SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

19 ta’ Diċembru 2012 ( *1 )

“Kuntratti pubbliċi — Direttiva 2004/18/KE — Artikolu 1(2)(a) u (d) — Servizzi — Studju u evalwazzjoni tal-vulnerabbiltà siżmika ta’ strutturi tal-isptarijiet — Kuntratt konkluż bejn żewġ entitajiet pubbliċi, fosthom università — Entità pubblika li jista’ jkollha kwalità ta’ operatur ekonomiku — Kuntratti mwettqa bi ħlas — Korrispettiv li ma jeċċedix l-ispejjeż sostnuti”

Fil-Kawża C-159/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ April 2011, fil-proċedura

Azienda Sanitaria Locale di Lecce,

Università del Salento

vs

Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, viċi-President, A. Tizzano, M. Ilešič, L. Bay Larsen u J. Malenovský, Presidenti ta’ Awla, U. Lõhmus, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader, J.-J. Kasel, M. Safjan u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Marzu 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Azienda Sanitaria Locale di Lecce, minn M. de Stasio u V. Pappalepore, avvocati,

għall-Università del Salento, minn E. Sticchi Damiani u S. Sticchi Damiani, avvocati,

għall-Consiglio Nazionale degli Ingegneri, minn P. Quinto, avvocato,

għall-Associazione delle Organizzazioni di Ingegneri, di Architettura e di Consultazione Tecnico-Economica (OICE) et, minn A. Clarizia u P. Clarizia, avvocati,

għall-Consiglio Nazionale degli Architetti, Pianificatori, Paesaggisti e Conservatori (CNAPPC), minn F. Sciaudone, M. Sanino, R. Sciaudone u A. Neri, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Colelli, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar u M. Laszuk, bħala aġenti,

għall-Gvern Svediż, minn K. Petkovska, S. Johannesson u A. Falk, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Kružiková u C. Zadra, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Mejju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(a) u (d), tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 28 kif ukoll tal-Anness II A, kategoriji 8 u 12 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 06, Vol. 07, p. 132), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1422/2007, tal-4 ta’ Diċembru 2007 (ĠU L 317, p. 34, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/18”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Azienda Sanitaria Locale di Lecce (aġenzija sanitarja lokali ta’ Lecce, iktar ’il quddiem l-“ASL”) kif ukoll l-Università del Salento (Università ta’ Salento, iktar ’il quddiem l-“università”) u l-Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce (Korp tal-Inġinjiera tal-provinċa ta’ Lecce) et dwar kuntratt ta’ konsulenza konkluż bejn l-ASL u l-università (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ konsulenza”), u li jirrigwarda l-istudju kif ukoll l-evalwazzjoni tal-vulnerabbiltà siżmika ta’ strutturi tal-isptarijiet fil-provinċja ta’ Lecce.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessa 2 tad-Direttiva 2004/18:

“L-għoti tal-kuntratti ffinalizzati fl-Istati Membri f’isem l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u korpi oħra mmexxija minn entitajiet legali pubbliċi, huwa soġġett li josserva l-prinċipji tat-Trattat [KE] u in partikolari għall-prinċipji tal-moviment ħieles tal-prodotti, il-prinċipju ta’ l-istabbiliment ħieles u l-prinċipju tal-libertà li tipprovdi servizzi u l-prinċipji li jitnisslu minn dawn, bħal ma huwa il-prinċipju tat-trattament ugwali, il-prinċipju ta’ bla diskriminazzjoni, il-prinċipju ta’ għarfien reċiproku, il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-prinċipju tat-trasparenza. Madankollu, għall-kuntratti pubbliċi li jaqbżu ċertu ammont, huwa rakkomandat li jinħarġu disposizzjonijiet ta’ kordinazzjoni Komunitarja tal-proċeduri nazzjonali għall-għoti ta’ kuntratti bħal dawn li huma bbażati fuq dawn il-prinċipji sabiex jiġu assigurati l-effetti li dawn jista’ jkollhom u biex jiggarantixxu l-bidu tal-kisba għall-kompetizzjoni. […]”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“[…]

a)

‘Kuntratti pubbliċi’ huma kuntratti għall-interess tal-flus konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi u li għandhom bħala objettiv tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Direttiva.

[…]

d)

‘Kuntratti għal servizzi pubbliċi’ huma kuntratti pubbliċi barra kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi jew kuntratti għall-provvisti li għandhom bħala għan il-disposizzjoni tas-servizzi riferuti għalihom fl-Anness II.

[…]

8.   It-termini ‘kuntrattur’, ‘fornitur’ u ‘min jipprovdi s-servizz’ jfissru kull persuna naturali jew legali jew entità pubblika jew grupp ta’ dawk il-persuni u/jew korpi li joffru fuq is-suq, rispettivament, l-esekuzzjoni ta’ xogħlijiet u/jew xi xogħol, prodotti, jew servizzi.

It-terminu ‘operatur ekonomiku’ se jkopri ugwalment il-kunċetti tal-kuntrattur, tal-fornitur u ta’ min jipprovdi s-servizz. Huwa wżat biss fl-interess tas-sempliċità.

[…]

9.   Awtoritajiet “kuntrattwali” tfisser l-awtoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, korpi rregolati bil-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet li ġew iffurmati b’waħda jew ħafna minn dawn l-awtoritajiet jew wieħed jew aktar minn dawn il-korpi rregolati bil-liġi pubblika.

[…]”

5

Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, “[l-]awtoritajiet kuntrattwali [kuntraenti] se jistmaw l-operaturi ekonomiċi ugwali u bla diskriminazzjoni u se jaġixxu b’mod trasparenti”.

6

Skont l-Artikolu 7(b) tad-Direttiva 2004/18, din tapplika b’mod partikolari għall-kuntratti għal servizzi mogħtija minn awtoritajiet kontraenti oħra barra mill-awtoritajiet governattivi ċentrali inklużi fl-Anness IV ta’ din id-direttiva, sa fejn dawn jirrigwardaw kuntratti mhux esklużi mill-eċċezzjonijiet previsti f’dan l-artikolu u li l-valur ivvalutat tagħhom mingħajr taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) ikun ta’ EUR 206 000 jew iktar.

7

B’mod konformi mal-Artikolu 9(1) u (2) ta’ din id-direttiva, il-kalkolu tal-valur stmat ta’ kuntratt pubbliku huwa bbażat fuq l-ammont totali pagabbli, mingħajr VAT, ivvalutat mill-awtorità kontraenti fil-mument meta tintbagħat in-notifika tal-kuntratt jew, jekk ikun il-każ, fil-mument meta jinbdew il-proċeduri ta’ għoti tal-kuntratt.

8

L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/18 jipprovdi li l-kuntratti li għandhom bħala għan servizzi li jidhru fl-Anness II A ta’ din id-direttiva huma magħżula b’mod konformi mal-Artikoli 23 sa 55 ta’ din, li fosthom l-Artikolu 28 jipprovdi li, “[f]il-għoti tal-kuntratti pubbliċi tagħhom, awtoritajiet kontrattwanti [kontraenti] għandhom japplikaw il-proċeduri nazzjonali aġġustati għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva”.

9

L-Anness II A tad-Direttiva 2004/18 jinkludi b’mod partikolari l-kategoriji tas-servizzi segwenti:

kategorija 8, dwar servizzi ta’ riċerka u ta’ żvilupp, bl-esklużjoni tas-servizzi ta’ riċerka u ta’ żvilupp minbarra dawk li r-riżultati tagħhom jappartjenu esklużivament għall-awtorità kontraenti u/jew l-entità kontraenti għall-użu tagħhom fl-eżerċizzju tal-attività tagħhom sa fejn il-provvista tas-servizz tkun totalment imħallsa mill-awtorità kontraenti u/jew l-entità kontraenti, u

kategorija 12, dwar servizzi arkitettoniċi, servizzi ta’ inġinerija u servizzi integrati ta’ inġinerija; servizzi ta’ ppjanar urban u servizzi arkitettoniċi ta’ landscape; servizzi relatati ma’ konsulenza xjentifika u teknika; kif ukoll servizzi ta’ kontroll u ta’ analiżi teknika.

Id-dritt Taljan

10

Skont l-Artikolu 15(1) tal-liġi Nru 241 tas-7 ta’ Awwissu 1990, li tintroduċi dispożizzjonijiet ġodda fil-qasam ta’ proċeduri amministrattivi u tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti amministrattivi (legge n. 241 – Nuove norme in materia di procedimento amministrativo e di diritto di accesso ai documenti amministrativi, GURI Nru 192, tat-18 ta’ Awwissu 1990, p. 7), “l-amministrazzjonijiet pubbliċi dejjem għandhom il-fakoltà li jikkonkludu bejniethom ftehimiet li jirrigwardaw kooperazzjoni f’attivitajiet li għandhom interess komuni”.

11

L-Artikolu 66 tad-digriet tal-President tar-Repubblika Nru 382 tal-11 ta’ Lulju 1980, li jwassal għall-organizzazzjoni mill-ġdid tat-tagħlim universitarju, dwar il-formazzjoni kif ukoll l-esperimentazzjoni organizzattiva u didattika (decreto del Presidente della Repubblica – Riordinamento della docenza universitaria, relativa fascia di formazione nonché sperimentazione organizzativa e didattica, suppliment ordinarju għall-GURI Nru 209, tal-31 ta’ Lulju 1980), jipprovdi:

“L-universitajiet jistgħu, sakemm dan ma jxekkilx l-iżvolġiment tal-funzjoni xjentifika tagħhom ta’ komunikazzjoni ta’ tagħlim, iwettqu attivitajiet ta’ riċerka u konsulenza stabbiliti b’kuntratti jew ftehim milħuqa ma’ entitajiet pubbliċi u privati. L-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kuntratti jew ftehim għandha tkun fdata, bħala regola ġenerali, lid-dipartimenti xjentifiċi [universitarji], u meta dawn ma jkunux ġew stabbiliti, lill-istituzzjonijiet jew lill-kliniċi universitarji jew lill-għalliema li jaħdmu full-time.

Id-dħul mill-eżekuzzjoni tal-kuntratti msemmija fil-paragrafu preċedenti għandu jitqassam skont regoli stabbiliti mill-Bord tal-Università fuq il-bażi ta’ mudell […] ipprovdut mill-ministru tal-Istruzzjoni Pubblika.

Il-persunal tat-tagħlim u dak mhux tat-tagħlim li jikkollabora fl-għoti ta’ dawn is-servizzi jista’ jitħallas mhux iktar minn ammont li t-total annwali tiegħu ma jistax jeċċedi t-30 % tar-remunerazzjoni totali. Fi kwalunkwe każ, l-ammont imħallas lill-persunal ma għandux jeċċedi l-50 % tat-total tal-qligħ li ġej mill-għoti ta’ dawn is-servizzi.

Il-regoli msemmija fit-tieni paragrafu għandhom jiddeterminaw l-ammont intiż għall-kumpens tal-ispejjeż ta’ natura ġenerali sostnuti mill-università u l-kriterji tal-għoti lill-persunal tal-ammont imsemmi fit-tielet paragrafu. Il-kumplament tad-dħul huwa destinat għall-kisba tal-materjal didattiku u xjentifiku kif ukoll għall-ispejjeż tal-funzjonament tad-dipartimenti, tal-istituzzjonijiet jew tal-kliniċi li kkonkludew il-kuntratti u l-ftehimiet.

Mill-qligħ totali ta’ kull servizz, li għandu jitqassam skont il-metodi msemmija fit-tieni subparagrafu, huma f’kull każ imnaqqsa minn qabel l-ispejjeż esposti mill-università għat-twettiq tal-imsemmija servizzi.

Il-qligħ li jirriżulta mill-attività msemmija fil-paragrafu preċedenti jikkostitwixxi dħul fil-kontijiet tal-università.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12

Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Ottubru 2009, id-direttur ġenerali tal-ASL approva l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt dwar it-twettiq, mill-università, tal-istudju u l-evalwazzjoni tal-vulnerabbiltà siżmika ta’ strutturi tal-isptarijiet tal-provinċja ta’ Lecce, fid-dawl tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali reċenti li jirrigwardaw is-sigurtà tal-istrutturi, b’mod partikolari tal-bini msejħa “strateġiċi” (iktar ’il quddiem, rispettivament, l-“ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt” u l-“istudju”).

13

B’mod konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, dan l-istudju jinkludi, għal kull bini kkonċernat, it-tliet punti segwenti:

determinazzjoni tat-tipoloġija strutturali, il-materjali użati għall-kostruzzjoni u l-metodi ta’ kalkolu adottati, verifikazzjoni fil-qosor tas-sitwazzjoni fid-dawl tad-dokumenti tal-proġetti li huma disponibbli;

verifika tar-regolarità strutturali, analiżi fil-qosor tar-reżistenza siżmika globali tal-bini, eventwali analiżi lokali ta’ elementi jew subsistemi strutturali rilevanti għad-determinazzjoni tar-reżistenza siżmika globali; u

xogħol fuq ir-riżultati msemmija fit-tieni punt u tfassil ta’ skemi tekniċi ta’ dijanjosi strutturali; b’mod partikolari, rapporti fuq it-tipoloġija strutturali osservata, fuq il-materjali u l-istat ta’ konservazzjoni tal-istruttura, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-aspetti li għandhom impatt kbir fuq ir-reżistenza siżmika strutturali fuq is-sit fejn sar ix-xogħol; noti tekniċi ta’ klassifikazzjoni tal-vulnerabbiltà siżmika tal-isptarijiet; rapporti tekniċi dwar l-elementi jew subsistemi strutturali meqjusa li huma kritiċi fir-rigward tar-riskji siżmiċi vverifikati; proposti preliminari u deskrizzjoni fil-qosor tal-miżuri li jistgħu jiġu adottati sabiex jiġu adattati jew imtejba l-istrutturi, fir-rigward tar-reżistenza siżmika tagħhom, fid-dawl b’mod partikolari tal-vantaġġi u l-limiti tad-diversi teknoloġiji possibbli f’termini tekniċi u ekonomiċi.

14

Il-kuntratt ta’ konsulenza konkluż fit-22 ta’ Ottubru 2009 fir-rigward tal-istudju jipprovdi b’mod partikolari dan li ġej:

it-tul massimu ta’ dan il-kuntratt huwa stabbilit għal sittax-il xahar;

l-istudju ġie mogħti sabiex isir minn grupp ta’ nies tekniċi fil-kostruzzjoni, li jista’ jagħmel użu minn kollaboraturi esterni altament kwalifikati;

din il-missjoni hija mwettqa fil-kuntest ta’ kollaborazzjoni stretta bejn il-gruppi ta’ xogħol stabbiliti mill-ASL u mill-università, sabiex jintlaħqu l-għanijiet li jammontaw għat-tielet punt tal-imsemmija missjoni;

ir-responsabbiltà xjentifika taqa’ fuq żewġ persuni maħtura, rispettivament, minn kull parti;

l-ASL hija proprjetarja tar-riżultati kollha miksuba fl-esperimenti, iżda tintrabat li tikkwota lill-università fil-pubblikazzjonijiet kollha li jirrigwardaw kuntest tekniku jew xjentifiku; din tal-aħħar għandha l-fakultà li tuża l-imsemmija riżultati għall-pubblikazzjonijiet jew komunikazzjonijiet xjentifiċi, in kambju tal-awtorizzazzjoni tal-ASL; u

għas-servizzi kollha, l-ASL tagħti lill-università s-somma ta’ EUR 200 000, mingħajr VAT, pagabbli f’erba’ biċċiet; madankollu, f’każ ta’ terminazzjoni kmieni tal-kuntratt, l-università għandha dritt għal ammont li jiddependi fuq il-volum tax-xogħol li jsir u li jikkorrispondi mal-ispejjeż esposti u għall-ispejjeż dwar l-obbligi ġuridiċi assunti fil-kuntest tat-twettiq tal-istudju.

15

Mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din is-somma ta’ EUR 200 000 hija komposta minn dan li ġej:

xiri u użu ta’ għodda tekniċi: EUR 20 000;

spejjeż tal-missjoni tal-persunal: EUR 10 000;

spejjeż tal-persunal: EUR 144 000; u

spejjeż ġenerali: EUR 26 000.

16

Jidher ukoll li l-ispejjeż tal-persunal ta’ EUR 143 999.58, arrotondati għal EUR 144 000, jikkorrispondu għall-evalwazzjonijiet segwenti:

attivazzjoni ta’ tliet boros ta’ riċerka għal perijodu ta’ sena: EUR 57 037.98;

spiża ta’ professur għal 180 siegħa fl-2009 (spiża fis-siegħa ta’ EUR 45.81) u għal 641 siegħa fl-2010 (spiża fis-siegħa ta’ EUR 48.93): EUR 39 609.93;

spiża ta’ riċerkatur ikkonfermat għal 170 siegħa fl-2009 (spiża fis-siegħa ta’ EUR 25.91) u għal 573 siegħa fl-2010 (spiża fis-siegħa ta’ EUR 32.23): EUR 22 936.95;

spiża ta’ riċerkatur mhux konfermat għal 170 siegħa fl-2009 (spiża fis-siegħa ta’ EUR 20.50) u għal 584 siegħa fl-2010 (spiża fis-siegħa ta’ EUR 26.48): EUR 18 949.32; u

spiża ta’ tekniku tal-laboratorju għal 70 siegħa fl-2009 (spiża fis-siegħa ta’ EUR 20.48) u għal 190 siegħa fl-2010 (spiża fis-siegħa ta’ EUR 21.22): EUR 5 465.40.

17

Diversi korpi u assoċjazzjonijiet professjonali kif ukoll impriżi ppreżentaw diversi rikorsi kontra d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kif ukoll kontra kull att preparatorju ieħor, anness jew sussegwenti għal dan quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Puglia (tribunal amministrattiv reġjonali tal-Puglia), li jinvokaw b’mod partikolari l-ksur tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Permezz tas-sentenza tagħha, din il-qorti tilqa’ l-imsemmija rikorsi, peress li l-istudju kien jammonta għal kuntratt ta’ servizzi ta’ inġinerija, fis-sens tal-leġiżlazzjoni Taljana.

18

Fil-kuntest tal-appelli li saru kontra din id-deċiżjoni, l-ASL u l-università essenzjalment isostnu li, b’mod konformi mad-dritt Taljan, il-kuntratt ta’ konsulenza jammonta għal ftehim ta’ kooperazzjoni bejn amministrazzjonijiet pubbliċi għall-attivitajiet ta’ interess ġenerali. Il-parteċipazzjoni b’titolu oneruż — iżda għal remunerazzjoni limitata għall-ispejjeż — tal-università għal kuntratt bħal dan taqa’ fil-kuntest tal-attivitajiet istituzzjonali ta’ din. Huma wkoll invokati l-fatt li l-istudju ngħata sabiex isir mill-korpi ta’ riċerka kif ukoll il-fatt li huwa jirrigwarda riċerki li għandhom isiru għall-esperimenti u analiżi li jridu jsiru mingħajr ebda metodoloġija standardizzata u ta’ kull proċedura kodifikata jew stabbilita fil-letteratura xjentifika. Il-legalità ta’ dawn il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni bejn amministrazzjonijiet pubbliċi fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

19

Il-qorti tar-rinviju ssostni li l-ftehimiet bejn amministrazzjonijiet pubbliċi previsti fl-Artikolu 15 tal-Liġi Nru 241 tas-7 ta’ Awwissu 1990 għandhom l-għan li jikkoordinaw l-azzjoni ta’ diversi istituzzjonijiet amministrattivi fejn kull waħda minnhom ifittxu interess pubbliku speċifiku, u jammontaw għal forma ta’ kooperazzjoni li għandhom jippermettu ġestjoni tas-servizzi pubbliċi li hija l-iktar effettiva u l-iktar ekonomika possibbli. Ftehim bħal dan jista’ jkun konkluż meta istituzzjoni pubblika għandha l-intenzjoni li tafda, b’titolu oneruż, il-provvista ta’ servizz lil istituzzjoni pubblika oħra u li dan is-servizz jaqa’ fil-missjonijiet tal-amministrazzjoni, b’mod konformi mal-għanijiet istituzzjonali tal-entitajiet partijiet għall-ftehim.

20

Il-Consiglio di Stato madankollu jistaqsi jekk il-konklużjoni ta’ ftehim bejn amministrazzjonijiet pubbliċi tmurx kontra l-prinċipju tal-kompetizzjoni ħielsa meta waħda mill-amministrazzjonijiet ikkonċernati tista’ titqies li hija operatur ekonomiku, din il-klassifikazzjoni tapplika għal kull entità pubblika li toffri servizzi fis-suq, indipendentement mit-tħaddin prinċipalment ta’ għan ta’ qligħ, tal-eżistenza ta’ struttura ta’ impriża jew ta’ preżenza kontinwa fis-suq. Il-qorti tar-rinviju tirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Diċembru 2009, CoNISMa (C-305/08, Ġabra p. I-12129). F’din il-perspettiva, peress li l-università għandha l-kapaċità li tieħu sehem f’sejħa għal offerti, il-kuntratti konklużi magħha minn awtoritajiet kontraenti jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi meta huma jittrattaw, bħal fil-kawża prinċipali, servizzi ta’ riċerka li ma jidhrux li huma inkompatibbli mas-servizzi msemmija fil-kategoriji 8 u 12 tal-Anness II A tad-Direttiva 2004/18.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato ddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-Direttiva 2004/18 [...] u b’mod partikolari l-Artikolu 1(2)(a) u (d), l-Artikoli 2 u 28 u l-Anness II [A], kategoriji 8 u 12 tagħha, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li jiġu stipulati ftehim bil-miktub bejn żewġ awtoritajiet kontraenti għall-istudju u l-evalwazzjoni tal-vulnerabbiltà siżmika tal-istrutturi tal-isptarijiet li għandhom isiru fid-dawl tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam ta’ sigurtà tal-istrutturi u, b’mod partikolari, bini msejjaħ “strateġiku”, għal ħlas li ma għandux ikun ogħla mill-ispejjeż sostnuti għall-eżekuzzjoni tal-prestazzjoni, u filwaqt li l-amministrazzjoni responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-missjoni tkun tista’ tadotta l-kwalità ta’ operatur ekonomiku?”

Fuq id-domanda preliminari

22

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2004/18 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza l-konklużjoni, mingħajr sejħa għal offerti, ta’ kuntratt li permezz tiegħu żewġ entitajiet pubbliċi jistabbilixxu bejniethom kooperazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

23

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18 għal kuntratt pubbliku hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-valur stmat ta’ dan jilħaq il-limitu stabbilit fl-Artikolu 7(b) ta’ din, billi jiġi kkunsidrat il-valur normali tas-suq, tax-xogħol, tal-provvisti jew tas-servizzi li fuqhom jittratta dan il-kuntratt pubbliku. Fil-każ kuntrarju, ir-regoli fundamentali u l-prinċipji ġenerali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari l-prinċipji tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta, huma applikabbli, sa fejn dan il-kuntratt ikkonċernat għandu interess transkonfinali ċert fir-rigward, b’mod partikolari, tal-importanza tiegħu u tal-lok tal-eżekuzzjoni tiegħu (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2008, SECAP u Santorso, C-147/06 u C-148/06, Ġabra p. I-3565, punti 20, 21 u 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

24

Madankollu, il-fatt li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkun jista’ jaqa’, skont il-każ, kemm taħt id-Direttiva 2004/18, kemm taħt ir-regoli fundamentali u tal-prinċipji ġenerali tat-Trattat FUE ma jinfluwenzax ir-risposta li għandha tingħata lid-domanda magħmula. Fil-fatt, il-kriterji msemmija fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa jekk sejħa għal offerti hijiex obbligatorja jew le huma rilevanti kemm għall-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva kif ukoll għal dawk tar-regoli u prinċipji tat-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Sea, C-573/07, Ġabra p. I-8127, punti 35 sa 37).

25

Ladarba dan ġie ppreċiżat, għandu jingħad li b’mod konformi mal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2004/18, kuntratti mwettqa bi ħlas konklużi bil-miktub bejn operatur ekonomiku u awtorità kontraenti, u li għandhom bħala għan il-provvista ta’ servizzi previsti fl-Anness II A ta’ din id-direttiva jammonta għal kuntratt pubbliku.

26

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, huwa irrilevanti li dan l-operatur ikun huwa stess awtorità kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal, C-107/98, Ġabra p. I-8121, punt 51). Huwa wkoll ma jagħmilx differenza li l-entità kkonċernata ma jkollhiex prinċipalment għan ta’ qligħ, li hija ma jkollhiex struttura ta’ impriża jew inkella li hija tiżgura preżenza kontinwa fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CoNISMa, iċċitata iktar ’il fuq, punti 30 u 45).

27

Għalhekk, fir-rigward tal-entitajiet bħal stabbilimenti universitarji pubbliċi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li entitajiet bħal dawn għandhom, bħala prinċipju, il-fakoltà li jipparteċipaw għal proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizzi. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jirregolaw l-attivitajiet ta’ dawn l-entitajiet, u b’mod partikolari jawtorizzaw jew le lil dawn tal-aħħar sabiex joperaw fis-suq hekk kif jirriżulta mill-għanijiet tagħhom istituzzjonali u statutorji. Minkejja dan kollu, jekk u sa fejn l-imsemmija entitajiet huma awtorizzati joffru ċerti servizzi fis-suq, huma ma jistgħux jiġu pprojbiti jipparteċipaw f’sejħa għal offerti li tirrigwarda s-servizzi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CoNISMa, iċċitata iktar ’il fuq, punti 45, 48, 49 u 51). Issa, fil-każ preżenti, il-qorti tar-rinviju indikat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 66 tad-digriet tal-President tar-Repubblika Nru 382 tal-11 ta’ Lulju 1980, jawtorizza speċifikament lill-universitajiet pubbliċi sabiex ifornu s-servizzi ta’ riċerka u ta’ konsulenza lil entitajiet pubbliċi jew privati sa fejn din l-attività ma tippreġudikax il-missjoni tagħhom ta’ tagħlim.

28

It-tieni nett, attivitajiet bħal dawn li huma s-suġġett ta’ kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minkejja l-fatt, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, li huma jistgħu jaqgħu taħt riċerka xjentifika, jaqgħu, skont dak li jammonta għan-natura effettiva ta’ dawn l-attivitajiet, kemm fil-kuntest tas-servizzi ta’ riċerka u ta’ żvilupp previsti fl-Anness II A, Kategorija 8 tad-Direttiva 2004/18, kif ukoll fil-kuntest tas-servizzi ta’ inġinerija u tas-servizzi konnessi ta’ konsultazzjonijiet xjentifiċi u tekniċi previsti fil-Kategorija 12 ta’ dan l-anness.

29

It-tielet nett, hekk kif sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punti 32 sa 34 tal-konklużjonijiet tagħha u hekk kif jirriżulta mis-sens normal u abitwali tat-termini “b’titolu oneruż”, kuntratt ma jevitax li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ kuntratt pubbliku minħabba l-fatt biss li r-remunerazzjoni tiegħu tibqa’ limitata għall-rimbors tal-ispejjeż li seħħew sabiex jiġi pprovdut is-servizz miftiehem.

30

Suġġett għall-verifiki li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, jidher li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu l-karatteristiċi kollha msemmija fil-punti 26 sa 29 tas-sentenza preżenti.

31

Madankollu jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li żewġ tipi ta’ kuntratti konklużi minn entitajiet pubbliċi ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

32

Dan jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kuntratti konklużi minn entità pubblika ma’ persuna ġuridikament distinta minn din meta, kull darba, din l-entità teżerċita fuq din il-persuna kontroll simili għal dak li hija teżerċita fuq is-servizzi tagħha u li l-imsemmija persuna twettaq il-parti l-kbira tal-attivitajiet tagħha mal-entità jew l-entitajiet li jikkontrollawha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Teckal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

33

Huwa madankollu stabbilit li din l-eċċezzjoni ma hijiex applikabbli f’kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-ASL ma teżerċitax kontroll fuq l-università.

34

Fit-tieni lok, dawn huma kuntratti li jistabbilixxu kooperazzjoni bejn entitajiet pubbliċi li għandhom bħala għan li jiżguraw l-implementazzjoni ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku li huwa komuni għal dawn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-480/06, Ġabra p. I-4747, punt 37).

35

F’din is-sitwazzjoni, ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi ma humiex applikabbli sa fejn, barra minn hekk, tali kuntratti jkunu konklużi esklużivament minn entitajiet pubbliċi, mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ parti privata, li ebda fornitur privat ma jitpoġġa f’sitwazzjoni privileġġata fir-rigward tal-kompetituri tiegħu u li l-kooperazzjoni li huma jistabbilixxu tkun biss irregolata minn kunsiderazzjonijiet u rekwiżiti proprji għat-tħaddin tal-għanijiet ta’ interess pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 44 u 47).

36

Jekk, hekk kif sostniet il-qorti tar-rinviju, kuntratt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidher li jissodisfa ċerti kriterji msemmija fiż-żewġ punti preċedenti tas-sentenza preżenti, kuntratt bħal dan madankollu ma jaqax barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jekk jissodisfa dawn il-kriterji kollha.

37

F’dan ir-rigward, jidher li mill-indikazzjonijiet kontenuti fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, l-ewwel nett, li dan il-kuntratt jinkludi varji aspetti materjali li minnhom parti importanti, anki predominanti, tikkorrispondi ma’ attivitajiet ġeneralment imwettqa minn inġinjiera jew periti u li, għalkemm huwa bbażat fuq bażi xjentifiku, madankollu ma jappartjenix għar-riċerka xjentifika. Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tikkonstata fil-punt 37 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, il-missjoni tas-servizz pubbliku li hija s-suġġett tal-kooperazzjoni bejn entitajiet pubbliċi mwaqqfa mill-imsemmi kuntratt ma tidhirx li tiżgura l-implementazzjoni ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku li hija komuni għall-ASL u għall-università.

38

It-tieni nett, il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jwassal li jiġu ffavoriti impriżi privati jekk il-kollaboraturi esterni altament kwalifikati, li l-università tawtorizza li jiġu użati għat-twettiq ta’ ċerti servizzi, jinkludu fornituri privati.

39

Hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki kollha meħtieġa f’dan ir-rigward.

40

B’hekk għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula li d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza l-konklużjoni, mingħajr sejħa għal offerti, ta’ kuntratt li permezz tiegħu entitajiet pubbliċi jistabbilixxu bejniethom kooperazzjoni meta — ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju — kuntratt bħal dan ma għandux bħala għan li jiżgura l-implementazzjoni ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku komuni għal dawn l-entitajiet, li ma hijiex esklużivament irregolata minn kunsiderazzjonijiet u rekwiżiti għat-tħaddin tal-għanijiet ta’ interess pubbliku jew li huwa ta’ natura li jpoġġi fornitur privat f’sitwazzjoni privileġġjata kkomparat mal-kompetituri tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza l-konklużjoni, mingħajr sejħa għal offerti, ta’ kuntratt li permezz tiegħu entitajiet pubbliċi jistabbilixxu bejniethom kooperazzjoni meta — ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju — kuntratt bħal dan ma għandux bħala għan li jiżgura l-implementazzjoni ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku komuni għal dawn l-entitajiet, li ma hijiex esklużivament irregolata minn kunsiderazzjonijiet u rekwiżiti għat-tħaddin tal-għanijiet ta’ interess pubbliku jew li huwa ta’ natura li jpoġġi fornitur privat f’sitwazzjoni privileġġjata kkomparat mal-kompetituri tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.