KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fis-27 ta’ Marzu 2012 ( 1 )

Kawża C-83/11

Secretary of State for the Home Departmentvs

Muhammad Sazzadur Rahman,

Fazly Rabby Islam, Mohibullah Rahman

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), London (ir-Renju Unit)]

“Dritt ta’ ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju ta’ Stat Membru — Direttiva 2004/38/KE — Obbligu li jiġu ffaċilitati d-dħul u r-residenza ta’ ‘kwalunkwe membri oħrajn tal-familja’ — Portata — Effett dirett”

1. 

It-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja, għall-ewwel darba, l-opportunità li tiddeċiedi fuq il-portata tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li jħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE ( 2 ).

2. 

Din it-talba tressqet matul kontroversja bejn Muhammad Sazzadur Rahman, Fazly Rabby Islam u Mohibullah Rahman, ċittadini Bengaliżi, u s-Secretary of State for the Home Department, wara r-rifjut ta’ dan tal-aħħar li joħroġilhom permess ta’ residenza fir-Renju Unit bħala membri tal-familja dipendenti fuq ċittadin ta’ Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

3.

L-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 3 ) jipprovdi li “[k]ull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha”.

2. Id-Direttiva 2004/38

4.

Id-Direttiva 2004/38 twettaq xogħol ta’ kodifikazzjoni billi tgħaqqad f’test wieħed regolament u disa’ direttivi u tintegra l-acquis li jirriżulta mill-ġurisprudenza. Peress li tissostitwixxi diversi sistemi ġuridiċi li jikkorrispondu mal-appartenenza għal kategoriji ġuridiċi differenti, ibbażati fuq l-abbiltà li tiġi eżerċitata attività ekonomika, bi statut uniku bbażat fuq iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, hija tagħti dimensjoni ġdida lil-libertà tal-moviment, li ssir karatteristika fundamentali marbuta mal-kwalità ta’ ċittadin tal-Unjoni.

5.

Skont sistema gradwali, id-Direttiva 2004/38 tirrikonoxxi dritt ta’ residenza għall-“membri tal-familja”, li fl-Artikolu 2(2) tagħha, huma definiti bħala l-konjuġi, is-sieħeb jew is-sieħba li miegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun ikkonkluda unjoni rreġistrata, meqjusa li hija ekwivalenti għal żwieġ mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti, id-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti u dawk tal-konjuġi jew tas-sieħeb jew tas-sieħba, kif ukoll l-axxendenti diretti dipendenti u dawk tal-konjuġi jew tas-sieħeb jew tas-sieħba.

6.

Id-Direttiva 2004/38 tieħu wkoll inkunsiderazzjoni l-membri tal-familja estiża, billi tobbliga lill-Istati Membri biex, f’ċerti ċirkustanzi, jiffaċilitaw id-dħul u r-residenza tagħhom fit-territorju tagħhom.

7.

Skont il-premessa 6 ta’ din id-direttiva:

“Sabiex tinżamm l-unità tal-familja fis-sens l-aktar wiesgħa u mingħajr diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza, is-sitwazzjoni ta’ dawk il-persuni li mhumiex inklużi fid-definizzjoni ta’ membri ta’ familja […] u li għalhekk ma jgawdux minn dritt awtomatiku ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, għandha tiġi eżaminata mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, sabiex jiddeċiedi jekk id-dħul u r-residenza għandhomx jiġu awtorizzati lil dawn il-persuni, waqt li titqies ir-relazzjoni tagħhom maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jew kwalunkwe ċirkostanzi oħrajn, bħad-dipendenza finanzjarja jew fiżika fuq iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni.”

8.

L-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ta’ moviment liberu u residenza li l-persuni kkonċernati jista’ jkollhom, l-Istat Membru ospitanti, skond il-leġislazzjoni nazzjonali, għandu jiffaċilita d-dħul u r-residenza tal-persuni li ġejjin:

a)

kwalunkwe membri oħrajn tal-familja, irrispettivament miċ-ċittadinanza, li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni tal-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li, fil-pajjiż li ġejjin minnu huma dipendenti jew membri tad-dar taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għandu d-dritt primarju ta’ residenza, jew meta raġunijiet serji ta’ saħħa strettament jeħtieġu l-kura personali tal-membru tal-familja miċ-ċittadin ta’ l-Unjoni;

b)

is-sieħeb li miegħu ċ-ċittadin ta’ l-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament ċertifikata.

L-Istat Membru ospitanti għandu jaffettwa eżami estensiv taċ-ċirkostanzi personali u għandu jiġġustifika kwalunkwe tiċħid ta’ dħul jew ta’ residenza lil dawn in-nies.”

9.

L-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi :

“Biex jinħareġ ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni lill-membri tal-familja taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni, li huma wkoll ċittadini ta’ l-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li jiġu ppreżentati d-dokumenti li ġejjin:

[…]

e)

fil-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(2)(a), dokument maħruġ mill-awtorità rilevanti fil-pajjiż ta’ oriġini jew mill-pajjiż minn fejn ġejjin li jiċċertifika li huma dipendenti jew membri tad-dar taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni, jew prova ta’ eżistenza ta’ raġunijiet serji ta’ saħħa li strettament jeħtieġu l-kura personali tal-membru tal-familja miċ-ċittadin ta’ l-Unjoni;

[…]”

10.

L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“1.   Id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat membru għandu jissaħħaħ bil-ħruġ ta’ dokument imsejjaħ “Karta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni” mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data li fiha jippreżentaw l-applikazzjoni. Għandu immedjatament jinħareġ ċertifikat ta’ applikazzjoni għall-karta ta’ residenza.

2.   Biex tinħareġ il-karta ta’ residenza, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw id-dokumenti li ġejjin [għandhom jitlobu li jiġu ppreżentati d-dokumenti li ġejjin]:

[…]

e)

fil-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(2)(a), dokument maħruġ mill-awtorità rilevanti tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-pajjiż li ġejjin minnu li jiċċertifika li huma dipendenti jew membri tan-nukleu familjari taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni, jew evidenza ta’ l-eżistenza ta’ raġunijiet serji ta’ saħħa li jeħtieġu l-kura personali tal-membru tal-familja miċ-ċittadin ta’ l-Unjoni;

[…]”

B – Id-dritt nazzjonali

11.

Id-Direttiva 2004/38 ġiet trasposta fir-Renju Unit permezz tar-Regolament tal-2006 fuq l-immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea) [Immigration (European Economic Area) Regulations 2006], hekk kif emendat bir-Regolament tal-2009 fuq l-immigrazzjoni [Immigration (European Economic Area) Regulations 2009] ( 4 ).

12.

Taħt it-titolu “Membru tal-familja”, l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-2006 jipprovdi :

“(1)   Bla ħsara għas-subparagrafu (2), għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-persuni segwenti għandhom jitqiesu bħala membri tal-familja ta’ persuna oħra :

(a)

il-konjuġi tagħha jew is-sieħeb jew sieħba ċivili tagħha ;

(b)

id-dixxendenti diretti tagħha u dawk tal-konjuġi tagħha jew tas-sieħeb jew tas-sieħba ċivili tagħha li:

(i)

jkollhom inqas minn 21 sena ; jew

(ii)

ikun dipendenti fuqha jew dipendenti fuq il-konjuġi tagħha, jew fuq is-sieħeb jew is-sieħba ċivili tagħha

(c)

l-axxendenti diretti tagħha u dawk tal-konjuġi tagħha jew tas-sieħeb jew tas-sieħba ċivili tagħha, li jkunu dipendenti;

(d)

kwalunkwe persuna oħra li għandha titqies bħala membru tal-familja ta’ din il-persuna l-oħra skont is-subparagrafu (3).

(2)   Skont is-subparagrafu (1)(b) jew (c), persuna ma għandhiex titqies bħala membru tal-familja ta’ student li jirrisjedi fir-Renju Unit wara perijodu ta’ tliet xhur kurrenti li jibda jiddekorri mid-data ta’ ammissjoni tal-istudent fir-Renju Unit sakemm :

(a)

fil-każ tas-subparagrafu [(1)] (b), il-persuna ma tkunx tarbija dipendenti fuq l-istudent jew fuq il-konjuġi tiegħu, jew fuq is-sieħeb jew is-sieħba ċivili tiegħu ; jew

(b)

l-istudent jaqa’ wkoll taħt xi waħda mill-kategoriji ta’ persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa msemmija fl-Artikolu 6(1).

(3)   Bla ħsara għas-subparagrafu (4), kwalunkwe persuna li hija membru tal-familja estiża u li tinħarġilha permess ta’ familja ŻEE, ċertifikat ta’ reġistrazzjoni jew karta ta’ residenza, għandha tiġi kkunsidrata bħala membru tal-familja taċ-ċittadin kkonċernat taż-ŻEE, sakemm tibqa’ tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2), (3), (4) jew (5) fir-rigward ta’ dak iċ-ċittadin taż-ŻEE u sakemm dak il-permess, ċertifikat jew karta jibqa’ validu jew ma jiġix revokat.

(4)   Meta ċ-ċittadin ikkonċernat taż-ŻEE jkun student, il-membru tal-familja estiża jitqies bħala membru tal-familja ta’ dak iċ-ċittadin skont is-subparagrafu (3) biss jekk ikun inħareġ il-permess ta’ familja ŻEE skont l-Artikolu 12(2), jekk ikun iħareġ iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni skont l-Artikolu 16(5) jew jekk tkun iħarġet il-karta ta’ residenza skont l-Artikolu 17(4).”

13.

L-Artikolu 8 tar-Regolament tal-2006, intitolat “Membru tal-familja estiża”, jipprovdi :

“(1)   Għall-finijiet tar-regolament preżenti, ‘membru tal-familja estiża’ jfisser kull persuna li ma tkunx membru tal-familja ta’ ċittadin taż-ŻEE skont l-Artikolu 7(1) (a), (b), jew (c) u li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fis-subparagrafi (2), (3), (4) jew (5).

(2)   Persuna tissodisfa l-kundizzjoni prevista f’dan il-paragrafu jekk tkun membru tal-familja ta’ ċittadin taż-ŻEE, tal-konjuġi tiegħu, jew tas-sieħeb jew sieħba ċivili tiegħu u

(a)

jekk din tirrisjedi fi Stat taż-ŻEE [ ( 5 )] fejn ikun jirrisjedi wkoll iċ-ċittadin taż-ŻEE u jekk din tkun dipendenti fuqu jew tgħix f’daru ;

(b)

jekk din kienet tissodisfa l-kundizzjoni prevista fis-subparagrafu (a) u takkompanja ċ-ċittadin taż-ŻEE fir-Renju Unit jew tixtieq tingħaqad miegħu, jew

(c)

jekk din kienet tissodisfa l-kundizzjoni prevista fis-subparagrafu (a), akkompanjat iċ-ċittadin taż-ŻEE fir-Renju Unit u tibqa’ tkun dipendenti fuqu jew tgħix f’daru.

(3)   Persuna tissodisfa l-kundizzjoni prevista fis-subparagrafu preżenti jekk din tkun membru tal-familja ta’ ċittadin taż-ŻEE, tal-konjuġi tiegħu, jew tas-sieħeb jew tas-sieħba ċivili tiegħu u jekk, għal raġunijiet serji ta’ saħħa, iċ-ċittadin taż-ŻEE, il-konjuġi tiegħu, jew is-sieħeb jew sieħba ċivili tiegħu, trid bil-fors tieħu ħsiebha b’mod personali.

(4)   Persuna tissodisfa l-kundizzjoni prevista fil-paragrafu preżenti jekk din tkun membru tal-familja ta’ ċittadin taż-ŻEE u jekk, fil-każ li din tkun preżenti u stabbilita fir-Renju Unit, hija tissodisfa r-rekwiżiti previsti mir-regoli fil-qasam tal-immigrazzjoni (ħlief dawk marbuta mal-awtorizzazzjoni ta’ dħul) sabiex tikseb l-awtorizzazzjoni biex tidħol jew tirrisjedi fir-Renju Unit għal żmien indefinit bħala membru tal-familja dipendenti fuq iċ-ċittadin taż-ŻEE.

(5)   Persuna tissodisfa l-kundizzjoni prevista fis-subparagrafu preżenti jekk din tkun is-sieħeb jew is-sieħba ta’ ċittadin taż-ŻEE (li ma tkunx is-sieħeb jew is-sieħba ċivili) u jekk din tista’ tipprova, b’mod sodisfaċenti għal min irid jiddeċiedi, li hija għandha relazzjoni stabbli maċ-ċittadin taż-ŻEE.

(6)   Għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, ‘ċittadin kkonċernat taż-ŻEE’ jfisser, fir-rigward ta’ membru tal-familja estiża, iċ-ċittadin taż-ŻEE li jkun, jew hu, jew il-konjuġi tiegħu, jew is-sieħeb jew is-sieħba ċivili tiegħu, ġenitur tal-membru tal-familja estiża għall-finijiet tas-subparagrafi (2), (3), jew (4), jew iċ-ċittadin taż-ŻEE li jkun is-sieħeb jew is-sieħba tal-membru tal-familja estiża għall-finijiet tas-subparagrafu (5).”

14.

L-Artikolu 17 tar-Regolament tal-2006, intitolat “Ħruġ tal-karta ta’ residenza”, jipprovdi :

“[…]

(4)   Is-Secretary of State jista’ joħroġ karta ta’ residenza lil membru tal-familja estiża li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(3), li ma jkunx ċittadin taż-ŻEE :

(a)

jekk iċ-ċittadin kkonċernat taż-ŻEE jkun, fir-rigward ta’ membru tal-familja estiża, persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet mitluba jew ċittadin taż-ŻEE li jkollu dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 15, u

(b)

jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, is-Secretary of State jikkunsidra li jkun opportun li joħroġ karta ta’ residenza.

(5)   Meta s-Secretary of State jirċievi applikazzjoni skont il-paragrafu (4), huwa għandu jagħmel eżami dettaljat tas-sitwazzjoni personali tal-applikant u, jekk huwa jiċħad it-talba, għandu jagħti r-raġunijiet tiegħu għaċ-ċaħda sakemm dan ma jkunx prekluż minħabba raġunijiet marbuta mas-sigurtà tal-Istat.

[…]”

II – Il-fatti u l-proċeduri fil-kawża prinċipali

15.

Fil-31 ta’ Mejju 2006, Mahbur Rahman, ċittadin Bengaliż, iżżewweġ lil ċittadina Irlandiża li taħdem fir-Renju Unit. Muhammad Sazzadur Rahman, ħuh, Fazly Rabby Islam, ħuh wild l-istess omm iżda mhux l-istess missier jew viċiversa, u Mohibullah Rahman, in-neputi tiegħu, talbu permess ta’ residenza fir-Renju Unit bħala membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru taż-ŻEE.

16.

Peress li din it-talba nċaħdet mis-Secretary of State for the Home Department, dawn ippreżentaw rikors quddiem il-qorti tal-immigrazzjoni, li laqgħet it-talba tagħhom billi ddeċidiet li huma kienu “dipendenti” u li l-fajl tagħhom kellu jkun suġġett għal evalwazzjoni diskrezzjonali skont l-Artikolu 17(4) tar-Regolament tal-2006. Is-Secretary of State for the Home Department talab eżami mill-ġdid tal-każ quddiem l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), London, li ddeċieda li jissospendi l-proċeduri peress li rrileva li, għalkemm il-każ kien iqajjem kwistjoni ta’ fatt marbuta mal-eżistenza ta’ dipendenza jew in-nuqqas tagħha, dan kien iqajjem ukoll problemi ġuridiċi li d-deċiżjoni tagħhom kienet tippresupponi fehma ċara tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

III – Id-domandi preliminari

17.

Sabiex jistħarreġ il-konformità tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit mad-Direttiva 2004/38, l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), London, ikkunsidra li kien meħtieġ li jsiru d-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja :

“1)

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38/KE […] jeżiġi li Stat Membru jagħmel dispożizzjonijiet leġiżlattivi sabiex jiffaċilita d-dħul u/jew ir-residenza fi Stat Membru għall-kategorija ta’ membri oħra tal-familja li ma humiex ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 10(2) [ta’ din id-direttiva]?

2)

Jista’ membru ieħor tal-familja kif imsemmi fid-Domanda 1 jinvoka l-applikabbiltà diretta tal-Artikolu 3(2) ta’ [l-imsemija] Direttiva […] fil-każ li huwa ma jkunx jista’ jissodisfa xi rekwiżiti imposti minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali?

3)

Il-kategorija ta’ membri oħra tal-familja, imsemmija [fl-Artikoli] 3(2), u […] 10(2) tad-Direttiva [2004/38/KE], tirreferi biss għal dawk li rrisjedew fl-istess pajjiż bħaċ-ċittadin tal-Unjoni u l-konjuġi tiegħu jew tagħha, qabel ma ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun wasal fl-istat ospitanti?

4)

Id-dipendenza msemmija fl-Artikolu 3(2) ta’ [din] id-Direttiva […], li jinvokaw membri oħra tal-familja sabiex jiksbu dħul fl-istat ospitanti, trid tkun dipendenza li eżistiet qabel ma ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun mar jgħix fl-istat ospitanti?

5)

Stat Membru jista’ jimponi rekwiżiti partikolari, fir-rigward tan-natura jew tat-tul taż-żmien tad-dipendenza msemmija fl-Artikolu 3(2) [tal-imsemmija] Direttiva minn tali membru tal-familja, sabiex jipprevjeni tali dependenza milli tiġi simulata jew mhux neċessarja sabiex tagħmilha possibli għal persuna li ma hijiex ċittadin li titħalla tidħol fil-pajjiż jew tkompli tirrisjedi fit-territorju tiegħu?

6)

Id-dipendenza li l-membru l-ieħor tal-familja jinvoka sabiex jitħalla jidħol fl-Istat Membru għandha tkompli għal ċertu perijodu, jew b’mod indefinit fl-istat ospitanti, sabiex tinħareġ karta ta’ residenza jew sabiex din tiġġedded skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38 […] u, jekk iva, kif għandha tiġi pprovata din id-dependenza?”

IV – L-analiżi tiegħi

A – L-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari

18.

Il-Kummissjoni Ewropea, mingħajr ma tqajjem espliċitament eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, tesprimi oġġezzjonijiet dwar ir-rilevanza tal-ewwel domanda mqajma, billi ssostni li r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq adotta liġijiet sabiex jiffavorixxi d-dħul u r-residenza ta’ persuni li dan l-Istat Membru jikkunsidra li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 u li, fin-nuqqas ta’ talba tal-konvenuti fil-kawża prinċipali intiża biex jiġi rikonoxxut li dawn saru awtomatikament detenturi ta’ dritt ta’ residenza fir-Renju Unit, l-unika kwistjoni magħmula lill-qorti tar-rinviju, f’dan l-istadju tal-proċeduri, hija dik dwar jekk l-applikazzjonijiet għandhomx ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni diskrezzjonali skont dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali.

19.

Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li permezz tiegħu din tal-ewwel tagħti lill-dawn tal-aħħar l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex tinstab soluzzjoni għall-kontroversja li huma jkollhom jiddeċiedu.

20.

Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, hija biss il-qorti nazzjonali, adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fir-rigward tal-karatteristiċi tal-kawża, kemm il-bżonn ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja. Ir-rifjut li tingħata deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kontroversja fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew saħansitra meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ dritt meħtieġa sabiex tagħti risposti utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 6 ).

21.

Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tat lill-Qorti tal-Ġustizzja espożizzjoni dettaljata tal-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża prinċipali, kif ukoll ir-raġunijiet għalfejn hija kkunsidrat li kienet meħtieġa risposta għad-domandi magħmula sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha.

22.

Hija tistaqsi, b’mod partikolari, fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 kif ukoll fuq il-marġni ta’ manuvra li din id-dispożizzjoni tħalli lill-Istati Membri. Hekk kif jirrileva ġustament il-Gvern Ġermaniż, dawn id-domandi ma kinux jitqajmu li kieku l-imsemmija dispożizzjoni ma kellha l-ebda natura vinkolanti u ma kienet teżiġi l-ebda azzjoni leġiżlattiva mill-Istati Membri. Għalhekk, il-kwistjoni dwar il-portata tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 tidher li hija waħda preliminari.

23.

Il-Qorti tar-rinviju ppreċiżat ukoll li hija kienet qiegħda tistaqsi dwar jekk l-obbligu li jiġu ffaċilitati d-dħul u r-residenza skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandux jiġi ggarantit minn qorti, pjuttost milli jkun is-suġġett ta’ setgħa ta’ evalwazzjoni diskrezzjonali tal-amministrazzjoni ( 7 ). B’mod partikolari, hija tfittex li ssir taf jekk l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik tar-Renju Unit, li tagħti lill-amministrazzjoni setgħa ta’ eżami diskrezzjonali tal-applikazzjonijiet għal dħul u għal residenza ppreżentati mill-membri tal-familja estiża. Peress li l-qorti tar-rinviju ma tidhirx li teskludi l-possibbiltà li, fil-mori tal-kawża, jiġi rikonoxxut lill-konvenuti fil-kawża prinċipali dritt ta’ dħul jew ta’ residenza, abbażi ta’ din id-direttiva, l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ser ikollha effett dirett fuq is-sitwazzjoni tagħhom.

24.

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, mhux talli ma ġietx ikkonfutata l-preżunzjoni ta’ rilevanza li tibbenefika minnha d-domanda ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda li din hija sostnuta mill-punti ta’ fatt u ta’ dritt ippreżentati mill-qorti nazzjonali, li juru li din tal-aħħar ma tistax tiddeċiedi l-kwistjoni li biha hija tinsab adita mingħajr ma tkun taf jekk il-konvenuti fil-kawża prinċipali jistgħux jitqiesu bħala “membri oħra tal-familja li jkunu dipendenti” fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 u jekk dawn jistgħux jippretendu, f’din il-kapaċità, dritt ta’ residenza derivat, ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni. Għalhekk jidhirli li l-ewwel domanda hija ammissibbli, bl-istess mod bħad-domandi tnejn sa’ ħamsa.

25.

Min-naħa l-oħra, huwa aċċettabbli li wieħed jistaqsi fuq l-ammissibbiltà tas-sitt domanda.

26.

Mid-deċiżjoni ta’ rinviju ( 8 ) jirriżulta li permezz ta’ din id-domanda l-qorti nazzjonali tfittex fil-fatt li ssir taf jekk persuni adulti li jkunu tħallew jirrisjedu fit-territorju tar-Renju Unit bħala membri tal-familja u, għalhekk, liberi li jaħdmu, għandhomx jibqgħu dipendenti matul il-perijodu ta’ validità tal-permess tagħhom biex ikunu jistgħu jiksbu l-estensjoni tiegħu jew permess ta’ residenza permanenti. Jiena nikkunsidra li l-imsemmija domanda hija ipotetika u ma għandhiex effett fuq il-kawża prinċipali għaliex l-elementi misjuba fid-deċiżjoni tar-rinviju ma juru bl-ebda mod li l-konvenuti fil-kawża prinċipali jinsabu fil-pożizzjoni li jitolbu l-estensjoni jew it-tiġdid tal-permess ta’ residenza tagħhom, filwaqt li huma ma humiex iktar dipendenti fuq il-konjuġi Rahman. Issa, ma huwiex possibbli li tingħata risposta għad-domanda magħmula b’mod ġenerali u astratt, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet għaliex huma waqfu jkunu dipendenti. Fil-fatt ir-risposta tista’ tkun differenti skont, pereżempju, jekk il-membru tal-familja sabx xogħol fl-Istat Membru ospitanti jew jekk dan sarx sussegwentement dipendenti fuq persuna oħra li tirrisjedi fl-Istat ta’ oriġni tiegħu.

27.

Peress li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li ssolvi, lil hinn mill-każ konkret li għandu jiġi deċiż mill-qorti nazzjonali, il-problemi ta’ interpretazzjoni kollha li jistgħu jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet li jittrasponu, fir-Renju Unit, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, is-sitt domanda għandha tiġi kkunsidrata inammissibbli.

B – Ir-risposti għad-domandi

1. L-osservazzjonijiet preliminari

28.

Id-domandi fformulati fid-dispożittiv tad-deċiżjoni tar-rinviju jirrigwardaw tliet problemi distinti.

29.

It-tħassib prinċipali tal-qorti tar-rinviju, hekk kif din tirriżulta mill-ewwel u t-tieni domandi, hija li tiġi ddeterminata l-portata tal-obbligu ta’ ffaċilitar previst fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38. Sabiex il-qorti nazzjonali tkun tista’ tingħata l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkunu utli għaliha biex issolvi l-kontroversja li biha din tinsab adita, jiena nikkunsidra li huwa meħtieġ li tiġi fformulata mill-ġdid l-ewwel domanda, li għandha tinftiehem li tinkludi żewġ partijiet, l-ewwel waħda intiża li tistaqsi dwar jekk id-Direttiva 2004/38 tobbligax lill-Istati Membri li jieħdu miżuri intiżi li jiffaċilitaw id-dħul u r-residenza ta’ persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tagħha, u t-tieni waħda li, fil-każ ta’ risposta affermattiva, tqajjem il-problema tan-natura tal-miżuri imposti fuq l-Istati Membri.

30.

Sussegwentement, permezz tat-tielet u r-raba’ domandi tiegħu, l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), London, jistaqsi dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2004/28, billi jistaqsi jekk din id-dispożizzjoni tkoprix esklużivament lil membri oħra tal-familja li jkunu rrisjedew fl-istess Stat bħal taċ-ċittadin tal-Unjoni filwaqt li jkunu dipendenti fuqu ftit qabel dan ma jkun stabbilixxa ruħu fl-Istat Membru ospitanti. Peress li l-qorti nazzjonali tiddubita l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-Artikolu 8(2)(a) tar-Regolament tal-2006, li jipprovdi għal kundizzjoni ta’ residenza fl-istess Stat bħal taċ-ċittadin tal-Unjoni, liema kundizzjoni tista’ titqajjem kontra l-applikazzjoni tal-konvenuti fil-kawża prinċipali, fil-fehma tiegħi, it-tielet domanda għandha tinftiehem li hija intiża li tistaqsi jekk l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni biss għall-membri l-oħra tal-familja li jkunu rrisjedew fl-istess Stat Membru bħal taċ-ċittadin tal-Unjoni, qabel ma dan ikun stabbilixxa ruħu fl-Istat Membru ospitanti.

31.

Fl-aħħar nett, permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata tal-marġni ta’ manuvra li d-Direttiva 2004/38 tħalli lill-Istati Membri fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ rikonoxximent ta’ dritt ta’ dħul u ta’ residenza lill-membri l-oħra tal-familja, u, b’mod iktar partikolari, fuq il-possibbiltà tal-Istati Membri li jissuġġettaw il-ħruġ jew it-tiġdid ta’ permess ta’ residenza għal kundizzjonijiet marbuta man-natura jew mat-tul tar-rabta ta’ dipendenza li trid teżisti bejn l-applikant u ċ-ċittadin tal-Unjoni.

32.

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx fuq il-portata tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, id-deċiżjonijiet li fihom hija interpretat dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva huma xorta waħda xhieda tal-metodu ta’ raġunar li hija tkun bi ħsiebha ssegwi u, għalhekk, jippermettu li jiġi żviluppat metodu ta’ interpretazzjoni li jista’ japplika għal din id-dispożizzjoni u li ser jaffettwa r-risposta għad-diversi domandi.

33.

Mill-ġurisprudenza jirriżultaw erba’ regoli ta’ interpretazzjoni.

34.

L-ewwel nett, abbażi tal-premessa 3 tad-Direttiva 2004/38 li tipprovdi li din id-direttiva għandha, b’mod partikolari, l-għan li ssaħħaħ id-dritt ta’ libertà ta’ moviment u ta’ residenza taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ir-regola li ċ-ċittadini tal-Unjoni ma jistgħux inisslu inqas drittijiet minn din id-direttiva milli minn dawk l-atti ta’ dritt sekondarju li din temenda jew tħassar ( 9 ).

35.

It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni teleoloġika u utli, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-għan tagħhom ( 10 ). F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 jirrispondi għal żewġ preokkupazzjonijiet addizzjonali.

36.

L-ewwel għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu taċ-ċittadin tal-Unjoni. B’hekk, il-premessa 1 tad-Direttiva 2004/38 tfakkar li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni tagħti lil kull ċittadin tal-Unjoni dritt fundamentali u individwali li jiċċaqlaq u jgħix liberament fit-territorju tal-Istati Membri, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u għar-restrizzjonijiet stabbiliti mit-Trattati u għall-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom ( 11 ). F’din il-perspettiva, id-dritt għar-reunifikazzjoni tal-familja huwa mifhum li huwa korrelattiv mad-dritt ta’ moviment liberu taċ-ċittadin tal-Unjoni, billi jitlaq mill-idea li dan iċ-ċittadin jista’ jkun dissważ milli jiċċaqlaq minn Stat Membru għal ieħor jekk ma jkunx jista’ jiġi akkumpanjat mill-membri tal-familja tiegħu. Għalhekk, ir-reunifikazzjoni tal-familja tibbenefika minn protezzjoni konsegwenzjali, li tiġi eżerċitata b’mod indirett, minħabba l-preġudizzju li jista’ jsir lill-effettività taċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

37.

Mill-premessa 6 tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li t-tieni għan tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva huwa li jippromwovi l-unità tal-familja. Għalhekk, il-moviment tal-membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni ma huwiex esklużivament protett bħala dritt derivat tad-dritt ta’ moviment liberu taċ-ċittadin tal-Unjoni, għaliex dan jibbenefika wkoll minn protezzjoni permezz tad-dritt għall-ħarsien tal-unità tal-familja fis-sens wiesa’ tat-terminu.

38.

It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu prinċipju fundamentali bħal dak tal-moviment liberu tal-persuni għandhom jiġu interpretati b’mod estensiv u ma għandhomx jiċċaħħdu mill-effettività tagħhom ( 12 ). Għall-kuntrarju ta’ dan, hija adottat regola ta’ interpretazzjoni restrittiva tal-limiti mogħtija lil-libertà ta’ moviment ( 13 ).

39.

Ir-raba’ nett, skont ġurisprudenza ben stabbilita, jirriżulta mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma jkun fiha l-ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri biex jiddeterminaw is-sens u l-portata tagħha għandu normalment ikun suġġett, fl-Unjoni kollha, għal interpretazzjoni awtonoma u uniformi ( 14 ). Minn dan jirriżulta li, jekk l-abbozzar ta’ dispożizzjoni tad-Direttiva 2004/38 ma jippreċiżax il-mod li bih għandu jinftiehem il-kliem użat f’din id-dispożizzjoni u lanqas ma jagħmel riferiment għal-liġijiet nazzjonali fir-rigward tas-sinjifikat li għandu dan il-kliem, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, dan il-kliem għandu jitqies li jipprovdi għal kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju kollu tal-Istati Membri, b’mod partikolari, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest li fih jintuża dan il-kliem u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jifforma parti ( 15 ).

40.

Huwa b’riferiment għal dawn id-diversi regoli ta’ interpretazzjoni, li sejrin iservu ta’ prinċipji gwida, li jiena ser nipproċedi għall-eżami tad-diversi domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

2. L-eżami tad-diversi domandi

a) Fuq l-ewwel domanda

41.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq ssir taf jekk l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 jobbligax lill-Istati Membri li jieħdu miżuri intiżi li jiffaċilitaw id-dħul u r-residenza ta’ membri oħra tal-familja li jkunu ċittadini ta’ Stat terz, li jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva, u, fil-każ ta’ risposta affermattiva, x’inhi n-natura tal-miżuri imposti fuq l-Istati Membri.

42.

Għalkemm l-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva jirrepeti dispożizzjoni li, minkejja f’abbozzar kemmxejn differenti, kienet diġà tinsab fir-Regolament (KEE) tal-Kunsill Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità ( 16 ) u fid-Direttiva tal-Kunsill Nru 73/148/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1973, dwar l-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għal ċittadini ta’ Stati Membri f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment u l-provvista tas-servizzi ( 17 ), il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma kellhiex l-opportunità li tagħti indikazzjonijiet dwar il-portata eżatta tagħha. Barra minn hekk, minn analiżi komparattiva tal-metodi ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 fid-dritt tal-Istati Membri jirriżultaw diverġenzi sinjifikanti ( 18 ), li jagħmlu kjarifika iktar u iktar neċessarja.

43.

Jidhirli li huwa meħtieġ li jiġu fformulati żewġ osservazzjonijiet preliminari li jirrigwardaw il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-dispożizzjoni.

44.

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li għalkemm il-kwistjoni titqajjem f’kawża li tirrigwarda ċittadini ta’ Stat terz, din tista’ titqajjem ukoll għal ċittadini tal-Unjoni li, għalkemm għandhom, f’din il-kapaċità, dritt ta’ residenza personali u awtonomu, jitolbu li jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza derivat fil-kwalità tagħhom ta’ membri tal-familja ( 19 ). Il-kwistjoni tista’ titqajjem ukoll għall-persuni li, minħabba raġunijiet serji ta’ saħħa, iċ-ċittadin tal-Unjoni jkollu bilfors u b’mod personali jieħu ħsiebhom, kif ukoll għas-sieħeb jew għas-sieħba li miegħu jew magħha ċ-ċittadin tal-Unjoni jkollu relazzjoni stabbli, debitament iċċertifikata, peress li d-dħul u r-residenza ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni għandhom jiġu ffaċilitati wkoll.

45.

Sussegwentement, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, għalkemm id-Direttiva 2004/38 mingħajr dubju wessgħet il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-dritt għar-reunifikazzjoni tal-familja rikonoxxut lill-membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni, bl-inklużjoni f’din il-kategorija, iddefinita fl-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, tas-sieħeb jew tas-sieħba li miegħu jew magħha ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun ikkonkluda unjoni reġistrata, din tibqa’ madankollu relattivament restrittiva għaliex, minn naħa, għall-kuntrarju tal-leġiżlazzjoni preċedenti, hija tinkludi biss l-axxendenti u d-dixxendenti “diretti” u , min-naħa l-oħra, hija tissuġġetta r-rikonoxximent tal-kwalità ta’ membru tal-familja għal kundizzjonijiet ta’ età u ta’ dipendenza.

46.

Għalhekk, is-sentenza li ser tingħata, li ser tapplika għall-kategoriji kollha ta’ persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, hija ta’ importanza ferm partikolari, anki jekk din ma hijiex ser issolvi l-problemi kollha li tqajjem din id-dispożizzjoni, li għandha portata relattivament inċerta. Din ser ikollha importanza prattika, l-ewwel nett, għaliex jistgħu jkunu bosta l-każijiet li fihom ċittadini tal-Unjoni jkunu jixtiequ jiġu akkumpanjati jew magħquda ma’ membri tal-familja li ma jidħlux fid-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38. Sussegwentement, din għandha importanza teoretika għaliex din id-deċiżjoni ser tifforma parti mill-estensjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li għadha qiegħda tiġi żviluppata, li tikkontribwixxi għall-kostruzzjoni tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

47.

Jeżistu żewġ interpretazzjonijiet kompletament opposti.

48.

Skont interpretazzjoni estensiva, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 jista’ jinftiehem bħala li jobbliga lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri li jipprovdu, bħala regola ġenerali, għall-eżistenza ta’ dritt suġġettiv ta’ dħul u ta’ residenza speċjalment favur membri oħra tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni li jkunu dipendenti fuqu jew jgħixu f’daru.

49.

Skont interpretazzjoni minimalista, din id-dispożizzjoni tista’ tinftiehem bħala sempliċi stedina nieqsa minn valur ġuridiku vinkolanti. F’din il-perspettiva, l-Istati Membri huma biss inkoraġġiti jieħdu miżuri li jiffaċilitaw id-dħul u r-residenza ta’ membri oħra tal-familja u, barra minn hekk, ma jkunu suġġetti għall-ebda sanzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni. L-imsemmija dispożizzjoni, meqjusa bħala xewqa dwar l-aġir tal-Istati Membri jew bħala sempliċi rakkomandazzjoni, li ma torbothomx ( 20 ), tista’ tkun espressjoni ġdida ta’ “soft” law, nieqes minn kull natura vinkolanti.

50.

Jiena jidhirli li l-ebda waħda minn dawn l-interpretazzjonijiet “estremi” ma għandha tiġi adottata.

51.

Diversi argumenti jistgħu jitqajmu kontra l-interpretazzjoni estensiva.

52.

L-ewwel nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kliem stess tad-Direttiva 2004/38. Filwaqt li din tagħti dritt awtomatiku ta’ dħul u ta’ residenza favur il-“membri tal-familja” elenkati fl-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi biss li kull Stat Membru għandu “jiffaċilita” d-dħul u r-residenza tal-membri tal-familja estiża. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta b’mod ċar li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-ħsieb li jistabbilixxi distinzjoni, fil-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni, bejn il-membri l-iktar fil-qrib, li għandhom dritt reali u awtomatiku ta’ dħul u ta’ residenza maċ-ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti u l-membri tal-familja l-iktar fil-bogħod, li ma jibbenefikawx minn dritt suġġettiv ta’ dħul u ta’ residenza li jirriżulta mid-Direttiva 2004/38. Barra minn hekk, din tal-aħħar tipprovdi li kull Stat Membru għandu jiffaċilita d-dħul u r-residenza ta’ membri oħra tal-familja “skond il-leġislazzjoni nazzjonali [tiegħu]” u minn dan jista’ jiġi dedott li l-kostituzzjoni ta’ drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza ma tirriżultax direttament mid-Direttiva 2004/38, iżda tirriżulta neċessarjament mid-dritt intern tal-Istat Membru.

53.

Din id-distinzjoni hija kkorroborata mill-premessa 6 tad-Direttiva 2004/38, li tikkostitwixxi fattur determinanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva għaliex din il-premessa ġiet introdotta preċiżament minħabba x-xewqa ta’ kjarifika tal-portata ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, filwaqt li la l-proposta ppreżentata fit-23 ta’ Mejju 2001 mill-Kummissjoni ( 21 ), u lanqas il-proposta emendata li din ippreżentat fil-15 ta’ April 2003 ( 22 ), ma kienu jinkludu premessa ta’ spjegazzjoni, mill-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 6/2004, adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-5 ta’ Diċembru 2003 ( 23 ) jirriżulta li dan tal-aħħar żied il-premessa 6 “biex jiġi ċċarat il-kunċett ta’ faċilitar previst fl-Artikolu 3”. Issa, din il-premessa l-ġdida tqiegħed f’kuntrast il-persuni li jinsabu inklużi fid-definizzjoni ta’ membri tal-familja fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38, li jibbenefikaw minn dritt, ikklassifikat bħala “awtomatiku”, ta’ dħul u ta’ residenza, mal-membri l-oħra tal-familja li ma jibbenefikawx minn tali dritt.

54.

Lanqas l-interpretazzjoni minimalista ma hija konvinċenti.

55.

Mill-użu tal-preżent indikattiv użat fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, għandu jiġi dedott li, bi kliem imperattiv, din id-dispożizzjoni timponi formalment obbligu fuq l-Istati Membri biex jiffaċilitaw id-dħul u r-residenza ta’ membri oħra tal-familja.

56.

Għalhekk, fil-ħsieb tal-awturi tagħha, l-imsemmija dispożizzjoni kienet tabilħaqq meqjusa bħala dispożizzjoni li ma għandhiex in-natura ta’ xewqa, iżda li għandha, għall-kuntrarju ta’ dan, natura vinkolanti fir-rigward tal-Istati Membri, tkun xi tkun il-portata tal-marġni ta’ manuvra li tħallitilhom.

57.

Il-paragun tal-kliem tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 ma’ dak tal-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għar-reunifikazzjoni tal-familja ( 24 ) huwa sinjifikattiv. Filwaqt li mid-Direttiva 2004/38 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom “jiffaċilita[w]” id-dħul u r-residenza tal-membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni li ma humiex inklużi fid-definizzjoni tal-familja nukleari, huma “jistgħu […] jawtorizzaw”, skont id-Direttiva 2003/86, id-dħul u r-residenza ta’ axxendenti, ta’ tfal adulti mhux miżżewġa li ma humiex kapaċi li jipprovdu għall-bżonnijiet tagħhom stess u tas-sieħeb mhux miżżewweġ tal-isponsor li jkun ċittadin ta’ Stat terz.

58.

Għalhekk, jiena nemmen li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 ma joffrix sempliċi possibbiltà għall-Istati Membri, iżda jimponi fuqhom obbligu reali biex jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiffaċilitaw id-dħul u r-residenza tal-persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Għad irid jiġi determinat x’inhi s-sustanza u l-portata eżatta ta’ dan l-obbligu.

59.

Filwaqt li l-Gvern Daniż, il-Gvern Pollakk u dak tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni jikkunsidraw li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 jimplika biss obbligi ta’ natura proċedurali, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, AIRE Centre issostni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li minn dan tirriżulta “preżunzjoni ta’ ammissjoni”, b’tali mod li meta l-persuni li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ membri oħra tal-familja jistgħu jipproduċu l-prova meħtieġa fl-Artikolu 10(2)(e) ta’ din id-direttiva iżda ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet mitluba mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali humiex adegwati biex jagħtu effett sħiħ lill-preżunzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva.

60.

Fil-fehma tiegħi, huwa diffiċli li wieħed jikkontesta l-eżistenza ta’ obbligi ta’ natura proċedurali. Jiena naħseb li d-Direttiva 2004/38 tobbliga lill-Istati Membri biex tal-inqas jipprovdu l-possibbiltà għall-persuni li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li jiksbu deċiżjoni dwar it-talba tagħhom ta’ dħul u ta’ residenza, li tkun ibbażata fuq eżami ddettaljat tas-sitwazzjoni personali tagħhom u li, fil-każ ta’ ċaħda, tkun immotivata u tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja.

61.

Din l-interpretazzjoni tal-portata tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 tikkorrispondi mar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, hekk kif din tirriżulta mill-premessa 6 ta’ din id-direttiva, li tipprovdi li l-Istat Membru ospitanti għandu jagħmel eżami tas-sitwazzjoni tal-applikant, billi jieħu inkunsiderazzjoni diversi ċirkustanzi, bħar-relazzjoni tiegħu maċ-ċittadin tal-Unjoni jew id-dipendenza finanzjarja jew fiżika tiegħu fuq dan tal-aħħar.

62.

Fuq kollox, jidhirli li din hija sostnuta mill-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, li jipprovdi espressament li l-Istat Membru ospitanti “għandu jaffettwa eżami estensiv taċ-ċirkostanzi personali u għandu jiġġustifika kwalunkwe tiċħid ta’ dħul jew ta’ residenza lil dawn in-nies [imsemmija fil-ewwel subparagrafu]”.

63.

Min-naħa l-oħra, jiena ma naqbilx mal-opinjoni ta’ AIRE Centre li l-membri l-oħra tal-familja jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ ammissjoni. L-ewwel nett, jidhirli li r-rekwiżit ta’ rabta ta’ dipendenza maċ-ċittadin tal-Unjoni imposta fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2004/38 ma hijiex preżunzjoni, iżda kundizzjoni preċedenti għall-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni. Sussegwentement, jidhirli li r-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ta’ ammissjoni li tirriżulta direttament minn din id-direttiva hija kuntrarja għar-riferiment għad-dritt tal-Istati Membri biex jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-ksib tad-dritt ta’ dħul u ta’ residenza li timplika l-frażi “skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali [tagħhom]”.

64.

L-obbligu ta’ ffaċilitar huwa fformulat fi kliem ġenerali li jħalli marġni ta’ manuvra wiesa’ lil kull Stat Membru, li d-daqs tiegħu huwa enfasizzat għal darb’oħra bir-riferiment espliċitu għal-leġiżlazzjoni nazzjonali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma tista’ tiġi dedotta l-ebda preżunzjoni ta’ ammissjoni. Fil-fehma tiegħi, id-Direttiva 2004/38 timponi biss ċertu livell ta’ armonizzazzjoni permezz ta’ dispożizzjoni li fiha biss rekwiżiti minimi u li, barra minn hekk, tħalli li jeżistu differenzi bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza tal-persuni msemmija fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva.

65.

Dan ma jfissirx li l-Istati Membri għandhom libertà assoluta biex, skont il-bona volontà tagħhom, jiffaċilitaw id-dħul u r-residenza tal-persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

66.

Għalkemm, bħala regola, dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkun fiha riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri ma tistax tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni awtonoma u uniformi ( 25 ), hemm lok, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jiġi eżaminat, b’mod preċiż, il-kliem eżatt tar-riferiment magħmul lejn il-liġijiet nazzjonali sabiex il-marġni ta’ manuvra mogħti lill-Istati Membri jiġi limitat b’mod preċiż ( 26 ).

67.

Fil-fehma tiegħi, il-preċiżjoni tal-kliem użat mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 sabiex jiġi ddefinit, anki jekk permezz ta’ esklużjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni rationae personae tal-obbligu ta’ ffaċilitar, timplika interpretazzjoni awtonoma u uniformi tal-kunċetti utilizzati f’din id-dispożizzjoni sabiex ikunu jistgħu jiġu ddefiniti l-benefiċjarji tagħha, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe marġni ta’ diskrezzjoni. Minn dan isegwi li Stat Membru ma jistax inaqqas il-kamp ta’ applikazzjoni, kemm direttament, billi jiddeċiedi, pereżempju, li jeskludi mill-benefiċċju tal-miżuri ta’ ffaċilitar il-membri tal-familja fil-linja diretta lil hinn minn ċerta relazzjoni ta’ parentela, jew saħansitra dawk f’relazzjoni kollaterali, jew ukoll is-sieħeb jew is-sieħba li miegħu jew magħha ċ-ċittadin tal-Unjoni jkollu relazzjoni stabbli, jew indirettament, billi jipprovdi għal kundizzjonijiet li jkollhom l-għan jew l-effett li jeskludu ċerti kategoriji ta’ benefiċjarji. Jidhirli li ma huwiex possibbli li, pereżempju, id-drittijiet rikonoxxuti lis-sieħeb jew lis-sieħba li miegħu jew magħha ċ-ċittadin tal-Unjoni jkollu relazzjoni stabbli jkunu suġġetti għal rekwiżit ta’ unjoni rreġistrata jew għal kundizzjoni li permezz tagħha l-unjoni rreġistrata titqies bħala ekwivalenti għaż-żwieġ, bħal dik li tirriżulta fl-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2004/38.

68.

Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri jinkludi limitazzjoni doppja.

69.

L-ewwel nett, skont il-kriterju li jirriżulta mis-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello ( 27 ), tal-14 ta’ Ottubru 2008, Grunkin u Paul ( 28 ), kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2010, Sayn-Wittgenstein ( 29 ), ripetut fis-sentenza McCarthy, iċċitata iktar ’il fuq ( 30 ), il-miżura nazzjonali inkwistjoni ma għandux ikollha l-effett li tostakola b’mod mhux ġustifikat l-eżerċizzju tad-dritt taċ-ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri. Jidhirli li tali ostaklu jkun identifikat jekk jiġi stabbilit li ċ-ċittadin tal-Unjoni kien obbligat li jitlaq mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jew, a fortiori, li jitlaq minn dak tal-Unjoni kollha kemm hi. Barra minn hekk, f’dan l-aħħar każ, skont il-preċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et ( 31 ), tirriżulta ċaħda tat-tgawdija effettiva tal-parti ’l kbira tad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jimplika r-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza favur il-membri tal-familja, għaliex dan il-kunċett jintuża mill-Qorti tal-Ġustizzja mhux biss bħala fattur ta’ rabta mad-dritt tal-Unjoni sabiex jiġu inklużi fl-isfera protettiva ta’ dan id-dritt sitwazzjonijiet li fin-nuqqas ta’ element transkonfinali jkunu normalment esklużi, iżda wkoll bħala regola sostantiva, għaliex it-tgawdija effettiva tad-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni twassal biex jingħata dritt ta’ residenza favur il-membri tal-familja tiegħu.

70.

It-tieni nett, il-marġni ta’ diskrezzjoni li minnu jibbenefikaw l-Istati Membri huwa limitat mill-obbligu li jiġi rrispettat id-dritt għal ħajja privata u tal-familja, stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta, li kisbet l-istess valur ġuridiku bħat-trattati b’riżultat tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE.

71.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li d-dritt fundamentali għall-ħajja tal-familja jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Fis-sentenza tagħha Metock et, iċċitata iktar ’il fuq, hija ppreċiżat li “kieku ċ-ċittadini tal-Unjoni ma kellhomx id-dritt li jkollhom ħajja ta’ familja normali fl-Istat Membru ospitanti, l-eżerċizzju tal-libertajiet mogħtija lilhom mit-Trattat ikun serjament ostakolat”  ( 32 ). Fis-sentenza tagħha Dereci et, iċċitata iktar ’il fuq, filwaqt li fakkret li l-Artikolu 7(1) tal-Karta jinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 ( 33 ), u li l-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ artikoli għandu jingħata l-istess sens u l-istess portata bħal dak mogħti lit-tieni wieħed, hekk kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-qorti tar-rinviju kellha teżamina jekk iċ-ċaħda tad-dritt ta’ residenza lill-applikanti, ċittadini ta’ pajjiżi terzi u membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, kinitx tikser id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja ( 34 ).

72.

B’mod ripetut, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-Artikolu 8 tal-KEDB ma jiggarantixxix lill-persuni barranin “id-dritt li jagħżlu l-iktar post opportun biex jiżviluppaw ħajja tal-familja” ( 35 ) u ma kienx jimponi fuq Stat “l-obbligu ġenerali li jirrispetta l-għażla, magħmula minn koppji miżżewġa, dwar ir-residenza komuni tagħhom u li jippermetti r-reunifikazzjoni tal-familja fit-territorju tiegħu” ( 36 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, hija kkunsidrat li dan l-artikolu jista’ jagħti lok għal obbligi pożittivi inerenti għar-rispett effettiv tal-ħajja tal-familja ( 37 ), li jistgħu jinvolvu li l-Istat ikun marbut li jħalli lil persuna tidħol fit-territorju tiegħu.

73.

Abbażi ta’ din l-interpretazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li anki jekk il-KEDB ma tiggarantixxi l-ebda dritt għal persuna barranija li tidħol jew tirrisjedi fit-territorju ta’ pajjiż partikolari, it-tneħħija ta’ persuna minn pajjiż fejn jgħixu l-qraba viċini tagħha tista’ tammonta għal indħil fid-dritt għar-rispett għall-ħajja tal-familja kif iggarantit mill-Artikolu 8(1) tal-KEDB. Tali ndħil jikser il-KEDB jekk dan ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-paragrafu 2 tal-istess artikolu, jiġifieri, jekk dan ma jkunx “previst mil-liġi”, ispirat minn għan jew diversi għanijiet leġittimi fid-dawl tal-imsemmi paragrafu, u “neċessarju f’soċjetà demokratika”, jiġifieri, “ġustifikat minn bżonn soċjali imperattiv” u, b’mod partikolari, proporzjonat mal-għan leġittimu mfittex ( 38 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

74.

Għalhekk, it-teħid flimkien tad-dritt ta’ residenza marbut maċ-ċittadinanza tal-Unjoni u ta’ protezzjoni tal-ħajja privata u tal-familja, bħal dak implementat mid-dritt tal-Unjoni, jista’ jwassal għall-kostituzzjoni ta’ dritt ta’ residenza favur membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni.

75.

Jidhirli li dan id-dritt ma għandux jiġi rriżervat għall-membri tal-familja l-iktar fil-qrib. Għalkemm l-Artikolu 8 tal-KEDB jiggarantixxi biss l-eżerċizzju tad-dritt għar-rispett ta’ ħajja tal-familja “eżistenti”, u għalkemm, fil-qasam speċifiku ta’ dħul, ta’ residenza u ta’ tkeċċija ta’ persuni li ma humiex ċittadini ġie deċiż li l-familja għandha tiġi limitata għan-“nukleu tal-familja” ( 39 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali], madankollu, bħala regola ġenerali, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tadotta interpretazzjoni estensiva tal-familja ( 40 ) li hija kkaratterizzata bil-preżenza ta’ elementi ġuridiċi jew fattwali li jindikaw l-eżistenza ta’ relazzjoni personali mill-qrib, li jippermetti, pereżempju, li taħt ċerti kundizzjonijiet jiġu inklużi r-relazzjonijiet bejn in-nanniet u n-neputijiet ( 41 ), jew ir-relazzjonijiet bejn l-aħwa ( 42 ). Relazzjonijiet de facto li jaqgħu barra minn kwalunkwe rabta ta’ parentela ġew ukoll ikklassifikati bħala “ħajja tal-familja” ( 43 ).

76.

Fil-fehma tiegħi, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jipprekludi li tiġi adottata definizzjoni tal-familja mfassla fuq ġeometrija varjabbli skont jekk il-membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat humiex, huma stess, ċittadini tal-Unjoni jew ċittadini ta’ Stat terz. Għad-delimitazzjoni tal-perimetru tad-dritt fundamentali tal-ħajja privata u tal-familja, il-kunċett ta’ familja lanqas ma jista’ jvarja skont ir-rikonoxximent tad-definizzjonijiet ftit jew wisq restrittivi mogħtija lilhom mid-dispożizzjonijiet ta’ dritt sekondarju.

77.

Minn dan jiena niddeduċi li, bħala regola ġenerali, id-dritt fundamentali tal-ħajja privata u tal-familja jista’ jitqajjem mill-kategoriji kollha tal-persuni msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38.

78.

Fir-rigward tal-pożizzjoni tal-konvenuti fil-kawża prinċipali, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ fatt imqajma fid-deċiżjoni ta’ rinviju, ma ġiex stabbilit li ċ-ċaħda tal-ħruġ ta’ permess ta’ residenza mill-awtoritajiet tar-Renju Unit lil ħu, lil ħu l-istess omm iżda mhux l-istess missier jew viċiversa, u lin-neputi ta’ M. Rahman twassal għal ksur tal-ħajja privata u tal-familja ta’ M. Rahman. Madankollu, fil-fehma tiegħi, din il-kwistjoni tista’ tiġi riżolta biss każ b’każ, skont il-fatti partikolari ta’ kull każ, u għalhekk tidħol taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali, li għandha tivverifika jekk jeżistix preġudizzju sproporzjonat għall-ħajja privata u tal-familja ta’ M. Rahman.

79.

Minn dak li ntqal, jiena nikkonkludi :

minn naħa, li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri li jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiffaċilitaw id-dħul u r-residenza fit-territorju tagħhom tal-persuni kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li jimplika li l-persuni kkonċernati għandu jkollhom il-possibbiltà li jiksbu dritt ta’ dħul u ta’ residenza wara eżami ddettaljat tal-applikazzjoni tagħhom, bit-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni personali tagħhom u, fil-każ ta’ ċaħda, deċiżjoni biżżejjed immotivata li tista’ tkun is-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja. L-imsemmija dispożizzjoni ma tobbligax lill-Istati Membri li jirrikonoxxu dritt awtomatiku ta’ dħul u ta’ residenza lill-membri l-oħra tal-familja, ċittadini ta’ Stat terz, li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 10(2)(e) ta’ din id-direttiva, u

min-naħa l-oħra, li d-dritt primarju tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-familja, u l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 jipprekludu li Stat Membru jiċħad ir-residenza fit-territorju tiegħu lil ċittadin ta’ Stat terz li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni, meta dan iċ-ċittadin ikun bi ħsiebu jirrisjedi ma’ membru tal-familja tiegħu li jkun ċittadin tal-Unjoni, peress li tali ċaħda għandha l-effett li tostakola b’mod mhux iġġustifikat l-eżerċizzju tad-dritt taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat li jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri jew tippreġudika b’mod sproporzjonat id-dritt tiegħu għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

b) Fuq it-tieni domanda

80.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq issir taf jekk l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 jistax jitqajjem minn membru ieħor tal-familja li ma jkunx jista’ jissodisfa r-rekwiżiti imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

81.

Mingħajr ma huwa neċessarju li nidħol fid-dettall dwar il-prinċipji, ben stabbiliti, li jirregolaw l-effett dirett tad-direttivi, jiena nfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li “fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mil-lat tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u preċiżi biżżejjed, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu invokati, fin-nuqqas ta’ miżuri għall-implementazzjoni adottati fit-terminu preskritt, kontra kull dispożizzjoni nazzjonali li ma hijiex konformi mad-direttiva, jew ukoll jekk dawn id-dispożizzjonijiet jkunu tali li jiddefinixxu drittijiet li l-individwi jistgħu jinvokaw kontra l-Istat” ( 44 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Xi kultant, il-Qorti tal-Ġustizzja tinjora r-rekwiżit doppju ta’ preċiżjoni u ta’ inkundizzjonalità biex tinteressa ruħha biss fil-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri u, f’dan il-każ, issejjaħ lill-qorti nazzjonali biex tivverifika jekk il-leġiżlatur nazzjonali baqax fil-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni ddefinit bid-direttiva ( 45 ).

82.

Hekk kif diġà ġie rrilevat, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 fih obbligu speċifiku li permezz tiegħu l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-possibbiltà għall-persuni li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni biex jiksbu dritt ta’ dħul u ta’ residenza wara eżami ddettaljat tal-applikazzjoni tagħhom. Dan l-obbligu minimu ta’ natura proċedurali fih il-karatteristika doppja ta’ preċiżjoni u ta’ inkundizzjonalità li hija meħtieġa biex dispożizzjoni li tinsab f’direttiva tkun tista’ tagħti effett dirett.

83.

Minkejja l-marġni ta’ manuvra relattivament sinjifikanti li l-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari biex jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ drittijiet ta’ dħul jew ta’ residenza, jiena enfasizzajt li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ma jistgħux jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 billi jirrestrinġu direttament jew indirettament il-kategoriji tal-benefiċjarji. Għalhekk jiena nikkunsidra li l-individwi li jiġu esklużi mill-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet ta’ dritt intern li jittrasponu l-obbligu ta’ ffaċilitar minħabba rekwiżiti speċifiċi li ma humiex previsti minn din id-direttiva, jistgħu jipprevalixxu ruħhom mill-inkompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva, quddiem il-qorti nazzjonali.

84.

Fir-rigward, b’mod partikolari, tas-sitwazzjoni tal-konvenuti fil-kawża prinċipali, jekk jiġi stabbilit li dawn jidħlu effettivament fil-kategorija ta’ membri oħra tal-familja li jkunu dipendenti fis-sens tad-Direttiva 2004/38, dawn ikunu jistgħu jikkontestaw iċ-ċaħda ta’ eżaminazzjoni tal-applikazzjoni tagħhom, abbażi tal-fatt li huma ma kinux residenti fl-Istess Stat bħal tal-konjuġi Rahman qabel ma dawn stabbilixxew ruħhom fir-Renju Unit ( 46 ).

85.

Għar-raġunijiet preċedenti, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi t-tieni domanda billi ssostni li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 jagħti lill-membri l-oħra tal-familja li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni, id-dritt li jqajmuha quddiem qorti nazzjonali sabiex, b’mod partikolari, tiġi injorata l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti speċifiċi li jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

c) Fuq it-tielet u r-raba’ domandi

86.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq issir taf jekk il-kategorija tal-membri l-oħra tal-familja, imsemmija fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2004/38, hijiex limitata jew le għal dawk li rrisjedew fl-istess Stat Membru bħal taċ-ċittadin tal-Unjoni u l-konjuġi tiegħu, qabel ma ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun stabbilixxa ruħhu fl-Istat Membru ospitanti.

87.

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-istat ta’ dipendenza fir-rigward taċ-ċittadin tal-Unjoni jew tal-konjuġi tiegħu, mitlub fl-Artikolu 3(2)(a) ta’ din id-direttiva, għandux ikun eżista ftit qabel ma ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun stabbilixxa ruħhu fl-Istat Membru ospitanti.

88.

Preliminarjament infakkar li, skont il-prinċipju stabbilit fil-punt 39 tal-Konklużjonijiet preżenti u l-interpretazzjoni tar-riferiment għad-dritt tal-Istati Membri li jiena għadni kif issuġġerejt, jiena nikkunsidra li l-kunċetti użati fl-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva għad-definizzjoni tal-benefiċjarji ta’ din id-dispożizzjoni għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni awtonoma u uniformi.

89.

Sa fejn l-imsemmija dispożizzjoni tapplika għal kwalunkwe membru ieħor tal-familja, kemm jekk dawn ikunu “dipendenti jew [ ( 47 )] membri tad-dar taċ-ċittadin tal-Unjoni”, jiena, bħall-Kummissjoni, nikkunsidra li għandha ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni ta’ persuni “dipendenti” u dik ta’ persuni li jkunu “membri tad-dar” taċ-ċittadin tal-Unjoni.

90.

Għalkemm jidhirli li huwa ovvju li l-membru tal-familja li jiddikjara li jgħix f’dar iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu juri li huwa jgħix miegħu u, għalhekk, bilfors fl-istess Stat, jiena nikkunsidra li, għall-kuntrarju, membru tal-familja “dipendenti” ma jistax jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2004/38 minħabba li dan ma rrisjediex fl-istess Stat Membru bħal taċ-ċittadin tal-Unjoni li jixtieq jakkumpanjah jew jingħaqad miegħu. Din l-opinjoni hija bbażata kemm fuq raġunijiet marbuta mal-abbozzar tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u mal-għan tagħha, kif ukoll mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

91.

Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-membri tal-familja li d-dħul u r-residenza tagħhom għandhom jiġu ffaċilitati mill-Istati Membri huma ddefiniti, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) tal-imsemmija direttiva, bħala dawk li “fil-pajjiż li ġejjin minnu” huma dipendenti jew jgħixu f’dar iċ-ċittadin tal-Unjoni li jibbenefika mid-dritt ta’ residenza prinċipali. Ma hemm xejn fl-abbozzar ta’ din id-dispożizzjoni li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-espressjoni ġenerali “pajjiż li ġejjin minnu”, li tinkludi kemm l-Istati Membri kif ukoll Stati terzi, għandha tirrigwarda biss l-Istat tal-Unjoni minn fejn ikun ġej iċ-ċittadin tal-Unjoni li jkun eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu. Barra minn hekk, ċerti verżjonijiet lingwistiċi juru li l-kunċett ta’ “pajjiż li ġejjin minnu” huwa bilfors marbut mal-membri tal-familja u mhux maċ-ċittadin tal-Unjoni ( 48 ).

92.

Bl-istess mod, l-Artikolu 10(2)(e) tad-Direttiva 2004/38, li jelenka b’mod eżawrjenti d-dokumenti li ċ-ċittadini ta’ Stat terz li jidħlu fil-kategorija msemmija fl-Artikolu 3(2)(a) ta’ din id-Direttiva jistgħu jintalbu jippreżentaw lill-Istat Membru ospitanti sabiex jiksbu l-ħruġ ta’ karta ta’ residenza, jipprovdi li dawn id-dokumenti jistgħu jinħarġu mill-awtorità kompetenti “tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-pajjiż li ġejjin minnu”, mingħajr ma jipprovdi għall-possibbiltà tal-Istat Membru ospitanti li jeżiġi dokumenti li jiġġustifikaw residenza fl-istess Stat bħal taċ-ċittadin tal-Unjoni.

93.

Dan il-qari huwa kkonfermat mill-għan tad-Direttiva 2004/38, li huwa intiż li jiffaċilita l-moviment liberu taċ-ċittadin tal-Unjoni u li jżomm fis-seħħ l-unità tal-familja tiegħu, irrispettivament minn kwalunkwe kunsiderazzjoni marbuta mal-oriġini jew mal-provenjenza tal-membri l-oħra tal-familja.

94.

Il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet approċċ identiku biex tiddefinixxi l-kunċett ta’ dixxendenti jew ta’ axxendenti dipendenti, hekk kif dan kien jinsab fl-atti preċedenti għad-Direttiva 2004/38, li kienu jirregolaw il-moviment liberu tal-ħaddiema impjegati u tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom kif ukoll il-fornituri ta’ servizzi.

95.

Mhux talli ma ssuġġettatx l-eżistenza ta’ rabta ta’ dipendenza għal kwalunkwe kundizzjoni marbuta ma’ residenza preċedenti tal-membru tal-familja u taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-istess Stat, iżda din iddeċidiet li l-kwalità ta’ membru tal-familja “dipendenti” tirriżulta minn sitwazzjoni ta’ fatt ikkaratterizzata mill-fatt li s-sostenn materjali tal-membru tal-familja huwa żgurat miċ-ċittadin tal-Unjoni li jkun għamel użu mil-libertà tal-moviment jew mill-konjuġi tiegħu ( 49 ).

96.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 73/148, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-ħtieġa ta’ sostenn materjali għandha teżisti fl-Istat ta’ oriġini jew ta’ provenjenza tal-axxendenti “fil-mument meta dan jitlob biex jingħaqad maċ-ċittadin tal-Unjoni” ( 50 ).

97.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-konklużjoni kienet tapplika fir-rigward tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 68/360/KEE, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fi ħdan il-Komunità għall-ħaddiema ta’ Stati Membri u l-familji tagħhom ( 51 ), li kien jipprovdi li l-prova tal-kwalità ta’ axxendenti dipendenti fuq il-ħaddiem impjegat jew fuq il-konjuġi tiegħu fis-sens tal-Artikolu 10 tar-Regolament 1612/68 għandha ssir bil-preżentazzjoni ta’ dokument maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-“Istat ta’ oriġini jew ta’ provenjenza”, li jiċċertifika li l-axxendenti kkonċernat huwa dipendenti fuq l-imsemmi ħaddiem jew fuq il-konjuġi tiegħu ( 52 ).

98.

Għalxejn nipprova nfittex ir-raġunijiet li jistgħu jwasslu għall-adozzjoni ta’ definizzjoni oħra tal-kunċett ta’ persuna “dipendenti” fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2004/38, u għall-issuġġettar ta’ din il-kwalifikazzjoni għal kundizzjoni ta’ residenza fl-istess Stat bħal taċ-ċittadin tal-Unjoni.

99.

Barra minn hekk, xejn ma jidhirli li jista’ jiġġustifika li jiġi rikjest li s-sitwazzjoni ta’ dipendenza trid tkun teżisti ftit qabel ma ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun stabbilixxa ruħu fl-Istat Membru ospitanti, peress li l-fattur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa l-mument li fih issir l-applikazzjoni għal dħul u għal residenza. Jekk id-dipendenza kienet teżisti fil-mument ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, iżda din tkun ġiet interrotta sussegwentement, il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/38 ma tkunx sodisfatta. Min-naħa l-oħra, jekk is-sitwazzjoni ta’ dipendenza tinħoloq wara d-dħul taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, il-membru tal-familja jista’ jitqies li huwa “dipendenti”. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, ta’ ċittadin tal-Unjoni li wara li jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ libertà ta’ moviment, jispiċċa biex jieħu ħsieb neputi li l-ġenituri tiegħu jkunu għadhom kif mietu.

100.

Il-prinċipju ta’ interpretazzjoni, imfakkar fil-punt 34 tal-konklużjonijiet preżenti jwassal biex ir-regoli żviluppati mill-ġurisprudenza taħt is-sistema ta’ dispożizzjonijiet preċedenti għad-Direttiva 2004/38 jiġu trasposti mingħajr ma tkun tista’ titressaq l-ebda raġuni ta’ natura li tista’ tiġġustifika li l-kunċett ta’ persuna “dipendenti” jiġi evalwat b’mod differenti skont l-appartenenza taċ-ċittadin ikkonċernat ta’ Stat terz għall-kategorija ta’ membri tal-familja kkontemplata fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jew għall-kategorija ta’ membri oħra tal-familja kkontemplata fl-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva.

101.

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens :

li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-membri l-oħra tal-familja li jkunu rrisjedew fl-istess Stat bħal taċ-ċittadin tal-Unjoni, qabel ma dan ikun stabbilixxa ruħu fl-Istat Membru ospitanti, u

li l-kunċett ta’ persuna “dipendenti” ma jimplikax li r-rabta ta’ dipendenza tkun eżistiet ftit qabel ma ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun stabbilixxa ruħu fl-Istat Membru ospitanti.

d) Fuq il-ħames domanda

102.

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq issir taf jekk l-Istati Membri jistgħux jissuġġettaw id-dħul u r-residenza ta’ membru ieħor tal-familja għal kundizzjonijiet partikolari marbuta man-natura jew mat-tul tad-dipendenza msemmija fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2004/38.

103.

Ir-risposta għal din id-domanda tirriżulta bilfors mir-risposti preċedenti.

104.

Fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2004/38, il-kunċett ta’ persuna “dipendenti” għandu jkun is-suġġett ta’ definizzjoni uniformi u awtonoma, b’tali mod li l-obbligu ta’ ffaċilitar, interpretat li jimplika l-possibbiltà għall-kwalunkwe persuna li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li tikseb eżami ddettaljat tal-applikazzjoni tagħha u, fil-każ ta’ ċaħda, deċiżjoni biżżejjed immotivata, ma jistax jiġi suġġett għall-issodisfar ta’ kundizzjonijiet speċifiċi marbuta man-natura jew mat-tul tas-sitwazzjoni ta’ dipendenza.

105.

Min-naħa l-oħra, sa fejn nikkunsidra li din id-dispożizzjoni ma timplikax l-għoti awtomatiku ta’ dritt ta’ residenza, jiena ma nara l-ebda ostakolu ġenerali li Stat Membru jistabbilixxi kundizzjonijiet speċifiċi għall-ksib tad-dritt ta’ dħul u ta’ residenza sabiex jiggarantixxi r-realtà, l-effettività u t-tul tar-rabta ta’ dipendenza.

106.

Madankollu, dawn il-kundizzjonijiet għandhom josservaw il-prinċipju ta’ effettività, li jippresupponi li dawn ma jiġux redatti b’mod li l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jsir prattikament impossibbli. Minn dan jirriżulta li l-kundizzjonijiet imposti mill-Istati Membri ma għandhomx iċaħħdu, de facto, lill-persuni li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni minn kwalunkwe possibbiltà li jiksbu dritt ta’ dħul u ta’ residenza. Pereżempju, ma hijiex aċċettabbli dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li biex jibbenefika minn dritt ta’ residenza, iċ-ċittadin ta’ Stat terz irid juri li ilu dipendenti fuq iċ-ċittadin tal-Unjoni għal iktar minn 20 sena.

107.

Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet dwar in-natura jew it-tul tar-rabta ta’ dipendenza jistgħu jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-ammissjoni ta’ membri oħra tal-familja, li l-Istati Membri huma madankollu marbuta li jiffaċilitaw. Barra minn hekk, biex dawn ikunu aċċettabbli, iridu jfittxu għan leġittimu, ikunu tali li jiggarantixxu t-twettiq ta’ dan l-għan u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex dan l-għan jintlaħaq.

108.

Għalhekk jiena naħseb li l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2004/38 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dħul u r-residenza ta’ ċittadin ta’ Stat terz għal kundizzjonijiet marbuta man-natura jew mat-tul tar-rabta ta’ dipendenza, sakemm dawn il-kundizzjonijiet ifittxu għan leġittimu, ikunu tali li jiggarantixxu t-twettiq ta’ dan l-għan u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex dan l-għan jintlaħaq.

V – Konklużjoni

109.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), London, b’dan il-mod :

“1)

l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal Parlament Ewropew u tal Kunsill, tad 29 ta’ April 2004, dwar id dritt taċ ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li jħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jobbliga lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiffaċilitaw id-dħul u r-residenza fit-territorju tagħhom tal-persuni kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li jimplika li l-persuni kkonċernati għandhom il-possibbilità li jiksbu dritt ta’ dħul u ta’ residenza wara eżami ddettaljat tal-applikazzjoni tagħhom, bit-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni personali tagħhom u, fil-każ ta’ ċaħda, deċiżjoni biżżejjed immotivata, li tista’ tkun is-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja. L-imsemmija dispożizzjoni ma tobbligax li l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu dritt awtomatiku ta’ dħul u ta’ residenza lill-membri l-oħra tal-familja, li jkunu ċittadini ta’ Stat terz, li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 10(2)(e) tad-Direttiva 2004/38.

2)

Id-dritt primarju tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-familja, u l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 jipprekludu li Stat Membru jiċħad ir-residenza fit-territorju tiegħu lil ċittadin ta’ Stat terz li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni, meta dan iċ-ċittadin ikun bi ħsiebu jirrisjedi ma’ membru tal-familja tiegħu li jkun ċittadin tal-Unjoni, peress li tali ċaħda għandha l-effett li tostakola b’mod mhux iġġustifikat l-eżerċizzju tad-dritt taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat li jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri jew tippreġudika b’mod sproporzjonat id-dritt tiegħu għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

3)

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 jagħti lill-membri l-oħra tal-familja li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni, id-dritt li jqajmuha quddiem qorti nazzjonali sabiex, b’mod partikolari, tiġi injorata l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti speċifiċi li jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

4)

L-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens :

li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-membri l-oħra tal-familja li jkunu rrisjedew fl-istess Stat bħal taċ-ċittadin tal-Unjoni, qabel ma dan ikun stabbilixxa ruħu fl-Istat Membru ospitanti ;

li l-kunċett ta’ persuna “dipendenti” ma jimplikax li r-rabta ta’ dipendenza tkun eżistiet ftit qabel ma ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun stabbilixxa ruħu fl-Istat Membru ospitanti, u

li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dħul u r-residenza ta’ ċittadin ta’ Stat terz għal kundizzjonijiet marbuta man-natura jew mat-tul tar-rabta ta’ dipendenza, sakemm dawn il-kundizzjonijiet ifittxu għan leġittimu, ikunu tali li jiggarantixxu t-twettiq ta’ dan l-għan u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex dan l-għan jintlaħaq.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46.

( 3 ) Iktar ’il quddiem, il-“Karta”.

( 4 ) Iktar ’il quddiem, ir-“Regolament tal-2006”.

( 5 ) Ir-Regolament tal-2011 fuq l-immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea) (emenda) [Immigration (European Economic Area) (Amendment) Regulations 2011] issostitwixxa l-kliem “Stat taż-ŻEE” bil-kliem “pajjiż ieħor li ma huwiex ir-Renju Unit”. Jekk wieħed jissuponi li din l-emenda, li ġiet wara li ġiet adita l-Qorti tal-Ġustizzja, tapplika immedjatament għall-proċeduri pendenti, jidhirli li din ma hijiex ta’ natura li tikkontesta r-rilevanza tat-tielet domanda magħmula mill-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), London (ir-Renju Unit), peress li tibqa’ teżisti l-kundizzjoni ta’ residenza preċedenti fl-istess Stat bħal taċ-ċittadin tal-Unjoni.

( 6 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et (C-310/10, Ġabra p. I-5989, punti 25 u 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 7 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 37 tad-deċiżjoni tar-rinviju.

( 8 ) Ara l-punt 41 ta’ dik id-deċiżjoni. .

( 9 ) Ara s-sentenza tas-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (C-145/09, Ġabra p. I-11979, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 10 ) Ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, Ġabra p. I-6241, punt 68).

( 11 ) Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Ottubru 2010, Lassal (C-162/09, Ġabra p. I-9217, punt 29), u tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy (C-434/09, Ġabra p. I-3375, punt 27).

( 12 ) Ara s-sentenza Lassal, iċċitata iktar ’il fuq (punt 31).

( 13 ) Ara s-sentenza tas-3 ta’ Ġunju 1986, Kempf (139/85, Ġabra p. 1741, punt 13).

( 14 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Svezja (C-424/10 u C-425/10, Ġabra p. I-14035, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Ibidem (punti 33 u 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p.15. L-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1612/68 kien jipprovdi li “[l-]Stati Membri għandhom jiffaċilitaw id-dħul ta’ kwalunkwe membru tal-familja li ma jaqax taħt il-paragrafu 1 jekk ikun dipendenti fuq il-ħaddiem li saret referenza għalih hawn fuq jew ikun qed jgħix taħt is-saqaf tiegħu fil-pajjiż mnejn ġie”.

( 17 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p.167. L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 73/148 kien jipprovdi li “[l-] Istati Membri għandhom jiffavorixxu d-dħul ta’ kull membru ieħor tal-familja ta’ ċittadin imsemmi fil-paragrafu 1(a) jew (b) jew tal-konjuġi ta’ dak iċ-ċittadin, liema membru jkun jiddependi fuq dak iċ-ċittadin jew fuq il-konjuġi taċ-ċittadin jew li fil-pajjiż ta’ l-oriġini kien qed joqgħod taħt l-istess saqaf”.

( 18 ) Ara r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 [COM(2008) 840 finali]. F’dan ir-rapport, magħmul fl-10 ta’ Diċembru 2008, hemm ipprovdut li tlettax-il Stat Membru ma ttrasponewx korrettement l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, filwaqt li għaxar Stati Membri kienu estendew id-dritt awtomatiku ta’ residenza maċ-ċittadin tal-Unjoni għal din il-kategorija ta’ membri tal-familja (punt 3.1).

( 19 ) Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma jaħdimx u li ma jkollux riżorsi suffiċjenti biex jibbenefika, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38, minn dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur.

( 20 ) L-aħħar paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE.

( 21 ) Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu u jirrisjedu b’mod ħieles fit-territorju tal-Istati Membri [KUM (2001) 257 finali].

( 22 ) Proposta emendata għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu u jirrisjedu b’mod ħieles fit-territorju tal-Istati Membri [KUM (2003) 199 finali].

( 23 ) ĠU 2004, C 54 E, p. 12.

( 24 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224

( 25 ) A contrario, din il-proposta tista’ tiġi dedotta mir-regola ta’ interpretazzjoni mfakkra fil-punt 39 tal-konklużjonijiet preżenti.

( 26 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-26 ta’ Ġunju 2001, BECTU (C-173/99, Ġabra p. I-4881, punt 53).

( 27 ) C-148/02, Ġabra p. I-11613.

( 28 ) C-353/06, Ġabra p. I-7639.

( 29 ) C-208/09, Ġabra p. I-13693.

( 30 ) Punti 49 sa 53 ta’ din is-sentenza.

( 31 ) C-256/11, Ġabra p. I-11315, punt 66.

( 32 ) Punt 62.

( 33 ) Iktar ’il quddiem il-“KEDB”.

( 34 ) Sentenza Dereci et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 70 sa 72).

( 35 ) Ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Ahmut vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, tat-28 ta’ Novembru 1996, Ġabra ta’ Sentenzi u Deċiżjonijiet 1996-VI, p. 2030, § 71.

( 36 ) Ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Gül vs l-Isvizzera tad-19 ta’ Frar 1996, Ġabra ta’ Sentenzi u Deċiżjonijiet 1996-I, p. 174, § 38, kif ukoll is-sentenza Ahmut vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, § 67.

( 37 ) Ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Sen vs Il-Pajjiżi l-Baxxi tal-21 ta’ Diċembru 2001, Ġabra ta’ Sentenzi u Deċiżjonijiet 2001-I, § 31.

( 38 ) Sentenza tad-23 ta’ Settembru 2003, Akrich (C-109/01, Ġabra p. I-9607, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 39 ) Ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Slivenko vs Il-Latvja tad-9 ta’ Ottubru 2003, Ġabra ta’ Sentenzi u Deċiżjonijiet 2003-X, § 94.

( 40 ) Mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni li din tipproteġi, taħt l-aspett tal-ħajja privata, ir-relazzjonijiet li ma jistgħux jiġu protetti abbażi tad-dritt għall-ħajja tal-familja (ara s-sentenza Slivenko vs Il-Latvja, iċċitata iktar ’il fuq, § 95).

( 41 ) Ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Marckx vs Il-Belġju tat-13 ta’ Ġunju 1979, Serje A Nru 31, § 45.

( 42 ) Ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Moustaquim vs Il-Belġju tat-18 ta’ Frar 1991, Serje A Nru 193. Sabiex tikkonstata l-ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB li seħħ permezz tal-esplusjoni mill-Belġju ta’ ċittadin Marokkin, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tieħu inkunsiderazzjoni l-preżenza tal-aħwa fil-Belġju.

( 43 ) Ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza X, Y u Z vs Ir-Renju Unit, Ġabra ta’ Sentenzi u Deċiżjonijiet 1997-II, § 36.

( 44 ) Sentenza tat-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357, punt 11). Għal applikazzjoni ta’ din ir-regola fir-rigward ta’ dispożizzjoni tad-Direttiva 2004/38, ara s-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Aladzhov (C-434/10, Ġabra p. I-11659, punt 32).

( 45 ) Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C-127/02, Ġabra p. I-7405, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 46 ) Ara l-iżviluppi fir-risposta għat-tielet domanda.

( 47 ) Enfasizzata minni.

( 48 ) Pereżempju, il-verżjoni fil-lingwa Ingliża hija redatta b’dan il-mod:

“any other family members, irrespective of their nationality, not falling under the definition in punt 2 of Article 2 who, in the country from which they have come, are dependants or members of the household of the Union citizen […]”

( 49 ) Sentenza tad-9 ta’ Jannar 2007, Jia (C-1/05, Ġabra p. I-1, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 50 ) Ibidem (punt 37).

( 51 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 27.

( 52 ) Sentenza Jia, iċċitata iktar ’il fuq (punt 38).