SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

1 ta’ Marzu 2012 ( *1 )

“Protezzjoni tal-konsumaturi — Kuntratti nnegozjati barra mil-lok tan-negozju — Direttiva 85/577/KEE — Kamp ta’ applikazzjoni — Esklużjoni — Kuntratti ta’ assigurazzjoni unit linked”

Fil-Kawża C-166/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Audiencia Provincial de Oviedo (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Marzu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ April 2011, fil-proċedura

Ángel Lorenzo González Alonso

vs

Nationale Nederlanden Vida Cia De Seguros y Reaseguros SAE,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, E. Levits u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz, bħala aġent,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mill-lok tan-negozju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 262).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Ángel Lorenzo González Alonso u Nationale Nederlanden Vida Cia de Seguros y Reaseguros SAE (iktar ’il quddiem “Nationale Nederlanden”) dwar azzjoni intiża għat-tħassir ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni msejjaħ “unit linked” kif ukoll għall-ħlas lura ta’ primjums imħallsa minn Á. L. González Alonso fuq il-bażi ta’ dan il-kuntratt.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 3(2)(d) tad-Direttiva 85/577 jipprovdi:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall:

[…]

(d)

kuntratti ta’ assigurazzjoni”.

4

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Novembru 2002, li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 3, iktar ’il quddiem id-Direttiva “assigurazzjoni għall-ħajja”), intitolat “Il-qasam ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tikkonċerna l-bidu u l-insegwiment ta’ l-attività għal rashom ta’ assigurazzjoni diretta […] fil-forma ta’ l-attivitajiet definiti hawn taħt:

1)

l-assigurazzjonijiet li ġejjin meta huma fuq bażi kontrattwali:

(a)

assigurazzjoni;

(b)

annwitajiet;

[…]

[…]”

5

Skont l-Artikolu 35, intitolat “Il-perjodu ta’ kanċellament”, ta’ din id-direttiva:

“1.   Kull Stat Membru għandu jippreskrivi li titolari ta’ polza li jikkonkludi kuntratt individwali ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja għandu jkollu perjodu ta’ bejn 14 u 30 jum minn meta hu/hi kienu infurmaw li l-kuntratt ġie konkluż biex fih jiġi kkanċellat il-kuntratt.

In-notifika ta’ kanċellament mit-titolari tal-poloz għandu jkollha effett li tirrilaxxa lilu/lilha minn kwalunkwe obbligu futur li jirriżulta mill-kuntratt.

L-effetti l-oħra legali u l-kondizzjonijiet ta’ kanċellament għandhom jiġu determinati bil-liġi applikabbli għall-kuntratt kif definit fl-Artikolu 32, l-iktar fir-rigward ta’ l-arranġamenti biex it-titolari tal-polza jiġi infurmat li l-kuntratt ġie konkluż.

[…]”

6

L-Artikolu 36, intitolat “Informazzjoni għal titolari ta’ poloz”, ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt ta’ assigurazzjoni, mill-inqas l-informazzjoni elenkata fl-Anness III(A) għandha tiġi kkomunikata lit-titolari tal-polza.

[…]

4.   Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu u l-Anness II għandhom jiġu stabbiliti mill-Istat Membru ta’ l-impenn.”

7

L-Anness I, punt III tad-Direttiva assigurazzjoni għall-ħajja jsemmi, bħala “klassi” tal-assigurazzjoni diretta koperta minn din id-direttiva, “[l]-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b), li huma marbuta ma’ fondi ta’ investiment”.

8

Skont il-punt A(a)13 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, l-“[a]rranġamenti għal applikazzjoni tal-perjodu ta’ cooling-off” għandhom jiġu kkomunikati lit-titolari qabel il-konklużjoni tal-kuntratt.

L-Ewwel Direttiva 79/267/KEE

9

Skont l-Artikoli 1 tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 79/267/KEE, tal-5 ta’ Marzu 1979, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw l-aċċess għall-attività tal-assigurazzjoni diretta għall-ħajja u l-eżerċizzju tagħha (ĠU L 63, p. 1):

“Din id-direttiva tirrigwarda l-aċċess għall-attività bħala persuna li taħdem għal rasha tal-assigurazzjoni diretta […] u l-eżerċizzju tagħha fil-forma tal-attivitajiet definiti hawn taħt:

1.   l-assigurazzjonijiet li ġejjin, meta dawn joriġinaw minn kuntratt:

a)

l-assigrazzjoni għall-‘ħajja’ […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10

Il-punt III tal-Anness ta’ din id-direttiva tindika, bħala klassi tal-assigurazzjoni għall-ħajja, “[l]-assigurazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1)(a) […] li huma marbuta ma’ fondi ta’ investiment”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt nazzjonali

11

Id-Direttiva 85/577 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Spanjol permezz tal-Liġi 26/1991, dwar il-kuntratti konklużi barra mil-lok tan-negozju (Ley 26/1991, sobre contratos celebrados fuera de los establecimientos mercantiles), tal-21 ta’ Novembru 1991 (BOE Nru 283, tas-26 ta’ Novembru 1991). Il-Liġi 26/1991, li kienet fis-seħħ sal-1 ta’ Diċembru 2007, hija applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali.

12

Skont il-punt 3 tal-Artikolu 2(1) tagħha, il-Liġi 26/1991 ma tapplikax “għall-kuntratti ta’ assigurazzjoni”.

13

Fi kliem l-Artikolu 3(1) u (2) tal-Liġi 26/1991:

“1.   Il-kuntratt jew l-offerta kuntrattwali […] għandhom jiġu fformalizzati bil-miktub, f’żewġ kopji, flimkien ma’ dokument ta’ tħassir, u għandu jkollhom data u l-firma tal-konsumatur.

2.   Id-dokument tal-kuntratt għandu jkun fih […] riferiment ċar u preċiż għad-dritt tal-istess konsumatur li jħassar il-kunsens tiegħu kif ukoll għall-kundizzjonijiet u l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.”

14

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-liġi 26/1991, “il-kuntratt konkluż jew l-offerta ppreżentata bi ksur tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-artikolu preċedenti jista’ jiġi annullat fuq talba tal-konsumatur”.

Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fix-xahar ta’ Lulju tas-sena 2007, impjegat ta’ Nationale Nederlande żar lil Á. L. González Alonso fil-post tax-xogħol tiegħu sabiex jipproponilu prodott finanzjarju. Dan l-impjegat informah li l-prodott ikkonċernat jikkonsisti f’kont b’rendiment għoli li joffri lid-depożitant il-possibbiltà li jirkupra fi kwalunkwe mument il-kapital investit.

16

Il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li Á. L. González Alonso aċċetta l-offerta u ffirma serje ta’ dokumenti li inkludew assigurazzjoni msejħa “Segur Fondo Dinámico”, kwestjonarju tal-assigurazzjoni dwar informazzjoni tal-firmatarju u l-istat ta’ saħħa tiegħu kif ukoll awtorizzazzjoni intiża għall-bank tiegħu sabiex isir il-ħlas tal-primjums tal-assigurazzjoni. Mal-iffirmar ta’ dawn id-dokumenti, Nationale Nederlande bdiet tieħu direttament mill-kont bankarju ta’ Á. L. González Alonso l-ammont tal-primjums suċċessivi b’effett mit-3 ta’ Settembre 2007 sat-30 ta’ Mejju 2008, għal ammont totali ta’ EUR 3 083.30.

17

Á. L. González Alonso informa lil Nationale Nederlande, fix-xahar ta’ Lulju tas-sena 2008, li ried jirkupra l-ammont kollu tas-somom li kien ħallas. Din tal-aħħar irrifjutat li tgħaddilu dawn is-somom. Ikkonfrontat b’dan ir-rifjut, Á. L. González Alonso adixxa ’l-qrati ta’ Oviedo b’kawża skont l-Artikolu 4 tal-Liġi 26/1991, fejn talab l-annullament tal-kuntratt u l-ħlas lura tal-primjums imħallsa.

18

Skont l-Audiencia Provincial de Oviedo, adita fl-appell, id-dokument imsejjaħ “Segur Fondo Dinámico” ffirmat minn Á. L. González Alonso jinkludi assigurazzjoni għall-ħajja li fiha jidhru, bħala benefiċjarji indikati mit-titolari tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, l-assigurat kif ukoll uliedu, b’kapital assigurat ta’ ammont minimu ta’ EUR 3 000 f’każ ta’ mewt. Tipi oħra ta’ servizzi, li jiżnaturaw il-karatteristiċi tipiċi ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja u li jibdluh f’kuntratt imħallat, ġew miżjuda mal-assigurazzjoni. Fil-fatt, is-servizzi tipiċi ta’ dan il-kuntratt ta’ assigurazzjoni ngħaqdu ma’ dawk li jikkorrispondu fil-fatt għal prodott ta’ investiment finanzjarju.

19

Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-primjums imħallsa kull xahar mis-sottoskriventi jidhru intiżi għal investiment finanzjarju li fil-kuntest tiegħu l-klijent jista’ jagħżel it-tqassim tal-fondi tiegħu skont il-portafoll ta’ investimenti ppreżentat lilu. B’dan il-mod, fuq l-għażla ta’ Á. L. González Alonso, 30 % tal-primjums imħallsa huma destinati għal investiment f’fond intern ġestit minn Nationale Nederlande, 60 % għal investiment bi dħul varjabbli u 10 % huma destinati għal investiment bi dħul fiss.

20

Għalhekk, A. L. González Alonso, skont il-qorti tar-rinviju, issottoskriva għal kuntratt “unit linked”, ikkaratterizzat mill-fatt li l-kumpannija tal-assigurazzjoni ssostni biss ir-riskju attwarju, peress li r-riskju finanzjarju huwa ttrasferiet lit-titolari tal-kuntratt. Dan tal-aħħar jassumi l-imsemmi riskju bi skambju għal ċerti vantaġġi fiskali.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja l-esklużjoni tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/577, prevista fl-Artikolu 3(2)(d) tagħha, kif ukoll l-esklużjoni korrispondenti li tidher fil-punt 3 tal-Artikolu 2(1) tal-Liġi 26/1991, il-qorti tar-rinviju għandha dubji fir-rigward tal-inklużjoni possibbli tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, skont din il-qorti, tali interpretazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li f’diversi okkażjonijiet enfasizzat li l-esklużjonijiet previsti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/577 għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv.

22

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, fil-każ li prodott finanzjarju kkunsidrat li jagħmel parti mill-kuntratti unit linked jista’ jiġi inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/577, il-kundizzjonijiet formali rikjesti mill-Artikoli 3 u 4 tal-Liġi 26/1991 ikunu applikabbli għalih u, għalhekk, ikun possibbli li tiġi ppronunzjata n-nullità tal-kuntratt iffirmat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Audiencia Provincial de Oviedo ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 3(2)(d) tad-Direttiva 85/577 […] għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv u konsegwentement bħala li ma japplikax għal kuntratt innegozjat barra mil-lok tan-negozju u li joffri assigurazzjoni għall-ħajja bi skambju għall-ħlas kull xahar ta’ primjum intiż li jiġi investit, fi proporzjonijiet differenti, f’investimenti bi dħul fiss, f’investimenti bi dħul varjabbli u fi prodotti ta’ investiment finanzjarju tal-kumpannija inkwistjoni?”

Fuq id-domanda preliminari

24

Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk kuntratt konkluż barra mil-lok tan-negozju u li joffri assigurazzjoni għall-ħajja bi skambju għall-ħlas kull xahar ta’ primjum intiż li jiġi investit, fi proporzjonijiet differenti, f’investimenti bi dħul fiss, f’investimenti bi dħul varjabbli u fi prodotti ta’ investiment finanzjarju tal-kumpannija inkwistjoni huwiex eskluż, skont l-Artikolu 3(2)(d) tad-Direttiva 85/577, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

25

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li d-Direttiva 85/577 ma tipprovdi ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni. Barra minn hekk, din id-direttiva lanqas ma tirreferi espressament għad-dritt tal-Istati Membri dwar dan il-punt. Kif jirriżulta mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ trattament ugwali, is-sens tat-terminu “kuntratt ta’ assigurazzjoni” għandu jitfittex fid-dawl tal-kuntest li fih taqa’ din id-direttiva, u għandu jkollu, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Jannar 1982, Corman, 64/81, Ġabra p. 13, punt 8, u tas-6 ta’ Marzu 2008, Nordania Finans u BG Factoring, C-98/07, Ġabra p. I-1281, punt 17).

26

Fit-tieni lok, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, id-derogi mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni intiżi sabiex iħarsu lill-konsumaturi għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2001, Heininger, C-481/99, Ġabra p. I-9945, punt 31, u tal-15 ta’ April 2010, E. Friz, C-215/08, Ġabra p. I-2947, punt 32).

27

Madankollu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat, il-protezzjoni tal-konsumaturi prevista mid-Direttiva 85/577 ma hijiex assoluta u hija suġġetta għal ċerti limiti (ara s-sentenzi tal-10 ta’ April 2008, Hamilton, C-412/06, Ġabra p. I-2383, punti 39 u 40, kif ukoll E. Friz, iċċitat iktar ’il fuq, punt 44). L-esklużjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 85/577 jagħmlu parti minn dawn il-limiti. Interpretazzjoni stretta ħafna ta’ dawn l-esklużjonijiet ikollha l-konsegwenza li tneħħilhom l-effett utli tagħhom u ma tistax, għalhekk, tiġi sostnuta.

28

Fir-rigward tat-tip tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan jipprevedi, b’mod partikolari, assigurazzjoni għall-ħajja fis-sens strett tat-terminu. Għalhekk ma jidhirx li l-klassifikazzjoni ta’ tali kuntratt bħala “kuntratt ta’ assigurazzjoni” fis-sens tad-Direttiva 85/577 hija manifestament żbaljata. Minkejja li, fil-fatt, il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jagħti assigurazzjoni għall-ħajja bi skambju għall-ħlas kull xahar ta’ primjums intiżi li jiġu investiti f’investimenti bi dħul fiss u f’investimenti bi dħul varjabbli u kif ukoll fi prodotti finanzjarji, li r-riskju finanzjarju tagħhom huwa sostnut mit-titolari tal-assigurazzjoni, tali stipulazzjonijiet kuntrattwali ma humiex, madankollu, stipulazzjonijiet li ma humiex tas-soltu.

29

Għall-kuntrarju, il-kuntratti msejħa “unit linked” jew “marbuta ma’ fondi ta’ investiment”, bħalma huwa dak konkluż minn Á. L. González Alonso, huma komuni taħt id-dritt tal-assigurazzjoni. Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li dan it-tip ta’ kuntratt jaqa’ taħt klassi ta’ assigurazzjoni għall-ħajja, u dan kif jirriżulta espressament mill-punt III tal-Anness I tad-Direttiva “assigurazzjoni għall-ħajja” moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(a) ta’ din id-direttiva.

30

Barra minn hekk, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 85/577, l-assigurazzjonijiet marbuta ma’ fondi ta’ investiment kienu diġà kkunsidrati, skont l-Artikolu 1(1)(a) tal-Ewwel Direttiva 79/267 kif ukoll il-punt III tal-anness tagħha, bħala li jaqgħu fi klassi ta’ assigurazzjoni għall-ħajja. Madankollu, bl-adozzjoni tad-Direttiva 85/577, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma rrestrinġiex il-kunċett ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni fis-sens li dan ma jkoprix l-assigurazzjonijiet marbuta ma’ fondi ta’ investiment.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet fis-sens kuntrarju, għandu jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur tal-Unjoni, meta adotta d-Diretteva 85/577 u eskluda mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-kuntratti ta’ assigurazzjoni fl-intier tagħhom, qies il-kuntratti ta’ assigurazzjoni marbuta ma’ fondi ta’ investiment bħala kuntratti ta’ assigurazzjoni.

32

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-kuntratti ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

33

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2)(d) tad-Direttiva 85/577 ma teskludix mill-ewwel il-possibbiltà, għall-konsumaturi, li jirrinunzjaw, f’ċerti ċirkustanzi, għall-effetti ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni. Fil-fatt, id-Direttiva “assigurazzjoni għall-ħajja” tipprovdi, fl-Artikolu 35(1) tagħha, moqri flimkien mal-Artikolu 36 tagħha kif ukoll mal-punt A(a)13 tal-Anness III tagħha, id-dritt tat-titolari li jirrinunzja għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni. Madankollu, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet rikjesti għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt humiex sodisfatti fil-kawża mressqa quddiemha.

34

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għad-domanda mressqa għandha tingħata r-risposta li kuntratt konkluż barra mil-lok tan-negozju u li jagħti assigurazzjoni għall-ħajja bi skambju għall-ħlas kull xahar ta’ primjum intiż li jiġi investit, fi proporzjonijiet differenti, f’investimenti bi dħul fiss, f’investimenti bi dħul varjabbli u fi prodotti ta’ investiment finanzjarju tal-kumpannija inkwistjoni ma jaqax, skont l-Artikolu 3(2)(d) tad-Direttiva 85/577, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

Fuq l-ispejjeż

35

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi,

Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

Kuntratt konkluż barra mil-lok tan-negozju u li jagħti assigurazzjoni għall-ħajja bi skambju għall-ħlas kull xahar ta’ primjum intiż li jiġi investit, fi proporzjonijiet differenti, f’investimenti bi dħul fiss, f’investimenti bi dħul varjabbli u fi prodotti ta’ investiment finanzjarju tal-kumpannija inkwistjoni ma jaqax, skont l-Artikolu 3(2)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mill-lok tan-negozju, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.