SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
13 ta’ Diċembru 2012 ( *1 )
“Rikors għal annullament — Dritt istituzzjonali — Kalendarju tal-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji tal-Parlament Ewropew għas-snin 2012 u 2013 — Protokolli fuq l-iffissar tas-sedi tal-istituzzjonijiet u ta’ ċerti organi, korpi u dipartimenti tal-Unjoni Ewropea”
Fil-Kawżi magħquda C-237/11 u C-238/11,
li għandha bħala suġġett żewġ rikorsi għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, imressqa fis-17 ta’ Mejju 2011,
Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn E. Belliard kif ukoll G. de Bergues u A. Adam, bħala aġenti,
rikorrenti,
sostnuta minn:
Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentat minn C. Schiltz, bħala aġent,
intervenjent,
vs
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn C. Pennera u N. Lorenz kif ukoll E. Waldherr, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenut,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts, G. Arestis, T. von Danwitz (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Ġunju 2012,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Settembru 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Bir-rikorsi tagħha fil-Kawżi C-237/11 u C-238/11, ir-Repubblika Franċiża talbet l-annullament tad-deliberazzjonijiet tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 2011, dwar il-kalendarju tal-perijodi ta’ sessjoni tal-Parlament, rispettivament, għas-sena 2012 u għas-sena 2013 (iktar ’il quddiem id-“deliberazzjonijiet ikkontestati”). |
Il-kuntest ġuridiku
|
2 |
Fit-12 ta’ Diċembru 1992, il-gvernijiet tal-Istati Membri adottaw, fuq il-bażi tal-Artikoli 216 tat-Trattat KEE, 77 tat-Trattat KEFA u 189 tat-Trattat KEEA, bi ftehim, id-deċiżjoni fuq l-iffissar tas-sedi tal-istituzzjonijiet u ta’ ċerti korpi u servizzi tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 341, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ Edinburgh”). |
|
3 |
Fl-okkażjoni tal-konferenza intergovernattiva li wasslet għall-adozzjoni tat-Trattat ta’ Amsterdam, it-test tad-deċiżjoni ta’ Edinburgh ġie inkluż bħala l-Protokoll Nru 12 anness mat-Trattati UE, KE, KEFA u KEEA. |
|
4 |
Bħalissa, il-Protokoll Nru 6 anness mat-Trattati UE u FUE u l-Protokoll Nru 3 anness mat-Trattat KEEA, fuq l-iffissar tas-sedi tal-istituzzjonijiet u ta’ ċerti organi, korpi u dipartimenti tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Protokolli fuq is-sedi tal-istituzzjonijiet”), jipprovdu fil-paragrafu a ta’ Artikolu Uniku it-termini identiċi tal-Artikolu 1(a) tad-deċiżjoni ta’ Edinburgh: “Il-Parlament Ewropew għandu jkollu s-sede tiegħu fi Strasburgu fejn it-12-il perijodu tas-sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar, inkluża s-sessjoni tal-baġit, għandhom jinżammu. Il-perjodi tas-sessjonijiet plenarji addizzjonali għandhom jinżammu fi Brussell. Il-kumitati tal-Parlament Ewropew għandhom jiltaqgħu fi Brussell. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew u d-dipartimenti tiegħu għandhom jibqgħu fil-Lussemburgu.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
5 |
Fit-3 ta’ Marzu 2011, il-konferenza tal-presidenti adottat żewġ proposti għall-kalendarju tal-perijodi ta’ sessioni, wieħed għas-sena 2012 u ieħor għas-sena 2013. Għax-xahar ta’ Ottubru 2012, il-proposta kienet tipprevedi ż-żamma ta’ żewġ perijodi ta’ sessjoni plenarja, l-ewwel, mill-1 sal-4 ta’ Ottubru u t-tieni, mit-22 sal-25 ta’ Ottubru. Għax-xahar ta’ Ottubru 2013, il-proposta kienet tipprevedi wkoll iż-żamma ta’ żewġ perijodi ta’ sessjoni plenarja, l-ewwel, mit-30 ta’ Settembru sat-3 ta’ Ottubru u t-tieni, mill-21 sal-24 ta’ Ottubru. |
|
6 |
Fis-7 ta’ Marzu 2011, A. Fox, deputat Ewropew, ressaq żewġ emendi għal dawn il-proposti ppreżentati mill-konferenza tal-presidenti. |
|
7 |
Skont l-ewwel emenda dwar is-sena 2012: “Il-kalendarju tal-perijodi ta’ sessjoni għall-2012 għandhom jiġu emendati kif ġej:
|
|
8 |
It-tieni emenda dwar is-sena 2013 kienet ifformulata kif ġej: “Il-kalendarju tal-perijodi ta’ sessjoni għall-2013 għandhom jiġu emendati kif ġej:
|
|
9 |
L-ewwel emenda dwar il-kalendarju tal-perijodi ta’ sessjonijiet għas-sena 2012 ġiet adottata bi 357 vot favur, 255 vot kontra u 41 astensjoni. |
|
10 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kalendarju tal-perijodi ta’ sessjonijiet għas-sena 2012 kif emendat jipprovdi li ż-żewġ perijodi ta’ sessjonijiet plenarji tax-xahar ta’ Ottubru jseħħu matul l-istess ġimgħa ta’ dan ix-xahar, jiġifieri fit-22 u fit-23, u wara fil-25 u fis-26. |
|
11 |
It-tieni emenda dwar il-kalendarju tal-perijodi ta’ sessjonijiet għas-sena 2013 ġiet adottata bi 356 vot favur, 253 vot kontra u 35 astensjoni. |
|
12 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kalendarju tal-perijodi ta’ sessjonijiet għas-sena 2013 kif emendat jipprovdi li ż-żewġ perijodi ta’ sessjonijiet plenarji tax-xahar ta’ Ottubru jseħħu matul l-istess ġimgħa ta’ dan ix-xahar, jiġifieri fil-21 u fit-22, u wara fl-24 u fil-25. |
|
13 |
Billi tqis li d-deliberazzjonijiet adottati insegwitu għal dawn l-emendi matul is-seduta tal-Parlament tad-9 ta’ Marzu 2011 jiksru l-protokolli fuq is-sedi tal-istituzzjonijiet, ir-Repubblika Franċiża ippreżentat dawn ir-rikorsi. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
|
14 |
B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2011, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ġie ammess jintervjeni fil-Kawżi C-237/11 u C-238/11 insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Franċiża. |
|
15 |
B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Jannar 2012, il-Kawżi C-237/11 u C-238/11 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza. |
|
16 |
Il-Gvern Franċiż jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
17 |
Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
18 |
Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq ir-rikors
Fuq l-ammissibbiltà
|
19 |
Il-Parlament jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikorsi minħabba li l-vot dwar il-kalendarju tiegħu jikkostitwixxi att ta’ organizzazzjoni interna li ma jistax jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
20 |
F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-kwistjoni dwar jekk id-deliberazzjonijiet ikkontestati jirrigwardawx esklużivament l-organizzazzjoni interna tal-Parlament jew jekk jipproduċux effetti ġuridiċi fir-rigward ta’ terzi hija intrinsikament marbuta mal-eżami tal-kontenut tagħha u għalhekk mal-eżami tal-fondatezza tar-rikors, b’mod li jkun hemm lok li tipproċedi għall-eżami tal-fondatezza tar-rikors (sentenzi tal-10 ta’ Frar 1983, Il-Lussemburgu vs Il-Parlament, 230/81, Ġabra p. 255, punt 30; tat-22 ta’ Settembru 1988, Franza vs Il-Parlament, 358/85 u 51/86, Ġabra p. 4821, punt 15, kif ukoll tat-28 ta’ Novembru 1991, Il-Lussemburgu vs Il-Parlament, C-213/88 u C-39/89, Ġabra p. I-5643, punt 16). |
Fuq il-mertu
L-argumenti tal-partijiet
|
21 |
Ir-Repubblika Franċiża tqajjem motiv uniku għall-annullament ibbażat fuq il-ksur, permezz tad-deliberazzjonijiet ikkontestati, tal-protokolli fuq is-sedi tal-istituzzjonijiet u, għaldaqstant, tas-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il-Parlament (C-345/95 Ġabra p. I-5215). Permezz ta’ dawn id-deliberazzjonijiet, il-Parlament kien ser ineħħi wieħed mit-tnax-il perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar li għandhom isiru ta’ kull sena fi Strasbourg (Franza). |
|
22 |
Skont ir-Repubblika Franċiża, fl-ewwel lok, il-Parlament huwa marbut mal-prassi tiegħu dwar it-tul tal-perijodi ta’ sessjonijiet, stabbilita mill-protokolli fuq is-sedi tal-istituzzjonijiet. Barra minn hekk, billi jipprovdi li tnejn mit-tnax-il perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar jitnaqqsu minn erbgħa għal jumejn u li jseħħu matul l-istess ġimgħa tax-xahar ta’ Ottubru, il-Parlament jippreġudika parti mis-sustanza ta’ dawn il-protokolli. |
|
23 |
Fit-tieni lok, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-perijodi ta’ sessjoni ffissati fix-xahar ta’ Ottubru jiksru r-“ritmu regolari” li fih it-tnax-il perijodu ta’ sessjonijiet plenarji għandhom jinżammu skont il-punt 29 tas-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq. |
|
24 |
Fit-tielet lok, ir-Repubblika Franċiża tirrimarka li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, f’din is-sentenza, li l-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji addizzjonali ma jistgħux jiġu ffissati f’post ieħor ta’ xogħol ħlief jekk il-Parlament iżomm it-tnax-il perijodu ta’ sessjonijiet plenarji ordinarji fi Strasbourg. |
|
25 |
Fl-aħħar lok, ir-Repubblika Franċiża tqis li l-Parlament ma jistax jinvoka argumenti relatati mal-organizzazzjoni interna tax-xogħol tiegħu sabiex jiġġustifika d-deliberazzjonijiet ikkontestati. |
|
26 |
Bi tweġiba, il-Parlament isostni, l-ewwel nett, li l-protokolli fuq is-sedi tal-istituzzjonijiet ma jiddeterminawx it-tul ta’ perijodu ta’ sessjoni plenarja ta’ kull xahar. |
|
27 |
Għall-kuntrarju, jirriżulta mill-punti 15 u 16 tas-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1986, Wybot (149/85, Ġabra p. 2391) li l-iffissar tat-tul tal-perijodi ta’ sessjonijiet jirriżulta mis-setgħa ta’ organizzazzjoni interna rikonoxxuta lill-Parlament. Jekk, fil-fatt, huwa minnu li din id-deċiżjoni tirrigwarda t-tul tas-sessjoni annwali, ma hemm ebda raġuni li twassal għal konklużjoni differenti dwar id-determinazzjoni tal-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ determinazzjoni espliċita tat-tul ta’ perijodu ta’ sessjoni plenarja, il-Parlament huwa liberu li jiffissa, skont l-Artikolu 232 TFUE, it-tul tal-perijodi tas-sessjonijiet plenarji. |
|
28 |
Barra minn hekk, il-Parlament iqis li hemm lok għal interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 341 TFUE, li jipprovdi li huma biss “is-sedi ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni għandhom jiġu stabbiliti bi ftehim bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri”. |
|
29 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 32 tas-sentenza tagħha tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, li l-Istati Membri ma jistgħux jikkontestaw is-setgħa ta’ organizzazzjoni interna tal-Parlament billi jimponu ċerti restrizzjonijiet fuq l-organizzazzjoni tax-xogħol tiegħu, billi dawn huma inerenti għan-neċessità li jiġi ddefinit is-sede tiegħu waqt li tinżamm il-pluralità tal-postijiet tax-xogħol tal-Parlament. |
|
30 |
Madankollu, id-determinazzjoni tat-tul tal-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar ma jkunx neċessarju sabiex jiġi ddefinit is-sede tal-istituzzjoni, b’tali mod li jaqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Parlament. F’dawn il-kundizzjonijiet, ma huwiex għall-gvernijiet tal-Istati Membri li jiddeterminaw it-tul tal-perijodi tas-sessjonijiet plenarji fil-protokolli fuq is-sedi tal-istituzzjonijiet, u l-Parlament huwa liberu li jiffissa, skont l-Artikolu 232 TFUE, it-tul tagħhom. |
|
31 |
Fl-aħħar nett, il-Parlament isostni li l-protokolli fuq is-sedi tal-istituzzjonijiet għandhom jinqraw b’tali mod li jagħtu effett sħiħ lis-setgħa ta’ organizzazzjoni interna tiegħu. |
|
32 |
F’dan ir-rigward, il-Parlament jinvoka, fl-ewwel lok, il-fatt li l-prassi preċedenti tiegħu f’dak li jikkonċerna t-tul tal-perijodi tiegħu ta’ sessjonijiet plenarji ma jistax jorbtu fil-futur. Fil-fatt, jista’ jkun meħtieġ, minħabba l-bidliet fundamentali li seħħu mill-1992 fir-rigward tas-setgħat, tal-kompożizzjoni u tal-funzjonament ta’ din l-istituzzjoni, li huwa jżomm il-prassi tiegħu li kienet preċedenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ Edinburgh. F’dan il-kuntest, il-Parlament ifakkar li n-numru ta’ perijodi ta’ sessjonijiet plenarji addizzjonali li jseħħu fi Brussell kontinwament u konsiderevolment naqsu. Jekk, bejn is-sena 1999 u s-sena 2004, in-numru ta’ dawn il-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji addizzjonali annwali varjaw bejn sitta u tmienja, dawn naqsu għal sitta għas-snin 2004 sa 2009, ħamsa fl-2010 u fl-2011 u erbgħa fl-2012 u fl-2013. Dan it-tnaqqis fin-numru ta’ dawn il-perijodi jirrifletti, bħad-deliberazzjonijiet ikkontestati, il-bidliet fil-funzjonament tal-Parlament. Fil-fatt, din l-istituzzjoni qed tesperjenza żieda gradwali fin-numru ta’ laqgħat tal-kumitati tagħha, billi l-attivitajiet tagħha huma issa iktar involuti fil-kumitati milli fis-sessjonijiet plenarji. |
|
33 |
Fit-tieni lok, permezz tad-deliberazzjonijiet ikkontestati, il-Parlament ifittex li jitnaqqas l-impatt fuq il-funzjonament tiegħu mill-post fejn huwa ffissa s-sede tiegħu. Għalhekk, l-effett sħiħ tas-setgħa ta’ organizzazzjoni interna tiegħu tista’ tfisser li għandha tkun tista’ tillimita l-iżvantaġġi li jirriżultaw mill-pluralità tal-postijiet tax-xogħol tal-Parlament. Għalhekk, għandu jimminima r-restrizzjonijiet — ekonomiċi, ta’ trasport u ambjentali — ikkawżati minn din is-sitwazzjoni billi jorganizza żewġ perijodi ta’ sessjonijiet plenarji matul l-istess ġimgħa. F’dan ir-rigward, il-Parlament jindika li l-ispejjeż li jirriżultaw mill-firxa ġeografika tal-postijiet tax-xogħol tiegħu huma madwar EUR 160 miljun u li ż-żamma ta’ żewġ perijodi ta’ sessjonijiet fi Brussell minflok fi Strasbourg, matul ix-xahar ta’ Settembru 2008, ippermetta ffrankar stmat għal madwar EUR 2.5 miljun. |
|
34 |
Fit-tielet lok, il-Parlament ifakkar li d-deliberazzjonijiet ikkontestati jikkonċernaw, għas-sentejn inkwistjoni, żewġ perijodi ta’ sessjonijiet plenarji minn tnax. Barra minn hekk, fl-assenza ta’ perijodu ta’ sessjonijiet plenarji matul ix-xahar ta’ Awwissu, żewġ sessjonijiet għandhom isiru fi kwalunkwe każ, matul ix-xahar ta’ Ottubru. F’dan ir-rigward, il-Parlament jippreċiża, f’dak li jirrigwarda s-sessjoni tal-baġit li għandha ssir matul l-istess xahar, li jekk l-eżerċizzju tal-poteri ta’ baġit fis-seduta plenarja la hija żejda u lanqas mingħajr skop, madankollu għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-proċedura tal-baġit tokkupa biss ftit sigħat minn perijodu ta’ sessjonijiet. Fl-aħħar nett, il-Parlament jenfasizza li l-biża espressa mir-Repubblika Franċiża, tal-ġeneralizzazzjoni tat-tnaqqis tat-tul tal-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar, hija purament ipotetika. |
|
35 |
Fl-intervent tiegħu, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni, b’mod partikolari, fl-ewwel lok, li bl-adozzjoni tad-deliberazzjonijiet ikkontestati l-Parlament ma jeżerċitax is-setgħa tiegħu ta’ organizzazzjoni interna bil-għan li jtejjeb il-funzjonament tiegħu stess, iżda fil-fatt ifittex huwa nniffsu li jiġi stabbilit il-post tas-sedi tiegħu. Fit-tieni lok, dan l-Istat Membru jfakkar id-distinzjoni bejn il-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar li jinżammu fi Strasbourg u l-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji addizzjonali li l-Parlament huwa awtorizzat li jżomm fi Brussell. Dawn il-perijodi differenti ta’ sessjonijiet, li huma wkoll distinti mit-tul tagħhom, billi dawk li jinżammu fi Brussell huma iqsar, ma humiex interkambjabbli. Skont dan l-Istat Membru, iż-żewġ perijodi ta’ sessjonijiet plenarji previsti għax-xahar ta’ Ottubru tas-snin 2012 u 2013 permezz tad-deliberazzjonijiet ikkontestati għandhom jitqiesu bħala li jiffurmaw biss perijodu wieħed ta’ sessjonijiet ta’ kull xahar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-numru ta’ perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar fi Strasbourg jitnaqqas għal ħdax, u dan bi ksur tal-protokolli fuq is-sedi tal-istituzzjonijiet. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
36 |
Preliminarjament, għandhom jitfakkru s-sejbiet li jirriżultaw mis-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, anki jekk din is-sentenza tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni ta’ Edinburgh, din tal-aħħar ġiet inkluża fil-protokolli fuq is-sedi tal-istituzzjonijiet mingħajr bdil. Barra minn hekk, mhux biss il-partijiet jaqblu dwar ir-rilevanza ta’ din is-sentenza, iżda huma wkoll jistrieħu fuq dan insostenn tal-opinjonijiet differenti tagħhom. |
|
37 |
Din is-sentenza hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet dwar ir-relazzjoni bejn, minn naħa, il-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jiddefinixxu s-sede tal-Parlament u, min-naħa l-oħra, il-kompetenza tal-organizzazzjoni interna ta’ dan. |
|
38 |
Fir-rigward tal-kompetenza tal-Istati Membri li jiffissaw il-post tas-sede tal-Parlament, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza tinkludi mhux biss l-obbligu li jiġi ffissat il-post tas-sede tal-Parlament, iżda dan ukoll jimplika, fir-rigward tal-pluralità tal-postijiet tax-xogħol, is-setgħa li jippreċiża dan il-kunċett billi jindika l-attivitajiet li għandhom jitwettqu hemmhekk (ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24). |
|
39 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Istati Membri kellhom l-intenzjoni li jistabbilixxu li s-sede tal-Parlament, iffissat fi Strasbourg, jikkostitwixxi l-post fejn l-istituzzjoni tiltaqa’ prinċipalment fis-sessjonijiet plenarji ordinarji u għal dan il-għan jippreċiżaw, b’mod vinkolanti, minn naħa, in-numru ta’ perijodi ta’ sessjonijiet li għandhom jinżammu u, min-naħa l-oħra, li l-eżerċizzju mill-Parlament tas-setgħat tal-baġit tiegħu f’sessjoni plenarja għandha ssir f’wieħed mill-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ordinarji li jinżammu fis-sede tal-istituzzjoni (ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punti 25 u 28). |
|
40 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-deċiżjoni ta’ Edinburgh għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tiddefinixxi s-sede tal-Parlament bħala l-post fejn għandhom jinżammu, b’ritmu regolari, tnax-il perijodu ta’ sessjonijiet plenarji ordinarji ta’ din l-istituzzjoni, inklużi dawk li fihom il-Parlament għandu jeżerċita l-poteri tiegħu ta’ baġit lilu mogħtija mit-Trattat. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji addizzjonali jistgħu jiġu ffissati f’post ieħor tax-xogħol biss jekk il-Parlament iżomm it-tnax-il perijodu ta’ sessjonijiet plenarji ordinarji fi Strasbourg, post is-sede tal-istituzzjoni (ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29). |
|
41 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Istati Membri, billi jiddefinixxu s-sede tal-Parlament, ma affettwawx is-setgħa ta’ organizzazzjoni interna ta’ dan. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-Parlament huwa awtorizzat li jieħu, bis-saħħa ta’ dan il-poter ta’ organizzazzjoni intern, miżuri xierqa sabiex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tiegħu u t-twettiq tal-proċeduri tiegħu, dawn id-deċiżjonijiet għandhom jirrispettaw il-kompetenza tal-Istati Membri li jiffissaw is-sede tal-istituzzjonijiet (sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punti 30 u 31). |
|
42 |
Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri għandhom id-dmir, fl-eżekuzzjoni tal-kompetenza tagħhom li jiffissaw is-sede tal-istituzzjonijiet, li jirrispettaw il-kompetenza ta’ organizzazzjoni interna tal-Parlament u li jiżguraw li deċiżjoni bħal din ma ttellifx il-funzjonament tajjeb ta’ din l-istituzzjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li r-restrizzjonijiet imposti fuq il-Parlament mid-deċiżjoni ta’ Edinburgh huma inerenti għan-neċessità li jiddefinixxi s-sede tiegħu, filwaqt li tinżamm pluralità tal-postijiet tax-xogħol tal-Parlament, u li għalhekk ma jmorrux kontra l-prassi ġenerali tal-Parlament (ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
Fid-dawl ta’ dawn is-sejbiet, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk, hekk kif argumentat mir-Repubblika Franċiża, il-Parlament kiser il-protokolli fuq is-sedi tal-istituzzjonijiet meta għas-snin 2012 u 2013 stabbilixxa, minbarra l-għaxar perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar, li jinżammu ta’ kull xahar ħlief fix-xhur ta’ Awwissu u ta’ Ottubru, żewġ perijodi ta’ sessjonijiet plenarji mifruxa fuq jumejn kull wieħed matul l-istess ġimgħa tax-xahar ta’ Ottubru. |
|
44 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Parlament, permezz tad-deliberazzjonijiet ikkontestati, insegwitu għall-emendi proposti mid-deputat Ewropew A. Fox, telaq mill-proposti tal-konferenza tal-presidenti għal dak li jikkonċerna l-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar previsti għax-xahar ta’ Ottubru tas-snin 2012 u 2013. |
|
45 |
Il-proposti tal-konferenza tal-presidenti jipprovdu għaż-żamma ta’ perijodi ta’ sessjonijiet plenarji fi Strasbourg kull xahar, ħlief għax-xahar ta’ Awwissu, li għalih ma kienx previst li ssir sessjoni, u għax-xahar ta’ Ottubru, li għalih kienu previsti żewġ perijodi ta’ sessjonijiet. Għalhekk, dawn il-perijodi għandhom iseħħu għas-sena 2012, mill-1 sa l-4 ta’ Ottubru kif ukoll mit-22 sal-25 ta’ Ottubru u, għas-sena 2013, mit-30 ta’ Settembru sat-3 ta’ Ottubru kif ukoll mill-21 ta’ Ottubru sal-24 ta’ Ottubru. |
|
46 |
Dan il-kalendarju propost kien konformi mal-prassi tal-istituzzjoni, kemm f’dak li jirrigwarda l-assenza ta’ perijodu ta’ sessjonijiet plenarji matul ix-xahar ta’ Awwissu, b’dan il-perijodu għandu għalhekk jiġi mwettaq matul xahar ieħor tas-sena u jiżdied ma’ dak diġà previst għal dan ix-xahar l-ieħor, kif ukoll f’dak li jirrigwarda t-tul tal-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar. Fil-fatt, hekk kif il-partijiet sostnew b’konkordanza fis-seduta, tali perijodi jestendu skont il-prassi stabbilita tal-Parlament, fuq erbat ijiem, jiġifieri mit-Tnejn mill-17:00 sal-Ħamis fil-17:00. |
|
47 |
Għalhekk, kif jirriżulta mid-deliberazzjonijiet ikkontestati, il-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar previsti għas-sena 2012, iffissati bil-quddiem mill-1 sal-4 ta’ Ottubru u mit-22 sal-25 ta’ Ottubru, ġew issostitwiti minn żewġ perijodi miżmuma matul l-istess ġimgħa, jiġifieri fit-22 u fit-23 ta’ Ottubru kif ukoll fil-25 u fis-26 ta’ Ottubru. Bl-istess mod, għas-sena 2013, il-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar iffissati bil-quddiem mit-30 ta’ Settembru sat-3 ta’ Ottubru u mill-21 ta’ Ottubru sal-24 ta’ Ottubru ġew issostitwiti minn perijodi miżmuma matul l-istess ġimgħa, jiġifieri fil-21 u fit-22 ta’ Ottubru u fl-24 u fil-25 ta’ Ottubru. |
|
48 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji kif previsti fid-deliberazzjonijiet ikkontestati għax-xahar ta’ Ottubru għas-snin 2012 u 2013 ma jissodisfawx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protokolli fuq is-sedi tal-istituzzjonijiet. |
|
49 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-oriġini tad-deliberazzjonijiet ikkontestati, il-formulazzjoni tal-emendi għall-oriġini ta’ dawn id-deliberazzjonijiet, kif ukoll il-prassi tal-Parlament. |
|
50 |
L-ewwel nett, jidher mill-qari tal-proposti tal-konferenza tal-presidenti, imsemmija fil-punti 5 u 45 ta’ din is-sentenza, li l-kalendarju propost għall-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ffissati għax-xahar ta’ Ottubru għas-snin 2012 u 2013 huma b’mod ċar differenti minn dak previst fid-deliberazzjonijiet ikkontestati. |
|
51 |
Sussegwentement, jirriżulta ukoll b’mod ċar mill-formulazzjoni stess tal-emendi li kienu għall-oriġini tad-deliberazzjonijiet ikkontestati li kienu intiżi sabiex “ineħħu” l-ewwel perijodu ta’ sessjonijiet plenarji proposti għax-xahar ta’ Ottubru għas-snin 2012 u 2013 u sabiex it-tieni perijodu “jinqasam […] f’żewġ perijodi”. |
|
52 |
Għalhekk, skont l-istess formulazzjoni ta’ dawn l-emendi, wieħed miż-żewġ perijodi ta’ sessjonijiet previsti għax-xahar ta’ Ottubru tas-sentejn inkwistjoni, li jestendi fuq erbat ijiem, għandu jitneħħa, waqt li l-perijodu l-ieħor, maqsum fi tnejn, għandu joħloq żewġ perijodi ta’ sessjonijiet, li jestendu fuq jumejn kull wieħed. |
|
53 |
Fl-aħħar nett, din l-interpretazzjoni tad-deliberazzjonijiet ikkontestati hija kkorroborata mill-istess prassi tal-Parlament hekk kif jirriżulta mill-aġenda tas-sessjonijiet tat-22 u tat-23 ta’ Ottubru kif ukoll tal-25 u tas-26 ta’ Ottubru 2012. |
|
54 |
Fil-fatt, jirriżulta mill-aġenda ta’ dawn is-sessjonijiet, li l-ewwel waħda minn dawn saret it-Tnejn 22 ta’ Ottubru mill-17:00 sal-23:00 u t-Tlieta 23 ta’ Ottubru mit-8:30 sal-23:00, filwaqt li t-tieni waħda saret il-Ħamis 25 ta’ Ottubru mid-9:00 sal-23:00 u l-Ġimgħa 26 ta’ Ottubru mid-9:00 sas-13:30. |
|
55 |
Għalhekk, iż-żewġ perijodi ta’ sessjonijiet plenarji maħluqa għas-sena 2012 ma jikkorrispondux mat-tul ta’ perijodu wieħed ta’ sessjonijiet plenarji ordinarji kif iffissati għax-xhur l-oħra tas-sena 2012. Fil-fatt, dawn il-perijodi jibdew, bħala regola ġenerali, it-Tnejn mill-17:00 sabiex jintemm fil-23:00, u mbagħad ikompli t-Tlieta mid-9:00 sal-23:00, l-Erbgħa mid-9:00 sal-23:00 sabiex jispiċċa l-Ħamis mid-9:00 sal-17:00. |
|
56 |
Minn dan it-tqabbil tal-kalendarju jirriżulta li d-deliberazzjonijiet ikkontestati jikkawżaw tnaqqis sinjifikattiv tal-ħin li l-Parlament jista’ jiddedika għad-dibattiti u għad-deliberazzjonijiet tiegħu matul ix-xahar ta’ Ottubru tas-snin 2012 u 2013. Fil-fatt, meta mqabbla mal-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ordinarji, il-ħin effettivament disponibbli għall-perijodi ta’ sessjonijiet matul dan ix-xahar huwa mnaqqas iktar minn nofs. |
|
57 |
Fit-tieni lok, jirriżulta mill-punt 29 tas-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, li s-sede tal-Parlament huwa l-post fejn għandhom jinżammu, b’ritmu regolari, “tnax-il perijodu ta’ sessjonijiet plenarji ordinarji” ta’ din l-istituzzjoni u li huma differenti mit-tnax il-perijodu ta’ “perijodi ta’ sessjonijiet plenarji addizzjonali” li jistgħu biss jiġu ffissati jekk il-Parlament effettivament jeffettwa dawn l-ewwel perijodi ta’ sessjonijiet. |
|
58 |
Din id-distinzjoni timplika li, sabiex perijodu ta’ sessjonijiet ikun jista’ jaqa’ fil-kategorija ta’ “perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ordinarji”, dan għandu jkun ekwivalenti għall-perijodi l-oħra ta’ sessjonijiet ta’ kull xahar ordinarji ffissati konformement mal-protokolli fuq is-sedi tal-istituzzjonijiet, b’mod partikolari f’termini ta’ tul tal-istess sessjonijiet. |
|
59 |
Issa, hekk kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 54 sa 56 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tat-tul tagħhom, il-perijodi ta’ sessjonijiet tax-xahar ta’ Ottubru għas-snin 2012 u 2013 ma humiex ekwivalenti għall-perijodi l-oħra ta’ sessjonijiet ta’ kull xahar ordinarji ffissati mill-istess deliberazzjonijiet. |
|
60 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tal-Parlament ibbażat fuq is-setgħa tiegħu ta’ organizzazzjoni interna, jekk huwa inkontestabbli li l-Parlament għandu tali setgħa, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, huwa għandu jeżerċita dan fir-rispett tal-kompetenza tal-Istati Membri li jiffissaw il-post tas-sede ta’ din l-istituzzjoni, billi l-protokolli fuq is-sedi tal-istituzzjonijiet huma rregolati mir-rispett reċiproku għall-kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri u tal-Parlament. |
|
61 |
F’kull każ, għandu jiġi osservat li l-Parlament, matul il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma ressaqx raġunijiet, ibbażati fuq l-eżerċizzju tas-setgħa tiegħu ta’ organizzazzjoni interna, li jippermettu li jiġġustifikaw u dan minkejja ż-żieda kontinwa tal-kompetenzi tiegħu, it-tnaqqis sinjifikattiv tat-tul taż-żewġ perijodi ta’ sessjonijiet plenarji tax-xahar ta’ Ottubru għas-snin 2012 u 2013 meta mqabbla mal-għaxar perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar u mal-prassi tal-Parlament. |
|
62 |
Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq iż-żieda fin-numru ta’ laqgħat tal-kumitati tal-Parlament u tal-attivitajiet imwettqa fi ħdanhom, għandu jiġi nnotat li tali żieda tista’ ċertament tiġi spjegata fil-biċċa l-kbira minħabba f’din iż-żieda kontinwa tal-kompetenzi tal-Parlament, iżda dan ma jispjegax la kif ix-xogħol li għandu jitwettaq fis-sessjoni plenarja, u lanqas ir-raġunijiet li għalihom tali żieda fix-xogħol tal-kumitati għandu impatt preċiżament fuq is-sessjonijiet plenarji tax-xahar ta’ Ottubru. |
|
63 |
Fil-fatt, minn naħa, il-Parlament ma setax jispjega r-raġunijiet li għalihom it-tul tat-tieni perijodu ta’ sessjonijiet plenarji tax-xahar ta’ Ottubru, kif previst mill-proposti tal-konferenza tal-presidenti, għalhekk tnaqqas għal ġurnata u nofs biss f’dak li jikkonċerna s-sena 2012. |
|
64 |
Hekk kif qis l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta mistoqsi fuq dan il-punt matul is-seduta, ir-rappreżentant tal-Parlament ma spjegax ir-raġunijiet sabiex wieħed jippreżumi li l-aġenda tal-ġurnata tat-tieni perijodu ta’ sessjonijiet previst fix-xahar ta’ Ottubru ser ikun ħafif, għalkemm irrikonoxxa wkoll li ma huwiex possibbli għall-Parlament li jantiċipa, fil-mument tal-vot fuq il-kalendarju tiegħu, il-kontenut tal-aġenda tal-ġurnata tas-sessjonijiet differenti. |
|
65 |
Min-naħa l-oħra, it-tnaqqis fit-tul tal-ewwel perijodu ta’ sessjonijiet plenarji għal jum u nofs, immotivat mill-kunsiderazzjoni li s-sessjoni tal-baġit issa tista’, fil-prattika, tintemm fi żmien qasir, tmur kontra l-importanza tas-sessjoni tal-baġit. |
|
66 |
Fil-fatt, l-importanza tas-sessjoni tal-baġit hija enfasizzata mill-fatt li l-protokolli fuq is-sedi tal-istituzzjonijiet espliċitament isemmu din is-sessjoni. Għalhekk, kif jirriżulta mill-punt 28 tas-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, billi tispeċifika li s-sessjoni tal-baġit tinżamm fi Strasbourg, il-gvernijiet tal-Istati Membri riedu jindikaw li l-eżerċizzju mill-Parlament tal-poteri tiegħu ta’ baġit fis-seduta plenarja jsir matul wieħed mill-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ordinarji li jseħħu fis-sede tal-istituzzjoni. |
|
67 |
F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, wara li ngħatat din is-sentenza, il-poteri ta’ baġit tal-Parlament żdiedu kontinwament. |
|
68 |
L-eżerċizzju mill-Parlament tal-awtorità tiegħu ta’ baġit f’sessjoni plenarja jikkostitwixxi, kif rikonoxxut mill-Parlament, mument fundamentali fil-ħajja demokratika tal-Unjoni Ewropea u għalhekk dan għandu jsir b’attenzjoni, b’rigorożità u b’kull impenn meħtieġ minn tali responsabbiltà. L-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza teħtieġ dibattitu pubbliku, f’seduta plenarja, li tippermetti liċ-ċittadini tal-Unjoni jsiru jafu dwar il-politika differenti espressa u, b’hekk, jifformaw opinjoni politika dwar l-azzjoni tal-Unjoni. |
|
69 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tal-Parlament ibbażat fuq is-sentenza Wybot, iċċitata iktar ’il fuq, ma jistax jirnexxi għaliex id-determinazzjoni tal-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji għax-xahar ta’ Ottubru għas-snin 2012 u 2013 ma tistax tiġi ġġustifikata mill-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ organizzazzjoni interna li tiffissa t-tul tal-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar. Jirriżulta wkoll minn din l-istess konstatazzjoni li dawn ir-rikorsi huwa ammissibbli, konformement għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 20 ta’ din is-sentenza. |
|
70 |
Anki jekk l-inkonvenjenzi u l-ispejjeż assoċjati mal-pluralità tal-postijiet tax-xogħol tal-Parlament, deskritti minn dan tal-aħħar fil-kuntest ta’ din il-kawża huma ammessi, la l-Parlament u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħu jirrimedjawhom, iżda, fejn xieraq, huwa għall-Istati Membri li jagħmlu dan fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħhom li jiffissaw is-sede tal-istituzzjonijiet. |
|
71 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li ż-żewġ perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ffissati mid-deliberazzjonijiet ikkontestati, għax-xahar ta’ Ottubru għas-snin 2012 u 2013, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala żewġ perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar fis-sens tal-protokolli fuq is-sedi tal-istituzzjonijiet. |
|
72 |
Għalhekk, id-deliberazzjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati għaliex dawn ma jiffissawx tnax-il perijodu ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar fi Strasbourg għas-snin 2012 u 2013. |
Fuq l-ispejjeż
|
73 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż. Billi l-Parlament tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-Repubblika Franċiża. B’applikazzjoni tal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li intervjena fil-kawża, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.