TEĦID TA’ POŻIZZJONI TAL-AVUKAT ĠENERALI

PAOLO MENGOZZI

ppreżentata fil-21 ta’ Novembru 2012 ( 1 )

Kawża C-334/12 RX-II

Oscar Orlando Arango Jaramillo et

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

“Eżami mill-ġdid tas-sentenza T-234/11 P — Ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament — Terminu raġonevoli — Interpretazzjoni — Obbligu tal-qorti tal-Unjoni li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża — Terminu ta’ dekadenza — Rimedju ġudizzjarju effettiv — Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali — Preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni”

I – Introduzzjoni

1.

Bid-deċiżjoni tagħha tat-12 ta’ Lulju 2012 ( 2 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandu jsir eżami mill-ġdid tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Awla tal-Appelli) tad-19 ta’ Ġunju 2012, Arango Jaramillo et vs BEI ( 3 ). Din hija t-tieni darba li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, wara l-proposta magħmula mill-Ewwel Avukat Ġenerali tagħha, li tibda l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid ( 4 ).

2.

Skont id-deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2012, il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat żewġ domandi speċifiċi li għandhom jiġu eżaminati.

3.

Minn naħa, għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali inkwantu qorti tal-appell, interpretatx korrettament il-kunċett ta’ terminu raġonevoli, fil-kuntest ta’ preżentata ta’ rikors għal annullament minn membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) kontra att maħruġ minn dan tal-aħħar li jippreġudikahom, bħala terminu li l-iskadenza tiegħu timplika n-natura tardiva u, għaldaqstant, l-inammissibbiltà tar-rikors, mingħajr ma l-qorti tal-Unjoni jkollha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ speċifiku.

4.

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi eżaminat jekk l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ “terminu raġonevoli” hijiex tali li tippreġudika d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, affermat fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”).

5.

Fil-każ li l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali jkunu vvizzjati bi żball ta’ liġi, id-deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2012 titlob li jiġi vverifikat jekk, u, fejn xieraq, sa fejn, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012 tippreġudika l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 256(2) TFUE u tal-Artikolu 62 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

6.

Qabel ma jiġu eżaminati dawn il-kwistjonijiet, għandu jiġi mfakkar fil-qasir li d-deċiżjoni li tiġi eżaminata mill-ġdid is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012 ġiet adottata fil-kuntest taċ-ċaħda, inizjalment fl-ewwel istanza mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea ( 5 ) (iktar ’il quddiem, it-“TSP”), imbagħad ikkonfermata fuq appell mill-imsemmija sentenza, tar-rikors għal annullament ippreżentat minn grupp ta’ membri tal-persunal tal-BEI kontra r-rendikonti tar-remunerazzjoni rispettivi tagħhom, minħabba tardività, peress li dan ir-rikors ġie ppreżentat f’terminu ta’ tliet xhur, miżjud bit-terminu estiż darba minħabba distanza ta’ għaxart ijiem, u ftit sekondi.

7.

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dispożizzjoni li tistabbilixxi t-termini għall-preżentata ta’ rikors applikabbli għat-tilwimiet bejn il-BEI u l-membri tal-persunal tiegħu, il-Qorti Ġenerali, bħalma għamel it-TSP qabilha fid-digriet li tressaq quddiemu, fl-ewwel parti tar-raġunament tagħha, fakkret il-ġurisprudenza li tissuġġetta l-preżentata ta’ tali rikorsi għall-osservanza ta’ terminu raġonevoli, li għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull kawża ( 6 ).

8.

Peress li qieset, madankollu, fil-punt 26 tas-sentenza tagħha tad-19 ta’ Ġunju 2012, li t-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, ir-“Regolamenti tal-Persunal”) joffri “punt ta’ tqabbil rilevanti” mar-rikorsi għal annullament ippreżentati mill-membri tal-persunal tal-BEI kontra atti ta’ dan tal-aħħar li jippreġudikawhom, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 27 tal-istess sentenza u billi bbażat ruħha fuq xi wħud mis-sentenzi preċedenti tagħha ( 7 ), li l-osservanza ta’ tali terminu għandha, bħala regola ġenerali, titqies bħala raġonevoli.

9.

Dejjem fil-punt 27 tas-sentenza tagħha tad-19 ta’ Ġunju 2012, imfakkar fil-punt 9 tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2012, minn dawn id-deċiżjonijiet il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni “a contrario [...] li r-rikorsi kollha ppreżentati minn membru tal-persunal tal-BEI wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet xhur, miżjud bit-terminu estiż darba minħabba distanza ta’ għaxart ijiem, għandhom, bħala regola ġenerali jitqiesu li ġew ippreżentati f’terminu li ma huwiex raġonevoli”. Din l-interpretazzjoni a contrario, tkompli l-Qorti Ġenerali, hija ammissibbli “meta tkun biss applikazzjoni stretta tar-regoli tal-proċedura li jistabbilixxu terminu ta’ dekadenza li tippermetti li tiġi sodisfatta l-ħtieġa ta’ ċertezza legali u l-ħtieġa li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja”.

10.

Il-Qorti Ġenerali mbagħad ċaħdet, waħda waħda, l-eċċezzjonijiet kollha invokati mill-appellanti.

11.

Huwa b’dan il-mod li, fil-punt 30 tas-sentenza tagħha tad-19 ta’ Ġunju 2012, il-Qorti Ġenerali qieset bħala infondata l-kritika tal-appellanti li t-TSP issostitwixxa n-natura flessibbli u miftuħa għall-ibbilanċjar konkret tal-interessi kkonċernati, bin-natura stretta u ġeneralizzata tal-osservanza ta’ terminu fiss ta’ tliet xhur, għaliex it-TSP sempliċement applika “regola tad-dritt […] li tirriżulta b’mod ċar u preċiż minn qari a contrario tal-ġurisprudenza [ċċitata fil-punt 27 tas-sentenza]”. Skont il-Qorti Ġenerali, din ir-regola tapplika b’mod speċifiku l-osservanza tat-terminu raġonevoli għat-tilwimiet bejn il-BEI u l-membri tal-persunal tiegħu, li jixxiebhu ħafna mal-kontenzjuż li jikkonċerna l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-Komunitajiet Ewropej, u “[b]arra minn hekk, huwa bbażat fuq preżunzjoni ġenerali li t-terminu ta’ tliet xhur huwa, bħala regola ġenerali, suffiċjenti sabiex jippermetti lill-membri tal-persunal tal-BEI li jevalwaw il-legalità tal-atti tal-imsemmi bank li jippreġudikawhom u sabiex iħejju, fejn ikun il-każ, ir-rikorsi tagħhom”, mingħajr ma hija “tobbliga [...] lill-qorti tal-Unjoni li għandha tapplikaha li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ u, b’mod partikolari, li tibbilanċja konkretament l-interessi kkonċernati”.

12.

Il-Qorti Ġenerali żviluppat raġunament identiku fil-punti 34 u 35 tas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012 li qed tiġi eżaminata mill-ġdid sabiex tiċħad it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni invokati mill-appellanti, għar-raġuni li l-applikazzjoni tar-regola ta’ dritt esposta fil-punt 27 tas-sentenza tagħha hija bbażata “fuq l-implementazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali”“mingħajr ma l-qorti tal-Unjoni jkollha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ speċifiku”.

13.

Kif huwa osservat ukoll fil-punt 11 tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2012, il-Qorti Ġenerali reġgħet fakkret, fil-punt 39 tas-sentenza tagħha tad-19 ta’ Ġunju 2012, li “l-applikazzjoni stretta tar-regoli tal-proċedura li jistabbilixxu terminu ta’ dekadenza” tissodisfa, b’mod partikolari, il-ħtieġa ta’ ċertezza legali, sabiex tiġi miċħuda l-eċċezzjoni tal-appellanti bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li dawn tal-aħħar, b’mod partikolari, kienu jafu kompletament bl-eżistenza tar-regola (li tirriżulta b’mod ċar u preċiż minn qari a contrario tal-ġurisprudenza) u tal-effetti tagħha fuq l-ammissibbiltà tar-rikors tagħhom.

14.

Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżami mill-ġdid, il-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ntalbu jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fuq il-kwistjonijiet identifikati fid-deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2012. L-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali, il-BEI, il-Gvern Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

15.

Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regoli tal-Proċedura l-ġodda tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-1 ta’ Novembru 2012 ( 8 ), il-kawża ngħatat lill-Awla għall-Eżami mill-Ġdid maħtura skont l-Artikolu 191 tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura.

II – Fuq l-iżbalji ta’ liġi li jivvizzjaw is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012

A – Fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ terminu raġonevoli mingħajr l-ebda teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ

16.

Filwaqt li l-appellanti jqisu li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju li terminu raġonevoli għandu jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ, il-BEI, il-Gvern Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni huma tal-fehma opposta.

17.

Minn dawn it-tliet partijiet ikkonċernati, jista’ jiġi osservat, b’mod rilevanti, li hija l-Kummissjoni li tidher li tiżviluppa l-argumentazzjoni l-iktar riġida fis-sens li hija fil-fatt intiża sabiex tikkontesta l-premessa nfisha tas-suġġett tal-ewwel motiv ta’ eżami mill-ġdid indikat fid-deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2012. Fil-fatt, billi ssostni li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament mill-membri tal-persunal tal-BEI kontra att ta’ dan tal-aħħar għandu, essenzjalment għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, ikun b’mod obbligatorju ta’ natura imperattiva ( 9 ) jew, fi kliem ieħor, għandu jikkostitwixxi “terminu strett ta’ dekadenza” ( 10 ), kif sostniet il-Qorti Ġenerali mhux mingħajr ċerta ambigwità, il-Kummissjoni tqis li ma huwiex indispensabbli li tittieħed deċiżjoni fuq il-punt jekk il-kunċett ta’ “terminu raġonevoli” jistax jiġi interpretat, kif qieset il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ speċifiku, għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx tali sitwazzjoni ( 11 ).

18.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni essenzjalment tosserva li l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 15 tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2012 hija marbuta mat-terminu raġonevoli tal-proċeduri amministrattivi u ma tikkostitwixxix għaldaqstant kriterju ta’ referenza li fid-dawl tiegħu għandha tiġi eżaminata n-natura koerenti tas-soluzzjoni adottata fis-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012 rigward it-termini għall-preżentata ta’ rikorsi ġudizzjarji.

19.

Minkejja li ħa pożizzjoni kemmxejn iktar sfumata, il-BEI huwa essenzjalment tal-istess fehma. Huwa jżid li l-ġurisprudenza rrikonoxxiet li s-sitwazzjoni legali tal-membri tal-persunal tal-BEI hija identika għal dik tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, u dan jiġġustifika b’mod sħiħ l-applikazzjoni b’mod analogu għar-rikorsi tal-imsemmija membri tal-persunal tat-terminu ta’ tliet xhur li jirregola l-preżentata tar-rikorsi għal annullament tal-imsemmi persunal kontra atti ta’ dawn l-istituzzjonijiet li jippreġudikawhom. Barra minn hekk, il-BEI josserva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà mliet il-lakuni, preżenti fit-Trattat KEE, rigward il-locus standi tal-Parlament Ewropew, billi użat il-metodu tal-analoġija, mingħajr, madankollu, ma ssuġġettat tali kapaċità għall-osservanza ta’ terminu għall-preżentata ta’ rikors iktar flessibbli minn dak applikabbli għall-istituzzjonijiet l-oħra. Finalment, billi stabbiliet terminu ta’ dekadenza ta’ tliet xhur, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012 segwiet, skont il-BEI, linja ta’ ġurisprudenza li hija bbażata fuq l-ugwaljanza fit-trattament tal-membri tal-persunal tal-BEI u tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fuq is-salvagwardja taċ-ċertezza legali u fuq il-prinċipju li t-termini għall-preżentata ta’ rikors la huma fid-dispożizzjoni tal-qorti u lanqas tal-partijiet.

20.

Min-naħa tiegħi, inqis li għandhom isiru l-osservazzjonijiet li ġejjin rigward l-ewwel motiv tal-eżami mill-ġdid.

21.

Qabel xejn, huwa ċar li l-premessa tal-eżami mill-ġdid hija bbażata fuq l-ommissjoni min-naħa tal-BEI, li għall-bqija hija disprezzabbli għaliex imtawwla u mingħajr spjegazzjoni, li jistabbilixxi, fir-Regolamenti tal-Persunal tiegħu, terminu li fih għandhom jiġu ppreżentati quddiem il-qorti tal-Unjoni t-tilwimiet bejn il-BEI u l-membri tal-persunal tiegħu.

22.

Fil-preżenza tas-silenzju tat-testi, il-Qorti Ġenerali diġà pprovat, fil-passat, timla tali lakuna proċedurali billi tirreferi, kif fakkret fis-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, għall-kunċett ta’ “terminu raġonevoli”. Fil-fehma tiegħi, hemm żewġ raġunijiet għalfejn imtliet din il-lakuna permezz tat-terminu raġonevoli.

23.

Fl-ewwel lok, dan huwa bbażat fuq it-tqassim tal-kompetenzi. Fil-fatt, irrispettivament minn dak li jgħidu l-BEI u l-Kummissjoni, bħala regola ġenerali l-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-kostitwent, il-leġiżlatur jew is-setgħa regolatorja billi tistabbilixxi ex officio, b’deċiżjoni ġudizzjarja, terminu fiss li mal-iskadenza tiegħu l-individwi, f’dan il-każ il-membri tal-persunal tal-BEI, jiddekadu mill-eżerċizzju tad-dritt tagħhom. Tali approċċ min-naħa tal-qorti tal-Unjoni fil-fatt jirrifletti l-osservanza tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-istituzzjonijiet u l-korpi tagħha, peress li s-silenzju tal-kostitwent, tal-leġiżlatur jew tas-setgħa regolatorja neċessarjament jimplika, għall-bqija, inċertezzi rigward l-interpretazzjoni tal-preżunta intenzjoni tiegħu kif ukoll, preċiżament, tar-raġunijiet li wassluh sabiex iżomm is-silenzju fuq l-iffissar ta’ terminu speċifiku għall-preżentata ta’ rikors. F’dan il-kuntest, jista’ jiġi deċiż li d-dekadenza, sa fejn hija tillimita l-fakultà tal-parti kkonċernata li tressaq kull prova neċessarja sabiex jintlaqgħu t-talbiet tagħha, tista’ tiġi ammessa biss jekk hija s-suġġett ta’ leġiżlazzjoni espliċita jew mhux ekwivoka ( 12 ).

24.

Din l-ewwel spjegazzjoni, jiġifieri ċ-ċaħda tal-istabbiliment ta’ terminu fiss ta’ dekadenza mill-qorti, ma tispjegax kompletament l-użu minn din tal-aħħar tal-kunċett ta’ terminu raġonevoli. It-tieni raġuni hija ċ-ċaħda ta’ dritt għal rikors li huwa llimitat fiż-żmien favur l-individwi għaliex ir-relazzjonijiet legali ma jistgħux jiġu kkontestati b’mod indefinittiv.

25.

Fil-fatt, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 22 tas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, li ma huwiex is-suġġett tal-eżami mill-ġdid kif iddefinit permezz tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2012, l-użu mill-qorti tal-Unjoni tal-kunċett ta’ “terminu raġonevoli” jippermetti l-konċiljazzjoni bejn, minn naħa, id-dritt tal-parti fil-kawża għal rimedju ġudizzjarju effettiv, li jimplika li din tkun tista’ jkollha żmien biżżejjed sabiex tevalwa l-legalità tal-att li jippreġudikaha u tħejji, fejn xieraq, ir-rikors tagħha, u min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali li jitlob li, wara l-iskadenza ta’ ċertu terminu, l-atti adottati mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Unjoni jsiru definittivi ( 13 ).

26.

Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li jissuġġerixxi l-BEI, l-applikazzjoni tat-terminu raġonevoli ma tfissirx il-kontestazzjoni indefinita tal-legalità tal-atti li huwa jadotta, għaliex tali applikazzjoni hija intiża preċiżament sabiex tevita li l-qorti tal-Unjoni teżamina l-mertu ta’ rikors ippreżentat f’terminu li ma huwiex raġonevoli.

27.

Jibqa’ l-fatt li l-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli ta’ terminu tiddependi miċ-ċirkustanzi ta’ kull każ speċifiku.

28.

Din il-konstatazzjoni ma hijiex valida biss, kif isostnu l-BEI u l-Kummissjoni, fir-rigward tat-tul tal-proċeduri amministrattivi. Hija tgħodd ukoll, fil-preżenza tas-silenzju tat-testi, fir-rigward tal-preżentata ta’ rikorsi ġudizzjarji.

29.

Huwa b’dan il-mod li, bid-deċiżjoni tagħha tas-27 ta’ Ottubru 2010 ( 14 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-proposta ta’ eżami mill-ġdid tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2010, Marcuccio vs Il-Kummissjoni ( 15 ), fejn il-Qorti Ġenerali applikat id-duttrina tat-terminu raġonevoli, stabbilit fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ speċifiku, billi kkonfermat, fl-appell, l-inammissibbiltà tar-rikors għad-danni li jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ impjieg bejn ex uffiċjal u l-istituzzjoni tiegħu f’terminu li huwa iqsar mit-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li dan it-terminu msemmi l-aħħar, fil-preżenza tas-silenzju tat-testi applikabbli għat-tilwimiet bejn l-uffiċjali u l-istituzzjoni li huma jiddependu minnha, ġie meqjus bħala element ta’ xebh rilevanti sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors tar-rikorrent mingħajr ma jikkostitwixxi, madankollu, limitu riġidu u li ma jistax jinkiser ( 16 ).

30.

Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta l-ammissibbiltà tat-talbiet għal irkupru tal-ispejjeż sostnuti quddiem il-qorti tal-Unjoni, minn naħa, taħt piena ta’ dekadenza, għall-osservanza ta’ terminu raġonevoli bejn l-għoti tas-sentenza u t-talba għal rimbors mill-parti l-oħra fil-kawża ( 17 ) u, min-naħa l-oħra, ladarba r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jgħidu xejn fuq dan l-aspett, għall-kontestazzjoni minn din il-parti l-oħra tal-ispejjeż mitluba ( 18 ).

31.

L-evalwazzjoni esposta fil-punt 28 ta’ dan it-teħid ta’ pożizzjoni ma hijiex invalidata permezz tas-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill ( 19 ), li hija invokata mill-BEI.

32.

Huwa minnu li, minkejja s-silenzju, f’dak iż-żmien, tal-Artikolu 173 tat-Trattat KEE, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’din is-sentenza, irrikonoxxiet il-locus standi tal-Parlament sabiex ikun jista’ jipproteġi l-prerogattivi tiegħu, mingħajr ma tatu, madankollu, terminu iktar flessibbli minn dak previst minn din id-dispożizzjoni meta mqabbel mar-rikorsi għal annullament ippreżentati, b’mod partikolari, mill-istituzzjonijiet l-oħra.

33.

Madankollu, din is-sitwazzjoni hija differenti minn dik tal-membri tal-persunal tal-BEI.

34.

Fil-fatt, fis-sentenza Il-Parlement vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, it-talba tal-Parlament Ewropew, li ntlaqgħet mill-Qorti tal-Ġustizzja, kienet li huwa jingħata rimedju legali xieraq, f’dak il-każ dak tar-rikors għal annullament irregolat mill-Artikolu 173 tat-Trattat KEE, sabiex jiġi kkontrollat u, fejn xieraq, issanzjonat il-ksur tal-prerogattivi tiegħu permezz ta’ att tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej jew tal-Kummissjoni, prerogattivi li kienu jikkontribwixxu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jinżamm l-ekwilibrju istituzzjonali ddefinit mit-Trattati ( 20 ). Ladarba r-rimedju legali tal-Artikolu 173 tat-Trattat KEE ngħata lill-Parlament, wieħed seta’ jifhem, minħabba, b’mod partikolari, l-istess rekwiżit ta’ ekwilibrju istituzzjonali, li l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-preżentata tar-rikorsi msemmija f’din id-dispożizzjoni, fosthom dik rigward it-terminu ta’ xahrejn sabiex jiġu ppreżentati, kellhom jiġu imposti fuq il-Parlament bl-istess mod strett applikabbli fil-konfront tal-istituzzjonijiet l-oħra.

35.

Min-naħa l-oħra, u indipendentement mir-rekwiżiti ta’ ekwilibrju istituzzjonali enfasizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Parlement vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi mfakkar li d-dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI rigward ir-rimedji legali sempliċement issemmi l-kompetenza tal-qorti tal-Unjoni mingħajr ma tistabbilixxi terminu għall-preżentata ta’ rikors, u b’hekk wieħed jifhem ir-riferiment għall-osservanza ta’ terminu raġonevoli.

36.

Fid-dawl ta’ dan — u mbagħad —, bl-idea li tapplika d-duttrina tat-terminu raġonevoli, il-Qorti Ġenerali, effettivament, fis-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, kisret il-limiti tal-kompetenzi tagħha u żnaturat il-karatteristika essenzjali tal-osservanza ta’ tali terminu, jiġifieri l-flessibbiltà tiegħu.

37.

Sabiex wieħed ikun konvint, biżżejjed jissemma, minn naħa, il-punt 34 tas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012 fejn il-Qorti Ġenerali tiddikjara li l-ommissjoni mill-BEI li jeżerċita r-responsabbiltà regolatorja tiegħu rigward l-iffissar ta’ terminu għall-preżentata ta’ rikors hija irrilevanti, “għaliex jirriżulta b’mod ċar u preċiż minn qari a contrario tal-ġurisprudenza mogħtija qabel il-preżentata tar-rikors li l-qorti tal-Unjoni rrimedjat għal tali lakuna regolatorja billi interpretat id-dritt tal-Unjoni […] fis-sens li rikors ippreżentat minn membru tal-persunal tal-BEI mal-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur […] estiż darba minħabba distanza ta’ għaxart ijiem, għandu, bħala regola ġenerali, jitqies li ġie ppreżentat f’terminu li ma huwiex raġonevoli” u għaldaqstant, bħala tardiv ( 21 ).

38.

Min-naħa l-oħra, il-punti 27, 30, 35 u 39 tas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012 jistabbilixxu, essenzjalment, bħala “regola tad-dritt” preżunzjoni ġenerali tan-natura raġonevoli tal-osservanza ta’ terminu ta’ tliet xhur u a contrario tan-natura mhux raġonevoli ta’ rikors ippreżentat wara l-iskadenza ta’ tali terminu, mingħajr ma l-qorti tal-Unjoni jkollha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ speċifiku, u jiġġustifikaw din l-evalwazzjoni b’mod partikolari fid-dawl tal-ġurisprudenza dwar “l-applikazzjoni stretta tar-regoli tal-proċedura li jistabbilixxu terminu ta’ dekadenza”.

39.

Huwa minnu — u dan bl-ebda mod ma jissorprendini — li, fil-ġurisprudenza msemmija mill-Qorti Ġenerali, il-qorti tal-Unjoni qieset, fil-preżenza tas-silenzju tat-Trattati u tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI, li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fl-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, kien “punt ta’ tqabbil rilevanti” u li, għaldaqstant, terminu ta’ tliet xhur kellu, bħala regola ġenerali, jitqies bħala raġonevoli għall-preżentata minn membru tal-persunal tal-BEI ta’ rikors għal annullament kontra att ta’ dan tal-aħħar li jippreġudika lill-imsemmi membru tal-persunal.

40.

Madankollu, minħabba l-ommissjoni tal-BEI, it-terminu ta’ tliet xhur previst mir-Regolamenti tal-Persunal jibqa’ neċessarjament terminu indikattiv fil-każ tat-tilwimiet bejn il-BEI u l-membri tal-persunal tiegħu.

41.

F’dan il-kuntest, bil-kontra ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, rikors ippreżentat wara l-iskadenza ta’ tali terminu ma jistax jitqies li huwa tardiv inkwantu ppreżentat f’terminu mhux raġonevoli, għar-raġuni li għandhom jiġu applikati b’mod strett ir-regoli tal-proċedura li jipprevedu terminu fiss ta’ dekadenza, għaliex tali regoli ma humiex applikabbli.

42.

Waħda mit-tnejn: jew terminu speċifiku għall-preżentata ta’ rikors għal annullament ġie stabbilit b’mod inekwivoku permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt primarju jew tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, u f’dak il-każ huwa fil-fatt possibbli li jiġu injorati ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ speċifiku, minbarra l-eċċezzjonijiet ibbażati fuq l-eżistenza ta’ forza maġġuri jew tal-każ fortuwitu, u li ssir applikazzjoni stretta tar-regoli tal-proċedura rigward it-termini ta’ dekadenza, jew, bil-kontra, għandha tiġi kkonstatata lakuna regolatorja, u f’dan il-każ il-qorti qatt ma tista’ tikkumpensa kompletament għaliha, għaliex inkella tinterferixxi fil-kompetenzi tas-setgħa leġiżlattiva, filwaqt li jkollha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ speċifiku. Jekk jiġu injorati dawn id-differenzi, bħalma għamlet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, ikun qed jiġi, purament u sempliċement, stabbilit terminu fiss ta’ dekadenza ta’ tliet xhur b’deċiżjoni ġudizzjarja.

43.

Fl-aħħar nett, il-ġustifikazzjoni mressqa mill-Qorti Ġenerali, li tawtorizzaha tagħmel interpretazzjoni a contrario tal-ġurisprudenza tagħha stess rigward in-natura raġonevoli tal-osservanza ta’ terminu ta’ tliet xhur bħal dak previst mir-Regolamenti tal-Persunal, ma hijiex konvinċenti.

44.

F’dan ir-rigward, infakkar li, skont il-Qorti Ġenerali, l-interpretazzjoni a contrario tal-imsemmija ġurisprudenza hija ammissibbli f’dan il-każ “għaliex kwalunkwe interpretazzjoni oħra ta’ din la tkun xierqa u lanqas kompatibbli mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni applikabbli [il-Qorti Ġenerali tirreferi għall-punt 22 tas-sentenza tagħha], mal-kuntest u mal-għan tagħhom (ara, b’mod analogu, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs Haute Autorité, 9/56, Ġabra p. 9, 27), għaliex hija biss applikazzjoni stretta tar-regoli tal-proċedura li jistabbilixxu terminu ta’ dekadenza li tippermetti li tiġi sodisfatta l-ħtieġa ta’ ċertezza legali u l-ħtieġa li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (ara, f’dan is-sens u b’mod analogu, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Settembru 2011, Bell & Ross vs UASI, C-426/10 P […], punti 43, 54 u 55)” ( 22 ).

45.

Il-Qorti Ġenerali żnaturat in-natura partikolarment sussidjarja tal-użu tal-interpretazzjoni a contrario adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Meroni vs Haute Autorité, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, l-użu minn tali interpretazzjoni huwa ammissibbli biss “meta l-ebda interpretazzjoni oħra ma tirriżulta xierqa u kompatibbli mat-test, mal-kuntest u mal-għan” ( 23 ) tar-regola li hija s-suġġett tal-imsemmija interpretazzjoni. Peress li l-osservanza ta’ terminu raġonevoli hija preċiżament ir-riżultat tal-konċiljazzjoni bejn id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv u r-rekwiżit ta’ ċertezza legali, kif ġie mfakkar mill-Qorti Ġenerali fil-punt 22 tas-sentenza tagħha tad-19 ta’ Ġunju 2012, l-interpretazzjoni a contrario li effettivament tibdel it-terminu indikattiv ta’ tliet xhur, applikabbli għat-tilwimiet bejn il-BEI u l-membri tal-persunal tiegħu, f’terminu fiss ta’ dekadenza ċertament ma tikkorrispondix mal-interpretazzjoni unika (u definittiva) li tiżgura b’mod xieraq il-konċiljazzjoni tal-imsemmija prinċipji.

46.

Dan ma huwiex il-każ fir-rigward tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, għaliex l-applikazzjoni tat-terminu raġonevoli tista’ tippermetti, sabiex tiġi vverifikata l-ammissibbiltà ta’ rikors, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi, minbarra dawk li jirriżultaw mill-forza maġġuri u/jew mill-każ fortuwitu, li ma huwiex ammess mill-applikazzjoni ta’ terminu fiss ta’ dekadenza.

47.

Dan lanqas ma huwa l-każ f’dak li jikkonċerna l-prinċipju taċ-ċertezza legali għaliex, bil-kontra ta’ dak li jallega l-BEI, l-applikazzjoni tad-duttrina tat-terminu raġonevoli, li tinkludi t-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ speċifiku, ma tfissirx li tista’ tiġi kkontestata b’mod indefinit il-legalità tal-atti adottati minn din l-organizzazzjoni. Fil-fatt, kif diġà indikajt, it-terminu raġonevoli għandu wkoll rwol, f’ċerti każijiet bħal dak li qed jiġi eżaminat hawnhekk, ta’ terminu ta’ dekadenza, li ċertament huwa flessibbli, iżda xorta terminu ta’ dekadenza.

48.

Huwa minnu li, minn perspettiva oħra, jiġifieri dik tal-membri tal-persunal tal-BEI, l-issuġġettar tal-ammissibbiltà tar-rikors tagħhom għall-osservanza ta’ terminu raġonevoli, li min-natura tiegħu huwa flessibbli, jista’ jnaqqas il-prevedibbiltà tal-azzjonijiet legali tagħhom.

49.

Madankollu dan ir-riskju jidhirli li huwa mnaqqas sew. Fil-fatt, fil-każ ta’ rikorsi ppreżentati fit-terminu indikattiv ta’ tliet xhur, il-ġurisprudenza tistabbilixxi ġustament favur ir-rikorrenti preżunzjoni b’saħħitha tan-natura raġonevoli tal-preżentata tar-rikors tagħhom. Fil-każ ta’ rikorsi ppreżentati wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu indikattiv, ir-rikorrenti għandhom ikunu jistgħu jistrieħu fuq it-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ speċifiku, mhux biss bis-saħħa tal-applikazzjoni tad-duttrina tat-terminu raġonevoli, iżda wkoll minħabba l-fatt li l-inċertezza li tinħoloq bl-assenza ta’ terminu fiss ta’ dekadenza ma tistax tiġi attribwita lilhom, għaliex ir-riskji proċedurali marbuta ma’ tali inċertezza għandhom, bil-kontra, jiġu sostnuti mill-organizzazzjoni li tat lok għalihom, skont il-prinċipju tal-estoppel ( 24 ) jew tal-massima nemo auditur propriam turpitudinem allegans  ( 25 ).

50.

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni a contrario adottata mill-Qorti Ġenerali lanqas ma hija indispensabbli sabiex jiġi evitat trattament diskriminatorju favur il-membri tal-persunal tal-BEI. Fil-fatt — u indipendentement mir-riferiment xi ftit azzardat, magħmul “f’dan is-sens u b’mod analogu” mill-Qorti Ġenerali, għas-sentenza Bell & Ross vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, deċiża fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat skont l-Artikolu 230 KE — il-komparabbiltà tas-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal tal-BEI u dik tal-uffiċjali rregolati mir-Regolamenti tal-Persunal tieqaf man-natura tat-terminu li tista’ tiġi opposta kontra r-rikorsi ppreżentati minn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni. Fl-ewwel każ, huwa terminu neċessarjament flessibbli li huwa applikabbli, minħabba l-ommissjoni tal-BEI; fit-tieni każ, it-terminu huwa fiss u stabbilit b’mod inekwivoku permezz tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal.

51.

Minbarra dan, jekk wieħed sempliċement iqabbel ir-regoli proċedurali, din ma hijiex l-unika differenza li teżisti bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni. B’dan il-mod, filwaqt li l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedu l-użu ta’ proċedura amministrattiva minn qabel li meta ssir b’mod regolari u komplet tikkostitwixxi kundizzjoni għall-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati mill-uffiċjali kontra l-istituzzjoni li timpjegahom, l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI jistabbilixxi, min-naħa l-oħra, proċedura interna fakultattiva ta’ konċiljazzjoni, li ma tistax tiġi mibdula fi proċedura obbligatorja, bħal dik imsemmija fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, proċedura ta’ konċiljazzjoni li ma għandhiex impatt fuq it-terminu għall-preżentata ta’ rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni ( 26 ). Barra minn hekk, jekk il-membru tal-persunal tal-BEI jitlob l-implementazzjoni ta’ tali proċedura, il-qorti tal-Unjoni tqis li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors quddiemha jibda jiddekorri biss malli tintemm tali proċedura, sakemm il-membru tal-persunal ikun għamel talba għal konċiljazzjoni f’terminu raġonevoli wara li jkun irċieva l-komunikazzjoni tal-att li jippreġudikah u sakemm it-tul tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni nfisha kien raġonevoli ( 27 ).

52.

Huwa ċar, għaldaqstant, li l-Qorti tal-Unjoni taf bis-sħiħ bil-limiti proċedurali tal-analoġija li tista’ teżisti bejn is-sistema kuntrattwali applikabbli għall-membri tal-persunal tal-BEI u s-sistema statutorja tal-uffiċjali tal-istituzzjonijiet. Iktar minn hekk, fil-każ li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża, il-fatt li jiġi ammess terminu flessibbli ta’ dekadenza favur il-membri tal-persunal tal-BEI, minħabba l-ommissjoni ta’ dan tal-aħħar, bl-ebda mod ma jippreġudika lill-uffiċjali tal-istituzzjonijiet li r-rikorsi tagħhom huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal.

53.

Għaldaqstant, inqis li, meta adottat interpretazzjoni tal-kunċett ta’ terminu raġonevoli mingħajr l-ebda teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ speċifiku u, għaldaqstant, inkoerenti man-natura nfisha ta’ tali terminu, kif tirriżulta mill-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012 bi żball ta’ liġi.

B – Fuq il-preġudizzju għad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv affermat mill-Artikolu 47 tal-Karta

54.

Permezz tat-tieni motiv ta’ eżami mill-ġdid, id-deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2012 titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi jekk, meta ġie miżjud effett ta’ dekadenza mal-iskadenza ta’ terminu raġonevoli, l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali hijiex tali li tippreġudika d-dritt għal rikors ġudizzjarju effettiv ( 28 ), li, huwa paċifiku, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li issa huwa espress fl-Artikolu 47 tal-Karta ( 29 ).

55.

Qabel kollox għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 52 tal-Karta, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minnha għandha tkun “prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet”, u dawn il-limitazzjonijiet għandhom, b’mod partikolari, jilħqu effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali u josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

56.

Skont dan l-istess artikolu, sa fejn il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem, il-“KEDB”), it-tifsira u l-portata ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-imsemmija konvenzjoni msemmija, mingħajr madankollu ma jipprekludu lid-dritt tal-Unjoni milli jagħti protezzjoni iktar estensiva.

57.

Kif isostnu ġustament l-appellanti, il-BEI u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub rispettivi tagħhom, l-Artikolu 6(1) tal-KEDB, li jistabbilixxi d-dritt għal smigħ indipendenti u imparzjali — li l-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, irreferiet għalih, fir-rigward tal-Artikolu 13 tal-imsemmija konvenzjoni, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju qabel ma l-Karta ġiet adottata jew qabel ma kellha valur vinkolanti ( 30 ) — huwa rilevanti ( 31 ).

58.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem rigward l-interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 6(1) KEDB, id-“dritt għal smigħ”, li d-dritt għal smigħ jikkostitwixxi aspett partikolari tiegħu, ma huwiex assolut u għandu limitazzjonijiet impliċitament aċċettati, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors, għaliex min-natura tiegħu jirrikjedi leġiżlazzjoni mill-Istat, li f’dan ir-rigward għandu ċerta marġni ta’ diskrezzjoni ( 32 ).

59.

Skont din l-istess ġurisprudenza, dawn il-limitazzjonijiet madankollu ma jistgħux jirrestrinġu d-dritt għal smigħ b’mod jew sal-punt li d-dritt ta’ individwu għal smigħ ikun ippreġudikat fl-essenza nfisha tiegħu, u dawn il-limitazzjonijiet huma kompatibbli mal-Artikolu 6(1) tal-KEDB biss jekk isegwu għan leġittimu u jekk teżisti relazzjoni raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi użati u l-għan segwit ( 33 ).

60.

F’dan il-kuntest, minkejja li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tfakkar li l-liġijiet dwar it-termini li għandhom jiġu osservati għall-preżentata ta’ rikors huma intiżi sabiex jiżguraw amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, regoli li l-individwi għandhom jistennew li jiġu applikati ( 34 ), il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tivverifika jekk l-effettività tad-dritt għal smigħ mixtieqa mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB hijiex ostakolata, pereżempju, minn interpretazzjoni jew applikazzjoni “partikolarment stretti” ( 35 ) jew eċċessivament restrittivi ( 36 ) ta’ tali regoli proċedurali b’tali mod li jiġi eskluż eżami tal-mertu tar-rikors jew b’mod li jikkostitwixxu “forma ta’ barriera li tipprekludi lill-individwu milli jkollu deċiżjoni fuq il-mertu tat-tilwima mogħtija mill-qorti kompetenti”  ( 37 ).

61.

B’dan il-mod, “il-fatt li seta’ jeżerċita rimedju ġudizzjarju sabiex jisma’ l-azzjoni tiegħu ddikjarata bħala inammissibbli mhux dejjem jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) KEDB; il-livell ta’ aċċess għall-ġustizzja għandu wkoll ikun suffiċjenti sabiex jiżgura lill-individwu d-‘dritt għal smigħ’ fid-dawl tal-prinċipju tas-supremazija tad-dritt f’soċjetà demokratika” ( 38 ).

62.

Huwa b’dan il-mod li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem teżamina, pereżempju, jekk terminu għall-preżentata ta’ appell ta’ kassazzjoni huwiex suffiċjenti fid-dawl tad-domiċilju tal-appellant ( 39 ), jekk ir-rifjut minn qorti nazzjonali li testendi terminu stabbilit minn qabel permezz ta’ liġi għall-preżentata ta’ appell ma huwiex irraġonevoli ( 40 ), jekk ir-regoli dwar il-kalkolu tat-termini għall-preżentata ta’ rikors humiex suffiċjentement ċari u koerenti ( 41 ) jew jekk żbalji mwettqa mill-qrati nazzjonali fil-kalkolu tal-imsemmija termini jippreġudikawx l-effettività tad-dritt għal smigħ, previst mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB ( 42 ).

63.

Peress li l-Artikolu 47 tal-Karta jiżgura, fid-dritt tal-Unjoni, il-protezzjoni mogħtija permezz tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB ( 43 ), hija mingħajr dubju l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiggarantixxi, b’mod partikolari, livell ta’ kontroll li huwa mill-inqas ekwivalenti fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tar-rekwiżiti proċedurali previsti mid-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk dwar it-termini għal-preżentata ta’ att promotur, għal dak li huwa eżerċitat, f’dan il-qasam, mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem skont l-Artikolu 6(1) tal-KEDB fir-rigward tal-qrati tal-partijiet li huma f’din il-Konvenzjoni ( 44 ).

64.

B’mod ġenerali, u minkejja li l-ebda waħda mill-partijiet ikkonċernati li ppreżentat osservazzjonijiet f’din il-kawża ma sostnietu f’dan il-kliem, il-fatt li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem setgħet tikkonstata ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB fil-kawżi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni u/jew l-applikazzjoni tat-termini għall-preżentata ta’ rikors promotur ġeneralment qosra ma jistax ifisser a contrario li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mċaħħda mill-possibbiltà li tistabbilixxi l-ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta mill-qorti tal-Unjoni, fid-dawl tat-termini, normalment itwal, mogħtija lill-individwi sabiex jikkontestaw quddiem din tal-aħħar il-legalità ta’ att ta’ istituzzjoni jew ta’ korp tal-Unjoni li jippreġudikahom.

65.

F’dan il-kuntest, filwaqt li l-kawżi msemmija qabel li tressqu quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kienu jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ termini ta’ proċedura stabbiliti minn qabel permezz ta’ liġi, huwa stabbilit, f’dan il-każ, li l-appellanti setgħu jistennew, minħabba l-ommissjoni proċedurali tal-BEI, mhux li l-Qorti Ġenerali — u qabilha t-TSP — tapplika terminu fiss ta’ dekadenza għar-rikors tagħhom, iżda li sempliċement, bil-kontra, tapplika d-duttrina tat-“terminu raġonevoli” sabiex tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tar-rikors tagħhom.

66.

Minkejja li ma huwiex eskluż li l-appellanti setgħu fil-fatt jippreżentaw ir-rikors tagħhom f’terminu ta’ tliet xhur, huma ma setgħux, min-naħa l-oħra, jistennew, minħabba n-natura neċessarjament indikattiva ta’ dan it-terminu fil-kuntest tat-tilwimiet bejn il-BEI u l-membri tal-persunal tiegħu, li l-iskadenza bi ftit sekondi tal-imsemmi terminu titqies mill-Qorti Ġenerali, b’riferiment għal ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni stretta tar-regoli tal-proċedura marbuta mat-termini għall-preżentata ta’ rikors stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, bħala mhux raġonevoli, iktar u iktar mingħajr teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha inkwistjoni, għajr il-każijiet tal-forza maġġuri u tal-każ fortuwitu.

67.

Rigward l-allegata negliġenza tal-appellanti għaliex stennew xi minuti qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur sabiex jippreżentaw ir-rikors tagħhom, din ma hijiex fondata għaliex, kif diġà semmejt, dan it-terminu huwa biss terminu indikattiv, u ma jeżentax lill-qorti tal-Unjoni, inkluża ex officio, milli teżamina jekk l-imsemmi rikors ġiex ippreżentat f’terminu li ma huwiex raġonevoli, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ speċifiku, għajr il-każijiet tal-forza maġġuri u tal-każ fortuwitu.

68.

Għaldaqstant, meta ddeċidiet kif għamlet u meta kkonfermat id-digriet tat-TSP Arango Jaramillo et vs BEI, iċċitat iktar ’il fuq, li kkonstata l-inammissibbiltà tar-rikors ippreżentat mill-appellanti minħabba n-natura tardiva tiegħu, fil-fehma tiegħi il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat il-kunċett ta’ terminu raġonevoli b’mod wisq strett u, għaldaqstant, kisret id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, kif huwa ggarantit permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta, u b’hekk ċaħħdithom mid-dritt li jkollhom ir-rikors tagħhom eżaminat fuq il-mertu.

III – Fuq l-eżistenza ta’ preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni

69.

Żball jew diversi żbalji tal-liġi min-naħa tal-Qorti Ġenerali, anki jekk ħoxnin, ma jwasslux neċessarjament għal preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 62b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

70.

Bil-kontra, l-erba’ kunsiderazzjonijiet li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tasal li tikkonstata li l-ksur taż-żewġ regoli proċedurali inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Eżami mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata iktar ’il fuq ( 45 ), kien ikkawża “preġudizzju għall-unità u għall-koerenza tad-dritt [tal-Unjoni]” ( 46 ) la huma minimi u lanqas eżawrjenti għaliex, meta meqjusa globalment ( 47 ), huma wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata ksur kumulat taż-żewġ kundizzjonijiet normalment alternattivi għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

71.

Jibqa’ l-fatt li kunsiderazzjonijiet essenzjalment analogi għal dawk enfasizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Eżami mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata iktar ’il fuq, huma preżenti, fil-fehma tiegħi, ukoll f’dan il-każ.

72.

Huwa b’dan il-mod, l-ewwel nett, li s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012 tikkostitwixxi l-ewwel deċiżjoni li permezz tagħha din tal-aħħar ikkonfermat li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu indikattiv għall-preżentata ta’ rikors għal annullament kien iwassal, abbażi ta’ interpretazzjoni a contrario tal-ġurisprudenza u ta’ interpretazzjoni stretta tar-regoli proċedurali marbuta mat-termini, għall-inammissibbiltà tal-imsemmi rikors minħabba n-natura tardiva tiegħu. Għaldaqstant din is-sentenza tista’ tikkostitwixxi preċedent għal kawżi futuri ( 48 ).

73.

It-tieni nett, meta kkunsidrat li l-qorti tal-Unjoni kienet eżentata milli tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ speċifiku sabiex teżamina n-natura mhux raġonevoli tal-fatt li jinqabeż terminu raġonevoli, il-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħu, tbiegħdet mill-essenza nfisha ta’ dan il-kunċett tal-aħħar, stabbilit fid-dritt tal-Unjoni, u vvizzjat is-sentenza tagħha b’inkoerenza.

74.

It-tielet nett, iż-żewġ prinċipji (terminu raġonevoli u dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv) li, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali kisret ma jaqgħux esklużivament taħt id-dritt tas-servizz pubbliku, iżda huma applikabbli indipendentement mill-qasam inkwistjoni ( 49 ).

75.

Fl-aħħar, u r-raba’ nett, dawn iż-żewġ prinċipji għandhom pożizzjoni importanti fis-sistema legali tal-Unjoni ( 50 ). B’mod partikolari, id-dritt iggarantit permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta għandu, skont l-Artikolu 6 TUE, l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati. Dan id-dritt huwa, minbarra dan, inerenti f’kull sistema legali bbażata fuq il-prinċipju ta’ Stat ta’ dritt, bħalma hija dik tal-Unjoni ( 51 ), u għalhekk għandu fi ħdan din tal-aħħar, mill-inqas, natura “kostituzzjonali” ( 52 ).

76.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, inqis li, permezz tas-sentenza tagħha tad-19 ta’ Ġunju 2012, il-Qorti Ġenerali, mill-inqas, ippreġudikat il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.

IV – Fuq il-portata tal-annullament

77.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 62b, tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk din tal-aħħar tikkonstata li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tippreġudika l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, hija għandha tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali li hija marbuta bil-punti ta’ liġi deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja. Meta tirrinvija l-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, minbarra dan, tindika l-effetti tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li għandhom jitqiesu bħala definittivi fir-rigward tal-partijiet fil-kawża. B’mod eċċezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ hija nfisha tiddeċiedi b’mod definittiv, jekk is-soluzzjoni tat-tilwima tirriżulta, fid-dawl tar-riżultat tal-eżami mill-ġdid, mill-konstatazzjonijiet ta’ fatt li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

78.

Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax sempliċement tikkonstata l-preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni mingħajr ma tasal għal konklużjonijiet minn din il-konstatazzjoni fir-rigward tal-kawża inkwistjoni ( 53 ).

79.

F’dan il-każ, inqis li għandha tiġi annullata s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012 sa fejn ikkonfermat, fl-appell, l-inammissibbiltà tar-rikors ippreżentat quddiem it-TSP u kkundannat lill-appellanti għall-ispejjeż tal-proċedura quddiemha.

80.

Min-naħa l-oħra, il-preġudizzju għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mill-ksur taż-żewġ prinċipji li għadu kemm ġie kkonstatat, huwa ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi hija nfisha b’mod definittiv fuq il-kawża mressqa, fl-ewwel istanza, quddiem it-TSP mill-appellanti.

81.

Fil-kuntest tal-eżami mill-ġdid, l-ebda dispożizzjoni tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tar-regoli tal-proċedura tagħha ma tobbliga lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali minflok ma tirrinvijaha direttament quddiem it-TSP sabiex dan jippermetti lill-partijiet jesprimu ruħhom fuq il-mertu tal-kawża.

82.

Kif jirriżulta mill-punt 30 tas-sentenza Eżami mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata iktar ’il fuq, il-qorti ta’ appell tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, tiddeċiedi fuq il-mertu ta’ rikors minkejja li l-proċedura fl-ewwel istanza kienet limitata għal eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà milqugħa mill-qorti ta’ din l-istanza. Dan jista’ jkun il-każ, minn naħa, meta l-annullament tas-sentenza jew tad-digriet ikkontestati jimplika neċessarjament soluzzjoni speċifika rigward il-mertu tar-rikors inkwistjoni jew, min-naħa l-oħra, meta l-eżami tal-mertu tar-rikors għal annullament jistrieħ fuq argumenti skambjati mill-partijiet fil-kuntest tal-appell wara raġunament tal-qorti fl-ewwel istanza.

83.

Huwa ċar li dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża u li l-Qorti Ġenerali ma tistax ma tikkonstatax, bħall-pożizzjoni li adottat wara r-rinviju mill-Qorti tal-Ġustizzja, wara eżami mill-ġdid, tal-imsemmija kawża Eżami mill-ġdid M vs EMEA ( 54 ), li hija tista’ biss tirrinvija, min-naħa tagħha, il-kawża quddiem it-TSP sabiex dan tal-aħħar jiddeċiedi fuq it-talbiet għal annullament magħmula mill-appellanti.

84.

Madankollu, u sabiex tiġi rrispettata l-ġerarkija mixtieqa mit-Trattati fi ħdan l-istituzzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni, hija biss il-Qorti Ġenerali li tista’ tadotta tali deċiżjoni wara li tkun semgħet lill-partijiet, b’mod konformi mar-Regoli tal-Proċedura ( 55 ). Għaldaqstant nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrinvija l-kawża quddiem din tal-aħħar.

V – Fuq l-ispejjeż

85.

Skont l-Artikolu 195(6), tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li hija s-suġġett tal-eżami mill-ġdid tkun ingħatat skont l-Artikolu 256(2) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

86.

Fin-nuqqas ta’ regoli speċifiċi dwar kif għandhom jitqassmu l-ispejjeż fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid, u skont ma l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Eżami mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata iktar ’il fuq ( 56 ), nipproponi li l-partijiet li ppreżentaw noti jew osservazzjonijiet bil-miktub f’din il-proċedura għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom marbuta ma’ din il-proċedura.

VI – Konklużjoni

87.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara u tiddeċiedi:

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Awla tal-Appelli) tad-19 ta’ Ġunju 2012, Arango Jaramillo et vs BEI (T-234/11 P), tippreġudika l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni sa fejn l-imsemmija Qorti Ġenerali, inkwantu qorti tal-appell, interpretat il-kunċett ta’ “terminu raġonevoli” — applikabbli fil-kuntest ta’ preżentata ta’ rikors għal annullament minn membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment kontra att ta’ dan tal-aħħar li jippreġudikahom — bħala terminu li l-iskadenza tiegħu timplika n-natura tardiva u, għaldaqstant, l-inammissibbiltà tar-rikors, mingħajr ma l-qorti tal-Unjoni jkollha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ speċifiku, interpretazzjoni li hija wkoll ta’ natura wisq stretta b’tali mod li twassal għal ksur tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, kif iggarantit permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

2)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea hija annullata.

3)

Il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

4)

L-appellanti, il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Gvern Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom marbuta mal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI (C-334/12 RX, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2012”).

( 3 ) T-234/11 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012”).

( 4 ) L-ewwel okkażjoni tat lok għas-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2009, Eżami mill-ġdid M vs EMEA (C-197/09 RX-II, Ġabra p. I-12033).

( 5 ) Digriet tal-4 ta’ Frar 2011, Arango Jaramillo et vs BEI (F-34/10).

( 6 ) Ara l-punti 22 u 25 tas-sentenza kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.

( 7 ) Il-Qorti Ġenerali ssemmi, f’dan ir-rigward, is-sentenza tagħha tat-23 ta’ Frar 2001, De Nicolo vs BEI (T-7/98, T-208/98 u T-109/99, ĠabraSP p. I-A-49 u II-185, punt 107); id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Diċembru 2002, D vs BEI (T-275/02 R, ĠabraSP p. I-A-259 u II-1295, punt 33), kif ukoll, b’mod analogu, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Marzu 2000, Méndez Pinedo vs BĊE (T-33/99, ĠabraSP p. I-A-63 u II-273, punti 33 u 34).

( 8 ) ĠU L 265, p. 1.

( 9 ) Osservazzjonijiet tal-Kummissjoni (punt 13).

( 10 ) Ibidem (punt 18).

( 11 ) Idem.

( 12 ) Ara, fir-rigward tan-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ terminu sabiex jiġi invokat motiv ġdid quddiem il-Qorti Ġenerali, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il-Kummissjoni (T-32/91, Ġabra p. II-1825, punt 40). L-appell tal-Kummissjoni minn din is-sentenza, inklużi l-punti 40 u 41 tal-motivi tagħha, ġew miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala infondati: ara s-sentenza tas-6 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs Solvay (C-287/95 P u C-288/95 P, Ġabra p. I-2391, punti 31, 73 u 74).

( 13 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Marzu 2001, Dunnett et vs BEI (T-192/99, Ġabra p. II-813, punti 52 u 53), kif ukoll id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2001, Cerafogli et vs BĊE (T-20/01, ĠabraSP p. I-A-235 u II-1075, punt 61).

( 14 ) Eżami mill-ġdid Marcuccio vs Il-Kummissjoni (C-478/10 RX).

( 15 ) T-157/09 P.

( 16 ) Ibidem (punti 42 sa 47).

( 17 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 1979, Dietz vs Il-Kummissjoni (126/76 DEP, Ġabra p. 2131, punt 1).

( 18 ) Ara d-digriet tat-22 ta’ Frar 1968, Acciaierie San Michele vs Haute Autorité (9/65 u 58/65, Ġabra p. 383, punt 11).

( 19 ) Sentenza tat-22 ta’ Mejju 1990 (C-70/88, Ġabra p. I-2041).

( 20 ) Ibidem (punti 21 sa 26).

( 21 ) Korsiv miżjud.

( 22 ) Punt 27 tas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012.

( 23 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq, punt 2, p. 26 (korsiv miżjud).

( 24 ) Prinċipju rikonoxxut fid-dritt tal-Unjoni wkoll: ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Jannar 1986, Hurd (44/84, Ġabra p. 29, punt 57); tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punti 82 sa 88), kif ukoll tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Kyowa Hakko Kogyo u Kyowa Hakko Europe vs Il-Kummissjoni (T-223/00, Ġabra p. II-2553, punti 34 u 53).

( 25 ) Meqjus bħala “prinċipju tad-dritt” mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Diċembru 1996, Barraux et vs Il-Kummissjoni (T-177/95, ĠabraSP p. I-A-541 u II-1451, punt 55).

( 26 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ April 2012, De Nicola vs BEI (T-37/10 P, punti 75 sa 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Sentenza Dunnett et vs BEI, iċċitata iktar ’il fuq (punt 56).

( 28 ) Ara l-punt 2 tad-dispożittiv u l-punt 16 tad-deċiżjoni.

( 29 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt — Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni (C-385/07 P, Ġabra p. I-6155, punti 177 u 178 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll id-digriet tat-22 ta’ Settembru 2011, Pagnoul (C-314/10, punt 24).

( 30 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston (222/84, Ġabra p. 1651, punt 18), u tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson (C-506/04, Ġabra p. I-8613, punti 46 u 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Ara f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C-279/09, Ġabra p. I-13849, punt 32). L-oriġini doppja tal-Artikolu 47 tal-Karta mill-Artikolu 6 u 13 tal-KEDB hija mfakkra b’mod partikolari fl-ispjegazzjonijiet marbuta mal-Karta (ĠU 2007, C 303, p. 17, speċjalment p. 29 u 30).

( 32 ) Ara, b’mod partikolari, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi tad-19 ta’ Frar 1998, Edificaciones March Gallego S.A. vs Spanja (Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 1998-I, p. 290, § 34); tal-24 ta’ Frar 2009, L’Erablière ASBL vs Il-Belġju (Rikors Nru 49230/07, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 2009-II, § 35), u tas-6 ta’ Diċembru 2011, Anastasakis vs Il-Greċja (Rikors Nru 41959/08, § 24).

( 33 ) Idem.

( 34 ) Ara, b’mod partikolari, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1998, Pérez de Rada Cavanilles vs Spanja (Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 1998-VIII, § 45); tat-22 ta’ Ġunju 2006, Díaz Ochoa vs Spanja (Rikors Nru 423/03, § 44); tal-31 ta’ Jannar 2012, Assunção Chaves vs Il-Portugall (Rikors Nru 61226/08, § 77); u tat-3 ta’ Lulju 2012, Radeva vs Il-Bulgarija (Rikors Nru 13577/05, § 26).

( 35 ) Ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza tad-29 ta’ Mejju 2012, Ute Saur Vallnet vs Andorra (Rikors Nru 16047/10, § 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Ara, pereżempju, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza Díaz Ochoa vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq (§ 50).

( 37 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza L’Erablière ASBL vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq (§ 35).

( 38 ) Ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi tal-21 ta’ Frar 1975, Golder vs Ir-Renju Unit (Serje A Nru 18, p. 18, §§ 34 u 35), u tas-16 ta’ Diċembru 1992, Geouffre de la Pradelle vs Franza (Rikors Nru 12964/87, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet,p. 43, § 34). Ara, ukoll, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Radava vs Il-Bulgarija, iċċitata iktar ’il fuq (§ 27).

( 39 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza tal-10 ta’ Lulju 2001, Tricard vs Franza (Rikors Nru 40472/98, § 31).

( 40 ) Ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza tad-19 ta’ Mejju 2005, Kaufmann vs L-Italja (Rikors Nru 14021/02, §§ 34 sa 39).

( 41 ) Ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Geouffre de la Pradelle vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq (§§ 29 sa 35).

( 42 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Radeva vs Il-Bulgarija, iċċitata iktar ’il fuq (§§ 27 sa 29). Ara f’dan is-sens, ukoll, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Ute Saur Vallnet vs Andorra, iċċitata iktar ’il fuq (§§ 41 sa 43).

( 43 ) Sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni (C-386/10 P, Ġabra p. I-13085, punt 51), u tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et (C-199/11, punt 47). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza DEB, iċċitata iktar ’il fuq (punt 32).

( 44 ) Huwa ċar li, bil-kontra tal-kawżi eżaminati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, hawnhekk għandha tiġi interpretata mhux il-liġi proċedurali nazzjonali tal-Istati Membri, iżda d-dritt tal-Unjoni, kompitu li għandu jsir fl-ewwel lok mill-Qorti tal-Ġustizzja.

( 45 ) Sa fejn huwa rilevanti, infakkar li, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali kienet interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “kawża fi stat li tiġi deċiża”, fis-sens b’mod partikolari tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u kisret, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 13 tal-anness tiegħu, billi ddeċidiet fuq il-mertu ta’ rikors intiż għall-għoti ta’ kumpens għal danni morali, filwaqt li l-proċedura fl-ewwel istanza kienet limitata għal eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà (punt 37 tal-imsemmija sentenza), u, min-naħa l-oħra, u indipendentement mill-“iżball ta’ liġi” indikat qabel, li, billi ddeċidiet fuq il-mertu tal-kawża mingħajr ma qiegħdet lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini f’pożizzjoni li tkun taf b’mod effettiv il-pożizzjoni tagħha fuq it-talbiet għal kumpens tar-rikorrent, il-Qorti Ġenerali “kisret il-prinċipju tal-kontradittorju li jirriżulta mir-rekwiżiti marbuta mad-dritt għal smigħ xieraq” (ara l-punti 38 u 59 tal-istess sentenza).

( 46 ) Ibidem (punt 1 tad-dispożittiv kif ukoll il-punti 66 u 67 tas-sentenza). Korsiv miżjud.

( 47 ) Ibidem (punt 66).

( 48 ) Ara s-sentenza Eżami mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata iktar ’il fuq (punt 62). Minkejja li limitata, in-natura ta’ preċedent ta’ din is-sentenza tista’ tikkonċerna mhux biss it-tilwimiet bejn il-BEI u l-membri tal-persunal tiegħu, iżda wkoll dawk li jikkonċernaw il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li raġunament simili jista’ jsir mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-ammissibbiltà tar-rikorsi għal kumpens ippreżentati mill-uffiċjali kontra l-istituzzjoni tagħhom.

( 49 ) Sentenza Eżami mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata iktar ’il fuq (punt 64).

( 50 ) Ibidem (punt 65).

( 51 ) Ara l-Artikolu 2 TUE.

( 52 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, il-punti 176 u 177 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-27 ta’ Frar 2007, Gestoras Pro Amnistía et vs Il-Kunsill (C-354/04 P, Ġabra p. I-1579).

( 53 ) Sentenza Eżami mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata iktar ’il fuq (punt 69).

( 54 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2010, M vs EMEA (T-12/08 P-RENV-RX, Ġabra p. II-3735, punt 38).

( 55 ) Artikolu 121c(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

( 56 ) Ara s-sentenza Eżami mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata iktar ’il fuq (punt 73).