SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

24 ta’ Jannar 2012 ( *1 )

“Politika soċjali — Direttiva 2003/88/KE — Artikolu 7 — Dritt għal-leave annwali mħallas — Kundizzjoni għall-għoti tad-dritt imposta minn leġiżlazzjoni nazzjonali — Assenza tal-ħaddiem — Tul tad-dritt għal-leave skont in-natura tal-assenza — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra d-Direttiva 2003/88 — Rwol tal-qorti nazzjonali”

Fil-Kawża C-282/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de Cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Ġunju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Ġunju 2010, fil-proċedura

Maribel Dominguez

vs

Centre informatique du Centre Ouest Atlantique,

Préfet de la région Centre,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts u U. Lõhmus, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Levits (Relatur), A. Ó Caoimh, L. Bay Larsen, T. von Danwitz u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Mejju 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Dominguez, minn H. Masse-Dessen u V. Lokiec, avukati,

għas-Centre informatique du Centre Ouest Atlantique, minn D. Célice, avukat,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues kif ukoll minn A. Czubinski u N. Rouam, bħala aġenti,

għall-Gvern Daniż, minn S. Juul Jørgensen, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. Noort, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u M. Van Hoof, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Dominguez u l-persuna li timpjegaha, is-Centre informatique du Centre Ouest Atlantique (iktar ’il quddiem iċ-“CICOA”), li tirrigwarda t-talba ta’ M. Dominguez sabiex tibbenifika minn leave annwali mħallas li ma tteħidx fir-rigward tal-perijodu bejn ix-xahar ta’ Novembru 2005 u dak ta’ Jannar 2007 minħabba waqfien mix-xogħol li sar wara inċident u, sussidjarjament, kumpens għad-danni.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88 jipprovdi:

“Għan u skop

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.   Din id-Diretiva tapplika għal:

(a)

il-perjodi minimi [...] ta’ [...] leave annwali [...]

[...]”

4

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva huwa redatt kif ġej:

“Leave annwali

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.   Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

5

L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Disposizzjonijiet l-aktar favorevoli

Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta’ ħaddiema jew li jiffaċilitaw jew jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv jew ta’ ftehim oħrajn konklużi bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija li huma aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.”

6

L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Ebda deroga ma hija ammessa fir-rigward tal-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 223-2 tal-Code du travail (Kodiċi tax-xogħol) jipprovdi:

“Il-ħaddiem li, matul is-sena ta’ riferiment, juri li kien impjegat mal-istess prinċipal għal żmien ekwivalenti għal minimu ta’ xahar xogħol effettiv, għandu d-dritt għal-leave li t-tul tiegħu huwa stabbilit bir-rata ta’ jumejn u nofs tax-xogħol għal kull xahar xogħol bil-kundizzjoni li t-tul totali tal-leave li jista’ jittieħed ma jeċċedix tletin jum tax-xogħol.”

8

Skont l-Artikolu L. 223-4 tal-istess Code du travail:

“Għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-tul tal-leave, il-perijodi ekwivalenti għal erba’ ġimgħat jew erbgħa u għoxrin jum tax-xogħol għandhom jammontaw għal xahar xogħol effettiv. Il-perijodi tal-leave mħallas, il-mistrieħ kompensattiv […], il-perijodi ta’ leave tal-maternità […], il-jiem ta’ mistrieħ miksuba minħabba t-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol u l-perijodi limitati għal sena kontinwa li fiha l-eżekuzzjoni tal-kuntratt tax-xogħol ikun sospiż minħabba inċident fuq il-post tax-xogħol jew mard ikkaġunat mix-xogħol, jitqiesu bħala perijodi ta’ xogħol effettiv […].”

9

Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu XIV tar-regoli mudell annessi mal-ftehim kollettiv nazzjonali tax-xogħol tal-persunal tal-korpi tas-sigurtà soċjali jipprovdi:

“Id-dritt għal-leave annwali ma jingħatax f’sena partikolari fejn l-assenzi minħabba mard jew mard fit-tul iwassal għal waqfien mix-xogħol ta’ tnax-il xahar konsekuttiv jew iktar, [...] dan jingħata mill-ġdid fid-data meta l-impjegat jerġa’ jibda jaħdem, bit-tul tal-leave stabbilit proporzjonalment maż-żmien tax-xogħol effettiv li ma jkunx għadu wassal għall-għoti ta’ leave annwali.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

M. Dominguez, impjegata maċ-CICOA mill-1987, taqa’ taħt il-ftehim kollettiv nazzjonali tax-xogħol tal-persunal tal-korpi tas-sigurtà soċjali. Wara inċident li seħħ fit-traġitt bejn ir-residenza tagħha u l-post tax-xogħol tagħha, hija waqfet milli tidħol għax-xogħol matul il-perijodu bejn it-3 ta’ Novembru 2005 u s-7 ta’ Jannar 2007.

11

M. Dominguez aġixxiet quddiem il-Qorti Industrijali u mbagħad quddiem il-Cour d’appel de Limoges (Qorti tal-Appell ta’ Limoges) sabiex tingħata 22.5 jum ta’ leave mħallas għal dan il-perijodu u, sussidjarjament, il-ħlas ta’ kumpens minflok il-leave.

12

Peress li dawn il-qrati ċaħdu t-talbiet tagħha, M. Dominguez appellat quddiem il-Cour de Cassation. Hija ssostni li l-inċident fit-traġitt bejn ir-residenza tagħha u l-post tax-xogħol tagħha huwa inċident tax-xogħol li jaqa’ taħt l-istess regoli applikabbli għal dan tal-aħħar. Għalhekk, skont l-Artikolu L. 223-4 tal-Code du travail, il-perijodu ta’ sospensjoni tal-kuntratt tax-xogħol tagħha wara l-inċident fit-traġitt kellu jitqies bħala żmien tax-xogħol effettiv għall-kalkolu tal-leave mħallas tagħha.

13

Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, il-Cour de Cassation kellha dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti ma’ dan l-artikolu.

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de Cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88[...] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li jipprevedu li d-dritt għall-leave annwali huwa suġġett għal minimu ta’ xogħol effettiv ta’ għaxart ijiem (jew xahar) matul il-perijodu ta’ riferiment?

2)

Jekk iva, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88[...], li joħloq obbligu partikolari għal min iħaddem, sa fejn jagħti dritt għal leave bil-ħlas [mħallas] għall-benefiċċju tal-ħaddiem li huwa assenti għal raġunijiet ta’ saħħa matul perijodu ugwali jew itwal minn sena, jobbliga lill-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq kawża bejn individwi, li twarrab dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja, li f’dan il-każ tissuġġetta d-disponibbiltà tad-dritt għal-leave bil-ħlas annwali għal xogħol effettiv ta’ mill-inqas għaxart ijiem matul is-sena ta’ riferiment?

3)

Sa fejn l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88[...] ma jagħmel ebda distinzjoni bejn il-ħaddiema skont jekk l-assenza tagħhom mix-xogħol matul il-perijodu ta’ riferiment hijiex dovuta għal inċident fuq il-post tax-xogħol, mard ikkaġunat mix-xogħol, inċident tal-ivjaġġar jew mard mhux ikkaġunat mix-xogħol, il-ħaddiema għandhom, bis-saħħa ta’ dan it-test, dritt għal-leave bil-ħlas għal perijodu identiku irrispettivament mill-oriġini tal-assenza tagħhom għal raġunijiet ta’ saħħa, jew inkella dan it-test għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-perijodu tal-leave bil-ħlas jista’ jkun differenti skont l-oriġini tal-assenza tal-ħaddiem, sa fejn f’ċerti ċirkustanzi l-liġi nazzjonali tipprevedi perijodu ta’ leave bil-ħlas għola mill-perijodu minimu ta’ erba’ ġimgħat previst mid-direttiva?”

Fuq l-ewwel domanda

15

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li jipprovdu li d-dritt għal-leave annwali mħallas ikun suġġett għal perijodu ta’ xogħol effettiv minimu ta’ għaxart ijiem jew xahar matul il-perijodu ta’ riferiment.

16

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ kull ħaddiem għandu jitqies li huwa prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni ta’ importanza partikolari, li minnu ma tistax issir deroga u li implementazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandha ssir biss fil-limiti espressament stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197), liema direttiva ġiet ikkodifikata bid-Direttiva 2003/88 (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2001, BECTU, C-173/99, Ġabra p. I-4881, punt 43; tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C-350/06 u C-520/06, Ġabra p. I-179, punt 22, kif ukoll tat-22 ta’ Novembru 2011, KHS, C-214/10, Ġabra p. I-11757, punt 23).

17

Għalhekk, id-Direttiva 93/104 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi lill-Istati Membri milli jillimitaw unilateralment id-dritt għal-leave annwali mħallas lill-ħaddiema kollha, bl-applikazzjoni ta’ kundizzjoni għall-għoti ta’ dan id-dritt li għandha l-effett li teskludi ċerti ħaddiema mill-benefiċċju ta’ dan tal-aħħar (sentenza BECTU, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

18

Ċertament l-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu, fil-leġiżlazzjoni interna tagħhom, il-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju u ta’ implementazzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas, iżda ma jistgħux madankollu jissuġġettaw għal xi kundizzjoni kwalunkwe l-kostituzzjoni stess ta’ dan id-dritt (ara s-sentenza Schultz-Hoff et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

19

Għalhekk, il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni u ta’ applikazzjoni neċessarji għall-implementazzjoni tar-rekwiżiti tad-Direttiva 93/104, ikkodifikati bid-Direttiva 2003/88, jistgħu jinvolvu ċerti diverġenzi fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali mħallas, iżda din id-direttiva ma tippermettix lill-Istati Membri li jeskludu l-ħolqien stess ta’ dritt espressament mogħti lill-ħaddiema kollha (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq BECTU, punt 55, kif ukoll Schultz-Hoff et, punt 47).

20

Barra minn hekk, peress li d-Direttiva 2003/88 ma tagħmel ebda distinzjoni bejn il-ħaddiema li huma assenti mix-xogħol minħabba leave tal-mard, matul il-perijodu ta’ riferiment, u dawk li fil-fatt ħadmu matul l-imsemmi perijodu (ara s-sentenza Schultz-Hoff et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40), jirriżulta li, fir-rigward ta’ ħaddiema bil-leave tal-mard debitament preskritt, id-dritt għal-leave annwali mħallas mogħti minn din id-direttiva lill-ħaddiema kollha ma jistax jiġi ssuġġettat minn Stat Membru għall-kundizzjoni li l-ħaddiem ikun fil-fatt ħadem matul il-perijodu ta’ riferiment stabbilit mill-imsemmi Stat.

21

Mill-premess jirriżulta li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li jipprevedu li d-dritt għal-leave annwali mħallas ikun suġġett għal perijodu ta’ xogħol effettiv minimu ta’ għaxart ijiem jew ta’ xahar matul il-perijodu ta’ riferiment.

Fuq it-tieni domanda

22

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’kawża bejn individwi, dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi li d-dritt għal-leave annwali mħallas ikun suġġett għal perijodu ta’ xogħol effettiv minimu matul il-perijodu ta’ riferiment, b’mod kuntrarju għall-istess Artikolu 7, għandha tiġi skartata.

23

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-kwistjoni ta’ jekk dispożizzjoni nazzjonali, sa fejn din tkun kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, għandhiex tibqa’ inapplikata tqum biss jekk jirriżulta li ebda interpretazzjoni konformi ma’ din id-dispożizzjoni ma tkun possibbli.

24

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta japplikaw il-liġi interna, il-qrati nazzjonali huma marbuta li jinterpretawha, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha u, b’hekk, tikkonforma ruħha mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE. Dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali huwa fil-fatt inerenti għas-sistema tat-Trattat FUE għaliex dan jippermetti lill-qrati nazzjonali li jiggarantixxu, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta dawn jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835, punt 114; tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C-378/07 sa C-380/07, Ġabra p. I-3071, punti 197 u 198, kif ukoll is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci, C-555/07, Ġabra p. I-365, punt 48).

25

Ċertament, dan il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali għandu ċerti limiti. Għalhekk, l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut ta’ direttiva meta din tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt intern huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u ma jistax iservi bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (ara s-sentenzi tal-15 ta’ April 2008, Impact, C-268/06, Ġabra p. I-2483, punt 100, kif ukoll Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 199).

26

Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tgħid li ġiet ikkonfrontata b’din il-limitazzjoni. Skont din il-qorti, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 223-2 tal-Code du travail, li jipprovdi li d-dritt għal-leave annwali mħallas huwa suġġett għal xogħol effettiv minimu ta’ xahar matul il-perijodu ta’ riferiment, ma jistax jiġi interpretat b’mod konformi mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88.

27

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeħtieġ li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jinsab fil-kompetenza tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-direttiva inkwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C-212/04, Ġabra p. I-6057, punt 111, kif ukoll Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 200).

28

Fil-kawża prinċipali, l-Artikolu L. 223-4 tal-Code du travail, li jikkunsidra ċerti perijodi ta’ assenza mix-xogħol bħala li ma jeħtiġux ir-rekwiżit ta’ xogħol effettiv matul il-perijodu ta’ riferiment, jikkostitwixxi parti integrali mid-dritt intern li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-qrati nazzjonali.

29

Fil-fatt, jekk l-Artikolu L. 223-4 tal-Code du travail jiġi interpretat mill-qorti nazzjonali fis-sens li perijodu ta’ assenza minħabba inċident fit-traġitt lejn jew mill-post tax-xogħol għandu jitqies bħala perijodu ta’ assenza mix-xogħol minħabba inċident tax-xogħol sabiex l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 jingħata l-effett sħiħ tiegħu, tali qorti ma tiġix ikkonfrontata bil-limitazzjoni tal-interpretazzjoni konformi tal-Artikolu L. 223-2 tal-Code du travail, invokat fil-punt 26 ta’ din is-sentenza.

30

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrimarkat li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 ma jagħmel ebda distinzjoni bejn il-ħaddiema assenti matul il-perijodu ta’ riferiment b’leave tal-mard u dawk li fil-fatt ħadmu matul dan il-perijodu (ara l-punt 20 ta’ din is-sentenza). Minn dan isegwi li d-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ ħaddiem assenti mix-xogħol għal raġunijiet ta’ saħħa matul il-perijodu ta’ riferiment ma jistax jiġi suġġett minn Stat Membru għall-obbligu li jkun wettaq xogħol effettiv matul dan l-istess perijodu. Għalhekk, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, kull ħaddiem, kemm jekk ikun ħa leave tal-mard matul l-imsemmi perijodu ta’ riferiment minħabba inċident li jkun seħħ fil-post tax-xogħol jew f’xi post ieħor, kif ukoll jekk dan il-leave ikun ħadu minħabba mard ta’ kwalunkwe natura jew oriġini li tkun, ma jistax ikollu d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat affettwat.

31

Mill-premess jirriżulta li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern fl-intier tiegħu, b’mod partikolari l-Artikolu L. 223-4 tal-Code du travail, u billi tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minnu, sabiex tiggarantixxi l-effettività sħiħa tad-Direttiva 2003/88 u twassal għal soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha, jekk hija tistax tasal għal interpretazzjoni ta’ dan id-dritt li tippermetti li l-assenza tal-ħaddiem minħabba inċident matul it-traġitt lejn jew mill-post tax-xogħol titqies bħala wieħed mill-każijiet imsemmija fl-imsemmi artikolu tal-Code du travail.

32

Fil-każ li tali interpretazzjoni ma hijiex possibbli, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 jipproduċix effett dirett u, jekk ikun il-każ, jekk M. Dominguez tistax tinvoka dan fil-konfront tal-konvenuti fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari kontra l-persuna li timpjegaha, jiġifieri iċ-CICOA, fid-dawl tan-natura ġuridika ta’ dawn tal-aħħar.

33

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat Membru, meta dan ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew meta dan jittrasponiha b’mod inkorrett (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 103 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34

Issa, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 jissodisfa dawn il-kriterji peress li jimponi fuq l-Istati Membri, f’termini li ma humiex ekwivoki, obbligu ta’ riżultat preċiż u li ma jinkludi l-ebda kundizzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regola li huwa jistabbilixxi, li jikkonsisti fl-għoti lil kull ħaddiem ta’ leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat.

35

Anki jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 iħalli lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fl-adozzjoni tal-kundizzjonijiet tal-ksib u tal-għoti tad-dritt għal-leave annwali mħallas li huwa jistipula, dan il-fatt madankollu ma jaffettwax in-natura preċiża u inkundizzjonata tal-obbligu previst minn dan l-artikolu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 ma jidhirx fost id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li minnhom l-Artikolu 17 tagħha jippermetti li ssir deroga. Għalhekk, huwa possibbli li tiġi ddeterminata l-protezzjoni minima li għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi implementata mill-Istati Membri taħt dan l-Artikolu 7 (ara, bħala analoġija, is-sentenza Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 105).

36

Peress li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jipproduċi effett dirett, għandu jiġi kkonstatat ukoll li ċ-CICOA, wieħed miż-żewġ konvenuti fil-kawża prinċipali, li jimpjega lil M. Dominguez, huwa korp li jaġixxi fil-qasam tas-sigurtà soċjali.

37

Huwa veru li, skont ġurisprudenza stabbilita, direttiva ma tistax fiha nfisha toħloq obbligi fil-konfront ta’ individwu u għaldaqstant ma tistax tiġi invokata bħala tali kontra tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori, C-91/92, Ġabra p. I-3325, punt 20; tas-7 ta’ Marzu 1996, El Corte Inglés, C-192/94, Ġabra p. I-1281, punt 15; Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 108, kif ukoll Kücükdeveci, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

38

Madankollu, għandu jitfakkar li, meta l-individwi huma f’pożizzjoni li jipprevalixxu ruħhom minn direttiva mhux fil-konfront ta’ individwu iżda fil-konfront ta’ Stat, huma jistgħu jagħmlu dan, tkun xi tkun il-kwalità li fiha dan tal-aħħar jaġixxi, jiġifieri bħala persuna li timpjega jew bħala awtorità pubblika. Fi kwalunkwe każ minnhom, jeħtieġ fil-fatt li jiġi evitat li l-Istat ikun jista’ jieħu vantaġġ mill-ksur tiegħu tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall, 152/84, Ġabra p. 723, punt 49; tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster et, C-188/89, Ġabra p. I-3313, punt 17, kif ukoll tal-14 ta’ Settembru 2000, Collino u Chiappero, C-343/98, Ġabra p. I-6659, punt 22).

39

B’dan il-mod, jidher fost in-numru ta’ entitajiet li fil-konfront tagħhom jistgħu jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jista’ jkollhom effetti diretti korp li, tkun xi tkun il-forma ġuridika tiegħu, ikun ġie inkarigat bis-saħħa ta’ att tal-awtorità pubblika li jwettaq, taħt il-kontroll tagħha, servizz ta’ interess pubbliku u li jkollu, għal dan il-għan, setgħat eżorbitanti fid-dawl tar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Foster et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20; Collino u Chiappero, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23, kif ukoll tad-19 ta’ April 2007, Farrell, C-356/05, Ġabra p. I-3067, punt 40).

40

Għalhekk, huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tivverifika jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 jistax jiġi invokat fil-konfront taċ-CICOA.

41

Fl-affermattiv, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, inkwantu jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa tal-effett dirett, ikollu l-konsegwenza li l-qorti nazzjonali jkollha tiskarta kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja.

42

Fin-negattiv, għandu jitfakkar li anki dispożizzjoni ċara, preċiża u inkundizzjonata ta’ direttiva intiża sabiex tikkonferixxi drittijiet jew sabiex timponi obbligi fuq individwi ma tistax tiġi applikata bħala tali fil-kuntest ta’ kawża bejn individwi biss (ara s-sentenza Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 109).

43

F’sitwazzjoni bħal din, il-parti leża min-nuqqas ta’ konformità tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni tista’ xorta waħda tipprevalixxi ruħha mill-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357), sabiex tikseb, jekk ikun il-każ, kumpens għad-dannu subit.

44

Konsegwentement, għat-tieni domanda għandha tingħata r-risposta

li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern fl-intier tiegħu, partikolarment l-Artikolu L. 223-4 tal-Code du travail, u billi tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minnu, sabiex tiggarantixxi l-effett sħiħ tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u twassal għal soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha, jekk hija tistax tasal għal interpretazzjoni ta’ dan id-dritt li tippermetti li l-assenza tal-ħaddiem minħabba inċident matul it-traġitt lejn jew mill-post tax-xogħol titqies bħala wieħed mill-każijiet imsemmija fl-imsemmi artikolu tal-Code du travail.

jekk interpretazzjoni bħal din ma hijiex possibbli, huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tivverifika jekk, fid-dawl tan-natura ġuridika tal-konvenuti fil-kawża prinċipali, l-effett dirett tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 jistax jiġi invokat fil-konfront tagħhom.

fin-nuqqas tal-qorti nazzjonali li tilħaq ir-riżultat preskritt mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, il-parti leża min-nuqqas ta’ konformità tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni tista’ madankollu tipprevalixxi ruħha mis-sentenza Francovich et, iċċitata iktar ’il fuq, sabiex tikseb, jekk ikun il-każ, kumpens għad-dannu subit.

Fuq it-tielet domanda

45

Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi, skont l-oriġini tal-assenza tal-ħaddiem b’leave tal-mard, perijodu ta’ leave mħallas annwali li jkun itwal jew ugwali għall-perijodu minimu ta’ erba’ ġimgħat iggarantit minn din id-direttiva.

46

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif ikkonstatat fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 ma jagħmel ebda distinzjoni fuq il-bażi tal-oriġini tal-assenza tal-ħaddiem li jkun b’leave tal-mard, debitament preskritt, b’mod li kull ħaddiem li jkun ħa leave tal-mard minħabba inċident li jkun seħħ fil-post tax-xogħol jew f’xi post ieħor, jew minħabba mard ta’ kwalunkwe natura jew oriġini li tkun, għandu d-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat.

47

Madankollu, kif irrilevat kemm mill-Avukat Ġenerali fil-punt 178 tal-konklużjonijiet tagħha u kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-konstatazzjoni li saret fil-punt preċedenti ma timplikax għal daqshekk li d-Direttiva 2003/88 tipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprovdu dritt għal-leave annwali mħallas ta’ perijodu li jkun itwal minn erba’ ġimgħat, mogħti taħt il-kundizzjonijiet ta’ ksib u ta’ għoti stabbiliti mill-istess dritt nazzjonali.

48

Fil-fatt, mill-kliem tal-Artikoli 1(1) u (2)(a), 7(1) u 15 tad-Direttiva 2003/88 jirriżulta b’mod espliċitu li l-għan ta’ din tal-aħħar huwa limitat għall-iffissar ta’ rekwiżiti minimi tas-sigurtà u tas-saħħa fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, u dan mingħajr preġudizzju għall-fakultà tal-Istati Membri li japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli għall-protezzjoni tal-ħaddiema.

49

Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li d-dritt għal-leave annwali mħallas mogħti mid-dritt nazzjonali jvarja skont l-oriġini tal-assenza tal-ħaddiem għal raġuni ta’ saħħa, kemm-il darba dan il-leave ikun dejjem marbut ma’ perijodu itwal jew ugwali għall-perijodu minimu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.

50

Mill-premess jirriżulta li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi, skont l-oriġini tal-assenza tal-ħaddiem li jkun bil-leave tal-mard, perijodu ta’ leave mħallas annwali li jkun itwal jew ugwali għall-perijodu minimu ta’ erba’ ġimgħat iggarantit minn din id-direttiva.

Fuq l-ispejjeż

51

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li jipprovdu li d-dritt għal-leave annwali mħallas huwa suġġett għal perijodu ta’ xogħol effettiv minimu ta’ għaxart ijiem jew ta’ xahar matul il-perijodu ta’ riferiment.

 

2)

Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern fl-intier tiegħu, partikolarment l-Artikolu L.223-4 tal-Code du travail (Kodiċi tax-xogħol), u billi tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minnu, sabiex tiggarantixxi l-effett sħiħ tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u twassal għal soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha, jekk hija tistax tasal għal interpretazzjoni ta’ dan id-dritt li tippermetti li l-assenza tal-ħaddiem minħabba inċident matul it-traġitt lejn jew mill-post tax-xogħol titqies bħala wieħed mill-każijiet imsemmija fl-imsemmi artikolu tal-Code du travail.

Jekk interpretazzjoni bħal din ma hijiex possibbli, huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tivverifika jekk, fid-dawl tan-natura ġuridika tal-partijiet konvenuti fil-kawża prinċipali, l-effett dirett tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 jistax jiġi invokat fil-konfront tagħhom;

Fin-nuqqas tal-qorti nazzjonali li tilħaq ir-riżultat preskritt mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, il-parti leża min-nuqqas ta’ konformità tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni tista’ madankollu tipprevalixxi ruħha mis-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C-6/90 u C-9/90), sabiex tikseb, jekk ikun il-każ, kumpens għad-dannu subit.

 

3)

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi, skont l-oriġini tal-assenza tal-ħaddiem li jkun bil-leave tal-mard, perijodu ta’ leave mħallas annwali li jkun itwal jew ugwali għall-perijodu minimu ta’ erba’ ġimgħat iggarantit minn din id-direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.