SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

19 ta’ Lulju 2012 ( *1 )

“Appell — Politika kummerċjali — Dumping — Importazzjonijiet ta’ glifosat li joriġina miċ-Ċina — Regolament (KE) Nru 384/96 — Artikolu 2(7)(b) u (ċ) — Status ta’ impriża li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq — Kunċett ta’ ‘interferenza [sinjifikattiva] mill-Istat’ fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) — Azzjonist pubbliku li de facto jikkontrolla l-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tal-produttur — Assimilazzjoni ta’ tali kontroll ma’ ‘interferenza [sinjifikattiva]’ — Evalwazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ approvazzjoni tal-kuntratti għall-esportazzjoni — Limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju — Evalwazzjoni tal-provi prodotti”

Fil-Kawża C-337/09 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fit-18 ta’ Awwissu 2009

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Hix, bħala aġent, assistit minn G. Berrisch, Rechtsanwalt,

appellant,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group Co. Ltd, stabbilita f’Jiande City (Iċ-Ċina), inizjalment irrappreżentata minn D. Horovitz, avukat, sussegwentement minn F. Graafsma, J. Cornelis u A. Woolich, avukat, kif ukoll minn K. Adamantopoulos, dikigoros, u D. Moulis, barrister,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Scharf u N. Khan kif ukoll minn K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

Association des utilisateurs u distributeurs de l’agroChimie européenne (Audace), irrappreżentata minn J. Flynn, QC,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, J. Malenovský u M. Safjan, Presidenti tal-Awla, G. Arestis, A. Borg Barthet, M. Ilešič (Relatur), A. Arabadjiev, C. Toader u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Novembru 2011,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Jannar 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li saret il-Qorti Ġenerali), tas-17 ta’ Ġunju 2009, Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group vs Il-Kunsill (T-498/04, Ġabra p. II-1969, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din tal-aħħar annullat l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/2004, tal-24 ta’ Settembru 2004, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ glyphosate li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 333 M, 11.12.2008, p. 19, iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontenzjuż”), sa fejn dan jikkonċerna l-kumpannija Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Xinanchem”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Fil-paragrafi 1 sa 6 tal-Artikolu 2 u għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dumping, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10 p. 45), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004, tat-8 ta’ Marzu 2004, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 150, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”), jipprovdi r-regoli ġenerali li jirrigwardaw il-metodu tad-determinazzjoni tal-ammont magħruf bħala l-“valur normali”.

3

L-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku jipprovdi regola partikolari li tirrigwarda l-metodu għad-determinazzjoni ta’ dan il-valur normali għall-importazzjonijiet provenjenti minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq. Għall-dawn tal-aħħar, bħala regola ġenerali, il-valur normali huwa ddeterminat abbażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq (metodu msejjaħ tal-“pajjiż simili”).

4

Skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, ir-regoli ġenerali stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 6 ta’ dak l-Artikolu huma madankollu applikabbli għal ċerti Stati li ma għandhomx ekonomija tas-suq, li fosthom hemm ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, jekk jiġi stabbilit, fuq il-bażi ta’ talbiet li jkunu sostanzjati b’mod xieraq minn wieħed jew iktar produtturi li jkunu suġġetti għall-investigazzjoni antidumping, li l-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq jipprevalu għal dan il-produttur jew produtturi għar-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat.

5

Il-kriterji u l-proċeduri li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq huma ppreċiżati fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku. Dik id-dispożizzjoni tipprovdi:

“ċ) Pretensjoni [talba] skond […] [il-paragrafu 7] (b) trid issir bil-kitba u jkun fiha biżżejjed evidenza illi l-produttur jopera skond il-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq, jiġifieri jekk:

id-deċiżjonijiet tad-ditti rigward il-prezzijiet, l-infiq u inputs oħra, li jinkludu per eżempju l-materja prima, l-ispejjeż fuq it-teknoloġija u tax-xogħol, il-produzzjoni, il-bejgħ u l-investimenti, isiru bi tweġiba għas-sinjali tas-suq filwaqt li jirriflettu l-provvista u d-domanda, u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat f’dan ir-rigward, u n-nefqiet fuq inputs maġġuri jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq,

id-ditti jkollhom sett ċar ta’ reġistrazzjonijiet bażiċi tal-kontabilità li jiġu verifikati indipendentement skond l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u jiġu applikati għall-għanijiet kollha,

l-ispejjeż tal-produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tad-ditti mhumiex soġġetti għal distorsjoni sinjifik[attiva] miġrur [ikkawżata] mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kienitx tas-suq, b’mod partikolari fejn għandhom x’jaqsmu l-iżvalutar tal-beni, qtugħ ieħor mill-kontijiet, in-negozju bl-iskambju ta’ l-oġġetti u l-ħlas permezz ta’ kumpens għad-djun,

id-ditti interessati huma bla ħsara għall-falliment u għal-liġijiet tal-proprjetà li jiggarantixxu ċ-ċertezza u l-istabilità legali għall-operazzjoni tad-ditti, u

il-konversjonijiet tar-rati tal-kambju jitwettqu bir-rata tas-suq.

[…]”

6

Id-dispożizzjonijiet inklużi fl-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament bażiku daħlu fis-seħħ bl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 905/98, tas-27 ta April 1998, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 384/96 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 111). Qabel dik l-emenda, il-valur normali għall-importazzjonijiet provenjenti minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq dejjem ġie kkalkolat skont il-metodu tal-pajjiż simili. Mill-ħames premessa tar-Regolament 905/98 jirriżulta li l-imsemmija emenda ġiet introdotta “sabiex ikunu jistgħu jitqiesu l-kondizzjonijiet ekonomiċi mibdula fir-Russja u fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina”. F’dak ir-rigward, ir-raba’ premessa tal-istess regolament tiddikjara “li l-proċess tar-riforma fir-Russja u fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina bidel l-ekonomiji tagħhom mill-qiegħ u wassal għall-ħolqien ta’ ditti li għalihom jipprevalu l-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq” u li “b’riżultat ta’ dan iż-żewġ pajjiżi tbiegħdu miċ-ċirkostanzi ekonomiċi li spiraw l-użu tal-metodu tal-pajjiż simili”.

7

L-Artikolu 9 tar-Regolament bażiku jirrigwarda l-impożizzjoni ta’ dazji definittivi kif ukoll l-għeluq tal-proċedura mingħajr it-teħid ta’ miżuri. Il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu jipprovdi:

“Dazju ta’ antidumping jiġi impost f’ammonti xierqa f’kull każ, fuq bażi mhux diskriminatorja fuq importazzjonijiet ta’ prodott mill-egħjun kollha li jinstab li kien l-oġġett ta’ dumping u li kkawża l-ħsara […]. Ir-Regolament li jimponi d-dazju għandu jispeċifika d-dazju għal kull fornitur jew, jekk dan mhux prattikabbli, u b’mod ġenerali fejn jgħodd l-Artikolu 2(7)(a), għal kull pajjiż li jissupplixxi kkonċernat.

Madankollu, fejn japplika l-Artikolu 2(7)(a), għandu jiġi speċifikat dazju individwali għall-esportaturi li jistgħu juru, fuq bażi ta’ pretensjonijiet sostanzjati li:

a)

fil-każ ta’ ditti li huma kompletament jew parjalment ta’ sidien barranin jew intrapriżi konġunti, huma liberi li jibgħatu lura lejn pajjiżhom il-kapital u l-profitti;

b)

il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni u l-kwantitajiet u l-kondizzjonijiert u t-termini tal-bejgħ huma determinati liberament;

ċ)

il-maġġoranza ta’ l-ishma jappartjenu lil persuni privati, L-uffiċjali ta’ l-Istat li jidhru fuq il-Bord tad-Diretturi jew li għandhom karigi maniġerjali importanti jew huma fil-minoranza jew għandu jintwera’ li l-kumpannija hi xorta waħda indipendenti biżżejjed mill-indħil [interferenza] ta’ l-Istat;

d)

il-konverżjonijiet tal-kambju jitwettqu skond ir-rata fis-suq; u

e)

l-indħil [interferenza] ta’ l-Istat mhux tali li jippermetti ħelsien mir-restrizzjonijiet ta’ miżuri jekk l-esportaturi individwali jingħatawlhom rati differenti ta’ dazju.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

8

Xinanchem hija kumpannija stabbilita taħt id-dritt Ċiniż, ikkwotata fil-borża ta’ Shanghai (Iċ-Ċina) li tipproduċi u tbigħ fis-suq Ċiniż u fis-suq dinji, partikolarment, il-glifosat li huwa erbiċida kimiku bażiku użat ħafna mill-bdiewa fid-dinja kollha.

9

Permezz tar-Regolament tiegħu (KE) Nru 368/98, tas-16 ta’ Frar 1998 (ĠU L 47, p. 1), il-Kunsill stabbilixxa dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-glifosat li joriġina miċ-Ċina. Dan ir-Regolament ġie emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1086/2000, tat-22 ta’ Mejju 2000 (ĠU L 124, p. 1), u bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 163/2002, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jestendi d-dazju antidumping stabbilit bir-Regolament Nru 368/98 fuq l-importazzjonijiet tal-glifosat li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-importazzjonijiet tal-glifosat ikkunsinnati mill-Malasja jew mit-Tajwan, indipendentment minn jekk dan ġiex dikjarat li joriġina mill-Malasja jew mit-Tajwan, u li jagħlaq l-investigazzjoni li tikkonċerna produttur-esportatur Malasjan u produttur-esportatur Tajwaniż (ĠU L 30, p. 1).

10

Fit-18 ta’ Novembru 2002, wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ skadenza imminenti ta’ miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-glifosat li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU C 120, p. 3), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej irċeviet talba mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Glifosat [European Glyphosate Association (EGA)] għal reviżjoni ta’ dawk il-miżuri skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. Fil-15 ta’ Frar 2003, il-Kummissjoni ppublikat avviż ta’ ftuħ kemm ta’ reviżjoni interim u ta’ reviżjoni abbażi tal-iskadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-glifosat li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina RPĊ (ĠU C 36, p. 18), skont l-Artikolu 11(2) u (3) tar-Regolament bażiku.

11

Fl-4 ta’ April 2003, wara l-ftuħ tal-investigazzjoni, Xinanchem ippreżentat lill-Kummissjoni l-kwestjonarju komplet intiż għall-produtturi li jitolbu l-istatus ta’ impriża li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem “SES”), fejn talbitha tirrikonoxxi li hija kellha dak l-istatus skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, fit-30 ta’ April 2003, dik il-kumpannija ppreżentat ukoll lill-Kummissjoni l-kwestjonarju komplet intiż għall-produtturi-esportaturi tal-glifosat stabbiliti fiċ-Ċina. Sussegwentement, hija rrispondiet għal numru ta’ talbiet minn dik l-istituzzjoni għal iktar informazzjoni u rreaġixxiet għall-osservazzjonijiet tal-EGA, li fihom din opponiet l-għoti tal-imsemmi status lil Xinanchem. Barra minn hekk, mit-2 sal-4 ta’ Settembru 2003, il-Kummissjoni għamlet żjara ta’ verifika fil-fond tar-rikorrenti.

12

Fil-5 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni kkomunikat lil Xinanchem l-intenzjoni tagħha li tirrifjuta t-talba ta’ għoti ta’ SES. Fis-16 u fit-23 ta’ Diċembru 2003, dik il-kumpannija ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq din il-komunikazzjoni. B’ittra tas-6 ta’ April 2004, il-Kummissjoni kkonfermat id-deċiżjoni tagħha li tirrifjuta l-għoti ta’ dak l-istatus lill-imsemmija kumpannija. Fis-7 ta’ April 2004, il-Kummissjoni nnotifikatha bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom hija kellha l-intenzjoni tipproponi miżuri antidumping definittivi. Xinanchem ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq dik il-komunikazzjoni fid-19 ta’ April 2004.

13

Fl-24 ta’ Settembru 2004, fuq proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill stabbilixxa r-Regolament kontenzjuż. Fir-rigward tat-talba għall-għoti ta’ SES ippreżentata minn Xinanchem, il-premessi tlettax sa sbatax ta’ dan ir-Regolament jiddikjaraw:

“13)

Minkejja li l-maġġoranza ta’ l-ishma tal-kumpannija kienu proprjetà ta’ persuni privati, minħabba t-tixrid wiesa’ ta’ l-ishma mhux fil-proprjetà ta’ l-Istat, flimkien mal-fatt li l-Istat kien bla dubju sid ta’ l-akbar blokk ta’ ishma, il-kumpannija nstabet li kienet taħt il-kontroll ta’ l-Istat. Barra minn hekk, il-bord tad-diretturi fil-fatt inħatar mill-azzjonisti ta’ l-Istat u l-maġġoranza tad-diretturi tal-bord kienu jew uffiċjali ta’ l-Istat jew uffiċjali ta’ intrapriżi proprjetà ta’ l-Istat. Għalhekk, ġie stabbilit li l-kumpannija kienet taħt kontroll u influwenza [sinjifikattiva] mill-Istat.

14)

Barra minn hekk, ġie stabbilit li l-gvern tar-RPĊ wera fada [ta] liċ-China Chamber of Commerce Metals, Minerals & Chemicals Importers and Exporters (CCCMC) bid-dritt li jiffirma kuntratti u jivverifika l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni għall-ikklerjar tad-dwana. Din is-sistema inkludiet l-istabbilment ta’ prezz minimu għal esportazzjonijiet ta’ glyphosate u ħalliet lis-CCCMC biex tagħmel veto fuq esportazzjonijiet li ma jirrispettawx dawn il-prezzijiet.

15)

Konsegwentament, wara li l-Kumitat Konsultattiv ġie kkonsultat, ġie deċiż li l-[SES] ma jingħatax lil-Xinanchem minħabba li l-kumpannija ma ssodisfatx il-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku.

16)

Billi Xinanchem ma ngħatatx [SES], il-kumpannija applikat għal trattament individwali, jiġifieri d-determinazzjoni ta’ marġinu ta’ dumping individwali skond il-prezzijiet ta’ esportazzjoni individwali tagħha. Il-Kummissjoni vverifikat jekk din il-kumpannija gawdietx, kemm fil-fatt kif ukoll taħt il-liġi, mil-livell meħtieġ ta’ indipendenza mill-Istat biex tistabbilixxi l-prezz tagħha ta’ esportazzjoni.

17)

F’dan ir-rigward, ġie stabbilit li Xinanchem kienet soġġetta għal kontroll sinifikanti [sinjifikattiv] mill-Istat fir-rigward ta’ l-istabbilment tal-prezzijiet ta’ esportazzjonijiet tagħha tal-prodott konċernat kif imfisser fil-premessa 14 hawn fuq. Kien għalhekk konkluż li Xinanchem ma ssodisfatx ir-rekwiżiti meħtieġa għal trattament individwali kif stabbilit fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.”

14

Peress li t-talba għall-għoti ta’ SES ġiet miċħuda, il-valur normali ġie ddeterminat, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, abbażi tal-informazzjoni miksuba mill-produtturi ta’ pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jiġifieri r-Repubblika Federali tal-Brażil. Għalhekk, ġie stabbilit dazju definittiv ta’ 29.9 % fuq l-importazzjonijiet tal-glifosat li joriġina miċ-Ċina skont l-Artikolu 1 tar-Regolament kontenzjuż.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

15

Permezz ta’ att iddepożitat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Diċembru 2004, Xinanchem ippreżentat rikors intiż għall-annullament tar-Regolament kontenzjuż sa fejn dan jikkonċernha. Waqt il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, intervjenew, minn naħa, l-Association des utilisateurs et distributeurs de l’agrochimie européenne (iktar ’il quddiem “Audace”) insostenn tat-talbiet tal-imsemmija kumpannija u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

16

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel motiv invokat minn Xinanchem, ibbażat fuq il-fatt li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, billi rrifjutaw li jagħtuha l-benefiċċju ta’ SES, kienu kisru l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku. Għalhekk hija annullat l-Artikolu 1 tar-Regolament kontenzjuż sa fejn dan jirrigwarda lil dik il-kumpannija, mingħajr ma eżaminat il-motivi l-oħra invokati minn din tal-aħħar insostenn tar-rikors tagħha.

17

Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, qabel xejn, fil-punti 38 u 39 tas-sentenza appellata, li huwa stabbilit li l-SES ġie rrifjutat lil Xinanchem biss għar-raġuni li din tal-aħħar ma kinitx stabbilixxiet li hija kienet issodisfat il-kriterju stabbilit fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku. Hija żiedet li fil-fatt il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li l-kriterji l-oħra, stabbiliti taħt it-tieni u l-ħames inċiż ta’ din id-dispożizzjoni kienu sodisfatti u li barra minn hekk, hija ma kienet għamlet l-ebda oġġezzjoni għal dak li jirrigwarda l-aħħar kundizzjoni li tinsab fl-ewwel inċiż tal-imsemmija dispożizzjoni, li tistabbilixxi li l-ispejjeż tal-inputs maġġuri għandhom jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq.

18

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel parti tal-analiżi tagħha mwettqa fil-punti 43 sa 109 tas-sentenza appellata, eżaminat l-ilmenti li jikkonċernaw il-motivi ta’ rifjut stabbiliti fil-premessa tlettax tar-Regolament kontenzjuż, jiġifieri dawk relatati mal-kontroll eżerċitat mill-Istat fuq Xinanchem kif ukoll dawk li jikkonċernaw il-ħatra u l-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi ta’ dik il-kumpannija.

19

F’dak il-kuntest, hija rrilevat, fil-punti 80 sa 82 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill u l-Kummissjoni llimitaw ruħhom li jikkonstataw l-eżistenza tal-kontroll statali abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet dwar il-qsim tal-azzjonijiet tal-imsemmija kumpannija, mingħajr riferiment għall-kwistjoni dwar b’liema mod dan il-kontroll kien jew seta’ jkun eżerċitat fil-prattika, u li kien meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-konstatazzjoni ta’ tali kontroll timplikax neċessarjament l-eżistenza ta’ “interferenza [sinjifikattiva] mill-Istat” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

20

F’dak ir-rigward, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punti 84 u 85 tas-sentenza appellata, li mill-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li l-eżistenza ta’ interferenza sinjifikattiva mill-Istat għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-mod kif jittieħdu d-“deċiżjonijiet tad-ditti rigward il-prezzijiet, l-infiq u inputs oħra”. Fil-fatt, l-istess dispożizzjoni teżiġi min-naħa tal-produttur-esportatur ikkonċernat li juri li d-deċiżjonijiet tiegħu jittieħdu, minn naħa, “bi tweġiba għas-sinjali tas-suq” u, min-naħa l-oħra, “mingħajr interferenza sinjifikattiva mill-Istat”. Konsegwentement, imġiba tal-Istat li ma tkunx ta’ natura li tinfluwenza dawn id-deċiżjonijiet ma tistax tikkostitwixxi “interferenza [sinjifikattiva]” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. Barra minn hekk, fid-dawl tal-kliem ta’ din tal-aħħar, tal-għan tagħha u tal-kuntest tagħha, il-kunċett ta’ “interferenza [sinjifikattiva] mill-Istat” ma jistax jiġi assimilat ma’ kull interferenza fuq l-attivitajiet ta’ impriża jew ma’ kull implikazzjoni fil-proċessi deċiżjonali tagħha, iżda għandu jinftiehem bħala azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi li hija ta’ natura li tagħmel id-deċiżjonijiet tagħha inkompatibbli mal-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq.

21

Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 88 tal-imsemmija sentenza li l-kundizzjoni inkwistjoni għandha l-għan li tivverifika jekk id-deċiżjonijiet rilevanti tal-produtturi-esportaturi kkonċernati humiex iggwidati minn kunsiderazzjonijiet purament kummerċjali, speċifiċi għal impriża li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq, jew jekk humiex jiġu mxekkla minn kunsiderazzjonijiet oħra, speċifiċi għall-ekonomiji tal-Istat.

22

Barra minn hekk, fil-punti 89 u 90 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-Istati msemmija, minkejja r-riformi li saru fihom, ma humiex ikkunsidrati bħala Stati li għandhom ekonomija tas-suq, u li huwa leġittimu għall-Kunsill u għall-Kummissjoni li jieħdu inkunsiderazzjoni, fl-eżami tagħhom tal-provi prodotti minn produttur ta’ tali pajjiż, iċ-ċirkustanza li l-impriża kkonċernata hija kkontrollata mill-Istat.

23

Fil-punti 91 u 92 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet li l-kontroll statali, hekk kif ikkonstatat fil-kawża preżenti, fih innifsu ma huwiex inkompatibbli mat-teħid tad-deċiżjonijiet kummerċjali mill-impriża kkonċernata skont il-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq. Issa, l-approċċ li ddefenda l-Kunsill, li jassimila l-kontroll statali ma’ “interferenza [sinjifikattiva] mill-Istat”, iwassal sabiex jeskludi, bħala regola, il-kumpanniji kkontrollati mill-Istat mill-benefiċċju ta’ SES, indipendentement kemm mill-kuntest konkret li fih huma joperaw kif ukoll mill-provi li huma ppreżentaw f’dan ir-rigward.

24

F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, li d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-ħatra u l-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi ta’ Xinanchem ma jippermettux, fid-dawl tal-kontenut tal-proċess, li jpoġġu fid-dubju l-fatt li l-kontroll li l-Istat jeżerċita fis-soċjetà jibqa’ fil-limiti tal-mekkaniżmi normali tas-suq.

25

Minn dan, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 97 tas-sentenza appellata, li, peress li l-kriterju tal-kontroll statali ma jidhirx espliċitament fost il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku u peress li tali kontroll fih innifsu ma huwiex suffiċjenti sabiex juri l-eżistenza ta’ “interferenza [sinjifikattiva] mill-Istat” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-approċċ tal-Kunsill huwa inkompatibbli mas-sistema li stabbilixxa huwa stess. Wara li fakkret, fil-punt 99 tal-istess sentenza, li l-oneru tal-prova huwa fuq il-produttur, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li Xinanchem forniet provi differenti, liema provi madankollu ġew ikkunsidrati bħala irrilevanti minħabba dak l-approċċ. Fil-punt 102 tal-imsemmija sentenza, hija kkunsidrat li, f’dawn il-kundizzjonijiet, iċ-ċirkustanzi msemmija fil-premessa 13 tar-Regolament kontenzjuż ma jippermettux li tiġi ġġustifikata l-konklużjoni li wasal għaliha l-Kunsill.

26

Konsegwentement, fil-punt 109 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ilmenti ta’ Xinanchem dwar l-evalwazzjoni magħmula mill-Kunsill fuq il-kontroll eżerċitat mill-Istat fuq dik il-kumpannija kif ukoll fuq il-ħatra u l-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi ta’ din tal-aħħar. Għall-kuntrarju, hija ma ddeċidietx fuq il-kwistjoni dwar jekk il-provi prodotti mill-imsemmija kumpannija kinux suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-kundizzjoni stabbilita fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku kienet sodisfatta, billi kkunsidrat li din l-evalwazzjoni hija rriżervata għall-Kunsill u għall-Kummissjoni.

27

Fl-aħħar, fit-tieni parti tal-analiżi tagħha, imwettaq fil-punti 110 sa 159 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ilmenti relatati mal-motivi għal rifjut stabbiliti fil-premessi 14 u 17 tar-Regolament kontenzjuż, jiġifieri dawk li jikkonċernaw l-istabbiliment tal-prezz għall-esportazzjoni.

28

Wara li ċaħdet, fil-punti 114 sa 120 tas-sentenza appellata, l-ewwel wieħed minn dawk l-ilmenti, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill interpreta b’mod żbaljat l-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament bażiku billi kkunsidra li l-bejgħ għall-esportazzjoni huwa rilevanti għall-eżami tat-talba intiża sabiex jinkiseb il-benefiċċju ta’ SES, il-Qorti Ġenerali evalwat it-tieni lment, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-evalwazzjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-prezzijiet għall-esportazzjoni tal-imsemmija kumpannija hija vvizzjata minn żball manifest.

29

Fil-punt 137 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, qabel xejn fakkret li hija Xinanchem li għandha tipprova li l-bejgħ tagħha għall-esportazzjoni kien konformi mal-imġiba ta’ impriża li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq u, b’mod partikolari, li hija kienet libera li tiddeċiedi prezzijiet għall-esportazzjoni, skont kunsiderazzjonijiet purament kummerċjali u mingħajr interferenza sinjifikattiva mill-Istat. Sussegwentment hija rrilevat, fil-punt 139 tal-imsemmija sentenza, li l-istituzzjonijiet ikkunsidraw li l-Istat kien jeżerċita kontroll sinjifikattiva fuq din il-kumpannija, permezz tal-mekkanżimu ta’ approvazzjoni tal-kuntratti għall-esportazzjoni mill-kamra tal-kummerċ Ċiniża li tirrappreżenta l-importaturi u l-esportaturi tal-metall, tal-minerali u tal-prodotti kimiċi (iktar ’il quddiem is-“CCCMC”). Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 140 tal-istess sentenza, li kien hemm lok li jiġi vverifikat jekk, fid-dawl tal-provi ppreżentati mill-imsemmija kumpannija matul l-investigazzjoni, l-istituzzjonijiet setgħux jikkunsidraw, mingħajr ma jwettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni, li r-raġuni relatata mal-imsemmi mekkaniżmu tippermetti li jiġi kkonstatat li din tal-aħħar ma kinitx stabbilixxiet li hija kienet issodisfat il-kundizzjoni inkwistjoni.

30

F’dak ir-rigward il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fl-ewwel lok, fil-punt 141 tas-sentenza appellata, li mid-dikjarazzjonijiet ta’ Xinanchem li huma sostnuti mill-ktejjeb tas-CCCMC u minn ittra tal-EGA jirriżulta li l-mekkaniżmu inkwistjoni ġie stabbilit fuq inizjattiva tal-produtturi tal-glifosat, membri tas-CCCMC, li hija organizzazzjoni mhux governattiva, bil-għan li tiġi ffaċilitata l-konformità tagħhom mal-leġiżlazzjonijiet antidumping u li jipproteġu lilhom infushom kontra l-ilmenti. Huwa minn din il-perspettiva li l-Gvern Ċiniż introduċa miżuri li jagħtu lis-CCCMC id-dritt li tapprova l-kuntratti u tivverifika l-prezzijiet għall-esportazzjoni bil-għan tal-iżdoganament.

31

Fit-tieni lok, hija rrilevat, fil-punt 142 tal-imsemmija sentenza, li jirriżulta mill-atti tal-proċess u minn dokument tas-CCCMC li l-prezz ġie stabbilit mill-membri nnifishom tal-grupp ta’ produtturi tal-glifosat.

32

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punti 143 sa 150 tas-sentenza appellata, li Xinanchem ippreżentat serje ta’ provi, li fosthom hemm dikjarazzjonijiet kemm min-naħa tagħha stess kif ukoll min-naħa tas-CCCMC kif ukoll fatturi u kuntratti ta’ bejgħ għall-esportazzjoni ta’ natura li juru li l-prezz inkwistjoni ma kienx vinkolanti fil-perijodu ta’ investigazzjoni u li dik il-kumpannija kienet libera li tistabbilixxi l-prezzijiet għall-esportazzjoni għal livell iktar baxx minn dak stabbilit mill-membri tal-imsemmi grupp.

33

Min dan kollu, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 151 tas-sentenza appellata, li dawk il-provi setgħu juru li l-mekkaniżmu ta’ approvazzjoni tal-kuntratti għall-esportazzjoni ma kienx ġie impost mill-Istat, li l-prezz kien ġie stabbilit mill-produtturi tal-glifosat li kienu membri stess tas-CCCMC u li ma kienx wassal għal restrizzjoni effettiva għal dak li jirrigwarda l-attivitajiet ta’ Xinanchem għall-esportazzjoni. Għaldaqstant, hija kkunsidrat li, mingħajr ma jikkontestaw il-karattru probatorju jew suffiċjenti ta’ dawn l-elementi, l-istituzzjonijiet ma setgħux jikkonkludu, mingħajr ma jwettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni li, permezz tal-imsemmi mekkaniżmu, l-Istat kien eżerċita kontroll sinjifikattiva fuq il-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat u li dan il-mekkaniżmu jammonta għal “interferenza [sinjifikattiva] mill-Istat” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

34

Fil-punti 152 sa 159 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li dawn il-provi u dawn id-dikjarazzjonijiet ma ġewx ikkontestati mill-istituzzjonijiet u ddeċidiet li l-evalwazzjoni ta’ dawn tal-aħħar relatata mar-rwol tas-CCCMC ma kinitx suffiċjenti, fid-dawl tal-elementi kollha ppreżentati minn Xinanchem matul l-investigazzjoni, sabiex isservi bħala bażi għar-rifjut tal-għoti ta’ SES. Għaldaqstant, hija laqgħet l-ilment ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kunsill fir-rigward tal-istabbiliment tal-prezzijiet għall-esportazzjoni tal-imsemmija kumpannija.

35

Fl-aħħar nett, fil-punt 60 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fir-rigward tal-argument tal-Kunsill li, sabiex tirbaħ il-kawża, Xinanchem kellha turi li kienet il-konklużjoni ġenerali fir-rigward tal-eżistenza ta’ interferenza sinjifikattiva mill-Istat li kienet ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-motivi esposti fil-premessi 13, 14 u 17 tar-Regolament kontenzjuż ma jistgħux, anki jekk meħuda flimkien, jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ għoti ta’ SES. Wara li fakkret il-konklużjoni tagħha li fl-analiżi tagħhom, l-istituzzjonijiet ma kkunsidrawx l-provi kollha rilevanti li ġew invokati minn dik il-kumpannija, hija kkonstatat li l-iżbalji b’hekk imwettqa jivvizzjaw ukoll il-konklużjoni ġenerali li wasal għaliha l-Kunsill.

L-iżviluppi li seħħew matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

36

Fuq talba tal-EGA, il-Kummissjoni, fid-29 ta’ Settembru 2009, fetħet proċedura ta’ eżami mill-ġdid minħabba l-iskadenza tar-Regolament kontenzjuż, fejn stiednet lill-esportaturi-produtturi kollha kkonċernati, li fosthom kien hemm Xinanchem, sabiex jikkooperaw magħha. Peress li kkunsidrat li hija ma kinitx obbligata, fid-dawl tal-effetti tas-sentenza appellata, li tipparteċipa f’dik il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, din il-kumpannija, fit-30 ta’ Diċembru 2009, ippreżentat talba għal miżuri provviżorji quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja intiża sabiex tikseb in-nuqqas ta’ sospensjoni tal-effetti tas-sentenza appellata fil-pendenzi tal-eżitu tal-appell ippreżentat mill-Kunsill kontra din tal-aħħar.

37

Fil-11 ta’ Frar 2010, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 126/2010 li jestendi s-sospensjoni tad-dazju definittiv kontra d-dumping impost bir-Regolament (KE) Nru 1683/2004 (ĠU L 40, p. 1). Din il-proroga saret wara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/383/KE, tal-14 ta’ Mejju 2009, li tissospendi d-dazji definittivi ta’ anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/2004 (ĠU L 120, p. 20), sospensjoni stabbilita għal perijodu ta’ disa’ xhur.

38

Fit-13 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1187/2010 li jtemm il-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ glifosat li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 332, p. 31), li ħassar, sa mid-dħul fis-seħħ tiegħu fis-17 ta’ Diċembru 2010, il-miżuri antidumping relatati ma’ dawk l-importazzjonijiet u għalaq il-proċedura li tikkonċernahom.

39

Permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Mejju 2011, Il-Kunsill vs Xinanchem Industrial Group (C-337/09 P-R), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li, wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1187/2010, ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal miżuri provviżorji.

It-talbiet tal-partijiet

40

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata u tiċħad ir-rikors ippreżentat minn Xinanchem għall-finijiet tal-annullament tar-Regolament kontenzjuż,

sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lil Xinanchem għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

41

Xinanchem titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell fl-intier tiegħu bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat,

b’mod iktar sussidjarju, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tilqa’ l-appell parzjalment jew fl-intier tiegħu, tikkonferma d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, li l-istituzzjonijiet ma rrispettawx id-drittijiet tad-difiża, u abbażi ta’ dan tannulla l-Artikolu 1 tar-Regolament kontenzjuż sa fejn dan jikkonċernaha, u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

42

Audace titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel aggravju tal-appell u li tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

43

Insostenn tal-appell tiegħu, il-Kunsill jinvoka tliet aggravji diretti kontra l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali, tal-motivi għal rifjut esposti fil-premessa 13 tar-Regolament kontenzjuż u għalhekk tal-effett tal-parteċipazzjoni tal-Istat fil-kapital ta’ Xinanchem, tal-motivi għal rifjut esposti fil-premessa 14 tar-Regolament kontenzjuż u għalhekk tal-mekkaniżmu ta’ approvazzjoni tal-kuntratti għall-esportazzjoni mħaddem mis-CCCMC kif ukoll tal-argument tal-Kunsill li ma kienx suffiċjenti li l-motivi jiġu kkontestati separatament.

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq il-konsegwenzi tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 1187/2010

44

Wara li ġie mistieden mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kunsill ippreċiża, permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Jannar 2011, li huwa jsostni l-appell tiegħu għal żewġ raġunijiet. Fl-ewwel lok, ir-rinunzja għal-atti jkollha bħala konsegwenza li r-Regolament kontenzjuż, sa fejn dan jikkonċerna lil Xinanchem, ikun annullat b’effett ex tunc, filwaqt li, f’każ li jintlaqa’ l-appell, dan ir-regolament ikun interament validu sat-tħassir tiegħu bir-Regolament Nru 1187/2010. Fit-tieni lok, is-sentenza appellata tqajjem kwistjonijiet importanti ta’ prinċipju relatati mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, li għandhom implikazzjonijiet li jmorru lil hinn mill-kawża preżenti.

45

Wara li ngħata d-digriet Il-Kunsill vs Xinanchem Industrial Group, iċċitata iktar ’il fuq, Xinanchem, permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Ġunju 2011, talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq l-appell. Hija kkunsidrat li tali konstatazzjoni hija dovuta b’mod partikolari fid-dawl tal-punt 44 ta’ dan id-digriet, li jistabbilixxi li l-interess fis-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet legali li jistgħu jinqalgħu fil-futur f’każijiet simili għal dak li ta lok għat-talba għal miżuri provviżorji ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jiġġustifika ż-żamma ta’ din tal-aħħar.

46

F’dak ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddikjara appell inammissibbli meta fatt li jseħħ wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali jkun neħħa n-natura dannuża tagħha għall-appellant. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ interess ġuridiku tippreżumi li l-appell jista’, permezz tar-riżultat tiegħu, iwassal għal benefiċċju għal min iressqu (ara s-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 1995, Rendo et vs Il-Kummissjoni, C-19/93 P, Ġabra p. I-3319, punt 13 ; u d-digrieti tal-25 ta’ Jannar 2001, Lech-Stahlwerke vs Il-Kummissjoni, C-111/99 P, Ġabra p. I-727, punt 18 u tat-8 ta’ April 2008, Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il-Kummissjoni, C-503/07 P, Ġabra p. I-2217, punt 48).

47

Madankollu għandu jiġi kkonstatat li l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1187/2010 bl-ebda mod ma xejnet il-konsegwenzi li twassal għalihom is-sentenza appellata għall-Kunsill.

48

Fil-fatt, is-sentenza appellata annullat ir-Regolament kontenzjuż, sa fejn dan jikkonċerna lil Xinanchem, b’effett ex tunc, u dan jimplika li, sakemm din is-sentenza ma tiġix annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja, dan ir-regolament huwa kkunsidrat li qatt ma pproduċa effetti fir-rigward ta’ din il-kumpannija. Għall-kuntrarju, ir-Regolament Nru 1187/2010 jħassar ir-Regolament kontenzjuż biss sa mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, jiġifieri mis-17 ta’ Diċembru 2010.

49

Konsegwentement, li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tilqa’ l-appell tal-Kunsill u tiċħad ir-rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali minn Xinanchem kontra r-Regolament kontenzjuż, minn dan ikun jirriżulta li dan tal-aħħar jipproduċi b’mod sħiħ effetti fuq is-sistema legali tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ bejn id-data tal-adozzjoni tiegħu, l-24 ta’ Settembru 2004, u dik tat-tħassir tiegħu, li seħħ fis-17 ta’ Diċembru 2010. Għaldaqstant huwa stabbilit li l-appell għadu jista’, permezz tar-riżultat tiegħu, ikun ta’ benefiċċju għall-Kunsill.

50

Għalhekk is-sitwazzjoni hija fundamentalment differenti minn dik li tat lok għad-digriet Il-Kunsill vs Xinanchem Industrial Group, iċċitat iktar ’il fuq, li kienet ikkaratterizzata mill-fatt li r-raġunijiet invokati minn Xinanchem insostenn tat-talba tagħha għal miżuri provviżorji ma baqgħux iktar eżistenti sa mill-mument tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1187/2010, b’tali mod li din it-talba min dak il-mument kienet immotivata sempliċement mill-interess li s-soluzzjoni għal kwistjonijiet legali mqajma jista’ jkollha fir-rigward ta’ każijiet simili futuri u mir-riskju ipotetiku li l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, fil-futur, li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura antidumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet tal-glifosat li joriġina miċ-Ċina (ara l-punti 39 sa 48 tal-imsemmi digriet).

51

Jeħtieġ li jiżdied ukoll li lanqas ma jidher li l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1187/2010 kellha bħala konsegwenza t-tmiem tal-kwistjoni bejn il-partijiet u li, għaldaqstant, lanqas li l-appell sar mingħajr skop minħabba din ir-raġuni (ara b’analoġija, b’mod partikolari, id-digriet tal-1 ta’ Diċembru 2004, UASI vs Zapf Creation, C-498/01 P, Ġabra p. I-11349, punt 12 u s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C-27/09 P, Ġabra p. I-13427, punt 48).

52

Fil-fatt, il-Kunsill baqa’ jsostni li huwa kien iġġustifikat li jirrifjuta l-benefiċċju ta’ SES fil-konfront ta’ Xinanchem u li r-Regolament kontenzjuż kellu japplika għal din il-kumpannija sad-data tat-tħassir tiegħu.

53

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-appell ma sarx inammissibbli minħabba l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1187/2010.

Fuq l-aggravji l-oħra invokati dwar l-inammissibbiltà

54

Xinanchem issostni li l-appell huwa inammissibbli minħabba li l-Kunsill jikkontesta l-konstatazzjonijiet ta’ fatt u l-evalwazzjonijiet relatati mal-provi mwettqa mill-Qorti Ġenerali, mingħajr ma indika l-iżball ta’ liġi li wettqet din tal-aħħar.

55

F’dak ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Eworopea jirriżulta li l-Qorti Ġenerali biss għandha l-kompetenza, minn naħa, li tikkonstata l-fatti u min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Huwa biss fl-ipoteżi fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjoni tal-fatti, imwettqa mill-Qorti Ġenerali, tkun tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha jew f’każ ta’ żnaturament tal-provi ammessi insostenn ta’ dawk il-fatti li dik il-konstatazzjoni jew dik l-evalwazzjoni tal-imsemmija provi, jkunu jikkostitwixxu punti ta’ liġi suġġetti għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza li teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ dwar il-kwalifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li tkun waslet għalihom il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ dawn il-fatti (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Schneider Electric, C-440/07 P, Ġabra p. I-6413, punti 103 u 104, kif ukoll tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni, C-352/09 P, Ġabra p. I-2359), punti 179 u 180 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56

Issa, permezz tal-ewwel aggravju tal-appell tiegħu, il-Kunsill jallega li l-Qorti Ġenerali interpretat b’ mod żbaljat l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku u, li abbażi ta’ dik l-interpretazzjoni, kklassifikat b’mod żbaljat il-fatti li kienu ġew rilevati fir-Regolament kontenzjuż, u b’mod partikolari ċ-ċirkustanza li Xinanchem kienet de facto kkontrollata mill-Istat, bħala insuffiċjenti sabiex waħidhom jistabbilixxu l-eżistenza ta’ “interferenza [sinjifikattiva] mill-Istat” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, sabiex jiġi rrifjutat il-benefiċċju ta’ SES fil-konfront ta’ din il-kumpannija, mingħajr ma kkunsidrat il-provi prodotti minn din tal-aħħar.

57

Għaldaqstant dan l-aggravju ma jirrigwardax il-konstatazzjoni tal-fatti jew l-evalwazzjoni tal-provi mill-Qorti Ġenerali, iżda l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-liġi u l-applikazzjoni tagħha għall-fatti kif ġew ikkonstatati mill-Kunsill.

58

Fir-rigward tat-tieni aggravju invokat insostenn tal-appell, dan huwa bbażat partikolarment fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali, billi kkonstatat żball manifest tal-Kunsill u tal-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tagħhom tal-mekkaniżmu ta’ approvazzjoni tal-kuntratti għall-esportazzjoni mħaddem mis-CCCMC, interpretat b’mod żbaljat il-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li dawn l-istituzzjonijiet għandhom għall-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku. Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kwistjoni dwar il-portata tas-setgħa ta’ evalwazzjoni li għandhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi u, f’dak il-kuntest, dik tal-limiti tal-istħarriġ mill-qrati tal-Unjoni tal-eżerċizzju ta’ tali setgħa huma punti ta’ liġi suġġetti għall-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

59

Fir-rigward tat-tielet aggravju tal-appell, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kunsill jinvoka, insostenn ta’ dan l-aggravju, l-istess żbalji legali allegatament mwettqa mill-Qorti Ġenerali bħal dawk li jikkostitwixxu l-bażi għall-ewwel u t-tieni aggravji. Konsegwentement, il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 56 sa 58 ta’ din is-sentenza japplikaw ukoll għat-tielet aggravju.

60

Barra minn hekk, Xinanchem teċċepixxi l-inammissibbiltà tal-appell minħabba li l-Kunsill għandu l-intenzjoni li jimponi l-interpretazzjoni tiegħu tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, kif kien applikaha waqt l-investigazzjoni amministrattiva u ddefendiha waqt il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, liema interpretazzjoni ġiet madankollu ċċensurata minn din tal-aħħar. Għalhekk l-appell ikun jikkostitwixxi sempliċi ripetizzjoni tal-argumenti li diġà tressqu quddiem il-Qorti Ġenerali.

61

F’dak ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, peress li l-appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi mill-ġdid waqt l-appell. Fil-fatt, li kieku l-appellant ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq argumenti diġà użati quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura tal-appell titlef parti mis-sens tagħha (ara s-sentenzi tat-23 ta’ April 2009, AEPI vs Il-Kummissjoni, C-425/07 P, Ġabra p. I-3205, punt 24 u tad-29 ta’ Lulju 2010, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C-54/09 P, Ġabra p. I-7537, punt 43).

62

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-appell għandu jiġi ddikjarat bħala ammissibbli.

Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel aggravju, relatat mal-effett tal-parteċipazzjoni tal-Istat fil-kapital ta’ Xinanchem

– L-argumenti tal-partijiet

63

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “interferenza [sinjifikattiva] mill-Istat” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, billi ddeċidiet li ċ-ċirkustanza li t-tqassim tal-azzjonijiet kien jippermetti lill-azzjonisti pubbliċi li jikkontrollaw lil Xinanchem ma kinitx tekwivali awtomatikament għal tali interferenza.

64

Fl-ewwel lok, tali interpretazzjoni hija kuntrarja għall-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni u telimina r-rekwiżit tan-nuqqas ta’ interferenza sinjifikattiva mill-Istat bħala kriterju awtonomu. Fit-tieni lok, dik l-interpretazzjoni ma tikkorrispondix mas-sens normali tat-terminu “[sinjifikattiva]”, li jirreferi għal-livell ta’ interferenza mill-Istat u mhux għat-tip jew għall-effett ta’ din tal-aħħar. Fit-tielet lok, hija kuntrarja għar-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 2(7)(b) u (c) tar-Regolament bażiku minħabba n-natura eċċezzjonali tiegħu. Fir-raba’ lok, l-interpretazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali tinjora l-fatt li l-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku u li SES ma jistax jingħata lil produttur li lanqas ma jissodisfa l-kundizzjonijiet rikjesti għall-kisba tal-benefiċċju ta’ trattament individwali. Fil-ħames lok, l-interpretazzjoni ammessa mill-Qorti Ġenerali twassal għal inverżjoni tal-oneru tal-prova u għal riżultati mhux prattikabbli.

65

Xinanchem u Audace jikkunsidraw li l-argumenti invokati mill-Kunsill u mill-Kummissjoni huma infondati u li l-Qorti Ġenerali ġustament ċaħdet l-interpretazzjoni proposti minn dawk l-istituzzjonijiet minħabba l-fatt li din twassal għall-istabbilment ta’ kundizzjonijiet li jmorru lil hinn minn dawk stabbiliti fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

– L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

66

Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet li ġejjin minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, b’deroga mir-regoli stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 6 tal-istess artikolu, il-valur normali huwa, fil-prinċipju, iddeterminat abbażi tal-prezz jew tal-valur stabbilit f’pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq. Għalhekk, dik id-dispożizzjoni hija intiża sabiex jiġi evitat it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ prezzijiet u spejjeż fis-seħħ fil-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq sa fejn dawn il-parametri ma humiex ir-riżultat normali tal-forzi li jaġixxu fis-suq (ara s-sentenzi tad-29 ta’ Mejju 1997, Rotexchemie, C-26/96, Ġabra p. I-2817, punt 9, u tat-22 ta’ Marzu 2012, GLS, C-338/10, punt 20).

67

Madankollu, bis-saħħa tal-Artikolu 2(7)(b) tal-imsemmi artikolu, fil-każ tal-investigazzjonijiet antidumping li jirrigwardaw l-importazzjonijiet provenjenti b’mod partikolari miċ-Ċina, il-valur normali jrid jiġi stabbilit skont l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku, jekk ikun muri, fuq il-bażi tat-talbiet issostanzjati kif xieraq minn produttur wieħed jew iktar li jkunu suġġetti għall-investigazzjoni u skont il-kriterji u l-proċeduri stabbiliti fl-istess paragrafu 7(ċ), illi jipprevalu l-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq għal dan il-produttur jew dawn il-produtturi fir-rigward tal-fabbrikazzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat.

68

Mir-raba’ u mill-ħames premessi tar-Regolament Nru 905/98 jirriżulta li l-introduzzjoni fir-Regolament bażiku tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) ta’ dan tal-aħħar kienet immotivata mill-fatt li r-riformi mwettqa partikolarment fiċ-Ċina biddlu b’mod fundamentali l-ekonomija ta’ dan il-pajjiż u wasslu għall-ħolqien ta’ impriżi suġġetti għal kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq, b’tali mod li dan il-pajjiż evita s-sistema ekonomika li kienet iġġustifikat ir-rikors sistematiku għall-metodu tal-pajjiż simili.

69

Madankollu, sa fejn, minkejja dawn ir-riformi, ir-Repubblika popolari taċ-Ċina mhux dejjem tikkostitwixxi pajjiż b’ekonomija tas-suq li għall-esportazzjonijiet tiegħu japplikaw awtomatikament ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku, kull produttur li jkun jixtieq li jibbenefika minn dawn ir-regoli huwa obbligat skont il-paragrafu 7(ċ) tal-istess artikolu, li jipproduċi provi suffiċjenti, bħal dawk speċifikati f’din l-aħħar dispożizzjoni, li juru li huwa jopera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq.

70

Huma l-Kummissjoni u l-Kunsill li għandhom jevalwaw jekk l-elementi pprovduti mill-produttur ikkonċernat humiex suffiċjenti sabiex jintwera li l-kriterji stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 2(7)(ċ) huma sodisfatti sabiex dan jingħata l-benefiċċju tal-imsemmi status u hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika jekk din l-evalwazzjoni hijiex ivvizzjata minn żball manifest (ara s-sentenza tat-2 ta’ Frar 2012, Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill, C-249/10 P, punt 32).

71

Huwa stabbilit li, f’dan il-każ, il-benefiċċju ta’ SES ġie rrifjutat fil-konfront ta’ Xinanchem sempliċiment minħabba li hija ma stabbilixxietx li hija tissodisfa l-kriterju stabbilit fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, filwaqt li l-kriterji l-oħra ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni bħala ssodisfatti.

72

Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, il-produttur għandu jippreżenta provi suffiċjenti ta’ natura li tistabbilixxi li d-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-inputs, pereżempju tal-materji primi, tat-teknoloġija, tax-xogħol tal-id, tal-produzzjoni, tal-bejgħ u tal-investimenti, jittieħdu billi jiġu kkunsidrati s-sinjali tas-suq li jirriflettu l-offerta u d-domanda u mingħajr interferenza sinjifikattiva mill-Istat f’dak ir-rigward u li l-ispejjeż tal-inputs prinċipali jirriflettu fil-parti l-kbira tagħhom il-valuri fuq is-suq.

73

Għalhekk, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, minn naħa, kundizzjoni doppja fir-rigward ta’ ċerti deċiżjonijiet kummerċjali tal-produttur kif ukoll, min-naħa l-oħra, kundizzjoni relatata mal-ispejjeż effettivi tal-inputs prinċipali.

74

Kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 39 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ma ressqet l-ebda oġġezzjoni fir-rigward tal-kundizzjoni li bis-saħħa tagħha l-ispejjeż tal-inputs prinċipali għandhom jirriflettu fil-parti l-kbira tagħhom il-valuri tas-suq. Għaldaqstant, id-diżgwid bejn il-partijiet jirrigwarda esklużivament l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-imsemmija kundizzjoni doppja, li bis-saħħa tagħha l-produttur għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-inputs billi jieħu kont tas-sinjali tas-suq u mingħajr interferenza sinjifikattiva mill-Istat f’dan ir-rigward.

75

B’mod iktar preċiż, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tat-tieni element ta’ din il-kundizzjoni doppja, billi jsostnu, essenzjalment, li l-kontroll statali, kif ġie deskritt fil-premessa 13 tar-Regolament kontenzjuż, kien jekwivali awtomatikament għal “interferenza [sinjifikattiva] mill-Istat” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku. Konsegwentement, b’mod kuntrarju għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, il-Kunsill u l-Kummissjoni kienu fondati meta rrifjutaw il-benefiċċju ta’ SES fil-konfront ta’ Xinanchem mingħajr ma ħadu inkunsiderazzjoni l-provi prodotti minn din il-kumpannija sabiex turi li d-deċiżjonijiet tagħha rigward il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-inputs kienu jittieħdu b’osservanza tal-imsemmija kundizzjoni doppja.

76

Fil-premessa 13 tar-Regolament kontenzjuż, il-Kunsill ikkonstata li, minkejja l-fatt li l-maġġoranza tal-partijiet tal-kapital ta’ Xinanchem kienu miżmuma minn persuni provati, din il-kumpannija kienet ikkontrollata mill-Istat minħabba t-telf kbir ta’ azzjonijiet privati u minħabba li l-Istat kellu l-ikbar ammont ta’ azzjonijiet. L-istess kunsiderazzjoni tippreċiża li, barra minn hekk, il-bord tad-diretturi kien inħatar mill-azzjonisti pubbliċi u li l-parti l-kbira tad-diretturi kienu uffiċjali tal-Istat jew kienu ġejjin minn impriżi pubbliċi.

77

Fir-rigward ta’ din l-aħħar konstatazzjoni, il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt la mill-Kunsill u lanqas mill-Kummissjoni, irrilevat fil-punti 94 u 95 tas-sentenza appellata li, fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-dikjarazzjoni relatata mal-ħatra tal-bord tad-diretturi, jirriżulta mill-proċess li din hija marbuta mal-fatt li, minħabba t-telf tal-azzjonijiet privati, l-azzjonisti pubbliċi kienu jikkontrollaw il-laqgħa ġenerali, li teleġġi l-membri tal-bord tad-diretturi, b’tali mod li dawn l-azzjonisti jiddeċiedu, fil-prattika, dwar il-kompożizzjoni ta’ dak il-bord. Fir-rigward, fit-tieni lok, tad-dikjarazzjoni li l-parti l-kbira tad-diretturi kienu uffiċjali tal-Istat jew ġejjin minn impriżi pubbliċi, il-Qorti Ġenerali rrilevat li din tal-aħħar kienet ibbażata wkoll fuq is-sempliċi fatt li Xinanchem hija kkontrollata mill-Istat u, partikolarment, fuq iċ-ċirkustanza li tlieta minn disa’ diretturi kienu marbuta ma’ din il-kumpannija permezz ta’ relazzjoni ta’ impjieg jew permezz ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi.

78

Issa, għandu jiġi kkonstatat li kien b’mod ġust li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, partikolarment fil-punti 98 u 107 tas-sentenza appellata, li kontroll statali, bħal dak irrilevat f’dan il-każ, ma jistax jiġi assimilat, fil-prinċipju, ma’ “interferenza [sinjifikattiva] mill-Istat” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku u ma jistax għaldaqstant jeżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni mill-obbligu li jieħdu inkunsiderazzjoni l-provi, prodotti mill-produttur ikkonċernat, relatati mal-kuntest fattwali, legali u ekonomiku konkret li fih kien jopera dan tal-aħħar.

79

Fil-fatt, mill-kliem tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku jirriżulta b’mod ċar li din id-dispożizzjoni ma tindirizzax l-interferenzi statali ta’ kull natura fl-impriżi produttriċi, iżda unikament dawk relatati ma’ deċiżjonijiet ta’ dawn tal-aħħar fir-rigward tal-prezzijiet u l-ispejjeż tal-inputs.

80

Barra minn hekk, l-użu tat-terminu “interferenza” jindika li ma huwiex suffiċjenti li l-Istat jista’ jkollu ċerta influwenza fuq l-imsemmija deċiżjonijiet, iżda jimplika indħil effettiv f’dawn tal-aħħar.

81

Barra minn hekk, l-interferenza fid-deċiżjonijiet tal-produttur fir-rigward tal-prezzijiet u l-ispejjeż tal-inputs għandha tkun “sinjifikattiva”. Għaldaqstant, huwa stabbilit li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku jippermetti, kif jirrikonoxxu, barra minn dan, il-Kunsill u l-Kummissjoni, ċertu livell ta’ interferenza min-naħa tal-Istat f’dawk id-deċiżjonijiet.

82

In-natura sinjifikattiva jew le ta’ interferenza statali fl-imsemmija deċiżjonijiet għandha tiġi evalwata b’riferiment għall-għan ta’ din id-dispożizzjoni, li hija intiża sabiex tiżgura li l-produttur jopera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq u, partikolarment, li l-ispejjeż li huwa suġġett għalihom u l-prezzijiet li huwa jistabbilixxi jkunu jirriżultaw mill-effetti ħielsa tal-forzi tas-suq. Konsegwentement, interferenza statali li la min-natura tagħha u lanqas mill-effett tagħha ma tista’ tirrendi d-deċiżjonijiet ta’ produttur fil-qasam tal-prezzijiet u tal-ispejjeż tal-inputs inkompatibbli mal-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq ma tistax tiġi kkunsidrata bħala sinjifikattiva.

83

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-kontroll statali, kif ġie rrilevat mill-imsemmija istituzzjonijiet, u partikolarment fil-premessa 13 tar-Regolament kontenzjuż, ma huwiex, min-natura tiegħu, inkompatibbli mal-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq. Barra minn hekk, minkejja l-fatt li t-tqassim tal-azzjonijiet jippermetti lill-azzjonisti pubbliċi, għalkemm dawn huma f’minoranza, li jikkontrollaw de facto il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ Xinanchem u għalhekk li jaħtru l-bord tad-diretturi, ċertament jagħti lill-Istat ċerta influwenza fuq din il-kumpannija, madankollu ma jirriżultax li l-Istat jinterferixxi b’mod effettiv, u addizzjonalment b’mod sinjifikattiva, fid-deċiżjonijiet ta’ din tal-aħħar fir-rigward tal-prezzijiet u tal-ispejjeż tal-inputs. Tali interferenza lanqas ma tirriżulta awtomatikament miċ-ċirkustanza li parti mid-diretturi tal-imsemmija kumpannija huma marbuta ma’ din tal-aħħar permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol jew ta’ provvista ta’ servizzi.

84

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-premessa 13 tar-Regolament kontenzjuż lanqas ma jirreferi għal interferenza min-naħa tal-Istat fl-imsemmija deċiżjonijiet ta’ Xinanchem, iżda hija limitata għal konstatazzjoni li dib il-kumpannija hija suġġetta għal influwenza u għal kontroll sinjifikattiva min-naħa tal-Istat.

85

Sa fejn il-fatti esposti fl-imsemmija premessa 13 għalhekk ma jeskludux, b’mod definittiv, li Xinanchem tieħu d-deċiżjonijiet tagħha dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-inputs billi tieħu kont tas-sinjali tas-suq li jirriflettu l-offerta u d-domanda u mingħajr interferenza sinjifikattiva mill-Istat f’dak ir-rigward, huma l-Kunsill u l-Kummissjoni li għandhom jevalwaw jekk l-elementi pprovduti minn din il-kumpannija kinux suffiċjenti sabiex jintwera li hija tissodisfa l-kundizzjoni doppja stabbilita fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

86

Kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 90 u 98 tas-sentenza appellata, il-Kunsill u l-Kummissjoni kienu fil-libertà, fil-kuntest tal-eżami ta’ dawk il-provi u fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom dawk l-istituzzjonijiet f’dan ir-rigward, li jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li Xinanchem hija kkontrollata, fis-sens tad-dritt tal-kumpanniji, mill-Istat. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, il-fatt li kumpannija stabbilita f’dak il-pajjiż tkun de facto kkontrollata mill-azzjonisti pubbliċi jiġġustifika dubji serji fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-tmexxija ta’ dik il-kumpannija hijiex suffiċjentement indipendenti mill-Istat sabiex tkun tista’ tieħu d-deċiżjonijiet dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-inputs b’mod awtonomu u b’risposta għas-sinjali tas-suq.

87

Madankollu, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali, partikolarment fil-punti 99, 100 u 107 tas-sentenza appellata, u kif ikkonferma espressament il-Kunsill waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dan tal-aħħar u l-Kummissjoni naqsu, minħabba l-interpretazzjoni tagħhom tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, milli jwettqu evalwazzjoni tal-provi prodotti minn Xinanchem, u għalhekk interpretaw dawn l-element b’mod żbaljat.

88

L-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni stabbilita iktar ’il fuq, li essenzjalment tikkorrispondi għal dik li fuqha bbażat l-analiżi tagħha l-Qorti Ġenerali, ma hijiex ikkontestata mill-argumenti invokati insostenn tal-ewwel aggravju tal-appell.

89

F’dak ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-fatt li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) ġie interpretat fis-sens li l-kontroll statali, kif ġie deskritt fil-premessa 13 tar-Regolament kontenzjuż, ma jekwivalix awtomatikament għal “interferenza [sinjifikattiva] mill-Istat” fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, ma għandux bħala konsegwenza l-eliminazzjoni tal-kundizzjoni li tistabbilixxi li l-produttur għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-inputs mingħajr tali interferenza.

90

Fil-fatt, anki meta l-produttur ikun adotta l-imsemmija deċiżjonijiet billi jkun ikkunsidra unikament is-sinjali tas-suq, l-imsemmija kundizzjoni tipprekludi li dan jingħata l-benefiċċju ta’ SES f’każ fejn l-Istat ikun interferixxa b’mod sinjifikattiva fuq l-effetti tal-forzi tas-suq. F’dak ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-benefiċċju ta’ SES jista’ jingħata biss lil operatur jekk l-ispejjeż li huwa suġġett għalihom u l-prezzijiet li huwa jistabbilixxi jkunu r-riżultat tal-effetti ħielsa tal-offerta u tad-domanda. Dan ma jkunx il-każ jekk, pereżempju, l-Istat jinterferixxi direttament fuq il-prezz ta’ ċerti materji primi jew il-prezz tax-xogħol tal-id. Anki jekk, f’tali ċirkustanzi, il-produttur ikun iggwidat mis-sinjali tas-suq għad-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-inputs, l-interferenza sinjifikattiva tal-Istat f’dan ir-rigward ma tippermettix il-kunsiderazzjoni li l-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq huma prevalenti fir-rigward ta’ tali produttur. Għalhekk, it-tieni element tal-kundizzjoni doppja li tinsab fl-imsemmija dispożizzjoni jżomm, kemm għall-impriżi li huma de facto kkontrollati mill-Istat kif ukoll għal kull produttur ieħor, l-awtonomija tiegħu meta mqabbel mal-ewwel element ta’ din il-kundizzjoni doppja.

91

Barra minn hekk, l-imsemmija interpretazzjoni bl-ebda mod ma twassal għal inverżjoni tal-oneru tal-prova, li tinkombi, kif ġie mfakkar kemm fil-punti 35 u 99 tas-sentenza appellata kif ukoll fil-punti 70 u 85 ta’ din is-sentenza, lill-produttur. Barra minn hekk, għalkemm din l-interpretazzjoni ċertament torbot lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li jieħdu inkunsiderazzjoni, anki f’sitwazzjoni bħal din inkwistjoni f’dan il-każ, provi prodotti minn dan il-produttur u li jeżaminawhom bid-diliġenza rikjesta sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn l-elementi humiex suffiċjenti sabiex jintwera li dan tal-aħħar jissodisfa l-imsemmija kundizzjoni doppja, din tħalli inoltrata s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li dawn l-istituzzjonijiet għandhom fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-imsemmija elementi.

92

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 84 sa 88 ta’ dawk il-konklulżjonijiet, l-approċċ ta’ dawn l-istituzzjonijiet lanqas ma jista’ jiġi ġġustifikat mill-allegata neċessità li l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku għandu jiġi interpretat fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 9(5) tal-istess regolament, fil-każ konkret ta’ impriża li l-maġġoranza tal-azzjonijiet tagħha jkunu proprjetà ta’ persuni privati iżda li madankollu tkun ikkontrollata de facto mill-Istat.

93

Fl-aħħar, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq in-natura eċċezzjonali tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament bażiku, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-eżiġenza ta’ interpretazzjoni stretta ma tistax tippermetti lill-istituzzjonijiet li jinterpretaw u japplikaw din id-dispożizzjoni b’mod inkompatibbli mal-kliem u l-għan ta’ din tal-aħħar.

94

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ewwel aggravju invokat insostenn tal-appell għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni aggravju tal-appell, relatat mal-mekkaniżmu ta’ approvazzjoni tal-kuntratti għall-esportazzjoni

– L-argumenti tal-partijiet

95

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li l-Qorti Ġenerali oltrepassat il-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju billi kkonstatat żball manifest imwettaq minn dawn l-istituzzjonijiet waqt l-evalwazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ approvazzjoni tal-kuntratti għall-esportazzjoni imħaddem mis-CCCMC. Fil-fatt, dawn tal-aħħar jikkunsidraw li l-konklużjoni tagħhom li dan il-mekkaniżmu jirrappreżenta interferenza sinjifikattiva mill-Istat fl-istabbiliment tal-prezzijiet għall-esportazzjoni tal-prodotti ta’ Xinanchem ma kinitx teċċedi l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa li huma għandhom fl-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

96

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu b’mod partikolari li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li s-CCCMC hija entità mhux governattiva u li s-sistema tal-prezzijiet u l-prezz minimu kienu stabbiliti mill-membri ta’ din tal-aħħar, hija irrilevanti u barra minn hekk, żbaljata. L-ebda prova ma tindika li l-kumpanniji li kienu membri tas-CCCMC kienu joperaw f’kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq. Għall-kuntrarju, il-fatt li minn 39 produttur Ċiniż kienu biss 2 minnhom li talbu li jibbenefikaw minn SES jikkostitwixxi indizju li l-maġġoranza ta’ dawn il-produtturi ma kinux joperaw f’dawk il-kundizzjonijiet. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi preżunt li l-atti tas-CCCMC kienu jikkostitwixxu atti ta’ entità li topera skont il-prinċipji ta’ ekonomija mmexxija mill-Istat u li l-imsemmija sistema ta’ kontroll tal-prezzijiet kienet tistabbilixxi restrizzjoni għal-libertà tal-esportaturi individwali, ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet li ma humiex dawk ta’ ekonomija tas-suq. Barra minn hekk, din l-aħħar konstatazzjoni hija sostnuta mill-fatt li l-awtoritajiet doganali Ċiniżi ma jippermettux l-esportazzjoni ħlief meta l-kuntratt tal-esportazzjoni jkun approvat mis-CCCMC.

97

Barra minn hekk, b’mod kuntrarju għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, kien b’mod ġust li l-Kunsill u l-Kummissjoni kkunsidraw li l-provi prodotti minn Xinanchem dwar il-prezzijiet tagħha għall-esportazzjoni kienu irrilevanti. Fil-fatt, dawn l-elementi juru biss li kienu jeżistu tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni, msemmija mis-CCCMC, li l-prezzijiet tagħhom kien inferjuri għall-prezz minimu. Madankollu, tali provi ma jistgħux ikunu suffiċjenti sabiex jikkonfutaw il-fatt li s-sistema fis-seħħ tippermetti lis-CCCMC li tikkontrolla l-prezzijiet għall-esportazzjoni. B’mod partikolari, il-fatt li ċerti esportazzjonijiet twettqu bi prezzijiet inferjuri għall-prezz minimu ma jagħti l-ebda indikazzjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk ġewx irrifjutati esportazzjonijiet oħra b’tali prezzijiet. Il-kunsiderazzjoni li fuqha bbażat ruħha l-Qorti Ġenerali, li l-l-istituzzjonijiet għandhom jevalwaw il-prattika tal-prezzijiet sabiex ikunu jistgħu jiddeterminaw jekk sistema, bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, tirristrinġix b’mod effettiv il-kapaċità tal-esportaturi li jistabbilixxu l-prezzijiet għall-esportazzjoni b’mod indipendenti, twassal mhux biss sabiex jiġi invers l-oneru tal-prova, iżda tirrendi impossibbli l-possibbiltà ta’ dawn l-istituzzjonijiet li jissodisfaw dan l-oneru, peress li huma prattikament qatt ma jistgħu jipproduċu l-prova dwar parteċipazzjoni reali tal-Istat fil-proċess tal-istabbiliment tal-prezzijiet.

98

Xinanchem issostni li, anki jekk jiġi preżunt li huwa ammissibbli, it-tieni aggravju tal-appell huwa infondat.

– L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

99

Wara li eżaminat, fil-punti 141 sa 150 tas-sentenza appellata, il-kontenut tal-provi ppreżentati minn Xinanchem, il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punt 151 tal-istess sentenza, li dawn tal-aħħar setgħu juru li l-mekkaniżmu ta’ approvazzjoni tal-prezzijiet għall-esportazzjoni ma kienx ġie impost mill-Istat, li l-prezz kien ġie stabbilit mill-produtturi tal-glifosat li kienu membri stess tas-CCCMC u li ma kienx wassal għal restrizzjoni effettiva għal dak li jirrigwarda l-attivitajiet ta’ Xinanchem għall-esportazzjoni. Minn dan hija ddeduċiet li, mingħajr ma jikkontestaw il-karattru probatorju jew suffiċjenti ta’ dawn l-elementi, il-Kunsill u l-Kummissjoni ma setgħux jikkonkludu, mingħajr ma jwettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni li, permezz tal-mekkaniżmu ta’ approvazzjoni inkwistjoni, l-Istat kien eżerċita kontroll sinjifikattiva fuq il-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat u li dan il-mekkaniżmu jammonta għal “interferenza sinjifikattiva mill-Istat” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

100

Issa, il-Kunsill u l-Kummissjoni ma jinvokaw l-ebda żnaturament fir-rigward tal-imsemmi eżami u tal-konstatazzjonijiet fattwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 141 sa 151 tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, dawn l-istituzzjonijiet ma jikkontestawx li, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 152 sa 155 tas-sentenza appellata, huma ma kinux ikkontestaw il-karattru probatorju jew suffiċjenti ta’ dawn il-provi.

101

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li l-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma ddeċidiet li l-imsemmija elementi kienu probatorji u li dawn juru sal-grad rikjest mil-liġi li s-CCCMC ma kinitx imponiet fuq Xinanchem il-prezzijiet għall-esportazzjonijiet tagħhom tal-glifosat. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat espressament fil-punti 151 sa 155 tas-sentenza appellata li l-Kunsill u l-Kummissjoni kienu fil-libertà li jikkontestaw il-karattru probatroju jew suffiċjenti ta’ dawn l-elementi.

102

Dwar l-argument tal-Kummissjoni li ċ-ċirkustanza li s-CCCMC kellha l-possibbiltà li tirrifjuta li tapprova l-kuntratti għall-esportazzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-prezzijiet ta’ referenza tikkostitwixxi prova prima facie suffiċjenti dwar l-interferenza fuq l-istabbiliment tal-prezzijiet, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-istituzzjonijiet ma jistgħux jillimitaw l-evalwazzjoni tagħhom għal analiżi tas-sitwazzjoni kif din tkun tidher “prima facie” meta l-produttur jipproduċi provi li ġustament jistgħu jikkonfutaw lil din tal-aħħar.

103

Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-Kunsill u l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma invertiet l-oneru tal-prova billi kkonstatat, fil-punt 157 tas-sentenza appellata, li dawn l-istituzzjonijiet kienu f’dan il-każ obbligati li jieħdu inkunsiderazzjoni, waqt l-evalwazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ approvazzjoni tal-kuntratti għall-esportazzjoni mħaddem mis-CCCMC, il-provi prodotti minn Xinanchem li jistgħu jistabbilixxu li dan il-mekkaniżmu ma wassalx għal restrizzjoni effettiva fir-rigward tal-attivitajiet tagħha għall-esportazzjoni.

104

Fil-fatt, hemm lok li jiġi rrilevat li għalkemm huwa l-Kunsill u l-Kummissjoni li għandhom jipproduċu l-prova li l-mekkaniżmu ta’ approvazzjoni tal-kuntratti għall-esportazzjoni mħaddem mis-CCCMC jwassal realment għal interferenza sinjifikattiva mill-Istat fid-deċiżjonijiet dwar il-prezzijiet għall-esportazzjoni, dawn l-istituzzjonijiet huma madankollu obbligati, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li jeżaminaw bid-diliġenza u l-imparzjalità kollha meħtieġa l-provi prodotti mill-produttur u li jieħdu kont debitu tal-elementi rilevanti kollha waqt l-evalwazzjoni tagħhom tal-effetti ta’ dan il-mekkaniżmu fuq id-deċiżjonijiet tal-produttur fir-rigward tal-prezzijiet tiegħu għall-esportazzjoni.

105

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx li huma dawn l-istituzzjonijiet li għandhom jipproduċu l-prova li l-imsemmi mekkaniżmu effettivament irrestrinġa l-kapaċità ta’ Xinanchem li tistabbilixxi l-prezzijiet tagħha għall-esportazzjoni, iżda unikament li huma ma wettqux evalwazzjoni tal-provi prodotti minn Xinanchem sabiex jissodisfaw l-obbligu li jirriżulta mill-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

106

F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u legali li huma għandhom jeżaminaw fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u partikolarment fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, (sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C-351/04, Ġabra p. I-7723, punt 40; tat-28 ta’ Frar 2008, AGST Draht- und Biegetechnik, C-398/05, Ġabra p. I-1057, punt 33; tal-11 ta’ Frar 2010, Hoesch Metals and Alloys, C-373/08, Ġabra p. I-951, punt 61, kif ukoll tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill u l-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C-191/09 P u C-200/09 P, punt 63), l-imsemmija istituzzjonijiet kellhom, waqt tali evalwazzjoni, setgħa diskrezzjonali wiesgħa u li huma setgħu jieħdu inkunsiderazzjoni kull indizju disponibbli għalihom bil-għan li jevalwaw jekk il-provi prodotti minn Xinanchem kinux konvinċenti u jekk dawn tal-aħħar kinux suffiċjenti sabiex ixejnu l-biża li din il-kumpannija ma kinitx, minħabba l-imsemmi mekkaniżmu, libera li tistabbilixxi l-prezzijiet tagħha għall-esportazzjoni. Barra minn hekk, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 36 tas-sentenza appellata, f’każ li jkun jissussisti xi dubju fuq il-kwistjoni dwar jekk humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, is-SES ma tistax tingħata.

107

Madankollu, din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa ma teżentax lill-istituzzjonijiet mill-obbligu li jieħdu kont debitu tal-provi rilevanti prodotti mill-produttur. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li, fil-każijiet fejn dawn l-istituzzjonijiet ikollhom tali setgħa diskrezzjonali, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mis-sistema ġuridika Komunitarja fil-proċeduri amministrattivi hija ta’ importanza fundamentali (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C-269/90, Ġabra p. I-5469, punt 14, u tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C-405/07 P, Ġabra p. I-8301, punt 56).

108

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet motiv, relatat mal-validità tal-konklużjoni globali li waslu għaliha l-Kunsill u l-Kummissjoni

109

Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, il-Kunsill jindirizza l-punt 160 tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-motivi għal rifjut tal-benefiċċju ta’ SES, esposti fil-premessi 13, 14, u 17 tar-Regolament kontenzjuż, ma jistgħux, anki jekk jittieħdu flimkien, jiġġustifikaw tali rifjut, peress li l-iżbalji kkonstatati fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawn il-motivi meħuda b’mod separat jivvizzjaw ukoll il-konklużjoni globali li waslu għaliha l-istituzzjonijiet f’dan ir-rigward. Mingħajr ma jinvoka argumenti speċifiċi, il-Kunsill jillimita ruħu li jsostni li din il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija affettwata mill-istess żball bħal dak li jivvizzja l-konklużjonijiet ta’ din tal-aħħar li huma s-suġġett tal-ewwel u t-tieni aggravji tal-appell.

110

Issa, sa fejn ġie kkonstatat li ebda wieħed minn dawn iż-żewġ aggravji ma huwa fondat u li l-Kunsill ma jinvoka l-ebda argument speċifiku insostenn tat-tielet aggravju tiegħu, dan tal-aħħar għandu jiġi miċħud ukoll.

111

Konsegwentement, hemm lok li jinċaħad l-appell fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

112

Bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun infondat, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 118 tal-istess regoli, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li Xinanchem u Audace talbu l-kundanna tal-Kunsill u dan tal-aħħar tilef fl-aggravji tiegħu, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

113

B’mod konformi mal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 tal-imsemmi Artikolu 69, il-Kummissjoni, intervenjenti fl-ewwel istanza, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.