Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-4 ta’ Ottubru 2012 — Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-629/11 P)

“Appell — Kuntratt pubbliku mogħti mill-Kummissjoni — Ċaħda tal-offerta — Obbligu ta’ motivazzjoni — Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 — Artikolu 100(2) — Terminu biex titwieġeb talba għal informazzjoni — Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 — Artikolu 149(2)”

1.                     Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni, fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, li ma tintgħażilx offerta — Obbligu li jiġu kkomunikati, wara talba bil-miktub, il-karatteristiċi u l-vantaġġi marbuta mal-offerta magħżula kif ukoll l-isem tal-offerent magħżul — Obbligu, għall-awtorità kontraenti, li tipprovdi sunt dettaljat tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kull dettall tal-offerta miċħuda abbażi tal-evalwazzjoni tagħha jew analiżi komparattiva dettaljata tal-offerta magħżula u tal-offerta tal-offerent miċħud — Assenza — Aggravju infondat (Artikolu 256 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 100(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 149(3)) (ara l-punti 20-23)

2.                     Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni, fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, li ma tintgħażilx offerta — Nuqqas ta’ osservanza, mill-Kummissjoni, tal-obbligu ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba — Motivazzjoni kkomunikata lill-offerent tmint ijiem wara t-terminu massimu — Dewmien li waħdu ma jwassalx għall-annullament tad-deċiżjonijiet inkwistjoni — Aggravju infondat (Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 100(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 149(2)) (ara l-punti 37, 39, 40)

Suġġett

Appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Settembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni (T-298/09) li tiċħad rikors li l-għan tiegħu huwa li jannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-12 ta’ Mejju 2009, li tiċħad l-offerta sottomessa mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti EAC/01/2008 dwar servizzi esterni għal programmi edukattivi (EPISEP) (ĠU 2008/S 158-212752), kif ukoll id-deċiżjoni li l-kuntratt jingħata lil offerent ieħor u, min-naħa l-oħra, talba għal danni — Artikolu 93(1)(f) tar-Regolament Finanzjarju — Perijodu ta’ validità tal-offerti — Responsabbiltà mhux kuntrattwali.

Dispożittiv

1)

L-appell huwa miċħud.

2)

Evropaïki Dynamiki — Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE hija kkundannata għall-ispejjeż.