji mitluba, iżda mhux użati, kif stabbilit fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2001/14, għandha għan iktar limitat minn dak li jipprovdi inċentiva sabiex jitnaqqsu n-nuqqasijiet u jitjieb l-operat tan-netwerk, jiġifieri dik li l-kapaċitajiet jintużaw b’mod effikaċi.

69. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni ilment imqajjem mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha għandu jintlaqa’.

Fuq il-ħames ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 13(2) u 14(1) tad-Direttiva 2001/14

L-argumenti tal-partijiet

70. Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel prijorità ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura msemmija fl-Artikolu 11(b)(1) tad-Digriet Ministerjali 897/2005 (iktar ’il quddiem l-“ewwel prijorità ta’ allokazzjoni”) tmur kontra l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2001/14, sa fejn din tħalli lill-Ministru għat-Tagħmir u t-Trasport marġni ta’ diskrezzjoni, filwaqt li l-Artikolu 14 jipprovdi li għandhom jiġu stabbiliti regoli speċifiċi għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet.

71. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-prijorità ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura, imsemmija fl-Artikolu 11(b)(4) tal-imsemmi digriet ministerjali (iktar ’il quddiem ir-“raba’ prijorità ta’ allokazzjoni”), hija, minn naħa, kuntrarja għall-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2001/14, inkwantu tista’ twassal, fil-prattika, biex impriża ferrovjarja tibbenefika mid-dritt li tuża mogħdija tal-ferrovija b’mod indefinit, u b’dan il-mod tneħħi l-effettività tal-projbizzjoni li tinsab f’din l-istess dispożizzjoni, li tipprovdi li l-mogħdijiet tal-ferrovija ma jistgħux jingħataw għal tul ta’ żmien itwal mill-perijodu applikabbli għall-iskeda tas-servizz.

72. Il-Kummissjoni tqis li r-raba’ prijorità ta’ allokazzjoni, barra minn hekk, ma tosservax l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2001/14, inkwantu din tista’ tostakola, fil-prattika, l-aċċess għal mogħdijiet tal-ferrovija li huma iktar attraenti għall-operaturi l-ġodda, ġeneralment impriżi ta’ Stati Membri barra r-Renju ta’ Spanja, u żżomm il-vantaġġi għall-utenti abitwali, li ġeneralment dawn ikunu impriżi Spanjoli, u dan ikun diskriminatorju.

73. Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta li l-ewwel prijorità ta’ allokazzjoni hija kuntrarja għall-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2001/14. Fil-fatt, il-kriterju ta’ allokazzjoni li huwa stabbilit fih iħalli miftuħa l-possibbiltà, f’ċirkustanzi speċjali jew eċċezzjonali, li tingħata l-prijorità lil tip ieħor ta’ servizzi, distint mis-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija, sabiex tiġi evitata saturazzjoni tan-netwerk ferrovjarju. Huwa jispeċifika li, sa mid-dħul fis-seħħ tad-Digriet Ministerjali 897/2005, il-Ministeru għat-Tagħmir u t-Trasport qatt ma għamel użu minn din il-possibbiltà, u dan juri n-nuqqas ta’ kull eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali f’dan il-qasam.

74. L-imsemmi Stat Membru jikkontesta wkoll li r-raba’ prijorità ta’ allokazzjoni hija kuntrarja għall-Artikoli 13(2) u 14(1) tad-Direttiva 2001/14.

75. Fil-fatt, il-kriterju msemmi fl-Artikolu 11(b)(4) tal-imsemmi digriet ministerjali huwa biss kriterju fost oħrajn li jippermetti l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet meta dawn ma jkunux suffiċjenti jew meta jkun hemm diversi talbiet għall-istess mogħdija. Skont ir-Renju ta’ Spanja, dan il-kriterju jimplika diskriminazzjoni razzjonali u ġusta sa fejn ikun raġonevoli li jittieħed inkunsiderazzjoni l-passat tal-użu effettiv tal-kapaċitajiet tal-operaturi sabiex jiġi ottimizzat l-użu tan-netwerk ferrovjarju.

76. L-imsemmi Stat Membru jagħmel riferiment għall-Artikolu 22(4) tad-Direttiva 2001/14, li jistabbilixxi li fil-każ ta’ infrastruttura saturata, il-kriterji ta’ prijorità għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-importanza ta’ servizz għas-soċjetà, meta mqabbel ma’ kull servizz ieħor li jkun eskluż għal dan il-fatt.

77. Skont l-istess Stat Membru, l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2001/14 ma jipprojbixxix b’mod assolut lil impriża milli tgawdi b’mod indefinit mogħdija tal-ferrovija f’ħin partikolari. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li din id-dispożizzjoni tipprovdi, fit-tieni subparagrafu tagħha, il-possibbiltà li jiġi konkluż ftehim qafas dwar l-użu tal-kapaċitajiet dwar l-infrastruttura ferrovjarja kkonċernata, għal tul ta’ żmien itwal minn perijodu wieħed ta’ validità tal-iskeda tas-servizz.

78. Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni, għal dak li jirrigwarda l-ewwel prijorità ta’ allokazzjoni, li l-Artikolu 11(b)(1) tad-Digriet Ministerjali 897/2005 ma jirreferix għall-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali jew speċifiċi bħal dawk imsemmija mir-Renju ta’ Spanja. Hija żżid li s-sempliċi eżistenza tal-ewwel prijorità tikkostitwixxi fiha nfisha sors ta’ inċertezza ġuridika għall-operaturi.

79. Għal dak li jikkonċerna r-raba’ prijorità ta’ allokazzjoni, il-Kummissjoni tenfasizza li l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi espressament il-possibbiltà għall-amministraturi tal-infrastruttura li jimponu tariffa ta’ riżerva sabiex jimmassimizzaw il-profitabbiltà tal-operat tas-sistema ferrovjarja.

80. L-imsemmija istituzzjoni tispeċifika li l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2001/14 huwa applikabbli biss fil-każ ta’ infrastruttura saturata, filwaqt li l-Artikolu 11(b)(4) tad-Digriet Ministerjali 897/2005 huwa applikabbli mhux biss f’dan il-każ, iżda wkoll, b’mod ġenerali, meta jkun hemm sovrapożizzjoni fit-talbiet għall-istess mogħdija tal-ferrovija f’ħin partikolari. Fi kwalunkwe każ, ebda waħda mid-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-imsemmi Artikolu 22 ma tippermetti lill-Istati Membri li jadottaw kriterju ta’ allokazzjoni bħal dak li dan l-ilment jirrigwarda.

81. Il-Kummissjoni ssostni li l-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2001/14, li jiġi konkluż ftehim qafas tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali u li l-implementazzoni ta’ din l-eċċezzjoni hija suġġetta għal kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2001/14.

82. Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni, għal dak li jikkonċerna l-ewwel prijorità ta’ allokazzjoni, li, għalkemm l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2001/14 ma jipprevedix b’mod espliċitu s-sitwazzjoni fejn ċirkustanzi eċċezzjonali jkunu jeħtieġu li jiġu mmodifikati l-prijoritajiet iffissati minn qabel, dan l-artikolu lanqas ma jipprojbixxi li tittieħed inkunsiderazzjoni tali sitwazzjoni.

83. Għal dak li jikkonċerna r-raba’ prijorità ta’ allokazzjoni, l-imsemmi Stat Membru jqis li l-fatt li jittieħdu inkunsiderazzjoni mogħdijiet tal-ferrovija komparabbli meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-passat tal-użu jżid element ta’ inċertezza ġuridika, sa fejn in-natura komparabbli tagħhom ma hijiex definita.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

84. Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-ewwel prijorità ta’ allokazzjoni mal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2001/14, għandu jitfakkar li l-Artikolu 11(b)(1) tad-Digriet Ministerjali 897/2005, jipprovdi li, jekk ikun hemm sovrapożizzjoni ta’ talbiet għall-istess mogħdija tal-ferrovija f’ħin partikolari jew jekk in-netwerk ikun saturat, il-Ministeru għat-Tagħmir u t-Trasport jista’ jiffissa, jekk ikun xieraq, prijoritajiet ta’ allokazzjoni għat-tipi differenti ta’ servizzi fuq kull linja, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni s-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija.

85. L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi espressament li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli speċifiċi ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet. Dawn jistgħu ukoll, skont din id-dispożizzjoni, jimplementaw qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet, filwaqt li josservaw l-indipendenza ta’ ammistrazzjoni prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/440.

86. Għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 13 tad-Direttiva 2001/14, is-sistemi ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet għandhom jagħtu sinjali ċari u koerenti li jippermettu lill-impriżi ferrovjarji li jieħdu deċiżjonijiet razzjonali.

87. Minn dan jirriżulta li r-regoli speċifiċi ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet imsemmija fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2001/14 ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jikkonferixxu setgħa diskrezzjonali lill-Ministru għat-Tagħmir u t-Trasport għall-finijiet li jiġu attribwiti l-kapaċitajiet tal-infrastruttura, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 91 tal-konklużjonijiet tiegħu.

88. Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2001/14, li jipprovdi li huwa biss l-amministratur tal-infrastruttura li jista’ jagħti l-prijorità għal ċerti servizzi, iżda biss fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 22 u 24 ta’ din id-direttiva, li jirrigwardaw is-saturazzjoni tal-infrastruttura u l-infrastruttura speċjalizzata rispettivament.

89. Minn dan isegwi li l-Artikolu 11(b)(1) tad-Digriet Ministerjali 897/2005 ma jistax jitqies bħala li josserva r-rekwiżit previst fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2001/14, li jipprovdi li għandhom jiġu stabbiliti regoli speċifiċi ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet.

90. Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-interpretazzjoni li r-Renju ta’ Spanja jagħti tal-ewwel prijorità ta’ allokazzjoni, li tipprovdi li din il-prijorità tħalli miftuħa l-possibbiltà, f’ċirkustanzi speċjali jew eċċezzjonali, li tingħata l-prijorità lil tip ieħor ta’ servizzi, distint minn dak tat-trasport tal-merkanzija. Fil-fatt, il-kliem tal-Artikolu 11(b)(1) tad-Digriet Ministerjali 897/2005 ma jirreferix għall-eżistenza ta’ “ċirkustanzi speċjali jew eċċezzjonali”, peress li l-uniku kriterju msemmi f’din id-dispożizzjoni kien dak li jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari s-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija. Bl-istess mod, il-fatt li din id-dispożizzjoni qatt ma ġiet applikata mill-Ministru għat-Tagħmir u t-Trasport bl-ebda mod ma jneħħi l-possibbiltà għal dan tal-aħħar li jiffissa, fejn xieraq, prijoritajiet ta’ allokazzjoni supplimentari skont l-imsemmija dispożizzjoni. Is-sempliċi eżistenza ta’ din l-ewwel prijorità ta’ allokazzjoni tikkostitwixxi fiha nfisha sors ta’ inċertezza ġuridika għall-operaturi, hekk kif tirrileva l-Kummissjoni, u ma tistax titqies li tosserva r-rekwiżit previst fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2001/14.

91. Fit-tieni lok, fir-rigward, minn naħa, tal-allegat nuqqas ta’ konformità tar-raba’ prijorità ta’ allokazzjoni mal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2001/14, għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li, skont l-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, iż-żmien massimu għall-użu tal-kapaċitajiet iddeterminati tal-infrastruttura fil-forma ta’ mogħdijiet tal-ferrovija jikkorrispondi għal perijodu wieħed tal-iskeda tas-servizz. It-tieni subparagrafu tal-istess dispożizzjoni jipprovdi li impriża ferrovjarja tista’ tuża, bis-saħħa ta’ ftehim qafas, skont l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, il-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja għal żmien itwal minn perijodu wieħed ta’ validità tal-iskeda tas-servizz.

92. Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 11 tad-Direttiva 2001/14, wieħed mill-għanijiet tagħha huwa li tiggarantixxi aċċess ugwali u nondiskriminatorju tal-impriżi ferrovarji għan-netwerk ferrovjarju. Fid-dawl ta’ dan l-għan, il-projbizzjoni li jintużaw il-kapaċitajiet tal-infrastruttura għal żmien itwal mill-perijodu tal-iskeda tas-servizz previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva huwa intiż li jiġi evitat li impriża tibbenefika mid-dritt li tuża mogħdija tal-ferrovija b’mod indefinit. Madankollu, it-tieni subparagrafu tal-istess paragrafu jipprovdi eċċezzjoni għal din il-projbizzjoni jekk kemm-il darba jkun ġie konkluż ftehim qafas bejn l-amministratur tal-infrastruttura u l-impriża ferrovjarja, skont l-Artikolu 17 tal-istess direttiva.

93. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni Spanjola rilevanti, jiġifieri l-Artikolu 11(b)(4) tad-Digriet Ministerjali 897/2005, jipprovdi, jekk ikun hemm sovrapożizzjoni ta’ talbiet għall-istess mogħdija tal-ferrovija f’ħin partikolari jew jekk in-netwerk ikun saturat, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-allokazzjoni u tal-użu effettiv mill-applikant tal-iskeda tas-servizz preċedenti għall-mogħdijiet tal-ferrovija f’ħin partikolari, li l-użu tagħhom huwa mitlub, mingħajr ma dan it-teħid inkunsiderazzjoni jkun suġġett għall-konklużjoni ta’ ftehim qafas.

94. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li jirrigwarda l-allegata natura diskriminatorja tar-raba’ prijorità ta’ allokazzjoni, għandu jitfakkar li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi li l-amministratur tal-infrastruttura għandu jiżgura b’mod partikolari li l-kapaċitajiet tal-infrastruttura jiġu allokati fuq bażi xierqa u nondiskriminatorja, b’rispett għad-dritt tal-Unjoni.

95. Għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward, kif ir-Renju ta’ Spanja, barra minn hekk, jirrikonoxxi huwa stess, li l-kriterju tal-użu effettiv tan-netwerk bħala kriterju għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura huwa diskriminatorju sa fejn iwassal, meta jkun hemm sovrapożizzjoni ta’ talbiet għall-istess mogħdija tal-ferrovija f’ħin partikolari jew meta n-netwerk ikun saturat, għaż-żamma ta’ vantaġġi għall-utenti abitwali u għall-waqfien tal-aċċess għall-mogħdijiet tal-ferrovija l-iktar attraenti għall-operaturi l-ġodda.

96. L-imsemmi Stat Membru jiġġustifika din in-natura diskriminatorja permezz tal-għan li għandu jintlaħaq, li huwa li jiġi ggarantit użu iktar effikaċi tal-infrastrutturi.

97. Madankollu, anki jekk tali għan ikun ta’ natura li jiġġustifika n-natura diskriminatorja tar-raba’ prijorità ta’ allokazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, sabiex dan jintlaħaq, ma huwiex neċessarju li l-miżura inkwistjoni topera diskriminazzjoni bejn l-operaturi tan-netwerk u lanqas li twaqqaf l-aċċess tal-operaturi l-ġodda għalih.

98. Fil-fatt, id-Direttiva 2001/14 tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi intiżi li jħeġġu l-użu effikaċi tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura filwaqt li jiggarantixxu aċċess xieraq u nondiskriminatorju għan-netwerk ferrovjarju, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 97 tal-konklużjonijiet tiegħu. Pereżempju, l-Artikolu 27(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi l-possibbiltà, għall-amministratur tal-infrastruttura, li jispeċifika l-kundizzjonijiet għal teħid inkunsiderazzjoni tal-livelli ta’ użu preċedenti tal-mogħdijiet tal-ferrovija waqt id-determinazzjoni tal-prijoritajiet fil-kuntest tal-proċedura ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet. Bl-istess mod, l-Artikolu 12 tal-istess direttiva jipprovdi li l-amministratur tal-infrastruttura jista’ jimponi tariffa ta’ riżerva għall-kapaċitajiet mitluba, iżda li ma ġewx użati, sabiex jitħeġġeġ użu effikaċi tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura.

99. Bl-istess mod, in-natura diskriminatorja tar-raba’ prijorità ta’ allokazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mill-allegata konformità ta’ din tal-aħħar mal-Artikolu 22(4) tad-Direttiva 2001/14, li jipprovdi li, fil-każ ta’ infrastruttura saturata, il-kriterji ta’ prijorità għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-importanza ta’ servizz għas-soċjetà, meta mqabbel ma’ kull servizz ieħor li jiġi eskluż. Fil-fatt, f’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni ma tipprovdix kriterju ta’ allokazzjoni bħal dak imsemmi mir-raba’ prijorità ta’ allokazzjoni inkwantu, skont it-tieni subparagrafu tal-imsemmija dispożizzjoni, fil-każ ta’ infrastruttura saturata, l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura għandha ssir “taħt kundizzjonijiet non-diskriminatorji”.

100. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ħames ilment ta’ dan ir-rikors għandu jintlaqa’. Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jintlaqa’ kollu kemm hu.

101. Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottax il-miżuri leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mal-Artikoli 4(1), 11, 13(2) u 14(1) tad-Direttiva 2001/14, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt dawn id-dispożizzjonijiet.

Fuq l-ispejjeż

102. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, je kk dawn ikunu ntalbu. Billi r-Renju ta’ Spanja tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli, ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Franċiża, li intervjenew fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1) Billi ma adottax il-miżuri leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mal-Artikoli 4(1), 11, 13(2) u 14(1) tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-ferrovija, kif emendata bid-Direttiva 2007/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt dawn id-dispożizzjonijiet.

2) Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat għall-ispejjeż.

3) Ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Franċiża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.